|
28.9.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 370/45 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(2022/C 370/08)
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.
DOKUMENT UNIKU
“Íslenskt lambakjöt”
Nru tal-UE: PDO-IS-2636 – 28.9.2020
DOP (X) IĠP ( )
1. Isem/ismijiet [tad-DOP jew tal-IĠP]
“Íslenskt lambakjöt”
2. Stat membru jew pajjiż terz
L-Iżlanda
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 1.1 Laħam frisk (u l-ġewwieni)
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
“Íslenskt lambakjöt” huwa l-isem li jingħata lil-laħam mill-ħrief tal-Iżlanda ta’ razza pura, li jkunu twieldu, trabbew u ġew skarnati fil-gżira tal-Iżlanda fl-Oċean Atlantiku tat-Tramuntana. Il-karkassa mlestija tiżen bejn 15 u 17-il kg fl-età ta’ 4 sa 6 xhur meta jiġu skarnati l-ħrief. Il-laħam huwa ta’ lewn aħmar skur, artab b’togħma qawwija. Il-ħaruf jista’ jiġi kkummerċjalizzat bħala karkassa sħiħa jew bħala qatgħat ewlenin (il-kwart ta’ quddiem, il-lonża mgħottija, il-flett, is-saqajn, il-kustilji, ix-xikel, eċċ.), friski jew iffriżati.
Il-karatteristiċi distintivi prinċipali tal-“Íslenskt lambakjöt” huma:
|
— |
Togħma: qawwija. |
|
— |
Perċentwal ta’ laħam indebolit mill-istress: 1-2 % b’aktar minn 5,8 % ph24 |
|
— |
Ftit aħrax u b’muskoli tad-dahar rotob. |
|
— |
Il-proporzjon ta’ aċidi xaħmin tal-omega-3 fil-fosfolipidi: 16 % |
|
— |
L-ammont ta’ muskolu li ma fihx fosfolipidi: 1 % tal-piż tal-muskolu. |
|
— |
Ammont għoli ta’ ħadid u vitamini B, ara t-tabella hawn taħt.
|
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
Il-ħaruf jirgħa fuq art bil-ħaxix jew art tal-merħliet kultivata mir-rebbiegħa sal-ħarifa. Il-ħrief li jkunu għadhom kif twieldu ħafna drabi jirgħu fuq art bil-ħaxix kultivata sakemm il-mergħa selvaġġa titqies bħala xierqa għar-ragħa. Il-maġġoranza tan-nagħaġ jitqiegħdu fuq art tal-merħliet selvaġġa ġimagħtejn sa erba’ ġimgħat wara l-istaġun tat-twelid tal-ħrief. Il-mergħat selvaġġi li jintużaw għar-ragħa fis-sajf fl-Iżlanda jinsabu fuq art li tappartjeni għall-irziezet jew fuq art tal-merħliet. Għalhekk, l-għalf kollu jinkiseb kompletament miż-żona ġeografika.
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
Il-passi kollha jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita.
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.
-
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
Il-Bord Iżlandiku għall-Kummerċjalizzazzjoni tal-Ħrief jipprovdi materjal ta’ promozzjoni komuni, permezz tal-marka kollettiva li ġejja: “Ħaruf Iżlandiku li Jimraħ Liberament Sa Mit-874”.
Kemm il-logo kif ukoll il-materjali ta’ promozzjoni huma fakultattivi.
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Iż-żona ġeografika hija l-gżira tal-Iżlanda fl-Oċean Atlantiku tat-Tramuntana.
5. Rabta maż-żona ġeografika
Il-biedja tan-nagħaġ għandha tradizzjoni kulturali twila u rikka fl-Iżlanda. Bosta jemmnu li mingħajr in-nagħaġ, l-Iżlanda ma kinitx tkun abitabbli għall-abitanti bosta sekli ilu. In-nagħaġ sostna n-nazzjon: il-laħam tagħom tema’ ġenerazzjoni wara l-oħra u s-suf u l-ġilda tagħhom kienu jipproteġuhom mill-kesħa. Wieħed mill-aħjar eżempji ta’ tisjir tradizzjonali Iżlandiku hija soppa tal-laħam tal-ħaruf, li qabel kienet tisserva fil-Ħdud jew bħala ikla speċjali iżda llum titqies bħala ikel ta’ kuljum. Il-wirt kulinari tal-Iżlanda huwa magħġun mal-biedja tan-nagħaġ u l-prodotti tan-nagħaġ u tal-ħaruf.
