21.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 167/9


Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar strateġija Ewropea li ssaħħaħ l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għall-futur tal-Ewropa

(2022/C 167/03)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

FILWAQT LI JFAKKAR fl-isfond politiku ta’ din il-kwistjoni kif spjegat fl-Anness għal dawn il-konklużjonijiet,

FILWAQT LI JFAKKAR LI:

1.   

L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja (HEIs) (1) fl-Ewropa jipparteċipaw ħafna fil-ħolqien, id-distribuzzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-għarfien. Huma għandhom rwol insostitwibbli fil-kisba kemm taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni kif ukoll taż-Żona Ewropea ġdida tar-Riċerka (ŻER), f’sinerġija maż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja. L-HEIs huma kruċjali biex tintlaħaq il-mira stabbilita fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030) – jiġifieri li s-sehem ta’ persuni bejn il-25 u l-34 sena bi kwalifika ta’ edukazzjoni terzjarja għandu jkun mill-inqas 45 % sal-2030.

2.   

Fis-snin li ġejjin, iż-żieda fir-reġistrazzjonijiet tal-edukazzjoni għolja – li kienet xejra globali fundamentali f’dawn l-aħħar deċennji – ser tintensifika. L-għadd ta’ persuni bejn il-25 u l-34 sena bi kwalifika terzjarja fil-pajjiżi tal-OECD u tal-G20 huwa mistenni li jilħaq 300 miljun sal-2030 (2).

3.   

L-iżvilupp futur tal-HEIs fl-Ewropa ser ikun influwenzat minn diversi opportunitajiet u sfidi. Ix-xejriet demografiċi dinjija u l-globalizzazzjoni ser jisfidaw il-pożizzjoni tal-Ewropa bħala ċentru prominenti għall-ħolqien tal-għarfien. It-tisħin globali u d-degradazzjoni ambjentali, l-aċċellerazzjoni tal-bidliet teknoloġiċi u t-tellieqa dejjem tikber tat-teknoloġiji diġitali diġà jaffettwaw l-istrateġiji u l-pożizzjonament tal-HEIs fl-Ewropa u fil-kuntest globali. Id-disponibbiltà ta’ riżerva kbira ta’ talent b’edukazzjoni u taħriġ eċċellenti ser ssir dejjem aktar kruċjali għall-Ewropa biex iżżomm u tasserixxi l-pożizzjoni tagħha bħala mexxejja dinjija f’kuntest ta’ kompetizzjoni globali akbar.

4.   

Sadanittant, id-domanda dejjem tikber għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja u inklużiva kif ukoll għal riċerka u innovazzjoni eċċellenti fil-pajjiżi emerġenti qed iżżid in-networking globali, filwaqt li qed jitfaċċa theddid ġdid għall-valuri u l-prinċipji fundamentali li d-demokraziji Ewropej għandhom l-għan li jirrispettaw. Fil-livell Ewropew u globali, l-inugwaljanzi li qed jiżdiedu u l-isfidi kkawżati minn soċjetajiet li qed jixjieħu ser jittrasformaw is-suq tax-xogħol u jintensifikaw il-ħtieġa għall-inklużjoni u għall-kisba ta’ edukazzjoni għolja, u dan ser jinvolvu aspettattivi ġodda għat-tagħlim tul il-ħajja.

5.   

L-irkupru ekonomiku wara l-pandemija u l-evoluzzjoni rapida tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi relatati mat-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika ser jirrikjedu li l-HEIs jikkunsidraw li jkomplu jiżviluppaw l-infrastruttura tagħhom, jadottaw għodod pedagoġiċi ġodda, jipprovdu esperjenzi ta’ apprendiment flessibbli u qosra, iħejju lill-istudenti għall-ambjent dejjem jinbidel tas-soċjetà u tas-suq tax-xogħol u jippermettu lir-riċerkaturi jaħdmu flimkien biex isibu soluzzjonijiet innovattivi għall-isfidi globali attwali.

6.   

Il-kisba tal-inklużjoni u l-eċċellenza teħtieġ investiment ġenerali sinifikanti fis-settur tal-edukazzjoni għolja tal-UE, meta jitqies l-infiq medju attwali għall-edukazzjoni terzjarja fl-UE, u fid-dawl tal-għadd dejjem jikber ta’ studenti u persuni oħra li qed jitgħallmu, kif ukoll l-isfidi ffaċċjati mill-HEIs.

7.   

Il-pożizzjoni unika tal-edukazzjoni għolja biex taqdi l-missjonijiet intersezzjonali tal-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni u s-servizz għas-soċjetà hija opportunità unika biex jiġi sfruttat il-potenzjal għal sinerġiji bejn dawn l-erba’ missjonijiet.

8.   

L-isfruttar ta’ dawk is-sinerġiji huwa essenzjali biex jiġu indirizzati l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. Ser ikun meħtieġ li jitrawmu sħubijiet bejn diversi partijiet ikkonċernati u kooperazzjoni bejn l-HEIs u magħhom.

9.   

F’dan il-kuntest, ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030) appellat għall-istabbiliment ta’ “aġenda għat-trasformazzjoni tal-edukazzjoni għolja, b’enfasi fuq l-inklużjoni, l-innovazzjoni, il-konnettività, it-tħejjija diġitali u ekoloġika u l-kompetittività internazzjonali, kif ukoll valuri akkademiċi fundamentali u prinċipji etiċi għoljin, u anki l-impjiegi u l-impjegabbiltà”.

10.   

F’dan l-istess kuntest, il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar iż-Żona Ewropea Ġdida tar-Riċerka identifikaw “trasformazzjonijiet istituzzjonali, il-karrieri fir-riċerka, l-edukazzjoni fix-xjenza, it-taħriġ, il-kooperazzjoni internazzjonali u ċ-ċirkolazzjoni tal-għarfien bħala oqsma possibbli ta’ kooperazzjoni aktar determinata” bejn iż-Żona Ewropea tar-Riċerka, iż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja u d-dimensjoni tal-edukazzjoni għolja taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. Il-Kunsill ħa nota wkoll tal-“proposta tal-Kummissjoni biex jiġi żviluppat pjan direzzjonali ta’ azzjonijiet għall-ħolqien ta’ sinerġiji bejn l-edukazzjoni għolja u r-riċerka” u esprima appoġġ għall-iżvilupp ulterjuri tal-“‘Alleanzi Universitarji Ewropej’ bħala eżempju ewlieni għall-istituzzjonijiet moderni u inklużivi tal-edukazzjoni għolja tal-futur fl-Ewropa”. L-aġenda ta’ politika taż-ŻER għall-perijodu 2022-2024 annessa mal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-governanza futura taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) identifikat azzjonijiet indirizzati lill-HEIs.

