|
3.5.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 157/1 |
Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar ir-risposta tal-bliet u r-reġjuni għall-kriżi tal-enerġija: lejn Unjoni Ewropea tal-Enerġija ġenwina
(2023/C 157/01)
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),
|
— |
wara li kkunsidra l-Pjan REPowerEU tal-Kummissjoni Ewropea tat-18 ta’ Mejju 2022 (1); |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2022/1032 tad-29 ta’ Ġunju 2022 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1938 u (KE) Nru 715/2009 fir-rigward tal-ħżin tal-gass (2); |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 tal-5 ta’ Awwissu 2022 dwar miżuri kkoordinati għal tnaqqis fid-domanda għall-gass (3); |
|
— |
wara li kkunsidra l-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija (4); |
|
— |
wara li kkunsidra l-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jsaħħaħ is-solidarjetà permezz ta’ koordinazzjoni aħjar tax-xiri tal-gass, tal-iskambji transfruntieri tal-gass u parametri referenzjarji affidabbli tal-prezzijiet (5); |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill Ewropew fil-15 ta’ Diċembru 2022 (6); |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2578 tat-22 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq biex jipproteġi liċ-ċittadini u lill-ekonomija kontra prezzijiet eċċessivament għoljin (7); |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2577 tat-22 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi qafas biex jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli (8); |
|
— |
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Ottubru 2022 dwar ir-risposta tal-UE għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija fl-Ewropa (9). |
Il-bliet u r-reġjuni tal-UE: protagonisti tal-kriżi tal-enerġija
|
1. |
jenfasizza r-responsabbiltajiet legali u r-rwol li għandhom il-1,2 miljun mexxej lokali u reġjonali tal-UE minn 90 000 raħal u villaġġ, 900 belt u 280 reġjun fl-indirizzar tal-kriżi tal-enerġija billi jipprovdu għajnuna ekonomika u soċjali lill-unitajiet domestiċi vulnerabbli u lill-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). Minkejja l-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew b’mod qawwi u l-inflazzjoni għolja, l-awtoritajiet lokali u reġjonali komplew jipprovdu servizzi essenzjali u ħadu miżuri biex jiżguraw l-iffrankar tal-enerġija, il-kontinwità tan-negozju tal-enerġija u l-pjani ta’ kontinġenza bl-għan li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-enerġija; |
|
2. |
jirrikonoxxi l-isforzi mingħajr preċedent li saru mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Parlament Ewropew (PE) fit-twaqqif ta’ miżuri urġenti, jinnota madankollu, li l-inizjattivi attwali mhumiex qed jipprovdu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali l-appoġġ immedjat meħtieġ; |
|
3. |
jistieden lill-Presidenza Żvediża tibni fuq l-isforzi eżemplari tal-Presidenza Ċeka u taċċellera l-adozzjoni tal-proposti leġiżlattivi li fadal tal-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” u tiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-UE tkun adatta għall-iskop tagħha biex tindirizza l-kriżi tal-enerġija, filwaqt li tqis l-Opinjonijiet rilevanti tal-KtR (10); |
|
4. |
jenfasizza li ħafna bliet u reġjuni adottaw miri aktar ambizzjużi mill-gvernijiet nazzjonali tagħhom fil-Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECPs) tagħhom; jistieden lill-Istati Membri kollha jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali b’mod attiv fir-reviżjoni u fl-aġġornament tal-NECPs fl-2023 f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament dwar il-Governanza (11); |
|
5. |
jitlob li l-inizjattivi differenti tal-UE tal-enerġija u tal-klima (12) jiġu armonizzati u ssemplifikati aktar, u li jiġi pprovdut l-appoġġ finanzjarju u tekniku meħtieġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali; |