Il-fatturi li kellhom effett fir-rigward tat-tkabbir u tas-saħħa tan-nagħaġ huwa l-valur nutrittiv tal-ikel, il-ħila li jittiekel u l-utilizzazzjoni tal-ikel. It-tradizzjoni twila tal-biedja tan-nagħaġ għaddiet minn ġenerazzjoni għal oħra fuq il-gżira u wasslet għal standards għoljin tal-ġestjoni tal-merħla u l-metodi ta’ ragħa.
Fix-xitwa, il-bdiewa Iżlandiżi jżommu lin-nagħaġ adult li jiġi mitmugħ f’dan l-istaġun fuq ġewwa minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp. Dan jiġi mitmugħ tiben li jiġbru l-bdiewa matul is-sajf. L-istaġun tat-twelid tal-ħrief jibda bejn l-aħħar ta’ April u l-bidu ta’ Mejju u jdum sal-bidu ta’ Ġunju. Il-ħaruf jirgħa fuq art bil-ħaxix jew art tal-merħliet kultivata mir-rebbiegħa sal-ħarifa. Il-ħrief li jkunu għadhom kif twieldu ħafna drabi jirgħu fuq art bil-ħaxix kultivata, sakemm il-mergħa selvaġġa titqies bħala xierqa għar-ragħa. Il-maġġoranza tan-nagħaġ jitqiegħdu fuq art tal-merħliet selvaġġa ġimagħtejn sa erba’ ġimgħat wara l-istaġun tat-twelid tal-ħrief. Il-mergħat selvaġġi li jintużaw għar-ragħa fis-sajf fl-Iżlanda jinsabu fuq art li tappartjeni għall-irziezet jew fuq art tal-merħliet. Għalhekk, l-għalf kollu jinkiseb kompletament miż-żona ġeografika.
L-art tal-merħliet kienet tintuża għall-mergħa tal-bhejjem sa mill-ewwel insedjament tal-Iżlanda. Ħafna mill-art bħal din tinsab f’nofs iż-żoni tal-għoljiet, primarjament minħabba li l-ħrief li jirgħu hemm ġeneralment ikollhom rata ta’ tkabbir aktar rapida. Għalkemm il-mergħat tas-salvaġġ li jintużaw għar-ragħa fis-sajf ġeneralment ivarjaw ħafna fl-Iżlanda, il-veġetazzjoni tal-għoljiet normalment tkun l-aktar waħda rikka fil-proteini, u dan huwa wieħed mill-fatturi li jikkontribwixxu għar-rata ta’ tkabbir aċċellerata. Għalhekk, ir-rata ta’ tkabbir tal-ħrief fiż-żoni tal-pjanuri ġeneralment tkun aktar bil-mod minn dik ta’ ħrief li jimirħu liberament fiż-żoni tal-għoljiet, li jagħżlu l-veġetazzjoni li tkun għadha kif nibtet, partikolarment fil-bidu u f’nofs is-sajf, iżda r-rati ta’ tkabbir tagħhom jibbilanċjaw sal-aħħar ta’ Awwissu.
Fil-bidu ta’ Settembru, ir-rata ta’ tkabbir tal-ħrief fil-mergħat tas-salvaġġ tibda tonqos. Jekk ma jkunux laħqu daqs xieraq għall-iskarnar sa dak iż-żmien, il-potenzjal tagħhom għat-tkabbir jista’ jissaħħaħ billi jitqiegħdu f’żoni kultivati, jiġifieri mergħat kultivati jew żoni ta’ foraġġ aħdar, għal madwar ġimagħtejn sa 6 ġimgħat. F’każijiet bħal dawn, il-ħrief dejjem ikollhom aċċess għal żoni oħra supplimentari ta’ ragħa. Dan l-arranġament għandu l-għan li jikseb il-piż mixtieq tal-karkassa fil-ħarifa, u li jippromwovi klassifikazzjoni kwantili aħjar fil-biċċeriji.
