29.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/531


RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1960 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2023

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva (qabel it-30 ta’ Novembru 2021: L-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2) għas-sena finanzjarja 2021

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva għas-sena finanzjarja 2021,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0069/2023),

A.

billi f’Novembru 2021, ġie addottat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 (1), li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva biex tissostitwixxi l-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 (“IMI 2”) taħt il-programm Orizzont Ewropa għall-perjodu li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2031;

B.

billi l-Impriża Konġunta IHI hija sħubija pubblika-privata għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tas-saħħa. billi l-għan tal-Impriża Konġunta IHI huwa li tgħin fil-ħolqien ta’ ekosistema ta’ riċerka u innovazzjoni tas-saħħa fl-Unjoni kollha li tiffaċilita t-trasferiment tal-għarfien xjentifiku f’innovazzjonijiet tanġibbli; billi dawk l-innovazzjonijiet għandhom ikopru l-prevenzjoni, id-dijanjostika, it-trattament u l-ġestjoni tal-mard;

C.

billi l-membri fundaturi tagħha huma l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, il-Kumitat Ewropew ta’ Koordinazzjoni tal-Industrija tal-IT Radjoloġika, Elettromedika u tal-Kura tas-Saħħa, Advancing Healthcare, il-Federazzjoni Ewropea tal-Industriji u l-Assoċjazzjonijiet Farmaċewtiċi inklużi l-Vaccines Europe (EFPIA), l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Bijoindustriji u MedTech Europe (l-assoċjazzjoni Ewropea tal-kummerċ għall-industrija tat-teknoloġija medika inklużi d-dijanjostika, l-apparat mediku u s-saħħa diġitali); billi l-Impriża Konġunta IHI ssegwi mudell bipartitiku, fejn il-Kummissjoni u l-membri privati mill-industrija u r-riċerka huma rrappreżentati fil-bord ta’ tmexxija u jikkontribwixxu għall-attivitajiet operattivi tal-Impriża Konġunta IHI;

D.

billi l-baġit totali tal-Impriża Konġunta IHI għall-perjodu 2021-2027 huwa ta’ EUR 2,4 biljun, li nofshom ġejjin mill-programm Orizzont Ewropa; billi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni minn Orizzont Ewropa, inklużi l-approprjazzjonijiet tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, se tkopri l-kostijiet amministrattivi u operattivi sa EUR 1,2 biljun, inkluż sa EUR 30,2 miljun għall-kostijiet amministrattivi; billi, bejn l-2021 u l-2028, l-Unjoni se tkompli tikkontribwixxi b’ammont sa EUR 22,3 miljun għall-baġit amministrattiv, li jirrappreżenta r-riport mill-Impriża Konġunta IMI2;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jilqa’ l-fatt li, skont ir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (ir-“rapport tal-Qorti”), il-kontijiet tal-Impriża Konġunta IHI għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2021 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta IHI fil-31 ta’ Diċembru 2021, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont ir-regolament finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni; jenfasizza, barra minn hekk, il-fatt li skont ir-rapport tal-Qorti, it-tranżazzjoni li fuqha huma bbażati l-kontijiet hija legali u regolari fl-aspetti materjali kollha;

2.

Jinnota li Orizzont Ewropa jipprevedi għanijiet ambizzjużi għall-Impriża Konġunta IHI, li jistgħu jinkisbu biss jekk jitfasslu u jiġu implimentati soluzzjonijiet effettivi li jindirizzaw id-dgħufijiet fis-sistemi ta’ kontroll intern tal-Impriża Konġunta IHI u jħejju għall-isfidi futuri li jirriżultaw minn żieda fir-responsabbiltajiet, eż. fil-qasam tal-ġestjoni u l-ippjanar tar-riżorsi umani; jirrimarka, f’dan il-kuntest, li kalkoli u rekwiżiti ta’ rappurtar partikolarment ikkumplikati u onerużi jirrappreżentaw riskju sinifikanti ta’ żball u jappella, għalhekk, li jiġu esplorati l-possibbiltajiet għas-simplifikazzjoni kull fejn ikun possibbli u kompatibbli mal-qafas legali eżistenti;

3.

