|
2.3.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 79/8 |
Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar is-Sena Ewropea tal-Ħiliet 2023
(2023/C 79/02)
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),
Wara li kkunsidra l-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar Sena Ewropea tal-Ħiliet 2023 (1),
|
1. |
jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li s-sena 2023 tiġi ddeżinjata bħala s-Sena Ewropea tal-Ħiliet, u jappoġġja l-għanijiet ġenerali tal-proposta bħala kontribut f’waqtu u siewi biex tissaħħaħ ir-reżiljenza soċjali, ekonomika u territorjali, inkluż wara l-kriżi tal-COVID-19 u fl-isfond tal-gwerra fl-Ukrajna, u biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti l-ġodda tal-ħiliet, speċjalment dawk relatati mat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali; |
|
2. |
jirrakkomanda l-involviment mill-qrib taż-żgħażagħ u tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fl-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet, bħala legat tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ u fl-ispirtu tal-integrazzjoni taż-żgħażagħ; |
|
3. |
jisħaq li, peress li huwa diffiċli li jiġu mbassra x-xejriet futuri tas-suq tax-xogħol u r-ritmu sussegwenti tal-bidliet meħtieġa fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, huwa ta’ importanza kbira li jkun hemm trasformazzjoni profonda fil-mentalità u fl-imġiba tal-partijiet ikkonċernati. F’dan il-kuntest, jistenna li s-Sena Ewropea tal-Ħiliet tkun l-okkażjoni biex tinħoloq, f’kooperazzjoni mal-livelli kollha ta’ governanza, ekosistema vibranti u kreattiva fejn in-nies, u speċjalment iż-żgħażagħ, ikunu jistgħu jiddiskutu u jfasslu b’mod konġunt risponsi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ bl-għan li jgħinu din it-tranżizzjoni; |
|
4. |
jenfasizza li s-Sena Ewropea tal-Ħiliet għandha tkun opportunità biex isir investiment biex jiġi żgurat li l-politika dwar il-ħiliet tibqa’ valida fil-futur. Dan, flimkien mad-dimensjoni diġitalizzata li qiegħda dejjem tiżdied tal-ħajja professjonali, jeħtieġ bidla radikali fis-settijiet ta’ ħiliet. F’dan ir-rigward, jenfasizza l-ħtieġa li jiġu mħeġġa u promossi l-ħiliet it-tajba għat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, filwaqt li jiġu ppreservati l-ħiliet u l-għarfien tradizzjonali; |
|
5. |
Jistenna li s-Sena Ewropea tal-Ħiliet tagħti spinta lill-implimentazzjoni tal-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa tal-2021 u li ssir stadju importanti biex jintlaħqu l-miri ewlenin tal-UE stabbiliti mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li mill-inqas 60 % tal-adulti jipparteċipaw fit-taħriġ kull sena, u ta’ rata ta’ impjieg ta’ mill-inqas 78 % sal-2030, u biex in-nisa u ż-żgħażagħ jkunu jistgħu jidħlu (mill-ġdid) fis-suq tax-xogħol u jiġu appoġġjati. Jittama, bl-istess mod, li billi tagħti lill-individwi inċentivi biex itejbu l-ħiliet tagħhom, u għalhekk l-impjegabbiltà tagħhom, is-Sena Ewropea tal-Ħiliet se tikkontribwixxi wkoll għall-kisba tat-tielet mira ewlenija tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, jiġifieri, tnaqqis ta’ mill-inqas 15-il miljun persuna fl-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali; |
|
6. |
jistenna li l-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet tikkontribwixxi għat-twettiq tal-Aġenda 2030 tan-NU u s-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tagħha; |
|
7. |
