31.8.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 307/19 |
OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tas-5 ta' Lulju 2023
dwar emendi għall-qafas tal-Unjoni għall-ġestjoni tal-kriżijiet u tal-assigurazzjoni tad-depożiti
(CON/2023/19)
(2023/C 307/04)
Introduzzjoni u bażi legali
Fit-18 ta’ April 2023 il-Kummissjoni Ewropea adottat proposti għal (1) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 fir-rigward ta’ miżuri ta’ intervent bikri, kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni u l-finanzjament ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni (1) (minn hawn ’il quddiem l-“emendi proposti għar-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni” jew l -“emendi proposti għall-SRMR”); (2) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/59/EU fir-rigward tal-miżuri ta’ intervent bikri, il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni u l-finanzjament ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni (2) (minn hawn ’il quddiem l-“emendi proposti għad-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek” jew l-“emendi proposti għall-BRRD”); (3) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/49/UE fir-rigward tal-ambitu tal-protezzjoni tad-depożiti, tal-użu tal-fondi ta’ skemi ta’ garanzija tad-depożiti, tal-kooperazzjoni transfruntiera, u tat-trasparenza (3) (minn hawn ’il quddiem l -“emendi proposti għad-Direttiva dwar l-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti” jew l-“emendi proposti għad-DGSD”); u (4) proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/59/UE u r-Regolament (UE) Nru 806/2014 fir-rigward ta’ ċerti aspetti tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (4) (minn hawn ’il quddiem l-“emendi proposti rigward id-daisy chains”). L-emendi proposti għall-SRMR, l-emendi proposti għall-BRRD, l-emendi proposti għad-DGSD u l-emendi proposti rigward id-daisy chains, minn hawn ’il quddiem kollettivament imsejħa, “il-pakkett leġiżlattiv propost”.
Il-Kummissjoni pproponiet li l-BĊE jiġi kkonsultat dwar l-emendi proposti għall-SRMR, l-emendi proposti għall-BRRD u l-emendi proposti għad-DGSD. Fit-23 ta’ Ġunju u t-3 ta’ Lulju 2023, il-BĊE rċieva talbiet mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew, rispettivament, għal opinjoni dwar l-emendi proposti dwar id-daisy chains.
Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, peress illi l-pakkett leġiżlattiv propost fih dispożizzjonijiet li jaffettwaw: (1) il-kompitu tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) li tikkontribwixxi għat-tmexxija bla xkiel tal-politiki segwiti mill-awtoritajiet kompetenti relatati mas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja skont l-Artikolu 127(5) tat-Trattat; u (2) il-kompiti kkonferiti lill-BĊE fir-rigward tas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu skont l-Artikolu 127(6) tat-Trattat. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.
Osservazzjonijiet Ġenerali
1. Aġġornament meħtieġ tal-qafas tal-Unjoni tal-ġestjoni tal-kriżijiet u tal-assigurazzjoni tad-depożiti
1.1. |
Il-BĊE jilqa’ b’sodisfazzjon kbir il-pakkett leġislattiv propost mill-Kummissjoni Ewropea, li jfittex li jagħmel titjib fl-istadji differenti kollha tal-qafas tal-Unjoni għall-ġestjoni tal-kriżijiet u tal-assigurazzjoni tad-depożiti (CMDI) (5). Qafas CMDI tal-Unjoni li jiffunzjona tajjeb huwa essenzjali biex jiġu indirizzati l-fallimenti possibbli jew attwali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu ta’ kull daqs fl-Istati Membri u bejniethom. Il-qafas attwali tas-CMDI, introdott b’reazzjoni għall-kriżi finanzjarja globali tal-2008, ilu fis-seħħ għal xi snin u l-esperjenza wriet li r-riformi implimentati matul l-aħħar għaxar snin saħħew b’mod sinifikanti l-effettività tal-qafas. Dan ir-rieżami huwa opportunità importanti biex ikompli jissaħħaħ il-qafas tas-CMDI fid-dawl tat-tagħlimiet meħuda fl-ewwel snin tal-applikazzjoni tiegħu. |
1.2. |
Il-pakkett leġiżlattiv propost għandu l-għan li jżid ir-reżiljenza tas-swieq finanzjarji Ewropej f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Dan ikompli jarmonizza r-regoli applikabbli għall-ġestjoni tal-kriżijiet madwar l-Unjoni, u b’hekk inaqqas il-kumplessità tal-ġestjoni tal-kriżijiet transfruntieri. Iwessa’ wkoll il-kamp ta’ applikazzjoni, u għandu l-għan li jtejjeb l-effettività, tas-sett ta’ għodod għall-ġestjoni tal-kriżijiet disponibbli biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta’ kriżi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ fallimenti ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu iżgħar u ta’ daqs medju. |
1.3. |
Il-BĊE jilqa’ t-titjib fir-reġim ta’ intervent bikri, kif ukoll id-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji u ta’ riżoluzzjoni, li għandhom l-għan li jkomplu jsaħħu l-proċess ta’ ġestjoni tal-kriżijiet. Fi ħdan dan ir-reġim se jkun importanti li tinżamm distribuzzjoni ċara tar-responsabbiltajiet bejn l-awtoritajiet superviżorji u ta’ riżoluzzjoni. |
1.4. |
Il-BĊE jilqa’ wkoll l-espansjoni proposta tar-riżoluzzjoni (6), peress li din se ttejjeb il-ġestjoni effettiva tal-fallimenti ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu iżgħar u ta’ daqs medju madwar l-Istati Membri b’mod armonizzat (7). Fl-istess ħin, huwa imperattiv li dan l-ambitu usa’ għar-riżoluzzjoni jkun akkumpanjat minn finanzjament ta’ riżoluzzjoni adegwat għal dawn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu iżgħar u ta’ daqs medju. Mingħajr aċċess imtejjeb għall-finanzjament, l-espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-riżoluzzjoni tirriskja li tkun impossibbli li tiġi implimentata fil-prattika. Il-BĊE għalhekk jappoġġja bis-sħiħ li, filwaqt li jibni fuq il-prinċipju li t-telf fil-falliment tal-istituzzjoni ta’ kreditu għandu jiġġarrab l-ewwel u qabel kollox mill-azzjonisti u l-kredituri, il-pakkett leġiżlattiv propost jipprevedi wkoll rwol aktar b’saħħtu għall-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti (SGD) fir-riżoluzzjoni, soġġett għal ċerti salvagwardji. Huwa importanti li tali rwol jiġi ffaċilitat permezz ta’ test armonizzat tal-inqas kost u preferenza ta’ depożitant f’livell uniku. |
1.5. |
Il-pakkett leġiżlattiv propost se jagħmel l-aċċess għall-arranġamenti ta’ finanzjament tar-riżoluzzjoni aktar fattibbli f’ċerti xenarji. Madankollu, fi kriżijiet sistemiċi fejn diversi istituzzjonijiet ta’ kreditu simultanjament jiffaċċjaw kwistjonijiet, jew fejn ir-rikapitalizzazzjoni interna ta’ ċerta kategorija ta’ kredituri thedded li timmina serjament l-istabbiltà finanzjarja, ikun ta’ benefiċċju li jitħalla aċċess straordinarju għal arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni sabiex jiġi ssalvagwardjat l-interess pubbliku u jiġu evitati konsegwenzi sistemiċi. Biex jittratta sitwazzjonijiet eċċezzjonali bħal dawn, il-BĊE jappoġġa l-introduzzjoni ta’ eżenzjoni għall-istabbiltà finanzjarja li tipprovdi għall-possibbiltà ta’ aċċess għal arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni qabel assorbiment ta’ telf ta’ 8 % ta’ obbligazzjonijiet totali u fondi proprji (TLOF) f’ċirkostanzi eċċezzjonali, soġġett, madankollu, għal salvagwardji b’saħħithom. |
1.6. |
Irrispettivament mill-espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-riżoluzzjoni, xi istituzzjonijiet ta’ kreditu se jkomplu jiġu stralċati skont il-proċedimenti nazzjonali ta’ likwidazzjoni jew insolvenza. F’każijiet bħal dawn huwa importanti li jiġi żgurat proċess bla xkiel u f’waqtu biex tiġi evitata kwalunkwe sitwazzjoni ta’ “limbu” (8) wara valutazzjoni negattiva tal-interess pubbliku. |
1.7. |
Il-pakkett leġiżlattiv propost ifittex ukoll li jarmonizza u jsaħħaħ, eż. permezz tal-preferenza tad-depożitanti f’livell uniku, il-kapaċità tal-SGD li jintervjenu permezz ta’ miżuri preventivi u alternattivi. Il-BĊE, madankollu, jappoġġa aktar armonizzazzjoni ta’ dawn il-miżuri. Barra minn hekk, il-BĊE kien japprezza rekwiżit espliċitu għas-segregazzjoni tal-fondi tal-iskema ta’ protezzjoni istituzzjonali (IPS) u l-fondi tal-SGD fl-artikoli tad-DGSD. Dan jiżgura b’mod partikolari li l-funzjonijiet speċifiċi ta’ IPS jistgħu mbagħad ikomplu jitwettqu bl-għajnuna ta’ dawk il-fondi IPS iddedikati. |
1.8. |
Il-BĊE jara l-ħtieġa għal titjib fir-regoli attwali li jirregolaw it-trasferiment tal-kontribuzzjonijiet tal-SGD f’każijiet fejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jibdlu l-affiljazzjoni tagħhom għal SGD differenti fl-Unjoni, peress li inkella dawn ir-regoli jistgħu jimpedixxu suq uniku aktar integrat għas-servizzi bankarji fl-Unjoni. F’dan ir-rigward il-BĊE jappoġġja l-għoti ta’ mandat lill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) bl-iżvilupp ta’ metodoloġija għall-kalkolu tal-ammont ta’ kontribuzzjonijiet li għandhom jiġu ttrasferiti biex jiġi żgurat allinjament mar-riskji ttrasferiti. |
1.9. |
Il-BĊE jappoġġja bis-sħiħ finalizzazzjoni rapida tal-proċess leġiżlattiv, f’konformità mal-objettiv li jiġu ffinalizzati d-diskussjonijiet matul il-leġiżlatura attwali (9). Il-pakkett leġiżlattiv propost isib il-bilanċ it-tajjeb bejn l-objettivi ewlenin biex jiġu protetti l-kontribwenti u d-depożitanti u tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja. Dan jifforma pakkett koerenti, li jrid jiġi diskuss b’mod olistiku, peress li l-elementi ewlenin tiegħu se jiffunzjonaw biss kif maħsub jekk jiġu stabbiliti fl-istess ħin. |
2. It-tlestija tal-Unjoni Bankarja
2.1. |
Lil hinn mill-pakkett leġiżlattiv propost, li jirrappreżenta pass kritiku lejn it-tisħiħ tal-Unjoni Bankarja, se jkunu essenzjali aktar inizjattivi biex titlesta l-Unjoni Bankarja fis-snin li ġejjin. |
