29.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/235


RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1860 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2023

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA) għas-sena finanzjarja 2021

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0098/2023),

A.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2021 kien ta’ EUR 203 802 000, li jirrappreżenta żieda ta’ 11,34 % meta mqabbel mal-2020; billi EUR 38 900 000 tal-baġit tal-Aġenzija huwa ffinanzjat mill-baġit tal-Unjoni u EUR 109 791 000 huwa dħul minn tariffi u imposti (2);

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021 (ir-“rapport tal-Qorti”), tistqarr li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2021 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit tal-approprjazzjoni ta’ impenn tas-sena attwali ta’ 96,31 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 2,31 % meta mqabbla mal-2020; jinnota wkoll li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament tas-sena attwali kienet ta’ 87,34 %, li turi tnaqqis ta’ 5,30 % meta mqabbla mal-2020;

2.

Jinnota li l-Aġenzija temmet is-sena b’surplus ta’ tariffi u imposti ta’ EUR 11,2-il miljun; jinnota li s-surplus ta’ “tariffi u imposti” jiżdied mas-surplus akkumulat, u għalhekk dan jiżdied minn EUR 60,9 miljun għal EUR 72,1 miljun;

3.

Jinnota li r-rata ta’ approprjazzjonijiet ikkanċellati relatati ma’ impenji riportati għall-2021 naqset għal 1,55 % (5,46 % fl-2020), taħt il-limitu massimu ta’ 5 % stabbilit mill-Kummissjoni;

Prestazzjoni

4.

Jinnota li fl-2021 l-Aġenzija użat ċerti miżuri biex tivvaluta l-valur miżjud ipprovdut mill-attivitajiet tagħha u miżuri oħra biex ittejjeb il-ġestjoni baġitarja tagħha, permezz ta’ taħlita ta’ 130 objettiv u 60 indikatur ewlieni tal-prestazzjoni (KPIs) fi 11-il qasam ewlieni ta’ operazzjoni u 9 proġetti jew inizjattivi oħra ta’ natura orizzontali; jinnota li, minkejja l-effetti kontinwi tal-kriżi tal-COVID-19, l-Aġenzija kellha prestazzjoni tajba, b’rata ta’ implimentazzjoni ta’ 84 % tal-Programm ta’ Ħidma Annwali tagħha għall-2021 u 76 % tal-KPIs li mexjin skont l-iskeda tat-twettiq tagħhom; japprezza l-fatt li l-KPIs ġew issodisfati u l-fatt li l-Aġenzija ġibdet l-attenzjoni għal miżuri li jistgħu jtejbu l-effiċjenza u l-effikaċja tal-ħidma tal-Aġenzija; madankollu, jirrakkomanda li l-Aġenzija tieħu nota tal-indikaturi li għadhom ma ntlaħqux jew li għadhom lura, speċjalment l-ipproċessar f’waqtu tar-rapporti tal-okkorrenzi u r-rata tal-għeluq tal-azzjoni korrettiva tas-sejbiet tal-awditi;

5.

Ifaħħar il-kisbiet ewlenin u l-progress tal-Aġenzija fl-2021 f’oqsma emerġenti marbuta mas-soluzzjonijiet ekoloġiċi u d-diġitalizzazzjoni; jinnota f’dan il-kuntest li l-Aġenzija żiedet l-isforzi tagħha għal avjazzjoni nadifa permezz tal-programm tal-avjazzjoni sostenibbli tal-EASA — 2021 b’diversi azzjonijiet bħall-użu ta’ Fjuwils tal-Avjazzjoni Sostenibbli (SAF), Avjazzjoni li taħdem bl-idroġenu u ibrida u t-tlestija tal-fażi pilota tal-Programm ta’ Tikkettar Ambjentali; jieħu nota tar-riżultati ulterjuri tal-Aġenzija mill-Programm dwar id-Droni tagħha bħall-pubblikazzjoni tal-ewwel pakkett regolatorju tal-U-Space, kif ukoll minn proġetti differenti rigward is-simplifikazzjoni tal-operazzjonijiet tal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru permezz tal-unifikazzjoni tal-liċenzjar tal-Kontrolluri tat-Traffiku tal-Ajru (ATCO) u tat-tagħmir fuq l-art; ifaħħar l-approvazzjoni tar-ritorn fis-servizz ta’ verżjoni modifikata tal-Boeing 737 Max; jilqa’ l-isforzi addizzjonali tal-Aġenzija fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni meta fl-2021 ingħaqdet mal-programmi Orizzont Ewropa, Avjazzjoni Nadifa u SESAR; ifaħħar ukoll it-titjib kontinwu tas-sikurezza u l-impenn tal-Aġenzija biex tappoġġa l-innovazzjoni permezz tal-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni bi proġetti ewlenin fl-2021 bħall-adozzjoni ta’ opinjoni dwar l-operazzjonijiet f’kull tip ta’ temp; jinnota li l-Brexit wassal għal żieda sinifikanti fl-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-approvazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet fl-2021;

