29.9.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 242/178 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1842 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-10 ta’ Mejju 2023
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tat-tmien, tad-disa’, tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2021
IL-PARLAMENT EWROPEW,
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tat-tmien, tad-disa’, tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2021, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 99, l-Artikolu 100, it-tielet inċiż, u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0114/2023), |
A. |
billi l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikoli 208 sa 210 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), topera f’kuntest globali, definit mill-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli (Aġenda 2030) u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tagħha; |
B. |
billi l-Unjoni għandha relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni ma’ għadd kbir ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw, li l-objettiv ewlieni tagħhom huwa li jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali, bl-għan ewlieni li jitnaqqas u jinqered il-faqar fuq perjodu ta’ żmien twil billi lill-pajjiżi benefiċjarji tipprovdilhom għajnuna għall-iżvilupp u assistenza teknika; |
C. |
billi l-objettiv tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni huwa li ssostni u tippromwovi l-valuri u l-interessi tal-Unjoni madwar id-dinja sabiex jiġu segwiti l-objettivi u l-prinċipji tal-azzjoni esterna tagħha, kif stabbiliti fl-Artikolu 3(5) u fl-Artikoli 8 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. |
D. |
billi, mill-1959 sal-l-2020, il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ) ipprovdew għajnuna għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp lill-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u lill-pajjiżi u t-territorji ekstra-Ewropej (PTEE); billi l-qafas li jirregola r-relazzjoni tal-Unjoni mal-pajjiżi AKP u mal-PTEE kien ftehim ta’ sħubija ffirmat f’Cotonou (“il-Ftehim ta’ Cotonou”) fit-23 ta’ Ġunju 2000 għal perjodu ta’ 20 sena, li aktar tard ġie estiż sat-30 ta’ Ġunju 2022; |
E. |
billi l-ħdax-il FEŻ laħaq l-istadju finali tiegħu hekk kif il-klawżola ta’ estinzjoni tiegħu daħlet fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2020 u, mill-2021, il-programmi tal-FEŻ ġew inklużi fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) tal-Unjoni; billi, madankollu, kuntratti speċifiċi għal ftehimiet ta’ finanzjament eżistenti se jibqgħu jiġu ffirmati sal-31 ta’ Diċembru 2023; |
F. |
billi, għall-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) tal-2021-2027, l-għajnuna għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp lill-pajjiżi AKP ġiet inkorporata fl-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali — Ewropa Globali (“NDICI-Ewropa Globali”) u l-għajnuna għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-PTEE ġiet inkorporata fid-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Ekstra-Ewropea, inkluż Greenland (1); |
G. |
billi, it-tmien, id-disa’, l-għaxar u l-ħdax-il FEŻ ma ġewx inkorporati fil-baġit ġenerali tal-Unjoni u għadhom qed ikomplu jiġu implimentati u rrappurtati separatament sal-għeluq tagħhom; |
H. |
billi l-FEŻ huma ġestiti kważi kompletament mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għas-Sħubijiet Internazzjonali (DĠ INTPA) (2) filwaqt li proporzjon żgħir (0,25 %) tan-nefqa tal-FEŻ tal-2021 ġiet ġestita mid-Direttorat Ġenerali għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili (DĠ ECHO); |
I. |
billi l-kooperazzjoni għall-iżvilupp qed tevolvi minn konċentrazzjoni aktar tradizzjonali fuq is-setturi soċjali lejn enfasi aktar qawwija fuq l-interessi reċiproċi, inkluż fuq l-investiment, il-kummerċ u l-iżvilupp ta’ setturi ekonomiċi b’valur miżjud għoli, l-iżvilupp sostenibbli, l-edukazzjoni u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; |
J. |
billi huma meħtieġa bidliet strutturali fis-settur agrikolu tal-pajjiżi sħab li qed jiżviluppaw, b’mod partikolari billi tingħata s-setgħa lill-bdiewa lokali b’azjenda agrikola żgħira, jiġu megħjuna fl-użu ta’ teknoloġiji agrikoli ġodda, jiġu implimentati metodi moderni tal-ġestjoni tal-ilma u jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-suq; |
K. |
billi permezz ta’ approċċ ta’ Tim Ewropa (3), l-Unjoni taħdem flimkien mal-Istati Membri fuq il-post, mal-benefiċjarji lokali u mad-donaturi l-oħra biex iġġib impatt tanġibbli u bidla trasformattiva fil-pajjiżi sħab; ifakkar li l-appoġġ baġitarju jrid jikkorrispondi għall-ħtiġijiet tal-pajjiżi sħab kif ukoll għall-politiki ewlenin tal-Unjoni; ifakkar li huwa meħtieġ ukoll li jitkejlu l-prestazzjoni tal-programmi u l-impatt tagħhom fil-pajjiżi sħab u fost il-popolazzjonijiet ċivili; |
L. |
billi l-kooperazzjoni għall-iżvilupp hija kompetenza kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Unjoni, u l-Artikolu 208 tat-TFUE jiddikjara b’mod speċifiku li “[i]l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-koperazzjoni għall-iżvilupp ... u dik tal-Istati Membri għandhom jikkomplementaw u jsaħħu lil xulxin.”; |
M. |
billi l-Unjoni u l-Istati Membri jistgħu jwettqu azzjonijiet konġunti u għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar l-azzjonijiet li qed jittieħdu fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp; |
N. |
billi s-sostenibbiltà hija kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet u r-riżultati stabbiliti u, b’mod partikolari, l-impatti fit-tul tal-għajnuna għall-iżvilupp; |
O. |
billi, tradizzjonalment, l-implimentazzjoni tal-FEŻ, u l-iżvilupp b’mod ġenerali, iseħħu f’ambjenti riskjużi, kumplessi u li qed jevolvu malajr, aggravati fl-2021 mill-pandemija tal-COVID-19 u s-sitwazzjoni politika instabbli esperjenzata minn xi wħud mill-pajjiżi sħab tal-UE, u dan ixekkel l-implimentazzjoni tal-FEŻ u l-attivitajiet rispettivi tal-awditjar; |
P. |
billi d-distakk dejjem akbar bejn il-fondi meħtieġa u dawk disponibbli biex jiġu indirizzati l-kriżijiet li qed jiggravaw tal-klima, tal-ġuħ, tad-dejn, umanitarji u oħrajn, qed jiġġenera disparità li qed tikber bejn in-nazzjonijiet industrijalizzati u dawk inqas żviluppati u qed iżid il-livelli tal-faqar għall-ewwel darba f’għexieren ta’ snin; |
Q. |
billi, minkejja d-dikjarazzjoni preċedenti, it-trawwim tat-trasparenza, l-obbligu ta’ rendikont, id-diliġenza dovuta fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-frodi huma kruċjali għas-suċċess tal-operazzjonijiet ta’ appoġġ baġitarju tal-Unjoni; |
R. |
billi l-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp hija espressjoni ta’ solidarjetà globali de facto, minquxa fit-Trattati u fil-qalba tal-valuri tal-Unjoni; |