2.2. |
L-ewwel nett, skema Ewropea ta’ assigurazzjoni tad-depożiti (EDIS) hija t-tielet pilastru meħtieġ biex titlesta l-Unjoni Bankarja (10) u tkompli ssaħħaħ ir-reżiljenza tas-settur bankarju tal-Unjoni. L-istabbiliment ta’ EDIS b’kondiviżjoni sħiħa tar-riskju, inkluża kopertura sħiħa kemm tal-ħtiġijiet ta’ likwidità kif ukoll tat-telf, jibqgħu prijorità ewlenija (11). Skema komuni tiżgura li l-livell ta’ fiduċja fis-sikurezza tad-depożiti bankarji jkun ugwalment għoli fl-Istati Membri kollha (12), u b’hekk jitnaqqas ir-riskju ta’ assalti bankarji u tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja. Iż-żamma tal-protezzjoni tad-depożitanti fil-livell nazzjonali żżomm ir-rabta bejn istituzzjoni ta’ kreditu u s-sovran tagħha. Dan jimpedixxi l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwi, idgħajjef l-istabbiltà finanzjarja u jimplika li wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Unjoni Bankarja ma ntlaħaqx. L-istabbiliment ta’ EDIS jista’ jiftaħ ukoll aktar titjib fil-qafas tal-ġestjoni tal-kriżijiet u l-integrazzjoni transfruntiera fl-Unjoni Bankarja. Il-BĊE jilqa’ l-appell tal-Kummissjoni għal sforz imġedded biex jintlaħaq ftehim politiku dwar l-EDIS (13) u jistieden lil-leġiżlaturi tal-Unjoni jagħmlu progress f’dan ir-rigward. |
2.3. |
It-tieni, l-operazzjonalizzazzjoni sħiħa tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà fil-funzjoni ta’ garanzija ta’ kontinġenza tiegħu għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) jeħtieġ li tiġi żgurata bħala kwistjoni ta’ prijorità. |
2.4. |
It-tielet, l-aċċess għal-likwidità huwa essenzjali għal riżoluzzjoni b’suċċess, kif muri wkoll mill-avvenimenti ta’ kriżi reċenti. L-Unjoni Bankarja bħalissa għad m’għandhiex qafas għal-likwidità f’riżoluzzjoni. Tali qafas jenħtieġ li jiġi stabbilit f’konformità mal-Prinċipji Gwida tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja u mal-aħjar prattiki internazzjonali. |
Osservazzjonijiet speċifiċi
3. Miżuri ta’ intervent bikri adottati mis-superviżur
3.1. |
Il-BĊE jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni fir-rigward tal-qafas ta’ intervent bikri, li jibni fuq rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-BĊE (14). Il-pakkett leġiżlattiv propost huwa importanti biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali fl-applikazzjoni ta’ dan il-qafas. Il-provvediment ta’ bażi ġuridika diretta għall-eżerċizzju mill-BĊE tas-setgħat ta’ intervent bikri skont ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni” (SRMR) inaqqas (16) ir-riskju li jirriżulta minn traspożizzjonijiet potenzjalment diverġenti tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) (minn hawn ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek” (BRRD)) fid-dritt nazzjonali. Il-pakkett leġiżlattiv propost ineħħi wkoll is-sovrapożizzjoni bejn il-miżuri ta’ intervent bikri u dawk superviżorji, filwaqt li jsaħħaħ l-applikazzjoni prattika rispettiva tagħhom (18). Minbarra dawk il-bidliet, il-BĊE jappoġġa l-allinjament tal-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ intervent bikri mal-kundizzjonijiet għall-adozzjoni mill-BĊE ta’ miżuri superviżorji. Dan iwessa’ l-possibbiltà għall-awtorità superviżorja li tintervjeni minnufih permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ intervent bikri biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet identifikati, anki jekk ksur jew ksur probabbli tar-rekwiżiti prudenzjali jkun għadu ma seħħx. Il-BĊE jirrakkomanda li titħassar ir-referenza għal deterjorament rapidu u sinifikanti tal-kundizzjoni finanzjarja tal-entità bħala prerekwiżit għat-teħid ta’ miżura ta’ intervent bikri. Referenza bħal din tista’ timmina l-kapaċità tas-superviżur li jindirizza b’mod xieraq u f’waqtu deterjorament tas-sitwazzjoni tal-entità fejn, pereżempju, tali deterjorament ma jkunx rapidu, iżda xorta jkun sinifikanti jew tali deterjorament ikun relatat ma’ kwistjonijiet ta’ governanza, kontrolli interni u parametri oħra mhux finanzjarji. |
3.2. |
Il-BĊE jilqa’ wkoll il-proposta li tiġi inkluża s-setgħa li jiġu adottati l-miżuri kollha ta’ intervent bikri taħt dispożizzjoni waħda (19), soġġetta għall-istess kundizzjonijiet, mingħajr ma tiġi inkluża skala ta’ eskalazzjoni. Dan jippermetti l-adozzjoni rapida tal-aktar miżura/i xierqa ta’ intervent bikri, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull sitwazzjoni. |
3.3. |
L-emendi proposti għall-SRMR għandhom l-għan li jagħtu s-setgħa lill-BĊE jadotta miżuri ta’ intervent bikri bbażati fuq ksur jew ksur probabbli tar-rekwiżiti minimi għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL) (20), anki jekk tali ksur ma jiksirx ir-rekwiżiti prudenzjali. Il-MREL huwa maħsub biex jiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ strateġija ta’ riżoluzzjoni ordnata għal istituzzjoni ta’ kreditu li ma għadhiex vijabbli. Bħala tali, dawn iservu skop separat meta mqabbla mar-rekwiżiti prudenzjali, li għandhom l-għan li jiżguraw is-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Minn dan isegwi li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni huma fl-aħjar pożizzjoni, kif ukoll legalment kompetenti, biex jimmonitorjaw il-konformità mal-miri tal-MREL u biex jibdew miżuri ta’ rimedju b’rabta magħhom. Għalhekk, jenħtieġ li l-prerogattiva li jiġi indirizzat il-ksur tal-MREL tibqa’ esklużivament f’idejn l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni fil-każijiet kollha fejn il-ksur tal-MREL ma jikkwalifikax simultanjament bħala ksur tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji. Dan jevita d-duplikazzjoni tal-kompiti u li r-responsabbiltajiet bejn l-awtoritajiet superviżorji u ta’ riżoluzzjoni prudenzjali jiġu mċajpra. |
3.4. |
Filwaqt li l-miżuri superviżorji jistgħu tabilħaqq jindirizzaw b’mod effettiv xi kwistjonijiet ta’ vijabbiltà strutturali, dawn jistgħu ma jkunux biżżejjed f’każijiet li jinvolvu istituzzjonijiet ta’ kreditu b’mudelli kummerċjali dgħajfa li jgħaddu minn diffikultajiet fit-tul u tnaqqis kontinwu tal-kapital. Sakemm tali istituzzjonijiet ta’ kreditu ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet biex jitqiesu “li qed ifallu jew li x’aktarx ifallu” (FOLTF), is-sett ta’ għodod attwali jista’ ma jipprovdix lill-awtorità kompetenti b’għodod suffiċjenti biex iħeġġeġ lil dawn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jieħdu l-passi adegwati biex jindirizzaw dawn ir-riskji. L-esperjenza reċenti turi li stralċ volontarju gradwali, akkumpanjat minn appoġġ xieraq għall-kapital u l-likwidità, jista’, taħt kundizzjonijiet speċifiċi, ikun soluzzjoni kosteffettiva għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu b’mudell kummerċjali dgħajjef biex joħorġu mis-suq, u b’hekk jiġi evitat tnaqqis fit-tul, inkluż aktar telf u tnaqqis fil-kapital fuq diversi snin, li jwassal għall-falliment tal-istituzzjoni ta’ kreditu. Fid-dawl ta’ dan, il-BĊE jappoġġa l-inklużjoni ta’ dispożizzjoni espliċita li tagħti s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti, fil-kuntest ta’ intervent bikri, li jitolbu s-sottomissjoni ta’ pjan li għandu jiġi implimentat fil-każ ta’ xenarju ta’ stralċ volontarju. L-awtorità kompetenti tista’ titlob lill-istituzzjoni tinkludi elementi addizzjonali fil-pjan. It-tħejjija ta’ pjan bħal dan iżżid l-għarfien tal-istituzzjoni dwar l-għażliet strateġiċi disponibbli u l-ispejjeż relatati. Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni finali dwar l-implimentazzjoni tal-pjan titħalla f’idejn l-istituzzjoni kkonċernata u l-azzjonisti tagħha. |
4. Tħejjija għal riżoluzzjoni
4.1. |
Il-BĊE jappoġġa bis-sħiħ il-proposti biex jissaħħu aktar il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-BĊE u l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) fil-kuntest tat-tħejjijiet għal riżoluzzjoni (21). Filwaqt li l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-BĊE, fil-funzjoni superviżorja tiegħu, u l-SRB diġà huwa komprensiv abbażi tal-Memorandum ta’ Qbil bilaterali (22), il-BĊE jilqa’ l-proposti biex tiġi prevista din il-kooperazzjoni aktar mill-qrib direttament fil-leġiżlazzjoni. |
4.2. |
Il-BĊE jifhem li s-setgħa proposta għall-BĊE li jiġbor informazzjoni relatata mar-riżoluzzjoni, pereżempju permezz ta’ spezzjonijiet fuq il-post, u jipprovdiha lill-SRB (23), tfittex li tissostitwixxi s-setgħa attwali ta’ intervent bikri prevista fil-BRRD (24). Madankollu, il-BĊE jissuġġerixxi xi modifiki żgħar għad-dispożizzjonijiet rilevanti li jagħtu dettalji ta’ tali setgħa u li tiġi introdotta premessa spjegattiva li tiċċara l-ħtieġa li jiġi vvalutat fuq bażi ta’ każ b’każ kif tinġabar dik l-informazzjoni. |
4.3. |
Barra minn hekk, it-terminu “attività superviżorja” ma huwiex iddefinit fil-pakkett leġiżlattiv propost, li jagħmilha diffiċli li tiġi ddefinita l-portata tal-obbligu tal-BĊE li jinforma lill-SRB dwar tali “attività superviżorja” (25). Il-BĊE jista’ minflok jinforma lill-SRB dwar il-valutazzjonijiet superviżorji rilevanti kollha tal-BĊE, kondiviżi mal-korpi deċiżjonali tiegħu. |
5. Rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja u appoġġ ta’ likwidità mill-gvern
5.1. |
