26.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 323/1


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-Involviment tas-Soċjetà Ċivili Organizzata fil-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza – Kif nistgħu ntejbuh?”

(2022/C 323/01)

Fis-sessjoni plenarja tiegħu tat-18 u d-19 ta’ Mejju 2022 (laqgħa tat-18 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta r-Riżoluzzjoni li ġejja b’197 vot favur u 4 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni

1.1.

Fir-Riżoluzzjoni (1) tiegħu ta’ Frar 2021, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ivvaluta l-parteċipazzjoni, permezz ta’ konsultazzjoni, tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza, kif ukoll il-kwalità tal-involviment tagħhom. Dawn il-Pjani ġew ippreżentati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni Ewropea (KE) sabiex jibbenefikaw mill-appoġġ tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li hija l-qofol tal-istrument temporanju għall-irkupru “NextGenerationEU” (NGEU). Minkejja l-Artikolu 18(4)(q) tar-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (2), il-konklużjoni ewlenija tal-KESE kienet li l-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata kien fil-biċċa l-kbira insuffiċjenti fil-maġġoranza tal-Istati Membri. Barra minn hekk, deher li l-konsultazzjonijiet, spiss mibdija mill-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ġeneralment jitqiesu bħala sempliċi formalitajiet mingħajr l-ebda kapaċità reali li jinfluwenzaw il-kontenut tal-Pjani. Il-Kumitat ħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-gvernijiet nazzjonali biex jikkoreġu din is-sitwazzjoni fl-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-aġġustament tal-Pjani. Barra minn hekk, il-KESE jkompli jenfasizza l-importanza li s-soċjetà ċivili organizzata tkun ukoll ippreparata aħjar biex twieġeb għal din il-ħtieġa biex iżżid l-involviment tagħha.

1.2.

Fir-Riżoluzzjoni msemmija hawn fuq u f’diversi Opinjonijiet, il-KESE esprima wkoll li jaqbel mal-objettivi ta’ investiment u l-linji gwida għar-riformi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li għandu jkollhom l-għan li jiksbu bidla fil-mudell ta’ produzzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u diġitalizzata, imwettqa permezz ta’ proċessi ta’ tranżizzjoni ġusta li jiżguraw il-protezzjoni tal-ħaddiema u r-reġjuni kkonċernati, ir-riallokazzjoni tal-ħaddiema u r-riġenerazzjoni u t-tiġdid tan-nisġa produttiva. Fil-fehma tal-Kumitat, l-investimenti u r-riformi stabbiliti fil-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza għandhom jippromovu t-titjib tal-produttività tan-negozju u tal-ekonomija fl-Istati Membri, it-tisħiħ tan-nisġa industrijali innovattiva permezz ta’ appoġġ għall-SMEs u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, u t-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali, li tista’ tinkiseb ukoll permezz tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

1.3.

Hekk kif l-ekonomija Ewropea kienet qed tirkupra mir-reċessjoni ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri tas-saħħa pubblika meħuda biex tiġi miġġielda, u filwaqt li tfittex li tegħleb id-distorsjonijiet tal-provvista u l-pressjonijiet inflazzjonarji li l-pandemija kienet ipproduċiet fl-ekonomija globali, xokk estern mhux mistenni ħoloq xenarju politiku u ekonomiku ġdid mimli diffikultajiet u riskji: l-invażjoni tal-Ukrajna mill-armata tal-Federazzjoni Russa. Il-KESE kkundanna dan bil-qawwa bħala ksur serju tar-regoli u l-ftehimiet internazzjonali fis-seħħ (3). Dan jhedded is-sigurtà Ewropea u globali, qed jikkawża tbatija enormi tal-bniedem, qerda materjali u ħsara ambjentali, u biddel radikalment il-qafas ekonomiku Ewropew u globali.

1.4.

