7.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 466/37


Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni tal-approvazzjoni ta’ emenda standard għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2019/33

(2022/C 466/12)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1).

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

“Pouilly-sur-Loire”

PDO-FR-A0825-AM01

Data tal-komunikazzjoni: 23.9.2022

DESKRIZZJONI TAL-EMENDA APPROVATA U R-RAĠUNIJIET GĦALIHA

1.   Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali

Il-muniċipalitajiet li jiffurmaw iż-żona ġeografika u ż-żona fil-viċinanza immedjata ġew aġġornati f’konformità mal-Code officiel géographique [Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali].

Il-konfini taż-żona ma nbidlitx.

Il-punti 6 u 9 tad-Dokument Uniku ġew emendati.

2.   Żbir

Fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ġie ċċarat li d-dwieli jinżabru qabel l-istadju fenoloġiku li jikkorrispondi għal 2 jew 3 werqiet mhux mibruma jew l-istadju 9 fuq l-iskala Eichhorn u Lorenz.

L-emenda saret biex jiġu ddefiniti b’mod aktar ċar il-kontrolli li għandhom jitwettqu. L-ispeċifikazzjoni tal-istadju li fih irid jitlesta ż-żbir tiżgura li l-operaturi kollha jkollhom aspettattivi preċiżi komuni u li l-kontrolli jkunu jistgħu jitwettqu fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli.

Il-punt 5 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

3.   Tħarriġ mal-kannizzati

Fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ġie ċċarat li t-tħarriġ mal-kannizzati jsir qabel l-istadju fenoloġiku li jikkorrispondi għall-għeluq tal-għanqud, jew l-istadju 32 fuq l-iskala Eichhorn u Lorenz. Huwa speċifikat il-metodu ta’ tħarriġ mal-kannizzati:

“–

Jikkonsisti minn mill-inqas żewġ wajers għall-irfigħ u wajer li jerfa’ l-piż għad-dwieli miżburin skont il-metodu Guyot uniku jew cordon de Royat jew minn żewġ wajers għall-irfigħ għad-dwieli miżburin skont il-metodu gobelet jew f’forma ta’ mrewħa.

Il-wajers għall-irfigħ jitilgħu ’l fuq mil-livell tal-għenieqed.

Il-faxxina fuq il-kannizzata trid tilħaq għoli ta’ mill-inqas 0,6 darbiet id-distanza bejn il-flanni, bl-għoli jitkejjel minn punt 0,10 m taħt il-wajer tal-kannizzata sal-għoli tal-veġetazzjoni.”

L-emenda saret biex jiġu ddefiniti b’mod aktar ċar il-kontrolli li għandhom jitwettqu. L-operaturi qegħdin isibuha dejjem aktar diffiċli li jirreklutaw persunal permanenti fil-vinji u minflok qegħdin jużaw fornituri ta’ servizzi li mhux bilfors ikunu speċjalizzati fil-vitikultura. L-informazzjoni dettaljata dwar it-tħarriġ mal-kannizzati fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott hija maħsuba wkoll li tkun edukattiva u li tispjega x’inhu meħtieġ. Tagħmilha possibbli wkoll li jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet li jippermettu l-produzzjoni ta’ għeneb ta’ kwalità, li huma l-garanzija tal-bażi ta’ kwalità tal-materja prima.

Id-Dokument Uniku ma ġiex emendat.

4.   Dispożizzjonijiet agroekoloġiċi

Ġiet miżjuda dikjarazzjoni li l-produttur jagħti kas b’mod partikolari l-problemi tal-erożjoni.

Il-perikli relatati mal-klima (b’mod partikolari xita qawwija) jistgħu jikkawżaw l-erożjoni jew joħolqu gandotti f’dawn il-vinji li jinsabu parzjalment fuq inklinazzjonijiet weqfin. Din iż-żieda tagħmilha possibbli li tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-produtturi dwar dan ir-riskju filwaqt li fl-istess ħin tiffaċilita l-kontrolli f’każ ta’ nuqqas li jiġu kkunsidrati.

