28.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 370/8


Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni tal-approvazzjoni ta’ emenda standard għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33

(2022/C 370/05)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata skont l-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1).

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

Alsace grand cru Kirchberg de Barr

PDO-FR-A0343-AM02

Data tal-komunikazzjoni: 20.7.2022

DESKRIZZJONI TAL-EMENDA APPROVATA U RAĠUNIJIET GĦALIHA

1.   Referenza addizzjonali

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima II(1), tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ġew miżjuda l-ismijiet użati li ġejjin: Sylvaner u Pinot noir, kif ukoll il-varjetajiet tad-dwieli korrispondenti, rispettivament: sylvaner B u pinot noir N.

L-isem użat Sylvaner ġie miżjud biex jiġi kkoreġut nuqqas fl-ewwel verżjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Din l-ewwel verżjoni tispeċifika, fil-Kapitolu I, it-Taqsima X(1)(b), li l-varjetajiet tad-dwieli awtorizzati “jistgħu jiġu vinifikati u kkummerċjalizzati bl-isem rispettiv tagħhom”, iżda l-isem korrispondenti użat ma kienx ġie inkluż fil-lista ta’ ismijiet użati possibbli. Deċiżjoni nazzjonali, li ttieħdet qabel l-approvazzjoni tal-ewwel verżjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, kienet żiedet il-varjetà tad-dwieli sylvaner B ma’ dawk awtorizzati għall-produzzjoni ta’ nbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini Alsace grand cru Zotzenberg, b’kunsiderazzjoni tad-drawwiet lokali u r-reputazzjoni ta’ dawn l-inbejjed.

Din l-emenda ma tinvolvi ebda emenda għad-Dokument Uniku.

L-isem użat Pinot noir ġie miżjud minħabba li saret applikazzjoni għar-rikonoxximent tal-inbejjed ħomor bla gass fil-livell nazzjonali għal din id-denominazzjoni ta’ oriġini. Din l-applikazzjoni għar-rikonoxximent tad-denominazzjoni Alsace grand cru Kirchberg de Barr għal inbid aħmar hija bbażata fuq l-anterjorità, il-fama u l-karatteristiċi tal-inbejjed magħmulin bl-għeneb tal-varjetà pinot noir N prodotti fl-irqajja’ art demarkati għal din id-denominazzjoni tal-Alsace grand cru li inizjalment kienet rikonoxxuta biss għall-inbejjed bojod.

Il-varjetà pinot noir N hija l-unika varjetà tad-dwieli awtorizzata għal dawn l-inbejjed ħomor.

Din l-emenda tinvolvi emenda għall-punt 9 tad-Dokument Uniku.

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima II(1), tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, għall-varjetajiet ta’ għeneb muscat à petits grains li jikkorrispondu għall-isem użat Muscat, il-kelmiet “blancs” u “roses” ġew miżjuda mal-isem ta’ dawn il-varjetajiet tad-dwieli sabiex jiġi kkoreġut nuqqas fil-verżjoni preċedenti tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Din l-emenda ma tinvolvi ebda emenda għad-Dokument Uniku.

2.   Tipi ta’ prodott

Fil-Kapitolu I, III tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, it-test ġie emendat biex jiġi indikat li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini koperti minn din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ma għadhomx denominazzjonijiet esklużivament riżervati għall-inbejjed bojod bla gass.

Id-denominazzjonijiet ta’ oriġini kkontrollata Alsace grand cru riżervati għall-inbejjed bojod u ħomor bla gass jissemmew b’isimhom (Alsace grand cru Hengst u Alsace grand cru Kirchberg de Barr).

Bosta partijiet tad-Dokument Uniku ġew emendati, b’mod partikolari l-punt 4, minħabba r-rikonoxximent tal-inbejjed ħomor bla gass għad-denominazzjoni Alsace grand cru Kirchberg de Barr.

3.   Żona ġeografika

Ġie miżjud paragrafu mal-punt 1 tal-Kapitolu I, IV tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott biex issir referenza għad-dati li fihom iż-żona ġeografika ġiet ivvalidata mill-kumitat nazzjonali kompetenti tal-INAO u biex jiġi indikat ir-repożitorju tad-definizzjoni tal-perimetru taż-żona, il-kodiċi ġeografiku uffiċjali tal-2021, kif stabbilit fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Din l-indikazzjoni tagħmilha possibbli li d-demarkazzjoni taż-żona tiġi żgurata legalment.

L-introduzzjoni tar-referenza għall-kodiċi ġeografiku uffiċjali tal-2021 twassal għal aġġornament tal-lista tal-ismijiet tal-muniċipalitajiet. Għalhekk, il-muniċipalitajiet ta’ Kientzheim u Sigolsheim tneħħew, u t-territorju tagħhom issa huwa anness mal-muniċipalità ta’ Kaysersberg Vignoble.

Dawn l-emendi editorjali ma jibdlux il-perimetru taż-żona ġeografika.

Fil-punt 1 ġew miżjuda wkoll is-sentenzi li ġejjin:

“Il-mapep taż-żona ġeografika huma disponibbli fis-sit web tal-INAO.

Il-kunsill lokali tal-muniċipalità li tinsab parzjalment fit-territorju għandu mappa li tidentifika l-limiti taż-żona ġeografika.”

