Brussell, 1.2.2023

COM(2023) 44 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/1919 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar l-għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew


1.Introduzzjoni

Id-dritt għall-għajnuna legali huwa minqux fl-Artikolu 47, it-tielet paragrafu, tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea 1 u fl-Artikolu 6(3)(c) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.  

Id-Direttiva (UE) 2016/1919 dwar għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew 2 (id-“Direttiva”) għandha l-għan li ssaħħaħ id-dritt għal proċess ġust fi proċedimenti kriminali billi tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar id-dritt għall-għajnuna legali.

Id-Direttiva hija s-sitt strument adottat skont l-Artikolu 82(2)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) 3 , li jipprovdi l-bażi ġuridika għall-adozzjoni ta’ regoli minimi dwar “id-drittijiet tal-individwi fil-proċedura kriminali”. Id-Direttiva tapplika f’25 Stat Membru 4 .

L-UE adottat il-ħames Direttivi l-oħra li ġejjin f’dan il-qasam:

·id-Direttiva dwar id-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni 5 ;

·id-Direttiva dwar id-dritt għall-informazzjoni 6 ;

·id-Direttiva dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat u għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi matul iċ-ċaħda tal-libertà 7 ;

·id-Direttiva dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess 8 ; u

·id-Direttiva dwar il-garanziji proċedurali għat-tfal 9 .

Dawn id-Direttivi jgħinu biex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka u b’hekk jissaħħaħ il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji oħra.

Il-Kummissjoni Ewropea diġà ppubblikat rapporti ta’ implimentazzjoni dwar l-ewwel erba’ Direttivi 10 . L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva, b’mod analogu, jobbliga lill-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva.

Dan ir-rapport huwa primarjament ibbażat fuq informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri lill-Kummissjoni meta nnotifikaw il-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva. Jibbaża wkoll fuq informazzjoni disponibbli pubblikament mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali 11 u minn studji ffinanzjati mill-Kummissjoni minn partijiet ikkonċernati esterni 12 .

Ir-rapport jiffoka fuq il-miżuri li ħadu l-Istati Membri sa issa biex jittrasponu d-Direttiva 13 . Jivvaluta jekk l-Istati Membri ittrasponewx id-Direttiva b’mod sħiħ u korrett u jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tilħaqx l-objettivi tad-Direttiva u tissodisfax ir-rekwiżiti tagħha.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea interpretat id-Direttiva 2013/48/UE f’xi okkażjonijiet 14 . Tali interpretazzjoni hija rilevanti wkoll għall-valutazzjoni tal-konformità mad-Direttiva u tqieset f’dan ir-rapport.

2.Valutazzjoni ġenerali

Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva, l-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttiva fil-liġi nazzjonali sal-25 ta’ Mejju 2019. Sa din id-data, 4 Stati Membri — il-Ġermanja, il-Greċja, il-Kroazja u Malta — ma kinux ikkomunikaw il-miżuri kollha meħtieġa lill-Kummissjoni. Minħabba f’hekk, f’Lulju 2019 il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur skont l-Artikolu 258 TFUE kontra dawn l-Istati Membri minħabba nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom. Minn dak iż-żmien ’il hawn, dawn l-Istati Membri kollha kkonformaw mal-obbligu, u l-proċedimenti ta’ ksur ingħalqu.

L-approċċ għat-traspożizzjoni tad-Direttiva jvarja bejn l-Istati Membri. Xi Stati Membri introduċew miżuri leġiżlattivi speċifiċi li jittrasponu b’mod espliċitu d-drittijiet skont id-Direttiva flimkien ma’ miżuri ta’ implimentazzjoni oħra legali jew prattiċi. Stati Membri oħra qiesu li l-miżuri eżistenti tagħhom kienu diġà fil-biċċa l-kbira tagħhom konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva, u ma adottaw l-ebda miżura ta’ traspożizzjoni speċifika.

Filwaqt li n-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni apposta xi kultant jiġi rimedjat sa ċertu punt permezz ta’ miżuri prattiċi ta’ implimentazzjoni u l-ġurisprudenza, dan mhux dejjem ikun il-każ. F’għadd ta’ Stati Membri (22), id-dispożizzjonijiet nazzjonali għalhekk mhumiex biżżejjed biex jikkonformaw bis-sħiħ ma’ ċerti dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva. Dan huwa partikolarment il-każ meta il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri nazzjonali jkun iktar ristrett minn dak stabbilit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva (huma kkonċernati 11-il Stat Membru).