Huma miżjuda d-dispożizzjonijiet agroekoloġiċi li ġejjin:

“–

Kwalunkwe alterazzjoni sostanzjali tal-morfoloġija tas-sottoswol, tal-ħamrija tal-wiċċ jew tal-elementi li jiggarantixxu l-integrità u s-sostenibbiltà tal-ħamrija ta’ roqgħa art maħsuba għall-produzzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta hija pprojbita, bl-eċċezzjoni tal-ħrit ordinarju ta’ trinek.

Hija meħtieġa kisja permanenti ta’ ħaxix tul-il-konfini tar-roqgħa art: l-istrixxi art li ma jinħartux u ż-żoni bejn l-irqajja’ li fihom ma jinżera’ xejn jew li ma humiex ikkultivati. Dan ir-rekwiżit ma japplikax għal strixxi art li ma jinħartux li qegħdin jiġu rrestawrati, b’mod partikolari wara l-erożjoni jew avvenimenti klimatiċi eċċezzjonali.

Il-kontroll tal-ħaxix ħażin bil-kimiċi fir-roqgħa art huwa pprojbit fuq minimu ta’ 25 % taż-żona bejn il-flanni.

Il-kontroll tal-ħaxix ħażin bil-kimiċi fir-roqgħa art huwa pprojbit bejn l-istadju fenoloġiku li jikkorrispondi għall-bidu tas-sajran, jew l-istadju 36 fuq l-iskala Eichhorn u Lorenz, u l-1 ta’ Frar tas-sena ta’ wara l-ħsad.”

Dawn il-bidliet qegħdin isiru sabiex l-ambjent jitqies aħjar.

Il-kisi bil-ħaxix fuq l-istrixxi art li ma jinħartux ġie inkluż fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Il-kliem ġie emendat sabiex jiġu armonizzati l-ispeċifikazzjonijiet.

Sabiex jiġi llimitat l-użu tal-erbiċidi, huma inklużi żewġ dispożizzjonijiet: il-projbizzjoni ta’ kontroll sħiħ tal-ħaxix ħażin fuq parti minima taż-żona bejn il-flanni li ma tkunx ġiet soġġetta għall-kontroll tal-ħaxix ħażin bil-kimiċi, u l-projbizzjoni tal-kontroll tal-ħaxix ħażin bil-kimiċi fil-ħarifa jew fix-xitwa.

Id-Dokument Uniku ma ġiex emendat.

5.   Tisqija

Il-projbizzjoni tat-tisqija tneħħiet.

It-tisqija għadha pprojbita bejn l-1 ta’ Mejju u l-mument tal-ħsad.

Id-Dokument Uniku ma ġiex emendat.

6.   Standards analitiċi

Ġie speċifikat li l-lottijiet li jkunu lesti biex jiġu kkummerċjalizzati bl-ingrossa jew li jkunu fl-istadju tal-imballaġġ għandhom kontenut ta’ aċidu volatili li ma jaqbiżx l-14,5 milliekwivalenti għal kull litru.

Dan il-limitu jsegwi l-istudju pluriennali tal-valuri tal-inbejjed tad-DOP. Jiżgura l-kwalità tal-inbejjed prodotti u jissalvagwarjda l-karatteristiċi tipiċi tad-DOP.

Il-lottijiet li jkunu lesti biex jiġu kkummerċjalizzati bl-ingrossa jew li jkunu fl-istadju tal-imballaġġ għandhom kontenut totali ta’ SO2 li ma jaqbiżx il-150 mg għal kull litru.

Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tnaqqas l-inputs filwaqt li tippreserva l-kwalità tal-inbejjed.

Il-punt 4 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

7.   Regolazzjoni termali tat-tankijiet

Ġie introdott rekwiżit li t-tankijiet tal-produzzjoni tal-inbid ta’ aktar minn 30 hl ikollhom sistema ta’ regolazzjoni termali.

