IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.3.2023
COM(2023) 156 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
dwar il-Bank Ewropew tal-Idroġenu
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.3.2023
COM(2023) 156 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
dwar il-Bank Ewropew tal-Idroġenu
1.Introduzzjoni
L-idroġenu se jkollu rwol importanti fit-tranżizzjoni tal-UE għan-newtralità klimatika sal-2050 u fl-objettiv li ssir indipendenti mill-fjuwils fossili Russi ferm qabel l-2030. L-idroġenu huwa wkoll wieħed mill-oqsma strateġiċi tal-Istrateġija Industrijali l-ġdida tal-Kummissjoni, b’potenzjal sinifikanti li toħloq impjiegi ta’ kwalità. Mill-2020, l-Istrateġija tal-UE għall-Idroġenu 1 stabbiliet l-objettiv li jiġu prodotti sa 10 miljun tunnellata ta’ idroġenu rinnovabbli fl-UE. Il-pjan REPowerEU 2 jipproponi li dan l-għan jiġi kkomplementat billi sal-2030 ikunu ffaċilitati 10 miljun tunnellata ta’ importazzjonijiet ta’ idroġenu rinnovabbli.
Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet qafas leġiżlattiv komprensiv għall-produzzjoni, għall-konsum, għall-iżvilupp tal-infrastruttura u għar-regoli tas-suq għal suq futur tal-idroġenu, kif ukoll kwoti vinkolanti għall-konsum tal-idroġenu rinnovabbli fl-industrija u fit-trasport. Filwaqt li diversi proposti leġiżlattivi għadhom f’negozjati interistituzzjonali, huwa ċar li l-Unjoni Ewropea se tkun l-aktar reġjun avvanzat fid-dinja li jistabbilixxi qafas regolatorju li jħares ’il quddiem, prevedibbli u komprensiv biex jippromwovi l-użu rapidu ta’ idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fuq skala kontinentali. Fil-livell internazzjonali, l-UE qiegħda tiżviluppa sħubijiet ta’ benefiċċju għal kulħadd ma’ pajjiżi terzi, inkluż permezz tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles tagħha u fil-qafas tal-istrateġija Global Gateway, biex toħloq opportunitajiet għall-idroġenu fit-tranżizzjoni tagħhom lejn enerġija ekoloġika kif ukoll biex tappoġġa l-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw żieda fil-valur lokali.
F’Diċembru 2022, intlaħaq ftehim politiku dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-EU ETS, li tistabbilixxi kwoti bla ħlas għall-elettrolizzaturi li jipproduċu l-idroġenu, li żżid l-għadd ta’ kwoti allokati għall-Fond għall-Innovazzjoni u li tippermetti li jsiru rkantijiet fl-UE kollha fl-ambitu tal-Fond għall-Innovazzjoni.
B’mod parallel mal-progress leġiżlattiv, l-industrija Ewropea diġà żviluppat sensiela ta’ proġetti b’saħħithom tal-idroġenu. L-Alleanza Ewropea għall-Idroġenu Nadif identifikat 840 proġett tal-idroġenu fil-partijiet kollha tal-katina tal-valur 3 u hija l-bażi tal-ewwel proġetti tal-produzzjoni tal-azzar ibbażati fuq l-idroġenu fid-dinja. Sittax-il Stat Membru tal-UE adottaw strateġiji nazzjonali tal-idroġenu, li kollettivament jammontaw għal 40 GW ta’ kapaċità tal-elettrolizzaturi mmirata għall-2030, jew 5,6 miljun tunnellata ta’ idroġenu rinnovabbli. Fir-rigward tal-ħtieġa ta’ infrastruttura, l-ewwel lista tal-Unjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni u ta’ proġetti ta’ interess reċiproku inkluż dwar l-idroġenu u l-elettrolizzaturi qed titħejja permezz tal-implimentazzjoni tal-politika tan-networks trans-Ewropej tal-enerġija 4 .
L-Ewropa hija wkoll mexxejja globali fil-manifattura tal-elettrolizzaturi, u dikjarazzjoni konġunta 5 biex tiżdied il-kapaċità tal-manifattura tal-elettrolizzaturi turi li l-industrija tal-UE hija lesta li twettaq dan. Dawn il-vantaġġi kompetittivi u l-iżvilupp bikri ta’ oqfsa regolatorji wasslu biex ħafna żviluppaturi ta’ proġetti tal-idroġenu jippjanaw investimenti fl-Ewropa. Illum l-Ewropa tospita aktar minn 30 % tal-investimenti proposti fl-idroġenu fuq livell globali 6 .
L-ewwel deċiżjonijiet dwar l-investiment finali (FIDs) ittieħdu fl-2022. Madankollu, il-maġġoranza l-kbira tal-investimenti fl-idroġenu fl-Ewropa għadhom fl-istadju tal-ippjanar. Sabiex jiġu sfruttati l-investimenti mil-lat tal-produzzjoni, hija meħtieġa aktar viżibbiltà tad-domanda. Il-produzzjoni tal-idroġenu permezz tal-elettroliżi bħalissa ftit li xejn hija prodotta fuq skala u ma hijiex kompetittiva mal-idroġenu konvenzjonali. Fuq livell internazzjonali, l-AIE tistma 7 li se jiġu implimentati proġetti li jwasslu għal 2,4 miljun tunnellata ta’ idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju orjentati lejn l-esportazzjoni u madwar 10 miljun tunnellata fis-sena sal-2030 8 . Skont l-AIE, s’issa 0,9 miljun tunnellata fis-sena biss huma maħsuba għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea.
Fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea tal-14 ta’ Settembru, il-President tal-Kummissjoni von der Leyen ħabbret l-istabbiliment tal-Bank Ewropew tal-Idroġenu 9 . L-objettiv tal-Bank huwa li jnaqqas id-diskrepanza fl-investiment u jgħaqqad il-provvista futura tal-idroġenu rinnovabbli mal-objettiv tad-domanda tagħna ta’ 20 miljun tunnellata ta’ idroġenu rinnovabbli. Il-Bank Ewropew tal-Idroġenu se jiffaċilita kemm il-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli fl-UE kif ukoll l-importazzjonijiet, billi jikkontribwixxi għall-objettivi tar-REPowerEU u għat-tranżizzjoni għan-newtralità klimatika.
Il-Bank tal-Idroġenu jappoġġa l-objettivi tal-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku 10 u l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti. L-espansjoni tal-manifattura tal-elettrolizzaturi għall-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli se tikkontribwixxi għall-kompetittività u għar-reżiljenza tal-industrija Ewropea, inklużi l-produzzjoni tal-azzar u tal-fertilizzanti 11 u l-industrija tat-tbaħħir. L-espansjoni tas-suq Ewropew tal-idroġenu se tippermetti wkoll lill-kumpaniji Ewropej ikollhom rwol ewlieni fis-suq globali emerġenti tal-idroġenu, u dan joffri opportunitajiet ġodda ta’ tkabbir u ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità. Din il-Komunikazzjoni tal-Bank tal-Idroġenu takkumpanja proposta leġiżlattiva għal Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti.
Il-Bank Ewropew tal-Idroġenu se jkun strument implimentat mill-Kummissjoni Ewropea, li jikkonsisti f’żewġ mekkaniżmi ta’ finanzjament ġodda biex jappoġġaw il-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli fl-UE u fuq livell internazzjonali. Dan se jipprovdi wkoll aktar trasparenza dwar id-domanda, il-provvista, il-flussi u l-prezzijiet tal-idroġenu u se jkollu rwol ta’ koordinazzjoni u se jiffaċilita t-taħlit mal-istrumenti finanzjarji eżistenti biex jiġu appoġġati l-proġetti tal-idroġenu.
Sabiex il-Bank Ewropew tal-Idroġenu jkun ta’ suċċess, il-qafas regolatorju għall-produzzjoni u għall-konsum tal-idroġenu jrid jiġi ffinalizzat bħala kwistjoni ta’ prijorità. Għalhekk, il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jiffaċilitaw dħul fis-seħħ rapidu tal-atti delegati li jiċċaraw kif l-idroġenu u l-fjuwils ibbażati fuq l-idroġenu jistgħu jikkwalifikaw bħala rinnovabbli u biex jikkonkludu n-negozjati u jadottaw malajr id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli proposta u r-regoli futuri għal swieq effiċjenti tal-idroġenu, inkluża d-definizzjoni għal idroġenu b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju 12 .
