18.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 80/1


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI –

Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-klima, għall-ħarsien tal-ambjent u għall-enerġija 2022

(2022/C 80/01)

Werrej

1.

INTRODUZZJONI 8

2.

KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET 9

2.1

Kamp ta’ applikazzjoni 9

2.2

Miżuri ta’ għajnuna koperti minn dawn il-linji gwida 10

2.3

Struttura tal-linji gwida 11

2.4

Definizzjonijiet 11

3.

VALUTAZZJONI TAL-KOMPATIBBILTÀ SKONT L-ARTIKOLU 107(3), IL-PUNT (C), TAT-TRATTAT 21

3.1

Kundizzjoni pożittiva: l-għajnuna trid tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attività ekonomika 22

3.1.1

Identifikazzjoni tal-attività ekonomika li qed tiġi ffaċilitata mill-miżura, l-effetti pożittivi tagħha għas-soċjetà inġenerali u, fejn applikabbli, ir-rilevanza tagħha għal politiki speċifiċi tal-Unjoni 22

3.1.2

Effett ta’ inċentiv 22

3.1.3

Ebda ksur ta’ ebda dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni 23

3.2

Kundizzjoni negattiva: il-miżura ta’ għajnuna ma tridx tfixkel bla bżonn il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jkun kontra l-interess komuni 23

3.2.1

Minimizzazzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ 23

3.2.1.1

Ħtieġa ta’ għajnuna 23

3.2.1.2

Adegwatezza 24

3.2.1.2.1

Adegwatezza fost strumenti ta’ politika alternattivi 25

3.2.1.2.2

Adegwatezza fost strumenti differenti ta’ għajnuna 25

3.2.1.3

Proporzjonalità 25

3.2.1.3.1

Akkumulazzjoni 27

3.2.1.4

Trasparenza 27

3.2.2

Evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ 28

3.3

L-ibbilanċjar tal-effetti pożittivi tal-għajnuna mal-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ 29

4.

KATEGORIJI TA' GĦAJNUNA 30

4.1

Għajnuna għat-tnaqqis u t-tneħħija ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra inkluż permezz ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza fl-enerġija 30

4.1.1

Raġunament 30

4.1.2

Kamp ta’ applikazzjoni u attivitajiet appoġġati 31

4.1.2.1

Għajnuna għall-enerġija rinnovabbli 31

4.1.2.2

Għajnuna oħra għat-tnaqqis u t-tneħħija tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għall-effiċjenza fl-enerġija 31

4.1.3

Minimizzazzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ 32

4.1.3.1

Ħtieġa ta’ għajnuna 32

4.1.3.2

Adegwatezza 32

4.1.3.3

Eliġibbiltà 32

4.1.3.4

Konsultazzjoni pubblika 33

4.1.3.5

Proporzjonalità 34

4.1.4

L-evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ u l-ibbilanċjar 37

4.2

Għajnuna għat-titjib tal-prestazzjoni ambjentali u r-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-bini 40

4.2.1

Raġuni għall-għajnuna 40

4.2.2

Kamp ta’ applikazzjoni u attivitajiet appoġġati 55 40

4.2.3

Effettta' inċentiv 41

4.2.4

Minimizzazzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ 41

4.2.4.1

Adegwatezza 41

4.2.4.2

Proporzjonalità 41

4.2.4.3

L-evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ u l-ibbilanċjar 42

4.3

Għajnuna għal mobbiltà nadifa 43

4.3.1

L-għajnuna tista’ tingħata għall-akkwist jew il-kiri ta’ vetturi nodfa u ta’ tagħmir nadif għas-servizzi mobbli u għall-modifika retroattiva ta’ vetturi u ta’ tagħmir għas-servizzi mobbli 43

4.3.1.1

Raġunament għall-għajnuna 43

4.3.1.2

Kamp ta’ applikazzjoni u attivitajiet appoġġati 44

4.3.1.3

Effett ta’ inċentiv 44

4.3.1.4

Minimizzazzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-kummerċ 44

4.3.1.4.1

Adegwatezza 44

4.3.1.4.2

Proporzjonalità 44

4.3.1.5

L-evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ u l-ibbilanċjar 46

4.3.2

Għajnuna għall-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-iċċarġjar jew tar-riforniment tal-karburant 47

4.3.2.1

Raġuni għall-għajnuna 47

4.3.2.2

Kamp ta’ applikazzjoni u attivitajiet appoġġati 47

4.3.2.3

Minimizzazzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ 47

4.3.2.3.1

Ħtieġa ta’ għajnuna 47

4.3.2.3.2

Adegwatezza 48

4.3.2.3.3

Proporzjonalità 48

4.3.2.4

L-evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ u l-ibbilanċjar 49

4.4

Għajnuna għall-effiċjenza fir-riżorsi u għall-appoġġ tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari 51

4.4.1

Raġunament għall-għajnuna 51

4.4.2

Kamp ta’ applikazzjoni u attivitajiet appoġġati 51

4.4.3

Effett ta’ inċentiv 52

4.4.4

Minimizzazzjoni tad-distorsjonijiet fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ 53

4.4.4.1

Neċessità tal-għajnuna 53

4.4.4.2

Adegwatezza 53

4.4.4.3

Proporzjonalità 53

4.4.5

Evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ 55

4.5

Għajnuna għall-prevenzjoni jew it-tnaqqis ta’ tniġġis għajr minn gassijiet serra 55

4.5.1

Raġuni għall-għajnuna 55

4.5.2

Kamp ta’ applikazzjoni u attivitajiet appoġġati 55

4.5.3

Effett ta’ inċentiv 56

4.5.4

Minimizzazzjoni tad-distorsjonijiet fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ 56

4.5.4.1

Neċessità tal-għajnuna 56

4.5.4.2

Proporzjonalità 57

4.5.5

Evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ 57

4.6

Għajnuna għar-rimedju tal-ħsara ambjentali, ir-riabilitazzjoni tal-ħabitats naturali u l-ekosistemi, il-protezzjoni jew ir-restawr tal-bijodiversità u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura għall-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima 58

4.6.1

Raġunament għall-għajnuna 58

4.6.2

Kamp ta’ applikazzjoni u attivitajiet appoġġati 58

4.6.3

Effett ta’ inċentiv 59

4.6.4

Proporzjonalità 59

4.7

Għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi jew imposti parafiskali 59

4.7.1

Għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi ambjentali u imposti parafiskali 60

4.7.1.1

Raġuni għall-għajnuna 60

4.7.1.2

Kamp ta’ applikazzjoni u attivitajiet appoġġati 60

4.7.1.3

Minimizzazzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ 60

4.7.1.3.1

Neċessità 61

4.7.1.3.2

Adegwatezza 61

4.7.1.3.3

Proporzjonalità 61

4.7.2

Għajnuna għall-ħarsien tal-ambjent fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi jew imposti parafiskali 62

4.7.2.1

Raġuni għall-għajnuna 62

4.7.2.2

Kamp ta’ applikazzjoni u attivitajiet appoġġati 62

4.7.2.3

Effett ta’ inċentiv 62

4.7.2.4

Proporzjonalità 63

4.7.2.5

Evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ 63

4.8

Għajnuna għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku 63

4.8.1

Raġunament għall-għajnuna 63

4.8.2

Kamp ta’ applikazzjoni u attivitajiet appoġġati 63

4.8.3

Effett ta’ inċentiv 64

4.8.4

Minimizzazzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ 64

4.8.4.1

Neċessità 64

4.8.4.2

Adegwatezza 65

4.8.4.3

Eliġibbiltà 65

4.8.4.4

Konsultazzjoni pubblika 66

4.8.4.5

Proporzjonalità 67

4.8.5

L-evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ u l-ibbilanċjar 67

4.9

Għajnuna għall-infrastruttura tal-enerġija 69

4.9.1

Raġunament għall-għajnuna 69

4.9.2

Kamp ta’ applikazzjoni u attivitajiet appoġġati 70

4.9.3

Minimizzazzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ 71

4.9.3.1

Neċessità u adegwatezza 71

4.9.3.2

Proporzjonalità tal-għajnuna 71

4.9.4

L-evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ u l-ibbilanċjar 71

4.10

Għajnuna għal tisħin u tkessiħ distrettwali 72

4.10.1

Raġunament għall-għajnuna 72

4.10.2

Kamp ta’ applikazzjoni u attivitajiet appoġġati 72

4.10.3

Neċessità u adegwatezza 73

4.10.4

Proporzjonalità tal-miżura ta’ għajnuna 73

4.10.5

L-evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ u l-ibbilanċjar 74

4.11

Għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis mill-imposti fuq l-elettriku għall-utenti li jużaw ħafna enerġija 74

4.11.1

Raġunament għall-għajnuna 74

4.11.2

Kamp ta’ applikazzjoni: imposti li għalihom jista’ jingħata tnaqqis 75

4.11.3

Minimizzazzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ 75

4.11.3.1

Eliġibbiltà 75

4.11.3.2

Proporzjonalità tal-miżura ta’ għajnuna 76

4.11.3.3

Forma tal-għajnuna mill-Istat 76

4.11.3.4

Awditjar tal-Enerġija u Sistemi ta’ Ġestjoni 77

4.11.3.5

Regoli tranżizzjonali 77

4.12

Għajnuna għall-għeluq ta’ impjanti tal-enerġija li jużaw il-faħam, il-pit jew ix-shale bituminuż u ta’ operazzjonijiet tal-estrazzjoni relatati mal-estrazzjoni tal-faħam, tal-pit jew tax-shale bituminuż 78

4.12.1

Għajnuna għat-tmiem bikri ta’ attivitajiet profittabbli tal-faħam, tal-pit u tax-shale bituminuż 78

4.12.1.1

Raġunament għall-għajnuna 78

4.12.1.2

Kamp ta’ applikazzjoni u attivitajiet appoġġati 79

4.12.1.3

Effett ta’ inċentiv 79

4.12.1.4

Neċessità u adegwatezza 79

4.12.1.5

Proporzjonalità 79

4.12.1.6

Evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ 80

4.12.2

Għajnuna għal kostijiet eċċezzjonali relatati mat-tmiem ta’ attivitajiet mhux kompetittivi tal-faħam, tal-pit u tax-shale bituminuż 80

4.12.2.1

Raġunament għall-għajnuna 80

4.12.2.2

Kamp ta’ applikazzjoni u attivitajiet appoġġati 80

4.12.2.3

Neċessità u adegwatezza 80

4.12.2.4

Effett ta’ inċentiv u proporzjonalità 80

4.12.2.5

Evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ 81

4.13

Għajnuna għal studji jew servizzi ta’ konsulenza dwar kwistjonijiet relatati mal-klima, mal-ħarsien tal-ambjent u mal-enerġija 81

4.13.1

Kamp ta’ applikazzjoni u attivitajiet appoġġati 81

4.13.2

Effett ta’ inċentiv 81

4.13.3

Proporzjonalità 82

5.

EVALWAZZJONI 82

6.

RAPPORTAR U MONITORAĠĠ 83

7.

APPLIKABBILTÀ 83

8.

REVIŻJONI 83

1.   INTRODUZZJONI

1.

Il-Kummissjoni qiegħdet il-Patt Ekoloġiku Ewropew fl-ogħla pożizzjoni ta’ prijorità politika, bil-għan li l-Unjoni tiġi ttrasformata f’soċjetà ġusta u prospera b’ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva, fejn ma jkunx hemm emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra fl-2050 u fejn it-tkabbir ekonomiku jiġi ddiżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi, filwaqt li ma tħalli lil ħadd jibqa’ lura. L-ambizzjonijiet klimatiċi tal-Kummissjoni ssaħħu fl-2019 bil-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (1), u stabbilew objettiv li sal-2050 ma jkunx hemm emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra. Sabiex tpoġġi l-ekonomija u s-soċjetà tagħna fuq perkors ġust, ekoloġiku u prosperu biex isiru newtrali għall-klima sal-2050, il-Kummissjoni pproponiet ukoll li tnaqqas l-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra b’mill-inqas 55 % sal-2030 meta mqabbel mal-livelli tal-1990 (2). Dawn il-miri ambizzjużi ġew minquxa fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima (3).

2.

Il-pakkett ta’ proposti leġiżlattivi “Lesti għall-mira ta’ 55 %” jappoġġa l-kisba ta’ dawk il-miri (4) u jqiegħed lill-Unjoni fit-triq it-tajba biex tilħaq in-newtralità klimatika sal-2050.

3.

Biex jintlaħqu l-objettivi tan-newtralità klimatika, l-adattament għat-tibdil fil-klima, l-effiċjenza fir-riżorsi u fl-enerġija u l-prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel”, iċ-ċirkolarità, it-tniġġis żero u l-irkupru tal-bijodiversità u l-akkumpanjament ta’ din it-tranżizzjoni ekoloġika huma meħtieġa sforzi sinifikanti u appoġġ adegwat. Biex tintlaħaq l-ambizzjoni ppreżentata fil-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, se jkun meħtieġ investiment sinifikanti, inkluż f’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Il-Kummissjoni stmat, biex jintlaħqu l-miri tal-klima, tal-enerġija u tat-trasport għall-2030, li għadhom kemm żdiedu, jenħtieġu EUR 390 biljun f’investiment annwali addizzjonali meta mqabbel mal-livelli fl-2011-2020 (5), b’EUR 130 biljun addizzjonali fis-sena għall-objettivi ambjentali l-oħra li ġew stmati qabel (6). Id-daqs ta’ din l-isfida tal-investiment jeħtieġ li l-fondi tas-settur privat kif ukoll tas-settur pubbliku jiġu mmobilizzati b’mod kosteffettiv. Dan se jaffettwa s-setturi kollha u, għaldaqstant, lill-ekonomija tal-Unjoni kollha kemm hi.

4.

Il-politika tal-kompetizzjoni, u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’mod partikolari, għandha rwol importanti li tippermetti u tappoġġa lill-Unjoni biex tissodisfa l-objettivi tal-politika tal-Patt Ekoloġiku. Il-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew speċifikament tistipula li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat se jiġu riveduti biex iqisu dawn l-objettivi ta’ politika, biex jappoġġaw tranżizzjoni kosteffettiva u ġusta għan-newtralità klimatika, u biex jiffaċilitaw l-eliminazzjoni gradwali tal-karburanti fossili, filwaqt li fl-istess ħin jiżguraw kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern. Dawn il-linji gwida jirriflettu din ir-reviżjoni.

5.

Sabiex jiġi evitat li l-għajnuna mill-Istat toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, l-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi l-prinċipju li l-għajnuna mill-Istat hija pprojbita. Madankollu, f’ċerti każijiet, din l-għajnuna tista’ tkun kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikoli 107(2) u (3) tat-Trattat.

6.

L-Istati Membri jridu jinnotifikaw dwar l-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat, bl-eċċezzjoni ta’ miżuri li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija adottat mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 (7).

7.

Dawn il-linji gwida jipprovdu gwida dwar kif il-Kummissjoni se tivvaluta l-kompatibbiltà tal-ħarsien tal-ambjent, inkluż il-protezzjoni klimatika, u l-miżuri ta’ għajnuna għall-enerġija li huma soġġetti għar-rekwiżit ta’ notifika skont l-Artikolu 107(3), il-punt (c), tat-Trattat. Kwalunkwe referenza għall-“ħarsien tal-ambjent” f’dawn il-linji gwida għandha tinftiehem bħala referenza għall-ħarsien tal-ambjent, inkluż il-protezzjoni klimatika.

8.

Skont l-Artikolu 107(3), il-punt (c), tat-Trattat, miżura ta’ għajnuna tista’ tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq intern dment li jiġu ssodisfati żewġ kundizzjonijiet, waħda pożittiva u waħda negattiva. Il-kundizzjoni pożittiva hija li l-għajnuna trid tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attività ekonomika. Il-kundizzjoni negattiva hija li l-għajnuna ma tridx tfixkel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni.

9.

Huwa ġeneralment aċċettat li s-swieq kompetittivi għandhom it-tendenza li jwasslu għal riżultati effiċjenti f’termini ta’ prezzijiet, output u użu tar-riżorsi. Madankollu, jista’ jkun meħtieġ intervent mill-Istat biex jiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi li fin-nuqqas ta’ għajnuna ma jiżviluppawx jew ma jiżviluppawx bl-istess ritmu jew bl-istess kundizzjonijiet. B’hekk, l-intervent jikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

10.

Fil-kuntest tal-ħarsien tal-ambjent, l-esternalitajiet ambjentali, l-imperfezzjonijiet fl-informazzjoni u n-nuqqasijiet fil-koordinazzjoni jfissru li jista’ jkun li l-parteċipanti fis-suq ma qisux għalkollox il-kostijiet u l-benefiċċji ta’ attività ekonomika huma u jieħdu deċiżjonijiet dwar il-konsum, l-investiment u l-produzzjoni, minkejja interventi regolatorji. Dawn il-fallimenti tas-suq, jiġifieri sitwazzjonijiet li fihom is-swieq, jekk jitħallew għal riħhom, aktarx li ma jipproduċux riżultati effiċjenti, ma jwasslux għal benessri ottimali għall-konsumaturi u għas-soċjetà inġenerali, u dan jirriżulta f’livelli insuffiċjenti ta’ ħarsien tal-ambjent fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi mwettqa fin-nuqqas ta’ appoġġ mill-Istat.

11.

L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżura ta’ għajnuna, il-kundizzjonijiet marbuta magħha, il-proċeduri għall-adozzjoni tagħha u l-attività appoġġata ma jiksrux id-dritt ambjentali tal-Unjoni. L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-pubbliku kkonċernat ikollu l-opportunità li jiġi kkonsultat fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-għajnuniet. Fl-aħħar nett, jenħtieġ li individwi u organizzazzjonijiet jingħataw l-opportunità li jikkontestaw l-għajnuna jew il-miżuri li jimplimentaw l-għajnuna quddiem il-qrati nazzjonali fejn jistgħu jipproduċu provi li ma kienx hemm konformità mal-liġijiet ambjentali tal-Unjoni (8).

2.   KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

2.1   Kamp ta’ applikazzjoni

12.

Dawn il-linji gwida japplikaw għall-għajnuna mill-Istat li tingħata biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi b’mod li jtejjeb il-ħarsien tal-ambjent, kif ukoll attivitajiet fis-settur tal-enerġija li huma rregolati mit-Trattat, sa fejn il-miżuri ta’ għajnuna jkunu koperti mit-Taqsima 2.2 ta’ dawn il-linji gwida. Għaldaqstant, dawn il-linji gwida japplikaw ukoll għal dawk is-setturi li huma soġġetti għal regoli speċifiċi tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, sakemm dawn ir-regoli speċifiċi tal-Unjoni ma jiddikjarawx mod ieħor jew ma jkunx fihom dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna għall-ħarsien tal-ambjent jew l-għajnuna fis-settur tal-enerġija li japplikaw għall-istess miżura, f’liema każ jipprevalu r-regoli speċifiċi għas-settur. Dawn il-linji gwida jipprevalu fuq il-punt 17(b) tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni (9) fir-rigward ta’ miżuri ta’ għajnuna ambjentali favur ajruporti kbar b’volum ta’ aktar minn 5 miljun passiġġier fis-sena.

13.

Dawn il-linji gwida ma japplikawx għal:

a)

għajnuna mill-Istat għad-disinn u l-manifattura ta’ prodotti, makkinarju, tagħmir jew mezzi ta’ trasport ekoloġiċi, bil-għan li jitħaddmu b’inqas riżorsi naturali u l-azzjoni meħuda fl-impjanti jew unitajiet oħra ta’ produzzjoni bl-għan li tittejjeb is-sikurezza jew l-iġjene (10);

b)

għajnuna mill-Istat għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni li tkun soġġetta għar-regoli stabbiliti fil-Qafas għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni (11);

c)

għajnuna mill-Istat koperta mir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-agrikoltura u l-forestrija (12) jew fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura (13),

d)

għajnuna mill-Istat għall-enerġija nukleari.

14.

L-għajnuna għall-ħarsien tal-ambjent u għall-enerġija ma tridx tingħata lil impriżi f’diffikultà kif definit fil-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (14).

15.

Meta tivvaluta l-għajnuna favur impriża li tkun soġġetta għal ordni ta’ rkupru pendenti b’segwitu għal deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li tiddikjara l-għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern, il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-ammont tal-għajnuna li jkun għadu jrid jiġi rkuprat (15).

2.2   Miżuri ta’ għajnuna koperti minn dawn il-linji gwida

16.

Il-Kummissjoni identifikat għadd ta’ kategoriji ta’ miżuri għall-ħarsien tal-ambjent u għall-enerġija li fir-rigward tagħhom l-għajnuna mill-Istat tista’ tkun kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3), il-punt (c), tat-Trattat, b’ċerti kundizzjonijiet:

a)

għajnuna għat-tnaqqis u t-tneħħija ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, inkluż permezz ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija;

b)

għajnuna għat-titjib tal-prestazzjoni ambjentali u r-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-bini;

c)

għajnuna għall-akkwist u l-kiri ta’ vetturi nodfa (użati għat-trasport bl-ajru, bit-triq, bil-ferroviji, fuq ilma navigabbli intern u bil-baħar) u tagħmir mobbli nadif għas-servizzi u għall-modifika retroattiva tal-vetturi u ta’ tagħmir mobbli nadif għas-servizzi;

d)

għajnuna għall-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-iċċarġjar jew tar-riforniment tal-karburant għal vetturi nodfa;

e)

għajnuna għal effiċjenza fir-riżorsi u għall-appoġġ tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari;

f)

għajnuna għall-prevenzjoni jew għat-tnaqqis ta’ tniġġis li mhuwiex minn gassijiet serra;

g)

għajnuna għar-rimedju ta’ ħsara ambjentali, ir-riabilitazzjoni ta’ ħabitats naturali u ekosistemi, il-protezzjoni jew ir-restawr tal-bijodiversità u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura għall-adattament u l-mitigazzjoni tal-tibdil fil-klima;

h)

għajnuna f’forma ta’ tnaqqis fit-taxxi jew f’imposti parafiskali;

i)

għajnuna għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku;

j)

għajnuna għal infrastruttura tal-enerġija;

k)

għajnuna għal tisħin u tkessiħ distrettwali;

l)

għajnuna f’forma ta’ tnaqqis mill-imposti fuq l-elettriku għall-utenti li jużaw ħafna enerġija;

m)

għajnuna għall-għeluq tal-impjanti tal-enerġija li jużaw faħam, pit jew shale bituminuż u ta’ operazzjonijiet ta’ tħaffir fil-minjieri relatati mal-estrazzjoni tal-faħam, tal-pit u tax-shale bituminuż;

n)

għajnuna għal studji jew servizzi ta’ konsulenza dwar kwistjonijiet relatati mal-klima, il-ħarsien tal-ambjent u l-enerġija.

