4.10.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 381/9 |
Avviż tal-Kummissjoni dwar gwida informali relatata ma’ kwistjonijiet ġodda jew mhux solvuti li jikkonċernaw l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jqumu f’każijiet individwali (l-ittri gwida)
(2022/C 381/07)
I. IR-REGOLAMENT 1/2003
1. |
Ir-Regolament 1/2003(1) (1) jistabbilixxi sistema ta’ infurzar għall-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”). Filwaqt li huwa mfassal biex jippermetti lill-Kummissjoni tiffoka fuq il-kompitu primarju tagħha tal-infurzar effettiv tar-regoli tal-kompetizzjoni, ir-Regolament 1/2003 joħloq ukoll ċertezza legali peress li jipprevedi li l-ftehimiet (2) li jaqgħu taħt l-Artikolu 101(1) TFUE li madankollu jissodisfaw il-kundizzjonijiet fl-Artikolu 101(3) TFUE huma validi u infurzabbli bis-sħiħ mingħajr deċiżjoni minn qabel minn awtorità tal-kompetizzjoni (l-Artikolu 1 tar-Regolament 1/2003). |
2. |
Il-qafas tar-Regolament 1/2003, filwaqt li jipprevedi l-kompetenza parallela tal-Kummissjoni, tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-qrati tal-Istati Membri biex japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE fl-intier tagħhom, jillimita r-riskji ta’ applikazzjoni inkonsistenti permezz ta’ firxa ta’ miżuri, u b’hekk jiżgura l-aspett primarju taċ-ċertezza legali għall-kumpaniji kif rifless fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (3), jiġifieri li r-regoli tal-kompetizzjoni jiġu applikati b’mod konformi fl-Unjoni kollha. |
3. |
L-impriżi huma ġeneralment f’pożizzjoni tajba biex jevalwaw il-legalità tal-azzjonijiet tagħhom b’tali mod li jkunu jistgħu jieħdu deċiżjoni infurmata dwar jekk għandhomx jipproċedu bi ftehim jew prattika unilaterali, u f’liema forma. Dawn jafu l-fatti u għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom il-qafas tar-regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija, il-ġurisprudenza u d-deċiżjonijiet eżistenti tal-Kummissjoni kif ukoll gwida estensiva fil-linji gwida u l-avviżi tal-Kummissjoni, li ġew ipprovduti sabiex jgħinu aktar l-awtovalutazzjoni mill-impriżi (4). Il-Kummissjoni pproduċiet ukoll linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) TFUE (5). Dan fil-biċċa l-kbira tal-każijiet jippermetti lill-impriżi biex jivvalutaw b’mod affidabbli l-ftehimiet tagħhom fir-rigward tal-Artikolu 101 TFUE. |
4. |
Meta l-każijiet, minkejja l-elementi ta’ hawn fuq, jwasslu għal inċertezza ġenwina għax ikunu kwistjonijiet ġodda jew mhux solvuti għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 jew102 TFUE, impriżi individwali jistgħu jfittxu gwida informali mill-Kummissjoni (6). F’konformità mal-prinċipji stabbiliti fit-Taqsima II ta’ dan l-Avviż, talba għal gwida ma twassalx għall-jedd biex applikant jirċievi din il-gwida, peress li dan l-Avviż ma jistax jerġa’ jintroduċi sistema li tkun inkonsistenti mal-qafas ta’ awtovalutazzjoni tar-Regolament 1/2003. Madankollu, fejn tqis li jkun xieraq u soġġett għall-prijoritajiet ta’ infurzar tagħha, il-Kummissjoni tista’ tipprovdi din il-gwida informali dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 101 jew 102 b’dikjarazzjoni bil-miktub (b’ittra gwida). Dan l-Avviż jistabbilixxi d-dettalji ta’ dan l-istrument. |
II. QAFAS GĦALL-VALUTAZZJONI TA’ JEKK GĦANDHIEX TINĦAREĠ ITTRA GWIDA
5. |
Ir-Regolament 1/2003 jagħti setgħat lill-Kummissjoni biex tinvestiga u tipproċessa b’mod effettiv il-ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, u biex timponi multi (7). Objettiv importanti tar-Regolament 1/2003 huwa li jiżgura l-infurzar effiċjenti tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni billi jistabbilixxi sistema ta’ awtovalutazzjoni, u b’hekk ineħħi s-sistema preċedenti ta’ notifika u jippermetti lill-Kummissjoni tiffoka l-politika ta’ infurzar tagħha fuq l-aktar ksur serju tal-Artikoli 101 u 102 TFUE (8). |