Filwaqt li l-Kummissjoni qiegħda tagħmel kull sforz possibbli biex iżżid l-intensifikazzjoni tal-idroġenu rinnovabbli, ir-REPowerEU rrikonoxxa wkoll li forom oħra ta’ idroġenu ħielsa mill-fjuwils fossili, b’mod partikolari bbażati fuq l-enerġija nukleari, għandhom rwol fis-sostituzzjoni tal-gass naturali. Il-konformità mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma hija ta’ importanza ewlenija biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet addizzjonali tal-ilma ħelu f’dawk il-postijiet fejn jiġu introdotti kapaċitajiet addizzjonali ta’ produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.
Ħtiġijiet ta’ finanzjament
Is-suq Ewropew tal-idroġenu qiegħed jiffaċċja erba’ sfidi ta’ investiment: l-espansjoni tal-kapaċitajiet tal-manifattura għall-elettrolizzaturi, l-espansjoni tal-kapaċitajiet ġodda tal-produzzjoni tal-idroġenu, il-ftuħ ta’ setturi ġodda tad-domanda għall-idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u l-iżvilupp ta’ infrastruttura tal-idroġenu ddedikata. Din tirrikjedi wkoll ħaddiema tas-sengħa addizzjonali, u tappella għal investiment sinifikanti fit-taħriġ mill-ġdid u fit-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol meħtieġa 13 .
Illum, fl-UE jiġu kkunsmati madwar 8 miljun tunnellata ta’ idroġenu, li huma primarjament prodotti mill-gass naturali 14 . Bħalissa, fl-UE jiġu prodotti inqas minn 0,3 miljun tunnellata ta’ idroġenu elettrolitiku. Bħalissa, kapaċità tal-output tal-elettrolizzaturi ta’ madwar 160 MW 15 hija installata fl-UE, filwaqt li mira tal-produzzjoni ta’ 10 miljun tunnellata ta’ idroġenu rinnovabbli tkun tirrikjedi bejn 80 u 100 GW. Dan se jirrikjedi madwar 150-210 GW ta’ kapaċità rinnovabbli addizzjonali li tiġġenera l-elettriku bi prezz baxx biex l-idroġenu rinnovabbli jsir kompetittiv meta mqabbel mal-alternattivi fossili tiegħu.
Kollox ma’ kollox, l-investiment totali meħtieġ għall-produzzjoni, għat-trasport u għall-konsum ta’ 10 miljun tunnellata ta’ idroġenu rinnovabbli huwa mistenni li jkun fil-medda ta’ EUR 335-471 biljun, b’EUR 200-300 biljun meħtieġa għall-produzzjoni addizzjonali tal-elettriku rinnovabbli. L-investimenti għall-kategoriji ewlenin tal-infrastruttura tal-idroġenu sal-2030 huma stmati li jilħqu EUR 50-75 biljun għall-elettrolizzaturi, EUR 28-38 biljun għall-pipelines interni tal-UE u EUR 6-11-il biljun għall-ħżin. It-titjib tal-kapaċitajiet tal-manifattura tal-elettrolizzaturi se jirrikjedi investimenti stmati ta’ mhux aktar minn EUR 1,2 biljun. Se jkunu meħtieġa EUR 500 biljun addizzjonali ta’ investimenti fil-ktajjen tal-valur internazzjonali biex tkun tista’ ssir l-importazzjoni ta’ 10 miljun tunnellata ta’ idroġenu rinnovabbli, inkluż fil-forma ta’ derivattivi.
Il-biċċa l-kbira tal-investiment fis-settur tal-idroġenu se jkollu jiġi kopert mill-kapital privat. L-att delegat dwar it-tassonomija klimatika diġà jalloka finanzjament privat għal attivitajiet relatati mal-manifattura ta’ tagħmir għall-produzzjoni u l-użu tal-idroġenu, għall-produzzjoni tal-idroġenu u għall-ħżin tiegħu.
Fl-istess ħin, qegħdin jiġu mmobilizzati l-fondi rilevanti kollha tal-UE biex jappoġġaw espansjoni aċċellerata tas-suq tal-idroġenu fl-Ewropa. Biex jappoġġa l-espansjoni tal-elettrolizzaturi, Orizzont Ewropa jappoġġa l-iżvilupp tal-ewwel elettrolizzaturi fuq skala ta’ 100 MW, li jikkomplementaw il-proġetti ta’ riċerka u dimostrazzjoni ffinanzjati mill-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif. Sabiex tiġi appoġġata l-introduzzjoni tat-teknoloġija tal-idroġenu fis-suq, tmien proġetti fuq skala kbira ġew aġġudikati mill-Fond għall-Innovazzjoni tal-EU ETS għall-produzzjoni jew għall-konsum tal-idroġenu. Is-sensiela sħiħa ta’ proġetti tal-Fond għall-Innovazzjoni fl-ambitu tas-sejħa fuq skala kbira tal-2021 twassal għall-kostruzzjoni ta’ madwar 2,6 GW ta’ kapaċità tal-elettrolizzaturi. Barra minn hekk, is-sejħa għall-proposti fuq Skala Kbira tal-2022 li tagħlaq fis-16 ta’ Marzu tiddedika sejħa ta’ EUR 1 biljun għall-elettrifikazzjoni tal-idroġenu u tal-industrija kif ukoll EUR 700 miljun għall-manifattura tat-teknoloġija nadifa, inklużi l-elettrolizzaturi.
Il-finanzjament tal-għajnuna mill-Istat ġie approvat għal żewġ sensiliet ta’ Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEIs) biex jappoġġa l-produzzjoni u l-użu tal-idroġenu rinnovabbli u bbażat fuq l-elettriku għal ammont totali ta’ EUR 10,6 biljun f’finanzjament, li mistenni joħloq EUR 15,8 biljun addizzjonali f’investimenti privati. Barra minn hekk, diversi Stati Membri qed jistabbilixxu skemi ta’ offerti kompetittivi biex jippermettu l-iżvilupp ta’ proġetti tal-idroġenu rinnovabbli bl-inqas kost possibbli. Ġew assenjati aktar minn EUR 10 biljun fl-ambitu tal-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza, b’EUR 4,9 biljun permezz tal-IPCEIs. Fir-rigward tal-infrastruttura, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għall-Enerġija għandha baġit li jifdal ta’ EUR 3,3 biljun biex tappoġġa kategoriji magħżula tal-infrastruttura tal-enerġija, bħall-idroġenu, sal-2027.
Il-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni, speċjalment permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF), kif ukoll il-Fond InvestEU se jipprovdi wkoll appoġġ sinifikanti lill-Istati Membri u lir-reġjuni għall-investimenti tagħhom tul il-katina kollha tal-provvista tal-idroġenu, mill-innovazzjoni sal-aspetti ta’ ttestjar u ta’ implimentazzjoni inizjali. Fl-ambitu tal-InvestEU tali investimenti jistgħu jiġu ffinanzjati pereżempju taħt il-Prodott Finanzjarju ta’ Tranżizzjoni Ekoloġika Tematika tal-BEI jew minn Sħab ta’ Implimentazzjoni oħrajn bħall-BERŻ jew l-NIB. L-InvestEU jipprovdi qafas flessibbli għal żidiet jew taħlit effiċjenti ma’ Strumenti oħra tal-UE bħall-Fond għall-Innovazzjoni. Fl-aħħar nett, l-Impriża Konġunta dwar l-Idroġenu Nadif qiegħda tinvesti biex iżżid l-effiċjenza u tnaqqas il-kost tal-produzzjoni, tal-ħżin u tad-distribuzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli, biex tagħmlu aktar kompetittiv mal-idroġenu prodott mill-fjuwils fossili u biex tħaffef is-sostituzzjoni tiegħu bl-idroġenu rinnovabbli.
Barra minn hekk, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), bħala l-bank klimatiku tal-UE, impenja ruħu li jaqbeż il-50 % tas-self globali tiegħu sal-2025 għall-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali, inkluż permezz tar-riżorsi proprji tiegħu. F’dan l-aħħar deċennju, il-BEI pprovda aktar minn EUR 1 biljun f’finanzjament relatat direttament ma’ proġetti tal-idroġenu. Dan ġie kkomplementat reċentement mill-pakkett ta’ EUR 30 biljun tar-REPowerEU tal-BEI li għandu l-għan li sal-2027 jimmobilizza sa EUR 115-il biljun ta’ investimenti li jwasslu għad-dekarbonizzazzjoni tal-industrija tal-UE.