11.   

Fil-konklużjonijiet tiegħu dwar l-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej - Inqarrbu l-edukazzjoni għolja, ir-riċerka, l-innovazzjoni u s-soċjetà: Inwittu t-triq għal dimensjoni ġdida fl-edukazzjoni għolja Ewropea, il-Kunsill irrikonoxxa li “l-Universitajiet Ewropej” għandhom jiġu ggwidati biex “jikkontribwixxu għat-tisħiħ tad-dimensjonijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa billi jiżviluppaw aġenda komuni, infrastrutturi u riżorsi kondiviżi” kif ukoll biex “jistabbilixxu alleanzi dejjem aktar b’saħħithom billi jesploraw il-fattibbiltà ta’ reġistrazzjoni konġunta ta’ studenti u reklutaġġ konġunt ta’ akkademiċi u riċerkaturi, fi ħdan is-sistemi nazzjonali differenti, biex jagħmlu l-karrieri tagħhom fl-edukazzjoni u fir-riċerka aktar attraenti, sostenibbli u flessibbli fi ħdan l-alleanzi”. Stieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex “jikkunsidraw strumenti ta’ finanzjament aktar sostenibbli għall-‘Universitajiet Ewropej’, inkluż permezz tal-isfruttar ta’ sinerġiji ta’ skemi reġjonali u nazzjonali ma’ skemi Ewropej, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-istrateġija ambizzjuża tagħhom” kif ukoll biex jiżviluppaw proposti, mill-2022 ’il quddiem, biex “jgħinu jitneħħew l-ostakli għall-kooperazzjoni fil-livell Ewropew, billi jesploraw, pereżempju, il-ħtieġa u l-fattibbiltà ta’ lawrji Ewropej konġunti fi ħdan l-alleanzi tal-‘Universitajiet Ewropej’.”

12.   

Fil-konklużjonijiet tiegħu dwar “Approfondiment taż-Żona Ewropea tar-Riċerka: Nagħtu lir-riċerkaturi karrieri u kundizzjonijiet tax-xogħol attraenti u sostenibbli u nagħmlu ċ-ċirkolazzjoni tal-imħuħ realtà”, il-Kunsill appella lill-Kummissjoni “biex tappoġġa lill-Istati Membri fit-tfassil ta’ miżuri ta’ politika għal kooperazzjoni tranżnazzjonali kontinwa u ambizzjuża bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa b’mod partikolari fil-qasam tal-karrieri akkademiċi u tar-riċerka li spiss huma marbuta waħda mal-oħra, li jippromwovu l-inklużività, jixprunaw l-eċċellenza u jtejbu l-kompetittività internazzjonali tas-settur tal-edukazzjoni għolja Ewropew, u b’hekk jinġibdu aktar talenti minn ġewwa u minn barra l-Ewropa”. Qabel ukoll li l-alleanzi tal-Universitajiet Ewropej u s-sħubijiet tagħhom mal-ekosistemi lokali kienu “pjattaformi xierqa biex jittestjaw mudelli possibbli li jrawmu l-interoperabbiltà tal-karrieri fir-riċerka, u biex jesploraw possibbiltajiet li jkun hemm skemi konġunti ta’ reklutaġġ, sistemi ta’ taħriġ u ta’ żvilupp tal-karriera li jaqdu kemm l-aspetti tar-riċerka kif ukoll tat-tagħlim, kif ukoll li jiġu ttestjati sistemi ġodda ta’ premjazzjoni u valutazzjoni, inkluż għal tagħlim ibbażat fuq ir-riċerka”.

JIKKUNSIDRA LI:

13.   

Il-kooperazzjoni tranżnazzjonali bejn l-HEIs madwar l-Ewropa tkompli tissaħħaħ, tiġi approfondita u ssimplifikata jekk l-isfidi msemmija hawn fuq ikunu jistgħu jiġu indirizzati b’mod effettiv fil-livell Ewropew. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ressqet strateġija Ewropea ambizzjuża għall-universitajiet, li għandha l-għan li ssaħħaħ u tappoġġa lil dawn l-istituzzjonijiet fil-missjonijiet kollha tagħhom biex itejbu l-kooperazzjoni tagħhom u jisfruttaw l-aspetti qawwija tagħhom, bil-ħsieb tal-kontribut kritiku tagħhom għar-rispons tal-Ewropa għall-isfidi li ġejjin. It-tipi differenti ta’ kollaborazzjoni kontinwa għandhom jiżdiedu, u l-eżiti u l-aħjar prattiki relatati għandhom jiġu kondiviżi biex jispiraw lis-settur kollu tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa, filwaqt li jiġu rispettati l-kompetenzi tal-Istati Membri, il-libertà akkademika u l-awtonomija istituzzjonali tal-HEIs.

14.   

Għal dan il-għan, għandhom jiġu segwiti erba’ objettivi ewlenin ugwalment importanti bħala parti minn sforz konġunt fil-livell istituzzjonali, nazzjonali u dak Ewropew:

it-tisħiħ tad-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll is-sinerġiji bejniethom;

l-ixprunar tar-rwol u l-leadership tal-Ewropa fil-livell globali;

it-tisħiħ tal-irkupru u r-rispons tal-Ewropa għat-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika;

l-approfondiment tas-sens ta’ appartenenza Ewropew ibbażat fuq valuri komuni.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI U LILL-ISTATI MEMBRI, F’KONFORMITÀ MAL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM U B’KONT DOVUT GĦALL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ, BIEX JINVOLVU RUĦHOM MAL-ISTITUZZJONIJIET TAL-EDUKAZZJONI GĦOLJA U PARTIJIET IKKONĊERNATI BIL-ĦSIEB LI JINKISBU L-OBJETTIVI EWLENIN LI ĠEJJIN:

Tisħiħ tad-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll is-sinerġiji bejniethom

15.