Implimentazzjoni tal-baġit
1. |
Ifakkar fiż-żewġ avvenimenti li kkaratterizzaw l-2021, jiġifieri li din kienet l-ewwel sena wara l-kawsola ta’ estinzjoni għall-ħdax-il FEŻ (il-31 ta’ Diċembru 2020), li jfisser li fl-2021 ma kien hemm l-ebda impenn globali ulterjuri ta’ proġetti fl-ambitu tal-ħdax-il FEŻ, u, barra minn hekk, fl-2021, l-implimentazzjoni finanzjarja għall-kuntratti tal-għaxar u l-ħdax-il FEŻ (impenji individwali: EUR 2 118-il miljun) u l-pagamenti (EUR 3 393 miljun) tagħhom kienet affettwata mill-kriżi mtawla tal-COVID (4); |
2. |
Josserva li l-FEŻ jirrappreżenta 46,1 % tal-portafoll tad-DĠ INTPA f’dawk li huma pagamenti fl-2021, li laħqu l-ammont ta’ EUR 3 435 miljun (jiġifieri 91,27 % tal-mira annwali); jinnota li l-pagamenti tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) ammontaw għal EUR 613-il miljun; josserva li, mindu l-klawżola ta’ estinzjoni tal-ħdax-il FEŻ għaddiet fil-31 ta’ Diċembru 2020, ma kien hemm l-ebda impenn ġdid fl-2021, bl-eċċezzjoni tal-impenji tal-fondi li jirriżultaw minn rimborżi fl-ambitu tal-Faċilità ta’ Investiment tal-AKP minn operazzjonijiet fl-ambitu tad-disa’, l-għaxar u l-ħdax-il FEŻ; jinnota li l-pagamenti tal-BEI rigward il-Faċilità ta’ Investiment tal-AKP ammontaw għal EUR 179 miljun; |
3. |
Jesprimi dispjaċir għall-fatt li, minħabba s-sitwazzjoni mtawla tal-COVID-19, 50 % tad-delegazzjonijiet fl-Afrika sub-Saħarjana ma laħqux il-mira ta’ pagament minima prevista tagħhom (90 %); jisħaq li l-aktar evidenti minn dawn kienu Madagascar, li kważi għalaq għalkollox il-fruntieri tiegħu, u b’hekk għamilha diffiċli ħafna li titkompla l-implimentazzjoni kif kien previst fil-bidu; iċ-Chad u l-Gambja minħabba implimentazzjoni sospiża jew imdewma; u l-Etjopja, il-Guinea Conakry u l-Mali, fejn il-kriżijiet politiċi affettwaw b’mod serju l-operazzjonijiet, b’impatt sinifikanti fuq il-pagamenti previsti relatati mal-appoġġ baġitarju; jinnota, barra minn hekk, li fil-Paċifiku u fil-Karibew, ir-restrizzjonijiet tal-COVID-19 ukoll affettwaw l-implimentazzjoni, u f’Fiġi u fil-Haiti, l-effetti kollaterali negattivi li rriżultaw mid-deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika, soċjali u politika kellhom impatt devastanti fuq il-proġetti infrastrutturali; |
4. |
Jilqa’ l-isforzi regolari tad-DĠ INTPA biex inaqqas il-prefinanzjament antik u l-impenji antiki li ma ntefqux b’mira ta’ 35 %; jinnota li d-DĠ INTPA qabeż il-mira billi naqqas il-prefinanzjament antik tal-FEŻ b’46 % (50 % għal oqsma oħra ta’ għajnuna) u b’39 % kemm għall-impenji l-antiki li ma ntefqux tal-FEŻ kif ukoll fil-qasam kollu ta’ responsabbiltà tiegħu; |
5. |
Jinnota li d-DĠ INTPA laħaq il-mira tiegħu li ma jkollux aktar minn 15 % ta’ kuntratti skaduti antiki għall-FEŻ; jinnota li huwa kiseb punteġġ ta’ 13 % għall-FEŻ u ta’ 10 % fil-qasam kollu ta’ responsabbiltà tiegħu; jinnota li għall-FEŻ ilu jkun hemm titjib konsistenti mill-2017; |
Impatt tal-attivitajiet fir-rapporti finanzjarji
6. |
Jinnota li l-prefinanzjament sofra tnaqqis ta’ EUR 101 miljun l-aktar bħala riżultat tal-fatt li saru inqas ħlasijiet bil-quddiem minħabba t-tnaqqis fl-għadd ta’ kuntratti ffirmati (EUR 3 670 miljun fl-2020 meta mqabbel ma’ EUR 2 118-il miljun fl-2021); jinnota, barra minn hekk, li dan it-tnaqqis kien prinċipalment xprunat mill-isfidi ffaċċjati minħabba l-kriżijiet tal-COVID-19 u ġeopolitiċi li għaddejjin bħalissa li għaddejjin bħalissa u li, konsegwentement, il-flus u l-ekwivalenti ta’ flus żdiedu b’EUR 266 miljun bħala riżultat ta’ dan it-tnaqqis sinifikanti fil-prefinanzjament u f’pagamenti oħra; |
7. |
Jinnota l-għadd ferm aktar baxx ta’ kuntratti miftuħa fi tmiem l-2021, ikkawżat kemm mit-tnaqqis tal-FEŻ kif ukoll mill-impatt negattiv tal-kriżi tal-pandemija tal-COVID-19 u tal-kriżi ġeopolitika li kienu għaddejjin fuq l-iffirmar ta’ kuntratti ġodda li rriżulta fi tnaqqis sostanzjali tal-imposti dovuti b’EUR 519-il miljun; |
8. |
Jinnota, barra minn hekk, li t-tnaqqis ġenerali fl-ispejjeż tal-istrumenti tal-għajnuna ta’ EUR 1 743 miljun għandu effett ikkombinat: minn naħa waħda, il-kundizzjonijiet ta’ sfida relatati mal-pandemija tal-COVID-19 u s-sitwazzjoni ġeopolitika instabbli f’diversi pajjiżi xekklu l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-FEŻ fl-2021, u, min-naħa l-oħra, it-tnaqqis tal-attivitajiet fl-ambitu tal-għaxar FEŻ u dawk preċedenti huwa konformi mat-tnaqqis ta’ dawk il-FEŻ li rriżulta f’inqas kuntratti miftuħa fl-ambitu tagħhom; |
9. |
Jinnota li l-implimentazzjoni effettiva u l-finanzjament adegwat huma mezzi biex jiġu żgurati l-leġittimità u l-effettività tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni; huwa tal-fehma li aktar ma tkun twila d-durata tal-kuntratti fl-ambitu tal-politika tal-iżvilupp, aktar ikunu sostenibbli l-proġetti; |
10. |
Jinnota li l-finanzjament tal-FEŻ ta’ EUR 600 000 000 għal azzjonijiet oħra fil-pajjiżi AKP li dan l-aħħar ġie diżimpenjat mill-Istati Membri issa se jintuża għal miżuri li jgħinu biex tittaffa l-kriżi globali tal-ikel; hu tal-fehma li dawk il-fondi jridu jintużaw biex jipprovdu aktar appoġġ għall-biedja lokali fuq skala żgħira, kif ukoll għall-prattiki agroekoloġiċi u għas-sajd sostenibbli li jwasslu għall-awtonomija alimentari tal-komunitajiet lokali li b’hekk isiru jiddependu inqas mis-swieq globali fluttwanti tal-ikel u l-agrikoltura; jistieden lill-Istati Membri biex, minn issa ’l quddiem u b’mod konsistenti, jastjenu milli jirċievu ħlas lura ta’ fondi diżimpenjati tal-FEŻ, minħabba l-ħtieġa li jkun hemm fondi li jkopru l-bżonnijiet urġenti fil-pajjiżi AKP u filwaqt li nżommu f’moħħna l-finanzjament mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha favur l-impenji għall-iżvilupp kif ukoll l-obbligi stabbiliti fit-Trattat dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp; |
11. |
Jenfasizza wkoll il-fatt li l-indirizzar tal-kawżi profondi tal-kriżi tal-ikel jirrikjedu bidliet strutturali fis-settur agrikolu tal-pajjiżi sħab li qed jiżviluppaw, b’mod partikolari permezz tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-bdiewa lokali b’azjenda agrikola żgħira ħalli jużaw teknoloġiji agrikoli ġodda, jimplimentaw metodi moderni ta’ ġestjoni tal-ilma, u billi jiġi aġevolat l-aċċess tagħhom għas-suq; |
Affidabbiltà tal-kontijiet
12. |
Jinnota li l-baġit tat-tmien FEŻ (1995-2000) kien ta’ EUR 12,8-il biljun, dak tad-disa’ FEŻ (2000-2007) kien ta’ EUR 13,8-il biljun, dak tal-għaxar FEŻ (2008-2013) kien ta’ EUR 22,7 biljun, u dak tal-ħdax-il FEŻ huwa ta’ EUR 30,5 biljun, li minnhom EUR 29,1 biljun ġew allokati lill-pajjiżi AKP u EUR 0,4 biljun lill-PTEE, b’EUR 1,1 biljun għall-kostijiet amministrattivi; |
13. |