Dawn l-emendi jinvolvu emenda għall-punt 6 tad-Dokument Uniku.

4.   Żona tal-irqajja’ art demarkata

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima IV(2), tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott:

fl-ewwel paragrafu, sabiex jiġi kkoreġut nuqqas, ġiet miżjuda l-informazzjoni “6 u 7 ta’ Settembru 2006”, li tikkorrispondi għad-data ta’ approvazzjoni taż-żona tal-irqajja’ art mill-kumitat nazzjonali kompetenti.

fit-tieni paragrafu, il-kitba ġiet emendata biex tirrifletti l-bidliet fl-ismijiet tal-muniċipalitajiet li saru fit-Taqsima IV(1).

il-kolonna “Muniċipalitajiet” tat-tabella ġiet aġġornata biex tikkorrispondi mal-ismijiet tal-muniċipalitajiet elenkati fit-Taqsima IV(1).

Dawn l-emendi ma jaffettwawx id-Dokument Uniku.

5.   Żona fil-viċinanza immedjata

Ġie emendat paragrafu fil-Kapitolu I, it-Taqsima IV(3), tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott biex jiġi indikat ir-repożitorju tad-definizzjoni tal-perimetru taż-żona, il-kodiċi ġeografiku uffiċjali tal-2021, kif stabbilit fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Din l-indikazzjoni tagħmilha possibbli li d-demarkazzjoni taż-żona tiġi żgurata legalment.

L-introduzzjoni tar-referenza għall-kodiċi ġeografiku uffiċjali tal-2021 twassal għal aġġornament tal-lista tal-ismijiet tal-muniċipalitajiet. Għalhekk tħassar l-isem tal-muniċipalità ta’ Kaysersberg u ġie miżjud dak tal-muniċipalità ta’ Kaysersberg Vignoble, flimkien mal-informazzjoni li din il-muniċipalità hija inkluża biss għall-parti tat-territorju tal-muniċipalità delegata ta’ Kaysersberg.

Dawn l-emendi editorjali ma jemendawx il-perimetru taż-żona fil-viċinanza immedjata.

Dawn l-emendi jinvolvu emenda għall-punt 9 tad-Dokument Uniku.

6.   Varjetajiet tal-għeneb

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima V(1)(a), tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, ġie miżjud il-kliem “- għall-inbejjed bojod: ” u “- għall-inbejjed ħomor: il-varjetà tad-dwieli pinot noir N”, minħabba li saret applikazzjoni għar-rikonoxximent tal-inbejjed ħomor bla gass fil-livell nazzjonali għal ċerti denominazzjonijiet ta’ oriġini Alsace grand cru. Il-varjetà pinot noir N hija l-unika varjetà tad-dwieli awtorizzata għal dawn l-inbejjed ħomor. Hija wkoll l-unika varjetà tad-dwieli awtorizzata għall-produzzjoni ta’ nbid aħmar fid-denominazzjoni ta’ oriġini Alsace.

Il-varjetà tad-dwieli Pinot noir N ġiet miżjuda fid-Dokument Uniku.

Fit-Taqsima V, il-punt 1(a), (b) u (e), u l-punt 2(b), il-kelmiet “blancs” u “roses” ġew miżjuda mal-isem tal-varjetajiet ta’ muscats à petits grains sabiex jiġi kkoreġut nuqqas fil-verżjoni preċedenti tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Id-Dokument Uniku ma huwiex emendat b’din l-emenda.

7.   Densità tat-tħawwil

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima VI(1)(a), tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, ġie miżjud il-kliem: “Għall-produzzjoni ta’ nbid abjad” u “Għall-produzzjoni ta’ nbid aħmar” biex issir distinzjoni bejn id-densitajiet minimi tat-tħawwil skont il-kulur tal-inbejjed. Dawn id-densitajiet huma indikati għad-denominazzjonijiet li jistgħu jipproduċu nbejjed ħomor.

Ġiet miżjuda s-sentenza li ġejja: Id-dwieli maħsuba għall-produzzjoni ta’ nbejjed ħomor li jistgħu jibbenefikaw mid-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata Alsace grand cru Kirchberg de Barr għandhom densità minima tat-tħawwil ta’ 5 000 pjanta għal kull ettaru.

Il-punt 5 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima VI(1)(a) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, ġiet speċifikata d-data effettiva tal-applikazzjoni tar-regola dwar il-possibbiltà li tiġi adattata d-densità permezz tal-qlugħ tas-siġar: “il-25 ta’ Ottubru 2011”, li tissostitwixxi l-formulazzjoni “fid-data tal-approvazzjoni ta’ din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott”.

Din l-emenda tinvolvi emenda għall-punt 5 tad-Dokument Uniku.

8.   Regola taż-żbir

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima VI(1)(b), tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, għall-produzzjoni tal-inbejjed bojod, ir-regola dwar in-numru ta’ għejun għal kull metru kwadru tal-erja tal-art, li kienet tvarja skont il-varjetà tad-dwieli, tneħħiet u minflokha ddaħħlet regola waħda ta’ 18-il għajn għal kull pjanta.

Dan l-iżvilupp jippermetti l-armonizzazzjoni tal-kitba bejn l-Ispeċifikazzjonijiet tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini ta’ Alsace, u li jiġu ssimplifikati l-metodi ta’ kontroll.