Madankollu, għad hemm primjum ekoloġiku f’termini ta’ kostijiet ogħla għal dawk l-off-takers li lesti li jagħżlu l-idroġenu minflok il-fjuwils fossili. L-użu mmirat tar-riżorsi pubbliċi għall-finanzjament tal-primjum ekoloġiku jista’ jinfluwenza l-investimenti tas-settur privat bit-tneħħija tar-riskji tal-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli. L-istimi jissuġġerixxu li l-importazzjonijiet tal-idroġenu bil-bastimenti (meta l-idroġenu jeħtieġ li jiġi importat fil-forma ta’ ammonijaka, metanol, vetturi tal-idroġenu organiku likwidu jew e-fjuwils) ikunu jirrikjedu primjum tas-suq ta’ madwar EUR 3-5/kg (li jinkludi t-trasport, il-ħżin u l-konsenja lill-konsumatur aħħari). Peress li l-idroġenu rinnovabbli għadu mhux disponibbli fis-suq globali, dan ifisser li se jkollu jintuża primjum ekoloġiku biex tiġi żgurata l-kapaċità tal-produzzjoni. Huwa stmat li baġit ta’ EUR 1 biljun jippermetti bejn 0,04 u 0,06 miljun tunnellata ta’ kapaċità tal-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli fis-sena. Wara l-2025, il-primjum tas-suq huwa mistenni jonqos minħabba tnaqqis fil-kostijiet tal-produzzjoni u żieda fid-domanda għal prodotti ekoloġiċi magħmula bl-idroġenu rinnovabbli. Barra minn hekk, l-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet u d-Direttiva Ewropea dwar it-Tassazzjoni proposta se jagħmlu l-idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju aktar attraenti meta mqabbel mal-alternattiva tiegħu tal-fjuwils fossili.
Abbażi tat-tnaqqis mistenni fil-kostijiet tal-produzzjoni u d-domanda dejjem akbar għall-idroġenu rinnovabbli, l-istimi jissuġġerixxu primjum ekoloġiku totali ta’ madwar EUR 90-115-il biljun kemm għall-produzzjoni domestika kif ukoll għall-importazzjoni ta’ total ta’ 20 miljun tunnellata ta’ idroġenu rinnovabbli. Aktar ma l-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli tiżdied malajr, aktar ikun probabbli li dan il-primjum ekoloġiku jkun iżgħar.
Fuq perjodu ta’ żmien qasir, biex jissaħħu l-isforzi fil-livell tal-UE sabiex jintuża l-idroġenu u sabiex tiġi appoġġata l-espansjoni tal-manifattura ta’ teknoloġiji strateġiċi b’emissjonijiet żero netti oħra, se jkunu meħtieġa riżorsi addizzjonali fil-livell tal-UE. Il-bażi ġuridika tal-Fond għall-Innovazzjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet il-ġodda għall-irkantijiet ta’ offerti kompetittivi fil-livell tal-UE, jipprovdu mezz promettenti u kosteffiċjenti ħafna biex jiġu appoġġati ż-żieda fil-manifattura u fl-użu tal-idroġenu rinnovabbli u teknoloġiji strateġiċi b’emissjonijiet żero netti oħra fl-Ewropa, u b’hekk tissaħħaħ is-sovranità tal-Ewropa fit-teknoloġiji ewlenin għall-azzjoni klimatika u s-sigurtà tal-enerġija. L-NZIA jipprovdi l-ewwel bażi għall-organizzazzjoni ta’ proġetti strateġiċi. Hemm lok kbir biex jiżdied l-ingranaġġ finanzjarju tal-Fond għall-Innovazzjoni, filwaqt li jitqies ukoll id-dħul akbar mill-ETS u l-ftehim dwar id-Direttiva dwar l-ETS li l-Istati Membri għandhom jinvestu d-dħul kollu tagħhom mill-ETS fl-objettivi klimatiċi u tal-enerġija. Aħna se nikkunsidraw dan meta nfasslu l-Fond għas-Sovranità fil-kuntest tar-rieżami tal-QFP ta’ nofs it-terminu.
2.Il-Bank Ewropew tal-Idroġenu – Kunċett, kompiti u struttura
Il-Bank Ewropew tal-Idroġenu għandu l-għan li jisfrutta l-investimenti privati fil-ktajjen tal-valur tal-idroġenu fl-UE u f’pajjiżi terzi billi jgħaqqad il-provvista tal-idroġenu rinnovabbli mad-domanda emerġenti minn off-takers Ewropej u b’hekk jistabbilixxi suq inizjali għall-idroġenu rinnovabbli. Il-Bank se jippromwovi l-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli fuq livell domestiku kif ukoll l-importazzjonijiet minn produtturi internazzjonali lill-konsumaturi Ewropej.
Fin-nuqqas ta’ primjum tas-suq ekoloġiku suffiċjenti għal proġetti bikrija, l-istrateġija wara l-Bank Ewropew tal-Idroġenu hija li jkopri u, eventwalment anke li jnaqqas, id-diskrepanza fil-kostijiet bejn l-idroġenu rinnovabbli u l-fjuwils fossili li jista’ jissostitwixxi.
Il-Bank Ewropew tal-Idroġenu huwa bbażat fuq erba’ pilastri, li se jiġu implimentati mill-Kummissjoni Ewropea. Dan se jikkonsisti f’żewġ mekkaniżmi ta’ finanzjament ġodda biex jappoġġaw il-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli fl-UE u fuq livell internazzjonali. Barra minn hekk, il-Bank jipprovdi aktar viżibbiltà għad-domanda billi jirrelata ma’ off-takers, ma’ inizjattivi paralleli tal-Istati Membri u ma’ ċentri tad-data eżistenti. Fl-aħħar nett, il-Bank se jkollu wkoll rwol ta’ koordinazzjoni u se jiffaċilita t-taħlit mal-istrumenti finanzjarji eżistenti biex jiġu appoġġati l-proġetti tal-idroġenu (Illustrazzjoni 1).
Illustrazzjoni 1. L-erba’ pilastri tal-attivitajiet relatati mal-Bank Ewropew tal-Idroġenu
Il-Bank se jkollu rwol importanti, peress li se jisfrutta l-investiment tas-settur privat u se jikkontribwixxi għall-ħolqien bikri tas-suq u għall-identifikazzjoni tal-prezz billi joħloq kompetizzjoni għall-finanzjament, kif ukoll billi jżid il-fiduċja tal-investituri u t-tagħlimiet tal-proġetti finanzjarji fis-settur tal-finanzjament privat.
Maż-żmien, l-għan tal-bank huwa li jnaqqas id-diskrepanza fil-kostijiet għal livell li l-off-takers privati huma lesti u kapaċi li jkopru. Il-Bank Ewropew tal-Idroġenu se jopera f’konformità mal-impenji internazzjonali, fil-livell bilaterali jew multilaterali, kemm fil-livell domestiku kif ukoll f’dak internazzjonali.
2.1.Ħolqien tas-suq domestiku: Irkantijiet ta’ primjum fiss biex tiġi appoġġata l-Produzzjoni Bbażata fl-UE
Kif imħabbar fil-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku u bil-għan li jiġi implimentat il-komponent domestiku tal-Bank Ewropew tal-Idroġenu, il-Kummissjoni qed tavvanza b’rata mgħaġġla fit-tfassil tal-ewwel irkantijiet pilota dwar il-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli. L-irkantijiet se jitniedu fl-ambitu tal-Fond għall-Innovazzjoni fil-ħarifa tal-2023 taħt il-mekkaniżmu l-ġdid tal-offerti kompetittivi, f’konformità mar-regoli stabbiliti fir-regolament finanzjarju u fid-Direttiva riveduta dwar l-EU ETS.
L-irkantijiet qed jitfasslu biex jintlaħqu l-objettivi ewlenin li ġejjin:
·Il-konnessjoni tal-provvista u d-domanda domestiċi 16 tal-idroġenu rinnovabbli tal-UE.
·It-tnaqqis tad-diskrepanza fil-kostijiet fl-UE bejn l-idroġenu rinnovabbli u l-idroġenu mill-fjuwils fossili bl-aktar mod effettiv possibbli. L-irkantijiet kienu storja ewlenija ta’ suċċess fis-settur tal-enerġija, u naqqsu l-finanzjament meħtieġ għall-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli permezz ta’ kompetizzjoni fuq il-prezz.
