9.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 87/7


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-20 ta’ Diċembru 2022

li tirrigwarda proċedimient skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE

(il-Każijiet AT.40462 – Amazon Marketplace and AT.40703 – Amazon Buy Box)

(NOTIFIKATA bid-dokument numru C(2022) 9442 final)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2023/C 87/05)

Fl-20 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE. F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (1) , il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, inkluża kull penali imposta, fid-dawl tal-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Id-Deċiżjoni tagħmel legalment vinkolanti l-impenji offruti minn Amazon.com, Inc., Amazon Services Europe S.à.r.l., Amazon EU S.à.r.l. u Amazon Europe Core S.à.r.l., (flimkien imsejħa “Amazon”) skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (“ir-Regolament 1/2003”) fi proċedimenti skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-“Trattat”) u l-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

(2)

Id-Deċiżjoni tikkonċerna ż-żewġ investigazzjonijiet separati li ġejjin skont l-Artikolu 102 tat-Trattat:

il-prattiċi kummerċjali ta’ Amazon investigati mill-Kummissjoni fil-Każ AT.40462 - Amazon Marketplace, relatati mal-użu ta’ data mhux disponibbli għall-pubbliku rigward l-elenkar u t-tranżazzjonijiet ta’ bejjiegħa ta’ terzi persuni, minn Amazon, għall-finijiet tal-operazzjonijiet tagħha bl-imnut (il-“Kondotta dwar l-użu tad-Data”);

il-prattiċi kummerċjali ta’ Amazon investigati mill-Kummissjoni fil-Każ AT.40703 - Amazon Buy Box, relatati ma’ (i) il-kundizzjonijiet u l-kriterji li jirregolaw l-għażla tal-offerta li tidher fil-“Buy Box” (l-“Imġiba relatata mal-Buy-Box”), u ma’ (ii) il-kundizzjonijiet u l-kriterji li jirregolaw l-eliġibbiltà ta’ bejjiegħa terzi lil Prime u tal-offerti tagħhom lit-tikketta Prime (il-“Kondotta Relatata mal-Prime”).

2.   PROĊEDURA

(3)

Il-każijiet kontra Amazon oriġinaw mill-inizjattiva tal-Kummissjoni stess.

(4)

Fis-17 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni bdiet proċedimenti fil-Każ AT.40462 - Amazon Marketplace skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 773/2004.

(5)

Fl-10 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni bagħtet Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet (id-“DO”) lil Amazon fil-Każ AT.40462 - Amazon Marketplace u fl-istess data bdiet proċedimenti fil-Każ AT.40703 - Amazon Buy Box bil-ħsieb li tadotta deċiżjoni skont il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003.

(6)

Fil-Każ AT.40703 - Amazon Buy Box, fil-15 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni adottat Valutazzjoni Preliminari (il-“PA”, preliminary assessment) skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003. Din il-PA ġiet innotifikata lil Amazon b’ittra tas-16 ta’ Ġunju 2022.

(7)

Fit-8 ta’ Lulju 2022, Amazon ippreżentat impenji (l-“Impenji Inizjali”) lill-Kummissjoni biex tissodisfa t-tħassib preliminari stabbilit fid-DO u l-PA.

(8)

Fl-20 ta’ Lulju 2022, ġie ppubblikat avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (“l-Avviż”), li jagħti taqsira tal-każijiet u tal-impenji proposti u li jistieden lil terzi persuni interessati jagħmlu l-kummenti tagħhom dwar l-impenji fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni.

(9)

Fl-20 ta’ Settembru 2022, il-Kummissjoni infurmat lil Amazon dwar il-kummenti li rċeviet minn terzi persuni interessati wara l-pubblikazzjoni tal-Avviż. Fit-22 ta’ Novembru 2022, Amazon ippreżentat proposta emendata għall-impenji (l-“Impenji Finali”).

(10)

Fit-12 ta’ Diċembru 2022, il-Kumitat Konsultattiv dwar il-Prattiċi Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ opinjoni favorevoli.

