|
6.4.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CI 151/1 |
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Gwida lill-Istati Membri dwar l-investiment dirett barrani mir-Russja u l-Belarussja fid-dawl tal-aggressjoni militari kontra l-Ukrajna u l-miżuri restrittivi stabbiliti fir-Regolamenti tal-Kunsill reċenti dwar is-sanzjonijiet (1)
(2022/C 151 I/01)
L-Unjoni Ewropea hija miftuħa għall-investiment barrani, li huwa essenzjali għat-tkabbir ekonomiku, il-kompetittività, l-impjiegi u l-innovazzjoni tagħna. Ħafna kumpaniji Ewropej huma integrati sew fil-katini dinjija tal-provvista, li jridu jinżammu joperaw. L-UE se tibqa’ destinazzjoni attraenti għall-investiment dirett barrani (Foreign Direct Investiment, FDI). Iżda l-aċċess miftuħ tagħna mhuwiex bla kundizzjonijiet u jeħtieġ li jkun ibbilanċjat b’għodod xierqa biex jiġu salvagwardjati s-sigurtà u l-ordni pubbliku tagħna.
B’reazzjoni għall-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, appoġġata b’mod attiv mill-Belarussja, l-UE adottat pakkett kbir u robust ta’ miżuri restrittivi (“sanzjonijiet”) kemm kontra r-Russja kif ukoll kontra l-Belarussja. Is-sanzjonijiet kontra r-Russja huma mfassla biex jimminaw il-kapaċità tal-Kremlin li jiffinanzja l-gwerra, jimponu spejjeż ekonomiċi u politiċi ċari fuq dawk fl-elit politiku tar-Russja responsabbli għall-invażjoni u jnaqqsu l-bażi ekonomika tagħha. Fid-dawl tal-appoġġ materjali tal-Belarussja għall-invażjoni Russa, l-UE adottat aktar sanzjonijiet kontra l-Belarussja. Is-sanzjonijiet kontra l-Belarussja huma mfassla biex ikollhom impatt simili.
Ir-Regolament (UE) 2019/452 (2) (“ir-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-FDI”) jipprovdi qafas essenzjali għall-UE kollha li fih il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jistgħu jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom dwar l-investimenti barranin biex jiżguraw il-protezzjoni tas-sigurtà u l-ordni pubbliku jekk tali objettivi jkunu mhedda minn investimenti diretti barranin. L-Istati Membri jistgħu wkoll jiskrinjaw investimenti li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-FDI, dment li tali kontroll isir f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital u l-istabbiliment.
Filwaqt li l-iskrinjar tal-FDI u s-sanzjonijiet huma strumenti legali distinti, kull wieħed minnhom bi skop differenti, u b’mod differenti ta’ kif jopera, l-agressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna tappella għal viġilanza akbar lejn l-investimenti diretti Russi u Belarussi fis-Suq Uniku. Dan imur lil hinn minn investimenti minn persuni jew entitajiet li huma soġġetti għal sanzjonijiet. Fiċ-ċirkostanzi attwali, hemm riskju akbar li kwalunkwe investiment direttament jew indirettament relatat ma’ persuna jew entità assoċjata ma’, ikkontrollata minn jew soġġetta għal influwenza mill-gvern Russu jew Belarussu f’assi kritiċi fl-UE jista’ jagħti raġunijiet raġonevoli biex jiġi konkluż li l-investiment jista’ jkun ta’ theddida għas-sigurtà jew għall-ordni pubbliku fl-Istati Membri.
Barra minn hekk, is-sanzjonijiet tal-UE japplikaw għal kwalunkwe persuna fit-territorju tal-Unjoni, għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp, ġewwa jew barra t-territorju tal-Unjoni, li tkun inkorporata jew kostitwita skont il-liġi ta’ Stat Membru, u għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta’ kull negozju li jsir kompletament jew parzjalment fl-Unjoni. Għalhekk, il-miżuri restrittivi tal-UE jistgħu jaffettwaw l-investimenti diretti mir-Russja u l-Belarussja b’diversi modi. Pereżempju, tranżazzjonijiet kummerċjali ma’ persuni u entitajiet deżinjati ma jistgħux jitwettqu legalment sakemm il-leġiżlazzjoni ma tippermettilhomx jagħmlu dan b’mod eċċezzjonali, u l-banek tal-UE għandhom jiffriżaw il-pagamenti riċevuti minn kwalunkwe bank Russu deżinjat soġġett għal iffriżar tal-assi. Dawn ir-regoli huma mfakkra f’aktar dettall fl-Anness ta’ din il-Komunikazzjoni.
Fil-Komunikazzjonijiet preċedenti tagħha, inkluża l-Komunikazzjoni dwar ir-Rieżami tal-Politika Kummerċjali - Politika Kummerċjali Miftuħa, Sostenibbli u Assertiva (3), il-Kummissjoni appellat lill-Istati Membri kollha biex jistabbilixxu u jinfurzaw mekkaniżmi ta’ skrinjar tal-FDI sħaħ biex jindirizzaw każijiet fejn l-akkwist jew il-kontroll ta’ negozju, infrastruttura jew teknoloġija partikolari joħolqu riskju għas-sigurtà jew għall-ordni pubbliku fl-UE. Hu partikolarment urġenti li dan isir fil-kuntest attwali.
Fl-istruttura istituzzjonali eżistenti, ir-responsabbiltà għall-iskrinjar tal-FDI hija tal-Istati Membri. Fi 18-il Stat Membru diġà jeżistu mekkaniżmi nazzjonali għall-iskrinjar (4). L-iskrinjar tal-FDI jenħtieġ li jqis l-impatt fuq is-sigurtà u l-ordni pubbliku tal-Unjoni kollha kemm hi. Fid-determinazzjoni ta’ jekk investiment dirett barrani huwiex probabbli li jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku, l-Istati Membri jistgħu jqisu wkoll, b’mod partikolari jekk l-investitur barrani huwiex ikkontrollat direttament jew indirettament mill-gvern, inklużi korpi tal-istat jew forzi armati, ta’ pajjiż terz, inkluż permezz ta’ struttura ta’ sjieda jew finanzjament sinifikanti; jekk l-investitur barrani jkunx diġà involut f’attivitajiet li jaffettwaw is-sigurtà jew l-ordni pubbliku fi Stat Membru; jew jekk hemmx riskju serju li investitur barrani jinvolvi ruħu f’attivitajiet illegali jew kriminali (5).
Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-FDI huwa limitat għal każijiet fejn l-akkwiżizzjoni ta’ entità tal-UE tinvolvi investiment dirett minn entità waħda jew aktar stabbiliti barra mill-Unjoni. Min-naħa l-oħra, każijiet li jinvolvu biss investimenti minn entità waħda jew aktar stabbiliti fl-Unjoni fi Stat Membru ieħor ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament, ħlief għal tranżazzjonijiet li huma parti minn skema ta’ ċirkomvenzjoni stabbilita bir-riżultat oġġettiv li tiġi evitata l-applikazzjoni tar-Regolament. Madankollu, tali investimenti jistgħu jkunu soġġetti għal kontrolli nazzjonali jew mekkaniżmi ta’ skrinjar u tista’ tittieħed azzjoni f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital u l-libertà tal-istabbiliment.
Fiċ-ċirkostanzi attwali, hemm riskju akbar b’mod sinifikanti li l-FDI mill-investituri Russi u Belarussi jista’ jkun ta’ theddida għas-sigurtà u l-ordni pubbliku. Għalhekk, fi ħdan ir-regoli applikabbli, tali FDI għandu jiġi kkontrollat u skrutinizzat b’mod sistematiku mill-qrib ħafna. Dawn ir-riskji jistgħu jiġu aggravati mill-ammont ta’ investimenti Russi fl-UE u l-intensità tar-relazzjonijiet kummerċjali preċedenti bejn il-kumpaniji tal-UE u dawk Russi. Barra minn hekk, għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-theddid maħluq minn investimenti minn persuni jew entitajiet assoċjati ma’, ikkontrollati minn jew soġġetti għal influwenza miż-żewġ gvernijiet minħabba li dawn il-gvernijiet għandhom inċentiv qawwi biex jinterferixxu ma’ attivitajiet kritiċi fl-UE u biex jużaw il-kapaċità tagħhom li jikkontrollaw jew jidderieġu l-investituri Russi u Belarussi fl-UE għal dak il-għan.
Għal dan il-fini, il-Kummissjoni Ewropea tappella lill-Istati Membri biex:
|
— |
jużaw b’mod sistematiku l-mekkaniżmi ta’ skrinjar tagħhom biex jivvalutaw u jipprevjenu t-theddid relatat mal-investimenti Russi u Belarussi għal raġunijiet ta’ sigurtà u ordni pubbliku; |
|
— |
jiżguraw kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għas-sanzjonijiet (6) (“National Competent Authorities, NCAs”) u dawk kompetenti għall-iskrinjar tal-investimenti fil-kuntest tal-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE, kif ukoll jidentifikaw ksur u jimponu penali; |
|
— |
jimplimentaw bis-sħiħ ir-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-FDI, inkluż permezz tal-parteċipazzjoni attiva fil-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u bejnhom u l-Kummissjoni, biex jindirizzaw ir-riskji relatati mas-sigurtà jew l-ordni pubbliku relatati mal-FDI mir-Russja u l-Belarussja; |
|
— |
jiżguraw konformità sħiħa mar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus (7) biex jiġi evitat l-użu ħażin tas-sistema finanzjarja tal-UE; kif ukoll |
|
— |
jiżguraw kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet tal-iskrinjar tal-Istati Membri, l-NCAs u l-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali, kif ukoll l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali li l-Istati Membri huma azzjonisti tagħhom sabiex jidentifikaw investimenti, b’mod partikolari mir-Russja u l-Belarussja, li jistgħu jaffettwaw is-sigurtà jew l-ordni pubbliku fl-UE u jiffaċilitaw il-konformità sħiħa mas-sanzjonijiet f’attivitajiet appoġġati mill-entitajiet ta’ investiment pubbliku msemmija hawn fuq. |
Għal dawk l-Istati Membri li bħalissa m’għandhomx mekkaniżmu ta’ skrinjar, jew li l-mekkaniżmi ta’ skrinjar tagħhom ma jkoprux it-tranżazzjonijiet rilevanti kollha tal-FDI jew li ma jippermettux skrinjar qabel ma jsiru l-investimenti, il-Kummissjoni tistedinhom b’mod urġenti jistabbilixxu mekkaniżmu komprensiv ta’ skrinjar tal-FDI u sadanittant jużaw strumenti legali xierqa oħra biex jindirizzaw każijiet fejn l-akkwist jew il-kontroll ta’ negozju, infrastruttura jew teknoloġija partikolari joħolqu riskju għas-sigurtà jew għall-ordni pubbliku fl-UE.
Għal dawk l-Istati Membri li jinsabu fil-proċess li jistabbilixxu tali mekkaniżmu ta’ skrinjar, il-Kummissjoni tistedinhom jaċċelleraw l-adozzjoni tiegħu u jħejju l-implimentazzjoni tiegħu, inkluż billi jappoġġawh b’riżorsi xierqa.
Fl-aħħar nett, l-Anness ta’ din il-Komunikazzjoni jiddeskrivi wkoll il-kundizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri jistgħu jitħallew jimponu restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-kapital u l-libertà tal-istabbiliment. Barra mill-qafas tal-UE għall-iskrinjar tal-FDI, dawk l-Istati Membri li daħħlu fis-seħħ miżuri li skonthom jistgħu jiskrinjaw l-investimenti intra-UE biex isegwu, b’mod proporzjonat, objettivi leġittimi ta’ politika pubblika huma mħeġġa bil-qawwa biex jużaw dawk il-mekkaniżmi bl-aktar mod sħiħ fir-rigward ta’ investimenti li fl-aħħar mill-aħħar huma kkontrollati minn persuni, jew entitajiet Russi jew Belarussi, biex jindirizzaw ir-riskji enfasizzati f’din il-Komunikazzjoni.
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 1) u l-emendi tiegħu u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 tat-18 ta’ Mejju 2006 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (ĠU L 134, 20.5.2006, p. 1) u l-emendi tiegħu
(2) Ir-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni (ĠU L 79I , 21.3.2019, p. 1).
(3) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Rieżami tal-Politika Kummerċjali - Politika Kummerċjali Miftuħa, Sostenibbli u Assertiva, COM/2021/66/final.
(4) Għal-lista sħiħa tal-mekkaniżmi nazzjonali tal-iskrinjar u links għal-leġiżlazzjoni nazzjonali idħol hawn http://trade.ec.europa.eu/doclib/html/157946.htm
(5) L-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-FDI.
