21.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 167/37


Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni ta’ approvazzjoni ta’ emenda standard għal Speċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33

(2022/C 167/10)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1).

KOMUNIKAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD LI TIMMODIFIKA D-DOKUMENT UNIKU

Vallegarcía

PDO-ES-02085-AM01

Data tal-komunikazzjoni: 25.1.2022

DESKRIZZJONI TAL-EMENDA APPROVATA U R-RAĠUNIJIET GĦALIHA

1.   Allinjament tat-terminoloġija użata għall-parametru analitiku taz-“zokkor residwu” mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ

DESKRIZZJONI:

Il-parametru analitiku taz-“zokkor residwu” ngħata l-isem ġdid ta’ “zokkor totali espress bħala glukożju u fruttożju”.

Din l-emenda taffettwa l-punt 2.1.1 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott iżda mhux id-Dokument Uniku.

L-emenda tadatta t-terminoloġija użata għall-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi. Ma tinvolvix emenda sostanzjali għall-prodott finali, li jżomm il-karatteristiċi u l-profil li jirriżultaw mill-interazzjoni bejn il-fatturi naturali u umani, kif deskritti fir-rabta. Għalhekk inqisu li hija emenda standard, peress li ma tikkorrispondi għall-ebda wieħed mit-tipi elenkati fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33.

RAĠUNIJIET:

Għamilna din l-emenda għall-konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/34 tas-17 ta’ Ottubru 2018, li jispeċifika li għandu jitkejjel iz-zokkor totali espress f’termini tal-fruttożju u l-glukożju.

2.   Reviżjoni tal-parametri analitiċi

DESKRIZZJONI:

Il-limitu minimu tal-kulur għall-inbejjed ħomor tnaqqas minn 12 għal 10 AU.

Il-punti 2 u 7 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u l-punt 8 tad-Dokument Uniku ġew emendati skont dan.

L-emenda ma tinvolvix emenda sostanzjali għall-prodott finali, li jżomm il-karatteristiċi u l-profil li jirriżultaw mill-interazzjoni bejn il-fatturi naturali u umani, kif deskritti fir-rabta. Għalhekk inqisu li hija emenda standard, peress li ma tikkorrispondi għall-ebda wieħed mit-tipi elenkati fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33.

RAĠUNIJIET:

Varjetajiet ta’ għeneb differenti jikbru flimkien fiż-żona tal-produzzjoni għad-DO Vallegarcía. Minn naħa, hemm il-Cabernet Sauvignon, li b’mod naturali jipproduċi nbejjed b’potenzjal ta’ kulur għoli ħafna, filwaqt li, min-naħa l-oħra, hemm il-Monastrell u l-Garnacha Tinta, li jipproduċu nbejjed inqas aċidużi b’intensità medja tal-kulur.

Ġeneralment, matul dawn l-aħħar għaxar snin, is-swieq kienu qed jitolbu nbejjed b’aktar togħma ta’ frott, li jattiraw ġenerazzjonijiet ġodda ta’ konsumaturi li qed jiffamiljarizzaw ruħhom mal-inbid.

L-enoloġisti jrid ikollhom l-għodda meħtieġa biex jipproduċu nbejjed li jattiraw swieq nazzjonali u internazzjonali filwaqt li jżommu l-karatteristiċi offruti miż-żona tal-produzzjoni u l-varjetajiet tagħna.

It-tnaqqis tal-limitu minimu tal-intensità tal-kulur għall-inbejjed ħomor ma jwassalx għal tnaqqis fil-kwalità; għall-kuntrarju, iwessa’ l-firxa ta’ għażliet ipprovduti mill-varjetajiet differenti ta’ għeneb taż-żona, u b’hekk tippermetti li jiġu prodotti inbejjed aktar sottili, kumplessi u attraenti.

Peress li l-intensità tal-kulur u l-limitu tal-intensità tal-kulur jissemmew fit-taqsima dwar ir-rabta, dan il-kliem kellu wkoll jiġi emendat bħala riżultat tal-bidla fil-limitu.

3.   Żieda ta’ varjetajiet

DESKRIZZJONI:

Il-varjetajiet tal-għeneb li ġejjin użati għall-produzzjoni tal-inbejjed ġew miżjuda mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott: Garnacha Tinta, Mazuela jew Cariñena u Monastrell.