Dan jifformalizza d-drawwiet u l-prattiki tal-kwalità assoċjati mar-regolazzjoni termali tal-inbejjed bojod.

Id-Dokument Uniku ma ġiex emendat.

8.   Tagħmir ipprojbit

Sabiex tiġi ssalvagwardjata l-kwalità, ġew ipprojbiti l-materjali li ġejjin:

preses orizzontali bi ktajjen u pjanċi;

trejlers li jiżvujtaw waħedhom b’pompi bil-paletti ċentrifugi.

Diġà jintużaw materjali ta’ kwalità aħjar fid-DOP. L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott emendata tgħin tiżgura li jiġu segwiti dawn il-prattiki.

Id-Dokument Uniku ma ġiex emendat.

9.   Kapaċità tal-kamra tal-fermentazzjoni

Il-kapaċità tal-kamra tal-fermentazzjoni qiegħda tiżdied minn 1,4 għal 1,6 darbiet il-volum tal-inbid prodott mir-rendiment bażiku.

Din id-dispożizzjoni tagħmilha possibbli li jiġi rregolat il-volum ta’ nbid meħud mill-kantina tal-inbid u mqiegħed fis-suq sabiex jiġi llimitat ir-riskju ta’ tnaqqis fil-prezz, b’mod partikolari qabel il-ħsad.

Id-Dokument Uniku ma ġiex emendat.

10.   Ċirkolazzjoni bejn l-imħażen awtorizzati

Il-punt IX(4)(b) tal-Kapitolu 1 dwar id-data li minnha l-inbejjed jistgħu jiġu ċċirkolati bejn l-imħażen awtorizzati tħassar.

Id-Dokument Uniku ma ġiex emendat.

11.   Rekwiżiti ta’ dikjarazzjoni

Ġew miżjuda dikjarazzjoni ta’ rinunzja għall-produzzjoni u dikjarazzjoni tad-dwieli mejta u mitlufa.

Iż-żewġ dikjarazzjonijiet se jiffaċilitaw il-kontrolli tal-kundizzjonijiet tal-produzzjoni.

L-iskadenza għas-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni tat-talba nbidlet mill-25 ta’ Novembru għall-10 ta’ Diċembru.

L-iskadenza għas-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni tat-talba għalhekk hija l-istess bħall-iskadenza għas-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni tal-ħsad.

Id-Dokument Uniku ma ġiex emendat.

12.   Punti ewlenin li għandhom jiġu kkontrollati

Il-Kapitolu 3 ġie aġġornat biex tiġi armonizzata l-formulazzjoni tal-punti ewlenin li għandhom jiġu kkontrollati fl-Ispeċifikazzjonijiet għall-prodotti miż-żona tal-Val de Loire.

Id-Dokument Uniku ma ġiex emendat.

13.   Referenza għall-korp ta’ spezzjoni

Ir-referenza għall-korp ta’ spezzjoni ġiet ifformulata mill-ġdid biex tiġi allinjata mal-formulazzjoni ta’ Speċifikazzjonijiet oħrajn tal-Prodott. Din hija emenda purament editorjali.

Id-Dokument Uniku ma ġiex emendat.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni

Pouilly-sur-Loire

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP – Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

DESKRIZZJONI QASIRA

Dan huma nbejjed bojod bla gass bil-karatteristiċi li ġejjin: Qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum: 9,5 % – għal-lottijiet li jkunu lesti biex jiġu kkummerċjalizzati bl-ingrossa jew li jkunu fl-istadju tal-imballaġġ: zokkor fermentabbli (glukożju u fruttożju) ta’ mhux aktar minn 4 g/l. Wara l-arrikkiment, il-qawwa alkoħolika totali tal-inbejjed skont il-volum ma tridx tkun aktar minn 12 %. Il-livelli ta’ aċidità totali huma kif stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE.

