10.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 89/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-16 ta' Jannar 2023

dwar proposta għal direttiva dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (riformulazzjoni)

(CON/2023/2)

(2023/C 89/01)

Introduzzjoni u bażi legali

Fil-15 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat proposta għal direttiva dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (1) (minn hawn ’il quddiem id-“direttiva proposta”).

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iddeċieda li jagħti opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar id-direttiva proposta. Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikolu 25.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn 'il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), b'mod partikolari peress li d-direttiva proposta tirrigwarda (a) il-kompitu bażiku li għandu jitwettaq permezz tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) biex tiddefinixxi u timplimenta l-politika monetarja skont l-Artikolu 127(2) TFUE; (b) il-kompiti tal-BĊE dwar is-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu skont l-Artikolu 127(6) TFUE; u (c) il-kontribut tal-BĊE għall-armonizzazzjoni, fejn meħtieġ, tar-regoli u l-prattiki li jirregolaw il-ġbir, il-kumpilazzjoni u d-distribuzzjoni tal-istatistika fil-partijiet tal-oqsma ta’ kompetenza tiegħu skont l-Artikolu 5.3 tal-Istatut tas-SEBĊ. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Osservazzjonijiet Ġenerali

1.1.

Il-BĊE jappoġġa b’mod ġenerali d-direttiva proposta, li għandha l-għan li żżid ir-rata u l-profondità tar-rinnovazzjonijiet tal-bini fl-Unjoni, li ttejjeb l-informazzjoni dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u li tiżgura li l-bini kollu jkun konformi mal-għanijiet klimatiċi tal-Unjoni. Id-direttiva proposta mhux biss se tikkontribwixxi għall-għanijiet klimatiċi tal-Unjoni, iżda se tappoġġa wkoll l-isforzi tal-Unjoni biex tiżgura s-sigurtà tal-enerġija. Billi tindirizza l-ostakli għar-rinnovazzjoni u tistabbilixxi miri lejn it-titjib tal-effiċjenza enerġetika tal-bini, id-direttiva proposta se tikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-dipendenza tal-Unjoni fuq il-fjuwils fossili u tnaqqas id-domanda għall-gass naturali. Barra minn hekk, se tagħmel l-unitajiet domestiċi u l-kumpaniji aktar reżiljenti għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija billi tnaqqas il-konsum tal-enerġija tal-bini u, fuq terminu medju sa twil, se tgħin biex titnaqqas is-sensittività tal-prezzijiet għall-volatilità fil-prezzijiet tal-fjuwils fossili. Barra minn hekk, id-direttiva proposta ġġib aktar ċertezza għall-pass u l-iskeda ta’ żmien tat-tranżizzjoni sostenibbli tal-Unjoni, b’mod li jista’ jitqies mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji fid-deċiżjonijiet tagħhom dwar l-allokazzjonijiet tal-portafoll u l-finanzjament fuq terminu medju.

1.2.