2.3   Struttura tal-linji gwida

17.

Il-Kapitolu 3 jippreżenta l-kriterji ta’ kompatibbiltà li ġeneralment japplikaw għall-kategoriji varji ta’ għajnuna koperti b’dawn il-linji gwida. It-Taqsima 3.2.1.3.1 dwar l-akkumulazzjoni tapplika għall-kategoriji kollha ta’ għajnuna koperti b’dawn il-linji gwida. Il-Kapitolu 4 jippreżenta kriterji speċifiċi ta’ kompatibbiltà li japplikaw għall-miżuri ta’ għajnuna koperti bit-taqsimiet varji ta’ dak il-kapitolu. Il-kriterji ta’ kompatibbiltà fil-Kapitolu 3 japplikaw sakemm ma jkunx hemm dispożizzjonijiet aktar speċifiċi stipulati fit-taqsimiet iddedikati speċifiċi fil-Kapitolu 4.

18.

Il-kundizzjonijiet ippreżentati f’dawn il-linji gwida japplikaw għal skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, kemm dawk ibbażati fuq skema ta’ għajnuna kif ukoll dawk mogħtija ad hoc, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

2.4   Definizzjonijiet

19.

Għall-finijiet ta’ dawn il-linji gwida, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

“għajnuna ad hoc” tfisser għajnuna mhux mogħtija abbażi ta’ skema ta’ għajnuna;

2)

“intensità tal-għajnuna” tfisser l-ammont gross tal-għajnuna espress bħala perċentwal tal-kostijiet eliġibbli. Iċ-ċifri kollha użati jridu jittieħdu qabel kwalunkwe tnaqqis fit-taxxa jew imposti oħra. Meta l-għajnuna tingħata f’forma oħra għajr għotja, l-ammont tal-għajnuna jrid ikun l-ekwivalenti ta’ għotja gross tal-għajnuna. Għajnuna li titħallas f’diversi pagamenti parzjali trid tiġi kkalkulata skont il-valur tagħha fil-mument tal-għotja. Ir-rata tal-imgħax li għandha tintuża għal finijiet ta’ skontijiet u għall-kalkolu tal-ammont ta’ għajnuna f’self b’rata tal-imgħax baxxa (16) trid tkun ir-rata ta’ referenza applikata fil-mument tal-għotja. L-intensità tal-għajnuna tiġi kkalkulata għal kull benefiċjarju;

3)

“żoni megħjuna” tfisser żoni li fil-mument tal-għoti tal-għajnuna jkunu indikati f’mappa tal-għajnuna reġjonali approvata b’applikazzjoni tal-Artikoli 107(3), il-punti (a) u (c), tat-Trattat;

4)

“ibbilanċjar” għall-elettriku tfisser ibbilanċjar kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (10), tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17);

5)

“parti inkarigata mill-ibbilanċjar (BRP, balance responsible party)” tfisser parti inkarigata mill-ibbilanċjar kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (14), tar-Regolament (UE) 2019/943;

6)

“bijodiversità” tfisser bijodiversità kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (15), tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18);

7)

“bijokarburanti” tfisser bijokarburanti kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (33), tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19);

8)

“bijogass” tfisser bijogass kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (28), tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

9)

“bijolikwidi” tfisser bijolikwidi kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (32), tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

10)

“bijomassa” tfisser il-frazzjoni bijodegradabbli tal-prodotti, l-iskart u r-residwi ta’ oriġini bijoloġika, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (24), tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

11)

“karburanti mill-bijomassa” tfisser karburanti mill-bijomassa kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (27), tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

12)

“mekkaniżmu ta’ kapaċità” tfisser mekkaniżmu ta’ kapaċità kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (22), tar-Regolament (UE) 2019/943;

13)

“qbid u ħżin tad-diossidu tal-karbonju” (CCS, carbon capture and storage) tfisser sett ta’ teknoloġiji li jagħmlu possibbli li jinqabad id-diossidu tal-karbonju (CO2) li joħroġ minn impjanti industrijali, inklużi emissjonijiet inerenti fil-proċess, jew li jinqabad direttament mill-arja tal-ambjent, jiġi ttrasportat lejn post ta’ ħżin u jiġi injettat f’formazzjonijiet ġeoloġiċi taħt l-art adattati għall-fini ta’ ħżin permanenti;

14)

“qbid u użu tad-diossidu tal-karbonju” (CCU, carbon capture and use) tfisser sett ta’ teknoloġiji li jagħmluha possibbli li jinqabad is-CO2 li joħroġ minn impjanti industrijali, inklużi emissjonijiet inerenti fil-proċess, jew li jinqabad direttament mill-arja tal-ambjent, u jiġi ttrasportat lejn sit tal-konsum jew tal-użu tas-CO2 biex dak is-CO2 jintuża kollu;

15)

“assorbiment tas-CO2” tfisser attivitajiet antropoġeniċi li jneħħu s-CO2 mill-atmosfera u jaħżnuha b’mod durabbli f’riżervi ġeoloġiċi, terrestri, jew tal-oċeani, jew fi prodotti. Dan jinkludi titjib antropoġeniku eżistenti u potenzjali ta’ bjar bijoloġiċi jew ġeokimiċi u qbid dirett mill-arja u ħżin, iżda jeskludi assorbiment naturali tas-CO2 mhux ikkawżat direttament minn attivitajiet tal-bniedem;

16)

“skema ta’ obbligu tal-fornituri” tfisser skema li fiha jinħoloq valur għall-forniment ta’ prodotti jew servizzi billi dawn il-prodotti jew is-servizzi jiġu ċċertifikati u jiġi impost obbligu fuq il-fornituri jew il-konsumaturi biex jixtru ċ-ċertifikati;

17)

“tagħmir mobbli nadif għas-servizzi fuq l-art” tfisser tagħmir mobbli użat f’attivitajiet ta’ servizzi inċidentali għat-trasport bl-ajru jew bil-baħar mingħajr emissjonijiet diretti tas-CO2 (mill-iżbokk tal-egżost);

18)

“tagħmir mobbli nadif għas-servizzi” tfisser tagħmir mobbli nadif tat-terminals u tagħmir mobbli nadif għas-servizzi fuq l-art;

19)

“tagħmir mobbli nadif tat-terminals” tfisser tagħmir mobbli użat għat-tagħbija, il-ħatt u t-trasbord ta’ oġġetti u unitajiet tat-tagħbija intermodali, u għal merkanzija li tiċċaqlaq internament f’żona tat-terminal, mingħajr emissjonijiet diretti tas-CO2 (mill-iżbokk tal-egżost) jew, fin-nuqqas ta’ alternattivi b’ebda emissjonijiet diretti tas-CO2 (mil-iżbokk tal-egżost), li għandu emissjonijiet diretti tas-CO2 (mill-iżbokk tal-egżost) fer aktar baxxi minn tagħmir konvenzjonali tat-terminals;

20)

“vettura nadifa” tfisser:

a)

fir-rigward ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti jew kwadriċikli:

i)

vettura li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 168/2013 mingħajr emissjonijiet tas-CO2 mill-iżbokk tal-egżost, ikkalkulati f’konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 24 u fl-Anness V ta’ dan ir-Regolament;

b)

fir-rigward ta’ vetturi tat-triq ħfief:

i)

vettura tal-kategorija M1, M2 jew N1 mingħajr emissjonijiet tas-CO2 mill-iżbokk tal-egżost, kif determinat f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 (20);

ii)

vettura nadifa kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (4)(a), tad-Direttiva 2009/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21);

c)

fir-rigward tal-vetturi tat-triq tqal:

i)

vettura tqila mingħajr emissjonijiet kif definit fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2009/33/UE;

ii)

sal-31 ta’ Diċembru 2025, vettura tqila b’emissjonijiet baxxi kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (12), tar-Regolament (UE) 2019/1242 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22);

iii)

sal-31 ta’ Diċembru 2025, vettura nadifa kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (4)(b), tad-Direttiva 2009/33/KE u li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1242;

d)

fir-rigward tal-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni:

i)

bastiment għat-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija fuq ilma intern mingħajr emissjonijiet diretti tas-CO2 (mill-iżbokk tal-egżost/tal-egżost);

ii)

bastiment għat-trasport ta’ passiġġieri fuq ilma intern li għandu magna ibrida jew li tuża żewġ tipi ta’ karburanti li ġġib mill-inqas 50 % tal-enerġija tagħha minn karburanti mingħajr emissjonijiet diretti tas-CO2 (mill-iżbokk tal-egżost) jew minn provvista tal-elettriku plug-in għat-tħaddim normali tagħha;

iii)

bastiment għat-trasport ta’ merkanzija fuq ilma intern li jkollu emissjonijiet diretti tas-CO2 (mill-iżbokk tal-egżost) għal kull tunnellata kilometru (gCO2/tkm), ikkalkolati (jew stmati fil-każ ta’ bastimenti ġodda) bl-użu tal-Indikatur Operattiv tal-Effiċjenza Enerġetika (Energy Efficiency Operational Indicator (EEOI)) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, li jkunu 50 % anqas mill-valur medju ta’ referenza għall-emissjonijiet tas-CO2 definiti għal vetturi tqal (is-sottogrupp tal-vetturi 5-LH) f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament 2019/1242;

Meta tivvaluta jekk bastiment jikkwalifikax bħala vettura nadifa, il-Kummissjoni se tqis l-evoluzzjonijiet fis-settur ikkonċernat, inkluż billi tirreferi għall-kriterji tekniċi tal-iskrinjar skont liema attività tikkwalifika li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, kif stabbilit fl-att delegat rilevanti skont ir-Regolament (UE) 2020/852;

e)

fir-rigward tal-bastimenti marittimi:

i)

bastiment għat-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija bil-baħar jew fuq ilma kostali, għal operazzjonijiet fil-port jew għal attivitajiet awżiljarji mingħajr emissjonijiet diretti tas-CO2 (mill-iżbokk tal-egżost); jew

ii)

bastiment għat-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija bil-baħar jew fuq ilma kostali, għal operazzjonijiet fil-port jew għal attivitajiet awżiljarji li għandu magna ibrida jew li tuża żewġ tipi ta’ karburanti li ġġib mill-inqas 25 % tal-enerġija tagħha minn karburanti mingħajr emissjonijiet diretti tas-CO2 (mill-iżbokk tal-egżost) jew minn provvista tal-elettriku plug-in għat-tħaddim normali tagħha fil-baħar u fil-portijiet jew li għandu valur tal-Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika tad-Disinn (EEDI, Energy Efficiency Design Index) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali 10 % aktar baxx mir-rekwiżiti tal-EEDI applikabbli fl-1 ta’ April 2022 u li jkun kapaċi jaħdem b’karburanti mingħajr emissjonijiet diretti tas-CO2 (mill-iżbokk tal-egżost) jew fuq karburanti minn sorsi rinnovabbli; jew

iii)

bastiment għat-trasport ta’ merkanzija bil-baħar u fuq ilma kostali li jintuża b’mod esklużiv għat-tħaddim ta’ servizzi kostali u fuq il-baħar fuq distanzi qosra mfassal sabiex jippermetti l-bidla modali tal-merkanzija attwalment trasportata mill-art għall-baħar, u għandu emissjonijiet diretti tas-CO2 (mill-iżbokk tal-egżost), ikkalkulati bl-użu tal-EEDI li huma 50 % inqas mill-valur medju tal-emissjonijiet tas-CO2 ta’ referenza definit għal vetturi tqal (is-sottogrupp tal-vetturi 5-LH) f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2019/1242;

Meta tivvaluta jekk bastiment jikkwalifikax bħala vettura nadifa, il-Kummissjoni se tqis l-evoluzzjonijiet fis-settur ikonċernat, inkluż billi tirreferi għall-kriterji tekniċi tal-iskrinjar skont liema attività tikkwalifika li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, kif stabbilit fl-att delegat rilevanti skont ir-Regolament (UE) 2020/852;

f)

fir-rigward tal-vetturi ferrovjarji:

i)

vettura ferrovjarja mingħajr emissjonijiet diretti tas-CO2 (mill-iżbokk tal-egżost);

ii)

vettura ferrovjarja mingħajr emissjonijiet diretti tas-CO2 mill-iżbokk tal-egżost meta taħdem fuq binarju bl-infrastruttura meħtieġa, u tuża magna konvenzjonali meta din l-infrastruttura ma tkunx disponibbli (bimodalità);

g)

fir-rigward tal-inġenji tal-ajru:

i)

inġenju tal-ajru mingħajr emissjonijiet diretti tas-CO2 (mill-iżbokk tal-egżost);

ii)

inġenju tal-ajru b’titjib sostanzjali fil-prestazzjoni ambjentali tiegħu meta mqabbel ma’ inġenju tal-ajru tal-istess massa waqt il-qtugħ mill-art li jikkorrispondi għal alternattiva disponibbli b’mod mifrux fis-suq;

21)

“koġenerazzjoni” jew sħana u enerġija kkombinati tfisser koġenerazzjoni kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (30), tad-Direttiva (UE) 2012/27 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23);

22)

“sit ikkontaminat” tfisser sit fejn ikun hemm preżenza kkonfermata, ikkawżata minn attività tal-bniedem, ta’ materjali jew sustanzi ta’ livell tali li dawn jirrappreżentaw riskju sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, meta jitqies l-użu attwali u l-użu futur approvat tal-art, ta’ qiegħ il-baħar jew tax-xmajjar;

23)

“proġett ta’ dimostrazzjoni” tfisser proġett ta’ dimostrazzjoni kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (24), tar-Regolament (UE) 2019/943;

24)

“diġitalizzazzjoni” tfisser l-adozzjoni ta’ teknoloġiji mwettqa minn apparat u/jew sistemi elettroniċi li jagħmluha possibbli li tiżdied il-funzjonalità tal-prodotti, jiġu żviluppati servizzi online, jiġu modernizzati proċessi, jew issir migrazzjoni għal mudelli kummerċjali bbażati fuq id-diżintermedjazzjoni tal-produzzjoni tal-oġġetti u l-forniment tas-servizzi, u eventwalment jinħoloq impatt trasformattiv;

25)

“rimi” tfisser rimi kif definit fl-Artikolu 3, il-punt 19, tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24);

26)

“operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni” (DSO, distribution system operator) tfisser operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (29), tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25);

27)

“tisħin distrettwali” jew “tkessiħ distrettwali” tfisser tisħin distrettwali jew tkessiħ distrettwali kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (19), tad-Direttiva (UE) 2010/31 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26);

28)

“sistemi ta’ tisħin u/jew tkessiħ distrettwali” tfisser faċilitajiet ta’ ġenerazzjoni tas-sħana u/jew tal-ksieħ, ħżin termali u network tad-distribuzzjoni, li jkopri kemm in-network primarju - ta’ trażmissjoni - kif ukoll in-network sekondarju ta’ pipelines, għall-provvista tas-sħana jew tal-ksieħ lill-konsumaturi. Ir-referenza għat-tisħin distrettwali għandha tiġi interpretata bħala sistemi ta’ tisħin u/jew tkessiħ distrettwali, skont jekk in-networks ifornux tisħin jew tkessiħ b’mod konġunt jew separat;

29)

“ekoinnovazzjoni” tfisser il-forom kollha ta’ attivitajiet innovattivi, inklużi proċessi ġodda ta’ produzzjoni, prodotti jew servizzi ġodda, u metodi ġodda ta’ ġestjoni u negozju, li jirriżultaw f’titjib sinifikanti tal-ħarsien tal-ambjent u tnaqqis sinifikanti tal-impatti ambjentali tat-tniġġis, jew li għandhom l-għan li jagħmlu dan. Għall-finijiet ta’ din id-definizzjoni, dawn li ġejjin mhumiex meqjusin bħala innovazzjonijiet:

a)

attivitajiet li jwasslu biss għal tibdil jew titjib żgħir għall-ħarsien tal-ambjent;

b)

żieda fil-produzzjoni jew fil-kapaċitajiet tas-servizzi permezz ta’ żieda fis-sistemi loġistiċi jew ta’ manifattura li huma simili ħafna għal dawk li diġà qed jintużaw;

c)

tibdil fil-prattiki ta’ negozju, organizzazzjoni fuq il-post tax-xogħol jew relazzjonijiet esterni li huma bbażati fuq metodi ta’ organizzazzjoni li diġà qegħdin jintużaw fl-impriża;

d)

tibdil fl-istrateġija ta’ ġestjoni;

e)

fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet;

f)

waqfa mill-użu ta’ proċess;

g)

sostituzzjoni jew estensjoni sempliċi tal-kapital;

h)

tibdil li jirriżulta purament minn tibdil fil-prezzijiet tal-fatturi, l-adattament għal użi u utenti speċifiċi, it-tibdil staġjonali regolari u tibdil ċikliku ieħor;

i)

il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ġodda jew imtejba b’mod sinifikanti;

30)

“ekosistema” tfisser ekosistema kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (13), tar-Regolament (UE) 2020/852;

31)

“effiċjenza fl-enerġija” tfisser effiċjenza fl-enerġija kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (4), tad-Direttiva 2012/27/UE;

32)

“ħżin tal-enerġija” tfisser ħżin tal-enerġija fis-sistema tal-elettriku, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (59), tad-Direttiva (UE) 2019/944;

33)

“faċilità tal-ħżin tal-enerġija” tfisser faċilità tal-ħżin tal-enerġija fis-sistema tal-elettriku, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (60), tad-Direttiva (UE) 2019/944;

34)

“tisħin u tkessiħ distrettwali effiċjenti” tfisser tisħin u tkessiħ distrettwali effiċjenti kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (41), tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

35)

“enerġija minn sorsi rinnovabbli” tfisser l-enerġija prodotta minn impjanti li jużaw biss sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tad-Direttiva (UE) 2018/2001, kif ukoll il-proporzjon f’termini ta’ valur kalorifiku tal-enerġija prodotta minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli f’impjanti ibridi li jużaw ukoll sorsi ta’ enerġija konvenzjonali u tinkludi l-elettriku rinnovabbli użat fil-mili tas-sistemi ta’ ħżin konnessi wara l-miter (installati b’mod konġunt jew bħala żieda mal-installazzjoni rinnovabbli), iżda teskludi l-elettriku prodott bħala riżultat ta’ sistemi ta’ ħżin;

36)