F’Marzu, l-inflazzjoni sena wara sena fiż-żona tal-Euro laħqet is- 7,5 %, li huwa l-ogħla perċentwali mill-adozzjoni tal-Euro, u l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija laħqet l-44,7 %. Barra minn hekk, gwerra fit-tul fl-Ukrajna tista’ twassal għal skarsezzi fil-fjuwils fossili, li għadna niddependu minnhom, u ta’ materja prima u prodotti tal-ikel oħra. Dan kollu jagħmel l-iżvilupp tal-prezzijiet u t-tkabbir imprevedibbli, u jħalli impatt enormi fuq l-ifqar pajjiżi, jiġifieri l-Afrika u l-Lvant Nofsani. L-istaġnar huwa riskju reali għall-ekonomiji tal-Ewropa u reġjuni oħra tad-dinja. L-objettivi tal-miżuri u l-istrumenti tal-Patt Ekoloġiku, li jimmira lejn in-newtralità klimatika għall-Ewropa sal-2050, jistgħu jiġu affettwati wkoll. L-implikazzjonijiet ġeopolitiċi tal-gwerra se jaffettwaw il-katina kollha tal-valur tal-ikel, l-industrija, id-difiża u l-kummerċ fl-Ewropa u globalment, il-politiki korrispondenti tal-UE f’dawn l-oqsma u f’oqsma oħrajn, kif ukoll ir-riflessjoni li għaddejja dwar il-Futur tal-Ewropa u l-livelli ta’ integrazzjoni li rridu niksbu kollettivament bħala nazzjonijiet u ċittadini Ewropej. Għalhekk għandha tiġi kkunsidrata reviżjoni tal-għodod finanzjarji tal-UE fid-dawl ta’ dan ix-xenarju l-ġdid. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni maħluqa mill-gwerra fl-Ukrajna se taffettwa l-implimentazzjoni tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li se jkollhom jitwettqu b’mod konsistenti mal-objettivi l-ġodda tal-politika ekonomika li se jiġu stabbiliti biex jiġu indirizzati r-riskji u l-isfidi tas-sitwazzjoni l-ġdida. Dawn ix-xenarji li sejrin għall-agħar jimplikaw Ewropa aktar b’saħħitha u aktar magħquda “Tkun xi tkun il-ħtieġa”.

1.5.

Permezz ta’ din ir-Riżoluzzjoni, il-KESE għandu l-għan li jivvaluta jekk l-Istati Membri indirizzawx in-nuqqasijiet identifikati fir-rigward tal-involviment tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tħejjija tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u kif qed tiżviluppa l-parteċipazzjoni tagħhom fl-implimentazzjoni tal-Pjani. Għal dan il-għan, il-Grupp tas-Semestru Ewropew tal-KESE ġabar il-fehmiet tas-soċjetà ċivili organizzata permezz ta’ kwestjonarju mibgħut lill-membri tal-grupp. Il-kwestjonarju jinkludi 21 mistoqsija dwar l-imsieħba soċjali u l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rigward il-kontenut u l-implimentazzjoni tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u l-impatt tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali fuq l-ekonomija u s-soċjetà tal-Istati Membri. B’kollox, 21 Stat Membru (4) rrispondew il-kwestjonarju. Barra minn hekk, din il-konsultazzjoni twettqet ukoll permezz ta’ round tables, organizzati b’mod konġunt mas-soċjetà ċivili organizzata u/jew mal-kunsilli nazzjonali ekonomiċi u soċjali, f’seba’ Stati Membri bejn il-ħarifa tal-2021 u l-aħħar ta’ Marzu 2022.

2.   Metodu

2.1.

Id-data u l-informazzjoni meħtieġa għal dan ir-rapport kienu miġbura bejn Ottubru 2021 u April 2022. B’kollox, waslu 23 kontribut nazzjonali (tweġibiet għall-kwestjonarju u/jew l-organizzazzjoni ta’ round table). Il-konsultazzjonijiet saru abbażi tal-għarfien tal-membri stess u involvew l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. F’xi pajjiżi, kienu involuti l-kunsilli ekonomiċi u soċjali jew korpi ekwivalenti, u f’oħrajn, ġew ikkonsultati wkoll rappreżentanti tal-gvern.

2.2.

Minħabba diversi raġunijiet, mhux il-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza kollha ġew approvati mill-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li xi Stati Membri kienu għadhom ma mxewx lil hinn mill-fażi ta’ implimentazzjoni matul il-konsultazzjoni tagħna. Għalhekk, xi Stati Membri setgħu biss iwieġbu parzjalment jew ma jwieġbu xejn għall-kwestjonarju. Sabiex tikkomplementa l-informazzjoni nieqsa, din ir-Riżoluzzjoni tibbaża wkoll fuq sorsi esterni, bħal pubblikazzjonijiet minn gruppi ta’ riflessjoni, studji ta’ riċerka komparattiva u dibattiti nazzjonali. Barra minn hekk, il-kwestjonarju ntbagħat ukoll lil xi ftit organizzazzjonijiet Ewropej tas-soċjetà ċivili, partijiet mill-Grupp ta’ Kuntatt tal-KESE (5) u rappreżentanti oħra tat-tliet Gruppi tal-KESE. L-informazzjoni addizzjonali, immirata lejn it-tfassil ta’ stampa sħiħa tas-sitwazzjoni, hija distinta b’mod ċar f’din ir-Riżoluzzjoni (6)

2.3.

Il-21 mistoqsija li fformaw il-bażi għall-konsultazzjonijiet huma miġbura fl-erba’ taqsimiet li ġejjin:

Taqsima I: X’inhi l-fehma tas-soċjetà ċivili organizzata dwar il-kontenut tal-Pjani, l-objettivi ta’ investiment tagħhom u r-riformi proposti?

