4.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 421/7


AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI

Sinerġiji bejn il-programmi tal-Orizzont Ewropa u tal-FEŻR

(2022/C 421/03)

Werrej

INTRODUZZJONI 8
TIPI TA’ SINERĠIJI 9

1.

Siġill ta’ Eċċellenza 9

2.

Trasferimenti mill-FEŻR għal Orizzont Ewropa 14

3.

Finanzjament kumulattiv 18

4.

Sħubijiet Ewropej 23

5.

Finanzjament kombinat (Ħolqien ta’ timijiet) 32

6.

Sinerġiji upstream u downstream 33
ANNESS 1 36
ANNESS 2 39
ANNESS 3 41

INTRODUZZJONI

Il-qafas regolatorju għall-2021-2027 li jirregola l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni permezz ta’ ġestjoni kondiviża u l-fondi permezz ta’ fondi b’ġestjoni diretta jippermetti sinerġiji msaħħa bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ finanzjament tal-UE (1).

Il-mekkaniżmi rilevanti jinkludu Siġilli ta’ Eċċellenza, trasferimenti, finanzjament kumulattiv (li jista’ jintuża wkoll sabiex jappoġġa s-Sħubijiet Kofinanzjati u Istituzzjonalizzati Ewropej ta’ Orizzont Ewropa (HE)), u appoġġ għall-ħolqien ta’ timijiet. Dan id-dokument ta’ gwida jkopri dawn il-mekkaniżmi u s-“sinerġiji upstream/downstream”.

L-għan ta’ dan id-dokument huwa li jiddeskrivi l-opportunitajiet il-ġodda disponibbli għall-awtoritajiet ta’ ġestjoni (MAs) tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, il-punti ta’ kuntatt nazzjonali tal-HE u l-promoturi/proponenti ta’ proġetti. Id-dokument huwa maħsub ukoll sabiex jagħmilha aktar faċli li jintużaw il-mekkaniżmi rilevanti msemmijin fil-paragrafu preċedenti. Jiffoka fuq sinerġiji bejn l-programmi tal-HE u tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) (2).

Id-dimensjoni operazzjonali tas-sinerġiji, fejn sar ħafna progress fil-leġiżlazzjoni għall-2021-2027, hija daqstant importanti u tikkomplementa d-dimensjoni strateġika. Skambju regolari ta’ fehmiet dwar is-sinerġiji bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri involuti fil-programmi tal-politika ta’ koeżjoni u l-implimentazzjoni tal-HE jgħinu sabiex titqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-possibbiltajiet offruti mis-sinerġiji fl-Istati Membri.

Kuntest strateġiku fil-livell tal-UE

Hija prijorità għall-politika tal-UE li tippromwovi trasformazzjoni ekonomika innovattiva, intelliġenti u sostenibbli u li trawwem l-eċċellenza fir-riċerka u fl-innovazzjoni (R&I), filwaqt li ttaffi u tegħleb ukoll id-distakk persistenti fl-innovazzjoni (id-distakk bejn il-kapaċità ta’ innovazzjoni tas-setturi privati u pubbliċi tal-Istati Membri). L-HE u l-FEŻR huma strumenti importanti tal-UE għall-kisba ta’ riżultati f’dawn l-objettivi interkonnessi.

L-HE jiffoka fuq l-appoġġ tar-R&I eċċellenti, f’konformità mal-Artikolu 179 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Il-politika ta’ koeżjoni għandha l-għan li tippromwovi u tappoġġa l-iżvilupp armonjuż ġenerali tal-Istati Membri u tar-reġjuni tagħhom, f’konformità mal-Artikolu 174 tat-TFUE, b’mod partikolari billi tnaqqas id-disparitajiet reġjonali. L-illustrazzjoni ta’ hawn taħt turi l-elementi strutturali ewlenin tal-appoġġ mill-HE u mill-politika ta’ koeżjoni għar-R&I.

Image 1

Għalhekk, it-tqarrib tal-politika ta’ koeżjoni u tal-HE kien prijorità importanti għall-Kummissjoni f’dawn l-aħħar snin, b’mod partikolari meta kienet qed tħejji għall-2021-2027. L-għan huwa li jissaħħaħ l-impatt taż-żewġ politiki billi jinħolqu komplementarjetajiet, speċjalment f’reġjuni anqas żviluppati u periferali. Il-promozzjoni ta’ approċċ integrat u t-tisħiħ tas-sinerġiji bejn dawn l-istrumenti ewlenin tal-UE (u l-pilastri u l-objettivi ta’ politika rispettivi tagħhom) jistgħu joffru sitwazzjonijiet ġodda li fihom kulħadd jibbenefika. Wieħed jista’, pereżempju, irawwem żvilupp ekonomiku reġjonali sostenibbli u intelliġenti, filwaqt li fl-istess ħin itejjeb l-ekosistema tal-innovazzjoni tal-UE b’mod ġenerali u jgħinha ttejjeb ir-rispons għall-isfidi ewlenin tas-soċjetà u tiżviluppa ktajjen tal-valur strateġiċi ewlenin.

Dan l-approċċ joħloq opportunitajiet ġodda sabiex jgħin fit-trawwim tal-innovazzjoni fir-reġjuni kollha u sabiex ir-reġjuni anqas żviluppati u periferali jiġu integrati aħjar fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) u fl-Ekosistema Ewropea tal-Innovazzjoni (EIE).

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ŻER ġdida għar-R&I (3) kienet pass importanti fil-ħolqien taż-ŻER. L-għan taż-ŻER huwa li tibni l-eċċellenza, il-kooperazzjoni transfruntiera bejn ir-riċerkaturi, il-massa kritika f’oqsma strateġiċi ewlenin, u l-opportunitajiet għar-riċerkaturi sabiex jirrilokaw u fl-aħħar mill-aħħar joħolqu suq uniku miftuħ għar-R&I. Il-pjan il-ġdid li jħares ’il quddiem stabbilit fil-Komunikazzjoni għandu sett ambizzjuż ta’ erba’ objettivi ta’ politika – il-prijoritizzazzjoni tal-investiment u tar-riforma; it-titjib tal-aċċess għall-eċċellenza u t-tisħiħ tas-sistemi tar-R&I madwar l-UE kollha; it-titjib tat-trasferiment ta’ R&I ġodda għan-negozji; u l-approfondiment tal-integrazzjoni tal-politiki nazzjonali.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni adottat proposta fis-16 ta’ Lulju 2021 għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Patt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Ewropa (4). Ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi għadd ta’ oqsma ta’ prijorità għal azzjoni konġunta b’appoġġ taż-ŻER. Din tinkludi l-ħidma flimkien għall-indirizzar tal-isfidi tat-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika (pereżempju, fl-implimentazzjoni ta’ missjonijiet u ta’ Sħubijiet Ewropej permezz tal-HE).

Is-sinerġiji huma bbażati fuq il-fatt li l-MAs tal-programmi rilevanti għar-R&I jkunu jafu lil xulxin u l-programmi tagħhom. Huma bbażati wkoll fuq il-fatt li r-rappreżentanti nazzjonali tar-R&I jkunu jafu l-prijoritajiet u l-azzjonijiet tal-HE (bħal missjonijiet u sħubijiet ġodda) u l-prijoritajiet reġjonali ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti. Dawn il-prijoritajiet u l-azzjonijiet huma punt ta’ referenza eċċellenti għall-iżvilupp tal-komplementarjetajiet. Is-sinerġiji bejn il-qafas tar-R&I u l-programmi ta’ koeżjoni jistgħu jimmassimizzaw l-ammont, il-kwalità u l-impatt tal-investiment fir-R&I, billi jitfasslu pjanijiet strateġiċi li jikkomplementaw lil xulxin u jintużaw flussi ta’ finanzjament differenti (f’konformità mal-objettivi speċifiċi ta’ kull programm/fond).

L-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti (S3) huma kruċjali għal sinerġiji ma’ strumenti intelliġenti relatati mat-tkabbir fil-livell tal-UE (speċjalment mal-HE). L-istabbiliment tal-prijoritajiet tal-S3 minn isfel għal fuq għandu jagħmilha aktar faċli sabiex jinstabu sħab fi Stati Membri oħrajn bil-ħsieb li jkun hemm kooperazzjoni f’suġġetti u fi ktajjen tal-valur relatati.

Fir-rigward tal-FEŻR, l-Artikolu 11(1)(b)(iii) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (RDK) (5) jirrikjedi li l-Istati Membri jispeċifikaw fil-ftehimiet ta’ sħubija strateġika tagħhom: “komplementarjetajiet u sinerġiji bejn il-fondi koperti mill-Ftehim ta’ Sħubija […] u strumenti oħra tal-Unjoni […] u, meta jkun xieraq, proġetti ffinanzjati taħt Orizzont Ewropa”. Bl-istess mod, għal kull programm tal-politika ta’ koeżjoni, l-Artikolu 22(3)(a)(iii) tar-RDK jeħtieġ sommarju tal-isfidi ewlenin, filwaqt li jitqiesu “[l-]ħtiġijiet ta’ investiment u l-komplementarjetà u s-sinerġiji ma’ forom oħra ta’ appoġġ”.

Fil-każijiet kollha, huwa f’idejn l-MAs li jiddeċiedu jekk jużawx mekkaniżmi ta’ sinerġija jew le.

TIPI TA’ SINERĠIJI

1.   Siġill ta’ Eċċellenza

Is-Siġill ta’ Eċċellenza huwa tikketta ta’ kwalità mogħtija mill-Kummissjoni għal proposta li tkun ġiet sottomessa għal sejħa kompetittiva għal proposti taħt strument tal-UE u ġġudikata li tikkonforma mar-rekwiżiti minimi ta’ kwalità ta’ dak l-istrument tal-UE, iżda li ma setgħetx tiġi ffinanzjata minħabba restrizzjonijiet baġitarji. Is-Siġill ta’ Eċċellenza jindika li proġett jista’ jkun kandidat tajjeb sabiex jirċievi appoġġ minn sorsi oħrajn ta’ finanzjament tal-UE jew nazzjonali.

Siġill ta’ Eċċellenza taħt l-HE jirrikonoxxi l-valur tal-proposta u jgħin lil korpi oħrajn ta’ finanzjament jieħdu vantaġġ mill-proċess ta’ evalwazzjoni tal-HE. Jista’, pereżempju, jingħata lil proposti sottomessi permezz tal-Aċċelleratur tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) tal-HE (eks Strument għall-SMEs), it-Tranżizzjoni tal-EIC, l-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie (MSCA), il-Ħolqien ta’ timijiet u Prova tal-Kunċett tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC).

L-MAs għall-politika ta’ koeżjoni fl-Istati Membri jistgħu jsegwu proċedura ta’ għażla simplifikata meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament b’Siġill ta’ Eċċellenza (6) mill-programmi tal-FEŻR. Dawn l-operazzjonijiet iridu jissodisfaw tliet kriterji:

L-ewwel nett, iridu jkunu konsistenti mal-programm (u mal-istrateġiji rilevanti li fuqhom huwa bbażat il-programm) u jipprovdu kontribut effettiv għall-kisba tal-objettivi speċifiċi tal-programm.

It-tieni, meta jaqgħu fl-ambitu ta’ kundizzjoni abilitanti, iridu jkunu konsistenti mal-istrateġiji u mad-dokumenti ta’ ppjanar korrispondenti għall-issodisfar ta’ dik il-kundizzjoni abilitanti.

It-tielet, iridu jaqgħu fl-ambitu tal-fond rilevanti u jkunu attribwiti għal tip ta’ intervent (7).

Leġiżlazzjoni rilevanti

RDK

L-Artikoli 2(45) u 73(4) u l-premessa (61)

HE

L-Artikoli 2(23), 15(2), 24(4) u 48(7)

Leġiżlazzjoni relatata

Ir-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (GBER)

L-Artikoli 25a u 25b (għajnuna mill-Istat)

Kunsiderazzjonijiet ta’ politika

Is-Siġill ta’ Eċċellenza huwa tikketta ta’ kwalità mogħtija għall-proposti ta’ proġetti ppreżentati lill-HE (il-programm ta’ finanzjament tar-R&I tal-UE sal-2027) u lill-programm predeċessur tiegħu, Orizzont 2020. Is-Siġill ta’ Eċċellenza jiċċertifika li dawn il-proposti huma eċċellenti u jgħolli l-profil tagħhom f’għajnejn il-korpi ta’ finanzjament possibbli (privati jew pubbliċi; nazzjonali jew reġjonali; inklużi l-MAs tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni) interessati li jinvestu fi proġetti promettenti tar-R&I. B’hekk, is-Siġill ta’ Eċċellenza jgħin lil dawn il-proposti jsibu finanzjament alternattiv.

Il-korpi ta’ finanzjament jistgħu wkoll jieħdu vantaġġ mill-proċess ta’ evalwazzjoni tal-HE ferm stabbilit u ta’ kwalità għolja sabiex jippromwovu l-iżvilupp territorjali. Dan jippermetti lill-Istati Membri u lir-reġjuni jidentifikaw u jibbenefikaw minn sensiela ta’ proposti eċċellenti għal proġetti ta’ R&I fit-territorju tagħhom li jtejbu l-prestazzjoni u l-kapaċità tagħhom fir-R&I.

L-applikanti għal proġetti li jirċievu evalwazzjoni pożittiva f’sejħa tal-HE u Siġill ta’ Eċċellenza jistgħu japplikaw għal finanzjament possibbli mill-FEŻR jekk il-proġett ikun allinjat mal-prijoritajiet tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni tal-Istat Membru jew tar-reġjun tal-promoturi tal-proġetti.

Iċ-ċertifikat tas-Siġill ta’ Eċċellenza fih l-informazzjoni bażika kollha dwar il-proposta li hija meħtieġa minn korp ta’ finanzjament li jkun irid jidentifika l-proposta u jifhem il-karatteristiċi ewlenin u l-valur tagħha (it-titolu tal-proposta, ir-referenza għas-sejħa/għas-suġġett, u l-isem u l-indirizz tal-entità legali tal-proponent). Huwa ssiġillat b’mod diġitali kontra l-frodi, kif huma wkoll il-proposta għal proġett u r-rapport fil-qosor ta’ evalwazzjoni (dan huwa indikat fid-dokumenti). Fl-aħħar nett, il-firem tal-Kummissarju għall-Koeżjoni u r-Riformi u l-Kummissarju għall-Innovazzjoni, ir-Riċerka, il-Kultura, l-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ juru l-impenn politiku tagħhom li jimmobilizzaw finanzjament alternattiv għal dawn il-proġetti.

Is-Siġill ta’ Eċċellenza huwa partikolarment adattat għall-komponenti tal-HE b’benefiċjarju wieħed (bħall-Aċċelleratur tal-EIC u Tranżizzjoni tal-EIC, l-MSCA, il-Prova tal-Kunċett tal-ERC, il-Ħolqien ta’ timijiet). Filwaqt li fil-futur jistgħu jitqiesu wkoll Siġilli ta’ Eċċellenza b’diversi benefiċjarji, l-intenzjoni attwali hija li s-Siġill ta’ Eċċellenza jingħata biss lill-komponenti monobenefiċjarji matul l-ewwel fażi tal-HE. Din il-kundizzjoni jeħtieġ li tiġi speċifikata fis-sejħa rilevanti. Il-komponenti li jagħtu s-Siġill ta’ Eċċellenza jiġu indikati fil-programm ta’ ħidma rilevanti.

Il-Kummissjoni tista’ tagħti wkoll Siġilli ta’ Eċċellenza lil proposti ta’ proġetti minn barra l-UE (b’mod partikolari minn pajjiżi assoċjati mal-HE) li jistgħu jużaw sorsi oħrajn ta’ finanzjament li mhumiex marbutin mal-politika ta’ koeżjoni.

L-appoġġ għall-finanzjament tal-proġetti b’Siġill ta’ Eċċellenza minn programm tal-FEŻR huwa volontarju, skont id-deċiżjoni tal-MA u f’konformità mal-programm. Għalhekk, iċ-ċertifikat ma jagħtix dritt awtomatiku li jinkiseb finanzjament alternattiv. Hija possibbiltà li l-Istat Membru jew ir-reġjun jista’ jiddeċiedi li jesplora, iżda d-deċiżjoni finali hija tal-MA rilevanti.

Saru s-simplifikazzjonijiet li ġejjin sabiex jiġi evitat xogħol doppju mingħajr bżonn mill-benefiċjarji u mill-MAs meta jissottomettu, jevalwaw u jagħżlu l-operazzjonijiet għall-appoġġ mill-FEŻR.

L-Istati Membri, ir-reġjuni u l-benefiċjarji jistgħu japplikaw il-kategoriji tal-HE, l-ammonti massimi u l-metodi ta’ kalkolu tal-kostijiet eliġibbli li jibbenefikaw minn simplifikazzjonijiet tar-regoli applikabbli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat (il-GBER).

L-evalwazzjoni teknika/tal-kontenut tal-HE titqies valida. Dan ifisser li l-MA ta’ programm tal-FEŻR ma għandhiex għalfejn tagħmel oħra. Madankollu, qabel ma jiġi ffirmat id-dokument li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-appoġġ mal-benefiċjarji, l-MAs iridu jivverifikaw li dawk il-proġetti jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi tar-RDK u tal-FEŻR li ma humiex koperti mill-evalwazzjoni tal-HE. Dan għaliex dawn il-proġetti jeħtieġ li jintgħażlu formalment f’konformità mar-RDK – jiġifieri eliġibbiltà speċjali (SMEs f’diffikultà), kontribut għal objettivi alternattivi tal-programm ta’ finanzjament, kundizzjonijiet abilitanti applikabbli, u l-ambitu tal-fond (ara l-punti (a), (b) u (g) tal-Artikolu 73(2) tar-RDK).

Image 2
Passi ewlenin fil-proċess

Preparazzjoni / programmazzjoni

Il-programmi ta’ ħidma annwali jew biannwali tal-HE jispeċifikaw is-sejħiet li għalihom jistgħu jingħataw is-Siġilli ta’ Eċċellenza. Dawn il-programmi ta’ ħidma tal-HE jistgħu jinqraw u jitniżżlu mill-Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti. (https://ec.europa.eu/info/funding-tenders/opportunities/portal/screen/programmes/horizon)

L-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jinformaw lill-Kummissjoni jekk ikunu jew ma jkunux lesti li jippermettu lill-programmi tal-FEŻR jipprovdu appoġġ lil proġetti b’Siġill ta’ Eċċellenza tal-HE. L-Istati Membri jew ir-reġjuni jistgħu jinkludu din l-informazzjoni fit-taqsima tal-ftehim ta’ sħubija dwar il-komplementarjetajiet u s-sinerġiji, u fid-deskrizzjoni tal-objettiv speċifiku fil-programm rilevanti tal-FEŻR. L-MA tista’ tiddeċiedi li tappoġġa l-proposti għal proġetti b’Siġill ta’ Eċċellenza anke jekk ma jkunux imsemmijin b’mod espliċitu fil-ftehim ta’ sħubija jew fil-programm. Fi kwalunkwe każ, l-MA trid tiżgura li l-proġetti magħżulin jikkonformaw mal-programm.

Għoti ta’ Siġilli ta’ Eċċellenza mill-Kummissjoni

Iċ-ċertifikat tas-Siġill ta’ Eċċellenza jingħata lil proposti eliġibbli u jiġi trażmess flimkien ma’ ittra li tinforma lill-proponenti bir-riżultati tal-evalwazzjoni. Il-programmi ta’ ħidma tal-HE jipprovdu aktar dettalji dwar il-kundizzjonijiet u l-proċess sabiex wieħed jirċievi Siġill ta’ Eċċellenza.

Allokazzjoni tal-appoġġ

Id-detentur ta’ Siġill ta’ Eċċellenza japplika direttament għall-programm tal-FEŻR partikolari.

Il-proġetti b’Siġill ta’ Eċċellenza ma għandhomx għalfejn jgħaddu minn proċess regolari tal-għażla tal-proġetti tal-FEŻR. Madankollu, iridu jgħaddu minn tal-anqas valutazzjoni simplifikata skont il-kriterji tal-għażla approvati mill-Kumitat ta’ Monitoraġġ (il-konformità mal-kundizzjonijiet abilitanti applikabbli, l-ambitu tal-fond, u l-objettivi tal-programm flimkien mar-regoli applikabbli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat) sabiex jiġi żgurat li l-operazzjonijiet jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a), (b) u (g) tal-Artikolu 73(2) tar-RDK, kif stabbilit mill-Artikolu 73(4) tar-RDK.

Il-valutazzjoni tal-proġetti b’Siġill ta’ Eċċellenza għall-finanzjament mill-FEŻR għandha tkun valutazzjoni simplifikata (verifika tal-konformità), iżda l-proċeduri nazzjonali jistgħu jvarjaw. L-MAs jistgħu jagħżlu x’jikkunsidraw bħala l-aħjar opzjoni (it-tnedija ta’ sejħa miftuħa; “min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel” eċċ.; jew l-għażla diretta ta’ proġetti meta l-programm jipprovdi din l-opzjoni, diment li jiġu rrispettati l-prinċipji tat-trasparenza u tan-nondiskriminazzjoni).

Għall-appoġġ mill-politika ta’ koeżjoni, l-MAs jistgħu, billi jużaw il-kriterji tal-għażla, jistabbilixxu limiti li huma ogħla mill-punteġġi minimi meħtieġa għall-finanzjament mill-HE.

Is-sit web tas-Siġill ta’ Eċċellenza fih diversi eżempji. (https://research-and-innovation.ec.europa.eu/funding/funding-opportunities/seal-excellence_mt#how)

Il-programm tal-FEŻR huwa mħeġġeġ jinforma lid-DĠ REGIO (l-unità ġeografika rilevanti) u lill-komunità tal-prattika dedikata tas-Siġill ta’ Eċċellenza (RTD-SEAL-OF-EXCELLENCE@ec.europa.eu) dwar l-appoġġ tiegħu għal proġetti b’Siġill ta’ Eċċellenza.

Implimentazzjoni, monitoraġġ u kontroll

Il-benefiċjarji jimplimentaw proġetti f’konformità mar-regoli u mal-proċeduri tal-politika ta’ koeżjoni. Il-proposti b’Siġill ta’ Eċċellenza huma kofinanzjati f’konformità mar-regoli tar-RDK u mar-regoli speċifiċi tal-FEŻR. Diment li tikkonforma mar-regoli tal-programm, huwa possibbli li l-MA tapplika ċerti kategoriji tar-regoli tal-HE (pereżempju, għall-kategoriji, għall-ammonti massimi u għall-metodi ta’ kalkolu tal-kostijiet eliġibbli). L-MA trid tiddikjara dawn l-elementi fid-dokument li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-appoġġ.

Ir-rata ta’ kofinanzjament applikata għall-finanzjament pubbliku ġenerali għall-proġett ma għandhiex taqbeż ir-rata ta’ finanzjament skont ir-regoli tal-programm tal-HE jekk l-appoġġ jingħata fil-forma ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikoli 25a jew 25b tal-GBER (ara t-taqsima dwar l-għajnuna mill-Istat hawn taħt).

L-istess regoli japplikaw għall-monitoraġġ u għall-kontroll bħal fil-każ ta’ operazzjonijiet oħrajn taħt il-programm rilevanti tal-FEŻR.

Id-dashboard pubbliku tal-HE jipprovdi data aggregata dwar is-Siġill ta’ Eċċellenza, bil-viżwalizzazzjoni tas-Siġill skont il-pajjiż u r-reġjun.

Image 3
Importanti li tkun taf

Xi ngħidu dwar ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat?

Il-finanzjament mill-programmi tal-FEŻR jista’ jaqa’ taħt ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat jekk il-benefiċjarji jkunu impriżi. F’każijiet bħal dawn, il-finanzjament irid ikun kompatibbli mas-suq intern, fuq il-bażi tar-regoli applikabbli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Għal proġetti li rċevew is-Siġill ta’ Eċċellenza, l-Artikoli 25a u 25b tal-GBER (8) huma possibbiltà għall-Istati Membri sabiex jiżguraw il-kompatibbiltà mas-suq intern. Barra minn hekk, il-GBER jistabbilixxi għadd ta’ kundizzjonijiet ġenerali li jridu jissodisfaw il-miżuri kollha ta’ għajnuna implimentati skont il-GBER, irrispettivament mill-objettiv tagħhom. Il-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikoli 25a u 25b tal-GBER jippermettu finanzjament mill-FEŻR għal proġetti li rċevew Siġill ta’ Eċċellenza – bl-istess rata ta’ finanzjament u bl-istess kostijiet eliġibbli tal-HE – mingħajr notifika formali minn qabel lill-Kummissjoni u mingħajr il-ħtieġa li ssir evalwazzjoni teknika oħra. L-awtorità li tagħti l-għajnuna hija obbligata tikkonforma mal-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi applikabbli tal-GBER meta tagħti l-finanzjament. Minbarra l-applikazzjoni oriġinali tal-HE, id-detentur ta’ Siġill ta’ Eċċellenza jrid jissodisfa l-kriterji tal-għażla applikabbli għall-proġetti b’Siġill ta’ Eċċellenza stabbiliti mill-MA u jrid jiżgura wkoll li jikkonforma mar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat.