“infrastruttura tal-enerġija” (27) tfisser kull tagħmir jew faċilità fiżiċi li jinsabu fl-Unjoni jew li jorbtu lill-Unjoni ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar u li jaqgħu taħt il-kategoriji li ġejjin:

a)

fir-rigward tal-elettriku:

i)

sistemi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni, fejn “trażmissjoni” tfisser it-trasport tal-elettriku fuq l-art kif ukoll lil hinn mill-kosta fuq is-sistema interkonnessa ta’ vultaġġ għoli ħafna u vultaġġ għoli bil-ħsieb li dan jasal għand il-klijenti finali jew għand id-distributuri, iżda ma jinkludix il-provvista, u “distribuzzjoni” tfisser it-trasport tal-elettriku fuq l-art kif ukoll lil hinn mill-kosta fuq sistemi tad-distribuzzjoni ta’ vultaġġ għoli, vultaġġ medju u vultaġġ baxx bil-ħsieb li dan jasal għand il-klijenti, iżda ma jinkludix il-provvista;

ii)

kull tagħmir jew installazzjoni essenzjali biex is-sistemi msemmija fil-punt (i) jaħdmu b’sikurezza, sigurtà u effiċjenza, inklużi s-sistemi tal-protezzjoni, tal-monitoraġġ u tal-kontroll fil-livelli kollha tal-vultaġġ u fis-substazzjonijiet kollha;

iii)

komponenti tan-network integrati b’mod sħiħ kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (51), tad-Direttiva (UE) 2019/944;

iv)

grilji elettriċi intelliġenti, li tfisser sistemi u komponenti li jintegraw it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, permezz ta’ pjattaformi diġitali operazzjonali, is-sistemi tal-kontroll u t-teknoloġiji tas-sensuri kemm fil-livell tat-trażmissjoni kif ukoll f’dak tad-distribuzzjoni, li jimmiraw għal network tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-elettriku aktar sigur, effiċjenti u intelliġenti, kapaċità akbar li jiġu integrati forom ġodda ta’ ġenerazzjoni, ħżin u konsum u faċilitazzjoni ta’ mudelli kummerċjali u strutturi tas-suq ġodda;

v)

grilji elettriċi lil hinn mill-kosta, li tfisser kull tagħmir jew installazzjoni ta’ infrastruttura tat-trażmissjoni jew tad-distribuzzjoni tal-elettriku, kif definit fil-punt (i), li jkollu funzjonalità doppja: l-interkonnessjoni u t-trażmissjoni jew id-distribuzzjoni ta’ elettriku minn sorsi rinnovabbli lil hinn mill-kosta mis-siti ta’ ġenerazzjoni lil hinn mill-kosta lejn żewġ pajjiżi jew aktar. Dan jinkludi wkoll grilji intelliġenti kif ukoll kull tagħmir jew installazzjoni kontigwi lil hinn mill-kosta li jkunu essenzjali għal operazzjoni b’sikurezza, sigurtà u effiċjenza, inklużi sistemi tal-protezzjoni, tal-monitoraġġ u tal-kontroll, u s-substazzjonijiet meħtieġa jekk dawn jiżguraw ukoll l-interoperabbiltà tat-teknoloġija, u fost l-oħrajn il-kompatibbiltà tal-interfaċċa bejn teknoloġiji differenti;

b)

fir-rigward tal-gass (gass naturali, bijogass – inkluż il-bijometan – u/jew gass rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika):

i)

pipelines tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni għat-trasport tal-gass li jiffurmaw parti minn network, bl-esklużjoni ta’ pipelines ta’ pressjoni għolja li jintużaw għad-distribuzzjoni upstream tal-gass naturali;

ii)

faċilitajiet ta’ ħżin taħt l-art li huma konnessi mal-pipelines ta’ pressjoni għolja msemmija fil-punt (i);

iii)

il-faċilitajiet ta’ riċeviment, ħżin u rigassifikazzjoni jew dekompressjoni għal gass likwifikat jew ikkompressat;

iv)

kull tagħmir jew installazzjoni essenzjali biex is-sistemi joperaw b’sikurezza, sigurtà u effiċjenza jew biex jippermettu kapaċità bidirezzjonali, inklużi l-istazzjonijiet ta’ kompressjoni;

v)

grilji intelliġenti tal-gass, li tfisser kwalunkwe mit-tagħmir jew installazzjonijiet li ġejjin li jkollhom l-għan li jippermettu u jiffaċilitaw l-integrazzjoni ta’ gassijiet rinnovabbli u b’livell baxx ta’ karbonju (inklużi l-idroġenu jew gassijiet ta’ oriġini mhux bijoloġika) fin-network: sistemi u komponenti diġitali li jintegraw it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, sistemi tal-kontroll u teknoloġiji tas-sensuri li jippermettu l-monitoraġġ, il-kejl, il-kontroll tal-kwalità u l-ġestjoni interattivi u intelliġenti tal-produzzjoni, tat-trażmissjoni, tad-distribuzzjoni u tal-konsum tal-gass f’network tal-gass. Barra minn hekk, grilji intelliġenti jistgħu jinkludu wkoll tagħmir li jippermetti l-flussi fid-direzzjoni opposta mid-distribuzzjoni għal-livell tat-trażmissjoni u titjib neċessarju relatat man-network eżistenti;

c)

fir-rigward tal-idroġenu (28):

i)

pipelines tat-trażmissjoni, għat-trasport tal-idroġenu bi pressjoni għolja, kif ukoll pipelines tad-distribuzzjoni għad-distribuzzjoni lokali tal-idroġenu, li jagħtu aċċess lil utenti multipli tan-network fuq bażi trasparenti u mhux diskriminatorja;

ii)

faċilitajiet tal-ħżin, li tfisser faċilitajiet użati għall-ħżin ta’ idroġenu ta’ grad għoli ta’ purità, inkluża l-parti ta’ terminal tal-idroġenu użat għall-ħżin iżda eskluża l-parti użata għall-operazzjonijiet ta’ produzzjoni, u inklużi l-faċilitajiet riżervati esklużivament għall-operaturi ta’ networks tal-idroġenu fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom. Il-faċilitajiet tal-ħżin tal-idroġenu jinkludu faċilitajiet tal-ħżin taħt l-art konnessi mal-pipelines tat-trażmissjoni jew tad-distribuzzjoni tal-idroġenu bi pressjoni għolja msemmija fil-punt (i);

iii)

faċilitajiet tad-dispaċċ, tar-riċeviment, tar-rigassifikazzjoni jew tad-dekompressjoni għall-idroġenu jew għall-idroġenu integrat f’sustanzi kimiċi oħra bil-għan li l-idroġenu jiġi injettat fil-grilja għall-gass jew iddedikat għall-idroġenu;

iv)

terminals, li tfisser installazzjonijiet użati għat-trasformazzjoni tal-idroġenu likwidu f’idroġenu gassuż biex jiġi injettat fin-network tal-idroġenu. It-terminals jinkludu tagħmir anċillari u ħżin temporanju meħtieġ għall-proċess ta’ trasformazzjoni u injezzjoni sussegwenti fin-network tal-idroġenu, iżda ma jinkludi l-ebda parti tat-terminal tal-idroġenu użat għall-ħżin;

v)

interkonnetturi, li tfisser network tal-idroġenu (jew parti minnu) li jaqsam jew jifrex minn naħa għall-oħra ta’ fruntiera bejn Stati Membri, jew bejn Stat Membru u pajjiż terz sat-territorju tal-Istati Membri jew il-baħar territorjali ta’ dak l-Istat Membru;

vi)

kull tagħmir jew installazzjoni essenzjali biex is-sistema tal-idroġenu topera b’sikurezza, sigurtà u effiċjenza jew li jippermettu kapaċità bidirezzjonali, inklużi stazzjonijiet tal-kumpressuri;

d)

fir-rigward tad-diossidu tal-karbonju (29):

i)

pipelines, għajr networks ta’ pipelines upstream, użati għat-trasport tad-diossidu tal-karbonju minn aktar minn sors wieħed, jiġifieri installazzjonijiet industrijali (inkluż impjanti tal-enerġija) li jipproduċu gass tad-diossidu tal-karbonju mill-kombustjoni jew reazzjonijiet kimiċi oħra li jinvolvu komposti fossili jew mhux fossili li fihom il-karbonju, għall-fini ta’ ħżin ġeoloġiku permanenti tad-diossidu tal-karbonju skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (30) jew għall-fini li d-diossidu tal-karbonju jintuża bħala materja prima jew biex itejjeb ir-rendimenti tal-proċessi bijoloġiċi;

ii)

faċilitajiet għal-likwefazzjoni u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju bil-ħsieb tat-trasport jew il-ħżin tiegħu;

iii)

infrastruttura ġo formazzjoni ġeoloġika li tintuża għall-ħżin ġeoloġiku permanenti tad-diossidu tal-karbonju skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/31/KE u l-faċilitajiet assoċjati tal-wiċċ u tal-injezzjoni;

iv)

kwalunkwe tagħmir jew installazzjoni essenzjali biex is-sistema inkwistjoni topera b’mod xieraq, sigur u effiċjenti, inklużi s-sistemi tal-protezzjoni, il-monitoraġġ u l-kontroll. Dan jista’ jinkludi assi mobbli ddedikati għat-trasport u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju, dment li dawn l-assi mobbli jissodisfaw id-definizzjoni ta’ vettura nadifa;

e)

infrastruttura li tintuża għat-trażmissjoni jew id-distribuzzjoni ta’ enerġija termali fil-forma ta’ fwar, misħun jew likwidi mkessħa minn produtturi/utenti multipli, abbażi tal-użu ta’ enerġija rinnovabbli jew sħana mormija minn applikazzjonijiet industrijali;

f)

proġetti ta’ interess komuni kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (4) tar-Regolament (UE) 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31) u msemmi fl-Artikolu 171 tat-Trattat;

g)

kategoriji oħra ta’ infrastruttura, li jikkonċernaw infrastruttura li tippermetti konnessjoni fiżika jew mingħajr fili ta’ enerġija rinnovabbli jew enerġija ħielsa mil-karbonju bejn il-produtturi u l-utenti minn punti ta’ aċċess u ta’ ħruġ multipli u li huma miftuħa għal aċċess minn partijiet terzi li ma jappartjenux għall-impriżi tas-sid/tal-maniġer tal-infrastruttura;

37)

“rendiment fl-użu tal-enerġija” tfisser rendiment fl-użu tal-enerġija ta’ bini kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (4), tad-Direttiva 2010/31/UE;

38)

“iffrankar tal-enerġija” tfisser iffrankar tal-enerġija kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (5), tad-Direttiva 2012/27/UE;

39)

“ħarsien tal-ambjent” tfisser kwalunkwe azzjoni jew attività mfassla biex jirrimedjaw jew biex jipprevjenu li jkun hemm tniġġis, impatti ambjentali negattivi jew issir ħsara oħra fuq l-ambjent fiżiku (inkluż l-arja, l-ilma u l-ħamrija), fuq l-ekosistemi jew fuq ir-riżorsi naturali mill-attivitajiet tal-bniedem, inkluż biex ittaffi t-tibdil fil-klima, biex tnaqqas ir-riskju ta’ tali ħsara, biex tħares u tirrestawra l-bijodiversità jew biex twassal għal użu aktar effiċjenti tar-riżorsi naturali, inklużi miżuri li jiffrankaw l-enerġija u l-użu ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli u tekniki oħra li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u sustanzi niġġiesa oħra, kif ukoll biex issir bidla lejn mudelli tal-ekonomija ċirkolari biex jitnaqqas l-użu ta’ materjal verġni u jiżdiedu l-effiċjenzi. Tkopri wkoll azzjonijiet li jsaħħu l-kapaċità ta’ adattament u jimminimizzaw il-vulnerabbiltà għall-impatti klimatiċi;

40)

“taxxa ambjentali jew imposta parafiskali” tfisser taxxa jew imposta applikata fuq bażi taxxabbli, prodotti jew servizzi speċifiċi li jkollhom effett negattiv ċar fuq l-ambjent jew li tfittex li tpoġġi imposta fuq ċerti attivitajiet, oġġetti jew servizzi biex il-kostijiet ambjentali jkunu jistgħu jiġu inklużi fil-prezz tagħhom jew biex il-produtturi u l-konsumaturi jkunu orjentati lejn attivitajiet li jirrispettaw aktar l-ambjent;

41)

“pjan ta’ evalwazzjoni” tfisser dokument li jkopri skema ta’ għajnuna waħda jew aktar u li fih mill-inqas l-aspetti minimi li ġejjin:

a)

l-objettivi li għandhom jiġu evalwati,

b)

il-mistoqsijiet tal-evalwazzjoni,

c)

l-indikaturi tar-riżultat,

d)

il-metodu previst biex titwettaq l-evalwazzjoni,

e)

ir-rekwiżiti tal-ġbir ta’ data

f)

it-twaqqit previst tal-evalwazzjoni inkluża d-data tal-preżentazzjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni interim u finali,

g)

id-deskrizzjoni tal-korp indipendenti li se jwettaq l-evalwazzjoni jew il-kriterji li se jintużaw għall-għażla u l-modalitajiet biex l-evalwazzjoni ssir disponibbli għall-pubbliku;

42)

“skema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur” tfisser skema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur kif definit fl-Artikolu 2, il-punt 21, tad-Direttiva 2008/98/KE;

43)

“ġeneratur” tfisser impriża li tipproduċi potenza elettrika għal skopijiet kummerċjali;

44)

“gass serra” tfisser kull gass li jikkontribwixxi għall-effett serra billi jassorbi r-radjazzjoni infraħamra, inkluż id-diossidu tal-karbonju, il-metan, l-ossidu nitruż u gassijiet fluworinati bħall-idrofluworokarburi;

45)

“koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja” tfisser koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (34), tad-Direttiva 2012/27/UE;

46)

“operatur ta’ network tal-idroġenu” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li twettaq il-funzjoni ta’ trasport tan-network tal-idroġenu u li tkun responsabbli għall-operazzjoni tan-network tal-idroġenu f’żona partikolari, għall-iżgurar tal-manutenzjoni tiegħu u, jekk meħtieġ, għall-iżvilupp tiegħu u, fejn applikabbli, għall-interkonnessjonijiet tiegħu ma’ networks tal-idroġenu oħra, u għall-iżgurar tal-kapaċità fit-tul tas-sistema biex tissodisfa domandi raġonevoli għat-trasport tal-idroġenu;

47)

“żbilanċ” tfisser żbilanċ kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (8), tar-Regolament (UE) 2017/2195;

48)

“issetiljar tal-iżbilanċ” tfisser issetiljar tal-iżbilanċ kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (9), tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2195;

49)

“perjodu ta’ saldu tal-iżbilanċ” tfisser perjodu ta’ saldu tal-iżbilanċ kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (15), tar-Regolament (UE) 2019/943;

50)

“għajnuna individwali” tfisser għajnuna ad hoc u allokazzjonijiet notifikabbli ta’ għajnuna abbażi ta’ skema ta’ għajnuna;

51)

“skema ta’ interrompibbiltà” tfisser miżura għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku mfassla biex tiżgura frekwenza stabbli fis-sistema tal-elettriku jew tindirizza problemi fit-terminu qasir ta’ sigurtà tal-provvista, fosthom billi tinterrompi l-karga;

52)

“mikrointrapriża” tfisser impriża li tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-mikrointrapriżi stipulati fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tal-intrapriżi mikro, żgħar u medji (32);

53)

“soluzzjoni bbażata fuq in-natura” tfisser soluzzjoni li hija ispirata u appoġġata min-natura, li hija kosteffettiva, li tipprovdi benefiċċji ambjentali, soċjali u ekonomiċi fl-istess ħin u tgħin biex tibni r-reżiljenza, u li ġġib magħha aktar natura u karatteristiċi u proċessi naturali aktar diversi fl-ibliet, fil-pajsaġġi tal-art u tal-baħar, permezz ta’ interventi adattati lokalment, effiċjenti fir-riżorsi u sistemiċi;

54)

“miżura ta’ konġestjoni tan-network” tfisser miżura għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku mfassla biex tikkumpensa għal insuffiċjenza fit-trażmissjoni tal-elettriku jew fin-network tad-distribuzzjoni;

55)

“sustanza niġġiesa” tfisser sustanza niġġiesa kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (10), tar-Regolament (UE) 2020/852;

56)

“min iniġġes” tfisser min iniġġes kif definit fl-Anness, il-punt 3 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 75/436/Euratom, KEFA, KEE (33);

57)

“tniġġis” tfisser tniġġis kif definit fl-Artikolu 3, il-punt 2, tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (34);

58)

“il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas” tfisser li l-kostijiet tal-miżuri li jindirizzaw it-tniġġis għandu jġarrabhom min iniġġes;

59)

“preparazzjoni għal użu mill-ġdid” tfisser preparazzjoni għal użu mill-ġdid kif definit fl-Artikolu 3, il-punt 16, tad-Direttiva 2008/98/KE;

60)

“infrastruttura tal-iċċarġjar” tfisser infrastruttura fissa jew mobbli li tforni l-elettriku lil vetturi nodfa jew lil tagħmir mobbli nadif għas-servizzi;

61)

“irkupru” tfisser irkupru kif definit fl-Artikolu 3, il-punt 15, tad-Direttiva 2008/98/KE;

62)

“riċiklaġġ” tfisser riċiklaġġ kif definit fl-Artikolu 3, il-punt 17, tad-Direttiva 2008/98/KE;

63)

“proġett ta’ referenza” tfisser eżempju ta’ proġett li jirrappreżenta l-proġett tipiku f’kategorija ta’ benefiċjarji eliġibbli għal skema ta’ għajnuna;

64)

“infrastruttura tar-riforniment tal-karburant” tfisser infrastruttura fissa jew mobbli għall-forniment ta’ idroġenu, gass naturali, f’forma gassuża (gass naturali kkompressat (CNG, compressed natural gas) u f’forma likwida (gass naturali likwifikat (LNG, liquefied natural gas), bijogass u bijokarburanti inkluż bijokarburanti avvanzati, jew karburanti sintetiċi prodotti minn enerġija rinnovabbli jew b’livell baxx ta’ karbonju;

65)

“riabilitazzjoni” tfisser azzjonijiet ta’ ġestjoni ambjentali li għandhom l-għan li jerġgħu jistabbilixxu livell ta’ funzjonament tal-ekosistema f’siti degradati, fejn l-għan ikun l-għoti kontinwu ta’ servizzi tal-ekosistema minflok il-bijodiversità u l-integrità ta’ ekosistema ta’ referenza naturali jew seminaturali deżinjata;

66)

“rimedju” tfisser azzjonijiet ta’ ġestjoni ambjentali, bħat-tneħħija jew id-detossifikazzjoni ta’ oġġetti kkontaminati jew ta’ nutrijenti eċċessivi mill-ħamrija u mill-ilma, li għandha l-għan li tneħħi s-sorsi tad-degradazzjoni;

67)

“elettriku rinnovabbli” tfisser elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

68)

“komunità tal-enerġija rinnovabbli” tfisser komunità tal-enerġija rinnovabbli kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (16), tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

69)

“enerġija rinnovabbli” tfisser enerġija minn sorsi rinnovabbli jew enerġija rinnovabbli kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

70)

“idroġenu rinnovabbli” tfisser idroġenu prodott minn enerġija rinnovabbli f’konformità mal-metodoloġiji stabbiliti għal karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika fid-Direttiva (UE) 2018/2001;

71)

“karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika” tfisser karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (36), tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

72)

“adegwatezza tar-riżorsi” tfisser livell ta’ kapaċità ġenerata li huwa meqjus bħala adegwat biex jakkomoda l-livelli tad-domanda f’żona tal-offerti fi kwalunkwe perjodu partikolari, abbażi tal-użu ta’ indikatur statistiku konvenzjonali użat minn organizzazzjonijiet rikonoxxuti mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni bħala li jwettqu rwol essenzjali fil-ħolqien ta’ suq uniku fil-qasam tal-elettriku, pereżempju n-Network Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSO-E, European Network of Transmission System Operators for Electricity);

73)

“effiċjenza fir-riżorsi” tfisser it-tnaqqis fil-kwantità ta’ inputs meħtieġa biex tiġi prodotta unità ta’ output jew is-sostituzzjoni ta’ inputs primarji b’inputs sekondarji;

74)

“restawr” tfisser il-proċess ta’ assistenza għall-irkupru ta’ ekosistema bħala mezz ta’ konservazzjoni tal-bijodiversità u żieda fir-reżiljenza tal-ekosistema, partikolarment għat-tibdil fil-klima. Ir-restawr tal-ekosistemi jinkludi miżuri li jittieħdu għat-titjib tal-kundizzjoni ta’ ekosistema u l-ħolqien mill-ġdid jew l-istabbiliment mill-ġdid ta’ ekosistema fejn dik il-kundizzjoni tkun intilfet u t-titjib tar-reżiljenza u l-adattament għat-tibdil fil-klima tal-ekosistemi;

75)

“użu mill-ġdid” tfisser użu mill-ġdid kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (13), tad-Direttiva 2008/98/KE, u tinkludi kwalunkwe operazzjoni li permezz tagħha l-prodotti jew il-komponenti li ma jkunux skart jerġgħu jintużaw għal finijiet oħra għajr dawk li għalihom ikunu maħsuba;

76)

“intrapriża żgħira” tfisser impriża li tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati għall-intrapriżi żgħar stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tal-intrapriżi mikro, żgħar u medji;

77)

“intrapriża żgħira u medja” (SME, small and medium-sized enterprise), tfisser impriża li tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tal-intrapriżi mikro, żgħar u medji;

78)

“kumpanija b’kapitalizzazzjoni medja żgħira” tfisser impriża li mhijiex SME u li l-għadd ta’ impjegati tagħha ma jaqbiżx l-499, ikkalkulat f’konformità mal-Artikoli 3 sa 6 tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 (35), u li l-fatturat annwali tagħha ma jaqbiżx il-EUR 100 miljun jew li l-karta tal-bilanċ annwali tagħha ma taqbiżx is-EUR 86 miljun. Diversi entitajiet jitqiesu bħala impriża waħda jekk tiġi ssodisfata kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 3, il-punt (3), tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 651/2014;

79)

“irriċarġjar intelliġenti” tfisser operazzjoni ta’ rriċarġjar li fiha l-intensità tal-elettriku li jasal fil-batterija tiġi aġġustata f’ħin reali, abbażi ta’ informazzjoni riċevuta permezz ta’ komunikazzjoni elettronika;

80)

“potenzjal ta’ intelliġenza” tfisser il-kapaċità tal-bini jew tal-unitajiet tal-bini li jadattaw l-operat tagħhom għall-ħtiġijiet tal-okkupant, inkluż l-ottimizzazzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija u r-rendiment ġenerali, u li jadattaw l-operat tagħhom b’rispons għas-sinjali mill-grilja;

81)

“responsabbiltajiet standard għall-ibbilanċjar” tfisser responsabbiltajiet għall-ibbilanċjar mhux diskriminatorji bejn it-teknoloġiji li ma jeżentaw l-ebda ġeneratur mir-responsabbiltà għall-ibbilanċjar, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/943;

82)

“bidu tax-xogħlijiet” tfisser l-ewwel impenn sod (pereżempju biex jiġi ordnat tagħmir jew tinbeda l-kostruzzjoni) li jagħmel l-investiment irriversibbli. Ix-xiri ta’ art u xogħlijiet preparatorji, bħall-kisba ta’ permessi u t-twettiq ta’ studji preliminari dwar il-fattibbiltà, mhumiex meqjusa bħala bidu tax-xogħlijiet. Fil-każ ta’ akkwiżizzjonijiet, il-“bidu tax-xogħlijiet” tfisser il-mument tal-akkwiżizzjoni tal-assi direttament marbuta mal-istabbiliment akkwistat;

83)

“riżerva strateġika” tfisser mekkaniżmu ta’ kapaċità li fih il-kapaċità tal-elettriku, bħall-ġenerazzjoni, il-ħażna jew ir-rispons tad-domanda, tinżamm barra mis-suq tal-elettriku u li tiġi skjerata biss f’ċirkustanzi speċifiċi;

84)

“kost totali tas-sjieda” tfisser il-kost totali tal-akkwiżizzjoni u s-sjieda ta’ vettura tul ħajjitha, inkluż il-kostijiet tal-akkwiżizzjoni jew tal-lokazzjoni tal-vettura, il-kostijiet tal-karburant, il-kostijiet tal-manutenzjoni u tat-tiswija, il-kostijiet tal-assigurazzjoni, il-kostijiet finanzjarji, u t-taxxi;

85)

“operatur tas-sistema tat-trażmissjoni” (TSO, transmission system operator) tfisser operatur tas-sistema tat-trażmissjoni kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (35), tad-Direttiva (UE) 2019/944;

86)

“vettura” tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

a)

vettura tat-triq tal-kategorija M1, M2, N1, M3, N2, N3 jew L;

b)

bastiment għat-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija fuq ilma intern jew bil-baħar u fuq ilma kostali;

c)

vettura ferrovjarja;

d)

inġenju tal-ajru;

87)

“trattament” tfisser trattament kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (14), tad-Direttiva 2008/98/KE;

88)

“livell minimu ta’ tassazzjoni tal-Unjoni” tfisser il-livell minimu ta’ tassazzjoni previst fid-dritt tal-Unjoni; fir-rigward tal-prodotti tal-enerġija u l-elettriku, din tfisser il-livell minimu ta’ tassazzjoni stipulat fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE (36);

89)

“standard tal-Unjoni” tfisser:

a)

standard obbligatorju tal-Unjoni li jiffissa l-livelli li għandhom jintlaħqu f’termini ambjentali minn impriżi individwali, esklużi standards jew miri stabbiliti fil-livell tal-Unjoni li huma vinkolanti għall-Istati Membri iżda mhux għall-impriżi individwali;

b)

l-obbligu li jintużaw l-aqwa tekniki disponibbli (BAT, best available techniques), kif definit fid-Direttiva 2010/75/UE, u li jiġi żgurat li l-livelli ta’ emissjonijiet ma jkunux ogħla minn dawk li kienu jintlaħqu bl-applikazzjoni tal-BAT; għall-każijiet fejn il-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-BAT (37) ikunu ġew definiti f’atti ta’ implimentazzjoni adottati skont id-Direttiva 2010/75/UE jew skont direttivi oħra applikabbli, dawk il-livelli se jkunu applikabbli għall-fini ta’ dawn il-linji gwida; jekk dawn il-livelli jkunu espressi bħala firxa, ikun applikabbli l-limitu fejn il-BAT jintlaħqu l-ewwel għall-impriża kkonċernata;

90)

“skart” tfisser skart kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (1), tad-Direttiva 2008/98/KE;

91)

“sħana mormija” tfisser sħana mormija kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (9), tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

3.   VALUTAZZJONI TAL-KOMPATIBBILTÀ SKONT L-ARTIKOLU 107(3), IL-PUNT (C), TAT-TRATTAT

20.

