29.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/443


RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1935 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2023

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) għas-sena finanzjarja 2021

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) għas-sena finanzjarja 2021,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0138/2023),

A.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u tan-nefqa tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2021 kien ta’ EUR 178 310 917, li jirrappreżenta żieda ta’ 12,41 % meta mqabbel mal-2020; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni;

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2021 (ir-“rapport tal-Qorti”), iddikjarat li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota b’sodisfazzjon li l-isforzi ta’ monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2021 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ 98,72 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 0,72 % meta mqabbla mal-2020; jinnota li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 83,51 %, li tindika tnaqqis ta’ 1,58 % meta mqabbla mal-2020;

2.

Jinnota bi tħassib li l-osservazzjoni mill-Qorti li tenfasizza li l-Aġenzija qed tħabbat wiċċha ma’ sfidi rigward il-pagamenti tard għadha għaddejja; jikkondividi l-opinjoni tal-Qorti li din id-dgħufija rikorrenti tesponi lill-Aġenzija għal riskji ta’ reputazzjoni; jinnota l-isforzi li għamlet l-Aġenzija biex tnaqqas id-dewmien fil-pagamenti; ifaħħar il-fatt li fl-2021 ir-rata ta’ pagamenti tard kienet ta’ 7,8 % meta mqabbla ma’ 32,8 % fl-2020; jilqa’ l-impenn tal-Aġenzija li tilħaq massimu ta’ 5 % tad-dewmien fil-pagamenti fl-2022, inkluż billi timmonitorja indikatur ta’ prestazzjoni fuq bażi ta’ kull xahar u azzjonijiet oħra ta’ mitigazzjoni; josserva li l-approprjazzjonijiet relatati mal-baġit attwali riportati mill-2021 għall-2022 huma f’livell relattivament għoli ta’ 15,20 % jew EUR 25,7 miljun; jistieden lill-Aġenzija tkompli bl-isforzi tagħha u tindirizza dan l-aspett f’konformità sħiħa mal-prinċipju tal-annwalità;

Prestazzjoni

3.

Jinnota b’sodisfazzjon li l-Aġenzija tuża ċerti miżuri bħala indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex tivvaluta l-valur miżjud ipprovdut mill-attivitajiet tagħha u miżuri oħra biex ittejjeb il-ġestjoni tal-baġit tagħha; jinnota li fl-2021 l-Aġenzija mmonitorjat, b’kollox, 44 indikatur ta’ prestazzjoni korporattiv, li minnhom 33 laħqu jew qabżu l-miri stabbiliti;

4.

Ifaħħar il-progress li għamlet l-Aġenzija biex tissodisfa l-5 prijoritajiet strateġiċi pluriennali tagħha stabbiliti fl-Istrateġija tal-Europol 2020+; jinnota, b’mod partikolari, it-twaqqif tal-Uffiċċju SIRENE, it-twassil tal-portal tal-analiżi tad-data għall-analiżi operattiva, li jinkorpora karatteristiċi ġodda biex tissaħħaħ il-protezzjoni tad-data mid-disinn u l-appoġġ regolari tal-Aġenzija għal erba’ proġetti ta’ innovazzjoni ewlenin ta’ Orizzont 2020; jinnota wkoll l-approvazzjoni fl-2021 tal-pjan ta’ implimentazzjoni għall-istrateġija tal-ġestjoni tal-informazzjoni tal-aġenzija, li għandu l-għan li jilħaq tmien objettivi strateġiċi permezz ta’ azzjonijiet u kompiti li se jiġu mmonitorjati u rrapportati regolarment mill-Unità tal-Ġestjoni tal-Informazzjoni li nħolqot reċentement;

5.

Jenfasizza l-fatt li fl-2021, l-għadd ta’ operazzjonijiet kien ta’ 2 519, jiġifieri 9 % ogħla minn dak fl-2020; jenfasizza wkoll ir-riżultati eċċellenti f’diversi oqsma bħall-użu tal-EIS (is-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Europol) u QUEST (is-Sistema ta’ Tfittxija tal-Europol) fejn fl-2021 ġew irreġistrati aktar minn 12-il miljun tfittxija, li jirrappreżentaw żieda ta’ 20 % meta mqabbla mal-2020; jinnota l-valutazzjonijiet pożittivi li taw l-utenti fl-2021 fl-okkażjoni tal-istħarriġ dwar is-sodisfazzjon tal-utenti li wettqet l-Aġenzija fir-rigward ta’ bosta mill-attivitajiet tagħha;

6.

