|
18.8.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 293/108 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1009 fir-rigward tat-tikkettar diġitali tal-prodotti fertilizzanti tal-UE”
(COM(2023) 98 final — 2023/0049 (COD))
(2023/C 293/16)
|
Relatur: |
John COMER |
|
Konsultazzjoni |
Parlament Ewropew, 13.3.2023 Kunsill, 6.3.2023 |
|
Bażi legali |
Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
1.6.2023 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
38/0/2 |
|
Adozzjoni fil-plenarja |
14.6.2023 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
579 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
209/0/4 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) iqis li:
|
1.1. |
Il-provvista ta’ tikkettar diġitali volontarju għall-prodotti fertilizzanti huwa żvilupp pożittiv ħafna u għandu jsir kull sforz biex l-operaturi ekonomiċi jitħeġġu jadottaw it-tikkettar diġitali. |
|
1.2. |
Ir-riskju tad-distakk diġitali jeħtieġ li jiġi mmonitorjat bir-reqqa. Id-diġitalizzazzjoni tista’ tħalli lil xi gruppi vulnerabbli aktar lura minkejja d-dispożizzjoni li trid tkun disponibbli, fuq talba, alternattiva għat-tikkettar diġitali. Huwa rakkomandabbli li tiġi stabbilita skeda ta’ żmien u jkun hemm aktar ċarezza dwar kif din l-alternattiva topera b’mod effettiv. |
|
1.3. |
L-operaturi ekonomiċi li jadottaw tikkettar diġitali għandhom jieħdu azzjoni speċifika flimkien ma’ dak li qed jiġi propost mill-Kummissjoni biex jirrakkomandaw u jħeġġu lill-utenti finali jikkonsultaw it-tikketta diġitali. |
|
1.4. |
Xi utenti finali huma mħassba li s-siti tat-tikkettar diġitali jwasslu għal traċċar eċċessiv. Jeħtieġ li tiġi pprovduta assigurazzjoni adegwata li mhux se jkun hemm traċċar bla bżonn. |
|
1.5. |
Il-KESE jilqa’ din il-Proposta peress li tiffoka fuq it-titjib tal-użu effiċjenti tal-prodotti fertilizzanti, tnaqqas l-ispejjeż u tipproamovi d-diġitalizzazzjoni tas-settur agrikolu, u dan huwa milqugħ tajjeb. |
|
1.6. |
Kemm fuq it-tikketta fiżika kif ukol fuq it-tikketta diġitali għandha tiġi enfasizzata rakkomandazzjoni biex isir kampjunar tal-ħamrija qabel ma jiġu applikati prodotti fertilizzanti. Azzjoni bħal din tkun tajba għall-ambjent u jiġu ffrankati l-flus. |
|
1.7. |
Id-disinn u l-format, inkluż id-daqs minimu tat-tipa tat-tikketti fiżiċi, għandhom jiġu speċifikati fil-Proposta biex tiġi żgurata komunikazzjoni aktar ċara. |
|
1.8. |
Huwa rrakkomandat li mal-pakketti ta’ prodotti fertilizzanti ta’ 1 000 kg jew aktar għandha titwaħħal biss tikketta diġitali meta l-operaturi ekonomiċi jiddeċiedu li jużaw it-tikkettar diġitali. Il-pakketti ta’ prodotti fertilizzanti ta’ inqas minn 1 000 kg għandu dejjem ikollhom tikketta fiżika, anke meta l-operaturi ekonomiċi jiddeċiedu li jużaw tikketta diġitali. |
2. Sfond
|
2.1. |
Ir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) introduċa rekwiżiti ta’ tikkettar li huma ħafna aktar estensivi minn dawk li jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Dan ir-Regolament il-ġdid irrifletta domandi u tħassib soċjali ġodda kif ukoll il-fatt li dawn ir-regoli l-ġodda jiftħu s-suq tal-UE għal prodotti fertilizzanti li huma innovattivi u mhux magħrufa u jeħtieġu struzzjonijiet aktar dettaljati għall-utent finali. |