Il-lottijiet li jkunu lesti biex jiġu kkummerċjalizzati bl-ingrossa jew li jkunu fl-istadju tal-imballaġġ għandhom kontenut ta’ aċidu volatili li ma jaqbiżx l-14,5 milliekwivalenti għal kull litru.

Il-lottijiet li jkunu lesti biex jiġu kkummerċjalizzati bl-ingrossa jew li jkunu fl-istadju tal-imballaġġ għandhom kontenut totali ta’ SO2 li ma jaqbiżx il-150 mg għal kull litru.

L-inbejjed huma nbejjed bojod xotti bla gass b’kulur li jvarja minn isfar ċar għal kulur dehbi. Huma vivaċi, qawwija u rifreskanti. Ħafna drabi jkollhom noti ta’ minerali u noti ta’ fjuri bojod u frott imqadded, b’ċertu bilanċ.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

 

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

5.1.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi

1.   Prattika enoloġika speċifika

Kwalunkwe trattament bis-sħana tal-ħsad tal-għeneb f’temperatura ’l fuq minn 40 °C huwa pprojbit jekk ikun segwit minn separazzjoni immedjata tal-likwidi u tas-solidi. L-użu ta’ laqx tal-injam huwa pprojbit. Wara l-arrikkiment, il-qawwa alkoħolika totali tal-inbejjed skont il-volum ma tridx tkun aktar minn 12 %. Minbarra d-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq, il-prattiki enoloġiċi adottati għall-inbejjed iridu jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-UE u mill-Kodiċi Rurali u tas-Sajd.

2.   Metodu tal-kultivazzjoni

Sistemi ta’ tħarriġ

a)

Id-densità tat-tħawwil. Id-densità minima tat-tħawwil tad-dwieli hija ta’ 6 000 pjanta għal kull ettaru. Id-distanza bejn il-flanni tad-dwieli tista’ tkun sa 1,30 metru, u d-distanza bejn il-pjanti fl-istess flann tkun bejn 0,80 metru u 1,20 metru.

b)

Ir-regoli dwar iż-żbir. Id-dwieli jinżabru qabel l-istadju fenoloġiku li jikkorrispondi għal 2 jew 3 werqiet mibruma jew l-istadju 9 fuq l-iskala Eichhorn u Lorenz, bl-użu tat-tekniki li ġejjin: żbir skont il-metodu Guyot uniku b’massimu ta’ 10 blanzuni għal kull pjanta, li minnhom mhux aktar minn 8 għandhom ikunu fuq iz-zokk prinċipali, u 1 jew 2 rimjiet b’massimu ta’ 2 blanzuni kull waħda; jew żbir li jħalli rimjiet qosra (cordon de Royat) b’massimu ta’ 14-il blanzun għal kull pjanta, qafas uniku jew doppju b’massimu ta’ 2 blanzuni fuq kull rimja. Il-perjodu biex jiġi stabbilit il-cordon huwa llimitat għal erba’ snin. Matul dan il-perjodu, iż-żbir skont il-metodu Guyot uniku jew doppju huwa permess b’massimu ta’ 8 blanzuni fuq kull zokk. Ir-riġenerazzjoni ta’ roqgħa bil-vinji miżbura permezz tal-metodu cordon de Royat ma tistax tammonta għal aktar minn 20 % tal-pjanti eżistenti fis-sena. – jew permezz ta’ żbir li jħalli rimjiet qosra (żbir skont il-metodu gobelet jew f’forma ta’ mrewħa), b’massimu ta’ 12-il blanzun għal kull pjanta miżbura għal massimu ta’ 1 jew 2 blanzuni fuq kull rimja.