Dawn il-linji gwida jistipulaw il-kriterji għall-kompatibbiltà, skont l-Artikolu 107(3), il-punt (c), tat-Trattat, tal-miżuri ta’ għajnuna għall-ħarsien tal-ambjent, inkluża l-protezzjoni klimatika, u l-objettivi tal-enerġija li huma soġġetti għar-rekwiżit ta’ notifika fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

21.

Abbażi tal-Artikolu 107(3), il-punt (c), tat-Trattat, il-Kummissjoni tista’ tqis kompatibbli mas-suq intern l-għajnuna mill-Istat li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi fl-Unjoni (kundizzjoni pożittiva), basta din l-għajnuna ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni (kundizzjoni negattiva).

22.

Meta tivvaluta jekk il-ħarsien tal-ambjent u l-għajnuna għall-enerġija jistgħux jitqiesu kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3), il-punt (c) tat-Trattat, il-Kummissjoni se tanalizza l-aspetti li ġejjin:

a)

fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni (pożittiva), li l-għajnuna tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attività ekonomika:

i)

l-identifikazzjoni tal-attività ekonomika li qed tiġi ffaċilitata bil-miżura, l-effetti pożittivi tagħha għas-soċjetà inġenerali u, fejn applikabbli, ir-rilevanza tagħha għal politiki speċifiċi tal-Unjoni (ara t-Taqsima 3.1.1);

ii)

l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna (ara t-Taqsima 3.1.2);

iii)

in-nuqqas ta’ ksur ta’ kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni (ara t-Taqsima 3.1.3).

b)

fir-rigward tat-tieni kundizzjoni (negattiva), li l-għajnuna ma taffettwax bla bżonn il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni:

i)

il-ħtieġa għal intervent mill-Istat (ara t-Taqsima 3.2.1.1);

ii)

l-adegwatezza tal-għajnuna (ara t-Taqsima (3.2.1.2);

iii)

il-proporzjonalità tal-għajnuna (l-għajnuna limitata għall-minimu meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv tagħha) inkluża l-akkumulazzjoni (it-Taqsima 3.2.1.3);

iv)

it-trasparenza tal-għajnuna (ara t-Taqsima 3.2.1.4);

v)

l-evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ (ara t-Taqsima 3.2.2);

vi)

l-evalwazzjoni tal-effetti pożittivi u negattivi tal-għajnuna (ara t-Taqsima 3.3).

3.1   Kundizzjoni pożittiva: l-għajnuna trid tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attività ekonomika

3.1.1   Identifikazzjoni tal-attività ekonomika li qed tiġi ffaċilitata mill-miżura, l-effetti pożittivi tagħha għas-soċjetà inġenerali u, fejn applikabbli, ir-rilevanza tagħha għal politiki speċifiċi tal-Unjoni

23.

Meta jinnotifikaw l-għajnuna, l-Istati Membri jridu jidentifikaw l-attivitajiet ekonomiċi li se jiġu ffaċilitati b’riżultat tal-għajnuna u kif l-iżvilupp ta’ dawk l-attivitajiet se jiġu appoġġati.

24.

L-għajnuna biex jiġu evitati jew jitnaqqsu l-effetti negattivi tal-attivitajiet ekonomiċi fuq il-klima jew l-ambjent tista’ tiffaċilita l-iżvilupp tal-attivitajiet ekonomiċi billi żżid is-sostenibbiltà tal-attività ekonomika kkonċernata. L-għajnuna tista’ wkoll tiżgura li l-attività tista’ tkompli fil-futur mingħajr ma toħloq ħsara sproporzjonata lill-ambjent u billi tappoġġa l-ħolqien ta’ attivitajiet u servizzi ekonomiċi ġodda (li jappoġġaw l-iżvilupp tal-hekk imsejħa “ekonomija ekoloġika”).

25.

L-Istati Membri jridu jiddeskrivu wkoll jekk l-għajnuna hix se tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-politika dwar it-tibdil fil-klima, il-politika ambjentali u l-politika dwar l-enerġija tal-Unjoni u, aktar speċifikament, il-benefiċċji mistennija tal-għajnuna f’termini tal-kontribuzzjoni materjali tagħha għall-ħarsien tal-ambjent, inkluża l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, jew il-funzjonament effiċjenti tas-suq intern tal-enerġija, u kif se tagħmel dan.

3.1.2   Effett ta’ inċentiv

26.

L-għajnuna tista’ titqies li tiffaċilita attività ekonomika biss jekk ikollha effett ta’ inċentiv. Effett ta’ inċentiv iseħħ meta l-għajnuna ġġiegħel lill-benefiċjarju jibdel l-imġiba tiegħu, jinvolvi ruħu f’attività ekonomika addizzjonali jew f’attività ekonomika aktar ekoloġika, li kieku ma kienx iwettaq mingħajr l-għajnuna jew kien iwettaqha b’mod ristrett jew differenti.

27.

L-għajnuna ma tridx tappoġġa l-kostijiet ta’ attività li l-benefiċjarju tal-għajnuna xorta kien se jwettaq u ma tridx tikkumpensa għar-riskju normali tan-negozju ta’ attività ekonomika (38).

28.

Il-prova ta’ effett ta’ inċentiv tinkludi l-identifikazzjoni tax-xenarju fattwali u x-xenarju kontrofattwali probabbli fin-nuqqas ta’ għajnuna (39). Il-Kummissjoni se teżamina dan abbażi tal-kwantifikazzjoni msemmija fit-Taqsima 3.2.1.3.

29.

Il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna ma għandhiex effett ta’ inċentiv għall-benefiċjarju fil-każijiet fejn ix-xogħlijiet fuq il-proġett jew l-attività seħħew qabel ma l-benefiċjarju jkun bagħat applikazzjoni għall-għajnuna bil-miktub lill-awtoritajiet nazzjonali. F’każijiet fejn il-benefiċjarju jkun beda jimplimenta proġett qabel ma japplika għall-għajnuna, kwalunkwe għajnuna mogħtija fir-rigward ta’ dak il-proġett, fil-prinċipju, ma tiġix ikkunsidrata kompatibbli mas-suq intern.

30.

L-applikazzjoni għall-għajnuna tista’ tieħu diversi forom inkluż, pereżempju, offerta fi proċedura kompetittiva ta’ offerti. Kull applikazzjoni trid tinkludi mill-inqas isem l-applikant, deskrizzjoni tal-proġett jew tal-attività, inkluż il-post, u l-ammont tal-għajnuna meħtieġ għat-twettiq.

31.

F’ċerti każijiet eċċezzjonali, l-għajnuna jista’ jkollha effett ta’ inċentiv saħansitra għall-proġetti li jkunu bdew qabel l-applikazzjoni għall-għajnuna. B’mod partikolari, l-għajnuna titqies li jkollha effett ta’ inċentiv f’dawn is-sitwazzjonijiet:

a)

l-għajnuna tingħata awtomatikament f’konformità ma’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji u mingħajr eżerċizzju ulterjuri ta’ diskrezzjoni mill-Istat Membru, u l-miżura tkun ġiet adottata u tkun fis-seħħ qabel ma jkun beda x-xogħol fuq il-proġett jew l-attività megħjuna, ħlief fil-każ ta’ skemi fiskali suċċessivi, fejn l-attività tkun diġà ġiet koperta mill-iskemi preċedenti fil-forma ta’ benefiċċji fuq it-taxxa;

b)

qabel il-bidu tax-xogħlijiet, l-awtoritajiet nazzjonali jkunu ppubblikaw avviż bl-intenzjoni tagħhom li jistabbilixxu l-miżura ta’ għajnuna proposta, bil-kundizzjoni li l-Kummissjoni tapprova l-miżura kif meħtieġ bl-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Dan l-avviż irid ikun disponibbli fuq sit web pubbliku jew mezz tal-informazzjoni ieħor aċċessibbli pubblikament b’aċċess mifrux u faċli u jiddikjara b’mod ċar it-tip ta’ proġetti li l-Istat Membru jipproponi li jkunu eliġibbli u l-punt fiż-żmien li minnu l-Istat Membru beħsiebu jqis tali proġetti eliġibbli. L-eliġibbiltà proposta ma tridx tkun limitata bla bżonn. Il-benefiċjarju jrid ikun informa lill-awtorità awtorizzanti qabel il-bidu tax-xogħlijiet li l-miżura ta’ għajnuna proposta kienet ikkunsidrata bħala kundizzjoni għad-deċiżjonijiet ta’ investiment li ttieħdu. Meta jkun jiddependi fuq dan l-avviż biex juri effett ta’ inċentiv, bħala parti min-notifika tiegħu dwar l-għajnuna mill-Istat, l-Istat Membru jrid jipprovdi kopja tal-avviż u link għas-sit web li fuqu jkun ġie ppubblikat jew prova rispettiva tad-disponibbiltà tiegħu għall-pubbliku;

c)

l-għajnuna operatorja mogħtija lill-installazzjonijiet eżistenti għal produzzjoni ekoloġika fejn ma jkun hemm l-ebda “bidu tax-xogħlijiet” għax ma jkun hemm l-ebda investiment ġdid sinifikanti. F’dawn il-każijiet, l-effett ta’ inċentiv jista’ jintwera b’bidla biex l-installazzjoni topera b’mod ekoloġiku minflok topera b’mod alternattiv li jkun irħas u inqas ekoloġiku.

32.

Il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna mogħtija sempliċiment biex wieħed ikopri l-kost li jadatta għall-istandards tal-Unjoni, fil-prinċipju, ma għandha l-ebda effett ta’ inċentiv. Bħala regola ġenerali, l-għajnuna li tmur lil hinn mill-istandards tal-Unjoni biss jista’ jkollha effett ta’ inċentiv. Madankollu, f’każijiet fejn l-istandard rilevanti tal-Unjoni jkun diġà ġie adottat iżda jkun għadu mhux fis-seħħ, l-għajnuna jista’ jkollha effett ta’ inċentiv jekk tinċentiva l-investiment biex jiġi implimentat u ffinalizzat mill-inqas 18-il xahar qabel ma l-istandard jidħol fis-seħħ, sakemm ma jkunx indikat mod ieħor fit-Taqsimiet minn 4.1 sa 4.13. Sabiex l-Istati Membri ma jiġux skoraġġuti milli jistabbilixxu standards nazzjonali obbligatorji li jkunu aktar stretti jew ambizzjużi mill-istandards korrispondenti tal-Unjoni, il-miżuri ta’ għajnuna jista’ jkollhom effett ta’ inċentiv irrispettivament mill-preżenza ta’ dawn l-istandards nazzjonali. L-istess jgħodd għall-għajnuna mogħtija fil-preżenza ta’ standards nazzjonali obbligatorji adottati fin-nuqqas ta’ standards tal-Unjoni.

3.1.3   Ebda ksur ta’ ebda dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni

33.

Jekk l-attività appoġġata, jew il-miżura ta’ għajnuna jew il-kundizzjonijiet marbuta magħha, inkluż il-metodu tal-finanzjament tagħha meta dan ikun jifforma parti integrali mill-miżura, jinkludu ksur tad-dritt rilevanti tal-Unjoni, l-għajnuna ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta l-għajnuna tkun soġġetta għal klawżoli li jikkondizzjonawha direttament jew indirettament fuq l-oriġini tal-prodotti jew tat-tagħmir, bħar-rekwiżiti biex il-benefiċjarju jixtri prodotti manifatturati domestikament.

3.2   Kundizzjoni negattiva: il-miżura ta’ għajnuna ma tridx tfixkel bla bżonn il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jkun kontra l-interess komuni

3.2.1   Minimizzazzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ

3.2.1.1   Ħtieġa ta’ għajnuna

34.

Il-miżura ta’ għajnuna mill-Istat proposta trid tkun immirata lejn sitwazzjoni fejn tkun tista’ twassal għal żvilupp materjali li s-suq waħdu ma jistax iwettaq, pereżempju billi tirrimedja l-fallimenti tas-suq fir-rigward tal-proġetti jew l-attivitajiet li tkun qed tingħata l-għajnuna għalihom. Filwaqt li huwa ġeneralment aċċettat li swieq kompetittivi għandhom it-tendenza li jwasslu għal riżultati effiċjenti f’termini tal-iżvilupp tal-attivitajiet ekonomiċi, il-prezzijiet, l-output u l-użu tar-riżorsi, fil-preżenza ta’ fallimenti tas-suq, l-intervent pubbliku fil-forma ta’ għajnuna mill-Istat jista’ jtejjeb il-funzjonament effiċjenti tas-swieq u b’hekk jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ attività ekonomika sa fejn is-suq waħdu jonqos milli jagħti riżultat effiċjenti. L-Istat Membru għandu jidentifika l-fallimenti tas-suq li jipprevjenu li jintlaħaq livell suffiċjenti ta’ ħarsien tal-ambjent jew suq intern tal-enerġija effiċjenti. Il-fallimenti tas-suq ewlenin marbuta mal-ħarsien tal-ambjent u mal-enerġija li jistgħu jipprevjenu r-riżultat ottimu u li jistgħu jwasslu għal riżultat ineffiċjenti huma:

a)

Esternalitajiet negattivi: dawn huma l-aktar komuni għall-miżuri ta’ għajnuna ambjentali u jinħolqu meta t-tniġġis ma jkunx ipprezzat b’mod adegwat, jiġifieri l-impriża kkonċernata ma tiffaċċjax il-kost kollu tat-tniġġis. F’dan il-każ, l-impriżi li jaġixxu fl-interess tagħhom stess jista’ ma jkollhomx biżżejjed inċentivi biex jikkunsidraw l-esternalitajiet negattivi li jirriżultaw mill-attività ekonomika tagħhom, la meta jiddeċiedu fuq teknoloġija partikolari u lanqas meta jiddeċiedu dwar il-livell tal-output. Fi kliem ieħor, il-kostijiet li ġġarrab l-impriża ma jirriflettux kompletament il-kostijiet li jġarrbu l-konsumaturi u s-soċjetà inġenerali. Għaldaqstant, l-impriżi tipikament ma għandhomx biżżejjed inċentivi biex inaqqsu l-livell ta’ tniġġis tagħhom jew biex jieħdu miżuri individwali biex iħarsu l-ambjent.

b)

Esternalitajiet pożittivi: il-fatt li parti mill-benefiċċju minn investiment jinġema’ għall-parteċipanti fis-suq għajr għall-investitur jista’ jwassal lill-impriżi biex ma jinvestux biżżejjed. Esternalitajiet pożittivi jistgħu jseħħu, pereżempju, fil-każ ta’ investimenti fl-ekoinnovazzjoni, l-istabbiltà tas-sistema, teknoloġiji rinnovabbli ġodda u innovattivi u miżuri innovattivi ta’ rispons għad-domanda jew fil-każ tal-infrastrutturi tal-enerġija jew ta’ miżuri ta’ sigurtà tal-provvista tal-elettriku li jkunu ta’ benefiċċju għal ħafna Stati Membri jew għadd ikbar ta’ konsumaturi.

c)

Informazzjoni asimmetrika: din tipikament tirriżulta fi swieq fejn ikun hemm diskrepanza bejn l-informazzjoni disponibbli għal naħa waħda tas-suq u l-informazzjoni disponibbli għan-naħa l-oħra tas-suq. Dan jista’ jseħħ, pereżempju, fejn l-investituri finanzjarji esterni jkollhom nuqqas ta’ informazzjoni dwar ir-redditi u r-riskji possibbli ta’proġett. Tista’ tiġri wkoll f’kollaborazzjoni infrastrutturali transfruntiera meta parti waħda jkollha żvantaġġ ta’ informazzjoni meta mqabbla mal-parti l-oħra. Għalkemm ir-riskju jew l-inċertezza fihom infushom ma jwasslux għall-preżenza ta’ falliment tas-suq, il-problema tal-informazzjoni asimmetrika hija marbuta mal-grad ta’ tali riskju u inċertezza. It-tnejn li huma għandhom it-tendenza li jkunu ogħla għal investimenti ambjentali li tipikament ikollhom perjodu itwal tal-amortizzament, u dan isaħħaħ l-iffukar fuq perspettiva ta’ żmien qasira li jista’ jiġi aggravat permezz ta’ kundizzjonijiet ta’ finanzjament għal tali investimenti b’mod partikolari għall-SMEs.

d)

Nuqqasijiet fil-koordinazzjoni: dawn jistgħu jipprevjenu l-iżvilupp ta’ proġett jew it-tfassil effettiv tiegħu minħabba l-interessi u l-inċentivi diverġenti fost l-investituri, l-hekk imsejħa “inċentivi opposti”, il-kostijiet tal-ikkuntrattar jew l-arranġamenti ta’ assigurazzjoni għar-responsabiltà, l-inċertezza dwar ir-riżultat kollaborattiv u l-effetti tan-network, pereżempju provvista tal-elettriku mingħajr interruzzjoni. Dawn in-nuqqasijiet fil-koordinazzjoni jistgħu jitfaċċaw, pereżempju, fir-relazzjoni bejn sid u kerrej ta’ bini fir-rigward ta’ soluzzjonijiet effiċjenti fl-enerġija. In-nuqqasijiet ta’ koordinazzjoni jistgħu jkomplu jiggravaw minħabba problemi ta’ informazzjoni, b’mod partikolari dawk relatati ma’ informazzjoni asimmetrika. In-nuqqasijiet fil-koordinazzjoni jistgħu jinbtu wkoll mill-ħtieġa li tintlaħaq ċerta massa kritika qabel ma jsir kummerċjalment attraenti li jinbeda proġett, li jista’ jkun aspett partikolarment rilevanti fi proġetti infrastrutturali (transfruntiera).

35.

Madankollu, is-sempliċi eżistenza ta’ fallimenti tas-suq f’kuntest partikolari mhijiex biżżejjed biex tipprova l-ħtieġa ta’ għajnuna mill-Istat. Diġà jista’ jkun hemm politiki u miżuri oħra fis-seħħ biex jindirizzaw uħud mill-fallimenti tas-suq identifikati. Eżempji jinkludu regolamenti settorjali, standards obbligatorji tal-Unjoni dwar it-tniġġis, obbligi dwar il-provvista, mekkaniżmi ta’ prezzijiet bħas-Sistema tal-Unjoni għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS, Emissions Trading System) u taxxi fuq il-karbonju. Miżuri addizzjonali, inkluż l-għajnuna mill-Istat, jistgħu jiġu diretti biss lejn fallimenti tas-suq residwi, jiġifieri dawk li għadhom ma ġewx indirizzati minn politiki u miżuri oħra tali. Huwa importanti wkoll li jintwera kif l-għajnuna mill-Istat issaħħaħ politiki u miżuri oħra fis-seħħ li għandhom l-għan li jirrimedjaw l-istess fallimenti tas-suq. Għaldaqstant, huwa aktar diffiċli li turi li l-għajnuna mill-Istat hija meħtieġa jekk din tmur kontra politiki oħra mmirati lejn l-istess falliment tas-suq. Għaldaqstant, l-Istat Membru għandu jidentifika wkoll kwalunkwe politika u miżura li diġà timmira lejn il-fallimenti regolatorji jew tas-suq identifikati.