Jinnota li fl-2021, il-baġit finali disponibbli tal-Impriża Konġunta IHI għall-2021, inklużi l-approprjazzjonijiet mhux użati tas-snin preċedenti, li l-Impriża Konġunta IHI reġgħet daħħlet fil-baġit tas-sena attwali, id-dħul assenjat u r-riallokazzjonijiet għas-sena ta’ wara, ammontaw għal EUR 11,0-il miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u għal EUR 210,4 miljuni f’approprjazzjonijiet ta’ pagament; jinnota li l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn u tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament laħqet 75,91 % (98,66 % fl-2020) u 95,39 % (97,08 % fl-2020) rispettivament;

4.

Jinnota li ma hemm l-ebda definizzjoni armonizzata ta’ “spejjeż amministrattivi” bejn l-Impriżi Konġunti, li hija bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri tagħha u prekundizzjoni għall-fini ta’ ċifri komparabbli; jappella biex, fil-kuntest ta’ dan, jiġu adottati linji gwida komuni b’tali mod li l-Impriżi Konġunti kollha jieħdu approċċ armonizzat għall-klassifikazzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ nfiq għal spejjeż amministrattivi, bħall-infiq għal konsultazzjonijiet, studji, analiżi, evalwazzjonijiet, u assistenza teknika;

5.

Jinsab imħasseb li l-livell ta’ lħuq tal-miri permezz tal-kontribuzzjoni tal-membri tal-Impriża Konġunta IHI huwa relattivament baxx; jinnota, madankollu, li dan huwa dovut għad-durata twila tal-proġetti, meħtieġa min-natura tar-riċerka tal-Impriża Konġunta IHI fil-qasam tas-saħħa innovattiva u l-iskala tal-konsorzji globali li jimplimentaw il-proġetti. jinnota li l-Impriża Konġunta IHI għad trid tħallas EUR 84,3 miljun għall-proġetti tas-Seba’ Programm Qafas li għaddejjin bħalissa fis-snin li ġejjin;

6.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-għadd dejjem jikber ta’ proġetti li għadhom għaddejjin minn diversi programmi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li qed jiġu implimentati b’mod simultanju jippreżenta r-riskju li r-riżorsi amministrattivi meħtieġa għall-ġestjoni effiċjenti ta’ dawn il-fondi jistgħu ma jkunux biżżejjed; jinsab sodisfatt li mis-segwitu għall-kwittanza tal-2020, ittieħdet azzjoni biex tindirizza din il-kwistjoni u li l-Impriża Konġunta IHI se tirrapporta dwar id-dettalji tal-proċess fir-Rapport tal-Attività Annwali Konsolidat għall-2022;

7.

Jinnota li, fir-rigward tal-obbligi operazzjonali tal-Impriża Konġunta IHI fi tmiem l-2021, l-Impriża Konġunta IHI kienet impenjat bis-sħiħ kważi EUR 966 miljun mill-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni għall-ftehimiet ta’ għotja ffirmati tas-Seba’ Programm Qafas, li minnhom, madwar EUR 84,3 miljun (8,7 %) għad iridu jitħallsu fis-snin li ġejjin; jinnota li l-membri privati pprovdew kontribuzzjonijiet in natura fl-istess livell; jinnota li r-rata ta’ implimentazzjoni għall-baġit tal-pagamenti tal-Impriża Konġunta IHI għall-2021 disponibbli għall-proġetti tas-Seba’ Programm Qafas kienet ta’ 80 %; jinnota, barra minn hekk li l-Impriża Konġunta IHI ma kellha l-ebda approprjazzjoni ta’ impenn operazzjonali tal-2021, peress li kienet temmet l-aħħar sejħa tagħha għal proposti sa tmiem l-2014;

8.

