10.8.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 305/12 |
Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni ta’ approvazzjoni ta’ emenda standard għall-Ispeċifikazzjoni ta’ Prodott għal isem fis-settur tal-inbid, kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2019/33
(2022/C 305/07)
Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1).
KOMUNIKAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD LI TIMMODIFIKA D-DOKUMENT UNIKU
Vin Santo del Chianti Classico
PDO-IT-A1514-AM02
Data tal-komunikazzjoni: 27.5.2022
DESKRIZZJONI TAL-EMENDA APPROVATA U R-RAĠUNIJIET GĦALIHA
1. Taħlita varjetali - lista ta’ varjetajiet
Deskrizzjoni: Huma elenkati varjetajiet ta’ Malvasia (Malvasia Bianca Lunga, Malvasia Bianca di Candia). Apparti t-Trebbiano Toscano, dawn jirrappreżentaw minimu ta’ 60 % tat-taħlita varjetali.
Raġunijiet: Din l-emenda saret sabiex jiġu speċifikati l-varjetajiet ta’ għeneb ta’ Malvasia li huma permessi fit-taħlita tal-varjetajiet użati biex isir il-prodott, f’konformità mal-lista ta’ varjetajiet ta’ għeneb meqjusa li huma adattati għall-kultivazzjoni fir-Reġjun tat-Toskana.
Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u t-Taqsima 7 [Varjetajiet prinċipali tal-għeneb tal-inbid] tad-Dokument Uniku.
2. Regoli għall-vitikultura - pożizzjoni tal-vinji
Deskrizzjoni: Id-deskrizzjoni tal-vinji fuq l-għoljiet tneħħiet mit-taqsima li tiddeskrivi l-pożizzjoni tal-vinji u l-kelma “aspett” ġiet sostitwita bil-kelma “skopertura”.
Raġunijiet: L-altitudni fiż-żona kollha tal-Chianti hija mill-inqas 150/200 m, u għalhekk hija adattata b’mod naturali għall-produzzjoni ta’ għeneb maħsub għat-tqaddid. Dan huwa l-każ wkoll għall-vinji li jinsabu fil-partijiet inqas elevati tat-territorju, peress li l-altitudni tagħhom għadha kompatibbli mat-tip ta’ produzzjoni inkwistjoni. Raġuni oħra għal din l-emenda hija biex ma jsirux valutazzjonijiet suġġettivi dwar territorju kollu kemm hu bl-għoljiet, u għalhekk li huwa adattat għall-produzzjoni ta’ nbejjed li għalihom huma meħtieġa proċessi ta’ tqaddid.
Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 4.2 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott iżda ma tikkonċernax id-Dokument Uniku.
3. Prattiki ta’ kultivazzjoni — tisqija ta’ emerġenza
Deskrizzjoni: Sar provvediment għall-possibbiltà ta’ tisqija ta’ emerġenza.
Raġunijiet: L-istaġun tat-tkabbir tad-dwieli ġie affettwat mill-impatt tat-tibdil fil-klima fit-territorju kollu għal aktar minn 10 snin, b’temperaturi li dejjem jogħlew u ftit xita. Din il-prattika ta’ kultivazzjoni tiggarantixxi li l-vinji jistgħu jgħixu u tippreserva l-kwalità tal-għeneb. Fil-fatt, il-parametri tal-kwalità jkunu mnaqqsa b’mod sinifikanti f’għeneb li jinħasad minn vinji affettwati minn stress idriku.
Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 4.5 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott iżda ma tikkonċernax id-Dokument Uniku.
4. Prattiki ta’ kultivazzjoni - referenza għas-selezzjoni bir-reqqa tal-għeneb
Deskrizzjoni: Fil-kuntest tal-limitu tar-rendiment massimu tal-għeneb għal kull ettaru, ir-referenza għal selezzjoni bir-reqqa tal-għeneb tħassret.
Raġunijiet: Ir-referenza għal din l-operazzjoni tħassret peress li l-parametri tar-rendiment diġà huma stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.
Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 4.6 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott iżda ma tikkonċernax id-Dokument Uniku.
5. Prattiki ta’ kultivazzjoni - referenza għas-selezzjoni minn qabel tal-għeneb
Deskrizzjoni: Fir-rigward tal-kisba tal-qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum, ir-referenza għall-operazzjoni ta’ selezzjoni minn qabel tal-għeneb tħassret.
Raġunijiet: Ir-referenza għal din l-operazzjoni tħassret peress li l-produzzjoni teknika u l-karatteristiċi tal-kwalità li għandhom jiġu ssodisfati mill-vinji diġà huma stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.
Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 4.8 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott iżda ma tikkonċernax id-Dokument Uniku.
6. Referenza għall-ibbottiljar fi ħdan iż-żona ġeografika demarkata - aġġustament għall-forma tal-kundizzjoni eżistenti
Deskrizzjoni: Ir-referenza għall-ibbottiljar jew l-imballaġġ fi ħdan iż-żona ġeografika demarkata ġiet inkluża fid-Dokument Uniku, peress li diġà kienet permessa billi d-deżinjazzjoni ġiet rikonoxxuta u għalhekk diġà ġiet inkluża fl-Artikolu 5(1) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.
Raġunijiet: Dan huwa aġġustament għall-forma, minħabba li din il-kundizzjoni ma kinitx ġiet inkluża fid-Dokument Uniku minħabba ommissjoni meta tfassal.
Dan l-aġġornament ma jinvalidax ir-rabta msemmija fl-Artikolu 93(1)(a)(i) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u jikkonċerna t-Taqsima 9 [Kundizzjonijiet essenzjali ulterjuri] tad-Dokument Uniku.
7. Projbizzjoni fuq il-prattika ta’ arrikkiment tal-inbid
Deskrizzjoni: Il-projbizzjoni fuq l-arrikkiment tal-inbid ġiet inkluża.
Raġunijiet: Din il-prattika ma tintużax mill-produtturi tal-Vin Santo del Chianti Classico; il-kontenut minimu ta’ zokkor irid jinkiseb permess ta’ tqaddid naturali. Id-deċiżjoni/għażla li tiġi pprojbita l-prattika tal-arrikkiment tal-inbid għalhekk għandha l-għan li tiżgura titjib kontinwu tal-kwalità tal-prodott, li għandha tinkiseb b’immaniġġjar bir-reqqa tal-vinji u bir-rispett tal-proċess naturali tal-vinifikazzjoni.
Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5.4 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u t-Taqsima 5.1 [Prattiki enoloġiċi speċifiċi] tad-Dokument Uniku.
8. Karatteristiċi organolettiċi
Deskrizzjoni: Għat-tip Vin Santo del Chianti Classico, żdiedu kliem biex jiddeskrivu l-kulur kannella tal-inbid għall-parametru tal-kulur ambra skur; Għat-tip Occhio di Pernice, il-kuluri minn roża skur għal roża ċar ġew emendati bid-deskrizzjoni li ġejja: “minn roża f’lewn id-deheb għal ambra għal kannella”;
Raġunijiet: Il-ħsieb wara dawn l-emendi huwa li d-deskrizzjoni tirrifletti kuluri iktar skuri, minħabba li fiż-żona tal-Chianti, fejn il-vinji tas-Sangiovese u dawk tal-għeneb aħmar għandhom importanza partikolari, il-vitikulturi qed jiffukaw dejjem aktar fuq dan it-tip ta’ għeneb, li qed ikollu impatt fuq il-kulur tal-inbid tal-Vin Santo.
Deskrizzjoni: Għaż-żewġ tipi, f’termini ta’ togħma, ġew indikati l-parametri minn mhux ħelu għal ħelu.
Raġunijiet: L-għan ta’ din l-emenda huwa li l-varjetà fit-togħmiet titwessa’ f’konformità mad-data analitika fuq il-prodotti. L-inbid Vin Santo qed jiġi identifikat dejjem aktar bħala nbid għal mal-ħelu, u għalhekk, hemm preferenza biex ikun ħelu fit-togħma. Fir-rigward tat-tip Occhio di Pernice, dan huwa prodott tipiku Toskan li jintuża b’mod partikolari fit-tħejjija ta’ riċetti bil-laħam u bl-annimali kkaċċjati, li għalihom huwa meħtieġ prodott b’kontenut baxx fiz-zokkor (jiġifieri xott).
Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 6 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u t-Taqsima 4 tad-Dokument Uniku.
9. Karatteristiċi kimikofiżiċi
Deskrizzjoni: Għaż-żewġ tipi, il-qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum, għall-valur tal-qawwa alkoħolika proprja, tnaqqset minn 12,00 % vol. għal 10,50 %.
Raġunijiet: Din l-emenda hija f’konformità mad-deċiżjoni li l-prodott isir aktar ħelu, b’hekk jiżdied il-livell ta’ zokkor residwu.
Deskrizzjoni: Għall-Vin Santo del Chianti Classico, l-aċidità totali minima żdiedet minn 4,0 g/l għal 4,5 g/l.
Raġunijiet: Il-varjetajiet tal-għeneb aħmar jintużaw fit-taħlita varjetali, b’mod partikolari is-Sangiovese, li għandha tendenza partikolari biex iżżid l-aċidità tal-inbejjed li għalihom tintuża. Dawn l-emendi huma wkoll f’konformità max-xejriet tas-suq.
Dawn l-emendi jikkonċernaw l-Artikolu 6 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u t-Taqsima 4 tad-Dokument Uniku.
10. Aġġustamenti għall-forma
Deskrizzjoni: Il-varjetajiet tal-għeneb li huma rappreżentattivi tat-territorju huma indikati: Trebbiano Toscano, Malvasia Bianca Lunga, Malvasia Bianca di Candia, Sangiovese u Canaiolo (abjad u iswed), u saru xi referenzi għall-inbejjed.
Raġunijiet: It-test ġie adattat fid-dawl tal-emendi li jikkonċernaw il-varjetajiet tal-għeneb li diġà huma elenkati fit-taħlita varjetali, u l-karatteristiċi kimikofiżiċi u organolettiċi tal-prodotti.
Din l-emenda għall-forma tikkonċerna l-Artikolu 8 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott iżda ma tikkonċernax id-Dokument Uniku.
11. Firxa ta’ temperaturi - bidla fl-aġġettiv
Deskrizzjoni: Fir-rigward tal-post fejn jitqadded l-għeneb, ġie meqjus bħala suffiċjenti li tiġi indikata l-ħtieġa għal firxa tajba ta’ temperaturi (pjuttost minn waħda sinifikanti) u li l-post ikollu ventilazzjoni tajba.
Raġunijiet: Din id-definizzjoni ġiet meqjusa li hija aktar preċiża u rilevanti fil-proċess tat-tqaddid.
Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 8 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott iżda ma tikkonċernax id-Dokument Uniku.
DOKUMENT UNIKU
1. Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni
Vin Santo del Chianti Classico
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
DOP – Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta
3. Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli
1. |
Inbid |
4. Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed
1. Vin Santo del Chianti Classico
DESKRIZZJONI TESTWALI KONĊIŻA
Kulur: minn isfar lewn it-tiben għal isfar lewn id-deheb, għal ambra skur għal kannella;
Riħa: li tfakkar f’eteri, b’saħħitha, distintiva;
Togħma: armonjuża, bellusija, strutturata sew, minn mhux ħelwa għal ħelwa
Qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 16,00 %, b’qawwa alkoħolika proprja ta’ mill-inqas 10,5 %;
Estratt minimu mingħajr zokkor: 23,0 g/l.
Karatteristiċi analitiċi |
|
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum) |
|
Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum) |
|
Aċidità totali minima |
4,5 fi grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku |
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru) |
30 |
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru) |
|
2. Vin Santo del Chianti Classico Occhio di Pernice
DESKRIZZJONI TESTWALI KONĊIŻA
Kulur: minn roża f’lewn id-deheb għal ambra għal kannella;
Riħa: riħa li tfakkar f’eteri, intensa;
Togħma: ratba, bellusija u bbilanċjata, minn mhux ħelwa għal ħelwa;
Qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 16,00 %, b’qawwa alkoħolika proprja ta’ mill-inqas 10,5 %;
Estratt minimu mingħajr zokkor: 26,0 g/l.
Karatteristiċi analitiċi |
|
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum) |
|
Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum) |
|
Aċidità totali minima |
4,5 fi grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku |
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru) |
30 |
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru) |
|
5. Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid
5.1. Prattiki enoloġiċi speċifiċi użati biex isir l-inbid jew biex isiru l-inbejjed, u r-restrizzjonijiet rilevanti fuq il-produzzjoni tagħhom
1. Vin Santo del Chianti Classico DOP, inkluż bl-indikazzjoni tal-Occhio di Pernice
Prattika enoloġika speċifika
Il-metodu tradizzjonali ta’ vinifikazzjoni huwa kif ġej:
wara selezzjoni bir-reqqa, l-għeneb irid jgħaddi minn proċess ta’ tqaddid naturali; l-għeneb irid jitqadded f’post adattat; deidratazzjoni parzjali b’ventilazzjoni tal-arja hija permessa u l-għeneb irid jikseb kontenut suffiċjenti taz-zokkor qabel ma jiġi mitħun; ma hija permessa l-ebda prattika ta’ arrikkiment tal-għeneb. Il-vinifikazzjoni, l-ippreservar u t-tqaddim tal-Vin Santo del Chianti Classico jridu jseħħu f’kontenituri tal-injam (magħrufa bħala “caratelli”).
5.2. Rendimenti massimi għal kull ettaru
1. |
Vin Santo del Chianti Classico DOP, inkluż bl-indikazzjoni tal-Occhio di Pernice
|
2. |
Vin Santo del Chianti Classico DOP, inkluż bl-indikazzjoni tal-Occhio di Pernice
|
6. Definizzjoni taż-żona demarkata
Iż-żona li fiha jiġi prodott id-DOP Vin Santo del Chianti Classico tinkludi 71 800 ettaru fiċ-ċentru tar-Reġjun tat-Toskana, inkluż parti mit-territorju tal-provinċji ta’ Firenze (30 400 ettaru) u Siena (41 400 ettaru). B’mod partikolari, il-muniċipalitajiet kollha ta’ Greve in Chianti, Castellina in Chianti, Radda in Chianti u Gaiole in Chianti kollha huma inklużi f’din iż-żona. Il-muniċipalitajiet ta’ San Casciano in Val di Pesa, Barberino Tavarnelle, Castelnuovo Berardenga u Poggibonsi huma parzjalment inklużi.
7. Varjetajiet ta’ għeneb tal-inbid
Malvasia Bianca Lunga B. - Malvasia
Malvasia Bianca di Candia B. - Malvasia
Sangiovese N. - Sangioveto
Trebbiano Toscano B. - Trebbiano
8. Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet
Chianti Classico DOP inkluż bl-indikazzjoni tal-Occhio di Pernice
L-inbid Vin Santo ilu karatteristika importanti fiż-żona tal-Chianti Classico sa mill-Medju Evu. L-oriġini tiegħu jmorru lura għall-1400. Il-produzzjoni tal-Vin Santo hija proprja arti li teħtieġ l-esperjenza. L-ewwel stadju fil-proċess huwa l-ħsad tal-aktar għeneb adattat, bħat-Trebbiano Toscano, Malvasia Bianca Lunga, Malvasia Bianca di Candia, Sangiovese u Canaiolo (iswed u abjad), li jitħarreġ bl-użu ta’ tekniki li huma tradizzjonali f’din iż-żona (“l-arkata Toskana”). Il-metodu ta’ tqaddid huwa naturali minħabba l-firxa tat-temperatura fiż-żona. Il-ħinijiet tal-fermentazzjoni, it-trasferimenti u l-metodi ta’ tqaddim huma marbuta mal-esperjenza tal-vitikulturi lokali. Matul il-vinifikazzjoni, jintuża l-metodu “madre” [omm] tipiku lokali. Dan jinvolvi ż-żrigħ bil-ħmejjer magħżula matul iż-żmien minn azjendi individwali.
9. Rekwiżiti oħra applikabbli (ippakkjar, tikkettar, rekwiżiti addizzjonali)
Vin Santo del Chianti Classico - l-ibbottiljar
Qafas legali:
Il-leġiżlazzjoni tal-UE
Tip ta’ rekwiżit ieħor:
L-ippakkjar fiż-żona ġeografika demarkata
Deskrizzjoni tar-rekwiżit:
L-operazzjonijiet tal-vinifikazzjoni, l-ippreservar, it-tqaddim u l-ibbottiljar iridu jitwettqu fi ħdan iż-żona tal-Vin Santo del Chianti Classico msemmija fl-Artikolu 3 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.
F’konformità mal-leġiżlazzjoni attwali nazzjonali u tal-UE, l-ibbottiljar jew l-imballaġġ iridu jsiru fi ħdan iż-żona ġeografika demarkata sabiex jiġu ssalvagwardjati l-kwalità u r-reputazzjoni tal-inbid Vin Santo del Chianti Classico, u tiġi garantita l-effettività tal-kontrolli rilevanti.
Vin Santo del Chianti Classico - vinifikazzjoni
Qafas legali:
Il-leġiżlazzjoni tal-UE
Tip ta’ rekwiżit ieħor:
Deroga fuq il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata
Deskrizzjoni tar-rekwiżit:
Soġġett għall-awtorizzazzjoni mill-Ministeru tal-Agrikoltura, tal-Ikel u tal-Politika dwar il-Forestrija, u b’segwitu għal valutazzjoni mir-Reġjun tat-Toskana, l-operazzjonijiet tal-vinifikazzjoni, l-ippreservar, it-tqaddim u l-ibbottiljar huma permessi ġewwa fabbriki tal-inbid li jinsabu barra miż-żona ġeografika demarkata, iżda mhux aktar bogħod minn 10 km mill-konfini tagħha. Il-kundizzjonijiet huma li dawn il-fabbriki tal-inbid iridu jkunu diġà jeżistu fil-ħin tad-dħul fis-seħħ tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, u li jridu jappartjenu għal azjendi li jipproduċu, individwalment jew kollettivament, għeneb adattat għall-produzzjoni tal-Vin Santo del Chianti Classico, maħsud minn vinji li jkunu jew proprjetà ta’ tali azjendi, jew immaniġġjati minnhom.
Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott
https://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/18197