L-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa fil-bliet u fir-reġjuni fid-dawl ta’ Unjoni Ewropea tal-Enerġija ġenwina
|
6. |
jinsab imħasseb ħafna li l-eżitu tal-COP27 tal-UNFCCC jonqos milli jżid u jaċċellera t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra madwar id-dinja u naqas milli jintroduċi sejħa biex il-fjuwils fossili kollha jitnaqqsu gradwalment. Jisħaq li, filwaqt li huwa importanti li tiġi aċċellerata t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u li tintemm id-dipendenza tagħna mill-fjuwils fossili, is-sorsi tal-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju xorta jgħinu biex jipprovdu enerġija stabbli u affordabbli, f’konformità mat-taħlita tal-enerġija proprja tal-Istati Membri; |
|
7. |
jitlob li tiġi stabbilita Unjoni Ewropea tal-Enerġija ġenwina b’suq integrat bis-sħiħ u interkonness sew madwar l-UE, b’sistema ta’ governanza li tiffunzjona sew fil-qalba tagħha. L-integrazzjoni sħiħa titlob li l-Istati Membri jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom biex jiżguraw provvista tal-enerġija adegwata u robusta, bil-għan li jiġi evitat li nuqqasijiet fil-produzzjoni u prezzijiet għoljin jaffettwaw ukoll lil Stati Membri oħra; |
|
8. |
itenni l-importanza kbira tal-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel” u jilqa’ l-isforz li qed isir biex jiġu promossi miżuri għall-iffrankar tal-enerġija fil-livelli kollha madwar l-UE. Jinnota li, filwaqt li xi Stati Membri għadhom ma introduċew l-ebda miżura biex inaqqsu l-konsum tal-gass u tal-elettriku fl-unitajiet domestiċi, fin-negozji jew fil-korpi pubbliċi (13), ħafna bliet madwar l-UE ngħaqdu ma’ Cities Energy Saving Sprint billi introduċew miżuri għall-iffrankar tal-enerġija fuq it-tisħin, id-dawl, il-mobilità, u s-sensibilizzazzjoni, fost oħrajn; |
|
9. |
iqis li dawn il-miżuri m’għandhomx ikunu limitati għall-kriżi attwali u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi proposta għas-suffiċjenza enerġetika biex tissimplifika l-iffrankar tal-enerġija fiż-żoni kollha ta’ politika; jitlob li jiġu promossi u ppremjati b’mod adegwat bidliet sinifikanti fl-imġiba; |
|
10. |
itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw il-ħolqien ta’ punti uniċi ta’ servizz fil-livelli reġjonali u lokali biex jaċċelleraw l-investimenti fil-kostruzzjoni effiċjenti fl-enerġija, fir-rinnovazzjoni tal-bini u fil-proġetti tal-iffrankar tal-enerġija, fid-dawl tal-prinċipji tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida. Jistieden lill-Istati Membri jiddedikaw il-fondi REPowerEU għal dan l-għan, u jimplimentawhom f’kooperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment; |
|
11. |
jilqa’ l-ftehim dwar proċeduri aktar rapidi tal-permessi għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli, u jistieden lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom bis-sħiħ mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u mal-komunitajiet lokali sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ambjent u titrawwem l-aċċettazzjoni soċjali. Jinnota l-ħtieġa urġenti li jiġu żviluppati proċeduri amministrattivi rapidi u li jiġu eliminati l-ostakli burokratiċi għall-installazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fid-djar rurali. Jenfasizza li ż-żoni rurali għandhom potenzjal kbir għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, inkluż l-użu sostenibbli tal-bijomassa tal-foresti bħala enerġija rinnovabbli, u jistgħu jiggwadanjaw minn konnettività akbar mal-grilja u minn opportunitajiet ġodda ta’ impjieg, speċjalment fost iż-żgħażagħ u n-nisa; |
|
12. |
