|
29.6.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 228/144 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli speċifiċi relatati mad-dħul fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit ta’ ċerti kunsinni ta’ oġġetti bl-imnut, pjanti għat-tħawwil, patata taż-żrigħ, makkinarju u ċertu vetturi mħaddma għal skopijiet agrikoli jew ta’ forestrija, kif ukoll movimenti mhux kummerċjali ta’ ċerti annimali tad-dar lejn l-Irlanda ta’ Fuq”
(COM(2023) 124 final — 2023/0062 (COD))
(2023/C 228/21)
|
Relatur Ġenerali: |
Klaas Johan OSINGA |
|
Konsultazzjoni |
Kunsill, 10.3.2023 Parlament Ewropew, 13.3.2023 |
|
Bażi legali |
Artikoli 43(2), 114, 168(4)(b) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni |
|
Adozzjoni fil-plenarja |
27.4.2023 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
578 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
147/0/0 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-Qafas ta’ Windsor (1) bħala prova li meta r-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea (UE) jingħaqdu in bona fide biex isegwu soluzzjonijiet maqbula b’mod reċiproku, ir-relazzjoni bilaterali tista’ tagħti riżultati tanġibbli għas-soċjetà ċivili fiż-żewġ partijiet. |
|
1.2. |
Il-KESE jappoġġja r-Regolament propost (2) mill-Kummissjoni li jirregola d-dħul u t-tqegħid fis-suq tal-Irlanda ta’ Fuq ta’ ċerti prodotti agrikoli – inklużi pjanti għat-tħawwil, makkinarju u vetturi għal skopijiet agrikoli jew tal-forestrija, u patata taż-żrigħ – kif ukoll il-movimenti mhux kummerċjali fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit (il-Gran Brittanja) ta’ klieb, qtates u inmsa domestiċi. |
|
1.3. |
Il-KESE jirrikonoxxi kemm l-urġenza kif ukoll in-natura teknika tar-Regolament propost u tal-kwistjonijiet li beħsiebu jirregola. Huwa jirrikonoxxi wkoll l-isforz sinifikanti li sar biex jiġu rrikonċiljati l-faċilitazzjoni tal-proċeduri, is-salvagwardji għall-integrità tas-suq intern tal-UE, u l-protezzjoni tas-saħħa pubblika, tal-annimali u tal-pjanti. |
|
1.4. |
Il-KESE josserva li l-iskadenza prevista għall-immarkar ta’ prodotti bl-imnut ippakkjati minn qabel li jidħlu fl-Irlanda ta’ Fuq mill-Gran Brittanja tista’ toħloq sfidi għal xi negozji fir-Renju Unit, speċjalment dawk b’restrizzjonijiet finanzjarji u tekniċi aktar stretti – bħall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). |
|
1.5. |
Il-KESE jqajjem tħassib simili fir-rigward tal-iżvilupp ta’ sett uniku ta’ data għan-negozji fil-Gran Brittanja biex jissodisfaw ir-rekwiżiti sanitarji u fitosanitarji (sanitary and phytosanitary – SPS) u doganali meta jfornu lill-klijenti fl-Irlanda ta’ Fuq. Huwa jinnota li kwalunkwe dewmien wara l-iskadenza proposta jista’ jikkawża kontrolli tal-identità itwal minn dawk previsti fir-Regolament innifsu. |
|
1.6. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tiċċara u tipprovdi soluzzjonijiet għall-oqsma ta’ diverġenza aktar apparenti bejn l-istandards SPS fir-Renju Unit u fl-UE, b’referenza partikolari għall-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (PPP) fl-Irlanda ta’ Fuq. Huwa jinnota li inċertezza persistenti tiddiskrimina kontra l-bdiewa tal-Irlanda ta’ Fuq. |