Taqsima II: Kif qed javvanzaw l-implimentazzjoni tal-Pjani, l-investimenti tagħhom u r-riformi?

Taqsima III: L-impatt potenzjali tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza fuq l-ekonomija u s-soċjetà tal-Istati Membri.

Taqsima IV: L-involviment tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-Pjan.

3.   Osservazzjonijiet mir-riżultati tal-konsultazzjonijiet

3.1.   Taqsima I: X’inhi l-fehma tas-soċjetà ċivili organizzata dwar il-kontenut tal-Pjani, l-objettivi ta’ investiment tagħhom u r-riformi proposti?

3.1.1.

Fir-rigward tal-inklużjoni ta’ proposti mis-soċjetà ċivili organizzata fil-kontenut tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Kummissjoni Ewropea enfasizzat, fl-analiżi tagħha tal-Pjani, il-proposti speċifiċi mill-partijiet ikkonċernati li huma riflessi b’mod effettiv, pereżempju, fil-Pjani taċ-Ċekja (7), tal-Ġermanja (8), ta’ Ċipru (9), tal-Awstrija (10), tal-Portugall (11), jew tas-Slovakkja (12). Il-Latvja ppubblikat, flimkien mal-Pjan Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza tagħha, is-suġġerimenti mill-imsieħba, u inkludiet xi wħud minnhom fil-Pjan. Il-konsultazzjonijiet li saru fil-kuntest ta’ din ir-Riżoluzzjoni wrew li filwaqt li l-maġġoranza tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Istati Membri jemmnu li l-Pjan ser ikun suċċess u jappoġġja l-objettivi ekoloġiċi, diġitali u soċjali tiegħu, madankollu, spiss issemma li d-dimensjoni soċjali hija relattivament mhux żviluppata. Barra minn hekk, tqajjem tħassib dwar il-kapaċità tal-Istati Membri li jimmaniġġjaw il-fondi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jew li jagħmlu dan f’perjodu ta’ żmien xieraq, li jista’ jfixkel is-suċċess tal-Pjan. Dan huwa partikolarment minnu għall-akbar benefiċjarji tal-fondi. Il-valutazzjoni tal-kapaċità tal-Pjan li jibni reżiljenza ekonomika hija mħallta. B’mod partikolari, il-pajjiżi li jirċievu relattivament ftit finanzjament ma jistennewx li l-Pjan jikkontribwixxi għar-reżiljenza fit-tul tal-ekonomija tagħhom. Finalment, is-soċjetà ċivili organizzata jiddispjaċiha ħafna li l-fehmiet tagħha dwar il-prijoritajiet li għandhom jiġu riflessi fil-Pjan ma ġewx ikkunsidrati biżżejjed fil-verżjoni finali. Is-soċjetà ċivili organizzata rrimarkat ukoll, ripetutament, li ħafna mir-riformi li jinsabu fil-Pjan Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza kienu diġà previsti fi programmi nazzjonali ta’ riforma preċedenti, indipendentement mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-objettivi ta’ investiment u r-riforma tagħha, li ftit li xejn ħallew lok għas-soċjetà ċivili organizzata biex tinfluwenza l-kontenut tal-Pjan.

3.2.   Taqsima II: Kif qed javvanzaw l-implimentazzjoni tal-Pjani, l-investimenti tagħhom u r-riformi?

3.2.1.

Fil-15 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni nediet it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (13), kif previst fir-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Din tagħti ħarsa ġenerali lejn kif l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza miexja ’l quddiem, iżda ma tirriflettix il-punt sa fejn l-Istati Membri qed jidderieġu l-fondi b’mod effettiv biex jiffinanzjaw il-proġetti tagħhom. Għalhekk, xi Stati Membri, bħall-Awstrija, l-Italja, il-Latvja, il-Portugall, is-Slovakkja u Spanja, jiżvelaw fuq is-siti web tagħhom xi informazzjoni dwar kif qed jintefqu l-fondi u kif qed jiġu implimentati l-miżuri.

3.2.2.