Il-bdiewa jiġbru n-nagħaġ mill-artijiet tal-merħliet tas-salvaġġ u mill-mergħat fil-ħarifa fi proċess li jista’ jdum ġimgħa, skont il-postijiet ġeografiċi, u din hija tradizzjoni antika daqs l-ewwel insedjament fl-Iżlanda. Sa minn żmien l-insedjament, il-bdiewa f’kull distrett ingħaqdu biex jiġbru n-nagħaġ mill-art tal-merħliet u art ta’ sjieda privata f’maqjel konġunt. Ladarba jkunu nġabru, in-nagħaġ jintgħażlu u kull merħla tinġieb f’postha minn sidha jew mir-rappreżentant tagħha.
Il-ħrief jirgħu l-aktar f’żoni aktar ferili, art bil-ħaxix u art moxa u jistrieħu f’żoni aktar raffi. Il-veġetazzjoni tikkonsisti minn pjanti baxxi u hemm relattivament ftit speċijiet ta’ siġar. L-għażla tal-pjanti mill-ħrief tinbidel skont l-istaġuni, skont kemm ikunu misjurin il-pjanti, in-nagħaġ tal-Iżlanda jfittxu l-aktar pjanti bħal Lathyrus maritimus, Rubus saxatilis, angelica tal-ġnien, Chamerion latifolium u Rhodiola rosea. Eżempji ta’ varjetajiet tal-ħaxix, sogħda (ċiperaċi) u basal (pteridofiti) li jiġu mfittxija ħafna aktar min-nagħaġ huma Deschampsia alpina, Agrostis tenuis Sibth., creeping bent grass, Poa annua alpina, żwien aħmar u Luzula multiflora ssp multiflora. Fost il-pjanti tal-fjur popolari man-nagħaġ tar-ragħa hemm il-barzja Alpina, Thalictrum spp. Artika, Geranium sylvaticum, Silene acaulis, Armeria maritima, Galium boreale L., Rumex longifolius, Saxifraga hirculus, u oħrajn. Is-siġar u l-arbuxxelli tal-Iżlanda li n-nagħaġ iħobbu jirgħu fuqhom fis-sajf huma pereżempju, iż-żorba selvaġġa, iż-żafżafa ta’ weraq wiesa’, iż-żafżafa sufija u ż-żafżafa b’weraq bħal tat-te. Mergħat selvaġġi nutrittivi u t-tiben inaqqsu l-ħtieġa ta’ foraġġ u d-diversità ta’ veġetazzjoni disponibbli għar-ragħa hija estensiva. Il-klima kiesħa tal-Iżlanda tnaqqas il-ħtieġa tal-użu ta’ pestiċidi fil-produzzjoni tal-ikel bl-istess ammonti bħal f’bosta pajjiżi oħrajn. Dawn il-fatturi huma ta’ importanza kbira fil-produzzjoni tal-“Íslenskt lambakjöt”.