36.

Il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna hija meħtieġa jekk l-Istat Membru juri li din timmira b’mod effettiv lejn il-fallimenti fis-suq residwi, u tqis ukoll kwalunkwe politika u miżura oħra diġà fis-seħħ biex tindirizza wħud mill-fallimenti tas-suq identifikati.

37.

Meta l-għajnuna mill-Istat tingħata għal proġetti jew attivitajiet li, fir-rigward tal-kontenut teknoloġiku, tal-livell ta’ riskju u tad-daqs tagħhom, ikunu simili għal dawk li diġà qed jitwettqu bil-kundizzjonijiet tas-suq fl-Unjoni, fil-prinċipju, il-Kummissjoni tassumi li ma hemm l-ebda falliment tas-suq u titlob aktar evidenza biex turi l-ħtieġa ta’ għajnuna mill-Istat.

38.

Biex juri l-ħtieġa ta’ għajnuna, l-Istat Membru jrid juri li l-proġett, jew fil-każ ta’ skemi, il-proġett ta’ referenza, ma jitwettaqx mingħajr l-għajnuna. Il-Kummissjoni se tivvaluta dan abbażi tal-kwantifikazzjoni msemmija fit-Taqsima 3.2.1.3 jew analiżi speċifika bbażata fuq l-evidenza li l-Istat Membru jippreżenta biex juri l-ħtieġa ta’ għajnuna.

3.2.1.2   Adegwatezza

39.

Il-miżura ta’ għajnuna proposta trid tkun strument ta’ politika xieraq biex jintlaħaq l-objettiv maħsub tal-għajnuna, jiġifieri ma jridx ikun hemm politika u strument ta’ għajnuna li joħolqu inqas distorsjoni li kapaċi jiksbu l-istess riżultati.

3.2.1.2.1   Adegwatezza fost strumenti ta’ politika alternattivi

40.

L-għajnuna mill-Istat mhijiex l-uniku strument ta’ politika disponibbli biex l-Istati Membri jippromwovu livelli ogħla ta’ ħarsien tal-ambjent jew biex jiżguraw suq intern tal-enerġija effiċjenti. Jista’ jkun hemm strumenti oħra aktar xierqa disponibbli, bħal strumenti bbażati fuq is-suq jew miżuri fuq in-naħa tad-domanda li jinvolvu r-regolamentazzjoni, il-konformità mal-prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel” (40), l-akkwist pubbliku jew l-istandardizzazzjoni, kif ukoll żieda fil-finanzjament ta’ infrastruttura pubblika u miżuri fiskali ġenerali. Strumenti mhux vinkolanti, bħal ekotikketti volontarji u d-disseminazzjoni ta’ teknoloġiji ekoloġiċi, jista’ jkollhom rwol importanti wkoll biex jintlaħaq livell ogħla ta’ ħarsien tal-ambjent (41).

41.

Miżuri differenti biex jirrimedjaw l-istess falliment tas-suq jistgħu jmorru kontra xulxin. Dan hu l-każ fejn mekkaniżmu effiċjenti u bbażat fuq is-suq ġie stabbilit biex jindirizza speċifikament il-problema tal-esternalitajiet, bħal pereżempju l-ETS tal-Unjoni. Hemm riskju li miżura ta’ appoġġ addizzjonali biex tindirizza l-istess falliment tas-suq iddgħajjef l-effiċjenza tal-mekkaniżmu bbażat fuq is-suq. Għaldaqstant, meta skema ta’ għajnuna jkollha l-għan li tindirizza l-fallimenti tas-suq residwi, l-iskema ta’ għajnuna trid tkun imfassla b’tali mod li ma ddgħajjifx l-effiċjenza tal-mekkaniżmu bbażat fuq is-suq.

42.

Il-konformità mal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” permezz ta’ leġiżlazzjoni ambjentali għandha l-għan li tiżgura li falliment tas-suq marbut ma’ esternalitajiet negattivi jiġi rettifikat. Għaldaqstant, l-għajnuna mill-Istat mhijiex strument xieraq u ma tistax tingħata sakemm il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jkunx jista’ jinżamm responsabbli għat-tniġġis skont id-dritt nazzjonali jew tal-Unjoni eżistenti.

3.2.1.2.2   Adegwatezza fost strumenti differenti ta’ għajnuna

43.

L-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent u għall-enerġija tista’ tingħata f’diversi forom. Madankollu, l-Istat Membru għandu jiżgura li l-għajnuna tingħata fil-forma li tkun l-aktar probabbli li tiġġenera l-inqas distorsjoni fil-kummerċ u fil-kompetizzjoni.

44.

F’dan ir-rigward, l-Istat Membru huwa meħtieġ juri għaliex forom oħra ta’ għajnuna li potenzjalment jiġġeneraw inqas distorsjoni huma inqas adegwati, bħal: self bil-quddiem li jitħallas lura meta mqabbel ma’ għotjiet diretti; krediti ta’ taxxa meta mqabbel ma’ tnaqqis ta’ taxxa; jew forom oħra ta’ għajnuna li huma bbażati fuq strumenti finanzjarji, bħal dejn meta mqabbel ma’ strumenti ta’ ekwità, inkluż, pereżempju, self b’imgħax baxx jew tnaqqis tal-imgħax, garanziji tal-gvern, jew forniment ta’ finanzjament alternattiv b’termini favorevoli.

45.

L-għażla tal-istrument tal-għajnuna għandha tkun xierqa għall-falliment tas-suq li l-miżura tal-għajnuna għandha l-għan li tindirizza. Fejn id-dħul reali jkun inċert, pereżempju fil-każ tal-miżuri għall-iffrankar tal-enerġija, avvanz ripagabbli jista’ jikkostitwixxi l-aktar strument xieraq.

46.

L-Istat Membru jrid juri li l-għajnuna u t-tfassil tagħha huma xierqa biex jintlaħaq l-għan tal-miżura li lejha mmirata l-għajnuna.

3.2.1.3   Proporzjonalità

47.

L-għajnuna titqies bħala proporzjonata jekk l-ammont ta’ għajnuna għal kull benefiċjarju jkun limitat għall-minimu meħtieġ għat-twettiq tal-proġett jew l-attività megħjuna.

48.

Bħala prinċipju ġenerali, l-għajnuna titqies li tkun limitata għall-minimu meħtieġ għat-twettiq tal-proġett jew l-attività megħjuna jekk l-għajnuna tikkorrispondi għall-kost nett żejjed (“distakk fil-finanzjament”) meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv, imqabbel max-xenarju kontrofattwali fin-nuqqas tal-għajnuna. Il-kost nett żejjed jiġi ddeterminat bid-differenza bejn il-benefiċċji ekonomiċi u l-kostijiet (inklużi l-investiment u l-operazzjoni) tal-proġett megħjun u dawk tal-proġett alternattiv li l-benefiċjarju tal-għajnuna jkun kredibbilment wettaq fl-assenza tal-għajnuna.

49.

Ma tkunx meħtieġa valutazzjoni dettaljata ta’ dan il-kost żejjed nett jekk l-ammonti tal-għajnuna jiġu ddeterminati permezz ta’ proċedura kompetittiva ta’ offerti, minħabba li tipprovdi stima affidabbli tal-għajnuna minima meħtieġa mill-benefiċjarji potenzjali (42). Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-proporzjonalità tal-għajnuna tkun żgurata jekk jiġu ssodisfati l-kriterji li ġejjin:

a)

il-proċess ta’ offerti jkun kompetittiv, jiġifieri: ikun miftuħ, ċar, trasparenti u mhux diskriminatorju, ibbażat fuq kriterji oġġettivi, definiti ex ante skont l-objettiv tal-miżura u li jimminimizzaw ir-riskju ta’ offerti strateġiċi;

b)

il-kriterji jiġu ppubblikati biżżejjed qabel l-iskadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet biex tkun tista’ ssir kompetizzjoni effettiva (43);

c)

il-baġit jew il-volum relatat mal-proċess ta’ offerti huwa restrittiv fis-sens li jista’ jkun mistenni li mhux l-offerenti kollha jistgħu jirċievu l-għajnuna, l-għadd mistenni ta’ offerenti jkun biżżejjed biex tiġi żgurata kompetizzjoni effettiva, u d-disinn tal-proċessi ta’ offerti mhux sottoskritti biżżejjed tul l-implimentazzjoni ta’ skema jiġi kkoreġut biex irawwem il-kompetizzjoni effettiva fil-proċessi ta’ offerti jew, fin-nuqqas ta’ dan, malajr kemm ikun xieraq.

d)

aġġustamenti ex post għall-eżitu tal-proċess tal-offerti (bħal negozjati sussegwenti dwar ir-riżultati tal-offerti jew ir-razzjonar) jiġu evitati peress li jistgħu jimminaw l-effiċjenza tal-eżitu tal-proċess.

50.

Bħala regola ġenerali, il-kriterji tal-għażla użati biex jiġu klassifikati l-offerti u, fl-aħħar mill-aħħar, għall-allokazzjoni tal-għajnuna fil-proċess ta’ offerti kompetittivi għandhom iqiegħdu l-kontribut għall-objettivi ewlenin tal-miżura f’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ammont tal-għajnuna mitlub mill-applikant. Dan jista’ jiġi espress, pereżempju, f’termini ta’ għajnuna għal kull unità ta’ ħarsien tal-ambjent jew għajnuna għal kull unità ta’ enerġija (44). Jista’ jkun xieraq ukoll li jiġu inklużi kriterji oħra tal-għażla li mhumiex direttament jew indirettament relatati mal-objettivi ewlenin tal-miżura. F’każijiet bħal dawn, dawn il-kriterji l-oħra ma jistgħux jammontaw għal aktar minn 30 % tal-ponderazzjoni tal-kriterji tal-għażla kollha. L-Istat Membru jrid jipprovdi ġustifikazzjoni għall-approċċ propost u jiżgura li dan ikun xieraq għall-objettivi segwiti.

51.

Meta l-għajnuna ma tingħatax skont proċedura kompetittiva ta’ offerti, il-kost żejjed nett irid jiġi ddeterminat billi titqabbel il-profittabbiltà tax-xenarji fattwali u kontrofattwali. Sabiex jiġi determinat id-distakk fil-finanzjament f’każijiet bħal dawn, l-Istat Membru jrid jissottometti kwantifikazzjoni, għax-xenarju fattwali u kontrofattwali kredibbli, tal-kostijiet u d-dħul ewlenin kollha, il-kost medju ponderat stmat tal-kapital (WACC, weighted average cost of capital) tal-benefiċjarji biex jiġu skontati l-flussi tal-flus futuri, kif ukoll il-valur preżenti nett (NPV, net present value) għax-xenarji fattwali u kontrofattwali, tul il-ħajja tal-proġett. Il-Kummissjoni tivverifika jekk dan ix-xenarju kontrofattwali huwiex realistiku (45). L-Istat Membru jrid jipprovdi raġunijiet għas-suppożizzjonijiet użati għal kull aspett tal-kwantifikazzjoni, u jispjega u jiġġustifika kwalunkwe metodoloġiji applikati. Il-kost żejjed nett tipiku jista’ jiġi stmat bħala d-differenza bejn l-NPV għax-xenarju fattwali u għax-xenarju kontrofattwali tul il-ħajja tal-proġett ta’ referenza.

52.

Xenarju kontrofattwali jista’ jikkonsisti fil-benefiċjarju li ma jwettaqx attività jew investiment, jew ikompli n-negozju tiegħu mingħajr bidliet. Meta l-evidenza ssostni li dan huwa l-aktar xenarju kontrofattwali probabbli, il-kost żejjed nett jista’ jiġi approssimat mill-NPV negattiv tal-proġett fix-xenarju fattwali mingħajr għajnuna tul il-ħajja tal-proġett (għalhekk, b’mod impliċitu jassumi li l-NPV tax-xenarju kontrofattwali huwa żero) (46). B’mod partikolari, dan jista’ jkun il-każ għal proġetti ta’ infrastruttura.

53.

Għal każijiet ta’ għajnuna individwali u skemi li jibbenefikaw minnhom għadd partikolarment limitat ta’ benefiċjarji, huwa meħtieġ li l-kalkoli u l-projezzjonijiet fil-punt 51 jiġu ppreżentati fil-livell tal-pjan dettaljat tan-negozju tal-proġett, u għal skemi ta’ għajnuna abbażi ta’ proġett ta’ referenza wieħed jew aktar. Bl-istess mod, jekk japplika l-punt 52, huwa meħtieġ li l-evidenza ta’ appoġġ tiġi ppreżentata fil-livell tal-pjan dettaljat tan-negozju tal-proġett, u għal skemi ta’ għajnuna abbażi ta’ proġett ta’ referenza wieħed jew aktar.

54.

F’ċerti ċirkostanzi, jista’ jkun diffiċli li jiġu identifikati bis-sħiħ il-benefiċċji u l-kostijiet għall-benefiċjarju u għalhekk biex jiġi kkwantifikat l-NPV fix-xenarji fattwali u kontrofattwali. Jistgħu jiġu applikati approċċi alternattivi għal dawn il-każijiet, kif inhu dettaljat fil-Kapitolu 4 għal tipi speċifiċi ta’ għajnuna. F’dawn il-każijiet, l-għajnuna tista’ titqies proporzjonata meta l-ammont tal-għajnuna ma jaqbiżx l-intensità massima tal-għajnuna.

55.

Fejn ma tintużax proċedura kompetittiva ta’ offerti u l-iżviluppi futuri fil-kostijiet u d-dħul ikunu mdawra bi grad għoli ta’ inċertezza u jkun hemm assimetrija qawwija tal-informazzjoni, l-Istat Membru jista’ jkun meħtieġ jintroduċi mudelli ta’ kumpens li mhumiex kompletament ex ante. Minflok, dawn il-mudelli jkunu taħlita ex ante u ex post jew jintroduċu mekkaniżmi ta’ rkupru jew ta’ monitoraġġ tal-kostijiet ex post, filwaqt li jżommu inċentivi għall-benefiċjarji biex jimminimizzaw il-kostijiet tagħhom u jiżviluppaw in-negozju tagħhom b’mod aktar effiċjenti maż-żmien.

3.2.1.3.1   Akkumulazzjoni

56.

L-għajnuna tista’ tingħata fl-istess ħin taħt diversi skemi ta’ għajnuna jew tiġi akkumulata ma’ għajnuna ad hoc jew de minimis fir-rigward tal-istess kostijiet eliġibbli, sakemm l-ammont totali ta’ għajnuna għal proġett jew attività ma jwassalx għal kumpens żejjed jew jaqbeż l-ammont massimu ta’ għajnuna permess skont dawn il-linji gwida. Jekk l-Istat Membru jippermetti li l-għajnuna taħt miżura waħda tiġi akkumulata ma’ għajnuna taħt miżuri oħra, huwa għandu jispeċifika, għal kull miżura, il-metodu użat biex tiġi żgurata l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-punt.

57.

Finanzjament tal-Unjoni amministrat ċentralment li mhuwiex direttament jew indirettament taħt il-kontroll tal-Istat Membru, ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat. Fejn tali finanzjament mill-Unjoni jiġi kkombinat ma’ għajnuna mill-Istat, għandu jiġi żgurat li l-ammont totali ta’ finanzjament pubbliku mogħti fir-rigward tal-istess kostijiet eliġibbli ma jwassalx għal kumpens żejjed.

3.2.1.4   Trasparenza

58.

Sabiex jitnaqqsu l-effetti negattivi billi jiġi żgurat li l-kompetituri jkollhom aċċess għal informazzjoni rilevanti dwar l-attivitajiet appoġġati, l-Istat Membru kkonċernat irid jiggarantixxi l-pubblikazzjoni fil-modulu tat-trasparenza tal-għoti tal-Kummissjoni (47) jew fuq sit web komprensiv dwar l-għajnuna mill-Istat, fil-livell nazzjonali jew reġjonali ta’:

(a)

it-test sħiħ tal-iskema ta’ għajnuna approvata jew tad-deċiżjoni dwar l-għoti ta’ għajnuna individwali u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħha, jew ħolqa għaliha;

(b)

informazzjoni dwar kull sovvenzjoni ta’ għajnuna individwali mogħtija ad hoc jew skont skema ta’ għajnuna approvata abbażi ta’ dawn il-linji gwida u li taqbeż il-EUR 100 000 (48).

59.

L-Istati Membri jridu jorganizzaw is-siti web komprensivi tagħhom dwar l-għajnuna mill-Istat, li fuqhom trid tiġi ppubblikata l-informazzjoni rikjesta f’din it-Taqsima, b’tali mod li l-informazzjoni tkun tista’ tiġi faċilment aċċessata. L-informazzjoni trid tiġi ppubblikata f’format ta’ data ta’ spreadsheet nonproprjetarju, li jippermetti t-tiftix, l-estrazzjoni, it-tniżżil u l-kondiviżjoni ta’ data faċilment fuq l-Internet, pereżempju f’format CSV jew XML. Il-pubbliku ġenerali għandu jkollu aċċess għas-sit web mingħajr restrizzjonijiet. Ma għandha tkun meħtieġa ebda reġistrazzjoni tal-utent minn qabel biex jingħata aċċess għas-sit web.

60.

Għall-iskemi fil-forma ta’ vantaġġi tat-taxxa jew ta’ imposti parafiskali, il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 58(b) se jitqiesu ssodisfati jekk l-Istati Membri jippubblikaw l-informazzjoni meħtieġa dwar l-ammonti tal-għajnuna individwali fil-meded li ġejjin (f’miljuni ta’ EUR):

 

0,1 -0,5;

 

0,5-1;

 

1-2;

 

2-5;

 

5-10;

 

10-30;

 

30-60;

 

60-100;

 

100-250;

 

250 u iktar.

61.

L-informazzjoni msemmija fil-punt 58(b) trid tiġi ppubblikata fi żmien sitt xhur mid-data li fiha tkun ingħatat l-għajnuna, jew fil-każ ta’ għajnuna fil-forma ta’ vantaġġi tat-taxxa, fi żmien sena mid-data li fiha tkun dovuta d-dikjarazzjoni tat-taxxa (49). Fil-każ ta’ għajnuna illegali iżda kompatibbli, l-Istati Membri huma meħtieġa jiżguraw il-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni ex post fi żmien sitt xhur mid-data tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli. Sabiex tippermetti l-infurzar tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat skont it-Trattat, l-informazzjoni trid tibqa’ disponibbli għal mill-anqas 10 snin mid-data li fiha tkun ingħatat l-għajnuna.

62.

Il-Kummissjoni se tippubblika fuq is-sit web tagħha l-ħoloq għas-siti web dwar l-għajnuna mill-Istat imsemmija fil-punt 59.

3.2.2   Evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ

63.

L-Artikolu 107(3), il-punt (c), tat-Trattat, jippermetti lill-Kummissjoni tiddikjara għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti oqsma ekonomiċi kompatibbli, “basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni”.

64.

L-applikazzjoni ta’ din il-kundizzjoni negattiva teħtieġ, l-ewwel, valutazzjoni tal-effett distorsiv tal-għajnuna inkwistjoni fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ. Min-natura tagħha stess, kwalunkwe miżura ta’ għajnuna se tiġġenera jew thedded li tiġġenera distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u se jkollha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri peress li ssaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tal-benefiċjarji, saħansitra jekk il-miżura ta’ għajnuna tkun neċessarja, xierqa, proporzjonata u trasparenti.

65.

L-għajnuna għal skopijiet ambjentali, min-natura tagħha, se jkollha t-tendenza li tiffavorixxi prodotti u teknoloġiji favur l-ambjent askapitu ta’ oħrajn li jniġġsu iktar u li l-effett tal-għajnuna, fil-prinċipju, mhux se jkun ikkunsidrat bħala distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni, peress li tindirizza fallimenti tas-suq li jrendu l-għajnuna neċessarja. Barra minn hekk, l-appoġġ għal prodotti u teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-klima jwassal għall-kisba tal-objettivi tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima għall-2030 u l-2050. B’hekk, għal miżuri li jirrigwardaw il-ħarsien tal-ambjent, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-effetti distorsivi fuq il-kompetituri li bl-istess mod joperaw fuq bażi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, anki mingħajr l-għajnuna.

66.

Il-Kummissjoni tqis li skemi miftuħa għal firxa usa’ ta’ benefiċjarji potenzjali għandhom jew x’aktarx ikollhom, effett distorsiv aktar limitat fuq il-kompetizzjoni minn appoġġ immirat lil għadd limitat ta’ benefiċjarji speċifiċi biss, b’mod partikolari meta l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna jinkludi l-kompetituri kollha li lesti jipprovdu l-istess servizz, prodott jew benefiċċju.

67.