Il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati kkonsultati sal-bidu ta’ April 2022 indikaw li kien għadu kmieni wisq biex tingħata ħarsa ġenerali komprensiva lejn l-implimentazzjoni tal-Pjan u l-involviment tagħhom fih. F’xi Stati Membri, dan huwa parzjalment dovut għal proċess ta’ implimentazzjoni bil-mod jew dewmien fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-Pjan. Madankollu, is-soċjetà ċivili organizzata tiddikjara li diġà esprimiet il-fehmiet tagħha dwar l-isfidi (potenzjali) li jistgħu jinqalgħu matul il-fażi ta’ implimentazzjoni. F’dan ir-rigward, waħda mill-ostakli ewlenin li ġiet identifikata hija l-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri, b’mod partikolari fil-livelli reġjonali u lokali (kif enfasizzat ukoll fid-dokument ta’ riflessjoni taċ-Ċentru għall-Istudji Politiċi Ewropej ippubblikat f’Marzu 2022 (14)). Dan huwa speċjalment il-każ għall-akbar benefiċjarji tal-fondi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Għal din ir-raġuni, ħafna msieħba soċjali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jinsistu fuq involviment akbar tal-komunitajiet lokali u reġjonali. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati jemmnu li l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata fl-implimentazzjoni tal-Pjan Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza fil-livelli reġjonali u lokali mhijiex effettiva. It-tieni ostaklu li jissemma ta’ spiss huwa n-nuqqas ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn il-gvern nazzjonali u l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li jista’ jxekkel serjament l-involviment tagħhom fil-fażi ta’ implimentazzjoni u monitoraġġ.

3.2.3.

Minkejja dawn l-isfidi identifikati, skont analiżi fil-fond tal-EPRS ippubblikata f’Marzu 2022 (15), minn naħa, diversi Stati Membri, pereżempju, il-Belġju, Ċipru, il-Greċja, l-Estonja u l-Finlandja, impenjaw ruħhom b’mod ġenerali biex ikomplu jinvolvu ruħhom mal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili matul il-fażi ta’ implimentazzjoni tal-Pjan Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u min-naħa l-oħra, pajjiżi oħra, bħaċ-Ċekja, Franza, l-Italja u l-Portugall, irreferew għal kumitat/korp speċifiku li se jkun responsabbli, fost affarijiet oħra, għall-monitoraġġ u s-superviżjoni tal-ksib tal-progress, il-konformità mal-istadji importanti u l-objettivi tal-fergħat differenti, l-attivitajiet ta’ pubbliċità u l-evalwazzjoni tar-rapporti ta’ implimentazzjoni.

3.3.   Taqsima III: L-impatt potenzjali tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza fuq l-ekonomija u s-soċjetà tal-Istati Membri

3.3.1.

Skont studju mwettaq mis-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew (16), il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza hija mistennija tixpruna l-investimenti pubbliċi, b’enfasi fuq iż-żieda fil-produzzjoni reali, u tippermetti spazju fiskali addizzjonali, li min-naħa tiegħu għandu jippermetti nefqiet nazzjonali diġà ppjanati abbażi tal-prinċipju addizzjonali. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, minn naħa waħda, twassal għal żieda sostanzjali fil-PDG fit-terminu qasir u medju permezz tad-domanda għall-investiment pubbliku u privat, u b’hekk jiżdied l-istokk kapitali li huwa meħtieġ biex jiġġenera, min-naħa l-oħra, PDG ogħla fit-terminu medju u fit-tul permezz ta’ tkabbir fl-impjiegi, produttività u pagi ogħla, u effett pożittiv fuq il-produzzjoni.

3.3.2.

Il-fehmiet tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar l-impatti potenzjali tal-Pjan Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza fuq l-ekonomija u s-soċjetà ta’ pajjiżhom huma pjuttost frammentati. Din il-perċezzjoni tvarja b’mod partikolari skont id-daqs tal-ammonti ta’ finanzjament tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza allokati lil kull Stat Membru. Tabilħaqq, fl-Istati Membri li jirċievu ammonti kbar, l-impatt huwa perċepit b’mod aktar pożittiv milli fl-Istati Membri li jirċievu ammonti relattivament żgħar meta mqabbla mad-daqs tal-ekonomija tagħhom. Minkejja dawn id-disparitajiet, is-soċjetà ċivili organizzata ġeneralment tara l-impatt tal-fondi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-investimenti tal-Pjan Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza fuq ir-riformi b’mod pożittiv, peress li dawn jipprovdu impetu biex jinkisbu l-objettivi tat-tranżizzjoni doppja.

3.4.   Taqsima IV: L-involviment tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-Pjan

3.4.1.

Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata fil-fażi tal-implimentazzjoni tal-Pjan, fil-ftit Stati Membri fejn fil-fatt bdiet, saret f’forom differenti. L-informazzjoni pprovduta mill-partijiet ikkonċernati identifikat erba’ kategoriji ta’ involviment: (1) statutorju; (2) permezz ta’ gruppi ta’ ħidma speċjali tal-Pjan Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza; (3) permezz ta’ laqgħat mal-partijiet ikkonċernati; (4) l-ebda forma speċifika ta’ involviment ippjanata. Meta mqabbel mal-konklużjonijiet li ħarġu fl-2021 dwar in-nuqqas ovvju ta’ involviment tas-soċjetà ċivili organizzata fil-fażi tal-abbozzar tal-Pjan, l-involviment tagħha fil-fażi ta’ implimentazzjoni huwa vvalutat b’mod aktar pożittiv, għalkemm għadu ’l bogħod milli jkun sodisfaċenti fl-Istati Membri kollha. Fil-fatt, ġie indikat li f’xi pajjiżi qed jiġu promossi inizjattivi mfassla speċifikament biex jinvolvu lis-soċjetà ċivili organizzata fl-implimentazzjoni tal-Pjan Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Barra minn hekk, fir-rigward tad-differenza potenzjali fl-involviment bejn l-imsieħba soċjali, minn naħa, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, min-naħa l-oħra, jidher, b’mod ġenerali, li fl-Istati Membri jew ma hemm l-ebda involviment ta’ xi waħda mill-partijiet jew inkella hemm l-involviment taż-żewġ partijiet, mingħajr distinzjoni. Madankollu, il-partijiet ikkonċernati fi tlieta (l-Awstrija, il-Greċja u l-Portugall) mill-20 Stat Membru kkonsultati rrapportaw li hemm distinzjoni sinifikanti fl-involviment ta’ dawn il-partijiet. F’dawn il-pajjiżi, l-imsieħba soċjali huma aktar involuti mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

3.4.2.

F’dan ir-rigward, stħarriġ ta’ BusinessEurope (17) li sar fil-bidu tal-2022 wera li l-imsieħba soċjali huma dejjem aktar involuti fil-Pjani ta’ Rkupru, u dan huwa rifless f’rata ta’ nuqqas ta’ sodisfazzjon ta’ 30 % biss fir-rigward tar-rwol tagħhom sa issa fl-implimentazzjoni tal-Pjan, meta mqabbel ma’ 71 % tas-sena li għaddiet fir-rigward tar-rwol tagħhom fit-tfassil tal-Pjan. Barra minn hekk, kif enfasizzat fir-rapport tal-Eurofound (18) ta’ Marzu 2022, wara li jiġu adottati l-Pjani, l-imsieħba soċjali enfasizzaw l-importanza tar-rapporti tal-pajjiżi maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tas-Semestru Ewropew (19), li inkwadraw id-diskussjoni dwar l-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti nazzjonali, li jippermettu lill-imsieħba soċjali jiskambjaw ideat u jikkontribwixxu għall-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza bl-użu ta’ linja bażi soda.

4.   Konklużjonijiet

4.1.

B’mod ġenerali, il-kontenut finali tal-Pjani jiġi evalwat b’mod pożittiv. F’xi każijiet, il-kummenti tas-soċjetà ċivili organizzata tqiesu fil-verżjonijiet finalizzati tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza. B’mod ġenerali, is-soċjetà ċivili organizzata tappoġġja l-objettivi ekoloġiċi, diġitali u soċjali tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Fir-rigward tal-kontribut għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, ġew espressi fehmiet pożittivi minkejja li l-impatt tal-Pjan Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza huwa evalwat bħala wieħed limitat ħlief għal ftit każijiet. Sfortunatament, ta’ spiss ġie espress li d-dimensjoni soċjali tal-Pjan kienet relattivament sottożviluppata minkejja l-importanza ta’ dan għall-aspett tar-reżiljenza. Ġiet espressa l-fehma li t-tranżizzjoni teħtieġ aktar investiment, speċjalment minħabba l-kriżi attwali. Minkejja t-titjib perċepit f’xi Stati Membri, għadu diffiċli li jitwieġeb b’mod konklużiv jekk il-parteċipazzjoni fil-fażi ta’ implimentazzjoni ttejbitx, b’mod partikolari minħabba li l-implimentazzjoni ta’ ħafna Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza ddewmet b’mod sinifikanti f’ħafna Stati Membri. Madankollu, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili enfasizzaw li d-djalogu soċjali istituzzjonali tjieb f’din il-fażi. Fil-fatt, pereżempju fi Spanja, l-imsieħba soċjali jirrikonoxxu li l-qafas tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-Pjan Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza kkontribwixxa għal ftehimiet importanti dwar ir-riformi tax-xogħol u tal-pensjonijiet permezz ta’ djalogu soċjali tripartitiku.

4.2.