·Il-possibbiltà tal-identifikazzjoni tal-prezzijiet u l-formazzjoni tas-suq fl-UE: l-irkantijiet kompetittivi bi struttura sempliċi u trasparenti jiżvelaw il-kostijiet privati, u joħolqu punti ta’ prezzijiet ta’ valur u komparabbli li jistgħu jservu biex jagħtu bidu għal suq Ewropew tal-idroġenu.
·It-tneħħija tar-riskju għall-proġetti Ewropej tal-idroġenu, it-tnaqqis tal-kostijiet kapitali u l-ingranaġġ tal-kapital privat. Minħabba d-daqs tal-isfida tal-investiment, l-appoġġ mill-Fond għall-Innovazzjoni għandu jitqies bħala l-finanzjament inizjali għal żieda fl-investimenti privati u korporattivi.
·L-iżgurar ta’ implimentazzjoni rapida u sempliċi, u b’hekk it-tnaqqis b’mod sinifikanti tal-piż u tal-kostijiet amministrattivi bis-saħħa ta’ proċeduri qosra, effiċjenti u trasparenti. Dan se jappoġġa lill-UE biex tkun minn ta’ quddiem fl-iżvilupp ta’ dan is-suq il-ġdid, filwaqt li jitqiesu l-mekkaniżmi ta’ appoġġ ipprovduti minn pajjiżi terzi.
Id-disinn tal-irkant għall-irkantijiet pilota tal-2023 dwar il-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli qed jiġi żviluppat mill-Kummissjoni b’inputs mill-gruppi tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha: L-Istati Membri, l-utilitajiet, l-iżviluppaturi tal-proġetti, l-off-takers industrijali u off-takers tal-idroġenu oħrajn, il-banek, il-fondi infrastrutturali, l-akkademja, u oħrajn. F’Mejju 2023 se jsir workshop finali dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tad-disinn sħiħ biex jiġi żgurat li l-ewwel irkant mal-UE kollha jkun jaqbel b’mod preċiż mal-ħtiġijiet u mal-prattiki tas-settur privat.
L-ewwel irkant pilota se jappoġġa l-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli, kif definit skont il-verżjonijiet finali tal-Atti Delegati tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli 17 . L-irkant se jagħti sussidju lill-produtturi tal-idroġenu fil-forma ta’ primjum fiss għal kull kg ta’ idroġenu prodott għal massimu ta’ 10 snin ta’ operat. Billi titnaqqas id-diskrepanza fil-kostijiet u tiżdied l-istabbiltà tad-dħul, dan se jżid il-bankabbiltà tal-proġetti u jnaqqas il-kostijiet kapitali globali. Il-pagamenti se jkunu bbażati fuq l-outputs, jiġifieri, mal-konsenja ta’ volumi ċċertifikati u vverifikati tal-idroġenu rinnovabbli.
Il-baġit indikattiv għall-ewwel irkant se jkun ta’ EUR 800 miljun li jqis ir-riżultati tal-ittestjar tas-suq diġà mwettaq u l-ħtieġa li jinħoloq il-livell it-tajjeb ta’ kompetizzjoni. It-tagħlimiet mill-ewwel irkant pilota se jgħinu fl-istrutturar tas-sessjonijiet ta’ rkant futuri.
F’termini tad-disinn tal-irkant, is-sempliċità, it-trasparenza u l-veloċità għall-implimentazzjoni huma prijoritajiet. Il-parametri ewlenin tad-disinn tal-irkant li qed jiġu kkunsidrati f’dan l-istadju mill-Kummissjoni huma miġbura fil-qosor fl-Anness I. Dawn jikkonċernaw b’mod partikolari r-rekwiżiti ta’ prekwalifikazzjoni, il-klassifikazzjoni tal-offerti/il-kriterji għall-aġġudikazzjoni u r-regoli dwar l-ipprezzar. Sabiex jiġu skoperti l-kostijiet reali, jiġu ssalvagwardjati kundizzjonijiet ekwi kif ukoll titnaqqas il-kumplessità, il-Kummissjoni għandha wkoll l-intenzjoni li teskludi l-akkumulazzjoni tal-appoġġ mogħti permezz tal-irkant bl-Għajnuna mill-Istat, biex jiġi evitat li l-istess kostijiet ikunu koperti darbtejn u li l-irkant ikun distort.
Il-Kummissjoni se tkompli tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati dwar elementi oħra bħall-użu ta’ garanziji tal-offerta jew tat-tlestija 18 f’konformità mal-qafas legali definit fid-Direttiva emendata dwar l-ETS, il-prezz massimu u l-perjodi massimi ta’ realizzazzjoni.
Wara l-konsultazzjoni, il-Kummissjoni se tiffinalizza t-Termini u l-Kundizzjonijiet tal-irkant dwar l-eliġibbiltà, l-ikklerjar tal-irkant u l-pagamenti (kif ukoll it-terminazzjoni u l-penali) u tippubblikahom fis-sajf tal-2023. Lejn l-aħħar tas-sajf tal-2023 se jsiru jiem għall-informazzjoni addizzjonali dwar kif għandha titħejja offerta. Din l-iskeda ta’ żmien tagħti lill-offerenti biżżejjed żmien biex jiffamiljarizzaw ruħhom mal-kunċett ta’ rkant u biex iħejju l-offerti tagħhom. Il-Kummissjoni beħsiebha tiddelega l-eżekuzzjoni taċ-ċiklu sħiħ tal-proġett ta’ rkantijiet lill-aġenzija eżekuttiva CINEA.
2.2. Pjattaforma tal-Irkant tal-UE: Irkantijiet bħala Servizz għall-Istati Membri
L-offerti kompetittivi fil-livell tal-UE jippreżentaw innovazzjoni finanzjarja notevoli u jistgħu jsiru għodda importanti biex jitrawwem l-użu kosteffettiv u bikri ta’ soluzzjonijiet innovattivi rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Hekk kif jiffurmaw swieq ġodda, huwa importanti li tiġi pprevenuta l-frammentazzjoni tas-suq bejn l-Istati Membri tal-UE. Għalkemm l-Atti Delegati dwar l-Idroġenu 19 se jipprovdu bażi uniformi għaċ-ċertifikazzjoni tal-idroġenu rinnovabbli fl-Ewropa kollha, l-iskemi ta’ appoġġ u l-ispazju fiskali biex dawn jiġu pprovduti jistgħu jvarjaw b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri. Is-sinjali tal-prezzijiet li huma bbażati fuq skemi ta’ appoġġ differenti jistgħu jsiru impossibbli li wieħed iqabbilhom, b’hekk ikun hemm dewmien fil-formazzjoni ta’ suq Ewropew tal-idroġenu.
Sabiex tiġi pprevenuta l-frammentazzjoni fl-istadju bikri tal-formazzjoni tas-suq tal-idroġenu fl-Ewropa, u biex jiġu ffrankati l-kostijiet amministrattivi fl-iżvilupp ta’ għadd ta’ skemi differenti ta’ appoġġ għall-idroġenu minn Stati Membri differenti, il-Kummissjoni tipproponi l-estensjoni tal-irkantijiet tal-Fond għall-Innovazzjoni bħala pjattaforma għall-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Dan jippermetti lill-Istati Membri jużaw ir-riżorsi proprji għal proġetti fit-territorju tagħhom billi jibbażaw fuq mekkaniżmu tal-irkant għall-UE.
Billi toffri “rkantijiet bħala servizz”, il-Kummissjoni tmexxi rkant wieħed. Il-kurva tal-provvista tal-proġetti l-ewwel tikklerja l-baġit tal-Fond għall-Innovazzjoni, indipendentement minn fejn ikunu ġejjin il-proġetti. Wara li jiġi eżawrit il-baġit tal-Fond għall-Innovazzjoni, il-bqija tal-kurva tal-provvista tista’ tiġi appoġġata mill-Istati Membri, wara l-klassifikazzjoni tal-pjattaforma tal-irkant tal-UE, sakemm jiġi eżawrit il-baġit rispettiv tal-Istati Membri mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE u dment li jipparteċipaw biżżejjed proġetti nazzjonali fir-rigward tar-riżorsi nazzjonali rispettivi impenjati (ara l-Illustrazzjoni 2 bħala eżempju dwar l-ikklerjar tal-irkant). L-Istati Membri jkunu qed jagħtu u jwettqu pagamenti għal dawk il-proġetti addizzjonali. Kwalunkwe miżura li tikkostitwixxi Għajnuna mill-Istat, sakemm ma jkollhiex eżenzjoni ta’ kategorija, hija soġġetta għall-obbligu ta’ notifika. Il-Kummissjoni se tivverifika u – jekk ikun meħtieġ – se tiżgura li jkun hemm kompetizzjoni suffiċjenti fl-allokazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għall-irkant.