L-Artikolu 6 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u l-punt 7 tad-Dokument Uniku ġew emendati skont dan.

L-emenda ma tinvolvix emenda sostanzjali għall-prodott finali, li jżomm il-karatteristiċi u l-profil li jirriżultaw mill-interazzjoni bejn il-fatturi naturali u umani, kif deskritti fir-rabta. Għalhekk inqisu li hija emenda standard, peress li ma tikkorrispondi għall-ebda wieħed mit-tipi elenkati fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33.

RAĠUNIJIET:

Il-varjetajiet imsemmija hawn fuq ilhom jitkabbru f’Vallegarcía għal numru ta’ snin, u ntwera li dawn il-varjetajiet jipproduċu nbejjed ta’ kwalità għolja. Il-kumitat tad-dewqan għad-DO Vallegarcía ilu snin jimmonitorja l-iżvilupp u l-kwalità ta’ dawn l-inbejjed. Intwera li dawn il-varjetajiet tal-għeneb jipproduċu nbejjed li jilħqu l-kwalità meħtieġa mill-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tagħna, jiġifieri jistgħu jiġu inklużi fost il-varjetajiet permessi għad-DO Vallegarcía.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni

Vallegarcía

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP – Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

1.   Inbid abjad

DESKRIZZJONI TESTWALI KONĊIŻA

Inbid abjad ta’ lewn isfar qawwi u aromi ta’ frott tal-għadma, frott tropikali u fjur abjad, ta’ intensità bejn medja u qawwija. Fl-isfond għandu aromi ta’ ħwawar ifuħu – lavanda u klin – b’laqta aħħarija ta’ xiwi. L-inbid jinżel ħarir, jagħti sensazzjoni żejtnija fil-palat, mhux imxewwek, u jintiegħem frisk u mirqum. Sensazzjoni pjaċevoli f’nofs il-palat, b’aromi ta’ frott tal-għadma, u b’laqta aħħarija ta’ xiwi u kemxejn morra.

*

Il-qawwa alkoħolika totali massima skont il-volum għandha tkun fil-limiti legali stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

12,5

Aċidità totali minima

4,1 grammi għal kull litru, espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

12,5

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

160

2.   Inbid aħmar

DESKRIZZJONI TESTWALI KONĊIŻA

Inbid aħmar ta’ lewn aħmar qawwi, b’wiċċ lewn il-granata jew bejn granata u rubin u b’kulur konsistenti. Intensità bejn medja u qawwija, b’aromi ta’ frott aħmar u xagħri Mediterranju u minerali jew ħjiliet balsamiċi tal-lavanda u aromi ta’ xiwi ta’ njam. It-togħma tinħass mirquma, tinżel ħarir, hija bbilanċjata u kemxejn tannika.

*

Il-qawwa alkoħolika totali massima skont il-volum għandha tkun fi ħdan il-limiti legali stabbiliti il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

12

Aċidità totali minima

4,2 grammi għal kull litru, espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

20

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

150

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

5.1.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi

1.   Prattika ta’ kultivazzjoni

L-għeneb jinħasad kollu bl-idejn, u jitqiegħed f’kannestri. Issir selezzjoni tal-għeneb l-ewwel fil-vinja meta jinqatgħu l-għenieqed, u għat-tieni darba fuq mejda apposta fejn jasal l-għeneb fil-fabbrika tal-inbid.

2.   Restrizzjoni rilevanti fuq il-produzzjoni tal-inbejjed

L-għeneb jidħol f’livell ’il fuq mid-daħla ta’ fuq tat-tank, li tfisser li ma jkun hemm ebda pressjoni fil-pajpijiet, u l-għeneb jiġi ttrattat b’mod inqas aggressiv.

Waqt l-ittankjar, il-polpa tgħaddi minn skambjatur tas-sħana tubulari, fejn it-temperatura titbaxxa. Dan iħalli t-tankijiet kesħin għal ċertu żmien, li jista’ jvarja skont il-ġudizzju tat-tim ta’ enologi, fejn meħtieġ. Din il-maċerazzjoni ta’ qabel il-fermentazzjoni tippermetti li l-aromi kollha fl-għeneb jinsiltu f’soluzzjoni milwiema, u dan iwassal għal kulur aktar stabbli.

Wara l-proċess ta’ maċerazzjoni fil-kesħa, l-għeneb abjad jingħasar, u l-most li jirriżulta jitħalla joqgħod sakemm jilħaq turbidità xierqa ta’ 400-800 NTU. Ladarba tkun bdiet il-fermentazzjoni, proporzjon varjabbli tal-most jiġi ttrasferit għal btieti tal-ballut Franċiż li jkunu għadhom ma ntużawx. Fihom dan il-most jiffermenta u jiġi mmaturat fuq il-karfa għal bejn 4 u 6 xhur. Fil-fermentazzjoni alkoħolika tal-inbejjed bojod u ħomor, jintużaw kemm il-ħmira naturali kif ukoll il-ħmira selezzjonata. L-inbejjed bojod jiffermentaw f’temperaturi baxxi: min. 15 oC, mass. 26 oC. Jitqies ukoll il-proporzjon tal-most li jkun qed jiffermenta fil-btieti. L-inbejjed ħomor jiffermentaw f’temperatura minima ta’ 15 °C u f’temperatura massima ta’ 30 °C. Id-dewmien tal-ittankjar u dak tal-maċerazzjoni jvarjaw skont il-valutazzjoni teknika tat-tim ta’ enologi, iżda jkunu ta’ bejn 7 ijiem u 28 jum.

3.   Restrizzjoni rilevanti fuq il-produzzjoni tal-inbejjed

It-tbattil tal-inbejjed ħomor mill-btieti jsir bl-idejn. Il-karfa tal-għeneb tiddaħħal fi pressa pnewmatika permezz tal-gravità, mingħajr l-użu ta’ pompi, u tiġi ttrasferita għal btieti użati sakemm isir id-dewqan. Ladarba jkunu nkisbu t-tipi kollha ta’ nbid, kemm dak ippressat u kemm dak ħieles, u ladarba tkun tlestiet il-fermentazzjoni malolattika, l-inbejjed kollha jiddewqu mill-kumitat ta’ enologi, u jitħejjew it-taħlitiet differenti. Wara dan, l-inbejjed jiġu mmaturati fi btieti tal-ballut Franċiż.

L-inbejjed jiġu mmaturati fil-flixkun għal tul ta’ żmien varjabbli, qabel ma jitqiegħdu fis-suq.

5.2.   Rendimenti massimi għal kull ettaru

1.

Il-varjetajiet Viognier, Cabernet Franc, Garnacha Tinta, Mazuela jew Cariñena u Monastrell

11 500 kilogramma għeneb għal kull ettaru

2.

 

75 ettolitru għal kull ettaru

3.

Il-varjetà Syrah

9 250 kilogramma għeneb għal kull ettaru

4.

 

60 ettolitru għal kull ettaru

5.

Il-varjetajiet Merlot u Cabernet Sauvignon

8 500 kilogramma għeneb għal kull ettaru

6.

 

55 ettolitru għal kull ettaru

7.

Il-varjetà Petit Verdot

14 600 kilogramma għeneb għal kull ettaru

8.

 

95 ettolitru għal kull ettaru

6.   Definizzjoni taż-żona demarkata

Iż-żona ġeografika tikkorrispondi għar-roqgħa katastali 448 fiż-żona 9 tal-muniċipalità ta’ Retuerta del Bullaque, li tinsab fil-provinċja ta’ Ciudad Real. Tkopri 1 521 ettaru.

7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed

 

CABERNET FRANC

 

CABERNET SAUVIGNON

 

GARNACHA TINTA

 

MAZUELA – CARIÑENA

 

MERLOT

 

MONASTRELL

 

PETIT VERDOT

 

SYRAH

 

VIOGNIER

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

8.1.   Ambjent (fatturi naturali u umani)

Il-karatteristiċi taż-żona ġeografika li għandhom influwenza deċiżiva fuq il-kwalità tal-inbejjed huma kif ġej:

a)

Is-substrat ġeoloġiku li fuqu hija mħawla l-vinja, magħruf bħala Raña del Fresno, huwa formazzjoni unika fid-dinja u esklużiva għal din iż-żona. B’riżultat ta’ dan, l-għeneb li jikber fiż-żona għandu għadd ta’ karatteristiċi uniċi (intensità qawwija, kwalità aromatika, u effett fit-tul fil-palat). Barra minn hekk, l-aċidità għolja u l-pH baxx tal-ħamrija ta’ Vallegarcía ma humiex tas-soltu meta mqabbla ma’ ta’ żoni klimatiċi simili. Vallegarcía hija vinja mħawla f’ħamrija bi klassifikazzjoni edafoloġika unika meta mqabbla ma’ ta’ vinji oħra ta’ Kastilja-La Mancha. Fi proġett ta’ riċerka mill-Università ta’ Kastilja-La Mancha (UCLM) bit-titolu “Winegrowing soils in Castile-La Mancha: influence on the composition of the grape”, il-profili studjati f’Vallegarcía kienu kklassifikati bħala Typic Palexerult skont it-Tassonomija tal-Ħamrija (Soil Survey Staff, 2006), u l-ordni tal-Ultisol instabet li hija tipika tal-ħamrija raña (Vidal et al., 2004). Fost it-tipi ta’ ħamrija għat-tkabbir tad-dwieli studjati fil-proġett ta’ riċerka, tliet profili biss ta’ Vallegarcía huma ta’ dik l-ordni. Skont is-sistema ta’ klassifikazzjoni tal-FAO (2007), P1, P2 u P3 – it-tliet profili analizzati fir-rapport tal-UCLM – ġew ikklassifikati bħala Cutanic Alisol (Ferric, Chromic), Cutanic Alisol (Ferric, Skeletic) u Cutanic Alisol (Ferric, Skeletic), rispettivament.

Barra minn hekk, il-varjazzjoni kbira fil-pH tal-ħamrija tagħmilha unika. Meta wieħed jara l-pH ta’ kull profil, l-ewwel ħaġa li tispikka hija l-varjazzjoni mmarkata bejn il-valuri tal-pH. Din hija riflessa fil-livelli ta’ pH tal-inbejjed u fil-bilanċ tagħhom fil-palat.

Il-kontenut baxx tal-kalċju u l-kontenut għoli ta’ siliċe, ħadid u aluminju huma għalkollox mhux karatteristiċi tal-ħamrija tat-tkabbir tad-dwieli ta’ Kastilja-La Mancha. Huwa interessanti t-tqabbil ta’ dawn il-livelli ma’ dawk tal-ħamrija tal-ġebla tal-ġir taż-żona, li s-soltu tintuża għat-tkabbir tad-dwieli. Skont data minn Amorós et al. (2012b), il-kontenut ta’ kalċju tal-ħamrija ta’ Vallegarcía’s huwa ferm differenti mil-livelli li jinsabu fis-safef ta’ fuq tal-ħamrija tal-ġebla tal-ġir (10,4 g•kg-1 kontra 230 g•kg-1). Mill-banda l-oħra, il-livelli ta’ siliċju (345,9 g•kg-1) u ta’ ħadid (26,5 g•kg-1) huma konsiderevolament ogħla fil-ħamrija taż-żona demarkata meta mqabbla ma’ tal-ħamrija għat-tkabbir tad-dwieli tal-ġebla tal-ġir ta’ Kastilja-La Mancha (127,5 u 16,65 g•kg-1, rispettivament). Il-livell ta’ aluminju preżenti fis-saff ta’ fuq ta’ ħamrija tal-ġebla tal-ġir ikun ta’ madwar 33,4 g•kg-1, filwaqt li fil-ħamrija ta’ Vallegarcía l-livell huwa ta’ 57,8 g•kg-1. Il-kontenut baxx ta’ kalċju fil-ħamrija huwa karatteristika distintiva tal-inbejjed ta’ Vallegarcía, u jagħtihom bixra differenti minn inbejjed oħra ta’ Kastilja-La Mancha.

Ta’ min wieħed jinnota l-kwantità medja għolja ta’ elementi klassifikati bħala elementi terrestri rari (iċ-ċerju, il-lantanju u n-neodimju) fil-ħamrija ta’ Vallegarcía (83,5, 44,5 u 36,5 mg•kg-1, rispettivament), meta mqabbla ma’ tal-livelli medji reġjonali (57,7, 23,5 u 21,6 mg•kg-1, rispettivament) u globali (55, 35,5 u 30,5 mg•kg-1, rispettivament). B’mod ġenerali, il-livelli ta’ dawn l-elementi huma ogħla f’tipi ta’ ħamrija aċidużi milli fil-ħamrija tal-ġebla tal-ġir (Amorós et al., 2012a).

b)

L-influwenza tax-xmara Bullaque, kif ukoll tan-nixxigħat li jiżbukkaw fiha u li jiċċirkondaw iż-żona demarkata, l-ambjent frisk tal-widien u l-ħarsien mill-irjieħ tat-Tramuntana bis-saħħa tal-muntanji, lill-vinja joħolqulha mikroklima li ttaffi l-kundizzjonijiet estremi fix-xitwa u fis-sajf. Dan jgħin biex l-għeneb isir kif suppost u bis-sħiħ.

c)

Id-differenza kbira bejn it-temperaturi ta’ binhar u dawk ta’ billejl, li hija dovuta għall-altitudni ta’ Vallegarcía ’l fuq mil-livell tal-baħar, flimkien max-xita abbondanti fiż-żona meta mqabbel ma’ naħat oħra tar-reġjun, jgħinu biex l-għeneb ikollu struttura tannika eċċellenti, li min-naħa tagħha trendi l-inbejjed aktar xierqa għall-maturazzjoni fil-bettija u fil-flixkun.

8.2.   Deskrizzjoni tal-inbejjed

L-inbejjed ta’ Vallegarcía huma kkaratterizzati mit-togħma mirquma tagħhom, u min-nuqqas ta’ xtur. Għandhom ukoll struttura tannika eċċellenti li tagħtihom kapaċità liema bħalha biex maż-żmien jevolvu u jżommu. Jistgħu jilħqu valuri ta’ polifenoli ogħla minn 50 meq/l, u intensità tal-kulur ogħla minn 10 AU.

L-intensità u l-kwalità aromatika tal-inbejjed huma ddefiniti minn aromi qawwija tax-xagħri Mediterranju (ċistu, ħaxixet il-mikinsa) u balsamiċi (sagħtar, klin, lavanda), kif ukoll minn livell għoli ta’ minerali (lavanja sewda, kwarzit). Iħallu togħma sekondarja morra fuq wara tal-ġriżmejn, li ttawwal id-dewqan tal-inbid.

8.3.   Rabta

Is-substrat ġeoloġiku li fuqu hija mħawla l-vinja, magħruf bħala raña, huwa formazzjoni unika fid-dinja. L-aċidità qawwija u l-pH baxx tal-ħamrija taż-żona demarkata ma humiex tas-soltu lanqas. Din il-kombinazzjoni tagħti lill-inbejjed togħma sekondarja morra fuq wara tal-ġriżmejn, li ttawwal id-dewqan tal-inbid.

L-ambjent frisk tal-widien, u l-ħarsien mill-irjieħ tat-Tramuntana bis-saħħa tal-muntanji, għandhom effett ta’ taffija tal-kundizzjonijiet estremi, u jgħinu biex l-inbejjed jiksbu t-togħma mirquma u mhux imxewka tagħhom. Id-differenza kbira bejn it-temperaturi ta’ binhar u dawk ta’ billejl, li hija dovuta għall-altitudni taż-żona demarkata ’l fuq mil-livell tal-baħar, flimkien max-xita abbondanti, lill-għeneb jagħtuh struttura tannika eċċellenti li tippermetti li l-inbejjed jilħqu valuri ta’ polifenoli ogħla minn 50 meq/l u intensità tal-kulur ogħla minn 10 AU.

Minkejja li ż-żona demarkata hija mdawra miż-żona tal-IĠP Castilla, il-karatteristiċi taż-żona huma ferm differenti minn taż-żona demarkata tal-madwar, minħabba l-fatturi li ġejjin:

FATTURI NATURALI:

Is-substrat ġeoloġiku ta’ raña, li huwa uniku fid-dinja, huwa karatterizzat mill-aċidità għolja u l-pH baxx tiegħu, kif ukoll mill-ambjent frisk tal-widien, mix-xita abbondanti u mill-ħarsien mill-irjieħ tal-Tramuntana bis-saħħa tal-muntanji, li flimkien joħolqu mikroklima ferm differenti mill-klima taż-żona tal-madwar.

Il-varjazzjoni wiesgħa fil-pH tas-saff ta’ fuq, u s-safef ta’ taħt il-wiċċ tal-ħamrija, li tinkludi varjazzjoni massima ta’ 4,1 punti fil-profil 2 (pH = 8,9 f’Ap u pH = 4,8 fi Btg1), kif ukoll il-kontenut baxx ta’ kalċju; il-kontenut għoli ta’ siliċe, ħadid u aluminju; u l-preżenza ta’ kwantitajiet kbar ta’ elementi terrestri rari, flimkien jagħmlu lill-Vallegarcía differenti mill-bqija tal-Kastilja-La Mancha.

FATTURI UMANI:

L-iktar differenzi evidenti bejn il-metodu ta’ produzzjoni tal-inbejjed Vallegarcía u dawk użati fiż-żoni fil-madwar koperti mill-IĠP Castilla huma dawn li ġejjin:

IĠP CASTILLA

VALLEGARCÍA

DIFFERENZI

Inbejjed bojod: ≥ 9 % vol.

≥ 12 % vol.

Kontenut ta’ alkoħol ogħla

Inbejjed ħomor: ≥ 10 % vol.

≥ 12 % vol.

Kontenut ta’ alkoħol ogħla

Inbejjed ħomor: ≤ 18 meq/l

≤ 20 meq/l

Aċidità volatili ogħla

Inbejjed bojod: ≤ 16 000  kg/ha

≤ 11 500  kg/ha

Produzzjoni iktar baxxa għal kull ettaru

Inbejjed ħomor: ≤ 16 000  kg/ha

≤ 14 600  kg/ha

Produzzjoni iktar baxxa għal kull ettaru

---

> 50 meq/l

Iktar polifenoli

---

> 10 AU

Iktar kulur

Iż-żona ġiet iddemarkata abbażi tal-ambjent tagħha (is-substrat ġeoloġiku magħruf bħala raña, bl-aċidità għolja u l-pH baxx tiegħu, kif ukoll il-protezzjoni pprovduta mill-muntanji). Fiż-żona hemm fabbrika tal-inbid waħda biss, li hija proprjetà tal-applikant.

Ta’ min jinnota li ż-żona demarkata tkopri 1 521 ettaru u l-uniċi dwieli u fabbriki tal-inbid li jinsabu fiha huma dawk li jappartjenu lill-applikant.

Barra minn hekk, produtturi oħra jistgħu jużaw l-isem reġistrat jekk jibdew joperaw fiż-żona ġeografika demarkata fil-futur, dejjem jekk jilħqu l-kundizzjonijiet stipulati fl-Ispeċifikazzjoni. Dan ix-xenarju huwa perfettament possibbli, billi ż-żona demarkata tkopri 1 521 ettaru u għalhekk hemm spazju għal aktar fabbriki tal-inbid.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli (ippakkjar, tikkettar, rekwiżiti addizzjonali)

Qafas legali:

Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit ieħor:

L-ippakkjar fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

L-inbejjed għandhom jiġu bbottiljati fiż-żona ta’ produzzjoni peress li fil-każijiet kollha l-proċess tal-produzzjoni jikkonkludi bit-tieni stadju ta’ tqaddim fil-flixkun. F’dan il-perjodu jseħħ proċess ta’ tqaddim, li jtejjeb il-kwalità tal-inbejjed u jibbilanċja t-togħma tagħhom. Ikunu lesti għall-konsum meta jiksbu l-karatteristiċi organolettiċi stabbiliti fl-Ispeċifikazzjonijiet tal-Prodott għal kull tip ta’ nbid.

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

http://pagina.jccm.es/agricul/paginas/comercial-industrial/consejos_new/pliegos/AM_01_PC_Vallegarcia_20210820.pdf


(1)  ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2.