Fil-bidu tas-sentenza ġie miżjud il-kliem “Għall-inbejjed bojod,” minħabba l-applikazzjoni għar-rikonoxximent għall-inbejjed ħomor bla gass li saret fil-livell nazzjonali għal ċerti denominazzjonijiet ta’ oriġini Alsace grand cru.

Ġiet miżjuda r-regola dwar iż-żbir għall-inbejjed ħomor, bin-numru massimu ta’ għejun għal kull pjanta stabbilit għal 14. Dan huwa aktar baxx min-numru awtorizzat għall-produzzjoni tal-inbejjed bojod. Din ir-regola tippermetti l-konsistenza mar-rendimenti u mal-produzzjoni ta’ għeneb ta’ kwalità.

Il-punt 5 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

9.   Regoli dwar il-kannizzar u l-għoli tal-faxxina

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima VI(1)(c), tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, tneħħa l-għoli massimu tal-wajer ta’ appoġġ tal-arkata u nbidel il-metodu tal-kejl tal-għoli tal-faxxina fuq il-kannizzati.

Dawn il-bidliet jagħmluha possibbli li l-għoli tal-faxxina jiġi osservat waqt it-tkabbir, li qabel kien isir biss b’obbligu tal-mezzi.

Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

10.   Tagħbija massima medja fuq ir-roqgħa art

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima VI(1)(d), tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, il-valur tat-tagħbija massima medja għal kull roqgħa art tnaqqas minn 10 000 għal 8 500 kilogramma għal kull ettaru, għall-inbejjed bojod, f’konformità mat-tnaqqis fir-rendiment għal dawn l-inbejjed.

Ġie stabbilit valur għall-inbejjed ħomor, li huwa inqas minn dak stabbilit għall-inbejjed bojod, f’konformità mar-rendiment ta’ dawn l-inbejjed.

Dawn l-emendi ma jaffettwawx id-Dokument Uniku.

11.   Maturazzjoni tal-għeneb u qawwa alkoħolika minima natural skont il-volum

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima VII(2)(a), tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, it-tabella ġiet emendata biex titqies l-applikazzjoni għar-rikonoxximent tal-inbejjed ħomor bla gass li saret fil-livell nazzjonali għal ċerti denominazzjonijiet ta’ oriġini Alsace grand cru.

Għad-denominazzjoni Alsace grand cru Kirchberg de Barr, il-kontenut minimu ta’ zokkor tal-għeneb fil-ħsad huwa stabbilit għal 207 grammi għal kull litru ta’ most għall-pinot noir N. Il-qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum ġiet stabbilita għal 12 % vol.

Din l-aħħar indikazzjoni temenda l-punt 4 tad-Dokument Uniku.

Għall-inbejjed bojod, il-valuri minimi tal-kontenut taz-zokkor tal-għeneb żdiedu b’2 jew 3 grammi għal kull litru ta’ most sabiex tiġi rrispettata l-istess differenza ta’ 1 % vol. bil-valuri għal kull qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum, bħal fil-verżjoni preċedenti tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Il-korp ta’ protezzjoni u ġestjoni għażel li għall-kalkolu tat-trasformazzjoni tal-grammi taz-zokkor f’alkoħol, juża l-valur ta’ 17-il gramma zokkor għal kull 1 % vol. għall-inbejjed bojod, filwaqt li fil-verżjoni inizjali tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott kien uża l-valur ta’ 16,83. Dan il-valur ta’ 17 kien irrakkomandat mill-kumitat nazzjonali kompetenti tal-INAO meta ġiet stabbilita l-ewwel verżjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

12.   Rendimenti

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima VIII(1) u (2), tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, tnaqqsu kemm ir-rendimenti kif ukoll ir-rendimenti ta’ limitu, u b’hekk sar possibbli kontroll tal-kwalità aħjar għall-inbejjed bojod u l-inbejjed bojod bl-indikazzjoni “Vendanges tardives”, f’konformità mal-istruttura ġerarkika tad-denominazzjonijiet tar-reġjun ta’ Alsace.

Ġie miżjud il-kliem “Inbejjed bojod” għall-inbejjed mingħajr indikazzjoni, minħabba li saret applikazzjoni għar-rikonoxximent tal-inbejjed ħomor bla gass fil-livell nazzjonali għal ċerti denominazzjonijiet ta’ oriġini Alsace grand cru.

Ir-rendiment u r-rendiment ta’ limitu għall-inbejjed ħomor ġew stabbiliti skont l-istruttura ġerarkika tad-denominazzjonijiet fir-reġjun ta’ Alsace, u għalhekk f’valuri aktar baxxi għal dawn id-denominazzjonijiet tal-grand cru.

Il-punt 5 tad-Dokument Uniku ġie emendat fir-rigward tar-rendimenti massimi (ir-rendimenti ta’ limitu).

13.   Fermentazzjoni malolattika, kontenut ta’ zokkor fermentabbli għall-inbejjed ħomor

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima IX(1)(c), tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, ġie speċifikat li l-fermentazzjoni malolattika titlesta għall-inbejjed ħomor.

Sabiex tiġi kkontrollata din ir-regola, ġie stabbilit kontenut ta’ aċidu maliku ta’ 0,4 grammi għal kull litru jew inqas fl-istadju tal-ippakkjar.