Illustrazzjoni 2. Eżempju ta’ disinn għall-iżvilupp ta’ Pjattaforma tal-Irkant tal-UE li tiġbor flimkien il-finanzjament tal-Istati Membri.
Jekk jirnexxi, il-kunċett stabbilit fil-paragrafu preċedenti jista’ jiġi estiż lil hinn mill-produzzjoni tal-idroġenu għal irkantijiet f’oqsma oħra bħall-Kuntratti għad-Differenza għall-Karbonju għad-dekarbonizzazzjoni tal-industrija, f’konformità mal-qafas ġuridiku definit fid-Direttiva emendata dwar l-ETS. Il-kunċett li wieħed jattira r-riżorsi tal-Istati Membri tal-UE biex jiġu organizzati rkantijiet fl-Ewropa kollha jista’ jitqies ukoll bħala appoġġ għall-irkantijiet internazzjonali għall-idroġenu rinnovabbli. Bl-istess mod, dawn l-estensjonijiet possibbli tal-pjattaforma tal-irkant tal-UE jkunu soġġetti għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.
2.3Appoġġ għall-produzzjoni internazzjonali tal-idroġenu
L-UE hija impenjata bis-sħiħ li tikkoopera fuq livell internazzjonali biex tħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika, inkluż bl-iżvilupp tas-suq tal-idroġenu fl-UE u fuq livell globali. F’dan il-kuntest, l-iżvilupp ta’ ekonomiji tal-idroġenu rinnovabbli fil-pajjiżi sħab tal-UE se jgħin biex titħaffef it-tranżizzjoni tagħhom lejn in-newtralità klimatika u jikkontribwixxi għal żvilupp soċjali u ekonomiku usa’. L-investimenti fl-enerġija u fl-idroġenu rinnovabbli jistgħu jtejbu wkoll l-attraenza tal-investimenti f’pajjiżi b’kostijiet ta’ investiment għoljin, sehem baxx ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u infrastruttura tal-enerġija sottożviluppata u joħolqu opportunitajiet ta’ diversifikazzjoni tal-esportazzjoni. B’mod parallel, jeħtieġ li tingħata attenzjoni wkoll lis-sostenibbiltà tal-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli, filwaqt li jiġi evitat l-istress idriku dejjem akbar u l-impatt potenzjalment negattiv fuq l-aċċessibbiltà għall-elettriku u għall-ilma 20 . L-isforzi tad-dekarbonizzazzjoni domestika fil-pajjiżi sħab se jiġu appoġġati wkoll mill-ftehim reċenti bejn il-koleġiżlaturi dwar Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri (CBAM) futur, li jinkludi l-importazzjonijiet tal-idroġenu fl-ambitu tal-mekkaniżmu. Mill-2026, l-importazzjonijiet tal-idroġenu fl-UE se jkunu soġġetti għal aġġustament ibbażat fuq il-kontenut tal-karbonju tagħhom.
Il-Komunikazzjoni dwar ir-REPowerEU tipproponi li sal-2030 jiġu importati 10 miljun tunnellata ta’ idroġenu rinnovabbli, flimkien mal-10 miljun tunnellata ta’ produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli fl-UE, u b’hekk l-UE ssir dak li jaspira jkun l-akbar suq tal-idroġenu rinnovabbli fid-dinja. Il-maġġoranza tal-proġetti ta’ esportazzjoni qed jippjanaw li jwasslu l-idroġenu u d-derivattivi tiegħu bil-bastimenti, u dan joħloq il-ħtieġa ta’ infrastruttura estiża tat-tbaħħir u tal-portijiet fl-Ewropa. Il-kummerċ internazzjonali tal-idroġenu permezz ta’ pipelines huwa mistenni li jseħħ qrib l-aħħar ta’ dan id-deċennju 21 .
L-analiżi bikrija tas-suq u l-feedback mill-partijiet ikkonċernati jissuġġerixxu li hemm bżonn ta’ strument iddedikat li jista’ jappoġġa l-flussi tal-idroġenu minn pajjiżi terzi. Fin-nuqqas ta’ suq, hemm rwol biex l-Istati Membri tal-UE jappoġġaw lill-off-takers Ewropej biex jippermettu l-ftehimiet off-take li għadhom neqsin mal-produtturi f’pajjiżi terzi. Dan l-istrument għandu jaħdem id f’id mad-diplomazija dwar l-enerġija u mal-isforzi tal-politika kummerċjali biex jiġi żgurat li l-UE ma toħloqx dipendenzi strateġiċi ġodda.
L-integrazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fit-tfassil tal-appoġġ tal-UE għall-idroġenu rinnovabbli importat tipprovdi aċċess għas-suq Ewropew u tippromwovi s-sostenibbiltà tal-produzzjoni u tal-konsum lokali tal-elettriku u tal-idroġenu rinnovabbli, kif ukoll il-ħtiġijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali, għall-benefiċċju tal-pajjiżi sħab tal-UE u taċ-ċittadini tagħhom.
Diversi Stati Membri żviluppaw strateġiji biex jappoġġaw l-importazzjoni tal-idroġenu minn pajjiżi terzi. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tkompli tesplora kif għandha tfassal il-komponent internazzjonali tal-Bank Ewropew tal-Idroġenu biex tippromwovi strateġija koordinata tal-UE għall-importazzjonijiet tal-idroġenu rinnovabbli. Hawnhekk, l-intenzjoni hija wkoll li tkopri d-diskrepanza fil-kostijiet bejn l-idroġenu rinnovabbli prodott f’pajjiżi terzi u ttrasportat lejn l-UE u l-fjuwils fossili li dan jista’ jissostitwixxi fl-UE.
Il-Kummissjoni se tkompli tesplora sorsi possibbli ta’ finanzjament fi ħdan il-baġit tal-UE jew fi sħubija mal-BEI biex tiffinanzja l-primjum ekoloġiku, filwaqt li tqis li l-NDICI-GE attwali ma jistax jintuża għall-ħlas ta’ komoditajiet użati fl-UE, jiġifieri għall-primjums ekoloġiċi lill-produtturi tal-idroġenu rinnovabbli f’pajjiżi terzi.
Fir-rigward tad-disinn speċifiku tal-irkantijiet, il-Kummissjoni qed tivvaluta l-fattibbiltà li tinħoloq skema simili ta’ primjum ekoloġiku li għaliha jistgħu japplikaw fornituri minn pajjiżi terzi jew minn off-takers tal-UE li jagħmlu kuntratti ma’ produtturi ta’ pajjiżi terzi (ara l-Illustrazzjoni 3). L-operat, id-disinn u l-istruttura istituzzjonali tal-iskema ta’ appoġġ għall-importazzjonijiet tal-idroġenu rinnovabbli jistgħu jirriflettu rkantijiet ta’ primjum fiss, li huma proposti għall-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli bbażata fl-UE. Approċċ simetriku għall-produzzjoni internazzjonali u domestika jista’ jippermetti implimentazzjoni f’waqtha u kosteffettiva li tibbenefika mis-sinerġiji operazzjonali u istituzzjonali u mill-użu ta’ strutturi eżistenti, bħas-CINEA.
Illustrazzjoni 3. Disinn kunċettwali għal irkant ta’ primjum fiss għall-fornituri internazzjonali lill-konsumaturi tal-UE.
Fid-dawl tal-progress li sar, il-Kummissjoni se tesplora sal-aħħar tas-sena, inizjattiva Tim Ewropa biex tiġbor flimkien ir-riżorsi tal-Istati Membri u tiffaċilita sinerġiji mal-fondi eżistenti tal-UE u mal-Istrateġija Global Gateway. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni se tistudja l-possibbiltà li tinkludi mekkaniżmu għall-aggregazzjoni tad-domanda u għall-irkant konġunt ta’ idroġenu rinnovabbli fil-futur fl-ambitu tal-attivitajiet tal-Bank Ewropew tal-Idroġenu, bl-użu tal-esperjenza miksuba mill-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE 19 u AggregateEU u soġġett għar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni u l-Għajnuna mill-Istat.
