20.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 484/15


Konklużjonijiet dwar ir-Rapport Speċjali Nru 19/2022 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri: L-akkwist ta' vaċċini kontra l-COVID-19 fl-UE – Ġew iggarantiti dożi suffiċjenti wara l-isfidi inizjali, iżda l-prestazzjoni tal-proċess ma ġietx ivvalutata b'mod suffiċjenti

(2022/C 484/04)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA:

(1)   

JILQA’ r-Rapport Speċjali Nru 19/2022 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Qorti”) u t-tweġibiet tal-Kummissjoni dwar ir-Rapport;

(2)   

JINNOTA li l-awditu tal-Qorti vvaluta jekk il-Kummissjoni u l-Istati Membri akkwistawx il-vaċċini kontra l-COVID-19 sa tmiem l-2021 b’mod effettiv; f’dak l-isforz, il-Qorti eżaminat jekk:

it-tħejjijiet tal-UE għall-akkwist tal-vaċċini kontra l-COVID-19 kinux effettivi;

in-negozjaturi tal-UE rnexxielhomx jiggarantixxu l-objettivi ta' akkwist tal-UE fil-kuntratti li ffirmat mal-manifatturi tal-vaċċini;

il-Kummissjoni indirizzatx kwalunkwe kwistjoni li kellha impatt fuq il-provvista tal-vaċċini.

(3)   

IFAKKAR li l-objettivi tal-Istrateġija tal-UE għall-vaċċini kontra l-COVID-19, ippubblikata mill-Kummissjoni, huma li jiġu żgurati l-kwalità, is-sikurezza u l-effikaċja tal-vaċċini, li jiġi żgurat aċċess f’waqtu għall-vaċċini għall-Istati Membri u l-popolazzjoni tagħhom filwaqt li jitmexxa l-isforz ta’ solidarjetà globali u li jiġi żgurat aċċess ekwu għal kull persuna ġewwa l-UE għal vaċċin affordabbli kemm jista’ jkun malajr.

(4)   

JIRRIKONOXXI li l-Istrateġija tal-UE għall-vaċċini kontra l-COVID-19 tirrappreżenta riżultat sinifikanti u tissottolinja l-valur miżjud tal-kooperazzjoni tal-UE billi żgurat li 80 % tal-popolazzjoni adulta tal-UE kienet tlaqqmet kompletament sa tmiem l-2021.

(5)   

IFAKKAR li l-Istati Membri u l-Kummissjoni approvaw il-Ftehim li awtorizza lill-Kummissjoni tikkonkludi ftehimiet mal-manifatturi tal-vaċċini bl-objettiv li takkwista vaċċini kontra l-COVID-19 f’isem l-Istati Membri (1).

(6)   

JINNOTA li skont ir-Rapport Speċjali, l-istrateġija tal-UE għall-vaċċini kontra l-COVID-19 kienet iċċentrata madwar żewġ korpi, b’mod partikolari l-Bord ta’ Tmexxija, responsabbli għas-sorveljanza tan-negozjati u l-validazzjoni tal-kuntratti qabel l-iffirmar, u t-Tim konġunt ta’ negozjati inkarigat li jinnegozja l-kuntratti.

(7)   

JINNOTA li skont ir-Rapport Speċjali, matul Marzu 2021 il-President tal-Kummissjoni wettqet negozjati preliminari għal kuntratt ma’ Pfizer/BioNTech u dan kien l-uniku kuntratt li fir-rigward tiegħu t-Tim konġunt ta’ negozjati ma kienx involut f’dan l-istadju tan-negozjati, għall-kuntrarju tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-akkwist tal-vaċċini kontra l-COVID-19. Fid-9 ta’ April 2021, il-Kummissjoni ppreżentat lill-bord ta’ tmexxija l-kondizzjonijiet innegozjati bejn il-President tal-Kummissjoni u Pfizer/BioNTech, u l-bord ta’ tmexxija qabel li jniedi sejħa għall-offerti. Dan huwa l-akbar kuntratt ta’ vaċċini kontra l-COVID-19, li ser jiddomina l-portafoll tal-vaċċini tal-UE sa tmiem l-2023.

(8)   

JISTIEDEN lill-Kummissjoni tkompli bil-kooperazzjoni mal-Istati Membri sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija tal-UE għall-Vaċċini, filwaqt li tindirizza n-nuqqasijiet, b’mod partikolari f’termini ta’ trasparenza, governanza u ħtiġijiet tal-Istati Membri.

(9)   

JIEĦU NOTA tas-sejbiet tar-Rapport, b’mod partikolari li:

Il-Kummissjoni pproduċiet l-istrateġija tagħha għall-vaċċini fl-istadji bikrija tal-pandemija fi żmien meta ma kienx hemm vaċċini kontra l-COVID-19 fis-suq;

L-UE rnexxielha takkwista l-vaċċini kontra l-COVID-19 billi żgurat portafoll diversifikat sabiex tifrex ir-riskju li ma jiġix żviluppat vaċċin billi ffirmat kuntratti ma' diversi manifatturi differenti;

It-tħejjijiet tal-UE għall-akkwist tal-vaċċini kontra l-COVID-19 kienu fil-biċċa l-kbira effettivi, madankollu l-UE bdiet il-proċess tal-akkwist aktar tard mir-Renju Unit u mill-Istati Uniti;

It-termini tal-kuntratti evolvew maż-żmien u n-negozjaturi tal-UE kienu f'pożizzjoni aħjar biex jiggarantixxu l-objettivi ta' akkwist tal-UE fil-kuntratti sussegwenti li ffirmat mal-manifatturi tal-vaċċini;