Fit-Taqsima IX(1)(d), għall-inbejjed ħomor, ġie stabbilit kontenut ta’ zokkor fermentabbli (glukożju u fruttożju) ta’ 2 grammi jew inqas għal kull litru wara l-fermentazzjoni.

Il-punt 4 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

14.   Projbizzjoni taż-żieda tal-qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum għall-inbejjed ħomor

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima IX(1)(e), tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, ġie speċifikat li l-inbejjed ħomor ma jiġux imsaħħa. Din ir-restrizzjoni applikabbli għall-produzzjoni tal-inbejjed hija possibbli minħabba l-maturazzjoni perfetta tal-għeneb fil-ħsad miksuba bis-saħħa tad-demarkazzjoni preċiża tal-vinja li żammet lill-irqajja’ art protetti mill-irjieħ kesħin tat-Tramuntana, li jinsabu fuq ħamrija ġeblija ħafna li tiżgura skular tajjeb u li tisħon malajr, minħabba d-densità relattivament għolja tal-pjantaġġun kif ukoll it-tħarriġ tad-dwieli fuq kannizzati għoljin, sabiex jibbenefikaw minn erja tal-weraq ottimali, u minħabba regola stretta taż-żbir li tippermetti rendimenti kkontrollati.

Il-punt 5 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

15.   Kapaċità tal-kamra tal-fermentazzjoni għall-vinifikazzjoni

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima IX(1)(g), tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, il-koeffiċjent għall-kalkolu tal-kapaċità tal-kamra tal-fermentazzjoni għall-vinifikazzjoni ġie mnaqqas.

Il-proporzjon bejn il-volum tal-ħsad preċedenti u l-kapaċità tal-kamra tal-fermentazzjoni ma għandux għalfejn ikun għoli daqshekk.

Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

16.   Data tat-tqaddim u tat-tqegħid fis-suq għall-konsumatur għall-inbejjed ħomor

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima IX(2), tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, ġie stabbilit perjodu minimu ta’ tqaddim għall-inbejjed ħomor sal-1 ta’ Ottubru tas-sena ta’ wara dik tal-ħsad. L-inbejjed prodotti bl-għeneb tal-varjetà pinot noir N minn din l-art jeħtieġu perjodu ta’ żmien minimu biex jesprimu tajjeb il-karatteristiċi tagħhom.

Il-punt 5 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima IX(5)(a), ġie indikat li wara jintemm il-perjodu ta’ tqaddim, l-inbejjed ħomor jistgħu jitqiegħdu fis-suq għall-konsumatur biss mill-1 ta’ Ottubru tas-sena ta’ wara dik tal-ħsad.

Din l-emenda ma tinvolvi ebda emenda għad-Dokument Uniku.

17.   Spezzjoni tal-lottijiet ippakkjati

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima IX(3)(b), tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, tneħħiet ir-regola dwar iż-żamma ta’ fliexken kampjuni biex jintwerew fi spezzjoni tal-lottijiet ippakkjati.

Din ir-regola hija miżura ta’ kontroll li hija rreġistrata fil-pjan ta’ kontroll.

Id-Dokument Uniku ma huwiex affettwat minn din l-emenda.

18.   Ħażna tal-inbejjed ippakkjati

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima IX(4), tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, ġew speċifikati l-karatteristiċi tal-post tal-ħażna tal-inbejjed ippakkjati.

Dan jippermetti lill-operaturi jifhmu aħjar din ir-regola, u jiffaċilita l-ispezzjoni tagħha.

Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

19.   Fatturi umani li jikkontribwixxu għar-rabta maż-żona ġeografika

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima X(1)(b), tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, it-test ġie emendat biex jitqies ir-rikonoxximent tal-inbejjed ħomor bla gass għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini Alsace grand cru Hengst u Alsace grand cru Kirchberg de Barr:

ġiet miżjuda l-informazzjoni li ġejja għad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata Alsace grand cru Hengst: rikonoxximent fl-2022 għall-inbejjed ħomor, hija awtorizzata biss il-varjetà tad-dwieli pinot noir N, id-densità minima tat-tħawwil hija ta’ 5 500 pjanta għal kull ettaru għall-produzzjoni tal-inbid aħmar, dawn l-inbejjed ma jiġux imsaħħa, u jridu josservaw perjodu minimu ta’ tqaddim ta’ 10 xhur.

Id-Dokument Uniku ma huwiex emendat b’din l-emenda.

ġiet miżjuda l-informazzjoni li ġejja għad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata Alsace grand cru Kirchberg de Barr: rikonoxximent fl-2022 għall-inbejjed ħomor, hija awtorizzata biss il-varjetà tad-dwieli pinot noir N, id-densità minima tat-tħawwil hija ta’ 5 000 pjanta għal kull ettaru għall-produzzjoni tal-inbid aħmar, dawn l-inbejjed ma jiġux imsaħħa, u jridu josservaw perjodu minimu ta’ tqaddim ta’ 10 xhur.

Il-punti 4, 5 u 7 tad-Dokument Uniku ġew emendati.

Fit-Taqsima X(1)(b), tneħħiet l-informazzjoni li r-rikonoxximent ta’ dawn iż-żewġ denominazzjonijiet ta’ oriġini kien ibbażat fuq varjetajiet ta’ għeneb abjad, u l-kliem “għall-inbejjed bojod” ġie miżjud fejn meħtieġ biex it-test jinftiehem aħjar.