(11)

Fit-13 ta’ Diċembru 2022, l-Uffiċjal tas-Seduta ħareġ ir-rapport finali tiegħu.

3.   IT-TĦASSIB TAL-KUMMISSJONI DWAR IL-KOMPETIZZJONI

3.1.   Il-fatti

(12)

Amazon għandha rwol doppju bħala pjattaforma. Hija tħaddem suq fejn bejjiegħa indipendenti jistgħu jbigħu prodotti direttament lill-konsumaturi u fl-istess ħin, tbigħ prodotti fuq il-pjattaforma tagħha bħala bejjiegħ bl-imnut, f’kompetizzjoni ma’ dawk il-bejjiegħa indipendenti. Bħala riżultat ta’ din il-pożizzjoni doppja, Amazon għandha aċċess għal settijiet kbar ta’ data dwar l-attivitajiet tal-bejjiegħa indipendenti fuq il-pjattaforma tagħha, inkluża data kummerċjali mhux pubblika.

(13)

Il-bejgħ fis-siti web Ewropej kollha ta’ Amazon huwa xprunat, fil-biċċa l-kbira, mis-sistema tal-hekk imsejħa “Buy Box”. Buy Box ta’ Amazon turi b’mod prominenti l-offerta ta’ bejjiegħ wieħed u tippermetti li l-prodotti jinxtraw malajr billi wieħed jikklikkja direttament fuq buttuna tax-xiri. Li ssir il-Featured Offer (jiġifieri li wieħed jirbaħ Buy Box) huwa essenzjali biex bejjiegħa terzi jkunu viżibbli għall-konsumaturi u biex jikkonvertu l-offerti tagħhom f’bejgħ reali, billi l-maġġoranza vasta tal-bejgħ fis-siti web ta’ Amazon isir permezz tal-Buy Box.

(14)

Minbarra li tippermetti lill-konsumaturi jixtru prodotti offruti fis-siti web tagħha, Amazon toffri wkoll servizzi fakultattivi addizzjonali lill-konsumaturi. B’mod partikolari, Amazon żviluppat il-programm ta’ sħubija, Amazon Prime, servizz ta’ abbonament imħallas li jipprovdi lill-konsumaturi aċċess għal għadd ta’ servizzi addizzjonali bħal konsenja aktar rapida, aċċess għal servizzi ta’ streaming tal-mużika u tal-videos, servizzi tal-logħob u għadd ta’ benefiċċji oħra tax-xiri. Il-programm Prime ta’ Amazon jippermetti wkoll lill-bejjiegħa indipendenti jbigħu lill-klijenti ta’ Prime b’ċerti kundizzjonijiet.

3.2.   Valutazzjoni legali

(15)

Fid-DO, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li Amazon għandha pożizzjoni dominanti fis-swieq nazzjonali għall-forniment ta’ servizzi tas-suq fil-Ġermanja u fi Franza u li l-Imġiba fl-użu tad-Data tammonta għal abbuż tal-pożizzjoni dominanti ta’ Amazon bi ksur tal-Artikolu 102 tat-Trattat.

(16)

B’mod preliminari, il-Kummissjoni sabet li: (i) id-dipendenza sistematika tas-sistemi awtomatizzati u l-impjegati ta’ Amazon Retail fuq id-data mhux pubblika tal-kompetituri bl-imnut online tagħha, miksuba fil-kuntest tal-provvista tas-servizzi tas-suq dominanti ta’ Amazon lil dawk il-bejjiegħa, tipproteġi lil Amazon Retail minn uħud mir-riskji u l-ispejjeż normali tal-kompetizzjoni bl-imnut, u (ii) konsegwentement, billi tirrikorri għal metodi li ma jikkostitwixxux kompetizzjoni fuq il-merti, Amazon tfixkel il-kompetizzjoni ma’ bejjiegħa terzi. Dan jippermetti lil Amazon tingrana l-pożizzjoni dominanti tagħha fis-swieq għall-forniment ta’ servizzi tas-suq fis-swieq tal-bejgħ bl-imnut online.

