7.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 466/25


Sommarju tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 389/2012 fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni miżmuma fir-reġistri elettroniċi li jikkonċernaw l-operaturi ekonomiċi li jċaqalqu oġġetti soġġetti għas-sisa bejn l-Istati Membri għal finijiet kummerċjali

(2022/C 466/08)

(It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq is-sit web tal-EDPS https://edps.europa.eu)

L-EDPS jinnota li l-abbozz ta’ Proposta jintroduċi l-emendi li ġejjin għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 389/2012 (1):

skont l-Artikolu 19(4) il-ġdid, l-informazzjoni li tinsab fir-reġistri nazzjonali dwar l-operaturi ekonomiċi kollha involuti fil-movimenti ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa kif imsemmi fil-Kapitolu IV, u fil-Kapitolu V, it-Taqsima 2, tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 (2) għandha tiġi skambjata awtomatikament permezz ta’ reġistru ċentrali;

skont l-Artikolu 20(1) il-ġdid, il-Kummissjoni trid tiżgura li l-persuni kollha involuti fil-moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa jkunu jistgħu jiksbu konferma b’mezzi elettroniċi tal-validità tan-numri tas-sisa miżmuma fir-reġistru ċentrali.

L-EDPS iqis li dawn l-emendi ma jqajmux kwistjonijiet sinifikanti dwar il-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari peress li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fil-kuntest tal-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa mhijiex modifikata mill-emendi proposti.

L-EDPS jinnota wkoll li l-emendi proposti ma jkollhomx impatt fuq il-mezzi diġà stabbiliti għall-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 389/2012.

1.   INTRODUZZJONI

1.

Fl-24 ta’ Ottubru 2022, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 389/2012 fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni miżmuma fir-reġistri elettroniċi li jikkonċernaw l-operaturi ekonomiċi li jmexxu oġġetti soġġetti għas-sisa bejn l-Istati Membri għal finijiet kummerċjali (“il-Proposta”).

2.

L-objettiv tal-Proposta skont il-memorandum ta’ spjegazzjoni huwa li jiġu introdotti l-obbligi tal-Istati Membri rigward l-iskambju ta’ data tal-operaturi ekonomiċi li jmexxu l-merkanzija skont it-Taqsima 2 tal-Kapitolu V tad-Direttiva (UE) 2020/262 miżmuma fir-reġistri nazzjonali mar-reġistru ċentrali, li jippermettu skambju sħiħ ta’ informazzjoni u jnaqqsu l-piż amministrattiv fuq l-operaturi ekonomiċi kif ukoll ir-riskju ta’ frodi u jtejbu l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

Biex jintlaħqu dawn l-objettivi, il-Proposta tfittex li tallinja l-proċedura tal-iskambju tad-data tal-operaturi ekonomiċi li jmexxu l-merkanzija taħt Sospensjoni tad-Dazju mal-iskambju tad-data tal-operaturi ekonomiċi li jmexxu l-merkanzija taħt id-Dazju Imħallas. Dan l-allinjament se jikkontribwixxi għad-diġitalizzazzjoni tal-monitoraġġ tal-movimenti ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa rilaxxati għall-konsum fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u trasferiti lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor sabiex jitwasslu hemmhekk għal skopijiet kummerċjali u jtejbu l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, skont il-memorandum ta’ spjegazzjoni.

3.

F’konformità mal-Artikolu 36 tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262/UE, mit-13 ta’ Frar 2023, il-movimenti kollha intra-UE ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa rrilaxxati għall-konsum fi Stat Membru wieħed u trasferiti lejn Stat Membru ieħor biex jitwasslu hemmhekk għal finijiet kummerċjali (l-hekk imsejħa “movimenti b’Dazju Mħallas”) se jiġu mmonitorjati permezz tas-sistema kompjuterizzata, jiġifieri s-Sistema tal-Movimenti u tal-Kontrolli ta’ Prodotti Soġġetti għas-Sisa (EMCS). Sat-13 ta’ Frar 2023, l-EMCS qed tkopri biss il-movimenti intra-UE ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa f’sospensjoni tad-dazju tas-sisa.

L-estensjoni tas-sistema kompjuterizzata għall-movimenti tad-Dazju Mħallas mid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 teħtieġ li jiġi estiż ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 389/2012.

4.

L-Opinjoni preżenti tal-EDPS hija maħruġa bi tweġiba għal konsultazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea tas-26 ta’ Ottubru 2022, skont l-Artikolu 42(1) tal-EUDPR (3). L-EDPS jilqa’ r-referenza għal din il-konsultazzjoni fil-Premessa (6) tal-Proposta. F’dan ir-rigward, l-EDPS jinnota wkoll b’mod pożittiv li huwa kien ġie kkonsultat preċedentement b’mod informali skont il-Premessa 60 tal-EUDPR.

4.   KONKLUŻJONIJIET

11.

Fid-dawl ta’ dan imsemmi hawn fuq, l-EDPS joqgħod lura milli jagħmel kwalunkwe rakkomandazzjoni.

Brussell, id-9 ta' Novembru 2022.

Wojciech Rafał WIEWIÓROWSKI


(1)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 389/2012 tat- 2 ta’ Mejju 2012 dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2073/2004 (ĠU L 121, 8.5.2012, p. 1.).

(2)  Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU L 58, 27.2.2020, p. 4.).

(3)  Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.).