29.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/226


RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1857 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2023

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) għas-sena finanzjarja 2021

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) għas-sena finanzjarja 2021,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0102/2023),

A.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tiegħu (1), il-baġit finali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2021 kien ta’ EUR 30 044 194, li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 1,82 % meta mqabbel mal-2020, u billi l-Aġenzija hija ffinanzjata minn kontribuzzjoni mill-Unjoni u dħul assenjat estern għal proġetti speċifiċi;

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2021 (ir-“rapport tal-Qorti”), tiddikjara li għandha fil-pussess tagħha aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2021 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ 96,78 %, li tirrappreżenta żieda ta’ 5,09 % meta mqabbla ma’ dik tal-2020; jinnota li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 72,26 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 1,93 % meta mqabbla mal-2020; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament akkumulati fl-ewwel sentejn (2020 u 2021) tal-implimentazzjoni tal-erba’ proġetti ta’ kooperazzjoni internazzjonali pluriennali tal-infurzar tal-liġi li għadhom għaddejjin (fondi tal-Unjoni għall-Assistenza Esterna) kienet ta’ 22,25 %;

2.

Jinnota li ġiet adottata emenda baġitarja li biha l-baġit tal-Aġenzija għall-2021 tnaqqas b’EUR 800 000, ammont li ġie rritornat lill-Kummissjoni; jirrikonoxxi l-ispjegazzjoni tal-Aġenzija li skontha l-pandemija kellha impatt qawwi fuq il-possibbiltà li torganizza taħriġ fl-infurzar tal-liġi fuq il-post matul l-ewwel trimestri tal-2021, u dan ikkawża sottoimplimentazzjoni ta’ approprjazzjonijiet konsiderevoli; jissottolinja, madankollu, li l-Aġenzija adattat u kkonvertiet b’mod effettiv l-attivitajiet tagħha għat-tagħlim online, filwaqt li ssalvagwardjat l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ taħriġ tagħha;

3.

Jilqa’ b’apprezzament li r-rata ta’ eżekuzzjoni fl-2021 tal-fondi C8 (riportati mill-2020 għall-2021) kienet ta’ 100 %; jinnota, barra minn dan, l-ammont għoli ta’ EUR 2 411 091 bħala fondi riporti mill-2021 għall-2022, li jirrappreżenta 24 % tal-baġit regolari tal-Aġenzija għall-2021;

Prestazzjoni

4.

Jinnota li r-rata ta’ implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma tal-Aġenzija kienet affettwata mill-kriżi tal-COVID-19, l-aktar fir-rigward tal-attivitajiet fuq il-post; jinsab sodisfatt li l-maġġoranza tal-miri stabbiliti ntlaħqu jew inqabżu; jinnota b’apprezzament ir-rata ta’ sodisfazzjon tal-klijenti fl-2021 fejn 97 % tal-parteċipanti fl-attivitajiet ta’ taħriġ tal-Aġenzija ddikjaraw li kienu sodisfatti jew sodisfatti ħafna;

5.

Jinnota li fl-2021 il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni ta’ ħames snin tal-Aġenzija; jilqa’ l-konklużjonijiet pożittivi ġenerali tar-rapport ta’ evalwazzjoni u jistieden lill-Aġenzija timplimenta r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapport ta’ evalwazzjoni;

6.

Jinnota b’apprezzament li, minkejja l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19, l-Aġenzija kompliet iżżid is-sensibilizzazzjoni tagħha filwaqt li l-għadd ta’ parteċipanti fit-taħriġ żdied bi 17 % meta mqabbel mal-2020; ifaħħar ukoll ir-riżultati eċċezzjonali tal-Aġenzija fil-qasam tal-apprendiment elettroniku, u l-organizzazzjoni tal-Konferenza tas-CEPOL dwar ir-Riċerka u x-Xjenza li saret online, li attirat aktar minn 500 parteċipant fir-rebbiegħa tal-2021; jinnota li l-Programm ta’ Skambju tas-CEPOL ġie pospost għal nofs Awwissu u li fl-2021 inkisbu 57 % tal-iskambji ppjanati;

7.