|
2.2. |
Huwa diffiċli li jinqraw tikketti li fihom ħafna informazzjoni. Ħafna dettalji jistgħu jaħbu l-informazzjoni essenzjali li jkollu bżonn l-utent finali. |
|
2.3. |
L-operaturi ekonomiċi jsibuha diffiċli biex jimmaniġġjaw dawn it-tikketti u huma marbuta ma’ żieda fl-ispejjeż minħabba l-ħtieġa li t-tikketti jiġu aġġornati ta’ spiss. |
|
2.4. |
L-emenda proposta għar-Regolament (UE) 2019/1009 hija rregolata mill-istess objettivi ġenerali tar-Regolament eżistenti (UE) 2019/1009, jiġifieri li jiġu żgurati livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent u suq intern li jiffunzjona tajjeb. |
|
2.5. |
Il-Kummissjoni identifikat żewġ problemi speċifiċi li din il-Proposta tipprova tindirizza:
|
|
2.6. |
Skont l-Artikolu 6(7) tar-Regolament (UE) 2019/1009, ir-rekwiżiti kollha tat-tikkettar fl-Anness III jridu jiġu stabbiliti fuq it-tikketta fiżika. |
|
2.7. |
Din il-Proposta tintroduċi d-diġitalizzazzjoni volontarja tat-tikketti għall-prodotti fertilizzanti tal-UE. Il-manifatturi, l-importaturi jew id-distributuri jistgħu jiddeċiedu jekk jintroduċux tikketti diġitali għall-prodotti fertilizzanti tal-UE. |
|
2.8. |
L-operaturi ekonomiċi li jagħżlu t-tikkettar diġitali jistgħu jqiegħdu l-elementi kollha tat-tikkettar skont l-Anness III f’tikketta diġitali meta jipprovdu prodotti fertilizzanti lil operaturi ekonomiċi oħra li mhumiex utenti finali. Il-prodotti fertilizzanti fornuti bl-ingrossa jew f’pakketti ta’ aktar minn 1 000 kg jistgħu jiġu fornuti wkoll b’tikketta diġitali biss lil kwalunkwe entità, inklużi l-utenti finali. |
|
2.9. |
L-operaturi ekonomiċi li jużaw tikketta diġitali meta jfornu prodotti fertilizzanti lill-utenti finali f’pakketti ta’ 1 000 kg jew inqas se jkollhom jipprovdu tikketta fiżika flimkien mat-tikketta diġitali. |
|
2.10. |
It-tikketta fiżika jrid ikun fiha l-informazzjoni kollha dwar il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, kif ukoll l-aktar informazzjoni importanti dwar l-effiċjenza agronomika u l-kontenut tal-prodott, jew informazzjoni oħra meħtieġa wara x-xiri, bħal informazzjoni dwar il-ħżin u r-rimi sikuri. |
|
2.11. |
Il-Proposta tistabbilixxi regoli ġenerali dwar id-diġitalizzazzjoni tat-tikketti mingħajr ma tagħmel distinzjoni bejn utenti finali professjonali u mhux professjonali. B’mod partikolari, l-operaturi ekonomiċi se jkollhom jiżguraw li t-tikketta diġitali tkun tista’ tiġi aċċessata mingħajr ħlas u tkun faċilment aċċessibbli fl-UE kollha għal perjodu ta’ ħames snin wara li l-prodott ikun tqiegħed fis-suq. It-tikketta fiżika jrid ikun fiha portatur tad-data (pereżempju kodiċi QR jew URL) sabiex ikun hemm aċċess faċli għat-tikketta diġitali mingħajr il-bżonn ta’ applikazzjoni speċjali jew unika. Is-sit tat-tikketta diġitali jrid ikun fih l-informazzjoni meħtieġa mill-Anness III b’mod separat minn informazzjoni oħra dwar il-kummerċjalizzazzjoni jew offerti speċjali oħra, u ma jkun jinkludi l-ebda traċċar bla bżonn. |
|
2.12. |
