7.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 262/7


Sommarju tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u New Zealand, min-naħa l-oħra, dwar l-iskambju ta’ data personali bejn l-Europol u l-awtoritajiet ta’ New Zealand kompetenti fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu

[It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jinsab bl-EN, bil-FR u bil-DE fuq is-sit web tal-EDPS www.edps.europa.eu]

(2022/C 262/05)

Fit-13 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet żewġ Proposti għal Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u New Zealand, min-naħa l-oħra, dwar l-iskambju ta’ data personali bejn l-Europol u l-awtoritajiet ta’ New Zealand kompetenti fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu. L-objettiv tal-Ftehim huwa li jippermetti t-trasferiment ta’ data personali bejn l-Europol u l-awtoritajiet kompetenti ta’ New Zealand, filwaqt li jiżgura salvagwardji xierqa fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, inklużi l-privatezza u l-protezzjoni tad-data.

L-EDPS kien diġà kellu l-opportunità li jikkummenta dwar l-iskambju ta’ data personali bejn l-Europol u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ta’ New Zealand fl-Opinjoni tiegħu 1/2020 dwar il-mandat ta’ negozjar għal dan il-Ftehim. L-EDPS jinnota l-eżistenza fi New Zealand ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali ferm stabbilita dwar il-protezzjoni tad-data u awtorità indipendenti għall-protezzjoni tad-data, kompetenti biex tissorvelja wkoll l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Fl-istess ħin, l-EDPS għamel bosta rakkomandazzjonijiet addizzjonali sabiex jikkjarifika u, fejn ikun meħtieġ, jiżviluppa aktar is-salvagwardji u l-kontrolli fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali, relatati b’mod partikolari mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim, il-prinċipju tal-limitazzjoni tal-ħżin u l-għoti ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data.

L-EDPS jinnota b’sodisfazzjon li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu tqiesu matul in-negozjati u sussegwentement ġew riflessi fit-test finali tal-Ftehim, fl-Anness I, l-Artikolu 13 u l-Artikolu 26, rispettivament.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-EDPS iqis li l-Ftehim ippreżentat bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand dwar l-iskambju ta’ data personali bejn l-Europol u l-awtoritajiet ta’ New Zealand kompetenti fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu jipprovdi salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi. Barra minn hekk, jista’ jintuża wkoll bħala mudell għal ftehimiet futuri dwar l-iskambju ta’ data personali għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi.

Fl-istess ħin, l-EDPS ifakkar fl-emendi maqbula reċentement għar-Regolament tal-Europol, li se jkollhom impatt, fost l-oħrajn, fuq il-qafas tal-protezzjoni tad-data applikabbli għall-Europol. F’dan ir-rigward, l-EDPS jissottolinja li l-Europol se jkollha tapplika l-Ftehim dwar l-iskambju ta’ data personali mal-awtoritajiet kompetenti ta’ New Zealand f’konformità sħiħa mal-qafas legali aġġornat tagħha, u speċifikament mas-salvagwardji legali għall-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom, li jinsab fil-Kapitolu IX tal-EUDPR u fir-Regolament emendat tal-Europol.

B’mod partikolari, l-obbligu tal-Europol skont l-Artikolu 26 tal-Ftehim previst li tagħmel disponibbli għall-pubbliku dokument li jistabbilixxi f’forma intelliġibbli d-dispożizzjonijiet dwar l-ipproċessar ta’ data personali trasferita skont il-Ftehim, inklużi l-mezzi disponibbli għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data, jenħtieġ li jiġi interpretat u applikat fid-dawl tal-Artikolu 79 tal-EUDPR u l-obbligu tal-Aġenzija bħala kontrollur tad-data li tagħmel disponibbli jew tagħti informazzjoni speċifika lis-suġġetti tad-data.

1.   INTRODUZZJONI

1.

Fit-13 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet żewġ Proposti għal Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u New Zealand, min-naħa l-oħra, dwar l-iskambju ta’ data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet ta’ New Zealand kompetenti fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu (“il-Proposti”) (1).

2.

L-objettiv tal-Ftehim huwa li jippermetti t-trasferiment ta’ data personali bejn l-Europol u l-awtoritajiet kompetenti ta’ New Zealand, sabiex jappoġġa u jsaħħaħ l-azzjoni mill-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u dawk ta’ New Zealand, kif ukoll il-kooperazzjoni reċiproka tagħhom fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra reati kriminali, inkluż il-kriminalità serja u t-terroriżmu, filwaqt li jiżgura salvagwardji xierqa fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, inkluż il-privatezza u l-protezzjoni tad-data (2).

3.

In-negozjati bejn il-Kummissjoni u New Zealand dwar il-Ftehim twettqu bejn April u Novembru 2021 f’konformità mad-direttivi ta’ negozjati adottati mill-Kunsill fit-13 ta’ Mejju 2020, b’segwitu għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ottubru 2019 (3).

4.

Il-Ftehim previst jibni fuq sħubija mill-qrib li diġà teżisti bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u New Zealand, iffirmat fit-5 ta’ Ottubru 2016, il-Partijiet jimpenjaw lilhom infushom biex jikkooperaw fl-oqsma tal-infurzar tal-liġi, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, id-drogi, iċ-ċiberkriminalità, il-ħasil tal-flus, it-terroriżmu u l-finanzjament tat-terroriżmu.

5.

L-Opinjoni tal-EDPS preżenti qed tinħareġ bi tweġiba għall-konsultazzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Mejju 2022, skont l-Artikolu 42(1) tal-EUDPR, dwar il-Proposti għal Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim. Madankollu, meta jitqies li ż-żewġ Proposti jikkonċernaw l-istess Ftehim, din l-Opinjoni tkopri t-tnejn li huma.

4.   KONKLUZJONIJIET

19.

Fid-dawl ta’ dan imsemmi hawn fuq, l-EDPS jippreżenta l-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

(1)

Il-Ftehim ippreżentat bejn l-Unjoni u New Zealand dwar l-iskambju ta’ data personali bejn l-Europol u l-awtoritajiet ta’ New Zealand kompetenti fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu jipprovdi salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi. F’dan ir-rigward, jista’ jintuża wkoll bħala mudell għal ftehimiet futuri dwar l-iskambju ta’ data personali għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi.

(2)

L-obbligu tal-Europol skont l-Artikolu 26 tal-Ftehim previst li tagħmel disponibbli għall-pubbliku dokument li jistabbilixxi f’forma intelliġibbli d-dispożizzjonijiet dwar l-ipproċessar ta’ data personali trasferita skont il-Ftehim, inklużi l-mezzi disponibbli għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data, jenħtieġ li jiġi interpretat u applikat fid-dawl tal-Artikolu 79 tal-EUDPR u l-obbligu tal-Europol bħala kontrollur tad-data li tagħmel disponibbli jew tagħti informazzjoni speċifika lis-suġġetti tad-data.

Brussell, 10 ta’ Ġunju 2022

Wojciech Rafał WIEWIÓROWSKI


(1)  COM(2022) 207 final u COM (2022) 208 final.

(2)  Ara l-Memorandum ta’ Spjegazzjoni taż-żewġ Proposti, p. 2.

(3)  Idem.