18.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/17


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-5 ta' Lulju 2023

dwar proposta għal riforma tal-governanza ekonomika fl-Unjoni

(CON/2023/20)

(2023/C 290/03)

Introduzzjoni u bażi legali

Fit-12 ta’ Mejju u fis-27 ta’ Ġunju 2023 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talbiet mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Parlament Ewropew, rispettivament, għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (minn hawn ’il quddiem, ir-“regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST)”) (1). Fit-12 ta’ Mejju 2023 il-BĊE rċieva talbiet għal opinjoni mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fuq proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (minn hawn ’il quddiem, “l-emendi proposti għar-regolament dwar il-parti korrettiva tal-PST”) (2) u fuq proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (minn hawn ’il quddiem, “l-emendi proposti għad-direttiva dwar l-oqfsa baġitarji”) — (3) din tal-aħħar, flimkien mar-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST u l-emendi proposti għar-regolament dwar il-parti korrettiva tal-PST, minn hawn ’il quddiem imsejħa l-“proposti tal-Kummissjoni”.

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni dwar ir-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST u dwar l-emendi proposti għad-direttiva dwar l-oqfsa baġitarji hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, peress li l-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali huma rilevanti għall-għan primarju tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikoli 127(1) u 282(2) TFUE u l-Artikolu 2 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”).

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni dwar l-emendi proposti għar-regolament dwar il-parti korrettiva tal-PST hija bbażata fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 126(14) TFUE, li jipprevedi li l-Kunsill għandu, wara li jikkonsulta, fost l-oħrajn, mal-BĊE, jadotta d-dispożizzjonijiet xierqa dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, li hija rilevanti wkoll għall-objettiv primarju tas-SEBĊ imsemmi hawn fuq.

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet Ġenerali

Il-BĊE jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni dwar ir-riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni. Ir-riforma għandha l-għan li tissalvagwardja s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku, il-kontroċikliċità tal-politika fiskali, li tadotta approċċ fuq terminu medju għall-politiki baġitarji, kif ukoll li tikseb simplifikazzjoni u sjieda nazzjonali akbar tal-qafas. Jirrikonoxxi wkoll li r-riformi, l-investiment u s-sostenibbiltà fiskali jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku u għalhekk jenħtieġ li jitrawmu b’approċċ integrat. Fl-aħħar nett, ir-riforma għandha l-għan li tiżgura infurzar aktar effettiv. Biex jappoġġa l-kisba ta’ dawn l-objettivi, il-BĊE joffri xi osservazzjonijiet u suġġerimenti speċifiċi u tekniċi dwar il-proposti tal-Kummissjoni, bil-ħsieb li jkompli jsaħħaħ il-qafas il-ġdid u jiżgura li jkun aktar trasparenti u prevedibbli.

Qafas sod tal-Unjoni għall-koordinazzjoni u s-sorveljanza tal-politika ekonomika u fiskali huwa fl-interess profond u kbir tal-Unjoni Ewropea, tal-Istati Membri u, b’mod partikolari, taż-żona tal-euro (4) . Il-BĊE jenfasizza l-importanza ta’ pożizzjonijiet fiskali sostenibbli għall-istabbiltà tal-prezzijiet u t-tkabbir sostenibbli f’Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) li tiffunzjona tajjeb (5). Ir-riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-Unjoni tista’ toffri aġġustament realistiku, gradwali u sostnut tad-dejn pubbliku, flimkien mal-iffaċilitar tal-politiki strutturali nazzjonali meħtieġa.

Il-BĊE jħeġġeġ lil-leġiżlaturi tal-Unjoni biex jaslu għal ftehim dwar ir-riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni malajr kemm jista’ jkun, u mhux aktar tard minn tmiem l-2023. Peress li l-klawżola liberatorja ġenerali li tinsab fil-PST se tiġi diżattivata sa dak iż-żmien (6), tali ftehim ikun kritiku sabiex jiġu ankrati l-aspettattivi għas-sostenibbiltà tad-dejn u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv. In-nuqqas ta’ qbil malajr dwar u l-istabbiliment ta’ qafas fiskali kredibbli, trasparenti u prevedibbli jista’ joħloq inċertezza u jdewwem bla bżonn, l-aġġustament fiskali meħtieġ u l-impetu għar-riformi u l-investiment.