L-informazzjoni fuq it-tikketti diġitali trid tiġi pprovduta, jekk mitluba, anke b’mezzi alternattivi, sabiex jiġu ffaċilitati l-ħtiġijiet tal-utenti vulnerabbli li mhumiex familjari mat-tikketti diġitali jew li mhumiex lesti li jużawhom. |
|
2.13. |
Jekk għal xi raġuni t-tikketta diġitali ma tkunx disponibbli għal xi żmien, trid tiġi pprovduta alternattiva mingħajr il-ħtieġa li tintalab. |
|
2.14. |
Il-Proposta tagħti setgħa lill-Kummissjoni biex tkompli tadatta l-Anness III billi tiddeċiedi liema elementi tat-tikkettar jistgħu jiġu pprovduti f’forma diġitali lill-utenti finali f’pakketti ta’ 1 000 kg jew inqas skont l-iżvilupp tas-soċjetà. |
|
2.15. |
Il-Kummissjoni tiddikjara li l-Proposta hija konsistenti mal-politika usa’ tal-UE għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, li għandha l-għan li tindirizza l-isfidi doppji tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. |
|
2.16. |
Il-Proposta hija maħsuba biex ittejjeb l-użu effiċjenti tal-prodotti fertilizzanti, tnaqqas l-ispejjeż tat-tikkettar u tippromovi d-diġitalizzazzjoni tas-settur agrikolu filwaqt li tiżgura l-konsistenza mal-politika usa’ tal-UE għal futur sostenibbli u intelliġenti. |
3. Kummenti ġenerali
|
3.1. |
Il-KESE jilqa’ din il-Proposta biex jiġi introdott tikkettar diġitali għall-prodotti fertilizzanti. Tifforma parti minn xejra ġenerali fejn qed tiżdied id-diġitalizzazzjoni tal-informazzjoni dwar il-prodott u t-tikketti tal-prodott. |
|
3.2. |
Il-provvisti ta’ prodotti fertilizzanti li jissodisfaw l-istandards tas-saħħa u s-sigurtà u dawk ambjentali fl-UE kollha (bit-tikketta CE) se jkunu jistgħu jiġu akkumpanjati minn informazzjoni fuq tikketta diġitali. |
|
3.3. |
Il-problema ta’ tikketti li fihom ħafna informazzjoni hija kwistjoni ewlenija. Ħafna drabi jkun diffiċli li tinstab informazzjoni essenzjali u għalhekk l-utenti finali xi daqqiet jispiċċaw jinjoraw it-tikketti li jkun fihom wisq dettalji. L-Anness III kif implimentat bħalissa jidher li qed jipprova jinkludi wisq informazzjoni f’tikketta fiżika. Il-possibbiltà ta’ tikketti diġitali hija pass kbir ’il quddiem. Bl-użu tat-tikkettar diġitali, it-tikketta fiżika tkun tista’ tinkludi l-informazzjoni verament essenzjali flimkien ma’ link għat-tikketta diġitali. |
|
3.4. |
Il-Proposta tawtonomizza lill-Kummissjoni biex tkompli tadatta l-Anness III billi tiddeċiedi liema elementi tat-tikkettar jistgħu jiġu pprovduti b’mod diġitali. L-awtonomizzazzjoni tippermetti lill-Kummissjoni li tittrasferixxi l-elementi eżistenti mit-tikketta fiżika għat-tikketta diġitali. |
|
3.5. |
It-tikketta diġitali trid tinkludi informazzjoni li tippermetti li jiġi identifikat u kkuntattjat il-manifattur tal-prodott, il-marka CE, u kwalunkwe referenza għal korp notifikat. |
|
3.6. |
Ma hemm l-ebda dispożizzjoni fil-Proposta li tirregola d-daqs u t-tqassim tat-tikketta fiżika. |
|
3.7. |
L-użu aktar effiċjenti tal-prodotti fertilizzanti huwa element importanti fl-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, li tispeċifika mira ta’ tnaqqis ta’ 50 % fit-telf tan-nutrijenti u tnaqqis ta’ 20 % fl-użu tal-fertilizzanti sal-2030. Skont il-Kummissjoni, din il-Proposta tappoġġja x-xejra fejn tittejjeb l-effiċjenza tal-użu tal-prodotti fertilizzanti. L-analiżi tal-ħamrija mhijiex obbligu li jrid jiġi inkluż fit-tikketta fiżika. L-analiżi tal-ħamrija jinkoraġġixxi l-użu aktar effiċjenti tal-prodotti fertilizzanti. |
