8.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 223/63


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2022/C 223/09)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

“Bardejovský Med / Med z Bardejova”

Nru tal-UE: PDO-SK-02778 – 28.6.2021

DOP (X) IĠP ( )

1.   Isem/Ismijiet [tad-DOP jew tal-IĠP]

“Bardejovský Med / Med z Bardejova”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Ir-Repubblika Slovakka

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.4. Prodotti oħrajn li joriġinaw mill-annimali (bajd, għasel, diversi prodotti mill-ħalib għajr butir, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Il-“Bardejovský Med”/“Med z Bardejova” ikopri tliet prodotti separati:

 

Għasel mill-qtar tal-għasel tas-siġar taż-żnuber;

 

Għasel mill-qtar tal-għasel tas-siġar tal-lajm; u

 

Għasel mill-qtar tal-għasel tas-siġar.

Dan jiġi ppreżentat lis-suq f’forma likwida jew kristallizzata.

Għasel tal-qtar tal-għasel tas-siġar taż-żnuber

Karatteristiċi fiżikokimiċi

Kontenut ta’ ilma: mhux aktar minn 18 % tas-superfiċje fir-reċipjent wara li joqgħod

Kontenut ta’ idrossimetilfurfural (HMF):

 

għall-għasel mhux maħlul wara ċ-ċentrifugazzjoni, mhux aktar minn 5 mg/kg

 

għall-għasel maħlul wara l-kristallizzazzjoni, mhux aktar minn 15-il mg/kg

Kontenut ta’ sukrożju: mhux aktar minn 5 g/100 g

Kontenut ta’ glukożju u fruttożju: mill-anqas 60 %

Kontenut ta’ oligoelementi: aktar minn 1 %

Konduttività elettrika: mill-anqas 100 mS/m

Fih kwantitajiet għoljin ħafna ta’ minerali u oligoelementi.

Karatteristiċi organolettiċi

Dehra

Kulur

:

ċar, minn skur għal iswed, bi ħjiel żgħir ta’ aħdar wara l-kristallizzazzjoni

95-114 mm fuq l-iskala Pfund

Kristallizzazzjoni

:

il-kristallizzazzjoni tipproduċi kristalli fini ħafna li jinħallu malajr f’temperatura baxxa meta l-għasel jinħall

Aroma

:

aroma mhux qawwija, mhux immarkata żżejjed, u delikata ħelwa ta’ butir

Togħma

:

togħma delikata ħelwa b’togħma mhux qawwija u mhux immarkata żżejjed ta’ butir

Għasel tal-qtar tal-għasel tas-siġar tat-tilju

Karatteristiċi fiżikokimiċi

Kontenut ta’ ilma: mhux aktar minn 18 % tas-superfiċje fir-reċipjent wara li joqgħod

Kontenut ta’ idrossimetilfurfural (HMF):

 

għall-għasel mhux maħlul wara ċ-ċentrifugazzjoni, mhux aktar minn 5 mg/kg

 

għall-għasel maħlul wara l-kristallizzazzjoni, mhux aktar minn 15-il mg/kg

Kontenut ta’ sukrożju: mhux aktar minn 5 g/100 g

Kontenut ta’ glukożju u fruttożju: tal-anqas 60 %;

Kontenut ta’ oligoelementi: aktar minn 1 %;

Konduttività elettrika: mill-anqas 90 mS/m

Karatteristiċi organolettiċi

Dehra

Kulur

:

ċar, minn kannella skur għal iswed, bi traċċa ħafifa ta’ aħdar wara l-kristallizzazzjoni

95-110 mm fuq l-iskala Pfund

Kristallizzazzjoni

:

il-kristallizzazzjoni tal-qtar tal-għasel tas-siġar tal-lajm hija relattivament rapida meta mqabbla ma’ dik ta’ speċijiet oħrajn; il-kristalli huma pjuttost kbar u jixbhu l-frak oħxon tar-ramel

Aroma

:

pikkanti b’aroma qawwija ta’ żahar tal-lajm

Togħma

:

kemxejn pikkanti b’togħma distintiva simili għall-mentol

Għasel mill-qtar tal-għasel tas-siġar

Karatteristiċi fiżikokimiċi

Kontenut ta’ ilma: mhux aktar minn 18 % tas-superfiċje fir-reċipjent wara li joqgħod

Kontenut ta’ idrossimetilfurfural (HMF):

 

għall-għasel mhux maħlul wara ċ-ċentrifugazzjoni, mhux aktar minn 5 mg/kg

 

għall-għasel maħlul wara l-kristallizzazzjoni, mhux aktar minn 15-il mg/kg

Kontenut ta’ sukrożju: mhux aktar minn 5 g/100 g

Kontenut ta’ glukożju u fruttożju: tal-anqas 60 %;

Kontenut ta’ oligoelementi: aktar minn 1 %;

Konduttività elettrika: mill-anqas 95 mS/m

Karatteristiċi organolettiċi

Dehra

Kulur

:

ċar, aħmar jagħti fil-kannella, kannella għal kannella skur

95-110 mm fuq l-iskala Pfund

Kristallizzazzjoni

:

rapida, tifforma kristalli pjuttost ħoxnin

Aroma

:

kemxejn pikkanti

Togħma

:

kemxejn ta’ butir u pikkanti b’togħma karatteristika ta’ qtar tal-għasel tas-siġar

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-passi kollha fil-produzzjoni tal-“Bardejovský Med”/“Med z Bardejova”, mit-tqegħid tal-kaxxi tan-naħal sal-mili tal-vażetti, iridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Il-“Bardejovský Med”/“Med z Bardejova” irid jiġi ppakkjat fiż-żona ġeografika ddefinita msemmija fil-punt 4 sabiex tiġi protetta aħjar l-awtentiċità u l-kwalità tal-prodott u tiġi żgurata t-traċċabbiltà u s-sorveljanza tal-prodott.

Dan huwa l-uniku mod kif tiġi ppreservata l-kwalità u kif tiġi evitata kwalunkwe bidla fil-karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi. It-trasport tal-merkanzija lejn post ġdid iwassal għal bidliet fit-temperatura u fl-umdità, l-assorbiment ta’ rwejjaħ estranji, żieda fil-kwantità ta’ HMF u tnaqqis fid-dijastażi. L-ippakkjar tal-prodott fiż-żona ddefinita jnaqqas ir-riskju li jitħallat ma’ għasel minn barra ż-żona ddefinita fil-punt 4.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Il-“Bardejovský Med”/“Med z Bardejova” isir fiż-żona tal-Muntanji Čergov fid-distrett ta’ Bardejov, fil-muniċipalitajiet ta’ Hertník, Šiba, Hervartov, Richvald, Kríže, Tarnov, Rokytov u Mokroluh, u fil-partijiet li ġejjin tal-belt Bardejov: Koligrund, Bardejovská zábava, Poštárka u Bardejov-Mihaľov.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini “Bardejovský Med”/“Med z Bardejova” hija bbażata biss fuq il-kwalità u fuq il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott, li jirriżultaw mill-fatturi naturali u umani preżenti fiż-żona ġeografika.

Il-Muntanji Čergov jinsabu fil-Grigal tas-Slovakkja. Il-medda fformat fuq bażi ta’ flysch bi blat ramli u bi blat tafli. Il-wiċċ huwa miksi b’foresti mħalltin fejn jiddominaw il-fagu, iż-żnuber u l-prinjol. Is-sezzjoni tal-għoljiet ta’ Bardejov għandha siġar omoġenji taż-żnuber li f’żona waħda f’nofshom hemm ukoll siġar tal-lajm ta’ weraq żgħar u siġar tal-fagu. Il-proporzjon ta’ siġar taż-żnuber fil-foresti ta’ din iż-żona ġeografika ddefinita huwa għoli ħafna – stmat għal 70 %. Madwar 6 000 ettaru tal-erja tal-foresti huma miksija biż-żnuber, u l-kaxxi tan-naħal jinsabu f’dawk iż-żoni f’siti permanenti jew nomadiċi.

Il-medda kollha ta’ Čergov tinsab fiż-żona klimatika friska, b’temperaturi medji ta’ bejn -3 u -6 °C fix-xitwa u ta’ bejn 14 u 16 °C fis-sajf, u bis-silġ li jinżel bejn 120 u 160 jum fis-sena. It-temperatura fiż-żona tilħaq 25 °C jew aktar f’bejn 10 ijiem u 30 jum fis-sena. Il-klima hija pjuttost friska u umda, u din toħloq kundizzjonijiet xierqa għaċ-ċiklu tal-ħajja tal-afidi taż-żnuber bi strixxi ħodor (Cinara pectinatae) fil-familja Lachnidea, u għall-proliferazzjoni tal-afidi f’kolonji kbar. L-afidi jnixxi l-qtar tal-għasel tas-siġar u dan huwa riżorsa bażika għall-produzzjoni ta’ “Bardejovský Med”/“Med z Bardejova”.

L-afidi jieklu billi jtaqqbu l-friegħi tas-siġar taż-żnuber jew il-weraq ta’ siġar oħra li jwaqqgħu l-weraq jew ta’ siġar koniferi u jixorbu s-sugu tagħhom. Il-metaboliżmu tagħhom ma jistax jipproċessa wħud mill-komponenti tas-sugu u għalhekk jarmuhom fil-forma ta’ qtar ħelu, li n-naħal jieħduh fil-kaxxi tagħhom u jarrikkixxuh b’sustanzi speċifiċi (enzimi); iħaxxnuh, jaħżnuh fix-xehda tal-għasel fil-kaxxi tan-naħal tagħhom u jipproduċu l-għasel minnu. In-naħal tal-għasel Karnjolana (Apis mellifera carnica) ilu jinżamm f’din iż-żona għal ħafna żmien, u adatta għall-kundizzjonijiet klimatiċi lokali u għall-ħsad tal-qtar tal-għasel tas-siġar.

In-naħal jipproduċi l-“Bardejovský Med”/“Med z Bardejova” f’kaxxi tan-naħal li jinsabu b’mod permanenti f’imġiebaħ jew f’kaxxi tan-naħal nomadiċi fi ħdan il-konfini ddeterminati b’mod preċiż tal-muniċipalitajiet fiż-żona ġeografika ddefinita. Il-kaxxi tan-naħal iridu jkunu magħmulin minn materjal naturali: l-injam. In-naħal ma jistax jinżamm f’assemblaġġi ta’ kaxxi tan-naħal tal-plastik jew tal-polistiren.

L-għasel jinkiseb minn xehdiet tal-għasel permezz taċ-ċentrifugazzjoni f’estratturi tal-għasel. Iċ-ċentrifugazzjoni ssir meta l-għasel ikun misjur u l-kontenut tal-ilma ma jkunx jaqbeż 18 %. Ix-xehda tad-duqqas ma tistax tiġi ċċentrifugata. Waqt l-istaġun tat-trobbija tan-naħal, ma jistgħux jintużaw prodotti mediċinali kimiċi fil-kaxxi tan-naħal. Il-kontenut tal-ilma tal-għasel ma jistax jitnaqqas permezz ta’ evaporazzjoni teknika. Wara ċ-ċentrifugazzjoni, l-għasel jiġi ffiltrat bl-użu ta’ skrins biex jitneħħew l-impuritajiet (ix-xama’, in-naħal, eċċ.). Mill-għasel jistgħu jitneħħew biss l-impuritajiet, u ma jista’ jiżdied xejn miegħu. L-għasel imbagħad jinħażen f’kontenituri maħsuba għal dak il-għan jew jista’ jiġi ppakkjat immedjatament f’vażetti tal-ħġieġ maħsuba għall-bejgħ finali lill-konsumatur. Wara ċ-ċentrifugazzjoni, jekk l-għasel ikun inħażen f’kontenituri, jista’ jinħall biss f’temperaturi taħt il-45 °C. Il-proċess kollu taċ-ċentrifugazzjoni u l-ippakkjar tal-għasel jista’ jsir biss f’impjant iddeżinjat għal dak il-għan u approvat mill-amministrazzjoni veterinarja u tal-ikel reġjonali rilevanti, u li jrid ikun jinsab fit-territorju definit.

Dawk li jrabbu n-naħal jiġbru l-għasel b’mod tradizzjonali u artiġjanali, li huwa marbut mill-qrib maż-żona. Il-ħila tal-persuni tal-lokal li jrabbu n-naħal tinsab fl-għażla tagħhom tal-postijiet fejn ipoġġu l-imġiebaħ, il-mod kif jinkiseb l-għasel, iċ-ċentrifugazzjoni tiegħu u l-prinċipji tal-ħżin u d-dikantar tal-għasel. Fit-tagħmir tal-affumikazzjoni jintuża biss injam qadim li jkun qed jitmermer minn siġar lokali, li jipproduċi duħħan li ma jikkawżax ħsara jew irritazzjoni. Matul l-istaġun tat-trobbija tan-naħal, in-naħal ma jistax jiġi mitmugħ iz-zokkor jew għalf ieħor. Ix-xehdiet jinfetħu b’mod tradizzjonali bl-użu ta’ furketta. L-għasel jiġi estrattat mill-qafas permezz taċ-ċentrifugazzjoni, mingħajr l-użu tas-sħana. Ma jiġix pasturizzat.

L-ispeċifiċità tal-“Bardejovský Med / Med z Bardejova” tinsab primarjament fil-fatt li kemm l-għasel mill-qtar tas-siġar tal-lajm u l-għasel mill-qtar tal-għasel tas-siġar ukoll fihom l-għasel mill-qtar tas-siġar taż-żnuber, u dan jinfluwenza l-kulur tiegħu, minn kannella skur għal iswed; il-kompożizzjoni toħloq togħma delikata ħafna. Din il-kwalità speċifika hija dovuta għall-kompożizzjoni tagħha u għall-kontenut għoli ta’ flavonojdi, minerali u oligoelementi. L-għasel li joriġina b’dan il-mod huwa kkaratterizzat minn konsistenza pjuttost ħoxna, togħma delikata, kulur skur u aroma. Fih kwantitajiet għoljin ħafna ta’ minerali u oligoelementi.

Il-“Bardejovský Med / Med z Bardejova” ta’ kwalità, prodott f’siti nodfa u naturali rebaħ bosta premjijiet f’fieri globali prestiġjużi. Il-kwalità tal-prodott intweriet ukoll f’test ippubblikat fil-gazzetta Pravda fil-5 ta’ Lulju 2016: “Pereżempju, ftit taż-żmien ilu l-għasel mill-qtar tal-għasel tas-siġar minn Bardejov ġie ddikjarat il-prodott referenzjarju tat-tip tiegħu.” Artiklu fil-gazzetta Nový čas datat l-14 ta’ Ottubru 2012 kellu t-titlu “L-għasel ta’ Bardejov huwa l-aqwa fid-dinja: l-apikultur Jozef jirbaħ il-medalja tad-deheb”.

Il-Bardejovský Med / Med z Bardejova” għandu rabtiet mill-qrib maż-żona tal-oriġini tiegħu. Il-kwalitajiet speċifiċi tal-prodott huma marbuta maż-żona ġeografika. Is-siġar omoġenji taż-żnuber jikbru biss f’ambjent favorevoli u nadif ħafna. Il-kundizzjonijiet mikroklimatiċi, l-elevazzjoni ’l fuq mil-livell tal-baħar, il-klima u l-umdità taż-żona ddefinita joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għar-riproduzzjoni tal-afidi, li min-naħa tagħhom jaffettwaw il-produzzjoni tal-qtar tal-għasel tas-siġar. Il-kaxxi tal-għasel jinsabu f’foresti densi taż-żnuber.

Il-konduttività elettrika tal-għasel mill-qtar tal-għasel tas-siġar fiż-żona ġeografika ddefinita hija ħafna ogħla mill-konduttività tas-soltu tal-għasel mill-qtar tal-għasel tas-siġar f’żoni oħra. Il-konduttività elettrika tirriżulta f’kontenut għoli ta’ oligoelementi u minerali, bħall-manjeżju, il-manganiż, il-ħadid, ir-ram, il-kobalt, il-kalċju, il-fosfru u oħrajn. Hija l-preżenza ta’ dawn il-minerali u mikrominerali fis-sottoswol lokali fejn jikber iż-żnuber li jagħti lill-“Bardejovský Med / Med z Bardejova” l-karatteristiċi speċifiċi u l-kwalità tiegħu. Dawn is-sustanzi rari, jidħlu fil-fergħat tas-siġar taż-żnuber permezz tas-sistema tax-xniexel u mbagħad jiġu mnixxija mill-afidi li jieklu s-sugu tagħhom. Imbagħad in-naħal jittrasferihom għall-kaxxi tiegħu, fejn jiġi prodott l-għasel. Dawn il-fatti għandhom impatt fuq il-kompożizzjoni u l-kwalità tal-għasel u jagħtu lill-għasel ta’ Bardejov il-proprjetajiet karatteristiċi tiegħu.

L-għasel mis-siġar taż-żnuber ilu jiġi prodott f’din iż-żona għal perjodu twil ħafna mingħajr waqfien. L-esperjenza u l-ħila ta’ dawk li jrabbu n-naħal lokali huma riflessi fil-metodu ta’ kif jiġi prodott l-għasel. Bis-saħħa tal-livell għoli ta’ ħila tagħhom, il-persuni tal-lokal li jrabbu n-naħal jistgħu wkoll jikkonformaw mal-ħafna rekwiżiti imposti fuq il-produzzjoni tal-għasel u jipproduċu għasel bil-karatteristiċi speċifiċi li jirriżultaw min-natura eċċezzjonali ta’ din iż-żona ġeografika.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

https://www.indprop.gov.sk/swift_data/source/pdf/specifikacie_op_oz/Specifikacia_Bardejov.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.