Il-BĊE jtenni li r-rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja tikkostitwixxi għodda utli għal ċirkostanzi straordinarji fi ħdan il-qafas attwali tal-ġestjoni tal-kriżijiet li għandu jinżamm (26). Hija waħda mill-ftit eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali li l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja lil istituzzjoni ta’ kreditu twassal biex din titqies bħala istituzzjoni ta’ kreditu li qed tfalli jew li x’aktarx tfalli. Ir-rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja hija soġġetta għal kundizzjonijiet stretti li ġew issodisfati biss f’għadd limitat ta’ każijiet fil-passat. L-użu limitat tal-istrument jindika li l-kundizzjonalità attwali hija xierqa. Tabilħaqq, l-awtoritajiet rilevanti jeħtieġ li jkunu jistgħu jieħdu kont sħiħ taċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull każ. |
5.2. |
Il-BĊE jilqa’ b’mod ġenerali l-kjarifiki stabbiliti fl-emendi proposti għall-SRMR kif ukoll il-proposti biex jinżamm is-sett ta’ għodod eżistenti għall-identifikazzjoni tat-telf imġarrab (jiġifieri l-ebda rieżami obbligatorju tal-kwalità tal-assi, peress li għodod oħra bħal spezzjonijiet fuq il-post jistgħu jkunu xierqa wkoll), peress li r-rikapitalizzazzjonijiet prekawzjonarji tipikament iridu jiġu implimentati malajr biex ikunu effettivi (27). |
5.3. |
Fl-istess ħin, il-kundizzjonijiet għar-rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja ma għandhomx jillimitaw il-kapaċità tal-awtoritajiet rilevanti li jqisu ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull każ. F’dan ir-rigward, id-definizzjoni ta’ solvenza li għadha kif ġiet proposta (28) ġġiegħel lill-awtorità kompetenti tikkonkludi li entità mhijiex solventi għal dan l-għan speċifiku ta’ rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja bbażata wkoll fuq sempliċi ksur tekniku jew prevedibbli temporanju tar-rekwiżiti kapitali, li jista’ jillimita aktar b’mod mhux ġustifikat ir-rikapitalizzazzjonijiet prekawzjonarji kif ukoll l-appoġġ ta’ likwidità tal-gvern. Għalhekk, il-BĊE jirrakkomanda li tiġi ċċarata d-definizzjoni l-ġdida sabiex entità xorta tkun tista’ tiġi vvalutata bħala solventi anki f’każijiet ta’ ksur jew ksur probabbli tar-rekwiżiti kapitali jekk dak il-ksur jitqies ta’ natura temporanja fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ. |
5.4. |
Il-BĊE jirrikonoxxi l-merti tal-ħtieġa ta’ strateġija ta’ ħruġ mill-miżura ta’ appoġġ (29). Madankollu, l-istabbiliment ta’ skeda ta’ żmien fissa mingħajr il-possibbiltà li tiġi estiża joħloq ir-riskju ta’ effett ta’ preċipizju, minħabba li s-swieq jistgħu jantiċipaw l-iskadenza tal-ħruġ, u b’hekk joħolqu konsegwenzi negattivi għall-kundizzjonijiet tas-suq għad-detriment tad-dħul pubbliku. Barra minn hekk, għandu jkun possibbli li jitqiesu l-iżviluppi tas-suq mhux mistennija. Il-BĊE ma jara wkoll l-ebda ħtieġa li japprova kwalunkwe strateġija ta’ ħruġ mill-perspettiva superviżorja flimkien mal-approvazzjoni tal-Kummissjoni diġà meħtieġa skont il-proċess ġenerali tal-għajnuna mill-Istat. Sabiex tkun tista’ tirreaġixxi b’mod effettiv f’każ ta’ ċirkostanzi mhux mistennija, għandha titneħħa r-rabta awtomatika bejn kwalunkwe dewmien fl-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ ħruġ u valutazzjoni tal-FOLTF. Fl-aħħar nett, il-limitazzjoni tal-ammont ta’ strumenti tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni (CET1) miksuba permezz ta’ rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja għal 2 % tal-ammont totali tal-iskopertura għar-riskju tista’ wkoll tirrestrinġi bla bżonn l-użu tas-soluzzjonijiet disponibbli. Pereżempju, jistgħu jinħolqu effetti ta’ preċipizju mhux mixtieqa u jinvolvi r-riskju li l-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni tista’ ma tkunx biżżejjed u tonqos milli treġġa’ lura l-fiduċja fis-suq. |
6. Interventi ta’ skemi ta’ garanzija tad-depożiti
6.1. |
Il-miżuri preventivi tad-DĠS urew li huma għodda utli għall-prevenzjoni tal-kriżijiet. Skont il-pakkett leġiżlattiv propost, il-possibbiltà li l-SGD jitħallew jiffinanzjaw interventi preventivi tibqa’ għażla għall-Istati Membri (30). Minħabba l-benefiċċji potenzjali ta’ dawn l-għodod, il-BĊE jħeġġeġ lil-leġiżlaturi tal-Unjoni biex jagħmlu disponibbli miżuri preventivi tal-SGD madwar l-Unjoni taħt qafas armonizzat ta’ assigurazzjoni tad-depożiti. Il-BĊE jirrikonoxxi, madankollu, li l-bini tal-kapaċità meħtieġa għal miżuri preventivi jista’ jieħu xi żmien għall-SGD u jqis li perijodu ta’ tranżizzjoni jista’ għalhekk ikun xieraq. Hija meħtieġa aktar armonizzazzjoni biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi madwar l-Unjoni, salvagwardji adegwati u sett ta’ għodod mgħammar aħjar, biex b’hekk tiġi żgurata l-konsistenza mal-objettivi ġenerali tal-qafas tas-CMDI. |
6.2. |
Il-BĊE jilqa’ l-kjarifiki proposti lill-SRMR (31) u lill-BRRD li l-interventi tal-SGD (32) li saru f’konformità mar-regoli tad-DGSD (33) dwar il-miżuri preventivi ma jattivawx valutazzjoni tal-FOLTF. Dan se jipprovdi aktar ċarezza u ċertezza lill-awtoritajiet kompetenti. Madankollu, il-BĊE għandu xi riżervi dwar il-kundizzjoni li skont din l-awtorità kompetenti jkollha bżonn tistabbilixxi li intervent ta’ SGD huwa meħtieġ biex tiġi ppreservata s-solidità finanzjarja u l-vijabbiltà fit-tul tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata sabiex l-intervent preventiv ma jattivax valutazzjoni ta’ FOLTF (34). Għalhekk, il-BĊE jirrakkomanda li titħassar dik ir-referenza fl-emendi proposti għall-SRMR u l-BRRD. |
6.3. |
Il-BĊE jilqa’ wkoll l-armonizzazzjoni tat-test tal-inqas kost qabel ma jintużaw il-fondi tal-SGD jew meta tiġi kkunsidrata l-applikazzjoni ta’ miżura preventiva tal-SGD (35). il-każijiet kollha tal-użu tal-SGD, qafas armonizzat ta’ ttestjar tal-inqas kost se jgħin biex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi u tiġi żgurata l-konsistenza fl-Istati Membri kollha. Għas-sitwazzjoni speċifika tal-miżuri preventivi, l-emendi proposti għad-DGSD jinnotaw li t-tbassir tal-irkupri tal-likwidazzjoni huwa ta’ sfida, peress li jenħtieġ li jittieħdu miżuri preventivi ħafna qabel kwalunkwe likwidazzjoni prevedibbli (36). Għalhekk, dawn il-proposti jissuġġerixxu li jiġi applikat fattur ta’ skalar ta’ 85 % għall-proporzjon stmat ta’ rkupri meta jitwettaq test tal-inqas kost għal miżura preventiva, filwaqt li jiġi żblukkat finanzjament addizzjonali mill-SGD. L-applikazzjoni ta’ tali fattur ta’ skalar b’mod ugwali għal miżuri preventivi u alternattivi kif ukoll kontribuzzjonijiet tal-SGD għar-riżoluzzjoni tkompli toħloq kundizzjonijiet ekwi u tgħin biex tiffaċilita dawn l-interventi tal-SGD f’aktar xenarji. Madankollu, peress li s-sitwazzjonijiet tal-istituzzjonijiet li għalihom jiġu applikati miżuri preventivi jistgħu jkunu differenti ħafna f’termini tal-karti tal-bilanċ tagħhom u l-grad tad-deterjorament tagħhom, fattur ta’ skalar jista’ ma jindirizzax b’mod adegwat l-ispeċifiċitajiet tal-miżuri preventivi. Din il-kwistjoni tista’ tiġi indirizzata b’mod aktar effettiv mill-EBA bħala parti mill-abbozz propost tagħha ta’ standards tekniċi regolatorji (37). |
6.4. |
L-emendi proposti għad-DGSD jipprovdu li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jitolbu SGD biex tiffinanzja miżuri preventivi għandhom jippreżentaw lill-awtorità kompetenti għal konsultazzjoni nota b’miżuri li dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jimpenjaw ruħhom li jieħdu sabiex jiżguraw jew ireġġgħu lura l-konformità mar-rekwiżiti superviżorji, inklużi azzjonijiet biex jiġi mmitigat ir-riskju ta’ deterjorament tas-solidità finanzjarja u tissaħħaħ il-pożizzjoni kapitali u tal-likwidità tal-istituzzjoni ta’ kreditu. Il-BĊE jipproponi li jiġi ċċarat li s-superviżur ikun meħtieġ biss li jivverifika l-konformità prevista mar-rekwiżiti prudenzjali. Dan ikun jinkludi l-verifika tal-aspetti prudenzjali u superviżorji tal-pjanijiet ta’ rimedju, li għandhom l-għan li jiżguraw jew ireġġgħu lura l-konformità mar-rekwiżiti superviżorji, u jiżguraw il-vijabbiltà fit-tul tal-istituzzjoni ta’ kreditu. Is-superviżur għandu jikkoopera mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali maħtura jew mal-awtoritajiet tal-SGD fi kwistjonijiet fi ħdan il-mandat tagħhom u li għalihom jibqgħu responsabbli. Barra minn hekk, l-SGD u/jew l-awtorità maħtura għandhom interess ġenwin u huma fl-aħjar pożizzjoni biex jimmonitorjaw il-ħlas lura mill-istituzzjoni ta’ kreditu tal-ammont ikkontribwit mill-SGD għall-miżura preventiva, kif ukoll l-iskeda ta’ żmien assoċjata, u biex jiddeċiedu fuq dik il-bażi jekk għandhomx jagħtu aktar miżuri preventivi lil dik l-istituzzjoni ta’ kreditu. |
6.5. |
Il-BĊE jipproponi rekwiżit espliċitu għas-segregazzjoni tal-fondi IPS u SGD. L-esperjenza tal-passat uriet li fond IPS separat huwa importanti għall-funzjonament bla xkiel ta’ skemi bħal dawn. Ikun hemm ukoll benefiċċji sinifikanti jekk ikun hemm fondi IPS u SGD separati, minħabba li fondi IPS separati mhumiex soġġetti għar-restrizzjonijiet imposti mid-DSGD. Għalhekk, fond IPS separat jiżgura li funzjonijiet oħra ta’ IPS jistgħu jkomplu jitwettqu bl-għajnuna ta’ dawk il-fondi ddedikati għall-iskop tal-IPS. Pereżempju, billi tintervjeni b’mod proattiv u f’waqtu l-IPS tiżgura li l-istituzzjonijiet membri tagħha jissodisfaw ir-rekwiżiti regolatorji ta’ fondi proprji u ta’ likwidità. Il-BĊE jilqa’ l-fatt li, bħal fil-passat, dawn il-fondi IPS separati ma jkunux soġġetti għar-rekwiżiti tad-DGSD. Fir-rigward tar-rwol tagħhom bħala SGD, il-BĊE jappoġġja li l-IPSs għandhom jibqgħu soġġetti għad-DSGD biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi. Il-proposta tal-Kummissjoni – flimkien ma’ separazzjoni tal-fondi IPS u SGD – għalhekk iżżomm il-flessibbiltà meħtieġa, filwaqt li tiżgura ċarezza legali u kundizzjonijiet ekwi. |
7. Twissija bikrija ta’ valutazzjoni FOLTF possibbli
7.1. |