Il-BĊE jenfasizza r-raġunijiet li ġejjin għal qafas ta’ governanza ekonomika riformat. L-ewwel nett, iż-żieda fil-proporzjonijiet tad-dejn tal-gvern u l-eteroġeneità tad-dejn wara l-pandemija tal-coronavirus isaħħu l-ħtieġa għal koordinazzjoni effettiva tal-pożizzjonijiet fiskali permezz tal-PST. Aġġustament realistiku, gradwali u sostnut tad-dejn pubbliku li jqis il-prospettiva prevalenti għat-tkabbir u l-inflazzjoni huwa importanti biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fiskali u sabiex jinbena mill-ġdid l-ispazju fiskali qabel it-tnaqqis eventwali fir-ritmu ekonomiku. It-tieni, huwa essenzjali li l-politika fiskali ssir aktar kontroċiklika. Hija meħtieġa azzjoni determinata matul ir-reċessjonijiet biex jiġu evitati żviluppi ekonomiċi negattivi, iżda huwa kruċjali wkoll li jinbnew mill-ġdid ir-riżervi ladarba l-ekonomija terġa’ lura fit-triq it-tajba, biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn. Billi tikkontribwixxi b’mod effettiv għall-istabbilizzazzjoni makroekonomika fi żminijiet ta’ xokkijiet kbar, il-politika fiskali kontroċiklika tappoġġa l-politika monetarja fil-kisba tal-istabbiltà tal-prezzijiet fuq terminu medju. It-tielet, huwa essenzjali li l-qafas ta’ governanza ekonomika jistabbilixxi prekundizzjonijiet biex il-politiki ekonomiċi jsiru aktar favorevoli għat-tkabbir. Ir-riformi strutturali, l-investiment u s-sostenibbiltà fiskali għandhom jiġu integrati aħjar fis-sorveljanza fiskali u makroekonomika, inkluż taħt il-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku (MIP) (7). Barra minn hekk, l-indirizzar tal-isfidi tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, b’mod partikolari l-issodisfar tal-impenji klimatiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri skont id-dritt internazzjonali u tal-UE (8), se jirrikjedi investiment privat u pubbliku sinifikanti, iffaċilitat minn politiki strutturali komplementari. Stabbilizzazzjoni kredibbli tal-proporzjonijiet tad-dejn pubbliku tirrikjedi politiki ekonomiċi li jiffavorixxu t-tkabbir, inkluż l-investiment pubbliku, li jeħtieġ li jiġu inċentivati b’mod xieraq fil-qafas riformat tal-governanza ekonomika tal-Unjoni. Fil-fatt, jekk jiġi implimentat b’mod effettiv, in-NextGenerationEU, u b’mod partikolari l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, se jappoġġaw lill-Istati Membri fl-indirizzar ta’ dawn l-isfidi u juru l-potenzjal ta’ azzjoni fl-Unjoni kollha. Iżda se jkunu meħtieġa riżorsi u investiment akbar fil-livell tal-Unjoni, kif ukoll investiment sostnut u ffinanzjat nazzjonalment, li jirrikjedi jew sorsi addizzjonali ta’ dħul jew prijoritizzazzjoni mill-ġdid tan-nefqa, b’mod partikolari fi Stati Membri bi proporzjonijiet ta’ dejn elevati. Ir-raba’, fil-futur il-BĊE jilqa’ aktar progress dwar aspetti relatati maż-żona tal-euro tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni, bħal koordinazzjoni aktar effettiva tal-pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro u l-istabbiliment ta’ kapaċità fiskali ċentrali permanenti mfassla b’mod xieraq. B’mod aktar ġenerali, it-tlestija tal-arkitettura ekonomika u istituzzjonali tal-UEM tibqa’ essenzjali biex tissaħħaħ il-kapaċità ta’ assorbiment tax-xokkijiet taż-żona tal-euro u biex jitrawmu l-istabbiltà u t-tkabbir (9).

Osservazzjonijiet speċifiċi

1.   Is-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u l-aġġustament fiskali

1.1   Ir-rwol tal-analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn

1.1.1

Il-BĊE jifhem li skont ir-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST, l-Analiżi tas-Sostenibbiltà tad-Dejn (DSA) imħejjija mill-Kummissjoni se jkollha rwol importanti fit-tfassil tat-trajettorji tekniċi għan-nefqa netta tal-gvern imressqa mill-Kummissjoni biex tipprovdi gwida lill-Istati Membri (10). Id-DSA tal-Kummissjoni hija għodda siewja fl-identifikazzjoni tar-riskji fiskali li mhumiex koperti biżżejjed fil-livelli ta’ dejn irreġistrati, pereżempju, il-kostijiet futuri relatati mat-tixjiħ, l-obbligazzjonijiet kontinġenti, u l-kompożizzjoni tal-maturità tad-dejn. Sabiex jiġu żgurati r-replikabbiltà, il-prevedibbiltà u t-trasparenza tad-DSA u implimentazzjoni konsistenti tal-qafas madwar l-Istati Membri u ż-żmien, il-BĊE jenfasizza l-ħtieġa li tiġi speċifikata l-metodoloġija li tirfed id-DSA tal-Kummissjoni f’konsultazzjoni mal-Istati Membri u appoġġata minnhom. Barra minn hekk, il-BĊE jara wkoll mertu li jikkonsulta lill-Bord Fiskali Ewropew dwar din il-metodoloġija.

1.1.2

Il-BĊE jilqa’ l-fatt li t-trajettorja teknika tal-Kummissjoni tiffoka fuq perkors ta’ nefqa netta li, fil-prinċipju, ma jkunx jiddependi fuq stimi annwali f’ħin reali tal-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni mhux osservabbli. Dan għandu l-potenzjal li jtejjeb il-kontroċikliċità tal-politika fiskali, inkluża l-fluttwazzjoni tad-dħul li jirriżulta minn kundizzjonijiet ċikliċi. Sabiex tissaħħaħ aktar iċ-ċarezza tal-proposti tal-Kummissjoni, il-BĊE jirrakkomanda li d-definizzjoni ta’ “nefqa netta” tiġi speċifikata aktar (11) biex jiġu ċċarati l-aspetti li ġejjin. Id-definizzjoni għandha: (a) tispjega jekk il-perkors tan-nefqa netta jkunx definit f’termini nominali jew f’termini reali; (b) tiċċara u tivvaluta il-metodoloġija għall-kalkolu tal-miżuri diskrezzjonali tad-dħul li għandhom jitnaqqsu min-nefqa grossa u (c) tikkjarifika sa liema punt il-komputazzjoni tal-indikatur tkun tiddependi fuq entrati osservabbli, b’mod partikolari billi tiċċara il-metodoloġija għall-komputazzjoni tal-elementi ċikliċi tan-nefqa tal-benefiċċju tal-qgħad.