(17)

Fil-Valutazzjoni Preliminari, il-Kummissjoni waslet għal konklużjoni preliminari li Amazon għandha pożizzjoni dominanti fis-swieq nazzjonali għall-forniment ta’ servizzi tas-suq, għallinqas fil-Ġermanja, Franza u Spanja, u kienet esprimiet it-tħassib preliminari li Amazon tista’ tabbuża mill-pożizzjoni dominanti tagħha bi ksur tal-Artikolu 102 tat-Trattat billi tiffavorixxi b’mod artifiċjali l-offerti bl-imnut tagħha stess u l-offerti ta’ bejjiegħa fis-suq li jużaw il-loġistika u s-servizzi ta’ konsenja ta’ Amazon (l-hekk imsejħa servizzi ta’ “Twettiq minn Amazon” jew “FBA”, fulfulment by Amazon), għad-detriment ta’ bejjiegħa u konsumaturi oħra tas-suq, meta (i) tagħżel l-offerta unika murija b’mod prominenti fuq il-paġna tad-dettalji tal-prodott ta’ Amazon (ir-rebbieħ tal-“Buy Box”); u (ii) jippermettu lill-bejjiegħa joffru prodotti lill-utenti tal-programm ta’ lealtà ta’ Amazon (il-“programm Prime”) bit-tikketta Prime.

(18)

Il-Buy Box turi b’mod prominenti l-offerta ta’ bejjiegħ bl-imnut wieħed għal prodott speċifiku u tippermetti lill-klijenti jżidu dak l-oġġett direttament fil-baskett tax-xiri tagħhom. Ir-rebħ tal-Buy Box huwa kruċjali għall-bejjiegħa tas-suq ta’ Amazon billi l-maġġoranza l-kbira tal-konsumaturi jaraw biss il-Buy Box u jixtru biss l-offerta murija fil-Buy Box. Il-kundizzjonijiet u l-kriterji mhux ugwali tal-għażla tar-rebbieħ ta’ Buy Box jistgħu għalhekk iżidu b’mod artifiċjali t-traffiku għal, u x-xiri ta’, offerti mill-fergħa tal-bejgħ bl-imnut ta’ Amazon u minn bejjiegħa li jużaw is-servizzi FBA ta’ Amazon, u b’hekk ifixklu l-kompetizzjoni fis-swieq ta’ Amazon.

(19)

L-ilħuq tal-utenti Prime huwa importanti għall-bejjiegħa billi l-għadd ta’ utenti Prime qed jikber b’mod kontinwu, huma tipikament aktar leali, u minħabba li l-eliġibbiltà tal-bejjiegħa għall-programm Prime tħalli impatt fuq il-kapaċità tagħhom li jirbħu l-Buy Box. Il-kundizzjonijiet u l-kriterji ta’ Amazon biex tagħżel bejjiegħa u offerti eliġibbli għat-tikketta Prime jiffavorixxu lil Amazon Retail u bejjiegħa li jużaw is-servizzi FBA ta’ Amazon, u b’hekk ifixklu l-kompetizzjoni fis-swieq ta’ Amazon. Il-kundizzjonijiet u l-kriterji mhux ugwali tal-programm Prime jinkludu dawk rilevanti għall-għażla, it-termini kuntrattwali u l-prestazzjoni tal-fornituri ta’ servizzi loġistiċi ta’ bejjiegħa indipendenti li jfittxu l-eliġibbiltà għal Prime.