Id-Dokument Uniku ma huwiex emendat b’dawn l-emendi.

Fit-Taqsima X(1)(b), il-kelmiet “blancs” u “roses” ġew miżjuda mal-ismijiet tal-varjetajiet ta’ muscats à petits grains sabiex jiġi kkoreġut nuqqas fil-verżjoni preċedenti tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Dawn iż-żidiet ma jemendawx id-Dokument Uniku.

20.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima X(2), tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, ġiet miżjuda deskrizzjoni tal-aspett viżiv tal-inbejjed bojod sabiex jiġu karatterizzati aħjar.

Rigward l-ewwel 2 tipi ta’ nbejjed deskritti: “Dawn iż-żewġ tipi ta’ nbejjed għandhom kulur qawwi sa isfar dehbi.”

Rigward l-aħħar 2 tipi ta’ nbid deskritti: “Dawn iż-żewġ tipi ta’ nbejjed għandhom kulur qawwi sa isfar ambra.”

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima X(2), ġiet miżjuda d-deskrizzjoni tal-karatteristiċi organolettiċi prinċipali tal-inbejjed ħomor għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini Alsace grand cru Hengst u Alsace grand cru Kirchberg de Barr.

Għad-denominazzjoni Alsace grand cru Kirchberg de Barr, ġie miżjud it-test li ġej:

“L-inbejjed bil-kulur aħmar skur u qawwi għandhom aroma kumplessa ta’ frott iswed, ħwawar, aċidità kbira u volum, iżda huma fini ħafna. It-togħma finali ddum u hija mielħa. Għandhom potenzjal kbir ta’ tqaddim.”

Il-punt 4 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

21.   Miżuri tranżizzjonali

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima XI(2), tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, għall-konformità mal-emendi tal-Kapitolu I, it-Taqsima VI, l-għoli massimu tal-wajer ta’ appoġġ tal-arkata tħassar u n-numru massimu ta’ għejun għal kull pjanta tnaqqas.

Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

22.   Indikazzjoni obbligatorja tal-kontenut taz-zokkor fuq it-tikkettar u mezzi oħra ta’ informazzjoni għall-inbejjed bojod

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima XII(2)(d), tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, iddaħħal test ġdid, bħala sostituzzjoni, sabiex l-indikazzjoni tal-kontenut taz-zokkor kif definit fir-Regolament (UE) 2019/33, li attwalment hija fakultattiva, issir obbligatorja.

Din l-indikazzjoni tgħin lill-konsumatur jifhem aħjar dan it-tip ta’ nbid.

Din ir-regola l-ġdida ma tapplikax għall-inbejjed bl-indikazzjonijiet tradizzjonali “vendanges tardives” u “sélection de grains nobles”.

Il-punt 9 tad-Dokument Uniku ġie ssupplimentat.

F’XII, l-ittra d tal-punt 2 saret l-ittra e.

Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

23.   Dikjarazzjoni minn qabel tal-użu tal-irqajja’ art

Fil-Kapitolu II, it-Taqsima I(1), tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, ġiet miżjuda kjarifika mar-regoli relatati mad-dikjarazzjoni minn qabel tal-użu tal-irqajja’ art ippreżentata mill-operatur lill-korp ta’ protezzjoni u ġestjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini Alsace grand cru, f’każ li jieqaf jipproduċi din id-denominazzjoni.

Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

24.   Indikazzjonijiet tradizzjonali “vendanges tardives” u “sélection de grains nobles” u l-isem użat

Fil-punt 9 “Rekwiżiti addizzjonali” tad-Dokument Uniku:

L-intestatura “Indikazzjonijiet tradizzjonali” ġiet emendata biex jiġu speċifikati l-ismijiet użati awtorizzati għall-indikazzjonijiet “vendanges tardives” u “sélection de grains nobles” minħabba ż-żieda tal-isem użat Pinot noir fl-intestatura “Isem użat”.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni

Alsace grand cru Kirchberg de Barr

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP - Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

1.   Inbid abjad

DESKRIZZJONI TESTWALI KONĊIŻA

Il-qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum hija ta’ 12,5 % għall-gewurztraminer Rs u għall-pinot gris G u ta’ 11 % għall-varjetajiet tad-dwieli l-oħra.

Wara t-tisħiħ, l-inbejjed ma jkollhomx qawwa alkoħolika totali skont il-volum ta’ aktar minn 15 % għall-inbejjed magħmulin mill-varjetajiet tad-dwieli gewurztraminer B u pinot gris G u 14 % għall-inbejjed magħmulin mill-varjetajiet tad-dwieli l-oħra.

Il-karatteristiċi analitiċi l-oħra huma dawk stipulati fil-leġiżlazzjoni Komunitarja.

