4.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 104/20


Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni ta’ approvazzjoni ta’ emenda standard għal Speċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33

(2022/C 104/11)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1).

KOMUNIKAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD LI TIMMODIFIKA D-DOKUMENT UNIKU

Côtes de Thau

PGI-FR-A1229-AM01

Data tal-komunikazzjoni: 6 ta’ Diċembru 2021

DESKRIZZJONI TAL-EMENDA APPROVATA U R-RAĠUNIJIET GĦALIHA

1.   Deskrizzjoni organolettika tal-inbid/inbejjed

Fil-Kapitolu I tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, fil-punt 3.3 “Deskrizzjoni organolettika tal-inbejjed”, ġew miżjuda d-dettalji tal-kulur u l-karatteristiċi organolettiċi tal-inbejjed.

Dawn l-emendi saru wkoll fid-Dokument Uniku taħt “Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed”.

2.   Żona ġeografika

Fil-Kapitolu I, punt 4 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, iż-żona ġeografika ġiet estiża għal disa’ muniċipalitajiet fil-viċinat fid-département ta’ Hérault. Iż-żona ġeografika eżistenti tikkonsisti f’sitt muniċipalitajiet fid-département ta’ Hérault: Agde, Castelnau de Guers, Florensac, Marseillan, Pinet u Pomerols. Din ġiet estiża għad-disa’ muniċipalitajiet tad-département li jmissu maż-żona attwali fil-Grigal. Dawn il-muniċipalitajiet kienu parti miż-żona fil-prossimità immedjata: Balaruc les Bains, Balaruc le Vieux, Bouzigues, Frontignan, Loupian, Mèze, Poussan, Sète u Villeveyrac.

L-għan huwa li ż-żona ġeografika tal-IĠP madwar il-Laguna ta’ Thau ssir aktar konsistenti mad-diviżjonijiet użati fl-iskema tal-ippjanar u l-ġestjoni tal-ilma tal-Baċir ta’ Thau (SAGE). Hija baċir idrografiku bi klima Mediterranja sħuna. L-estensjoni tal-IĠP Côtes de Thau ssaħħaħ ir-rabta maż-żona ġeografika u tikkonsolida l-identità ġeografika tal-IĠP. Hija entità ġeografika aktar konsistenti u magħquda f’termini tal-klima, li hija Mediterranja sħuna, u l-karatteristiċi kemm tas-sottoswol kif ukoll tal-preżenza umana.

Din l-emenda saret ukoll fid-Dokument Uniku taħt “Definizzjoni taż-Żona Demarkata”.

3.   Żona fil-prossimità immedjata

Fil-Kapitolu I, il-punt 4 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, iż-żona fil-prossimità immedjata ġiet iddefinita b’mod aktar ċar u estiża għall-muniċipalitajiet li jmissu maż-żona ġeografika li fiha l-prattiki huma osservati b’mod effettiv.

Din l-emenda saret ukoll fid-Dokument Uniku taħt “Rekwiżiti addizzjonali - Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata”.

4.   Varjetajiet ta’ għeneb

Fil-Kapitolu I, il-punt 5 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, il-lista tal-varjetajiet tal-għeneb użati għall-produzzjoni tal-inbejjed tal-IĠP Côtes de Thau ġiet aġġornata. Il-korp tal-protezzjoni u l-ġestjoni jixtieq jirtira 15-il varjetà ta’ għeneb mill-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott peress li ma jintużawx għall-produzzjoni tal-inbejjed u ma jitkabbrux fiż-żona ġeografika. Ġew irtirati l-varjetajiet li ġejjin: Chasselas B, Chasselas Rose Rs, Chambourcin N, Couderc Noir N, Danlas B, Jurançon Blanc B, Landal N, Lival N, Maréchal Foch N, Mondeuse N, Müller-Thurgau B, Ravat Blanc B, Rayon d’Or B, Rubilande Rs u Valérien B.

Din l-emenda saret ukoll fid-Dokument Uniku taħt “Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed”.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Ġew miżjuda aktar dettalji fil-Kapitolu I, il-punt 7 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Fil-punt 7.1 “Karatteristiċi speċifiċi taż-żona ġeografika”, hemm spjegazzjoni li l-IĠP tkopri 15-il muniċipalità tad-département ta’ Hérault fit-tarf tal-Grigal, li jiffurmaw anfiteatru madwar il-Laguna ta’ Thau.