Jilqa’ l-fatt li fl-2021 iċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu (ECTC) appoġġa total ta’ 1 010 operazzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, li huwa ferm ogħla mill-mira annwali stabbilita ta’ 650; jinnota li fil-kuntest tal-Ftehim dwar il-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu mal-Istati Uniti, intalbu 104 tfittxija mill-Unjoni fl-2021, meta mqabbla ma’ 174 fis-sena preċedenti;

7.

Jilqa’ l-attivitajiet tal-Aġenzija taħt is-Sħubija tal-Balkani tal-Punent kontra l-Kriminalità u t-Terroriżmu, b’mod partikolari l-ewwel sessjoni ta’ ħidma ta’ analiżi tal-ħtiġijiet ta’ taħriġ operazzjonali li saret f’Sarajevo, segwita minn kors ta’ taħriġ reġjonali li jiffoka fuq il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu f’Budapest, kif ukoll diversi sessjonijiet ta’ ħidma u webinars;

8.

Jilqa’ l-inizjattivi transfruntiera fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-aktar dawk mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-pajjiżi fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta’ Fuq (MENA) u t-Turkija; jinnota b’mod speċjali l-laqgħat tal-ECTC organizzati mid-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni tal-Kummissjoni mas-sħab kollha tal-Balkani tal-Punent biex jiddiskutu l-progress u r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni konġunt dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu għall-Balkani tal-Punent; jinnota l-attendenza tal-ECTC f’diversi sessjonijiet ta’ ħidma, konferenzi u laqgħat organizzati mid-delegazzjonijiet mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna fir-reġjun tal-MENA, il-Kunsill tal-Ministri tal-Intern Għarab u l-Proġett MENA Kontra t-Terroriżmu; iħeġġeġ lill-Aġenzija tkompli l-kooperazzjoni transfruntiera mal-pajjiżi terzi fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu;

9.

Jinnota b’sodisfazzjon li l-Aġenzija tistinka għal kooperazzjoni mill-qrib ma’ korpi oħra tal-Unjoni u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali sabiex tiggarantixxi l-interessi tas-sigurtà taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni; jilqa’ l-kooperazzjoni tal-Aġenzija mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) fl-Operazzjoni Sentinel, li magħha ngħaqad l-OLAF, mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fl-Operazzjoni Sentinel kontra l-frodi relatata mal-fondi tal-Unjoni għall-irkupru mill-COVID-19, u mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) b’diversi modi, bħal permezz ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ u konferenzi; jistieden lill-Aġenzija tkompli tiżviluppa rabtiet b’saħħithom ma’ istituzzjonijiet rilevanti oħra tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-Aġenzija tkompli tesplora modi kif tikkondividi r-riżorsi jew il-persunal, jew it-tnejn li huma, fuq kompiti li jikkoinċidu ma’ aġenziji oħrajn b’attivitajiet simili, b’mod partikolari s-CEPOL;

10.

Jilqa’ t-twaqqif tan-Network tal-Esperti dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-Europol, li għandu jintuża bħala mezz kif jitressqu proġetti, l-aħjar prattiki u avvenimenti marbuta mal-protezzjoni tad-data f’kuntest tal-infurzar tal-liġi;

11.

Jinnota l-kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS) fl-2021, b’żieda ta’ attivitajiet rigward konsultazzjoni minn qabel kif meħtieġ fl-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (ir-“Regolament dwar il-Europol”); jinnota wkoll li l-azzjonijiet kollha (ħlief waħda li għad trid tiġi implimentata mil-lat tekniku) li jinsabu fil-pjan ta’ azzjoni mħejji mill-Aġenzija bħala segwitu għad-deċiżjoni tal-EDPS tat-18 ta’ Settembru 2020 rigward l-ipproċessar ta’ settijiet ta’ data kbar u kumplessi ġew implimentati u evalwati bis-sħiħ; jinnota wkoll li huwa stmat li 25 membru tal-persunal, li jirrappreżentaw 3 % tal-forza tax-xogħol tal-Aġenzija, huma impenjati għal sforzi biex jirrispondu għas-superviżjoni tal-protezzjoni tad-data u azzjonijiet relatati mal-aċċertament; jinnota, madankollu, li f’Settembru 2022, l-EDPS talab li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) tannulla żewġ dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar l-Europol emendat; jinnota b’apprezzament, fid-dawl tat-talba tal-EDPS li l-QĠUE tannulla żewġ dispożizzjonijiet, l-azzjoni li ħadu l-Istati Membri, is-sħab ta’ kooperazzjoni operattiva u l-Aġenzija, peress li ma saret l-ebda talba f’dawn l-artikoli u l-kontribuzzjonijiet kollha minn qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar l-Europol emendat sadattant ġew assenjati kategorija tas-suġġett tad-data;