Jinnota li fi tmiem l-2021, l-Impriża Konġunta IHI kienet impenjat EUR 1 452,1 miljun jew 91 % ta’ EUR 1 595,4 miljun tal-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni għall-ftehimiet ta’ għotja ffirmati taħt Orizzont 2020; jinnota li dan kien minħabba l-fatt li s-sejħa għal proposti tal-2019 ma setgħetx tkopri s-suġġetti kollha ppjanati u l-baġit tal-Unjoni kien tnaqqas kif meħtieġ b’deċiżjoni tal-bord ta’ tmexxija; jinnota li minn dan l-ammont impenjat, madwar EUR 616,8 miljun (jew 42,5 %) għad iridu jitħallsu fis-snin li ġejjin; jinnota, barra minn hekk, li l-membri privati tal-Impriża Konġunta IHI kienu impenjaw ruħhom legalment li jipprovdu kontribuzzjonijiet in natura ta’ EUR 1 520,7 miljun;

9.

Jissottolinja l-fatt li r-rata ta’ implimentazzjoni għall-baġit tal-pagamenti tal-Impriża Konġunta IHI għall-2021 disponibbli għall-proġetti ta’ Orizzont 2020 kienet ta’ 97 % u li l-Impriża Konġunta IHI ma kellha kważi l-ebda approprjazzjoni ta’ impenn operazzjonali għall-2021, ladarba r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 557/2014 (2) kien jirrikjedi li l-impenji kollha jsiru qabel tmiem l-2020, u r-Regolament (UE) 2021/2085 daħal fis-seħħ biss fi tmiem l-2021, ma tnediet l-ebda sejħa fl-2021;

Prestazzjoni

10.

Jinnota, mir-rapport annwali, li fit-2021 il-portafoll tal-proġetti tal-Impriża Konġunta IMI2 ġie kkompletat, u l-aħħar 15-il ftehim ta’ għotja tal-proġett tal-Impriża Konġunta IMI2 ġew iffirmati; jinnota li l-15-il proġett li għadhom kif inħolqu għandhom baġit totali ta’ EUR 413-il miljun, b’madwar nofs dak l-ammont ġej mill-programm Orizzont 2020 tal-Unjoni, u l-bqija ġej mill-kontribuzzjonijiet tal-EFPIA u mis-sħab assoċjati mal-Impriża Konġunta IMI2 kif ukoll minn sorsi oħra;

11.

Jinnota b’apprezzament li l-proġetti tal-Impriża Konġunta IHI ġġeneraw 275 assi li lestew stadju importanti sinifikanti matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ proġett (il-mira kienet 50); jinnota li dawk l-assi jinkludu, fost l-oħrajn, għodod, metodoloġiji, proċessi, servizzi, materjali ta’ taħriġ; jinnota li eżempji ta’ stadji importanti huma: il-fażijiet ewlenin tal-provi kliniċi, il-mudelli tal-annimali, il-prototipi, il-kummerċjalizzazzjoni, il-privattivi u l-pubblikazzjonijiet; jinnota, barra minn hekk, li l-parteċipanti tal-industrija f’ħafna mill-proġetti tal-Impriża Konġunta IHI qed jagħmlu użu minn għodod u proċessi ġodda ġġenerati mill-proġetti, bħal mudelli tal-annimali, standards, bijomarkaturi, proċeduri operattivi standard (SOPs), l-użu ta’ pjattaformi ta’ skrinjar, networks ta’ provi kliniċi;

12.

Jissottolinja l-fatt li, fir-rigward tal-viżibbiltà, l-Impriża Konġunta IHI kompliet turi l-valur miżjud tal-Unjoni permezz ta’ komunikazzjoni assertiva għall-udjenzi fil-mira b’enfasi fuq il-ftuħ, it-trasparenza, ir-rilevanza u l-koerenza tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta IHI; jinnota li din kompliet ixxerred ir-riżultati tal-proġetti u l-istejjer ta’ suċċess billi tat spinta lid-diversità tal-kontribut tagħhom biex tinkludi aktar minn 100 artiklu miktub bi stili differenti, kif ukoll vidjows qosra u aċċessibbli għall-promozzjoni permezz tal-media soċjali, u li barra minn hekk l-iskedi informattivi kollha tal-proġetti tal-Impriża Konġunta IMI2 iddaħħlu fis-sit web tal-Impriża Konġunta IHI li għadu kif inħoloq, biex tiġi ffaċilitata l-promozzjoni tagħhom fil-futur; iħeġġeġ lill-Impriża Konġunta IHI tikkondividi kwalunkwe strateġija ta’ viżibbiltà ta’ suċċess ma’ Impriżi Konġunti oħra sabiex jippreżentaw il-valur miżjud tagħhom liċ-ċittadini;

Reklutaġġ u persunal

13.