Ġiet miżjuda wkoll aktar informazzjoni fil-punt 7.3 “Rabta kawżali” biex tipprovdi evidenza aktar b’saħħitha tar-rabta kawżali, li hija bbażata fuq il-konnessjoni bejn il-karatteristiċi taż-żona ġeografika u tal-prodott. Côtes de Thau hija art bi tradizzjoni qadima, u l-vinji tagħha ilhom ħafna kkaratterizzati mill-fokus tagħhom fuq il-produzzjoni tal-inbejjed bojod. Madwar il-Laguna ta’ Thau, din iż-żona tgawdi minn aspett u klima Mediterranja li huma partikolarment ta’ benefiċċju għad-dwieli. Il-ħamrija, li spiss hija permeabbli, hija taħlita ta’ ramel, trab ġulġlieni, tafal u ġebla tal-ġir. Din tippermetti li d-dwieli jiżviluppaw għeruq fondi filwaqt li jagħtu lill-inbejjed togħma ta’ frott u freskezza.

Dawn l-emendi saru wkoll fid-Dokument Uniku taħt “Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet”.

6.   Regoli dwar il-preżentazzjoni u t-tikkettar

Ġiet miżjuda regola dwar it-tikkettar fil-punt 8 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, “Regoli dwar il-preżentazzjoni u t-tikkettar”, f’konformità mar-regoli Ewropej, li tistabbilixxi l-varjetajiet tal-għeneb li jistgħu jissemmew. Ir-regola dwar it-tikkettar tikkonċerna wkoll id-denominazzjoni ġeografika addizzjonali Cap d’Agde, inkluża fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, u l-użu tagħha fir-rigward tad-denominazzjoni Côtes de Thau. Din ir-regola dwar it-tikkettar issaħħaħ u tippreserva l-identità tal-isem tal-IĠP.

7.   Awtorità tal-ispezzjoni

Id-dettalji tal-kuntatt tal-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u l-Kwalità (INAO), il-korp responsabbli għall-monitoraġġ, ġew miżjuda mal-Kapitolu III tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għall-IĠP Côtes de Thau. L-ispezzjonijiet jitwettqu mill-korp ta’ spezzjoni CERTIPAQ f’isem l-INAO.

Din l-informazzjoni żejda ġiet miżjuda mad-Dokument Uniku taħt “Informazzjoni dettaljata dwar il-korp ta’ monitoraġġ”.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni

Côtes de Thau

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

IĠP - Indikazzjoni ġeografika protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

5.

Inbid spumanti ta’ kwalità

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

1.   Deskrizzjoni analitika

DESKRIZZJONI TESTWALI KONĊIŻA

L-IĠP Côtes de Thau tkopri nbejjed ħomor, rożè u bojod bla gass u spumanti ta’ kwalità.

Għall-inbejjed bla gass, il-livelli minimi u massimi previsti fir-regolamenti tal-UE japplikaw għall-qawwa alkoħolika totali, l-aċidità totali, l-aċidità volatili u l-kontenut totali ta’ diossidu tal-kubrit.

Għall-inbejjed spumanti ta’ kwalità, il-livelli minimi u massimi previsti fir-regolamenti tal-UE japplikaw għall-qawwa alkoħolika attwali, il-qawwa alkoħolika totali, l-aċidità totali, l-aċidità volatili, il-kontenut totali ta’ diossidu tal-kubrit u ta’ diossidu tal-karbonju.

B’deroga, il-kontenut tal-aċidità volatili għall-inbejjed b’kontenut ta’ zokkor fermentabbli (glukożju u fruttożju) ta’ mill-inqas 45 gramma għal kull litru huwa kif stabbilit b’ordni maħruġa b’mod konġunt mill-Ministru għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Ministru għall-Agrikoltura.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

9

Aċidità totali minima

 

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

2.   Deskrizzjoni organolettika

DESKRIZZJONI TESTWALI KONĊIŻA

L-inbejjed huma kkaratterizzati fuq kollox minn espressjoni ta’ intensità aromatika u bilanċ ta’ togħmiet sostnuti mill-freskezza.