Bħala MA/korp ta’ finanzjament ieħor, kif nistgħu nibqgħu informati dwar l-iżviluppi u l-aħjar prattiki fl-appoġġ għal proposti għal Siġill ta’ Eċċellenza?

Il-komunità tal-prattika dedikata għas-Siġill ta’ Eċċellenza se tkompli tippermetti lill-MAs interessati tal-FEŻR u lil korpi ta’ finanzjament oħrajn jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar kif jappoġġaw il-proposti għal Siġill ta’ Eċċellenza, jibqgħu aġġornati dwar l-aħħar żviluppi, u jaċċessaw l-informazzjoni u d-data rilevanti kollha dwar il-proposti għal Siġill ta’ Eċċellenza fir-reġjuni tagħhom (numru, finanzjament mitlub, eċċ.). Dan għandu jagħmilha aktar faċli li jiġu ppjanati skemi ta’ finanzjament alternattivi.

Bħala MA/korp ta’ finanzjament ieħor, kif nistgħu nibqgħu informati dwar il-proposti fil-pajjiż/fir-reġjun tagħna li rċevew is-Siġill ta’ Eċċellenza?

Id-detenturi ta’ Siġill ta’ Eċċellenza huma mitluba jagħtu l-kunsens tagħhom għal sett limitat ta’ informazzjoni (jiġifieri dettalji ta’ kuntatt bħall-isem tal-kumpanija, l-indirizz tal-kumpanija u l-indirizz tal-posta elettronika tal-persuna ta’ kuntatt, astratt tal-proposta, l-ammont ta’ appoġġ finanzjarju mitlub, u l-kliem ewlieni li jintuża) li għandha tiġi kondiviża mal-MAs għall-politika ta’ koeżjoni u ma’ entitajiet pubbliċi jew privati oħrajn li jkunu potenzjalment interessati li jiffinanzjaw jew jappoġġaw il-kumpanija tagħhom. L-MAs se jkunu jistgħu jaċċessaw din l-informazzjoni u jikkuntattjaw lid-detentur ta’ Siġill ta’ Eċċellenza. Fuq is-sit web dedikat għas-Siġill ta’ Eċċellenza, hija pprovduta aktar informazzjoni dwar kif jintuża s-Siġill ta’ Eċċellenza u kif għandhom jinstabu d-dettalji ta’ kuntatt tal-MAs għal kull pajjiż.

B’liema kundizzjonijiet l-MAs jistgħu jiffinanzjaw proġetti li kienu japplikaw għall-HE iżda li ma ntgħażlux għall-finanzjament tal-HE u ma rċevewx Siġill ta’ Eċċellenza?

Sabiex il-politika ta’ koeżjoni tappoġġa proġett li ma jkollux Siġill ta’ Eċċellenza, il-proġett irid jgħaddi mill-valutazzjoni sħiħa standard meħtieġa skont programm tal-politika ta’ koeżjoni (il-valutazzjoni simplifikata tapplika biss għal proġetti b’Siġill ta’ Eċċellenza u għal operazzjonijiet magħżulin taħt programm kofinanzjat mill-HE).

Image 4
Eżempju prattiku

Proġett b’Siġill ta’ Eċċellenza mill-Aċċelleratur tal-EIC tal-HE (il-programm ta’ ħidma tal-EIC 2022, p 74, inklużi n-noti 63 u 64 f’qiegħ il-paġna):

SME tapplika bi tweġiba għal sejħa tal-HE u tgħaddi l-passi ta’ evalwazzjoni ta’ qabel il-ġurija (“GO”) stabbiliti fil-programm ta’ ħidma annwali tal-EIC. Minkejja l-kwalità għolja tagħha, il-ġurija tal-EIC ssib li l-proposta għal proġett ma tistax tiġi ffinanzjata minħabba nuqqas ta’ fondi disponibbli suffiċjenti. L-SME normalment tirċievi Siġill ta’ Eċċellenza (ħlief f’każijiet speċifiċi stabbiliti fil-programm ta’ ħidma tal-EIC – pereżempju, meta l-SME ma tagħtix kunsens għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar il-proposta tagħha).

Imbagħad, SME li jkollha Siġill ta’ Eċċellenza tkun tista’ tavviċina korpi ta’ finanzjament oħrajn – pereżempju, l-MAs tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Bl-awtorizzazzjoni minn qabel tal-applikant, il-Kummissjoni tista’ wkoll taqsam informazzjoni bażika, b’mod partikolari d-dettalji ta’ kuntatt, dwar l-applikazzjoni li tirnexxi. Fir-rigward tar-riżultati tal-evalwazzjoni u ta’ data sensittiva oħra, il-komunikazzjoni tagħhom lill-awtoritajiet ta’ finanzjament interessati hija soġġetta għall-konklużjoni ta’ ftehimiet speċifiċi ta’ kunfidenzjalità. Barra minn hekk, u bil-kunsens tal-applikant, il-Kummissjoni tista’ taqsam informazzjoni ma’ organizzazzjonijiet oħrajn li jistgħu jappoġġaw lill-SMEs – pereżempju, in-Network Enterprise Europe (EEN). L-EEN jista’ jipprovdi servizzi ta’ appoġġ individwali lill-SMEs li għandhom Siġill ta’ Eċċellenza sabiex jgħinhom jidentifikaw sorsi ta’ finanzjament alternattivi rilevanti (inklużi programmi ffinanzjati mill-FEŻR), u sabiex jgħinhom fi kwalunkwe proċess ta’ applikazzjoni (inkluż aġġustament possibbli tal-proposta għal proġett), fil-bini tal-kapaċitajiet għall-proċessi ta’ applikazzjoni u għall-ħiliet ta’ preżentazzjoni, u jagħtihom links ma’ servizzi ta’ appoġġ rilevanti oħrajn bħal dawk ta’ tlaqqigħ u ta’ identifikazzjoni ta’ sħab kummerċjali xierqa. Is-servizzi tal-EEN, imfasslin apposta għall-ħtiġijiet ta’ kull detentur individwali ta’ Siġill ta’ Eċċellenza, jieħdu l-forma ta’ pakketti ta’ servizzi ta’ bejn tlett ijiem u ħamest ijiem ipprovduti mingħajr ħlas lill-SME inkwistjoni.

Sabiex jappoġġaw il-proġetti b’Siġill ta’ Eċċellenza, l-MAs jistgħu jiddeċiedu li l-kategoriji, l-ammonti massimi u l-metodi ta’ kalkolu tal-kostijiet eliġibbli jsegwu r-regoli tal-HE diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat stabbiliti skont l-Artikolu 25a u l-Kapitolu 1 tal-GBER. Jekk iva, ikunu jistgħu japplikaw ir-regoli għall-Aċċelleratur stabbiliti fil-Programm Qafas Orizzont (“il-komponent tal-għotja jew tal-avvanz rimborsabbli tal-appoġġ tal-Aċċelleratur ma għandux jeċċedi s-70 % tal-kostijiet eliġibbli totali tal-azzjoni magħżula ta’ innovazzjoni” – l-Artikolu 48(9) tar-Regolament dwar il-Programm Qafas Orizzont) (9). Barra minn hekk, kif spjegat fil-Programm Speċifiku Orizzont (il-punt 1.1.2), “[i]l-kombinazzjoni u l-volum tal-finanzjament” taħt l-Aċċelleratur “se jiġu adattati għall-ħtiġijiet tal-kumpanija, id-daqs tagħha u l-istadju, in-natura tat-teknoloġija jew tal-innovazzjoni u t-tul taċ-ċiklu tal-innovazzjoni” (10).

Jekk previst fil-programm ta’ ħidma, id-detenturi ta’ Siġill ta’ Eċċellenza tal-EIC tal-HE jistgħu jibbenefikaw minn avvenimenti ta’ tlaqqigħ organizzati mis-servizzi ta’ aċċellerazzjoni tan-negozju tal-EIC sabiex jgħaqqdu l-komunità tal-innovaturi tal-EIC – inklużi dawk li għandhom Siġill ta’ Eċċellenza – u investituri, sħab u xerrejja pubbliċi. Is-servizzi ta’ aċċellerazzjoni tan-negozju tal-EIC jipprovdu wkoll firxa ta’ servizzi ta’ kkowċjar u ta’ mentoraġġ, u jipprovdu lill-innovaturi b’aċċess għal networks internazzjonali ta’ sħab potenzjali, inklużi sħab industrijali potenzjali, sabiex jikkomplementaw katina tal-valur, jiżviluppaw opportunitajiet tas-suq u/jew isibu investituri jew sorsi oħrajn ta’ finanzjament privat jew korporattiv (11).

Il-proposti dwar Siġill ta’ Eċċellenza tal-Aċċelleratur tal-EIC jiġu promossi mhux biss fost l-MAs tal-FEŻR, iżda wkoll fost sorsi ta’ finanzjament privat (eż. permezz ta’ avvenimenti speċifiċi ta’ pitching elettroniku u ta’ tlaqqigħ organizzati minn networks u minn komunitajiet dedikati għas-Siġill ta’ Eċċellenza, u billi jiġi mmarkat is-Siġill ta’ Eċċellenza fil-portal InvestEU).

2.   Trasferimenti mill-FEŻR għal Orizzont Ewropa

Skont l-Artikolu 26(1) tar-RDK, l-Istati Membri jistgħu jitolbu t-trasferiment ta’ massimu ta’ 5 % tar-riżorsi tagħhom permezz ta’ ġestjoni kondiviża għal kwalunkwe fond jew strument ieħor tal-UE permezz ta’ ġestjoni diretta jew indiretta. Il-limitu ta’ 5 % japplika għall-allokazzjoni nazzjonali inizjali ta’ fond partikolari u mhux għal programm jew (kategorija ta’) reġjun speċifiku. Ir-riżorsi ttrasferiti jistgħu jintużaw biss għal impenji baġitarji futuri (jiġifieri għas-snin ta’ wara). Ir-riżorsi jridu jintużaw għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat (12).

Dawn l-ammonti ttrasferiti ma jgħoddux għall-konċentrazzjoni tematika għall-FEŻR.

L-HE jippermetti lill-partijiet kollha tiegħu jirċievu trasferimenti ta’ riżorsi minn programmi ta’ ġestjoni kondiviża.

Leġiżlazzjoni rilevanti

RDK

L-Artikolu 26 tar-RDK Trasferiment ta’ riżorsi u l-premessa (19)

Orizzont Ewropa

L-Artikolu 15(5), (6)

Leġiżlazzjoni relatata

RDK

L-Artikolu 24 (Emendar ta’ programmi)

Kunsiderazzjonijiet ta’ politika

L-MAs jistgħu jużaw trasferimenti sabiex jippermettu li l-proposti eċċellenti tal-HE mill-Istat Membru/mir-reġjun tagħhom jipparteċipaw fl-HE meta r-restrizzjonijiet baġitarji kieku ma jħalluhomx jintgħażlu għall-appoġġ mill-HE.

It-trasferimenti jistgħu jżidu l-valur meta jkunu diretti lejn żoni tar-R&I li jkunu ġew identifikati bħala prijoritajiet fl-S3 nazzjonali u/jew reġjonali u li tipikament ikunu sottoskritti wisq fis-sejħiet tal-HE. Madankollu, ma huwiex rekwiżit legali li l-investimenti koperti mill-fondi ttrasferiti jkunu jaqblu mal-prijoritajiet ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti.

It-trasferimenti jipprovdu opportunitajiet għal, fost l-oħrajn:

it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni fl-HE minn benefiċjarji minn reġjuni/Stati Membri li tradizzjonalment kellhom rata baxxa ta’ parteċipazzjoni u ta’ suċċess fl-HE;

l-għoti ta’ spinta lil proġetti f’oqsma identifikati bħala prijoritajiet permezz ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti;

il-preżervazzjoni tal-kapaċità amministrattiva fil-livell nazzjonali/reġjonali fl-għażla u fis-segwitu tal-proġetti tar-R&I, minħabba li dawn ma jsirux mill-MA skont ir-regoli tar-RDK, iżda mill-aġenzija rispettiva skont ir-regoli tal-HE (speċjalment meta ma jkunx hemm biżżejjed proġetti eċċellenti sabiex jiġġustifikaw sejħa sħiħa fil-livell nazzjonali/reġjonali skont il-programm tar-RDK; meta jkun hemm għadd kbir ta’ dawn il-proposti eċċellenti taħt l-HE; jew meta l-MA tal-programm tar-RDK tkun trid tiddiversifika t-tip ta’ appoġġ tagħha).

It-trasferimenti huma partikolarment adattati għall-komponenti b’benefiċjarju wieħed. L-ewwel fażi tal-HE tippermetti t-trasferiment biss għal dawn il-komponenti.

Ir-riżorsi ttrasferiti jridu jintużaw għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat. Stat Membru jista’ jillimita l-ambitu territorjali tat-trasferiment għal reġjun speċifiku (jiġifieri r-reġjun kopert minn programm tal-politika ta’ koeżjoni li minnu jiġu ttrasferiti r-riżorsi).

It-trasferimenti jistgħu jippermettu lill-Istati Membri jew lir-reġjuni b’rati baxxi ta’ parteċipazzjoni fl-HE jibnu l-kapaċitajiet tagħhom tar-R&I billi jżidu l-parteċipazzjoni tal-entitajiet legali tagħhom stess fl-HE. Dan għaliex trasferiment jista’ jibbenefika biss lill-benefiċjarji minn dak l-Istat Membru/ir-reġjun partikolari.

Trasferiment għall-HE jista’ jipprovdi wkoll opportunitajiet ta’ apprendiment għall-promoturi ta’ proġetti bħall-SMEs jew l-universitajiet, minħabba li jkunu jistgħu jidħlu fil-proċess tal-HE bis-saħħa tar-riżorsi żejda magħmula disponibbli għall-HE bit-trasferiment mill-Istat Membru jew mir-reġjun tagħhom. Il-proġett jidħol fil-proċess tal-preparazzjoni tal-għotjiet, u jkun kompletament soġġett għar-regoli tal-HE, inklużi r-rati ta’ finanzjament. L-aġenzija rilevanti tal-Kummissjoni timmonitorja l-proġett matul id-durata tiegħu.

Image 5
Passi ewlenin fil-proċess

Preparazzjoni

It-trasferimenti jridu jiġu speċifikati b’mod espliċitu fil-ftehim ta’ sħubija (jew f’talba għal emenda għal programm jekk ikun hemm qbil dwarha mill-Kumitat ta’ Monitoraġġ (MC)) (13). Jekk it-trasferimenti inizjalment ma jkunux indikati fil-ftehim ta’ sħubija, xorta jistgħu jintalbu fi kwalunkwe ħin aktar tard permezz ta’ talba għal emenda għall-programm ta’ ġestjoni kondiviża inkwistjoni (inkluż il-pjan ta’ finanzjament tiegħu).

Trasferimenti permezz ta’ emenda tal-programm jeħtieġu l-approvazzjoni minn qabel tal-MC. Barra minn hekk, “[m]eta t-talba għal trasferiment tikkonċerna emenda ta’ programm, jistgħu jiġu trasferiti biss riżorsi ta’ snin kalendarji futuri.” Ara l-Artikoli 24 u 26 tar-RDK għal aktar dettalji dwar ir-rekwiżiti.

Meta jintalab trasferiment, l-Istat Membru/MA jrid/trid jispjega/tispjega kif it-trasferiment ikun ta’ benefiċċju għall-Istat Membru li jittrasferixxi jew għar-reġjuni speċifiċi (fil-każ ta’ programm reġjonali), u kif dan jgħin sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-istrument li jirċievi. Sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni, it-talba tista’ tispeċifika l-komponent tal-HE (eż. l-Aċċelleratur tal-EIC) fil-mira tat-trasferiment.

Sabiex jiddefinixxu l-komponent u l-ammont li għandu jiġi ttrasferit, is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jipprovdu stima tal-ammont li x’aktarx jiġi assorbit fil-perjodu inkwistjoni, fuq il-bażi tar-rekord ta’ dak l-Istat Membru/ir-reġjun fil-komponent magħżul.

Valutazzjoni tat-talbiet mill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni trid toġġezzjona għal talba għal trasferiment jekk dan jimmina l-ilħuq tal-objettivi tal-programm li minnu jiġu ttrasferiti r-riżorsi.

Jekk il-Kummissjoni tapprova t-trasferiment, dan jiġi kkonfermat uffiċjalment fid-deċiżjoni li tapprova l-ftehim ta’ sħubija jew l-emenda tal-programm.

L-iskeda ta’ żmien għall-approvazzjoni tat-talba għal trasferiment hija ppreżentata hawn taħt din it-tabella.

Allokazzjoni tal-appoġġ

Ladarba t-trasferiment jiġi approvat, isir disponibbli għall-HE fis-sena kalendarja ta’ wara għal sejħiet ta’ dik is-sena. Minn dak iż-żmien, imbagħad it-trasferiment ikun jista’ jintuża għall-benefiċċju tal-Istat Membru/tar-reġjun ikkonċernat. Jista’ jappoġġa proposti li jinsabu fir-reġjuni/fil-pajjiż ta’ trasferiment u li ġew evalwati b’mod pożittiv minn esperti indipendenti, iżda ma setgħux jiġu aċċettati minħabba restrizzjonijiet baġitarji. It-trasferiment jissupplimenta – aktar milli jissostitwixxi – l-appoġġ mill-baġit oriġinali tal-HE.

Il-proġetti jintgħażlu fuq il-bażi tal-lista ta’ klassifikazzjoni li tirriżulta mill-evalwazzjoni tal-HE jew minn regoli speċifiċi (filwaqt li tiġi rrispettata d-delimitazzjoni nazzjonali/reġjonali tal-ammont ittrasferit). Fil-każ tal-Aċċelleratur tal-EIC, il-baġit ittrasferit jiġi allokat fuq bażi ta’ “min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel” f’konformità mal-ippjanar tal-limitu (il-proċessi tal-għażla jitnedew kull 3 xhur) sakemm jintuża kollu.

Ir-regoli tal-HE japplikaw għall-ammonti ttrasferiti, li huma soġġetti għall-istess kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-proġett bħal kwalunkwe proġett ieħor tal-HE.

Il-livell tal-kodiċi tan-NUTS 2 jintuża sabiex jiġi ddefinit ir-reġjun. Id-data dwar il-proġetti ffinanzjati (analizzati skont ir-reġjun) hija disponibbli għall-pubbliku fuq id-dashboard tal-HE. Id-dashboard tindika li l-proġett kien appoġġat bi flus ittrasferiti.

Implimentazzjoni, monitoraġġ u kontroll

Wara t-trasferiment, l-implimentazzjoni (li tinkludi l-monitoraġġ) titwettaq esklussivament mill-Kummissjoni skont ir-regoli tal-HE, mhux aktar mill-MAs tal-programmi permezz ta’ ġestjoni kondiviża. Madankollu, l-MAs għandhom rwol x’jaqdu fil-każ ta’ trasferimenti lura għall-politika ta’ koeżjoni u tas-sottomissjoni ta’ emenda għall-programm.

It-trasferiment ma jkollu l-ebda konsegwenza diretta għall-promoturi jew għall-benefiċjarji tal-proġetti, li jsegwu r-regoli u l-proċeduri tal-HE.

Image 6
Skeda ta’ żmien għat-talbiet ta’ trasferiment

Fażi Nru 1: Talba ta’ trasferiment ta’ fondi minn strument tal-politika ta’ koeżjoni

1.1   Talba ta’ trasferiment permezz ta’ ftehim ta’ sħubija

Image 7

1.2   Talba ta’ trasferiment inkluża fl-emenda tal-programm.

Image 8

Fażi Nru 2: Implimentazzjoni tal-fondi ttrasferiti permezz tal-HE

Image 9

Image 10
Importanti li tkun taf

Ir-riżorsi ttrasferiti jistgħu jiġu ttrasferiti lura għall-fond oriġinali tagħhom?

Jekk il-Kummissjoni ma tkunx impenjat legalment il-flus ittrasferiti skont HE sal-31 ta’ Awwissu tas-sena n+1, ir-riżorsi mhux impenjati korrispondenti jistgħu jiġu ttrasferiti lura għall-fond li minnu jkunu ġew inizjalment ittrasferiti. Imbagħad jistgħu jiġu rriallokati għal programm wieħed jew aktar (l-Artikolu 26(7) tar-RDK, l-Artikolu 15(6) tal-HE) fuq talba tal-Istat Membru.

Tapplika l-istess proċedura għat-talba ta’ emenda ta’ programm (l-Artikolu 24 tar-RDK) u t-talba trid tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni tal-anqas 4 xhur qabel l-iskadenza għall-impenji (finanzjarji) (jiġifieri sal-31 ta’ Awwissu tas-sena n+1).

Ir-riżorsi li jiġu ttrasferiti lura mbagħad jiġu allokati mill-ġdid lill-programm(i) riċeventi u jkunu soġġetti għar-regoli tar-RDK.

Jekk il-Kummissjoni jkollha bżonn tirkupra fondi mill-benefiċjarji tal-HE li jkunu rċevew trasferiment mill-FEŻR, dawn il-fondi jiġu rritornati lill-programm tal-FEŻR?

Le. L-approprjazzjonijiet ma jirritornawx għal-linja baġitarja oriġinali (FEŻR), iżda jibqgħu mal-programm rilevanti. F’dan il-każ speċifiku, jibqgħu mal-programm tal-HE (li lilu jkunu ġew ittrasferiti mill-FEŻR).

Image 11
Eżempju prattiku:

Stat Membru jiddeċiedi li jittrasferixxi parti mir-riżorsi ta’ programm partikolari tal-FEŻR għas-snin kalendarji futuri lil HE (14) billi jemenda l-programm f’konformità mal-Artikolu 24 tar-RDK.

Il-Kummissjoni taqbel li t-trasferiment kien ġustifikat kif xieraq u huwa allinjat mal-objettivi tal-programm li minnu jiġu ttrasferiti r-riżorsi. Il-Kummissjoni tapprova l-emenda tal-programm, wara li l-MC ikun esprima l-qbil tiegħu. L-Istati Membri u l-Kummissjoni jiddiskutu wkoll l-ambitu ġeografiku (iddeterminat mit-territorju tal-programm li jittrasferixxi), l-użu maħsub tar-riżorsi ttrasferiti permezz tal-HE (fil-livell tal-komponent tal-HE) u l-ammont li għandu jiġi ttrasferit fuq il-bażi tal-“kapaċità ta’ assorbiment” stmata (pereżempju, bl-użu ta’ statistika storika dwar il-parteċipazzjoni għal sejħiet simili ta’ dak il-pajjiż/ir-reġjun).

L-Istat Membru għandu l-ħsieb li juża r-riżorsi ttrasferiti sabiex jiffinanzja l-proposti ta’ SMEs taħt is-sejħa tal-HE tal-Aċċelleratur tal-EIC. Għandu l-ħsieb li jagħmel dan permezz ta’ ftehimiet ta’ għotja li għandhom jiġu konklużi sa mhux aktar tard mill-aħħar tas-sena n+1 (jiġifieri s-sena ta’ wara s-sena li fiha r-riżorsi jiġu ttrasferiti għall-HE).

Ir-riżorsi jintużaw sabiex jiffinanzjaw il-proposti ta’ SMEs sottomessi taħt l-Aċċelleratur tal-EIC li ġew evalwati wara d-deċiżjoni tal-Istat Membru li jittrasferixxi l-flus.

L-HE (fil-preżent) ikopri kwalunkwe kost amministrattiv addizzjonali għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment. Valutazzjoni ta’ jekk dan l-approċċ jistax jinżamm issir bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-programm.