5.2.   Rendimenti massimi

75 ettolitru għal kull ettaru

6.   Definizzjoni taż-żona demarkata

L-għeneb jinħasad u l-inbejjed isiru u jiġu żviluppati fil-muniċipalitajiet li ġejjin fid-Dipartiment ta’ Nièvre: Garchy, Mesves-sur-Loire, Pouilly-sur-Loire, Saint-Andelain, Saint-Laurent-l’Abbaye, Saint-Martin-sur-Nohain, Tracy-sur-Loire (il-lista hija mfassla abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali għall-2020).

7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid/jinkisbu l-inbejjed

Chasselas B

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

8.1.   

 

a)

Deskrizzjoni tal-fatturi naturali li jikkontribwixxu għar-rabta. Mifruxa fuq madwar 20 kilometru tul ix-xatt tal-lemin tal-Loire, iż-żona ġeografika tmiss max-Xlokk tal-Baċir ta’ Pariġi. Bl-ogħla punt tagħha jilħaq il-270 metru, jiġifieri aktar minn 100 metru ’l fuq mill-wied, iż-żona toffri pajsaġġ li fih kuntrast kbir b’depressjonijiet paralleli fondi lejn il-Grigal/Lbiċ li jiftħu fuq il-parti l-baxxa tal-Wied tal-Loire.

Il-vinji jinsabu f’seba’ muniċipalitajiet madwar il-quċċata tal-għolja ta’ Saint-Andelain, li hija l-ogħla quċċata fiż-żona ġeografika.

Jinsabu fuq varjetà ta’ formazzjonijiet ġeoloġiċi, u l-irqajja’ demarkati magħżula għall-ħsad tal-għeneb jirriflettu din id-diversità. Tingħata preferenza b’mod partikolari lil: – Il-lom Kimmeriġġan, jew il-“ħamrija bajda”, li tikkaratterizza l-parti ċentrali taż-żona ġeografika, fil-muniċipalitajiet ta’ Pouilly-sur-Loire u ta’ Saint-Andelain: din hija l-ħamrija għall-produzzjoni tal-inbid l-aktar irrappreżentata. – Il-ġebla tal-ġir tal-istadju Oxfordjan, li pproduċiet ħamrija b’kontenut għoli ta’ ġebel, magħrufa lokalment bħala “caillottes”: din il-ħamrija hija kkonċentrata fil-Grigal taż-żona ġeografika. – Il-ħamrija b’ħafna żnied, xi ftit jew wisq taflija (“silex”) li ffurmat matul il-fażi ta’ erożjoni kbira tal-perjodu Kretaċju, li tinsab prinċipalment fit-territorju tal-muniċipalità ta’ Saint-Andelain. – Il-ħamrija siliċika, xi ftit jew wisq taflija, li tinsab prinċipalment fit-tarf tal-Punent taż-żona ġeografika, fil-muniċipalità ta’ Tracy-sur-Loire.

Iż-żona ġeografika tgawdi klima semimarittima. Il-medja annwali tax-xita hija ta’ 600 mm, u l-Loire għandha rwol ewlieni bħala regolatur tas-sħana billi tixrob l-arja kiesħa mill-widien perpendikolari.

b)

Deskrizzjoni tal-fatturi umani li jikkontribwixxu għar-rabta. L-ewwel traċċi tal-vitikultura bikrija jmorru lura għall-ħames seklu u l-eżistenza ta’ proprjetà Gallo-Rumana bl-isem ta’ “Pauliacum”. Fis-sena 680, l-Isqof Vigilius ħalla l-proprjetà tiegħu ta’ Pouilly u d-dwieli tagħha lill-Abbazzija ta’ Notre-Dame-d’Auxerre. It-triq Rumana li tmur lura għal dan iż-żmien taqsam iż-żona ġeografika, u tagħti evidenza tal-istorja twila ta’ attività kummerċjali fiż-żona.

Dak iż-żmien, il-vinji kienu jgawdu tkabbir reali bis-saħħa tal-kongregazzjonijiet monastiċi, b’mod partikolari l-patrijiet Benedittini ta’ Charité-sur-Loire. Fuq waħda mill-inklinazzjonijiet li hemm iħarsu fuq il-Loire, roqgħa ta’ madwar erba’ ettari msejħa “Loge aux Moines” hija testimonjanza ta’ dan il-perjodu ta’ espansjoni.