12.

Jinsab partikolarment imħasseb dwar ilment individwali lill-EDPS introdott kontra l-Aġenzija minħabba rifjut li jingħata aċċess għal data personali; jinnota li l-EDPS ħareġ deċiżjoni fejn ta istruzzjonijiet lill-Aġenzija biex tikkonforma mat-talba tas-suġġett tad-data sentejn wara li kien ġie introdott l-ilment b’segwitu ta’ skambji bejn l-EDPS u l-Aġenzija; jappella lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-progress ta’ din is-sitwazzjoni u li tikkonforma bis-sħiħ mal-obbligi tagħha dwar il-protezzjoni tad-data personali;

13.

Jilqa’ l-iffirmar ta’ memorandum ta’ qbil mal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-konformità tal-Aġenzija mad-drittijiet fundamentali;

Politika dwar il-persunal

14.

Jinnota b’apprezzament li, fil-31 ta’ Diċembru 2021, 99,80 % tat-tabella tal-persunal kienet implimentata, b’614-il aġent temporanju maħtura minn total ta’ 615-il aġent temporanju awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (l-istess bħal fl-2020); jinnota li, barra minn hekk, fl-2021 ħadmu għall-Aġenzija 214-il aġent kuntrattwali u 59 espert nazzjonali sekondat, b’235 u 71 awtorizzati, rispettivament; jinnota li l-Aġenzija tiddistingwi bejn erba’ kategoriji ta’ esperti nazzjonali sekondati, bi tliet kategoriji li ma għandhom l-ebda kost jew kostijiet limitati għall-baġit tal-Aġenzija u li jirrappreżentaw 91 persuna oħra, u b’hekk l-għadd totali ta’ esperti nazzjonali sekondati tela’ għal 150 fl-2021;

15.

Ifaħħar ir-rata baxxa tal-postijiet tax-xogħol vakanti tal-Aġenzija ta’ 0,2 % fl-2021, ferm inqas mill-mira annwali ta’ rata tal-postijiet tax-xogħol vakanti massima ta’ 2 %, kif ukoll it-tnaqqis fir-rata tad-dawran minn 10,9 % fl-2020 għal 6,9 % fl-2021; jinnota wkoll li l-Aġenzija timmonitorja regolarment dawk l-indikaturi apparagun tal-miri annwali; jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija ħadet diversi miżuri biex tipprevjeni r-rati tad-dawran għoljin, bħall-possibbiltà ta’ avvanz fil-karriera intern, reġim ta’ xogħol flessibbli jew opportunitajiet ta’ taħriġ u żvilupp; jirrikonoxxi, madankollu, li għal ċerti pożizzjonijiet ristretti fil-qasam ċentrali tax-xogħol tal-infurzar tal-liġi t-tul massimu tal-kuntratt huwa ta’ disa’ snin;

16.

Jinnota d-distribuzzjoni tal-ġeneri rrapportata għall-2021 għall-maniġment superjuri u medju, fejn 83 % kienu rġiel (29 raġel u 6 nisa), għall-bord ta’ amministrazzjoni, fejn 79 % kienu rġiel (44 raġel u 12-il mara) u għall-persunal kollu, fejn 65 % kienu rġiel (541 raġel u 288 mara); jesprimi tħassib dwar tnaqqis fil-perċentwal tan-nisa fil-postijiet tax-xogħol maniġerjali, bi 17 % fl-2021 meta mqabbel ma’ 21 % fl-2020; jirrikonoxxi li r-responsabbiltà li jiġi żgurat bilanċ bejn il-ġeneri fi ħdan il-membri tal-bord ta’ amministrazzjoni hija tal-Istati Membri; itenni t-talba tiegħu lill-Aġenzija u lill-Istati Membri biex jiżguraw distribuzzjoni aktar ugwali bejn il-ġeneri fil-bord ta’ amministrazzjoni, fil-maniġment tal-Aġenzija u fil-livelli tal-persunal fil-futur; ifakkar ukoll fl-importanza li tiġi żgurata rappreżentanza ġeografika bbilanċjata fost il-maniġment u l-membri tal-persunal tal-Aġenzija;

17.