6. |
Filwaqt li r-Regolament 1/2003 huwa mingħajr preġudizzju għall-kapaċità tal-Kummissjoni li toħroġ gwida informali għal impriżi individwali (9), kif stabbilit f’dan l-Avviż, jenħtieġ li din il-kapaċità ma tinterferixxix mal-objettiv primarju tar-Regolament 1/2003, li huwa li jiġi żgurat infurzar effettiv tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. Għalhekk il-Kummissjoni tista’ tipprovdi biss orjentamenti informali lil impriżi individwali sakemm dan ikun kompatibbli mal-prijoritajiet ta’ infurzar tagħha. |
7. |
Soġġett għall-punt 6, meta tirċievi talba għal ittra gwida, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra jekk ikunx xieraq li tipproċessa t-talba. Il-ħruġ ta’ ittra gwida jista’ jiġi kkunsidrat biss jekk valutazzjoni prima facie tal-fatti u tal-kunsiderazzjonijiet legali tal-imġiba jew tal-imġiba prevista tissuġġerixxi li, fil-fehma tal-Kummissjoni, hemm raġunijiet validi biex jiġu pprovduti kjarifiki dwar l-applikabbiltà tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE tal-ftehim jew tal-prattika unilaterali inkwistjoni permezz ta’ ittra gwida. Tali valutazzjoni prima facie se tkun ibbażata fuq iż-żewġ elementi kumulattivi li ġejjin:
|
8. |
Il-Kummissjoni normalment ma tikkunsidrax talba għal ittra gwida fl-ebda waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:
|
9. |
Il-Kummissjoni mhux se tikkunsidra mistoqsijiet ipotetiċi u mhux se toħroġ ittri gwida dwar ftehimiet jew prattiki unilaterali li ma għadhomx qed jiġu implimentati mill-partijiet. L-impriżi jistgħu madankollu jippreżentaw talba għal ittra gwida lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet imqajma minn ftehim jew prattika unilaterali li huma jipprevedu, jiġifieri qabel l-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim jew il-prattika unilaterali. F’dan il-każ, l-ippjanar irid ikun laħaq stadju avvanzat biżżejjed biex tiġi kkunsidrata talba. |
III. INDIKAZZJONIJIET DWAR KIF TINTALAB GWIDA
10. |
Talba tista’ tiġi ppreżentata minn impriża jew impriżi li jkunu daħlu jew beħsiebhom jidħlu fi ftehim jew prattika unilaterali li tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni mqajma minn dan il-ftehim jew il-prattika unilaterali. |
11. |
It-talba għal ittra gwida jenħtieġ li tintbagħat fl-indirizz li ġej:
jew permezz ta’ ittra elettronika lil comp-greffe-antitrust@ec.europa.eu |
12. |
Fit-talba għal ittra gwida, l-applikant(i) għandu/hom jinkludu:
|
13. |
Qabel is-sottomissjoni formali tat-talba għal ittra gwida, l-impriża/i jistgħu jikkuntattjaw lis-servizzi tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, biex jiddiskutu s-sottomissjoni maħsuba tagħhom b’mod informali u kunfidenzjali. |
IV. L-IPPROĊESSAR TAT-TALBA
14. |
Fil-prinċipju, il-Kummissjoni se tevalwa t-talba abbażi tal-informazzjoni pprovduta u mhux tipproċessa applikazzjonijiet li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 12 ta’ dan l-Avviż. Madankollu l-Kummissjoni tista’ tuża informazzjoni addizzjonali għad-dispożizzjoni tagħha minn sorsi pubbliċi, ġurisprudenza preċedenti, prattika tat-teħid tad-deċiżjonijiet u ittri gwida fil-livell tal-Unjoni jew kwalunkwe sors ieħor u tista’ titlob lill-applikant(i) jew, f’każijiet eċċezzjonali, lil partijiet magħżula oħra biex jipprovdu informazzjoni supplimentari filwaqt li jissalvagwardjaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni pprovduta mill-applikant(i). Meta din l-informazzjoni jkun fiha data personali, il-Kummissjoni tipproċessa d-data personali f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 (11). |