Il-valutazzjoni tal-konformità żvelat ukoll nuqqasijiet oħra fi 22 Stat Membru, b’mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżit li tingħata għajnuna legali mingħajr dewmien żejjed, u mhux aktar tard minn qabel l-interrogazzjoni jew qabel ma jitwettqu atti investigattivi jew ta’ ġbir ta’ provi.

Tali nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva jaffettwa b’mod negattiv l-effettività tad-drittijiet skont id-Direttiva. Il-Kummissjoni se tieħu kull miżura xierqa biex tirrimedja n-nuqqasijiet kollha identifikati, inklużi billi tagħti bidu għal proċedimenti ta’ ksur skont l-Artikolu 258 TFUE.

3.Punti speċifiċi ta’ valutazzjoni

3.1.Kamp ta’ Applikazzjoni (l-Artikolu 2)

L-Artikolu 2(1) jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti tad-Direttiva. Din id-Direttiva tapplika għall-persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali li jkollhom dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat skont id-Direttiva 2013/48/UE u li:

(a)jiġu mċaħħda mil-libertà;

(b)ikunu meħtieġa li jiġu assistiti minn avukat skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali; jew

(c)ikunu meħtieġa jew permessi li jattendu għal att investigattiv jew att ta’ ġbir ta’ provi, inkluż bħala minimu dawn li ġejjin:

(I)l-identifikazzjoni ta’ persuni speċifiċi minn fost oħrajn;

(II)konfrontazzjonijiet;

(III)rikostruzzjonijiet tax-xena ta’ reat.

F’ħafna Stati Membri (14), il-miżuri nazzjonali li jagħtu effett lid-drittijiet tad-Direttiva huma konformi mad-Direttiva, minkejja li jistgħu ma jittrasponux espressament l-Artikolu 2(1). Madankollu, ġew identifikati kwistjonijiet ta’ konformità fil-liġijiet nazzjonali ta’ 11-il Stat Membru. Kwistjonijiet ta’ konformità relatati mat-traspożizzjoni tal-Artikolu 2(1) huma partikolarment serji peress li spiss ikollhom impatt ukoll fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw drittijiet speċifiċi skont id-Direttiva. Dan huwa partikolarment il-każ meta persuni ssuspettati fis-sens tad-Direttiva ma jkunux rikonoxxuti bħala tali fil-livell nazzjonali, meta l-għajnuna legali tkun disponibbli biss ladarba jinħarġu akkużi formali, jew meta l-liġijiet nazzjonali ma jkunux ikopru l-forom kollha ta’ ċaħda tal-libertà li matulha għandha tingħata l-għajnuna legali.

L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva jipprevedi li d-drittijiet tad-Direttiva japplikaw għall-persuni rikjesti li għandhom dritt ta’ aċċess għal avukat skont id-Direttiva 2013/48/UE mill-mument tal-arrest tagħhom fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Ġew identifikati kwistjonijiet ta’ konformità fi 12-il Stat Membru minħabba li naqsu milli jittrasponu r-rekwiżit ta’ “mill-mument tal-arrest”.

Mill-Istati Membri kollha, 7 għamlu użu mill-opzjoni li jeskludu reati minuri mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni (l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva). Filwaqt li l-liġi nazzjonali tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri (5) li għamlu użu minn din l-opzjoni tikkonforma mal-limitazzjonijiet stipulati fid-Direttiva, il-liġi nazzjonali ta’ żewġ Stati Membri tidher li mhijiex kompletament konformi.

3.2.Definizzjoni (l-Artikolu 3)

L-Artikolu 3 tad-Direttiva jiddefinixxi l-għajnuna legali għall-finijiet tad-Direttiva bħala finanzjament minn Stat Membru tal-assistenza ta’ avukat, li jippermetti l-eżerċitar tad-dritt ta’ aċċess għal avukat. Il-premessa 8 tad-Direttiva tiddikjara li l-għajnuna legali jenħtieġ li tkopri l-ispejjeż tad-difiża ta’ persuni ssuspettati, akkużati u persuni rikjesti, u li meta jipprovdu l-għajnuna legali, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jirrikjedu li l-persuni ssuspettati, akkużati jew il-persuni rikjesti jġarrbu parti minn dawk l-ispejjeż minn buthom, skont ir-riżorsi finanzjarji tagħhom.

Lil hinn minn dak li huwa ddikjarat fil-premessa 8, il-kwistjoni tal-irkupru tal-ispejjeż tal-għajnuna legali, filwaqt li hija rilevanti, mhijiex indirizzata direttament mid-Direttiva. Madankollu, f’xi każijiet, id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-irkupru tal-ispejjeż jista’ jkollhom impatt fuq il-valutazzjoni tar-rekwiżiti speċifiċi tad-Direttiva fir-rigward tal-mument li fih tittieħed id-deċiżjoni dwar l-għajnuna legali jew fir-rigward taċ-ċertezza legali.