6.

Jappella biex jiġu pprovduti biżżejjed finanzjament u inċentivi għal aktar riċerka u żvilupp tal-Fjuwils tal-Avjazzjoni Sostenibbli biex isiru aktar effiċjenti u bi prezz raġonevoli u biex is-suq tagħhom jissaħħaħ u jinfetaħ;

7.

Jilqa’ l-isforzi kontinwi mill-Aġenzija biex teżamina oqsma għal aktar kooperazzjoni ma’ Aġenziji oħra tal-Unjoni fejn ikun fattibbli, filwaqt li tqis in-natura tal-attivitajiet, biex tnaqqas id-duplikazzjonijiet potenzjali; jilqa’ l-azzjonijiet konkreti li ttieħdu mal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent; jistieden lill-Aġenzija tkompli tiżviluppa s-sinerġiji tagħha, iżżid il-kooperazzjoni u tiskambja l-aħjar prattiki ma’ aġenziji Ewropej oħra bil-għan li ttejjeb l-effiċjenza (ir-riżorsi umani, il-ġestjoni tal-bini, is-servizzi tal-IT u s-sigurtà, eċċ.);

8.

Jirrikonoxxi l-isforzi kontinwi min-naħa tal-Aġenzija biex issir aktar effiċjenti, filwaqt li tillibera r-riżorsi, inkluż tal-persunal ikkwalifikat; ifaħħar lill-Aġenzija f’dan il-kuntest talli għamlet użu mill-għarfien espert fl-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Avjazzjoni, permezz ta’ 26 ftehim ta’ sħubija u 2 kuntratti qafas ma’ Entitajiet Kwalifikati, u b’hekk iffaċilitat l-esternalizzazzjoni ta’ 63 000 siegħa ta’ xogħol fl-2021;

9.

Iħeġġeġ lill-Aġenzija tinvolvi ruħha, billi tuża kemm l-għarfien espert tagħha kif ukoll ir-riżorsi adegwati, fil-Proġett Pilota dwar “Korp Ewropew għall-istandards tal-fjuwil tal-ġettijiet u ċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza” skont il-baġit tal-Unjoni għall-2023;

10.

Ifaħħar l-isforzi tal-Aġenzija fl-appoġġ tal-integrazzjoni ta’ teknoloġiji, operazzjonijiet u mudelli kummerċjali ġodda fis-sistema Ewropea tal-avjazzjoni permezz tal-programm ta’ riċerka u innovazzjoni tagħha;

11.

Jilqa’ l-progress tal-Programm Militari (2020 — tmiem miftuħ) u jenfasizza r-rwol tal-Aġenzija fil-mobbiltà militari Ewropea; jitlob żieda rapida u sostanzjali tal-linja baġitarja tal-UE għall-mobbiltà militari biex tkun tista’ tirrispondi għall-isfidi fis-settur;

12.

Jappella għal aktar sinerġija bejn il-ħtiġijiet ċivili u militari skont il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari billi jiġu ssimplifikati l-proċessi u jiġu allinjati r-regoli; jisħaq fuq il-fatt li dan jista’ jipprovdi lok għall-Aġenzija biex tkompli tappoġġa l-istati u l-kompetittività tal-industrija, pereżempju permezz tat-tfassil komuni tar-regoli u ċ-ċertifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru tal-istat;

Politika dwar il-persunal

13.

Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2021, 92,94 % tat-tabella tal-persunal kienet ġiet implimentata, bil-ħatra ta’ 632 aġent temporanju minn 680 aġent temporanju awtorizzat mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma’ 680 pożizzjoni awtorizzata fl-2020); jinnota li, barra minn hekk, 91 aġent kuntrattwali u 18-il espert nazzjonali sekondat ħadmu għall-Aġenzija fl-2021; jinnota tnaqqis fil-livell tal-persunal tal-Aġenzija meta mqabbel mal-2019 minħabba l-implikazzjonijiet finanzjarji relatati mal-COVID-19 li wassal lill-Aġenzija biex tnaqqas l-investimenti relatati mal-persunal, filwaqt li ffavoriet il-mobbiltà interna u l-kondiviżjoni tar-riżorsi; jilqa’ l-miżuri rrappurtati tal-Aġenzija biex tipprevjeni rata għolja ta’ dawran tal-persunal, li fl-2021 kienet ta’ 0,84 %;

14.

Jinnota l-bilanċ bejn il-ġeneri fost il-membri tal-maniġment superjuri tal-Aġenzija, fejn 3 minn 5 (60 %) huma rġiel; jinnota bi tħassib l-iżbilanċ bejn il-ġeneri fil-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija, fejn 63 minn 82 (77 %) huma rġiel; jieħu nota wkoll tal-bilanċ bejn il-ġeneri fost il-persunal ġenerali tal-Aġenzija, fejn 643 minn 959 (67 %) huma rġiel; jistieden lill-Aġenzija tkompli bl-isforzi tagħha biex tilħaq il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-livell tal-persunal permezz ta’ azzjonijiet konkreti li jattiraw applikazzjonijiet minn nisa għal karigi offruti mill-Aġenzija; jinnota li l-Aġenzija qed timmonitorja kontinwament l-iżviluppi fil-bilanċ bejn il-ġeneri u li r-rappreżentanza tan-nisa f’pożizzjonijiet maniġerjali (minn dik ta’ Maniġer tat-Taqsima sa dik ta’ Direttur) żdiedet minn 16,9 % għal 21,25 % fl-2021 u li minn Jannar 2020, minn 4 Diretturi fl-Aġenzija, 2 huma nisa;

15.

Jinnota l-istima tal-Aġenzija fir-rigward taż-żieda imminenti fl-għadd ta’ persuni rtirati; jilqa’ f’dan il-kuntest l-istabbiliment ta’ programm ta’ ġestjoni tal-kompetenzi u ta’ ppjanar strateġiku tal-forza tax-xogħol li se jgħin lill-Aġenzija tivvaluta, fost l-oħrajn, fejn huma meħtieġa investimenti fir-riżorsi esterni; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza bl-eżitu ta’ dan il-programm; jinnota wkoll li l-Aġenzija adottat xenarju ta’ nofs it-terminu dwar il-persunal biex issaħħaħ l-oqsma ta’ kompetenza ewlenin u trawwem l-iżvilupp tal-persunal billi toffri opportunitajiet ta’ karriera professjonali internament f’diversi oqsma ta’ kompetenza lil madwar 80 membru tal-persunal matul l-2021;

16.

Ifakkar fl-importanza li tiġi żviluppata politika tar-riżorsi umani fit-tul dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-offerta ta’ possibbiltajiet ta’ taħriġ speċifiku għall-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-persunal, it-telexogħol, id-dritt għall-iskonnessjoni, it-titjib tal-bilanċ ġeografiku biex ikun hemm rappreżentanza xierqa mill-Istati Membri kollha, u r-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà, kif ukoll l-iżgurar li jiġu ttrattati b’mod ugwali u li l-opportunitajiet tagħhom jiġu promossi b’mod wiesa’; jinnota l-importanza li jiġu pprovduti opportunitajiet ta’ taħriġ differenti għall-persunal kollu tal-Aġenzija; jissuġġerixxi li l-istħarriġ dwar l-involviment tal-persunal għandu jsir kull sena minflok kull tliet snin;

Akkwist

17.

Jinnota li fl-2021 l-Aġenzija mmaniġġjat u/jew ikkonkludiet 33 proċedura ta’ valur għoli u ta’ valur medju, 90 proċedura ta’ valur baxx u 48 kuntratt ta’ esperti, u 600 kuntratt speċifiku taħt kuntratti qafas; jilqa’ l-implimentazzjoni ta’ strateġija konsolidata ta’ akkwist għal servizzi tekniċi ta’ ġestjoni tal-faċilitajiet permezz tal-ġbir ta’ diversi tipi ta’ kuntratti bil-għan li ttejjeb il-ġestjoni tal-kuntratti u tiċċentralizza s-servizzi esternalizzati;

18.