Il-BĊE jilqa’ l-għan tad-direttiva proposta li ttejjeb l-aċċess għaċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija (EPCs) madwar l-Unjoni. Il-miżuri proposti jiżguraw aċċess sħiħ għall-EPCs għall-istituzzjonijiet finanzjarji, filwaqt li jindirizzaw l-isfidi sinifikanti rigward l-aċċess għal din l-informazzjoni li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, b’mod partikolari, u l-istituzzjonijiet finanzjarji, b’mod aktar ġenerali, qed jiffaċċjaw bħalissa. Dawn il-miżuri jippermettu lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u lill-istituzzjonijiet finanzjarji jtejbu l-valutazzjonijiet tar-riskju tat-tranżizzjoni relatata mal-klima tal-assi tal-proprjetà immobbli tagħhom. Dan it-titjib huwa rilevanti għall-BĊE, għall-Eurosistema u għas-SEBĊ għal diversi raġunijiet. L-ewwel nett, peress li s-self ta’ proprjetà immobbli jirrappreżenta sehem sinifikanti tal-portafoll bankarju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu sorveljati, din l-informazzjoni hija rilevanti ħafna għall-BĊE u l-funzjonijiet superviżorji bankarji tiegħu. It-tieni nett, peress li sehem sinifikanti tal-kollateral użat mill-kontropartijiet f’operazzjonijiet ta’ politika monetarja jikkonsisti f’assi finanzjarji ggarantiti minn ipoteki fuq proprjetà immobbli, l-iżgurar ta’ aċċess sħiħ għall-informazzjoni tal-EPC għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji jtejjeb il-kapaċità tal-Eurosistema – fit-twettiq tal-mandat tagħha ta’ stabbiltà tal-prezzijiet – li tidentifika, timmonitorja u timmitiga r-riskji li huma assoċjati mal-kontropartijiet tagħha, il-kollateral li taċċetta fl-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tagħha u l-parteċipazzjonijiet tagħha ta’ assi li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet diretti. It-tielet, huwa meħtieġ aċċess akbar għal informazzjoni granulari tal-EPC biex jiġu appoġġati l-kompiti statistiċi tas-SEBĊ, inkluż l-iżvilupp ta’ indikaturi statistiċi għall-analiżi tar-riskju tat-tibdil fil-klima. Dan imbagħad jgħin lill-BĊE meta jikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni tar-regoli u l-prattiki li jirregolaw il-ġbir, il-kompilazzjoni u d-distribuzzjoni tal-istatistika fl-oqsma ta’ kompetenza tiegħu.

1.3.

Madankollu, il-BĊE għandu tħassib dwar il-metodoloġija proposta għad-definizzjoni tal-klassijiet il-ġodda tal-EPC, u jappella għal grad ogħla ta’ armonizzazzjoni madwar l-Unjoni. Id-direttiva proposta tiddefinixxi biss kriterji komuni għall-aħjar u l-agħar EPCs għal kull Stat Membru, mingħajr ma tarmonizza bis-sħiħ id-definizzjonijiet u l-metodoloġiji sottostanti li huma determinati fil-livell nazzjonali. Minn perspettiva ta’ riskju, dan se jnaqqas il-komparabbiltà fost l-Istati Membri u jnaqqas l-utilità tal-EPCs bħala indikaturi għar-riskju ta’ assi tal-proprjetà immobbli speċifiku. Metodoloġija aktar armonizzata tgħin lill-BĊE, fil-funzjonijiet superviżorji prudenzjali tiegħu, biex jivvaluta l-impatt tal-effiċjenza enerġetika fuq l-iskoperturi tal-proprjetà immobbli tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, abbażi ta’ data affidabbli u komparabbli kif ukoll definizzjonijiet komuni u standardizzati fil-livell tal-Unjoni. Dan itejjeb ukoll il-kapaċità tal-Eurosistema li timmonitorja u tivvaluta kif xieraq l-impatt tar-riskji finanzjarji relatati mal-klima fuq l-assi li għandha fuq il-karta bilanċjali tagħha, u li tiżgura protezzjoni adegwata tar-riskju tal-karta bilanċjali tal-Eurosistema.

1.4.

Id-direttiva proposta tirrikonoxxi ġustament l-interess tal-industrija finanzjarja li jkollha aċċess għall-informazzjoni dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija. Id-direttiva proposta għandha tagħmilha ċara li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li huma s-sors ewlieni ta’ self ipotekarju, huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

1.5.

Kif spjegat aktar fid-dettall hawn taħt, il-BĊE jiffavorixxi, b’mod partikolari, (a) metodoloġija aktar armonizzata għat-tikkettar tal-EPC madwar l-Unjoni; (b) aċċess sħiħ u f’waqtu għall-bażijiet tad-data tal-EPC għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji biex jimmaniġġjaw ir-riskji ta’ tranżizzjoni tagħhom relatati mal-klima; u (c) it-traspożizzjoni tad-direttiva proposta qabel l-2025.

Osservazzjonijiet speċifiċi

2.   Metodoloġija għad-definizzjoni ta’ klassijiet ġodda tal-EPC

2.1.