Jinnota t-tweġiba tal-Aġenzija li fl-2021 kien hemm inkjesta amministrattiva waħda dwar allegazzjonijiet ta’ fastidju fir-rigward ta’ sitwazzjoni ta’ kunflitt relatati max-xogħol; jinnota wkoll li l-inkjesta amministrattiva ġiet konkluża f’Ġunju 2022 u li ma kienet ittieħdet l-ebda deċiżjoni sa meta l-awtorità ta’ kwittanza rċeviet it-tweġiba tal-Aġenzija fis-16 ta’ Settembru 2022; jistieden lill-Aġenzija żżomm lill-awtorità ta’ kwittanza infurmata fir-rigward tad-deċiżjoni u s-segwitu f’din il-kwistjoni; jinnota wkoll li fl-2021 ma tressaq l-ebda każ ta’ fastidju relatat mal-persunal tal-Aġenzija quddiem qorti;

18.

Jesprimi tħassib dwar it-tmien każijiet ta’ eżawriment irrapportati mill-Aġenzija fl-2021; ifakkar, madankollu, li dan jirrappreżenta inqas minn 1 % tal-persunal totali tal-Aġenzija; jinnota b’apprezzament li l-Aġenzija ħadet diversi azzjonijiet preventivi inklużi l-għoti ta’ pariri dwar is-saħħa u l-istil tal-ħajja okkupazzjonali, skedi mediċi part-time, kontrolli mentali, għażliet ta’ ħinijiet flessibbli tax-xogħol jew laqgħat dedikati għall-indirizzar tal-benessri tal-persunal;

19.

Jilqa’ l-approvazzjoni tal-istrateġija tal-Aġenzija għar-riżorsi umani 2020+ u l-istrateġija tad-diversità u l-inklużjoni; jilqa’ wkoll l-awditi dwar id-diversità, l-ugwaljanza u l-inklużjoni, u r-rieżami tal-qafas tal-etika tal-Aġenzija, it-tnejn imwettqa fl-2021 mill-kapaċità tal-awditjar intern (IAC); ifaħħar il-konklużjonijiet pożittivi ta’ dawn l-awditi;

20.

Jinnota b’apprezzament li wara t-tnedija tas-sistema ta’ ġestjoni tar-riżorsi umani SYSPER mal-persunal kollu tal-Aġenzija, l-Aġenzija implimentat sett bażiku ta’ moduli, kif ukoll il-maġġoranza ta’ dawk fakultattivi; jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni ta’ aktar moduli għadha għaddejja; jistieden lill-Aġenzija tkompli d-diġitalizzazzjoni tal-attivitajiet tagħha ta’ ġestjoni tar-riżorsi umani;

Akkwist pubbliku

21.

Jinnota li fl-2021 l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ akkwist annwali tal-Aġenzija laħqet 79 %, inklużi 10 proċeduri ta’ akkwist għal kuntratti ogħla minn EUR 15 000 għal valur totali ta’ EUR 58 314 000; jinnota bi tħassib kbir li kuntratt wieħed b’valur ta’ EUR 405 000 ġie konkluż taħt proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratt; jistieden lill-Aġenzija tirrispetta bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet legali kollha dwar il-limiti għall-pubblikazzjoni ta’ avviżi dwar kuntratti;

22.