L-għajnuna mill-Istat għall-objettivi ambjentali u tal-enerġija jista’ jkollha l-effett mhux intenzjonat li timmina l-premji tas-suq lill-produtturi l-aktar effiċjenti u innovattivi kif ukoll inċentivi għal dawk l-inqas effiċjenti biex jitjiebu, jirristrutturaw jew joħorġu mis-suq. Dan jista’ jirriżulta wkoll f’ostakli ineffiċjenti għad-dħul ta’ kompetituri potenzjali aktar effiċjenti jew innovattivi. Fuq medda twila ta’ żmien, tali distorsjonijiet jistgħu joħonqu l-innovazzjoni, l-effiċjenza u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji aktar nodfa. Dawn l-effetti distorsivi jistgħu jkunu partikolarment importanti meta l-għajnuna tingħata lil proġetti li jipprovdu benefiċċju tranżitorju limitat iżda jimblukkaw teknoloġiji aktar nodfa għal perjodu itwal ta’ żmien, inklużi dawk meħtieġa biex jintlaħqu l-miri klimatiċi fuq terminu medju u twil minquxa fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima. Dan jista’ pereżempju jkun il-każ għall-appoġġ ta’ ċerti attivitajiet li jużaw il-karburanti fossili li jipprovdu tnaqqis immedjat tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, iżda li jwasslu għal tnaqqis aktar bil-mod tal-emissjonijiet fit-tul. Jekk kollox jibqa’ l-istess, aktar ma l-investiment megħjun ikun qrib id-data mmirata rilevanti, aktar ikun probabbli li l-benefiċċji tranżitorji tiegħu jistgħu jiġu ssuperati mid-diżinċentivi possibbli għal teknoloġiji aktar nodfa. Għalhekk, fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqis dawn l-effetti negattivi possibbli fuq żmien qasir u fit-tul fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ.

68.

L-għajnuna jista' jkollha wkoll effetti distorsiv billi ssaħħaħ jew iżżomm il-poter sostanzjali tas-suq tal-benefiċjarju. Anke meta l-għajnuna ma ssaħħaħx is-saħħa sinifikanti fis-suq direttament, tista’ tagħmel dan indirettament, billi tiskoraġġixxi l-espansjoni ta’ kompetituri eżistenti jew billi ġġegħelhom joħorġu mis-suq jew billi tiskoraġġixxi d-dħul ta’ kompetituri ġodda. Huwa meħtieġ li dan l-aspett jitqies, b’mod partikolari meta l-miżura ta’ appoġġ tkun immirata lejn numru limitat ta’ benefiċjarji speċifiċi jew fejn l-operaturi diġà stabbiliti kisbu setgħa fis-suq qabel il-liberalizzazzjoni tas-suq, bħalma ġieli pereżempju jkun il-każ fis-swieq tal-enerġija. Dan huwa rilevanti wkoll fi proċeduri kompetittivi ta' offerti fi swieq emerġenti, meta jkun hemm riskju li operatur b’pożizzjoni b’saħħitha fis-suq jirnexxi fil-biċċa l-kbira tal-offerti u jipprevjeni dħul ġdid sinifikanti.

69.

Minbarra distorsjonijiet fuq is-swieq tal-prodotti, l-għajnuna tista' wkoll twassal għal effetti fuq il-kummerċ u l-għażla tal-post. Dawk id-distorsjonijiet jistgħu jinħolqu madwar l-Istati Membri, jew meta l-impriżi jikkompetu fuq livell transfruntier jew jikkunsidraw postijiet differenti għall-investiment. Għajnuna mmirata biex tiġi ppreservata l-attività ekonomika f'reġjun wieħed jew biex tattiraha minn reġjuni oħra fi ħdan is-suq intern tista' tisposta attivitajiet jew investimenti minn reġjun għall-ieħor mingħajr ebda impatt ambjentali nett. Il-Kummissjoni se tivverifika li l-għajnuna ma tirriżultax fi kwalunkwe effett manifestament negattiv fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ. Bl-istess mod, għajnuna għall-objettivi tal-ambjent u l-enerġija li sempliċiment iwasslu għal bidla fil-post tal-attività ekonomika mingħajr ma jittejjeb il-livell eżistenti ta’ ħarsien tal-ambjent fl-Istati Membri mhux se tiġi kkunsidrata kompatibbli mas-suq intern.

70.

Il-Kummissjoni se tapprova miżuri skont dawn il-linji gwida għal perjodu massimu ta’ 10 snin, għalkemm f’xi każijiet dan jista’ jkun limitat aktar (ara l-punt 76). Jekk Stat Membru jixtieq jestendi t-tul ta’ żmien tal-miżura lil hinn minn dan il-perjodu massimu, jista’ jinnotifika l-miżura mill-ġdid. Dan ifisser li l-għajnuna tista’ tingħata skont miżuri approvati f’perjodu massimu ta’ 10 snin mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli.

3.3   L-ibbilanċjar tal-effetti pożittivi tal-għajnuna mal-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ

71.

Bħala l-aħħar pass, il-Kummissjoni se tibbilanċja l-effetti negattivi identifikati fuq il-kompetizzjoni u l-kundizzjonijiet kummerċjali tal-miżura ta’ għajnuna mal-effetti pożittivi tal-għajnuna ppjanata fuq l-attivitajiet ekonomiċi appoġġati, inkluż il-kontribuzzjoni tagħha għall-ħarsien tal-ambjent u għall-objettivi tal-politika tal-enerġija u, b’mod aktar partikolari, għat-tranżizzjoni lejn attivitajiet ambjentalment sostenibbli u għall-kisba tal-miri legalment vinkolanti skont il-Liġi Ewropea dwar il-Klima kif ukoll għall-miri tal-Unjoni għall-2030 dwar l-enerġija u l-klima.

72.

F’dan l-eżerċizzju ta’ bbilanċjar, il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari lill-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/852, inkluż il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” (50), jew metodoloġiji komparabbli oħra. Barra minn hekk, bħala parti mill-valutazzjoni tal-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ, il-Kummissjoni se tqis, fejn rilevanti, l-esternalitajiet negattivi tal-attività megħjuna fejn tali esternalitajiet jaffettwaw b’mod negattiv il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri sa punt li jmur kontra l-interess komuni billi joħolqu jew jaggravaw ineffiċjenzi tas-suq inkluż b’mod partikolari dawk l-esternalitajiet li jistgħu jfixklu milli jinkisbu l-objettivi klimatiċi stabbiliti skont id-dritt tal-Unjoni (51).

73.

Il-Kummissjoni se tikkunsidra l-miżura ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern biss fejn l-effetti pożittivi jisbqu l-effetti negattivi. F’każijiet fejn il-miżura ta’ għajnuna proposta ma tindirizzax falliment tas-suq identifikat sew b’mod xieraq u proporzjonat, pereżempju minħabba n-natura tranżitorja tal-benefiċċju u d-distorsjonijiet fit-tul li tinvolvi kif stabbilit fil-punt 67, l-effetti distorsivi negattivi fuq il-kompetizzjoni se jkollhom it-tendenza li jisbqu l-effetti pożittivi tal-miżura. Għalhekk, il-Kummissjoni x’aktarx tikkonkludi li l-miżura ta’ għajnuna proposta tkun inkompatibbli.

74.

Miżuri li direttament jew indirettament jinvolvu appoġġ għall-karburanti fossili, b’mod partikolari l-aktar karburanti fossili niġġiesa, x’aktarx li ma joħolqux effetti ambjentali pożittivi u spiss ikollhom effetti negattivi importanti minħabba li jistgħu jżidu l-esternalitajiet ambjentali negattivi fis-suq. L-istess japplika għal miżuri li jinvolvu investimenti ġodda fil-gass naturali, sakemm ma jintweriex li ma hemm l-ebda effett ta’ intrappolament (52). Fil-prinċipju, dan se jwassal biex bilanċ pożittiv għal miżuri bħal dawn ikun improbabbli, kif spjegat aktar fil-Kapitolu 4.

75.

Il-Kummissjoni ġeneralment se tqis favorevolment il-karatteristiċi ta’ miżuri proposti mill-Istati Membri biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-SMEs u, fejn rilevanti, tal-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli fi proċessi ta’ offerti kompetittivi, dment li l-effetti pożittivi tal-iżgurar tal-parteċipazzjoni u l-aċċettazzjoni jisbqu l-effetti distorsivi possibbli.

76.

Aktar fatturi li għandhom jitqiesu biex jiġi ddeterminat il-bilanċ globali ta’ ċerti kategoriji ta’ skemi ta’ għajnuna f’ċerti każijiet huma:

a)

rekwiżit ta’ evalwazzjoni ex post kif deskritt fil-Kapitolu 5; f’każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni tista’ tillimita d-durata ta’ dawk l-iskemi (normalment għal erba’ snin jew anqas) bil-possibbiltà li terġa’ tinnotifika l-estensjoni tad-data ta’ skadenza tagħhom wara dan;

b)

rekwiżit - fin-nuqqas ta’ proċedura kompetittiva ta' offerti - li jiġu nnotifikati individwalment proġetti ta’ appoġġ ta’ ċertu daqs jew li jippreżentaw ċerti karatteristiċi;

c)

rekwiżit li l-miżuri ta’ għajnuna jkunu soġġetti għal limitu ta’ żmien.

4.   KATEGORIJI TA' GĦAJNUNA

4.1   Għajnuna għat-tnaqqis u t-tneħħija ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra inkluż permezz ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza fl-enerġija

4.1.1   Raġunament

77.

Fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima, l-Unjoni stabbiliet miri vinkolanti u ambizzjużi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-2030 u l-2050. Fir-Regolament (UE) 2018/1999, l-Unjoni stipulat il-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030. Fid-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, l-Unjoni stipulat il-miri vinkolanti tal-effiċjenza fl-enerġija għall-2030. Jista’ jkun hemm bżonn ta’ għajnuna mill-Istat biex tikkontribwixxi ħalli jinkisbu dawn il-miri tal-Unjoni u dawk nazzjonali relatati.

4.1.2   Kamp ta’ applikazzjoni u attivitajiet appoġġati

78.

It-Taqsima 4.1 tistipula r-regoli ta’ kompatibbiltà għall-miżuri għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli, inkluża l-għajnuna għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli jew ta’ karburanti sintetiċi li l-produzzjoni tagħhom issir permezz tal-enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk it-Taqsima tistabbilixxi r-regoli ta’ kompatibbiltà għall-miżuri ta’ għajnuna li jinvolvu firxa wiesgħa ta’ teknoloġiji oħra primarjament immirati biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra (53).

4.1.2.1   Għajnuna għall-enerġija rinnovabbli

79.

Din it-Taqsima tistabbilixxi r-regoli ta’ kompatibbiltà għall-miżuri ta’ appoġġ għall-kull tip ta’ enerġija rinnovabbli.

80.

L-appoġġ għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi, il-bijogass (inkluż il-bijometan) u l-karburanti mill-bijomassa jista’ jiġi approvat biss sa fejn il-karburanti megħjuna jkunu konformi mal-kriterji tas-sostenibilità u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fid-Direttiva (UE) 2018/2001 u fl-atti delegati jew ta’ implimentazzjoni tagħha.

81.

L-għajnuna għall-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-iskart tista’ tinstab kompatibbli skont din it-taqsima sal-punt li tkun limitata għal skart li jissodisfa d-definizzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

82.

L-għajnuna għall-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli (54) tista’ tiġi vvalutata skont din it-Taqsima.

4.1.2.2   Għajnuna oħra għat-tnaqqis u t-tneħħija tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għall-effiċjenza fl-enerġija

83.

It-teknoloġiji kollha li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra huma fil-prinċipju eliġibbli, inkluża l-għajnuna għall-produzzjoni ta’ enerġija b’livell baxx ta’ karbonju jew karburanti sintetiċi prodotti bl-użu tal-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju, l-għajnuna għall-effiċjenza fl-enerġija inkluża l-koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja, l-għajnuna għas-CCS/CCU, għajnuna għar-rispons għad-domanda u l-ħżin tal-enerġija fejn din tnaqqas l-emissjonijiet, u l-għajnuna għat-tnaqqis jew l-evitar tal-emissjonijiet li jirriżultaw minn proċessi industrijali, inkluż l-ipproċessar ta’ materja prima. Tkopri wkoll appoġġ għat-tneħħija ta’ gassijiet b’effett ta’ serra mill-ambjent. Din it-Taqsima ma tapplikax għal miżuri li l-objettiv primarju tagħhom mhuwiex it-tnaqqis jew it-tneħħija ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Fejn miżura tikkontribwixxi kemm għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra kif ukoll għall-prevenzjoni jew it-tnaqqis ta’ tniġġis għajr minn emissjonijiet ta’ gassijiet serra, il-kompatibbiltà tal-miżura ser tiġi vvalutata abbażi ta’ din it-Taqsima jew tat-Taqsima 4.5, skont liema miż-żewġ objettivi jkun predominanti.

84.

Din it-Taqsima tkopri wkoll proġetti ta’ infrastruttura ddedikati (inkluż għall-idroġenu u gassijiet oħra b’livell baxx ta’ karbonju u l-ħżin u l-użu tad-diossidu tal-karbonju) li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta’ infrastruttura tal-enerġija, kif ukoll proġetti li jintegraw infrastruttura ddedikata jew infrastruttura enerġetika, jew it-tnejn, ikkombinati jew mal-produzzjoni jew mal-konsum/użu.

85.

Sa fejn l-għajnuna tiffaċilita l-investimenti biex jitjieb ir-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-attivitajiet industrijali, din it-Taqsima tapplika wkoll għall-għajnuna għall-SMEs u għall-kumpaniji żgħar b’kapitalizzazzjoni medja li huma fornituri ta’ miżuri għat-titjib tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, għall-faċilitazzjoni tal-ikkuntrattar għar-rendiment fl-użu tal-enerġija skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (27), tad-Direttiva 2012/27/UE.

86.

L-għajnuna għall-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-iskart tista’ tinstab kompatibbli skont din it-taqsima sal-punt li tkun limitata għal skart użat biex jiġġenera enerġija f’installazzjonijiet li jissodisfaw id-definizzjoni ta’ koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja.

87.

L-għajnuna għall-produzzjoni tal-idroġenu b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju jista’ jiġi vvalutat skont din it-Taqsima.

88.

L-għajnuna biex tappoġġa l-elettrifikazzjoni bl-użu ta’ elettriku rinnovabbli u/jew l-elettriku b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju tista’ tiġi vvalutata skont din it-Taqsima, inkluż l-appoġġ għall-proċessi ta’ tisħin u proċessi industrijali.

4.1.3   Minimizzazzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ

4.1.3.1   Ħtieġa ta’ għajnuna

89.

Il-punti,34 u 37 ma japplikawx għal miżuri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. L-Istat Membru jrid jidentifika l-miżuri ta’ politika diġà fis-seħħ biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Madankollu, filwaqt li l-ETS tal-Unjoni u l-politiki u l-miżuri relatati jinternalizzaw uħud mill-kostijet tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, dawn jistgħu ma jinternalizzawx kompletament dawk il-kostijiet.

90.

Jenħtieġ li l-Istati Membri juru li l-għajnuna hija meħtieġa għall-attivitajiet proposti kif jeżiġi l-punt 38, filwaqt li jqisu s-sitwazzjoni tax-xenarju kontrofattwali (55) kif ukoll il-kostijiet u d-dħul rilevanti inklużi dawk marbuta mal-ETS u l-politiki u l-miżuri relatati identifikati fil-punt 89. Fejn ikun hemm inċertezza sinifikanti dwar l-iżviluppi futuri tas-suq relatati ma’ parti kbira mill-argument għall-vijabbiltà (bħal pereżempju, jista’ jkun il-każ għal investimenti fl-enerġija rinnovabbli fejn id-dħul mill-elettriku ma jkunx akkoppjat mal-kostijiet tal-input), l-appoġġ fil-forma ta’ ċerta rimunerazzjoni garantita biex jiġi limitat l-esponiment għal xenarji negattivi jista’ jitqies neċessarju biex jiġi żgurat li l-investiment privat iseħħ. F’każijiet bħal dawn, jistgħu jkunu meħtieġa limiti għall-profittabbiltà u/jew irkupru marbuta ma’ xenarji pożittivi possibbli biex tiġi żgurata l-proporzjonalità.

91.

Meta l-Istat Membru juri li hemm bżonn ta’ għajnuna skont il-punt 90, il-Kummissjoni tassumi li jifdal falliment tas-suq residwu, li jista’ jiġi indirizzat permezz ta’ għajnuna għad-dekarbonizzazzjoni, sakemm ma jkollhiex evidenza li turi l-kuntrarju.

92.

Għal skemi li jdumu għaddejjin għal aktar minn tliet snin, l-Istat Membru jrid jikkonferma li se jaġġorna l-analiżi tal-kostijiet u d-dħul rilevanti tiegħu mill-inqas kull tliet snin jew, għal skemi li jinvolvu għoti inqas frekwenti, qabel ma tingħata l-għajnuna, sabiex jiġi żgurat li l-għajnuna tibqa’ meħtieġa għal kull kategorija eliġibbli tal-benefiċjarju. Fejn l-għajnuna ma tkunx għadha meħtieġa għal kategorija ta’ benefiċjarju, jenħtieġ li din il-kategorija titneħħa qabel ma tingħata aktar għajnuna (56).

4.1.3.2   Adegwatezza

93.

It-Taqsima 3.2.1.2 ma tapplikax għal miżuri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Il-Kummissjoni tassumi li l-għajnuna mill-Istat tista’, fil-prinċipju, tkun miżura xierqa biex jintlaħqu l-għanijiet tad-dekarbonizzazzjoni, minħabba li strumenti oħra ta’ politika tipikament mhumiex biżżejjed biex jintlaħqu dawk l-għanijiet, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet l-oħra kollha tal-kompatibbiltà. Minħabba l-iskala u l-urġenza tal-isfida tad-dekarbonizzazzjoni, tista’ tintuża varjetà ta’ strumenti, inklużi għotjiet diretti.

94.

L-għajnuna għall-faċilitazzjoni tal-ikkuntrattar għar-rendiment fl-użu tal-enerġija, kif imsemmija fil-punt 85, tista’ tieħu waħda biss mill-forom segmenti:

a)

self jew garanzija lill-fornitur tal-miżuri għat-titjib tar-rendiment fl-użu tal-enerġija skont kuntratt għar-rendiment fl-użu tal-enerġija;

b)

prodott finanzjarju li għan tiegħu hu li jiffinanzja mill-ġdid lill-fornitur rispettiv (pereżempju, fatturament jew forfaiting).

4.1.3.3   Eliġibbiltà

95.

Il-miżuri ta’ dekarbonizzazzjoni mmirati lejn attivitajiet speċifiċi li jikkompetu ma’ attivitajiet oħra mhux sussidjati jistgħu jkunu mistennija li jwasslu għal distorsjonijiet akbar tal-kompetizzjoni, meta mqabbla ma’ miżuri miftuħa għall-attivitajiet kollha li jikkompetu. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istat Membru jagħti raġunijiet għal miżuri li ma jinkludux it-teknoloġiji u l-proġetti kollha li huma f’kompetizzjoni – pereżempju l-proġetti kollha li joperaw fis-suq tal-elettriku, jew l-impriżi kollha li jipproduċu prodotti sostitwibbli u li huma teknikament kapaċi jikkontribwixxu b’mod effiċjenti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra (57). Jenħtieġ li dawn ir-raġunijiet ikunu bbażati fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi marbuta, pereżempju, mal-effiċjenza jew il-kostijiet jew ċirkostanzi rilevanti oħra. Dawn ir-raġunijiet jistgħu jkunu bbażati fuq l-evidenza li tkun inġabret fil-konsultazzjoni pubblika msemmija fit-Taqsima 4.1.3.4 fejn applikabbli.

96.

Il-Kummissjoni se tivvaluta r-raġunijiet mogħtija u, pereżempju, se tqis li eliġibbiltà aktar limitata ma tfixkilx il-kompetizzjoni bla bżonn meta:

a)

miżura jkollha mira speċifika settorjali jew ibbażata fuq it-teknoloġija stabbilita fid-dritt tal-Unjoni (58), bħal skema ta’ enerġija rinnovabbli jew ta’ effiċjenza fl-enerġija (59);

b)

miżura jkollha l-għan speċifiku li tappoġġa proġetti ta’ dimostrazzjoni;

c)

miżura jkollha l-għan li tindirizza mhux biss id-dekarbonizzazzjoni iżda wkoll il-kwalità tal-arja jew tniġġis ieħor;

d)

Stat Membru jidentifika r-raġunijiet biex ikun mistenni li setturi eliġibbli jew teknoloġiji innovattivi jkollhom il-potenzjal li jagħtu kontribut importanti u kosteffettiv għall-ħarsien tal-ambjent u għad-dekarbonizzazzjoni profonda fit-tul;

e)

miżura tkun meħtieġa biex tinkiseb id-diversifikazzjoni meħtieġa biex jiġi evitat li kwistjonijiet relatati mal-istabbiltà tan-network jmorru għall-agħar (60);

f)

jista’ jkun mistenni li approċċ aktar selettiv iwassal għal kostijiet aktar baxxi biex jinkiseb il-ħarsien tal-ambjent (pereżempju permezz ta’ tnaqqis fil-kostijiet tal-integrazzjoni tas-sistema bħala riżultat tad-diversifikazzjoni, inkluż bejn is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, li tista’ tinkludi wkoll rispons għad-domanda u/jew ħżin), u/jew jirriżulta f’inqas distorsjoni tal-kompetizzjoni;

g)

proġett ikun intgħażel wara sejħa miftuħa biex jifforma parti minn proġett transfruntier integrat kbir, imfassal b’mod konġunt minn diversi Stati Membri u li għandu l-għan li jkollu kontribut importanti għall-protezzjoni ambjentali fl-interess komuni tal-Unjoni, u jew japplika teknoloġija innovattiva, li ssegwi minn attività ta’ riċerka u żvilupp u innovazzjoni (RŻI) imwettqa mill-benefiċjarju jew minn entità oħra dment li tal-ewwel jakkwista d-drittijiet li juża r-riżultati tar-RŻI preċedenti, jew ikun fost tal-ewwel li jadottaw teknoloġija innovattiva fis-settur tiegħu.