Josserva li l-Aġenzija lestiet it-tieni Valutazzjoni tal-Ħtiġijiet Strateġiċi ta’ Taħriġ tal-UE (EU-STNA), filwaqt li identifikat il-prijoritajiet tat-taħriġ għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi għall-perjodu 2022-2025; jilqa’ t-tnedija ta’ Ċentru tal-Għarfien ġdid tas-CEPOL dwar il-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi, l-Iskambju tal-Informazzjoni u l-Interoperabbiltà (CKC INT);

8.

Jenfasizza l-ħtieġa li t-taħriġ fl-infurzar tal-liġi fil-livell tal-Unjoni jirrifletti t-theddid għas-sigurtà tal-Unjoni f’konformità mal-mandat tal-Aġenzija; itenni l-importanza tat-taħriġ fl-infurzar tal-liġi dwar strateġiji għall-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni, u għall-prevenzjoni tat-tfassil ta’ profili razzjali u etniċi u l-vjolenza; jissottolinja l-ħtieġa urġenti għal taħriġ speċjalizzat li jiffoka fuq il-perikli u l-użu xieraq tat-teknoloġiji tal-IA, mill-awtoritajiet tal-pulizija biex jiġu żgurati s-sikurezza u s-sigurtà taċ-ċittadini;

9.

Jilqa’ l-istabbiliment tal-Grupp ta’ Esperti dwar id-Drittijiet Fundamentali bil-għan li tittejjeb l-istrateġija ta’ taħriġ tal-Aġenzija f’dan il-qasam u tal-Grupp ta’ Esperti dwar it-Titjib tal-Kooperazzjoni bejn l-Aġenzija u l-Istati Membri bil-għan li jittejbu l-kwalità u l-effiċjenza tal-kooperazzjoni; jinnota s-suġġeriment tal-Grupp ta’ Esperti dwar id-Drittijiet Fundamentali biex id-drittijiet fundamentali jiżdiedu bħala kwistjoni trażversali mal-attivitajiet ta’ taħriġ offruti fejn applikabbli kemm fl-Istati Membri kif ukoll f’pajjiżi terzi b’enfasi partikolari fuq id-drittijiet fundamentali u l-prevenzjoni tal-kriminalità;

10.

Jinnota li, fl-2021, l-Aġenzija bdiet l-implimentazzjoni tal-erba’ proġetti internazzjonali pluriennali li jgħinu lil pajjiżi terzi jibnu l-kapaċitajiet tagħhom f’oqsma rilevanti tal-politika tal-infurzar tal-liġi;

11.

Jilqa’ l-kooperazzjoni ma’ hubs u ċentri speċjalizzati ta’ għarfien dwar iċ-ċiberkriminalità bħaċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità, il-Grupp Ewropew għat-Taħriġ u l-Edukazzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità, in-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju u l-Interpol, permezz tal-Akkademja taċ-Ċiberkriminalità tas-CEPOL fl-indirizzar tal-ħtiġijiet dejjem akbar ta’ taħriġ fil-qasam taċ-ċiberkriminalità;

12.

Jenfasizza l-arranġamenti ta’ ħidma tal-Aġenzija mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, in-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju, il-Kummissjoni, u n-negozjati li għaddejjin maċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil;

13.

Jinnota bi tħassib li l-Aġenzija ma għandhiex arranġamenti ta’ ħidma mad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali (DĠ TAXUD) li jipprevjeni lill-Aġenzija milli tespandi l-udjenza fil-mira tal-attivitajiet tagħha biex tinkludi uffiċjali tad-dwana u tal-fruntieri; iħeġġeġ lill-Aġenzija tiżgura li l-arranġamenti ta’ ħidma jkunu fis-seħħ mal-korpi ewlenin kollha;

14.