4.   L-IMPENJI INIZJALI, IT-TEST TAS-SUQ U L-IMPENJI FINALI

4.1.   L-Impenji Inizjali

(20)

Fit-8 ta’ Lulju 2022, Amazon ippreżentat l-Impenji Inizjali li jinkludu tliet settijiet ta’ impenji: l-impenn dwar is-silo tad-data, l-impenn relatat ma’ Buy Box-u l-impenn relatat mal-Prime

(21)

Skont l-impenn dwar is-silo tad-data, Amazon timpenja ruħha li ma tużax data mhux pubblika pprovduta minn bejjiegħa terzi lil Amazon fil-kuntest tal-użu tagħhom tas-servizzi tas-swieq ta’ Amazon, jew miksuba permezz tal-użu minn bejjiegħa ta’ terzi persuni tas-servizzi tas-suq ta’ Amazon jew servizzi relatati bħal servizzi ta’ pagament u ta’ eżekuzzjoni, għall-finijiet tal-operazzjonijiet bl-imnut ta’ Amazon stess, f’kompetizzjoni ma’ dawk il-bejjiegħa terzi.

(22)

Skont l-impenn relatat ma’ Buy Box, Amazon timpenja ruħha li tapplika kundizzjonijiet u kriterji mhux diskriminatorji għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-Featured Offer murija fil-Buy Box. Dawn japplikaw għall-parametri u l-ponderazzjonijiet kollha applikabbli biex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi fil-kompetizzjoni bejn il-bejjiegħa għall-Buy Box;

(23)

Barra minn hekk, Amazon tikkommetti ruħha li turi mill-inqas offerta kompetittiva waħda ħdejn il-Featured Offer fejn disponibbli u differenti fuq il-prezz/il-ħin tal-konsenja mill-Featured Offer (is-“Second Displayed Offer”). Il-Featured Offer u s-Second Displayed Offer juru fuq bażi ugwali l-istess informazzjoni deskrittiva u joperaw b’parità sħiħa fir-rigward tal-possibbiltajiet ta’ xiri.

(24)

Fl-aħħar nett, skont l-impenn relatat mal-Prime, Amazon timpenja ruħha li tapplika kundizzjonijiet u kriterji mhux diskriminatorji għal (i) l-eliġibbiltà tal-Prime ta’ bejjiegħa u offerti ta’ terzi persuni u (ii) it-tikketta Prime biex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn il-bejjiegħa kollha u biex bejjiegħa tal-Prime jkunu jistgħu jagħżlu t-trasportaturi liberament u jinnegozjaw rati u termini kummerċjali ma’ dawk it-trasportaturi. Amazon timpenja ruħha wkoll li ma tuża l-ebda data relatata mat-termini jew il-prestazzjoni ta’ trasportaturi terzi għall-finijiet tal-operazzjonijiet loġistiċi ta’ Amazon stess.

(25)

Dawn l-Impenji Inizjali japplikaw għal żmien ta’ ħames snin u jkopru s-swieq kollha atwali u futuri ta’ Amazon fiż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tal-impenji deskritti fil-premessi minn (22) sa (24) ta’ hawn fuq li, fid-dawl tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2021 tal-Awtorità Taljana tal-Kompetizzjoni fil-Każ A528, ma japplikawx għall-Italja.

(26)

Fiduċjarju indipendenti tal-monitoraġġ jimmonitorja l-konformità ta’ Amazon mal-Impenji Inizjali, sakemm dawn idumu.

4.2.   It-test tas-suq

(27)

Il-Kummissjoni ppubblikat il-proposta ta’ impenn ta’ Amazon għal test formali tas-suq fl-14 ta’ Lulju 2022. Bi tweġiba, il-Kummissjoni rċeviet 25 sottomissjoni minn terzi persuni interessati (it-“Test tas-Suq”).

(28)

Il-kummenti li waslu kienu relatati prinċipalment mad-definizzjonijiet użati fl-Impenji Inizjali, il-mekkaniżmi ta’ kontroll tal-aċċess b’rabta mad-data ta’ terzi persuni mhux pubbliċi li jbigħu, il-wiri viżwali tas-Second Displayed Offer, l-informazzjoni lill-bejjiegħa terzi dwar l-obbligi ta’ Amazon skont l-impenji, il-ħtieġa li Amazon taqsam mat-trasportaturi d-dettalji ta’ kuntatt tal-utenti finali li lilhom jikkonsenjaw il-pakketti, il-kamp ta’ applikazzjoni u t-tul tal-impenji, il-ħtieġa li jiġi introdott mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim jew għall-ilmenti f’każ ta’ suspett ta’ ksur tal-impenji, nuqqas ta’ ċirkomvenzjoni u monitoraġġ tal-konformità.