L-Istat Membru jista’ jitlob li r-riżorsi mhux impenjati jiġu ttrasferiti lura lill-FEŻR sa 4 xhur qabel tmiem is-sena n+1 (jiġifieri sal-31 ta’ Awwissu). Jagħmel dan billi titlob emenda għall-programm(i) li fih(om) jiġu inklużi dawn ir-riżorsi. It-talba hija soġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Ir-regola tad-diżimpenn tibda tapplika mis-sena li fiha jsiru l-impenji baġitarji korrispondenti.

3.   Finanzjament kumulattiv

Finanzjament kumulattiv ifisser li operazzjoni/proġett jirċievi appoġġ minn aktar minn fond, minn programm jew minn strument wieħed (inklużi kemm fondi kondiviżi kif ukoll ġestiti direttament) għall-istess partita ta’ kost/tan-nefqa. Kif inhu l-każ għall-mekkaniżmi l-oħrajn ta’ sinerġija, il-finanzjament kumulattiv ma huwiex awtomatiku. Minflok, huwa opzjoni li tista’ tiġi esplorata mill-MAs għall-politika ta’ koeżjoni u mill-awtorità tal-għoti għal programmi tal-UE ġestiti direttament. Il-finanzjament kumulattiv jista’ jiġi applikat biss bil-qbil tal-partijiet kollha involuti (jiġifieri l-MAs u l-awtorità tal-għoti għal programmi tal-UE ġestiti direttament).

Leġiżlazzjoni rilevanti

RDK

L-Artikolu 63(9)

HE

L-Artikolu 15(4)

Leġiżlazzjoni relatata

Programm Ewropa Diġitali

L-Artikolu 23(1) (15)

Kunsiderazzjonijiet ta’ politika/benefiċċji potenzjali

Il-finanzjament kumulattiv jagħmilha possibbli li l-piż finanzjarju ta’ operazzjoni jinfirex u li jiġu indirizzati r-restrizzjonijiet baġitarji possibbli (eż. dawk li jirriżultaw mir-rati ta’ finanzjament aktar baxxi ta’ strument) minħabba li jista’ jippermetti li sa 100 % ta’ proġett ta’ sinerġija jiġi ffinanzjat mill-baġit tal-UE, diment li tinżamm il-konformità mar-regoli rilevanti dwar l-għajnuna mill-Istat. Jagħmilha wkoll possibbli li jiġu appoġġati l-kontribuzzjonijiet nazzjonali, b’mod partikolari fl-Istati Membri u fir-reġjuni anqas żviluppati.

Il-finanzjament kumulattiv jista’ wkoll jiġbor flimkien ir-riżorsi minn strumenti differenti tal-UE kemm permezz ta’ ġestjoni diretta kif ukoll kondiviża, u jagħmel possibbli finanzjament ta’ 100 % mir-riżorsi tal-UE. Għalhekk, il-finanzjament kumulattiv jipprovdi opportunità sabiex jissaħħu r-rabtiet bejn il-prijoritajiet komplementari tar-R&I tas-sejħiet tal-HE u l-programmi tal-FEŻR (u l-S3 relatati).

Image 12
Passi ewlenin fil-proċess

Preparazzjoni / programmazzjoni

Il-finanzjament kumulattiv bejn il-ġestjoni diretta u kondiviża huwa possibbli għall-istess nefqa ta’ operazzjoni, diment li jsiru arranġamenti speċifiċi sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikoli 63(9) tar-RDK u 191(3) tar-Regolament Finanzjarju. L-awtoritajiet tal-programmi għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-interpretazzjoni li ġejja tal-Artikolu 63(9) tar-RDK u l-Artikolu 191(3) tar-RF u jimplimentaw finanzjament kumulattiv skont il-passi prattiċi ta’ hawn taħt.

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 63(9) tar-RDK jipprovdi projbizzjoni ta’ dikjarazzjoni doppja tan-nefqa skont ir-RDK, billi jiddikjara li l-istess partita tan-nefqa tista’ tiġi rrimborżata biss permezz ta’ strument ta’ finanzjament uniku tal-Unjoni u li ma jista’ jkun hemm l-ebda finanzjament doppju tal-Unjoni marbut mal-istess partita tan-nefqa. Din il-projbizzjoni ta’ dikjarazzjoni doppja tapplika fir-rigward tan-nefqa ddikjarata f’applikazzjoni ta’ pagament minn awtorità ta’ ġestjoni lill-Kummissjoni u mhux fir-rigward ta’ talba għall-pagament sottomessa lill-awtoritajiet nazzjonali minn benefiċjarju għal operazzjoni speċifika.

Din id-dispożizzjoni tikkorrispondi għall-Artikolu 191(3) tar-RF. Madankollu, ir-Regolament Finanzjarju jippermetti l-għoti kumulattiv ta’ għotjiet mill-baġit tal-UE, jekk ikun awtorizzat mill-atti bażiċi. Għall-QFP 2021-2027, il-biċċa l-kbira tal-atti bażiċi, inkluż Orizzont Ewropa, jippermettu l-akkumulazzjoni ta’ għotjiet, diment li dawn ma jħallsux lura aktar minn 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

L-MA tista’ tiddikjara fil-programm tal-politika ta’ koeżjoni l-intenzjoni tagħha li tippermetti finanzjament kumulattiv u l-oqsma li fihom tali finanzjament joffri benefiċċji. Anke jekk il-programm ma jirreferix għal dan il-mekkaniżmu, il-finanzjament kumulattiv xorta jista’ jiġi applikat jekk l-operazzjonijiet ikunu konformi mal-prijoritajiet tal-programm.

Imbagħad, l-MAs u s-servizzi tal-Kummissjoni/l-awtorità tal-għoti (għall-programm tal-UE ġestit direttament inkwistjoni) jistgħu jaqblu li jniedu sejħiet koordinati.

Dawn is-sejħiet għandhom:

ikunu koordinati bejn l-MAs u s-servizzi tal-Kummissjoni/l-awtorità tal-għoti u idealment jitnedew fl-istess ħin;

isemmu li jekk l-applikant jagħżel li japplika għas-sejħiet taż-żewġ strumenti u jekk iż-żewġ applikazzjonijiet jiġu aċċettati, il-proġett jista’ jirċievi finanzjament kumulattiv (jiġifieri appoġġ miż-żewġ strumenti);

jispjegaw li, għal kull għotja, għandhom jiġu rrispettati l-proċeduri u r-regoli ta’ eliġibbiltà applikabbli.

jiddefinixxu r-rati u l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament li japplikaw fit-tliet xenarji li ġejjin:

(i)

jekk l-applikant jagħżel li japplika għas-sejħiet taż-żewġ strumenti u ż-żewġ applikazzjonijiet jiġu aċċettati;

(ii)

jekk l-applikant jagħżel li japplika għas-sejħiet taż-żewġ strumenti, iżda waħda biss mill-applikazzjonijiet tiġi aċċettata;

(iii)

jekk l-applikant jagħżel li japplika għal waħda biss mis-sejħiet taż-żewġ strumenti.

Barra minn hekk, is-sejħiet għandhom jindikaw:

ir-regoli ta’ eliġibbiltà (skont is-sors tal-finanzjament, jista’ jkun hemm żewġ settijiet separati ta’ regoli tal-eliġibbiltà), il-perjodu ta’ eliġibbiltà tal-kostijiet, id-durata tal-proġett, il-perjodi ta’ rapportar, l-iskadenzi għall-approvazzjoni taż-żewġ għotjiet (l-MAs rilevanti u l-awtorità tal-għoti għall-programm tal-UE ġestit direttament għandhom jikkoordinaw l-iskadenzi minn qabel)

ir-rati ta’ finanzjament li jiġu applikati permezz taż-żewġ strumenti (skont ir-regoli legali rispettivi). Ir-rati ta’ finanzjament kombinati ma jistgħux jaqbżu l-100 % tal-kostijiet eliġibbli u jridu jikkonformaw mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

il-kontenut li l-applikanti għandhom jippreżentaw fil-proposti tagħhom (aktar informazzjoni hija pprovduta hawn taħt “allokazzjoni għall-appoġġ”).

Allokazzjoni tal-appoġġ

Il-proposti għandhom jinkludu l-elementi kollha li l-MA u l-awtorità tal-għoti għall-programm tal-UE ġestit direttament jevalwaw fil-proċessi tal-għażla rispettivi tagħhom.

L-għażla u l-evalwazzjoni tal-proposti jitwettqu separatament għal kull sejħa, skont il-mekkaniżmi u r-regoli ta’ kull strument.

L-għażla permezz ta’ sejħa waħda ma hijiex garanzija tal-għażla permezz ta’ sejħa oħra.

Il-proposti jridu jindikaw jekk l-applikant ikunx se japplika jew le bi tweġiba għas-sejħa tal-istrument l-ieħor.

Jekk it-tweġiba tkun “iva”, il-ħtieġa għal koordinazzjoni effiċjenti tal-istrumenti ta’ finanzjament tfisser li l-applikazzjoni trid tindika wkoll jekk l-applikant ikollux l-intenzjoni li jipproċedi bil-proġett potenzjalment kofinanzjat jekk il-proġett (i) jintgħażel biss mill-MA jew (ii) jintgħażel biss mill-awtorità tal-għoti permezz tal-programm tal-UE ġestit direttament.

Jekk tirnexxi waħda biss mill-applikazzjonijiet, l-awtorità responsabbli (l-MA jew l-awtorità tal-għoti ta’ ġestjoni diretta) tikkonkludi ftehim ta’ għotja mal-benefiċjarju f’konformità mar-regoli tal-fond/tal-istrument rispettiv. Pereżempju, jekk il-ftehim ikun mal-MA (għall-appoġġ taħt programm tal-politika ta’ koeżjoni), japplikaw ir-RDK u r-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat u jinħareġ id-dokument li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-appoġġ.

Fil-każ ta’ applikazzjoni u ta’ għażla permezz taż-żewġ sejħiet, il-benefiċjarju għandu jikkonkludi żewġ ftehimiet ta’ għotja separati – wieħed mal-MA, l-hekk imsejjaħ dokument li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-appoġġ, u ieħor mal-awtorità tal-għoti għall-programm tal-UE ġestit direttament. Kull ftehim ta’ għotja għandu (i) jiddikjara r-regoli applikabbli tal-fond/tal-istrument rispettiv u (ii) jindika r-rabta mal-għotja l-oħra. Ftehim ta’ għotja permezz ta’ programm tal-UE ġestit direttament huwa mmarkat bħala “azzjoni ta’ sinerġija” fl-Iskeda tad-Data (jew matul il-preparazzjoni tal-għotja jew matul emenda tal-għotja) u jiġu attivati d-dispożizzjonijiet fakultattivi korrispondenti.

L-awtoritajiet rispettivi (l-MAs u l-awtoritajiet tal-għoti għal programmi ġestiti direttament) iridu jiżguraw li r-rati ta’ finanzjament kombinati applikati fil-livell ta’ operazzjoni ma jaqbżux il-100 % tal-kostijiet eliġibbli.

Taħt ġestjoni kondiviża, ir-rata ta’ finanzjament applikata fil-livell ta’ operazzjoni u r-rata ta’ kofinanzjament fil-livell tal-prijorità rilevanti jistgħu jvarjaw. Fl-azzjonijiet ta’ sinerġija, għandha titqies ir-rata ta’ kofinanzjament fil-livell ta’ prijorità, iżda fl-aħħar mill-aħħar tkun ir-rata ta’ finanzjament fil-livell tal-operazzjoni kif stabbilita fid-dokument li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-appoġġ li tintuża għall-finijiet ta’ rikonċiljazzjoni mar-rata ta’ finanzjament fil-programm ġestit direttament u jiġi żgurat li l-kopertura mill-baġit tal-Unjoni ma taqbiżx il-100 %.

Implimentazzjoni, monitoraġġ u kontroll

Implimentazzjoni

Sabiex ikun jista’ jsir finanzjament ta’ 100 % mill-baġit tal-Unjoni f’konformità mal-intenzjoni għal azzjonijiet ta’ sinerġija, għandha ssir dikjarazzjoni unika tan-nefqa magħmula lill-Kummissjoni għall-proġett ta’ sinerġija partikolari. Din id-dikjarazzjoni unika għandha ssir mill-awtoritajiet ta’ ġestjoni kondiviżi lill-Kummissjoni f’applikazzjoni ta’ pagament (u tkopri l-kostijiet eliġibbli ddikjarati mill-benefiċjarju lill-MA li jiżdiedu bħala informazzjoni addizzjonali mill-MA f’din l-applikazzjoni ta’ pagament lill-Kummissjoni). B’dan il-mod, il-projbizzjoni ta’ dikjarazzjoni doppja tan-nefqa lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 63(9) tar-RDK ma tinkisirx għall-finijiet tal-pagamenti permezz ta’ ġestjoni kondiviża.

Għalhekk, il-benefiċjarju l-ewwel irid jiddikjara n-nefqa eliġibbli kollha lill-MA f’konformità mat-termini tal-għotja.

L-MA tinforma lill-benefiċjarju meta n-nefqa tkun inkluża f’applikazzjoni ta’ pagament lill-Kummissjoni permezz ta’ ġestjoni kondiviża. Dan japplika għal kwalunkwe applikazzjoni ta’ pagament sottomessa f’konformità mal-Artikolu 91 tar-RDK: għall-programmi tal-FEŻR, l-Istat Membru għandu jissottometti massimu ta’ sitt applikazzjonijiet ta’ pagament għal kull programm, għal kull Fond u għal kull sena kontabilistika. Kull sena tkun tista’ tiġi sottomessa applikazzjoni waħda ta’ pagament fi kwalunkwe ħin f’kull perjodu ta’ żmien bejn id-dati li ġejjin: it-28 ta’ Frar, il-31 ta’ Mejju, il-31 ta’ Lulju, il-31 ta’ Ottubru, it-30 ta’ Novembru u l-31 ta’ Diċembru.

Imbagħad, kopja ta’ dikjarazzjoni mill-benefiċjarju lill-MA (flimkien ma’ kopja tal-informazzjoni tal-MA lill-benefiċjarju li tikkonferma li n-nefqa kienet inkluża f’applikazzjoni ta’ pagament lill-Kummissjoni) tiġi mehmuża bħala dokument ta’ sostenn mal-applikazzjoni ta’ pagament introdotta fuq eGrants mill-benefiċjarju.

Taħt l-ebda ċirkostanza l-kostijiet ma għandhom l-ewwel jiġu inklużi f’applikazzjoni ta’ pagament taħt l-għotja ġestita direttament peress li din tagħmilhom ineliġibbli għal ġestjoni kondiviża.

Fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ pagament sottomessa mill-MA lill-Kummissjoni, il-kontribuzzjoni mill-FEŻR issegwi r-regoli dwar ir-rata ta’ kofinanzjament u l-appoġġ massimu mill-fondi għal kull waħda mill-prijoritajiet stabbiliti fl-Artikolu 112 tar-RDK (kofinanzjament fil-livell ta’ prijorità). Il-kontribuzzjoni mill-programm ġestit direttament ma tgħoddx għal din ir-rata ta’ kofinanzjament u għandha tiġi ppreżentata bħala kontribuzzjoni (pubblika) nazzjonali.

Ta’ min jinnota li l-applikazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ ġestjoni kondiviża jsiru fil-livell tal-prijoritajiet u mhux għal kull operazzjoni. Għal kull applikazzjoni ta’ pagament, l-MA għandha tispeċifika l-ammonti relatati mal-proġetti ta’ sinerġija f’kull prijorità.

Ladarba n-nefqa tiġi inkluża f’applikazzjoni ta’ pagament lill-Kummissjoni mill-MA, il-benefiċjarju/il-koordinatur itella’ fuq eGrants kopja tad-dikjarazzjoni sottomessa lill-MA (flimkien ma’ kopja tal-informazzjoni tal-MA lill-benefiċjarju li tikkonferma li n-nefqa kienet inkluża f’applikazzjoni ta’ pagament lill-Kummissjoni) u jipprovdi informazzjoni dwar ir-rata ta’ kofinanzjament applikata/li għandha tiġi applikata fil-livell ta’ operazzjoni u fil-livell tal-assi prijoritarju mill-MA u fl-istess ħin idaħħal l-informazzjoni kollha dwar l-implimentazzjoni tal-azzjoni kif meħtieġ mir-regoli tal-programm ġestit direttament (bl-użu tal-Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti għall-ġestjoni elettronika tal-għotjiet tal-UE).

Dan ifisser li l-benefiċjarju ma jkunx jista’ jitħallas mill-ġestjoni diretta qabel ma tiġi ppreżentata din il-kopja tad-dikjarazzjoni lill-MA, li jfisser stennija għal massimu ta’ xahrejn.

Iż-żewġ awtoritajiet tal-għoti għandu jkollhom biżżejjed informazzjoni u evidenza dwar il-finanzjament eżistenti jew ippjanat l-ieħor tal-UE sabiex jevitaw finanzjament doppju matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ azzjoni ta’ sinerġija. Sakemm il-kontribuzzjonijiet ikunu limitati għal ċertu ammont fuq il-bażi ta’ perċentwal koordinat tal-kostijiet eliġibbli, l-appoġġ totali kombinat tal-UE ma jaqbiżx il-kostijiet totali.

Tiġi vverifikata r-responsabbiltà għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

L-implimentazzjoni ta’ dan l-approċċ ma tirrikjedix li jittieħdu miżuri addizzjonali mill-awtoritajiet tal-programm permezz ta’ ġestjoni kondiviża għajr li l-benefiċjarju jiġi informat bid-data meta n-nefqa rilevanti tiġi ddikjarata lill-Kummissjoni.

Monitoraġġ

Ma ssir l-ebda eċċezzjoni għar-regoli għall-finanzjament kumulattiv għall-finijiet tar-rapportar tal-FEŻR. Għandu jimtela l-Anness VII tar-RDK u għandhom jitqiesu l-kontribuzzjonijiet tal-FEŻR.

Għall-finijiet tal-applikazzjonijiet ta’ pagament f’konformità mal-Anness XXIII tar-RDK, il-kontribuzzjonijiet tal-FEŻR għandhom jiġu kklassifikati bħala finanzjament tal-UE. B’kuntrast ma’ dan, il-kontribuzzjonijiet mill-istrumenti ġestiti direttament għandhom jiġu ppreżentati taħt it-tab pubblika (nazzjonali).

L-MA u l-awtorità tal-għoti ta’ ġestjoni diretta jistabbilixxu l-iskadenzi għar-rapportar u għall-pagament skont ir-regoli applikabbli sabiex jippermettu l-approċċ sekwenzjali deskritt hawn fuq (jiġifieri l-ewwel dikjarazzjoni lill-MA (u mill-MA lill-Kummissjoni) u mbagħad kopja lill-istrument ġestit direttament).

Il-benefiċjarji jridu jsegwu r-regoli għall-implimentazzjoni, għall-monitoraġġ u għall-kontroll tal-istrumenti/tal-fondi kollha involuti. Jekk l-awtorità tal-għoti tal-programm/tal-fond ġestit direttament tkun teħtieġ ċertifikat dwar ir-rapporti finanzjarji (CFS) fl-għotja ġestita direttament, l-awditur tas-CFS jista’ jiddependi wkoll fuq ċertifikati tal-awditjar fuq in-nefqa ta’ ġestjoni kondiviża (sa fejn ikopru l-istess kostijiet u kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà identiċi).

Il-proġetti jistgħu jirċievu prefinanzjament jew pagamenti antiċipati f’konformità mar-regoli legali applikabbli u mar-rata ta’ finanzjament miftiehma minn qabel.

Image 13
Importanti li tkun taf

Xi ngħidu dwar ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat?

Ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat japplikaw għall-parti tal-proġett iffinanzjata mill-FEŻR. Ir-regoli dwar il-kumulazzjoni tal-finanzjament pubbliku stabbiliti fir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat li jistabbilixxu l-finanzjament pubbliku totali possibbli għall-proġett/għall-attività jeħtieġ li jiġu vverifikati u applikati b’mod korrett ukoll.

Fil-każ ta’ finanzjament kumulattiv, il-korp nazzjonali ta’ finanzjament jew il-benefiċjarji jibqgħu meħtieġa jikkontribwixxu parti mill-finanzjament?

Dak jiddependi mir-rati ta’ finanzjament stabbiliti fil-livell tal-proġett għaż-żewġ sorsi ta’ finanzjament. Fil-każ tal-FEŻR, japplikaw ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u jiddeterminaw ir-rata massima permissibbli ta’ finanzjament fil-livell operazzjonali. Sabiex tiġi vverifikata l-konformità mar-rata massima permissibbli ta’ finanzjament, irid jitqies il-finanzjament pubbliku kollu fil-livell tal-proġett, inkluż l-appoġġ riċevut, pereżempju, mill-FEŻR u mill-HE u fi kwalunkwe forma.

Image 14

4.   Sħubijiet Ewropej

L-użu tal-FEŻR bħala kontribuzzjoni nazzjonali għal Sħubijiet Ewropej Kofinanzjati u Istituzzjonalizzati

“Sħubija Ewropea” tfisser inizjattiva li fiha l-UE u s-sħab privati u/jew pubbliċi (bħall-industrija, il-korpi pubbliċi jew il-fondazzjonijiet) jimpenjaw ruħhom li jappoġġaw b’mod konġunt l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ attivitajiet ta’ R&I. Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u Innovazzjoni – li s-sħab kollha jaqsmu u jimpenjaw ruħhom għaliha – hija l-bażi ta’ kull Sħubija Ewropea. Din il-viżjoni fit-tul tissarraf f’attivitajiet konkreti permezz ta’ programmi ta’ ħidma annwali. Is-Sħubijiet Ewropej iridu jiddikjaraw l-objettivi u l-miri konkreti tagħhom, flimkien ma’ sett ta’ indikaturi ewlenin korrispondenti tal-prestazzjoni.

F’konformità mal-Artikolu 73(4) tar-RDK, l-MAs jistgħu jiddeċiedu li jipprovdu appoġġ direttament mill-FEŻR għal operazzjonijiet magħżula permezz ta’ programm kofinanzjat mill-HE (bħal Sħubija Ewropea Kofinanzjata jew Istituzzjonalizzata).

L-Artikolu 15(3) tar-Regolament dwar l-HE jiddikjara li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-programmi tal-FEŻR (16) jistgħu jitqiesu bħala kontribuzzjoni mill-Istat Membru parteċipanti għal Sħubija Ewropea Kofinanzjata jew Istituzzjonalizzata, diment li dan ikun konformi mar-regoli tar-RDK. Il-korpi li jimplimentaw il-programmi kofinanzjati mill-HE jridu jiġu identifikati bħala korpi intermedji tal-programm rilevanti tal-FEŻR (l-Artikolu 71(5) tar-RDK). Dan jagħmilha aktar faċli li jiġu kkoordinati u sinkronizzati l-HE, il-programm tal-FEŻR rilevanti u l-appoġġ nazzjonali. Il-programmi tal-FEŻR jistgħu jkopru l-kontribuzzjoni nazzjonali (jew parti minnha) għall-parteċipazzjoni f’dawn is-Sħubijiet Ewropej. Deċiżjoni ta’ kontribuzzjoni għal sħubija trid tirriżulta minn proċess tal-għażla li jkun ikkonforma mar-regoli tal-politika ta’ koeżjoni.

Barra minn hekk u b’mod simili għas-Siġill ta’ Eċċellenza, l-MAs jistgħu jipprovdu tali kontribuzzjoni direttament (mingħajr il-ħtieġa ta’ sejħa kompetittiva u ta’ proċedura ta’ għażla separata) għal operazzjonijiet li ntgħażlu taħt programm kofinanzjat mill-HE f’konformità mal-Artikolu 73(4) tar-RDK. Madankollu, kif inhu wkoll il-każ għas-Siġill ta’ Eċċellenza, l-MAs xorta għandhom iwettqu valutazzjoni simplifikata, filwaqt li jivverifikaw li dawn il-proġetti jikkonformaw mal-punti (a), (b) u (g) tal-Artikolu 73(2) tar-RDK. Dawn l-operazzjonijiet għandhom (i) ikunu konsistenti mal-programm, inkluż mal-istrateġiji rilevanti li fuqhom huwa bbażat il-programm, u jipprovdu kontribuzzjoni effettiva għall-kisba tal-objettivi speċifiċi tal-programm, (ii) jaqgħu fl-ambitu ta’ kundizzjoni abilitanti u jkunu konsistenti mal-istrateġiji u mad-dokumenti ta’ ppjanar korrispondenti stabbiliti għall-issodisfar ta’ dik il-kundizzjoni abilitanti, u (iii) jaqgħu fi ħdan l-ambitu tal-fond rilevanti u jkunu attribwiti għal tip ta’ intervent.