(6) Il-lista tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għas-sanzjonijiet hija disponibbli fuq https://www.sanctionsmap.eu/#/main/authorities
(7) Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73)
ANNESS
1. Ħarsa ġenerali lejn l-assi Russi u Belarussi fl-UE (1)
1.1. Investimenti Russi fl-UE
Fid-dawl tal-għadd ta’ tranżazzjonijiet imwettqa bejn l-2015 u l-2021, ir-Russja kienet il-11-il investitur barrani fl-UE li jammonta għal 0,9 % tal-għadd ta’ investimenti u 0,7 % tal-valur tal-investimenti mill-ġurisdizzjonijiet kollha mhux tal-UE. Dan jirrappreżenta 643 negozju b’valur totali ta’ EUR 15 biljun (il-valur hu nieqes għal 34 % tat-tranżazzjonijiet) inklużi fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet, investimenti ta’ minoranza, portafoll u investimenti greenfield. Filwaqt li f’dawn l-aħħar snin l-influss ta’ investiment Russu jidher relattivament limitat, abbażi tad-data tal-2020, l-individwi jew l-entitajiet Russi jikkontrollaw madwar 17 000 kumpanija tal-UE (2), u għandhom ishma potenzjalment ta’ kontroll (3) f’7 000 kumpanija oħra u ishma minoritarji f’4 000 kumpanija oħra (4). F’ħafna każijiet il-kumpaniji għandhom diversi azzjonisti Russi, kull wieħed minnhom b’sehem perċentwali ta’ inqas minn 50 %, iżda kollha kemm huma jammontaw għal aktar minn 50 % tal-kapital tan-negozju tal-UE. F’57,7 % tal-kumpaniji tal-UE taħt il-kontroll jew l-influwenza Russa, l-assi huma miżmuma minn persuna fiżika, 9,7 % minn kumpanija u 1,1 % minn awtorità/stat pubbliku.
Tabella 1.
Numru ta’ kumpaniji tal-EU-27 b’influwenza jew kontroll Russu, dettall skont it-tip ta’ entità ta’ kontroll
|
Tip ta’ entità ta’ kontroll (Sid Aħħari Globali) (Global Ultimate Owner, GUO) |
Għadd ta’ kumpaniji |
Sehem |
|
Individwu jew familja wieħed/waħda jew aktar magħrufa |
17 510 |
57,7 % |
|
Mhux disponibbli |
9 204 |
30,4 % |
|
Kumpaniji korporattivi |
2 931 |
9,7 % |
|
Awtoritajiet pubbliċi, Stati, Gvernijiet |
343 |
1,1 % |
|
Kumpanija finanzjarja |
149 |
0,5 % |
|
Fond Mutwu u tal-Pensjoni/Mandatarju/Trust/Trustee |
83 |
0,3 % |
|
Bank |
81 |
0,3 % |
|
Fondazzjoni/Istitut tar-Riċerka |
18 |
0,1 % |
|
Kumpanija tal-assigurazzjoni |
1 |
0,0 % |
|
Ditti ta’ ekwità privata |
1 |
0,0 % |
|
Sors: Analiżi tal-JRC, ibbażata fuq id-data tal-Bureau van Dijk. Ċifri bbażati fuq id-data tal-karti tal-bilanċ tal-2020. Data estratta f’Marzu 2022. Fil-każ ta’ influwenza Russa (mhux kontroll), il-kumpanija tal-UE tista’ tiġi kkontrollata minn entità minn kwalunkwe pajjiż ieħor. Il-każijiet neqsin (mhux disponibbli) jirreferu għall-kumpaniji tal-UE b’influwenza Russa li ma jirrapportaw l-ebda azzjonist maġġoritarju. |
||
L-assi miżmuma mill-gvern Russu jinsabu f’“kumpaniji korporattivi” (5) għal 79,9 % tal-każijiet, u f’banek jew istituzzjonijiet finanzjarji oħra għall-bqija (Tabella 2).
Tabella 2.
Numru ta’ kumpaniji tal-EU-27 b’kontroll jew influwenza tal-gvern Russu, dettall skont it-tip ta’ kumpanija kkontrollata tal-UE
|
Tip ta’ entità tal-kumpanija tal-UE |
Għadd ta’ kumpaniji |
Sehem fit-total (%) |
|
Kumpaniji korporattivi |
262 |
79,9 |
|
Kumpanija finanzjarja |
37 |
11,3 |
|
Bank |
17 |
5,2 |
|
Fond ta’ Pensjoni u Mutwu |
11 |
3,4 |
|
Ditti ta’ ekwità privata |
1 |
0,3 |
|
Sors: Analiżi tal-JRC, ibbażata fuq id-data tal-Bureau van Dijk. Ċifri bbażati fuq id-data tal-karti tal-bilanċ tal-2020. Data estratta f’Marzu 2022. |
||
Is-setturi bl-akbar preżenza ta’ kontroll Russu huma l-Bejgħ bl-Ingrossa, il-Proprjetà Immobbli, l-Attivitajiet Xjentifiċi u Tekniċi Professjonali u l-Finanzi u l-Assigurazzjoni. Is-setturi bl-akbar preżenza ta’ influwenza Russa huma komparabbli ħafna: Bejgħ bl-Ingrossa, Proprjetà Immobbli, Attivitajiet Xjentifiċi u Tekniċi Professjonali u Manifattura (Tabella 3).
Tabella 3.
L-għadd ta’ kumpaniji tal-EU-27 b’influwenza jew kontroll Russu. Dettall skont is-settur fil-mira, 2020.
|
EU27 |
||||
|
|
Kontroll |
Influwenza |
Totali |
|
|
Settur |
Għadd ta’ kumpaniji |
Għadd ta’ kumpaniji |
Sehem (*1) % |
Għadd ta’ kumpaniji |
|
Agrikultura, foresterija u sajd |
137 |
137 |
62 |
274 |
|
Estrazzjoni u tħaffir fil-barrieri |
19 |
15 |
28 |
34 |
|
Manifattura |
904 |
883 |
56 |
1 787 |
|
Elettriku, gass, fwar u arja kkundizzjonata |
61 |
45 |
40 |
106 |
|
Provvista tal-ilma; drenaġġ, immaniġġjar tal-iskart |
32 |
24 |
56 |
56 |
|
Kostruzzjoni |
744 |
621 |
50 |
1 365 |
|
Kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut; |
4 530 |
3 607 |
63 |
8 137 |
|
Trasport u ħażna |
666 |
417 |
51 |
1 083 |
|
Akkomodazzjoni u servizzi tal-ikel |
612 |
675 |
52 |
1 287 |
|
Informazzjoni u komunikazzjoni |
763 |
668 |
55 |
1 431 |
|
Attivitajiet finanzjarji u tal-assigurazzjoni |
1 199 |
625 |
46 |
1 824 |
|
Attivitajiet marbuta mal-proprjetà immobbli |
2 714 |
2 470 |
70 |
5 184 |
|
Professjonali, xjentifiċi u tekniċi |
1 721 |
1 272 |
60 |
2 993 |
|
Servizzi amministrattivi u ta’ sostenn |
886 |
746 |
55 |
1 632 |
|
Amministrazzjoni pubblika u difiża |
1 |
6 |
35 |
7 |
|
Edukazzjoni |
103 |
76 |
56 |
179 |
|
Attivitajiet tas-saħħa tal-bniedem u ta’ ħidma soċjali |
70 |
56 |
46 |
126 |
|
Arti, divertiment u rikreazzjoni |
160 |
170 |
50 |
330 |
|
Attivitajiet ta’ servizzi oħra |
254 |
245 |
52 |
499 |
|
Sors: Analiżi tal-JRC, ibbażata fuq id-data tal-Bureau van Dijk. Ċifri bbażati fuq id-data tal-karti tal-bilanċ tal-2020. Data estratta f’Marzu 2022. F’każ li kumpanija jkollha diversi azzjonisti Russi li għandhom ishma minoritarji, tiġi kkalkulata s-somma tal-ishma għall-azzjonisti Russi kollha għal dik il-kumpanija. |
||||
1.2. Investimenti Belarussi fl-UE
Abbażi tad-data tal-2020, l-individwi u l-entitajiet Belarussi jikkontrollaw madwar 1550 kumpanija tal-UE, u għandhom ishma potenzjalment ta’ kontroll (6) f’600 kumpanija oħra u ishma minoritarji f’400 kumpanija (7). B’mod simili għall-investimenti Russi, xi kumpaniji għandhom diversi azzjonisti minoritarji Belarussi li flimkien għandhom aktar minn 50 % tal-kapital tan-negozju tal-UE. F’63,2 % tal-kumpaniji tal-UE taħt il-kontroll jew l-influwenza tal-Belarussja, l-assi huma miżmuma minn persuna fiżika, 5,1 % minn kumpanija u 0,4 % minn awtorità/stat pubbliku (Tabella 4).