97.

L-Istati Membri jridu regolarment jagħmlu rieżami tar-regoli ta’ eliġibbiltà u kwalunkwe regola relatata magħhom biex jiżguraw li r-raġunijiet ipprovduti biex jiġġustifikaw eliġibbiltà aktar limitata jkomplu japplikaw għat-tul tal-ħajja ta’ kull skema, jiġifieri, biex jiżguraw li kull limitazzjoni fuq l-eliġibbiltà xorta tkun tista’ tiġi ġġustifikata meta jiġu żviluppati teknoloġiji jew approċċi ġodda jew issir disponibbli aktar data.

4.1.3.4   Konsultazzjoni pubblika

98.

It-Taqsima 4.1.3.4 tapplika mill-1 ta’ Lulju 2023.

99.

Qabel in-notifika tal-għajnuna, ħlief f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni debitament ġustifikati, l-Istati Membri jridu jikkonsultaw pubblikament dwar l-impatti tal-kompetizzjoni u l-proporzjonalità tal-miżuri li għandhom jiġu nnotifikati skont din it-Taqsima. L-obbligu ta’ konsultazzjoni ma japplikax fir-rigward ta’ emendi għal miżuri diġà approvati li ma jbiddlux il-kamp ta’ applikazzjoni jew l-eliġibbiltà tagħhom jew jestendu t-tul ta’ żmien tagħhom lil hinn minn 10 snin min-notifika tad-deċiżjoni oriġinali li fiha l-Kummissjoni rriżultalha li l-għajnuna hija kompatibbli, u lanqas japplika fir-rigward tal-każijiet imsemmija fil-punt 100. Filwaqt li jittieħed kont tal-kriterji f’dawn il-linji gwida, sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura hijiex ġustifikata jew le, hemm bżonn li ssir il-konsultazzjoni pubblika li ġejja (61):

a)

għal miżuri fejn l-għajnuna annwali medja stmata li għandha tingħata hija mill-inqas EUR 150 miljun fis-sena, konsultazzjoni pubblika ta’ mill-inqas sitt ġimgħat, li tkopri:

i)

l-eliġibbiltà;

ii)

il-metodu u l-istima tas-sussidju għal kull tunnellata ta’ emissjonijiet ekwivalenti ta’ CO2 (62) evitati (għal kull proġett jew proġett ta’ referenza);

iii)

l-użu propost u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċessi kompetittivi ta’ offerti u kwalunkwe eċċezzjoni proposta;

iv)

il-parametri ewlenin għall-proċess tal-allokazzjoni tal-għajnuna (63), inkluż biex tkun possibbli l-kompetizzjoni bejn it-tipi differenti ta’ benefiċjarji (64);

v)

suppożizzjonijiet ewlenin li jinfurmaw il-kwantifikazzjoni użata biex jintwera l-effett ta’ inċentiv, in-neċessità u l-proporzjonalità;

vi)

fejn jistgħu jiġu appoġġati investimenti ġodda fil-ġenerazzjoni jew fil-produzzjoni industrijali bbażati fuq il-gass naturali, jiġu proposti salvagwardji biex tiġi żgurata l-kompatibbiltà mal-miri klimatiċi tal-Unjoni (ara l-punt 129);

a)

għal miżuri fejn l-għajnuna annwali medja stmata li għandha tingħata hija inqas minn EUR 150 miljun fis-sena, konsultazzjoni pubblika ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat, li tkopri:

i)

l-eliġibbiltà;

ii)

l-użu propost u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċessi kompetittivi ta’ offerti u kwalunkwe eċċezzjoni proposta;

iii)

fejn jistgħu jiġu appoġġati investimenti ġodda fil-ġenerazzjoni jew fil-produzzjoni industrijali bbażati fuq il-gass naturali, jiġu proposti salvagwardji biex tiġi żgurata l-kompatibbiltà mal-miri klimatiċi tal-Unjoni (ara l-punt 129);

100.

Ma hija meħtieġa l-ebda konsultazzjoni pubblika għal miżuri li jaqgħu taħt il-punt 99(b) fejn jintużaw proċessi ta’ offerti kompetittivi u l-miżura ma tappoġġax investimenti fil-ġenerazzjoni tal-enerġija, il-produzzjoni jew attivitajiet oħra bbażati fuq il-karburanti fossili.

101.

Il-kwestjonarji ta’ konsultazzjoni jridu jiġu ppubblikati fuq sit web pubbliku. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw tweġiba għall-konsultazzjoni li tiġbor fil-qosor u tindirizza t-tweġibiet li jkunu rċevew. Jenħtieġ li dan jinkludi spjegazzjoni ta’ kif l-impatti negattivi possibbli fuq il-kompetizzjoni ġew minimizzati permezz tal-kamp ta’ applikazzjoni/eliġibbiltà tal-miżura proposta. L-Istati Membri jridu jipprovdu link għar-rispons tal-konsultazzjoni tagħhom bħala parti min-notifika tal-miżuri ta’ għajnuna skont din it-Taqsima.

102.

F’każijiet eċċezzjonali u ġġustifikati kif xieraq, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra metodi alternattivi ta’ konsultazzjoni sakemm il-fehmiet tal-partijiet interessati jitqiesu fl-implimentazzjoni (kontinwa) tal-għajnuna. F’każijiet bħal dawn, il-metodi alternattivi jaf ikollhom jiġu kkombinati ma’ azzjonijiet korrettivi biex jiġu minimizzati l-effetti distorsivi possibbli tal-miżura.

4.1.3.5   Proporzjonalità

103.

Jenħtieġ li l-għajnuna għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’mod ġenerali tingħata permezz ta’ proċedura kompetittiva ta' offerti kif deskritt fil-punti 49 u 50, sabiex l-objettivi tal-miżura (65) jkunu jistgħu jinkisbu b’mod proporzjonali li jimminimizza d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-kummerċ. Il-baġit jew il-volum relatat mal-proċess tal-offerti huwa restrizzjoni vinkolanti fis-sens li jista’ jkun mistenni li mhux l-offerenti kollha se jirċievu għajnuna, l-għadd mistenni ta’ offerenti huwa biżżejjed biex tkun żgurata kompetizzjoni effettiva, u t-tfassil ta’ proċessi ta’ offerti mhux biżżejjed sottoskritti matul l-implimentazzjoni ta’ skema jiġi kkoreġut biex jerġa’ jkun hemm kompetizzjoni effettiva fil-proċessi tal-offerti sussegwenti jew, fin-nuqqas ta’ dan, hekk kif ikun xieraq (66).

104.

Jenħtieġ li l-proċess tal-offerti fil-prinċipju jkun miftuħ għall-benefiċjarji eliġibbli kollha biex jippermetti allokazzjoni kosteffettiva tal-għajnuna u jnaqqas id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Madankollu, il-proċess tal-offerti jista’ jkun limitat għal kategorija speċifika waħda jew aktar ta’ benefiċjarju fejn tiġi pprovduta evidenza, inkluża kwalunkwe evidenza rilevanti miġbura fil-konsultazzjoni pubblika, li turi pereżempju li:

a)

proċess wieħed miftuħ għall-benefiċjarji eliġibbli kollha jwassal għal riżultat subottimali jew ma jippermettix il-kisba tal-objettiv(i) tal-miżura. dik il-ġustifikazzjoni tista’ tirreferi għall-kriterji fil-punt 96;

b)

hemm devjazzjoni sinifikanti bejn il-livelli tal-offerti li kategoriji differenti ta’ benefiċjarji huma mistennija li joffru (ġeneralment dan ikun il-każ fejn il-livelli tal-offerti kompetittivi mistennija – identifikati abbażi tal-analiżi meħtieġa skont il-punt 90 – ivarjaw b’aktar minn 10 %); f’dan il-każ, jistgħu jintużaw proċessi ta’ offerti kompetittivi separati sabiex il-kategoriji ta’ benefiċjarji b’kostijiet simili jikkompetu kontra xulxin.

105.

Fejn Stat Membru jiddependi fuq l-eċċezzjonijiet fil-punt 104(b) għal skema li se tibqa’ għaddejja għal aktar minn tliet snin, jenħtieġ li l-analiżi meħtieġa fil-punt 92 tikkunsidra wkoll jekk dawn l-eċċezzjonijiet għadhomx affidabbli. B’mod partikolari, l-Istati Membri jridu jikkonfermaw li skemi bħal dawn se jiġu adattati maż-żmien biex jiżguraw li t-teknoloġiji mistennija li jagħmlu offerta sa 10 % minn xulxin jiġu offruti permezz tal-istess proċess kompetittiv ta’ offerti. Bl-istess mod, l-Istat Membru jista’ jagħżel li jirranġa offerti separati fejn analiżi aġġornata taħt il-punt 92 turi li l-kostijiet ikunu varjaw sal-punt fejn l-offerti jvarjaw b’aktar minn 10 %.

106.

Fejn l-analiżi meħtieġa skont il-punt 90 turi li jista’ jkun hemm devjazzjoni sinifikanti bejn il-livelli tal-offerti li kategoriji differenti ta’ benefiċjarji huma mistennija li joffru, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw ir-riskju ta’ kumpens żejjed ta’ teknoloġiji orħos. Dan se jitqies ukoll mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tagħha. Fejn xieraq, jistgħu jkunu meħtieġa limiti massimi tal-offerti biex jillimitaw l-offerta massima minn offerenti individwali f’kategoriji partikolari. Jenħtieġ li kwalunkwe limitu massimu tal-offerta jkun iġġustifikat b’referenza għall-kwantifikazzjoni għall-proġetti ta’ referenza msemmija fil-punti 51, 52 u 53.

107.

Eċċezzjonijiet mir-rekwiżit li tiġi allokata l-għajnuna u li jiġi ddeterminat il-livell ta’ għajnuna permezz ta’ proċess kompetittiv ta’ offerti jistgħu jiġu ġġustifikati fejn tiġi pprovduta evidenza, inkluża dik miġbura fil-konsultazzjoni pubblika, li tapplika waħda minn dawn li ġejjin:

a)

hemm provvista potenzjali jew għadd potenzjali ta’ offerenti insuffiċjenti biex tiġi żgurata l-kompetizzjoni; f’dak il-każ, l-Istat Membru jrid juri li mhuwiex possibbli li tiżdied il-kompetizzjoni billi jitnaqqas il-baġit jew tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni fil-proċess tal-offerti (pereżempju billi tiġi identifikata art addizzjonali għall-iżvilupp jew l-adattament tar-rekwiżiti ta’ prekwalifikazzjoni) kif xieraq;

b)

il-benefiċjarji huma proġetti żgħar definiti kif ġej:

i)

għal proġetti ta’ ġenerazzjoni jew ħżin tal-elettriku – proġetti ta’ 1 MW jew inqas ta’ kapaċità installata;

ii)

għall-konsum tal-elettriku – proġetti b’domanda massima ta’ 1 MW jew inqas;

iii)

għal teknoloġiji tal-ġenerazzjoni tas-sħana u tal-produzzjoni tal-gass – proġetti b’kapaċità installata ta’ 1 MW jew inqas jew l-ekwivalenti;

iv)

għal proġetti 100 % proprjetà ta’ SMEs jew ta’ komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli ta’ 6 MW jew inqas ta’ kapaċità installata jew domanda massima;

v)

għal proġetti 100 % proprjetà ta’ intrapriżi żgħar jew mikrointrapriżi jew ta’ komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli għall-ġenerazzjoni eolika biss, ta’ 18-il MW jew inqas ta’ kapaċità installata;

vi)

għal miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija li ma jinvolvux ġenerazzjoni tal-enerġija li minnha jibbenefikaw l-SMEs, fejn il-benefiċjarji jirċievu inqas minn EUR 300 000 għal kull proġett.

a)

il-proġetti individwali huma konformi maż-żewġ kondizzjonijiet segwenti:

i)

il-proġett intgħażel wara sejħa pubblika biex jifforma parti minn proġett kbir integrat transfruntier, imfassal b’mod konġunt mill-Istati Membri u li għandu l-għan jagħti kontribut għall-protezzjoni tal-ambjent fl-interess komuni tal-Unjoni;

ii)

jew il-proġett ikun japplika teknoloġija innovattiva li ssegwi wara attività ta’ RŻI mwettqa mill-benefiċjarju jew minn entità oħra dment li tal-ewwel ikun akkwista d-drittijiet biex juża r-riżultati tal-attività ta’ RŻI preċedenti, jew ikun fost tal-ewwel li jadottaw teknoloġija innovattiva fis-settur tiegħu.

108.

L-Istati Membri jistgħu jużaw ukoll ċertifikati kompetittivi jew skemi ta’ obbligu tal-fornitur biex jistabbilixxu l-ammont ta’ għajnuna u jallokaw l-għajnuna, sakemm:

a)

id-domanda fl-iskema tkun stabbilita taħt il-provvista potenzjali;

b)

il-prezz tal-akkwiżizzjoni jew tal-penali li japplika għal konsumatur jew fornitur li ma jkunx xtara n-numru ta’ ċertifikati meħtieġa (jiġifieri, il-prezz li jikkostitwixxi l-massimu li jitħallas għall-appoġġ) ikun stabbilit f’livell għoli biżżejjed biex jinċentiva l-konformità mal-obbligu. Madankollu, jenħtieġ li l-prezz tal-penali jkun ibbażat fuq il-kwantifikazzjoni msemmija fil-punti 51, 52 u 53 sabiex jiġi evitat li livell eċċessivament għoli jwassal għal kumpens eċċessiv;

c)

fejn l-iskemi jinvolvu appoġġ għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa, l-Istati Membri għandhom iqisu l-informazzjoni dwar l-appoġġ li jkunu rċevew diġà mid-dokumentazzjoni tas-sistema tal-bilanċ tal-massa skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

109.

L-Istati Membri jistgħu jfasslu wkoll skemi ta’ appoġġ immirati lejn id-dekarbonizzazzjoni jew l-effiċjenza fl-enerġija fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi jew imposti parafiskali bħal imposti li jiffinanzjaw l-objettivi tal-politika ambjentali. L-applikazzjoni ta’ proċess kompetittiv ta’ offerti mhijiex obbligatorja għal skemi bħal dawn. Madankollu, għajnuna bħal din trid tingħata, fil-prinċipju, bl-istess mod għall-impriżi eliġibbli kollha li joperaw fl-istess settur ta’ attività ekonomika li jkunu fl-istess sitwazzjoni fattwali jew simili fir-rigward tal-għanijiet jew l-objettivi tal-miżura ta’ għajnuna. L-Istat Membru notifikanti għandu jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ monitoraġġ annwali biex jivverifika li l-għajnuna tkun għadha meħtieġa. Din it-Taqsima ma tkoprix it-tnaqqis tat-taxxi jew tal-imposti, li jirriflettu l-kostijiet essenzjali tal-provvista tal-enerġija jew tas-servizzi relatati. Pereżempju, it-tnaqqis mit-tariffi tan-network jew minn tariffi li jiffinanzjaw il-mekkaniżmi tal-kapaċità huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din it-Taqsima.

110.

Fejn tnaqqis fit-taxxa jew fl-imposta parafiskali jnaqqas il-kostijiet operatorji rikorrenti, l-ammont tal-għajnuna ma għandux jaqbeż id-differenza bejn il-kostijiet tal-proġett jew attività favur l-ambjent u tax-xenarju kontrofattwali inqas ekoloġiku. Fejn il-proġett jew l-attività li huma aktar ekoloġiċi jistgħu jirriżultaw fi ffrankar potenzjali ta’ spejjeż jew dħul addizzjonali, dawn għandhom jitqiesu meta tiġi ddeterminata l-proporzjonalità tal-għajnuna.

111.

Meta jfassal l-iskemi ta’ għajnuna, Stat Membru jrid iqis l-informazzjoni dwar l-appoġġ li diġà jkun irċieva mid-dokumentazzjoni tas-sistema tal-bilanċ tal-massa skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

112.

Fejn konċessjonijiet jew benefiċċji oħra jingħataw bħala parti minn miżuri ta’ għajnuna – bħad-dritt għall-użu tal-art, qiegħ il-baħar jew xmajjar jew dritt għal konnessjoni infrastrutturali – l-Istati Membri jridu jiżguraw li konċessjonijiet bħal dawn jingħataw abbażi ta’ kriterji oġġettivi marbutin mal-objettivi tal-miżura (ara l-punt 50).

113.

Meta l-għajnuna tieħu l-forma ta’ self superjuri lill-fornitur tal-miżuri għat-titjib tar-rendiment fl-użu tal-enerġija skont kuntratt għar-rendiment fl-użu tal-enerġija, l-istrumenti ta’ self għandhom jiggarantixxu rata sostanzjali ta’ koinvestiment mill-fornituri kummerċjali tal-finanzjament tad-dejn. Dan huwa preżunt li jkun il-każ jekk tali rata ma tkunx inqas minn 30 % tal-valur tal-portafoll sottostanti tal-kuntratti tar-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-fornitur. Il-ħlas lura mill-fornitur tal-miżuri ta’ titjib tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jrid ikun mill-inqas daqs il-valur nominali tas-self. Meta l-għajnuna tingħata fil-forma ta’ garanzija, il-garanzija pubblika ma għandhiex tkun aktar minn 80 % tal-kapital tas-self sottostanti u t-telf irid jiġġarrab b’mod proporzjonali u bl-istess kundizzjonijiet mill-istituzzjoni ta’ kreditu u mill-Istat. L-ammont iggarantit għandu jonqos proporzjonalment, b’tali mod li l-garanzija qatt ma tkun tkopri aktar minn 80 % tas-self pendenti. Is-self pubbliku jew il-garanzija pubblika lill-fornitur tal-miżuri għat-titjib tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għandhom ikunu limitati għal massimu ta’ 10 snin.

4.1.4   L-evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ u l-ibbilanċjar

114.

Bl-eċċezzjoni tal-punt 70, it-Taqsimiet 3.2.2 u 3.3 ma japplikawx għal miżuri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

115.

Dan il-punt japplika mill-1 ta’ Lulju 2023. Is-sussidju għal kull tunnellata ta’ emissjonijiet ekwivalenti ta’ CO2 evitati għandu jiġi stmat għal kull proġett, jew fil-każ ta’ skemi, kull proġett ta’ referenza, u għandhom jiġu pprovduti s-suppożizzjonijiet u l-metodoloġija għal dak il-kalkolu. Sa fejn ikun possibbli, jenħtieġ li l-estimu jidentifika t-tnaqqis nett tal-emissjonijiet mill-attività, filwaqt li jitqiesu l-emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja maħluqa jew imnaqqsa. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati l-interazzjonijiet fuq terminu qasir u twil ma’ kwalunkwe politika jew miżura rilevanti oħra, inkluża l-ETS tal-Unjoni. Sabiex ikun jista’ jsir paragun bejn il-kostijiet ta’ miżuri differenti għall-ħarsien tal-ambjent, jenħtieġ li l-metodoloġija fil-prinċipju tkun simili għall-miżuri kollha promossi minn Stat Membru (67).

116.

Biex twassal għal effetti ambjentali pożittivi fir-rigward tad-dekarbonizzazzjoni, l-għajnuna ma tistax sempliċiment tisposta l-emissjonijiet minn settur għal ieħor u trid twassal għal tnaqqis ġenerali fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

117.

Sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ sussidji doppji u tiġi żgurata l-verifika tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, l-għajnuna għad-dekarbonizzazzjoni tal-attivitajiet industrijali trid tnaqqas l-emissjonijiet li jirriżultaw direttament minn dik l-attività industrijali. L-għajnuna għat-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija tal-attivitajiet industrijali trid ittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija tal-attivitajiet tal-benefiċjarji.

118.

B’eċċezzjoni mir-rekwiżit stipulat fl-aħħar sentenza tal-punt 117, it-titjib fl-effiċjenza fl-enerġija tal-attivitajiet industrijali jista’ jiġi appoġġat b’għajnuna mogħtija għall-faċilitazzjoni tal-ikkuntrattar għar-rendiment fl-użu tal-enerġija.

119.

Meta l-għajnuna għall-faċilitazzjoni tal-ikkuntrattar għall-prestazzjoni tal-użu tal-enerġija ma tingħatax bħala riżultat ta’ proċess kompetittiv tal-offerti, l-għajnuna mill-Istat trid tingħata, fil-prinċipju, bl-istess mod għall-impriżi eliġibbli kollha li joperaw fl-istess settur ta’ attività ekonomika li jkunu fl-istess sitwazzjoni fattwali jew simili fir-rigward tal-għanijiet jew l-objettivi tal-miżura ta’ għajnuna.

120.

Sabiex jiġi evitat li baġit jiġi allokat għal proġetti li ma jiġux imwettqa, li potenzjalment jimblokka dħul ġdid fis-suq, l-Istati Membri jridu juru li se jittieħdu miżuri raġonevoli biex jiġi żgurat li l-proġetti li jingħataw l-għajnuna fil-fatt jiġu żviluppati, pereżempju bl-istabbiliment ta’ skadenzi ċari għat-twettiq tal-proġetti, il-verifika tal-fattibbiltà tal-proġett bħala parti mill-prekwalifikazzjoni biex jirċievu l-għajnuna, ir-rekwiżit li l-kollateral jitħallas mill-parteċipanti, jew il-monitoraġġ tal-iżvilupp u l-kostruzzjoni tal-proġett. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jagħtu aktar flessibbiltà fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ prekwalifikazzjoni għall-proġetti żviluppati u 100 % proprjetà tal-SMEs jew ta’ komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli bħala mezz biex jitnaqqsu l-ostakli għall-parteċipazzjoni tagħhom (68).

121.