Jinnota, fir-rigward tas-segwitu tal-osservazzjonijiet mill-awtorità ta’ kwittanza għall-2020, li l-Aġenzija ħadet miżuri biex ittejjeb il-prattiki tal-akkwist tagħha li għandhom l-għan li jimmassimizzaw il-kompetizzjoni ġusta u l-valur għall-flus, iżidu t-trasparenza, u jnaqqsu l-ħtieġa ta’ eċċezzjonijiet, inkluż permezz ta’ taħriġ ta’ sensibilizzazzjoni għall-atturi finanzjarji tagħha; jilqa’ l-progress tal-Aġenzija rigward is-soluzzjoni tal-fatturazzjoni elettronika; jistieden lill-Aġenzija tkompli bl-ottimizzazzjoni u l-modernizzazzjoni tas-soluzzjonijiet diġitali tagħha biex tkompli tissimplifika l-proċessi ta’ akkwist u tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-iżviluppi f’dan ir-rigward;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, u trasparenza

19.

Jirrikonoxxi l-miżuri eżistenti tal-Aġenzija u l-isforzi li għaddejjin bħalissa biex jiġu żgurati t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, u l-protezzjoni tal-informaturi; jilqa’ l-fatt li fl-2021 ma kien hemm l-ebda każ reali ta’ kunflitt ta’ interess; jinnota wkoll li kwalunkwe każ potenzjali fl-Aġenzija jista’ jiġi indirizzat b’miżuri ta’ mitigazzjoni; jirrikonoxxi li s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-membri tal-bord u tal-maniġment superjuri huma ppubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tipparteċipa fil-ftehim interistituzzjonali stabbilit dan l-aħħar dwar reġistru ta’ trasparenza obbligatorju għal rappreżentanti ta’ interess iffirmat mill-Kummissjoni, mill-Kunsill u mill-Parlament;

20.

Jinnota l-osservazzjoni li saret mill-Qorti tal-Awdituri rigward in-nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal dwar kunflitt ta’ interess potenzjali; jistieden lill-Aġenzija tlesti l-azzjoni korrettiva u tkopri r-riskju ta’ kunflitti ta’ interess; jinnota t-tweġiba tal-Aġenzija li tiddikjara li kienet saret evalwazzjoni bir-reqqa;

21.

Jinnota li l-Aġenzija aġġornat il-politika tagħha dwar il-ġestjoni u l-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess billi adottat “Kodiċi ta’ Kondotta għall-persunal tal-EASA”, li jinkludi rekwiżit għall-membri tal-persunal kollha tal-Aġenzija biex jimlew dikjarazzjoni ta’ kunflitti ta’ interess, regoli dwar ir-rigali u l-ospitalità, u taħriġ obbligatorju dwar il-Kodiċi ta’ Kondotta u l-annessi tiegħu għall-persunal kollu tal-Aġenzija;

22.

Ifakkar fl-importanza li jissaħħu s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-Aġenzija; jinsisti bil-qawwa fuq ir-rekwiżit ta’ sistemi effettivi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll biex jiġu evitati każijiet potenzjali ta’ kunflitt ta’ interess, kontrolli ex ante/ex post nieqsa, ġestjoni mhux adegwata tal-impenji baġitarji u legali, u nuqqasijiet fir-rapportar ta’ kwistjonijiet fir-reġistru tal-eċċezzjonijiet;

23.

Jinnota li, minħabba n-natura teknika tagħha, l-Aġenzija tmexxi djalogi miftuħa mal-partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-avjazzjoni, filwaqt li tqis il-fehmiet tagħhom meta tiddeċiedi dwar it-tfassil tar-regoli u l-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni; jinnota wkoll li l-workshops tekniċi kollha organizzati mill-Aġenzija mal-partijiet ikkonċernati tagħha fil-qasam tal-avjazzjoni huma riflessi fil-paġna tal-avvenimenti tas-sit web tal-Aġenzija;

Kontroll intern

24.