1.1.3

Ir-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST jirrikjedi li t-trajettorja teknika għan-nefqa netta tiżgura li l-proporzjon tad-dejn pubbliku jitqiegħed jew jibqa’ fit-triq ta’ tnaqqis b’mod plawżibbli jew jibqa’ f’livelli prudenti (12). Il-Kummissjoni hija meħtieġa tivvaluta u tippubblika l-analiżi tagħha tal-plawżibbiltà u d-data sottostanti (13). Il-BĊE jirrakkomanda li l-parametri u s-suppożizzjonijiet ewlenin sottostanti l-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-plawżibbiltà għandhom jiġu elaborati aktar fil-proposti tal-Kummissjoni (14). Barra minn hekk, il-BĊE jilqa’ u jappoġġja l-fatt li r-rapport tal-Kummissjoni lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, li fih it-trajettorji tekniċi, se jsir pubbliku qabel it-tħejjija mill-Istati Membri tal-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali tagħhom fuq terminu medju (minn hawn ’il quddiem, il-“pjanijiet nazzjonali”) (15). Barra minn hekk, il-BĊE jirrakkomanda li jiġi żviluppat qafas komuni fir-rigward tal-“argumenti ekonomiċi sodi u verifikabbli” li l-Istati Membri għandhom iressqu fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom kull meta jinkludu trajettorja ta’ nefqa netta ogħla minn dik imressqa mill-Kummissjoni (16).

1.2   Salvagwardji

Il-BĊE jfakkar li l-Artikolu 126(2)(b) TFUE jirreferi għal sitwazzjonijiet fejn il-proporzjon tad-dejn tal-gvern mal-Prodott Domestiku Gross (PDG) ikun “qed jonqos biżżejjed u joqrob lejn il-valur ta’ referenza b’pass sodisfaċenti” (17). Fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi evitat li d-dejn jistabbilizza f’livelli għoljin, il-BĊE jilqa’ l-fatt li l-proposti tal-Kummissjoni jinkludu xi salvagwardji li jappoġġaw id-dejn u t-tnaqqis tad-defiċit, b’mod partikolari billi jiġi żgurat li t-trajettorja fiskali tipprevedi proporzjon ta’ dejn pubbliku aktar baxx fi tmiem l-orizzont tal-ippjanar milli fil-bidu tat-trajettorja teknika, billi jiġi evitat l-posponiment tal-aġġustament fiskali għas-snin tal-aħħar tal-perijodu ta’ aġġustament, u billi jiġi propost aġġustament minimu għas-snin li fihom id-defiċit huwa mistenni li jaqbeż il-valur ta’ referenza ta’ 3 % (18). Il-BĊE jifhem li l-kwistjoni tas-salvagwardji hija soġġetta għal diskussjonijiet li għaddejjin u jqis li huwa meħtieġ bilanċ bejn il-kumplessità u s-sjieda minn naħa u l-effettività tat-tnaqqis tad-dejn min-naħa l-oħra biex jiġi żgurat li d-dejn jitqiegħed fuq perkors ta’ tnaqqis suffiċjenti li jkun iddifferenzjat b’mod xieraq.

2.   Pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju

2.1   Riformi u investimenti

L-investiment produttiv huwa prerekwiżit għat-tkabbir ekonomiku li jappoġġa s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi. Għalhekk, huwa kruċjali li l-aġġustament fiskali ma jkunx għad-detriment tal-investiment, speċjalment l-investiment li jappoġġa l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni. Għal dan l-għan, il-livell u l-kwalità tal-investiment pubbliku għandhom ukoll jiġu mmonitorjati b’mod effettiv. Barra minn hekk, il-BĊE jaqbel li hemm ħtieġa urġenti li jitrawmu riformi li jiffavorixxu t-tkabbir. Għal dik ir-raġuni, is-sjieda nazzjonali tal-pjanijiet nazzjonali tal-Istati Membri hija essenzjali. Il-BĊE jenfasizza li d-djalogu tekniku bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni skont ir-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST, (19) li huwa element importanti tas-sjieda nazzjonali, għandu jitwettaq b’mod bla xkiel, trasparenti u prevedibbli. Id-djalogu tekniku għandu jkun strutturat u dettaljat kif xieraq biex jgħin biex jiġi speċifikat b’mod ċar il-kontenut tal-pjanijiet nazzjonali. Għalhekk, il-BĊE jirrakkomanda li r-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST jinkludi livell ogħla ta’ dettall dwar ir-rekwiżiti għar-riformi u l-impenji ta’ investiment li għandhom jiġu inklużi fil-pjanijiet nazzjonali kollha (20).

2.2   Perijodu ta’ aġġustament

Ir-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST jipprevedi li l-pjanijiet nazzjonali tal-Istati Membri jridu jippreżentaw trajettorja netta tan-nefqa li tkopri perijodu ta’ mill-inqas erba’ snin (21). Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti, il-perijodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż sa tliet snin (22). Tali perijodu ta’ żmien huwa twil u jmur lil hinn minn ċiklu elettorali tipiku u għalhekk jista’ jxekkel il-konformità ma’ dawk l-impenji. Għalhekk, il-BĊE jappoġġa użu prudenti tal-estensjonijiet tal-pjanijiet nazzjonali u jenfasizza l-ħtieġa li l-impenji għal riformi u investimenti addizzjonali jimmaterjalizzaw bis-sħiħ. Barra minn hekk, il-BĊE għandu żewġ suġġerimenti fir-rigward tal-perijodu ta’ aġġustament u l-estensjoni tiegħu. L-ewwel, il-BĊE jilqa’ r-rekwiżit li kull wieħed mill-impenji ta’ riforma u investiment li jirfdu estensjoni tal-perijodu ta’ aġġustament irid ikun dettaljat biżżejjed, front-loaded, marbut biż-żmien u verifikabbli (23). Sabiex jiġi żgurat li l-metodoloġija tkun ċara u trasparenti biżżejjed, il-BĊE jissuġġerixxi li l-qafas ta’ valutazzjoni għall-valutazzjoni tal-impenji tal-Istati Membri (24) jiġi żviluppat aktar. B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġi żgurat li tali impenji jwasslu għat-tisħiħ tat-tkabbir potenzjali u, għalhekk, għas-sostenibbiltà tad-dejn. Barra minn hekk, il-BĊE jirrakkomanda li jiġu inklużi aktar salvagwardji biex tiġi żgurata żieda fl-investiment għal prijoritajiet ta’ politika kritiċi bħat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u li l-impenji ta’ riforma u investiment jiġu antiċipati biżżejjed, b’mod simili għas-salvagwardji diġà fis-seħħ għall-aġġustament fiskali (25). It-tieni, sal-2026 l-impenji ta’ riforma u investiment inklużi fil-pjanijiet approvati għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri jistgħu jitqiesu għal estensjoni tal-perijodu ta’ aġġustament (26) . Filwaqt li jilqa’ l-kunsiderazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, il-BĊE jirrakkomanda li l-qafas ta’ valutazzjoni jiżgura li sehem sostanzjali tar-riformi u l-investimenti mressqa mill-Istati Membri jkunu addizzjonali għall-impenji preeżistenti.