Peress li xi Stati Membri japplikaw l-istandards tal-EPC fil-livell reġjonali, il-BĊE jiffavorixxi li l-proċess ta’ tikkettar tal-EPC u l-limiti sottostanti jiġu armonizzati fl-Istati Membri. Barra minn hekk, id-direttiva proposta għandha tillimita l-eżenzjonijiet li jaqgħu taħt id-diskrezzjoni nazzjonali (jiġifieri, f’xi Stati Membri, binjiet awtonomi b’erja utli tal-art totali ta’ inqas minn 50 m2 mhumiex soġġetti għar-rekwiżiti tal-EPC) biex jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ disponibbiltà tal-EPC fis-suq u approċċ komuni fil-livell tal-Unjoni.

2.2.

Fir-rigward tad-definizzjoni tal-EPC, filwaqt li l-BĊE japprezza li d-direttiva proposta għandha l-għan li żżid il-komparabbiltà tal-klassijiet tal-EPC madwar l-Unjoni meta mqabbla mal-istatus quo, huwa mħasseb li l-metodoloġija proposta ma tilħaqx il-livell meħtieġ ta’ armonizzazzjoni.

L-ewwel nett, kif muri mill-eżerċizzju tat-test tal-istress klimatiku mwettaq mill-BĊE fl-2022, ir-regolamenti nazzjonali eteroġenji tal-EPC attwalment fis-seħħ, b’mod partikolari l-metodoloġiji differenti applikati mill-Istati Membri biex jikkalkulaw l-effiċjenza enerġetika tal-bini, ma jippermettux l-aggregazzjoni preċiża tad-data fil-livell tal-Unjoni (2).

It-tieni, id-direttiva proposta tistabbilixxi biss kriterji komuni għad-definizzjoni tal-aħjar u l-agħar bini. B’mod partikolari, il-binjiet G se jiġu definiti bħala l-inqas 15 % tal-bini f’kull Stat Membru f’termini tar-rendiment fl-użu tal-enerġija sa meta jiġu introdotti l-EPCs il-ġodda. Dan jimplika li l-inqas 15 % tal-bini jkollu rendimenti reali tal-enerġija differenti ħafna fl-Istati Membri kollha, li jnaqqas b’mod sinifikanti l-komparabbiltà vera madwar l-Unjoni.

It-tielet, id-direttiva proposta ma timplimentax limiti omoġenji madwar l-Unjoni biex tarmonizza l-iskema ta’ tikkettar, iżda pjuttost tħalli d-definizzjoni ta’ EPCs għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri. Filwaqt li dan l-approċċ jista’ jtejjeb it-trasparenza dwar ir-rendiment relattiv tal-enerġija tal-bini fi ħdan Stat Membru u jwassal għal sforz ta’ rinnovazzjoni komparabbli madwar l-Unjoni, dan jista’ potenzjalment iwassal għal allokazzjoni ineffiċjenti tal-kapital fl-Unjoni (3). Barra minn hekk, l-EPCs speċifiċi għall-Istati Membri u l-miri ta’ rinnovazzjoni assoċjati jista’ jkollhom impatt fuq il-valutazzjoni tal-assi tal-proprjetà immobbli, fejn tali valutazzjoni ma tkunx marbuta direttament mar-rendiment fl-użu tal-enerġija u l-impatt assoċjat tal-ispejjeż relatati mal-enerġija. Dan mhuwiex mixtieq minn perspettiva superviżorja u ta’ ġestjoni tar-riskju peress li jagħmilha aktar diffiċli li l-valutazzjoni tal-assi immobiljari tintrabat mal-parametri tar-riskju tal-kreditu u mal-istandards tas-self.

Ir-raba’, minħabba l-kopertura limitata attwali tal-EPCs u n-nuqqas ta’ data dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-istokk tal-bini, il-limiti speċifiċi għall-pajjiż ibbażati fuq l-informazzjoni eżistenti tal-EPC jistgħu jwasslu wkoll għal limiti kkalibrati ħażin, speċjalment fl-Istati Membri fejn il-kopertura tal-EPC hija skarsa. Jekk il-limiti jiġu kkalibrati ħażin, id-data tal-EPC tista’ ma tirriflettix id-distribuzzjoni ġenerali tar-rendiment fl-użu tal-enerġija fil-bini kollu u tintroduċi eteroġeneità mhux ġustifikata madwar l-Istati Membri.