Huma eżempji eċċellenti ta' nbejjed bojod adattati għat-tqaddim u huma kkaratterizzati minn freskezza evidenti bbażata fuq aċidità tartarika dominanti relatata mal-maturazzjoni tajba tal-għeneb. L-isem tad-denominazzjoni jista’ jiġi ssupplimentat b’ismijiet użati, sakemm l-inbejjed ikunu magħmulin esklużivament minn varjetajiet tad-dwieli li jistgħu jiġu indikati bl-isem ikkonċernat. Għandhom palat sħiħ, huma kumplessi u għandhom riħa qawwija ħafna b’varjetà ta’ sfumaturi aromatiċi. B’togħma li ddum tintiegħem, isiru aktar kumplessi biż-żmien. Jiżviluppaw noti aktar kumplessi u armonija bbażata fuq ħafna mineralità, finezza u togħma li ddum tintiegħem. Issir distinzjoni bejn l-inbejjed xotti, minerali u l-inbejjed aromatiċi, tal-frott, magħquda, rikki. Dawn iż-żewġ tipi ta’ nbejjed għandhom kulur qawwi sa isfar dehbi.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

f’milliekwivalenti għal kull litru

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

2.   Denominazzjoni ssupplimentata b’“Vendanges Tardives”, inbid abjad

DESKRIZZJONI TESTWALI KONĊIŻA

Il-qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum tal-inbejjed hija ta’ 16 % għall-gewurztraminer Rs u għall-pinot gris G u ta’ 14,5 % għall-varjetajiet tad-dwieli l-oħra.

Il-karatteristiċi analitiċi l-oħra huma dawk stipulati fil-leġiżlazzjoni Komunitarja.

L-inbejjed bl-indikazzjoni “vendanges tardives” (ħsad tardiv) spiss ikollhom aromi eżotiċi ħafna ta’ frott ippreżervat u b’finitura friska. Għandhom kulur qawwi sa isfar ambra. Għandhom konċentrazzjoni notevoli u persistenza aromatika kbira.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

f’milliekwivalenti għal kull litru

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

3.   Denominazzjoni ssupplimentata b’“Sélection de grains nobles”, inbid abjad

DESKRIZZJONI TESTWALI KONĊIŻA

Il-qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum tal-inbejjed hija ta’ 18,2 % għall-gewurztraminer Rs u għall-pinot gris G u ta’ 16,4 % għall-varjetajiet tad-dwieli l-oħra.

Il-karatteristiċi analitiċi l-oħra huma dawk stipulati fil-leġiżlazzjoni Komunitarja.

L-inbejjed bl-indikazzjoni “sélection de grains nobles” (għażla ta’ żrieragħ nobbli) huma nbejjed aktar ikkonċentrati, qawwija, li spiss ikollhom aromi ta’ pejst tal-frott. Għandhom kulur qawwi sa isfar ambra. Għandhom konċentrazzjoni notevoli u persistenza aromatika kbira.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

f’milliekwivalenti għal kull litru

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

4.   Inbid aħmar

DESKRIZZJONI TESTWALI KONĊIŻA

L-inbejjed għandhom qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum ta’ 12 % għall-pinot noir N.

Il-fermentazzjoni malolattika tkun kompluta. Fl-istadju tal-ippakkjar, l-inbejjed ikollhom kontenut ta’ aċidu maliku ta’ 0,4 grammi jew inqas għal kull litru.

Wara l-fermentazzjoni, l-inbejjed ikollhom kontenut ta’ zokkor fermentabbli ta’ 2 grammi jew inqas għal kull litru.

Il-karatteristiċi analitiċi l-oħra huma dawk stipulati fil-leġiżlazzjoni Komunitarja.

L-inbejjed bil-kulur aħmar skur u qawwi għandhom aroma kumplessa ta’ frott iswed, ħwawar, aċidità kbira u volum, iżda huma fini ħafna. It-togħma finali ddum u hija mielħa.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

 

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

5.1.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi

1.   Densità tat-tħawwil

Prattika tal-kultivazzjoni

Għall-produzzjoni tal-inbejjed bojod, id-densità minima tat-tħawwil tad-dwieli hija ta’ 4 500 pjanta għal kull ettaru.

Għall-produzzjoni tal-inbejjed ħomor, id-densità minima tat-tħawwil tad-dwieli hija ta’ 5 000 pjanta għal kull ettaru.

Dawn id-dwieli ma jistax ikollhom distanza bejn il-flanni ta’ aktar minn 2 metri.

Id-dwieli għandhom distanza bejn il-flanni ta’ mill-inqas 0,75 metri u mhux aktar minn 1,50 metri.

Mill-25 ta’ Ottubru 2011, il-qlugħ tas-siġar tal-flanni f’roqgħa art ma jistax jirriżulta f’distanza ta’ aktar minn 3 metri bejn il-flanni l-aktar wisgħin.

2.   Regola taż-żbir

Prattika tal-kultivazzjoni

Għall-inbejjed bojod, id-dwieli jinżabru qosra bil-metodu Guyot sempliċi jew doppju b’massimu ta’ 18-il għajn għal kull pjanta.

Għall-inbejjed ħomor, id-dwieli jinżabru qosra bil-metodu Guyot sempliċi jew doppju b’massimu ta’ 14-il għajn għal kull pjanta.

3.   Ħsad

Prattika tal-kultivazzjoni

L-inbejjed huma magħmula minn għeneb maħsud bl-idejn.

4.   Żieda tal-qawwa alkoħolika minima natural skont il-volum

Prattika enoloġika speċifika

Għall-inbejjed bojod, iż-żieda fil-qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum medja ma tistax taqbeż 0,5 % vol. għall-inbejjed mill-varjetajiet tad-dwieli gewurztraminer B u pinot gris G u 1,5 % vol. għall-inbejjed minn varjetajiet tad-dwieli oħrajn.