jistenna li s-Sena Ewropea tal-Ħiliet tkun l-okkażjoni għall-valutazzjoni tal-progress li sar fit-territorji differenti tal-UE fir-rigward tad-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ NextGenerationEU taħt l-inizjattiva emblematika tiegħu “Tiġdid u titjib tal-ħiliet”, flimkien mal-adattament tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ biex jappoġġjaw il-ħiliet diġitali u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għall-etajiet kollha; |
|
8. |
jirrimarka li l-kriżi tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tal-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna kkawżaw intoppi konsiderevoli fl-oqsma tal-edukazzjoni, tal-impjiegi, tas-saħħa mentali u tal-introjtu nett. F’dan ir-rigward, jitlob li s-Sena Ewropea tal-Ħiliet tippromvi miżuri sabiex jiġi miġġieled il-qgħad, inkluż il-qgħad fit-tul u s-sottoimpjieg, u jiġu indirizzati l-kwistjonijiet kruċjali taż-żgħażagħ barra mill-Edukazzjoni, Impjieg jew Taħriġ (NEET), kif ukoll tal-ħiliet li se jibqgħu validi fil-futur; |
|
9. |
jirrimarka li l-mentoraġġ jista’ jkun għodda imprezzabbli biex jitnaqqsu d-diskrepanzi fit-taħriġ u fil-ħiliet, kif ukoll ir-rati tal-qgħad, u fl-aħħar mill-aħħar l-inugwaljanzi soċjali, filwaqt li titrawwem solidarjetà interġenerazzjonali. Jappella f’dan is-sens għall-iżvilupp ta’ qafas Ewropew tal-mentoraġġ; |
|
10. |
jisħaq li l-problema tan-nuqqasijiet ta’ ħiliet, inkluż għal komunitajiet remoti jew b’popolazzjoni baxxa, għandha tiġi indirizzata permezz tat-titjib u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħiliet, tat-tagħlim tul il-ħajja, tal-edukazzjoni diġitali, tat-taħriġ u tal-investiment f’teknoloġiji ġodda. Jemmen li l-inklużjoni ta’ ħiliet bażiċi, li huma trasversali u komplementari għall-ħiliet ekoloġiċi u għal ħiliet oħra tal-ħajja, fil-programmi kollha ta’ taħriġ u ta’ Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali (VET), se twassal għal reżiljenza soċjali akbar u għal impjegabbiltà tul il-ħajja, u għal forza tax-xogħol awtonomizzata b’sens ta’ kontribut sinifikanti għat-tranżizzjoni ekoloġika; |
|
11. |
iwissi wkoll dwar il-fatt li sabiex iseħħu t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, l-investimenti fil-bini tal-kapaċitajiet tal-persuni impjegati fis-settur pubbliku huma essenzjali; |
|
12. |
ifakkar li f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u minn perspettiva ta’ governanza f’diversi livelli, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom responsabbiltajiet ewlenin għall-politiki tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, u jaqdu rwol strateġiku fl-oqsma tal-politiki tal-impjiegi. Jisħaq għalhekk li l-bliet u r-reġjuni jirrappreżentaw il-livell ta’ governanza fejn ir-rabtiet operattivi bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u s-suq tax-xogħol huma l-aktar b’saħħithom u għalhekk, għandhom jiġu ffinanzjati, implimentati u segwiti; |
|
13. |
jenfasizza, minbarra r-rwol ewlieni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li atturi oħra, inklużi s-settur privat u l-korpi tat-tielet settur, għandhom ikunu involuti fit-twettiq ta’ miżuri biex tiġi żgurata l-integrazzjoni (mill-ġdid) tal-persuni fis-suq tax-xogħol. Jemmen li s-sistemi tal-ħiliet u tat-taħriġ għandhom iqabblu aħjar il-kompetenzi bejn il-ġenerazzjonijiet mal-ħtiġijiet li qegħdin jevolvu malajr tas-suq tax-xogħol; |
|
14. |
jappella għal miżuri adatti biex jiġu rikonoxxuti aktar il-kompetenzi miksuba permezz tal-edukazzjoni mhux formali u tat-tagħlim informali, u biex jiġi żgurat li dawn il-kompetenzi jkunu jistgħu jiġu vvalidati meta l-persuna tidħol, jew terġa’ tidħol, f’perkorsi edukattivi formali jew f’impjieg, kif ukoll biex jiġu mħeġġa ħiliet trasversali adatti għan-natura li qed tinbidel tal-impjieg, u biex jiġu promossi l-ħiliet lingwistiċi; |