Fl-istess ħin, għandhom jiġu kkunsidrati l-profili ta’ riskju differenti għall-appoġġ tal-faċilitajiet għall-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli barra mill-UE, filwaqt li jitqies il-qafas regolatorju u ta’ investiment ġenerali fil-pajjiż ikkonċernat, kif ukoll kwalunkwe riskju ġeopolitiku u l-grad ta’ impenji meħuda mill-pajjiż lejn l-UE.
Dan se jkollu impatt fuq l-għażliet tad-disinn. L-istabbiltà, il-prevedibbiltà u l-affidabbiltà tal-qafas ta’ abilitazzjoni għal proġetti addizzjonali tal-enerġija rinnovabbli u tal-idroġenu f’pajjiż fornitur potenzjali speċifiku huma fattur ewlieni għall-konsumaturi tal-idroġenu futuri li jieħdu deċiżjonijiet ta’ investiment fuq skala kbira u li jiżguraw finanzjament fit-tul illum. Ir-riskji ġeopolitiċi relatati mar-relazzjonijiet ekonomiċi u mal-kummerċ, kif ukoll il-politika soċjali u ambjentali f’pajjiżi terzi huma ta’ importanza partikolari biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-idroġenu, is-sostenibbiltà u l-koerenza tal-politika tal-UE għall-iżvilupp.
Maż-żmien, il-kunċett inizjali ta’ rkantijiet ta’ primjum ekoloġiku jista’ jiġi estiż biex jitnaqqas ulterjorment ir-riskju li jirriżulta mill-inċertezza ta’ ftehimiet off-take billi jiġi stabbilit intermedjarju li jwettaq irkantijiet b’żewġ naħat. Intermedjarju bħal dan jiffirma ftehimiet kemm mal-produttur kif ukoll mal-off-taker. Approċċ bħal dan diġà huwa implimentat permezz tal-fondazzjoni Ġermaniża H2Global.
L-UE se tkompli tappoġġa lill-pajjiżi sħab fl-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni tagħhom lejn l-enerġija ekoloġika permezz, fost l-oħrajn, ta’ assistenza teknika u appoġġ għall-istabbiliment ta’ ambjent ta’ governanza, leġiżlattiv u kummerċjali li jwassal għal dan, kif ukoll bil-mobilizzazzjoni tal-investiment meħtieġ fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika. L-istrumenti NDICI-GE u IPA III, inkluż l-EFSD+, se jibqgħu strumentali f’dan ir-rigward, f’konformità mar-regolamenti u l-prattiki eżistenti tal-NDICI-GE u tal-IPA III.
2.4Koordinazzjoni u trasparenza
Permezz tal-attivitajiet tiegħu, il-Bank Ewropew tal-Idroġenu se jżid it-trasparenza dwar il-flussi, it-tranżazzjonijiet u l-prezzijiet tal-idroġenu. B’mod aktar speċifiku, il-Kummissjoni se tikkoordina tali informazzjoni biex issaħħaħ il-fiduċja fis-suq tal-idroġenu li qed jiżviluppa. Il-Kummissjoni tista’ tuża wkoll informazzjoni miġbura minn ftehimiet off-take Ewropej u internazzjonali biex tipprovdi informazzjoni trasparenti dwar il-prezzijiet u tiżviluppa parametri referenzjarji tal-prezzijiet.
Hemm ammont dejjem jikber ta’ informazzjoni disponibbli dwar id-domanda u l-provvista tal-idroġenu rinnovabbli fl-UE u fid-dinja kollha. Il-Bank se jipprovdi valur miżjud billi jgħaqqad flimkien u jikkomplementa tali informazzjoni, filwaqt li jibni fuq sorsi u strutturi eżistenti, pereżempju informazzjoni disponibbli permezz tal-Kummissjoni, speċjalment l-iżvilupp tal-ġbir tad-data dwar l-idroġenu mmexxi mill-Eurostat 22 , permezz ta’ inizjattivi mmexxija mill-Kummissjoni bħall-Alleanza Ewropea għall-Idroġenu Nadif, l-Alleanza tal-Fjuwils Rinnovabbli u b’Livell Baxx tal-Karbonju u l-Alleanza dwar l-Avjazzjoni b’Emissjonijiet Żero, permezz ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament ta’ proġetti eżistenti 23 u l-monitoraġġ tal-industrija. Barra minn hekk, il-Bank se jibbenefika mill-Osservatorju taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu fl-ambitu tal-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif, li diġà tipprovdi portal pubbliku għad-data Ewropea dwar l-Idroġenu. Barra minn hekk, il-Bank se jikkollabora mal-AIE u mal-IRENA għal skopijiet ta’ informazzjoni. Il-Bank se jkun f’pożizzjoni tajba biex jivvaluta d-domanda tal-UE għall-idroġenu rinnovabbli domestiku u importat, pereżempju billi jorganizza “sejħa għall-interess” bħala espressjoni volontarja u mhux vinkolanti ta’ interess minn off-takers tal-UE.
L-iżvilupp rapidu ta’ infrastruttura ddedikata tal-idroġenu fl-UE u lejha li tgħaqqad il-provvista u d-domanda huwa kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dekarbonizzazzjoni tagħna. Ir-Regolament TEN-E rivedut huwa strument uniku għall-ippjanar tal-infrastruttura Ewropea tal-enerġija. Il-Bank Ewropew tal-Idroġenu se jappoġġa l-ippjanar tal-infrastruttura b’informazzjoni dwar il-flussi tal-idroġenu li se jiġbor permezz tal-attivitajiet tiegħu (eż., informazzjoni dwar il-punti ta’ twassil).
Il-Bank se jappoġġa wkoll il-koordinazzjoni tal-Memoranda ta’ Qbil kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll fil-livell tal-kumpaniji ma’ pajjiżi terzi u ma’ produtturi barranin tal-idroġenu u se jipprovdi appoġġ għall-istabbiliment ta’ dispożizzjonijiet iddedikati fi ħdan il-kapitoli dwar il-kummerċ tal-Enerġija u tal-Materja Prima fi ftehimiet ta’ kummerċ ħieles, jew Ftehimiet ta’ Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli (SIFA).
Is-Sħubijiet tal-Idroġenu Ekoloġiku u l-Memoranda ta’ Qbil (MtQ) iffirmati mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Istati Membri u mill-kumpaniji Ewropej, inklużi l-portijiet, jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar flussi potenzjali tal-idroġenu minn pajjiżi terzi li, ikkoordinati mill-Bank Ewropew tal-Idroġenu, se jipprovdu viżibbiltà dwar fejn u meta se tkun meħtieġa l-infrastruttura tal-idroġenu.
F’isem l-UE, il-Kummissjoni Ewropea ffirmat MtQ u/jew sħubijiet mal-Eġittu, mal-Ġappun, mal-Każakistan, mal-Marokk, man-Namibja u mal-Ukrajna. Fil-Ftehim modernizzat ta’ Assoċjazzjoni UE-Ċilì ġew inklużi wkoll dispożizzjonijiet iddedikati dwar il-kooperazzjoni fl-idroġenu u dawn huma kkunsidrati f’negozjati li għaddejjin bħalissa għal ftehimiet ta’ kummerċ ħieles mal-Indja u mal-Awstralja. Il-kooperazzjoni fl-ambitu ta’ dawn il-MtQ/Sħubijiet u Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles għandha l-għan li tappoġġa t-tranżizzjoni ekoloġika fil-pajjiżi sħab, inkluż permezz tal-iżvilupp tas-settur tal-enerġija rinnovabbli u l-ktajjen tal-provvista industrijali, kif ukoll li ssaħħaħ il-qafas regolatorju u ta’ investiment, l-użu tat-teknoloġija u l-produzzjoni sostenibbli tal-idroġenu rinnovabbli. F’dawn il-MtQ iż-żewġ naħat jirrikonoxxu l-limitazzjonijiet tar-riżorsi naturali u jesprimu impenn politiku għall-istandards ta’ sostenibbiltà ambjentali, soċjali u ekonomika. Għadha għaddejja wkoll sensibilizzazzjoni diplomatika mar-Renju tal-Arabja Sawdija bil-ħsieb li tiġi stabbilita sħubija dwar l-idroġenu.
Il-Ftehim modernizzat ta’ Assoċjazzjoni UE-Ċilì huwa l-ewwel ftehim bħal dan li jagħti attenzjoni ddedikata għall-idroġenu, meta wieħed iqis il-potenzjal sinifikanti li għandu ċ-Ċilì f’dawk li huma esportazzjonijiet tal-idroġenu lejn l-UE u l-proġett ta’ kooperazzjoni li għaddej u permess b’approċċ Tim Ewropa. L-UE qed tmexxi l-ħidma wkoll f’fora internazzjonali bħal fil-qafas tal-Inizjattiva dwar l-Idroġenu tal-Forum Ministerjali dwar l-Enerġija Nadifa, il-Missjoni Innovazzjoni dwar l-idroġenu nadif u s-Sħubija Internazzjonali għall-Idroġenu fl-Ekonomija.