15. |
Il-Kummissjoni tista’ taqsam l-informazzjoni li tintbagħat lilha ma’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri u tirċievi rispons mingħandhom. Il-Kummissjoni tista’ tiddiskuti l-mertu tat-talba mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri qabel ma toħroġ ittra gwida. |
16. |
B’referenza għall-punti 13-15 ta’ dan l-Avviż, ir-regoli dwar is-segretezza professjonali stabbiliti fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament 1/2003 japplikaw għall-informazzjoni pprovduta mill-applikant(i) jew minn partijiet terzi magħżula oħra. |
17. |
Il-Kummissjoni tuża l-aħjar sforzi tagħha biex tinforma lill-applikant dwar l-azzjoni li biħsiebha tieħu fir-rigward tat-talba għal gwida fi żmien raġonevoli, skont iċ-ċirkostanzi ta’ kull każ. Fejn ma tinħareġ l-ebda ittra gwida, il-Kummissjoni għandha tinforma bil-miktub lill-applikant(i) dwar dan. |
18. |
L-applikant(i) jista’/jistgħu jirtira/jirtiraw it-talba tiegħu/tagħhom fi kwalunkwe ħin. F’każijiet bħal dawn, ma tinħareġ l-ebda ittra gwida. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni pprovduta fil-kuntest ta’ talba għal gwida informali tibqa’ disponibbli għall-Kummissjoni u tista’ tintuża biex tniedi proċeduri sussegwenti skont ir-Regolament 1/2003. |
19. |
It-talba għal ittra ta’ orjentament ma tippreġudikax is-setgħa tal-Kummissjoni li tipproċedi skont ir-Regolament 1/2003 fir-rigward tal-fatti ppreżentati fit-talba. |
V. ITTRI GWIDA
20. |
Ittra gwida maħruġa mill-Kummissjoni tistabbilixxi:
|
21. |
Ittra gwida tista’ tkun limitata għal parti mill-mistoqsija/mistoqsijiet imqajma fit-talba. Tista’ tinkludi wkoll aspetti addizzjonali għal dawk stabbiliti fit-talba. Jekk ikun xieraq, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi f’ittra gwida limitu ta’ żmien għall-applikazzjoni tagħha jew tispeċifika li l-ittra gwida hija bbażata fuq l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ ċerti ċirkostanzi fattwali. |
22. |
L-ittri gwida jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-Kummissjoni, filwaqt li jitqies l-interess leġittimu tal-applikant(i) biex jiġu protetti s-sigrieti kummerċjali tagħhom. Qabel ma tiġi ppubblikata l-ittra gwida, il-Kummissjoni taqbel mal-applikant(i) dwar il-verżjoni pubblika. |
VI. L-EFFETTI TAL-ITTRI GWIDA
23. |
L-ewwel nett, l-ittri gwida huma maħsuba biex jgħinu lill-impriżi jwettqu huma stess valutazzjoni infurmata tal-ftehimiet jew tal-prattiki unilaterali tagħhom. F’dan ir-rigward, l-applikant(i) jibqa’/jibqgħu responsabbli biex iwettaq/iwettqu l-awtovalutazzjoni tiegħu/tagħhom stess tal-applikabbiltà tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE. L-ittri gwida jirriflettu l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-fatti ppreżentati lilha u ma joħolqu l-ebda dritt jew obbligu għall-applikant(i) jew għal kwalunkwe parti terza. |
24. |
Ittra gwida ma tistax tippreġudika l-valutazzjoni tal-istess kwistjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
25. |
Meta ftehim jew prattika unilaterali jkunu ffurmaw il-bażi fattwali għal ittra gwida, il-Kummissjoni ma tkunx prekluża milli sussegwentement teżamina dan l-istess ftehim jew prattika unilaterali fi proċedura skont ir-Regolament 1/2003. F’dan il-każ, il-Kummissjoni tieħu inkonsiderazzjoni l-ittra gwida preċedenti, soġġetta b’mod partikolari għal bidliet fil-fatti sottostanti, għal kwalunkwe aspett ġdid skopert mill-Kummissjoni jew imqajjem permezz ta’ ilment, għal żviluppi fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew għal bidleit ta’ firxa usa’ tal-politika tal-Kummissjoni u l-iżviluppi fis-swieq ikkonċernati. Fil-prinċipju u soġġett għall-punt 26 ta’ dan l-Avviż, il-Kummissjoni mhix se timponi multi fuq l-applikant(i), fir-rigward ta’ kwalunkwe azzjoni meħuda mill-applikant(i) li jiddependi/u in bona fede fuq l-ittra gwida tal-Kummissjoni (12). Meta l-interess pubbliku jitlob dan, il-Kummissjoni tista’ wkoll timmodifika jew tirrevoka ittra gwida kif xieraq (13). |
