4.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 182/25


Pubblikazzjoni tad-Dokument Uniku emendat wara l-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

(2022/C 182/06)

Il-Kummissjoni Ewropea approvat din l-emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1).

L-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ din l-emenda minuri tista’ tiġi kkonsultata fil-bażi tad-data eAmbrosia tal-Kummissjoni

DOKUMENT UNIKU

“LILIPUTAS”

Nru tal-UE: PGI-LT-00868-AM02 – 28.10.2021

DOP ( ) IĠP (X)

1.   Isem/Ismijiet

“Liliputas”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Il-Litwanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.3. Ġobon

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Il-“Liliputas” huwa ġobon magħmul bl-idejn, b’kontenut għoli ta’ xaħam (50 % f’materja niexfa), semiiebes bl-għamla ta’ ċilindru bit-trufijiet ittundjati. Huwa twil bejn 5,0 u 15,0 cm, b’dijametru ta’ bejn 7,0 u 8,5 cm u piż ta’ bejn 0,25 u 0,7 kg. Dan il-ġobon jinħadem fil-villaġġ ta’ Belvederis minn ħalib tal-baqar standardizzat u pasturizzat, billi jiġi kkoagulat il-ħalib u mbagħad il-koagulat jiġi pproċessat, bil-massa ġobnija li titgeżwer fi mkatar tal-qoton minsuġ u li mbagħad tiġi ppressata fil-forom ċilindriċi tradizzjonali. Il-ġobon jiġi mmaturat bejn 20 u 30 jum permezz ta’ mikroflora interna u mikroflora esterna, li hija l-moffa mikroskopika Penicillium pallidum Smith, li tikber b’mod naturali fil-kantini tal-ġobon fiż-żona ġeografika msemmija fil-punt 4.

Il-ġobon ħa l-isem “Liliputas” minħabba d-daqs tiegħu u jieħu l-karatteristiċi organolettiċi tiegħu mill-maturazzjoni f’tundjaturi żgħar fil-preżenza tal-moffa mikroskopika Penicillium pallidum Smith.

Tabella 1.

Indikaturi organolettiċi tal-ġobon “Liliputas”

Indikatur

Deskrizzjoni

Dehra

Il-qoxra hija lixxa, bla saff massiċċ taħtha, u hija miksija b’paraffin/polimeru jew xi kisja kompożita oħra. Jaf ikollha fuqha l-istampar ta’ għafset il-maktur u tal-forma li fiha jinħadem il-ġobon.

Togħma u aroma

Togħma u aroma friski ta’ aċidu lattiku, karatteristiċi tal-ġobon iffermentat. Jaf ikun kemxejn pikkanti u mielaħ.

Sawra

Omoġenja, pjuttost soda, elastika, li ċċedi mal-magħad.

Sezzjoni mal-qatgħa

Il-qatgħa ġieli tiżvela toqob żgħar, ovali, angolari jew kemxejn iċċattjati li jaf ikunu mifruxin sproporzjonalment.

Kulur

Ivarja minn lewn il-krema sa isfar, uniformi mal-ġobna kollha.


Tabella 2.

Karatteristiċi fiżiċi u kimiċi tal-ġobon “Liliputas”

Indikatur

Ammont (%)

Kontenut ta’ xaħam f’materja niexfa

50,0±5

Kontenut minimu ta’ materja niexfa

56,0

Kontenut ta’ melħ komuni

1,3–3,0


Tabella 3.

Il-valur nutrizzjonali medju ta’ 100 g ġobon “Liliputas”

Xaħam (g)

Proteini (g)

Karboidrati (g)

Valur tal-enerġija

Kcal

KJ

30,0

23,5

364

1 510

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

ħalib tal-baqar,

kulturi ta’ aċidu lattiku u ta’ batterja aromatika li jibdew il-fermentazzjoni,

enzimi tal-koagulazzjoni tal-ħalib,

melħ komuni.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Preparazzjoni u koagulazzjoni enzimatika tal-ħalib. Il-ħalib għall-produzzjoni tal-ġobon jiġi ppasturizzat u standardizzat b’tali mod li l-kontenut ta’ xaħam fil-materja niexfa tal-ġobon matur jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 3.2. Il-ħalib jiġi kkoagulat billi tiżdied l-enzima, il-kulturi li jibdew il-fermentazzjoni u l-klorur tal-kalċju.