Jinnota li, fl-2019, il-Kummissjoni għalqet it-tranżazzjonijiet pendenti li jifdal għall-proġetti tat-tmien FEŻ u li l-bilanċi u d-diżimpenji kollha ġew ittrasferiti lid-disa’ FEŻ; jinnota, barra minn hekk, li fl-2021, il-Kummissjoni ħabbret l-għeluq finanzjarju u operattiv tat-tmien FEŻ u li l-attivitajiet relatati kollha tlestew, il-kontrolli u l-verifiki kollha twettqu, u l-kuntratti u d-deċiżjonijiet finanzjarji kollha huma magħluqa fil-kontijiet tal-FEŻ; |
14. |
Jilqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”), fir-rapport annwali tagħha dwar l-attivitajiet iffinanzjati mit-tmien, mid-disa’, mill-għaxar u mill-ħdax-il FEŻ għas-sena finanzjarja 2021, tikkonkludi li l-kontijiet għas-sena finanzjarja li tispiċċa fil-31 ta’ Diċembru 2021 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-FEŻ, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħhom, il-flussi ta’ flus tagħhom u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li kienet għadha kif intemmet, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1877 (5) (“ir-Regolament Finanzjarju tal-FEŻ”) u mal-istandards kontabilistiċi għas-settur pubbliku; |
15. |
Jirrikonoxxi li, bl-inklużjoni tal-programmi tal-FEŻ fil-QFP tal-Unjoni, l-awditu tal-Qorti dwar il-FEŻ se jitneħħa gradwalment filwaqt li l-pagamenti tal-FEŻ jonqsu u l-pagamenti mill-baġit tal-Unjoni jiżdiedu; jinnota li, sussegwentement, il-Qorti se tittrasferixxi progressivament ir-riżorsi għall-awditjar tal-baġit tal-Unjoni; jinnota, madankollu, li l-approċċ attwali (rapport separat dwar il-FEŻ) jinżamm għall-eżerċizzju tad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tal-2022; |
Legalità u regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet
16. |
Jilqa’ l-opinjoni tal-Qorti, li tgħid li d-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2021 huwa legali u regolari fl-aspetti materjali kollha; |
17. |
Itenni t-tħassib tiegħu dwar ħafna raġunijiet possibbli tas-suċċessjoni ta’ opinjonijiet avversi tal-Qorti dwar il-legalità u r-regolarità tal-nefqa minħabba l-fatt li n-nefqa aċċettata fil-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2021 hija materjalment affettwata minn żbalji; |
18. |
Jinnota li biex tawditja r-regolarità tat-tranżizzjonijiet, il-Qorti eżaminat kampjun ta’ 140 tranżazzjoni, li jirrappreżentaw il-firxa sħiħa ta’ nfiq mill-FEŻ; jinnota, barra minn hekk, li dan kien jinkludi 26 tranżazzjoni li kienu relatati mal-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza għall-Afrika, 92 tranżazzjoni li ġew awtorizzati minn 17-il delegazzjoni tal-UE (6) u 22 pagament li ġew approvati mis-servizzi ċentrali tal-Kummissjoni (7); |
19. |
Jinnota bi tħassib li mill-140 tranżazzjoni eżaminati, 54 (38,8 %) kien fihom l-iżbalji, meta mqabbla mas-36 (25,7 %) fl-2020 għall-istess għadd ta’ tranżazzjonijiet; jisħaq, barra minn hekk, li l-Qorti kkwantifikat 43 żball (31 fl-2020), li abbażi tagħhom hija stmat li l-livell ta’ żball għas-sena finanzjarja 2021 kien ta’ 4,6 % (3,8 % fl-2020); |
20. |
Jinnota bi tħassib li t-tipoloġija tal-iżbalji identifikati fis-sena finanzjarja 2021 issegwi l-mudell tal-2020, jiġifieri l-istima ta’ żbalji relatata man-nefqa ineliġibbli (38,6 % fl-2021, 38,2 % fl-2020), in-nuqqas serju ta’ konformità mar-regoli tal-akkwist pubbliku (14,6 % fl-2021, 2,2 % fl-2020), in-nuqqas ta’ dokumenti ta’ sostenn essenzjali (23,3 % fl-2021, 38,3 % fl-2020) u n-nefqa mhux imġarrba (18,1 % fl-2021, 14,9 % fl-2020); |
21. |
Jinnota bi tħassib li l-livell stmat ta’ żball jaqbeż b’mod sistematiku l-limitu ta’ materjalità (2 %), b’4,6 % tan-nefqa affettwata għat-tmien, id-disa’, l-għaxar u l-ħdax-il FEŻ għas-sena finanzjarja 2021 (meta mqabbel ma’ 3,8 % fl-2020, 3,5 % fl-2019, 5,2 % fl-2018, 4,5 % fl-2017, 3,3 % fl-2016, 3,8 % fl-2014 u l-2015, 3,4 % fl-2013 u 3 % fl-2012); jinnota li, meta mqabbla mas-sena finanzjarja 2020, iż-żieda fil-livell ta’ żball stmat hija ta’ 0,8 % (0,3 % fl-2020); itenni li huwa kritiku li jiġu indirizzati b’mod effiċjenti l-kawżi ta’ dik iż-żieda; |
22. |
Jirrikonoxxi li, mill-2020, minħabba l-pandemija tal-COVID-19, ma kienx possibbli li l-Qorti twettaq żjarat fuq il-post lid-delegazzjonijiet tal-UE (8), u b’hekk ma setgħetx twettaq ċerti proċeduri tal-awditjar, u b’mod partikolari mill-verifika tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti għat-tranżazzjonijiet magħżula, u għalhekk, ix-xogħol tal-awditjar tal-Qorti kien prinċipalment limitat għal eżamijiet dokumentarji ta’ tranżazzjonijiet u proġetti permezz ta’ konnessjoni mill-bogħod ma’ dawk li jiġu awditjati; jinnota, madankollu, li skont it-tweġibiet tal-Kummissjoni għal mistoqsijiet bil-miktub u d-dibattitu b’seduti li sar fil-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament, ma hemm l-ebda evidenza li n-nuqqas ta’ żjarat fuq il-post wassal għal użu ħażin akbar tal-fondi; jinnota, barra minn hekk, li l-Kummissjoni temmen li l-approċċ ta’ Tim Ewropa għen biex ikun hemm koordinazzjoni ħafna aktar mill-qrib fil-livell tal-pajjiżi benefiċjarji bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, filwaqt li żied kemm l-effettività kif ukoll l-obbligu ta’ rendikont; |
Trasparenza u effikaċja tas-sistemi ta’ monitoraġġ u ta’ aċċertament
23. |
Jinnota l-konklużjoni tad-DĠ INTPA dwar il-kosteffettività tal-kontrolli li għalihom huwa responsabbli (l-effettività, l-effiċjenza u l-ekonomija tas-sistema ta’ kontroll tiegħu) (9); jisħaq, madankollu, li l-Qorti, bħal fi snin preċedenti, tqis li l-frekwenza tal-iżbalji misjuba — inklużi wħud li jinsabu f’talbiet finali li kienu ġew soġġetti għal awditi esterni u verifikazzjoni tan-nefqa ex ante — tindika li hemm dgħufijiet f’dawk il-kontrolli; jitlob lill-Kummissjoni, minħabba r-rata għolja ta’ żball kull sena, biex tirrieżamina l-istrateġija tal-awditjar ex ante u ex post tagħha, u biex tkompli tiġġeneralizza d-diġitalizzazzjoni għal kontrolli aktar sistematiċi u tagħti prijorità lill-pajjiżi sħab fejn ġew identifikati l-aktar żbalji; |
24. |
Jinnota bi tħassib il-fatt li, bħalma għamlu fl-2020, il-Kummissjoni u s-sħab ta’ implimentazzjoni tagħha wettqu aktar żbalji fi tranżazzjonijiet relatati ma’ għotjiet u ftehimiet ta’ kontribuzzjoni u delega ma’ pajjiżi benefiċjarji, organizzazzjonijiet internazzjonali u aġenziji tal-Istati Membri milli għamlu ma’ forom oħra ta’ appoġġ (bħal dawk li jkopru kuntratti ta’ xogħlijiet, provvista u servizz); jinnota, barra minn hekk, li mit-92 tranżazzjoni ta’ dan it-tip eżaminati mill-Qorti, 39 kien fihom żbalji kwantifikabbli, li jirrappreżentaw 81 % tal-livell ta’ żball stmat; |
25. |
Jinsab konxju, kif iddikjarat mill-Kummissjoni fit-tweġibiet tagħha (10) għar-rapport annwali tal-Qorti, li l-Kummissjoni topera f’pajjiżi terzi f’kuntesti politiċi u tekniċi kumplessi, filwaqt li taħdem ma’ ħafna sħab bħal pajjiżi sħab, organizzazzjonijiet internazzjonali jew aġenziji tal-Istati Membri; jinnota, barra minn hekk, li, filwaqt li l-pjanijiet ta’ azzjoni huma mmexxija b’mod regolari biex iżommu r-rati ta’ żball baxxi kemm jista’ jkun, il-Kummissjoni tqis li x’aktarx li f’dan il-kuntest ma jkunx probabbli xenarju ta’ żball żero; |