Minkejja d-dewmien fl-implimentazzjoni ta’ ħafna Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza, ġew identifikati prattiki tajbin f’xi Stati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Pereżempju, fl-Awstrija, Franza, il-Lussemburgu, Spanja u l-Iżvezja, il-kooperazzjoni mill-qrib u kostruttiva bejn l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-gvern, imsaħħa bit-trasparenza u d-djalogu kontinwu, hija għodda importanti għall-involviment tagħhom fil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Barra minn hekk, fiċ-Ċekja, fl-Estonja, fil-Finlandja, fl-Italja u fi Spanja, sit web tal-kampanja jew portal tal-gvern iddedikati għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ġie implimentat b’informazzjoni trasparenti aċċessibbli għall-pubbliku. Fl-Italja, li hija l-benefiċjarju ewlieni tal-fondi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, f’Novembru 2021 ġiet stabbilita Sħubija ta’ Round Table Permanenti (Tavolo permanente del partenariato) fil-livell tal-gvern, fejn gruppi ta’ ħidma speċifiċi jimmonitorjaw b’mod kritiku d-direzzjoni u l-kwalità tal-implimentazzjoni tal-Pjan Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza f’termini tal-aspettattivi taċ-ċittadini. Dan il-korp huwa ppresedut mill-Prim Ministru Taljan u kkoordinat mill-President tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ekonomija u x-Xogħol (CNEL). Barra minn hekk, ġie ffirmat ftehim strutturat speċifiku mal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Muniċipalitajiet Taljani (ANCI) għall-iżvilupp ta’ djalogu u assistenza strutturata fil-fażijiet ta’ implimentazzjoni fil-livell lokali relatati ma’ kwistjonijiet ta’ tħassib tagħhom. Bl-istess mod, fl-Italja qed jitħeġġeġ l-involviment tal-muniċipalitajiet u atturi lokali oħra fir-rigward tal-kapaċità amministrattiva. Fil-Kroazja, is-soċjetà ċivili organizzata hija involuta fil-gruppi ta’ ħidma li jħejju l-offerti għall-implimentazzjoni tal-Pjan Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza, kif ukoll fi ftehimiet mal-Ministeru tat-Turiżmu dwar miżuri skont il-Pjan għas-settur tat-turiżmu. Finalment, fil-Portugall, is-soċjetà ċivili organizzata hija involuta fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pjan Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza, b’mod partikolari billi tanalizza r-riżultati tal-Pjan u r-rapporti tal-valutazzjoni tal-impatt. F’dan ir-rigward, inħoloq korp ta’ monitoraġġ – il-Kumitat Nazzjonali ta’ Monitoraġġ (CNA) – li jinkludi, fost l-oħrajn, rappreżentanti tal-imsieħba soċjali, l-universitajiet u s-settur soċjali. Dawn l-iskambji ta’ prattiki tajba huma mħeġġa u jservu ta’ eżempju għall-Istati Membri l-oħra.

4.3.

F’ħafna Stati Membri, hemm sejħiet għal involviment aħjar tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-fażi ta’ implimentazzjoni tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Is-soċjetà ċivili organizzata tappella għal aktar trasparenza fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Pjani u titlob li l-informazzjoni tkun disponibbli għall-pubbliku u li jkomplu jiġu mħeġġa d-djalogi dwar il-Pjan Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha. Jekk dan ikun nieqes, hemm il-probabbiltà li l-isfidi ewlenin ma jiġux indirizzati b’mod korrett. Finalment, fil-maġġoranza tal-Istati Membri, wieħed għad irid jara jekk il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata hijiex se tittejjeb b’mod sinifikanti matul il-fażijiet ta’ implimentazzjoni u monitoraġġ tal-Pjani, li bħalissa għadhom mexjin bil-mod wisq jew imdewma.

4.4.

Il-Kumitat jappella lill-gvernijiet nazzjonali ta’ dawk l-Istati Membri fejn l-involviment tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (20) għadu mhux biżżejjed, sabiex jirrimedjaw din is-sitwazzjoni b’urġenza u biex jikkonformaw mar-regoli stabbiliti fir-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Huwa jappella lill-Kummissjoni u lill-Parlament Ewropew sabiex jinfurzaw il-konformità mar-regoli fis-seħħ.

4.5.

Minkejja dan ta’ hawn fuq, il-KESE jemmen li n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni effettiva u ta’ kwalità tas-soċjetà ċivili organizzata fil-governanza ekonomika tal-UE mhux se jiġi solvut b’mod sodisfaċenti sakemm ma ssirx riforma tas-Semestru Ewropew li tiggarantixxi dan permezz ta’ direttiva jew regolament. Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li parteċipazzjoni xierqa sseħħ meta, fi proċessi ta’ konsultazzjoni formali bbażati fuq regoli legali u proċeduri pubbliċi u trasparenti, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu debitament informati bil-miktub, u jingħataw biżżejjed żmien biex janalizzaw il-proposti tal-gvern u jfasslu l-proposti tagħhom stess, u l-inklużjoni jew iċ-ċaħda ta’ dawn il-proposti tkun akkumpanjata minn ġustifikazzjoni li tinsab fil-minuti jew fid-dokumenti pubbliċi.