L-emendi proposti għall-SRMR jipprevedu li l-BĊE jew l-awtorità kompetenti nazzjonali rilevanti jenħtieġ li jinnotifikaw lill-SRB, kmieni kemm jista’ jkun, meta jqisu li jkun hemm riskju materjali li tiġi ssodisfata kundizzjoni waħda jew aktar biex istituzzjoni titqies li qed tfalli jew li x’aktarx tfalli (38). Il-BĊE jew l-awtorità nazzjonali kompetenti u l-SRB imbagħad jiskambjaw fehmiet dwar miżuri possibbli biex jiġi evitat li tali nuqqas jimmaterjalizza, kif ukoll perijodu ta’ żmien raġonevoli għall-implimentazzjoni tagħhom. Il-BĊE jew l-awtorità nazzjonali kompetenti u l-SRB se jimmonitorjaw l-evoluzzjoni tal-każ u jiltaqgħu regolarment. |
7.2. |
Il-BĊE jappoġġa dan il-proċess ġdid ta’ twissija bikrija u jilqa’ l-fatt li dan ma jaffettwax il-proċedura ta’ riżoluzzjoni stabbilita sew (39), inkluż b’mod partikolari l-prinċipji, il-kompetenza u l-proċess għall-valutazzjoni li istituzzjoni qed tfalli jew x’aktarx tfalli. Dan se jkompli jiżviluppa l-aħjar prattiki rigward il-kooperazzjoni bejn il-BĊE u l-SRB. Barra minn hekk, jiżgura li l-BĊE jew l-awtorità nazzjonali kompetenti u l-SRB ikunu jistgħu jivvalutaw sitwazzjonijiet ta’ kriżi hekk kif jevolvu u jirreaġixxu bl-aktar mod xieraq bis-sett ta’ għodod sħiħ tagħhom. |
7.3. |
F’dan ir-rigward, il-BĊE jilqa’ l-fatt li l-attivazzjoni ta’ dan il-proċess ġdid ta’ twissija bikrija mhijiex prekundizzjoni għal valutazzjoni FOLTF sussegwenti (40). Fi żminijiet ta’ kriżijiet li qed jevolvu malajr, jista’ jkun xieraq li wieħed jipproċedi immedjatament għal tali valutazzjoni, minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni u n-nuqqas ta’ miżuri faċilment disponibbli li jistgħu jipprevjenu l-falliment. |
8. Proċedura ta’ riżoluzzjoni
8.1. |
Il-BĊE jilqa’ l-espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-riżoluzzjoni. Kamp ta’ applikazzjoni usa’ tar-riżoluzzjoni se jagħmel l-għodod tar-riżoluzzjoni disponibbli għal sett usa’ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, u b’hekk itejjeb l-aċċess għall-għodod internazzjonali ta’ riżoluzzjoni tal-aħjar prattika u jiżgura aktar armonizzazzjoni fil-ġestjoni tal-kriżijiet. Fl-istess ħin, il-BĊE jifhem li l-proposta mhux se tirrikjedi li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jallokaw istituzzjonijiet ta’ kreditu iżgħar għal riżoluzzjoni fejn tali azzjoni tkun sproporzjonata. Dawn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu xorta jistgħu jiġu stralċati taħt proċeduri nazzjonali ta’ insolvenza fejn dan iwassal għal eżitu aktar sodisfaċenti. Fi kwalunkwe każ, il-BĊE jilqa’ analiżi dwar jekk l-effett kumulattiv tal-bidliet proposti għall-valutazzjoni tal-interess pubbliku, inkluż l-objettiv il-ġdid li jiġi minimizzat it-telf għall-SGD, jiksibx l-espansjoni proporzjonata maħsuba tar-riżoluzzjoni. |
8.2. |
It-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-riżoluzzjoni biex jinkludi istituzzjonijiet ta’ kreditu iżgħar u ta’ daqs medju jista’ jkun kredibbli biss jekk jinstabu soluzzjonijiet realistiċi biex jiġi żgurat finanzjament adegwat tar-riżoluzzjoni, inkluża l-kapaċità interna ta’ assorbiment tat-telf tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, iżda, b’mod importanti, anki l-aċċess għall-finanzjament tal-SGD u l-arranġamenti ta’ finanzjament tar-riżoluzzjoni. |
8.3. |
Il-prinċipju li t-telf f’falliment ta’ istituzzjoni ta’ kreditu għandu l-ewwel u qabel kollox jiġġarrab mill-azzjonisti u l-kredituri huwa pedament tal-qafas tal-Unjoni għall-ġestjoni tal-kriżijiet. Il-BĊE għalhekk jilqa’ l-fatt li dan il-prinċipju ewlieni huwa kkonfermat fil-pakkett leġiżlattiv propost. |
8.4. |
Fl-istess ħin, it-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-riżoluzzjoni għal istituzzjonijiet ta’ kreditu iżgħar u ta’ daqs medju jinvolvi sfidi. Dawn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu spiss jiddependu ħafna fuq id-depożiti bħala sors ta’ finanzjament u, skont il-kundizzjonijiet tas-suq lokali, jista’ jkollhom diffikultajiet biex joħorġu strumenti finanzjarji oħra li jistgħu jassorbu t-telf b’mod affidabbli jew jiġu kkonvertiti f’ekwità meta l-istituzzjoni ta’ kreditu tfalli. Jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn ir-rikapitalizzazzjoni interna ta’ depożiti li mhumiex protetti mill-SGD (depożiti skoperti) tista’ twassal għal riskji ta’ stabbiltà finanzjarja, li jistgħu jwasslu għal qerda tal-valur li tagħmel ħsara lill-interess pubbliku. Dan jista’ pereżempju jseħħ meta r-rikapitalizzazzjoni interna ta’ depożiti mhux koperti f’istituzzjoni ta’ kreditu waħda twassal għal prelevamenti ta’ depożiti mhux koperti f’istituzzjonijiet ta’ kreditu oħra, u b’hekk jinfirex il-kontaġju. Il-BĊE jilqa’ l-fatt li l-pakkett leġiżlattiv propost jistabbilixxi għażliet biex tittejjeb il-protezzjoni tad-depożitanti billi tissaħħaħ il-kapaċità tal-SGD li tipprovdi finanzjament f’riżoluzzjoni (41). B’mod kruċjali, dan jinkiseb billi jiġi ċċarat u mwessa’ t-test tal-inqas kost (42) u tiġi introdotta preferenza għad-depożitant f’livell uniku bi klassifikazzjoni ugwali tad-depożiti kollha (43). Bl-istess mod, il-BĊE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni tal-SGD tingħadd mar-rekwiżit ta’ assorbiment minimu tat-telf għall-aċċess għal arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni, inkluż l-SRF, meta tintuża għodda ta’ trasferiment (44). Dawn il-bidliet, li jtejbu l-kapaċità tal-SGD u l-arranġamenti ta’ finanzjament tar-riżoluzzjoni li jappoġġaw ir-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu iżgħar u ta’ daqs medju, huma kontroparti indispensabbli biex tiġi estiża b’mod sinifikanti l-applikazzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni għal tali istituzzjonijiet ta’ kreditu. Għalhekk huwa importanti li l-pakkett leġiżlattiv propost jiġi adottat b’mod olistiku u li jiġi żgurat li l-bidliet fil-qafas tas-CMDI jiġu artikolati b’mod koerenti. L-implimentazzjoni ta’ wħud biss mill-elementi tal-pakkett leġiżlattiv propost tista’ twassal għall-inabbiltà li r-riżoluzzjoni tiġi applikata b’suċċess fil-prattika. |
8.5. |
F’konformità mal-prinċipju li t-telf f’falliment ta’ istituzzjoni ta’ kreditu għandu jiġġarrab l-ewwel u qabel kollox mill-azzjonisti u l-kredituri, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha allokati għar-riżoluzzjoni huma meħtieġa li jkollhom kapaċità minima ta’ assorbiment tat-telf bħala l-ewwel linja ta’ difiża, ikkalibrata b’mod adegwat f’konformità mal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni, biex b’hekk tiġi żgurata d-dixxiplina tas-suq u tiġi minimizzata d-dipendenza fuq sorsi ta’ finanzjament estern. Madankollu, anki bil-possibbiltà li l-SGD jikkontribwixxu għall-finanzjament tar-riżoluzzjoni u li din il-kontribuzzjoni tgħodd għar-rekwiżit ta’ assorbiment tat-telf minimu ta’ 8 % tat-TLOF (45), l-ilħuq tal-limitu tat-TLOF ta’ 8 % jista’ jsaħħaħ id-dinamika avversa fi kriżi sistemika, eż. fejn diversi istituzzjonijiet ta’ kreditu jfallu simultanjament jew fejn dan ikun jeħtieġ l-impożizzjoni ta’ telf fuq ċerti kredituri, li min-naħa tiegħu jista’ jimmina serjament l-istabbiltà finanzjarja. Għalhekk, il-BĊE jappoġġa, għal każijiet eċċezzjonali, l-introduzzjoni ta’ eżenzjoni għall-istabbiltà finanzjarja għall-aċċess ta’ arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni f’konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) (46). Dan jippermetti aċċess għal arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni qabel l-assorbiment tat-telf ta’ 8 % TLOF f’każijiet fejn dan ikun strettament meħtieġ biex jiġi protett l-interess pubbliku u tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja. Għalhekk, jenħtieġ li din l-għażla tkun soġġetta għal kundizzjonijiet stretti u arranġamenti ta’ governanza, fuq il-linji ta’ mekkaniżmu komparabbli li jeżisti fl-Istati Uniti, eż. il-ħtieġa tal-approvazzjoni konġunta tal-SRB, il-Kummissjoni u l-BĊE. L-eżenzjoni tintuża biss fi żminijiet ta’ kriżi fiż-żona tal-euro kollha jew fl-Istat Membru kollu jew fejn ikun hemm riskju ta’ kriżi bħal din, bħala l-aħħar alternattiva u wara li l-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu tintuża kemm jista’ jkun possibbli mingħajr ma jinħolqu effetti negattivi għall-istabbiltà finanzjarja (47). |
8.6. |
Anki b’espansjoni tal-valutazzjoni tal-interess pubbliku, għadd ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu iżgħar x’aktarx li jibqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-riżoluzzjoni. Għal dawn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li għalihom l-applikazzjoni tal-qafas ta’ riżoluzzjoni xorta ma tkunx proporzjonata, il-BĊE jilqa’ titjib u armonizzazzjoni ulterjuri tal-proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza (48). Il-livell ta’ ambizzjoni tal-pakkett leġiżlattiv propost huwa limitat f’dan ir-rigward. Il-BĊE jħeġġeġ lil-leġiżlaturi tal-Unjoni jarmonizzaw u jespandu madwar l-Istati Membri kollha d-disponibbiltà ta’ miżuri alternattivi f’likwidazzjoni, b’mod partikolari, il-kapaċità għall-SGD li jappoġġaw trasferimenti ta’ assi u obbligazzjonijiet lil istituzzjoni ta’ kreditu akkwirenti. Il-BĊE jilqa’ l-emendi proposti għall-ġerarkija tal-kredituri u l-kjarifiki għat-test tal-inqas spejjeż, li se jwasslu għal aċċess aħjar għall-finanzjament tal-SGD u disponibbiltà usa’ ta’ dawn il-miżuri. Li jkun hemm dawn il-miżuri alternattivi fl-Istati Membri kollha jippermetti proċess aktar rapidu, aktar effiċjenti u aktar armonizzat għall-ġestjoni tal-likwidazzjonijiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li fl-aħħar mill-aħħar se jkun ta’ benefiċċju għall-istabbilta finanzjarja u d-depożitanti, u jillimita l-ħtiġijiet ta’ ħlas għall-SGD. |