Tabella 4.
Numru ta’ kumpaniji tal-EU-27 b’influwenza jew kontroll Belarussu, dettall skont it-tip ta’ entità ta’ kontroll
|
Tip ta’ entità ta’ kontroll (GUO) |
Għadd ta’ kumpaniji |
Sehem |
|
Individwu jew familja wieħed/waħda jew aktar magħrufa |
1 687 |
63,18 % |
|
Kumpaniji korporattivi |
135 |
5,06 % |
|
Awtoritajiet pubbliċi, Stati, Gvernijiet |
11 |
0,41 % |
|
Bank |
1 |
0,04 % |
|
Fond Mutwu u tal-Pensjoni/Mandatarju/Trust/Trustee |
1 |
0,04 % |
|
Kumpanija finanzjarja |
1 |
0,04 % |
|
Fondazzjoni/Istitut tar-Riċerka |
1 |
0,04 % |
|
Mhux disponibbli |
833 |
31,20 % |
|
Sors: Analiżi tal-JRC, ibbażata fuq id-data tal-Bureau van Dijk. Ċifri bbażati fuq id-data tal-karti tal-bilanċ tal-2020. Data estratta f’Marzu 2022. Fil-każ ta’ influwenza Belarussa (mhux kontroll), il-kumpanija tal-UE tista’ tiġi kkontrollata minn entità minn kwalunkwe pajjiż ieħor. Il-każijiet neqsin jirreferu għal kumpaniji tal-UE b’influwenza Belarussa li ma jirrapportaw l-ebda azzjonist maġġoritarju. |
||
L-assi miżmuma mill-gvern tal-Belarussja huma prinċipalment bl-Ingrossa kif spjegat hawn taħt fit-Tabella 5.
Tabella 5.
Għadd ta’ kumpaniji tal-EU-27 ikkontrollati mill-Istat jew minn awtorità pubblika mill-Belarussja, dettall skont is-settur tal-kumpanija kkontrollata
|
Settur ta’ attività tal-kumpanija tal-UE |
Għadd ta’ kumpaniji |
Assi totali (miljun euro) |
|
Negozju bl-ingrossa ta’ parts u aċċessorji ta’ vetturi bil-mutur |
1 |
1,49 |
|
Bejgħ bl-ingrossa fuq bażi ta’ ħlas jew kuntratt |
1 |
N.A. |
|
Aġenti involuti fil-bejgħ ta’ fjuwil, minerali, metalli u kimiċi industrijali |
1 |
2,80 |
|
Bejgħ bl-ingrossa ta’ makkinarju, tagħmir u provvisti agrikoli |
2 |
38,98 |
|
Bejgħ bl-ingrossa ta’ fjuwil soldu, likwidu u fi stat ta’ gass u prodotti relatati |
2 |
26,14 |
|
Bejgħ bl-ingrossa ta’ prodotti kimiċi |
1 |
4,23 |
|
Trasport bl-ajru |
1 |
N.A. |
|
Trasport ta’ passiġġieri bl-ajru |
1 |
0,22 |
|
Sors: Analiżi tal-JRC, ibbażata fuq id-data tal-Bureau van Dijk. Ċifri bbażati fuq id-data tal-karti tal-bilanċ tal-2020. Data estratta f’Marzu 2022. |
||
Is-setturi bl-akbar preżenza ta’ kontroll Belarussu huma l-Bejgħ bl-Ingrossa, l-Attivitajiet Xjentifiċi u Tekniċi Professjonali, it-Trasport u l-ħażna, u l-Proprjetà Immobbli. Is-setturi bl-akbar preżenza ta’ influwenza Belarussa huma simili ħafna: Bejgħ bl-Ingrossa, Proprjetà Immobbli, Attivitajiet Xjentifiċi u Tekniċi Professjonali, u Manifattura (Tabella 6).
Tabella 6.
L-għadd ta’ kumpaniji tal-EU-27 b’influwenza jew kontroll Belarussu. Dettall skont is-settur fil-mira, 2020.