2.3.

Għar-raġunijiet stabbiliti hawn fuq, il-BĊE huwa tal-fehma li metodoloġija aktar omoġenja madwar l-Unjoni hija preferibbli, speċjalment fuq medda twila ta’ żmien. Il-BĊE jirrikonoxxi li l-għażla bejn il-livelli limitu fil-livell tal-Istati Membri u fil-livell tal-Unjoni fl-aħħar mill-aħħar hija deċiżjoni politika li jeħtieġ li tqis ukoll firxa ta’ kunsiderazzjonijiet oħra, bħal sforz ta’ rinnovazzjoni komparabbli f’kull Stat Membru, irrispettivament mill-istat tal-istokk inizjali tal-bini, jew l-utilizzabbiltà għall-inkwilini u x-xerrejja. Madankollu, id-direttiva proposta għandha timmira għall-konverġenza tal-iskalar tal-EPC fl-Istati Membri kollha matul iż-żmien. Approċċ bħal dan jiżgura definizzjoni aktar omoġenja madwar l-Unjoni, li ssaħħaħ il-kontenut tal-informazzjoni tal-EPCs bħala bażi għad-divrenzjar tar-riskju tal-assi tal-proprjetà immobbli abbażi tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (4).

2.4.

Jekk il-modifika tal-metodoloġija għall-armonizzazzjoni tal-EPC fl-aħħar mill-aħħar ma tkunx possibbli, il-kampjunar statistiku bbażat fuq attributi u data oħra tal-bini mill-Istati Membri kollha jista’ jtejjeb il-kalibrazzjoni tal-livelli limitu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija. Idealment, il-kalibrazzjoni għandha ssir fil-livell tal-Unjoni sabiex tiġi evitata frammentazzjoni tal-metodoloġiji ta’ stima. Aktar dettalji dwar id-daqs tal-kampjuni aleatorji li għandhom jintużaw (5) f’termini ta’ sehem tal-assi tal-proprjetà immobbli nazzjonali, b’mod partikolari, itejbu l-konsistenza tal-metodoloġiji madwar l-Istati Membri.

2.5.

Jekk dawn il-bidliet ma jkunux jistgħu jinkisbu, tal-anqas huwa essenzjali li d-data użata għall-kalkolu tal-EPCs tkun disponibbli għall-pubbliku, kif enfasizzat hawn taħt.

3.   Aċċess għad-data dwar ir-rendiment tal-enerġija għall-partijiet interessati

3.1.

Il-BĊE jappoġġja bis-sħiħ l-għan tad-direttiva proposta li tiżgura l-aċċess għall-EPCs mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji. L-aċċess għad-data dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija huwa prerekwiżit essenzjali għall-valutazzjoni tar-riskji ta’ tranżizzjoni relatati mal-klima kif ukoll l-impronta tal-karbonju tal-assi tal-proprjetà immobbli peress li jaffettwaw l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji, b’mod partikolari l-portafolli ipotekarji tagħhom. Għalhekk, l-aċċess jgħin biex jiġu evitati effetti konsegwenzjali potenzjali għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni. L-awtoritajiet responsabbli għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji, inkluż il-BĊE, għandu jkollhom aċċess sħiħ għall-EPCs biex jivvalutaw ir-riskji klimatiċi sottostanti.

3.2.

Minbarra l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-banek ċentrali, parteċipanti oħra fis-swieq finanzjarji li jinvestu fi prodotti ggarantiti minn proprjetà immobbli bħal portafolli ipotekarji, titoli ggarantiti b’assi jew bonds koperti jeħtieġu aċċess għad-data dwar ir-rendiment tal-enerġija tal-proprjetà immobbli sottostanti għall-valutazzjonijiet u d-divulgazzjonijiet tar-riskju klimatiku tagħhom stess, b’mod partikolari skont ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament dwar id-Divulgazzjoni Finanzjarja Sostenibbli”, SFDR) kif ukoll għall-valutazzjoni tal-allinjament tal-attivitajiet ekonomiċi tal-proprjetà immobbli mal-kriterji tal-mitigazzjoni tal-klima tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) (minn hawn ’il quddiem, ir-“Regolament dwar it-Tassonomija”). Id-direttiva proposta għandha għalhekk tiżgura li investituri terzi li jinvestu direttament f’assi li fl-aħħar mill-aħħar ikunu ggarantiti minn proprjetà immobbli jew li jaċċettaw tali assi bħala kollateral ikollhom aċċess għall-informazzjoni tal-EPC għal dik il-proprjetà immobbli.