Mill-Istati Membri kollha, 19 jippermettu li l-ispejjeż jiġu rkuprati f’ċirkostanza speċifika waħda jew aktar, bħal:

·fi 12-il Stat Membru, fil-każ ta’ kundanna, b’kont dovut meħud tas-sitwazzjoni finanzjarja u/jew familjari tal-persuna jew anki irrispettivament minn din is-sitwazzjoni, jew meta l-proċedimenti kriminali jintemmu minħabba ċirkostanzi li ma jeżonerawx lill-persuna bħall-iskadenza tal-perjodu ta’ preskrizzjoni, jew l-amnestija;

·fi 8 Stati Membri, meta jirriżulta li l-persuna ma kinitx intitolata għal għajnuna legali, ipprovdiet dikjarazzjonijiet foloz, naqset milli tikkoopera jew abbużat mill-għajnuna legali, jew ma nnotifikatx lill-awtoritajiet li r-raġunijiet għall-għoti tal-għajnuna legali ma kinux għadhom jeżistu, jew meta l-ispejjeż tal-għajnuna legali ġġarrbu b’negliġenza; u

·f’4 Stati Membri, meta s-sitwazzjoni finanzjarja tal-benefiċjarju tal-għajnuna legali tkun tjiebet.

3.3.Għajnuna legali fi proċedimenti kriminali (l-Artikolu 4)

L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-persuni ssuspettati u akkużati jkollhom id-dritt għal għajnuna legali meta ma jkollhomx biżżejjed riżorsi biex iħallsu għall-assistenza ta’ avukat (test tal-mezzi) u/jew meta dan ikun rikjest fl-interessi tal-ġustizzja (test tal-mertu). Dan iħalli ċerta diskrezzjoni f’idejn l-Istati Membri. Fil-prinċipju, huma jistgħu jżommu l-istruttura tad-diversi sistemi ta’ għajnuna legali tagħhom sakemm l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali rilevanti tagħhom ma tillimitax jew tidderoga mid-drittijiet u s-salvagwardji proċedurali żgurati mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (il-premessa 17, l-aħħar sentenza, tad-Direttiva).

Il-premessa 18 relatata tad-Direttiva tipprevedi li: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu arranġamenti prattiċi fir-rigward tal-għoti ta’ għajnuna legali. Tali arranġamenti jistgħu jistabbilixxu li l-għajnuna legali tingħata b’segwitu għal talba minn persuna ssuspettata, persuna akkużata jew persuna rikjesta. Minħabba, b’mod partikolari, il-ħtiġijiet ta’ persuni vulnerabbli, tali talba m’għandhiex, madankollu, tkun kundizzjoni sostantiva għall-għoti tal-għajnuna legali.”

Ġie kkonstatat li 3 Stati Membri jirrikjedu t-tressiq ta’ talba formali għall-għajnuna legali, u ma jipprovdu l-ebda opzjoni biex l-għajnuna legali tingħata ex officio. Għalhekk, ir-rekwiżit li titressaq talba formali f’dawn l-Istati Membri jista’ jkollu l-effett ta’ kundizzjoni sostantiva għall-għoti ta’ għajnuna legali fis-sens tal-premessa 18 tad-Direttiva. Madankollu, f’wieħed minn dawn l-Istati Membri, dan huwa mmitigat mill-fatt li l-liġi nazzjonali tiżgura li l-awtoritajiet tal-kriminal jinfurmaw lill-persuna kkonċernata bid-dritt tagħha għall-għajnuna legali, u mill-fatt li l-assoċjazzjoni nazzjonali tal-avukati tista’ tagħmel tajjeb bil-quddiem għall-ispejjeż u t-tariffi sakemm tittieħed deċiżjoni formali.

Filwaqt li 5 Stati Membri japplikaw biss test tal-mezzi, u 3 Stati Membri test tal-mertu biss, 16-il Stat Membru japplikaw kemm test tal-mezzi kif ukoll test tal-mertu. Mill-Istati Membri kollha, wieħed ma eżerċitax l-opzjoni li d-dritt għall-għajnuna legali jkun soġġett għall-ittestjar tal-mezzi jew tal-mertu. Minħabba f’hekk, id-dritt għall-għajnuna legali huwa inkundizzjonat u l-Istat Membru ma ttrasponiex l-Artikolu 4(2), (3) u (4) peress li mhuwiex applikabbli fil-kuntest nazzjonali.