Kooperazzjoni tranżnazzjonali aktar profonda tikkontribwixxi għall-kisba taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u ż-Żona Ewropea ġdida tar-Riċerka f’sinerġija sħiħa, permezz ta’ HEIs aktar b’saħħithom u billi tittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa kollha kemm hi. Permezz ta’ dimensjonijiet, formati u opportunitajiet ġodda għal mobbiltà bejn id-dixxiplini u s-setturi u bejn il-fruntieri, flimkien ma’ karrieri akkademiċi u ta’ riċerka attraenti u sostenibbli kif ukoll edukazzjoni miftuħa u xjenza miftuħa, ikun possibbli li dawn jindirizzaw aħjar l-isfidi tas-soċjetà u jgħammru lill-istudenti, lill-persuni li jibqgħu jitgħallmu tul il-ħajja u lir-riċerkaturi bl-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi adatti għall-iżvilupp professjonali u personali futur tagħhom. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-istudenti u lir-riċerkaturi żgħażagħ li raw l-istudji u l-karrieri tagħhom affettwati bil-kbir mill-pandemija, kif ukoll dawk minn żoni rurali u remoti, bħar-reġjuni ultraperiferiċi.

16.

L-alleanzi tal-HEIs, bħall-“Universitajiet Ewropej”, jistgħu juru l-potenzjal ta’ kooperazzjoni istituzzjonali estensiva u fit-tul fl-edukazzjoni għolja. Alleanzi bħal dawn għandhom il-potenzjal li jiġġeneraw valur miżjud Ewropew reali billi jiksbu massa kritika fuq skala Ewropea permezz tal-impenn fit-tul tal-partijiet kollha involuti. Huma jiffaċilitaw il-moviment liberu madwar l-Ewropa għal finijiet ta’ studju, xogħol u riċerka bbażati fuq interessi komuni. Permezz ta’ livell qawwi ta’ integrazzjoni, trasparenza u aċċessibbiltà, dawn jista’ jkollhom impatt trasformattiv fl-Ewropa u għaliha. Il-koordinazzjoni u l-komplementarjetà ma’ inizjattivi u networks Ewropej, nazzjonali, reġjonali, lokali u, fejn rilevanti, oħrajn internazzjonali, ser isaħħu l-impatt trasformattiv tagħhom.

17.

L-isfruttar tal-valur miżjud sħiħ tal-alleanzi tal-HEIs bħall-“Universitajiet Ewropej” jitlob aktar appoġġ fil-livell Ewropew u, fejn xieraq, fil-livell nazzjonali permezz ta’ approċċ gradwali. Bħala katalisti tat-trasformazzjoni istituzzjonali, dawn l-alleanzi għandhom, fejn xieraq, jiġu appoġġati fl-iżvilupp ta’ dimensjoni b’saħħitha ta’ riċerka u innovazzjoni u fl-implimentazzjoni ta’ programmi edukattivi konġunti innovattivi fil-livelli kollha, b’approċċ iċċentrat fuq l-istudenti u xprunat mir-riċerka u l-innovazzjoni, li jkunu jistgħu possibbilment jagħtu lawrji konġunti bbażati fuq kriterji Ewropej imfasslin b’mod konġunt mal-Istati Membri u partijiet ikkonċernati rilevanti, f’konformità mal-istrumenti tal-Proċess ta’ Bolonja. Dawn l-alleanzi għandhom jiġu appoġġati wkoll, fejn xieraq, fit-titjib tal-ġestjoni tar-riżorsi umani, f’termini ta’ reklutaġġ konġunt possibbli ta’ akkademiċi u riċerkaturi; fil-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ karrieri attraenti u sostenibbli; u fil-mutwalizzazzjoni tar-riżorsi u l-istrutturi, pereżempju laboratorji u pjattaformi.

18.

Filwaqt li jiġi rikonoxxut bis-sħiħ il-valur tat-tagħlim wiċċ imb’ wiċċ u tal-mobbiltà fiżika, kif ukoll il-ħtieġa għal ċirkolazzjoni bbilanċjata tal-imħuħ, l-HEIs għandhom jiġu mħeġġa jappoġġaw aktar it-tipi kollha ta’ mobbiltà tal-istudenti, il-persunal u r-riċerkaturi, li jikkontribwixxu għas-suċċess akkademiku u personali billi jagħmluha possibbli li l-istudenti, il-persunal u r-riċerkaturi kollha jkunu jistgħu jiksbu kompetenzi internazzjonali u interkulturali permezz tal-internazzjonalizzazzjoni tal-kurrikuli jew il-parteċipazzjoni f’ambjenti internazzjonali innovattivi fl-istituzzjonijiet domestiċi tagħhom.

19.

Is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ għandha rwol abilitanti f’dan ir-rigward. Ta’ min ifakkar fil-mira li mill-inqas 20 % tal-gradwati fiż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja kellhom jesperjenzaw perijodu ta’ studju jew taħriġ barra mill-pajjiż, kif ġie riaffermat fil-Komunikat Ministerjali ta’ Ruma tad-19 ta’ Novembru 2020, u fl-appoġġ li għandu jingħata lill-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej biex tintlaħaq il-mira ambizzjuża ta’ 50 % ta’ studenti mobbli, kif stabbilit fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej – Inqarrbu l-edukazzjoni għolja, ir-riċerka, l-innovazzjoni u s-soċjetà: Inwittu t-triq għal dimensjoni ġdida fl-edukazzjoni għolja Ewropea.

20.

Biex jintlaħqu dawn il-miri, l-Istati Membri u l-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-HEIs, għandhom jistinkaw ukoll biex jissimplifikaw il-proċeduri amministrattivi għall-istituzzjonijiet, inkluż billi jwessgħu aktar l-implimentazzjoni tal-inizjattiva tal-Kard Ewropea tal-Istudenti u billi jimplimentaw aktar ir-rikonoxximent reċiproku awtomatiku tal-kwalifiki akkademiċi u tal-perijodi ta’ studju barra l-pajjiż, f’kooperazzjoni maċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Informazzjoni dwar ir-Rikonoxximent Akkademiku (NARIC). L-HEIs għandhom jiġu mħeġġa jagħmlu użu sħiħ mill-għodod diġitali għall-mobbiltà u r-rikonoxximent, jippromwovu l-multilingwiżmu, l-interkulturalità u l-inklużjoni ta’ studenti b’inqas opportunitajiet fil-kampusijiet tagħhom, u jinkorporaw il-mobbiltà fil-kurrikuli tagħhom.

Xprunar tar-rwol u l-leadership tal-Ewropa fil-livell globali

21.