3.3.

Id-data tal-EPC, inkluża informazzjoni dwar id-domanda għall-enerġija primarja, mhux biss għandha tkun disponibbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest ta’ investimenti diretti jew self ipotekarju għall-bini jew ix-xiri ta’ dar, iżda wkoll għal self ta’ rinnovazzjoni profonda. Dan jippermetti lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u lill-istituzzjonijiet finanzjarji jivvalutaw l-impatt ta’ tali rinnovazzjonijiet fuq il-valur tal-kollateral u jwettqu analiżi tar-riskju xierqa. Fin-nuqqas ta’ tali dispożizzjonijiet, id-direttiva proposta tirriskja li ma tindirizzax waħda mil-lakuni ewlenin fid-data identifikati għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji għall-ġbir tal-informazzjoni meħtieġa mir-Regolament dwar it-Tassonomija (8).

3.4.

Fid-dawl tal-limitazzjonijiet tal-metodoloġija attwali għall-kalkolu tal-istandards tal-EPC (ara l-paragrafu 2.2 hawn fuq), speċjalment fin-nuqqas ta’ metodoloġija aktar armonizzata għall-klassijiet il-ġodda tal-EPC, id-direttiva proposta għandha, bħala minimu, tiżgura li l-attributi u l-oqsma ewlenin kollha tal-EPCs (eż. l-użu tal-enerġija primarja f’kWh/(m2.y)) ikunu disponibbli għall-partijiet interessati kollha, inklużi l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji. L-aċċess għal informazzjoni suffiċjentement granulari (eż. l-użu tal-enerġija primarja f’kWh/(m2.y)), u mhux biss biex tiġi aggregata l-informazzjoni, huwa kruċjali biex jingħelbu l-limitazzjonijiet li jirriżultaw mid-differenzi fil-klassijiet tal-EPC madwar l-Istati Membri u biex tiġi żgurata l-komparabbiltà tagħhom.

3.5.

L-identifikazzjoni unika hija kruċjali għall-irbit tal-informazzjoni bejn is-sorsi tad-data, li tippermetti l-interoperabbiltà u tevita d-duplikazzjonijiet bejn ir-rekwiżiti tar-rapportar. Għalhekk, id-direttiva proposta għandha tiżgura wkoll li d-data tal-EPC tkun tista’ tintrabat mal-post eżatt tal-bini, l-attributi fiżiċi tiegħu jew l-informazzjoni finanzjarja rilevanti bl-użu ta’ identifikazzjoni unika tal-bini u skont linji gwida żviluppati fl-Infrastruttura għall-informazzjoni spazjali fl-Ewropa (9) (INSPIRE), sabiex l-investituri, il-banek ċentrali u r-regolaturi jingħataw il-possibbiltà li jivvalutaw bl-aħjar mod it-tranżizzjoni u r-riskji fiżiċi marbuta mal-bini.

3.6.

Id-direttiva proposta għandha tiċċara li t-trasferiment ta’ informazzjoni mill-bażijiet tad-data nazzjonali lill-Osservatorju Ewropew tal-Istokk Immobiljari jew pjattaforma ddedikata oħra għandha tinftiehem li tinkludi informazzjoni granulari, mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data’, GDPR) u salvagwardji legali oħra. Barra minn hekk, biex jiġi żgurat li l-partijiet interessati kollha jkollhom informazzjoni aġġornata, informazzjoni disponibbli għall-pubbliku minn bażijiet ta”data nazzjonali, kif ukoll informazzjoni trażmessa lill-Osservatorju Ewropew tal-Istokk Immobiljari jew pjattaforma ddedikata oħra, għandhom jiġu aġġornati aktar ta’ spiss minn darba jew darbtejn fis-sena, kif previst attwalment fid-direttiva proposta (11).