Jinnota li t-tabella tal-persunal tipprevedi 39 aġent temporanju, 15-il aġent kuntrattwali u 2 esperti nazzjonali sekondati (SNEs), li b’kollox jammontaw għal 56 membru tal-persunal; jinnota li fil-31 ta’ Diċembru 2021 kien hemm 50 kariga okkupata: 36 minn 39 aġent temporanju (92,30 %), 13 minn 15-il aġent kuntrattwali (86,70 %) u 1 minn 2 esperti nazzjonali sekondati (50 %); jinnota, barra minn hekk, li fir-rigward tal-aġenti temporanji, il-postijiet vojta se jimtlew fl-2022 peress li għadhom għaddejjin żewġ proċeduri ta’ selezzjoni u li, fl-2022, se titneħħa kariga waħda tal-esperti nazzjonali sekondati;

14.

Jilqa’ l-fatt li l-Impriża Konġunta IHI żammet bilanċ ġeografiku tajjeb (20 pajjiż differenti) u bilanċ tajjeb bejn il-ġeneri (22 mara, 17-il raġel) meta ġew ikkonsultati esperti esterni;

15.

Jinnota bi tħassib li matul il-perjodu mill-2018 sal-2021 ir-rata annwali medja ta’ persunal interim għall-Impriżi Konġunti kollha baqgħet għolja, b’madwar 11 % tal-persunal statutorju; ifakkar li l-livell għoli ta’ persunal kuntrattwali għandu t-tendenza li jżid b’mod sinifikanti r-rata ta’ dawran tal-persunal tal-Impriża Konġunta IHI u jkompli jiddestabbilizza s-sitwazzjoni tal-persunal; jenfasizza, madankollu, li l-użu ta’ persunal interim għandu jibqa’ soluzzjoni temporanja, inkella dan jista’ jaffettwa b’mod negattiv il-prestazzjoni kumplessiva tal-Impriża Konġunta IHI, bħat-telf ta’ kompetenzi ewlenin, doveri ta’ rendikont mhux ċari, tilwim ġudizzjarju possibbli u effiċjenza aktar baxxa fil-persunal;

16.

Jinnota mir-rapport tal-attività annwali tal-2021 li hemm bilanċ xieraq bejn il-ġeneri b’66 % tal-persunal li kienu nisa: 50 % tal-membri fuq il-bord ta’ tmexxija, 61,5 % tal-persuni nominati maħtura fil-grupp tar-rappreżentanti tal-Istati u 41,7 % tal-membri sħaħ fil-kumitat xjentifiku huma nisa; iħeġġeġ lill-Impriża Konġunta IHI żżomm dan il-bilanċ;

17.

Japprezza l-fatt li t-titjib kontinwu fil-fluss tax-xogħol tal-ġestjoni tal-proġetti u l-isforz ikkoordinat li sar mill-persunal tal-Impriża Konġunta IHI wassal biex jingħelbu d-diffikultajiet marbuta mal-perjodu tal-pandemija tal-COVID-19, biex b’hekk jiżguraw il-kontinwità tal-operat u jaslu biex jiġi eżegwit perċentwal konsiderevoli ta’ 96,04 % tal-baġit operattiv fl-2021;

18.

Jinnota li l-kontribuzzjonijiet tal-impjegaturi għall-persunal tal-Impriżi Konġunti li jikkorrispondu għall-proporzjon tad-dħul tagħhom issussidjat mhux mill-Unjoni mad-dħul totali tagħhom, ma tħallsux mill-Impriżi Konġunti għall-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni mill-2016, peress li l-Kummissjoni la pprevediet din in-nefqa fil-baġit tal-Impriżi Konġunti u lanqas ma talbet formalment il-pagamenti; jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi biex tevita kwistjonijiet simili fil-futur;

Sistemi ta’ kontroll intern

19.