4.1.   L-Impenji Finali

(29)

Bi tweġiba għall-kummenti li saru, Amazon ippreżentat sett ġdid ta’ impenji. L-Impenji Finali huma differenti mill-Impenji Inizjali proposti kif ġej:

Huma jsaħħu l-obbligu ta’ Amazon li tistabbilixxi mekkaniżmi ta’ kontroll tekniċi u/jew manwali mfassla biex jivverifikaw u jimmonitorjaw l-aċċess minn Amazon Retail għad-data tal-bejjiegħa terzi;

Huma jtejbu l-preżentazzjoni tas-Second Displayed Offer billi jagħmluha aktar prominenti u jinkludu mekkaniżmu ta’ rieżami f’każ li l-preżentazzjoni ma tkunx qed tattira attenzjoni adegwata għall-konsumatur;

Huma jżidu t-trasparenza u l-flussi bikrija ta’ informazzjoni lil bejjiegħa u trasportaturi terzi dwar l-impenji u d-drittijiet ġodda tagħhom, li jippermettu, fost l-oħrajn, il-qlib bikri tal-bejjiegħa għal trasportaturi indipendenti;

Huma jistabbilixxu l-mezzi għat-trasportaturi indipendenti biex jikkuntattjaw direttament lill-klijenti ta’ Amazon tagħhom, f’konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-data, li jippermettulhom jipprovdu servizzi ta’ konsenja ekwivalenti għal dawk offruti minn Amazon;

Huma jtejbu l-protezzjoni tad-data tat-trasportaturi mill-użu mis-servizzi loġistiċi kompetituri ta’ Amazon, b’mod partikolari fir-rigward tal-informazzjoni dwar il-profil tal-merkanzija;

Huma jżidu s-setgħat tal-fiduċjarju tal-monitoraġġ billi jintroduċu aktar obbligi ta’ notifika;

Huma jintroduċu mekkaniżmu ċentralizzat għall-ilmenti, miftuħ għall-bejjiegħa u t-trasportaturi kollha f’każ ta’ suspett ta’ nuqqas ta’ konformità mal-impenji;

Huma jiżdiedu għal seba’ snin, minflok il-ħames snin proposti inizjalment, it-tul tal-impenji relatati mal-Prime Offer u s-Second Displayed Offer;

Huma jintroduċu ftit kjarifiki għall-kliem tal-Impenji Inizjali.

5.   KONKLUŻJONI

(30)

L-impenji fil-forma finali riveduta tagħhom huma biżżejjed biex jittrattaw il-preokkupazzjonijiet preliminari identifikati mill-Kummissjoni.

(31)

L-impenn dwar is-silo tad-data jiżgura li Amazon ittemm il-prattika kontinwa tagħha li tuża data mhux pubblika ta’ bejjiegħa terzi biex tikkompeti ma’ dawn il-bejjiegħa. Biex tindirizza t-tħassib preliminari tal-Kummissjoni, Amazon se żżomm lura milli tuża data mhux pubblika għall-finijiet tal-operazzjonijiet kollha tal-bejgħ bl-imnut ta’ Amazon.

(32)

L-impenn relatat mal-Buy Box se jelimina l-preġudizzji li jiffavorixxu lil Amazon Retail u lill-bejjiegħa tal-FBA fl-għażla u l-wiri tal-Featured Offer fil-Buy Box. L-Impenji Finali jinkludu wkoll is-Second Displayed Offer biex tiżdied l-għażla tal-konsumatur. Dawn il-bidliet huma kruċjali minħabba l-importanza li tintrebaħ il-Buy Box għal bejjiegħa terzi li tkun viżibbli għall-konsumaturi u li l-offerti tagħhom jiġu kkonvertiti f’bejgħ reali.