26. |
Jitlob lill-Kummissjoni, għal darb’oħra, filwaqt li jtenni l-osservazzjonijiet tal-Qorti, biex tirrevedi l-approċċ tal-kosteffettività użat fil-kontrolli ex post peress li għandu mnejn ma jkunx effettiv u għandu mnejn iwassal eżattament għad-dgħufijiet li kemm il-Qorti kif ukoll il-Parlament kienu qed jindikaw; |
27. |
Jinnota bi tħassib li, skont ir-rapport tal-Qorti, fi 15-il każ ta’ żball kwantifikabbli u tmien każijiet ta’ żball mhux kwantifikabbli, il-Kummissjoni kellha biżżejjed informazzjoni biex tipprevjeni, jew issib u tikkoreġi, l-iżball qabel ma taċċetta n-nefqa; jinnota, barra minn hekk, li, skont il-valutazzjoni tal-Qorti, kieku l-Kummissjoni użat b’mod xieraq l-informazzjoni kollha li kellha għad-dispożizzjoni tagħha, il-livell stmat ta’ żball kien ikun 2,4 punti perċentwali aktar baxx, meta mqabbel mal-1,19 punt perċentwali fl-2020; |
28. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, 25 tranżazzjoni li fihom żbalji kwantifikabbli, li jikkontribwixxu 1,9 punt perċentwali għal-livell stmat ta’ żball, kienu soġġetti għal awditu jew verifikazzjoni tan-nefqa; jinnota, barra minn hekk, li s-sistema ta’ kontroll tad-DĠ INTPA hija bbażata fuq kontrolli ex ante, u li l-informazzjoni pprovduta fir-rapporti tal-awditjar/tal-verifika li jiddeskrivu x-xogħol li sar fil-fatt ma ppermettietx lill-Qorti tivvaluta jekk l-iżbalji setgħux jiġu identifikati u kkoreġuti matul dawn il-kontrolli ex ante, peress li r-rapporti la jkopru n-nefqa rrapportata kollha, u lanqas ma jagħtu biżżejjed dettall biex jikkonfermaw jekk l-entrati fejn il-Qorti identifikat żbalji kinux parti mill-kontrolli ex ante; |
29. |
Jilqa’ r-reviżjoni mill-Kummissjoni f’Settembru 2021 u f’Mejju 2022 tat-termini ta’ referenza tal-verifikazzjonijiet tan-nefqa; jinnota li l-Kummissjoni tipprevedi li tkompli tapprofondixxi l-analiżijiet u tindirizza aspetti oħra bħall-kampjunar u li tintegra t-tagħlimiet meħuda u r-reazzjonijiet ta’ stħarriġ li sar fi Frar 2022 mill-utenti tal-kuntratt qafas tal-awditjar; |
30. |
Jissottolinja, li l-Qorti identifikat żewġ oqsma ta’ nfiq li fihom it-tranżazzjonijiet huma inqas suxxettibbli għal żbalji minħabba kundizzjonijiet tal-pagament speċifiċi: (a) l-appoġġ baġitarju u b) il-proġetti b’diversi donaturi implimentati minn organizzazzjonijiet internazzjonali u soġġetti għall-“approċċ nozzjonali” (11); jinnota li, fl-2021, il-Qorti awditjat erba’ tranżazzjonijiet ta’ appoġġ baġitarju u tmien proġetti ta’ “approċċ nozzjonali” ġestiti minn organizzazzjonijiet internazzjonali; |
31. |
Iqis li huwa inaċċettabbli li, bħal fis-snin preċedenti, xi organizzazzjonijiet internazzjonali pprovdew biss aċċess limitat għad-dokumenti (eż. f’format li jinqara biss), li jipprevjeni lill-Qorti milli tagħmel kopji tad-dokumenti, u b’hekk dan ifixkel l-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-awditjar u jwassal għal dewmien u min-naħa tiegħu jipprevjeni lill-Qorti milli tissodisfa l-prerogattiva fundamentali tagħha kif żgurata mit-TFUE, kif imsemmi qabel f’osservazzjonijiet relatati fir-rapporti annwali tal-2018 u tal-2020 tal-Qorti; jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni biex tindirizza l-problema permezz ta’ ħidma attiva mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kkonċernati li t-tranżazzjonijiet tagħhom ikkontribwew għar-rata ta’ żball, kemm permezz tal-identifikazzjoni ta’ soluzzjonijiet prattiċi kif ukoll permezz ta’ djalogu ta’ livell għoli; jilqa’ xi riżultati pożittivi ta’ dawk l-isforzi: il-kooperazzjoni mal-Bank Dinji uriet titjib fl-awditu tal-2021 tal-Qorti meta mqabbla mal-2020; jinsisti, madankollu, li jrid isir aktar u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tagħmel l-isforzi u ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali sabiex tiżgura li l-Qorti jkollha aċċess sħiħ, mhux ristrett u f’waqtu għall-informazzjoni kollha meħtieġa, li jippermetti lill-istess Qorti tivverifika l-legalità u r-regolarità tan-nefqa baġitarja tal-Unjoni; |
32. |
Jinnota li l-għaxar studju dwar ir-rata tal-iżball residwu (RER) tad-DĠ INTPA, imwettaq minn kuntrattur estern f’ismu fl-2021, kien jistma li l-RER ġenerali qiegħda taħt il-limitu ta’ materjalità ta’ 2 % stabbilit mill-Kummissjoni għas-sitt sena konsekuttiva: 1,14 % (0,95 % fl-2020); |
33. |
Jisħaq li, skont il-valutazzjoni tal-Qorti, l-istudju tal-RER ma jikkostitwixxix inkarigu ta’ aċċertament jew awditu u huwa bbażat fuq il-metodoloġija u l-manwal tal-RER ipprovduti mid-DĠ INTPA; jisħaq ukoll li l-Qorti fir-rapporti annwali tal-2017-2020 dwar il-FEŻ iddeskriviet il-limitazzjonijiet fl-istudji li setgħu kkontribwew għas-sottovalutazzjoni sistematika tal-RER; |
34. |
Jinnota l-opinjoni tal-Qorti li tqis il-grad ta’ dipendenza fuq il-ħidma ta’ awdituri oħra bħala aspett kritiku tal-istudju tal-RER, li jispjega li huma possibbli tliet xenarji: a) l-ebda dipendenza fuq il-ħidma ta’ awdituri oħra b’ittestjar sostantiv sħiħ; b) dipendenza parzjali fuq il-ħidma ta’ awdituri oħra b’ittestjar sostantiv imnaqqas; c) dipendenza sħiħa fuq il-ħidma ta’ awdituri oħra mingħajr aktar ittestjar; jinnota li d-dipendenza sħiħa żdiedet minn 15 % tat-tranżazzjonijiet fl-2020 għal 34 % tat-tranżazzjonijiet fl-2021; jikkondividi, għalhekk, il-fehma tal-Qorti li jekk titqiegħed tali dipendenza estensiva fuq il-ħidma ta’ awdituri oħra jmur kontra l-iskop ta’ studju tal-RER li huwa li tiġi stmata r-rata ta’ żbalji li evitaw il-kontrolli kollha tal-ġestjoni tad-DĠ INTPA biex jiġu pprevenuti, identifikati u kkoreġuti tali żbalji; |
35. |
Jinnota li, mill-2018, id-DĠ INTPA naqqas b’mod sinifikanti l-ambitu tar-riżervi (jiġifieri s-sehem tan-nefqa koperta minnhom) fir-rapporti annwali tal-attività (RAA) u li, bl-istess mod, l-RAA tal-2021 ma jinkludi l-ebda riżerva; |
36. |
Jikkondividi l-opinjoni tal-Qorti li ssib li n-nuqqas ta’ riżervi fl-RAA tal-2021 mhuwiex ġustifikat u li tqis li dan jirriżulta parzjalment mil-limitazzjonijiet tal-istudju tal-RER, minħabba li s-sejbiet tal-Qorti dwar dan l-istudju jikkonċernaw ukoll l-istimi tal-ammonti f’riskju bbażati fuqhom; jinnota li d-DĠ INTPA jistma li l-ammont kumplessiv f’riskju fil-waqt tal-pagament huwa ta’ EUR 79,65 miljun (1,41 % tan-nefqa tal-2021) u l-ammont kumplessiv f’riskju fil-waqt tal-għeluq huwa ta’ EUR 66,03 miljun; jinnota, barra minn hekk, li l-ammont f’riskju fil-waqt tal-pagament, id-DĠ INTPA jistma li EUR 13,62-il miljun (24 %) se jiġu kkoreġuti permezz tal-kontrolli tiegħu fis-snin sussegwenti (dan l-ammont huwa magħruf bħala l-“kapaċità korrettiva”) (12); |