4.   Skeda ta’ żmien għal metodoloġija ġdida tal-EPC

4.1.

Il-BĊE jissuġġerixxi traspożizzjoni aktar bikrija tad-direttiva proposta, sa tmiem l-2024, aktar milli fi tmiem l-2025, għar-raġunijiet li ġejjin.

L-ewwel nett, l-eżerċizzji superviżorji mwettqa mill-BĊE fl-2022 urew li l-ammont ta’ data tal-EPC ipprovduta mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu hija kwistjoni ewlenija. Filwaqt li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu rreferew għal aċċess limitat għar-reġistri tal-EPC f’xi Stati Membri (12) bħala waħda mill-kawżi ewlenin, huma naqsu wkoll milli jirrapportaw indikaturi sinifikanti. F’dan ir-rigward, l-għoti ta’ aċċess lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u lill-istituzzjonijiet finanzjarji għal data granulari tal-EPC malajr kemm jista’ jkun itejjeb il-prattiki u l-istrateġiji eżistenti tagħhom tal-ġestjoni tar-riskju fir-rigward tar-riskji ta’ tranżizzjoni relatati mal-klima, b’mod partikolari għall-istokk tal-ktieb tas-self immobiljari tagħhom.

It-tieni, id-disponibbiltà f’waqtha tad-data dwar ir-rendiment tal-enerġija fil-livell tal-Unjoni hija essenzjali biex ikun hemm impenn xieraq għar-rekwiżiti ta’ aġġornament tad-direttiva proposta. Id-direttiva proposta tipprevedi li l-bini u l-unitajiet tal-bini li huma proprjetà ta’ korpi pubbliċi u bini u unitajiet tal-bini mhux residenzjali għandhom jittejbu għal mill-inqas il-klassi F tar-rendiment fl-użu tal-enerġija sal-2027, abbażi tal-istandards tal-EPC il-ġodda. Dawn il-miri huma ta’ sfida biex jintlaħqu mingħajr adozzjoni aktar bikrija tal-istandards tal-EPC il-ġodda (13). L-Istati Membri huma meħtieġa jittrasponu d-direttiva proposta sal-2025, u jħallu biss sentejn biex ilestu r-rinnovazzjonijiet meħtieġa.

4.2.

Jekk ma jkunx possibbli li t-traspożizzjoni titmexxa ’l quddiem, il-BĊE jissuġġerixxi li l-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-direttiva proposta titħaffef sa tmiem l-2024 minflok sa tmiem l-2025.

5.   Modalitajiet għall-armonizzazzjoni tal-EPC

5.1.

Peress li l-EPCs li għadhom kif inħarġu se jkunu validi sa 10 snin, l-adozzjoni tad-direttiva proposta se timplika l-koeżistenza, wara l-2025, ta’ żewġ ġenerazzjonijiet ta’ EPCs għal perijodu ta’ żmien konsiderevoli. It-traspożizzjoni tad-direttiva proposta għandha għalhekk tiċċara kif dawk il-ġenerazzjonijiet qodma u ġodda tal-EPCs jikkorrispondu ma’ xulxin, jekk għandhomx jiġu ttrattati b’mod identiku għal skopijiet regolatorji u kif is-sidien se jirċievu l-EPCs aġġornati abbażi tal-istandards tal-Unjoni, peress li dan ikollu impatt fuq il-valur tal-bini. Pereżempju, il-“bini b’emissjonijiet żero” (ZEBs) huwa marbut mal-klassi A tar-rendiment fl-użu tal-enerġija skont id-direttiva proposta, iżda mhuwiex ċar jekk il-bini li jkun kiseb klassi A tar-rendiment fl-użu tal-enerġija skont id-direttiva eżistenti huwiex se jgħodd bħala ZEBs. Huwa partikolarment rilevanti li dan il-punt jiġi kkunsidrat flimkien ma’ liġi oħra tal-Unjoni, bħar-Regolament dwar it-Tassonomija u l-SFDR, li jagħmlu kontroreferenzi għall-EPCs u għad-definizzjonijiet ta’ ZEB u ta’ “bini b’użu ta’ enerġija qrib iż-żero” (14).