2.3   Pjanijiet nazzjonali riveduti

Ir-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST jistabbilixxi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jippreżentaw pjan nazzjonali rivedut jekk ikun hemm ċirkostanzi oġġettivi li jipprevjenu l-implimentazzjoni tal-pjan oriġinali, jew jekk is-sottomissjoni ta’ pjan nazzjonali ġdid tintalab minn gvern ġdid (27). Il-BĊE jirrakkomanda li r-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST jispeċifika ċ-ċirkostanzi oġġettivi li jitqiesu rilevanti u jiċċara kif il-Kummissjoni tqis l-aġġustament tal-passat tal-Istat Membru kkonċernat, jew in-nuqqas tiegħu, fit-tħejjija tat-trajettorja teknika l-ġdida tiegħu. Barra minn hekk, il-BĊE jirrakkomanda li r-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST jiżgura li l-pjan rivedut ma jippermettix li r-riformi u l-investimenti jiġu posposti.

3.   Interazzjoni mal-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku

3.1

Il-BĊE jilqa’ l-monitoraġġ olistiku tal-impenji ta’ riforma strutturali nazzjonali, flimkien ma’ investimenti u politiki fiskali, bħala parti mill-pjanijiet nazzjonali, għall-politiki strutturali nazzjonali kollha, speċifikament dawk li jistgħu jiffaċilitaw il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, kif immonitorjat taħt l-MIP (28).

3.2

Il-BĊE jilqa’ r-rekwiżit li l-pjanijiet nazzjonali jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-Unjoni, inklużi dawk relatati mal-iżbilanċi makroekonomiċi identifikati taħt l-MIP (29). Il-BĊE jirrakkomanda li l-pjanijiet nazzjonali jiffukaw fuq l-indirizzar tar-riskji ewlenin tal-iżbilanċi makroekonomiċi għas-sostenibbiltà fiskali, it-telf sostnut tal-kompetittività, u l-iżbilanċi esterni kbar.

3.3

Ir-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST jipprevedi li meta Stat Membru jonqos milli jimplimenta l-impenji ta’ riforma u investiment inklużi fil-pjan nazzjonali tiegħu biex jindirizza rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti għall-MIP, u l-Istat Membru kkonċernat ikun affettwat minn żbilanċi eċċessivi, tista’ tinfetaħ proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (EIP), f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (30) (31). F’dak il-każ, l-Istat Membru għandu jissottometti pjan nazzjonali rivedut, li jservi wkoll bħala l-pjan ta’ azzjoni korrettiva meħtieġ skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. Il-BĊE għandu żewġ kummenti f’dan ir-rigward. L-ewwel, minħabba n-natura li qed tevolvi tal-isfidi makroekonomiċi, il-BĊE jqis li jkun ta’ għajnuna jekk il-qafas jista’ jiffaċilita wkoll l-aġġustamenti għall-pjanijiet nazzjonali irrispettivament minn jekk tinfetaħx EIP jew le. Dan jiżgura li r-riformi u l-investimenti rilevanti jkunu jistgħu jiġu aġġustati biex jindirizzaw l-iżbilanċi makroekonomiċi u l-isfidi makroekonomiċi emerġenti ġodda kollha b’mod aktar estensiv fil-ħin u b’mod effettiv. It-tieni, il-BĊE jinnota li l-infurzar fir-rigward tal-iżbilanċi makroekonomiċi huwa ta’ tħassib ewlieni taħt il-qafas ta’ governanza ekonomika eżistenti. Il-BĊE jenfasizza li l-proċeduri għall-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi għandhom jiġu ddeterminati permezz ta’ mekkaniżmi ta’ skattar trasparenti u effettivi, inkluża komunikazzjoni dettaljata tad-deċiżjonijiet proċedurali (32). Sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jindirizzaw l-iżbilanċi makroekonomiċi fil-ħin u b’mod effettiv, u kif innotat mill-Kunsill (33), il-BĊE jenfasizza li l-MIP għandha tintuża sal-potenzjal sħiħ tagħha u b’mod trasparenti u konsistenti, filwaqt li tiġi żgurata s-sjieda tal-proċedura mill-Istati Membri, inkluża l-attivazzjoni tal-EIP fejn applikabbli.