|
1.7. |
Għad hemm diversi mistoqsijiet fir-rigward tal-moviment ta’ annimali ħajjin u materjal tal-pjanti minn u lejn l-Irlanda ta’ Fuq kemm mill-Gran Brittanja kif ukoll mill-UE. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni ssolvihom malajr kemm jista’ jkun peress li l-operaturi jeħtieġu ċarezza. |
|
1.8. |
L-implikazzjonijiet tal-abbozz tal-Border Target Operating Model (Mudell Operattiv Immirat tal-Fruntieri), ippubblikat mir-Renju Unit u li għandu jiġi introdott minn Ottubru 2023, u li jistabbilixxi mudell ġdid għall-importazzjonijiet lejn il-Gran Brittanja, inklużi l-kontrolli SPS, jistgħu jżidu l-inċertezza li jeħtieġ li tiġi evitata akkost ta’ kollox. Diġà hemm inċertezza dwar l-implimentazzjoni tal-abbozz dwar id-dritt tal-UE miżmum. |
2. Kummenti ġenerali
|
2.1. |
Ir-Regolament propost jistabbilixxi regoli speċifiċi relatati mad-dħul fl-Irlanda ta’ Fuq mill-Gran Brittanja ta’ ċerti kunsinni ta’ oġġetti bl-imnut għat-tqegħid fis-suq fl-Irlanda ta’ Fuq, kif ukoll ċerti kunsinni ta’ pjanti għat-tħawwil, makkinarju u vetturi operati għal skopijiet agrikoli jew tal-forestrija, u patata taż-żrigħ għat-tqegħid fis-suq u l-użu fl-Irlanda ta’ Fuq. |
|
2.2. |
Ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli speċifiċi relatati mal-movimenti mhux kummerċjali lejn l-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit ta’ klieb, qtates u inmsa domestiċi. Dan jistabbilixxi wkoll regoli dwar is-sospensjoni tal-applikazzjoni tar-regoli speċifiċi li jinsabu f’dan ir-Regolament. |
|
2.3. |
F’konformità mal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit, għadd ta’ atti leġiżlattivi tal-UE li jikkonċernaw il-miżuri SPS japplikaw għar-Renju Unit u ġo fih fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni stabbilit fil-Ftehim dwar il-Ħruġ. |
|
2.4. |
Għaldaqstant, id-dħul fl-Irlanda ta’ Fuq mill-Gran Brittanja ta’ ċerti kunsinni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali jew mill-pjanti, inkluż għalf tal-annimali, pjanti għat-tħawwil, makkinarju u vetturi għal skopijiet agrikoli jew tal-forestrija u patata taż-żrigħ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-atti u huwa soġġett għal kontrolli uffiċjali, rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni u projbizzjonijiet. Dan japplika wkoll għall-movimenti mhux kummerċjali ta’ ċerti annimali domestiċi. |
|
2.5. |
Ir-Renju Unit u ċerti partijiet ikkonċernati bbażati fir-Renju Unit esprimew tħassib serju li l-Ftehim dwar il-Ħruġ jimponi piż amministrattiv sproporzjonatament għoli fuq id-dħul fl-Irlanda ta’ Fuq mill-Gran Brittanja ta’ ċerti oġġetti soġġetti għall-SPS, fejn huma destinati għall-konsumaturi finali fl-Irlanda ta’ Fuq. Dan idgħajjef il-pożizzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq fis-suq intern tar-Renju Unit. |
|
2.6. |
Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni u r-Renju Unit qablu dwar sett komprensiv ta’ soluzzjonijiet konġunti biex jindirizzaw kwistjonijiet ta’ kuljum tal-komunitajiet kollha fl-Irlanda ta’ Fuq, li jipproteġu l-integrità kemm tas-swieq interni tal-UE kif ukoll tar-Renju Unit. Dawn jinkludu:
|
|
2.7. |
Fil-każijiet kollha dawn is-soluzzjonijiet jipprevedu protezzjoni xierqa tas-saħħa pubblika, tal-annimali u tal-pjanti, u salvagwardji għall-integrità tas-suq intern tal-UE. |
3. Kummenti speċifiċi
|
3.1. |
Fir-rigward tat-tikkettar tal-oġġetti bl-imnut, l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament propost jipprevedi li l-prodotti bl-imnut ippakkjati bil-lest li jidħlu fl-Irlanda ta’ Fuq mill-Gran Brittanja għall-konsum fl-Irlanda ta’ Fuq għandu jkollhom il-marka “Mhux għall-UE”, kif spjegat fid-dettall fl-Artikolu 6. |
|
3.2. |
L-Artikolu 6(1)(a) jagħmel tali mmarkar applikabbli mill-1 ta’ Ottubru 2023. Issa, dan il-perjodu ta’ żmien jista’ jkun diffiċli li jinkiseb għal xi negozji fil-Gran Brittanja li jfornu lill-klijenti fl-Irlanda ta’ Fuq. B’mod partikolari, l-SMEs jista’ ma jkollhomx ir-riżorsi meħtieġa, tekniċi jew finanzjarji, biex jew jilħqu l-iskadenza jew jiġġustifikaw l-investiment meħtieġ abbażi tal-volum tan-negozju tagħhom. |
|
3.3. |
Din l-iskadenza stretta tista’ toħloq sfidi wkoll fir-rigward tal-ġestjoni tad-data. Is-settijiet ta’ data li n-negozji fil-bqija tar-Renju Unit se jeħtieġu biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-SPS u doganali meta jfornu lill-klijenti fl-Irlanda ta’ Fuq huma simili. Li jkun hemm sett uniku ta’ data jkun ta’ vantaġġ, mhux biss għan-negozji, iżda wkoll għall-monitoraġġ tal-konformità mar-rekwiżiti tal-SPS u tad-dwana. Sett ta’ data bħal dan jista’ jkun diffiċli li jinkiseb sal-1 ta’ Ottubru 2023. |
|
3.4. |
Jekk l-implimentazzjoni tal-Artikolu 6(1)(a) fl-1 ta’ Ottubru 2023 ma tkunx possibbli, ir-rata li biha jiġu applikati l-kontrolli tal-identità għall-kunsinni li jidħlu fl-Irlanda ta’ Fuq mill-Gran Brittanja tista’, temporanjament, tkun ogħla minn dik indikata fl-Artikolu 4(3). Mhuwiex ċar ukoll kif prodotti ppakkjati li joriġinaw mill-UE jista’ prattikament ikollhom tikketta “Mhux għall-UE” applikata f’ċentri ta’ distribuzzjoni bl-imnut tas-supermarkets li jfornu kemm l-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll l-Irlanda. |
|
3.5. |
Kwistjoni potenzjali oħra tikkonċerna l-PPPs fl-Irlanda ta’ Fuq, li tenfasizza l-implikazzjonijiet tad-diverġenza bejn l-UE u r-Renju Unit. Fl-Irlanda ta’ Fuq, il-biċċa l-kbira tal-PPPs jintużaw għall-bwar, u bħalissa jinkisbu mill-UE u mill-Gran Brittanja. Il-livelli massimi ta’ residwi huma speċifiċi għal kull PPP, u f’xi każijiet huma differenti fir-Renju Unit u fl-UE. Dan iħalli lill-bdiewa tal-Irlanda ta’ Fuq f’sitwazzjoni diffiċli; ikun ta’ għajnuna li s-sistema tiġi riveduta. |
|
3.6. |
Fattur ieħor li għandu jiġi kkunsidrat huwa l-implikazzjoni tal-abbozz tal-Mudell Operattiv Immirat tal-Fruntieri li ġie ppubblikat mir-Renju Unit fil-5 ta’ April 2023, u li jistabbilixxi mudell ġdid għall-importazzjonijiet fil-Gran Brittanja, inklużi l-kontrolli tal-SPS. Dan se jiġi introdott mill-aħħar ta’ Ottubru 2023. Dan iżid l-inċertezza għall-operaturi kkawżata mill-abbozz dwar id-dritt tal-UE miżmum, li jista’ jwassal biex eluf ta’ liġijiet tal-UE jitneħħew awtomatikament sa tmiem l-2023. |