|
15. |
jinnota li l-użu tat-taħriġ f’ħiliet u tat-taħriġ mill-ġdid madwar l-Unjoni jvarja ħafna, u dan iwassal għal diskrepanzi fil-ħiliet u għal nuqqas ta’ qbil tal-ħiliet bejn ir-reġjuni Ewropej. F’dan ir-rigward, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tinvolvi iktar lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u lill-atturi rilevanti kollha, peress li approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd” mhuwiex effettiv; |
|
16. |
jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ djalogu permanenti bejn l-imsieħba Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jiġu identifikati l-ħtiġijiet lokali u reġjonali speċifiċi dwar il-ħiliet. Itenni t-talba tiegħu għal fokus iktar territorjali fil-monitoraġġ u fil-valutazzjoni tal-progress tal-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet; |
|
17. |
jirrikonoxxi l-impatt ikbar li l-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE jista’ jkollha fuq il-ħiliet, speċjalment permezz tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), li jgħinu fl-identifikazzjoni u fit-tisħiħ ta’ oqsma strateġiċi ta’ azzjoni, jippromovu l-koeżjoni soċjali, jgħinu liċ-ċittadini kollha jilħqu l-potenzjal tagħhom kif ukoll jissodisfaw l-aspettattivi professjonali tagħhom, u b’mod ġenerali jiżguraw li jkun hemm impatt pożittiv fit-tul fuq il-kompetittività tal-UE; |
|
18. |
iqis li, sabiex jiġi żgurat legat dejjiemi tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet, u b’rikonoxximent tan-natura transsettorjali tal-politika dwar il-ħiliet, għan addizzjonali tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet għandu jkun li jiġi minimizzat l-eżodu ta’ mħuħ u tiġi ottimizzata l-kisba ta’ mħuħ sabiex jingħata kontribut lejn koeżjoni territorjali ikbar. Ifakkar, bl-istess mod, fil-ħtieġa li jinħolqu modi addizzjonali biex tiġi attirata forza tax-xogħol minn pajjiżi terzi sabiex jimtlew postijiet tax-xogħol vakanti f’setturi fejn hemm bżonn, bħall-kura u s-saħħa, kif ukoll biex jiġu attirati persuni bit-talent u l-ħiliet tant meħtieġa, li hija neċessarja biex l-Ewropa tibqa’ kompetittiva; |
|
19. |
jilqa’ l-importanza mogħtija lill-inklużività u jirrikonoxxi li l-għanjiet tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet jistgħu jiġu ssodisfati biss billi jitqiesu l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tal-persuni kollha fid-diversità tagħhom. Dan jinkludi r-reġjuni rurali, periferali u inqas żviluppati, u li jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura; |
|
20. |
jilqa’ l-proposta biex jiġu organizzati laqgħat tal-koordinaturi nazzjonali biex jorganizzaw it-tmexxija tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet, filwaqt li jiġi żgurat li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom vuċi fid-definizzjoni, fl-implimentazzjoni u fil-valutazzjoni tas-Sena; jipproponi li l-KtR jiġi inkluż, bħala osservatur, fil-laqgħat tal-koordinaturi nazzjonali; |
|
21. |
jisħaq li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jkollhom aċċess għal opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE li għandhom l-għan li jappoġġjaw inizjattivi lokali u reġjonali għall-ħiliet matul l-2023 u lil hinn minnha; |
|
22. |