|
3.8. |
Meta l-operaturi ekonomiċi jadottaw tikketta diġitali, l-utenti finali għandhom jiġu rrakkomandati bil-qawwa li jikkonsultaw it-tikketta diġitali sabiex jiksbu l-benefiċċju massimu mill-informazzjoni obbligatorja dwar il-prodott. |
|
3.9. |
L-adozzjoni tat-tikkettar diġitali hija volontarja min-naħa tal-operaturi ekonomiċi. Madankollu, fl-interess tal-promozzjoni tal-użu aktar estensiv tat-tikkettar diġitali, għandha tingħata prijorità biex l-operaturi ekonomiċi jitħeġġu jibdew jużaw it-tikkettar diġitali. |
|
3.10. |
Il-ħtieġa li tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-prodotti tal-fertilizzanti hija enfasizzata fil-Komunikazzjoni tal-UE tal-2022 dwar il-Fertilizzanti (3). L-użu ta’ għodod diġitali huwa faċilitatur ewlieni f’dan il-proċess. |
|
3.11. |
L-użu tat-tikkettar diġitali għandu jippermetti komunikazzjoni aħjar tal-proprjetajiet u l-aktar użu effiċjenti tal-fertilizzanti, li se jkun ta’ benefiċċju għall-ambjent u jipprovdi ffrankar għall-utenti finali. |
|
3.12. |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-kundizzjonijiet sabiex jiġi implimentat it-tikkettar diġitali qed jiġu introdotti fil-livell tal-UE, peress li dan joħloq kundizzjonijiet ekwivalenti u għalhekk itejjeb is-suq intern filwaqt li jiżgura standard għoli ta’ protezzjoni kif meħtieġ mir-Regolament (UE) 2019/1009. Barra minn hekk, kwalunkwe bidla fit-tikkettar diġitali tista’ ssir biss fil-livell tal-UE. |
|
3.13. |
Il-Proposta tiddikjara li pakketti ta’ aktar minn 1 000 kg għandhom jitqiesu bħala kunsinni bl-ingrossa. Kien ikun preferibbli li kieku l-pakketti ta’ 1 000 kg jitqiesu bħala kunsinni bl-ingrossa u l-pakketti ta’ inqas minn 1 000 kg ikunu jeħtieġu t-tikketta fiżika flimkien mat-tikketta diġitali. |
|
3.14. |
Ir-riskju ta’ distakk diġitali għall-utenti vulnerabbli jeħtieġ li jiġi ċċarat aktar. Il-Proposta tal-Kummissjoni tiddikjara li alternattiva għat-tikketta diġitali trid tkun disponibbli meta tintalab. Madankollu, ma hija prevista l-ebda skeda ta’ żmien li tindika kemm alternattiva bħal din tista’ ssir disponibbli malajr għall-utenti finali vulnerabbli. |
|
3.15. |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li s-siti tat-tiketta diġitali ma jkunu jinkludu l-ebda sistemi ta’ traċċar bla bżonn. |
Brussell, l-14 ta’ Ġunju 2023.
Oliver RÖPKE
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Ir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 li jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta' prodotti fertilizzanti tal-UE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009 u (KE) Nru 1107/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 (ĠU L 170, 25.6.2019, p. 1).
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 dwar il-fertilizzanti (ĠU L 304, 21.11.2003, p. 1).
(3) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-iżgurar tad-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-fertilizzanti” (COM(2022) 590 final) (ĠU C 184, 25.5.2023, p. 109).