Jilqa’ l-fatt li d-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku hija parti mill-politika tal-akkwist u mill-istrateġija tal-unità tal-finanzi tal-Aġenzija; jinnota b’sodisfazzjon li l-Aġenzija tuża għodod ta’ akkwist elettroniku bħal Avviżi Elettroniċi, Sottomissjoni Elettronika ta’ offerti u Sejħa għall-Offerti Elettronika, u dawn tal-aħħar japplikaw ukoll għal proċeduri ta’ valur medju mill-2022; jinnota b’sodisfazzjon li l-Aġenzija tinsab fil-proċess li tintegra l-għodda għall-ġestjoni tal-akkwist pubbliku, maħsuba li tibda tintuża minn Jannar 2023; iħeġġeġ lill-Aġenzija tkompli d-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri ta’ akkwist tagħha u tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-progress miksub;

23.

Jilqa’ l-parteċipazzjoni tal-Aġenzija f’16-il proċedura ta’ akkwist interistituzzjonali organizzati minn awtoritajiet kontraenti oħrajn; iħeġġeġ lill-Aġenzija tkompli tipparteċipa f’tali prattiki sabiex issaħħaħ l-effiċjenza u tikseb ekonomiji ta’ skala;

24.

Ifaħħar li, skont ir-rapport tal-Qorti, fil-qasam tal-akkwist u l-ġestjoni tal-kuntratti, l-azzjonijiet kollha ta’ segwitu rigward l-osservazzjonijiet tal-Qorti mis-snin preċedenti tlestew;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, u trasparenza

25.

Jinnota l-miżuri eżistenti u l-isforzi li qed tagħmel l-Aġenzija biex tiżgura t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, il-protezzjoni tal-informaturi u l-ġlieda kontra l-fastidju; jinnota b’sodisfazzjon li d-dikjarazzjonijiet ta’ interess u s-CVs tal-membri tal-bord ta’ amministrazzjoni u tal-maniġment superjuri huma ppubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija; ifaħħar lill-Aġenzija b’mod partikolari talli kienet fost id-disa’ aġenziji li kienu introduċew ir-regoli interni tagħhom stess biex jittrattaw in-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet fid-dritt tal-Unjoni li jirregolaw l-attivitajiet tal-membri tal-bordijiet tal-aġenziji, u b’hekk marret lil hinn mir-rekwiżiti legali minimi meta trattat sitwazzjonijiet ta’ “revolving door” potenzjali;

26.

Jinnota li bejn l-2019 u l-2021, l-Aġenzija vvalutat żewġ każijiet ta’ kunflitt ta’ interess potenzjali fir-rigward ta’ membru anzjan tal-persunal li assuma impjieg ġdid xi mkien ieħor; jinnota bi tħassib is-sejba tal-Qorti li f’wieħed minn dawn il-każijiet l-Aġenzija ma ħarġitx id-deċiżjoni tagħha fl-iskadenza pprovduta mill-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal u b’hekk effettivament awtorizzat lill-persuna kkonċernata biex tassumi l-impjieg il-ġdid mingħajr l-ebda restrizzjoni; jinnota li, skont it-tweġiba tal-Aġenzija, valutazzjoni ex post ikkonfermat li l-Aġenzija ma kinitx esposta għal sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess; jistieden, madankollu, lill-Aġenzija tikkonforma mad-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolamenti tal-Persunal u tapplika b’mod komprensiv u effettiv il-qafas ġuridiku applikabbli għall-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet potenzjali ta’ “revolving door” u r-riskju assoċjat ta’ kunflitti ta’ interess;

27.

Jinnota r-rapporti dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija u l-Frontex fil-qasam tal-operazzjonijiet tal-gwardja tal-fruntiera, b’mod partikolari fid-dawl tas-sejbiet li jirrigwardaw il-programm “Ipproċessar ta’ Data Personali għall-Analiżi tar-Riskju” tal-Frontex; ifakkar li l-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija u aġenziji oħra tal-ĠAI għandha tkun kompletament trasparenti u soġġetta għal qafas adegwat ta’ sorveljanza u li l-obbligu ta’ rendikont għandu jkun żgurat; jistieden lill-Aġenzija tieħu miżuri biex tiżgura l-konformità sħiħa mar-regoli tal-Unjoni dwar it-trasparenza kif ukoll mad-drittijiet fundamentali, mal-istandards tal-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari, u mal-obbligu ta’ rendikont, inkluż meta tikkoopera ma’ aġenziji u sħab oħra tal-ĠAI; iqis li l-iżvelar ta’ laqgħat u interazzjonijiet bejn l-Aġenzija u partijiet terzi meta dan jista’ jiġi żvelat mingħajr preġudizzju għall-attivitajiet operattivi tagħha, jikkontribwixxi għall-iżgurar ta’ trasparenza miżjuda; jilqa’ l-ħatra malajr tal-uffiċjal tal-Aġenzija għad-drittijiet fundamentali, pożizzjoni li ġiet introdotta bir-Regolament (UE) 2022/991 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li emenda r-Regolament dwar l-Europol u li daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Ġunju 2022;

Kontroll intern

28.