|
|
Kontroll |
Influwenza |
Totali |
|
|
settur |
Għadd ta’ kumpaniji |
Għadd ta’ kumpaniji |
Sehem (*2) % |
Għadd ta’ kumpaniji |
|
Agrikultura, foresterija u sajd |
7 |
10 |
48 |
17 |
|
Estrazzjoni u tħaffir fil-barrieri |
1 |
0 |
N.A. |
1 |
|
Manifattura |
73 |
100 |
51 |
173 |
|
Elettriku, gass, fwar u arja kkundizzjonata |
1 |
3 |
53 |
4 |
|
Provvista tal-ilma; drenaġġ, immaniġġjar tal-iskart |
4 |
4 |
32 |
8 |
|
Kostruzzjoni |
107 |
76 |
54 |
183 |
|
Bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut |
568 |
377 |
60 |
945 |
|
Trasport u ħażna |
122 |
91 |
61 |
213 |
|
Akkomodazzjoni u servizz tal-ikel |
45 |
32 |
46 |
77 |
|
Informazzjoni u komunikazzjoni |
97 |
74 |
55 |
171 |
|
Attivitajiet finanzjarji u tal-assigurazzjoni |
48 |
26 |
51 |
74 |
|
Attivitajiet marbuta mal-proprjetà immobbli |
109 |
108 |
53 |
217 |
|
Professjonali, xjentifiċi u tekniċi |
141 |
116 |
47 |
257 |
|
Servizzi amministrattivi u ta’ sostenn |
73 |
41 |
55 |
114 |
|
Edukazzjoni |
7 |
4 |
75 |
11 |
|
Attivitajiet tas-saħħa tal-bniedem u ta’ ħidma soċjali |
5 |
7 |
32 |
12 |
|
Arti, divertiment u rikreazzjoni |
17 |
5 |
69 |
22 |
|
Attivitajiet ta’ servizzi oħra |
22 |
22 |
54 |
44 |
|
Sors: Analiżi tal-JRC, ibbażata fuq id-data tal-Bureau van Dijk. Ċifri bbażati fuq id-data tal-karti tal-bilanċ tal-2020. Data estratta f’Marzu 2022. F’każ li kumpanija jkollha diversi azzjonisti Belarussi li jkollhom ishma minoritarji, tiġi kkalkulata s-somma tal-ishma għall-azzjonisti Belarussi kollha għal dik il-kumpanija. |
||||
2. L-effett tal-miżuri restrittivi (sanzjonijiet) għall-investimenti diretti barranin mir-Russja u l-Belarussja u d-diliġenza dovuta tal-kumpaniji tal-UE
Il-miżuri restrittivi tal-UE japplikaw, inter alia, għal kwalunkwe persuna ġewwa jew barra t-territorju tal-Unjoni li tkun ċittadin ta’ Stat Membru, għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp, ġewwa jew barra t-territorju tal-Unjoni, li tkun inkorporata jew kostitwita skont il-liġi ta’ Stat Membru, u għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta’ kwalunkwe negozju li jsir kompletament jew parzjalment fl-Unjoni.
Il-miżuri restrittivi tal-UE jistgħu jaffettwaw l-investimenti diretti barranin mir-Russja u l-Belarussja b’diversi modi. Dawn jistgħu jieħdu l-forma ta’ listi individwali, jew ta’ miżuri settorjali.
Ċerti persuni u entitajiet Russi u Belarussi huma fil-mira ta’ restrizzjonijiet finanzjarji individwali, li jinkludu ffriżar tal-assi u projbizzjoni li fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, direttament jew indirettament, għal dawk il-persuni u l-entitajiet elenkati.
Persuni jew entitajiet deżinjati ma jistgħux jużaw il-fondi tagħhom (jiġifieri assi finanzjarji u benefiċċji ta’ kull xorta) u riżorsi ekonomiċi (assi ta’ kull xorta) li huma ffriżati u l-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi m’għandhom ikunu disponibbli għalihom. Dan ifisser li ċ-ċittadini u l-kumpaniji tal-UE ma jridux jagħmlu pagamenti jew jipprovdulhom oġġetti jew assi oħra. Fil-fatt, tranżazzjonijiet ta’ negozju ma’ persuni jew entitajiet deżinjati ma jistgħux jitwettqu legalment sakemm il-leġiżlazzjoni ma tippermettilhomx b’mod eċċezzjonali.
Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-iffriżar tal-assi jestendi għall-assi ta’ kwalunkwe entità mhux deżinjata, li tkun proprjetà ta’ jew ikkontrollata minn persuna jew entità deżinjata, sakemm ma jkunx jista’ jiġi ppruvat li l-assi kkonċernati fil-fatt mhumiex proprjetà tal-persuna jew entità deżinjata jew ikkontrollata minnha. Bl-istess mod, jenħtieġ li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ma jkunux disponibbli għal entità mhux deżinjata li tkun proprjetà ta’ jew ikkontrollata minn persuna jew entità deżinjata, sakemm ma jkunx jista’ jiġi ppruvat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi fil-fatt mhux se jaslu għand il-persuna deżinjata (8). L-imgħax u d-dividendi jitqiesu bħala “fondi” li għandhom jiġu ffriżati.
Barra minn hekk, il-banek inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru jew li jagħmlu negozju fl-UE għandhom jiffriżaw il-pagamenti riċevuti minn kwalunkwe persuna jew entità indikata (soġġetta għal iffriżar tal-assi) li hija elenkata fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014. Dan ifisser li t-trasferimenti li joriġinaw minn persuna deżinjata, jew li joriġinaw minn persuna mhux deżinjata iżda li jsiru permezz ta’ bank deżinjat (9), ma jiġux irrifjutati u lanqas il-fondi jiġu rritornati lill-mittent; minflok, dawk il-fondi jibqgħu ffriżati fil-bank tal-UE. Huwa possibbli li jintalab mill-awtorità nazzjonali kompetenti għal sanzjonijiet ir-rilaxx ta’ dawk il-fondi, pereżempju skont id-deroga prevista fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 (10) dwar il-ħlas minn persuna jew entità deżinjata dovut taħt kuntratt konkluż qabel id-data tad-deżinjazzjoni.
L-Unjoni adottat ukoll miżuri restrittivi settorjali. Pereżempju, ċerti banek Russi u Belarussi ġew diżakkoppjati minn servizzi ta’ messaġġi finanzjarji speċjalizzati, b’mod partikolari SWIFT, li jxekkel ħafna l-possibbiltà tagħhom li jinvolvu ruħhom f’pagamenti internazzjonali. Il-miżuri restrittivi rażżnu wkoll l-influssi finanzjarji mir-Russja u mill-Belarussja lejn l-UE, billi pprojbixxew l-aċċettazzjoni ta’ depożiti ġodda li jaqbżu ċerti valuri minn ċittadini jew residenti Russi u Belarussi u persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja jew fil-Belarussja, iż-żamma ta’ kontijiet ta’ klijenti Russi u Belarussi mid-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli tal-UE, kif ukoll il-bejgħ ta’ titoli ddenominati f’euro lil klijenti Russi jew Belarussi. Barra minn hekk, l-operaturi tal-UE huma pprojbiti milli jipprovdu finanzjament, inkluż kapital ta’ ekwità, lil operaturi mhux tal-UE attivi fis-settur tal-enerġija fir-Russja. Dan jista’ jaffettwa indirettament l-investiment dirett barrani fl-UE skont l-arranġament ta’ finanzjament speċifiku previst.
Barra minn hekk, ir-rilaxx ta’ teknoloġija kkontrollata (inkluż għarfien jew oġġetti intanġibbli) lil persuni barranin huwa tip ta’ Trasferiment ta’ Teknoloġija Intanġibbli magħruf ukoll bħala “esportazzjoni preżunta”. Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 u l-emendi sussegwenti tagħhom jipprojbixxu l-bejgħ tal-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, diretti jew indiretti, ta’ ċerti oġġetti u teknoloġija soġġetti għall-miżuri lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja u fil-Belarussja, jew għall-użu fir-Russja u fil-Belarussja rispettivament. Ir-rekwiżiti għall-kontroll tal-assistenza teknika jestendu wkoll il-kontroll għal ċittadini barranin fl-UE. Għalhekk, il-kumpaniji jenħtieġ li jirrestrinġu l-aċċess tal-persunal Russu u Belarussu għal tali għarfien jew teknoloġija jekk tali għarfien u teknoloġija jintużaw fir-Russja jew fil-Belarussja.