L-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku tindika li fl-2021-2022 l-Istati Membri tal-UE u l-kumpaniji ffirmaw MtQ ta’ kooperazzjoni dwar l-idroġenu ma’ mill-inqas 30 pajjiż fid-dinja. Sabiex jiġu esplorati sinerġiji bejn inizjattivi bilaterali multipli, il-Bank Ewropew tal-Idroġenu jista’ jtejjeb it-trasparenza u l-koordinazzjoni tat-tranżazzjonijiet u n-negozjati tal-idroġenu rinnovabbli fl-UE u ma’ pajjiżi terzi peress li huwa importanti biex tiżdied l-effiċjenza u jitnaqqsu l-isforzi meħtieġa fuq iż-żewġ naħat, jiġifieri, fl-UE u fil-pajjiżi sħab.
Sabiex tiġi żgurata d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-idroġenu rinnovabbli maż-żmien, il-Kummissjoni qed tesplora l-għażla ta’ strument ispirat mid-dispożizzjonijiet ta’ trasparenza tal-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE 24 skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2002/2576 25 . Dan jista’ jkun kontribut pożittiv għas-suq tal-idroġenu rinnovabbli li għadu fil-bidu tiegħu biex jipprovdi intelliġenza, u possibbilment jipprovdi lill-Kummissjoni l-possibbiltà li toħroġ rakkomandazzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tal-investimenti fl-idroġenu.
2.5Koordinazzjoni tal-finanzjament tal-proġetti eżistenti
Jeżistu diversi strumenti ta’ finanzjament fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri biex jappoġġaw l-iżvilupp tal-proġetti tal-idroġenu. Il-Kumpass ta’ Finanzjament Pubbliku għall-Idroġenu tal-Alleanza Ewropea għall-Idroġenu Nadif jgħin biex il-partijiet ikkonċernati interessati jkunu jistgħu jaraw x’hemm bħala programmi ta’ finanzjament tal-proġetti fl-UE, inkluż fil-livell tal-Istati Membri.
Fil-livell tal-UE, hemm il-programmi InvestEU u dawk tal-politika ta’ koeżjoni, li, permezz tal-operazzjonijiet ta’ kondiviżjoni tar-riskji u ta’ taħlit, jistgħu jimmobilizzaw il-finanzjament għall-investimenti fi proġetti tal-idroġenu, kif ukoll jidderieġu l-appoġġ għall-proġetti permezz tal-Fond għall-Innovazzjoni tal-EU ETS, l-appoġġ għall-Widien tal-Idroġenu u għal partijiet oħra tal-katina tal-valur tal-idroġenu fl-ambitu ta’ Orizzont Ewropa, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. Fl-ambitu tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għat-Trasport, il-Kummissjoni stabbiliet il-Faċilità għall-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi (AFIF), li tipprovdi appoġġ permezz ta’ għotja ta’ EUR 1,5 biljun (flimkien ma’ appoġġ finanzjarju mill-istituzzjonijiet finanzjarji biex jinkiseb impatt akbar) għall-installazzjoni ta’ infrastruttura għall-provvista ta’ fjuwils alternattivi għall-modi kollha tat-trasport, bħall-istazzjonijiet tal-fjuwil tal-idroġenu. Jeżistu diversi strumenti nazzjonali, b’mod partikolari l-finanzjament ta’ proġetti tal-idroġenu tal-IPCEI, strumenti inklużi fil-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRPs) u skemi ta’ appoġġ nazzjonali ulterjuri tal-idroġenu skont ir-Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija, kif ukoll miżuri li jistgħu jiġu approvati mill-Kummissjoni jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna dwar il-Klima, l-Enerġija, il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali, il-Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp jew il-Qafas Temporanju ta’ Kriżi u ta’ Tranżizzjoni.
It-titjib tal-kondiviżjoni tal-għarfien transsettorjali dwar l-idroġenu u l-għarfien tal-miżuri ta’ appoġġ fl-ambitu tad-diversi strumenti ta’ appoġġ u finanzjament tal-UE u tal-Istati Membri huwa wieħed mill-oqsma li qed jiġu esplorati għall-attivitajiet tal-Bank Ewropew tal-Idroġenu li għandhom l-għan li jżidu t-trasparenza u l-effettività tal-kooperazzjoni istituzzjonali livell. Dan jista’ jappoġġa l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fejn l-għarfien dwar l-idroġenu ma jkunx il-kompetenza ewlenija tal-esperti involuti fl-implimentazzjoni u fl-ippjanar.
Il-Kummissjoni għandha tissimplifika l-appoġġ li dawn l-istrumenti jipprovdu, speċjalment biex tiżgura li dawn ikunu jistgħu jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku u jiffaċilitaw użu kosteffiċjenti ta’ dawn ir-riżorsi. Il-Kummissjoni se tfittex li tiskambja informazzjoni u tikkoordina mal-Istati Membri dwar il-pjanijiet tagħhom għall-finanzjament tal-proġetti tal-idroġenu u qed tesplora l-possibbiltà li tiġbor flimkien ir-riżorsi tal-Istati Membri u li żżid l-isforzi fil-livell tal-UE biex l-Istati Membri b’riżorsi aktar limitati jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-iskala Ewropa u jkun hemm impatt akbar billi jiġi stabbilit suq komuni għall-idroġenu.
Sabiex jiġu ffrankati r-riżorsi u l-isforzi, huwa maħsub li jiġi esplorat u użat il-potenzjal sħiħ tal-kanali eżistenti tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni u ta’ komunikazzjoni, inklużi n-networks istituzzjonali eżistenti u l-pjattaformi tal-industrija, inklużi l-Alleanza għall-Idroġenu Nadif, in-Network tal-Enerġija tal-Idroġenu, u l-pjattaformi ta’ informazzjoni dwar il-finanzjament tal-UE.
Global Gateway hija l-qafas li fih l-UE tappoġġa l-investimenti fl-idroġenu rinnovabbli f’pajjiżi sħab bħala parti mit-tranżizzjoni ekoloġika tagħhom. L-għotjiet u l-garanziji tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus (EFSD+) fl-ambitu tal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali 26 – Ewropa Globali (“NDICI-GE” jew “Strument”) għandhom rwol ewlieni fl-appoġġ tal-investimenti, b’mod partikolari l-proġetti kofinanzjati mill-BEI u mill-istituzzjonijiet ta’ finanzjament għall-iżvilupp tal-Istati Membri tal-UE bħala Tim Ewropa. Waħda mill-prekundizzjonijiet ewlenin biex jiġi riċevut l-appoġġ tal-NDICI-GE hija l-kontribut tal-proġett għat-tranżizzjoni ekoloġika domestika, inkluż, pereżempju, permezz tal-produzzjoni u tal-użu tal-enerġija rinnovabbli, kif ukoll is-sostenibbiltà u l-użu effiċjenti tar-riżorsi għall-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli, inklużi d-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà u l-ġestjoni tal-ilma. Global Gateway tfittex b’mod attiv li timmobilizza l-finanzi u l-għarfien espert tas-settur privat u tappoġġa l-aċċess għal finanzjament sostenibbli.
L-Inizjattivi Tim Ewropa ġew żviluppati b’mod konġunt mill-UE u mill-Istati Membri, u dawn jgħaqqdu l-isforzi tagħhom fit-trawwim tal-iżvilupp ta’ proġetti tal-idroġenu rinnovabbli f’pajjiżi terzi. Pereżempju, l-Inizjattiva Tim Ewropa dwar l-Iżvilupp tal-Idroġenu Ekoloġiku (GH2) fiċ-Ċilì tlaqqa’ flimkien l-UE, il-BEI u tmien Stati Membri tal-UE li għandhom interess fl-appoġġ tal-iżvilupp tal-qafas ta’ abilitazzjoni, tat-teknoloġija, tal-kapital uman u tal-finanzjament tal-proġett tal-idroġenu rinnovabbli kemm għall-użu domestiku kif ukoll għall-esportazzjonijiet. Barra minn hekk, fin-Namibja qed jitħejja proġett tal-Global Gateway għall-idroġenu rinnovabbli.