L-MAs jistgħu japplikaw b’mod simili l-kategoriji, l-ammonti massimi u l-metodi ta’ kalkolu tal-kostijiet eliġibbli stabbiliti permezz tal-HE għal dawn l-operazzjonijiet.

Il-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tista’ tiġi żgurata billi jiġu rrispettati l-kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà tal-Artikolu 25c tal-GBER li joffri possibbiltajiet sabiex jiġu applikati l-kostijiet eliġibbli u r-rati ta’ finanzjament ta’ Orizzont Ewropa għall-proġetti ta’ riċerka u ta’ żvilupp magħżulin permezz ta’ programm kofinanzjat minn Orizzont li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Il-kontribuzzjonijiet tal-programmi tal-FEŻR għas-Sħubijiet Ewropej iridu jikkonformaw mar-regoli dwar il-projbizzjoni tad-dikjarazzjoni doppja tan-nefqa stabbiliti fl-Artikolu 63(9) tar-RDK. L-istess kostijiet ma jistgħux jiġu ddikjarati darbtejn lill-Kummissjoni. Żewġ tipi ta’ Sħubijiet Ewropej huma rilevanti għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament dwar l-HE.

Is-Sħubijiet Ewropej kofinanzjati (appoġġati permezz ta’ “azzjoni kofinanzjata minn programm”) huma bbażati fuq ftehim ta’ għotja bejn il-Kummissjoni u konsorzju ta’ sħab (tipikament ministeri nazzjonali jew aġenziji ta’ finanzjament tar-R&I). Is-sħab jimpenjaw ruħhom għal kontribuzzjonijiet finanzjarji u in natura. Dawn huma sħubijiet li jinvolvu pajjiżi tal-UE ma’ finanzjaturi tar-riċerka nazzjonali/reġjonali u ma’ awtoritajiet pubbliċi oħrajn fil-qalba tal-konsorzju. L-UE tipprovdi kofinanzjament għal programm implimentat minn entitajiet li jimmaniġġjaw u jiffinanzjaw attivitajiet ta’ R&I. L-attivitajiet ewlenin żviluppati minn Sħubijiet Ewropej Kofinanzjati jinkludu sejħiet konġunti li permezz tagħhom jiġu ffinanzjati proġetti tranżnazzjonali tar-R&I, u li fihom kull sieħeb jipprovdi l-baġit għall-entitajiet tiegħu li jipparteċipaw fil-proġetti u l-UE tipprovdi finanzjament supplimentari.

Is-Sħubijiet Ewropej Istituzzjonalizzati huma programmi tar-R&I. Jistgħu jitwettqu minn (i) diversi Stati Membri (fuq il-bażi ta’ deċiżjoni mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew f’konformità mal-Artikolu 185 tat-TFUE), (ii) korpi stabbiliti b’deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 187 tat-TFUE (pereżempju, impriżi konġunti), jew (iii) Komunitajiet Ewropej ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) f’konformità mar-Regolament dwar l-EIT u l-Aġenda Strateġika ta’ Innovazzjoni tal-EIT. Huma mistennija jkollhom perspettiva fit-tul u jinvolvu xi integrazzjoni.

L-Illustrazzjoni 1 ta’ hawn taħt tagħti ħarsa ġenerali lejn is-Sħubijiet Ewropej Kofinanzjati, Koprogrammati u Istituzzjonalizzati kollha skont l-ewwel Pjan Strateġiku 2019-2024 tal-HE. L-għoxrin Sħubija Ewropea Kofinanzjata u Istituzzjonalizzata bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri huma rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament dwar l-HE.

Illustrazzjoni 1.

Ħarsa ġenerali lejn l-erba’ raggruppamenti ta’ Sħubijiet Ewropej

Image 15

Tajjeb li tkun taf

Is-Sħubijiet Ewropej Kofinanzjati huma bbażati fuq memorandum ta’ qbil iffirmat bejn il-Kummissjoni u s-sħab minbarra l-UE. Dawn is-sħubijiet ma humiex eliġibbli sabiex jużaw l-FEŻR bħala kontribuzzjoni nazzjonali minħabba li ma hemm l-ebda opzjoni li jikkombinaw il-finanzjament (huwa possibbli biss finanzjament parallel jew sekwenzjali). Għal dawn it-tipi ta’ sħubijiet, huwa possibbli li l-FEŻR jintuża bħala kontribuzzjoni nazzjonali għall-attivitajiet addizzjonali tas-sħubijiet jekk dawn jiġu identifikati fil-pjan ta’ attivitajiet addizzjonali. Il-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa bħalissa huwa l-unika Sħubija Ewropea Koprogrammata bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri.

Leġiżlazzjoni rilevanti

RDK

L-Artikoli 63(9), 71(5) u 73(4) u l-premessa (61)

Orizzont Ewropa

L-Artikolu 15(3)

Leġiżlazzjoni relatata

GBER

L-Artikoli 25c u 25d (għajnuna mill-Istat)

Kunsiderazzjonijiet ta’ politika/benefiċċji potenzjali

Is-Sħubijiet Ewropej huma stabbiliti sabiex iwettqu l-prijoritajiet tal-UE. Billi jingħaqdu flimkien kemm mas-settur pubbliku kif ukoll ma’ dak privat, jagħmluha possibbli li jiġu indirizzati l-isfidi globali li jeħtieġu massa kritika u viżjoni fit-tul li s-sħab jaqblu dwarhom u jimpenjaw ruħhom għalihom. Is-sħubijiet mhux biss iniedu sejħiet konġunti, iżda jwettqu wkoll varjetà ta’ attivitajiet addizzjonali sabiex jappoġġaw l-adozzjoni soċjetali, tas-suq u regolatorja tar-riżultati tar-R&I.

Is-Sħubijiet Ewropej huma mutur ewlieni għas-sinerġiji minħabba li jagħmluha possibbli li jiġi kondiviż u kkoordinat l-użu tar-riżorsi disponibbli minn strumenti, minn programmi u minn fondi tal-UE u nazzjonali differenti. Jgħinu wkoll sabiex tissaħħaħ iż-ŻER billi jistimolaw il-kooperazzjoni transfruntiera, jallinjaw il-pjanijiet tar-R&I, itejbu l-ħiliet u jżidu l-kapaċità ta’ assorbiment tan-negozji Ewropej. L-għan partikolari ta’ Sħubija Ewropea bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri huwa li tinkiseb integrazzjoni xjentifika, maniġerjali u finanzjarja tal-programmi nazzjonali ta’ riċerka fil-qasam partikolari tagħha. Il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri tat-“Twessigħ tal-Parteċipazzjoni” fis-sħubijiet tar-R&I tal-UE kienet limitata fil-passat minħabba nuqqas ta’ esperjenza jew ta’ finanzjament disponibbli għall-kollaborazzjoni tranżnazzjonali. Is-Sħubijiet Ewropej huma maħsubin sabiex jindirizzaw il-prijoritajiet tal-UE, u għalhekk huwa importanti li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi sottorappreżentati, li jittejbu l-komplementarjetajiet madwar l-UE u li jinqasmu l-benefiċċji li jirriżultaw. Dan huwa partikolarment rilevanti minħabba li xi prijoritajiet tal-HE huma indirizzati biss minn Sħubijiet Ewropej. Dan ifisser li l-Istati Membri jridu jipparteċipaw sabiex l-entitajiet tagħhom ikunu jistgħu jieħdu sehem fis-sejħiet u f’attivitajiet oħrajn imnedijin mis-sħubijiet.

Il-possibbiltà li l-kontribuzzjonijiet mill-programmi tal-FEŻR jiġu rrikonoxxuti bħala kontribuzzjonijiet nazzjonali fis-sħubijiet tal-HE tipprovdi inċentiv kbir għall-kollaborazzjoni tranżnazzjonali. Iżżid ukoll l-impatt tal-investimenti fir-R&I minn fondi differenti tal-UE billi l-investiment jiġi allinjat mal-prijoritajiet komuni tal-UE.

Ir-regoli l-ġodda jagħmluha aktar faċli li l-FEŻR u l-fondi tal-HE jiġu rraggruppati fi Sħubijiet kofinanzjati ta’ Orizzont, u b’hekk jinħolqu opportunitajiet għar-reġjuni sabiex jingħaqdu ma’ pajjiżi u ma’ reġjuni oħrajn tal-UE sabiex jindirizzaw il-prijoritajiet ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti relatati. Il-gwadann ewlieni huwa l-opportunità li tiżdied il-parteċipazzjoni ta’ reġjuni u ta’ Stati Membri anqas żviluppati f’kollaborazzjoni tranżnazzjonali fi ħdan il-qafas ta’ sħubijiet.

Għalhekk, il-kofinanzjament ipprovdut mill-UE permezz ta’ sħubijiet jista’ joħloq valur miżjud partikolari meta l-prijoritajiet identifikati taħt l-HE u permezz tal-S3 jikkorrispondu jew jikkomplementaw lil xulxin.

Image 16
Passi ewlenin fil-proċess – Sħubijiet Ewropej Kofinanzjati

Preparazzjoni / programmazzjoni

L-awtoritajiet nazzjonali/il-partijiet ikkonċernati għandhom jidħlu fi djalogu mal-MA tagħhom ferm qabel in-negozjar formali tal-programm mal-Kummissjoni.

L-MA u l-partijiet ikkonċernati nazzjonali/reġjonali għandhom jidentifikaw il-prijoritajiet tar-R&I fil-programmi f’konformità mal-prijoritajiet tal-S3, jippjanaw miżuri xierqa ta’ finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni u jiftħu djalogu mal-koordinaturi/mal-punti ta’ kuntatt tas-Sħubijiet Ewropej Kofinanzjati sabiex jifhmu t-tipi ta’ attivitajiet u r-riżorsi li jeħtieġ li jiġu ppjanati.

Għas-Sħubijiet Ewropej Kofinanzjati, jintlaħaq qbil dwar kollox fil-kuntest ta’ ftehim ta’ għotja – inkluża r-rata ta’ rimborż tal-UE tal-kostijiet eliġibbli u l-baġit ġenerali għad-durata kollha tas-sħubija. Il-pjan ta’ ħidma annwali, li jrid jiġi approvat mill-Kummissjoni, jiddeskrivi l-attivitajiet tas-sħubija. Il-konsorzju nnifsu jiddeċiedi kif għandu jalloka l-finanzjament tal-UE filwaqt li jirrispetta r-regoli stabbiliti fid-dokument li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-appoġġ.

Il-kontribuzzjoni totali tal-UE tiġi kkalkolata bħala perċentwal tal-kostijiet eliġibbli totali. Ir-rata ta’ finanzjament taħt l-HE għal Sħubijiet Ewropej Kofinanzjati normalment tkun ta’ 30 % (50 % f’każijiet eċċezzjonali). Konsorzju għandu diskrezzjoni sħiħa meta jiddeċiedi kif jalloka l-kontribuzzjoni tal-UE għas-sħubija ppjanata bejn il-benefiċjarji li jkunu parti għall-ftehim ta’ għotja tal-HE – u dan jista’ jirriżulta f’rati ta’ finanzjament ogħla jew aktar baxxi għal attivitajiet u/jew għal benefiċjarji speċifiċi. Jekk programm tal-FEŻR jipprovdi, f’konformità mal-objettivi tiegħu, appoġġ mill-FEŻR għal programm kofinanzjat mill-HE, il-korpi li jimplimentaw l-attivitajiet li jirriżultaw mill-programm kofinanzjat mill-HE (eż. korpi ta’ finanzjament nazzjonali) għandhom jiġu ddeżinjati bħala korpi intermedji taħt il-programmi rilevanti. F’konformità mal-Artikolu 71(3) tar-RDK, l-arranġamenti bejn l-MA u l-korp(i) intermedju/i għandhom jiġu rreġistrati bil-miktub.

Il-kontribuzzjoni minn programm tal-FEŻR tkun għal proġett speċifiku ffinanzjat fil-livell nazzjonali jew reġjonali, u r-riċevitur ta’ din il-kontribuzzjoni jkun il-benefiċjarju ta’ dan il-proġett (it-terminu “operazzjoni” jintuża fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni).

Il-pjanijiet għall-kontribuzzjoni għall-proġetti magħżulin fi ħdan is-Sħubijiet Ewropej ma’ xi kontribuzzjoni nazzjonali għandhom jiġu stabbiliti bi spjegazzjoni fil-programm tal-FEŻR.

Il-kontribuzzjoni ta’ programm tal-FEŻR għal Sħubija Ewropea trid taqa’ fi ħdan l-ambitu tal-kundizzjoni abilitanti applikabbli (jiġifieri l-S3) u trid tkun konsistenti mal-objettivi u mal-ambitu korrispondenti speċifiċi għall-programm. Il-kontribuzzjoni għal Sħubija Ewropea tista’ tiġi identifikata wkoll kmieni, fl-S3 rilevanti, bħala miżura sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni f’oqsma ta’ prijorità ma’ sħab minn barra Stat Membru partikolari.

Allokazzjoni tal-appoġġ

Għall-operazzjonijiet magħżulin skont programm ta’ attivitajiet kofinanzjati mill-HE, l-MA tista’ tiddeċiedi li tagħti appoġġ direttament mill-programm tal-FEŻR, diment li tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 73(4) tar-RDK (relatati mal-konformità mal-objettivi tal-programm, mal-ambitu tal-fond u mal-kundizzjonijiet abilitanti applikabbli). L-MAs jistgħu japplikaw ukoll il-kategoriji, l-ammonti massimi u l-metodi ta’ kalkolu tal-kostijiet eliġibbli stabbiliti permezz tal-HE (dawn għandhom jiġu stabbiliti fid-dokument li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-appoġġ).

Il-ġestjoni finanzjarja ta’ Sħubija Ewropea Kofinanzjata hija l-istess bħal kwalunkwe proġett ieħor tal-HE (jiġifieri l-benefiċjarji mill-ftehim ta’ għotja jwettqu attivitajiet u jirrapportaw l-kostijiet tagħhom lill-Kummissjoni).

Il-kostijiet irrapportati jridu jikkonformaw mar-regoli ta’ eliġibbiltà tal-kostijiet tal-HE u mar-regoli speċifiċi għall-azzjonijiet kofinanzjati tal-programm kif definiti fil-Mudell tal-Ftehim ta’ Għotja (eż. jeħtieġ li jiġu segwiti r-regoli għall-għażla ta’ proġetti tranżnazzjonali). Kemm kontribuzzjonijiet in natura kif ukoll dawk finanzjarji huma possibbli, diment li jkunu eliġibbli skont il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u Orizzont Ewropa.

Għall-HE, il-kostijiet eliġibbli jiġu rrimborżati f’konformità mar-rata ta’ finanzjament applikabbli (din normalment tkun ta’ 30 % tal-ammont globali ġġenerat mill-konsorzju, li jista’ jinkludi “kontribuzzjonijiet finanzjarji taħt programmi kofinanzjati mill-FEŻR” f’konformità mal-Artikolu 15(3) tar-Regolament dwar l-HE).

Il-kontribuzzjoni mill-HE tiġi ttrasferita permezz tal-koordinatur lill-korp ta’ finanzjament nazzjonali u tintuża bħala finanzjament addizzjonali għall-programm ta’ attivitajiet.

Il-konsorzju li jimplimenta l-azzjonijiet kofinanzjati tal-programm jiġġestixxi l-kontribuzzjoni tal-UE b’mod awtonomu u jiddeċiedi (pereżempju, fil-ftehim ta’ konsorzju tiegħu) kif jalloka u jqassam il-fondi għall-attivitajiet u għall-benefiċjarji. Il-benefiċjarji tal-azzjoni kofinanzjata tal-programm (il-korpi ta’ finanzjament nazzjonali) jirrapportaw il-kostijiet eliġibbli tagħhom lill-MA. Kopja tad-dikjarazzjoni tiġi kondiviża mal-awtorità tal-għoti tal-HE.

L-istess proċess bħal dak għall-finanzjament kumulattiv japplika meta jagħti kontribuzzjoni programm tal-FEŻR (ara aktar ’il fuq).

Image 17
Eżempju prattiku

Stat Membru jew reġjun jipparteċipa f’konsorzju ta’ korpi ta’ finanzjament nazzjonali fi Sħubija Ewropea Kofinanzjata.

L-Istat Membru jew ir-reġjun għandu l-ħsieb li juża programm tal-FEŻR sabiex ikopri parti mill-kontribuzzjoni nazzjonali għas-Sħubija Ewropea Kofinanzjata.

Il-korp nazzjonali ta’ finanzjament (jiġifieri l-korp intermedju tal-programm tal-FEŻR) jirrapporta lill-HE li qiegħed jipprovdi EUR 100 miljun f’appoġġ finanzjarju/f’finanzjament lill-benefiċjarji tiegħu. Il-korp nazzjonali ta’ finanzjament jirċievi rimborż ta’ 30 % mill-HE (EUR 30 miljun).

Is-EUR 70 miljun li jifdal jistgħu jiġu kofinanzjati mill-programm tal-FEŻR (eż. b’rata ta’ kofinanzjament ta’ 50 %; ir-rata ta’ kofinanzjament tal-prijorità tal-programm trid tiġi rrispettata – l-Artikolu 112 tar-RDK).

Għalhekk, il-kost totali ta’ EUR 100 miljun ikun kopert kif ġej: EUR 30 miljun mill-HE, EUR 35 miljun mill-FEŻR u EUR 35 miljun mill-baġit nazzjonali.

In-nefqa u l-kostijiet għandhom jiġu ddikjarati u rrapportati f’konformità mar-regoli għall-finanzjament kumulattiv stabbiliti hawn fuq.

Illustrazzjoni 2.

Kif taħdem Sħubija Ewropea Kofinanzjata?

Image 18

Image 19
Eżempji prattiċi ta’ sejħa konġunta tranżnazzjonali - benefiċjarju magħżul fil-livell nazzjonali minn aġenzija nazzjonali ta’ finanzjament.

L-eżempji li ġejjin huma ipotetiċi. Id-deċiżjoni finali hija tal-Istat Membru rilevanti.

Kull Stat Membru involut fi Sħubija Ewropea Kofinanzjata tipikament jiffinanzja lill-parteċipanti tiegħu fil-livell nazzjonali permezz tal-proċeduri nazzjonali tiegħu stess u billi jsegwi r-regoli nazzjonali tiegħu stess.

Minn perspettiva tal-Mudell tal-Ftehim ta’ Għotja ta’ sħubija kofinanzjata ta’ Orizzont Ewropa, jitqies bħala riċevitur ta’ “appoġġ finanzjarju lil parti terza”.

Minn perspettiva nazzjonali, dan il-benefiċjarju nazzjonali jista’ jkun wieħed jew ieħor minn dawn li ġejjin:

1.

Iffinanzjat bis-sħiħ minn programm kofinanzjat mill-FEŻR.

Il-benefiċjarju nazzjonali jiffirma ftehim ta’ għotja nazzjonali wieħed biss mal-aġenzija nazzjonali ta’ finanzjament. Dan jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet li skont dawn l-aġenzija nazzjonali ta’ finanzjament tħallas il-flus tal-FEŻR.

L-aġenzija nazzjonali ta’ finanzjament titqies bħala korp intermedju (minn perspettiva tar-RDK) u tirrapporta l-kostijiet tagħha (jiġifieri l-finanzjament mill-FEŻR li pprovdiet lill-benefiċjarju nazzjonali) kemm lill-awtorità tal-għoti tal-HE[1] kif ukoll lill-MA tagħha. Imbagħad, dawn it-tnejn jirrapportaw lura lill-Kummissjoni.

2.

Ikkofinanzjat mill-FEŻR u minn sors(i) nazzjonali ieħor/oħrajn ġestit(i) mill-istess aġenzija nazzjonali ta’ finanzjament.

Il-benefiċjarju nazzjonali jiffirma ftehim ta’ għotja nazzjonali wieħed li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet li skont dawn l-aġenzija nazzjonali ta’ finanzjament tħallas il-flus tal-FEŻR. Imbagħad, il-benefiċjarju nazzjonali jiffirma ftehim ta’ għotja nazzjonali ieħor li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet li skont dawn l-aġenzija nazzjonali ta’ finanzjament tħallas l-ammont l-ieħor ta’ flus miksubin fil-livell nazzjonali.

L-aġenzija nazzjonali ta’ finanzjament titqies bħala korp intermedju (minn perspettiva tar-RDK) u tirrapporta dawn it-tnejn:

il-kost tal-għoti tal-finanzjament tal-FEŻR lill-benefiċjarju nazzjonali (tirrapporta dan lill-MA kompetenti);

il-kost aggregat[2] tal-għoti kemm tal-finanzjament tal-FEŻR kif ukoll tal-finanzjament nazzjonali l-ieħor li l-aġenzija nazzjonali ta’ finanzjament ipprovdiet lill-benefiċjarju nazzjonali (tirrapporta dan lill-awtorità tal-għoti tal-HE[3]).

Għaż-żewġ każijiet ta’ hawn fuq, l-aġenzija nazzjonali ta’ finanzjament trid issegwi l-proċedura għall-finanzjament kumulattiv (ara t-Taqsima 3 hawn fuq dwar il-finanzjament kumulattiv), u ttella’ fuq eGrants kopja ta’ dikjarazzjoni mill-benefiċjarju lill-MA (flimkien ma’ kopja tal-informazzjoni tal-MA lill-benefiċjarju li tikkonferma li n-nefqa ġiet inkluża f’applikazzjoni ta’ pagament lill-Kummissjoni) bħala dokument ta’ sostenn għall-applikazzjoni ta’ pagament introdotta.

[1]

Taħt il-kategorija tal-kost “appoġġ finanzjarju lil parti terza” fil-Mudell tal-Ftehim ta’ Għotja tas-Sħubija Ewropea Kofinanzjata mill-HE

[2]

Taħt il-kategorija tal-kost “appoġġ finanzjarju lil parti terza” fil-Mudell tal-Ftehim ta’ Għotja tas-Sħubija Ewropea Kofinanzjata mill-HE

[3]

Taħt il-kategorija tal-kost “appoġġ finanzjarju lil parti terza” fil-Mudell tal-Ftehim ta’ Għotja tas-Sħubija Ewropea Kofinanzjata mill-HE

Image 20
Importanti li tkun taf

Kif isiru l-kontribuzzjonijiet u l-impenji mill-HE?

L-impenji u l-kontribuzzjonijiet għas-Sħubijiet Ewropej Kofinanzjati jsiru f’ħames stadji:

1.

impenn preliminari indikattiv

2.

impenn ġenerali meta jiġi ffirmat il-ftehim ta’ għotja

3.

impenn annwali meta jiġi ddefinit il-programm ta’ ħidma annwali (eż. id-definizzjoni tal-kontribuzzjoni baġitarja għas-sejħa)

4.

impenn finali meta jintlaħaq qbil dwar il-lista ta’ klassifikazzjoni/għażla u meta jiġu ffirmati l-ftehimiet ta’ għotja

5.

kontribuzzjoni (jiġifieri ħlas tal-finanzjament).

Jekk is-sħubija ssir il-korp intermedju fil-programm tal-FEŻR f’konformità mal-Artikolu 71(5) tar-RDK, l-arranġament bil-miktub (is-sħubija) bejn l-MA u dan il-korp intermedju jrid jiddikjara b’mod ċar ir-responsabbiltajiet ta’ kull parti fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-kompiti li l-MA tkun iddelegat lil dan il-korp intermedjarju.

Image 21
Passi ewlenin fil-proċess – Sħubijiet Ewropej Istituzzjonalizzati (l-Artikoli 185 u 187 tat-TFUE)

Preparazzjoni / programmazzjoni

Il-kontribuzzjonijiet u l-attivitajiet huma definiti f’deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (l-Artikolu 185 tat-TFUE) jew f’regolament tal-Kunsill (l-Artikolu 187 tat-TFUE). Il-kontribuzzjoni tal-UE trid tkun tal-anqas daqs il-kontribuzzjoni tas-sieħeb mhux tal-UE.

Meta programm tal-FEŻR jipprovdi, f’konformità mal-objettivi tiegħu, appoġġ għal sħubija li tkun kofinanzjata mill-HE wkoll, l-MA tal-programm rilevanti tiddeżinja l-impriża konġunta (l-Artikolu 187 tat-TFUE) jew l-istruttura ta’ implimentazzjoni deċentralizzata (l-Artikolu 185 tat-TFUE) (17) bħala korp intermedju f’konformità mal-Artikolu 71(5) tar-RDK. L-Artikolu 71(3) tar-RDK jirrikjedi li l-arranġamenti bejn l-MA u l-korp(i) intermedju/i jiġu rreġistrati bil-miktub.