37. |
Jinnota li, wara r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti fir-rapporti annwali tagħha għas-snin finanzjarji 2019 u 2020, id-DĠ INTPA eżamina l-aħjar mod kif għandhom jiġu inkorporati r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti, filwaqt li għamel bidliet fil-manwal u fil-metodoloġija tal-RER, filwaqt li qies bis-sħiħ l-kostijiet u l-benefiċċji mistennija; jinnota li, f’Jannar 2022, d-DĠ INTPA aġġorna l-manwal u l-metodoloġija tal-istudju tal-RER; |
38. |
Jinnota li d-DĠ INTPA qed jaħdem biex itejjeb il-kwalità tad-data tiegħu għall-kalkolu tal-kapaċità korrettiva u li, fl-2021, kompla l-attivitajiet tiegħu ta’ taħriġ u ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-irkupri u l-kwalità tad-data kontabilistika; jinnota li, bħal fi snin preċedenti, id-DĠ INTPA wettaq kontrolli mmirati fuq l-ordnijiet ta’ rkupru biex jikkoreġi d-diskrepanzi identifikati; jinnota li l-Qorti rrieżaminat il-kalkolu tal-kapaċità korrettiva għall-2021 u li, wara li ttestjat 35 % (skont il-valur) tal-grupp totali tal-irkupri, il-Qorti ma identifikatx żbalji fil-kampjun; |
39. |
Jilqa’ l-ħolqien ta’ “tabella ta’ valutazzjoni finanzjarja”, li tinkludi sitt indikaturi (13), fi sforz biex ir-rapportar finanzjarju jsir aktar konsistenti fid-direttorati ġenerali kollha tal-Kummissjoni; jinnota li fl-2021 żdiedu erba’ indikaturi oħra (14); jinnota li sitta minn dawk l-għaxar indikaturi kienu applikabbli għall-FEŻ u għall-fondi fiduċjarji fl-2021; jinnota li għall-“assorbiment ta’ impenn globali”, id-DĠ INTPA kiseb riżultat ta’ 99 % għall-baġit tal-Unjoni u ta’ 97 % għall-FEŻ fl-2021, meta mqabbel ma’ 95 % u 94 % rispettivament fl-2020 u għall-“pagamenti f’waqthom”, id-DĠ INTPA kiseb 97 % għall-baġit tal-Unjoni u 95 % għall-FEŻ fl-2021, meta mqabbel ma’ 98 % u 97 % rispettivament fl-2020; |
Prevenzjoni, detezzjoni u korrezzjoni tal-frodi
40. |
Jinnota li, mill-2014 ’il hawn, id-DĠ INTPA żviluppa u implimenta l-istrateġija tiegħu stess kontra l-frodi abbażi tal-metodoloġija pprovduta mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u li, mid-dħul fis-seħħ tagħha, kien hemm tliet aġġornamenti, li l-aħħar waħda minnhom ġiet adottata fl-2021; jinnota li l-implimentazzjoni tal-istrateġija qed tiġi mmonitorjata u l-maniġment jirċievi rapporti biannwali dwar l-investigazzjonijiet li għaddejjin tal-OLAF u s-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF; jinnota, barra minn hekk, li l-pjan ta’ azzjoni l-ġdid tad-DĠ INTPA adottat fl-2021 fih 16-il azzjoni interna, li minnhom 80 % ġew implimentati sal-iskadenza indikata jew skont ir-rikorrenza prevista u l-20 % li jifdal tal-azzjonijiet jew għadhom għaddejjin jew, peress li għandhom skadenza ta’ implimentazzjoni stabbilita fl-2022, it-tlestija tagħhom hija mistennija fl-2022 (15); |
41. |
Jinnota li d-DĠ INTPA kkontribwixxa wkoll għall-istrateġija tal-Kummissjoni kontra l-frodi u implimenta fil-ħin l-azzjoni 33 tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi ((SWD(2021)0262) (16); jiddispjaċih li d-DĠ INTPA ta segwitu biss għal 33 % tar-rakkomandazzjonijiet finanzjarji tal-OLAF u li, b’mod ġenerali, 20 % tar-rakkomandazzjonijiet finanzjarji (maħruġa bejn l-2017 u l-2021) ġew implimentati bis-sħiħ, 20 % ġew implimentati parzjalment, 60 % jinsabu fi proċess ta’ implimentazzjoni li għadu għaddej jew għadhom qed jiġu analizzati; jinsisti li jkun hemm rata aħjar ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF anke jekk id-diffikultajiet rikorrenti biex jiġu ssodisfati r-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF huma dovuti għal speċifiċitajiet u limitazzjonijiet legali, bħal, fost oħrajn, azzjonijiet legali li jieħdu fit-tul, l-iskadenza tal-limitu ta’ preskrizzjoni u l-falliment; |
42. |
Jinnota li, fi tmiem l-2021, id-DĠ INTPA kien jaf bi 23 investigazzjoni li kienu għadhom għaddejjin (17 fl-2020, 19 fl-2019) u li l-OLAF għalaq tliet investigazzjonijiet b’rakkomandazzjonijiet finanzjarji, amministrattivi u/jew ġudizzjarji u żewġ investigazzjonijiet mingħajr rakkomandazzjonijiet; |
43. |
Jilqa’ t-taħriġ online il-ġdid dwar il-prevenzjoni tal-frodi fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni, il-varar ta’ kampanja ta’ informazzjoni dedikata għas-sħab esterni tad-DĠ INTPA, iċ-ċentralizzazzjoni u d-distribuzzjoni kontinwi tal-informazzjoni mill-korrispondenti kontra l-frodi tad-DĠ f’kollaborazzjoni mill-qrib man-network ta’ kontra l-frodi tal-INTPA u mal-OLAF, l-aġġornamenti tal-paġni web u tal-manwali, in-nota annwali u l-kampanja ta’ informazzjoni lill-persunal kollu dwar il-prevenzjoni tal-frodi u l-għodod tas-sanzjonar tal-frodi; |
44. |
Jistieden lill-Kummissjoni tkompli ttejjeb il-kontrolli bil-għan li tnaqqas l-iżbalji tat-tranżazzjonijiet u timplimenta b’mod sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti; |
45. |
Jisħaq fuq il-fatt li l-leġittimità u l-effettività tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni jistrieħu fuq l-implimentazzjoni korretta tal-attivitajiet u fuq il-finanzjament xieraq tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ttejjeb il-kontrolli bil-għan li tnaqqas il-kwantità ta’ żbalji tat-tranżazzjonijiet u timplimenta b’mod sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti; |
L-impatt potenzjali tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fuq il-kontijiet tal-FEŻ għall-2021
46. |
Jinnota li b’segwitu għall-konklużjoni tal-ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”) bejn iż-żewġ partijiet, ir-Renju Unit ħa l-impenn li jibqa’ jagħmel parti mill-FEŻ sal-għeluq tal-ħdax-il FEŻ u tal-FEŻ preċedenti kollha li mhumiex magħluqa; jinnota, barra minn hekk, li r-Renju Unit se jassumi l-istess obbligi bħall-Istati Membri fl-ambitu tal-ftehim intern li permezz tiegħu ġie stabbilit il-ħdax-il FEŻ, kif ukoll l-obbligi li jirriżultaw minn FEŻ preċedenti sakemm dawn jingħalqu; |
47. |
Jinnota li l-Ftehim dwar il-Ħruġ jiddikjara wkoll li, meta l-ammonti minn proġetti fl-ambitu tal-għaxar FEŻ jew minn FEŻ preċedenti ma jkunux ġew impenjati jew ikunu ġew diżimpenjati fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim, is-sehem tar-Renju Unit ta’ dawk l-ammonti mhux se jerġa’ jintuża u li l-istess japplika għas-sehem tar-Renju Unit ta’ fondi mhux impenjati jew diżimpenjati fl-ambitu tal-ħdax-il FEŻ wara l-31 ta’ Diċembru 2021; |
48. |
Jilqa’ l-konklużjoni tal-Qorti li ma hemm l-ebda impatt finanzjarju biex jiġu rrappurtati l-kontijiet tal-FEŻ tal-2021 u li l-kontijiet tal-FEŻ fil-31 ta’ Diċembru 2021 jirriflettu b’mod korrett l-istat tal-proċess tal-ħruġ f’dik id-data; |
Appoġġ baġitarju tal-Unjoni
49. |
Jinnota, mit-tweġibiet konsolidati għall-kwestjonarju lill-Kummissjoni, li l-pagamenti ta’ appoġġ baġitarju fl-ambitu tal-FEŻ ammontaw għal EUR 340 miljun fl-2021: 25 pajjiż AKP u 10 PTEE ibbenefikaw mill-appoġġ baġitarju fl-ambitu tal-FEŻ fl-2021; |