L-inbejjed bojod ġeneralment huma ta’ kulur isfar ċar jgħajjat li jikkorrispondi għal kulur dehbi ċar. Is-sensazzjoni inizjali fil-ħalq hija kkaratterizzata minn noti taċ-ċitru u minn freskezza kbira. Fil-finitura, in-noti taċ-ċitru u/jew ta’ frott eżotiku jistgħu jiżviluppaw flimkien ma’ noti kemxejn amiliċi. Il-finitura hija twila, kultant bi ftit mineralità.

L-inbejjed rożè huma ċari kristall bi sfumaturi li jvarjaw minn kulur il-ħawħ ċar għal sfumaturi ta’ vjola. Bħala riħa, għandhom aromi sottili u delikati ta’ frott aħmar. Bħala togħma, is-sensazzjoni inizjali hija qawwija u vivaċi b’aromi ta’ frott artab aħmar filwaqt li l-finitura jista’ jkollha noti ta’ ħelu mgħolli. Ġeneralment huma persistenti fuq il-palat, u joffru freskezza pjaċevoli.

L-inbejjed ħomor għandhom kuluri skuri bi sfumaturi qawwija. Ir-riħa hija qawwija b’noti ta’ frott aħmar u tal-art moxa tal-lokal. Bħala togħma, is-sensazzjoni dominanti hija ta’ nbid morbidu u frisk ibbażat fuq il-frott misjur.

L-inbejjed spumanti ta’ kwalità għandhom bżieżaq fini u eleganti u freskezza pjaċevoli flimkien ma’ aromi tal-fjuri jew tal-frott, skont il-varjetajiet użati fit-taħlita.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

 

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

5.1.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi

1.   Prattika enoloġika speċifika

Il-prattiki kollha tal-produzzjoni tal-inbid segwiti għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-livell tal-UE u fil-Kodiċi tas-Sajd Rurali u Marittimu.

5.2.   Rendimenti massimi għal kull ettaru

1.   Inbejjed rożè u bojod

120 ettolitru għal kull ettaru

2.   Inbejjed ħomor

110 ettolitru għal kull ettaru

6.   Definizzjoni taż-żona demarkata

Il-ħsad tal-għeneb u l-produzzjoni u l-iżvilupp tal-inbejjed li għandhom l-IĠP Côtes de Thau jridu jsiru fit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin fid-département ta’ Hérault:

Agde, Balaruc-les-Bains, Balaruc-le-Vieux, Bouzigues, Castelnau-de-Guers, Florensac, Frontignan, Loupian, Marseillan, Mèze, Pinet, Pomerols, Poussan, Sète u Villeveyrac.

7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid/jinkisbu l-inbejjed

 

Alicante Henri Bouschet N

 

Alphonse Lavallée N

 

Altesse B

 

Aramon N

 

Aramon blanc B

 

Aramon gris G

 

Aranel B

 

Arinarnoa N

 

Auxerrois B

 

Baco blanc B

 

Cabernet franc N

 

Cabernet-Sauvignon N

 

Caladoc N

 

Cardinal Rg

 

Carignan N

 

Carignan blanc B

 

Carmenère N

 

Chardonnay B

 

Chasan B

 

Chenanson N

 

Chenin B

 

Clairette B

 

Clairette rose Rs

 

Clarin B

 

Colombard B

 

Counoise N

 

Egiodola N

 

Gamay N

 

Gamay de Chaudenay N

 

Gewurztraminer Rs

 

Grenache N

 

Grenache blanc B

 

Grenache gris G

 

Gros Manseng B

 

Lledoner pelut N

 

Marsanne B

 

Marselan N

 

Mauzac B

 

Merlot N

 

Meunier N

 

Muscadelle B

 

Muscardin N

 

Négrette N

 

Parrellada B

 

Petit Manseng B

 

Petit Verdot N

 

Pinot gris G

 

Pinot noir N

 

Piquepoul blanc B

 

Piquepoul gris G

 

Piquepoul noir N

 

Portan N

 

Riesling B

 

Roussanne B

 

Savagnin rose Rs

 

Sciaccarello N

 

Semillon B

 

Servant B

 

Seyval B

 

Sylvaner B

 

Tannat N

 

Tempranillo N

 

Terret blanc B

 

Terret gris G

 

Terret noir N

 

Ugni blanc B

 

Verdelho B

 

Villard blanc B

 

Villard noir N

 

Viognier B

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

Iż-żona ġeografika tal-IĠP Côtes de Thau tkopri 15-il muniċipalità tad-département ta’ Hérault, li jiffurmaw anfiteatru madwar il-Laguna ta’ Thau.

Il-Baħar Mediterran, il-laguni, il-bajjiet u l-art moxa jiffurmaw ambjent naturali uniku li jipprovdi l-bażi ta’ ekonomija u stil ta’ ħajja. Il-Laguna ta’ Thau teżerċita influwenza moderata fuq il-pajsaġġ u l-klima. Hija mifruda mill-Mediterran minn riżalt dejjaq imsejjaħ lido bil-Franċiż, fejn huma mħawla d-dwieli. Il-ħamrija hija ta’ kulur beige ħamrani, ġeneralment ta’ sawra ħafifa, u tvarja minn trab ġulġlieni ramli sa trab tafli ramli, fil-biċċa l-kbira tagħha ħielsa mill-ġebel u relattivament fonda. Il-klima hija kkaratterizzata minn ammont pjuttost kbir ta’ xita fil-ħarifa u fix-xitwa filwaqt li x-xita fis-sajf hija skarsa iżda kultant tkun bil-maltemp. Fortunatament, iż-żiffiet mill-baħar jikkumpensaw għal dan billi jnaqqsu l-evaporazzjoni u jillimitaw ir-riskju tal-istress mill-ilma. L-ammont ta’ xita annwali huwa ta’ madwar 600 millimetru. Il-Laguna ta’ Thau, fil-prattika, hija baħar imdawwar bl-art b’tul ta’ 20 kilometru. L-influwenza tagħha hija kruċjali.

L-ambjent akkwatiku jtaffi l-klima ħarxa Mediterranja b’temperaturi ħfief li huma ta’ benefiċċju speċjali għas-sajran tal-varjetajiet tal-għeneb abjad.

Dan il-wirt naturali huwa marbut mill-qrib mal-assi ekonomiċi taż-żona, b’mod partikolari l-vitikultura, l-akkwakultura tal-frott tal-baħar bil-qoxra, is-sajd u t-turiżmu ffukati, pereżempju, fuq l-għawm fil-baħar, l-ispas jew in-natura.

Ix-xejriet tal-konsumatur qed jevolvu favur inbejjed bojod friski u b’togħma ta’ frott. It-terroir tal-inbejjed Côtes de Thau huwa partikolarment adattat għall-produzzjoni ta’ dan it-tip ta’ nbid. Din iż-żona ġeografika tgawdi kundizzjonijiet klimatiċi u tal-ħamrija li jippermettu lill-varjetajiet tal-għeneb abjad isiru bil-mod.

L-inbejjed bla gass prodotti fiż-żona tal-IĠP Côtes de Thau jiġu fi tliet kuluri: abjad, rożè u aħmar. Hemm tradizzjoni stabbilita ta’ nbejjed bojod xotti f’dan ir-reġjun. Fil-fatt, l-IĠP Côtes de Thau hija waħda mill-ftit li jipproduċu aktar inbejjed bojod milli ħomor.

Il-varjetà storika tal-għeneb dejjem kienet Terret B. Madankollu, hemm ukoll varjetajiet oħra minn partijiet differenti ta’ Franza li jistgħu jtejbu ħafna l-aroma u l-kwalità.

Côtes de Thau hija art bi tradizzjoni qadima, u l-vinji tagħha ilhom ħafna kkaratterizzati mill-fokus tagħhom fuq il-produzzjoni tal-inbejjed bojod. Madwar il-Laguna ta’ Thau, din iż-żona tgawdi minn aspett u klima Mediterranja li huma partikolarment ta’ benefiċċju għad-dwieli. Il-ħamrija, li spiss hija permeabbli, hija taħlita ta’ ramel, trab ġulġlieni, tafal u ġebla tal-ġir. Din tippermetti li d-dwieli jiżviluppaw għeruq fondi filwaqt li jagħtu lill-inbejjed togħma ta’ frott u freskezza.

Il-produtturi tal-inbid indirizzaw din il-produzzjoni lejn inbejjed friski u aromatiċi, billi għamlu użu mit-teknoloġija moderna kollha għall-estrazzjoni ġentili u r-regolazzjoni tat-temperatura.

Bil-freskezza karatteristika tagħhom, l-inbejjed tal-IĠP Côtes de Thau jirriflettu l-klima speċifika ħafna madwar il-Laguna ta’ Thau. Għalhekk imorru partikolarment tajjeb mal-frott tal-baħar prodott lokalment.