8.7. |
Fl-aħħar nett, il-BĊE jilqa’ l-kjarifika li d-diviżjoni tar-responsabbiltajiet fil-proċedura għat-tniżżil fil-valur ta’ strumenti kapitali u obbligazzjonijiet eliġibbli oħra tirrifletti bis-sħiħ id-diviżjoni tar-responsabbiltajiet fil-proċedura ta’ riżoluzzjoni (49). Dan jimplika li r-responsabbiltà primarja tas-superviżur tappartjeni għal valutazzjonijiet ta’ FOLTF, filwaqt li l-kundizzjonijiet li jifdal għad-deprezzament jiġu vvalutati mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni. |
9. Preferenza tad-depożitant
9.1. |
Il-BĊE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi preferenza ta’ depożitant ta’ livell wieħed (50). Dan l-approċċ se jiżgura armonizzazzjoni akbar tal-ġerarkija tal-kredituri tal-istituzzjoni ta’ kreditu madwar l-Unjoni u jiżgura li d-depożiti kollha, inklużi dawk ta’ korporattivi kbar u depożiti esklużi, jikklassifikaw pari passu u ogħla mill-pretensjonijiet ordinarji mhux garantiti. Dan l-approċċ se jtejjeb l-aċċess għall-finanzjament tal-SGD bil-benefiċċju li jiġi ppreservat il-ktieb tad-depożiti kollu kemm hu, li jfisser li l-SGD tista’ tikkontribwixxi aħjar għall-miżuri ta’ ġestjoni tal-kriżijiet, f’riżoluzzjoni kif ukoll permezz ta’ miżuri preventivi jew alternattivi, inklużi strateġiji ta’ trasferiment. Dan itejjeb b’mod sinifikanti s-soluzzjonijiet disponibbli għall-ġestjoni tal-kriżijiet (51) u jagħmilha aktar faċli biex jiġi evitat tħassib dwar l-istabbiltà finanzjarja kkawżat mill-kontaġju minħabba istituzzjonijiet ta’ kreditu oħra li jiffaċċjaw assalti bankarji ta’ depożitanti mhux assigurati. Id-disponibbiltà estiża tal-istrateġiji tal-bejgħ tan-negozju, jew f’riżoluzzjoni jew fil-kuntest ta’ miżuri alternattivi tal-SGD, tista’ tnaqqas l-użu ta’ likwidazzjoni frammentata bħala mezz ta’ ġestjoni tal-fallimenti tal-istituzzjoni ta’ kreditu. Dan huwa ta’ benefiċċju, peress li l-likwidazzjoni frammentata tista’ teqred il-valur u tkun ta’ tfixkil għad-depożitanti u għall-istabbiltà finanzjarja. L-approċċ propost inaqqas ukoll il-ħtieġa għal pagamenti tad-depożitanti, li spiss jirrikjedu l-mobilizzazzjoni ta’ somom kbar mill-SGD, u b’hekk jillimitaw il-likwidità tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jittrattaw fallimenti ulterjuri tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Billi jiġi ssalvagwardjat aħjar l-aċċess għad-depożiti u l-istabbiltà finanzjarja, jitnaqqsu wkoll l-inċentivi biex jintużaw il-flus tal-kontribwenti f’fallimenti ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu. Huwa importanti li d-depożitanti koperti jibqgħu protetti bis-sħiħ mill-SGD fix-xenarji kollha, iżda jibbenefikaw ukoll minn strateġiji ta’ trasferiment li jistgħu jiksbu aċċess mingħajr interruzzjoni għad-depożiti tagħhom (52). |
9.2. |
Meta jiġu ppreferuti d-depożiti kollha minflok il-pretensjonijiet superjuri fil-ġerarkija tal-kredituri, dan l-approċċ jiffaċilita wkoll l-allokazzjoni tat-telf lil strumenti ta’ dejn ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu mhux garantiti, u jagħmilha aktar faċli li jiġi żgurat assorbiment sħiħ tat-telf minn kredituri b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna mingħajr ma jiġu ffaċċjati kwistjonijiet ta’ stabbiltà finanzjarja. Dan jimminimizza wkoll ir-riskju ta’ pretensjonijiet ta’ kumpens skont il-prinċipju li “l-ebda kreditur ma jmur agħar”, u b’hekk tissaħħaħ ir-riżolvibbiltà (53). |
9.3. |
Fl-istess ħin, il-BĊE jirrikonoxxi li l-introduzzjoni ta’ preferenza ta’ depożitant f’livell uniku tista’ twassal għal spejjeż addizzjonali għall-SGD f’xi xenarji ta’ ġestjoni tal-kriżijiet tal-banek. Filwaqt li l-BĊE jinnota li preferenza ta’ depożitant f’livell uniku wriet li kienet ta’ suċċess f’għadd ta’ ġurisdizzjonijiet, tkun apprezzata ċerta analiżi ulterjuri tas-sitwazzjonijiet speċifiċi li fihom jistgħu jiġu ġġenerati spejjeż addizzjonali għall-SGD jew jistgħu jinħolqu konsegwenzi mhux ġustifikati. Jeħtieġ li din l-analiżi tqis ukoll, sa fejn ikun possibbli u inkunsiderazzjoni tal-esperjenza miksuba f’ġurisdizzjonijiet li introduċew preferenza ta’ depożitant ta’ livell wieħed, l-impatt tal-bidliet proposti fuq il-klassifikazzjoni u l-ipprezzar ta’ dejn superjuri mhux garantit, u jenħtieġ li tiġi eżaminata aktar l-interazzjoni bejn il-preferenza tad-depożitanti f’livell uniku u l-eliġibbiltà ta’ ċerti depożiti għall-finijiet tal-MREL. Barra minn hekk, il-BĊE huwa miftuħ li jesplora soluzzjonijiet alternattivi li jtejbu l-kapaċità tal-SGD li jikkontribwixxu għar-riżoluzzjoni (kif ukoll permezz ta’ miżuri preventivi u alternattivi) sal-istess punt li jkun possibbli bi preferenza ta’ depożitant ta’ livell wieħed, filwaqt li jillimita l-iskopertura tal-SGD għal telf wara ħlas f’likwidazzjoni. Fl-esplorazzjoni ta’ tali soluzzjonijiet, ser ikun imperattiv li jiġi żgurat li kwalunkwe estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-riżoluzzjoni tkun akkumpanjata minn aċċess adegwat għall-finanzjament fir-riżoluzzjoni, inkluż b’mod partikolari l-finanzjament mill-SGD. Fl-aħħar nett, l-impatt mill-introduzzjoni ta’ preferenza tad-depożitanti f’livell uniku fuq l-istruttura tar-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu ovvjament jistħoqqlu attenzjoni superviżorja mill-qrib, u l-BĊE jinsab lest li jivvaluta dan bir-reqqa għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt il-mandat tiegħu. |
10. L-indirizzar tar-riskju ta’ sitwazzjonijie ta’ “limbu”
10.1. |
Il-BRRD diġà tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li istituzzjoni li qed tfalli li mhijiex soġġetta għal riżoluzzjoni tiġi stralċjata b’mod ordnat skont id-dritt nazzjonali applikabbli (54). Il-BĊE jappoġġja l-emendi proposti għall-BRRD li jkomplu jiċċaraw dan il-mekkaniżmu (55), filwaqt li jiżguraw li tali stralċ jinbeda mingħajr dewmien u li jirriżulta fil-ħruġ mill-istituzzjoni ta’ kreditu mis-suq jew fit-terminazzjoni tal-attivitajiet bankarji tagħha fi żmien raġonevoli (56). |
10.2. |
Il-proċeduri nazzjonali għall-ġestjoni ta’ każijiet ta’ nonriżoluzzjoni għandhom jiġu armonizzati aktar billi l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jingħataw is-setgħa li jibdew proċedura amministrattiva ta’ stralċ għal istituzzjonijiet li jissodisfaw l-ewwel żewġ kundizzjonijiet ta’ riżoluzzjoni, iżda li mhumiex soġġetti għal riżoluzzjoni minħabba n-nuqqas ta’ interess pubbliku fir-riżoluzzjoni (57). Din tkun l-aktar rotta effiċjenti biex tiġi indirizzata b’mod deċiżiv il-possibbiltà ta’ sitwazzjoni “limbu” għal perjodu ta’ żmien estiż. |
10.3. |
Il-BĊE jappoġġa l-għoti tas-setgħa lill-awtorità kompetenti biex tirtira l-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li qed ifallu jew li x’aktarx se jfallu iżda mhux se jitqiegħdu f’riżoluzzjoni (58). Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-emendi ma jintroduċu l-ebda awtomatiċità, filwaqt li jżommu l-irtirar bħala setgħa diskrezzjonali tal-BĊE f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (59). |
10.4. |
Fir-rigward tal-proposta biex jiġi stabbilit li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni huwa kundizzjoni suffiċjenti għall-bidu ta’ stralċ (60), il-BĊE jqis li huwa ta’ importanza kbira li tiġi evitata kwalunkwe konsegwenza mhux intenzjonata f’termini ta’ interpretazzjonijiet konfliġġenti jew traspożizzjoni nazzjonali diverġenti. Il-proposta prinċipali tal-Kummissjoni biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta’ “limbu” tipprevedi li meta awtorità ta’ riżoluzzjoni tiddetermina li istituzzjoni ta’ kreditu tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha għar-riżoluzzjoni ħlief il-kundizzjoni ta’ interess pubbliku, l-awtorità nazzjonali rilevanti jrid ikollha wkoll is-setgħa li tibda mingħajr dewmien il-proċedura tal-istralċ tal-istituzzjoni ta’ kreditu (61). Il-proposta li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni hija kundizzjoni “suffiċjenti” għall-istralċ tista’ toħloq impetu għall-Istati Membri biex ma jittrasponux b’mod xieraq dan ir-rekwiżit importanti biex l-awtoritajiet nazzjonali jingħataw is-setgħa (62). Approċċ bħal dan jista’ jwassal għal interpretazzjoni żbaljata li l-irtirar tas-superviżur tal-liċenzja jkun l-attivazzjoni esklużiva għall-ftuħ ta’ proċeduri ta’ stralċ, mingħajr ma titqies id-deċiżjoni preċedenti mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni ġewx issodisfati. Dan l-approċċ jista’ jwassal għal prattika fejn l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali jew il-qrati nazzjonali jipposponu l-bidu ta’ proċedura ta’ stralċ sakemm il-liċenzja tiġi rtirata. Dan jinjora l-possibbiltà li f’xi każijiet ikun aktar xieraq li l-proċeduri tal-istralċ jinbdew waqt li l-istituzzjoni ta’ kreditu jkun għad għandha liċenzja bankarja. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-BĊE jirrakkomanda li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni mhuwiex prekundizzjoni armonizzata għall-istralċ tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. |
11. Impenji ta’ pagament irrevokabbli għall-SRF
11.1. |
Il-BĊE jirrakkomanda bil-qawwa li ma jiżdiedx is-sehem tal-impenji irrevokabbli ta’ pagament minn 30 % għal 50 % tal-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet għall-SRF u l-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (63). Il-prattika tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li ssottoskrivew impenji irrevokabbli ta’ pagament uriet li t-trattament applikat minn xi istituzzjonijiet ta’ kreditu jista’ jiġġenera riskju ta’ sopravalutazzjoni tal-kapital CET1 tagħhom. Dan jista’, fejn il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu turi li tali riskju jeżisti u jibqa’ skopert, jattiva l-adozzjoni ta’ miżuri superviżorji biex jittaffa dak ir-riskju. |