L-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja u r-riċerka għandha importanza ġeopolitika strateġika għall-Ewropa, kif deskritt fil-komunikazzjoni konġunta dwar “Il-Portal Globali”. Il-kollaborazzjoni globali fl-edukazzjoni għolja teħtieġ li tkun ibbażata fuq valuri u prinċipji fundamentali, bil-libertà akkademika, l-awtonomija istituzzjonali, l-edukazzjoni miftuħa u x-xjenza miftuħa fil-qalba tagħhom. Il-prinċipji ta’ reċiproċità u ta’ kondizzjonijiet ekwivalenti għandhom ikunu prerekwiżit għall-kooperazzjoni internazzjonali. Il-prinċipju gwida “miftuħ kemm jista’ jkun, magħluq kemm meħtieġ” għandu jiġi segwit fir-relazzjonijiet u fin-negozjati tar-riċerka u l-innovazzjoni mas-sħab globali. L-HEIs għandhom jiġu appoġġati permezz ta’ approċċ Ewropew ikkoordinat sabiex dawn il-valuri u l-prinċipji Ewropej jiġu promossi fil-livell globali bil-ħsieb li tinkiseb kollaborazzjoni bilanċjata u ta’ benefiċċju reċiproku, li hija parti mis-setgħa u l-kapaċità ta’ persważjoni tal-Ewropa bħala entità li tistabbilixxi standards globali. Jeħtieġ li l-kollaborazzjoni ma’ pajjiżi terzi fil-qasam tal-edukazzjoni għolja u r-riċerka tkun ibbażata fuq fehim u kondiviżjoni komuni ta’ dawn il-valuri u l-prinċipji promossi fil-livell Ewropew f’konformità ma’ interessi strateġiċi oħra tal-Unjoni f’konformità mal-Konferenza ta’ Marsilja dwar l-Approċċ Globali.

22.

Kooperazzjoni Ewropea aktar profonda tista’ tkun ta’ benefiċċju biex tappoġġa lill-HEIs u tgħammar lir-riċerkaturi, lil min iħarreġ, lill-istudenti u lill-persunal bl-għodod meħtieġa biex jindirizzaw l-isfidi għall-kollaborazzjoni globali ġusta, bħall-inugwaljanza, l-interferenza barranija, u l-ostakli għax-xjenza miftuħa. Huwa meħtieġ ukoll li jiġi promoss fehim infurmat u indipendenti tal-kontropartijiet f’pajjiżi terzi. Sabiex l-Unjoni Ewropea tkun ippożizzjonata bħala rifuġju sikur għal-libertà tar-riċerka xjentifika u l-valuri demokratiċi, l-HEIs għandhom jiġu appoġġati permezz ta’ skemi Ewropej u nazzjonali, li jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipju tal-eċċellenza, biex jilqgħu studenti, riċerkaturi u akkademiċi li l-libertà tagħhom hija mhedda.

23.

Sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tagħhom fil-livell globali, l-HEIs għandhom jiġu mħeġġa jimmobilizzaw l-ekosistemi lokali jew reġjonali, biex b’hekk titrawwem il-koeżjoni territorjali, permezz ta’ sħubijiet b’saħħithom mal-organizzazzjonijiet tar-riċerka, l-atturi tal-innovazzjoni, il-finanzjaturi u s-sħab ekonomiċi u soċjali, filwaqt li jissaħħu l-interazzjonijiet mill-qrib mal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali. Sabiex jiġu promossi d-diversità u l-eċċellenza tal-HEIs Ewropej fil-livell globali, għandha titwettaq aktar ħidma u jingħata aktar appoġġ fil-livell Ewropew lill-Istati Membri biex jippromovu politiki nazzjonali, pereżempju permezz ta’ inizjattivi ta’ eċċellenza u ċentri reġjonali u lokali.

24.

Il-kooperazzjoni tranżnazzjonali bejn l-HEIs Ewropej iżżid l-attraenza tagħhom għall-istudenti, ir-riċerkaturi u s-sħab globali internazzjonali u żżid il-kwalità tal-offerti edukattivi u l-potenzjal tar-riċerka u l-innovazzjoni. Il-programmi Ewropej eżistenti, bħall-Erasmus+, l-istrumenti ta’ azzjoni esterna tal-Unjoni u Orizzont Ewropa, għandhom jintużaw fl-ambitu tal-azzjonijiet inklużi fil-bażijiet ġuridiċi tagħhom u evalwati skont il-kriterji ta’ evalwazzjoni rispettivi tagħhom biex jappoġġaw alleanzi tal-HEIs bħall-“Universitajiet Ewropej” u l-Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI) fl-iżvilupp ta’ attivitajiet u strateġiji konġunti ta’ internazzjonalizzazzjoni fl-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni. Dan jgħinhom jipproġettaw lilhom infushom internazzjonalment, jibnu networks ma’ sħab ewlenin madwar id-dinja, isaħħu l-kapaċitajiet tas-sħab f’pajjiżi terzi u jsaħħu l-mobbiltà internazzjonali (’il ġewwa u ’l barra) tal-istudenti, ir-riċerkaturi, l-akkademiċi u l-persunal. Għandu jittieħed vantaġġ sħiħ mill-Konvenzjoni Globali tal-UNESCO tal-2019 dwar ir-Rikonoxximent tal-Kwalifiki li jikkonċernaw l-Edukazzjoni Għolja peress li din tiffaċilita l-mobbiltà internazzjonali tal-istudenti u b’hekk twitti t-triq tal-potenzjal għall-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja Ewropea. L-isforzi komuni Ewropej lejn pajjiżi terzi jistgħu wkoll, permezz ta’ approċċ ta’ “Tim Ewropa”, jippromwovu aktar l-offerta tal-edukazzjoni għolja Ewropea u jrawmu attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità li jkunu ta’ benefiċċju reċiproku.

Tisħiħ tal-irkupru u r-rispons tal-Ewropa għat-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika

25.

L-HEIs għandhom jiġu mħeġġa aktar biex jittrasformaw l-għarfien f’ħiliet, kompetenzi u innovazzjoni. Dan jista’ jsir b’rispett sħiħ tal-libertà akkademika billi tiġi żviluppata kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab ekonomiċi, soċjali u industrijali fi ħdan l-ekosistemi tar-riċerka u l-innovazzjoni lokali u reġjonali, u billi tiġi ffaċilitata l-mobbiltà intersettorjali bejn l-HEIs u sħab oħra, filwaqt li jibnu b’mod partikolari fuq strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) u l-KKI. Din il-kooperazzjoni tista’ tkun ukoll ta’ benefiċċju kbir għan-negozji lokali u l-SMEs u tagħti lill-istudenti, lir-riċerkaturi, lill-akkademiċi, lil min iħarreġ u lill-persunal, l-opportunità li jitħarrġu, eż. fil-ġestjoni tal-proprjetà intellettwali, it-trasferiment tal-għarfien u l-intraprenditorija, inkluż l-aċċess għal finanzi, fi kwalunkwe stadju tal-karrieri tagħhom. Il-varjetà sħiħa ta’ attivitajiet tal-akkademiċi kemm fi ħdan id-dinja akkademika kif ukoll lil hinn minnha, fuq id-dimensjonijiet kollha tal-missjonijiet tal-HEIs, jeħtieġ li titqies fil-valutazzjonijiet tal-karriera tagħhom. L-HEIs għandhom itejbu wkoll il-kapaċità tagħhom li jinvolvu ruħhom mal-ekosistemi tagħhom billi jrawmu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa, speċjalment għal setturi industrijali strateġiċi u billi jrawmu t-trasferimenti tal-għarfien u t-teknoloġija u l-ħolqien ta’ spin-offs.