Jinnota li għal pagamenti interim u finali tas-Seba’ Programm Kwadru, l-Impriża Konġunta IHI twettaq awditi ex post, filwaqt li għall-pagamenti taħt Orizzont 2020, is-Servizz tal-Awditjar Komuni tad-DĠ RTD tal-Kummissjoni huwa responsabbli mill-awditi ex post. jinnota li, abbażi tar-riżultati tal-awditjar ex post disponibbli fi tmiem l-2021, l-Impriża Konġunta IHI rrapportat żball rappreżentattiv ta’ 1,9 % (2,16 % fl-2020) u rata tal-iżbalji residwi ta’ 0,8 % (1,14 %) għall-proġetti tagħha tas-Seba’ Programm Qafas, u rata tal-iżbalji rappreżentattivi ta’ 0,97 % (1,13 % fl-2020) u rata ta’ żbalji residwi ta’ 0,6 % (0,74 % għall-2020) għall-proġetti taħt Orizzont 2020 (approvazzjonijiet u pagamenti finali);

20.

Jinnota li biex tivvaluta l-kontrolli tal-pagamenti operattivi tal-Impriża Konġunta IHI, il-Qorti wettqet awditu ta’ pagamenti ta’ Orizzont 2020 magħżula b’mod aleatorju li saru fl-2021, fil-livell tal-benefiċjarji finali, biex tikkorrobora r-rati ta’ żbalji tal-awditjar ex post; jinnota li f’każ wieħed, il-Qorti sabet u kkwantifikat żball sistemiku relatat mal-ispejjeż tal-persunal li rriżultaw mill-użu ta’ rati fis-siegħa ħżiena li ma kienux ibbażati fuq sena finanzjarja kompluta, u f’każ ieħor, żball li rriżulta min-nuqqas ta’ evidenza ta’ sostenn xierqa għal spejjeż ta’ tagħmir u vvjaġġar iddikkjarati.

21.

Jenfasizza li s-sejba tal-Qorti kkonfermat żbalji sistemiċi persistenti għall-ispejjeż tal-persunal iddikjarati u li b’mod partikolari, l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) u l-benefiċjarji l-ġodda huma aktar suxxettibbli għall-iżbalji minn benefiċjarji oħra; jenfasizza l-fatt li dawk l-iżbalji ġew irrappurtati wkoll b’mod regolari fir-rapporti annwali preċedenti tal-Qorti mill-2017 ’l hawn; jenfasizza, għalhekk, li s-simplifikazzjoni tar-regoli ta’ Orizzont 2020 għad-dikjarazzjoni tal-ispejjeż tal-persunal u l-użu usa’ ta’ għażliet ta’ spejjeż simplifikati hija prekundizzjoni biex ir-rati ta’ żball jinżammu taħt il-livell ta’ materjalità; jenfasizza li l-Impriża Konġunta IHI għandha ssaħħaħ is-sistemi ta’ kontroll intern tagħha biex tindirizza r-riskju akbar fir-rigward tal-SMEs u l-benefiċjarji l-ġodda, u jħeġġeġ bil-qawwi l-użu tal-wizard għall-kalkolu tal-ispejjeż tal-persunal minn ċerti kategoriji ta’ benefiċjarji li huma aktar suxxettibbli li jwettqu żbalji, bħall-SMEs u l-benefiċjarji ġodda. jilqa’ l-fatt li, fl-2022, l-Impriżi Konġunti kollha bdew jimplimentaw azzjonijiet għat-tnaqqis tar-rata ta’ żbalji f’konformità mal-azzjoni proposta mill-Qorti, inkluża l-esplorazzjoni tal-għażliet ta’ forom simplifikati ta’ spejjeż bħal spejjeż unitarji, somom f’daqqa u rati fissi;

22.

