22.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CI 281/8


Avviż għall-attenzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew l-korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi previst fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1272, u bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1273 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

(2022/C 281 I/06)

L-informazzjoni li ġejja qed tinġieb għall-attenzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew l-korpi li jidhru fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK (1), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1272 (2), u fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 (3) kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1273 (4) dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

L-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 269/2014 jeħtieġ li dawk il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew l-korpi jridu jirrapportaw, qabel it-2 ta' Settembru 2022 [ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data sitt ġimgħat wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament fid-dokument 11451/22] fondi jew riżorsi ekonomiċi fil-ġuriżdizzjoni tal-UE li jappartjenu lilhom, huma proprjetà tagħhom, jinżammu jew huma kkontrollati minnhom, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsabu dawn il-fondi jew riżorsi ekonomiċi. Huma jridu jikkooperaw mal-awtorità kompetenti nazzjonali biex tali informazzjoni tiġi vverifikata b'kull mod. In-nuqqas ta' konformità ma' dawn l-obbligi ser titqies bħala ċirkomvenzjoni tal-miżuri dwar l-iffriżar tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi.

L-informazzjoni li trid tiġi rrapportata trid tintbagħat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti permezz tas-sit web tagħha kif indikat fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 269/2014 (5).

L-obbligu ta’ rapportar skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 269/2014 ma għandux japplika qabel l-1 ta' Jannar 2023 fir-rigward ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi li jinsabu fi Stat Membru li kien stabbilixxa obbligu ta' rapportar simili skont id-dritt nazzjonali qabel il-21 ta' Lulju 2022.


(1)  ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16.

(2)  ĠU L 193, 21.7.2022, p. 219.

(3)  ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6.

(4)  ĠU L 194, 21.7.2022, p. 1.

(5)  L-aħħar verżjoni kkonsolidata disponibbli fuq https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A02014R0269-20220604&qid=1658251857077