26. |
Il-kjarifiki dwar l-applikabbiltà tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE inklużi f’ittra gwida huma espressament ikkundizzjonati mill-preċiżjoni u l-verità tal-informazzjoni pprovduta mill-applikant(i) u kwalunkwe diverġenza materjali mill-informazzjoni pprovduta mill-applikant(i) tagħmel l-ittra gwida inoperattiva. |
27. |
L-ittri gwida mhumiex deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u ma jorbtux lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jew lill-qrati tal-Istati Membri li għandhom is-setgħa li japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE. Madankollu, huwa f’idejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-qrati tal-Istati Membri li jqisu l-ittri gwida maħruġa mill-Kummissjoni kif jidhrilhom xieraq fil-kuntest ta’ każ. |
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1). B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 101 u 102, rispettivament, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Iż-żewġ ġabriet ta’ dispożizzjonijiet huma, fis-sustanza tagħhom, identiċi. Għall-finijiet ta’ dan l-Avviż, ir-referenzi għall-Artikoli 101 u 102 TFUE jenħtieġ li jinftiehmu, jekk ikun il-każ, bħala referenzi għall-Artikoli 81 u 82 rispettivament tat-Trattat dwar il-KE. It-TFUE introduċa wkoll ċerti bidliet fit-terminoloġija, bħas-sostituzzjoni ta’ “Komunità” b’“Unjoni” u ta’ “suq komuni” b’“suq intern”. Meta t-tifsira tibqa’ l-istess, it-terminoloġija tat-TFUE tintuża tul dan l-Avviż.
(2) F’dan l-Avviż, it-terminu “ftehim” jintuża għal ftehimiet, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u għal prattiki miftiehma. It-terminu “prattiki unilaterali” jirreferi għall-imġiba ta’ impriżi f’pożizzjoni dominanti. It-terminu “impriżi” jkopri bl-istess mod l-“assoċjazzjonijiet ta’ impriżi”.
(3) Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija magħmula minn żewġ qrati: il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.
(4) Il-Kummissjoni ħarġet regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija, linji gwida u avviżi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tippubblika d-deċiżjonijiet tagħha. It-testi kollha jinsabu hawn: https://ec.europa.eu/competition-policy/index_en
(5) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Avviż — Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat (ĠU C 101, 27.4.2004, p. 97).
(6) Ara l-Premessa 38 tar-Regolament 1/2003.
(7) Ara b’mod partikolari l-Artikoli minn 7 sa 9, 12, minn 17 sa 24 u 29 tar-Regolament 1/2003.
(8) Ara b’mod partikolari l-Premessa 3 tar-Regolament 1/2003.
(9) Ara l-Premessa 38 tar-Regolament 1/2003.
(10) Dan l-Avviż ma jbiddilx il-possibbiltà għall-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri li jipprovdu gwida skont il-qafas legali tagħhom, b’mod partikolari meta ftehim jew prattika unilaterali jikkorrispondu jew jistgħu jikkorrispondu għal użu li huwa fil-biċċa l-kbira limitat għal Stat Membru wieħed.
(11) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p.39).
(12) Applikant ma jistax jiddikjara li jista’ joqgħod fuq ittra gwida jekk il-fatti li fuqhom hija bbażata jkunu nbidlu materjalment.
(13) Biex jiġu evitati dubji, il-Kummissjoni mhijiex obbligata timmodifika jew tirrevoka ittra gwida qabel ma teżamina ftehim jew prattika unilaterali fi proċedura skont ir-Regolament 1/2003 u timponi multi fuq l-applikant(i).