Jinnota li l-istandards ta’ kontroll intern tal-Aġenzija jinkludu qafas li jikkonsisti f’ħames komponenti ta’ kontroll intern, 17-il prinċipju u l-istandard internazzjonali tal-kwalità (ISO 9001:2015); jinnota wkoll li fl-2021 twettaq awditu ta’ sorveljanza li wassal għall-konklużjoni li s-sistema ta’ kontroll intern tal-Aġenzija tikkonforma bis-sħiħ mal-istandards ta’ ġestjoni tagħha;

25.

Jinnota li l-Aġenzija implimentat il-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet li rriżultaw mill-awditu tas-Servizz tal-Awditjar Intern dwar iċ-ċertifikazzjoni u l-livell ta’ involviment tal-organizzazzjonijiet fl-2021; jistieden lill-Aġenzija timplimenta l-azzjonijiet li fadal;

26.

Jinnota li, fl-2021, il-Kapaċità ta’ Awditjar Intern wettqet tliet aċċertamenti tal-awditu biex tivvaluta rispettivament jekk kienx hemm konformità mar-regolamenti rilevanti, jekk l-objettivi tal-proċess ġewx issodisfati u jekk ir-riskji ewlenin ġewx immitigati kif xieraq fi ħdan l-Aġenzija; jinnota li ngħataw xi rakkomandazzjonijiet biex jitjieb ulterjorment l-ambjent ta’ kontroll jew l-effiċjenza globali tal-proċessi; jistieden lill-Aġenzija tiffinalizza l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet li fadal b’rabta mal-awditi ta’ segwitu tal-2021;

Diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika

27.

Ifaħħar lill-Aġenzija għall-firxa wiesgħa ta’ miżuri bil-għan li jnaqqsu l-impronta ambjentali tagħha; jenfasizza, f’dan il-kuntest, it-teknoloġiji li jgħammru l-bini sostenibbli tal-Aġenzija u jgħinu biex jiġi ottimizzat l-użu tal-enerġija u l-konsum tal-ilma, l-inklużjoni tal-ġestjoni tal-enerġija bħala servizz fl-ispeċifikazzjonijiet tal-offerti, ix-xiri ta’ 100 % enerġija rinnovabbli u miżuri oħra li jinċentivaw l-użu tal-ferroviji jew tat-trasport pubbliku mill-persunal tagħha, kif ukoll it-tnaqqis tal-ivvjaġġar fuq xogħol; ifaħħar ukoll lill-Aġenzija għall-iskema ta’ kumpens tagħha fir-rigward tal-konsum tal-elettriku u l-ivvjaġġar fuq xogħol bil-ferrovija;

28.

Ifaħħar l-approvazzjoni ta’ diversi Sħubijiet Ewropej biex titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, inkluż dwar ir-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 bil-għan li titħaffef it-trasformazzjoni diġitali tal-ATM f’konformità mal-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM; ifakkar, f’dak ir-rigward, fl-importanza tal-Ajru Uniku Ewropew 2+ biex jinkisbu l-armonizzazzjoni, l-interoperabbiltà u l-effiċjenza mtejba;

29.

Jinnota li l-Aġenzija kompliet il-programm ta’ trasformazzjoni korporattiva tagħha, “Destination: Future Proof (Destinazzjoni: Validi għall-Futur)” b’objettivi ewlenin marbuta mal-modernizzazzjoni tal-modi ta’ ħidma u s-simplifikazzjoni tal-proċessi ewlenin inklużi l-attivitajiet ewlenin bħat-tfassil tar-regoli, l-ajrunavigabbiltà inizjali u l-approvazzjonijiet tal-organizzazzjoni; ifaħħar, f’dan il-kuntest, il-progress li sar mill-Aġenzija biex tipprovdi lill-partijiet ikkonċernati esterni b’servizzi diġitali billi tħejji ruħha għal soluzzjonijiet ta’ implimentazzjoni għar-rappurtar tal-okkorrenzi (ECCAIRS2), l-aċċess għar-regoli tal-EASA (regoli elettroniċi), il-FlexTool għall-ġbir ta’ eżenzjonijiet u derogi, siti kollaborattivi u r-repożitorju ta’ Drones; jistieden lill-Aġenzija tkompli tibni l-pjattaforma tal-IT Diġitali Ewlenija tagħha f’konformità mal-pjan direzzjonali tad-diġitalizzazzjoni (CORAL) u tmur lil hinn mill-mira stabbilita (65 %) f’dan ir-rigward; jistieden lill-Aġenzija tistabbilixxi politika taċ-ċibersigurtà u timplimenta pjan direzzjonali għas-sigurtà tal-informazzjoni;

30.