50. |
Jinnota li, f’dawn l-aħħar sentejn, l-appoġġ baġitarju tal-Unjoni għen lill-pajjiżi b’pagamenti globali ta’ EUR 4,2 biljun — EUR 3 biljun fl-2020 u EUR 1,2 biljun fl-2021 — biex jappoġġjaw riformi f’setturi differenti u jipprevjenu aktar tfixkil ekonomiku u soċjali; jinnota, barra minn hekk, li l-isforzi għall-frontloading tar-riżorsi fl-2020 ma setgħux jiġu paċuti bis-sħiħ fl-2021, peress li l-NDICI-Ewropa Globali daħal fis-seħħ matul is-sena u l-Istrument ta’ Qabel l-Adeżjoni daħal fis-seħħ biss fi tmiem l-2021; jinnota li, barra minn hekk, l-ostakli politiċi u l-kriżijiet domestiċi fixklu l-implimentazzjoni ta’ programmi li għaddejjin f’diversi pajjiżi; |
51. |
Jinnota li l-Afrika sub-Saħarjana għadha l-akbar riċevitur tal-appoġġ baġitarju tal-Unjoni (35 %), segwita mill-viċinat Ewropew (31 %), mill-Asja (16 %), mill-Amerka Latina (6 %), mill-Balkani tal-Punent (4 %), mill-Karibew (3 %), mill-PTEE (3 %) u mir-reġjun tal-Paċifiku (2 %); jinnota, barra minn hekk, li, skont it-tip ta’ kuntratt, il-kuntratti ta’ prestazzjoni tar-riforma tas-settur jisbqu l-kuntratti ta’ bini tal-istat u tar-reżiljenza u l-kuntratti tal-SDGs, b’79 % tal-valur tal-portafoll, meta mqabbel ma’ 19 % u 2 % rispettivament; |
52. |
Jissottolinja li l-appoġġ baġitarju tal-Unjoni huwa mezz biex tingħata assistenza effettiva, inkluż f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, u dan jgħin biex jissaħħu s-sistemi tal-pajjiżi u l-proċessi baġitarji biex jiġu implimentati politiki pubbliċi u jinkisbu riżultati sostenibbli; ifakkar f’kemm hu importanti li tibqa’ tinżamm il-faċilità tal-Aċċess Globali għall-Vaċċini kontra l-COVID-19 (COVAX) biex jiġu massimizzati l-possibbiltajiet li n-nies fil-pajjiżi parteċipanti jiksbu aċċess għall-vaċċini kontra l-COVID-19 jew vaċċini oħra fil-każ ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi ġdida kemm jista’ jkun malajr, b’mod ġust u sikur; jisħaq, barra minn hekk, li kien strumentali matul il-pandemija tal-COVID-19, billi offra spazju fiskali addizzjonali biex jiġi indirizzat l-impatt negattiv tal-pandemija; jirrikonoxxi li dawk l-isforzi għandhom ikomplu fil-futur qrib fid-dawl tal-effetti globali devastanti tal-gwerra Russa ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna; |
53. |
Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-qerda tal-faqar, il-promozzjoni tal-valuri demokratiċi u d-degradazzjoni ambjentali għadhom fost l-akbar sfidi li qed inħabbtu wiċċna magħhom illum; ifakkar li dinja b’1,2 biljun persuna f’111-il pajjiż li qed jiżviluppaw (17) li jgħixu f’faqar multidimensjonali akut hija kemm inġusta kif ukoll ekoloġikament insostenibbli; jitlob finanzjament xieraq biex ma jkomplix għaddej it-tbegħid mill-SDGs, bħalma qed isir bħalissa; |
54. |
Jisħaq li l-qerda tal-faqar mhijiex xi att ta’ karità iżda wieħed ta’ ġustizzja u l-muftieħ biex jiġi lliberat potenzjal uman enormi; jisħaq, barra minn hekk, li mingħajr interventi esterni, iċ-ċiklu tal-faqar għandu t-tendenza li jipperpetwa fuq diversi fronti peress li familji b’assi limitati jew mingħajrhom jinqabdu fil-faqar u huma ffaċċjati b’nuqqas kroniku ta’ ikel, stat ħażin ta’ saħħa, xokkijiet minħabba bidliet ikkawżati mill-klima, u stigmi soċjali; jissottolinja li l-familji li jgħixu fiż-żoni remoti għadhom maqtugħin minn ħafna servizzi bażiċi bħall-ilma nadif u s-sanità, il-kura tas-saħħa u s-sistemi tas-suq, li kollha kemm huma jippreżervaw, jekk ma jaggravawx ukoll, l-istatus soċjoekonomiku tagħhom; |
55. |
Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li n-nies, u ż-żgħażagħ b’mod partikolari, għandhom ikunu jistgħu jgħixu, jistudjaw u jaħdmu f’pajjiżhom u fir-reġjun tagħhom; jissottolinja li, mingħajr miżuri effiċjenti u effettivi li jindirizzaw il-faqar, appoġġ issimplifikat għall-mikrofinanzjament u għall-iżvilupp ta’ intraprendituri fuq skala żgħira, il-movimenti migratorji għal raġunijiet ekonomiċi se jkomplu jikbru, jiġifieri l-migrazzjoni li twassal għall-eżodu tal-imħuħ, li tirriżulta f’diversi sfidi kemm għall-pajjiżi ospitanti kif ukoll għall-pajjiżi ta’ oriġini; |
56. |
Jemmen bis-sħiħ li approċċ multidimensjonali u olistiku għall-faqar estrem huwa l-aħjar approċċ u jtenni li l-edukazzjoni (u t-taħriġ) hija kemm dritt tal-bniedem kif ukoll l-aktar għodda b’saħħitha għall-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanzi; |
57. |
Jisħaq li madwar 64 miljun tifel u tifla fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma jattendux skola primarja; jisħaq li l-bniet speċjalment kienu dawk partikolarment affettwati, peress li d-drittijiet tagħhom għal edukazzjoni ta’ kwalità komplew jiġu kompromessi aktar minħabba l-għeluq tal-iskejjel, in-nuqqas ta’ aċċess għat-tagħlim mill-bogħod inkluż b’mezzi diġitali, u t-tnaqqis tal-baġits nazzjonali għall-edukazzjoni li rriżultaw mill-pressjoni fuq l-ekonomiji nazzjonali; jisħaq, barra minn hekk, li raġuni ewlenija partikolari hija l-vjolenza fiż-żoni ta’ kunflitt li għaddejjin fid-dinja, u l-ostaklu kbir l-ieħor — li spiss huwa marbut mill-qrib mal-kunflitt — huwa l-faqar; ifakkar kemm hu importanti li l-opportunitajiet indaqs isiru ċentrali għall-iżvilupp; jenfasizza li l-għoti tas-setgħa lin-nisa u l-aċċess għal edukazzjoni adegwata fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment għall-bniet u għan-nisa, huma passi importanti fil-ġlieda kontra l-faqar u n-nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel; jenfasizza, barra minn hekk, li l-aċċessibbiltà tan-nisa żgħażagħ għall-proġetti, it-taħriġ fin-negozju u l-fondi Ewropej għandha tiġi inkoraġġita fil-pajjiżi sħab peress li n-nisa jaqdu rwol importanti fl-iżvilupp tal-ekonomija lokali u reġjonali f’diversi pajjiżi li qed jiżviluppaw; |
58. |
Jinnota li l-Unjoni tappoġġja l-edukazzjoni f’madwar 100 pajjiż u permezz ta’ sħubijiet bħas-Sħubija Globali għall-Edukazzjoni (18) u Education Cannot Wait (19), u tkompli tippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fi sħubija mal-gvernijiet u mal-partijiet ikkonċernati mhux governattivi; |
59. |
Ifaħħar il-prijorità tal-Kummissjoni li tmur lil hinn mill-mira stabbilita ta’ 10 % u tilħaq it-13 % għall-edukazzjoni tal-portafoll totali tad-DĠ INTPA; |
60. |
Jinnota li, fl-2021, l-Unjoni ħallset EUR 85 miljun mill-FEŻ biex tappoġġja l-edukazzjoni f’pajjiżi sħab, u b’hekk tikkontribwixxi għar-reġistrazzjoni ta’ aktar minn 32 miljun student tal-edukazzjoni primarja u kważi tliet miljun student fil-livell sekondarju matul l-2018-2020; jinnota li mill-EUR 85 miljun, EUR 6 miljun intużaw biex jappoġġjaw il-proġetti ta’ mobilità u bini tal-kapaċitajiet tal-Erasmus għall-pajjiżi AKP, EUR 31 miljun ġew żborżati fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali - minn dan l-ammont, tħallsu EUR 5 miljun bħala parti mill-programmi ta’ appoġġ baġitarju, EUR 1,2 miljun għal xogħlijiet u provvisti, EUR 0,8 miljun għal servizzi u l-EUR 24 miljun li jifdal fil-forma ta’ għotjiet; |