Il-kumpaniji tal-UE huma pprojbiti milli jipparteċipaw, konxjament u intenzjonalment, f’attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom huwa li jevitaw ir-restrizzjonijiet. Fis-sitwazzjonijiet kollha, il-kumpaniji tal-UE, u b’mod partikolari dawk b’partijiet ikkonċernati ta’ nazzjonalità Russa jew Belarussa jenħtieġ li jwettqu diliġenza dovuta adegwata fuq is-sħab kummerċjali tagħhom u d-destinazzjoni finali ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi. Dawn il-proċeduri jistgħu jinkludu skrinjar, valutazzjoni tar-riskju, diliġenza dovuta bbażata fuq diversi livelli u monitoraġġ kontinwu.
3. Skrinjar ta’ investimenti diretti barranin mir-Russja u l-Belarussja għal raġunijiet ta’ sigurtà jew ordni pubbliku skont il-qafas stabbilit fir-Regolament (UE) 2019/452
Ir-Regolament (UE) 2019/452 (11) (ir-“Regolament dwar l-Iskrinjar tal-FDI”) ikopri investimenti diretti barranin minn pajjiżi terzi, jiġifieri dawk l-investimenti “li jistabbilixxu jew iżommu rabtiet dejjiema u diretti bejn investituri minn pajjiżi terzi inklużi entitajiet tal-Istat, u impriżi li jwettqu attività ekonomika fi Stat Membru” (12).
Il-każijiet li jinvolvu biss investimenti minn entità waħda jew aktar stabbiliti fl-Unjoni ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Tali tranżazzjonijiet jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġijiet nazzjonali dwar l-iskrinjar tal-Istati Membri, fil-limiti tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar id-dritt ta’ stabbiliment u l-movimenti tal-kapital. B’mod partikolari, it-Trattat jippermetti lill-Istati Membri jżommu l-miżuri meħtieġa għal raġunijiet ta’ politika pubblika jew sigurtà pubblika jew miżuri bbażati fuq raġunijiet prevalenti fl-interess pubbliku rikonoxxuti fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Id-dritt tal-Istati Membri li jadottaw tali miżuri li jirrestrinġu l-moviment liberu tal-kapital huwa spjegat aktar fit-taqsima li jmiss. L-istatus ta’ stabbiliment fl-Unjoni Ewropea, jiġifieri kumpanija tal-Unjoni Ewropea għall-finijiet tat-TFUE, huwa bbażat, skont l-Artikolu 54 TFUE, fuq il-post tal-uffiċċju rreġistrat, l-amministrazzjoni ċentrali jew il-post prinċipali tan-negozju u kif ukoll l-ordni ġuridiku li taħtu hija ffurmata l-kumpannija, u mhux fuq in-nazzjonalità tal-azzjonisti tagħha. L-investimenti minn kumpaniji bħal dawn ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-FDI. Ir-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-FDI jipprovdi eċċezzjoni waħda għal din ir-regola: l-investimenti minn entitajiet tal-UE jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni meta jaqgħu taħt il-klawżola kontra l-evażjoni. L-evażjoni mhijiex definita mir-Regolament bħala tali; madankollu, il-premessa (10) tiegħu tispeċifika li l-miżuri kontra l-evażjoni “jenħtieġ li jkopru investimenti minn ġewwa l-Unjoni permezz ta’ arranġamenti artifiċjali li ma jirriflettux ir-realtà ekonomika u jevadu l-mekkaniżmi ta’ skrinjar u d-deċiżjonijiet ta’ skrinjar, fejn l-investitur fl-aħħar mill-aħħar ikun il-proprjetà ta’, jew ikkontrollat minn, persuna fiżika jew impriża ta’ pajjiż terz”. Għalhekk, huwa importanti li jiġi aċċertat jekk l-investitur huwiex parti minn skema ta’ evażjoni stabbilita bir-riżultat oġġettiv li tiġi evitata l-applikazzjoni tar-Regolament. Pereżempju, xi investituri barranin jiddikjaraw speċifikament li l-investitur dirett huwa kumpanija azzjonarja Ewropea li huma stabbilew għall-finijiet tat-tranżazzjoni proposta. Arranġament bħal dan jista’ jinħoloq għal raġunijiet leġittimi ta’ negozju. Madankollu, anke jekk ma tkunx disponibbli evidenza ta’ intenzjoni soġġettiva li jiġi evitat ir-Regolament, in-nuqqas ta’ attività ekonomika tal-kumpanija ta’ investiment u l-kapaċità oġġettiva tal-arranġamenti biex jiġu evitati r-regoli stabbiliti fir-Regolament huma biżżejjed biex tinħoloq il-preżunzjoni li l-arranġament huwa artifiċjali. L-aktar eżempju komuni ta’ evażjoni fis-sens tal-Premessa (10) huwa l-każ fejn l-investiment barrani fl-Unjoni jiġi dirett permezz ta’ “kumpanija faċċata” jew “fantażma” pura bbażata fl-UE, li la għandha attività ekonomika ġenwina direttament u lanqas indirettament iżda sservi biss l-iskop li tkun il-vettura ġuridika (13) għall-investiment. L-eżistenza ta’ evażjoni trid tiġi stabbilita fuq bażi ta’ każ b’każ, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull każ u fuq il-bażi ta’ evidenza rilevanti.
Ir-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-FDI japplika għas-setturi kollha tal-ekonomija u mhux suġġett għal xi limiti fit-tranżazzjonijiet. Il-ħtieġa li tranżazzjoni tiġi skrinjata hija piss indipendenti mill-valur tat-tranżazzjoni nnifisha. Ir-Regolament jagħti s-setgħa lill-Istati Membri li janalizzaw l-investiment fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għal raġunijiet ta’ sigurtà jew ordni pubbliku, u biex jieħdu miżuri biex jindirizzaw riskji speċifiċi.