4.   Konformità u infurzar

4.1   Konformità sodisfaċenti mill-Istati Membri mal-impenji li jirfdu estensjoni ta’ perijodu ta’ aġġustament

Ir-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST jipprevedi li meta Stat Membru jkun ingħata estensjoni tal-perijodu ta’ aġġustament applikabbli iżda jonqos milli jikkonforma b’mod sodisfaċenti mas-sett ta’ impenji ta’ riforma u investiment tiegħu li jirfdu l-estensjoni, il-Kunsill jista’, filwaqt li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jirrakkomanda perkors ta’ nefqa netta rivedut b’perijodu ta’ aġġustament iqsar (34). F’dak il-kuntest, il-BĊE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati monitoraġġ u infurzar f’waqthom, adegwati u trasparenti tal-konformità tal-Istati Membri mal-impenji ta’ riforma u investiment tagħhom biex tiġi żgurata l-istabbiltà fiskali u makroekonomika. Għalhekk, jista’ jkun preferibbli li, f’dan il-każ, ir-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST jobbliga lill-Kunsill jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, skont il-prinċipju ta’ “konformità jew spjegazzjoni” (35), li jirrakkomanda perkors ta’ nfiq nett rivedut b’perijodu ta’ aġġustament iqsar (36). F’dan ir-rigward, il-BĊE jinnota r-referenza mill-Kummissjoni għall-ħidma li jmiss biex tiġi żviluppata għodda ġdida ta’ infurzar (37). Il-BĊE jilqa’ aktar dettalji tal-għodda l-ġdida ta’ infurzar, li għadhom ma jiffurmawx parti mill-proposti tal-Kummissjoni.

4.2   Valutazzjoni tal-isfidi sostanzjali tas-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u fatturi rilevanti oħra fil-kuntest tar-rapport tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 126(3) tat-TFUE

Il-BĊE jilqa’ l-fatt li l-livell tal-isfidi tas-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku tal-Istat Membru kkonċernat huwa inkluż bħala fattur rilevanti ewlieni għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ defiċit eċċessiv (PDE) (38). Minħabba l-importanza tal-valutazzjoni tal-fatturi rilevanti għall-implimentazzjoni tal-PDE, il-BĊE jitlob li approċċ metodoloġiku definit sew u trasparenti għall-valutazzjoni ta’ dawn il-fatturi jiġi inkluż fl-emendi proposti għar-regolament dwar il-parti korrettiva tal-PST.

4.3   It-tfassil tal-perkors korrettiv tan-nefqa netta

Il-BĊE jenfasizza l-ħtieġa għal korrezzjoni gradwali iżda rapida tad-dejn u d-defiċits eċċessivi. F’dan il-kuntest hija tirrikonoxxi li salvagwardji maħsuba biex jillimitaw ir-riskju ta’ posponiment tal-aġġustament fiskali fir-rigward ta’ kif il-perkors korrettiv tan-nefqa netta għandom jindirizzaw l-proporzjon tad-dejn (39). Il-BĊE jilqa’ r-rekwiżit numeriku fir-rigward tad-defiċits, filwaqt li jafferma li għas-snin meta d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika huwa mistenni li jaqbeż il-valur ta’ referenza, il-perkors ta’ nfiq nett korrettiv irid ikun konsistenti ma’ aġġustament minimu. Madankollu, għandu jiġi ċċarat kif jitkejjel dan l-aġġustament. Il-BĊE jinnota madankollu li l-emendi proposti għar-regolament dwar il-parti korrettiva tal-PST (40) ineħħu r-rekwiżit attwali li r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE trid tistabbilixxi skadenza speċifika għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, “li għandha titlesta fis-sena ta’ wara l-identifikazzjoni tiegħu sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi speċjali” (41).

4.4   Il-kont ta’ kontroll

Il-BĊE jilqa’ r-rekwiżit li l-Kummissjoni tistabbilixxi kont ta’ kontroll biex iżżomm rekord tad-devjazzjonijiet kumulattivi, kemm ’l fuq kif ukoll ’l isfel, tan-nefqa netta reali mill-perkors tan-nefqa netta (42). Dan huwa element kruċjali biex tiġi żgurata l-konformità u tiġi appoġġata l-kontroċikliċità tar-regola permezz tal-possibbiltà li jinbnew riżervi fiskali fi żminijiet ekonomiċi tajbin li jistgħu jintużaw fi żminijiet ekonomiċi ħżiena. L-informazzjoni fil-kont ta’ kontroll titqies fil-kuntest tar-rapport tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 126(3) tat-TFUE (43), u għalhekk hija fattur importanti rilevanti għall-ftuħ ta’ PDE. Għal dik ir-raġuni, il-BĊE jirrakkomanda li l-parametri tal-funzjonament u dawk ewlenin tal-kont ta’ kontroll għandhom jiġu speċifikati aktar. Barra minn hekk, il-BĊE jirrakkomanda li l-komputazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u l-istatus ta’ kull Stat Membru taħt il-kont ta’ kontroll għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-Kummissjoni, preferibbilment flimkien mal-previżjonijiet tar-rebbiegħa u tal-ħarifa tal-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, il-BĊE jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ limitu għad-devjazzjonijiet tal-infiq nett reali mill-perkors tan-nefqa netta, li jiskatta rekwiżit għall-Kummissjoni biex tħejji rapport skont l-Artikolu 126(3) tat-TFUE (44).

5.   Ir-rwol tal-istituzzjonijiet fiskali indipendenti u tal-Bord Fiskali Ewropew

5.1

It-tisħiħ tar-rwol tal-korpi indipendenti fil-proċess ta’ sorveljanza fiskali jista’ jgħin biex jitnaqqsu t-tendenzi proċikliċi inerenti fit-tfassil tal-politika fiskali filwaqt li tiġi appoġġata wkoll is-sjieda nazzjonali, li hija essenzjali għall-implimentazzjoni sostnuta tal-qafas (45). Il-BĊE għalhekk jappoġġa d-dispożizzjonijiet tal-proposti li għandhom l-għan li jsaħħu r-rwol tal-istituzzjonijiet fiskali indipendenti (IFIs) (46) billi jinkludu rekwiżiti relatati mal-governanza u l-indipendenza tagħhom u jassenjawhom kompiti (47) li jmorru lil hinn mill-kompiti eżistenti tagħhom skont ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (48). B’mod partikolari, il-BĊE jilqa’ l-ankraġġ tal-prinċipju ta’ “konformità jew spjegazzjoni” fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Il-BĊE jappoġġa t-tisħiħ tar-rwol tal-IFIs, sakemm il-kapaċità ġenerali tagħhom tittejjeb ukoll b’mod proporzjonat mal-kompiti addizzjonali tagħhom, u li jiġu żgurati r-riżorsi adegwati u stabbli tagħhom stess biex iwettqu l-mandat tagħhom b’mod effettiv (49).

5.2

Il-BĊE jirrakkomanda li, soġġett għat-tisħiħ tal-kapaċità msemmi hawn fuq u mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-Kummissjoni skont it-Trattati, ir-rwol tal-IFIs skont ir-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST jista’ jissaħħaħ aktar billi jingħataw rwol fit-tħejjija tal-pjanijiet nazzjonali tal-Istati Membri u fil-valutazzjoni ta’ miri mhux kwantifikabbli (pereżempju, dwar l-impatt tar-riformi). L-IFIs jistgħu jipprovdu valutazzjoni tas-suppożizzjonijiet sottostanti, il-konsistenza tal-pjan nazzjonali mat-trajettorja teknika tal-Kummissjoni u, fejn rilevanti, il-plawżibbiltà tal-impenji ta’ riforma u investiment. Bl-istess mod, il-BĊE jirrakkomanda li l-involviment tal-IFIs skont l-emendi proposti għar-regolament dwar il-parti korrettiva tal-PST jista’ jissaħħaħ aktar billi l-IFI jintalab iħejji wkoll opinjoni dwar l-analiżi mill-Kummissjoni tal-fatturi rilevanti għall-finijiet tar-rapport skont l-Artikolu 126(3) tat-TFUE.

5.3

Fl-aħħar nett, il-BĊE jirrikonoxxi l-ħidma tal-Bord Fiskali Ewropew (50) u jappoġġa bis-sħiħ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tesplora miżuri biex issaħħaħha. Għal dak l-għan, mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Kummissjoni, il-BĊE jappoġġa rwol sinifikanti tal-Bord Fiskali Ewropew fil-qafas tal-governanza ekonomika tal-Unjoni (51). B’mod partikolari, il-BĊE jilqa’ l-possibbiltà li l-Bord Fiskali Ewropew jipprovdi opinjoni biex jinforma r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-attivazzjoni jew l-estensjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali f’konformità mar-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST (52). Kif innotat hawn fuq fil-paragrafu 1.1.1 hawn fuq, il-BĊE jara wkoll mertu meta jikkonsulta lill-Bord Fiskali Ewropew dwar il-metodoloġija sottostanti għad-DSA. Barra minn hekk, ir-rwol tal-Bord Fiskali Ewropew fil-valutazzjoni tal-pożizzjoni fiskali xierqa taż-żona tal-euro għandu jissaħħaħ ukoll.

6.   Setgħat delegati tal-Kummissjoni biex temenda l-annessi

6.1

Ir-Regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati għall-fini tal-emendar tal-Annessi II sa VII, biex tadattahom sabiex tqis kif xieraq l-iżviluppi jew il-ħtiġijiet ulterjuri (53).

6.2

Peress li l-Annessi jiffurmaw parti integrali mir-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST, il-BĊE jirrakkomanda li l-Annessi diġà jinkludu aktar dettalji u speċifikazzjonijiet ex ante. B’mod partikolari, kif innotat hawn fuq, jista’ jiġi pprovdut aktar dettall dwar l-informazzjoni fil-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju (l-Anness II), il-kont ta’ kontroll (l-Anness IV), il-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-plawżibbiltà (l-Anness V), u l-qafas ta’ valutazzjoni għas-sett ta’ impenji ta’ riforma u investiment li jirfdu estensjoni tal-perijodu ta’ aġġustament (l-Anness VII).

6.3

Barra minn hekk, il-BĊE jixtieq jenfasizza l-importanza li jiġi kkonsultat dwar l-atti legali delegati u ta’ implimentazzjoni kollha li jaqgħu fil-qasam ta’ kompetenza tiegħu, u b’mod f’waqtu, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(4) u l-Artikolu 282(5) TFUE (54).

7.   Relazzjoni mat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza

Il-BĊE jilqa’ l-objettiv tal-proposti tal-Kummissjoni li s-sustanza tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza (TSKG) tiġi integrata fil-qafas legali tal-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 16 tiegħu (55). Is-sustanza tat-TSKG ġiet interpretata mill-Kummissjoni li tikkorrispondi mal-Patt Fiskali (Titolu III tat-TSKG). Barra minn hekk, il-BĊE jinnota li l-Artikolu 2 tat-TSKG jiżgura li l-adozzjoni tal-proposti tal-Kummissjoni ma teħtieġx l-emenda jew it-tħassir tat-TSKG. L-Artikolu 2(1) tat-TSKG jirrikjedi li t-TSKG irid jiġi applikat u interpretat mill-partijiet kontraenti f’konformità mat-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mad-dritt tal-Unjoni, inkluż il-liġi proċedurali kull meta tkun meħtieġa l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni sekondarja. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(2) tat-TSKG jiddikjara li t-TSKG japplika sa fejn ikun kompatibbli mat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea u mad-dritt tal-Unjoni, u li ma għandux jidħol fil-kompetenza tal-Unjoni li taġixxi fil-qasam tal-unjoni ekonomika. Għalhekk, il-BĊE jifhem li meta l-proposti tal-Kummissjoni jiġu adottati u jidħlu fis-seħħ, it-TSKG se japplika u jiġi interpretat f’konformità mal-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika.

8.   It-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa

Minħabba l-importanza ta’ qafas sod tal-Unjoni għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u fiskali fil-kuntest tal-unjoni monetarja, il-BĊE jenfasizza li huwa meħtieġ aktar progress dwar aspetti speċifiċi għaż-żona tal-euro. L-iżvilupp ta’ qafas għall-monitoraġġ u t-tmexxija tal-pożizzjoni fiskali aggregata taż-żona tal-euro huwa importanti biex jipprovdi kontroparti għall-politika monetarja, peress li jista’ jgħin biex jiġi żgurat li l-politika monetarja u fiskali jikkomplementaw aħjar lil xulxin. Barra minn hekk, tibqa’ l-ħtieġa għal kapaċità fiskali ċentrali permanenti. Għodda bħal din, jekk imfassla b’mod xieraq, jista’ jkollha rwol fit-tisħiħ tal-istabbilizzazzjoni makroekonomika u l-konverġenza fiż-żona tal-euro fuq medda itwal ta’ żmien, inkluż permezz tal-investiment, u b’hekk tappoġġa wkoll il-politika monetarja unika. Għal dak l-għan, kapaċità fiskali ċentrali permanenti tkun teħtieġ li tkun biżżejjed fid-daqs u jkollha finanzjament permanenti (56) .

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-5 ta’ Lulju 2023.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  COM(2023) 240 final.

(2)  COM(2023) 241 final.

(3)  COM(2023) 242 final.

(4)  Ara l-paragrafu 1.1 tal-Opinjoni CON/2018/25 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-11 ta’ Mejju 2018 dwar proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi dispożizzjonijiet għat-tisħiħ tar-responsabbiltà fiskali u l-orjentazzjoni baġitarja fuq terminu medju fl-Istati Membri (ĠU C 261, 25.7.2018, p. 1). L-opinjonijiet kollha tal-BĊE huma disponibbli fuq EUR-Lex.

(5)  Ara t-tweġiba tal-Eurosistema għall-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea “L-ekonomija tal-UE wara l-COVID-19: implikazzjonijiet għall-governanza ekonomika”, tal-1 ta’ Diċembru 2021, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu

(6)  Ara l-Kummissjoni Ewropea, “Gwida għall-politika fiskali għall-2024: Il-promozzjoni tas-sostenibbiltà tad-dejn u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv”, 8 ta’ Marzu 2023.

(7)  Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

(8)  Il-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, (ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4). Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (minn hawn ’il quddiem il-‘Liġi Ewropea dwar il-Klima’) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

(9)  Ara “Completing Europe’s Economic and Monetary Union” (“It-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa”), Rapport minn Jean-Claude Juncker, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ Donald Tusk, Jeroen Dijsselbloem, Mario Draghi u Martin Schulz, 22 ta’ Ġunju 2015, p. 4, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni fuq www.ec.europa.eu. Ara wkoll l-Osservazzjonijiet Ġenerali tal-Opinjoni CON/2018/51, tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta’ Novembru 2018 dwar proposta għal regolament dwar l-istabbiliment ta’ Funzjoni Ewropea ta’ Stabbilizzazzjoni tal-Investiment (ĠU C 444, 10.12.2018, p. 11); paragrafu 1.3 tal-Opinjoni CON/2019/37 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-30 ta’ Ottubru 2019 dwar proposta għal regolament dwar qafas ta’ governanza għall-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività għaż-żona tal-euro (ĠU C 408, 4.12.2019, p. 3).

(10)  Ara l-Artikoli 5 u 6 u l-Anness I tar-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST. Ara wkoll il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tar-Reġjuni, “Komunikazzjoni dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE”, COM(2022) 583 final, 9 ta’ Novembru 2022.

(11)  Pereżempju, fl-Artikolu 2, il-punt (2), u/jew fl-Anness II, il-punt (a), tar-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST.

(12)  Ara l-Artikolu 6, il-punt (a), tar-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST.

(13)  Ara l-Artikolu 8 u l-Anness V tar-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST.

(14)  B’mod partikolari, dan jista’ jiġi inkluż fl-Anness V tar-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST.

(15)  Ara l-Artikolu 5 tar-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST.

(16)  Ara l-Artikolu 11(2) tar-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST.

(17)  Ara wkoll l-Artikolu 1, il-punt (1), tal-emendi proposti għar-regolament dwar il-parti korrettiva tal-PST, li jemenda l-Artikolu 2(1a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

(18)  Ara l-Artikolu 6, il-punti (c) u (d), l-Artikolu 15(2) u l-Anness I, il-punt (c), tar-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST. Ara l-Artikolu 1, il-punt (2), tal-emendi proposti għar-regolament dwar il-parti korrettiva tal-PST, li jemenda l-Artikoli 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, ara l-Artikolu 1, il-punt (4), tal-emendi proposti għar-regolament dwar il-parti korrettiva tal-PST, li jemenda l-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97.

(19)  Ara l-Artikolu 10 tar-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST.

(20)  Ara l-Artikoli 11, 12 u 14 u l-Anness II tar-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST.

(21)  Ara l-Artikolu 5 u l-Artikolu 11(1) tar-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST.

(22)  Ara l-Artikolu 13(1) tar-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST.

(23)  Ara l-Artikolu 13(3) tar-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST.

(24)  Ara l-Artikolu 13(5) u l-Anness VII tar-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST.

(25)  Ara l-Artikolu 6, il-punti (c) u (d), u l-Artikolu 15(2) tar-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST.

(26)  Ara l-Artikolu 13(4) tar-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST.

(27)  Ara l-Artikolu 14(1) tar-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST.

(28)  Ara l-Artikolu 11(1), l-Artikolu 12 il-punt (b), l-Artikolu 13(2) u l-Artikoli 16 u 30 tar-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST.

(29)  Ara l-Artikolu 11(1) u l-Artikolu 12, il-punt (b), tar-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST.

(30)  Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

(31)  Ara l-Artikolu 30 tar-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST.

(32)  Ara l-paragrafu 18 tal-Opinjoni CON/2011/13 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ Frar 2011 dwar ir-riforma tal-governanza ekonomika fl-Unjoni Ewropea (ĠU C 150, 20.5.2011, p. 1).

(33)  Ara l-istqarrija għall-istampa tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022, “Proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku: Il-Kunsill jadotta konklużjonijiet”, disponibbli fuq is-sit web tal-Kunsill fuq www.consilium.europa.eu

(34)  Ara l-Artikolu 19 tar-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST.

(35)  Ara l-Artikolu 27 tar-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST.

(36)  Ara l-Artikolu 19 tar-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST. L-abbozzar jista’ jiġi emendat biex jiddikjara: “[...] il-Kunsill għandu, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jirrakkomanda perkors ta’ nfiq nett rivedut b’perijodu ta’ aġġustament iqsar”.

(37)  Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Komunikazzjoni dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE”, COM(2022) 583 final, 9 ta’ Novembru 2022.

(38)  L-Artikolu 1, il-punt (1), tal-emendi proposti għar-regolament dwar il-parti korrettiva tal-PST, li jemenda l-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97.

(39)  Ara l-Artikolu 1, il-punt (2), tal-emendi proposti għar-regolament dwar il-parti korrettiva tal-PST, li jemenda l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, u l-Artikolu 1, il-punt (4), tal-emendi proposti għar-regolament dwar il-parti korrettiva tal-PST, li jemenda l-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97.

(40)  Ara l-Artikolu 1, il-punt (2), tal-emendi proposti għar-regolament dwar il-parti korrettiva tal-PST, li jemenda l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97.

(41)  Ara l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97.

(42)  Ara l-Artikolu 21, it-tieni paragrafu, u l-Anness IV tar-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST.

(43)  Ara l-Artikolu 1, il-punt (1), tal-emendi proposti għar-regolament dwar il-parti korrettiva tal-PST, li jemenda l-Artikolu 2(3), il-punt (b), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97.

(44)  Pereżempju, skont l-Artikolu 1, il-punt (1), tal-emendi proposti għar-regolament dwar il-parti korrettiva tal-PST, li jemenda l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97.

(45)  Ara t-tweġiba tal-Eurosistema għall-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea “L-ekonomija tal-UE wara l-COVID-19: implikazzjonijiet għall-governanza ekonomika” tad-19 ta’ Ottubru 2021, l-1 ta’ Diċembru 2021.

(46)  Ara l-paragrafu 2.4.1 tal-Opinjoni CON/2018/25.

(47)  Ara l-Artikolu 1, il-punt (8), tal-emendi proposti għad-direttiva dwar l-oqfsa baġitarji, li jemenda l-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41). Ara l-Artikolu 22 tar-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST. Ara l-Artikolu 1, il-punt (1), tal-emendi proposti għar-regolament dwar il-parti korrettiva tal-PST, li jemenda l-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, u l-Artikolu 1, il-punt (3), tal-emendi proposti għar-regolament dwar il-parti korrettiva tal-PST, li jemenda l-Artikolu 3(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97.

(48)  Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11)

(49)  Ara l-Artikolu 1, il-punt (8), tal-emendi proposti għad-direttiva dwar l-oqfsa baġitarji, li temenda l-Artikolu 8(3), il-punt (c), tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE.

(50)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1937 tal-21 ta’ Ottubru 2015 li tistabbilixxi Bord Fiskali Ewropew konsultattiv indipendenti (ĠU L 282, 28.10.2015, p. 37).

(51)  Ara l-paragrafu 22 tal-Opinjoni CON/2011/13.

(52)  Ara l-Artikolu 24 tar-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST.

(53)  Ara l-Artikolu 32 tar-regolament il-ġdid propost dwar il-parti preventiva tal-PST.

(54)  Ara l-Opinjoni CON/2011/42 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta’ Mejju 2011 dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2003/71/KE u 2009/138/KE fir-rigward tas-setgħat tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq; ara l-paragrafu 8 tal-Opinjoni CON/2011/44 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Mejju 2011 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sistema Ewropea ta’ kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea; ara l-paragrafu 4 tal-Opinjoni CON/2012/5 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-25 ta’ Jannar 2012 dwar proposta għal Direttiva dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investiment u proposta għal Regolament dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment; ara l-paragrafu 1.9 tal-Opinjoni CON/2018/1 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-2 ta’ Jannar 2018 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika tan-negozju Ewropea li temenda r-Regolament (KE) Nru 184/2005 u li tħassar 10 legali atti fil-qasam tal-istatistika tan-negozju.

(55)  Ara l-paragrafu 1.2 tal-Opinjoni CON/2018/25. L-Artikolu 16 tat-TSKG jipprevedi li sa mhux aktar tard minn ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tat-TSKG, jiġifieri sal-1 ta’ Jannar 2018, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa bl-għan li s-sustanza tat-TSKG tiġi inkorporata fil-qafas legali tal-Unjoni.

(56)  Ara t-tweġiba tal-Eurosistema għall-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea “L-ekonomija tal-UE wara l-COVID-19: implikazzjonijiet għall-governanza ekonomika” tad-19 ta’ Ottubru 2021, l-1 ta’ Diċembru 2021. Ara wkoll l-Osservazzjonijiet Ġenerali tal-Opinjoni CON/2018/51, u l-paragrafu 1.3 tal-Opinjoni CON/2019/37.