Madankollu, il-feedback tal-partijiet ikkonċernati jikkonferma l-ħtieġa ta’ miżuri addizzjonali biex jitnaqqsu l-kostijiet għoljin ħafna assoċjati mar-riskji li ma humiex indirizzati biżżejjed mill-istrumenti finanzjarji tal-UE. Koordinazzjoni mtejba tal-għodod finanzjarji tal-UE u tal-Istati Membri tal-UE, kif ukoll it-tnaqqis tal-inċertezzi fil-provvista tal-idroġenu - u inċertezzi dwar l-off-take, jistgħu jżidu b’mod effettiv il-fattibbiltà ekonomika u l-bankabbiltà tal-investimenti tat-tnejn li huma, l-off-taker fl-UE u l-produttur f’pajjiż terz. Huwa partikolarment importanti għas-setturi intensivi fl-investiment u fl-enerġija b’marġnijiet stretti ta’ dħul fis-suq.
Fis-settur tal-enerġija, il-finanzjament tal-UE f’pajjiżi mhux tal-UE għandu l-għan li jappoġġa t-tranżizzjoni tal-enerġija fil-pajjiżi sħab, inkluż billi jippromwovi l-użu tal-enerġija rinnovabbli, jattira l-investiment pubbliku u privat u joħloq opportunitajiet ta’ negozju u impjiegi ta’ kwalità. Dan jista’ jinkludi appoġġ għall-iżvilupp ta’ swieq lokali u globali tal-idroġenu f’pajjiżi u f’reġjuni sħab, u dan il-finanzjament diġà jaqa’ taħt il-mandat tal-NDICI-GE. Minbarra l-appoġġ għall-pjattaformi internazzjonali, bħall-Missjoni Innovazzjoni u l-Inizjattiva dwar l-Idroġenu tal-Forum Ministerjali dwar l-Enerġija Nadifa, il-proġetti tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE jlaqqgħu flimkien sħab mill-UE u minn pajjiżi mhux tal-UE biex jaħdmu flimkien. Pereżempju, il-proġett ta’ kooperazzjoni tal-UE/Unjoni Afrikana (LEAP-RE) ta’ Orizzont Ewropa jirrikjedi li kull konsorzju jinvolvi mill-inqas erba’ pajjiżi miż-żewġ kontinenti, b’mill-inqas żewġ membri tal-konsorzji mill-pajjiżi tal-UE u mill-inqas tnejn mill-pajjiżi Afrikani.
L-assistenza teknika tal-UE li għadha għaddejja u li hija ppjanata hija meħtieġa għall-iżvilupp tal-qafas ta’ politika, regolatorju u ta’ investiment fil-pajjiżi Sħab tal-UE, inkluż għall-iżvilupp ta’ politiki tal-enerġija rinnovabbli, l-istrateġiji tal-idroġenu u l-istudji ta’ fattibbiltà.
L-appoġġ għall-investiment permezz tal-operazzjonijiet ta’ taħlit u garanziji tal-EFSD+ jgħin biex jitnaqqsu l-kostijiet finanzjarji billi jbaxxi l-kostijiet tal-investiment jew inaqqas r-riskji ta’ investiment. L-appoġġ tekniku u ta’ investiment itejjeb ukoll l-aċċess għall-finanzjament tal-proġetti tal-BEI u tal-istituzzjonijiet nazzjonali ta’ finanzjament għall-iżvilupp tal-Istati Membri peress li l-għotjiet tal-UE, il-garanziji tal-EFSD+ u l-inizjattivi Tim Ewropa jtejbu l-bankabbiltà tal-proġetti u l-fiduċja tal-investituri pubbliċi.
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku 27 b’għarfien espert imfassal apposta għat-tfassil u għall-implimentazzjoni tar-riformi, inklużi dawk li jippromwovu l-investimenti fl-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn l-enerġija ekoloġika permezz tal-idroġenu. Pereżempju, l-appoġġ tekniku jinvolvi t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva, l-armonizzazzjoni tal-oqfsa leġiżlattivi, u l-kondiviżjoni tal-prattiki tajba.
3.Konklużjoni
Il-Bank Ewropew tal-Idroġenu propost jikkomplementa l-qafas regolatorju u ta’ appoġġ tal-UE għall-istabbiliment ta’ katina tal-valur tal-idroġenu sħiħa fl-Ewropa u jappoġġa l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti. Huwa se jappoġġa b’mod proattiv lil dawk il-partijiet ikkonċernati industrijali li jieħdu deċiżjonijiet bikrija biex jirridirezzjonaw jew biex jiffokaw fuq l-użu ta’ teknoloġija nadifa u jistabbilixxu l-istadju għall-investimenti meħtieġa fil-kapital uman. Huwa mhux biss se jappoġġa l-iżvilupp tal-manifattura tal-elettrolizzaturi iżda se jgħin ukoll lill-atturi industrijali downstream jinvestu fi proċessi industrijali nodfa ġodda jew f’teknoloġiji tat-trasport li jaħdmu bl-idroġenu rinnovabbli minflok bil-fjuwils fossili.
Abbażi ta’ din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni beħsiebha timplimenta l-erba’ pilastri kollha tal-Bank Ewropew tal-Idroġenu sa tmiem is-sena. F’dan il-perjodu, se tkompli tirfina d-disinn, l-attivitajiet u l-istruttura istituzzjonali tal-Bank Ewropew tal-Idroġenu, fi djalogu kontinwu mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati.
Anness I
Id-disinn tal-irkant previst bħalissa jinkludi l-elementi li ġejjin:
|
Parametri tad-Disinn tal-Irkant ta’ Livell Għoli
|
|
|
Oġġett Irkantat |
L-Idroġenu Rinnovabbli kif definit fid-DA tal-REDII |
|
Valur Limitattiv għall-ikklerjar f’irkant |
Il-baġit tal-Fond għall-Innovazzjoni allokat għall-irkant rispettiv. Baġit indikattiv għall-ewwel irkant fl-2023: EUR 800 miljun |
|
Forma ta’ Remunerazzjoni |
Primjum Fiss (offerti f’EUR/kg ta’ H2), |
|
Tip ta’ Remunerazzjoni |
Appoġġ ibbażat fuq l-output. Pagamenti mal-konsenja ta’ volumi vverifikati u ċċertifikati. L-ebda pagament qabel id-Dħul fis-Seħħ (għall-kuntrarju ta’ għotjiet regolari tal-Fond għall-Innovazzjoni) |
|
Klassifikazzjoni tal-offerti / kriterji għall-aġġudikazzjoni |
Prezz biss (irkant bi kriterji uniċi) |
|
Durata tal-appoġġ |
10 snin |
|
Tip ta’ rkant |
Irkant statiku, ta’ stadju wieħed |
|
Regoli tal-prezzijiet |
pagament bħala offerta |
|
Prezz minimu |
L-ebda |
|
Prezz massimu |
Il-prezz limitu divulgat, li għandu jiġi ddeterminat permezz ta’ konsultazzjoni finali u skont id-daqs tas-suq |
|
Perjodu massimu ta’ realizzazzjoni |
Għandu jiġi ddeterminat permezz ta’ konsultazzjoni finali u skont id-daqs tas-suq |
|
Rekwiżiti ta’ prekwalifikazzjoni |
Permessi ewlenin (ambjentali, tal-bini), Memoranda ta’ Qbil jew Ittri ta’ Intenzjoni dwar il-PPAs għall-enerġija rinnovabbli u l-HPAs għall-offtake tal-idroġenu, kontrolli ġenerali tas-saħħa finanzjarja u tal-kapaċità, għażla ta’ garanziji tal-offerta u/jew tat-tlestija (minflok kontrolli tad-dokumenti qawwija) |
|
Akkumulazzjoni bl-Għajnuna mill-Istat |
L-ebda akkumulazzjoni bl-Għajnuna mill-Istat għall-istess kostijiet biex jiġu ssalvagwardjati kundizzjonijiet ekwi bejn l-Istati Membri |
|
Raġunijiet għat-terminazzjoni u penali |
Ir-raġunijiet għat-terminazzjoni se jinkludu n-nuqqas ta’ dħul fis-seħħ fil-perjodu massimu ta’ realizzazzjoni, u n-nuqqas sinifikanti ta’ konsenja għal perjodi twal. |
|
Awtorità ta’ implimentazzjoni |
L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Klima, għall-Infrastruttura u għall-Ambjent (CINEA) |