It-termini “sigurtà” u “ordni pubbliku” mhumiex definiti fir-Regolament. Madankollu, l-Artikolu 4 tar-Regolament jispeċifika l-fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati meta jiġi ddeterminat jekk huwiex probabbli li FDI jaffettwa s-sigurtà u l-ordni pubbliku. Dawn il-fatturi jinkludu l-effetti potenzjali tal-FDI fuq l-infrastruttura kritika, it-teknoloġiji kritiċi, il-provvista ta’ inputs kritiċi, l-aċċess għal informazzjoni sensittiva u l-libertà u l-pluraliżmu tal-media. Aspetti relatati mal-investitur huma rilevanti wkoll għal din il-valutazzjoni, bħal jekk l-investitur barrani huwiex ikkontrollat minn gvern. Pereżempju, fid-determinazzjoni ta’ jekk investiment dirett barrani huwiex probabbli li jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jqisu jekk l-investitur barrani huwiex ikkontrollat direttament jew indirettament mill-gvern, inklużi korpi tal-istat jew forzi armati, ta’ pajjiż terz, inkluż permezz ta’ struttura ta’ sjieda jew finanzjament sinifikanti; jekk l-investitur barrani jkunx diġà involut f’attivitajiet li jaffettwaw is-sigurtà jew l-ordni pubbliku fi Stat Membru; jew jekk hemmx riskju serju li investitur barrani jinvolvi ruħu f’attivitajiet illegali jew kriminali.
L-analiżi u, meta jkun meħtieġ, l-adozzjoni ta’ miżuri li jipprojbixxu li jsir xi investimet, jew li jimponu kundizzjonijiet fuqu, fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament, biex l-ordni pubbliku jiġi ggarantit, huma r-responsabbiltà aħħarija tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni tista’ tindirizza opinjonijiet li jirrakkomandaw azzjonijiet speċifiċi lill-Istat Membru fejn isir l-investiment, b’mod partikolari meta jkun hemm riskju li l-investiment jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku f’aktar minn Stat Membru wieħed jew proġetti u programmi ta’ interess għall-Unjoni.
Fiċ-ċirkostanzi attwali, hemm riskju ferm akbar li l-FDI minn investituri Russi u Belarussi, b’mod partikolari minn entitajiet ikkontrollati mill-gvern jista’ jkun ta’ theddida għas-sigurtà u l-ordni pubbliku minħabba li l-gvern Russu u Belarussu jista’ jkollu inċentiv aktar b’saħħtu biex jinterferixxi ma’ attivitajiet kritiċi fl-UE u biex juża l-kapaċità tagħhom li jikkontrollaw jew jidderieġu l-investituri Russi u Belarussi fl-UE għal dak il-għan. Għalhekk, tali FDI jenħtieġ li jiġi kkontrollat u skrutinizzat sistematikament mill-qrib ħafna sabiex jiġi identifikat kwalunkwe theddid possibbli.
Filwaqt li l-iskrinjar mill-Istati Membri normalment isir qabel it-tlestija tat-tranżazzjoni tal-FDI, ir-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-FDI jippermetti lill-Istati Membri jżommu mekkaniżmi li jipprevedu l-iskrinjar ta’ tranżazzjoni ta’ FDI wara t-tlestija tiegħu. Jekk Stat Membru jniedi l-iskrinjar formali ta’ FDI, dan ikun soġġett għall-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni irrispettivament mill-istatus ippjanat jew komplut tiegħu. Barra minn hekk, il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni jista’ jinbeda fi żmien 15-il xahar wara li l-investiment ikun tlesta meta investiment ma jkunx soġġett għal skrinjar fil-livell nazzjonali (14). Dan jista’ jseħħ meta l-Istat Membru ma jkollux mekkaniżmu ta’ skrinjar jew meta l-Istat Membru jżomm mekkaniżmu ta’ skrinjar iżda t-tranżazzjoni speċifika ta’ FDI ma tkunx ġiet ippreżentata mill-partijiet għal skrinjar ex ante. Dan jista’ jwassal għall-adozzjoni ta’ miżuri mill-Istat Membru fejn ikun sar l-investiment, inkluż il-miżuri neċessarji ta’ mitigazzjoni.
4. Azzjonijiet possibbli biex jiġu ristretti l-investimenti fil-limiti previsti mir-regoli dwar il-moviment liberu tal-kapital u l-istabbiliment
L-Artikolu 63 tat-TFUE jipprevedi l-libertà tal-movimenti tal-kapital mhux biss fi ħdan l-UE iżda wkoll bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi. Bl-istess mod, l-Artikolu 49 TFUE jipproteġi l-libertà tal-istabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Iż-żewġ dispożizzjonijiet jipprojbixxu r-restrizzjonijiet kollha fuq il-moviment tal-kapital sakemm ma jsegwux għanijiet leġittimi ta’ politika pubblika. Tali objettivi huma definiti fit-Trattat jew fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bħala raġunijiet prevalenti fl-interess pubbliku. Jenħtieġ li tali objettivi ma jkunux purament ekonomiċi (15).
L-Istati Membri jistgħu jiskrinjaw investimenti li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/452, jiġifieri investimenti ta’ portafoll jew investimenti diretti intra-UE bħal dawk finalment ikkontrollati minn entitajiet Russi jew Belarussi, dment li tali skrinjar isir f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital u l-istabbiliment. L-investimenti tal-portafoll, li ma jagħtux lill-investitur influwenza effettiva fuq il-ġestjoni u l-kontroll ta’ kumpanija jistgħu wkoll ikunu ta’ rilevanza f’termini ta’ politika pubblika jew sigurtà pubblika, skont iċ-ċirkostanzi.
L-Istati Membri jistgħu jistrieħu fuq raġunijiet ta’ ordni pubbliku u sigurtà pubblika (stabbiliti fl-Artikolu 65(1)(b) TFUE) biex jirrestrinġu l-investimenti biss jekk ikun hemm theddida ġenwina u serja biżżejjed għal interess fundamentali tas-soċjetà (16) u jekk miżuri inqas restrittivi ma jkunux biżżejjed biex jindirizzaw tali theddida.
Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li l-kunċett ta’ sigurtà pubblika skont l-Artikolu 65(1)(b) TFUE jkopri kemm is-sigurtà interna kif ukoll dik esterna tal-Istat (17). Jistgħu jittieħdu wkoll restrizzjonijiet fuq il-movimenti tal-kapital biex jiġi indirizzat it-theddid għall-istabbiltà finanzjarja (18).
Fl-analiżi tal-ġustifikazzjoni u l-proporzjonalità, ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital lejn u minn pajjiżi terzi jistgħu jkunu bbażati fuq kunsiderazzjonijiet differenti meta mqabbla mar-restrizzjonijiet fuq il-movimenti tal-kapital intra-UE (19). Konsegwentement, skont it-Trattat, jistgħu jkunu aċċettabbli raġunijiet addizzjonali li jiġġustifikaw restrizzjoni fil-każ ta’ restrizzjonijiet fuq tranżazzjoni li tolqot xi pajjiż terz.