26.

L-HEIs jistgħu jiġu appoġġati biex issaħħu l-apprendiment iċċentrat fuq l-istudenti u bbażat fuq ir-riċerka, li għandu l-għan li jipprovdi lill-istudenti b’kompetenzi, ħiliet u għarfien aġġornati u jiżviluppa l-ħiliet u l-esperjenza tar-riċerka tagħhom. L-istudenti għandhom jiġu appoġġati wkoll biex jaħdmu f’dixxiplini differenti f’approċċi bbażati fuq l-isfidi.

27.

L-HEIs jista’ jkollhom rwol essenzjali fit-tagħlim tul il-ħajja u fir-rispons għat-trasformazzjoni tas-suq tax-xogħol billi jiftħu l-aċċess għat-tipi kollha ta’ studenti u jrawmu l-impjegabbiltà tagħhom, inkluż permezz ta’ taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet. Għal dak il-għan, l-HEIs għandhom jiġu appoġġati fl-użu tagħhom tad-diġitalizzazzjoni biex irawmu metodi innovattivi ta’ apprendiment u tagħlim, u fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ perkorsi ta’ apprendiment flessibbli u mfassla apposta, inkluż, fejn xieraq, korsijiet iqsar jew esperjenzi ta’ apprendiment li jistgħu jwasslu għal mikrokredenzjali, mingħajr iddevjar mill-prinċipju ċentrali ta’ programmi ta’ lawrja sħiħa. Sabiex jiġu żviluppati l-ħiliet, il-kompetenzi, l-attitudnijiet u l-ispirtu intraprenditorjali rilevanti tal-istudenti, l-HEIs għandhom jiġu mħeġġa jikkooperaw mal-ekosistemi tagħhom, jippromwovu esperjenzi bbażati fuq ix-xogħol bħal internships, apprendistati u opportunitajiet ta’ volontarjat u, fejn ikun adatt, jiżviluppaw aktar linji intraprenditorjali li jippermettu lill-istudenti jwettqu proġetti intraprenditorjali matul l-istudji tagħhom.

28.

L-HEIs għandhom rwol essenzjali x’jaqdu fl-appoġġ tat-tranżizzjoni ekoloġika u l-indirizzar tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli bħala karatteristika distintiva tal-kwalità fil-livell globali. F’dan ir-rigward, l-HEIs madwar l-Ewropa għandhom jiġu appoġġati biex jintroduċu approċċi ta’ sostenibbiltà u ekoloġiċi bl-użu ta’ approċċ ta’ istituzzjoni sħiħa bħala parti mill-missjonijiet, l-infrastrutturi u l-operazzjonijiet tagħhom, fejn dan ikun rilevanti.

29.

Sabiex tiġi indirizzata t-tranżizzjoni ekoloġika, l-HEIs għandhom ikunu mħeġġa jiżviluppaw għarfien, ħiliet u kompetenzi interdixxiplinari, jappoġġaw l-akkwist u l-użu tal-għarfien dwar is-sostenibbiltà fost l-istudenti u l-komunitajiet kollha, u jinkorporaw l-edukazzjoni dwar is-sostenibbiltà bħala parti mill-kurrikuli fis-setturi kollha rilevanti. Għandhom jiġu mħeġġa jikkummissjonaw u jwettqu riċerka li tibni fuq il-bażi tal-għarfien marbuta mas-sostenibbiltà.

30.

Kif irriżulta matul il-pandemija tal-COVID-19, it-teknoloġiji diġitali huma għodda b’saħħitha ta’ trasformazzjoni għas-sistemi tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa, u l-HEIs min-naħa tagħhom huma strumentali biex titħaffef it-tranżizzjoni diġitali fl-Ewropa.

31.

Jeħtieġ li l-HEIs jingħataw infrastrutturi u servizzi diġitali ta’ konnettività u prestazzjoni għolja, li kemm jista’ jkun għandhom ikunu interoperabbli u kondiviżi madwar l-Ewropa, iserrħu fuq standards Ewropej (3) u jużaw teknoloġiji fdati skont il-ħtiġijiet speċifiċi tal-HEIs, pereżempju data sigura.

32.

It-tħaffif tat-tranżizzjoni diġitali tal-Ewropa jimplika l-għoti ta’ kompetenza diġitali u litteriżmu fid-data lill-istudenti, il-ħarrieġa, il-persunal, l-akkademiċi u r-riċerkaturi kollha, u, fejn japplika, lill-pubbliku ġenerali. L-HEIs għandhom rwol essenzjali biex jinkiseb dak il-għan billi jattrezzaw lill-istudenti bil-kompetenzi diġitali emerġenti u l-komponent etiku tagħhom – bħall-amministrazzjoni tad-data, l-intelliġenza artifiċjali, il-computing ta’ prestazzjoni għolja u ċ-ċibersigurtà – u bit-twettiq ta’ riċerka u innovazzjoni.

33.

Filwaqt li jagħrfu bis-sħiħ il-valur tat-tagħlim wiċċ imb’wiċċ, l-HEIs għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-mezzi diġitali sabiex itejbu l-kwalità tal-esperjenza tat-tagħlim għall-istudenti, il-persunal, l-akkademiċi u r-riċerkaturi u jindirizzaw l-inugwaljanzi soċjali. Sabiex jingħalaq id-distakk diġitali, għandu jingħata appoġġ lil inizjattivi li jipprovdu aċċess indaqs għal opportunitajiet ta’ apprendiment individwalizzat bl-użu, pereżempju, ta’ tagħlim virtwali jew ibridu f’postijiet ta’ apprendiment remoti. L-HEIs għandhom ikunu akkumpanjati fl-isforzi tagħhom biex jikkondividu pjattaformi u għodod interoperabbli li jippermettu l-iskambju tad-data filwaqt li jipprovdu riżorsi edukattivi ta’ kwalità għolja u faċli biex jintużaw bħalma huma korsijiet online.

Approfondiment tas-sens ta’ appartenenza Ewropew ibbażat fuq valuri komuni

34.