jappella biex l-intraprendituri u dawk li jaħdmu għal rashom jiġu inklużi f’inizjattivi ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid, peress li għandhom rwol sinifikanti biex jagħtu spinta lill-innovazzjoni, jinħolqu l-impjiegi u jikkontribwixxu għat-tkabbir sostenibbli; |
|
23. |
jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jikkollaboraw mill-qrib mal-istabbilimenti edukattivi u mal-industrija sabiex jgħinu fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol lokali u reġjonali u jikkontribwixxu għall-indirizzar tagħhom, u b’hekk itejbu l-opportunitajiet taż-żgħażagħ biex jiksbu ħiliet li jwasslu għal impjiegi deċenti u li se jibqgħu validi fil-futur; |
|
24. |
jenfasizza li r-realtajiet li qed jinbidlu fid-dinja tax-xogħol bħala riżultat tal-pandemija u tat-tranżizzjoni doppja diġitali u ekoloġiċi affettwaw b’mod partikolari lin-nisa. Għalhekk, l-inklużjoni ta’ dimensjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’din it-tranżizzjoni doppja, il-promozzjoni ta’ ħiliet li se jibqgħu validi fil-futur u l-aċċess għall-ħiliet diġitali għandhom ikunu parti intrinsika tal-isforzi kollha ta’ tagħlim tul il-ħajja. Barra minn hekk, jeħtieġ li titqies id-dimensjoni tal-ġeneru u li jiġi indirizzat il-preġudizzju tal-ġeneru fir-rigward tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ taħriġ; |
|
25. |
jistenna li s-Sena Ewropea tal-Ħiliet tgħin tħaffef it-tlestija taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni biex tiġi garantita edukazzjoni ta’ kwalità għolja għal kulħadd. L-UE għandha żżid il-kooperazzjoni bejn is-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u l-kurrikuli differenti, abbażi tal-ħtiġijiet taċ-ċittadini, u r-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol; |
|
26. |
jappella biex is-Sena Ewropea tal-Ħiliet tagħti l-attenzjoni dovuta lill-ħiliet taċ-ċittadinanza permezz ta’ edukazzjoni ċivika adegwata bil-għan li l-persuni ta’ kull età jiġu awtonomizzati biex ikunu jew isiru ċittadini attivi, jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħajja demokratika u jkunu reżiljenti għall-manipulazzjoni tal-media, għad-diżinformazzjoni u għad-diskors ta’ mibegħda, inkluż online; |
|
27. |
jissottolinja l-urġenza għal azzjonijiet ta’ riforma biex il-VET u l-apprendistati jsiru adatti għall-isfidi futuri, kif imsemmi fil-proposta tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet. L-ekosistemi reġjonali u l-punti uniċi ta’ servizz eżistenti jridu jiġu mħeġġa sabiex jittejjeb l-aċċess għall-edukazzjoni u għat-taħriġ vokazzjonali ta’ kwalità. It-tisħiħ ta’ tali ekosistemi jista’ jiżgura l-kontinwità meħtieġa ta’ inizjattivi ta’ politika ta’ suċċess u joħloq rabtiet aħjar mal-appoġġ finanzjarju disponibbli permezz tal-programm tal-FSE+; |
|
28. |
jenfasizza li l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-VET għandhom jiġu aġġornati kontinwament u definiti minn perspettiva ta’ ħiliet orjentata lejn il-futur. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jgħinu biex jiġu stabbiliti sistemi ta’ monitoraġġ kif ukoll mekkaniżmi ta’ antiċipazzjoni u ta’ tqabbil tal-ħiliet fil-livell lokali u reġjonali. F’dan ir-rigward jemmen li t-taħriġ kontinwu u l-VET isiru reżiljenti billi jiġu integrati fl-istrateġiji ekonomiċi, industrijali u ta’ innovazzjoni, inklużi dawk marbuta mal-irkupru sostenibbli, mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, kif ukoll mal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti; |
|
29. |