Fi 19-il Stat Membru minn fost dawk li japplikaw test tal-mezzi, il-liġi tidher li tikkonforma mal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva, li jobbliga lil dawn l-Istati Membri jqisu l-fatturi rilevanti u oġġettivi kollha, bħall-introjtu, il-kapital u s-sitwazzjoni familjari tal-persuna kkonċernata, kif ukoll l-ispejjeż tal-assistenza ta’ avukat u l-livell tal-għajxien fl-Istat Membru, sabiex jiġi ddeterminat jekk, f’konformità mal-kriterji applikabbli f’dak l-Istat Membru, persuna suspettata jew akkużata għandhiex riżorsi suffiċjenti biex tħallas għall-assistenza ta’ avukat. L-Istati Membri li japplikaw test tal-mezzi jużaw diversi kriterji biex jiddeterminaw l-eliġibbiltà għall-għajnuna legali. Mill-Istati Membri kollha, 9 jiddependu fuq klawżoli ġenerali, pereżempju referenzi ġenerali għas-sitwazzjoni soċjoekonomika jew finanzjarja tal-applikant, u b’hekk jippermettu aktar flessibbiltà. Kuntrarjament, 12 stabbilew dispożizzjonijiet aktar dettaljati li jistabbilixxu kriterji speċifiċi u/jew livell limitu fiss. F’żewġ Stati Membri biss li japplikaw test tal-mezzi, il-miżuri nazzjonali ma jikkonformawx bis-sħiħ mal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva. F’wieħed minnhom dan huwa dovut għal preżunzjoni li ċerti kategoriji ta’ persuni ssuspettati u akkużati għandhom introjtu ogħla mil-livell limitu biex jiksbu aċċess għall-għajnuna legali. Tali preżunzjoni teskludi wkoll il-possibbiltà li tingħata għajnuna legali fi proċedimenti fil-futur, irrispettivament min-natura ta’ tali proċedimenti u mill-istatus proċedurali tal-persuna kkonċernata. Fl-ieħor, in‑nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 4(3) huwa dovut għan-nuqqas ta’ kriterji speċifiċi għall-valutazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-persuna kkonċernata, flimkien mal-fatt li t-test tal-mezzi jiġi applikat biss fi tmiem il-proċedimenti, meta tittieħed deċiżjoni dwar l-irkupru potenzjali tal-ispejjeż.

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva tobbliga lill-Istati Membri li japplikaw test tal-mertu jqisu s-serjetà tar-reat kriminali, il-kumplessità tal-każ u s-severità tas-sanzjoni inkwistjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-interessi tal-ġustizzja jirrikjedux li tingħata għajnuna legali. Mill-Istati Membri kollha li japplikaw test tal-mertu, 7 stabbilew kriterji speċifiċi għal dawn it-testijiet fis-sens strett tal-kelma. Il-biċċa l-kbira (18) tal-Istati Membri li japplikaw test tal-mertu għandhom sistemi għal difiża obbligatorja li jikkorrispondu għall-ittestjar tal-mertu kif imsemmi fir-rigward tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva (ara t-Taqsima 3.1 ta’ dan ir-rapport). Il-liġijiet nazzjonali ta’ 5 Stati Membri fihom ukoll referenzi ġenerali għall-interessi tal-ġustizzja, iżda Stat Membru wieħed biss li japplika test tal-mertu jiddependi unikament fuq tali referenza ġenerali. F’dan l-Istat Membru, il-qorti tapplika l-kriterju tal- “interessi tal-ġustizzja” b’mod diskrezzjonali, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ. Madankollu, fil-fatt, meta l-persuni ssuspettati jew akkużati jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-test tal-mezzi, il-qorti — skont ir-rapporti mill-partijiet ikkonċernati — tikkunsidra awtomatikament li l-għoti tal-għajnuna legali huwa fl-interessi tal-ġustizzja u għalhekk tqis li r-rekwiżiti tat-test tal-merti bħala ssodisfati wkoll.

It-tieni sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva telenka s-sitwazzjonijiet li fihom ir-rekwiżiti tat-test tal-mertu jridu jitqiesu li ġew issodisfati, jiġifieri:

(a)meta titressaq persuna ssuspettata jew akkużata quddiem qorti jew imħallef kompetenti sabiex tittieħed deċiżjoni dwar id-detenzjoni fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti fil-kamp ta' applikazzjoni ta’ din id-Direttiva; u

(b)matul id-detenzjoni.