4.6.

Il-gwerra tal-Ukrajna u r-riskji immedjati tagħha għall-ekonomija Ewropea u globali ma jixħtux dubju fuq l-objettivi tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza iżda, għall-kuntrarju, fil-fehma tal-Kumitat, għandhom iħeġġu lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-gvernijiet nazzjonali biex iħaffu l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-Pjani, kif ukoll l-investimenti u r-riformi assoċjati, u biex imexxu ’l quddiem il-Patt Ekoloġiku tal-UE, sabiex isostnu t-tkabbir u jaċċelleraw id-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija u l-awtonomija strateġika ekoloġika tal-Unjoni Ewropea. Fl-istess ħin, l-UE trid tagħmel dak kollu meħtieġ biex tgħin lill-gvern u lill-poplu tal-Ukrajna, biex tipprovdi kura adegwata għall-miljuni ta’ nies li ġew imġiegħla jfittxu rifuġju fil-pajjiżi tal-UE, u biex tassisti lill-Istati Membri l-aktar milquta direttament f’diversi setturi tal-ekonomiji tagħhom.

4.7.

Qabel ma faqqgħet il-gwerra, l-ammont totali ta’ fondi nazzjonali u tal-NGEU ma kienx biżżejjed biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku u biex titwettaq it-tranżizzjoni tal-enerġija ġusta u inklużiva meħtieġa, b’mod partikolari l-objettiv li l-fjuwils fossili jiġu sostitwiti b’sorsi ta’ produzzjoni tal-enerġija nadifa u rinnovabbli f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC). Barra minn hekk, issa hemm il-ħtieġa ġeopolitika urġenti biex tintemm id-dipendenza enerġetika tal-UE mir-Russja. Din se twassal ukoll għal żieda qawwija fl-investimenti fis-sigurtà u d-difiża, li se tkun ta’ piż kbir fuq il-baġits pubbliċi.

4.8.

Għalhekk, il-KESE jipproponi:

(a)

l-adozzjoni urġenti ta’ Strateġija ġdida tal-UE dwar l-Enerġija li tippromovi konnessjoni effikaċi tan-networks tal-enerġija tagħha, sostituzzjoni rapida tal-fjuwils fossili b’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, effiċjenza għolja tal-enerġija u tnaqqis fid-domanda għall-enerġija;

(b)

il-kunsiderazzjoni tal-possibbiltà li l-investimenti tal-Pjan Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza jiġu diretti mill-ġdid lejn investiment akbar fl-enerġija nadifa u rinnovabbli filwaqt li tiġi żgurata l-awtonomija strateġika tal-UE;

(c)

li l-Istati Membri kollha jużaw is-sehem tagħhom tal-fondi tal-Pjan Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jiffinanzjaw programmi ġodda f’din id-direzzjoni, bħal programmi għal investimenti fl-enerġija sostenibbli;

(d)

li fuq medda qasira ta’ żmien, l-awtoritajiet Ewropej u l-gvernijiet nazzjonali għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, kemm fil-qasam tal-produzzjoni kif ukoll f’dak tal-konsum, biex jipproteġu l-ekonomiji mill-effetti kaskata tal-gwerra fuq l-ekonomija tal-UE, li qed ixxekkel serjament is-swieq tal-ikel, tal-enerġija u dawk finanzjarji, bil-prezzijiet tal-enerġija dejjem jogħlew u tfixkil fil-katina tal-provvista;

(e)

il-valutazzjoni tal-ħolqien ta’ strument ġdid ta’ investiment finanzjarju u l-appoġġ għall-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tinsab fil-Komunikazzjoni REpowerEU biex jitħaffef ir-ristrutturar tas-settur tal-enerġija, sabiex tiġi pprovduta awtonomija strateġika tal-UE aktar sigura u sostenibbli. Għal dan il-għan, għandu jintuża l-aktar mudell xieraq li għandu jiġi identifikat, abbażi tal-aħjar prattiki u r-riżultati tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

4.9.

Il-konklużjonijiet tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima tan-NU tal-2022 huma tfakkira serja oħra tal-inadegwatezzi fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Il-KESE jappella lill-awtoritajiet Ewropej biex iqisu dan kollu meta jadottaw inizjattivi ta’ politika dwar l-enerġija, l-industrija u l-ekonomija.

4.10.