|
3.7. |
Għalkemm l-UE emendat ir-“regolament delegat” tagħha li jippermetti lill-baqar u lin-nagħaġ jiċċaqalqu barra miż-żona regolatorja tal-UE – u għalhekk l-Irlanda ta’ Fuq – u jirritornaw fi żmien 15-il jum, fil-prattika din għadha sfida għal dawk li jrabbu l-baqar fl-Irlanda ta’ Fuq. |
|
3.8. |
Il-bwar tal-bhejjem fil-Gran Brittanja huma meħtieġa li jkunu ċentri ta’ esportazzjoni approvati mill-Aġenzija tas-Saħħa tal-Annimali u tal-Pjanti (APHA), bl-annimali kollha li jużaw dawn iċ-ċentri jkunu fl-istess stat ta’ saħħa. L-istatus Uffiċjalment Ħieles mit-Tuberkolożi (OTF) Skoċċiż għat-tuberkulożi (TB) jeżentahom milli jkollhom jiġu ttestjati għat-TB qabel il-bejgħ jew il-wirja fil-Gran Brittanja, iżda dawk li jrabbu mill-Ingilterra/minn Wales ikollhom jagħmlu testijiet għat-TB qabel il-bejgħ/il-wirja fil-Gran Brittanja. Peress li, f’kuntest tal-Gran Brittanja, ftit li xejn hemm domanda għal ċentri ta’ esportazzjoni approvati mill-APHA, bħalissa Carlisle biss hija approvata mill-APHA, u hija, għalhekk, l-unika ċentru li fih il-baqar tal-Irlanda ta’ Fuq jistgħu jinbiegħu u jagħmlu użu mir-regolament delegat tal-UE. Dan ifisser li jekk l-annimali tal-Irlanda ta’ Fuq jiġu offruti għall-bejgħ f’ċentru li ma jkunx approvat mill-APHA, u ma jinbigħux, dawn iridu jibqgħu fil-Gran Brittanja għal sitt xhur qabel ma jirritornaw lejn l-Irlanda ta’ Fuq, u dan jagħmilha finanzjarjament mhux vijabbli. |
|
3.9. |
Fir-rigward tat-tikkettar mill-ġdid tal-bhejjem imċaqilqa lejn l-Irlanda ta’ Fuq mill-bqija tar-Renju Unit, bħalissa mhuwiex ċar kif dan għandu jopera. Bħalissa, il-baqar li jidħlu fl-Irlanda ta’ Fuq mill-Gran Brittanja jrid ikollhom, minbarra ż-żewġ tikketti tar-Renju Unit tagħhom, tikketta tal-esportazzjoni tal-Gran Brittanja addizzjonali applikata. Fi żmien 20 jum minn meta jidħlu fl-Irlanda ta’ Fuq, irid ikollhom, barra minn hekk, żewġ tikketti tal-Irlanda ta’ Fuq applikati. Sakemm ma jitneħħewx it-tikketti, din il-proċedura mhijiex prattika ħafna u jista’ jkollha wkoll implikazzjonijiet għall-benessri tal-annimali. |
|
3.10. |
Dwar il-kwistjoni tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti, bħall-patata taż-żrigħ, il-qafas jippermetti l-moviment tagħha lejn l-Irlanda ta’ Fuq mill-bqija tar-Renju Unit, kif ukoll mill-UE. Dan jippermetti l-kontinwazzjoni tal-kummerċ bejn l-Iskozja, b’mod partikolari, u l-Irlanda ta’ Fuq li ġie żviluppat matul ħafna snin qabel il-Brexit. |
|
3.11. |
Id-dokumentazzjoni u l-kontrolli proposti li se jkunu assoċjati ma’ dan il-moviment tal-patata taż-żrigħ x’aktarx li ma jkunux problematiċi għan-negozji. L-għelejjel minn din il-patata taż-żrigħ tal-Irlanda ta’ Fuq jistgħu jinbiegħu lill-produtturi fi ħdan is-suq uniku u l-Gran Brittanja. Il-patata għall-konsum tista’ tiċċaqlaq lejn l-Irlanda ta’ Fuq mis-suq uniku għall-ipproċessar u l-bejgħ ulterjuri lejn il-bqija tar-Renju Unit. |
Brussell, is-27 ta’ April 2023.
Oliver RÖPKE
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/fs_23_1272
(2) COM(2023) 124 final.