Biex napprofondixxu s-sens ta’ appartenenza Ewropew u nippromwovu l-istil ta’ ħajja Ewropew tagħna, huwa essenzjali li nħarsu u nipproteġu l-valuri demokratiċi Ewropej, inrawmu d-diversità, l-inklużività u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u nsaħħu l-kwalità u r-rilevanza tal-edukazzjoni għolja għal ħiliet li jibqgħu validi fil-futur. L-HEIs huma awtonomi u l-libertà akkademika u xjentifika hija prinċipju ċentrali tal-missjoni u l-attivitajiet tagħhom.

35.

L-HEIs għandhom jiġu appoġġati fl-isforzi tagħhom biex jipproteġu l-edukazzjoni u x-xjenza kontra d-diżinformazzjoni, biex jappoġġaw ix-xjenza miftuħa u jiddefendu l-valuri demokratiċi. F’dak ir-rigward, l-HEIs huma salvagwardja għad-demokrazija u forum primarju għax-xjenza taċ-ċittadini, u jħejju lill-istudenti għaċ-ċittadinanza attiva u l-impenn pubbliku.

36.

L-HEIs jistgħu jħeġġu d-dibattitu pubbliku b’informazzjoni bbażata fuq il-fatti u utli, permezz ta’ aċċess aktar miftuħ għal pubblikazzjonijiet u data ta’ riċerka u billi jorganizzaw attivitajiet pubbliċi biex ixandru r-riżultati tar-riċerka u ssir diskussjoni dwarhom. L-HEIs jistgħu jkunu atturi ewlenin fil-ġlieda kontra l-użu qarrieqi tar-riċerka u jirrappreżentaw l-interfaċċa bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni, l-awtoritajiet pubbliċi u s-soċjetà ċivili. Dan ir-rwol jista’ jkompli jissaħħaħ u jintuża mill-HEIs biex jinvolvu ruħhom b’mod aktar sistematiku mal-atturi tas-soċjetà kollha, inkluż l-innovaturi pubbliċi u privati, l-awtoritajiet pubbliċi reġjonali u lokali, inkluż l-iskejjel, il-mezzi tal-informazzjoni, l-organizzazzjonijiet tal-popolarizzazzjoni tax-xjenza, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħalma huma l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, tal-utenti jew tal-pazjenti.

37.

L-HEIs għandhom jiżguraw li l-istudenti, l-akkademiċi, ir-riċerkaturi u l-persunal jipparteċipaw fil-governanza tagħhom, bħala membri sħaħ u sħab kostruttivi tal-komunità tal-edukazzjoni għolja. F’dak ir-rigward, l-istudenti jistgħu jkunu involuti f’mekkaniżmi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, inkluż fir-rigward tal-kurrikuli, bħala aspett tal-valuri akkademiċi fundamentali, sinjal ta’ demokrazija u kultura ta’ djalogu fl-HEIs.

38.

L-HEIs għandhom jiġu appoġġati u mħeġġa fl-isforzi tagħhom biex jiżguraw l-inklużjoni u s-suċċess tal-istudenti, l-akkademiċi, ir-riċerkaturi u l-persunal tagħhom, u biex jippromwovu opportunitajiet indaqs, irrispettivament mill-ġeneru, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-isfond soċjali u ekonomiku, is-saħħa, id-diżabbiltà, l-età, l-orjentazzjoni sesswali, l-isfond ta’ migrazzjoni u l-pożizzjoni ġeografika. Għal dawn il-finijiet, l-HEIs għandhom ikunu appoġġati sabiex jiżguraw il-benesseri ta’ kulħadd f’konformità ma’ diversità soċjali akbar. F’dan ir-rigward, l-HEIs għandhom jiġu mħeġġa jilħqu gruppi sottorappreżentati sabiex itejbu l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni għolja u jgħinuhom ilestu l-istudji tagħhom, filwaqt li jqisu kif xieraq l-istudenti u r-riċerkaturi żgħażagħ li kellhom l-istudji u l-karrieri tagħhom affettwati ħafna mill-pandemija kif ukoll dawk minn żoni rurali u remoti, bħar-reġjuni ultraperiferiċi.

39.

L-HEIs għandhom jiġu appoġġati u mħeġġa jieħdu azzjonijiet rilevanti biex itejbu l-bilanċ bejn il-ġeneri fil-korpi tal-istudenti u tal-persunal tagħhom, inkluż fil-kuntest tal-avvanz fil-karriera akkademika.

40.

L-HEIs jistgħu jużaw għodod tat-tagħlim u pedagoġiji innovattivi, inkluż għodod diġitali, sabiex joffru approċċ għall-apprendiment iffukat fuq l-istudenti irrispettivament mill-isfond soċjoekonomiku jew tal-apprendiment. Biex inaqqsu l-inugwaljanza u jippromwovu s-suċċess personali, l-HEIs għandhom jiġu mħeġġa jipprovdu gwida u servizzi ta’ appoġġ personalizzati, b’mod partikolari lil studenti ġodda, u jqisu l-istil u l-perkors tal-apprendiment kif ukoll l-isfond soċjoekonomiku ta’ kull student.

B’MOD AKTAR SPEĊIFIKU JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI BIEX, SKONT IL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM U BIR-RISPETT DOVUT GĦALL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ, JAPPOĠĠAW ALLEANZI TA’ ISTITUZZJONIJIET TAL-EDUKAZZJONI GĦOLJA BĦALL-“UNIVERSITAJIET EWROPEJ”:

41.

Kull tip ta’ alleanza tal-HEIs għandhom jiġu appoġġati aktar bil-mezzi xierqa u rilevanti kollha sabiex jiffaċilitaw attivitajiet ta’ kooperazzjoni bbażati fuq kwalità għolja, eċċellenza, impatt, inklużività u bilanċ ġeografiku, u biex jiġu identifikati ostakli u soluzzjonijiet li jistgħu jkunu komuni għall-alleanzi kollha. B’mod aktar speċifiku, abbażi tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-ewwel alleanzi pilota, l-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej għandha tkompli tiġi mnedija aktar. Dan ikun jippermetti wkoll li l-attivitajiet jiġu raggruppati sabiex jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki dwar l-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni u s-servizz lis-soċjetà.

42.

L-ewwel nett, l-alleanzi tal-HEIs għandhom jiġu mħeġġa jagħmlu użu sħiħ mill-programmi ta’ finanzjament eżistenti kif ukoll mill-għodod abilitanti fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali bil-ħsieb li tiżdied u tiġi approfondita l-kooperazzjoni tagħhom.