Il-Kummissjoni u 10 mill-14-il Stat Membru li wieġbu għall-istħarriġ tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri jixtiequ jaraw reġim ta' responsabbiltà aktar standard meta tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni standard għat-tqegħid fis-suq;

Il-Kummissjoni pproponiet l-użu tas-sistema tal-akkwist għal kriżijiet futuri tas-saħħa mingħajr ma l-ewwel evalwat il-prestazzjoni tagħha jew eżaminat minn qabel is-sistema tal-akkwist ta' pajjiżi terzi;

Il-Kummissjoni ma għamlitx analiżi sħiħa tal-isfidi fil-produzzjoni u fil-katina tal-provvista tal-produzzjoni tal-vaċċini qabel ma kienet diġà ffirmat il-biċċa l-kbira tal-kuntratti. Kien biss fi Frar 2021 li l-Kummissjoni stabbiliet task force biex tappoġġa l-ktajjen tal-manifattura u tal-provvista u filwaqt li huwa minnu li għenet biex jiġu solvuti xi konġestjonijiet, l-impatt tagħha fuq iż-żieda fil-produzzjoni tal-vaċċini ma kienx ċar.

(10)   

JIKKONDIVIDI l-osservazzjonijiet tal-Qorti dwar is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-Rapport, b’mod partikolari li:

Il-Kummissjoni kisbet portafoll diversifikat ta' vaċċini, iżda l-UE hija prinċipalment dipendenti fuq fornitur wieħed għall-perjodu 2022-2023;

Il-Kummissjoni appoġġat l-implimentazzjoni tal-kuntratti, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, iżda dawn l-isforzi kellhom influwenza limitata biex jingħelbu l-isfidi tal-provvista;

Ir-regolamenti u l-attivitajiet il-ġodda tal-UE fil-qasam ma kinux determinati fuq il-bażi ta' valutazzjoni tal-impatt ex ante mill-Kummissjoni.

(11)   

JILQA’ t-tweġiba tal-Kummissjoni għas-sejbiet tal-Qorti u l-inizjattivi li diġà ttieħdu biex jiġu implimentati dawk ir-rakkomandazzjonijiet, inkluż il-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar qafas ta’ miżuri għall-iżgurar tal-provvista ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi fil-każ ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika fil-livell tal-Unjoni (2).

(12)   

JIEĦU NOTA tar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti u għalhekk JISTIEDEN lill-Kummissjoni biex:

Toħloq linji gwida dwar l-akkwist waqt pandemija fi żmien sena mill-adozzjoni tar-Regolament dwar Qafas għall-Emerġenzi (3) u r-Regolament Finanzjarju (4) rivedut, abbażi tat-tagħlimiet meħuda filwaqt li, meta jkun possibbli, tqis l-evidenza eżistenti biex jiġu identifikati prattiki tajbin għal timijiet ta' negozjar futuri;

Twettaq valutazzjoni tar-riskju tal-approċċ tal-akkwist tal-UE sabiex tipproponi miżuri xierqa;

Twettaq evalwazzjoni indipendenti tal-adegwatezza tal-proċeduri biex jiġu vvalutati l-effettività, il-prezzijiet, il-mudell ta' pagament, il-kwantitajiet tal-vaċċini kontra l-COVID-19 akkwistati mill-UE minn perspettiva ta' saħħa pubblika, l-elementi tal-klawżoli tal-kuntratti kif ukoll il-kriterji tal-għażla tat-Tim ta' Negozjar sabiex jikkontribwixxu għal-linji gwida żviluppati;

Twettaq eżerċizzji, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, sabiex tittestja kull parti tal-qafas aġġornat tagħha tal-akkwist waqt pandemija biex tidentifika kwalunkwe dgħufija u possibbiltà għal titjib.

(13)   

JISSOTTOLINJA l-importanza li jinsiltu t-tagħlimiet mill-akkwist tal-vaċċini kontra l-COVID-19. B’kont meħud tal-kuntest tal-Pandemija Globali li matulu kienu nnegozjati l-kuntratti u mingħajr preġudizzju għall-kuntest, l-Istati Membri jenfasizzaw li f’kuntratti futuri jeħtieġ li l-Istati Membri jkollhom flessibbiltà akbar, speċjalment fejn għandhom x’jaqsmu l-kwantitajiet mixtrija, l-iskedi tal-konsenja u l-ħlas mal-wasla skont il-vaċċini kkonsenjati, kif ukoll li jkun hemm definizzjoni aktar preċiża tal-perjodi ta’ skadenza aċċettabbli. Filwaqt li jagħraf ir-rwol tal-UE biex tikkontribwixxi b’mod attiv għal rispons globali permezz tad-donazzjoni tal-vaċċini, JAPPELLA biex jiġu llaxkati l-kondizzjonijiet dwar id-donazzjonijiet sabiex tkun possibbli konsenja rapida direttament fil-pajjiżi terzi jew donazzjonijiet ta’ dożi fil-pajjiż.

(14)   

JIDDISPJAĊIH dwar in-nuqqas ta’ tweġiba mill-Kummissjoni għat-talbiet tal-Qorti għal informazzjoni dwar in-negozjati preliminari għall-kuntratt iffirmat ma’ Pfizer/BioNTech fid-19 ta’ Mejju 2021 u JISTIEDEN lill-Kummissjoni tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa biex l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom skont it-Trattati.


(1)  Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 4192 final tat-18 ta' Ġunju 2020

(2)  COM/2021/577 final

(3)  2021/0294 (NLE)

(4)  2022/0162 (COD)