Jinnota li s-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni temm l-awditu tiegħu dwar il-ġestjoni tal-kuntratti tal-Aġenzija u ħareġ erba’ rakkomandazzjonijiet immarkati bħala “importanti”; jistieden lill-Aġenzija tieħu l-azzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet; jistieden lill-Aġenzija timplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet miftuħa kollha mmarkati bħala “importanti” maħruġa mill-IAS minn awditi preċedenti dwar il-ġestjoni u l-etika tar-riżorsi umani u s-sigurtà tal-IT u żżomm lill-awtorità ta’ kwittanza infurmata dwar il-progress li jsir f’dan ir-rigward;

29.

Jinnota li l-komponenti tal-qafas ta’ kontroll intern tal-Aġenzija kienu preżenti u qed jiffunzjonaw b’mod integrat fl-Aġenzija u li s-sistema ta’ kontroll intern naqqset b’mod effettiv, għal livell aċċettabbli, ir-riskju li ma jintlaħqux l-objettivi annwali u pluriennali tal-Aġenzija fir-rigward tal-operazzjonijiet, ir-rapportar u l-konformità; jinnota l-progress tajjeb li għamlet l-Aġenzija fir-rigward tas-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar tal-IAC, b’rata ta’ implimentazzjoni ta’ 87 % tar-rakkomandazzjonijiet kritiċi u importanti ħafna kollha li ilhom jinħarġu mill-2015 (381 rakkomandazzjoni b’mod ġenerali) u previsti biex jitlestew fl-2021;

30.

Jinnota li fl-2021, l-IAC temmet ukoll tliet impenji ta’ awditjar dwar l-appoġġ operattiv mingħajr waqfien tal-Aġenzija, dwar il-validazzjoni tad-drittijiet tal-aċċess tal-utenti mogħtija fl-ABAC u dwar id-dokument tal-forensika tal-Aġenzija bi 32 rakkomandazzjoni maħruġa, li tnejn minnhom huma mmarkati bħala “kritiċi” u li tnejn minnhom huma mmarkati bħala “importanti ħafna”; jinnota bi tħassib l-awditu tal-IAC tal-ġestjoni tal-assi tal-Aġenzija b’39 rakkomandazzjoni maħruġa, li 5 minnhom huma mmarkati bħala “kritiċi” u 15 huma mmarkati bħala “importanti ħafna”; jistieden lill-Aġenzija timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-IAC fil-qafas ta’ żmien miftiehem u żżomm lill-awtorità ta’ kwittanza infurmata dwar il-progress li jkun sar f’din il-kwistjoni;

31.

Jinnota l-erba’ rakkomandazzjonijiet tal-Qorti li għamlet il-Qorti fir-rapport speċjali tagħha tal-2021 dwar l-effettività tal-appoġġ li l-Aġenzija tagħti lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra d-dħul klandestin ta’ migranti; jistieden lill-Aġenzija timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti fil-qafas ta’ żmien miftiehem u żżomm lill-awtorità ta’ kwittanza infurmata dwar il-progress li jkun sar f’dan ir-rigward;

Diġitalizzazzjoni u tranżizzjoni ekoloġika

32.

Jinnota l-iżviluppi varji relatati mal-ICT li għamlet l-Aġenzija fl-2021 fl-oqsma tal-iskambju ta’ informazzjoni, it-tfittxija, il-kontroverifika u l-ġestjoni tad-data, u l-akkreditazzjoni tas-sistemi tal-informazzjoni; jinnota wkoll il-progress tal-Aġenzija lejn l-interoperabbiltà tal-Unjoni u l-aċċess għal sistemi tal-IT fuq skala kbira tal-Unjoni, il-miżuri meħuda sabiex tiżdied iċ-ċibersigurtà tal-Aġenzija u inizjattivi oħra bħall-approvazzjoni tal-istrateġija tal-cloud ibrida tal-Aġenzija, l-għażla ta’ għodda għar-rikonoxximent tal-wiċċ permezz ta’ teknoloġija bijometrika u t-tnedija tal-għodda tal-firma elettronika għal dokumenti interni;

33.

