16.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 57/9


Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

Il-Każ AT.40522 — Metal Packaging

(2023/C 57/05)

L-abbozz ta’ deċiżjoni, indirizzat lil “Crown” (2) u lil “Silgan” (3) (flimkien, “il-Partijiet”), jikkonċerna ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE fis-suq Ġermaniż tal-imballaġġ tal-metall li dam għaddej mill-11 ta’ Marzu 2011 sat-18 ta’ Settembru 2014. Il-ksur inkwistjoni kien jikkonsisti fi (i) skambji ta’ informazzjoni bilaterali regolari taċ-ċifri tal-bejgħ annwali l-aktar reċenti tal-passat rigward il-klijenti tal-Partijiet fil-Ġermanja fis-suq għall-għeluq tal-metall (4); u (ii) skambji ta’ informazzjoni u koordinazzjoni fir-rigward tas-soprataxxi u t-tqassir tad-dati tal-aħjar qabel għal-laned tal-metall (5) u għall-għeluq tal-metall miksija b’lacquer ġdid ħieles mill-Bisfenol A fornut mill-Partijiet lill-klijenti fil-Ġermanja.

Fid-19 ta’ April 2018, il-Kummissjoni bdiet proċedimenti skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 (6) kontra Crown Holdings Inc., Crown Cork & Seal Deutschland Holdings GmbH, u Silgan Holdings Inc (7).

Wara d-diskussjonijiet għar-riżolviment (8) u s-sottomossjonijiet għat-riżolviment (9) f’konformità mal-Artikolu 10a(2) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet (“id-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet”) indirizzata lill-Partijiet fid-19 ta’ Mejju 2022.

Fir-risposti rispettivi tagħhom għad-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet, il-Partijiet ikkonfermaw, skont l-Artikolu 10a(3) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004, li d-Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet irriflettiet il-kontenut tas-sottomissjonijiet dwar ir-riżolviment tagħhom u li għalhekk baqgħu impenjati li jsegwu l-proċedura ta’ konċiljazzjoni.

Skont l-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, eżaminajt jekk l-abbozz ta’ deċiżjoni jittrattax biss l-oġġezzjonijiet li l-Partijiet ingħataw l-opportunità jesprimu l-fehmiet tagħhom dwarhom. Ikkonkludejt li dan sar.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, u b’kunsiderazzjoni li l-Partijiet ma wassluli l-ebda talba jew ilment skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE (10), inqis li l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali tal-Partijiet fil-proċedimenti ta’ dan il-każ ġie rrispettat.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2022.

Eric GIPPINI FOURNIER


(1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29).

(2)  L-entitajiet ġuridiċi rilevanti huma Crown Holdings Inc. u Crown Cork & Seal Deutschland Holdings GmbH.

(3)  L-entitajiet ġuridiċi rilevanti huma Silgan White Cap Manufacturing GmbH, Silgan Metal Packaging Distribution GmbH, Silgan Holdings Austria GmbH, Silgan International Holdings B.V. u Silgan Holdings Inc. (din tal-aħħar hija l-kumpanija prinċipali finali tal-entitajiet kollha msemmija hawn fuq).

(4)  Jiġifieri, tappijiet bil-kamin użati biex jagħlqu jew jissiġillaw vażetti tal-ħġieġ u fliexken li għandhom jimtlew b’oġġetti tal-ikel (solidi jew likwidi) għall-konsum mill-bniedem jew mill-annimali domestiċi permezz ta’ mekkaniżmu li jissakkar it-tgħawwiġ.

(5)  B’mod partikolari, laned tal-metall miksija b’lacquer ħieles mill-Bisfenol A użati mill-manifatturi tal-ikel biex jimtlew b’oġġetti tal-ikel (solidi jew likwidi) għall-konsum mill-bniedem jew mill-annimali domestiċi.

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18).

(7)  Permezz ta’ deċiżjoni adottata fl-1 ta’ Ottubru 2021, il-proċedimenti kontra dawn l-entitajiet ġuridiċi ngħalqu fir-rigward tat-territorji kollha taż-ŻEE bl-eċċezzjoni tal-Ġermanja. Barra minn hekk, fit-18 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni bdiet proċedimenti kontra l-erba’ sussidjarji ta’ Silgan Holdings Inc. imsemmija hawn fuq (ara n-nota 3 f’qiegħ il-paġna), fir-rigward tal-Ġermanja.

(8)  Il-laqgħat ta’ riżolviment saru bejn Mejju 2021 u Marzu 2022.

(9)  Il-Partijiet ippreżentaw it-talbiet formali tagħhom għal riżolviment bejn […].

(10)  Skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, il-partijiet fil-proċedimenti f’każijiet ta’ kartelli li jinvolvu ruħhom f’diskussjonijiet għar-riżolviment skont l-Artikolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 773/2004, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura għar-riżolviment jistgħu jitolbu mill-uffiċjal tas-seduta li l-eżerċitar effettiv tad-drittijiet proċedurali tagħhom ikun żgurat. Ara wkoll il-paragrafu 18 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar kif jitmexxew il-proċedimenti ta’ riżoluzzjoni f’kunsiderazzjoni tal-adozzjoni ta’ Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 għall-każijiet ta’ kartelli, ĠU C 167, 2,7.2008, p. 1.