5.2.

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw l-aktar soluzzjonijiet xierqa biex jinċentivaw lis-sidien tal-bini biex jaġġornaw l-EPCs tagħhom fil-ħin, bħala mezz ta’ sensibilizzazzjoni dwar ir-rinnovazzjonijiet kosteffiċjenti rakkomandati biex itejbu r-rendiment fl-użu tal-enerġija.

6.   Standards tal-portafoll ipotekarju

6.1.

Id-direttiva proposta tagħti mandat lill-Istati Membri biex jippromwovu finanzjament u għodod ta’ finanzjament abilitanti, inter alia permezz ta’ standards tal-portafoll ipotekarju, li jinkludu mekkaniżmi li jinċentivaw lis-selliefa ipotekarji biex iżidu r-rendiment enerġetika tal-portafoll tagħhom (15). Madankollu, id-definizzjoni proposta ta’ “standards tal-portafoll ipotekarju” hija relattivament wiesgħa bi ftit linji gwida dwar kif dawn l-istandards għandhom jiġu definiti fil-livell nazzjonali (16). Wara t-traspożizzjoni, din id-definizzjoni tista’ tirriżulta f’xenarju eteroġenu ta’ standards tal-portafoll ipotekarju mhux armonizzati madwar l-Istati Membri. Id-direttiva proposta, jew att delegat ġdid tal-Kummissjoni, jistgħu jispeċifikaw f’aktar dettall ir-rekwiżiti minimi li jarmonizzaw l-istandards tal-portafoll ipotekarju madwar l-Unjoni. Bl-istess mod, huwa tal-akbar importanza li t-tfassil tal-istandards tal-portafoll ipotekarju jkun jista’ jintuża faċilment fil-ħruġ ta’ strumenti finanzjarji u ta’ dejn. Tali tfassil jista’ jiffaċilita l-investimenti transfruntiera f’ipoteki li jtejbu r-rendiment tal-enerġija – anke fil-kuntest tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali – u jimmassimizza l-kontribuzzjoni tas-swieq finanzjarji, u b’hekk inaqqas id-dipendenza fuq is-self bankarju u l-iskemi ta’ appoġġ tal-gvern.

6.2.

L-istandards tal-portafoll ipotekarju idealment għandhom isiru dejjem aktar stretti maż-żmien hekk kif il-livelli medji tal-EPC tal-assi tal-proprjetà immobbli jitjiebu. L-istandards tal-portafoll ipotekarju għandhom għalhekk jiġu riveduti regolarment biex jitqies it-titjib fl-effiċjenza enerġetika tal-istokk tal-proprjetà immobbli sabiex jinżamm l-inċentiv finanzjarju biex tkompli tittejjeb ir-rendiment tal-enerġija tal-aggregazzjonijiet ipotekarji.

7.   Standardizzazzjoni tal-bażi tad-data

7.1.

Id-direttiva proposta tiżgura li r-rabtiet ma’ settijiet ta’ data relatati ma’ bini ieħor jiġu introdotti fil-bażijiet tad-data nazzjonali. Dan jirrikjedi l-interoperabbiltà u l-integrazzjoni ta’ bażijiet tad-data nazzjonali għar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija ma’ bażijiet tad-data amministrattivi oħra li fihom informazzjoni dwar il-bini, bħall-katast tal-bini nazzjonali u r-reġistri diġitali tal-bini. Sabiex jitwessa’ l-użu tal-informazzjoni miġbura għall-finijiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-BĊE jissuġġerixxi li d-direttiva proposta tipprevedi wkoll reviżjoni tal-istandards ta’ implimentazzjoni teknika meħtieġa għal tali interoperabbiltà u integrazzjoni lil hinn mil-livell nazzjonali.

Fejn il-BĊE jirrakkomanda li d-direttiva proposta tiġi emendata, qegħdin jiġu stabbiliti proposti speċifiċi tal-abbozzar f'dokument ta' ħidma tekniku separat flimkien ma' test spjegattiv f'dan is-sens. Id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fuq EUR-Lex.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-16 ta’ Jannar 2023.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  COM(2021) 802 final.