43.

Fejn ikun rilevanti u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali, l-alleanzi tal-HEIs u l-partijiet ikkonċernati, għandhom jittieħdu passi biex jingħelbu l-ostakli għal kooperazzjoni tranżnazzjonali aktar profonda, fit-tul u flessibbli u jitfasslu strumenti ta’ kooperazzjoni istituzzjonalizzati, abbażi ta’ valutazzjoni preliminari bir-reqqa tan-neċessità, il-benefiċċji u l-fattibbiltà tagħhom. L-għan huwa li, fuq bażi volontarja, l-alleanzi, jingħataw il-libertà li jaġixxu flimkien, jieħdu deċiżjonijiet strateġiċi komuni, jippruvaw l-esperiment tar-reklutaġġ konġunt, ifasslu kurrikuli konġunti jew jgħaqqdu r-riżorsi u l-kapaċitajiet umani, tekniċi, tad-data, tal-edukazzjoni, tar-riċerka u tal-innovazzjoni.

44.

Filwaqt li ssir enfasi fuq l-implimentazzjoni tal-Approċċ Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità ta’ Programmi Konġunti, għandhom jittieħdu aktar passi biex jiġi rikonoxxut il-valur ta’ esperjenzi ta’ apprendiment tranżnazzjonali innovattivi u biex programmi konġunti bħal dawn ipprovduti minn alleanzi ta’ HEIs isiru aktar viżibbli u attraenti u titjieb ir-reputazzjoni tagħhom, kemm fl-Ewropa kif ukoll lil hinn minnha. Għandhom jiġu esplorati kriterji komuni li jistgħu jwasslu għal tikketta Ewropea potenzjali għal programmi konġunti. Aktar tard, jistgħu jiġu kkunsidrati, fuq bażi volontarja, it-tfassil u t-twettiq possibbli, f’livell nazzjonali, reġjonali jew istituzzjonali, ta’ lawrji konġunti fil-livelli kollha, ibbażati fuq dawn il-kriterji Ewropej maħluqa b’mod konġunt, f’konformità mal-istrumenti eżistenti tal-Proċess ta’ Bolonja. Dan il-proċess għandu jseħħ f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali, l-alleanzi tal-HEIs u l-partijiet ikkonċernati.

45.

Ir-riżultati tal-proċessi esploratorji msemmija fil-paragrafi 43 u 44, f’kull pass, jiġu rrappurtati lill-Kunsill għal deċiżjoni ulterjuri.

46.

Għandhom jiġu abilitati proċessi effiċjenti u effettivi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità fil-livell nazzjonali biex jiffaċilitaw approċċ Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità għal programmi konġunti, skont l-Istandards u Linji Gwida għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fiż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja (ESG), filwaqt li titqies l-importanza tal-kwalità, ir-riċerka u l-impjegabbiltà.

47.

Sabiex l-alleanzi tal-HEIs ikunu jistgħu jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom billi jindirizzaw l-ispejjeż finanzjarji tal-kooperazzjoni tranżnazzjonali biex ikopru l-missjonijiet kollha tagħhom f’perijodu itwal ta’ żmien, għandhom jittieħdu passi lejn perspettiva ta’ finanzjament tal-UE li tkun aktar sostenibbli, olistika u integrata. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tipprova approċċi pilota għal soluzzjonijiet possibbli f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati rilevanti sal-2024, li jkunu segwiti minn eżerċizzju ta’ rappurtar lill-Kunsill għal deċiżjoni ulterjuri.

BĦALA PASSI LI JMISS, B’RISPETT DOVUT GĦALL-PRINĊIPJI TAS-SUSSIDJARJETÀ U L-AWTONOMIJA ISTITUZZJONALI, U SKONT IĊ-ĊIRKOSTANZI NAZZJONALI:

48.

JAPPELLA lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu u jipproteġu l-valuri akkademiċi fundamentali, inkluż il-libertà u l-integrità akkademiċi f’konformità mal-Komunikat Ministerjali ta’ Ruma tal-2020 u d-Dikjarazzjoni ta’ Bonn dwar il-Libertà tar-Riċerka Xjentifika.

49.

JISTIEDEN lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, f’kollaborazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, flimkien imexxu ’l quddiem azzjonijiet għall-ħolqien ta’ sinerġiji bejn l-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni fi ħdan il-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ u l-istrutturi ta’ governanza taż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Dawn l-azzjonijiet għandhom juru valur miżjud reali fil-livell Ewropew u jaħdmu lejn l-objettivi ewlenin imsemmija hawn fuq, u jitwettqu mill-Kummissjoni u, fuq bażi volontarja, mill-Istati Membri bi kwalunkwe mezz xieraq skont il-kuntesti nazzjonali.

50.

JISTIEDEN lill-Kummissjoni biex tippreżenta lill-Kunsill, għal informazzjoni u deċiżjoni ulterjuri, pjan direzzjonali sa nofs l-2022 biex jitfasslu b’mod konġunt l-istrumenti l-ġodda. Il-pjan direzzjonali jkun jindika l-istadji prinċipali u l-gruppi ta’ esperti involuti. Fl-implimentazzjoni tal-objettivi ewlenin, ser jitqiesu dawn li ġejjin: azzjonijiet identifikati mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar strateġija Ewropea għall-universitajiet; ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030); u l-azzjonijiet rilevanti identifikati fl-aġenda ta’ politika taż-Żona Ewropea tar-Riċerka 2022-2024 annessa mal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-governanza futura taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) kif ukoll il-valuri u l-prinċipji definiti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Patt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Ewropa.

51.

JISTIEDEN lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati biex jimpenjaw ruħhom f’kooperazzjoni msaħħa sabiex jimplimentaw dawn is-sinerġiji, filwaqt li jibnu fuq l-istrutturi ta’ governanza eżistenti tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka, f’sinerġija mill-qrib maż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja, u billi jikkapitalizzaw fuq l-aħjar prattiki tal-HEIs. F’dan ir-rigward, meta jkun rilevanti, jistgħu jiġu kkunsidrati laqgħat konġunti tad-Diretturi Ġenerali għall-edukazzjoni għolja u l-Kumitat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-Innovazzjoni, b’suġġetti ta’ interess konġunt u objettiv komuni ddefiniti b’mod ċar.

52.