Is-sejbiet ta’ proġett Ewropew dwar il-ħrief, FAIR CT96-1768 (OVAX) L-identifikazzjoni u t-tibdil ta’ kwalitajiet u l-kompożizzjoni tal-laħam minn tipi differenti ta’ nagħaġ Ewropej li jissodisfa l-aspettattivi tal-konsumaturi reġjonali, kien jinkludi tqabbil tal-metodu ta’ produzzjoni Iżlandiku għall-ħrief mal-metodi ta’ produzzjoni f’ħames pajjiżi Ewropej oħrajn. L-“Íslenskt lambakjöt” kien jitqies bħala l-aktar artab mir-rappreżentanti tal-pajjiżi kollha parteċipanti. Dan ġie kkonfermat ukoll mill-kejl tal-karatteristiċi fiżiċi tal-laħam li ġie eżaminat. L-età fl-iskarnar u l-kwantità u s-solubbiltà tas-sħana tal-kollaġen kienu jikkontribwixxu għal parti minn din id-differenza. Barra minn hekk, ġie meqjus li fattur ieħor kien id-differenza fil-fibra tal-muskolu bejn l-istokkijiet. Is-sejbiet kienu jindikaw ukoll li l-karatteristiċi distintivi prinċipali tal-“Íslenskt lambakjöt” kienu:
|
— |
Togħma qawwija. |
|
— |
Perċentwal baxx ta’ laħam indebolit mill-istress (1-2 % b’aktar minn 5,8 % ph24) |
|
— |
Ftit aħrax u muskoli tad-dahar rotob |
|
— |
Perċentwal għoli ta’ aċidi xaħmin tal-omega-3. Il-proporzjon ta’ aċidi xaħmin tal-omega-3 fil-fosfolipidi tal-muskoli tal-ħrief Iżlandiżi ġie mkejjel għal 16 % u l-ammont ta’ muskolu li ma għandux fosfolipidi huwa ta’ 1 % tal-piż tal-muskolu. |
|
— |
Ammont għoli ta’ ħadid u vitamini B. |
Qabelxejn, il-karatteristiċi tal-“Íslenskt lambakjöt” jikkonsistu minn grad għoli ta’ rtubija u togħma qawwija. Il-palatibbiltà tal-“Íslenskt lambakjöt” tiġi ttraċċata għall-fatt li l-ħrief jimirħu liberament f’artijiet tal-merħliet tas-salvaġġ demarkati u jikbru f’ambjenti naturali u fis-salvaġġ tal-Iżlanda, fejn jirgħu fuq ħaxix u pjanti oħrajn.
Fi studju ta’ tqabbil bejn il-ħrief minn sitt pajjiżi Ewropej, l-Ingilterra, l-Iżlanda, Spanja, Franza, l-Italja u l-Greċja, instab li l-“Íslenskt lambakjöt” huwa aktar rikk mit-tipi oħrajn ta’ ħaruf, f’termini tal-ammont u l-perċentwal ta’ aċidi xaħmin tal-omega-3.
Dan jista’ jiġi traċċat għall-kompożizzjoni ta’ aċidi xaħmin tal-foraġġ u l-veġetazzjoni tar-ragħa li għandha effett fuq il-perċentwal ta’ aċidi xaħmin tal-omega-3 kemm fis-saffi tax-xaħam kif ukoll fil-muskoli tal-ħrief. Il-klima tal-Iżlanda hija waħda mill-fatturi għall-perċentwal għoli ta’ aċidi xaħmin. L-Iżlanda tinsab fuq ir-reġjun tal-Artiku u dak sub-Artiku. Fiż-żoni tal-pjanuri fin-Nofsinhar u fix-Xlokk, u f’ċerti żoni interni fil-partijiet tat-Tramuntana u tal-Lvant tal-pajjiż, hemm klima sub-Artika, fejn it-temperatura tvarja bħala medja madwar u ’l fuq minn 10 °C f’Lulju, u ’l fuq minn -3 °C f’Jannar. L-għoljiet tal-pajjiż, u l-biċċa l-kbira tal-pjanuri l-oħrajn, jesperjenzaw klima Artika, b’temperaturi medji f’Lulju li jaqgħu taħt l-10 °C u temperaturi medji f’Jannar li jaqgħu taħt -3 °C. Il-preċipitazzjoni annwali fiż-żoni tal-pjanuri hija bejn 400 u 2 000 mm. L-Iżlanda għandha l-akbar glaċieri li jinsabu barra mir-reġjuni polari u f’xi postijiet, il-glaċieri tal-widien jestendu f’żoni tal-pjanuri. Livelli baxxi ta’ tniġġis, arja nadifa u abbundanza ta’spazju ta’ għajxien iħallu impatt fuq il-kundizzjonijiet tal-Iżlanda għall-biedja tan-nagħaġ, bħalma jagħmlu wkoll it-tniġġis baxx tal-art tal-merħliet, it-trattament u l-kundizzjonijiet ta’ għajxien tajbin. Il-ħaxix li jirgħu fuqu fih ħafna aċidu livoleniku tal-omega-3 u vitamina E. Barra minn hekk, ġie skopert li l-ħrief tal-Iżlanda ma jesperjenzawx stress qabel jew waqt l-iskarnar, li jiżgura livelli baxxi ħafna ta’ aċidità fil-laħam.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott