4.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 182/1


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija 2022-2024

(2022/C 182/01)

1.   Introduzzjoni

It-tensjonijiet fis-suq tal-enerġija li sabet ruħha fihom l-UE f’dawn l-aħħar xhur huma tfakkira qawwija tar-riskji u tal-kostijiet li għandhom it-tendenza li jiġu b’dipendenza estensiva fuq il-fjuwils fossili importati, aggravati mill-attakk tar-Russja fuq l-Ukrajna. Il-prezzijiet tal-enerġija huma għal darba oħra fiċ-ċentru tal-attenzjoni politika, minħabba l-impatt reali ħafna li għandhom fuq iċ-ċittadini u fuq in-negozji tal-Ewropa. Madankollu, din ma hijiex l-ewwel kriżi enerġetika tal-Ewropa, u lanqas ma hija probabbli li tkun l-aħħar waħda sakemm ma nżidux ir-reżiljenza billi nżidu l-investimenti fit-tranżizzjoni ekoloġika u, b’hekk, inpoġġu l-effiċjenza enerġetika l-ewwel (1). Il-kapaċitajiet attwali tal-enerġija dekarbonizzata huma ’l bogħod milli jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet kollha tal-enerġija u l-konsum aktar baxx tal-enerġija jista’ jagħmel kontribut immedjat f’dawn iċ-ċirkostanzi. Jekk wieħed iħares lejn il-futur, l-iffrankar tal-enerġija huwa parti intrinsika mill-iżvilupp ta’ sistema tal-enerġija kostottimali u reżiljenti li kapaċi tipprovdi servizzi tal-enerġija affordabbli lil kulħadd u tindirizza l-faqar enerġetiku (2). L-effiċjenza enerġetika se tkun ukoll komponent ewlieni tal-pjan RePowerEU li l-mexxejja tal-UE inkarigaw lill-Kummissjoni biex tippreżenta sa Mejju.

Il-politiki tal-UE dwar l-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija huma parti ewlenija minn din l-aġenda. Dawn huma regoli tas-Suq Uniku li jagħmluha aktar faċli u anqas għalja għan-negozji, għaċ-ċittadini u għall-gvernijiet biex jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u jwettqu l-effiċjenza enerġetika tal-UE u l-objettivi aktar wiesgħa tal-“Patt Ekoloġiku Ewropew”, inkluża l-aġenda għal Ekonomija Ċirkolari. Huma joħolqu opportunitajiet ta’ negozju u jżidu r-reżiljenza billi jistabbilixxu regoli armonizzati għal “prodotti relatati mal-enerġija” dwar aspetti bħall-konsum tal-enerġija, il-konsum tal-ilma, il-livelli ta’ emissjonijiet u l-effiċjenza tal-materjali, jistimulaw kemm id-domanda għal prodotti aktar sostenibbli kif ukoll il-provvista tagħhom filwaqt li jnaqqsu b’mod sinifikanti n-nefqa tal-utenti tal-enerġija: l-istimi jindikaw li l-iffrankar fl-2021 qabeż EUR 120 biljun u jista’ jilħaq id-doppju fl-2022 (3).

Fi ħdan il-possibbiltajiet tar-regoli eżistenti tal-UE dwar l-ekodisinn u f’sinerġija mal-enfasi fuq l-effiċjenza enerġetika, dan il-pjan ta’ ħidma jsaħħaħ il-fokus fuq l-aspetti taċ-ċirkolarità tal-ekodisinn, skont l-eżempju stabbilit fil-Pjan ta’ Ħidma9 preċedenti u f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari 2020 (4). Bħala tali, diġà qabel ma jidħol fis-seħħ ir-Regolament dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli u jissostitwixxi d-Direttiva dwar l-Ekodisinn attwali, jistgħu u se jiġu esplorati rekwiżiti ġodda speċifiċi għall-prodott dwar aspetti tal-effiċjenza tal-materjali. Dan għandu jirriżulta f’aktar ċirkolarità mtejba u tnaqqis ġenerali tal-impronti ambjentali u klimatiċi tal-prodotti relatati mal-enerġija, kif ukoll reżiljenza aktar b’saħħitha tal-UE.

Kemm id-Direttiva dwar l-Ekodisinn (5) kif ukoll ir-Regolament Qafas dwar it-Tikkettar tal-Enerġija (6) jistabbilixxu kriterji għall-adozzjoni ta’ miżuri għal gruppi speċifiċi ta’ prodotti. Huma jirrikjedu wkoll li l-prijoritajiet jiġu stabbiliti permezz ta’ Pjanijiet ta’ Ħidma kontinwi aġġornati b’mod regolari li jqisu l-progress li jkun sar u jinkludu prijoritajiet indikattivi għal gruppi ta’ prodotti ġodda relatati mal-enerġija li għandhom jiġu kkunsidrati.

Dan il-pjan jibni fuq il-ħidma li saret mill-adozzjoni tal-ewwel Direttiva dwar l-Ekodisinn u l-Pjanijiet ta’ Ħidma preċedenti (li jkopru l-perjodi 2009-2011 (7), 2012-2014 (8) u 2016-2019 (9)), iżda jkopri wkoll il-ħidma meħtieġa skont ir-Regolament Qafas dwar it-Tikkettar tal-Enerġija, li jistabbilixxi skadenzi għar-riklassifikazzjoni tat-tikketti eżistenti, u jqis il-progress li sar bir-Reġistru Ewropew tal-Prodotti għat-Tikkettar tal-Enerġija (EPREL). Fl-aħħar nett, il-pjan ikopri wkoll ħidma simili fuq it-tikkettar tat-tajers għalkemm huwa bbażat fuq bażi ġuridika speċifika (10).

Ir-Regolament dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli adottat fl-istess ħin ta’ dan il-pjan ta’ ħidma se jissostitwixxi d-Direttiva dwar l-Ekodisinn b’Regolament applikabbli għal firxa aktar wiesgħa ta’ prodotti u jagħmilha possibbli li jiġu estiżi aktar ir-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà għall-prodotti regolati. Sakemm jidħol fis-seħħ dan ir-regolament il-ġdid, l-implimentazzjoni se tkompli fi ħdan id-Direttiva attwali. Dan id-dokument jiffoka fuq il-prodotti relatati mal-enerġija (“ErPs”) u jistabbilixxi l-prijoritajiet u l-ippjanar għal dawn. Huwa jippreżenta l-ħidma speċifika għall-prodott u orizzontali involuta fl-implimentazzjoni, il-konsolidazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri ta’ dan il-korp ewlieni ta’ leġiżlazzjoni tal-UE direttament applikabbli. Fil-futur, ladarba jiġi adottat ir-Regolament dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli (ESPR), il-ħidma fuq l-ErPs se tiġi integrata fi Pjanijiet ta’ Ħidma aktar wiesgħa tal-ESPR u tibqa’ fokus prominenti.

Attwalment, madwar 30 grupp ta’ prodotti “ErP” huma regolati permezz ta’ xi 50 miżura. Dawn japplikaw għal biljuni ta’ prodotti (11) mqiegħda fis-suq kull sena, u għandhom implikazzjonijiet diretti għall-fornituri, għall-bejjiegħa bl-imnut, għan-negozji u għall-konsumaturi fuq bażi ta’ kuljum. Madwar nofs l-użu finali totali tal-enerġija tal-UE jiġi kkunsmat fi prodotti li huma soġġetti għal din il-leġiżlazzjoni.

It-tħejjija tal-pjan ta’ ħidma wriet li għad hemm potenzjal għal iffrankar sostanzjali u kosteffettiv mill-espansjoni tal-ambitu għal ErPs ġodda. Fl-istess ħin, lezzjoni ewlenija meħuda mill-implimentazzjoni tal-aħħar pjan ta’ ħidma hija li l-ħsad tal-benefiċċji sħaħ ta’ dan il-qasam ta’ politika se jirrikjedi tqabbil aħjar bejn l-ambizzjoni u r-riżorsi, kemm għall-implimentazzjoni tal-politika fil-livell tal-UE kif ukoll fir-rigward tal-isforzi tal-Istati Membri fis-sorveljanza tas-suq.

2.   L-impatti stmati tal-politiki

L-aħħar rapport dwar il-Kontabbiltà tal-Impatt tal-Ekodisinn (12) jistma li l-effett kumulattiv tar-regoli tal-UE dwar l-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija fl-2020 naqqas id-domanda għall-enerġija primarja tal-UE b’7 % jew 1 037 TWh/sena (tnaqqis fil-GHG ta’ madwar 170 Mt ekwivalenti ta’ CO2) inkluż madwar 16-il biljun metru kubu ta’ gass. L-iffrankar tal-enerġija mill-miżuri attwalment fis-seħħ se jiżdied b’mod sostanzjali fis-snin li ġejjin, b’mod partikolari bis-saħħa tar-rotazzjoni tal-istokk, b’medja li taqbeż l-1 500 TWh/sena matul il-perjodu 2021-2030. Aktar minn 60 % tal-iffrankar tal-enerġija fl-2020 ġie mis-settur residenzjali, 24 % mis-settur terzjarju u 10 % mis-settur tal-industrija. Ir-regoli tal-UE fl-2020 taw benefiċċji lill-konsumaturi tal-enerġija li jammontaw għal EUR 60 biljun/sena (madwar 0,4 % tal-PDG tal-UE) – EUR 210/sena għal kull unità domestika. Bl-istess mod, meta mqabbel ma’ xenarju ta’ ebda politika, ġie ġġenerat dħul kummerċjali addizzjonali ta’ madwar EUR 21 biljun/sena fl-2020 u huwa stmat li se jikber għal EUR 29 biljun/sena sal-2030. Dan jikkorrispondi għal żieda ta’ aktar minn 320 000 impjieg ġdid dirett fl-2020 (430 000 sal-2030). Dawn l-istimi huma bbażati fuq il-livelli tal-prezzijiet tal-enerġija qabel iż-żidiet fil-prezzijiet fl-2021 (ara d-dokument ta’ ħidma tal-persunal għad-dettalji).

B’mod aktar ġenerali, studju reċenti mill-IEA (13) wera li f’pajjiżi b’politiki li ilhom għaddejjin, l-apparat issa tipikament jikkonsma 30 % anqas enerġija milli kieku kien jagħmel. L-itwal programmi operattivi, bħal dawk fl-Istati Uniti u fl-UE, huma stmati li jwasslu tnaqqis annwali ta’ madwar 15 % tal-użu totali tal-elettriku (li għall-programm tal-UE huwa madwar daqs il-produzzjoni totali preżenti tal-UE mill-enerġija mir-riħ, jew 2-3 darbiet dik tal-pannelli solari).

Stħarriġ tal-Ewrobarometru wera li l-maġġoranza l-kbira tal-konsumaturi tal-UE (93 %) jagħrfu t-tikketta tal-enerġija u 79 % huma influwenzati minnha meta jixtru l-apparat (14). Riċerka xjentifika reċenti (15) tikkonferma li tikketti kklassifikati bħat-tikketta tal-enerġija tal-UE għandhom effett akbar fuq l-imġiba tal-konsumatur minn disinji alternattivi.

3.   Is-sitwazzjoni attwali u l-lezzjonijiet meħuda mill-pjanijiet ta’ ħidma preċedenti

Ħarsa ġenerali lejn il-miżuri fis-seħħ hija disponibbli online (16). Mill-1 ta’ Marzu 2022, ir-Regolamenti dwar l-Ekodisinn huma fis-seħħ għal 29 grupp ta’ prodotti, filwaqt li r-Regolamenti dwar it-Tikkettar tal-Enerġija japplikaw għal 15-il grupp ta’ prodotti. Ftehimiet Volontarji mill-industrija ġew rikonoxxuti għall-Consoles tal-Logħob u għat-Tagħmir tal-Immaġni. Fl-2020, il-partijiet itterminaw ftehim aktar antik dwar is-Set Top Boxes Kumplessi minħabba tnaqqis fis-sehem mis-suq tal-prodotti kkonċernati (dawn il-prodotti jibqgħu soġġetti għal regoli orizzontali dwar il-konsum tal-enerġija fil-modalità standby u mitfi (17)).

Dan il-pjan ta’ ħidma huwa akkumpanjat minn status dettaljat għall-progress li sar fil-prijoritajiet u l-ħidma identifikati fl-aħħar pjan ta’ ħidma mill-2016 (18). Sar ħafna, inkluża l-modernizzazzjoni tat-tikketti tal-enerġija għal prodotti ewlenin għall-konsumatur bħall-friġġijiet ħfief, il-magni tal-ħasil, is-settijiet tat-televiżjoni u s-sorsi tad-dawl u l-adozzjoni ta’ rekwiżiti tal-ekodisinn għal diversi prodotti li jvarjaw minn servers għal muturi elettriċi. Madankollu, madwar 40 % għadu għaddej u se jiġi riportat għall-perjodu ta’ ppjanar attwali. Fost il-flussi ta’ ħidma konklużi, ħafna ma wasslux għall-adozzjoni ta’ regoli ġodda iżda ntemmu minħabba li l-Kummissjoni ddeċidiet li twaqqaf ix-xogħol jew tal-anqas li ma twettaqx il-leġiżlazzjoni għalissa, jew minħabba li investigazzjonijiet dettaljati wrew li l-potenzjali kienu iżgħar jew aktar diffiċli biex jiġu sfruttati milli kien maħsub inizjalment jew minħabba li kien hemm prijoritajiet oħra fil-kuntest ta’ riżorsi limitati tal-persunal - jew kombinazzjoni ta’ dawn it-tnejn. It-twieqi, l-apparat li jnixxef l-idejn, il-pakketti tal-kompressuri u l-ktieli tal-elettriku huma kollha eżempji ta’ tali flussi ta’ ħidma mwaqqfa li jirrappreżentaw potenzjali li huma limitati jew kumplessi biex jiġu sfruttati u li ma kienx possibbli li jiġu segwiti bir-riżorsi amministrattivi disponibbli.

Il-ħtieġa għal rieżami u adattament regolari tar-regoli eżistenti, biex jiġi żgurat li jibqgħu rilevanti, effettivi u adatti għall-iskop tagħhom fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq, hija prinċipju fundamentali ta’ Regolamentazzjoni Aħjar. B’rikonoxximent ta’ dan il-fatt, ir-regolamenti kollha dwar l-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija kif ukoll il-leġiżlazzjoni qafas fihom klawżoli speċifiċi ta’ rieżami bi skadenzi legali biex il-Kummissjoni tippreżenta rieżamijiet jew tadotta regolamenti riveduti. Biex jiġi evitat dewmien bla bżonn, il-Kummissjoni minn issa ’l quddiem se tadotta miżuri individwali għal gruppi ta’ prodotti speċifiċi kull meta jkunu lesti, sakemm ċirkostanzi eċċezzjonali ma jkunux jitolbu mod ieħor (19).

Lezzjoni ewlenija meħuda hija li maż-żmien l-isforz aggregat meħtieġ għal tali sforzi kritiċi ta’ “manutenzjoni” jsir sinifikanti hekk kif il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni jiżdied (f’termini ta’ prodotti u tipi ta’ rekwiżiti), u li dan ix-xogħol jeħtieġ li jiġi kkunsidrat aħjar meta jiġu stabbiliti l-prijoritajiet. Inkella, dan ikun jinvolvi dewmien li jkollu konsegwenzi importanti f’termini ta’ benefiċċji mitlufa. Din kienet sejba ewlenija tal-awditu mwettaq fl-2019 mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) (20). Għal tliet prodotti magħżula, l-awditu sab li l-proċess preparatorju ħa 8, 7 u 6 snin rispettivament, minflok it-3,5 snin mistennija. Għalhekk, ix-xogħol ta’ “manutenzjoni” huwa karatteristika prominenti ħafna fil-pjan ta’ ħidma. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se timmira li tissimplifika l-proċess billi tintegra l-istudji ta’ rieżami f’evalwazzjonijiet/valutazzjonijiet tal-impatt “konsekuttivi”, u tallinja aħjar id-diskussjonijiet fil-Forum Konsultattiv mal-proċess ġenerali għal Regolamentazzjoni Aħjar.

Lezzjoni ewlenija oħra tal-aħħar perjodu hija r-rwol kritiku tal-ħidma ta’ standardizzazzjoni teknika għall-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija. Id-deċiżjoni (21) tal-Qorti Ġenerali tal-2018 li tannulla r-regolament dwar it-tikketta tal-enerġija tal-vacuum cleaners uriet li r-regolamenti jistgħu jkunu vulnerabbli għal-litigazzjoni jekk ikun hemm dubji dwar jekk il-kundizzjonijiet tal-ittestjar ikunux rappreżentattivi tal-kundizzjonijiet reali tal-użu. Fl-istess ħin, deċiżjoni aktar reċenti u relatata (22) affermat mill-ġdid b’mod ċar il-ħtieġa li t-testijiet ikunu wkoll akkurati u riproduċibbli. Minħabba d-diversità tat-teknoloġiji u l-imġiba tal-utenti, l-iżvilupp f’waqtu ta’ standards armonizzati b’metodi li jirrappreżentaw kompromess tajjeb bejn dawn il-kriterji huwa sfida inerenti u ħafna drabi diffiċli u intensiva fl-użu tar-riżorsi. L-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Istandardizzazzjoni (23) tipproponi sett ta’ azzjonijiet biex is-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni ssir aktar funzjonali u aġli, l-istandards jitpoġġew lura fil-qalba ta’ suq uniku tal-UE reżiljenti, ekoloġiku u diġitali u jissaħħaħ ir-rwol globali tas-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni.

4.   Prijoritajiet speċifiċi għall-prodott fis-snin li ġejjin

4.1.   Rieżamijiet tal-miżuri eżistenti

Il-Kummissjoni hija mistennija tippreżenta jew tadotta 38 rieżami qabel tmiem l-2024, u 8 oħra fl-2025 li konsegwentement se jkun jeħtieġ li jinbdew minn qabel (ara l-lista fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal). Dawn ir-rieżamijiet flimkien jikkostitwixxu opportunitajiet sinifikanti għal aktar iffrankar tal-enerġija u ta’ effiċjenza fil-materjali: l-ewwel stima approssimattiva tissuġġerixxi potenzjal ta’ mill-anqas 170 TWh (madwar 600 petajoute (PJ), jew id-domanda għas-sħana ta’ madwar 15-il miljun residenza) ta’ ffrankar addizzjonali fil-fażi tal-użu, ikkomplementat minn benefiċċji addizzjonali relatati mal-effiċjenza tal-materjali/l-ekonomija ċirkolari iżda se jirrappreżentaw ukoll sforz kbir u jiddominaw il-ħidma mwettqa skont il-pjan ta’ ħidma attwali.

Il-Kummissjoni beħsiebha tagħti prijorità lill-ħidma fuq ir-rieżamijiet fi tliet gruppi ewlenin, abbażi tal-ġustifikazzjonijiet li ġejjin:

Apparat tat-tisħin u tat-tkessiħ; fil-kuntest tal-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni, il-Kunsill appella lill-Kummissjoni biex “taċċellera l-ħidma li għaddejja fuq l-apparati tat-tisħin u t-tkessiħ billi tirriklassifika t-tikketti tal-enerġija malajr kemm jista’ jkun” (24). Din il-ħidma se tkun tabilħaqq kontribut kritiku għad-dekarbonizzazzjoni tal-bini u l-pjan ta’ azzjoni għal Tniġġis Żero (25) bħala parti mill-objettivi ġenerali tal-Patt Ekoloġiku, u dawn il-prodotti huma dawk bl-ogħla konsum ta’ enerġija mill-prodotti regolati kollha.

Gruppi oħra ta’ prodotti b’tikketti tal-enerġija għar-riklassifikazzjoni (26); il-konsumaturi jeħtieġ li jkunu jistgħu jkomplu jafdaw it-tikketta tal-Enerġija tal-UE bħala għodda rilevanti u aġġornata biex tiggwida l-għażliet; ir-riklassifikazzjoni u l-aġġornament f’waqthom tat-tikketti tal-enerġija l-“qodma” li fadal huma għalhekk importanti, kif ukoll meħtieġa biex jittieħed il-vantaġġ sħiħ mill-karatteristiċi l-ġodda offruti mill-EPREL.

Il-konklużjoni ta’ ċerti rieżamijiet oħra li jirrappreżentaw potenzjal ta’ ffrankar addizzjonali sinifikanti f’termini ta’ ffrankar tal-enerġija jew tal-materjali, li ilhom żmien twil mistennija, jew fejn ċirkustanzi partikolari jimplikaw ħtieġa ċara u urġenti għal reviżjonijiet (eż. pompi tal-ilma, fannijiet, provvisti tal-elettriku esterni).

4.2.   Miżuri ġodda mibdija fl-ambitu ta’ pjanijiet ta’ ħidma preċedenti li għandhom jitlestew

Il-pjanijiet ta’ ħidma preċedenti identifikaw prodotti li għalihom il-miżuri tal-ekodisinn u tat-tikkettar tal-enerġija dehru mill-aktar promettenti, abbażi ta’ studji dwar l-ambitu u stimi preliminari. Uħud minn dawn il-flussi ta’ ħidma għadhom għaddejjin u qed jiġu riportati għall-pjan ta’ ħidma attwali minħabba l-benefiċċji addizzjonali mistennija.

Ix-xogħol avvanza b’mod sinifikanti fil-valutazzjoni tal-fattibbiltà tar-rekwiżiti tal-ekodisinn u ta’ skema ta’ tikkettar tal-enerġija għall-mowbajls u t-tablets. Ir-rekwiżiti se jkunu qed jaffettwaw l-effiċjenza enerġetika kif ukoll aspetti tal-effiċjenza tal-materjali (id-durabbiltà, il-possibbiltà ta’ tiswija, it-titjib fil-kwalità u r-riċiklaġġ). Ir-regolamenti huma mistennija li jiġu adottati qabel tmiem l-2022.

Bl-istess mod, ix-xogħol huwa avvanzat sew biex tiġi vvalutata l-fattibbiltà tar-rekwiżiti tal-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija għall-moduli, l-invertituri u s-sistemi fotovoltajċi solari, inklużi r-rekwiżiti possibbli dwar l-impronta tal-karbonju.

Fir-rigward tat-tagħmir tal-immaġni, il-Kummissjoni vvalutat ir-reviżjoni tal-Ftehim Volontarju propost mir-rappreżentanti tas-settur u tikkonkludi li l-aċċettazzjoni ta’ din ir-reviżjoni ma tilħaqx l-objettivi kkunsidrati fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari (CEAP), u ma tistax titqies konformi mal-linji gwida dwar l-istrumenti awtoregolatorji (27) b’mod partikolari fir-rigward tal-użu mill-ġdid possibbli ta’ oġġetti tal-konsum. Kif imħabbar fis-CEAP, il-Kummissjoni se tniedi t-tħejjija ta’ miżuri regolatorji għal dan il-grupp ta’ prodotti.

Il-Kummissjoni qed tkompli l-ħidma orizzontali fuq il-prodotti tal-ICT kif imħabbar fil-Pjan ta’ Ħidma 2016-2019 permezz ta’ studju ddedikat dwar l-ICT (28). L-ewwel parti pprovdiet evidenza għall-istudju preparatorju li tlesta qabel dan il-pjan ta’ ħidma dwar il-prestazzjoni u l-iffrankar potenzjali ta’ diversi gruppi ta’ prodotti tal-ICT (29). It-tieni parti se tindirizza l-konsum ġenerali tal-enerġija tal-prodotti tal-ICT (inkluż minħabba l-konnettività u t-trażmissjoni tad-data tagħhom), l-effiċjenza tal-materjali u aspetti tal-imġiba bil-għan li jiġu identifikati l-aktar modi effiċjenti biex jiġu regolati fejn ikun xieraq. Il-valutazzjoni għandha tikkunsidra l-pass tal-iżviluppi teknoloġiċi f’kull kategorija ta’ gruppi ta’ prodotti.

B’mod parallel, il-Kummissjoni qed tkompli l-ħidma fuq l-Apparat Intelliġenti tal-Enerġija biex tiżviluppa l-potenzjal għall-flessibbiltà min-naħa tad-domanda fis-setturi residenzjali jew tas-servizzi. Peress li l-kwistjoni ewlenija identifikata fl-istudji preċedenti kienet l-interoperabbiltà, il-Kummissjoni beħsiebha trawwem l-iżvilupp koerenti fis-suq u l-adeżjoni tal-industrija mal-istandards miftuħa permezz ta’ approċċ volontarju (30). Din il-ħidma għandha rabtiet ma’ diversi oqsma oħra ta’ azzjoni, inklużi xi wħud li se jiġu indirizzati f’aktar dettall fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Enerġija li jmiss (31).

4.3.   Kompiti speċifiċi meħtieġa fl-ambitu tat-tikkettar tat-tajers

Skont ir-Regolament dwar it-Tikkettar tat-Tajers, il-Kummissjoni hija meħtieġa twettaq għadd ta’ kompiti speċifiċi, inkluż li:

tadotta Att Delegat li jintroduċi rekwiżiti ġodda ta’ informazzjoni għat-tajers miksijin mill-ġdid sa Ġunju 2022 dment li jkun disponibbli metodu ta’ ttestjar xieraq. Madankollu, għadu ma huwiex disponibbli metodu iżda għaddej xogħol biex jiġi stabbilit wieħed. Il-kisi mill-ġdid tat-tajers jirrappreżenta potenzjal importanti ta’ ffrankar fuq iż-żejt u materjali oħra;

tadotta Att Delegat dwar it-tikkettar għall-brix/kilometraġġ dment li jkun disponibbli metodu ta’ ttestjar xieraq, li jikkontribwixxi għal azzjoni aktar wiesgħa tas-CEAP dwar il-mikroplastiks. Madankollu, għadu ma huwiex disponibbli metodu iżda għaddej xogħol biex jiġi stabbilit wieħed;

tikkoordina x-xogħol relatat mal-allinjament interlaboratorji tal-ittestjar skont ir-regolament dwar it-tikkettar tat-tajers, li għandu wkoll implikazzjonijiet importanti għal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-emissjonijiet tas-CO2 ta’ vetturi ħfief u vetturi heavy-duty. L-aħħar rapport ġie ppubblikat f’Diċembru 2021 (32).

Għalkemm ir-rieżami tar-Regolament huwa previst sal-2025, l-industrija indikat il-ħtieġa li dan jiġi avvanzat peress li r-riklassifikazzjoni, oriġinarjament proposta mill-Kummissjoni iżda ma nżammitx mill-Parlament u mill-Kunsill fl-aħħar rieżami, issa hija meħtieġa b’mod ċar.

4.4.   Lista indikattiva ta’ gruppi ta’ prodotti ġodda relatati mal-enerġija li għandhom jiġu studjati

Dan il-Pjan ta’ Ħidma tħejja wara studju preparatorju dettaljat bi skrinjar ta’ diversi oqsma potenzjali ta’ sforz u konsultazzjonijiet estensivi maċ-ċittadini u mal-partijiet ikkonċernati. Aktar dettalji huma disponibbli fid-dokument tal-persunal li jakkumpanjah.

Lista tal-31 kandidat l-aktar promettenti għal aktar ħidma (inklużi prodotti diġà studjati fil-passat iżda li s’issa ma humiex regolati) identifikati fl-istudju preparatorju. Flimkien dawn jirrappreżentaw, abbażi tal-istimi preliminari, iffrankar potenzjali ġdid fil-fażi tal-użu fl-2030 ta’ madwar 1 000 PJ, jew 278 TWh, jiġifieri madwar 2 % tal-użu tal-enerġija primarja tal-UE fl-2020 (33). Il-potenzjal stmat relatat mal-enerġija inkorporata fil-materjali huwa tal-istess ordni ta’ kobor (u dipendenti ħafna fuq is-suppożizzjonijiet rigward il-kamp ta’ applikazzjoni u l-istrettezza tal-miżuri orizzontali dwar id-durabbiltà iżda assoċjat ukoll ma’ benefiċċji oħra). B’mod importanti, l-impatt se jiżdied maż-żmien bis-sostituzzjoni gradwali tal-istokk ta’ prodotti b’unitajiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda. Mis-sett ta’ 31 prodott, ġiet identifikata lista aktar limitata (mogħtija fit-tabella ta’ hawn taħt), bi prodotti li dwarhom il-Kummissjoni tipprevedi li tibda studji esploratorji. Ingħatat prijorità lil dawk il-prodotti li għandhom l-ogħla potenzjal għall-effiċjenza enerġetika u/jew tal-materjali, u fl-istess ħin ġabu punteġġ tajjeb fuq kriterji oħra u fejn il-feedback tal-partijiet ikkonċernati ma xeħetx dubji sinifikanti dwar il-prospetti għas-suċċess, kif stabbilit hawn taħt.

Grupp ta’ prodotti

Potenzjal ta’ ffrankar tal-enerġija għall-2030 (relatat mal-fażi tal-użu jew mal-effiċjenza tal-materjali)

Kunsiderazzjonijiet (34)

Emittenti ta’ temperatura baxxa (radjaturi, konvetturi..)

170 petajoule (PJ) (fażi tal-użu)

L-ogħla potenzjal ta’ ffrankar tal-enerġija, importanti għall-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni/dekarbonizzazzjoni tal-bini

Apparat professjonali tal-ħasil tal-ħwejjeġ

33 PJ (fażi tal-użu)

Studjati fil-passat (35) u issa meqjusa aktar maturi fid-dawl tal-progress fl-istandardizzazzjoni teknika

Magni professjonali tal-ħasil tal-platti

20 PJ (fażi tal-użu)

Studjati fil-passat (36) u issa meqjusa aktar maturi fid-dawl tal-progress fl-istandardizzazzjoni teknika

Provvisti tal-Elettriku Esterni Universali (EPS)

12-27 PJ (inkorporat)

Ir-rabta mal-inizjattiva taċ-Ċarġer Komuni, se ssir bħala parti mir-rieżami tar-regolament eżistenti dwar l-EPS (37)

Ċarġers tal-vetturi elettriċi

11 PJ (fażi tal-użu)

Wara l-2030, l-iffrankar potenzjali jiżdied, għal kważi 76 PJ kull sena fl-2050. Għalhekk, huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat l-istabbiliment ta’ rekwiżiti qabel ma jiġu installati volumi kbar ta’ ċarġers potenzjalment ineffiċjenti.

5.   Aspetti orizzontali

5.1.   Il-kontribut għall-ekonomija ċirkolari

Filwaqt li l-effiċjenza enerġetika naturalment kienet il-fokus ewlieni tal-ħidma tal-ekodisinn għall-prodotti relatati mal-enerġija, aspetti oħra qed jiġu kkunsidrati u integrati dejjem aktar maż-żmien, speċjalment mill-ewwel Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari (38). Minbarra ċerti rekwiżiti eżistenti dwar id-durabbiltà, diversi miżuri adottati fl-2019 (39) jinkludu elementi ġodda tal-ekonomija ċirkolari b’rekwiżiti dwar il-possibbiltà ta’ tiswija, ir-riċiklabbiltà, il-faċilità taż-żarmar u l-użu mill-ġdid fi tmiem il-ħajja (ara l-eżempji fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja).

B’mod parallel, wara t-talba ta’ standardizzazzjoni tal-Kummissjoni M/543 (40), il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni u l-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettrika (CEN-CENELEC) iffinalizzaw standards orizzontali dwar aspetti tal-effiċjenza tal-materjali għall-prodotti relatati mal-enerġija. Dawn jinkludu standards orizzontali (41) dwar id-durabbiltà, ir-riċiklabbiltà, il-kapaċità ta’ tiswija, l-użu mill-ġdid u t-titjib fil-kwalità, il-kontenut riċiklat eċċ. Huma jistgħu jkunu l-bażi għall-iżvilupp ta’ standards tal-effiċjenza tal-materjali speċifiċi għall-prodott għall-prodotti relatati mal-enerġija.

Abbażi tal-istandard dwar il-kapaċità ta’ tiswija, użu mill-ġdid u titjib fil-kwalità (EN 45554), iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni żviluppa sistema ta’ punteġġ tat-tiswija. Il-Kummissjoni qed tesplora l-possibbiltà li tintroduċiha għal prodotti rilevanti, possibbilment bħala informazzjoni dwar it-tikketta tal-enerġija għal prodotti speċifiċi bħall-ismart phones u t-tablets. Dan ix-xogħol huwa innovattiv u huwa probabbli li jinfluwenza l-prattiki tal-industrija globalment għall-aħjar.

Barra minn hekk, il-Metodoloġija għall-Ekodisinn tal-Prodotti relatati mal-Enerġija (MEErP – ara fl-Anness) bħalissa qed tiġi riveduta biex tintroduċi mod aktar sistematiku biex jiġu koperti l-aspetti tal-ekonomija ċirkolari meta jitwettqu studji preparatorji jew ta’ rieżami dwar gruppi speċifiċi ta’ prodotti.

Fil-ħidma li jmiss, ix-xejra lejn enfasi akbar fuq l-ekonomija ċirkolari se tkompli billi jiġu integrati r-rekwiżiti rilevanti bbażati fuq l-esperjenzi miġbura sa issa, b’mod partikolari bl-implimentazzjoni tal-miżuri tal-2019. Tali rekwiżiti jkunu appoġġati minn titjib fil-metodoloġija u l-possibbiltajiet għall-istandardizzazzjoni, u għandhom jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni għall-qafas leġiżlattiv il-ġdid dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli.

’Il quddiem, il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll il-possibbiltà u l-adegwatezza li jiġu stabbiliti aktar rekwiżiti speċifiċi għall-prodott dwar l-aspetti li ġejjin:

Tipoloġija tar-rekwiżit

Potenzjal ta’ ffrankar tal-enerġija għall-2030 (relatat mal-użu jew mal-effiċjenza tal-materjali)

Il-kontenut riċiklat

160 PJ (kontenut ta’ materjal)

Id-durabbiltà, il-firmware u s-software

Mill-anqas 175-1 052  PJ (kontenut ta’ materjal)

Materja prima skarsa, ambjentalment rilevanti u kritika

Potenzjal għoli ta’ riżorsi

Ir-rekwiżiti huma teoretikament applikabbli għall-prodotti kollha relatati mal-enerġija; se jkunu meħtieġa studji preparatorji ddedikati biex jgħinu fl-identifikazzjoni tal-kategoriji ta’ prodotti li huma l-aktar rilevanti għal approċċi regolatorji potenzjali.

5.2.   Xogħol ta’ standardizzazzjoni

L-infurzar tar-rekwiżiti tal-ekodisinn jew it-tikkettar tal-prodotti abbażi tal-karatteristiċi rispettivi tagħhom jirrikjedi definizzjonijiet ċari ta’ kif tiġi definita l-prestazzjoni u tista’ tiġi ttestjata għal kwalunkwe prodott partikolari. Għal dan il-għan, standards tekniċi armonizzati li jiddefinixxu metodi ta’ ttestjar xierqa jistgħu jgħinu lill-manifatturi – jekk japplikaw il-metodi previsti fihom - igawdu “preżunzjoni ta’ konformità” biex juru l-konformità mar-rekwiżiti legali. Ix-xogħol ta’ standardizzazzjoni teknika huwa parti vitali iżda spiss injorata tal-implimentazzjoni, u l-esperjenza reċenti turi l-importanza li dan ix-xogħol jinbeda kemm jista’ jkun kmieni b’mod parallel mat-tħejjija tar-regolamenti l-ġodda jew riveduti. It-talbiet għall-istandardizzazzjoni jistgħu jiġu finalizzati u adottati biss ladarba jiġu adottati r-regolamenti korrispondenti dwar l-ekodisinn jew it-tikkettar. Idealment, l-elaborazzjoni tagħhom tibda qabel dan, sabiex ikunu jistgħu jitlestew fil-ħin mal-adozzjoni tar-regolamenti fid-dawl tal-madwar 27 xahar tipikament meħtieġa għall-iżvilupp ta’ standard innifsu. Il-proċess ġenerali għandu t-tendenza li jieħu ħafna aktar fit-tul, inkluża wkoll l-adozzjoni minn qabel tat-talba għall-istandardizzazzjoni u l-valutazzjoni u l-approvazzjoni sussegwenti tal-istandards għar-referenzjar tal-Ġurnal Uffiċjali. Meta ma jkunux disponibbli standards Ewropej armonizzati li jkopru l-aspetti rilevanti kollha fil-mument tal-adozzjoni, il-miżuri ta’ implimentazzjoni jista’ jkollhom bżonn jinkorporaw metodi tranżizzjonali.

Jeħtieġ li jinkitbu talbiet ġodda ta’ standardizzazzjoni għall-biċċa l-kbira jekk mhux għar-regolamenti l-ġodda kollha li qed jiġu żviluppati. Dan l-aħħar saru talbiet, jew bħalissa qed jiġu żviluppati talbiet, għad-dawl, għall-unitajiet tal-wiri elettroniċi, għar-refriġerazzjoni kummerċjali u għar-refriġerazzjoni domestika. Ġew żviluppati abbozzi ta’ standards għal diversi gruppi oħra ta’ prodotti bbażati fuq mandati aktar antiki.

5.3.   Ir-Reġistru Ewropew tal-Prodotti għat-Tikkettar tal-Enerġija (EPREL)

Ir-Reġistru Ewropew tal-Prodotti għat-Tikkettar tal-Enerġija (EPREL) huwa bażi tad-data stabbilita u mħaddma mill-Kummissjoni. Mill-1 ta’ Jannar 2019, il-fornituri (il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati) kellhom obbligu legali li jirreġistraw kwalunkwe prodott soġġett għar-regoli dwar it-tikkettar tal-enerġija fl-EPREL qabel ma jqegħduh fis-suq Ewropew.

Skont il-leġiżlazzjoni, l-EPREL iservi l-għanijiet li ġejjin:

li jipprovdi lill-pubbliku b’informazzjoni dwar il-prodotti mqiegħda fis-suq u t-tikketti tal-enerġija tagħhom, u Skedi Informattivi dwar il-Prodott;

li jappoġġa lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq fit-twettiq tal-kompiti tagħhom skont il-leġiżlazzjoni dwar it-tikkettar tal-enerġija (u tat-tajers), inkluż l-infurzar tagħha;

li jipprovdi lill-Kummissjoni b’informazzjoni aġġornata dwar l-effiċjenza enerġetika għall-prodotti għall-analiżi tat-tikketti tal-enerġija.

Wara t-tnedija reċenti f’Marzu 2022 tal-“verżjoni beta” tal-interfaċċa pubblika tagħha (42), l-informazzjoni mill-EPREL se tappoġġa wkoll dejjem aktar l-implimentazzjoni ta’ politiki oħra tal-Patt Ekoloġiku. Fil-fatt, id-data tal-EPREL minn issa ’l quddiem hija l-punt tat-tluq naturali għal kwalunkwe valutazzjoni ta’ liema klassijiet tat-tikketta tal-enerġija huma “l-aktar żewġ klassijiet popolati b’mod sinifikanti”, jew klassijiet ogħla, għal kwalunkwe prodott partikolari. Dan huwa kriterju li issa jintuża biex jiġu operazzjonalizzati diversi politiki tal-UE, inkluż fir-rigward ta’ inċentivi pubbliċi (43), investimenti sostenibbli fis-settur privat (44), akkwist pubbliku ekoloġiku (45) u rati mnaqqsa tal-VAT għal ċerti prodotti b’tikketta tal-enerġija li jissodisfaw tikketta tal-enerġija speċifika u, fejn applikabbli, kriterji ta’ emissjonijiet baxxi ta’ partikolati (46).

L-EPREL jipprovdi wkoll karatteristiċi li jiffaċilitaw il-konformità mill-fornituri u mill-bejjiegħa bl-imnut. Il-fornituri jistgħu jagħżlu li jibbażaw fuq il-ġeneratur integrat tat-tikketti biex jiksbu immaġni tat-tikketti grafiċi f’formati konformi bbażati fuq il-valuri ddikjarati għall-prestazzjoni u l-karatteristiċi tal-prodott. Il-bejjiegħa bl-imnut jistgħu jagħmlu referenza għall-EPREL, inkluż permezz ta’ interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (APIs), meta juru tikketti jew skedi ta’ informazzjoni dwar il-prodott online, u b’hekk jimminimizzaw l-isforz biex jippreżentaw informazzjoni aġġornata, koerenti u multilingwi.

Għalkemm l-EPREL qed jopera, hemm funzjonalitajiet importanti li jeħtieġ li jiġu indirizzati fl-2022 biex jintlaħqu l-objettivi msemmija hawn fuq. Dawn jinkludu:

Portal web iddedikat li se jkun il-punt uniku ta’ aċċess, li jipprovdi informazzjoni mmirata għaċ-ċittadini, l-awtoritajiet nazzjonali, il-fornituri, in-negozjanti u dawk li jfasslu l-politika (Q2/Q3).

It-titjib tal-interfaċċa tal-utent u tal-għodod disponibbli għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq biex jissimplifikaw aħjar l-attivitajiet tagħhom (Q3).

It-trasformazzjoni tal-istruttura tad-dokumentazzjoni teknika biex tiġi ssimplifikata l-attività tar-reġistrazzjoni mill-fornituri u tiġi faċilitata l-analiżi tagħha mill-awtoritajiet tal-konformità (Q1 sa Q3).

Tinbeda l-implimentazzjoni ta’ regolamenti riveduti għal xi gruppi ta’ prodotti u possibbilment jiżdiedu oħrajn ġodda (PVs, smartphones/tablets) (Q4).

Barra minn hekk, se jkun meħtieġ li jiġu kkunsidrati l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-għoti tal-aċċess għall-EPREL jew għal xi wħud mill-karatteristiċi tiegħu lill-operaturi u possibbilment lill-awtoritajiet minn pajjiżi terzi speċifiċi, b’mod partikolari dawk li huma parti mill-unjoni doganali jew mill-Komunità tal-Enerġija. Madankollu, il-modalitajiet u l-implikazzjonijiet konkreti ta’ tali żviluppi se jkunu jridu jiġu analizzati, ippreparati, u - eventwalment – implimentati bir-reqqa u ma jistgħux isiru fi żmien qasir ħafna.

5.4.   Is-sorveljanza tas-suq u l-appoġġ lill-operaturi ekonomiċi

Is-sorveljanza effettiva tas-suq hija kruċjali biex jiġi żgurat li r-regoli jiġu infurzati kif suppost, li l-benefiċċji mistennija jimmaterjalizzaw, li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għan-negozji, li tiġi pprovduta informazzjoni affidabbli dwar il-prodott lill-konsumaturi, u li l-qafas ikun fdat kemm miċ-ċittadini, kemm mir-regolaturi kif ukoll min-negozji.

Is-sorveljanza tas-suq hija kompetenza nazzjonali, u d-data dwar l-infurzar u l-konformità hija skarsa minħabba li bħalissa ma hemm l-ebda obbligu ta’ rappurtar. Abbażi tal-evidenza disponibbli, u kif ikkonfermat mill-awditu tal-ekodisinn tal-QEA tal-2020, in-nuqqas ta’ konformità huwa problema sinifikanti. Fi proġetti ta’ sorveljanza tas-suq iffinanzjati mill-UE, huwa komuni li jiġi osservat perċentwal b’żewġ ċifri għoli ta’ prodotti li juru kwistjonijiet ta’ konformità (kemm dwar aspetti formali kif ukoll ta’ sustanza) (47) iżda dawn jinkludu nuqqasijiet ta’ konformità formali relattivament minuri li jistgħu jiġu kkoreġuti permezz ta’ azzjoni volontarja (eż. valur ħażin fl-iskeda ta’ informazzjoni dwar il-prodott) u mhux biss kwistjonijiet severi bħan-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżit minimu tal-ekodisinn. B’mod ġenerali, huwa stmat li mill-anqas 10 % tal-iffrankar potenzjali tal-enerġija li jirriżulta mill-ekodisinn u mit-tikkettar tal-enerġija jintilef minħabba nuqqas ta’ konformità, li jirrappreżenta 15,3 Mtoe ta’ enerġija primarja kull sena fl-2020 (jew 178 TWh) u nefqa annwali ta’ EUR 6,4 biljun għall-konsumaturi fuq il-kontijiet tal-enerġija (abbażi tal-livelli tal-prezzijiet tal-enerġija tal-2020). Dan jikkorrispondi għal 31 Mt CO2eq ta’ emissjonijiet addizzjonali fis-sena u jinvolvi telf sinifikanti ta’ dħul u ta’ impjiegi għall-industrija. Dawn iċ-ċifri jissuġġerixxu li kwalunkwe żieda fir-riżorsi modesti minfuqa mill-Istati Membri fuq is-sorveljanza tas-suq nazzjonali għall-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija tkun kosteffettiva ħafna f’termini tar-redditi ġġenerati.

Fil-perjodu li ġej, il-Kummissjoni se żżid l-appoġġ tagħha lill-Istati Membri biex jikkontribwixxu għal applikazzjoni aktar effettiva u uniformi tas-sorveljanza tas-suq fil-qasam tal-ekodisinn u tat-tikkettar tal-enerġija. Dan se jinkludi:

It-titjib kontinwu ta’ għodod tal-IT bħas-Sistema ta’ Informazzjoni u Komunikazzjoni għas-Sorveljanza tas-Suq (48) (ICSMS) u l-EPREL u l-appoġġ għal għodod oħra, pereżempju dawk li jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi relatati mas-sorveljanza tas-suq għall-kummerċ elettroniku u ktajjen tal-provvista ġodda.

L-appoġġ tekniku u loġistiku lill-Gruppi ta’ Kooperazzjoni Amministrattiva (AdCos).

Il-finanzjament ta’ azzjonijiet u kampanji konġunti jew miftiehma.

L-impenn tagħha mal-Istati Membri fil-livell politiku dwar modi kif tittejjeb is-sorveljanza tas-suq, inkluż il-livell ta’ riżorsi li jagħmlu disponibbli.

Il-proposta ta’ dispożizzjonijiet legali ġodda li se jtejbu s-sorveljanza tas-suq, fil-qafas tar-Regolament propost dwar l-Ekodisinn (ara l-SPI).

Attivitajiet rilevanti oħra, kif ippjanat fil-Programm ta’ Ħidma tan-Network Ewropew għall-Konformità tal-Prodotti (EUPCN) għall-perjodu 2021-22, inkluż l-involviment tal-awtoritajiet doganali.

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa wkoll l-isforzi tal-operaturi ekonomiċi biex jikkonformaw b’modi differenti, pereżempju permezz tal-operazzjoni ta’ kaxxi postali funzjonali fejn jistgħu jiġu indirizzati l-mistoqsijiet, b’dokumenti ta’ gwida speċifiċi, FAQs, informazzjoni fuq is-sit web tal-Kummissjoni eċċ. Hija se tikkunsidra wkoll li tipprovdi finanzjament mill-UE biex tiġi stabbilita faċilità ta’ appoġġ għall-konformità mmexxija mill-industrija li tagħti spinta lil azzjonijiet proattivi ta’ sensibilizzazzjoni u tipprovdi assistenza f’waqtha u mmirata biex tgħin lill-fornituri u lill-bejjiegħa bl-imnut jifhmu u jissodisfaw b’mod aktar faċli l-obbligi tagħhom.

5.5.   Aspetti internazzjonali u kooperazzjoni

Il-miżuri ta’ politika tal-UE dwar l-ekodisinn u, b’mod partikolari, it-tikkettar tal-enerġija, u l-istandards tekniċi u l-proċeduri ta’ ttestjar relatati għall-prodotti regolati, kellhom influwenza pożittiva estensiva f’pajjiżi terzi ferm lil hinn mill-fruntieri tal-UE (49).

Minn naħa, bosta mis-sħab kummerċjali sinifikanti tal-UE japplikaw b’mod sistematiku r-regoli tal-UE dwar l-ekodisinn u/jew it-tikkettar fil-kuntest tad-diversi relazzjonijiet tagħhom mal-UE. Dan huwa partikolarment il-każ fil-qafas taż-ŻEE, l-Unjoni Doganali mat-Turkija u l-Komunità tal-Enerġija. Min-naħa l-oħra, il-manifatturi f’pajjiżi esportaturi ewlenin oħra xorta jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-UE biex ikunu jistgħu jqiegħdu oġġetti fis-suq tal-UE, li min-naħa tiegħu jista’ jimmotiva u jiffaċilita l-istabbiliment ta’ rekwiżiti domestiċi li jkunu allinjati b’mod sħiħ jew parzjali ma’ dawk tal-UE. Fl-istess ħin, huwa importanti li l-UE tkompli tkun konformi mar-regoli applikabbli f’dan ir-rigward fil-livell tad-WTO.

Il-kooperazzjoni internazzjonali dwar l-effiċjenza tal-prodotti hija wkoll fattur fil-ħeffa u d-direzzjoni tal-iżviluppi tal-programmi madwar id-dinja. Xi ġurisdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi jqisu li huwa ta’ benefiċċju li jiġu applikati rekwiżiti simili jew identiċi biex jittieħed vantaġġ mill-ħidma konsiderevoli li diġà saret fl-iżvilupp tar-regoli tal-UE. Fl-istess ħin, l-UE għadha ’l bogħod milli tmexxi fuq il-kontijiet jew il-prodotti kollha, u għalhekk tista’ tibbenefika u titgħallem ukoll mill-isforzi li jsiru xi mkien ieħor. Il-konverġenza regolatorja tista’ ttaffi wkoll il-kostijiet tal-konformità u tal-valutazzjoni tal-konformità li jiffaċċjaw il-kumpaniji tal-UE li jservu kemm swieq importanti tal-esportazzjoni kif ukoll is-suq tal-UE. Biex tippromwovi dawn l-iskambji ta’ benefiċċju reċiproku, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa u tipparteċipa f’fora multilaterali internazzjonali stabbiliti sewwa tal-politika dwar il-prodotti bħall-Programm ta’ Kollaborazzjoni dwar it-Teknoloġija tat-Tagħmir tal-Użu finali Effiċjenti fl-Użu tal-Enerġija (4E) tal-AIE (50) u l-Inizjattiva għall-Użu ta’ Tagħmir u Apparat Supereffiċjenti (SEAD) (51). Il-kooperazzjoni bilaterali se tintuża wkoll biex tiġi aċċellerata l-adozzjoni tal-aqwa prattiki tal-ekodisinn u tat-tikkettar tal-enerġija fil-pajjiżi sħab u biex tissaħħaħ aktar il-konverġenza regolatorja fuq livell globali.

6.   Konklużjoni

Il-programm tal-ekodisinn u tat-tikkettar tal-enerġija tal-UE huwa wieħed mill-akbar programmi tal-apparat u li ilu għaddej fid-dinja, li jingrana s-saħħa tas-suq uniku fl-UE u barra minnha, għall-benefiċċju tal-konsumaturi, tan-negozji u tal-ambjent.

L-ekodisinn/it-tikkettar tal-enerġija jagħtu kontribut vitali u li qed jikber għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” u għall-konsumaturi li qed jiffaċċjaw prezzijiet għoljin tal-enerġija li l-kontijiet tagħhom kieku kienu jkunu ferm ogħla: fil-livelli tal-prezzijiet attwali, il-politiki eżistenti huma stmati li jiffrankaw lill-utenti tal-enerġija tal-UE nefqa ta’ aktar minn EUR 250 biljun/sena.

L-investiment fit-twettiq u t-tisħiħ ta’ dan il-programm biex jitqabblu aħjar l-ambizzjonijiet u r-riżorsi huwa wkoll investiment f’reżiljenza aktar b’saħħitha tal-UE biex tiflaħ aħjar għall-kriżijiet futuri tal-prezzijiet tal-enerġija u għall-isfidi għas-sigurtà tal-provvista relatati mad-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili importati. Bl-istess mod, l-enfasi dejjem akbar fuq l-effiċjenza tal-materjali, pereżempju r-riċiklabbiltà, tikkontribwixxi għal reżiljenza akbar tal-katina tal-provvista fl-UE.

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali, kemm fil-livell multilaterali kif ukoll f’dak bilaterali, huwa neċessarju biex tiġi aċċellerata l-adozzjoni ta’ programmi għall-effiċjenza enerġetika tal-prodotti madwar id-dinja u jista’ jgħin ukoll biex tittejjeb il-konverġenza regolatorja għall-benefiċċju tal-UE u tal-pajjiżi sħab.

Ir-Reġistru Ewropew tal-Prodotti għat-Tikkettar tal-Enerġija, EPREL, jipprovdi trasparenza tas-suq mingħajr preċedenti u jiftaħ opportunitajiet ġodda ta’ għoti tas-setgħa lill-konsumaturi tal-UE u ta’ involviment magħhom. Se jkun ukoll dejjem aktar għodda prattika biex jiġu operazzjonalizzati l-kondizzjonalitajiet introdotti reċentement dwar il-prestazzjoni tal-prodotti f’politiki oħra tal-UE (it-tassonomija ekoloġika, l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku skont id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika, l-inċentivi pubbliċi, id-Direttiva dwar il-VAT).

Dan il-qasam ta’ politika għadu jirrappreżenta potenzjal sostanzjali għat-twassil ta’ benefiċċji addizzjonali u kosteffettivi ħafna għall-konsumaturi tal-UE, tnaqqis fit-tniġġis tal-arja, u ffrankar tal-enerġija/CO2 li altrimenti jista’ jkollhom jiġu pprovduti minn politiki oħra fil-livell tal-UE jew f’dak nazzjonali. Madankollu, ir-rieżamijiet f’waqthom tar-regoli eżistenti, l-appoġġ għal applikazzjoni/infurzar korretti, l-iżvilupp tal-EPREL u l-esplorazzjoni tar-regolamentazzjoni ta’ prodotti ġodda relatati mal-enerġija jirrikjedu sforzi sostanzjali.

Għalhekk, fil-kuntest tal-pakkett ta’ politika dwar il-prodotti sostenibbli, il-Kummissjoni indikat b’mod ċar il-ħtieġa li jiżdiedu b’mod sinifikanti r-riżorsi allokati għall-implimentazzjoni tal-politika tal-ekodisinn bħala parti minn politika aktar ambizzjuża dwar il-prodotti sostenibbli u tistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu l-istess fir-rigward tal-isforzi nazzjonali ta’ sorveljanza tas-suq.


(1)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1749 tat-28 ta’ Settembru 2021 dwar l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel: minn prinċipji għall-prattika — Linji gwida u eżempji għall-implimentazzjoni tagħha fit-teħid tad-deċiżjonijiet fis-settur tal-enerġija u lil hinn minnu (ĠU L 350, 4.10.2021, p. 9).

(2)  Ara wkoll COM(2021) 801 - Proposta għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika.

(3)  Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.

(4)  https://ec.europa.eu/environment/strategy/circular-economy-action-plan_it

(5)  Id-Direttiva 2009/125/KE al-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 1).

(7)  COM(2008)0660 final.

(8)  SWD(2012) 434 final.

(9)  COM(2016) 773 final.

(10)  Ir-Regolament (UE) 2020/740 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 dwar it-tikkettar tat-tajers fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil u parametri oħra, li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1369 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1222/2009 (ĠU L 177, 5.6.2020, p. 1).

(11)  Fl-2020, huwa stmat li nbiegħu madwar 3 biljun prodott soġġetti għall-miżuri fl-EU27, li minnhom 1,5 biljun kienu sorsi tad-dawl, 880 miljun kienu prodotti tal-elettronika, 350 miljun kienu tajers u 240 miljun kienu prodotti oħra

(12)  Ir-rapport dwar il-Kontabbiltà tal-Impatt tal-Ekodisinn (“EIA”) tal-2020: https://data.europa.eu/doi/10.2833/72143

L-EIA tagħmel użu mid-data tal-Eurostat, inklużi l-karti tal-Bilanċ tal-Enerġija (nrg_bal_c) u l-konsum finali diżaggregat tal-enerġija fl-unitajiet domestiċi - kwantitajiet (nrg_d_hhq).

(13)  “Achievements of Energy Efficiency Appliance and Equipment Standards and Labelling Programs: 2021 update”: https://www.iea-4e.org/projects/eesl-achievements-reports/

(14)  Ewrobarometru Nru 492, Mejju 2019: https://europa.eu/eurobarometer/surveys/detail/2238

(15)  https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC127006

(16)  https://ec.europa.eu/info/energy-climate-change-environment/standards-tools-and-labels/products-labeling-rules-and-requirements/energy-label-and-ecodesign_mt

(17)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 tas- 17 ta’ Diċembru 2008 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-elettriku ta’ tagħmir tal-elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju f’modalità standby u f’modalità mitfija (ĠU L 339, 18.12.2008, p. 45).

(18)  (SWD(2022) 101).

(19)  Ara wkoll l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) 2017/1369.

(20)  Ir-Rapport Speċjali Nru 01/2020: L-azzjoni tal-UE fil-qasam tal-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija: il-kontribut importanti għal effiċjenza akbar fl-enerġija tnaqqas minn dewmien sinifikanti u nuqqas ta’ konformità (ĠU C 18, 20.1.2020, p. 2).

(21)  Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Novembru 2018 fil-Kawża T-544/13 RENV.

(22)  Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Diċembru 2021 fil-Kawża T-127/19.

(23)  COM(2022) 31 final, 2 ta’ Frar 2022.

(24)  https://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/eu_renovation_wave_strategy.pdf

(25)  COM(2021) 400 final, 12 ta’ Mejju 2021.

(26)  Magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ, unitajiet ta’ ventilazzjoni, apparat tat-tisjir domestiku.

(27)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2125 tat-30 ta’ Novembru 2016 dwar il-linji gwida għall-miżuri ta’ awtoregolamentazzjoni konklużi mill-industrija skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 329, 3.12.2016, p. 109).

(28)  https://susproc.jrc.ec.europa.eu/product-bureau//product-groups/522/home

(29)  Pereżempju, dwar it-tagħmir ta’ network tal-intrapriżi, it-tagħmir ta’ network żgħir għall-użu fid-dar u fl-uffiċċju, l-awdjo u l-vidjo domestiċi interkonnessi.

(30)  https://ses.jrc.ec.europa.eu/development-of-policy-proposals-for-energy-smart-appliances

(31)  https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/13141-Digitalising-the-energy-sector-EU-action-plan_mt

(32)  https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/energy_climate_change_environment/standards_tools_and_labels/documents/egla_report_2021_final.pdf

(33)  Innota li dan l-iffrankar ma għandux jiġi akkumulat maċ-ċifri mogħtija fil-Pjan ta’ Ħidma 2016-2019 għall-istess sena.

(34)  Jekk jogħġbok irreferi għad-dokument ta’ ħidma tal-persunal għal aktar dettalji.

(35)  Imsemmija l-ewwel darba fil-Pjan ta’ Ħidma tal-2012.

(36)  Ibid.

(37)  Minkejja li l-provvisti tal-elettriku esterni diġà huma regolati, dawk “universali” huma indikati bħala grupp ta’ prodotti ġdid, minħabba r-rilevanza u l-ispeċifiċità tal-analiżi meħtieġa biex jinkisbu l-kriterji/karatteristiċi neċessarji. Ara l-informazzjoni dwar ir-rieżami li għaddej bħalissa minn: https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/13351-External-power-supplies-ecodesign-&-information-requirements-review-_mt

(38)  COM (2015) 614

(39)  https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/IP_19_5895

(40)  https://ec.europa.eu/growth/tools-databases/mandates/index.cfm?fuseaction=search.detail&id=564

(41)  https://standards.cencenelec.eu/dyn/www/f?p=205:32:0::::FSP_ORG_ID,FSP_LANG_ID:2240017.25&cs=10B7B067CC7107748A52C1C034BB4CFD3

(42)  https://eprel.ec.europa.eu

(43)  Ara l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE)2017/1369

(44)  Ara t-Tassonomija tal-UE għal attivitajiet sostenibbli u l-inizjattiva pilota tal-Garanzija tas-Sostenibbiltà tal-FEI taħt it-tieqa InvestEU SME

(45)  Ara l-Anness IV tar-reviżjoni proposta tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika

(46)  Ara l-punt (22) il-ġdid miżjud mal-Anness III fid-Direttiva 2006/112/KE https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-14754-2021-INIT/mt/pdf

(47)  Dan kien il-każ, pereżempju, għall-friġġijiet spezzjonati taħt il-proġett EEPLIANT2 fl-2018-2019. Ir-riżultati preliminari tal-proġett EEPLIANT3 f’Novembru 2021 fil-biċċa l-kbira jikkonfermaw dan, 75 % tal-prodotti spezzjonati għandhom kwistjonijiet bid-dokumentazzjoni teknika jew bir-rekwiżiti tat-tikkettar online, filwaqt li madankollu jinnotaw li ċ-ċifri jistgħu ma jkunux kompletament rappreżentattivi minħabba l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju li ġeneralment jintuża fil-kampjunar tal-prodotti

(48)  https://ec.europa.eu/growth/single-market/goods/building-blocks/information-and-communication-system-market-surveillance_en

(49)  Study on Impacts of the EU’s Ecodesign and Energy/Tyre Labelling Legislation on Third Jurisdictions, Waide et al, https://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/documents/201404_ieel_third_jurisdictions.pdf

(50)  https://www.iea-4e.org/

(51)  https://www.superefficient.org/


ANNESS

Metodoloġija għall-Ekodisinn tal-Prodotti relatati mal-Enerġija (MEErP)

Il-Metodoloġija għall-Ekodisinn tal-Prodotti relatati mal-Enerġija (MEErP) ġiet żviluppata biex tipprovdi gwida operazzjonali lill-Kummissjoni Ewropea u lill-kuntratturi li jipprovduha b’assistenza teknika fit-twettiq tal-istudju preparatorju għall-Ekodisinn ta’ prodott. Ir-rapporti sħaħ tal-metodoloġija u l-mudell tal-kalkolu huma disponibbli online (1). L-MEErP evolviet maż-żmien bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati. L-istadji amministrattivi u legali ta’ wara l-istudju preparatorju mhumiex koperti mill-MEErP Madankollu, l-MEErP hija mfassla b’tali mod li r-riżultati tagħha jkunu jistgħu jiġu integrati f’Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni Ewropea.

L-MEErP hija magħmula minn seba’ kompiti. L-ewwel erba’ kompiti jinvolvu l-ġbir ta’ data u t-twettiq ta’ analiżi inizjali. Dawn jindirizzaw:

Kompitu 1 – Kamp ta’ applikazzjoni (definizzjonijiet tal-prodotti, standards u leġiżlazzjoni);

Kompitu 2 – Swieq (analiżi ekonomika u tas-suq, inklużi l-volumi u l-prezzijiet)

Kompitu 3 – Utenti (id-domanda għall-prodotti, l-imġiba tal-konsumaturi u l-infrastruttura lokali);

Kompitu 4 – Teknoloġiji (il-provvista tal-prodotti, li tinkludi l-Aqwa Teknoloġija Disponibbli (BAT) u l-Aqwa Teknoloġija li Għadha Mhux Disponibbli (BNAT));

Minbarra li jikkontribwixxu għall-Kompiti 5 sa 7, il-Kompiti 1 sa 4 għandhom l-iskop addizzjonali li jibnu l-kapaċità. Ir-rapporti tal-Kompiti 1 sa 4 jipprovdu lil dawk li jfasslu l-politika u lill-partijiet ikkonċernati l-isfond li jippermettilhom jifhmu l-problemi ta’ xulxin u jipparteċipaw fi djalogu.

Kompitu 5 – Ambjent u Ekonomija (Każ bażi (2) Valutazzjoni taċ-Ċiklu tal-Ħajja u Kost taċ-Ċiklu tal-Ħajja);

Kompitu 6 – Għażliet ta’ disinn (potenzjal ta’ titjib);

Kompitu 7 – Xenarji (Analiżi tal-politika, tax-xenarju, tal-impatt u tas-sensittività).

Il-Kompiti 5 sa 7 huma maħsuba biex jipprovdu analiżi dwar jekk u, jekk iva, liema rekwiżiti tal-ekodisinn għandhom jiġu stabbiliti għall-prodott relatat mal-enerġija inkwistjoni. Fil-Kompitu 5, il-“każ bażi” huwa identifikat permezz ta’ sinteżi tar-riżultati tal-Kompiti 1 sa 4. Il-każ bażi huwa astrazzjoni konxja tar-realtà u l-punt ta’ referenza għall-valutazzjoni tal-potenzjal ta’ titjib u għall-analiżi tal-politika, tax-xenarju, tal-impatt u tas-sensittività.

L-għażliet tad-disinn, il-konsegwenzi tagħhom f’termini tal-Kost taċ-Ċiklu tal-Ħajja għall-konsumatur, il-kostijiet u l-benefiċċji ambjentali tagħhom, is-soluzzjoni bl-Anqas Kostijiet taċ-Ċiklu tal-Ħajja (LLCC) u l-BAT jiġu identifikati fil-Kompitu 6. Aktar milli rekwiżiti minimi obbligatorji, il-BAT tindika mira fuq terminu medju li tista’ tkun xierqa għal miżuri promozzjonali. Il-BNAT tindika possibbiltajiet fit-tul u tgħin biex jiġu definiti eżattament il-kamp ta’ applikazzjoni u d-definizzjoni ta’ miżuri possibbli.

Fil-Kompitu 7 l-eżiti tal-kompiti preċedenti jinġabru flimkien biex jiġu esplorati mezzi ta’ politika xierqa biex jitwettaq il-potenzjal ta’ titjib. Dan joħloq xenarji b’diversi projezzjonijiet sal-2050 li jikkwantifikaw it-titjib li jista’ jinkiseb meta mqabbel max-xenarju ta’ żamma tal-istatus quo. L-eżiti jitqabblu mal-miri tal-UE u mal-kost soċjetali meħtieġ biex jinkiseb il-benefiċċju b’mod ieħor. L-impatti fuq il-konsumaturi (il-kapaċità tal-akkwist, il-kostijiet soċjetali) u l-industrija (l-impjiegi, il-profittabbiltà, il-kompetittività, il-livell ta’ investiment) jiġu stmati, fejn jiġi deskritt u meqjus b’mod espliċitu ċ-ċiklu tipiku tad-disinn fis-settur tal-prodotti. Fl-aħħar nett, ir-robustezza tal-eżiti tiġi esplorata permezz ta’ analiżi tas-sensittività tal-parametri ewlenin.

Għall-validità tal-valutazzjonijiet u għall-valur miżjud tal-proposta leġiżlattiva li tirriżulta minnhom huwa importanti li l-metodoloġija tinżamm aġġornata. Il-metodoloġija attwali evolviet gradwalment maż-żmien permezz ta’ rieżamijiet perjodiċi, li kienu jinvolvu l-kontribut tal-partijiet ikkonċernati, u wasslu għal adattamenti perjodiċi.

Il-verżjoni attwali tal-MEErP ilha tintuża mill-2013 (3) u l-verżjoni attwali 3.06 tal-għodda Ecoreport ilha tintuża mill-2014 (4). Bħalissa għaddejja ħidma fuq rieżami li, fejn meħtieġ, se taġġorna d-data użata fl-analiżi u tiżgura li tibqa’ adatta għall-iskop tagħha, f’konformità mal-iżviluppi reċenti tal-politika. Il-proċess tar-reviżjoni qed jiġi ġestit miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka u d-dettalji tal-proċess li għaddej u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati se jiġu ppubblikati (5).


(1)  Methodology for Ecodesign of Energy-related Products - MEErP 2011 - Methodology Report - Part 1: Methods, https://ec.europa.eu/docsroom/documents/26525, Methodology for Ecodesign of Energy-related Products - MEErP 2011 - Methodology Report - Part 2: Environmental policies and data, https://ec.europa.eu/docsroom/documents/26526, EcoReport Calculations’ template: https://ec.europa.eu/docsroom/documents/5308/attachments/1/translations

(2)  Prodott medju tal-UE wieħed jew aktar jew kategorija ta’ prodotti rappreżentattiva għandhom jintgħażlu bħala l-“każ bażi” għall-EU-27 kollha

(3)  SWD(2012) 434 final:https://ec.europa.eu/docsroom/documents/9952/attachments/1/translations/en/renditions/pdf

(4)  Studju dwar l-effiċjenza tal-materjali għall-MEErP (ippubblikat f’Diċembru 2013) disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/growth/industry/sustainability/sustainable-product-policy-ecodesign_en, Għodda Ecoreport disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/docsroom/documents/5308/attachments/1/translations

(5)  https://susproc.jrc.ec.europa.eu/product-bureau/product-groups/521/home