Jinnota li, minħabba n-natura pluriennali kemm tal-programmi kif ukoll tal-proġetti ta’ riċerka individwali, ir-rata tal-iżbalji residwi kkalkulata fuq id-durata tal-programm tipprovdi l-aktar indikazzjoni sinifikattiva tal-impatt finanzjarju tal-iżbalji u li jqis il-korrezzjonijiet li saru mill-Impriża Konġunta IHI u l-fatt li l-Impriża Konġunta IHI testrapola s-sejbiet sistematiċi tal-awditi, filwaqt li żżid b’mod sinifikanti l-effett ta’ tindif mill-awditi; jenfasizza, madankollu, il-fatt li mal-avvanz tal-programmi, il-benefiċjarji jitgħallmu mill-iżbalji tagħhom u li mit-tagħlimiet meħuda mis-sejbiet tal-awditu, l-Impriża Konġunta IHI taħdem ukoll kontinwament biex tinforma aħjar lill-benefiċjarji dwar kwalunkwe ostaklu li jgħin lill-benefiċjarji jirrapportaw l-ispejjeż tagħhom b’mod korrett u għaldaqstant jipprevjenu l-iżbalji;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitt ta’ interess, u l-istrateġija ta’ kontra l-frodi

23.

Jinnota li l-Impriża Konġunta IHI għandha Strateġija Kontra l-Frodi allinjata mal-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi (CAFS 2019) u mal-Istrateġija Komuni Kontra l-Frodi għall-familja tar-riċerka (RAFS 2019), ikkomplementata minn azzjonijiet addizzjonali kontra l-frodi relatati mal-ġestjoni u l-amministrazzjoni tal-kuntratti ta’ servizz;

24.

Jinnota li l-azzjonijiet implimentati dwar l-għotjiet u l-attivitajiet operattivi huma kkoordinati mad-DĠ RTD u ma’ aġenziji oħra tar-riċerka permezz ta’ pjan ta’ azzjoni pluriennali kkoordinat mill-Kumitat dwar il-Frodi u l-Irregolarità fir-Riċerka (il-Kumitat FAIR);

25.

Jinnota li, fl-2021, l-attivitajiet tal-Impriża Konġunta IMI 2 kontra l-frodi koprew il-kooperazzjoni mal-attivitajiet tal-Kumitat FAIR, u li żiedu s-sensibilizzazzjoni tal-persunal dwar il-ġlieda kontra l-frodi, inkluża l-parteċipazzjoni fil-konferenza tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi “United against corruption — Upholding the ethical standards of EU Institutions (Magħqudin kontra l-korruzzjoni — Nirrispettaw l-istandards etiċi tal-Istituzzjonijiet tal-UE)” u l-eżerċizzju ta’ valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi; jinnota, barra minn hekk, li dak il-kompitu kellu żewġ skopijiet, wieħed inkorporat fiċ-ċiklu annwali kontra l-frodi u wieħed, aktar estensiv u dettaljat, biex tiġi stabbilita l-bażi għar-reviżjoni tal-istrateġija ġenerali kontra l-frodi għall-Impriża Konġunta IHI;

26.

Jilqa’, barra minn hekk, il-fatt li informazzjoni regolari dwar ir-riskji relatati mal-frodi u dwar il-proċeduri li għandhom jintużaw f’każ ta’ suspett ta’ frodi/irregolaritajiet ġiet ikkomunikata lill-persunal kollu tal-Impriża Konġunta tal-IHI u li ngħatat attenzjoni għal kwistjonijiet trażversali bħar-riskji marbuta mal-kunflitt ta’ interess, id-delega tal-awtorità u s-segregazzjoni tad-dmirijiet.

(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 tad-19 ta’ Novembru 2021 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 219/2007, (UE) Nru 557/2014, (UE) Nru 558/2014, (UE) Nru 559/2014, (UE) Nru 560/2014, (UE) Nru 561/2014 u (UE) Nru 642/2014 (ĠU L 427, 30.11.2021, p. 17).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 557/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 (ĠU L 169, 7.6.2014, p. 54).