11.2. |
L-isfond għal din il-kwistjoni prudenzjali huwa li għal skopijiet ta’ kontabbiltà ħafna istituzzjonijiet ta’ kreditu ma jirreġistrawx impenn irrevokabbli ta’ pagament bħala obbligazzjoni iżda jżommuh barra mill-karta bilanċjali tagħhom, u fl-istess ħin jirreġistraw il-kollateral fi flus bħala assi, mingħajr ma jirreġistraw l-ebda spiża fir-rapport tal-introjtu. B’dan il-mod, il-kapital CET1 tal-istituzzjoni ta’ kreditu jiġi ddikjarat b’mod eċċessiv minħabba li ma jirriflettix il-fatt li r-riżorsi kkontribwiti bħala kollateral għall-fond ta’ riżoluzzjoni ma jistgħux jiġu rkuprati mingħajr pagament korrispondenti fi flus kontanti. L-eżistenza ta’ riskju prudenzjali b’rabta mal-impenji ta’ pagament irrevokabbli ġiet irrikonoxxuta wkoll mill-Qorti Ġenerali (64). Innota li lanqas il-kjarifiki proposti ma jsolvu din il-kwistjoni (65). |
11.3. |
Fi kwalunkwe każ, il-BĊE jilqa’ l-kjarifiki (66) li meta istituzzjoni ta’ kreditu ma tibqax taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-SRMR jew tal-BRRD u ma tibqax soġġetta għall-obbligu li tħallas il-kontribuzzjonijiet lill-SRF, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni titlob l-impenji irrevokabbli ta’ pagament li saru u li għadhom dovuti. Din l-emenda tikkonferma wkoll li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-ebda ċirkostanza ma jistgħu jirkupraw il-kollateral fi flus iddepożitat biex jiżguraw l-impenji irrevokabbli ta’ pagament, sakemm ma jsirx pagament korrispondenti lill-fond ta’ riżoluzzjoni, li jattiva l-ħtieġa li jitnaqqas tali kollateral fi flus mill-kapital CET1 tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. |
11.4. |
Fl-aħħar nett, minħabba li xi istituzzjonijiet ta’ kreditu ma jirreġistrawx dawn il-kontribuzzjonijiet lill-SRF bħala spiża matul l-akkumulazzjoni tal-fond, huma mbagħad ikollhom jirreġistraw dawn il-kontribuzzjonijiet bħala spiża meta jintuża l-fond. Filwaqt li l-effett fuq il-proporzjonijiet prudenzjali huwa limitat mit-tnaqqis prudenzjali applikat mill-BĊE, l-impenji ta’ pagament irrevokabbli jżidu l-profitti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fi żminijiet ekonomiċi kalmi (meta jinbena l-SRF) u japprofondixxu t-telf fi kriżi (meta jintuża l-SRF), u b’hekk joħolqu kanal ta’ kontaġju proċikliku. Il-BĊE għalhekk iqis l-impenji ta’ pagament irrevokabbli, meta ma jitqisux bħala spiża matul il-fażi ta’ akkumulazzjoni tal-SRF, bħala problematiċi mill-perspettiva tar-riskju sistemiku u jissuġġerixxi li jiġi minimizzat l-użu tagħhom. |
12. Konformità mar-rekwiżiti minimi għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (daisy chains)
12.1. |
L-emendi proposti rigward id-daisy chains jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biex jippermettu lil ċerti entitajiet sussidjarji jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-MREL interni fuq bażi konsolidata (67), aktar milli fuq bażi individwali. Din il-possibbiltà hija soġġetta għal żewġ settijiet ta’ salvagwardji (68). L-ewwel nett, għal entitajiet ta’ riżoluzzjoni li huma kumpaniji azzjonarji finanzjarji prinċipali (imħallta) tal-Unjoni, huwa meħtieġ li l-entità sussidjarja tkun l-unika sussidjarja diretta miżmuma mill-entità ta’ riżoluzzjoni, u li kemm l-entità ta’ riżoluzzjoni kif ukoll l-entità sussidjarja jkunu stabbiliti fl-istess Stat Membru u jkunu parti mill-istess grupp ta’ riżoluzzjoni. Alternattivament, għal tipi oħra ta’ entitajiet ta’ riżoluzzjoni, huwa meħtieġ li l-entità sussidjarja tkun soġġetta għal rekwiżit tal-Pilastru 2 jew rekwiżit ta’ riżerva kombinata fuq bażi konsolidata. It-tieni, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni trid tkun ikkonkludiet li l-konformità mar-rekwiżiti tal-MREL interni fuq bażi konsolidata ma taffettwax b’mod negattiv ir-riżolvibbiltà tal-grupp rilevanti, u lanqas l-applikazzjoni tas-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva u ta’ konverżjoni għal dik l-entità intermedja jew għal entitajiet oħra fl-istess grupp ta’ riżoluzzjoni. |
12.2 |
Fir-rigward tal-entitajiet ta’ riżoluzzjoni li mhumiex kumpaniji azzjonarji finanzjarji (imħallta) omm tal-Unjoni, issir rabta ma’ rekwiżit tal-Pilastru 2 impost fuq l-entità sussidjarja fuq bażi konsolidata. Il-BĊE jinnota li r-rekwiżiti konsolidati jew subkonsolidati imposti fuq entità sussidjarja fi grupp bankarju tal-Unjoni jridu jiġu stabbiliti skont il-kundizzjonijiet rilevanti skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (69) (minn hawn’ il quddiem ir-“Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital” (CRR)) u d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (70) (minn hawn ’il quddiem id-“Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital” (CRD)). Pereżempju, meta l-istituzzjoni sussidjarja la tkun istituzzjoni prinċipali fi Stat Membru u lanqas ma jkollha sussidjarji f’pajjiżi terzi, is-superviżur jista’ jirrikjedi konformità ma’ ċerti obbligi skont is-CRR u s-CRD (71) fuq bażi subkonsolidata biss meta dan ikun iġġustifikat għal finijiet superviżorji mill-ispeċifiċitajiet tar-riskju jew tal-istruttura kapitali ta’ istituzzjoni jew meta l-Istati Membri jadottaw liġijiet nazzjonali li jirrikjedu s-separazzjoni strutturali tal-attivitajiet fi ħdan grupp bankarju (72). |
13. Aspetti oħra relatati mal-qafas ta’ assigurazzjoni tad-depożiti
13.1. |
L-emendi proposti għad-DGSD jipproponu għadd ta’ bidliet oħra fil-qafas tal-assigurazzjoni tad-depożiti (73). Il-BĊE jilqa’ dawk il-bidliet li jwasslu għal aktar armonizzazzjoni u jkabbru s-sett ta’ għodod tal-awtoritajiet taħt il-qafas tas-CMDI. |
13.2. |
Ftit mill-bidliet proposti tad-DGSD huma sors ta’ tħassib għall-BĊE. L-ewwel nett, l-emendi proposti għad-DGSD għandhom l-għan li jagħtu lis-superviżur obbligu li jiżgura l-konformità mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu mal-obbligi tagħhom bħala membri tal-SGD (74). Is-setgħat tas-superviżur skont is-CRD jistgħu jintużaw biss biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fiha, u ma jistgħux jiġu estiżi għal kwistjonijiet mhux relatati, bħal nuqqas ta’ konformità mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu mal-obbligi tagħhom bħala membri tal-SGD. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tal-SGD jinsabu f’pożizzjoni ħafna aħjar biex jivvalutaw tali konformità u minflok għandhom jingħataw is-setgħa bil-poteri ta’ infurzar rilevanti. Għalhekk, il-BĊE jirrakkomanda li din il-proposta tiġi kkunsidrata mill-ġdid. |
13.3. |
It-tieni, l-emendi proposti għad-DSGD jissuġġerixxu li l-SGD se jitħallew iżommu l-fondi tagħhom f’kontijiet tal-bank ċentrali nazzjonali (BĊN) (75). Filwaqt li l-ftuħ ta’ tali kontijiet ikun konsistenti mat-Trattat (76), din id-dispożizzjoni tista’ teħtieġ bidliet f’xi statuti tal-BĊNi skont id-dritt nazzjonali biex jiġi żgurat li kemm l-SGD pubbliċi kif ukoll dawk privati jkunu eliġibbli biex jiftħu l-kontijiet meħtieġa. Barra minn hekk, kwalunkwe finanzjament minn BĊN ta’ SGD, pereżempju permezz tal-estensjoni ta’ faċilitajiet ta’ overdraft fir-rigward ta’ kont ta’ SGD f’BĊN, ma jkunx kompatibbli mal-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju sa fejn l-SGD tikkwalifika bħala “korp irregolat mil-liġi pubblika” skont it-tifsira tal-Artikolu 123(1) tat-Trattat (77). |
14. L-iffaċilitar tat-trasferiment tal-kontribuzzjonijiet tal-SGD
14.1. |
Bħalissa, meta istituzzjoni ta’ kreditu ma tibqax membru ta’ SGD u tissieħeb f’SGD oħra, jew jekk xi wħud mill-attivitajiet tagħha jiġu ttrasferiti lil SGD oħra, il-SGD tal-oriġini tittrasferixxi biss sehem żgħir mill-kontribuzzjonijiet passati tal-istituzzjoni ta’ kreditu lill-SGD il-ġdida. Mill-2024, ladarba l-SGD ikunu laħqu l-livell fil-mira tagħhom, il-possibbiltà ta’ trasferiment tal-kontribuzzjonijiet tista’ tieqaf kompletament, peress li l-kontribuzzjonijiet tal-aħħar 12-il xahar biss jistgħu jiġu ttrasferiti. Fil-każ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li tibdel l-affiljazzjoni tal-SGD tagħha, dan iwassal għal surplus ta’ finanzjament fl-SGD tal-oriġini peress li r-riskji koperti minn din l-SGD jitnaqqsu filwaqt li l-mezzi finanzjarji tagħha jibqgħu simili ħafna. Min-naħa l-oħra, fl-SGD riċeventi, tinħoloq diskrepanza fil-finanzjament peress li r-riżorsi trasferiti mhumiex proporzjonati mar-riskji trasferiti. Din il-lakuna għandha timtela mill-istituzzjoni tal-kreditu li tittrasferixxi jew mill-membri kollha tal-SGD riċeventi. Il-qafas attwali tal-assigurazzjoni tad-depożiti jittratta l-SGD tal-oriġini b’mod favorevoli għad-detriment tal-istituzzjoni tal-kreditu li tittrasferixxi u/jew tal-membri tal-SGD riċeventi. Jekk ma jinbidilx, il-qafas ta’ assigurazzjoni tad-depożiti jimponi spejjeż li saru irrekuperabbli sinifikanti fuq istituzzjoni ta’ kreditu li tbiddel l-affiljazzjoni tagħha mal-SGD. Dan jikkostitwixxi ostaklu materjali għall-objettiv tal-promozzjoni tas-suq uniku għas-servizzi bankarji fl-Unjoni. |
14.2. |