Fi 11-il Stat Membru li japplikaw test tal-mertu, ġew identifikati kwistjonijiet ta’ konformità relatati primarjament mal-punt (a) ta’ hawn fuq. Dawn il-kwistjonijiet jikkonċernaw primarjament każijiet li fihom tittieħed deċiżjoni dwar id-detenzjoni ta’ qabel il‑proċess waqt li persuna ma tkunx (għadha) iċċaħdet mil-libertà. Madankollu, ġew identifikati wkoll kwistjonijiet ta’ konformità f’każijiet li fihom persuna tkun diġà ttieħdet f’kustodja mill-pulizija.

L-Artikolu 4(5) tad-Direttiva jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-għajnuna legali tingħata mingħajr dewmien żejjed, u sa mhux aktar tard minn qabel l-interrogazzjoni mill-pulizija, minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew minn awtorità ġudizzjarja, jew qabel ma jitwettqu l-atti investigattivi jew ta’ ġbir ta’ provi previsti fl-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva. F’dan il-kuntest, ta’ min jinnota li 14-il Stat Membru jipprevedu għajnuna legali proviżorja jew ta’ emerġenza. Madankollu, fi 22 Stat Membru, ġew identifikati kwistjonijiet ta’ konformità fir-rigward tal-Artikolu 4(5). F’ħafna minn dawn l-Istati Membri (17), l-aċċess għal avukat jista’ jingħata f’waqtu (bl-applikazzjoni tad-Direttiva 2013/48/UE), iżda d-dritt għal għajnuna legali (proviżorja) kif stipulat fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva mhuwiex previst b’mod ċar. Tali kwistjonijiet ta’ konformità huma marbuta mat-traspożizzjoni skorretta tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u mat-tempistika tal-għoti tal-għajnuna legali, kemm b’mod ġenerali kif ukoll f’każijiet speċifiċi. Barra minn hekk, ġew identifikati kwistjonijiet ta’ konformità meta t-tressiq ta’ talba formali ikun stabbilit bħala kundizzjoni sostantiva għall-għoti ta’ għajnuna legali.

3.4.Għajnuna legali fil-proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (l-Artikolu 5)

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva jobbliga lill-Istati Membri li jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew jiżguraw li l-persuni rikjesti taħt mandat ta’ arrest Ewropew ikollhom dritt għall-għajnuna legali mill-mument tal-arrest f’dak l-Istat Membru sal-mument tal-konsenja tagħhom, jew sa meta ssir finali d-deċiżjoni li l-konsenja ma ssirx.

Mill-Istati Membri kollha, 5 ittrasponew espressament id-dritt għall-għajnuna legali għal persuni rikjesti taħt mandat ta’ arrest Ewropew billi stabbilew dispożizzjonijiet speċifiċi u awtonomi. Kuntrarjament, il-leġiżlazzjoni tal-maġġorparti (20) tal-Istati Membri tibbaża fuq kontroreferenzi għal dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-għajnuna legali fi proċedimenti kriminali.

Ġew identifikati kwistjonijiet ta’ konformità fir-rigward tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva fi 15-il Stat Membru li jirriżultaw prinċipalment min-nuqqas ta’ traspożizzjoni tar-rekwiżit “mill-mument tal-arrest” kif issemma qabel fir-rigward tal-Artikolu 2(2) (ara t-Taqsima 3.1 ta’ dan ir-rapport). Kwistjonijiet oħra ta’ konformità nnutati f’6 Stati Membri huma marbuta ma’ regoli nazzjonali li jagħmlu l-għoti ta’ għajnuna legali kundizzjonali għal talba formali, jew mat-traspożizzjoni skorretta tat-termini għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-għoti ta’ għajnuna legali, li jfisser li fil-fatt, filwaqt li fil-prinċipju jista’ jkun hemm dritt għal għajnuna legali mill-mument tal-arrest, dan ma jkunx garantit sakemm tittieħed deċiżjoni.