Iħeġġeġ lill-Aġenzija taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà); jissottolinja l-importanza li jitwettqu valutazzjonijiet tar-riskju regolari dwar l-infrastruttura tal-IT tagħha u li jiġu żgurati awditi u testijiet regolari tad-difiżi ċibernetiċi tagħha; iħeġġeġ ukoll lill-Aġenzija toffri programmi ta’ taħriġ sistematiċi u aġġornati relatati maċ-ċibersigurtà lill-persunal kollu tagħha, inkluż lill-maniġment, peress li dan huwa element ewlieni għal qafas effettiv taċ-ċibersigurtà;

Kontinwità tal-operat matul il-kriżi tal-COVID-19

31.

Jinnota l-approċċ konservattiv tal-Aġenzija fit-tieni sena tal-pandemija rigward l-ippjanar tan-nefqa, inkluż tnaqqis fir-reklutaġġ estern; jinnota wkoll li l-ammont ta’ xogħol dejjem jiżdied ġie ġestit billi ġew stabbiliti metodi ta’ ħidma ġodda (eż. xogħol mill-bogħod u reġim ta’ xogħol ibridu kuljum) u bl-investiment f’inizjattivi ta’ effiċjenza u diġitalizzazzjoni biex titnaqqas il-pressjoni fuq ir-riżorsi eżistenti; iħeġġeġ lill-Aġenzija tqiegħed fil-prattika t-tagħlimiet rigward il-metodi ta’ ħidma remoti u ibridi, sabiex torganizza aħjar il-laqgħat li jistgħu jsiru b’mod aktar effiċjenti b’mod remot pjuttost milli wiċċ imb wiċċ;

32.

Jinnota li, minħabba l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19, l-Aġenzija kkonċentrat fuq il-protezzjoni tal-pubbliku li jivvjaġġa u l-identifikazzjoni u l-mitigazzjoni tal-konsegwenzi tas-sikurezza; jilqa’ l-azzjonijiet tal-Aġenzija fl-ambitu tal-proġett Ritorn għal Operazzjonijiet Normali (RNO), meta ppubblikat Bullettini ta’ Informazzjoni dwar is-Sikurezza u materjal ta’ gwida, u azzjonijiet oħra li jipprovdu miżuri ta’ flessibbiltà u solliev regolatorju, li jindirizzaw ir-riskji tas-saħħa u dawk emerġenti u jibnu kooperazzjoni ma’ stati sħab;

33.

Jissuġġerixxi li l-Aġenzija timmonitorja kontinwament is-sikurezza tal-avjazzjoni, inkluża l-għeja tal-ekwipaġġ tal-kabina kif previst fir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li jistabbilixxi l-Aġenzija;

Kummenti oħra

34.

Ifaħħar lill-Aġenzija għas-suċċess tagħha fit-twettiq tal-“EASA light”, parti mis-sit web tagħha li toffri kontenut ħafif għal udjenza mhux speċjalizzata; iħeġġeġ lill-Aġenzija tiżviluppa dan is-servizz skont il-feedback dwar kemm jintuża; ifaħħar ukoll lill-Aġenzija għall-metrika mtejba tagħha rigward l-użu tal-“EASA Pro”, parti mis-sit web tagħha li toffri informazzjoni dettaljata għall-partijiet ikkonċernati professjonali; jilqa’ l-fatt li fl-2021 l-Aġenzija saħħet ir-rabtiet tagħha mal-akkademiċi bil-formazzjoni ta’ Kumitat Xjentifiku li jiġbor flimkien esperti li jistgħu jagħtu pariri dwar żviluppi f’oqsma rilevanti;

35.

Jisħaq li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jeħtiġilhom jirrispettaw ir-regolamentazzjoni finanzjarja u standards maniġerjali għoljin;

36.

Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2023 (4) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 141, 29.3.2022, p. 81.

(2)   ĠU C 141, 29.3.2022, p. 80.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).

(4)  Testi adottati, P9_TA(2023)0190.