Ipproċessar tal-boċċi tal-koagulat u tal-baqta. Il-koagulat jiġi pproċessat b’mod mekkaniku sakemm il-boċċi jilħqu d-daqs meħtieġ u mbagħad jitħawdu. Matul il-formazzjoni tal-boċċi tal-baqta, terz tax-xorrox jiskula, u mbagħad jissaħħnu l-boċċi tal-baqta. Wara li jissaħħnu, il-boċċi tal-baqta jitħawdu sakemm isiru ta’ daqs bejn 4 u 5 mm, u ma jibqgħux iwaħħlu u jsiru nexfin u solidi. Il-kontenut ta’ ndewwa fil-ġobon ma għandux ikun ogħla minn 44 %.

Iffurmar u ppressar tal-ġobon. Il-ġobon jiġi fformat mis-saff tal-baqta. Il-proċess jieħu bejn 20 u 25 minuta, u wara jinqata’ s-saff tal-baqta f’biċċiet, li jitqiegħdu fil-forom ċilindriċi bl-idejn biex jiġu ppressati bil-piż tagħhom stess. Waqt l-awtoppressar, il-ġobniet jiddawru darbtejn jew tlieta. L-awtoppressar jieħu bejn 20 u 25 minuta.

Wara l-awtoppressar, il-ġobniet jinħarġu mill-forom, jitgeżwru fi mkatar niedja li jippermettu li tifforma l-qoxra u jitpoġġew lura fil-forom qabel ma dawn jingħalqu bl-għotjien. Il-forom bil-ġobniet fihom jitqiegħdu fil-pressi u jiġu ppressati għal bejn siegħa u nofs u sagħtejn. Wara l-ippressar, il-ġobniet jinħarġu mill-forom, l-imkatar jitneħħew u kwalunkwe qxur li jaf ikunu ffurmaw bejn il-forom tal-ġobon u l-għotjien waqt l-ippressar jitneħħew.

Tmelliħ tal-ġobon. Il-ġobniet jintiżnu u jitpoġġew fis-salmura. Wara bejn 36 u 48 siegħa (determinati abbażi tal-progress u l-kapaċitajiet tal-proċess teknoloġiku), il-ġobniet jitneħħew mis-salmura, jitqiegħdu fuq l-ixkafef, jitnixxfu u mbagħad jitqiegħdu fuq l-ixkafef tal-maturazzjoni fil-kantina, li tinżamm f’temperatura ta’ bejn 10 u 14 °C u f’umdità ta’ bejn 85 u 94 % u fejn il-moffa mikroskopika Penicillium pallidum Smith tikber b’mod naturali.

Maturazzjoni tal-ġobon. Il-ġobniet fuq l-ixkafef jiddawru mill-inqas kull ħamest ijiem, kif deskritt mill-ewwel produtturi tal-ġobon, sabiex jiġi evitat li jistrieħu fuq il-ġnub u allura sabiex iżommu l-forma tagħhom. Matul il-proċess tal-maturazzjoni, il-ġobon jitgħatta b’kisja ta’ moffa mikroskopika, li tinħasel wara 20-30 jum, perjodu ddeterminat abbażi ta’ spezzjoni viżwali u wara li ssir valutazzjoni tal-parametri organolettiċi tal-ġobon (togħma, aroma, konsistenza). Ladarba l-kisja tal-moffa tinħasel minn fuq wiċċ il-ġobon, dan jitnixxef u jitgħatta b’kisja ta’ xama’.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Sabiex ma jintilfux il-karatteristiċi uniċi tal-ġobon, biex ma jitħalliex jinxef jekk is-saff ta’ paraffin protettiv jinkiser, u minħabba ċkunitu (piż bejn 0,25 u 0,7 kg), jinbiegħ biss sħiħ.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

It-tikketta trid turi b’mod ċar isem il-prodott, jiġifieri “Liliputas”, isem il-manifattur, u s-simbolu tal-UE.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Il-ġobon “Liliputas” jinħadem fil-villaġġ ta’ Belvederis, li huwa raħal ċkejken Litwan fil-Muniċipalità Distrettwali ta’ Jurbarkas li tinsab fil-Park Reġjonali ta’ Panemunė, fuq ix-xatt tal-lemin tax-xmara Nemunas, 1 km fil-Punent ta’ Seredžius.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Belvederis huwa n-nieqa storika tal-ispeċjalisti tal-prodotti tal-ħalib fil-Litwanja. Fl-1921, twaqqfet skola agrikola fid-dar amministrattiva tal-post, fejn is-suġġetti mgħallma kienu jinkludu s-sengħa tal-prodotti tal-ħalib. Wara xi snin, issawret mill-ġdid bħala kulleġġ tal-prodotti tal-ħalib, u fl-1944, saret kulleġġ tekniku tal-prodotti tal-ħalib. Għal bosta snin, fiha trawmu t-tradizzjonijiet tat-tagħlim dwar il-prodotti tal-ħalib fil-Litwanja. Matul l-34 sena tal-eżistenza tiegħu, il-kulleġġ/kulleġġ tekniku ħarreġ aktar minn 800 speċjalista tal-prodotti tal-ħalib, li l-biċċa l-kbira minnhom kisbu l-esperjenza tagħhom fl-aktar fabbrika antika tal-ġobon fil-Litwanja, li nbniet fl-1928 u li fiha jinħadem il-“Liliputas”. Il-ħalib użat fil-produzzjoni tal-ġobniet kien jissaħħan ġo bettija f’forn imsaħħan bl-injam. Is-separatur kien manwali, u l-forom għall-ġobon kienu tal-injam. Il-ġobniet kienu jinħaslu bi broxki tal-idejn, fix-xitwa fil-kantina u fis-sajf fil-miftuħ. Il-fabbrika tal-ġobon kienet biswit dar tas-silġ, li kienet tintuża biex fiha jinħażnu blokok tas-silġ miġjuba mix-xmara Nemunas. Is-silġ kien jintuża biex jiffriska l-kantini tal-ġobon. Fil-bidu, il-fabbrika tal-ġobon ta’ Belvederis kienet tipproduċi ġobniet akbar (2,5-3,0 kg), tondi semiiebsin, iżda, mill-1958, meta l-fabbrika tkabbret, bdiet tipproduċi ġobniet żgħar ta’ 0,4-0,7 kg, u f’kemm ilna ngħidu l-isem “Liliputas” sar popolari. L-imgħallem tal-ġobon Jonas Jarušaitis kien l-ewwel li rnexxielu jipproduċi dan il-ġobon b’suċċess. Fl-ewwel sena li fiha beda jinħadem, qajla ġew immaturati 8 tunnellati ta’ dan il-ġobon, iżda, 40 sena wara, il-produzzjoni żdiedet għal 130 tunnellata. Il-forom għall-ġobon l-antiki tal-injam inżammu bħala rikordju fil-fabbrika tal-ġobon ta’ Belvederis, flimkien ma’ xi kaxxi tal-kartun għall-ippakkjar u kartolina min-nofs is-seklu 20, li turi l-ġobniet qegħdin jinħaslu f’bettija u tistieden lil dak li jkun biex jattendi festa rjali u jduq il-ġobniet magħmulin bl-idejn ta’ Belvederis u ikel tipiku ieħor.

Illum il-ġurnata, il-“Liliputas” għadu jinħadem permezz tat-teknoloġija unika u awtentika tal-1958. Il-ħiliet u l-għarfien tal-produzzjoni li ngħaddew minn ġenerazzjoni għal oħra mill-impjegati tal-fabbrika tal-ġobon għamluha possibbli li jitħarsu d-daqs distintiv, il-karatteristiċi organolettiċi u l-kwalità tal-prodott.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Karatteristika speċifika tal-ġobon “Liliputas” hija li dan huwa ċkejken, b’piż ta’ bejn 0,25 u 0,7 kg biss, u huwa miksi b’kisja xama’ li tipproteġih mill-ħsara. Il-ġobon “Liliputas” jikseb it-togħma u l-aroma friska ta’ aċidu lattiku tiegħu mill-maturazzjoni f’għamla ta’ blalen żgħar f’kantina friska u umda, miksija bl-ispori tal-moffa mikroskopika Penicillium pallidum Smith. Ma jidhru l-ebda traċċi tal-moffa mikroskopika fuq il-ħitan, l-ixkafef jew is-saqaf tas-sala tal-maturazzjoni, iżda, xi jiem wara li l-ġobniet “Liliputas” jitmellħu u jitqiegħdu fuq l-ixkafef, dawn jieħdu d-dehra ta’ fosdqiet tad-dud tal-ħarir. Sabiex il-moffa mikroskopika ma titħalliex tippenetra l-ġobon matul il-maturazzjoni, tingħata protezzjoni mill-qoxra li tifforma matul l-ippressar. Sabiex tifforma l-qoxra, il-ġobniet jinħarġu mill-forom ċilindriċi wara l-awtoppressar u jitgeżwru fi mkatar tal-qoton minsuġ qabel ma jitqiegħdu lura fil-forom ċilindriċi u ppressati fil-pressi.

Il-ġobniet huma mmanifatturati bil-metodu tradizzjonali, kważi mill-bidu sal-aħħar bl-idejn, jiġifieri s-saff tal-baqta jinqata’ u jitpoġġa fil-forom u l-ġobniet jitgeżwru fl-imkatar, jinqalbu, jinħaslu, jintmesħu u jingħataw ix-xama’ bl-idejn, li huwa proċess li matulu kull ġobna individwali tiġi trattata bl-idejn aktar minn 50 darba.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DOP) jew kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott (għall-IĠP)

L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ Indikazzjoni Ġeografika Protetta hija msejsa fuq it-tradizzjoni, il-metodu speċifiku ta’ produzzjoni u r-reputazzjoni.

F’moħħ in-nies, Belvederis, li huwa n-nieqa tax-xjenza tal-prodotti mill-ħalib fil-Litwanja, huwa marbut direttament mal-ġobon “Liliputas” li ma hemmx ieħor bħalu, u li ilu jiġi prodott bl-istess mod sa mill-1958. Il-fabbrika tal-ġobon ta’ Belvederis bħalissa hija l-uniku produttur ta’ dan il-ġobon uniku magħmul bl-idejn.

Il-ġobon “Liliputas” jikseb it-togħma u l-aroma speċifiċi tiegħu billi jiġi mmaturat f’għamla ta’ blalen żgħar permezz ta’ mikroflora interna u l-moffa mikroskopika Penicillium pallidum Smith, li tikber fil-kantini taż-żona ġeografika msemmija fil-punt 4 fejn dawn jinżammu f’temperatura kostanti ta’ bejn 10 °C u14 °C u umdità ta’ bejn 85 % u 94 %.

Il-ġobon “Liliputas” intwera f’bosta esebizzjonijiet, kemm fil-Litwanja u kemm barra ’l pajjiż, u ntlaqa’ tajjeb ferm f’esebizzjonijiet f’Leipzig, Poznań, Zagreb, Londra, Pariġi, Copenhagen, Vjenna u bnadi oħra. Il-“Liliputas” rebaħ midalja tad-deheb fl-esebizzjoni “Agra-76” f’dik li dak iż-żmien kienet tissejjaħ ir-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja. Ingħata diploma tal-ewwel klassi fil-kompetizzjoni/stħarriġ tal-kwalità tal-1984 f’Uglich, l-Unjoni Sovjetika, u rebaħ midalja tad-deheb fil-kompetizzjoni “Il-Prodott Litwan għas-Sena 2002”, li ttellgħet mill-Konfederazzjoni Litwana tal-Industrijalisti. Fl-esebizzjoni internazzjonali tal-ikel u x-xorb “World Food Moscow 2005”, rebaħ midalja tal-bronż, u, fl-esebizzjoni internazzjonali għall-industriji agrikoli u tal-ipproċessar “Zolotaya osen 2008”, dejjem f’Moska, il-“Liliputas” kien preżenti fl-istand nazzjonali Litwan imtella’ mill-Ministeru tal-Agrikoltura Litwan. Waqt l-“AgroBalt 2010”, wirja internazzjonali speċjalizzata għall-kumpaniji fl-industriji agrikoli, tal-ikel u tal-imballaġġ, il-ġobon “Liliputas” rebaħ premju għall-kwalitajiet naturali u ekoloġiċi tiegħu. Kemm il-“Liliputas” u kemm il-produtturi dedikati tiegħu spiss feġġew kitbiet dwarhom fl-istampa Litwana (1999-2003).

Minkejja li l-“Liliputas” jiswa d-doppju tal-ġobon maħdum f’fabbrika mekkanizzata, xorta għandu klijentela fidila li tapprezza l-prodotti maħduma bl-idejn li jkunu ta’ kwalità u naturali. Il-volumi tal-produzzjoni baqgħu stabbli tul is-snin.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

Speċifikazzjoni tal-prodott


(1)  ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17.