L-inbejjed bojod li jistgħu jibbenefikaw mill-indikazzjonijiet “vendanges tardives” jew “sélection de grains nobles” u l-inbejjed ħomor ma jiġux imsaħħa.

5.   Produzzjoni

Restrizzjoni applikabbli għall-produzzjoni tal-inbejjed

L-użu taċ-ċana huwa pprojbit.

6.   Tqaddim tal-inbejjed

Prattika enoloġika speċifika

L-inbejjed bojod jitħallew jitqaddmu mill-inqas sal-1 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara dik tal-ħsad.

L-inbejjed ħomor jitħallew jitqaddmu mill-inqas sal-1 ta’ Ottubru tas-sena ta’ wara dik tal-ħsad.

L-inbejjed li jistgħu jibbenefikaw mill-indikazzjonijiet “vendanges tardives” jew “sélection de grains nobles” jiġu mqaddma mill-inqas sal-1 ta’ Ġunju tat-tieni sena ta’ wara dik tal-ħsad.

5.2.   Rendimenti massimi għal kull ettaru

1.   Denominazzjoni ssupplimentata b’“vendanges tardives” jew le, inbid abjad

60 ettolitru għal kull ettaru

2.   Denominazzjoni ssupplimentata b’“sélection de grains nobles”, inbid abjad

48 ettolitru għal kull ettaru

3.   Inbid aħmar

48 ettolitru għal kull ettaru

6.   Żona ġeografika demarkata

Il-ħsad tal-għeneb, il-vinifikazzjoni, il-produzzjoni u t-tqaddim tal-inbejjed isiru fit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin, abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tas-sena 2021:

Id-département ta’ Haut-Rhin: Il-muniċipalitajiet sħaħ ta’: Ammerschwihr, Beblenheim, Bennwihr, Bergheim, Bergholtz, Eguisheim, Gueberschwihr, Guebwiller, Hattstatt, Hunawihr, Ingersheim, Katzenthal, Mittelwihr, Niedermorschwihr, Orschwihr, Pfaffenheim, Ribeauvillé, Riquewihr, Rodern, Rouffach, Saint-Hippolyte, Soultzmatt, Thann, Turckheim, Vieux-Thann, Voegtlinshoffen, Westhalten, Wettolsheim, Wintzenheim, Wuenheim, Zellenberg.

Parti mill-muniċipalità ta’: Kaysersberg Vignoble għat-territorju tal-muniċipalitajiet delegati ta’ Kientzheim u ta’ Sigolsheim biss.

Id-département ta’ Bas-Rhin: Andlau, Barr, Bergbieten, Blienschwiller, Dahlenheim, Dambach-la-Ville, Eichhoffen, Kintzheim, Marlenheim, Mittelbergheim, Molsheim, Nothalten, Scharrachbergheim-Irmstett, Wolxheim.

Il-kunsill lokali tal-muniċipalitajiet li jinsabu parzjalment fit-territorju għandhom mappa li tidentifika l-limiti taż-żona ġeografika.

Il-mapep li jirrappreżentaw iż-żona ġeografika huma disponibbli fis-sit web tal-INAO.

7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid/jinkisbu l-inbejjed

Gewurztraminer Rs

Muscat Ottonel B - Muscat, Moscato

Muscat à petits grains blancs B - Muscat, Moscato

Muscat à petits grains roses Rs - Muscat, Moscato

Pinot gris G

Pinot noir N

Riesling B

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

Id-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata Alsace grand cru Kirchberg de Barr hija bbażata fuq il-kundizzjonijiet klimatiċi favorevoli li jikkaratterizzaw il-vinji ta’ Alsace, u tisfrutta wieħed mill-aqwa postijiet tar-reġjun. Mistura fil-pajsaġġ pittoresk ta’ Alsace, il-vinja tippermetti l-produzzjoni ta’ nbejjed b’espressjoni kbira, b’karattru evidenti u personalità unika.

Protett mit-Tramuntana u ppożizzjonat fuq ħamrija li tisħon malajr, il-grand cru jagħti lill-inbejjed il-mineralità u s-salinità kif ukoll il-kumplessità tal-aċidità.

Bi ftuħ medjament bikri u tqaddim bil-mod, l-inbejjed biż-żmien jiżviluppaw riħa fina, togħma qawwija li ddum, freskezza u mineralità.

Il-kundizzjonijiet tat-temp eċċellenti fl-aħħar tal-istaġun jiffavorixxu l-konċentrazzjoni tal-għeneb fuq id-dielja u l-iżvilupp tal-moffa nobbli, u jippermettu l-produzzjoni ta’ nbejjed minn għeneb misjur iżżejjed.

It-tqaddim previst fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jgħin biex l-inbejjed jitjiebu.

Bl-adozzjoni ta’ regoli ta’ produzzjoni stretti, bħaż-żamma ta’ erja kbira tal-weraq u l-ħsad bl-idejn, il-produtturi tal-inbid ta’ Alsace jippreservaw il-karattru distintiv tal-inbejjed, li huma magħrufa għall-kumplessità tagħhom u għall-kapaċità ta’ konservazzjoni fit-tul tagħhom.