Il-BĊE jiddispjaċih li l-proposta tal-Kummissjoni ma ssegwix ir-rakkomandazzjoni tal-EBA (78) biex tagħti mandat lill-EBA bl-iżvilupp ta’ metodoloġija li tindirizza dan id-difett fil-qafas tal-assigurazzjoni tad-depożiti. Il-BĊE jipproponi li l-EBA tingħata l-mandat biex tiżviluppa metodoloġija għall-kalkolu tal-ammont ta’ kontribuzzjonijiet li għandhom jiġu ttrasferiti biex jiġi żgurat li jkun hemm allinjament mar-riskji trasferiti. Dan jimminimizza s-surplus ta’ finanzjament fl-SGD tal-oriġini u kwalunkwe diskrepanza fil-finanzjament fl-SGD riċeventi, u b’hekk jevita l-impożizzjoni ta’ spejjeż mhux meħtieġa fuq l-istituzzjoni tal-kreditu li tittrasferixxi u fuq membri oħra tal-SGD riċeventi. Tali metodoloġija għandha tibbilanċja l-interessi tal-SGD involuti u għandha tippreserva l-istabbiltà finanzjarja fis-sistema kollha. |
15. Skambju ta’ informazzjoni
15.1. |
Il-pakkett leġiżlattiv propost għandu l-għan li jsaħħaħ aktar id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-iskambju ta’ informazzjoni fil-kuntest tal-ġestjoni tal-kriżijiet (79). |
15.2. |
Il-BĊE jappoġġa l-iskambju komprensiv u f’waqtu ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għall-finijiet tal-ġestjoni tal-kriżijiet. Il-BĊE u l-SRB diġà għandhom fis-seħħ Memorandum ta’ Qbil bilaterali komprensiv li jiffaċilita tali skambju (80). Il-Memorandum jistabbilixxi diversi kanali għall-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni, filwaqt li jiżgura li l-SRB jiġi infurmat dwar l-iżviluppi rilevanti li jikkonċernaw l-entitajiet issorveljati direttament mill-BĊE. |
15.3. |
Madankollu, il-BĊE għandu tħassib dwar l-emendi proposti għall-SRMR u għall-BRRD li jirrikjedu li l-BĊE u membri oħra tas-SEBĊ jipprovdu lill-SRB bl-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tal-SRB skont l-SRMR (81) u li jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tal-Kummissjoni skont il-BRRD relatati mal-iżvilupp tal-politika, inkluż it-tħejjija tal-valutazzjonijiet tal-impatt u t-tħejjija u n-negozjar ta’ proposti leġiżlattivi (82). |
15.4. |
Il-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ dawn l-obbligi mhuwiex ċar u għalhekk tkun milqugħa speċifikazzjoni ulterjuri tat-tip ta’ informazzjoni li għandha tiġi trażmessa lill-SRB u lill-Kummissjoni. B’mod speċifiku, kwalunkwe dispożizzjoni ġdida dwar l-iskambju ta’ informazzjoni li għandha tiġi inkluża fil-BRRD tista’ tapplika biss għas-suġġett ta’ dik id-Direttiva. Tali skambju ta’ informazzjoni ma jinkludix, pereżempju, informazzjoni relatata mas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew l-attivitajiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-iżvilupp tal-politika. Il-BĊE jifhem li dan l-iskambju ta’ informazzjoni jikkonċerna biss informazzjoni f’forma aggregata li ma tikkonċernax istituzzjonijiet ta’ kreditu individwali. Barra minn hekk, il-BĊE jilqa’ l-istabbiliment ta’ arranġamenti ta’ kooperazzjoni mal-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata trażmissjoni effettiva u bla xkiel ta’ din l-informazzjoni. Fl-aħħar nett, il-BĊE jifhem li kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali se tiġi trażmessa lill-Kummissjoni f’konformità mal-liġi settorjali rilevanti tal-Unjoni li tistabbilixxi l-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali u l-eċċezzjonijiet għal tali protezzjoni. |
15.5. |
Għandu jitfakkar ukoll li informazzjoni statistika kunfidenzjali tista’ tiġi trażmessa biss lill-SRB u lill-Kummissjoni f’konformità mal-liġi rilevanti tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali. B’mod partikolari, l-Artikolu 8(4a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 (83) jippermetti lill-membri tas-SEBĊ jittrażmettu informazzjoni statistika kunfidenzjali (84) lill-awtoritajiet jew lill-korpi tal-Istati Membri u lill-Unjoni responsabbli għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet, is-swieq u l-infrastrutturi finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja sal-punt u fil-livell ta’ dettall meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti rispettivi tagħhom. Bis-saħħa ta’ dan l-istess artikolu, l-awtoritajiet jew il-korpi li jirċievu informazzjoni statistika kunfidenzjali għandhom jieħdu l-miżuri kollha regolatorji, amministrattivi, tekniċi u organizzattivi meħtieġa sabiex jiżguraw il-protezzjoni fiżika u loġika ta’ informazzjoni statistika kunfidenzjali. Abbażi ta’ dan, u fuq talba tal-SRB, il-BĊE jittrażmetti informazzjoni statistika kunfidenzjali lill-SRB. |
16. Trasferimenti ta’ data personali
16.1. |
Filwaqt li l-pakkett leġiżlattiv propost ifittex li jkompli jsaħħaħ id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-iskambju ta’ informazzjoni fil-kuntest tal-ġestjoni tal-kriżijiet, dan ma jittrattax il-kwistjoni tal-protezzjoni tad-data personali, li hija suġġett importanti u dritt fundamentali. Il-SRMR jista’ jipprovdi gwida aktar ċara dwar l-iskambju ta’ data personali u salvagwardji xierqa għas-suġġetti tad-data sabiex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn l-interessi differenti inkwistjoni. |
16.2. |
Barra minn hekk, l-esperjenza wriet li l-konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-data tista’ teħtieġ aktar żmien sabiex jitwettqu l-azzjonijiet meħtieġa qabel l-iskambju tal-informazzjoni rilevanti. Dan iż-żmien addizzjonali meħtieġ jista’ jwassal għal dewmien potenzjali. Dan ikun partikolarment problematiku fil-kuntest ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi meta, pereżempju, l-SRB jeħtieġ informazzjoni fil-pront biex iħejji għar-riżoluzzjoni. Għalhekk, jista’ jkun hemm il-ħtieġa li jiġu introdotti dispożizzjonijiet speċifiċi biex jiġu ffaċilitati temporanjament ir-rekwiżiti proċedurali tal-protezzjoni tad-data sabiex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn l-interessi differenti involuti f’dawk iċ-ċirkostanzi ta’ kriżi.
Fejn il-BĊE jirrakkomanda li r-regolament u d-direttivi proposti jiġu emendati, tfasslu proposti speċifiċi tal-abbozzar f’dokument ta’ ħidma tekniku separat flimkien ma’ test spjegattiv għal dan il-għan. Id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fuq EUR-Lex. |
Magħmul fi Frankfurt am Main, il-5 ta’ Lulju 2023.
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) COM(2023) 226 final.
(2) COM(2023) 227 final.
(3) COM(2023) 228 final.
(4) COM(2023) 229 final.
(5) Ara l-Opinjoni CON/2017/6 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-8 ta’ Marzu 2017 dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-istrumenti ta’ dejn mhux garantiti fil-ġerarkija tal-insolvenza (ĠU C 132, 26.4.2017, p. 1) u l-Opinjoni CON/2017/47 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-8 ta’ Novembru 2017 dwar reviżjonijiet tal-qafas tal-Unjoni għall-ġestjoni tal-kriżijiet (ĠU C 34, 31.1.2018, p. 17). L-opinjonijiet kollha tal-BĊE huma disponibbli fuq EUR-Lex. Ara, b’mod partikolari, il-kontribut tal-BĊE għall-konsultazzjoni mmirata tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-rieżami tal-qafas tal-ġestjoni tal-kriżijiet u tal-assigurazzjoni tad-depożiti, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu
(6) Ara l-memorandum ta’ spjegazzjoni għall-emendi proposti għall-SRMR, pp. 5 u 10.
(7) Ara l-kontribut tal-BĊE għall-konsultazzjoni mmirata tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-reviżjoni tal-qafas tal-ġestjoni tal-kriżijiet u tal-assigurazzjoni tad-depożiti, p. 1.
(8) Ara l-memorandum ta’ spjegazzjoni għall-emendi proposti għall-BRRD, p. 19.
(9) Ara d-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro dwar il-futur tal-Unjoni Bankarja tas-16 ta’ Ġunju 2022, disponibbli fuq is-sit web tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fuq www.consilium.europa.eu.
(10) Ara l-paragrafu 1.1 tal-Opinjoni CON/2016/26 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-20 ta’ April 2016 dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 sabiex tiġi stabbilita Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti (ĠU C 252, 12.7.2016, p. 1).
(11) Ara l-kontribut tal-BĊE għall-konsultazzjoni mmirata tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-rieżami tal-qafas tal-ġestjoni tal-kriżijiet u tal-assigurazzjoni tad-depożiti, p. 1-4 u 14-15.
(12) Ara l-paragrafu 1.1 tal-Opinjoni CON/2016/26.
(13) Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-rieżami tal-qafas tal-ġestjoni tal-kriżijiet u tal-assigurazzjoni tad-depożiti li jikkontribwixxi għat-tlestija tal-Unjoni Bankarja (COM(2023)225 final).
(14) Ara l-paragrafu 4 tal-Opinjoni CON/2017/47 u l-kontribut tal-BĊE għall-konsultazzjoni mmirata tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-rieżami tal-qafas tal-ġestjoni tal-kriżijiet u tal-assigurazzjoni tad-depożiti, pp. 2 u 5–6.
(15) Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1)
(16) Ara l-Artikolu 1(15) tal-emendi proposti għall-SRMR, li jemenda l-Artikolu 13 tal-SRMR.
(17) Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).
(18) Ara l-Artikolu 1(15) tal-emendi proposti għall-SRMR, li jemenda l-Artikolu 13 tal-SRMR.
(19) Ara l-Artikolu 1(15) tal-emendi proposti għall-SRMR, li jemenda l-Artikolu 13 tal-SRMR.
(20) Ara l-Artikolu 1(15) tal-emendi proposti għall-SRMR, li jemenda l-Artikolu 13 tal-SRMR.
(21) Ara l-premessa 14 u l-Artikolu 1(16), tal-emendi proposti għall-SRMR, li jdaħħal l-Artikolu 13c ġdid fl-SRMR.
(22) Memorandum ta’ qbil bejn il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward tal-Kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni, disponibbli fuq EUR-Lex.
(23) Ara l-Artikolu 1(16) tal-emendi proposti għall-SRMR, li jdaħħal l-Artikolu 13c ġdid fl-SRMR
(24) Ara l-Artikolu 27(1)(h) tal-BRRD.
(25) Ara l-Artikolu 1(16), tal-emendi proposti għall-SRMR, li jdaħħal l-Artikolu ġdid 13c(1)(b) fl-SRMR.
(26) Ara l-kontribut tal-BĊE għall-konsultazzjoni mmirata tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-rieżami tal-qafas tal-ġestjoni tal-kriżijiet u tal-assigurazzjoni tad-depożiti, p. 2 u 6-7.