Il-KESE huwa konxju tad-diffikultajiet enormi involuti, fiċ-ċirkostanzi attwali, biex tiġi implimentata politika ekonomika li fl-istess ħin għandha l-għan li tnaqqas l-inflazzjoni u tiżgura t-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fit-terminu medju u fit-tul. L-awtoritajiet Ewropej, il-gvernijiet nazzjonali u l-BĊE jridu jaġixxu f’koordinazzjoni mill-qrib u jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-irtirar tal-politiki monetarji u fiskali espansjonarji jitwettaq b’tali mod li ma jwassalx għal reċessjoni ġdida. Il-KESE jemmen li r-riforma tar-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir għandha ssir billi jiġu stabbiliti miri realistiċi tad-defiċit u d-dejn, tiġi inkorporata r-regola tad-deheb tal-investiment, u jiġu stabbiliti metodi flessibbli, skont is-sitwazzjoni ta’ kull pajjiż, biex jintlaħqu l-miri għat-tnaqqis tal-livelli tad-dejn pubbliku.

4.11.

L-isforzi fl-edukazzjoni u fit-tagħlim tul il-ħajja għall-ħaddiema u l-popolazzjoni b’mod ġenerali huma essenzjali biex jiġu żgurati tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali ġusti u inklużivi. Għandha tingħata prijorità lit-taħriġ u lill-gwida vokazzjonali għall-ħaddiema affettwati mill-proċessi ta’ ristrutturar, iżda wkoll lill-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet li jirriżultaw mit-tipi differenti ta’ bidliet teknoloġiċi fl-apparat produttiv. Id-diġitalizzazzjoni teħtieġ attenzjoni speċjali fil-każ ta’ persuni li, minħabba l-età tagħhom jew minħabba ċirkostanzi oħra, ikollhom aktar diffikultajiet biex jaċċessaw is-servizzi diġitizzati. Din il-parti tal-popolazzjoni trid tkun garantita l-aċċess għat-taħriġ u servizzi ta’ appoġġ speċjali biex tgħinhom jaċċessaw it-tipi kollha ta’ benefiċċji u servizzi.

Brussell, it-18 ta’ Mejju 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Riżoluzzjoni tal-KESE dwar L-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata fil-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza – X’jaħdem u x’ma jaħdimx? (ĠU C 155, 30.4.2021, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

(3)  Il-gwerra fl-Ukrajna u l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tagħha (ĠU C 290, 29.7.2022, p. 1).

(4)  NB: Qabel l-1 ta’ April 2022, il-Kummissjoni approvat 23 Pjan (inkluż il-Pjan Żvediż lejn l-aħħar ta’ Marzu 2022 li għad irid jiġi approvat mill-Kunsill). Fil-bidu ta’ April, il-Kummissjoni approvat ukoll il-Pjan Bulgaru li, bl-istess mod, għad irid jiġi approvat mill-Kunsill (jiġifieri 24 Pjan approvati sa issa mill-Kummissjoni u 22 approvati sa issa mill-Kunsill).

(5)  Grupp ta’ Kuntatt mal-organizzazzjonijiet u n-networks Ewropej tas-soċjetà ċivili.

(6)  Ir-rapporti mid-diversi Stati Membri huma analizzati fl-appendiċi għal din ir-riżoluzzjoni. Dan il-materjal kollu huwa disponibbli fis-sit tal-Kumitat.

(7)  SWD(2021) 211 final.

(8)  SWD(2021) 163 final/2.

(9)  SWD(2021) 196 final.

(10)  SWD(2021) 160 final.

(11)  SWD(2021) 146 final.

(12)  SWD(2021) 161 final.

(13)  Tabella ta’ Valutazzjoni għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

(14)  Comparing and assessing recovery and resilience plans (Tqabbil u valutazzjoni tal-Pjani għall-Irkupru u r-Reżiljenza) – It-tieni edizzjoni, Ċentru għall-Istudji Politiċi Ewropej (CEPS).

(15)  Recovery and Resilience Plans: stakeholders’ views (Pjani għall-Irkupru u r-Reżiljenza: il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati).

(16)  Recovery and Resilience Dialogue with the European Commission (Djalogu dwar l-Irkupru u r-Reżiljenza mal-Kummissjoni Ewropea), 7 ta’ Marzu 2022.

(17)  BusinessEurope Reform Barometer 2022 (Il-Barometru tar-Riforma 2022 ta’ BusinessEurope).

(18)  Involvement of social partners in the national recovery and resilience plans (L-involviment tal-imsieħba soċjali fil-Pjan Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza).

(19)  Rapport dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: aspetti soċjali u tal-impjiegi fl-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir sostenibbli 2022.

(20)  U partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, pereżempju l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ kif enfasizza b’mod partikolari l-KESE fl-Opinjoni tiegħu dwar Kif jiġi ggarantit xogħol deċenti għaż-żgħażagħ u tiġi żgurata l-inklużjoni taż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) permezz tal-iżvilupp adatt ta’ Pjani Nazzjonali ta’ Rkupru (ĠU C 152, 6.4.2022, p. 27).