jilqa’ b’sodisfazzjon il-ftehim għal projbizzjoni tal-magni ta’ kombustjoni interna tal-fjuwils fossili għal karozzi tal-passiġġieri u vannijiet ġodda mill-2035 ’il quddiem. Jenfasizza l-ħtieġa għal fjuwils alternattivi, affordabbli u aċċessibbli u għall-istazzjonijiet korrispondenti tar-riforniment u tal-irriċarġjar fir-reġjuni kollha tal-UE. Jisħaq fuq it-talba tal-Alleanza tar-Reġjuni Awtomobilistiċi tal-KtR għal mekkaniżmu ta’ tranżizzjoni ġusta biex tiġi appoġġjata n-nisġa soċjoekonomika tar-reġjuni bi preżenza qawwija tal-industrija tal-karozzi u tal-provvista tal-karozzi; |
|
13. |
iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ infrastrutturi internazzjonali u interreġjonali tat-trażmissjoni tal-elettriku, li jippermettu l-kondiviżjoni tal-elettriku ġġenerat mid-diversi riżorsi rinnovabbli, li huma kkonċentrati f’reġjuni differenti minħabba l-klima u l-karatteristiċi tagħhom. Meta l-elettriku disponibbli f’żoni remoti jkun jista’ jiġi trażmess minn żona għall-oħra, jitnaqqsu s-sigħat ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà u tiġi ffaċilitata l-ġestjoni tas-sistemi elettriċi, u b’hekk titwitta t-triq għall-ġenerazzjoni 100 % tal-elettriku rinnovabbli; |
|
14. |
ifakkar fil-ħtieġa urġenti li tiġi żviluppata u dekarbonizzata l-mobilità urbana u rurali u jappella għal miżuri b’saħħithom biex jiġu promossi infrastruttura sikura u riallokazzjoni tal-ispazju pubbliku fiż-żoni urbani; jenfasizza li r-reġjuni u l-bliet jeħtieġu qafas flessibbli, b’mod partikolari fir-rigward tar-reviżjoni tal-linji gwida dwar l-obbligi tas-servizz pubbliku; |
|
15. |
f’dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tniedi proġett pilota konġunt dwar l-akkwist pubbliku biex numru ta’ bliet tal-UE u l-inħawi tal-madwar tagħhom jiġu pprovduti b’karozzi tal-linja tal-idroġenu, li għandhom jiġu estiżi aktar f’fażi sekondarja, għal bliet u reġjuni oħra madwar l-UE; |
|
16. |
jenfasizza kif is-soluzzjonijiet tal-enerġija nadifa spiss għadhom jiswew ħafna flus u li l-proċeduri ta’ investiment għal proġetti ta’ enerġija nadifa spiss jieħdu ħafna ħin u jkunu burokratiċi ħafna. Jappella għal proposti aktar ambizzjużi biex is-soluzzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli jsiru l-aktar għażliet faċli u rħas fis-suq, u għaldaqstant aċċessibbli wkoll għal familji b’introjtu baxx; |
|
17. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jiddedikaw parti mill-fondi tar-REPowerEU biex jiżviluppaw faċilitajiet ta’ appoġġ fuq il-mudell tal-Faċilità tal-Bliet Ewropej (14), jipprovdu fondi diretti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiżviluppaw pjani ta’ investiment reżistenti għas-suq speċjalment dawk żgħar u ta’ daqs medju u dawk li jiffaċċjaw ostakli strutturali għat-tranżizzjoni tal-enerġija tagħhom, u jappoġġjaw il-kostruzzjoni u r-rinnovazzjoni ta’ djar effiċjenti fl-enerġija speċjalment f’żoni rurali; Jappella wkoll għal għotjiet ġenerużi għal unitajiet domestiċi vulnerabbli li ma jistgħux ikopru l-ispejjeż bil-quddiem; |
|
18. |
iwissi kontra proposti ulterjuri għat-trasferiment ta’ riżorsi mill-FSIE għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jiġi ffinanzjat il-pjan REPowerEU, u joġġezzjona għal kwalunkwe tentattiv biex ir-reġjuni jittiħdulhom ir-riżorsi peress li dan imur kontra l-prinċipji tal-UE, b’mod partikolari dak tas-sussidjarjetà attiva, u l-ftehimiet fis-seħħ dwar il-ġestjoni kondiviża; |
|
19. |
jitlob li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti fl-abbozzar tal-kapitoli l-ġodda dwar ir-REPowerEU tal-pjani tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jiġi żgurat li dawn il-kapitoli l-ġodda jiffinanzjaw proġetti strateġiċi żviluppati mill-awtoritajiet lokali u reġjonali u magħhom, kif ukoll infrastrutturi transfruntiera ġodda; |
|
20. |
jirrikonoxxi l-ewwel impatt pożittiv immedjat li l-miżuri ta’ solidarjetà enerġetika kellhom fuq il-prezzijiet tal-enerġija, u jesprimi l-appoġġ tiegħu għat-tisħiħ tal-Pjattaforma tal-UE għax-Xiri tal-Enerġija; |
|
21. |
jistenna bil-ħerqa r-reviżjoni tad-Direttiva dwar id-disinn tas-suq tal-elettriku, u jistenna li din tinkludi l-miżuri biex ir-rabta bejn il-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku titnaqqas għal livell proporzjonat għas-sehem li l-gass ikollu fil-ġenerazzjoni finali tal-elettriku; |
|
22. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi d-dritt li l-komunitajiet tal-enerġija, il-prosumaturi u l-awtoritajiet lokali jinvolvu ruħhom fil-provvista lokali tal-elettriku rinnovabbli mingħajr ma jsiru fornitur bl-imnut regolat bis-sħiħ, u tiżgura li dawn l-atturi tas-suq mhux professjonali jkollhom drittijiet ta’ aċċess ugwali għall-grilja; |
|
23. |
jisħaq li kwalunkwe azzjoni fuq terminu qasir, bħal żieda fl-importazzjonijiet tal-LNG, trid tkun temporanja u m’għandhiex toħloq sitwazzjonijiet addizzjonali ta’ intrappolament. Jenfasizza li l-investimenti infrastrutturali għandhom ikunu “lesti għall-gass ekoloġiku”, bi tħejjija għan-newtralità klimatika bl-idroġenu rinnovabbli u fjuwils rinnovabbli oħrajn; |
|
24. |
itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea u lill-koleġiżlaturi biex iżidu l-investimenti fir-riċerka u fl-innovazzjoni inkluż f’soluzzjonijiet newtrali għall-klima fir-reviżjoni li jmiss tal-qafas finanzjarju pluriennali, bħall-Missjonijiet tal-UE dwar il-“Bliet Newtrali għall-Klima u Intelliġenti” u l-“Adattament għat-Tibdil fil-Klima” u s-Sħubijiet għall-Innovazzjoni Reġjonali, u biex jiżviluppaw linji ta’ finanzjament ġodda biex jiffaċilitaw konsorzji pubbliċi-privati għall-bini u għas-soluzzjonijiet newtrali għall-klima fil-livell distrettwali, skont il-prinċipji tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida; |
|
25. |
jenfasizza li l-kriżi tal-enerġija attwali tirrappreżenta wkoll opportunità biex jiżdiedu b’mod sinifikanti l-elettrifikazzjoni u l-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli kif ukoll biex jiġi appoġġjat aktar l-iżvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi bħall-qbid, l-użu u ħżin tal-karbonju (CCUS) bħala soluzzjonijiet nodfa għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tagħna; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tappoġġja l-investimenti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-infrastrutturi tal-idroġenu rinnovabbli permezz tal-bank tal-idroġenu li jmiss, filwaqt li tikkapitalizza fuq l-aħjar prattiki eżistenti fil-livell reġjonali u lokali u billi tippromovi r-replikazzjoni tagħhom madwar l-UE; |
|
26. |
jirrimarka li l-investiment fl-iżvilupp tal-ħiliet u fit-titjib tal-ħiliet tal-persunal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali huwa essenzjali biex jiġu aċċellerati t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jniedu inizjattiva speċifika b’dan il-kamp ta’ applikazzjoni fil-qafas tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet 2023; |
L-indirizzar tal-faqar enerġetiku u tal-mobbiltà mingħajr ma jitħalla jibqa’ lura l-ebda reġjun, belt u ċittadin
|
27. |
jiddeplora l-impatti soċjali tal-kriżijiet tal-enerġija u tal-ikel fuq iċ-ċittadini u l-SMEs. Jistieden lill-Istati Membri kollha jistabbilixxu objettiv ċar għat-tnaqqis tal-faqar enerġetiku fl-NECP tagħhom. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw miżuri integrati fil-politiki kollha tal-enerġija u soċjali biex jindirizzaw il-faqar enerġetiku u jeqirduh, filwaqt li jibnu wkoll fuq l-esperjenza miksuba mill-Osservatorju tal-Faqar Enerġetiku tal-UE u miċ-Ċentru ta’ Konsulenza għall-Faqar Enerġetiku; |
|
28. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-koleġiżlaturi jiżguraw li l-istrumenti ta’ politika ġodda u eżistenti jiġu akkumpanjati minn pakkett soċjali robust u minn miżuri ta’ ridistribuzzjoni ġusta biex titwitta t-triq għal tranżizzjoni tal-enerġija ġusta, speċjalment għall-unitajiet domestiċi vulnerabbli u għaż-żgħażagħ. L-implimentazzjoni tal-politiki tat-tranżizzjoni tal-enerġija, bħal rinovazzjonijiet li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija jew l-użu ta’ enerġiji rinnovabbli, għandha tkun akkumpanjata minn għajnuna finanzjarja, teknika u soċjali li tkun immirata b’mod adegwat sabiex tiġi faċilitata l-inklużività ta’ dawn il-miżuri; |