Il-kontribuzzjoni minn programm tal-FEŻR issir għal proġett speċifiku. Ir-riċevitur ta’ tali kontribuzzjoni tal-FEŻR ikun il-benefiċjarju tal-proġett (il-proġett ikun magħruf bħala operazzjoni fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni).

Għandha tiġi stabbilita kontribuzzjoni għal Sħubija Ewropea Istituzzjonalizzata b’ġustifikazzjoni fit-taqsima dwar is-sinerġiji u l-komplementarjetajiet tal-programm.

Kontribuzzjoni għal Sħubija Ewropea Istituzzjonalizzata trid tissodisfa l-kriterji tal-kundizzjoni abilitanti applikabbli (jiġifieri l-S3) u tkun konsistenti mal-objettiv u mal-ambitu korrispondenti tal-programm, f’konformità mal-Artikolu 73(4) tar-RDK. Il-kontribuzzjoni għal Sħubija Ewropea Istituzzjonalizzata tista’ tiġi identifikata wkoll kmieni, fl-S3 rilevanti, bħala miżura sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni f’oqsma ta’ prijorità ma’ sħab minn barra Stat Membru partikolari. Arranġament bil-miktub bejn MA u korp intermedju (is-sħubija) għandu jistabbilixxi b’mod ċar ir-responsabbiltajiet għat-twettiq ta’ dawn il-kompiti.

Allokazzjoni tal-appoġġ

L-MA tista’ tiddeċiedi li tagħti appoġġ direttament mill-programm tal-FEŻR, diment li dan jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 73(4) tar-RDK. L-MAs jistgħu japplikaw ukoll il-kategoriji, l-ammonti massimi u l-metodi ta’ kalkolu tal-kostijiet eliġibbli stabbiliti permezz tal-HE (li għandhom jiġu stabbiliti fid-dokument li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-appoġġ).

Il-finanzjament li l-istati parteċipanti jipprovdu lill-entitajiet nazzjonali tagħhom fi proġetti ta’ impriża konġunta jingħadd bħala kontribuzzjoni finanzjarja għall-impriża konġunta. F’konformità mar-regoli rilevanti dwar il-ġestjoni tal-kontribuzzjonijiet mill-istati parteċipanti (18), l-istati parteċipanti jridu jirrapportaw lill-bord ta’ tmexxija sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji indikattivi li għandhom isiru f’dik is-sena finanzjarja. Meta jagħmlu dan, l-istati parteċipanti għandhom jispeċifikaw liema proporzjon minn dawn il-kontribuzzjonijiet ikun ġej mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni.

Fil-każ ta’ ġestjoni ċentrali tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji (meta l-benefiċjarju jiffirma ftehim ta’ għotja wieħed mal-impriża konġunta li timplimenta l-kontribuzzjonijiet tal-UE u dawk nazzjonali), ir-riżorsi tal-programm tal-FEŻR jitħallsu lill-istruttura ta’ implimentazzjoni wara li jkunu ntgħażlu l-proposti u jkunu ġew identifikati l-kontribuzzjonijiet nazzjonali/reġjonali. Ir-regoli tal-HE japplikaw esklussivament f’dan il-każ – fl-istadji kemm tal-evalwazzjoni tas-sejħa u tal-għażla, kif ukoll tal-pagament.

Fil-każ tal-koordinazzjoni tal-pagamenti, l-awtorità nazzjonali ma tittrasferixxix fondi lill-istruttura ta’ implimentazzjoni, iżda tirrimborża lill-benefiċjarji direttament fuq il-bażi ta’ ftehim ta’ għotja nazzjonali. Ir-regoli nazzjonali jew tal-FEŻR dwar il-finanzjament japplikaw għall-kontribuzzjoni nazzjonali kollha. Madankollu, is-sejħa, l-evalwazzjoni u l-għażla huma soġġetti esklussivament għar-regoli tal-HE.

Irrispettivament mit-tip ta’ implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni, fl-istess sejħa jista’ jkun hemm azzjonijiet iffinanzjati mill-fondi tal-FEŻR flimkien mal-fondi tal-HE jew tal-Programm Ewropa Diġitali.

Image 22
Passi ewlenin fil-proċess – applikabbli għas-Sħubijiet Ewropej kemm Kofinanzjati kif ukoll għal dawk Istituzzjonalizzati (l-Artikolu 185 jew 187 tat-TFUE)

Preparazzjoni / programmazzjoni

Sħubijiet Ewropej ġodda huma identifikati bħala parti mill-ippjanar strateġiku tal-HE u l-proċess ta’ koordinazzjoni strateġika relatat. L-Istati Membri huma involuti bis-sħiħ f’konformità mal-Artikolu 6(5) tal-Programm Speċifiku ta’ Orizzont Ewropa.

Implimentazzjoni, monitoraġġ u kontroll

Is-sħubijiet jeħtieġ li jistabbilixxu sistema ta’ monitoraġġ f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 45, fl-Anness III u fl-Anness V tar-Regolament dwar l-HE. Dan għandu jikkontribwixxi għall-istess bażi tad-data bħall-komponenti l-oħrajn kollha tal-HE. Għalhekk, id-data aggregata relatata mal-proposti u mal-proġetti ffinanzjati taħt is-Sħubijiet Ewropej issir disponibbli permezz ta’ eCORDA u d-Dashboard ta’ Orizzont. Minbarra l-perkorsi tal-impatt ewlenin tal-HE, ġie żviluppat sett ta’ indikaturi komuni għas-Sħubijiet Ewropej sabiex tiġi mmonitorjata l-prestazzjoni tagħhom skont il-kriterji stabbiliti fil-bażi legali, bħall-addizzjonalità, l-aċċess miftuħ u s-sinerġiji. Il-monitoraġġ għandu jippermetti valutazzjoni maż-żmien tal-kisbiet u tal-progress fl-impatti, u l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet potenzjali għal miżuri korrettivi. Ir-riżultati ta’ dan il-monitoraġġ jikkontribwixxu għall-monitoraġġ biennali tas-Sħubijiet Ewropej kollha u taċ-ċikli ta’ evalwazzjoni tal-HE.

F’konformità mal-Artikolu 72(1) tar-RDK, l-MA tiġbor data dwar l-operazzjonijiet, inklużi l-proġetti ta’ appoġġ magħżulin mis-sħubijiet.

Image 23
Importanti li tkun taf

Kemm mill-kontribuzzjonijiet nazzjonali jista’ jkopri l-programm tal-FEŻR?

Il-kontribuzzjoni minn programm tal-FEŻR tista’ tkopri l-kontribuzzjonijiet nazzjonali f’konformità mar-regoli dwar il-kofinanzjament u mal-ammont massimu ta’ appoġġ mill-fondi għal kull prijorità stabbilita fl-Artikolu 112 tar-RDK u fl-Artikolu 190 tar-RF, diment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-Artikolu 63(9) tar-RDK.

L-Artikolu 25c tal-GBER jipprovdi kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat sabiex jiġu applikati l-kostijiet eliġibbli u r-rati ta’ finanzjament tal-HE għal proġetti ta’ riċerka u ta’ żvilupp appoġġati permezz ta’ Sħubija Ewropea.

Programm tal-FEŻR jista’ jkopri l-kontribuzzjonijiet nazzjonali kollha għall-proġett – minħabba li aħna nipprogrammaw il-kofinanzjament nazzjonali skont il-prijorità aktar milli l-proġett?

Iva. Il-kontribuzzjoni tiġi mill-programm rilevanti, li huwa stess huwa soġġett għar-regoli ta’ kofinanzjament. Madankollu, peress li l-kofinanzjament huwa stabbilit fil-livell ta’ prijorità u mhux fil-livell operazzjonali, il-baġit tal-UE jista’ jkopri l-kontribuzzjonijiet nazzjonali kollha għal operazzjoni speċifika.

Huwa possibbli li jintużaw programmi tal-FEŻR mhux għall-finanzjament ta’ proġetti iżda pjuttost għal kontribuzzjoni “in natura”?

Il-programmi tal-FEŻR jistgħu jintużaw sabiex ikopru l-kontribuzzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri li jipparteċipaw fi Sħubijiet Ewropej. Ma jimpurtax jekk tali kontribuzzjonijiet ikunux finanzjarji jew in natura. Ma hemm l-ebda kontribuzzjoni in natura mill-Istati Membri parteċipanti għal Sħubijiet Ewropej Istituzzjonalizzati.

Kif tista’ l-MA għal programm tal-FEŻR tiżgura li operazzjoni kofinanzjata tikkontribwixxi għall-indikaturi stabbiliti fil-programm?

Il-proġetti magħżulin mis-Sħubijiet Ewropej jistgħu jiġu appoġġati jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a), (b) u (g) tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 73 tar-RDK. Għalhekk, iridu jikkontribwixxu għall-kisba tal-indikaturi tal-programm.

Huwa possibbli li l-fondi jintużaw għal skopijiet oħrajn jekk ma jintefqux fuq il-finanzjament ta’ proġetti ta’ sħubija?

Dawn il-kontribuzzjonijiet imorru għal proġetti identifikati wara li jkunu ġew evalwati u magħżula mill-bord ta’ tmexxija tas-Sħubija Ewropea. Għalhekk, ma jkunx possibbli li jiġu rritornati.

Xi ngħidu dwar ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat?

Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat japplikaw jekk il-benefiċjarju ta’ finanzjament pubbliku mogħti minn riżorsi tal-Istat Membru, inkluż l-FEŻR, ikun impriża (u jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi l-oħrajn kollha għall-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat, spjegati fl-Artikolu 107(1) tat-TFUE). Skont il-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikoli 25c tal-GBER, il-proġetti kofinanzjati ta’ riċerka u ta’ żvilupp jistgħu jibbenefikaw mill-kostijiet eliġibbli u mir-rati ta’ finanzjament tal-HE. Dan japplika wkoll għal sejħiet imnedija minn Sħubijiet ibbażati fuq l-Artikolu 185 jew fuq l-Artikolu 187 tat-TFUE jew f’sejħiet imnedija taħt azzjonijiet ta’ kofinanzjament tal-programmi. Il-proġetti jridu jkunu proġetti tranżnazzjonali (implimentati minn tal-anqas tliet Stati Membri, jew inkella żewġ Stati Membri u tal-anqas pajjiż assoċjat wieħed), u jridu jirriżultaw minn sejħiet għal proposti organizzati ċentralment li għalihom japplikaw ir-regoli ta’ finanzjament tal-HE (l-Artikolu 25c(3) tal-GBER dwar il-kategoriji, l-ammonti massimi u l-metodi tal-kalkolu tal-kostijiet eliġibbli). Jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet applikabbli kollha stabbiliti fil-GBER, l-awtorità li tagħti l-għajnuna ma għandhiex għalfejn twettaq valutazzjoni separata tal-għajnuna mill-Istat u lanqas ma jkollha tinnotifika l-għajnuna lill-Kummissjoni. Meta l-finanzjament ikun soġġett għal regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u ma jkunx allinjat mal-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 25c tal-GBER, ma japplikax it-trattament simplifikat ta’ dawn il-proġetti skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

X’inhu d-dritt ta’ veto fi Sħubijiet Ewropej Istituzzjonalizzati?

F’konformità mal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament dwar l-HE, il-kontribuzzjonijiet minn Stat Membru parteċipanti wieħed iridu jintużaw sabiex jiffinanzjaw il-parteċipazzjoni ta’ entitajiet stabbiliti f’dak l-Istat Membru parteċipanti. Għalhekk, l-Istati Membri parteċipanti jibqgħu fil-kontroll tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali tagħhom minħabba li jistgħu jużaw il-veto fuq l-allokazzjoni tal-fondi nazzjonali lil benefiċjarju speċifiku (għal raġunijiet eċċezzjonali u għal raġunijiet debitament ġustifikati) mingħajr ebda impatt fuq l-eliġibbiltà tal-proposta għall-finanzjament tal-UE.

Il-programmi tal-FEŻR jistgħu jappoġġaw it-tariffi tas-sħubija/tal-parteċipazzjoni għal korpi jew għal networks oħrajn tal-UE (eż. sħubijiet tal-EIT)?

Operazzjoni kofinanzjata mill-FEŻR trid taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-FEŻR. L-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament dwar l-FEŻR jippermetti lill-FEŻR jappoġġa n-networking, il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ esperjenza u ta’ attivitajiet li jinvolvu raggruppamenti tal-innovazzjoni (inklużi dawk li jlaqqgħu flimkien in-negozji, l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka u l-awtoritajiet pubbliċi). Tali kooperazzjoni tista’ tiġi promossa permezz ta’ organizzazzjoni internazzjonali.

Skont l-Artikolu 63(4) tar-RDK, operazzjoni kollha jew parti minnha tista’ tiġi implimentata barra minn Stat Membru, inkluż barra mill-UE, diment li l-operazzjoni tikkontribwixxi għall-objettivi tal-programm.

Għalhekk, it-tariffi tas-sħubija tal-organizzazzjonijiet internazzjonali ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq u ma humiex eliġibbli għall-appoġġ mill-FEŻR minħabba li l-objettivi segwiti mill-organizzazzjonijiet internazzjonali jkunu ġeneralment wesgħin wisq sabiex jikkorrispondu għal operazzjoni speċifika li ssegwi l-objettivi tal-programm ta’ finanzjament.

B’kuntrast ma’ dan, normalment it-tariffi ta’ parteċipazzjoni jikkorrispondu għal attivitajiet aktar speċifiċi u konkreti u għalhekk jistgħu jkunu eliġibbli għall-appoġġ mill-FEŻR – jekk jikkorrispondu għal azzjoni konkreta mwettqa minn organizzazzjoni internazzjonali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-FEŻR u tikkontribwixxi għall-objettiv(i) tal-programm ta’ finanzjament.

5.   Finanzjament kombinat (Ħolqien ta’ timijiet)

Huwa importanti li jiġu ottimizzati u mmassimizzati l-benefiċċji li r-R&I jistgħu jipprovdu lis-soċjetà, lill-ambjent u lill-ekonomija usa’, flimkien mal-kontribut tagħhom għall-kisba tal-għanijiet tal-UE. Għalhekk, il-finanzjament tal-UE jrid ikun koerenti u jisfrutta s-sinerġiji potenzjali. Dan huwa partikolarment il-każ għal azzjoni għall-Ħolqien ta’ timijiet li tappoġġa l-ħolqien jew il-modernizzazzjoni ta’ ċentru ta’ eċċellenza f’pajjiż tat-twessigħ tal-parteċipazzjoni billi jingħaqad ma’ istituzzjoni ewlenija ta’ riċerka (sieħeb avvanzat) f’pajjiż differenti. Dan jeħtieġ finanzjament komplementari minn sors nazzjonali, reġjonali, tal-UE jew privat. Għalhekk, azzjoni bħal din tiġi ddeżinjata bħala azzjoni ta’ “enerġija” fil-programm ta’ ħidma tal-HE. L-azzjonijiet ta’ kombinament huma mistennijin li jsiru pont influwenti u sinifikattivi b’mod partikolari bejn l-S3 u l-eċċellenza fir-R&I, u b’hekk isaħħu ż-ŻER.

Leġiżlazzjoni relatata

L-Artikolu 25d tal-GBER (għajnuna mill-Istat)

Image 24
Passi ewlenin fil-proċess

Preparazzjoni/programmazzjoni

Il-programm ta’ ħidma tal-HE jiddeżinja azzjonijiet għall-Ħolqien ta’ timijiet bħala azzjonijiet ta’ “sinerġija”. Il-programmi tal-politika ta’ koeżjoni jistgħu jipprovdu finanzjament komplementari għal proġett ta’ Ħolqien ta’ timijiet għal sett ta’ kostijiet eliġibbli li huma separati mill-kostijiet koperti mill-HE, diment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-Artikolu 73(4) tar-RDK.

Allokazzjoni tal-appoġġ

Jinfetħu żewġ sejħiet separati (l-FEŻR u HE). Il-proposta tal-HE trid tinkludi deskrizzjoni ċara tal-proġett komplementari appoġġat mill-FEŻR jew minn sorsi oħrajn ta’ finanzjament. Jekk rilevanti, id-deskrizzjoni għandha tinkludi l-kategoriji tal-kostijiet, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-infrastruttura, l-ippjanar preliminari għall-bini u għall-installazzjonijiet, l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji, eċċ. Din id-deskrizzjoni tkun soġġetta wkoll għall-evalwazzjoni mwettqa minn esperti indipendenti skont ir-regoli u l-kriterji tal-għażla tal-HE.

Implimentazzjoni

Il-programm tal-FEŻR jappoġġa proġetti tar-R&Ż li jikkomplementaw l-HE, għalkemm b’sett differenti ta’ kostijiet eliġibbli. L-Artikolu 25d emendat tal-GBER jistabbilixxi kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà sabiex tingħata għajnuna mill-Istat (inkluż mir-riżorsi tal-FEŻR) lil proġetti kofinanzjati tar-R&Ż li jikkomplementaw l-azzjonijiet għall-Ħolqien ta’ timijiet (f’każijiet bħal dawn japplikaw il-kostijiet eliġibbli u r-rati ta’ finanzjament tal-HE). Barra minn hekk, l-Artikolu 25d tal-GBER emendat jippermetti li l-għajnuna għall-investiment pubbliku tkopri sa 70 % tal-investiment fl-infrastruttura li jsir taħt azzjoni għall-Ħolqien ta’ timijiet (soġġetta wkoll għal ċerti kundizzjonijiet). Il-proposta tal-proġett tgħaddi minn evalwazzjoni waħda li tkopri kemm il-partijiet tal-proġett (jiġifieri l-parti tal-HE kif ukoll il-parti relatata ma’ sors ta’ finanzjament komplementari magħżul bħal programm tal-politika ta’ koeżjoni). Dan huwa meħtieġ sabiex ikun jista’ japplika l-Artikolu 25d tal-GBER emendat, li jippermetti lill-maniġers tas-sors ta’ finanzjament komplementari japplikaw il-kategoriji, l-ammonti massimi u l-metodi ta’ kalkolu tal-kostijiet eliġibbli stabbiliti permezz tal-HE għall-operazzjoni inkwistjoni.

6.   Sinerġiji upstream u downstream

Is-sinerġiji upstream/downstream joħorġu meta l-appoġġ tal-UE jipprovdi (primarjament permezz tal-programmi tal-HE u tal-FEŻR) qafas koordinat u mingħajr xkiel għall-passi kollha tal-proċess ta’ innovazzjoni tar-R&I (mill-bini tal-kapaċitajiet u r-riċerka bażika sal-kummerċjalizzazzjoni u l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi minn intrapriżi privati). Tali sinerġiji jipprovdu valur miżjud partikolari meta joħorġu f’oqsma li huma marbutin ma’ għanijiet ewlenin tal-politika tal-UE u joffru l-prospett li jsir titjib sostanzjali fl-ekonomija usa’.

L-iżvilupp ta’ sinerġiji bħal dawn jeħtieġ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-atturi rilevanti – b’mod partikolari l-UE u l-awtoritajiet nazzjonali involuti fil-programmazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-appoġġ mill-HE u mill-FEŻR.

Pereżempju, il-missjonijiet tal-HE (19) jipprovdu modi ġodda sabiex jiġu indirizzati l-isfidi identifikati fil-missjonijiet tagħhom, u soluzzjonijiet trasformattivi li jistgħu jgħinu sabiex titħaffef l-adozzjoni tal-aħjar teknoloġiji disponibbli. Eżempji prattiċi ta’ sinerġiji possibbli tal-ħames missjonijiet tal-UE mal-FEŻR huma deskritti fl-Anness ta’ din in-nota.

Sabiex tingħata spinta lil din l-adozzjoni, l-istrateġija l-ġdida dwar id-Disseminazzjoni u l-Isfruttament ta’ Orizzont tippromwovi approċċ integrat billi toħloq u żżomm portafolli tar-riżultati tal-missjoni, u billi tikkombinahom ma’ ekosistema integrata ta’ servizzi (eż. Horizon Results Platform u Horizon Results Booster) u ta’ inizjattivi (eż. avvenimenti u workshops). Dan se jġib settijiet ċari ta’ riżultati tar-R&I għall-attenzjoni tal-investituri u ta’ dawk li jfasslu l-politika fil-livelli nazzjonali u reġjonali. L-istrateġija l-ġdida ta’ Disseminazzjoni u ta’ Sfruttament ta’ Orizzont tenfasizza wkoll is-suġġetti tal-programm ta’ ħidma tal-HE, sabiex l-applikanti għas-sejħiet jikkunsidraw jekk jistgħux jisfruttaw is-sinerġiji potenzjali ma’ programmi oħrajn tal-UE.

It-tagħlimiet meħuda mir-raba’ sejħa ta’ Interreg Central Europe għall-isfruttament tar-riżultati tal-proġetti eżistenti taħt Orizzont 2020 (u programmi oħrajn tal-UE) jitqiesu meta jiġi deċiż kif għandhom jiġu sfruttati r-riżultati tar-R&I tal-HE bl-użu tal-programmi Interreg (bħala mod addizzjonali ta’ kif jiżdied l-aċċess tar-reġjuni għal riżultati tar-R&I ta’ kwalità għolja). L-isforzi futuri f’din id-direzzjoni se jibbenefikaw mill-għarfien u mill-esperjenza miksubin minn inizjattivi ta’ tlaqqigħ (pereżempju, l-għodda l-ġdida għall-immappjar tas-sinerġiji ta’ Orizzont-Interreg li tgħaqqad l-informazzjoni tematika u reġjonali sabiex jiġu identifikati s-sinerġiji potenzjali bejn dawn iż-żewġ flussi ta’ finanzjament).

Dawn l-approċċi u s-soluzzjonijiet jistgħu jgħinu wkoll lill-amministrazzjonijiet pubbliċi jiżviluppaw kapaċitajiet ġodda u jipprovdu servizzi ġodda. Dan huwa partikolarment importanti għal reġjuni anqas żviluppati u periferali, li huma anqas kapaċi jassorbu teknoloġiji ġodda u jimmaniġġjaw it-trasformazzjoni sistemika.

Għalhekk, ħafna minn dawn ir-reġjuni jistgħu jespandu d-dimostraturi, l-innovazzjoni u l-miżuri ta’ trasferiment tat-teknoloġija billi jużaw riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni sabiex jgħinu fl-ilħuq tal-objettivi tal-programm. Ir-reġjuni li identifikaw il-prijoritajiet fl-istrateġiji relatati ma’ qasam ta’ missjoni partikolari jistgħu jiżviluppaw sinerġiji ma’ dik il-missjoni (20) sabiex jappoġġaw l-iżvilupp u/jew il-varar downstream ta’ approċċi ġodda għall-iżvilupp ta’ perkorsi trasformattivi. Pereżempju, il-missjonijiet tal-HE jistgħu jipprovdu direzzjonalità; jagħtu spinta lill-iżvilupp reġjonali; jippromwovu governanza transdixxiplinari u f’diversi livelli; jinvolvu lill-pubbliku ġenerali u lill-partijiet ikkonċernati lokali/reġjonali; u jirreklamaw l-investiment tal-politika ta’ koeżjoni u l-aċċess għal networks ġodda, għal pjattaformi ta’ apprendiment tal-politika u għal strumenti ta’ finanzjament.

Ir-reġjuni għandhom rwol importanti fil-varar tal-ekonomija tal-idroġenu, b’mod partikolari permezz tal-Widien tal-Idroġenu (21). Jiżguraw il-produzzjoni, it-trasport, il-ħżin u l-użu tal-idroġenu fil-livell reġjonali jew lokali, u huma kruċjali sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ REPowerEU (22). L-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif għandha esperjenza twila fl-appoġġ tal-istabbiliment tal-Widien tal-Idroġenu fl-UE. Il-varar ulterjuri ta’ dan il-kunċett ta’ suċċess madwar l-Istati Membri kollha jeħtieġ l-akkumulament sostanzjali tar-riżorsi.