Mis-seklu 16 ’il quddiem, il-Loire u d-dgħajjes tagħha ffaċilitaw id-distribuzzjoni tal-inbejjed, u wara l-ftuħ tal-Kanal ta’ Briare fl-1642, li għaqqad il-Loire mas-Seine, ħafna minn dan il-kummerċ kien dirett lejn Pariġi. L-inbejjed ta’ “Pouilly” mbagħad bdew imorru l-Ingilterra, billi ġew ikkummerċjati fil-Foires de Rouen. L-assoċjazzjonijiet tal-vitikulturi ta’ Saint Vincent (“confréries vigneronnes”) ġew imwaqqfa fi tmiem is-seklu 17.

Matul is-seklu 18, l-inbid ta’ “Pouilly” kien jiġi kkonsenjat lejn Montargis, Fontainebleau, Pariġi u Versailles. Il-vinji, li kienu jkopru 2 000 ettaru, tħawlu fihom diversi varjetajiet ta’ dwieli: Melon B, Meslier Saint-François B, Sauvignon B u Chasselas B.

It-tieni nofs tas-seklu 19 kien ikkaratterizzat minn bidla sinifikanti mill-produzzjoni tal-inbid għall-produzzjoni tal-għeneb tal-mejda (Chasselas B), ikkonsenjat bil-ferrovija lejn is-suq ta’ Pariġi li ma kienx fornut tajjeb, sal-kriżi tal-filossera tal-1890.

Fl-1923, deċiżjoni rrikonoxxiet l-użu tal-isem Pouilly-sur-Loire għall-inbejjed magħmulin mill-varjetà Chasselas B. Sussegwentement il-produtturi organizzaw irwieħhom, u waqqfu l-kantina kooperattiva ta’ Pouilly fl-1948, segwita mill-Confrérie des “Baillis”, li l-għan tagħha kien is-sensibilizzazzjoni dwar l-inbejjed ta’ “Pouilly”. Minn dakinhar, ħafna mill-produzzjoni ġiet ikkumerċjalizzata domestikament u esportata lejn aktar minn 90 pajjiż.

Fl-2009, il-produzzjoni ammontat għal madwar 1 000 ettolitru minn total ta’ 30 ettaru ta’ vinji operati prinċipalment minn negozji tal-familja. L-inbejjed huma nbejjed bojod xotti bla gass b’kulur li jvarja minn isfar ċar għal kulur dehbi.

Huma vivaċi, qawwija u rifreskanti. Ħafna drabi jkollhom noti ta’ minerali u noti ta’ fjuri bojod u frott imqadded, b’ċertu bilanċ. It-taħlita ta’ klima semimarittima, post li għandu kenn mill-irjieħ tal-Punent u l-prossimità għal-Loire, li taġixxi bħala regolatur tat-temperatura, tagħti lil din iż-żona ġeografika kundizzjonijiet klimatiċi eċċellenti għall-kultivazzjoni tal-varjetà Chasselas B.

8.2.   

 

It-temperaturi moderati li jirriżultaw matul iċ-ċiklu veġetattiv tad-dielja jiżgura li l-għeneb isir minn kull naħa, filwaqt li l-alternazzjoni ta’ jiem sħana u ljieli friski matul il-perjodu tas-sajran tal-għeneb tiżviluppa l-aromi tal-inbejjed u tippreserva l-freskezza tagħhom.

Dan ir-reġjun, li għadda minn bidliet profondi matul is-sekli, dejjem żamm it-tradizzjonijiet tal-vitikultura tiegħu. Iż-żoni b’potenzjal ta’ kwalità għolja, fejn għal sekli sħaħ id-dwieli kienu ppreferuti minn uċuħ tar-raba’ oħrajn, jibqgħu ddedikati għall-vitikultura.