Skont l-Artikolu 5(2), l-Istati Membri li joħorġu mandat ta’ arrest Ewropew għandhom jiżguraw li l-persuni rikjesti li jkunu soġġetti għall-proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew sabiex titmexxa prosekuzzjoni kriminali u li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jqabbdu avukat f’dan l-Istat Membru biex jassisti lill-avukat fl-Istat Membru li jeżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew f’konformità mal-Artikolu 10(4) u (5) tad-Direttiva 2013/48/UE dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat ikollhom id-dritt għall-għajnuna legali fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew għall-fini ta’ tali proċedimenti fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali fi 12-il Stat Membru ma tikkonformax bis-sħiħ mal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva prinċipalment minħabba nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi li jagħtu effett lir-rekwiżit tad-Direttiva jew minħabba n-nuqqas ta’ kontroreferenzi ċari li jestendu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar proċedimenti kriminali jew għajnuna legali biex ikopru proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva jipprevedi li d-dritt għall-għajnuna legali msemmi fl-Artikolu 5(1) u (2) jista’ jkun soġġett għal test tal-mezzi f’konformità mal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva, li japplika mutatis mutandis. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tipprevedix il-possibbiltà ta’ test tal-mertu f’konformità mal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva. Aktar minn nofs (15) l-Istati Membri għażlu li japplikaw test tal-mezzi f’konformità mal-Artikolu 5(3). Madankollu, il-kwistjonijiet ta’ konformità nnutati f’4 Stati Membri huma frott: (i) l-applikazzjoni ta’ test tal-mertu apparti test tal-mezzi; (ii) nuqqas ta’ ċarezza dwar jekk japplikax biss test tal-mezzi; (iii) jew nuqqasijiet fit-traspożizzjoni tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva li għandhom impatt ukoll fuq il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva (ara t-Taqsima 3.3 ta’ dan ir-rapport).

3.5.Deċiżjonijiet rigward l-għoti ta’ għajnuna legali (l-Artikolu 6)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jirrikjedi li d-deċiżjonijiet dwar jekk tingħatax għajnuna legali jew le u dwar l-assenjazzjoni ta’ avukati tal-għajnuna legali jridu jittieħdu, mingħajr dewmien żejjed, minn awtorità kompetenti. L-Istati Membri jridu wkoll jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li l-awtorità kompetenti tieħu d-deċiżjonijiet tagħha b’mod diliġenti, filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża.

Il-premessa 24 tad-Direttiva tispjega li l-awtorità kompetenti jenħtieġ li tkun awtorità indipendenti li tkun kompetenti biex tieħu deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ għajnuna legali, jew qorti, inklużi dawk komposti minn imħallef wieħed. Madankollu, f’sitwazzjonijiet urġenti, l-involviment temporanju tal-pulizija u l-prosekuzzjoni jenħtieġ li jkun ukoll possibbli sa fejn dan ikun meħtieġ biex l-għajnuna legali tingħata f’waqtha.

Fil-biċċa l-kbira (23) tal-Istati Membri, id-deċiżjonijiet dwar l-għoti tal-għajnuna legali jittieħdu minn qorti jew imħallef u/jew minn uffiċċji tal-għajnuna legali. L-avukati individwali tal-għajnuna legali normalment jiġu assenjati f’kooperazzjoni mal-assoċjazzjonijiet tal-avukati nazzjonali (normalment il-Kamra tal-Avukati). L-avukati jiġu assenjati abbażi ta’ listi jew reġistri elettroniċi ta’ avukati tal-għajnuna legali pprovduti jew ġestiti minn assoċjazzjonijiet ta’ avukati jew inkella assenjati għal każijiet individwali minn tali assoċjazzjoni stess. F’żewġ Stati Membri, l-għajnuna legali hija kompletament organizzata mill-Kmamar nazzjonali tal-Avukati u l-membri tagħhom. Min-naħa l-oħra, f’4 Stati Membri, il-Kmamar tal-Avukati mhumiex involuti direttament.

F’6 Stati Membri, il-pulizija u l-prosekuturi jistgħu jkunu involuti wkoll fid-deċiżjoni dwar l-għajnuna legali: (i) f’tipi jew stadji speċifiċi tal-proċedimenti; (ii) f’ċirkostanzi speċifiċi, bħaċ-ċaħda tal-libertà ta’ persuna ssuspettata jew akkużata; (iii) meta tapplika d-difiża obbligatorja; jew (iv) b’rabta ma’ ċerti tipi ta’ għajnuna legali.

F’aktar minn nofs (15) l-Istati Membri, ġew identifikati kwistjonijiet fir-rigward tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva. Dawn il-kwistjonijiet huma prinċipalment marbuta mat-tempistika tad-deċiżjoni dwar l-għajnuna legali (kwistjonijiet relatati mat-traspożizzjoni tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva u b’hekk għandhom ukoll impatt fuq it-traspożizzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva) u/jew ir-rekwiżit li awtorità kompetenti trid tieħu d-deċiżjoni.

Fi 5 Stati Membri, ġew identifikati kwistjonijiet ta’ konformità fir-rigward tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva, li jistipula li l-persuni ssuspettati, akkużati u l-persuni rikjesti jridu jiġu infurmati bil-miktub jekk it-talba tagħhom għal għajnuna legali tiġi rrifjutata kompletament jew parzjalment.