(2)  Ara t-test tal-istress tar-riskju klimatiku tal-2022, Lulju 2022, disponibbli fuq is-sit web tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE fuq www.bankingsupervision.europa.eu

(3)  Is-sidien fl-Istati Membri b’livell relattivament għoli ta’ effiċjenza enerġetika (filwaqt li titqies il-klima lokali) ikunu meħtieġa jirrinnovaw il-bini tagħhom minkejja li l-bini huwa relattivament effiċjenti fl-użu tal-enerġija mill-perspettiva tal-Unjoni kollha. Huwa rikonoxxut li d-disponibbiltà ta’ forza tax-xogħol (fil-biċċa l-kbira lokali) tista’ tkun fattur ta’ limitazzjoni f’xi Stati Membri.

(4)  Metodoloġija aktar preċiża, iżda sempliċi biex jiġu armonizzati l-EPCs tista’ tkun li jinstab indikatur komuni fil-livell tal-Unjoni bħala l-mutur ewlieni, bħall-użu tal-enerġija primarja f’kWh/(m2.y) jew l-emissjonijiet tas-CO2 jew preferibbilment il-kombinazzjoni tat-tnejn, imbagħad jiġi kkalkulat għall-bini kollu u r-riżultati jinqasmu f’seba’ klassijiet. Biex tiġi kkomplementata l-informazzjoni mill-EPCs dwar l-effiċjenza enerġetika, abbażi tal-użu tal-enerġija primarja f’kWh/(m2.y), jista’ jitqies limitu massimu fuq l-emissjonijiet aċċettabbli ta’ gassijiet serra (kgCO2eq/(m2.y) għal kull klassi tal-EPC biex tiġi żgurata dekarbonizzazzjoni aktar rapida tal-proprjetà immobbli.

(5)  Ara l-paragrafu 2 tal-Anness VI tad-direttiva proposta.

(6)  Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).

(7)  Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

(8)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2139 tal-4 ta’ Ġunju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li fihom attività ekonomika tikkwalifika bħala attività li tikkontribwixxi sostanzjalment għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew għall-adattament għat-tibdil fil-klima u sabiex jiġi ddeterminat jekk dik l-attività ekonomika tikkawżax ħsara sinifikanti lil xi wieħed mill-objettivi ambjentali l-oħra (ĠU L 442, 9.12.2021, p. 1) jipprovdi l-kriterju ta’ kontribuzzjoni sostanzjali li ġej għall-attività “Rinnovazzjoni ta’ bini eżistenti”: ir-rinnovazzjoni tal-bini jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli għal rinnovazzjonijiet kbar. Alternattivament, iwassal għal tnaqqis ta’ tal-anqas 30 % fid-domanda għall-enerġija primarja (PED).

(9)  Ara l-bażi tal-għarfien tal-Infrastruttura għall-informazzjoni spazjali fl-Ewropa, disponibbli fuq https://inspire.ec.europa.eu

(10)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p.1).

(11)  Ara Artikolu 19(3) u (4) tad-direttiva proposta.

(12)  Ara t-test tal-istress tar-riskju klimatiku tal-2022, Lulju 2022, disponibbli fuq is-sit web tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE fuq www.bankingsupervision.europa.eu

(13)  Ara Artikolu 9 tad-direttiva proposta.

(14)  Ara l-Anness I, it-Taqsima 7,1, tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2139; l-Anness I tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2022/1288 tas-6 ta’ April 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tal-kontenut u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni b’rabta mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”, li jispeċifikaw il-kontenut, il-metodoloġiji u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni b’rabta mal-indikaturi tas-sostenibbiltà u l-impatti avversi fuq is-sostenibbiltà, u l-kontenut u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni b’rabta mal-promozzjoni tal-karatteristiċi ambjentali jew soċjali u l-objettivi ta’ investiment sostenibbli f’dokumenti prekuntrattwali, fuq is-siti web u fir-rapporti perjodiċi (ĠU L 196, 25.7.2022, p. 1).

(15)  Ara Artikolu 15(4) tad-direttiva proposta.

(16)  Ara l-Artikolu 2, il-punt (36) tad-direttiva proposta.