JISTIEDEN lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu lejn dawn l-objettivi ewlenin permezz ta’ kollaborazzjoni mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet umbrella fil-livell tal-UE u internazzjonali, jew organizzazzjonijiet adatti oħra li huma rilevanti fil-livell tal-UE, u rappreżentattivi tal-partijiet ikkonċernati, bħalma huma: HEIs, inklużi alleanzi tal-HEIs Ewropej, assoċjazzjonijiet ta’ studenti, aġenziji tal-assigurazzjoni tal-kwalità, organizzazzjonijiet ta’ riċerka u teknoloġija, negozji intensivi fir-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż SMEs, riċerkaturi u innovaturi individwali, infrastrutturi ta’ riċerka, organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka u l-innovazzjoni u akkademji xjentifiċi. Jistgħu jiġu kkunsidrati laqgħat regolari bħalma huwa l-Forum tal-Universitajiet għall-futur tal-Ewropa sabiex tiġi diskussa l-implimentazzjoni tal-istrateġija u titrawwem il-kondiviżjoni ta’ prattiki tajba. Ir-riżultati ta’ dak il-Forum għandhom jispiraw aktar żviluppi u ħidma mill-gruppi rilevanti tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka, f’sinerġija maż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja.

53.

JISTIEDEN lill-Istati Membri biex jagħmlu użu minn skambji multilaterali bl-appoġġ tal-Kummissjoni sabiex irawmu l-kondiviżjoni ta’ prattiki tajba u t-tagħlim bejn il-pari minn Stati Membri oħra.

54.

JINNOTA l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrazzjonalizza l-għodod ta’ monitoraġġ tal-edukazzjoni għolja. Dan jista’ jsaħħaħ il-potenzjal u r-rilevanza tagħhom għal min ifassal il-politika, l-HEIs, l-istudenti u r-riċerkaturi, mingħajr ma jiżdied il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri jew l-HEIs, sabiex jipprovdu informazzjoni dwar il-progress miksub fl-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropea li ssaħħaħ l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u jgħinu lill-Istati Membri li jixtiequ jibnu l-azzjonijiet li għandhom l-intenzjoni jikkontribwixxu għalihom fuq evidenza u data solidi. Il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri f’dan il-proċess hija volontarja. JIPPROPONI li jiġu bbażati aktar diskussjonijiet fuq studju ta’ mmappjar rigward il-qafas legali u potenzjali tal-għodod ta’ monitoraġġ rilevanti. JENFASIZZA li dan il-kompitu għandu jiġi żviluppat f’sinerġija mal-proċess ta’ koordinazzjoni u monitoraġġ tal-politika taż-ŻER, inkluż it-tabella tal-indikaturi taż-ŻER.

55.

JISTIEDEN lill-Kummissjoni biex tippreżenta aġġornamenti regolari lill-Istati Membri dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet imsemmija hawn fuq, u biex tippreżenta perspettiva komprensiva fir-rapport sħiħ mill-Kummissjoni dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni fl-2025, waqt li tqis ukoll il-progress magħmul fl-implimentazzjoni taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

(1)  Għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, it-terminu “istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja” jintuża bħala referenza għas-settur sħiħ, li jirrappreżenta l-qasam kollu tal-edukazzjoni terzjarja, u b’hekk jinkludi t-tipi kollha ta’ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, inkluż, f’konformità mal-liġi jew il-prattika nazzjonali, universitajiet tar-riċerka, kulleġġi universitarji, universitajiet tax-xjenzi applikati, istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali għolja, u istituzzjonijiet għolja tal-arti.

(2)  OECD (2020), Resourcing Higher Education: Challenges, Choices and Consequences, (Ir-Riżorsi tal-Edukazzjoni Għolja: Sfidi, Għażliet u Konsegwenzi), Edukazzjoni Għolja, Pubblikazzjoni tal-OECD, Pariġi.

(3)  Carretero Gomez, S., Vuorikari, R. u Punie, Y., DigComp 2.1: The Digital Competence Framework for Citizens with eight proficiency levels and examples of use (Il-qafas tal-kompetenza diġitali għaċ-ċittadini bi tmien livelli ta’ ħila u eżempji ta’ użu), L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, Lussemburgu, 2017.


ANNESS

Kuntest politiku

Kunsill Ewropew

Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 14 ta’ Diċembru 2017 (EUCO 19/1/17 REV 1)

Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2122 tas-26 ta’ Novembru 2021 dwar Patt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Ewropa (ĠU L 431, 2.12.2021, p. 1)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-governanza futura taż-żona Ewropea tar-riċerka (ŻER) (14308/21, 26 ta’ Novembru 2021)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Approċċ globali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni L-istrateġija tal-Ewropa għall-kooperazzjoni internazzjonali f’dinja li qed tinbidel (12301/21, 28 ta’ Settembru 2021)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej – Inqarrbu l-edukazzjoni għolja, ir-riċerka, l-innovazzjoni u s-soċjetà: Inwittu t-triq għal dimensjoni ġdida fl-edukazzjoni għolja Ewropea (ĠU C 221, 10.6.2021, p. 14)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “Approfondiment taż-Żona Ewropea tar-Riċerka: Nagħtu lir-riċerkaturi karrieri u kundizzjonijiet tax-xogħol attraenti u sostenibbli u nagħmlu ċ-ċirkolazzjoni tal-imħuħ realtà” (9138/21, 28 ta’ Mejju 2021)

Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030) (ĠU C 66, 26.2.2021, p. 1)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka l-Ġdida (13567/20, 1 ta’ Diċembru 2020)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2018 dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta’ kwalifiki tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell sekondarju għoli u l-eżiti tal-perjodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż (ĠU C 444, 10.12.2018, p. 1)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-mixja lejn viżjoni ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (ĠU C 195, 7.6.2018, p. 7)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2018 dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim (ĠU C 195, 7.6.2018, p. 1)

Kummissjoni Ewropea

Nindirizzaw l-Interferenza Barranija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni (SWD(2022) 12 final) (traduzzjoni mhux uffiċjali)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar strateġija Ewropea għall-universitajiet (COM(2022) 16 final)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Approċċ Globali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni – L-istrateġija tal-Ewropa għall-kooperazzjoni internazzjonali f’dinja li qed tinbidel (COM(2021) 252 final/2)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – ŻER ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (COM(2020) 628 final)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (COM(2020) 625 final)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (COM(2020) 274 final)

Il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u Politika ta’ Sigurtà

Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment – Il-Portal Globali (JOIN(2021) 30 final)

Dikjarazzjonijiet

Komunikat Ministerjali ta’ Ruma (19 ta’ Novembru 2020)

Dikjarazzjoni ta’ Bonn dwar il-Libertà tar-Riċerka Xjentifika (20 ta’ Ottubru 2020)