3.6.Il-kwalità tas-servizzi ta’ għajnuna legali u t-taħriġ (l-Artikolu 7)

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa, inkluż fir-rigward tal-finanzjament, biex jiżguraw li:

(a)ikun hemm sistema effikaċi ta’ għajnuna legali li tkun ta' kwalità adegwata; u

(b)is-servizzi ta’ għajnuna legali jkunu ta’ kwalità adegwata biex jiggarantixxu l-ekwità tal-proċedimenti, filwaqt li tiġi rispettata kif dovut l-indipendenza tal-professjoni legali.

Dan ir-rekwiżit tad-Direttiva huwa wkoll kwistjoni ta’ implimentazzjoni prattika li mhux dejjem ikun jeħtieġ traspożizzjoni permezz ta’ miżuri leġiżlattivi, jekk ikun hemm qafas legali xieraq. Madankollu, fi 3 Stati Membri, l-ebda regola speċifika ma setgħet tiġi identifikata fil-liġi nazzjonali li tagħti effett lill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva. Instabu wkoll kwistjonijiet fi 11-il Stat Membru li ħadu miżuri speċifiċi fir-rigward tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva. Dawn il-kwistjonijiet huma prinċipalment minħabba li s-sistema tal-għajnuna legali hija sottofinanzjata, it-tariffi mħallsa lill-avukati tal-għajnuna legali huma aktar baxxi jew is-sistemi tas-selezzjoni għall-avukati tal-għajnuna legali huma inadegwati, li jista’ jkollhom implikazzjonijiet negattivi għall-kwalità tal-għajnuna legali. Sistemi speċjali ta’ akkreditazzjoni jew ta’ selezzjoni għall-avukati tal-għajnuna legali stabbiliti f’4 Stati Membri wkoll mhumiex neċessarjament suffiċjenti minnhom infushom biex jiżguraw il-kwalità tas-servizzi tal-għajnuna legali.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma ttrasponewx speċifikament id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(2) (23 Stat Membru) u (3) (18-il Stat Membru) tad-Direttiva relatati mat-taħriġ tal-persunal involut fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna legali u l-avukati. Setgħu jiġu identifikati l-aktar miżuri rilevanti ta’ natura ġenerali biss. Kif indikat aktar ’il fuq, mhumiex neċessarjament meħtieġa miżuri ta’ traspożizzjoni speċifiċi għal dawn il-paragrafi u l-implimentazzjoni tagħhom tista’ tiġi żgurata fil-prattika.

L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li persuni ssuspettati, akkużati u persuni rikjesti jkollhom id-dritt, b’talba tagħhom, li l-avukat assenjat lilhom biex jipprovdi servizzi ta’ għajnuna legali jiġi sostitwit, meta ċ-ċirkostanzi speċifiċi jiġġustifikaw dan. Ġew identifikati kwistjonijiet ta’ konformità fi 11-il Stat Membru. F’5 minn dawn l-Istati Membri, ma setgħet tiġi identifikata l-ebda miżura ta’ traspożizzjoni espliċita, iżda d-dispożizzjonijiet dwar l-għażla libera ta’ avukat, dwar ir-relazzjoni bejn il-klijenti u l-avukati, u dwar l-imġiba professjonali u etika tal-avukati jistgħu jkunu ta’ ċerta rilevanza. F’6 Stati Membri, il-kwistjonijiet ta’ konformità identifikati huma marbuta mal-kamp ta’ applikazzjoni aktar limitat tad-dispożizzjonijiet nazzjonali jew ma’ nuqqas ta’ ċarezza legali.

3.7.Rimedji (l-Artikolu 8)

L-Artikolu 8 tad-Direttiva jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-persuni ssuspettati, akkużati u l-persuni rikjesti jkollhom rimedju effettiv skont il-liġi nazzjonali fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet tagħhom skont id-Direttiva.

Mill-Istati Membri kollha, 11 jipprevedu rimedji speċifiċi għall-ksur tad-dritt għall-għajnuna legali, filwaqt li 14-il Stat Membru jiddependu unikament fuq rimedji ġenerali għall-ksur tad-drittijiet proċedurali. F’dawk l-Istati Membri li għandhom rimedji speċifiċi, huma disponibbli wkoll rimedji ġenerali għall-ksur tad-drittijiet tad-difiża.

3.8.Persuni vulnerabbli (l-Artikolu 9)

L-Artikolu 9 tad-Direttiva jistipula li l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-ħtiġijiet partikolari ta’ persuni vulnerabbli li jkunu ssuspettati, akkużati u rikjesti jitqiesu fl-implimentazzjoni tad-Direttiva.