jissottolinja li, filwaqt li titqies l-urġenza li jittejjeb ir-rendiment tal-enerġija tal-bini fil-qafas tat-tranżizzjoni ekoloġika u tal-kriżi tal-enerġija li qed tevolvi, hemm ħtieġa akuta li tingħata attenzjoni lit-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol eżistenti attiva fis-settur tal-kostruzzjoni; |
|
30. |
jirrimarka li t-tranżizzjoni lejn vetturi b’emissjonijiet żero u diġitalizzati se jkollha impatt qawwi fuq l-ekosistemi tal-karozzi u fuq l-istrutturi soċjoekonomiċi reġjonali. jissottolinja bl-istess mod li d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport bit-triq se jkollha effett profond fuq il-forza tax-xogħol speċjalizzata fl-industriji tal-karozzi u tal-provvista, li tesiġi t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid b’mod urġenti ta’ 2,4 miljun ħaddiem sal-2030. Iħeġġeġ għalhekk li jkun hemm qafas Ewropew biex jiġu antiċipati u ġestiti l-bidliet f’dan is-settur sabiex tiġi garantita tranżizzjoni ġusta u ekwa għar-reġjuni b’industriji tal-karozzi u tal-provvista. Jeħtieġ li l-pjani ta’ trasformazzjoni reġjonali jiġu mfassla f’kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali; |
|
31. |
jinnota li, filwaqt li ż-żieda fid-diġitalizzazzjoni u fl-awtomatizzazzjoni tas-settur ferrovjarju se tirriżulta f’domanda dejjem akbar għall-professjonisti tal-ICT u taċ-ċibersigurtà, id-diskrepanza sinifikanti eżistenti fil-ħiliet u r-rekwiżiti tal-ħiliet li qed jinbidlu jeħtieġ li jiġu indirizzati b’mod effettiv permezz ta’, inter alia, skemi strutturati ta’ apprendistati fis-settur ferrovjarju u l-promozzjoni tal-edukazzjoni f’karrieri relatati mal-ferroviji; |
|
32. |
ifakkar li ċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali jaġixxu bħala katalizzaturi għall-investiment fin-negozji lokali billi joħolqu ekosistemi tal-ħiliet. Dawn jappoġġjaw l-irkupru sostenibbli, it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, l-innovazzjoni reġjonali u l-innovazzjoni teknoloġika tal-SMEs. F’dan ir-rigward, jisħaq fuq l-importanza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fiċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali bħala multiplikaturi tal-ekosistemi msemmija; |
|
33. |
jenfasizza l-ħtieġa għal aġilità akbar tal-VET b’reazzjoni għall-bidliet rapidi fis-soċjetà u fid-dinja tax-xogħol; għall-aċċellerazzjoni tad-diġitalizzazzjoni tal-VET, għal approċċi ta’ tagħlim moderni u innovattivi u għal aktar investimenti fil-ħiliet u fil-kompetenzi tal-għalliema u tal-ħarrieġa. Jissottolinja l-importanza li jsir aktar investiment fit-titjib tal-ħiliet u fit-taħriġ mill-ġdid u fit-taħriġ speċjalment wara l-kriżi tal-COVID-19, li aċċellerat b’mod esponenzjali t-tranżizzjoni diġitali fl-edukazzjoni iżda wkoll il-bidliet fil-mudelli tax-xogħol, u fid-dawl tal-politika ġenerali dwar il-ħiliet fil-livell Ewropew; |
|
34. |
jittama li d-Deċiżjoni dwar is-Sena Ewropea tal-Ħiliet 2023 tiġi adottata malajr sabiex l-attivitajiet ikunu jistgħu jibdew jitnedew saħansitra mill-bidu tal-2023; |
|
35. |
jimpenja ruħu, fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, li jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-Sena Ewropea tal-Ħiliet, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-KtR dwar is-Sena Ewropea tal-Ħiliet; |
|
36. |
jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jibgħat din ir-Riżoluzzjoni lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew, lill-Presidenza Żvediża u lill-Presidenza Spanjola tal-Kunsill tal-UE u lill-President tal-Kunsill Ewropew. |
Brussell, l-1 ta’ Diċembru 2022.
Vasco ALVES CORDEIRO
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
(1) COM(2022) 526 final.