Pereżempju, l-idroġenu rinnovabbli se jkun kruċjali sabiex jissostitwixxi l-gass naturali, il-faħam u ż-żejt fl-industriji u fit-trasport li diffiċli jiġu ddekarbonizzati. REPowerEU tistabbilixxi mira ta’ 10 miljun tunnellata ta’ produzzjoni domestika tal-idroġenu rinnovabbli u 10 miljun tunnellata ta’ importazzjonijiet tal-idroġenu rinnovabbli sal-2030. Ir-reġjuni għandhom rwol importanti fil-varar tal-ekonomija tal-idroġenu fl-UE, b’mod partikolari permezz tal-Widien tal-Idroġenu. Il-Widien tal-Idroġenu jiżguraw il-produzzjoni, it-trasport, il-ħżin u l-użu tal-idroġenu fil-livell reġjonali jew lokali, u huma kruċjali sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ REPowerEU. L-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif, u l-predeċessuri tagħha, għandhom esperjenza twila ħafna ta’ appoġġ tal-istabbiliment tal-Widien tal-Idroġenu fl-UE. Bħalissa, hemm 23 Wied tal-Idroġenu fl-UE f’għaxar Stati Membri. Il-varar ulterjuri ta’ dan il-kunċett ta’ suċċess madwar l-Istati Membri kollha jeħtieġ l-akkumulament sostanzjali tar-riżorsi.

Image 25

Eżempju: Sinerġiji fil-kuntest tal-Aġenda Ewropea għall-Innovazzjoni l-ġdida

Is-sinerġiji jistgħu jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-aġenda Ewropea għall-Innovazzjoni l-ġdida u b’mod partikolari l-inizjattiva emblematika 3, li għandha l-għan li ssaħħaħ u tgħaqqad l-ekosistemi tal-innovazzjoni reġjonali u li tnaqqas id-distakk fl-innovazzjoni.


(1)  Dan jista’ japplika wkoll għal fondi tal-UE ġestiti indirettament.

(2)  Fid-dawl tal-allinjament tad-dispożizzjonijiet tal-programmi tal-Unjoni ġestiti direttament, eż. l-HE, id-DEP, l-FNE dwar sinerġiji ma’ programmi permezz ta’ ġestjoni kondiviża, l-elementi ta’ dan id-dokument jistgħu jitqiesu bħala gwida għall-operazzjonalizzazzjoni tas-sinerġiji bejn it-tali programmi tal-Unjoni ġestiti direttament u l-programmi tal-FEŻR – filwaqt li jitqiesu bir-reqqa l-ispeċifiċitajiet ta’ kull bażi legali applikabbli u l-kunsiderazzjonijiet ta’ politika speċifiċi għal kull programm bħal dan.

(3)  COM(2020) 628 final, 30 ta’ Settembru 2020.

(4)  COM(2021) 407 final.

(5)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p 159).

(6)  Filwaqt li dan id-dokument jiffoka fuq is-Siġilli ta’ Eċċellenza previsti taħt Orizzont Ewropa, il-possibbiltà li jingħataw Siġilli ta’ Eċċellenza hija stabbilita wkoll fl-atti bażiċi ta’ 14-il programm ieħor fi ħdan il-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE (l-Ewropa Diġitali, il-Programm tas-Suq Uniku, il-LIFE, l-Ewropa Kreattiva, l-Erasmus+, il-Programm Spazjali, il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Programm dwar il-Ġustizzja, il-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri, il-Euratom, il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri u l-Fond għas-Sigurtà Interna).

(7)  Ara l-punti (a), (b), (g) tal-Artikolu 73(2) u l-Artikolu 73(4) tar-RDK.

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta' Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187 tas-26.6.2014, p 1, kif emendat). Verżjoni konsolidata tar-Regolament emendat hija disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea, għal finijiet ta’ informazzjoni biss: https://ec.europa.eu/competition-policy/state-aid/legislation/regulations_mt

(9)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764 tal-10 ta’ Mejju 2021 li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li jimplimenta l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/743/UE.

(11)  Il-Programm ta’ Ħidma tal-EIC għall-2022.

(12)  It-trasferimenti huma possibbli wkoll għal programmi oħrajn ġestiti direttament, ara pereżempju l-Artikolu 4(14) tar-Regolament dwar l-FNE, applikabbli għas-settur diġitali, u l-Artikolu 9(5) tar-Regolament dwar id-DEP.

(13)  It-Tabella 4.2. tal-mudell tal-PA (l-Anness II tar-RDK) dwar “Trasferimenti għal strumenti permezz ta’ ġestjoni diretta jew indiretta” tipprevedi l-identifikazzjoni tal-istrument speċifiku li għalih jiġu ttrasferiti l-ammonti tal-FEŻR.

(14)  Fi ħdan il-limiti tal-Artikolu 26(1) tar-RDK.

(15)  Għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 23(1) tar-Regolament dwar id-DEP, kif ukoll, pereżempju, l-Artikolu 19(1) tar-Regolament dwar l-FNE.2, fihom dispożizzjonijiet identiċi għall-Artikolu 15(4) tar-Regolament dwar l-HE. Min-naħa tiegħu, dan jippermetti l-allinjament tal-arranġamenti ta’ implimentazzjoni dwar il-finanzjament kumulattiv bejn dawn il-programmi.

(16)  Dan id-dokument ta’ gwida jiffoka fuq is-sinerġiji bejn il-programmi tal-HE u tal-FEŻR, iżda tapplika loġika simili għall-programmi l-oħrajn elenkati fl-Artikolu 15(3).

(17)  Fl-HE, hemm biss inizjattiva waħda tal-Artikolu 185 tat-TFUE: is-Sħubija Ewropea dwar il-Metroloġija mmexxija mill-EURAMET.

(18)  L-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill 2021/2085 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa.

(19)  Għal aktar dettall dwar il-Missjonijiet tal-UE f’Orizzont Ewropa: https://research-and-innovation.ec.europa.eu/funding/funding-opportunities/funding-programmes-and-open-calls/horizon-europe/eu-missions-horizon-europe_mt

(20)  Il-missjonijiet tal-UE huma novità tal-programm ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni Orizzont Ewropa għas-snin bejn l-2021 u l-2027. Il-missjonijiet tal-UE huma sforz koordinat mill-Kummissjoni sabiex tiġbor flimkien ir-riżorsi meħtieġa f’termini ta’ programmi ta’ finanzjament, politiki u regolamenti, kif ukoll ta’ attivitajiet oħrajn. Għandhom ukoll l-għan li jimmobilizzaw u jattivaw l-atturi pubbliċi u privati, bħall-Istati Membri tal-UE, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-istituzzjonijiet ta’ riċerka, il-bdiewa u l-maniġers tal-art, l-imprendituri u l-investituri sabiex joħolqu impatt reali u dejjiemi. Il-missjonijiet jinvolvu lill-pubbliku ġenerali sabiex jagħtu spinta lill-użu soċjetali ta’ soluzzjonijiet u ta’ approċċi ġodda. Hemm ħames Missjonijiet tal-UE (L-Adattament għat-Tibdil fil-Klima; Il-Kanċer; Ir-Restawr tal-Oċeani u tal-Ilmijiet tagħna sal-2030; 100 Belt Newtrali għall-Klima u Intelliġenti sal-2030; Patt dwar il-Ħamrija għall-Ewropa).

(21)  Is-sħubija għall-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti Widien tal-Idroġenu u l-pilota għall-idroġenu (Widien tal-idroġenu - Pjattaforma għall-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti (europa.eu)

(22)  REPowerEU (COM(2022) 230 final) tistabbilixxi mira ta’ 10 miljun tunnellata ta’ produzzjoni domestika tal-idroġenu rinnovabbli u 10 miljun tunnellata ta’ importazzjonijiet tal-idroġenu rinnovabbli sal-2030.


ANNESS 1

Sinerġiji mal-Missjonijiet tal-UE

Missjoni tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima

Il-missjoni dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima hija maħsuba sabiex tappoġġa tal-anqas 150 reġjun, awtorità lokali u komunità Ewropej fl-isforzi tagħhom sabiex jiksbu reżiljenza għall-klima sal-2030. Se tipprovdi appoġġ ġenerali għar-reġjuni, għall-awtoritajiet lokali u għall-komunitajiet sabiex tgħinhom jifhmu aħjar, iħejju għal u jimmaniġġjaw ir-riskji u l-opportunitajiet relatati mal-klima, sabiex jaċċelleraw it-trasformazzjoni tagħhom lejn ir-reżiljenza għall-klima, u sabiex iwettqu mill-anqas 75 dimostrazzjoni fuq skala kbira ta’ adattament għat-tibdil fil-klima fil-prattika.

Il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri, tar-reġjuni u tal-awtoritajiet lokali se jkollha rwol kruċjali fl-implimentazzjoni ta’ din il-missjoni minħabba li huma l-aġenti ewlenin tal-bidla. Jistgħu jużaw ukoll teknoloġiji ġodda, jesperimentaw b’soluzzjonijiet innovattivi li jindirizzaw il-ħtiġijiet lokali, u jgħinu lill-partijiet ikkonċernati differenti jiksbu reżiljenza għall-klima.

L-objettivi tal-missjoni huma konsistenti mal-objettivi tal-politika tal-FEŻR (1) ta’ Ewropa aktar kompetittiva u aktar intelliġenti billi jippromwovu trasformazzjoni ekonomika innovattiva u intelliġenti u konnettività reġjonali tal-ICT. Tikkontribwixxi wkoll għall-objettiv tal-politika ta’ Ewropa ekoloġika, b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b’newtralità karbonika u reżiljenti billi tippromwovi t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u ġusta, investiment ekoloġiku u blu, l-ekonomija ċirkolari, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju, u mobilità urbana sostenibbli.

Il-finanzjament taħt dawn il-prijoritajiet jista’ pereżempju jiġi mmobilizzat sabiex jespandi s-soluzzjonijiet ta’ adattament għat-tibdil fil-klima, billi jintużaw sinerġiji mal-finanzjament mobilizzat minn Orizzont Ewropa. Ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali jistgħu jiffirmaw ukoll il-Karta tal-Missjoni, sabiex jesprimu r-rieda tagħhom li jikkooperaw u jikkoordinaw ma’ firmatarji oħrajn sabiex ikunu jistgħu jimmobilizzaw ir-riżorsi u jiżviluppaw attivitajiet fit-territorji rispettivi tagħhom bil-għan li jilħqu l-għanijiet tagħhom ta’ adattament għat-tibdil fil-klima.

Il-Pjattaforma ta’ Implimentazzjoni tal-Missjoni tappoġġa lir-reġjuni u lill-awtoritajiet lokali, pereżempju billi tipprovdilhom aċċess għall-għarfien u għall-assistenza teknika. Il-finanzjament ikun disponibbli permezz tal-programmi ta’ ħidma ta’ Orizzont Ewropa għall-proġetti tar-R&I ta’ adattament għat-tibdil fil-klima li jistgħu jitwettqu billi jiġu sfruttati sinerġiji potenzjali mal-FEŻR.

Il-Missjoni tal-UE dwar il-Kanċer

Il-missjoni dwar il-Kanċer, flimkien mal-Pjan tal-Ewropa sabiex Jingħeleb il-Kanċer, għandha l-għan li ttejjeb il-ħajja ta’ aktar minn 3 miljun persuna sal-2030, permezz tal-prevenzjoni, il-kura u, għal dawk affettwati mill-kanċer, inklużi l-familji tagħhom, sabiex jgħixu aktar fit-tul u aħjar. Dan l-għan ġenerali huwa allinjat mal-objettiv ta’ politika tal-FEŻR ta’ Ewropa aktar soċjali u inklużiva.

Il-ħolqien ta’ infrastrutturi diġitali huwa previst sabiex jappoġġa r-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) dwar il-kontroll tal-kanċer. Il-pjattaforma UNCAN.eu se tiġbor data ta’ tipi differenti u minn sorsi differenti. Ċentru Diġitali virtwali Ewropew għall-Pazjenti bil-Kanċer jippermetti lill-pazjenti bil-kanċer u lis-superstiti jiddepożitaw id-data dwar is-saħħa tagħhom u jirċievu informazzjoni. L-Infrastrutturi Komprensivi tal-Kanċer jiġu appoġġati sabiex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi fl-aċċess għal kura tal-kanċer ta’ kwalità għolja eż. billi jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ riċerka u jinħoloq network fost l-Istati Membri u r-reġjuni.

Il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri, tar-reġjuni u tal-awtoritajiet lokali hija kruċjali fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet previsti peress li huma primarjament responsabbli għall-organizzazzjoni tas-sistemi tas-saħħa tagħhom. Pereżempju, it-titjib tal-aċċess għal skrinjar bikri jew għal trattamenti innovattivi tal-kanċer jirrikjedi investimenti kbar fl-infrastruttura, fit-tagħmir, fid-diġitalizzazzjoni, fil-forza tax-xogħol tas-saħħa u f’mudelli ġodda ta’ kura, inklużi soluzzjonijiet tat-telemediċina sabiex jintlaħqu l-pazjenti f’żoni rurali u remoti.

L-FEŻR għandu rwol sinifikanti għat-titjib tal-kontroll tal-kanċer. Ħafna reġjuni għandhom strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti fil-qasam tas-saħħa, inkluż dwar il-kanċer. Il-proġetti eżistenti għandhom potenzjal kbir sabiex jikkontribwixxu għall-objettivi tal-missjoni. Ir-reġjuni se jitħeġġu jallinjaw mal-prijoritajiet tal-UE u jagħmlu aktar investimenti fir-R&I permezz tal-orjentazzjoni tal-prijoritajiet ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti lejn l-innovazzjoni tal-kanċer. Bl-istess mod, Interreg tista’ tappoġġa lill-pazjenti bil-kanċer li jfittxu l-kura tas-saħħa f’pajjiż ieħor billi ssaħħaħ il-kooperazzjoni transfruntiera, tranżnazzjonali u interreġjonali.

Ir-reġjuni jkunu involuti fl-implimentazzjoni permezz taċ-ċentri nazzjonali futuri tal-kanċer f’kull Stat Membru. Dawn jiffaċilitaw: (1) l-integrazzjoni tal-attivitajiet tal-missjoni billi jidentifikaw sinerġiji f’inizjattivi ta’ politika u f’investimenti relatati mal-kanċer bejn il-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali; (2) l-involviment ta’ atturi nazzjonali u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti li jmorru lil hinn mis-sistemi tar-R&I u tas-saħħa sabiex ikopru oqsma rilevanti fil-kontroll tal-kanċer (bħall-impjiegi, l-edukazzjoni,); (3) djalogi ta’ politika dwar il-kanċer; u (4) attivitajiet ta’ involviment taċ-ċittadini.

Il-Missjoni tal-UE dwar ir-Restawr tal-Oċeani u tal-Ilmijiet tagħna

L-objettiv strateġiku tal-missjoni huwa r-restawr tas-saħħa tal-oċeani u tal-ilmijiet tagħna sal-2030 billi jiġu protetti u rrestawrati l-ekosistemi u l-bijodiversità tal-baħar u tal-ilma ħelu, il-prevenzjoni u l-eliminazzjoni tat-tniġġis tal-oċeani, tal-ibħra u tal-ilmijiet tagħna u t-trawwim tan-newtralità karbonika u taċ-ċirkolarità tal-ekonomija blu tal-UE.

Hemm enfasi speċjali fuq l-involviment reġjonali permezz ta’ “sinjali” bbażati fuq iż-żoni. Huma maħsubin bħala portafolli ta’ proġetti ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni għall-iżvilupp u għall-varar ta’ soluzzjonijiet trasformattivi f’erba’ baċiri Ewropej ewlenin: il-baċir tal-Atlantiku u tal-Artiku; il-baċir tal-Baltiku u tal-Baħar tat-Tramuntana; il-baċir tal-Baħar Mediterran; il-baċir tax-Xmara Danubju u tal-Baħar l-Iswed.

Il-missjoni tiġi implimentata f’żewġ fażijiet: l-iżvilupp u l-pilotaġġ ta’ soluzzjonijiet (bejn l-2021 u l-2024) u l-varar u l-espansjoni (mill-2025) ta’ dawn l-attivitajiet. Filwaqt li l-Kummissjoni allokat kważi EUR 350 miljun minn Orizzont Ewropa għall-perjodu ta’ bejn l-2021 u l-2023 sabiex tappoġġa l-ewwel fażi, il-mobilizzazzjoni ta’ impenji u ta’ baġits addizzjonali minn atturi pubbliċi u privati, inkluż permezz tal-FEŻR se tkun kruċjali sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-missjoni.

Il-kunċett ta’ “reġjuni assoċjati” huwa inkorporat fl-attivitajiet rilevanti kollha tal-Programm ta’ Ħidma tal-Missjoni. “Reġjuni assoċjati” huma żoni b’ekosistemi li jistgħu jibbenefikaw mill-attivitajiet ta’ dimostrazzjoni (eż. reġjuni ġirien u/jew reġjuni f’baċir tal-baħar differenti) u/jew reġjuni anqas żviluppati, bil-ħtieġa li tinbena l-kapaċità li jiġu implimentati s-soluzzjonijiet innovattivi żviluppati taħt il-proġetti differenti. Dawn ir-reġjuni jibbenefikaw minn appoġġ finanzjarju sabiex tintwera l-fattibbiltà, ir-replikabbiltà u l-espansjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi. L-FEŻR jista’ jmexxi ’l quddiem l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi fil-livell reġjonali. Karta tal-Missjoni tiġbor il-wegħdiet/l-azzjonijiet u tlaqqa’ flimkien il-partijiet interessati kollha, mill-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati sar-reġjuni u l-awtoritajiet lokali, l-entitajiet privati, l-NGOs u ċ-ċittadini.

Il-Missjoni tal-UE dwar il-Bliet Newtrali għall-Klima u Intelliġenti

Il-missjoni għandha l-għan li tħejji tal-anqas 100 belt Ewropea newtrali għall-klima u intelliġenti sal-2030 u li tiżgura li dawn l-ibliet jaġixxu bħala ċentri ta’ esperimentazzjoni u ta’ innovazzjoni sabiex iqiegħdu lill-bliet Ewropej kollha f’pożizzjoni li jsiru newtrali għall-klima sal-2050.

Bl-approċċ tagħha mmexxi mill-bliet u b’fokus fuq soluzzjonijiet ibbażati fuq il-post, hija tikkontribwixxi wkoll għall-objettiv tal-politika ta’ Ewropa ekoloġika, b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b’newtralità karbonika u reżiljenti billi tippromwovi t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u ġusta, investiment ekoloġiku u blu, l-ekonomija ċirkolari, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju, u mobilità urbana sostenibbli. Tikkontribwixxi wkoll għall-objettiv ta’ politika ta’ Ewropa eqreb għaċ-ċittadini billi trawwem l-iżvilupp sostenibbli u integrat tat-tipi kollha ta’ territorji u ta’ inizjattivi lokali, tappoġġa strateġiji ta’ investiment imfasslin apposta fil-livell territorjali, fl-ibliet u fil-komunitajiet lokali, sabiex jiġu indirizzati l-isfidi diversi tagħhom, u jiġi sfruttat il-potenzjal tal-iżvilupp tagħhom.

Permezz ta’ Sejħa għal Espressjoni ta’ Interess, il-missjoni stiednet lill-bliet jirreġistraw l-intenzjoni tagħhom li jsiru newtrali għall-klima sal-2030. L-espressjonijiet ta’ interess ġew evalwati fuq il-bażi tal-ambizzjoni tal-bliet, il-livelli ta’ tħejjija tagħhom, l-impenn kontinwu u ppjanat tagħhom għan-newtralità klimatika u t-tnaqqis tat-tniġġis, u l-impenn tagħhom li jinvolvu liċ-ċittadini u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-pjan dwar il-klima tal-belt. Il-bliet magħżulin huma mistidnin jistabbilixxu Kuntratt ta’ Belt Klimatika (CCC) b’appoġġ għal Pjattaforma tal-Missjoni. Is-CCC, li ma huwiex strument legalment vinkolanti, jiġi żviluppat permezz ta’ proċess innovattiv ta’ ħolqien konġunt li jinvolvi l-bliet, l-awtoritajiet nazzjonali/reġjonali, il-partijiet ikkonċernati rilevanti u l-Kummissjoni. Jallinja mal-istrateġija reġjonali għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, billi jħalli r-riedni f’idejn l-ibliet, fuq il-bażi tal-ħtiġijiet attwali tagħhom. Se jkun approċċ transsettorjali, ibbażat fuq id-domanda u approċċ minn isfel għal fuq, b’impenji speċifiċi sabiex jiġu varati u jissaħħu soluzzjonijiet innovattivi u intelliġenti fir-rigward tan-newtralità klimatika fis-setturi rilevanti kollha. Is-CCC tinkludi linja bażi miftiehma; kif il-belt qiegħda tippjana li timplimenta dawn l-impenji sal-2030; u pjan ta’ investiment b’sorsi ta’ finanzjament rilevanti.

Il-Pjattaforma tal-Missjoni tassisti b’mod partikolari lil dawk l-ibliet li jagħtu impenn favur in-newtralità klimatika sal-2030, tiżgura koerenza u koordinazzjoni ġenerali matul il-proċess u tirrapporta regolarment dwar il-progress lejn is-CCC.

Bl-iffirmar tas-CCC, l-ibliet jirċievu “Tikketta tal-missjoni” li tirrikonoxxi l-proċess rigoruż ta’ evalwazzjoni u l-kwalità u l-fattibbiltà tal-impenji tagħhom. Tiftaħ opportunitajiet ta’ finanzjament immirati fil-programmi ta’ finanzjament tal-UE u toffri opportunità għar-reġjuni, għall-Istati Membri u għal atturi pubbliċi oħrajn sabiex jappoġġaw attivitajiet viżibbli ħafna dwar in-newtralità klimatika fi bliet pijunieri sabiex jgħinu fit-tmexxija ’l quddiem tal-isforzi sabiex jintlaħqu l-miri tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Peress li l-attivitajiet taħt is-CCC diġà se jkunu ġew eżaminati bħala ambjentalment sostenibbli f’konformità mal-qafas tal-UE sabiex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, it-tikketta tagħti spinta lis-sensibilizzazzjoni u lill-fiduċja tal-investituri. Din tagħmilha aktar faċli għall-ibliet sabiex jattiraw il-finanzjament għall-attivitajiet tagħhom relatati mal-klima minn investituri pubbliċi u privati addizzjonali.

Missjoni tal-UE dwar il-Patt dwar il-Ħamrija għall-Ewropa

Il-missjoni se tkun pijunier, se turi u taċċellera t-tranżizzjoni lejn ħamrija b’saħħitha permezz ta’ azzjonijiet ambizzjużi f’100 laboratorju ħaj u proġett fanal fi ħdan kuntesti territorjali. Din tiġi kkombinata ma’ programm tar-R&I transdixxiplinari ambizzjuż, ma’ qafas robust u armonizzat ta’ monitoraġġ tal-ħamrija u ma’ żieda fil-litteriżmu u fil-komunikazzjoni dwar il-ħamrija sabiex jiġu involuti ċ-ċittadini.

L-objettivi tal-missjoni huma allinjati għalkollox mal-objettivi tal-politika tal-FEŻR ta’ Ewropa ekoloġika, b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b’newtralità karbonika u reżiljenti billi jippromwovu t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u ġusta, investiment ekoloġiku u blu, l-ekonomija ċirkolari, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju, u mobilità urbana sostenibbli.

L-FEŻR jista’ jkollu rwol sinifikanti fir-rigward tas-saħħa tal-ħamrija. Tliet kwarti tar-reġjuni ta’ NUTS 2 għandhom strateġiji għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti fis-settur agroalimentari, li jfisser li hemm potenzjal imdaqqas għal proġetti li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-missjoni mill-angolu tar-riċerka u tal-innovazzjoni. Il-missjoni tagħmel użu mill-pjattaforma tematika ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti dwar is-settur agroalimentari sabiex tikkapitalizza mill-kooperazzjoni transfruntiera u tiffavorixxi l-ħolqien ta’ proġetti komuni ta’ investiment fl-innovazzjoni f’oqsma rilevanti għall-missjoni.

Il-prijorità tematika “Ewropa aktar ekoloġika u ħielsa mill-karbonju” tippermetti l-espansjoni tar-riżultati tal-missjoni. Ir-reġjuni li fl-istrateġiji għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti tagħhom identifikaw prijoritajiet relatati mal-ġestjoni sostenibbli tal-ħamrija u tal-art jistgħu jikkapitalizzaw mis-soluzzjonijiet żviluppati u ttestjati fil-Laboratorji Ħajjin u fis-Sinjali tal-Missjoni u jvaraw downstream fuq skala akbar.