Dawk li jfasslu l-inbid setgħu wkoll jadattaw għad-domanda tas-suq minn lil hinn mill-Baċir ta’ Thau billi żviluppaw produzzjoni sinifikanti ta’ nbejjed ħomor u rożè.

Fl-istess ħin, huma ddedikati għall-preservazzjoni tal-bijodiversità ta’ kunsiderazzjoni kbira tar-reġjun tagħhom permezz ta’ tekniki xierqa. Huma jipparteċipaw fl-iskema tal-Baċir ta’ Thau stabbilita mill-awtoritajiet nazzjonali u lokali, bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-Laguna ta’ Thau hija ambjent kumpless u attraenti. F’dan ir-rigward, jipprovdi bażi eċċellenti għal edukazzjoni ambjentali soda. Il-vitikulturi qed jadattaw għal dawn il-kwistjonijiet billi jiżviluppaw prattiki li jirrispettaw il-bijodiversità madwarhom.

Il-laguna hija attrazzjoni turistika importanti. Toffri għawm, sports tal-ilma, sajd, mixjiet b’tema, żjarat f’siti tal-akkwakultura tal-frott tal-baħar bil-qoxra, u Cap d’Agde, żona li tilqa’ mijiet ta’ eluf ta’ turisti kull sena. Dawn huma fatturi ewlenin fir-reputazzjoni tal-inbejjed Côtes de Thau.

Il-futur tal-vitikultura huwa marbut mill-qrib ma’ dawn il-kwistjonijiet. Il-vitikulturi jeżistu bis-saħħa tar-rabta b’saħħitha ħafna li għandhom mal-Baċir ta’ Thau. Il-protezzjoni ta’ dan l-ambjent prezzjuż hija l-pedament li fuqu ġiet żviluppata l-IĠP u r-reputazzjoni tagħha stabbilita f’dan il-kuntest għani u kumpless.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli (ippakkjar, tikkettar, rekwiżiti addizzjonali)

Qafas ġuridiku

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit ulterjuri

Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tar-rekwiżit

Iż-żona fil-viċinanza immedjata, iddefinita b’deroga għall-produzzjoni u l-iżvilupp ta’ nbejjed bl-indikazzjoni ġeografika protetta Côtes de Thau, tinkludi l-muniċipalitajiet li ġejjin li jmissu maż-żona ġeografika: Montagnac, Saint Pons de Mauchiens, Saint Pargoire, Plaissan, Cournonterral, Montbazin, Gigean, Vic la Gardiole, Saint Thibery, Pézenas, Nézignan l’Evèque, Bessan, Vias, Aumes u Cazouls d’Hérault.

Qafas ġuridiku

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit ulterjuri

Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit

L-indikazzjoni ġeografika protetta Côtes de Thau tista’ tiġi ssupplimentata bit-termini “primeur” (bikri) jew “nouveau” (ġdid).

Il-logo IĠP tal-Unjoni Ewropea għandu jidher fuq it-tikketta meta l-kliem “Indication géographique protégée” (Indikazzjoni Ġeografika Protetta) jiġi sostitwit bil-kliem tradizzjonali “Vin de pays”.

L-indikazzjoni ġeografika protetta Côtes de Thau tista’ tiġi ssupplimentata bl-isem ta’ varjetà ta’ għeneb waħda jew aktar.

L-isem tal-varjetà jew varjetajiet ta’ għeneb irid jidher immedjatament taħt l-isem tal-indikazzjoni ġeografika protetta Côtes de Thau. Id-daqs tal-ittri ma għandux ikun akbar, la fl-għoli u lanqas fil-wisa’, minn nofs id-daqs ta’ dawk użati għall-isem tal-IĠP.

L-indikazzjoni ġeografika protetta Côtes de Thau tista’ tiġi ssupplimentata bl-unità ġeografika iżgħar Cap d’Agde.

Id-daqs tal-ittri użati għall-unità ġeografika iżgħar Cap d’Agde m’għandux ikun akbar, la fl-għoli u lanqas fil-wisa’, minn dawk użati għall-indikazzjoni ġeografika protetta Côtes de Thau.

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-2cf1f3e1-6ab1-45ea-9fbb-0371f556cb1f


(1)  ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2.