61. |
Jinnota li l-Kummissjoni wegħdet EUR 700 miljun għas-Sħubija Globali għall-Edukazzjoni s-sena l-oħra, biex tgħin ħalli tipprovdi lil 140 miljun tifel u tifla b’għalliema mħarrġa u biex 88 miljun tifel u tifla oħra jattendu l-iskola u jingħataw tagħlim; |
62. |
Itenni li l-programmi ta’ intraprenditorija jaqdu rwol essenzjali fil-ġlieda kontra l-faqar; jenfasizza l-fatt li l-għoti ta’ taħriġ fin-negozju jista’ jgħin lill-imprendituri fuq skala żgħira jistabbilixxu negozji u jtejbu l-prattiki tan-negozju u b’hekk il-familji foqra jkunu jistgħu jippjanaw it-triq tagħhom għal għajxien sostenibbli u reżiljenza soċjoekonomika; jinnota, madankollu, li, sabiex tittejjeb l-effikaċja ta’ programmi bħal dawn, it-taħriġ għandu jiġi kkomplementat b’servizzi ta’ appoġġ u ta’ segwitu personalizzati; ifakkar li l-aċċessibbiltà tan-nisa żgħażagħ għall-proġetti, it-taħriġ fin-negozju u l-fondi Ewropej trid tiġi inkoraġġita fil-pajjiżi sħab; |
63. |
Jilqa’ d-dħul fis-seħħ, fl-2021, ta’ Qafas għall-Ġestjoni tar-Riskju (RMF+) tal-pajjiżi ġdid; jinnota li din l-għodda l-ġdida tibni fuq il-qafas preċedenti ta’ ġestjoni tar-riskju, li ġie stabbilit fl-2013; jinnota, barra minn hekk, li l-RMF+ huwa adattat għall-kuntest li qed jinbidel għas-sħubijiet internazzjonali, għax-xenarju ġeopolitiku li qed jevolvi u għall-NDICI-Ewropa Globali l-ġdid u li japplika għall-pajjiżi li magħhom l-Unjoni għandha arranġamenti ta’ kooperazzjoni bilaterali, inkluż għadd sinifikanti ta’ pajjiżi fejn ma jingħatax appoġġ baġitarju; |
64. |
Jinnota li d-delegazzjonijiet tal-UE u s-servizzi ċentrali tal-Kummissjoni jużaw il-konklużjonijiet tal-RMF+ u jsegwu l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju u l-progress miksub bi prijoritajiet ta’ djalogu dwar il-politika f’sinerġija ma’ għodod analitiċi u ta’ rapportar eżistenti oħra; |
65. |
Iqis li l-FEŻ, bħall-programmi l-oħra tal-UE, ibati minn nuqqas ta’ viżibbiltà, fehim u pubbliċità, peress li l-popolazzjonijiet lokali li jibbenefikaw mill-finanzjament tal-Unjoni li ma jkunux jafu dwar l-appoġġ u s-solidarjetà tal-Unjoni; iqis ukoll li l-FEŻ jeħtieġ li jiġi spjegat aħjar lill-pubbliku; |
66. |
Jilqa’, f’dan ir-rigward, l-introduzzjoni mill-Kummissjoni ta’ regoli minimi korporattivi għall-komunikazzjoni u l-viżibbiltà tal-Unjoni li huma koerenti u vinkolanti fil-programmi ta’ finanzjament u l-modi ta’ ġestjoni kollha tal-Unjoni fil-perjodu ta’ finanzjament 2021-2027 (20); iqis, madankollu, li kull pajjiż benefiċjarju għandu jkun parzjalment responsabbli għall-ipprogrammar ta’ azzjonijiet ta’ komunikazzjoni (taħt is-superviżjoni tas-servizzi tal-Unjoni) bil-għan li titqajjem kuxjenza fost il-popolazzjonijiet tagħhom dwar il-proġetti u l-attivitajiet iffinanzjati mill-Unjoni; jitlob lill-Kummissjoni tesplora din il-possibbiltà; |
67. |
Jemmen li kull pajjiż benefiċjarju għandu jippreżenta pjan fit-tul, li jiddikjara l-proġetti u l-għanijiet tiegħu, tul il-kalendarju tal-QFP; jemmen li din l-istruttura tista’ żżid it-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-assistenza Ewropea għall-iżvilupp, li tippermetti l-istabbiliment ta’ objettivi fit-tul kif definiti mill-Kummissjoni, jiġifieri f’oqsma li jirrikjedu ppjanar bil-quddiem bħall-enerġija, is-saħħa, il-provvista tal-ilma, it-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika; jinnota li tali pjan imissu jiġi ppreżentat mill-gvern benefiċjarju, li jibbaża fuq il-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati lokali, li l-kontribut tagħhom għandu jiġi stimulat; jemmen li dan irawwem ukoll il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi ospitanti fit-tfassil tal-politika tal-iżvilupp tal-Unjoni, permezz tal-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet u l-partijiet ikkonċernati tagħha; |
68. |
Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk tistax tiġi stabbilita pjattaforma online fejn jiġu ppubbliċizzati l-proġetti kollha tal-FEŻ u tal-NDICI-Ewropa Globali, biex iżżid it-trasparenza u l-aċċess għad-data; |
69. |
Jinnota b’sodisfazzjon li, fil-qasam tal-azzjoni esterna, id-DĠ INTPA, flimkien ma’ direttorati ġenerali u servizzi kkonċernati oħra, adotta approċċ ġdid għall-komunikazzjoni fil-livell tal-pajjiżi, fil-livell reġjonali u fil-livell globali; jinnota li dan l-approċċ il-ġdid jitbiegħed minn komunikazzjoni frammentata u speċifika għall-proġett għal sforz aktar iffukat u strateġiku; jilqa’ l-pubblikazzjoni tal-linji gwida aġġornati dwar il-Komunikazzjoni u ż-Żieda tal-Viżibbiltà tal-UE fl-azzjonijiet esterni (21) li jiddeskrivu x’inhu mistenni mis-sħab li jimplimentaw l-azzjonijiet esterni tal-Unjoni; |
70. |
Jiddispjaċih li wara l-iskadenza tal-ftehim ta’ sħubija ta’ Cotonou bejn l-Unjoni u l-pajjiżi AKP fi Frar 2020 u l-inizjalar ta’ ftehim ta’ sħubija ġdid f’April 2021, il-Kunsill għadu ma awtorizzax l-iffirmar tal-ftehim ta’ sħubija l-ġdid, li ġiegħel li ssir estensjoni annwali tal-ftehim l-antik u poġġa lill-komunitajiet kollha tal-AKP u tal-Unjoni f’żona legali griża fir-rigward tal-kontinwazzjoni tad-djalogu politiku u l-politiki ta’ żvilupp; iħeġġeġ lill-Kunsill jegħleb il-veto ta’ Stat Membru wieħed u jawtorizza l-iffirmar tal-ftehim ta’ sħubija l-ġdid; |
71. |
Iqis li r-riżultati tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-Unjoni jistgħu jiġu amplifikati permezz ta’ koordinazzjoni b’saħħitha u mmirata fost l-azzjonijiet ta’ finanzjament tal-FEŻ u tal-NDICI-Ewropa Globali, b’mod partikolari permezz ta’ proġetti transfruntiera, bil-għan li jinħolqu s-sinerġiji u jiżdied il-valur miżjud tal-finanzjament tal-FEŻ u tal-NDICI-Ewropa Globali; |
72. |
Jindika l-valur miżjud tal-“amalgamazzjoni” tal-istrumenti, li jikkombinaw l-għotjiet pubbliċi mas-self privat; jistieden lill-Kummissjoni tipprijoritizza u tinċentiva l-użu ta’ tali strumenti; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lis-settur privat, jiġifieri permezz tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u l-imprendituri lokali; |
73. |
Jinnota l-kummenti tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjonijiet li twettaq, fost oħrajn, dwar il-FEŻ; itenni, madankollu, it-talba tiegħu li ssir evalwazzjoni komprensiva tal-proġetti ffinanzjati mill-FEŻ, sabiex il-Parlament ikun jista’ jevalwa b’mod preċiż l-impatt tal-fondi tal-FEŻ u jivverifika li l-għan aħħari tal-għajnuna għall-iżvilupp jiġi rispettat — jiġifieri li jitnaqqas u fl-aħħar mill-aħħar jinqered il-faqar; |
74. |