(27) Ara l-Artikolu 1(20) tal-emendi proposti għall-SRMR, li jdaħħal Artikolu 18a(2) ġdid fil-SRMR.
(28) Ara l-Artikolu 1(20), tal-emendi proposti għall-SRMR, li jdaħħal l-Artikolu 18a ġdid fil-SRMR u l-Artikolu 1(19), tal-emendi proposti għall-BRRD, li jdaħħal l-Artikolu 32c ġdid fil-BRRD.
(29) Ara l-Artikolu 1(20) tal-emendi proposti għall-SRMR, li jdaħħal Artikolu 18a(2)(b) ġdid fl-SRMR.
(30) Ara l-Artikolu 1(12) tal-emendi proposti għad-DGSD, li jemenda l-Artikolu 11 tad-DGSD.
(31) Ara l-Artikolu 1(19)(b) tal-emendi proposti għall-SRMR, li jemenda l-Artikolu 18(4)(d) tal-SRMR.
(32) Ara l-Artikolu 1(17)(b) tal-emendi proposti għall-BRRD, li jemenda l-Artikolu 32(4)(d) tal-BRRD.
(33) Direttiva 2014/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149).
(34) Ara l-Artikolu 1(20), tal-emendi proposti għall-SRMR, li jdaħħal l-Artikolu 18a(1)(b) ġdid, fil-SRMR u l-Artikolu 1(19), tal-emendi proposti għall-BRRD, li jdaħħal l-Artikolu 32c(1)(b) fil-BRRD.
(35) Ara l-Artikolu 1(13) tal-emendi proposti għad-DGSD, li jdaħħal l-Artikolu 11e ġdid fid-DGSD
(36) Ara l-premessa 30 tal-emendi proposti għad-DGSD
(37) Ara l-Artikolu 1(13) tal-emendi proposti għad-DGSD, li jdaħħal l-Artikolu 11e(5) ġdid fid-DGSD
(38) Ara l-premessa 15 u l-Artikolu 1(16) tal-emendi proposti għall-SRMR, li jdaħħal Artikolu 13c ġdid fl-SRMR.
(39) Ara l-premessa 15 tal-emendi proposti għall-SRMR
(40) Ara l-premessa 16 tal-emendi proposti għall-SRMR
(41) Ara, pereżempju, l-Artikolu 1(56), tal-emendi proposti għall-BRRD, li jemenda l-Artikolu 109 tal-BRRD.
(42) Ara l-Artikolu 1(13) tal-emendi proposti għad-DGSD, li jdaħħal l-Artikolu 11e ġdid fid-DGSD
(43) Ara l-Artikolu 1(55)(a), tal-emendi proposti tal-BRRD, li jemenda l-Artikolu 108(1) tal-BRRD.
(44) Ara l-Artikolu 1(24)(a), tal-emendi proposti tal-SRMR, li jemenda l-Artikolu 27(1) tal-SRMR.
(45) Ara l-Artikolu 1(24)(a), tal-emendi proposti tal-SRMR, li jemenda l-Artikolu 27(1) tal-SRMR.
(46) Ara l-FMI, Programm ta’ Valutazzjoni tas-Settur Finanzjarju — Nota Teknika — Riżoluzzjoni Bankarja u Ġestjoni tal-Kriżijiet (2018), pp. 6 u 30, disponibbli fuq is-sit web tal-FMI fuq www.imf.org.
(47) Ara wkoll il-kontribuzzjoni tal-BĊE għall-konsultazzjoni mmirata tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-reviżjoni tal-qafas tal-ġestjoni tal-kriżijiet u tal-assigurazzjoni tad-depożiti, p. 4.
(48) Ara l-kontribut tal-BĊE għall-konsultazzjoni mmirata tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-rieżami tal-qafas tal-ġestjoni tal-kriżijiet u tal-assigurazzjoni tad-depożiti, paġni 3 u 11. Il-BĊE ħeġġeġ lill-Kummissjoni tesplora l-fattibbiltà ta’ soluzzjonijiet bħall-ħolqien ta’ qafas Ewropew ta’ likwidazzjoni amministrattiva — appoġġat mill-EDIS — sabiex jiġi żgurat li l-fallimenti ta’ tali istituzzjonijiet ta’ kreditu jiġu ttrattati b’mod effiċjenti u armonizzat.
(49) Ara l-premessa 26 u l-Artikolu 1(23), tal-emendi proposti għall-SRMR, li jemenda l-Artikolu 21 tal-SRMR.
(50) Ara l-Artikolu 1(55)(a), tal-emendi proposti tal-BRRD, li jemenda l-Artikolu 108(1) tal-BRRD.
(51) Ara wkoll f’dan ir-rigward il-kontribut tal-BĊE għall-konsultazzjoni mmirata tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-rieżami tal-qafas tal-ġestjoni tal-kriżijiet u tal-assigurazzjoni tad-depożiti, paġni 4 u 13.
(52) Għal aktar informazzjoni dwar l-approċċ tal-Istati Uniti, li jinkludi preferenza ta’ depożitant ta’ livell wieħed u dipendenza sinifikanti fuq strateġiji ta’ trasferiment, ara d-diskors minn Andrea Enria, President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE, “Fuq imqades u siġar: fit-triq lejn it-tlestija tal-Unjoni bankarja Ewropea”, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE dwar is-superviżjoni Bankarja f’www.bankingsupervision.europa.eu.
(53) Ara paragrafu 2.3.2 tal-Opinjoni CON/2017/6.
(54) Ara l-Artikolu 32b tal-BRRD.
(55) Ara l-Artikolu 1(18) tar-regolamenti proposti għall-BRRD u l-Artikolu 21(3) tal-BRRD.
(56) Ara l-paragrafu 3.2 tal-Opinjoni CON/2020/25 u l-kontribut għall-konsultazzjoni mmirata tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-rieżami tal-qafas tal-ġestjoni tal-kriżijiet u tal-assigurazzjoni tad-depożiti, paġni 2 u 8.
(57) Ara wkoll il-paragrafu 8.6 hawn fuq.
(58) Ara l-Artikolu 1(18),tal-emendi proposti, li jemendaw lill-BRRD, li temenda l-Artikolu 32b(3) tal-BRRD.
(59) Ara l-Artikolu 4(1)(a) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p.63).
(60) Ara l-premessa 16 u l-Artikolu 1(18) tal-emendi proposti għall-BRRD, li jemenda l-Artikolu 32b(4) tal-BRRD).
(61) Ara l-premessa 16 u l-Artikolu 1(18) tal-emendi proposti għall-BRRD, li jemenda l-Artikolu 32b(1) u (2) tal-BRRD.
(62) Ara l-Artikolu 1(18), tal-emendi proposti għall-BRRD, li jemenda l-Artikolu 32b(1) tal-BRRD u jipprevedi li l-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja nazzjonali rilevanti jrid ikollha s-setgħa li tibda mingħajr dewmien il-proċedura ta’ stralċ tal-istituzzjoni jew tal-entità b’mod ordnat.
(63) Ara l-Artikolu 1(37) (a), tal-emendi proposti għall-SRMR, li jemenda l-Artikolu 70(3) tal-SRMR u l-Artikolu 1(53)(a), tal-emendi proposti għall-BRRD, li jemenda l-Artikolu 103(3) tal-BRRD.
(64) Ara s-Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2020, BNP Paribas vs il-Bank Ċentrali Ewropew, T-150/18 u T-345/18, EU:T:2020:394, punt 78.
(65) Ara l-Artikolu 1(37) (b), tal-emendi proposti għall-SRMR, li jdaħħal Artikolu 70(3a) ġdid fil-SRMR u l-Artikolu 1(53)(b), tal-emendi proposti għall-BRRD, li jdaħħal Artikolu 103(3a) ġdid fil-BRRD.
(66) Ara l-Artikolu 1(37) (b), tal-emendi proposti għall-SRMR, li jdaħħal Artikolu 70(3a) ġdid fil-SRMR u l-Artikolu 1(53)(b), tal-emendi proposti għall-BRRD, li jdaħħal Artikolu 103(3a) ġdid fil-BRRD.
(67) Ara l-Artikolu 1(3)(a), u l-Artikolu 2(7)(a), tal-emendi proposti rigward id-daisy chains, li jemendaw l-Artikolu 45f(1) tal-BRRD u l-Artikolu 12g(1) tal-SRMR rispettivament.
(68) Ara l-Artikolu 1(3)(a), u l-Artikolu 2(7)(a), tal-emendi proposti rigward id-daisy chains, li jemendaw l-Artikolu 45f(1) tal-BRRD u l-Artikolu 12g(1) tal-SRMR rispettivament.
(69) Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(70) Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).
(71) Ara l-Partijiet Tnejn sa Tmienja tas-CRR u t-Titolu VII tas-CRD.
(72) Ara l-Artikolu 11(6) tas-CRR.
(73) Il-maġġoranza ta’ dawn il-bidliet jistgħu jiġu ttraċċati lura għall-Opinjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea dwar il-finanzjament tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti u l-użi tal-fondi tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti (EBA/OP/2020/02), disponibbli fuq is-sit web tal-EBA fuq www.eba.europa.eu.
(74) Ara l-Artikolu 1(3)(a), tal-emendi proposti għad-DGSD, li jemenda l-Artikolu 4(4) tad-DGSD.
(75) Ara l-Artikolu 1(11)(e), tal-emendi proposti, li jdaħħal Artikolu 7a ġdid fd-DGSD.
(76) Ara l-Artikolu 17 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), li jipprovdi li, sabiex iwettqu l-operazzjonijiet tagħhom, il-BĊNi jistgħu jiftħu kontijiet għal istituzzjonijiet ta’ kreditu, entitajiet pubbliċi u parteċipanti oħra fis-suq.
(77) Ara r-Rapport ta’ Konverġenza 2022 tal-BĊE, punt 2.2.3; u l-Opinjoni CON/2020/24.
(78) Ara l-Opinjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea dwar l-eliġibbiltà tad-depożiti, il-livell ta’ kopertura u l-kooperazzjoni bejn l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti (EBA/OP/2019/10), disponibbli fuq is-sit web tal-EBA fuq www.eba.europa.eu.
(79) Ara l-Artikolu 1(25) u (43), tal-emendi proposti għall-SRMR, li jemendaw l-Artikolu 30 l-Artikolu 88 tal-SRMR rispettivament.
(80) Memorandum ta’ Qbil bejn il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni.
(81) Ara l-Artikolu 1(29), tal-emendi proposti għall-SRMR, li jemenda l-Artikolu 34 tal-SRMR u l-Artikolu 1(58), tal-emendi proposti għall-BRRD, li jemenda l-Artikolu 128 tal-BRRD.
(82) Ara l-Artikolu 1(58) tal-emendi proposti u l-Artikolu 128(3) tal-BRRD.
(83) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 Novembru 1998 dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8). Il-bażi legali għar-Regolament (KE) Nru 2533/98 hija l-Artikolu 5.4 tal-Istatut tas-SEBĊ, li jipprovdi li l-Kunsill, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41 tal-Istatut tas-SEBĊ, għandu, inter alia, jiddefinixxi r-reġim ta’ kunfidenzjalità applikabbli għall-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-BĊE, assistit mill-BĊNi.
(84) Kif definit fl-Artikolu 1(12) tar-Regolament (KE) Nru 2533/98.