Jinnota bi tħassib li l-Aġenzija esperjenzat żewġ attakki ċibernetiċi ta’ attakk distribwit li jwaqqaf is-servizz kontra s-sit web pubbliku tagħha fl-2021; jinnota b’sodisfazzjon li dawn l-attakki kkawżaw biss tfixkil minimu;

34.

Iħeġġeġ lill-Aġenzija taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà u mal-Iskwadra ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni, u twettaq valutazzjonijiet tar-riskju regolari tal-infrastruttura tal-IT tagħha u tiżgura li jsiru awditi u testijiet regolari tad-difiżi ċibernetiċi tagħha; jissuġġerixxi li l-Aġenzija toffri regolarment programmi ta’ taħriġ aġġornati relatati maċ-ċibersigurtà għall-persunal kollu tagħha;

35.

Ifaħħar lill-Aġenzija talli fl-2021 irċeviet iċ-ċertifikazzjonijiet EMAS u ISO 14001:2015; jilqa’ l-isforzi tal-Aġenzija biex tnaqqas jew tikkumpensa l-emissjonijiet tagħha tas-CO2 li jvarjaw mix-xiri tal-elettriku minn sorsi kompletament rinnovabbli sa miżuri li jqajmu sensibilizzazzjoni fost il-persunal; jinnota li għal kuntratti ogħla minn EUR 15 000, l-Aġenzija tapplika kunsiderazzjonijiet ambjentali; jinnota b’apprezzament li l-Aġenzija timmonitorja l-impatt ambjentali tagħha permezz ta’ indikaturi ambjentali inklużi fir-rapport annwali tal-attività tal-Aġenzija;

Kontinwità tal-operat matul il-kriżi tal-COVID-19

36.

Jinnota b’apprezzament li fl-2021 it-tim ta’ ġestjoni tal-kriżijiet tal-Aġenzija kompla jimmaniġġja l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 u pprovda gwida dwar passi li għandhom jittieħdu u aġġornamenti regolari lill-persunal; jinnota f’dan il-kuntest li xi attivitajiet li jirrikjedu preżenza fiżika kellhom jiġu posposti jew ikkanċellati, filwaqt li t-telexogħol baqa’ n-norma għall-biċċa l-kbira tal-persunal mhux operattiv; jilqa’ l-approvazzjoni tal-Analiżi tal-Impatt tan-Negozju tal-Aġenzija li tinkludi t-tagħlimiet meħuda mill-kriżi tal-COVID-19 u l-inċident tal-qtugħ tal-elettriku mill-2020;

Kummenti oħra

37.

Jinnota l-metriċi mtejba fl-2021 fir-rigward tal-preżenza tal-Aġenzija f’media fuq l-Internet ta’ impatt għoli u l-għadd ta’ viżitaturi għas-sit web tal-Aġenzija, kif ukoll l-isforzi tagħha biex iżżid il-viżibbiltà pubblika tagħha permezz ta’ intervisti u stqarrijiet għall-istampa; iħeġġeġ lill-Aġenzija tkompli tippromwovi l-ħidma, ir-riċerka u l-attivitajiet tagħha;

38.

Jistieden lill-Aġenzija tiffoka fuq it-tixrid tar-riżultati tal-operat tagħha lill-pubbliku, u tikkomunika mal-pubbliku permezz tal-media soċjali u mezzi oħra tal-media; jilqa’ f’dan ir-rigward l-isforzi attwali tal-Aġenzija biex tippromwovi l-attivitajiet tagħha;

39.

Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2023 (4) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 162, 13.4.2022, p. 16.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2022/991 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/794, fir-rigward tal-kooperazzjoni tal-Europol ma’ partijiet privati, tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Europol b’appoġġ għal investigazzjonijiet kriminali, u tar-rwol tal-Europol fir-riċerka u fl-innovazzjoni (ĠU L 169, 27.6.2022, p. 1).

(4)  Testi adottati, P9_TA(2023)0190.