Dawn id-drawwiet huma riflessi fiż-żona demarkata tal-irqajja’, li hija limitata għal irqajja’ b’ħamrija baxxa, ħafna drabi fuq inklinazzjoni wieqfa. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-pjanti u l-potenzjal tal-produzzjoni tagħhom jeħtieġ li jiġu mmaniġġjati tajjeb ħafna permezz ta’ densità għolja ta’ tħawwil, tħarriġ tad-dwieli u żbir rigoruż. Dawn it-tekniki juru l-għarfien tal-antenati ta’ komunità umana impenjata lejn it-tradizzjonijiet tal-vitikultura u l-pajsaġġ tagħha, kif indikat mill-eżistenza kontinwa tal-assoċjazzjonijiet tal-vitikulturi mwaqqfa fis-seklu 17.

Dan l-għarfien huwa rifless ukoll fil-ħila tal-vitikultur, mibnija tul ġenerazzjonijiet sħaħ, li joħroġ l-oriġinalità u r-rikkezza tal-ambjent naturali: inbejjed Pouilly-sur-Loire b’finezza.

L-inbejjed bojod tal-Pouilly-sur-Loire, imsemmija l-ewwel darba mill-patrijiet ta’ Charité-sur-Loire fis-seklu 12 u mbagħad minn Guy COQUILLE, membru tat-Tielet Proprjetà fis-seklu 16, li nnota li l-inbejjed tar-reġjun kienu preżenti fuq l-imwejjed tal-kbarat u tat-twajbin tar-Renju, komplew itejbu r-reputazzjoni tagħhom. Il-kummerċ internazzjonali assoċjat magħhom huwa prova eċċellenti ta’ dan.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli (ippakkjar, tikkettar, rekwiżiti addizzjonali)

Qafas ġuridiku

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit ulterjuri

Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tar-rekwiżit

Iż-żona fil-prossimità immedjata, iddefinita minn deroga għall-produzzjoni tal-inbejjed, tinkludi t-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin, abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tal-2020:

Id-départment ta’ Cher: Bannay, Bué, Crézancy-en-Sancerre, Jalognes, Menetou-Râtel, Ménétreol-sous-Sancerre, Montigny, Neuvy-Deux-Clochers, Saint-Satur, Sainte-Gemme-en-Sancerrois, Sancerre, Sury-en-Vaux, Thauvenay, Veaugues, Verdigny u Vinon.

Id-départment ta’ Loiret: Beaulieu-sur-Loire, Bonny-sur-Loire, Briare, Gien, Ousson-sur-Loire, Saint-Brisson-sur-Loire u Thou.

Id-départment ta’ Nièvre: Alligny-Cosne, Bulcy, Cosne-Cours-sur-Loire, La Celle-sur-Loire, Myennes, Neuvy-sur-Loire, Pougny, Saint-Loup u Saint-Père.

Qafas ġuridiku

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit ulterjuri

Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit

L-informazzjoni fakultattiva kollha hija stampata fuq it-tikketti b’ittri li ma jistgħux ikunu akbar, fl-għoli, fil-wisa’ jew fil-ħxuna, mid-doppju tad-daqs tal-ittri li jiffurmaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata.

Id-daqs tal-ittri tal-isem ġeografiku “Val de Loire” ma jistax ikun akbar, la fit-tul u lanqas fil-wisa’, minn żewġ terzi tad-daqs tal-ittri li jiffurmaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata.

L-inbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini rreġistrata jistgħu jispeċifikaw fuq it-tikketti tagħhom l-isem ta’ unità ġeografika iżgħar, sakemm: – huwa isem ta’ post elenkat fir-reġistru tal-artijiet; – l-isem jidher fid-dikjarazzjoni tal-ħsad.

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-c8e782e2-9df9-46eb-b243-3eff89c512ec


(1)  ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2.