5. Konformità mar-regoli kontra l-ħasil tal-flus
L-Istati Membri huma mħeġġa jiżguraw konformità sħiħa mar-rekwiżiti tad-Direttiva tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus (Anti-Money Laundering Directive, AMLD) (20) biex jipprevjenu l-użu ħażin tas-sistema finanzjarja tal-UE, inkluż fir-rigward tad-diliġenza dovuta tal-klijenti u l-kooperazzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, hija meħtieġa trasparenza effettiva tas-sidien benefiċjarji ta’ persuni ġuridiċi u arranġamenti ġuridiċi, kif previst mill-AMLD, biex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tas-sanzjonijiet.
F’dan il-kuntest, dan isir saħansitra aktar kruċjali biex titjieb id-detezzjoni ta’ tranżazzjonijiet u attivitajiet suspettużi, u biex jingħalqu l-lakuni użati mill-kriminali għall-ħasil ta’ rikavat illeċitu permezz tas-sistema finanzjarja. Dan huwa konformi mal-pakkett tal-AML adottat mill-Kummissjoni f’Lulju 2021.
6. Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għas-sanzjonijiet tal-Istati Membri, l-awtoritajiet ta’ skrinjar u l-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali kif ukoll l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali rilevanti
L-awtoritajiet ta’ skrinjar tal-Istati Membri u l-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali (National Promotional Banks and Institutions, NPBIs), kif ukoll l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (International Financial Institutions, IFIs) li tagħhom l-Istati Membri huma azzjonisti jenħtieġ li jiskambjaw informazzjoni u jżommu kooperazzjoni mill-qrib (permezz tal-ministeri jew il-korpi li jiddependu minnhom u/jew il-korpi ta’ governanza tagħhom) sabiex jidentifikaw FDI, b’mod partikolari mir-Russja u l-Belarussja, li jista’ jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku f’dak l-Istat Membru. L-awtoritajiet tal-iskrinjar tal-Istati Membri huma mistiedna jqajmu kuxjenza dwar il-fatturi li jistgħu jitqiesu biex jiġi ddeterminat jekk huwiex probabbli li FDI jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku.
L-iżgurar ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għas-sanzjonijiet tal-Istati Membri, l-awtoritajiet ta’ skrinjar, l-NPBIs u l-IFIs li tagħhom l-Istati Membri huma azzjonisti, inkluż il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, se jikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-sigurtà u l-ordni pubbliku tal-Unjoni u jiffaċilita l-konformità sħiħa mas-sanzjonijiet f’attivitajiet appoġġati mill-entitajiet ta’ investiment pubbliku msemmija hawn fuq.
(1) Għall-fini ta’ din l-analiżi, it-terminu “assi” jirreferi għal kwalunkwe kumpanija rreġistrata fl-UE li hija kkontrollata/influwenzata minn investitur Russu jew Belarussu.
(2) Il-kumpaniji tal-UE huma madwar 23 miljun (l-aħħar sena disponibbli 2018, id-demografija tan-negozju tal-Eurostat)
(3) Dan huwa l-każ ta’ diversi azzjonisti Russi b’sehem aggregat ogħla minn 50 %, iżda fejn ħadd individwalment ma jkollu sehem ta’ aktar minn 50 %.
(4) Nosservaw 2 000 kumpanija addizzjonali b’azzjonist Russu li ma jikkontrollax, li għalihom l-ammont tas-sehem mhuwiex irrappurtat.
(5) Din il-kategorija tinkludi l-kumpaniji kollha li mhumiex banek jew kumpaniji finanzjarji u lanqas kumpaniji tal-assigurazzjoni.
(*1) Iċ-ċifri fit-tabella huma l-ishma medji fost il-kumpaniji f’kull settur. F’approċċ konservattiv, aħna nqisu biss l-ishma fl-ewwel livell ta’ sjieda (ishma diretti), mingħajr ma jitqiesu l-ishma ta’ livell ogħla, jiġifieri l-azzjonisti tal-azzjonisti.
(6) Dan huwa l-każ ta’ diversi azzjonisti Belarussi b’sehem aggregat ogħla minn 50 %, iżda fejn ħadd individwalment ma jkollu sehem ta’ aktar minn 50 %.
(7) Nosservaw 100 kumpanija addizzjonali b’azzjonist Belarussu rrappurtat li ma jikkontrollax, li għalihom l-ammont ta’ sehem mhuwiex irrapportat.
(*2) Iċ-ċifri fit-tabella huma l-ishma medji fost il-kumpaniji f’kull settur. F’approċċ konservattiv, aħna nqisu biss l-ishma fl-ewwel livell ta’ sjieda (ishma diretti), mingħajr ma jitqiesu l-ishma ta’ livell ogħla, jiġifieri l-azzjonisti tal-azzjonisti.
(8) https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/200619-opinion-financial-sanctions_en.pdf
(9) https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/business_economy_euro/banking_and_finance/documents/190704-opinion-freeze-of-funds_en.pdf
(10) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6–15).
(11) Ir-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni (ĠU L 79I , 21.3.2019, p. 1).
(12) Ara l-Premessa 9 tar-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-FDI.
(13) Biex tindirizza l-kwistjoni tal-kumpaniji faċċata fl-UE, fit-22 ta’ Diċembru 2021 il-Kummissjoni ressqet proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni tal-użu ħażin ta’ entitajiet faċċata għal finijiet ta’ taxxa u li temenda d-Direttiva 2011/16/UE, COM (2021) 565 final. L-Istati Membri jistgħu jispiraw ruħhom mill-istandards ta’ trasparenza li l-proposta tistabbilixxi madwar l-użu ta’ entitajiet faċċata, bħad-dħul, il-persunal u l-bini.
(14) Fil-prattika, investiment barrani li tlesta issa (Marzu 2022) jista’ jkun soġġett għal kummenti ex post mill-Istati Membri jew opinjonijiet mill-Kummissjoni sa Ġunju 2023 (15-il xahar wara t-tlestija tal-investiment).
(15) Il-Kawża C-463/00, Il-Kummissjoni vs Spanja, ECLI:EU:C:2003:272, para. 35
(16) Ara l-Kawżi C-54/99, Église de Scientologie, ECLI:EU:C:2000:124, para. 17 u C-503/99, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, ECLI:EU:C:2002:328, para. 47, C-463/00, Il-Kummissjoni vs Spanja, ECLI:EU:C:2003:272, para. 72.
(17) Il-Kawża T-315/01, Kadi vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2005:332, para. 110.
(18) Ara d-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kontrolli kapitali imposti mill-awtoritajiet Griegi tad-29 ta’ Ġunju 2015, disponibbli hawn: https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/STATEMENT_15_5271.
(19) Il-Kawża C-446/04, Test claimants in FII Group litigation, ECLI:EU:C:2006:774, para. 171.
(20) Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).