(33)

L-impenn relatat mal-Prime se jelimina wkoll il-preġudizzji li jiffavorixxu lil Amazon Retail u lill-bejjiegħa tal-FBA fl-eliġibbiltà tal-offerti tagħhom lill-Prime u lit-tikketta tal-Prime. Huma jindirizzaw ukoll l-iżvantaġġ kompetittiv ta’ bejjiegħa terzi li ma jużawx is-servizzi tal-FBA ta’ Amazon biex jissodisfaw il-bejgħ tagħhom fis-sistema Prime ta’ Amazon permezz ta’ obbligi relatati mat-trasportaturi li se jippermettu għażla effettiva ta’ trasportaturi li l-bejjiegħa jistgħu jiddependu fuqhom għall-konsenji tal-pakketti tagħhom.

(34)

Il-Kummissjoni tqis li t-tul ta’ żmien tal-Impenji Finali huwa proporzjonat, billi huwa twil biżżejjed biex jindirizza t-tħassib preliminari tal-Kummissjoni, filwaqt li jipprovdi wkoll ċertezza lill-parteċipanti fis-suq għal perjodu twil biżżejjed. L-implimentazzjoni tal-impenji Finali se tkun soġġetta wkoll għal rieżami espert indipendenti minn fiduċjarju tal-monitoraġġ, li jaġixxi taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni, għal kemm idumu l-Impenji Finali. L-użu ta’ fiduċjarju ta’ monitoraġġ huwa miżura proporzjonata u neċessarja biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tad-Deċiżjoni.

(35)

Il-Kummissjoni tqis li l-klawżola ta’ nonċirkomvenzjoni, il-mekkaniżmu tal-ilmenti u s-setgħat imsaħħa tal-fiduċjarju tal-monitoraġġ, flimkien mal-pagamenti ta’ penali previsti fid-Deċiżjoni għan-nuqqas ta’ konformità, jipprovdu biżżejjed salvagwardji kontra n-nuqqas ta’ konformità mal-Impenji Finali.

(36)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Impenji Finali jittrattaw b’mod effettiv it-tħassib preliminari dwar il-kompetizzjoni identifikat fid-DO u l-PA tagħha. Biex waslet għal din il-konklużjoni, il-Kummissjoni qieset l-interessi ta’ terzi persuni, inklużi dawk it-terzi persuni interessati li wieġbu għat-Test tas-Suq u tqis li l-Impenji Finali mhux se jxekklu l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ xi terza persuna.

(37)

Amazon ma offrietx impenji anqas onerużi bi tweġiba għad-DO u l-PA li jindirizzaw ukoll it-tħassib preliminari tal-Kummissjoni b’mod xieraq. L-Impenji Finali, għaldaqstant, jikkonformaw mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

(38)

Fid-dawl tal-Impenji Finali offruti minn Amazon, il-Kummissjoni tqis li ma kienx hemm aktar raġunijiet għal azzjoni min-naħa tagħha. Id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-perjodi li ġejjin mid-data tal-wasla tan-notifika tad-Deċiżjoni:

ħames snin u sitt xhur għall-impenn tas-silo tad-data u l-impenn relatat mal-kundizzjonijiet u l-kriterji mhux diskriminatorji għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-Feature Offer murija fil-Buy Box kif deskritt fil-paragrafi minn 1 sa 6 tal-Impenji Finali;

seba’ snin u sitt xhur għall-impenji relatati mal-Prime u l-impenji li jikkonċernaw is-Second Displayed Offer kif deskritt fil-paragrafi minn 7 sa 24 tal-Impenji Finali.

(39)

Id-Deċiżjoni tagħmel l-impenji proposti minn Amazon ikkonċernata legalment vinkolanti fuqha.

(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 411/2004 (ĠU L 68, 6.3.2004, p. 1)