Interreg tista’ tikkontribwixxi wkoll b’mod effettiv ħafna għall-implimentazzjoni tal-missjoni billi tistabbilixxi kooperazzjoni dwar l-objettivi tal-Missjoni bejn il-fruntieri (kooperazzjoni transfruntiera, tranżnazzjonali u interreġjonali). L-eżempji jinkludu: proġetti pilota jew dimostrazzjonijiet tar-restawr ta’ artijiet mistagħdra f’żoni transfruntiera jew f’żoni tranżnazzjonali fit-Tramuntana tal-Ewropa jew kooperazzjoni dwar l-erożjoni tal-ilma f’żoni tranżnazzjonali tan-Nofsinhar tal-Ewropa u fil-baċiri tax-xmajjar transfruntiera (eż. id-Danubju) jew kooperazzjoni dwar approċċi ta’ ppjanar spazjali li jqisu kif xieraq il-ġestjoni tal-art/tal-ħamrija.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni, l-Artikolu 3.


ANNESS 2

Eżempju dwar il-finanzjament kumulattiv għal strumenti ġestiti direttament oħrajn (il-programm Ewropa Diġitali)

Finanzjament tas-sinerġija b’rabta mal-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej fil-Programm Ewropa Diġitali

L-EDIHs huma investiment konġunt tal-UE u tal-SM u tal-pajjiżi assoċjati tal-Programm Ewropa Diġitali. Dan huwa rifless fil-proċess tal-għażla f’żewġ stadji deskritt fil-Programm Ewropa Diġitali (ir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill). L-ewwel nett, l-Istati Membri jagħżlu u jibnu lista qasira tal-entitajiet kandidati. Minn din il-lista, fit-tieni stadju, il-Kummissjoni tagħżel dawk l-entitajiet li jifformaw in-network tal-EDIHs. L-għażla hija bbażata fuq il-kriterji ta’ rilevanza, ta’ implimentazzjoni u ta’ impatt, iżda tqis ukoll l-objettivi ta’ kopertura ġeografika, settorjali u teknoloġika, u l-baġit disponibbli għal kull pajjiż. Il-Programm Ewropa Diġitali jikkofinanzja għotjiet magħżulin b’massimu ta’ 50 % u l-Istati Membri jistgħu jikkofinanzjaw il-parti li jifdal permezz tal-FEŻR. (Jistgħu jużaw ukoll finanzjament pubbliku jew privat nazzjonali ieħor).

Dan l-eżempju prattiku jispjega l-passi ewlenin neċessarji għall-finanzjament ta’ sinerġija ta’ EDIH bl-użu tal-Programm Ewropa Diġitali u tal-FEŻR. L-istimi tal-Kummissjoni huma li madwar 70 “azzjoni marbuta” li jimplimentaw l-EDIHs se jużaw din. Peress li kull EDIH ikollu bażi reġjonali, huwa magħruf liema awtorità ta’ ġestjoni tkun responsabbli min-naħa tal-ġestjoni kondiviża.

Pass Nru 1 – preparazzjoni. L-uffiċjal awtorizzanti responsabbli (RAO) jikkoordina u jikkoopera mal-awtorità ta’ ġestjoni responsabbli għall-azzjoni permezz tal-fond ta’ ġestjoni kondiviża, b’mod partikolari sabiex jiżgura l-koordinazzjoni tar-rati ta’ finanzjament sabiex il-finanzjament kombinat ma jaqbiżx il-100 % tal-kostijiet eliġibbli stmati.

Id-DĠ CONNECT organizza laqgħa mal-SM involuti f’dawn l-azzjonijiet marbutin u mal-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni tagħhom sabiex jispjegaw bis-sħiħ il-proċess.

Pass Nru 2 – l-irbit taż-żewġ azzjonijiet. L-azzjoni ta’ ġestjoni diretta tissejjaħ “azzjoni ta’ enerġija”, jew matul il-preparazzjoni tal-għotja (GAP) jew wara l-iffirmar tal-għotja, permezz ta’ emenda tal-għotja. L-azzjoni ta’ ġestjoni kondiviża tkun marbuta mal-azzjoni ta’ ġestjoni diretta (permezz, pereżempju, tal-SM-MA-Numru tas-sejħa-Numru tal-proġett).

Dan huwa previst fil-proċess ta’ Preparazzjoni tal-Għotja u tħabbar ukoll fid-Dokument tas-sejħa.

Pass Nru 3 – firma tal-għotja u prefinanzjament. Il-benefiċjarju jiffirma żewġ ftehimiet ta’ għotja separati (1): l-għotja ta’ ġestjoni diretta u l-għotja ta’ ġestjoni kondiviża. L-awtoritajiet tal-għoti jiżguraw li r-rati ta’ finanzjament kombinati ma jaqbżux il-100 % tal-kostijiet eliġibbli. Il-perjodu ta’ eliġibbiltà, id-durata tal-proġett, il-perjodi ta’ rapportar u l-iskadenzi għall-approvazzjonijiet taż-żewġ għotjiet għandhom jiġu kkoordinati wkoll mill-awtoritajiet tal-għoti sa fejn ikun possibbli.

Il-pagamenti ta’ prefinanzjament skont il-ftehim ta’ għotja ġestit direttament jipproċedu bħala normali. Il-pagamenti bil-quddiem isiru skont l-għotja ta’ ġestjoni kondiviża, fejn previst mir-regoli nazzjonali applikabbli.

Image 26

Rappreżentazzjoni tal-attivitajiet ta’ firma tal-għotja

Pass Nru 4 – rapportar u pagamenti. Qabel ma jitlob kwalunkwe pagament mill-Kummissjoni/mill-Aġenzija għall-għotja ta’ ġestjoni diretta, il-benefiċjarju l-ewwel irid jiddikjara n-nefqa lill-awtorità ta’ ġestjoni skont l-għotja ta’ ġestjoni kondiviża. L-MA tinforma lill-benefiċjarju dwar meta n-nefqa tiġi ddikjarata lill-Kummissjoni permezz ta’ ġestjoni kondiviża. Taħt l-ebda ċirkostanza l-kostijiet ma għandhom l-ewwel jiġu inklużi f’applikazzjoni ta’ pagament taħt l-għotja ġestita direttament peress li din tagħmilhom ineliġibbli għall-fond l-ieħor.

Huwa biss wara li n-nefqa tiġi ddikjarata lill-Kummissjoni mill-MA, li mbagħad il-benefiċjarju/il-koordinatur itella’ wkoll fuq eGrants kopja tad-dikjarazzjoni sottomessa lill-MA u fl-istess ħin idaħħal l-informazzjoni kollha dwar l-implimentazzjoni tal-azzjoni kif meħtieġ mir-regoli tal-programm ġestit direttament.

Jekk l-RAO jeħtieġ ċertifikat dwar ir-rapporti finanzjarji (CFS) fl-għotja ġestita direttament, l-awditur jista’ jiddependi wkoll fuq ċertifikati tal-awditjar fuq in-nefqa ta’ ġestjoni kondiviża, sa fejn ikopru l-istess kostijiet u kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà identiċi.

Iż-żewġ awtoritajiet tal-għoti jipproċedu sabiex jivverifikaw il-kostijiet skont ir-regoli applikabbli tagħhom, bl-istess mod bħal fil-każ ta’ azzjonijiet ta’ nuqqas ta’ sinerġija u, jekk il-kostijiet jiġu aċċettati, jagħmlu arranġamenti għall-pagament bil-mod normali.


(1)  Imsejjaħ “dokument li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-appoġġ” għall-ġestjoni kondiviża, jiġifieri l-Artikolu 73(3) tar-RDK.


ANNESS 3

Test tad-dispożizzjonijiet legali rilevanti (RDK; Orizzont Ewropa; GBER)

SIĠILL TA’ EĊĊELLENZA

RDK

Il-premessa 61

“(61)

Jenħtieġ li jiġu ottimizzati s-sinerġiji bejn il-Fondi u l-istrumenti ġestiti direttament. Jenħtieġ li jiġi ffaċilitat l-għoti ta’ appoġġ għal operazzjonijiet li diġà rċevew Siġill ta’ Eċċellenza jew li kienu kofinanzjati minn Orizzont Ewropa b’kontribuzzjoni mill-Fondi. Jenħtieġ li l-kundizzjonijiet li diġà ġew ivvalutati fil-livell tal-Unjoni, qabel l-għoti tat-tikketta ta’ kwalità Siġill ta’ Eċċellenza jew il-kofinanzjament minn Orizzont Ewropa, ma jerġgħux jiġu vvalutati, sakemm l-operazzjonijiet jikkonformaw ma’ sett limitat ta’ rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dan jenħtieġ li jiffaċilita wkoll li jiġu segwiti r-regoli xierqa stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 (1).”

L-Artikolu 2(45)

“Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(45)

‘Siġill ta’ Eċċellenza’ tfisser it-tikketta ta’ kwalità mogħtija mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ proposta, li turi li l-proposta li ġiet ivvalutata f’sejħa għal proposti taħt strument tal-Unjoni titqies konformi mar-rekwiżiti minimi tal-kwalità ta’ dak l-istrument tal-Unjoni, iżda ma setgħetx tiġi ffinanzjata minħabba nuqqas ta’ baġit disponibbli għal dik is-sejħa għal proposti, u tista’ tirċievi appoġġ minn sorsi oħrajn ta’ finanzjament tal-Unjoni jew nazzjonali.”

L-Artikolu 73(2)(4)

“Artikolu 73

Għażla ta’ operazzjonijiet mill-awtorità ta’ ġestjoni

[…]

2.   Fl-għażla tal-operazzjonijiet, l-awtorità ta’ ġestjoni għandha:

(a)

tiżgura li l-operazzjonijiet magħżula jkunu konformi mal-programm, inkluż il-konsistenza tagħhom mal-istrateġiji rilevanti li fuqhom ikun ibbażat il-programm, kif ukoll tipprovdi kontribut effettiv għall-kisba tal-objettivi speċifiċi tal-programm;

(b)

tiżgura li l-operazzjonijiet magħżula li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kondizzjoni abilitanti jkunu konsistenti mal-istrateġiji u mad-dokumenti tal-ippjanar korrispondenti stabbiliti għat-twettiq ta’ dik il-kondizzjoni abilitanti;

[…]

(g)

jiżgura li l-operazzjonijiet magħżula jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Fond ikkonċernat u huma attribwiti għal tip ta’ intervent; […]

Fir-rigward tal-punt (b) ta’ dan il-paragrafu, fil-każ tal-objettiv ta’ politika wieħed, kif stabbilit fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-FEŻR u FK, huma biss l-operazzjonijiet li jikkorrispondu għall-objettivi speċifiċi msemmija fis-subpunti (i) u (iv) ta’ dak il-punt li għandhom ikunu konsistenti mal-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti korrispondenti. […]

3.   L-awtorità ta’ ġestjoni għandha tiżgura li l-benefiċjarju jkun ipprovdut b’dokument li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-appoġġ għal kull operazzjoni inkluż ir-rekwiżiti speċifiċi li jikkonċernaw il-prodotti jew is-servizzi li jridu jkunu fornuti, il-pjan ta’ finanzjament, il-limitu ta’ żmien għall-eżekuzzjoni tiegħu u fejn applikabbli, il-metodu li għandu jiġi applikat għad-determinazzjoni tal-kostijiet tal-operazzjoni u l-kondizzjonijiet għall-pagament tal-appoġġ.

4.   Għall-operazzjonijiet mogħtija Siġill ta’ Eċċellenza, jew operazzjonijiet magħżula skont programm ikkofinanzjat minn Orizzont Ewropa, l-awtorità ta’ ġestjoni tista’ tiddeċiedi li tagħti appoġġ mill-FEŻR jew mill-FSE+ direttament, diment li tali operazzjonijiet jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a), (b) u (g) tal-paragrafu 2.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet ta’ ġestjoni jistgħu japplikaw għall-operazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, il-kategoriji, l-ammonti massimi u l-metodi ta’ kalkolu tal-kostijiet eliġibbli stabbiliti skont l-istrument rilevanti tal-Unjoni. Dawn l-elementi għandhom jiġu stabbiliti fid-dokument imsemmi fil-paragrafu 3.”

Orizzont Ewropa

“Artikolu 2

Definizzjonijiet

(23)

‘Siġill ta’ Eċċellenza’ tfisser tikketta ta’ kwalità li turi li proposta ppreżentata għal sejħa għall-proposti tkun issodisfat il-limiti kollha ta’ evalwazzjoni stabbiliti fil-programm ta’ ħidma, iżda ma setgħetx tiġi ffinanzjata minħabba nuqqas ta’ baġit disponibbli għal dik is-sejħa għall-proposti fil-programm ta’ ħidma u tista’ tirċievi appoġġ minn sorsi ta’ finanzjament oħrajn tal-Unjoni jew nazzjonali; ”

“Artikolu 15

Finanzjament alternattiv u kkombinat u kumulattiv u trasferimenti tar-riżorsi

1.   Il-Programm għandu jiġi implimentat f’sinerġija ma’ programmi oħrajn tal-Unjoni, f’konformità mal-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 7(7).

2.   Is-Siġill ta’ Eċċellenza għandu jingħata għas-sejħiet għal proposti speċifikati fil-programmi ta’ ħidma. F’konformità mad-dispożizzjoni rilevanti tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021 sal-2027 u mad-dispożizzjoni rilevanti tar-Regolament dwar il-Pjan Strateġiku tal-PAK, il-FEŻR, il-FSE+ jew il-FAEŻR jistgħu jappoġġaw:

(a)

azzjonijiet kofinanzjati magħżulin taħt dan il-Programm; u

(b)

azzjonijiet li ngħataw Siġill ta’ Eċċellenza diment li jkunu f’konformità mal-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(i)

ikunu ġew ivvalutati f’sejħa għal proposti taħt il-Programm;

(ii)

ikunu konformi mar-rekwiżiti minimi ta’ kwalità ta’ dik is-sejħa għal proposti; u

(iii)

ma jkunux ġew iffinanzjati taħt dik is-sejħa għall-proposti biss minħabba restrizzjonijiet baġitarji.

3.   Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji taħt il-programmi kofinanzjati mill-FEŻR, il-FSE+, il-FEMS u l-FAEŻR jistgħu jitqiesu bħala kontribuzzjoni tal-Istat Membru parteċipanti għas-Sħubiji Ewropej taħt il-punti (b) u (c) tal-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-Regolament, diment li jkun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021 sal-2027 u mar-regolamenti speċifiċi għall-fondi.

4.   Azzjoni li tkun irċeviet kontribuzzjoni minn programm tal-Unjoni ieħor tista’ tirċievi wkoll kontribuzzjoni skont il-Programm, sakemm il-kontribuzzjonijiet ma jkoprux l-istess kostijiet. Ir-regoli tal-programm rilevanti tal-Unjoni għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni korrispondenti għall-azzjoni. Il-finanzjament kumulattiv ma għandux jaqbeż il-kostijiet eliġibbli totali tal-azzjoni. L-appoġġ mill-programmi differenti tal-Unjoni jista’ jiġi kkalkolat fuq bażi prorata f’konformità mad-dokumenti li jistipulaw il-kundizzjonijiet tal-appoġġ.

5.   Ir-riżorsi allokati lill-Istati Membri taħt ġestjoni kondiviża jistgħu, fuq it-talba tal-Istat Membru kkonċernat, jiġu ttrasferiti lill-Programm soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021 sal-2027. Il-Kummissjoni għandha timplimenta dawk ir-riżorsi direttament f’konformità mal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju jew indirettament f’konformità mal-punt (c) ta’ dak is-subparagrafu. Dawk ir-riżorsi għandhom jintużaw għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat.

6.   Fejn il-Kummissjoni ma tkunx daħlet f’impenn legali taħt ġestjoni diretta jew indiretta għar-riżorsi ttrasferiti f’konformità mal-paragrafu 5, ir-riżorsi mhux impenjati korrispondenti jistgħu jiġu ttrasferiti lura għal programm wieħed jew aktar ta’ sors rispettiv, fuq talba tal-Istat Membru, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021 sal-2027.”

“Artikolu 24

Sejħiet għal proposti

4.   Il-programm ta’ ħidma għandu jispeċifika s-sejħiet għal proposti li għalihom jistgħu jingħataw Siġilli ta’ Eċċellenza. B’awtorizzazzjoni minn qabel mill-applikant, l-informazzjoni li tikkonċerna l-applikazzjoni u l-evalwazzjoni jistgħu jiġu kondiviżi ma’ awtoritajiet ta’ finanzjament interessati, soġġett għall-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ konfidenzjalità.”

“Artikolu 48

L-Aċċelleratur

1.   L-Aċċelleratur għandu jkollu l-għan li, essenzjalment, jappoġġa l-innovazzjoni li toħloq suq. Huwa għandu jappoġġa biss benefiċjarji singoli u għandu prinċipalment jipprovdi finanzjament imħallat. Taħt ċerti kundizzjonijiet, jista’ jipprovdi wkoll appoġġi f’forma ta’ għotja biss u f’forma ta’ ishma biss.

L-Aċċelleratur għandu jipprovdi it-tipi ta’ appoġġ li ġejjin:

(a)

appoġġ ta’ finanzjament imħallat lill-SMEs, inklużi negozji ġodda, u, f’każijiet eċċezzjonali, mid-caps żgħar li jwettqu innovazzjoni mhux bankabbli li tkun rivoluzzjonarja u interruttiva;

(b)

appoġġ f’forma biss ta’ għotja lill-SMEs, inklużi negozji ġodda, li jwettqu kwalunkwe tip ta’ innovazzjoni, li tvarja minn innovazzjoni inkrimentali għal innovazzjoni rivoluzzjonarja u interruttiva u li jimmiraw sabiex sussegwentement jespandu;

(c)

appoġġ f’forma biss ta’ ishma lill-SMEs mhux bankabbli, inklużi negozji ġodda, li diġà rċevew appoġġ f’forma ta’ għotja biss.

L-appoġġ f’forma ta’ għotja biss taħt l-Aċċelleratur għandu jiġi pprovdut biss taħt il-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(a)

il-proġett għandu jinkludi informazzjoni dwar il-kapaċitajiet u r-rieda tal-applikant li jespandi;

(b)

il-benefiċjarju għandu jkun biss negozju ġdid jew SME;

(c)

l-appoġġ f’forma ta’ għotja biss taħt l-Aċċelleratur għandu jiġi pprovdut darba biss lil benefiċjarju matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-Programm għal massimu ta’ EUR 2,5 miljun.

2.   Il-benefiċjarju tal-Aċċelleratur għandu jkun entità ġuridika, li tikkwalifika bħala negozju ġdid, SME jew f’każijiet eċċezzjonali bħala mid-cap żgħira li jkollha l-intenzjoni li tespandi, stabbilita fi Stat Membru jew f’pajjiż assoċjat. Il-proposta tista’ tiġi ppreżentata mill-benefiċjarju, jew, soġġett għal qbil minn qabel mill-benefiċjarju, minn persuna fiżika jew entità ġuridika, waħda jew aktar, li jkollhom l-intenzjoni li jistabbilixxu jew jappoġġaw lil dak il-benefiċjarju. Fil-każ tal-aħħar, il-ftehim ta’ finanzjament għandu jiġi ffirmat biss mal-benefiċjarju.

3.   Deċiżjoni unika tal-għotja għandha tkopri u tipprovdi finanzjament għal kull forma ta’ kontribuzzjoni tal-Unjoni prevista taħt finanzjament imħallat tal-EIC.

4.   Il-proposti għandhom jiġu evalwati fuq il-merti individwali tagħhom minn esperti esterni indipendenti u magħżula għall-finanzjament permezz ta’ sejħa miftuħa għal proposti b’dati ta’ skadenza, ibbażata fuq l-Artikoli minn 27, 28 u 29, soġġett għall-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

5.   Il-proposti ppreżentati għandhom jiġu evalwati fuq il-bażi tal-kriterji tal-għoti li ġejjin:

(a)

l-eċċellenza;

(b)

l-impatt;

(c)

il-livell tar-riskju tal-azzjoni li jimpedixxi l-investimenti, il-kwalità u l-effiċjenza tal-implimentazzjoni, u l-ħtieġa għall-appoġġ mill-Unjoni.

6.   Bil-qbil tal-applikanti kkonċernati, il-Kummissjoni jew il-korpi ta’ finanzjament li jimplimentaw il-Programm (inklużi l-KKIs tal-EIT’s) jistgħu jippreżentaw, direttament għall-evalwazzjoni taħt il-kriterju tal-għoti msemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 5, proposta għal azzjoni ta’ innovazzjoni u ta’ użu fis-suq li diġà tissodisfa il-kriterji tal-għoti msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 5, soġġett għall-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(a)

il-proposta għandha toħroġ minn kwalunkwe azzjoni oħra ffinanzjata taħt l-Orizzont 2020, mill-Programm jew, soġġett għal fażi ta’ test pilota esploratorju li jrid jiġi varat taħt l-ewwel programm ta’ ħidma, minn programmi nazzjonali u/jew reġjonali, li jibdew bl-immappjar tad-domanda għal tali skema, li d-dispożizzjonijiet dettaljati tagħha għandhom jiġu stabbiliti fil-programm speċifiku msemmi fil-punti (a) tal-Artikolu 1(2);

(b)

il-proposta tkun ibbażata fuq rieżami tal-proġett li sar fis-sentejn ta’ qabel li jevalwa l-eċċellenza u l-impatt tal-proposta u tkun soġġetta għal kundizzjonijiet u proċessi li jkunu dettaljati aktar fil-programm ta’ ħidma.

7.   Jista’ jingħata Siġill ta’ Eċċellenza soġġett għall-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(a)

il-benefiċjarju jkun negozju ġdid, SME jew mid-cap żgħira;

(b)

il-proposta kienet eliġibbli u għaddiet mil-limiti applikabbli għall-kriterji msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 5;

(c)

l-attività tkun eliġibbli taħt azzjoni ta’ innovazzjoni.

8.   Fil-każ ta’ proposta li tkun għaddiet mill-evalwazzjoni, l-esperti esterni indipendenti għandhom jipproponu appoġġ korrispondenti tal-Aċċelleratur, ibbażat fuq ir-riskju affaċċjat u r-riżorsi u l-ħin meħtieġa sabiex l-innovazzjoni tinġieb u tintuża fis-suq.

Il-Kummissjoni tista’ tiċħad, għal raġunijiet ġustifikati, proposta tal-esperti esterni indipendenti, inkluż minħabba nuqqas ta’ konformità mal-għanijiet tal-politiki tal-Unjoni. Il-Kumitat tal-Programm għandu jiġi infurmat bir-raġunijiet għal tali ċaħda.

9.   Il-komponent tal-għotja jew tal-avvanz rimborsabbli tal-appoġġ tal-Aċċelleratur ma għandux jeċċedi 70 % tal-kostijiet eliġibbli totali tal-azzjoni magħżula ta’ innovazzjoni.

10.   Il-kundizzjonijiet tal-implimentazzjoni tal-komponenti tal-ishma u tal-appoġġ ripagabbli tal-appoġġ tal-Aċċelleratur huma stipulati fid-Deċiżjoni (UE) 2021/764.

11.   Il-kuntratt għall-azzjoni magħżula għandu jistabbilixxi objettivi intermedji speċifiċi li jistgħu jitkejlu kif ukoll il-prefinanzjament u l-pagamenti bin-nifs korrispondenti tal-appoġġ tal-Aċċelleratur.

Fil-każ tal-finanzjament imħallat tal-EIC, jistgħu jiġu varati attivitajiet li jikkorrispondu għal azzjoni ta’ innovazzjoni u jitħallas l-ewwel prefinanzjament tal-għotja jew l-avvanz rimborsabbli, qabel l-implimentazzjoni ta’ komponenti oħrajn tal-finanzjament imħallat mogħti mill-EIC. L-implimentazzjoni ta’ dawk il-komponenti għandha tkun soġġetta għall-kisba ta’ objettivi intermedji speċifiċi stabbiliti fil-kuntratt.

12.   F’konformità mal-kuntratt, l-azzjoni għandha tiġi sospiża, emendata jew, jekk ikun debitament ġustifikat, terminata jekk ma jinkisbux objettivi intermedji li jistgħu jitkejlu. Tista’ tiġi terminata wkoll fejn l-użu mistenni fis-suq, speċjalment fl-Unjoni, ma jkunx jista’ jitwettaq.