Jiġbed l-attenzjoni għall-kuntest li fih jitmexxew il-politiki ta’ għajnuna umanitarja u ta’ żvilupp, li kulma jmur qed isir agħar b’mod kostanti, ikkaratterizzat b’mod partikolari mill-pandemija tal-COVID-19, għall-aggravazzjoni kontinwa tal-impatti tat-tibdil fil-klima, tat-telfien tal-bijodiversità, taż-żieda fl-insigurtà tal-ikel u tar-riperkussjonijiet dejjem akbar tal-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna; jinnota d-distakk dejjem akbar bejn il-fondi meħtieġa u dawk disponibbli biex jiġu indirizzati l-kriżijiet tal-klima, tal-ġuħ, tad-dejn, il-kriżi umanitarja u oħrajn, li kulma jmur qed isiru agħar, u jiġġeneraw żieda fl-inugwaljanzi u fil-livell ta’ faqar għall-ewwel darba f’għexieren ta’ snin; jitlob finanzjament xieraq biex ma jkomplix għaddej it-tbegħid mill-SDGs, bħalma qed isir bħalissa, minflok ma jsir progress lejhom; jenfasizza li, minkejja l-bosta sfidi li l-Unjoni għandha quddiemha marbuta mal-pandemija tal-COVID-19 u mal-gwerra ta’ aggressjoni Russa fl-Ukrajna, bl-effetti ġeopolitiċi u ekonomiċi tagħha, hemm bżonn li jiżdied l-infiq għall-għajnuna għall-iżvilupp; |
75. |
Jiddeplora l-fatt li għadha ma seħħitx il-bidla “minn biljuni għal triljuni” fil-finanzjament għall-iżvilupp li tqieset neċessarja meta ġew adottati l-SDGs fl-2015; jinnota l-urġenza li jiġu mobilizzati ħafna aktar riżorsi tad-dinja miżmuma mill-privat, permezz tal-promozzjoni tal-investimenti u t-tassazzjoni iktar effikaċi, filwaqt li jiġi żgurat li l-azzjonijiet ikunu allinjati mal-objettivi tal-Aġenda 2030 u mal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, iżda wkoll li jiżdiedu l-finanzjamenti pubbliċi għall-iżvilupp, f’konformità mal-impenji internazzjonali fil-livelli li l-Unjoni fadlilha wisq biex tilħaqhom; |
Segwitu għall-kwittanza tal-2020
76. |
Jinnota li l-Kummissjoni pprovdiet riassunt tal-azzjonijiet meħuda b’reazzjoni għall-prijoritajiet politiċi ewlenin espressi mill-Parlament u mill-Kunsill fil-proċedura ta’ kwittanza tal-2020 permezz tar-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-segwitu għal din il-kwittanza għas-sena finanzjarja 2020 (22), parti mir-rapportar finanzjarju u ta’ rendikont integrat; |
77. |
Jinnota li bi tweġiba għat-talba tal-Parlament, il-Kummissjoni pprovdiet aġġornament lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tat-tmien u tad-disa’ FEŻ; |
78. |
Jilqa’ l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Parlament dwar l-appoġġ għall-amministrazzjonijiet tal-PTEE, li tiggarantixxi distribuzzjoni ġusta tal-fondi; jissottolinja madankollu l-ħtieġa ta’ koerenza aktar b’saħħitha tal-azzjoni tal-Unjoni fir-reġjun tal-AKP, li tiżgura li tingħata prijorità lill-objettivi ta’ żvilupp u tiżgura li l-politiki mmirati lejn il-PTEE jkunu marbuta mal-iżvilupp tar-reġjuni ġeografiċi rispettivi tagħhom u allinjati mal-prijoritajiet tal-Unjoni; |
79. |
Jinnota, barra minn hekk, li meta kien qed jiġi vvalutat il-Pjan ta’ Azzjoni tal-2021 tad-DĠ INTPA dwar l-indirizzar tad-dgħufijiet fil-kontroll u r-riskji għoljin identifikati tqiesu l-osservazzjonijiet tal-Parlament. |
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1764 tal-5 ta’ Ottubru 2021 dwar l-Assoċjazzjoni tal-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej mal-Unjoni Ewropea inkluż ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea minn naħa,u Greenland u r-Renju tad-Danimarka min-naħa l-oħra (Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni extra-Ewropea, inkluż Greenland) (ĠU L 355, 7.10.2021, p. 6).
(2) Id-DĠ DEVCO sar id-DĠ INTPA f’Jannar 2021.
(3) Għodda biex tgħin lid-Delegazzjonijiet tal-UE jaħdmu aħjar flimkien mal-Istati Membri, u mal-partijiet ikkonċernati tal-pajjiżi, permezz ta’ programmar u implimentazzjoni konġunti, https://europa.eu/capacity4dev/wbt-team-europe
(4) Il-Kontijiet annwali tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp 2021, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52022DC0321
(5) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1877 tas-26 ta’ Novembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, u li jħassar ir-Regolament (UE) 2015/323 (ĠU L 307, 3.12.2018, p. 1).
(6) Il-Botswana, il-Burkina Faso, il-Djibouti, Timor Leste, l-Etjopja, il-Ghana, il-Guinea-Bissau, il-Haiti, il-Ġamajka, il-Liberja, il-Malawi, il-Mali, in-Niġer, in-Niġerja, it-Tanzanija, l-Uganda u ż-Żambja.
(7) Il-140 pagament kollha għaddew mid-DĠ INTPA.
(8) Il-Botswana, il-Burkina Faso, l-Etjopja, il-Ghana, il-Guinea-Bissau, il-Haiti, il-Liberja, il-Malawi, in-Niġer, in-Niġerja, it-Tanzanija, l-Uganda u ż-Żambja.
(9) Ir-Rapport Annwali tal-Attività 2021 tad-DĠ INTPA, p. 51.
(10) https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/annualreports-2021/annualreports-2021_MT.pdf (p. 383).
(11) Skont l-“approċċ nozzjonali”, meta l-kontribuzzjonijiet mill-Kummissjoni għal proġetti b’diversi donaturi jinġabru ma’ dawk minn donaturi oħra u ma jkunux allokati għal entrati speċifiċi u identifikabbli ta’ nefqa, il-Kummissjoni tassumi li n-nefqa hija konformi mar-regoli ta’ eliġibbiltà tal-Unjoni dment li l-ammont aggregat totali jinkludi nefqa eliġibbli suffiċjenti biex tkopri l-kontribuzzjoni tal-Unjoni, https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/annualreports-2021/annualreports-2021_MT.pdf
(12) Ir-Rapport Annwali tal-Attività 2021 tad-DĠ INTPA, p. 34.
(13) L-indikaturi huma: 1) implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn, 2) implimentazzjoni ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn skont il-previżjonijiet, 3) implimentazzjoni ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament, 4) implimentazzjoni ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament skont il-previżjonijiet, 5) assorbiment ta’ impenn globali u 6) pagamenti f’waqthom.
(14) L-erba’ indikaturi addizzjonali huma: 7) diżimpenji f’waqthom, 8) żmien għar-reġistrazzjoni tal-fattura, 9) kwalità tad-data kontabilistika, 10) il-ġestjoni tal-kwalità tad-data.
(15) Ir-Rapport Annwali tal-Attività 2021 tad-DĠ INTPA (p. 43).
(16) Meta xieraq, jiġu inklużi miżuri speċifiċi kontra l-frodi fost il-“kondizzjonalitajiet” għall-appoġġ baġitarju. Għall-appoġġ baġitarju u l-assistenza makrofinanzjarja, meta xieraq, jittejbu l-istrateġiji ta’ kontroll u jissaħħu l-mekkaniżmi ta’ verifika, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52021SC0262
(17) Indiċi tal-Faqar Multidimensjonali Globali (MPI) 2022.
(18) https://www.globalpartnership.org/
(19) https://www.educationcannotwait.org/
(20) https://commission.europa.eu/funding-tenders/managing-your-project/communicating-and-raising-eu-visibility_mt
(21) https://international-partnerships.ec.europa.eu/knowledge-hub/communicating-and-raising-eu-visibility-guidance-external-actions_en
(22) COM(2022), 331 https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52022DC0331