|
29. |
jenfasizza li l-kriżi tal-enerġija għandha impatt proporzjonalment ogħla fuq in-nisa u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tqis il-proofing tal-ġeneru fil-mekkaniżmi ta’ appoġġ tagħha biex tiżgura li dawn ma jwasslux għal aktar inugwaljanza bejn il-ġeneri; |
|
30. |
jilqa’ f’dan ir-rigward l-istabbiliment ta’ kontribuzzjonijiet temporanji ta’ solidarjetà biex id-dħul żejjed tas-settur tal-enerġija jitqassam mill-ġdid lill-klijenti finali u jistieden lill-Istati Membri jipprovdu fondi mmirati lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jindirizzaw il-faqar enerġetiku u tal-mobbiltà fil-livell lokali; |
|
31. |
jenfasizza li l-kriżi tal-enerġija għandha impatt proporzjonalment ikbar fuq il-familji b’introjtu baxx f’żoni rurali li jridu jużaw il-karozzi tagħhom biex ikollhom aċċess għal servizzi essenzjali; jenfasizza li żviluppi fit-trasport pubbliku għandhom inaqqsu l-inugwaljanzi spazjali u l-faqar tal-mobbiltà; |
|
32. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea toffri soluzzjonijiet urġenti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali f’każ ta’ appoġġ insuffiċjenti mill-gvernijiet nazzjonali u jħeġġeġ l-eżenzjoni ta’ investimenti mmirati relatati mal-kriżi tal-enerġija mill-kalkolu tad-defiċit fi ħdan ir-regoli fiskali; |
|
33. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea ddgħajjef ir-rabtiet bejn is-swieq tal-enerġija u tal-agrikoltura sabiex titnaqqas l-intensità enerġetika tal-produzzjoni agrikola; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea twettaq riforma profonda u strutturali tas-sistema tal-ikel li ttemm l-ispekulazzjoni fis-swieq internazzjonali, iżżid ir-regolamentazzjoni u tkompli tipproteġi d-dħul tal-bdiewa; |
|
34. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tippromovi l-kompostjar bħala l-użu preferut tal-bijomassa għall-produzzjoni ta’ fertilizzanti organiċi, u b’hekk titnaqqas id-dipendenza minn fertilizzanti sintetiċi li jiġu mill-gass naturali u ż-żejt, bil-kundizzjoni li t-teknoloġija magħżula ma jkollhiex impatt negattiv fuq il-kwalità tal-arja. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tippromovi mudelli ta’ produzzjoni aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, bħall-agrikoltura sostenibbli ta’ konservazzjoni, u fl-istess ħin tiġbed l-attenzjoni għar-rwol doppju tal-produtturi tal-bijomassa u tal-utenti potenzjali ta’ din il-bijomassa biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-enerġija tagħhom; |
|
35. |
Jenfasizza li domanda akbar għall-bijofjuwils tista’ taggrava l-kriżi tal-ikel; għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-użu tal-prodotti agrikoli għall-ikel; |
|
36. |
jemmen li l-istrumenti u l-prattiki finanzjarji eżistenti tal-Unjoni għandhom jiġu żviluppati aktar u jiġu adattati għal sitwazzjonijiet differenti, sabiex ikunu jistgħu jinstabu sinerġiji bejn il-programmi differenti (15). F’dan ir-rigward jiġbed l-attenzjoni għall-isfidi partikolari li jiffaċċjaw ir-reġjuni rurali u r-reġjuni bi żvantaġġi ġeografiċi; |
|
37. |
jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta li għamlet il-KE fil-kuntest tal-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku biex il-Qafas Temporanju ta’ Għajnuna mill-Istat għall-Kriżijiet jiġi trasformat għal Qafas Temporanju għall-Kriżijiet u t-Tranżizzjoni, li għandu jżid l-investimenti għal distribuzzjoni iktar veloċi tal-enerġiji rinnovabbli. Dan għandu jinkludu l-inċentivar tal-investimenti li jwassal għal tnaqqis sinifikanti tal-emissjonijiet billi jiġu previsti limiti massimi ogħla ta’ għajnuna u kalkoli tal-għajnuna semplifikati, kif ukoll appoġġ għad-dekarbonizzazzjoni tal-industrija u l-produzzjoni tat-tagħmir neċessarju biex tintlaħaq in-newtralità klimatika sal-2050. B’mod ġenerali, il-KtR jappoġġja l-approċċ li l-Istati Membri u l-awtoritajiet sottonazzjonali jingħataw aktar flessibilità biex jappoġġjaw miżuri f’setturi ewlenin għat-tranżizzjoni lejn ekonomija dekarbonizzata, bħall-idroġenu rinnovabbli, il-prestazzjoni enerġetika tal-bini, il-qbid u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju u l-vetturi b’emissjonijiet żero; |
|
38. |
jenfasizza, madankollu, li jridu jiġu evitati kemm jista’ jkun distorsjonijiet ikkawżati minn regoli tal-għajnuna mill-Istat laxki, u li l-Kummissjoni Ewropea jeħtiġilha taħdem biex issib bilanċ bejn it-talbiet differenti tal-Istati Membri. Inkella, is-Suq Uniku jista’ jsofri minn aktar frammentazzjoni, minħabba l-kapaċità finanzjarja li tvarja bejn Stat Membru u ieħor biex jappoġġjaw lin-negozji tagħhom, u b’hekk ikomplu jiżdiedu d-differenzi territorjali; |
|
39. |
jinsab lest li jkompli jappoġġja t-tixrid u r-replikazzjoni tal-aħjar prattiki u l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-enerġija permezz tal-inizjattiva tal-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali tal-KtR u b’mod partikolari permezz tal-iżvilupp kontinwu tal-Manwali tal-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali; |
|
40. |
jimpenja ruħu li jsaħħaħ il-kooperazzjoni dwar is-sigurtà u l-affordabbiltà tal-enerġija mal-pajjiżi ġirien fil-livell lokali u reġjonali; |
|
41. |
itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tinkludi lill-KtR bħala msieħeb istituzzjonali fil-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Faqar Enerġetiku u l-Konsumaturi Vulnerabbli u jinsab lest li jikkontribwixxi għal din il-kooperazzjoni interistituzzjonali permezz tal-Grupp ta’ Ħidma tiegħu dwar il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali; |
|
42. |
jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jibgħat din ir-Riżoluzzjoni lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew, lill-Presidenza Żvediża u lill-Presidenza Spanjola tal-Kunsill tal-UE u lill-President tal-Kunsill Ewropew. |
Brussell, id-9 ta’ Frar 2023.
Vasco ALVES CORDEIRO
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
(1) COM(2022) 230 final.
(2) ĠU L 173, 30.6.2022, p. 17.
(4) COM (2022) 473 final.
(5) COM (2022) 549 final.
(6) https://www.consilium.europa.eu/media/60872/2022-12-15-euco-conclusions-en.pdf
(7) ĠU L 335, 29.12.2022, p. 45.
(8) ĠU L 335, 29.12.2022, p. 36.
(9) https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-9-2022-0347_EN.html
(10) Ara: l-Opinjonijiet tal-KtR dwar ir-reviżjonijiet tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, u d-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija u l-qafas tal-UE għad-dekarbonizzazzjoni tas-swieq tal-gass.
(11) L-Artikolu 11 tar-Regolament dwar il-Governanza jiddikjara li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi djalogu fuq diversi livelli dwar il-klima u l-enerġija, li fih l-awtoritajiet lokali u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jkunu jistgħu jinvolvu ruħhom u jiddiskutu l-kisba tal-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 2 tar-Regolament.
(12) Bħall-Patt tas-Sindki, il-Missjonijiet Ewropej dwar il-“Bliet Newtrali għall-Klima u Intelliġenti” u l-“Adattament għat-Tibdil fil-Klima”, il-Patt Klimatiku Ewropew, l-Enerġija Nadifa għall-Gżejjer tal-UE, u oħrajn.
(13) Saving-Energy-for-Europe-Ex.Summary.pdf (eeb.org)
(14) EUCF – Paġna tal-bidu (eucityfacility.eu)
(15) Ara: l-Opinjoni tal-KtR dwar Tranżizzjoni ġusta u sostenibbli fil-kuntest tar-reġjuni intensivi fl-enerġija u fil-faħam (ĠU C 498, 30.12.2022, p. 36). .