F’każijiet eċċezzjonali u fuq parir mill-bord tal-EIC, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li żżid l-appoġġ tal-Aċċelleratur soġġett għal rieżami tal-proġett minn esperti esterni indipendenti. Il-Kumitat tal-Programm għandu jiġi informat b’tali każijiet. ”

“Artikolu 50

Monitoraġġ u rapportar

Il-Kummissjoni għandha timmonitorja kontinwament il-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-Programm, tal-programm speċifiku msemmi fil-punti (a) tal-Artikolu1(2) u tal-attivitajiet tal-EIT. Sabiex tiżdied it-trasparenza, id-data għandha ssir disponibbli għall-pubbliku wkoll b’mod aċċessibbli fis-sit web tal-Kummissjoni skont l-aħħar aġġornament. B’mod partikolari, id-data għal proġetti ffinanzjati taħt l-ERC, is-Sħubiji Ewropej, il-missjonijiet, l-EIC u l-EIT għandha tiġi inkluża fl-istess bażi tad-data.

Il-bażi tad-data għandha tinkludi:

(b)

informazzjoni dwar il-livell ta’ integrazzjoni tal-SSH, il-proporzjon bejn TRLs aktar baxxi u ogħla fir-riċerka kollaborattiva, il-progress fil-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li jħejju għat-twessigħ tal-parteċipazzjoni, l-għamla ġeografika ta’ konsorzji fi proġetti kollaborattivi, l-evoluzzjoni tas-salarji tar-riċerkaturi, l-użu ta’ proċedura ta’ preżentazzjoni f’żewġ stadji u ta’ evalwazzjoni, il-miżuri maħsuba sabiex jiffaċilitaw rabtiet ta’ kollaborazzjoni fil-qasam Ewropew tar-R&I, l-użu tar-rieżami tal-evalwazzjoni u n-numru u t-tipi ta’ ilmenti, il-livell ta’ integrazzjoni fir-rigward tal-klima u l-infiq relatat, il-parteċipazzjoni tal-SMEs, il-parteċipazzjoni tas-settur privat, l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-parteċipazzjoni f’azzjonijiet iffinanzjati, il-bordijiet ta’ evalwazzjoni, il-bordijiet u l-gruppi konsultattivi, is-Siġilli ta’ Eċċellenza, is-Sħubiji Ewropea kif ukoll ir-rata ta’ kofinanzjament, il-finanzjament komplementari u kumulattiv minn programmi oħrajn tal-Unjoni, l-infrastrutturi tar-riċerka, iż-żmien għall-għotja, il-livell ta’ kooperazzjoni internazzjonali, l-involviment taċ-ċittadini u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili;

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-istabbiliment tal-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont Ewropa - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni

1.1.3.

Attivitajiet addizzjonali tal-EIC

Barra minn hekk l-EIC se jimplimentaw ukoll rakkomandati ħafna lin-negozji ġodda u l-SMEs magħżula kollha, u f’każijiet eċċezzjonali mid-caps żgħar, għalkemm mhux obbligatorji, servizzi ta’ aċċellerazzjoni tan-negozji tal-EIC b’appoġġ għall-attivitajiet u l-azzjonijiet tal-Pathfinder u tal-Aċċelleratur. L-għan se jkun li l-Komunità tal-EIC ta’ innovaturi ffinanzjati, inkluż is-Siġill tal-Eċċellenza, tiġi konnessa, mal-investituri, is-sħab u x-xerrejja pubbliċi. Dan se jipprovdi firxa ta’ servizzi ta’ coaching u ta’ mentoraġġ lill-azzjonijiet tal-EIC. Dan se jipprovdi lill-innovaturi b’aċċess għal networks internazzjonali ta’ sħab potenzjali, inkluż dawk industrijali, sabiex jikkumplimentaw katina tal-valur jew jiġu żviluppati opportunitajiet tas-suq, u jinstabu investituri u sorsi oħrajn ta’ finanzjament privat jew korporattiv. L-attivitajiet se jinkludu avvenimenti f’ħin reali (pereżempju avvenimenti ta’ senserija, sessjonijiet ta’ pitching) iżda anke, l-iżvilupp ta’ pjattaformi li jaqblu jew l-użu ta’ dawk eżistenti, b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-intermedjarji finanzjarji appoġġati minn InvestEU u l-Grupp tal-BEI. Dawn l-attivitajiet se jinkoraġġixxu wkoll l-iskambji bejn il-pari bħala sors ta’ apprendiment f’ekosistema ta’ innovazzjoni, b’użu partikolarment tajjeb tal-Membri tal-Bord tal-EIC u l-Fellows tal-EIC; ”

TRASFERIMENTI

RDK

Il-premessa 19

“(19)

Sabiex l-Istati Membri jingħataw biżżejjed flessibbiltà fl-implimentazzjoni tal-allokazzjonijiet tagħhom ta’ ġestjoni kondiviża, jenħtieġ li jkun possibbli li ċerti livelli ta’ finanzjament jiġu ttrasferiti bejn il-Fondi u bejn il-ġestjoni kondiviża u l-istrumenti ġestiti direttament u indirettament. Fejn iċ-ċirkostanzi ekonomiċi u soċjali speċifiċi ta’ Stat Membru jiġġustifikawh, dak il-livell ta’ trasferiment għandu jkun ogħla.”

“Artikolu 26

Trasferiment ta’ riżorsi

1.   L-Istati Membri jistgħu jitolbu, fil-Ftehim ta’ Sħubija jew, f’talba għall-emendar ta’ programm jekk maqbul mill-kumitat ta’ monitoraġġ tal-programm skont il-punt (d) tal-Artikolu 40(2), it-trasferiment sa 5 % tal-allokazzjoni nazzjonali inizjali ta’ kull Fond lil kwalunkwe strument ieħor taħt ġestjoni diretta jew indiretta, fejn tali possibbiltà hija prevista fl-att bażiku ta’ tali strument.

It-total tat-trasferimenti msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u l-kontribuzzjonijiet f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1) ma għandux jaqbeż il-5 % tal-allokazzjoni nazzjonali inizjali ta’ kull Fond.

L-Istati Membri jistgħu jitolbu wkoll, fil-Ftehim ta’ Sħubija jew fit-talba għall-emendar ta’ programm, it-trasferiment sa 5 % tal-allokazzjoni nazzjonali inizjali ta’ kull Fond lil Fond jew Fondi oħrajn, għajr trasferimenti li huma stipulati fir-raba’ subparagrafu.

L-Istati Membri jistgħu jitolbu wkoll fil-Ftehim ta’ Sħubija jew fit-talba għall-emendar ta’ programm trasferiment addizzjonali sa 20 % tal-allokazzjoni nazzjonali inizjali skont il-Fond bejn il-FEŻR, il-FSE + jew il-Fond ta’ Koeżjoni fi ħdan ir-riżorsi globali tal-Istat Membru taħt l-għan tal-Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir. L-Istati Membri li r-rata tal-qgħad totali medja tagħhom għall-perjodu ta’ bejn l-2017 u l-2019 hija anqas minn 3 % jistgħu jitolbu tali trasferiment addizzjonali sa 25 % tal-allokazzjoni nazzjonali inizjali.

2.   Ir-riżorsi trasferiti għandhom jiġu implimentati f’konformità mar-regoli tal-Fond jew tal-istrument li fih dawn ir-riżorsi jiġu ttrasferiti u, fil-każ ta’ trasferimenti lejn strumenti taħt ġestjoni diretta jew indiretta, għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat.

3.   Talbiet għall-emendar ta’ programm għandhom jistabbilixxu l-ammont totali trasferit għal kull sena skont il-Fond u skont il-kategorija ta’ reġjun, fejn applikabbli, għandhom ikunu debitament ġustifikati bil-ħsieb tal-komplementarjetajiet u l-impatt li għandu jinkiseb, u għandhom ikunu akkumpanjati mill-programm jew programmi emendati f’konformità mal-Artikolu 24.

4.   Wara li tikkonsulta mal-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni għandha toġġezzjona għal talba għal trasferiment fl-emenda tal-programm relatat fejn tali trasferiment idgħajjef il-kisba tal-objettivi tal-programm li minnu jridu jiġu ttrasferiti r-riżorsi.

Il-Kummissjoni għandha toġġezzjona wkoll għat-talba meta hija tqis li l-Istat Membru ma pprovdiex ġustifikazzjoni adegwata għat-trasferiment fir-rigward tar-riżultati li għandhom jinkisbu jew tal-kontribuzzjoni li għandha ssir għall-objettivi tal-Fond riċeventi jew strument f’ġestjoni diretta jew indiretta.

5.   Meta t-talba għal trasferiment tikkonċerna emenda ta’ programm, jistgħu jiġu ttrasferiti biss riżorsi ta’ snin kalendarji futuri.

6.   Ir-riżorsi tal-JTF, inkluż kwalunkwe riżorsa ttrasferita mill-FEŻR u l-FSE+ f’konformità mal-Artikolu 27, ma għandhomx ikunu trasferibbli lejn Fondi jew strumenti oħrajn skont il-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu.

Il-JTF ma għandux jirċievi trasferimenti skont il-paragrafi 1 sa 5.

7.   Meta l-Kummissjoni ma tkunx daħlet f’impenn legali taħt ġestjoni diretta jew indiretta għar-riżorsi trasferiti f’konformità mal-paragrafu 1, ir-riżorsi mhux impenjati korrispondenti jistgħu jiġu ttrasferiti lura lejn il-Fond li minnu jkunu ġew inizjalment trasferiti u allokati għal programm wieħed jew aktar.

Għal dan il-għan, l-Istat Membru għandu jippreżenta talba għal emendar tal-programm f’konformità mal-Artikolu 24(1), sa mhux aktar tard minn 4 xhur qabel il-limitu ta’ żmien għall-impenji stipulat fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 114(2) tar-Regolament Finanzjarju.

8.   Riżorsi trasferiti lura lejn il-Fond li minnu jkunu ġew inizjalment trasferiti u allokati għal programm wieħed jew aktar għandhom jiġu implimentati f’konformità mar-regoli stipulati f’dan ir-Regolament u r-Regolamenti speċifiċi għall-Fondi mid-data tal-preżentazzjoni tat-talba għal emendar tal-programm.

9.   Għar-riżorsi trasferiti lura lejn il-Fond li minnu jkunu ġew inizjalment trasferiti u allokati għal programm f’konformità mal-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu, il-limitu ta’ żmien tad-diżimpenn kif definit fl-Artikolu 105(1) għandu jibda fis-sena li fiha jsiru l-impenji baġitarji korrispondenti.”

Orizzont Ewropa

“Artikolu 15

Finanzjament alternattiv u kkombinat u kumulattiv u trasferimenti tar-riżorsi

...

5.   Ir-riżorsi allokati lill-Istati Membri taħt ġestjoni kondiviża jistgħu, fuq it-talba tal-Istat Membru kkonċernat, jiġu ttrasferiti lill-Programm soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021 sal-2027. Il-Kummissjoni għandha timplimenta dawk ir-riżorsi direttament f’konformità mal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju jew indirettament f’konformità mal-punt (c) ta’ dak is-subparagrafu. Dawk ir-riżorsi għandhom jintużaw għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat.

6.   Fejn il-Kummissjoni ma tkunx daħlet f’impenn legali taħt ġestjoni diretta jew indiretta għar-riżorsi ttrasferiti f’konformità mal-paragrafu 5, ir-riżorsi mhux impenjati korrispondenti jistgħu jiġu ttrasferiti lura għal programm wieħed jew aktar ta’ sors rispettiv, fuq talba tal-Istat Membru, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021 sal-2027.”

FINANZJAMENT KUMULATTIV

RDK

“Artikolu 63

Eliġibbiltà

[…]

9.   Operazzjoni tista’ tirċievi appoġġ minn Fond wieħed jew aktar jew minn programm wieħed jew aktar u minn strumenti oħrajn tal-Unjoni. F’każijiet bħal dawn, nefqa ddikjarata f’talba għall-ħlas għal wieħed mill-Fondi ma għandhiex tkun iddikjarata għal xi wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

appoġġ minn Fond jew strument tal-Unjoni ieħor;

(b)

appoġġ mill-istess Fond taħt programm ieħor.

L-ammont tan-nefqa li jrid jiddaħħal f’applikazzjoni għal pagament ta’ Fond jista’ jiġi kkalkolat għal kull Fond u għall-programm jew programmi kkonċernati fuq bażi prorata f’konformità mad-dokument li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-appoġġ.”

Orizzont Ewropa

“Artikolu 15

Finanzjament alternattiv u kkombinat u kumulattiv u trasferimenti tar-riżorsi

...

4.   Azzjoni li tkun irċeviet kontribuzzjoni minn programm tal-Unjoni ieħor tista’ tirċievi wkoll kontribuzzjoni skont il-Programm, sakemm il-kontribuzzjonijiet ma jkoprux l-istess kostijiet. Ir-regoli tal-programm rilevanti tal-Unjoni għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni korrispondenti għall-azzjoni. Il-finanzjament kumulattiv ma għandux jaqbeż il-kostijiet eliġibbli totali tal-azzjoni. L-appoġġ mill-programmi differenti tal-Unjoni jista’ jiġi kkalkolat fuq bażi prorata f’konformità mad-dokumenti li jistipulaw il-kundizzjonijiet tal-appoġġ. ”

FINANZJAMENT KOMBINAT/SĦUBIJIET EWROPEJ KOFINANZJATI

RDK

“Artikolu 71

Awtoritajiet tal-programm

[…]

5.   Fejn programm, f’konformità mal-objettivi tiegħu, jipprovdi appoġġ mill-FEŻR jew mill-FSE+ għal programm kofinanzjat minn Orizzont Ewropa, kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Orizzont Ewropa, il-korp li jimplimenta l-programm kofinanzjat minn Orizzont Ewropa għandu jiġi identifikat bħala korp intermedju mill-awtorità ta’ ġestjoni tal-programm rilevanti, f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.”

“Artikolu 73

Għażla ta’ operazzjonijiet mill-awtorità ta’ ġestjoni

[…]

4.   Għall-operazzjonijiet mogħtija Siġill ta’ Eċċellenza, jew operazzjonijiet magħżula skont programm ikkofinanzjat minn Orizzont Ewropa, l-awtorità ta’ ġestjoni tista’ tiddeċiedi li tagħti appoġġ mill-FEŻR jew mill-FSE+ direttament, diment li tali operazzjonijiet jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a), (b) u (g) tal-paragrafu 2.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet ta’ ġestjoni jistgħu japplikaw għall-operazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, il-kategoriji, l-ammonti massimi u l-metodi ta’ kalkolu tal-kostijiet eliġibbli stabbiliti skont l-istrument rilevanti tal-Unjoni. Dawn l-elementi għandhom jiġu stabbiliti fid-dokument imsemmi fil-paragrafu 3.”

Orizzont Ewropa

“Artikolu 15

Finanzjament alternattiv u kkombinat u kumulattiv u trasferimenti tar-riżorsi

1.   Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji taħt il-programmi kofinanzjati mill-FEŻR, il-FSE+, il-FEMS u l-FAEŻR jistgħu jitqiesu bħala kontribuzzjoni tal-Istat Membru parteċipanti għas-Sħubiji Ewropej taħt il-punti (b) u (c) tal-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-Regolament, diment li jkun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021 sal-2027 u mar-regolamenti speċifiċi għall-fondi.”

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/1237 tat-23 ta’ Lulju 2021 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 651/2014 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat

“Artikolu 25a

Għajnuna għal proġetti mogħtija tikketta ta’ kwalità tas-Siġill ta’ Eċċellenza

1.   L-għajnuna għall-SMEs għal proġetti ta’ riċerka u żvilupp kif ukoll studji ta’ fattibbiltà mogħtija tikketta tal-kwalità tas-Siġill ta’ Eċċellenza skont il-programm Orizzont 2020 jew il-programm Orizzont Ewropa, għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I jiġu ssodisfati.

2.   L-attivitajiet eliġibbli tal-proġett ta’ riċerka u żvilupp megħjun jew l-istudju ta’ fattibbiltà għandhom ikunu dawk definiti bħala eliġibbli skont ir-regoli tal-programmi Orizzont 2020 jew Orizzont Ewropa, esklużi attivitajiet li jmorru lil hinn mill-attivitajiet ta’ żvilupp sperimentali.

3.   Il-kategoriji, l-ammonti massimi u l-metodi tal-kalkolu tal-kostijiet eliġibbli tal-proġett ta’ riċerka u żvilupp megħjun jew tal-istudju ta’ fattibbiltà għandhom ikunu dawk definiti bħala eliġibbli skont ir-regoli tal-programmi Orizzont 2020 jew Orizzont Ewropa.

4.   L-ammont massimu tal-għajnuna ma għandux jaqbeż EUR 2,5 miljun għal kull SME għal kull proġett ta’ riċerka u żvilupp jew studju ta’ fattibbiltà.

5.   Il-finanzjament pubbliku totali pprovdut għal kull proġett ta’ riċerka u żvilupp jew studju ta’ fattibbiltà ma għandux jaqbeż ir-rata ta’ finanzjament stabbilita għal dak il-proġett ta’ riċerka u żvilupp jew studju ta’ fattibbiltà skont ir-regoli tal-programmi Orizzont 2020 jew Orizzont Ewropa.

Artikolu 25b

Għajnuna għall-azzjonijiet Maria Skłodowska-Curie u azzjonijiet tal-Prova tal-Kunċett tal-ERC

1.   L-għajnuna għall-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie u l-azzjonijiet tal-Prova tal-Kunċett tal-ERC mogħtija tikketta tal-kwalità tas-Siġill ta’ Eċċellenza skont il-programmi Orizzont 2020 jew Orizzont Ewropa għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata min-notifika tar-rekwiżit tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I jiġu ssodisfati.

2.   L-attivitajiet eliġibbli tal-azzjoni megħjuna għandhom ikunu dawk definiti bħala eliġibbli skont ir-regoli tal-programmi Orizzont 2020 jew Orizzont Ewropa.

3.   Il-kategoriji, l-ammonti massimi u l-metodi tal-kalkolu tal-kostijiet eliġibbli tal-azzjoni megħjuna għandhom ikunu dawk definiti bħala eliġibbli skont ir-regoli tal-programmi Orizzont 2020 jew Orizzont Ewropa.

4.   Il-finanzjament pubbliku totali pprovdut għal kull azzjoni megħjuna ma għandux jaqbeż il-livell massimu ta’ appoġġ previst fil-programmi Orizzont 2020 jew Orizzont Ewropa.

Artikolu 25c

Għajnuna involuta fi proġetti kofinanzjati ta’ riċerka u żvilupp

1.   Għajnuna mogħtija lil proġetti kofinanzjati ta’ riċerka u żvilupp jew studju ta’ fattibbiltà (inklużi proġetti ta’ riċerka u żvilupp implimentati taħt Sħubija istituzzjonalizzata Ewropea bbażata fuq l-Artikolu 185 jew l-Artikolu 187 tat-Trattat jew azzjoni kofinanzjata ta’ programm, kif definit fir-regoli tal-programm Orizzont Ewropa) li tiġi implimentata minn mill-anqas tliet Stati Membri, jew alternattivament żewġ Stati Membri u mill-anqas pajjiż assoċjat wieħed, u magħżula fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni u klassifikazzjoni magħmula minn esperti indipendenti wara sejħiet tranżnazzjonali f’konformità mar-regoli tal-programmi Orizzont 2020 jew Orizzont Ewropa, għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I jiġu ssodisfati.

2.   L-attivitajiet eliġibbli tal-proġett ta’ riċerka u żvilupp megħjun jew l-istudju ta’ fattibbiltà għandhom ikunu dawk definiti bħala eliġibbli skont ir-regoli tal-programmi Orizzont 2020 jew Orizzont Ewropa, esklużi attivitajiet li jmorru lil hinn mill-attivitajiet ta’ żvilupp sperimentali.

3.   Il-kategoriji, l-ammonti massimi u l-metodi tal-kalkolu tal-kostijiet eliġibbli għandhom ikunu dawk definiti bħala eliġibbli skont ir-regoli tal-programmi Orizzont 2020 jew Orizzont Ewropa.

4.   Il-finanzjament pubbliku totali pprovdut ma għandux jaqbeż ir-rata ta’ finanzjament stabbilita għall-proġett ta’ riċerka u żvilupp jew l-istudju ta’ fattibbiltà wara l-għażla, il-klassifikazzjoni u l-evalwazzjoni skont ir-regoli tal-programmi Orizzont 2020 jew Orizzont Ewropa.

5.   Il-finanzjament ipprovdut mill-programmi Orizzont 2020 jew Orizzont Ewropa għandu jkopri mill-anqas 30 % tal-kostijiet eliġibbli totali ta’ azzjoni ta’ riċerka u innovazzjoni jew azzjoni ta’ innovazzjoni kif definit skont il-programmi Orizzont 2020 jew Orizzont Ewropa.

Artikolu 25d

Għajnuna għall-azzjonijiet ta’ Ħolqien ta’ Timijiet

1.   L-għajnuna mogħtija għall-azzjonijiet kofinanzjati tal-Ħolqien ta’ Timijiet, li jinvolvu mill-inqas żewġ Stati Membri u magħżula fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni u klassifikazzjoni magħmula minn esperti indipendenti wara sejħiet tranżnazzjonali skont ir-regoli tal-programmi Orizzont 2020 jew Orizzont Ewropa, għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I jiġu ssodisfati.

2.   L-attivitajiet eliġibbli tal-azzjoni kofinanzjata tal-Ħolqien ta’ Timijiet għandhom ikunu dawk definiti bħala eliġibbli skont ir-regoli tal-programmi Orizzont 2020 jew Orizzont Ewropa. L-attivitajiet li jmorru lil hinn mill-attivitajiet ta’ żvilupp sperimentali huma esklużi.

3.   Il-kategoriji, l-ammonti massimi u l-metodi tal-kalkolu tal-kostijiet eliġibbli għandhom ikunu dawk definiti bħala eliġibbli skont ir-regoli tal-programmi Orizzont 2020 jew Orizzont Ewropa. Barra minn hekk, il-kostijiet tal-investiment f’assi tanġibbli u intanġibbli relatati mal-proġett għandhom ikunu eliġibbli.

4.   Il-finanzjament pubbliku totali pprovdut ma għandux jaqbeż ir-rata ta’ finanzjament stabbilita għall-azzjoni ta’ Ħolqien ta’ Timijiet wara l-għażla, il-klassifikazzjoni u l-evalwazzjoni skont ir-regoli tal-programmi Orizzont 2020 jew Orizzont Ewropa. Barra minn hekk, għall-investimenti f’assi tanġibbli u intanġibbli relatati mal-proġett, l-għajnuna ma għandhiex taqbeż is-70 % tal-kostijiet tal-investiment.

5.   Għall-għajnuna għall-investiment għall-infrastrutturi taħt azzjoni ta’ Ħolqien ta’ Timijiet għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet addizzjonali li ġejjin:

(a)

fejn l-infrastruttura ssegwi attivitajiet kemm ekonomiċi kif ukoll mhux ekonomiċi, il-finanzjament, il-kostijiet u d-dħul ta’ kull tip ta’ attività għandhom jiġu kkunsidrati separatament fuq il-bażi ta’ prinċipji ta’ kontabilità tal-kostijiet applikati b’mod konsistenti u oġġettivament ġustifikabbli;

(b)

il-prezz mitlub għall-operat jew għall-użu tal-infrastruttura għandu jikkorrispondi għal prezz tas-suq;

(c)

l-aċċess għall-infrastruttura għandu jkun miftuħ għal diversi utenti u jingħata fuq bażi trasparenti u mhux diskriminatorja. L-impriżi li jkunu ffinanzjaw mill-anqas 10 % tal-kostijiet tal-investiment tal-infrastruttura jistgħu jingħataw aċċess preferenzjali taħt kundizzjonijiet aktar favorevoli. Sabiex jiġi evitat kumpens żejjed, tali aċċess għandu jkun proporzjonali għall-kontribuzzjoni tal-impriża għall-kostijiet tal-investiment u dawn il-kundizzjonijiet għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku;

(d)

fejn l-infrastruttura tirċievi finanzjament pubbliku kemm għal attivitajiet ekonomiċi kif ukoll għal attivitajiet mhux ekonomiċi, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u ta’ rkupru sabiex jiżguraw li l-intensità tal-għajnuna applikabbli ma tinqabiżx bħala riżultat ta’ żieda fis-sehem tal-attivitajiet ekonomiċi meta mqabbla mas-sitwazzjoni prevista fiż-żmien tal-għoti tal-għajnuna.”


(1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p 1).