Apparti l-minuri, f’ħafna (18) Stati Membri, jitqiesu vulnerabbiltajiet speċifiċi oħra u tipikament iwasslu għal eliġibbiltà awtomatika għall-għajnuna legali. Dan spiss japplika għal persuni b’diżabilitajiet/nuqqas ta’ kapaċitajiet fiżiċi jew mentali, persuni li fir-rigward tagħhom hemm dubji dwar il-kapaċità tagħhom li jiddefendu lilhom infushom, jew persuni bi bżonnijiet speċjali. Jenħtieġ li jittieħed kont, pereżempju, tal-fatt li wieħed ikun qiegħed ifittex l-ażil, ikun persuna spostata, minorenni mhux akkumpanjat, barrani jew persuna li ma titkellimx jew ma tifhimx il-lingwa tal-Istat Membru meta jsiru l-proċedimenti.

4.Konklużjoni

L-għan tad-Direttiva kien li ttejjeb l-applikazzjoni effettiva tad-dritt għall-għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Kumplessivament, id-Direttiva pprovdiet valur miżjud tal-UE billi għolliet il-livell ta’ protezzjoni tal-persuni involuti fi proċedimenti kriminali.

Madankollu, dan ir-rapport jenfasizza li għad hemm xi diffikultajiet fl-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Dan huwa partikolarment minnu għall-miżuri nazzjonali li jonqsu milli jkopru l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (l-Artikolu 2 tad-Direttiva) u għan-nuqqasijiet fir-rigward tal-għajnuna legali li tingħata f’waqtha (l-Artikolu 4(5), l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva).

Il-Kummissjoni se tkompli tivvaluta l-konformità tal-Istati Membri mad-Direttiva u se tieħu kull miżura xierqa biex tiżgura li jkun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fl-UE kollha.

(1)

ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391.

(2)

ĠU L 297, 4.11.2016, p. 1; rettifika: ĠU L 91, 5.4.2017, p. 40.

(3)

ĠU C 326, 26.10.2012, p. 47.

(4)

F’konformità mal-Protokoll Nru 21 u l-Protokoll Nru 22, rispettivament, l-Irlanda u d-Danimarka mhumiex marbuta bid-Direttiva. Għalhekk, mhumiex ikkunsidrati f’din il-valutazzjoni.

(5)

Id-Direttiva 2010/64/UE dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali, ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1.

(6)

Id-Direttiva 2012/13/UE dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali, ĠU L 142, 1.6.2012, p. 1.

(7)

Id-Direttiva 2013/48/UE dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà, ĠU L 294, 6.11.2013, p. 1.

(8)

Id-Direttiva (UE) 2016/343 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali, ĠU L 65, 11.3.2016, p. 1.

(9)

Id-Direttiva (UE) 2016/800 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali, ĠU L 132, 21.5.2016, p. 1.

(10)

COM(2018) 857 final, COM(2018) 858 final, COM(2019) 560 final u COM(2021) 144 final.

(11)

Studju magħmul mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, Rights in practice: access to a lawyer and procedural rights in criminal and European arrest warrant proceeding. Disponibbli hawnhekk Rights in practice: access to a lawyer and procedural rights in criminal and European arrest warrant proceedings (europa.eu) .

(12)

 Ara pereżempju l-proġett ikkoordinat mill-Kumitat Ungeriż ta’ Helsinki dwar id-dritt għal avukat u għal għajnuna legali fi proċedimenti kriminali f’ħames ġuriżdizzjonijiet Ewropej, rapport komparattiv disponibbli hawnhekk Right_to_lawyer_and_legal_aid_COMPARATIVE_REPORT_2018.pdf (helsinki.hu) , u l-proġett immexxi mill-Istitut tal-Liġi tal-Litwanja, “Enhancing the quality of Legal Aid: Common Standards for Different Countries”, l-informazzjoni disponibbli hawnhekk Enhancing the quality of Legal Aid: Common Standards for Different Countries | LTI (teise.org) .

(13)

Il-Kummissjoni organizzat żewġ laqgħat tal-esperti mar-rappreżentanti tal-Istati Membri f’Jannar u Ottubru 2018, biex tiddiskuti u tiffaċilita l-ħidma tal-Istati Membri fir-rigward tat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva.

(14)

Ara b’mod partikolari s-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et, C-612/15; tad-19 ta’ Settembru 2019, Rayonna prokuratura Lom, C-467/18; u tat-12 ta’ Marzu 2020, VW, C-659/18.