Dawn l-inbejjed huma fost l-aqwa prodotti f’dan ir-reġjun. Huma apprezzati aktar mill-inbejjed tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata Alsace.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli

Żona fil-viċinanza immedjata

Qafas legali

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali

Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

Iż-żona fil-viċinanza immedjata, iddefinita b’deroga għall-vinifikazzjoni, il-produzzjoni u t-tqaddim tal-inbejjed, hija magħmula mit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin, abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tas-sena 2021:

Id-département ta’ Haut-Rhin: Il-muniċipalitajiet sħaħ ta’: Bergholtz-Zell, Berrwiller, Buhl, Cernay, Colmar, Gundolsheim, Hartmanswiller, Herrlisheim, Houssen, Husseren-les-Châteaux, Jungholtz, Leimbach, Obermorschwihr, Osenbach, Ostheim, Rorschwihr, Soultz, Steinbach, Uffholtz, Walbach, Wattwiller, Wihr-au-Val, Zimmerbach. Parti mill-muniċipalità ta’: Kaysersberg Vignoble, għat-territorju tal-muniċipalità delegata ta’ Kaysersberg biss

Id-département ta’ Bas-Rhin: Albé, Avolsheim, Balbronn, Bernardswiller, Bernardvillé, Bischoffsheim, Boersch, Bourgheim, Châtenois, Cleebourg, Dachstein, Dangolsheim, Dieffenthal, Dorlisheim, Epfig, Ergersheim, Ernolsheim- Bruche, Fessenheim-le-Bas, Flexbourg, Furdenheim, Gertwiller, Gimbrett-Berstett, Goxwiller, Heiligenstein, Itterswiller, Kienheim, Kirchheim, Kuttolsheim, Mittelhausen, Mutzig, Nordheim, Oberhoffen-les-Wissenbourg, Obernai, Odratzheim, Orschwiller, Osthoffen, Ottrott, Petersbach, Reichsfeld, Riedseltz, Rosenwiller, Rosheim, Rott, Saint-Nabor, Saint-Pierre, Scherwiller, Seebach, Soultz-les-Bains, Steinseltz, Stotzheim, Strasbourg, Traenheim, Villé, Wangen, Westhoffen, Wissembourg, Zellwiller.

Ippakkjar fiż-żona

Qafas legali

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

L-ippakkjar fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tar-rekwiżit

L-inbejjed jiġu ppakkjati fi fliexken tat-tip Vin du Rhin skont id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Nru 55-673 tal-20 ta’ Mejju 1955, tal-Ordni tat-13 ta’ Mejju 1959 u tad-Digriet tad-19 ta’ Marzu 1963, u kull tip ta’ flixkun ieħor huwa eskluż.

Minn meta daħlet fis-seħħ il-liġi tal-5 ta’ Lulju 1972, l-inbejjed bilfors iridu jiġu bbottiljati fid-départements ta’ Bas-Rhin u Haut-Rhin fil-fliexken tat-tip Vin du Rhin, deskritti fid-Digriet tal-1955.

Indikazzjoni tal-annata

Qafas legali

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit

L-indikazzjoni tal-annata trid tidher flimkien mal-isem tad-denominazzjoni, fid-dikjarazzjonijiet tal-ħsad u tal-ħażniet, fuq id-dokumenti ta’ akkumpanjament, fir-reklami, fuq il-prospetti, it-tikketti, il-fatturi u kwalunkwe kontenitur ieħor.

Isem użat

Qafas legali

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit

L-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata jista’ jiġi ssupplimentat b’wieħed mill-ismijiet użati, dment li l-inbejjed ikunu magħmulin esklużivament minn varjetajiet tad-dwieli li jistgħu jiġu indikati bl-isem ikkonċernat.

Huwa pprojbit li jintuża aktar minn isem użat wieħed fuq l-istess tikketta.

Dawn l-ismijiet użati huma dawn li ġejjin

Gewurztraminer,

Muscat,

Muscat Ottonel,

Pinot gris,

Pinot noir,

Riesling.

Indikazzjonijiet tradizzjonali “vendanges tardives” u “sélection de grains nobles”

Qafas legali

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

L-inbejjed li jistgħu jibbenefikaw mill-indikazzjonijiet “vendanges tardives” jew “sélection de grains nobles” bilfors irid ikollhom:

l-indikazzjoni tal-annata,

u wieħed mill-ismijiet użati li ġejjin:

Gewurztraminer,

Muscat,

Muscat Ottonel,

Pinot gris,

Riesling.

Indikazzjoni tal-kontenut taz-zokkor għall-inbejjed bojod

Qafas legali:

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

L-inbejjed bojod li għalihom, skont it-termini ta’ din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, tintalab waħda mill-51 Denominazzjoni ta’ Oriġini Kkontrollata Alsace Grand Cru - post imsemmi, bl-eċċezzjoni tal-indikazzjonijiet “Vendanges Tardives” u “Sélection de Grains nobles”, li huma ppreżentati taħt l-imsemmija denominazzjoni, ma jistgħux jiġu offruti lill-pubbliku, ikkunsinnati, imqiegħda għall-bejgħ jew jinbiegħu, sakemm il-kontenut taz-zokkor kif definit mir-regolamenti Ewropej ma jkunx indikat b’mod ċar ħafna fir-reklami, il-prospetti, it-tikketti, il-fatturi u l-kontenituri kollha.

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-4cec3ff9-abd4-4253-a1db-245ddd809faa


(1)  ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2.