Iħeġġeġ lill-Aġenzija tadatta aħjar il-metodi ta’ taħriġ tagħha għall-udjenza fil-mira tagħha; iħeġġeġ lill-Aġenzija ssegwi r-riżultati tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni u taġġusta t-taħriġ tal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi li jirrispondu aħjar għal taħriġ prattiku (eżerċizzji konġunti, simulazzjonijiet, eżerċizzji ta’ simulazzjoni) milli taħriġ teoretiku (virtwali) fil-klassi;

Politika dwar il-persunal

15.

Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2021, 91 % tat-tabella tal-persunal kienet ġiet implimentata, u li kienu nħatru 30 aġent temporanju minn total ta’ 33 aġent temporanju awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (l-istess għadd ta’ pożizzjonijiet awtorizzati bħal fl-2020); jinnota li, barra minn hekk, 58 aġent kuntrattwali (li minnhom 20 kienu għal attivitajiet regolari u 38 għal proġetti ta’ bini tal-kapaċitajiet iffinanzjati fuq livell estern) u seba’ esperti nazzjonali sekondati (sitta ffinanzjati mill-baġit tal-Aġenzija u wieħed iffinanzjat fl-ambitu tal-Proġett għal Taħriġ Kontra t-Terroriżmu 2) ħadmu għall-Aġenzija fl-2021; jinnota wkoll li, fil-31 ta’ Diċembru 2021, 19-il membru tal-persunal interim ġew impjegati b’kompiti relatati ma’ negozju ewlieni bħall-apprendiment elettroniku, l-ICT, l-appoġġ legali u ta’ ġestjoni;

16.

Jissottolinja li t-twessigħ sinifikanti tal-ħidma tal-Aġenzija bid-dħul fis-seħħ tal-mandat attwali tagħha għadu ma ġiex segwit b’żieda simili fl-għadd ta’ membri tal-persunal; jinnota bi tħassib is-suġġerimenti li għamlet il-Kummissjoni lill-Aġenzija biex ma titlobx pożizzjonijiet ġodda għas-snin li ġejjin, minkejja l-ħtieġa ta’ aktar persunal; jenfasizza, apparti dan, li fin-nuqqas ta’ riżorsi umani addizzjonali, l-Aġenzija qed tuża aġenti kuntrattwali għal għadd ta’ kompiti li normalment jiġu eżegwiti minn aġenti temporanji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni terġa’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha dwar il-klassifikazzjoni tal-pożizzjonijiet sabiex dawn jirriflettu l-ammont ta’ xogħol u r-responsabbiltajiet tal-persunal;

17.

Jinnota bi tħassib li r-rata tad-dawran tal-persunal baqgħet għolja fl-2021, fil-livell ta’ 11,8 %; japprezza l-isforzi li għamlet l-Aġenzija biex tindirizza dik il-kwistjoni, inkluż billi tintroduċi intervista ta’ ħruġ strutturata ġdida; jenfasizza l-fatt li r-riżultati tat-twettiq ta’ tali intervisti wrew li r-rata għolja tad-dawran hija kkawżata l-aktar mill-ammont għoli ta’ xogħol u mill-klassifikazzjoni baxxa tal-pożizzjonijiet; jissottolinja, barra minn hekk, li l-Aġenzija kienet qed tesperjenza diffikultajiet fil-proċess ta’ reklutaġġ, ikkawżati kemm minn għadd baxx ta’ applikazzjonijiet kif ukoll minn għadd kbir ta’ kandidati magħżula li jirrifjutaw l-offerti ta’ impjieg; jenfasizza l-fatt li l-koeffiċjent tal-korrezzjoni tas-salarji applikat għar-remunerazzjonijiet offruti għall-pożizzjonijiet fl-Aġenzija għandu impatt estremament negattiv fuq il-kapaċità tal-Aġenzija li tnaqqas id-dawran tal-persunal, li tirrekluta l-persunal li tirrikjedi għall-implimentazzjoni ottimali tal-mandat tagħha, kif ukoll li ssir attraenti għal kandidati bi kwalifiki għoljin; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-koeffiċjent tal-korrezzjoni sabiex jirrifletti aħjar ir-realtajiet ekonomiċi tar-rilokazzjoni lejn il-belt ospitanti tal-Aġenzija u l-għajxien fiha; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija jagħmlu disponibbli faċilitajiet addizzjonali bħall-aċċess għall-iskejjel internazzjonali u għall-kura tat-tfal u tas-saħħa, sabiex jagħmlu l-ħidma għall-Aġenzija aktar attraenti;

18.

Jinnota b’apprezzament li l-Aġenzija implimentat diversi moduli ta’ SYSPER u qed tippjana li tkompli tagħmel dan, filwaqt li żżid l-użu ta’ moduli aktar bażiċi u fakultattivi;

19.

Jilqa’ t-tqassim skont il-ġeneru tal-Aġenzija rrapportat għall-2021 bi 3 irġiel u 3 nisa fil-funzjonijiet maniġerjali (maniġer superjuri wieħed u 5 maniġers ta’ grad medju), b’16-il raġel (59 %) u 11-il mara (41 %) fil-bord maniġerjali, u b’39 raġel (45 %) u 48 mara (55 %) fi ħdan il-persunal ġenerali tal-Aġenzija; ifaħħar lill-Aġenzija għall-bilanċ bejn il-ġeneri miksub fl-2021; jinsab madankollu mħasseb dwar in-nuqqas ta’ bilanċ ġeografiku u li l-Aġenzija ma timpjega l-ebda persunal minn Ċipru, miċ-Ċekja, mid-Danimarka, minn Franza, mill-Irlanda, mil-Lussemburgu, minn Malta u mis-Slovenja; iħeġġeġ lill-Aġenzija tqis bl-akbar prijorità l-bilanċ ġeografiku fil-proċeduri ta’ reklutaġġ tagħha u tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward;

20.

Jilqa’ l-fatt li fl-2021 l-Aġenzija organizzat attivitajiet ta’ taħriġ dwar suġġetti bħall-etika u l-integrità, ir-rispett u d-dinjità, il-prevenzjoni tal-fastidju u l-benessri; jinnota l-adozzjoni fl-2021 tal-politika tal-Aġenzija dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju psikoloġiku u sesswali; jilqa’ barra minn hekk l-implimentazzjoni tal-proċedura informali b’konsulenti kunfidenzjali; jinnota r-risposta tal-Aġenzija li ma ġie rrapportat l-ebda każ ta’ fastidju fl-2021;

Akkwist

21.

Jinnota bi tħassib li, mis-sena finanzjarja 2019, il-Qorti għamlet osservazzjonijiet ġodda fir-rigward tal-akkwist għall-Aġenzija kull sena; jieħu nota tal-osservazzjonijiet tal-Qorti rigward il-proċeduri tal-ġestjoni tal-kuntratti u ta’ akkwist pubbliku tal-Aġenzija għall-2021; jinnota b’mod partikolari li fl-2021 l-Aġenzija għamlet pagamenti b’rabta ma’ attivitajiet li seħħew f’ċerti pajjiżi barra mill-Unjoni; jinnota li tali attivitajiet ma kinux inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kuntratt qafas li abbażi tiegħu saru pagamenti relatati; jinnota bi tħassib il-konklużjoni tal-Qorti fir-rigward tal-fatt li, f’dak il-każ, l-Aġenzija aġixxiet bi ksur tal-Artikolu 172 tar-Regolament Finanzjarju; jiddispjaċih li l-pagamenti relatati li jammontaw għal EUR 76 590 kienu irregolari, kif konkluż mill-Qorti; jinnota li l-Aġenzija ħadet id-deċiżjoni li tagħmel eċċezzjoni li tkopri esklussivament il-ħtiġijiet kummerċjali urġenti f’pajjiżi barra mill-Unjoni, filwaqt li dik id-deċiżjoni ġiet irreġistrata fir-reġistru tal-eċċezzjonijiet tal-Aġenzija; jieħu nota wkoll li f’Jannar 2022, l-Aġenzija użat il-proċedura ta’ eċċezzjoni b’mod rikorrenti sabiex tiżgura l-kontinwità tal-operat u l-ġestjoni finanzjarja tajba sal-finalizzazzjoni ta’ proċedura miftuħa li rriżultat fl-iffirmar ta’ kuntratt qafas ġdid, mingħajr l-ebda limitazzjoni;

22.

Jinnota li, fl-2021, l-Aġenzija kellha biss pożizzjoni waħda għal aġent temporanju u pożizzjoni waħda għal aġent kuntrattwali għal proċeduri relatati mal-akkwist, u żewġ aġenti kuntrattwali addizzjonali kienu qed jaħdmu fuq proġetti ffinanzjati fuq livell estern; jinnota li l-Aġenzija qed tuża aġenti interim biex jgħinu fl-ammont ta’ xogħol; jenfasizza, bi tħassib kbir, il-fatt li mill-inqas sa Novembru 2022, l-ogħla klassifikazzjoni ta’ uffiċjal tal-akkwist kienet AST-5 bi klassifikazzjoni ta’ reklutaġġ ta’ AST-3, klassifikazzjoni li l-Aġenzija tikkunsidra bħala baxxa wisq meta wieħed iqis ir-responsabbiltajiet assenjati lil dik il-pożizzjoni; jissottolinja li l-klassifikazzjoni inadegwata ta’ tali pożizzjonijiet jista’ jkollha impatt fuq il-kwalità tal-proċeduri ta’ akkwist pubbliku li twettaq l-Aġenzija; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza b’mod urġenti dawk il-kwistjonijiet;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u trasparenza

23.

Jinnota b’apprezzament il-miżuri eżistenti u l-isforzi kontinwi tal-Aġenzija biex tiżgura t-trasparenza u l-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess; jinnota b’sodisfazzjon li d-dikjarazzjonijiet ta’ interess u s-CVs tal-biċċa l-kbira tal-membri tal-bord maniġerjali u tal-maniġment superjuri huma ppubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija; jinnota b’sodisfazzjon li l-format tad-dikjarazzjonijiet jippermetti l-elenkar ta’ interessi professjonali, finanzjarji, personali u oħrajn li jistgħu jkunu relatati mal-attivitajiet tal-Aġenzija; jinnota li d-dikjarazzjonijiet dwar il-kunflitti ta’ interess u dwar il-kunfidenzjalità għall-esperti remunerati mhumiex ippubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tagħmel il-bqija ta’ dawk id-dokumenti disponibbli fuq is-sit web tagħha mill-aktar fis possibbli; jilqa’ l-fatt li l-lista annwali ta’ kuntratti ta’ esperti ppubblikata fuq is-sit web tal-Aġenzija hija kkomplementata b’informazzjoni dwar id-dikjarazzjonijiet dwar il-kunflitti ta’ interess u l-kunfidenzjalità magħmula mill-esperti;

Kontroll intern

24.

Jinnota l-valutazzjoni tal-Aġenzija tas-sistema ta’ kontroll intern tagħha u l-konklużjoni tagħha, li hija effettiva, preżenti u li tiffunzjona tajjeb, u li huwa meħtieġ biss titjib żgħir; jistieden lill-Aġenzija tinkorpora b’mod espliċitu fil-valutazzjoni tagħha il-kummenti tal-Qorti u r-rakkomandazzjonijiet relatati;

25.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti diversi dgħufijiet fis-sistema ta’ kontroll intern tal-Aġenzija, b’mod partikolari fir-rigward tal-proċeduri ta’ akkwist u tal-ġestjoni tal-impenji baġitarji; jinnota fir-rigward tal-akkwist, l-osservazzjoni tal-Qorti f’każ wieħed fejn in-nuqqas ta’ separazzjoni bejn il-kriterji tal-għażla u l-kriterji tal-għoti kkomprometta l-prinċipju tat-trasparenza u espona lill-Aġenzija għal riskji reputazzjonali u legali; jinnota f’każ ieħor is-sejba tal-Qorti dwar in-nuqqas tal-Aġenzija li timmonitorja l-pagamenti pendenti fejn b’hekk esponiet lilha nnifisha għar-riskju li ma tissodisfax l-obbligi finanzjarji tagħha lejn partijiet terzi f’każ ta’ restrizzjonijiet baġitarji; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-miżuri maħsuba biex jiġu indirizzati dawk il-kwistjonijiet u l-progress tagħha rigward dawk il-kwistjonijiet;

26.

Ifakkar li l-Qorti osservat dgħufijiet fl-ambjent ta’ kontroll intern tal-Aġenzija, għajr dawk li jikkonċernaw l-akkwist fir-rigward tal-ġestjoni tal-impenji baġitarji, u jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija ħadet passi konkreti biex tindirizza dawk l-iżbalji, inkluż taħriġ regolari dwar il-ġestjoni tal-kuntratti għall-maniġers tal-proġetti u persunal rilevanti ieħor biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni u titnaqqas l-okkorrenza ta’ każijiet bħal dawn; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-progress f’din il-kwistjoni;

27.

Jinnota li f’Ottubru 2021, is-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) nieda awditu dwar il-“Ġestjoni tar-riżorsi umani u l-etika fis-CEPOL” tal-Aġenzija; jinnota l-konklużjoni pożittiva tar-rapport tal-awditjar finali tal-IAS u l-oqsma identifikati għat-titjib fir-rigward tal-proċeduri ta’ reklutaġġ, valutazzjoni u riklassifikazzjoni; jistieden lill-Aġenzija timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-IAS;

28.

Jinnota bi tħassib in-nuqqasijiet ta’ kontroll intern tal-Aġenzija fir-rigward tan-nuqqas ta’ formalizzazzjoni tal-kontrolli fuq it-teknoloġija (eż. il-politika ta’ riżerva tal-ICT) u l-qafas proċedurali għall-ġestjoni tad-dokumenti; jistieden lill-Aġenzija timplimenta, inkluż bl-għajnuna ta’ aġenzija oħra jekk ikun meħtieġ, l-ARES tal-Kummissjoni bħala s-sistema tagħha ta’ ġestjoni tad-dokumenti;

Diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika

29.

Jinnota li l-Aġenzija ma għandhiex politika formalizzata dwar iċ-ċibersigurtà; jinnota wkoll li l-Aġenzija taħdem mas-CERT-UE u ma’ sħab oħra biex iżżid iċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tar-rekords diġitali; jirrikonoxxi l-limitazzjoni tal-Aġenzija f’dan il-qasam minħabba l-għadd baxx ta’ membri tal-persunal tagħha skont it-tabella tal-persunal;

30.

Ifaħħar lill-Aġenzija talli tejbet iżjed il-pjattaforma LEEd b’għadd ta’ żviluppi tekniċi, speċjalment fid-dawl tal-attakk ċibernetiku u l-għeluq sussegwenti tal-pjattaforma fi tmiem l-2020; jilqa’ r-restawr rapidu tal-pjattaforma LEEd u l-implimentazzjoni ta’ attivitajiet online pendenti fl-ewwel tliet xhur tal-2021; jinnota barra minn hekk li l-Aġenzija rrapportat li laħqet livell relattivament għoli ta’ diġitalizzazzjoni bil-konverżjoni tal-proċessi tagħha għal sistemi mingħajr karti;

31.

Iħeġġeġ lill-Aġenzija taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà); jissuġġerixxi li l-Aġenzija toffri regolarment programmi ta’ taħriġ aġġornati relatati maċ-ċibersigurtà għall-persunal kollu fl-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tiżviluppa l-politika tagħha dwar iċ-ċibersigurtà aktar malajr, sabiex tkun tista’ tippreżentaha qabel il-31 ta’ Diċembru 2023 u tirrapporta lura lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-progress miksub;

32.

Jilqa’ t-tnedija tal-portafoll il-ġdid tal-apprendiment li jappoġġja l-iżvilupp ta’ ħiliet personali u kummerċjali f’Jannar 2021, b’500 modulu ġdid ta’ apprendiment elettroniku u postijiet mogħtija lil 1 000 utent tal-LEEd, u wkoll l-estensjoni ulterjuri tal-liċenzja għal 2 000 post minn Ottubru 2022;

33.

Jinnota l-isforzi tal-Aġenzija biex tnaqqas l-impatt ambjentali tagħha; jilqa’ b’mod partikolari r-regoli interni tal-Aġenzija li bihom persunal li jivvjaġġa distanzi qosra u l-parteċipanti fl-attivitajiet ta’ taħriġ għandhom jużaw alternattivi għall-ivvjaġġar bl-ajru; ifaħħar lill-Aġenzija talli offriet ir-rimborż għall-ispejjeż tal-użu tat-trasport pubbliku lill-persunal tagħha;

Kontinwità tal-operat matul il-kriżi tal-COVID-19

34.

Jinnota li l-Aġenzija rrapportat li fl-2021, il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt serju fuq l-attivitajiet tagħha fuq il-post; jinnota b’mod partikolari l-posponiment għall-2022 tal-implimentazzjoni ta’ xi wħud mill-attivitajiet ippjanati għall-2021, il-kanċellazzjoni mingħajr sostituzzjoni ta’ xi attivitajiet oħra, diversi każijiet ta’ rtirar ta’ attivitajiet kif ukoll il-konverżjoni ta’ attivitajiet fuq il-post f’attivitajiet online; ifaħħar lill-Aġenzija għar-reżiljenza tagħha u għar-rispons tagħha ta’ allokazzjoni mill-ġdid tar-riżorsi biex tiżgura li jintlaħqu l-objettivi;

35.

Ifaħħar il-fatt li, minkejja r-rata tad-dawran relattivament għolja tal-persunal, il-kontinwità tal-operat tal-Aġenzija u s-sikurezza tal-persunal tagħha ġew żgurati permezz ta’ miżuri bħall-arranġamenti estiżi tat-telexogħol u tal-ħin flessibbli, il-fluss tax-xogħol elettroniku, ir-reklutaġġ ta’ persunal interim u esperti nazzjonali sekondati u ż-żamma tal-arranġamenti soċjali;

Kummenti oħra

36.

Jinnota bi tħassib li l-kwistjoni tal-Aġenzija li ma għandhiex biżżejjed spazju għall-uffiċċji u għall-attivitajiet operattivi għadha għaddejja — l-attivitajiet operattivi tal-Aġenzija jseħħu minn tliet postijiet differenti; jiddeplora l-fatt li l-pjan inizjali mill-gvern Ungeriż għal kumpless komuni għall-organizzazzjonijiet internazzjonali ġie mwarrab; jinnota li d-diskussjonijiet tad-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija mal-awtoritajiet Ungeriżi komplew matul l-2022; jistieden lill-Aġenzija żżomm lill-awtorità ta’ kwittanza infurmata dwar l-iżviluppi fir-rigward tal-bini tagħha u l-progress li sar fid-diskussjonijiet mal-Istat Membru ospitanti; jilqa’ l-ħolqien ta’ task force interna biex tivvaluta l-għażliet dwar kif l-aħjar li jsir użu mill-ispazju eżistenti;

37.

Ifakkar li l-Aġenzija għandha tiżgura trasparenza sħiħa u rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali fl-attivitajiet kollha tagħha, inklużi dawk li twettaq ma’ pajjiżi terzi;

38.

Jistieden lill-Aġenzija żżid l-isforzi tagħha u tirrapporta informazzjoni rilevanti dwar il-prestazzjoni liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-pubbliku ġenerali b’lingwaġġ ċar u aċċessibbli; iħeġġeġ lill-Aġenzija tiżgura aktar trasparenza u obbligu ta’ rendikont pubbliku permezz ta’ użu aħjar tal-mezzi tal-midja u tal-midja soċjali;

39.

Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2023 (2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 216, 31.5.2022, p. 1.

(2)  Testi adottati, P9_TA(2023)0190.