L-għajnuna għad-dekarbonizzazzjoni tista’ tieħu diversi forom inklużi għotjiet bil-quddiem u kuntratti għal pagamenti ta’ għajnuna kontinwi bħal kuntratti għad-differenza (69). Jenħtieġ li għajnuna li tkopri kostijiet marbuta l-aktar mal-operat pjuttost milli mal-investiment tintuża biss meta l-Istat Membru juri li dan jirriżulta f’deċiżjonijiet operattivi aktar ekoloġiċi.

122.

Meta l-għajnuna tkun primarjament meħtieġa biex tkopri l-kostijiet fuq terminu qasir li jistgħu jkunu varjabbli bħall-kostijiet tal-fjuwil mill-bijomassa jew il-kostijiet tal-input tal-elettriku, u mħallsa fuq perjodi li jaqbżu sena, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkonfermaw li l-kostijiet tal-produzzjoni li fuqhom huwa bbażat l-ammont tal-għajnuna se jiġu mmonitorjati u li l-ammont tal-għajnuna jiġi aġġornat mill-inqas darba fis-sena.

123.

L-għajnuna trid tkun iddisinjata biex tipprevjeni kwalunkwe distorsjoni indebita għall-funzjonament effiċjenti tas-swieq u, b’mod partikolari, biex tippreserva inċentivi operattivi u sinjali tal-prezzijiet effiċjenti. Pereżempju, jenħtieġ li l-benefiċjarji jibqgħu esposti għall-varjazzjoni fil-prezz u għar-riskju tas-suq, sakemm dan ma jdgħajjifx il-kisba tal-objettiv tal-għajnuna. B’mod partikolari, il-benefiċjarji ma jistgħux jiġu inċentivati joffru l-output tagħhom taħt l-ispejjeż marġinali tagħhom u ma jistgħux jirċievu għajnuna għall-produzzjoni fi kwalunkwe perjodu li fih il-valur tas-suq ta’ dik il-produzzjoni jkun negattiv (70).

124.

Il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni każ b’każ għal miżuri li jinkludu proġetti ta’ infrastruttura ddedikati. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tikkunsidra, fost l-oħrajn, id-daqs tal-infrastruttura b'relazzjoni mas-suq rilevanti, l-impatt fuq il-probabbiltà ta’ investimenti addizzjonali bbażati fuq is-suq, il-punt sa fejn l-infrastruttura hija inizjalment maħsuba għal utent individwali jew grupp ta’ utenti u jekk jeżistix pjan kredibbli jew impenn sod għall-konnessjoni ma’ network usa’, it-tul ta’ żmien ta’ kwalunkwe deroga jew eżenzjoni mil-leġiżlazzjoni tas-suq intern, l-istruttura tas-suq rilevanti u l-pożizzjoni tal-benefiċjarju/benefiċjarji f’dan is-suq.

125.

Pereżempju, fejn l-infrastruttura inizjalment tikkollega biss għadd limitat ta’ utenti, l-effett ta’ distorsjoni jista’ jittaffa meta tkun parti minn pjan biex jiġi żviluppat network Ewropew usa’ abbażi tal-kriterji li ġejjin:

a)

jenħtieġ li l-kontabilità għall-infrastruttura tkun separata minn kwalunkwe attività oħra u il-kostijiet tal-aċċess u l-użu għandhom isiru trasparenti;

b)

sakemm dan ma jdgħajjifx il-kisba tal-objettiv tal-għajnuna, jenħtieġ li l-għajnuna tkun soġġetta għal impenji li l-infrastruttura tinfetaħ (71) għal partijiet terzi b’termini ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji (inklużi sejħiet pubbliċi għal talbiet ta’ konnessjoni b’kundizzjonijiet ekwivalenti);

c)

jista’ jkun meħtieġ li l-vantaġġ li jiksbu l-benefiċjarji sakemm iseħħ tali żvilupp usa’ jiġi kkumpensat, pereżempju billi jingħata kontribut għall-estensjoni ulterjuri tan-network;

d)

il-vantaġġ miksub mill-utenti ddedikati jista’ jkun jeħtieġ li jkun limitat u/jew kondiviż ma’ operaturi oħra.

126.

Sabiex jiġi evitat li jiġi mminat l-objettiv tal-miżura jew ta’ objettivi oħra tal-Unjoni għall-ħarsien tal-ambjent, ma jistgħux jiġu pprovduti inċentivi għall-ġenerazzjoni tal-enerġija li tisposta forom ta’ enerġija li jniġġsu inqas. Pereżempju, fejn tkun appoġġata l-koġenerazzjoni minn sorsi mhux rinnovabbli, jew fejn tkun appoġġata l-produzzjoni tal-enerġija mill-bijomassa, sa fejn hu possibbli ma jistgħux jirċievu inċentivi biex jiġġeneraw l-elettriku jew is-sħana fi żminijiet meta dan ikun ifisser li s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli mingħajr tniġġis tal-arja jiġu limitati.

127.

L-għajnuna għad-dekarbonizzazzjoni tista’ tfixkel il-kompetizzjoni bla bżonn meta tisposta l-investimenti f’alternattivi aktar nodfa li diġà huma disponibbli fis-suq, jew fejn toħloq intrappolament f’ċerti teknoloġiji, u b’hekk tfixkel l-iżvilupp usa’ ta’ suq soluzzjonijiet aktar nodfa u l-użu tagħhom. Il-Kummissjoni għalhekk se tivverifika wkoll li l-miżura ta’ għajnuna ma tistimulax jew ittawwal il-konsum ta’ karburanti u enerġija bbażati fuq il-fossili (72), u b’hekk ixxekkel l-iżvilupp ta’ alternattivi aktar nodfa u tnaqqas b’mod sinifikanti l-benefiċċju ambjentali globali tal-investiment. Jenħtieġ li l-Istati Membri jispjegaw kif beħsiebhom jevitaw dak ir-riskju, inkluż permezz ta’ impenji vinkolanti biex jużaw prinċipalment karburanti rinnovabbli jew b’livell baxx ta’ karbonju jew jeliminaw gradwalment is-sorsi tal-karburanti fossili.

128.

Il-Kummissjoni tqis li ċerti miżuri ta’ għajnuna għandhom effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ li x’aktarx ma jiġux ikkumpensati. B’mod partikolari, ċerti miżuri ta’ għajnuna jistgħu jaggravaw il-fallimenti tas-suq, u b’hekk joħolqu ineffiċjenzi għad-detriment tal-konsumatur u tal-benesseri soċjali. Pereżempju, miżuri li jinċentivaw investimenti ġodda fil-produzzjoni tal-enerġija jew industrijali bbażati fuq il-karburanti fossili l-aktar niġġiesa, bħall-faħam, id-diżil, il-linjite, iż-żejt, il-pit u x-shale bituminuż, iżidu l-esternalitajiet ambjentali negattivi fis-suq. Dawn mhux se jitqiesu li għandhom effetti ambjentali pożittivi, minħabba l-inkompatibbiltà ta’ dawn il-karburanti mal-miri klimatiċi tal-Unjoni.

129.

Bl-istess mod, miżuri li jinċentivaw investimenti ġodda fil-produzzjoni tal-enerġija jew industrijali bbażati fuq il-gass naturali jistgħu jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u sustanzi niġġiesa oħra fuq terminu qasir iżda jaggravaw l-esternalitajiet ambjentali negattivi fuq terminu itwal, meta mqabbla ma’ investimenti alternattivi. Biex l-investimenti fil-gass naturali jitqiesu li għandhom effetti ambjentali pożittivi, l-Istati Membri jridu jispjegaw kif se jiżguraw li l-investiment jikkontribwixxi biex tintlaħaq il-mira klimatika tal-Unjoni għall-2030 u l-mira tan-newtralità klimatika għall-2050. B’mod partikolari, l-Istati Membri jridu jispjegaw kif se jiġi evitat l-intrappolament f'din il-ġenerazzjoni tal-enerġija li taħdem bil-gass jew it-tagħmir tal-produzzjoni li jaħdem bil-gass. Pereżempju, dan jista’ jkun ibbażat fuq pjan nazzjonali ta’ dekarbonizzazzjoni b’miri vinkolanti u/jew jista’ jinkludi impenji vinkolanti mill-benefiċjarju biex jimplimenta teknoloġiji ta’ dekarbonizzazzjoni bħas-CCS/CCU jew biex jissostitwixxi l-gass naturali b’gass rinnovabbli jew b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju jew biex jagħlaq l-impjant fuq skeda ta’ żmien konsistenti mal-miri tan-newtralità klimatika tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-impenji jkun jinkludi stadju importanti kredibbli wieħed jew aktar fit-tnaqqis tal-emissjonijiet lejn in-newtralità klimatika sal-2050.

130.

Il-produzzjoni tal-bijokarburanti mill-għelejjel tal-ikel u tal-għalf tista’ toħloq domanda akbar għall-art u tista' twassal biex l-art agrikola tidħol fl-ispazju ta’ żoni b'ħażna għolja ta' karbonju, bħal foresti, art mistagħdra u torbiera, u b’hekk jinħolqu emissjonijiet addizzjonali ta' gassijiet serra. Huwa għalhekk li d-Direttiva (UE) 2018/2001 tillimita l-ammont ta’ bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa ġejjin mill-għelejjel tal-ikel u tal-għalf. Il-Kummissjoni tqis li ċerti miżuri ta’ għajnuna jistgħu jaggravaw esternalitajiet negattivi indiretti. Għalhekk, fil-prinċipju, il-Kummissjoni se tqis li l-għajnuna mill-Istat għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi, il-bijogass u l-karburanti mill-bijomassa li jaqbżu l-limiti massimi li jiddeterminaw l-eliġibbiltà tagħhom għall-kalkolu tal-konsum finali gross tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fl-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 26 tad-Direttiva (UE) 2018/2001, x’aktarx li ma jipproduċix effetti pożittivi li jisbqu l-effetti negattivi tal-miżura.

131.

Fejn jiġu identifikati riskji ta’ distorsjonijiet addizzjonali tal-kompetizzjoni jew fejn il-miżuri jkunu partikolarment ġodda jew kumplessi, il-Kummissjoni tista’ timponi kundizzjonijiet kif stabbilit fil-punt 76.

132.

Għal miżuri jew skemi ta’ għajnuna individwali li jibbenefikaw minn għadd partikolarment limitat ta’ benefiċjarji jew benefiċjarju stabbilit, jenħtieġ li l-Istati Membri juru wkoll li l-miżura ta’ għajnuna proposta mhux se twassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, pereżempju permezz ta’ saħħa akbar fis-suq. Anki meta l-għajnuna ma żżidx b’mod sinifikanti s-saħħa fis-suq direttament, tista’ tagħmel dan indirettament, billi tiskoraġġixxi l-espansjoni ta’ kompetituri eżistenti jew billi ġġegħilhom joħorġu mis-suq jew billi tiskoraġġixxi d-dħul ta’ kompetituri ġodda. Meta tivvaluta l-effetti negattivi ta’ dawn il-miżuri ta’ għajnuna, il-Kummissjoni se tiffoka l-analiżi tagħha fuq l-impatt prevedibbli li l-għajnuna jista' jkollha fuq il-kompetizzjoni bejn l-impriżi fis-swieq tal-prodott ikkonċernat, kif ukoll fis-swieq upstream jew downstream, u fuq ir-riskju ta' kapaċità eċċessiva. Il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll l-effetti negattivi potenzjali fuq il-kummerċ inkluż ir-riskju ta' tellieqa tas-sussidji bejn l-Istati Membri li tista' tiġri speċjalment fir-rigward tal-għażla tal-post.

133.

Meta l-għajnuna tingħata mingħajr proċess kompetittiv ta’ offerti u l-miżura tkun ta’ benefiċċju għal għadd partikolarment limitat ta’ benefiċjarji jew benefiċjarju stabbilit, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istat Membru jiżgura li l-benefiċjarju jikkondividi l-għarfien miksub bħala riżultat tal-proġett megħjun bil-għan li titħaffef l-introduzzjoni tat-teknoloġiji li ntwerew effikaċi.

134.

Dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet l-oħra kollha ta’ kompatibbiltà, il-Kummissjoni tipikament se ssib li l-bilanċ għall-miżuri ta’ dekarbonizzazzjoni huwa pożittiv (jiġifieri, id-distorsjonijiet fis-suq intern huma ssuperati minn effetti pożittivi) fid-dawl tal-kontribut tagħhom għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, li huwa definit bħala objettiv ambjentali fir-Regolament (UE) 2020/852 u/jew fid-dawl tal-kontribut tagħhom biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni dwar l-enerġija u l-klima, sakemm ma jkunx hemm indikazzjonijiet ovvji ta’ nuqqas ta’ konformità mal-prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara sinifikanti” (73). F’każ li s-suppożizzjoni ta’ hawn fuq ma tapplikax, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk kollox ma’ kollox l-effetti pożittivi (inkluża l-konformità mal-punti fit-Taqsima 4.1.4 u kwalunkwe impenn relatat mal-punt 129) jisbqux l-impatti negattivi fuq is-suq intern.

4.2   Għajnuna għat-titjib tal-prestazzjoni ambjentali u r-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-bini

4.2.1   Raġuni għall-għajnuna

135.

Il-miżuri mmirati lejn it-titjib tal-prestazzjoni ambjentali u r-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-bini jimmiraw lejn l-esternalitajiet negattivi billi joħolqu inċentivi individwali biex jintlaħqu l-miri għall-iffrankar tal-enerġija u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tas-sustanzi niġġiesa tal-arja. Minbarra l-fallimenti ġenerali tas-suq identifikati fit-Taqsima 3, jistgħu jseħħu fallimenti tas-suq partikolari fil-qasam tal-prestazzjoni ambjentali u r-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-bini. Pereżempju meta jitqiesu x-xogħlijiet ta' rinnovazzjoni fil-bini, il-benefiċċji tal-miżuri ta' prestazzjoni enerġetika u ambjentali tipikament ma jgawdix minnhom biss sid il-bini, li ġeneralment iġorr l-ispejjeż tar-rinnovazzjoni, iżda wkoll l-inkwilin. Il-Kummissjoni għalhekk tqis li l-għajnuna mill-Istat tista’ tkun meħtieġa biex tippromwovi investimenti mmirati lejn it-titjib tal-prestazzjoni ambjentali u r-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-bini.

4.2.2   Kamp ta’ applikazzjoni u attivitajiet appoġġati

136.

L-għajnuna tista’ tingħata għat-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija tal-bini.

137.

Din l-għajnuna tista’ tiġi kkombinata ma’ għajnuna għal kwalunkwe waħda mill-miżuri li ġejjin jew għalihom kollha:

a)

l-installazzjoni ta’ installazzjonijiet integrati tal-enerġija rinnovabbli fil-post li jiġġeneraw l-elettriku, is-sħana jew it-tkessiħ;

b)

l-installazzjoni ta’ tagħmir għall-ħżin tal-enerġija ġġenerata minn installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli fuq il-post;

c)

il-kostruzzjoni u l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-iċċarġjar għall-użu mill-utenti tal-bini, u infrastruttura relatata, bħal kanali, fejn il-faċilitajiet ta’ parkeġġ ikunu jinsabu fil-bini jew fiżikament maġenb il-bini;

d)

l-installazzjoni tat-tagħmir għad-diġitalizzazzjoni tal-ġestjoni u l-kontroll ambjentali u enerġetiku tal-bini, b’mod partikolari biex jiżdied il-potenzjal ta' intelliġenza tiegħu, inkluża sistema passiva ta’ wajers jew cabling strutturat għal networks tad-data u l-parti anċillari tan-network passiv fil-proprjetà li l-bini jappartjeni għaliha, iżda li jeskludi l-wajers ta’ networks tad-data barra l-bini;

e)

investimenti oħra li jtejbu l-prestazzjoni ambjentali u r-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-bini, inklużi investimenti f’soqfa ekoloġiċi u tagħmir għall-irkupru tal-ilma tax-xita.

138.

L-għajnuna tista’ tingħata wkoll għat-titjib tar-rendiment tal-enerġija tat-tagħmir tat-tisħin jew tat-tkessiħ ġewwa l-bini. L-għajnuna għal tagħmir tat-tisħin jew tat-tkessiħ direttament kollegat ma’ sistemi ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali se tiġi vvalutata skont il-kundizzjonijiet applikabbli għall-għajnuna għat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali stabbiliti fit-Taqsima 4.10. L-għajnuna għat-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija tal-proċessi ta’ produzzjoni u għat-tagħmir li jiġġenera l-enerġija użat biex iħaddem il-makkinarju se tiġi vvalutata skont il-kundizzjonijiet applikabbli għall-għajnuna għat-tnaqqis u l-eliminazzjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra stabbiliti fit-Taqsima 4.1.

139.

L-għajnuna trid twassal għal:

a)

fil-każ ta’ rinnovazzjoni ta’ bini eżistenti, titjib fir-rendiment fl-użu tal-enerġija li jwassal għal tnaqqis fid-domanda għall-enerġija primarja ta’ mill-inqas 20 % meta mqabbla mas-sitwazzjoni ta’ qabel l-investiment jew meta t-titjib ikun parti minn rinnovazzjoni fi stadji, tnaqqis fid-domanda għall-enerġija primarja ta’ mill-inqas 30 % meta mqabbla mas-sitwazzjoni preċedenti għall-investiment, fuq perjodu ta’ ħames snin,

b)

fil-każ ta’ miżuri ta’ rinnovazzjoni li jikkonċernaw l-installazzjoni jew is-sostituzzjoni ta’ tip wieħed biss ta’ elementi tal-bini (74) fis-sens tal-Artikolu 2, il-punt 9, tad-Direttiva 2010/31/UE, tnaqqis fid-domanda għall-enerġija primarja ta’ mill-inqas 10 % meta mqabbla mas-sitwazzjoni ta’ qabel l-investiment, dment li l-Istat Membru juri li l-miżura għandha effett sinifikanti ġenerali fil-livell tal-iskema f’termini ta’ tnaqqis tad-domanda għall-enerġija primarja,

c)

fil-każ ta’ bini ġdid, titjib fir-rendiment fl-użu tal-enerġija li jwassal għal tnaqqis ta’ mill-inqas 10 % fid-domanda għall-enerġija primarja meta mqabbel mal-livell limitu stabbilit għar-rekwiżiti tal-binjiet ta’ kważi enerġija żero fil-miżuri nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 2010/31/UE.

140.

L-għajnuna għat-titjib tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija tista’ tingħata wkoll lill-SMEs u lill-kumpaniji żgħar b’kapitalizzazzjoni medja li huma fornituri ta’ miżuri għat-titjib tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għall-faċilitazzjoni tal-ikkuntrattar għar-rendiment fl-użu tal-enerġija skont it-tifsira tal-Artikolu 2, punt (27), tad-Direttiva 2012/27/UE.

4.2.3   Effettta' inċentiv

141.

Ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 142 u 143 japplikaw flimkien ma’ dawk stabbiliti fit-Taqsima 3.1.2.

142.

Il-Kummissjoni tqis li, fil-prinċipju, l-għajnuna għal proġetti b’perjodu ta’ ħlas lura (75) ta’ inqas minn ħames snin ma għandhiex effett ta’ inċentiv. L-Istat Membru jista’ madankollu jipprovdi evidenza biex juri li l-għajnuna hija meħtieġa biex tiskatta bidla fl-imġiba, anki fil-każ ta’ proġetti b’perjodu iqsar ta’ ħlas lura.

143.

Meta l-liġi tal-Unjoni timponi fuq l-impriżi standards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija li jikkwalifikaw bħala standards tal-Unjoni, l-għajnuna għall-investimenti kollha meħtieġa li jippermettu lill-impriżi jikkonformaw ma’ dawk l-istandards se titqies li għandha effett ta’ inċentiv, dment li l-għajnuna tingħata qabel ma r-rekwiżiti jsiru obbligatorji għall-impriża kkonċernata (76). L-Istat Membru jrid jiżgura li l-benefiċjarji jipprovdu pjan ta’ rinnovazzjoni u skeda ta’ żmien preċiżi li juru li r-rinnovazzjoni megħjuna hija tal-inqas suffiċjenti biex il-bini jikkonforma ma’ dawk l-istandards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija.

4.2.4   Minimizzazzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ

4.2.4.1   Adegwatezza

144.

Ir-rekwiżit stabbilit fil-punt 145 japplika flimkien mar-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima 3.2.1.2.

145.

L-għajnuna għall-faċilitazzjoni tal-ikkuntrattar għar-rendiment fl-użu tal-enerġija tista’ tieħu l-forma ta’ self jew garanzija lill-fornitur tal-miżuri għat-titjib tar-rendiment fl-użu tal-enerġija skont kuntratt għar-rendiment fl-użu tal-enerġija, jew tkun tikkonsisti fi prodott finanzjarju bil-għan li jiffinanzja lill-fornitur (pereżempju, fatturament jew forfaiting).

4.2.4.2   Proporzjonalità

146.

Il-kostijiet eliġibbli jikkorrispondu esklussivament għall-kostijiet tal-investiment marbuta direttament mal-ksib ta’ livell ogħla ta’ enerġija jew ta’ prestazzjoni ambjentali.

147.

L-intensità tal-għajnuna ma tistax taqbeż it-30 % tal-kostijiet eliġibbli għall-miżuri speċifikati fil-punti 139(a) u (c). Għal miżuri speċifikati fil-punt 139(b), l-intensità tal-għajnuna ma tridx taqbeż il-25 %. Meta l-għajnuna għall-investimenti li jippermettu lill-impriżi jikkonformaw mal-istandards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija li jikkwalifikaw bħala standards tal-Unjoni tingħata inqas minn 18-il xahar qabel ma jidħlu fis-seħħ l-istandards tal-Unjoni, l-intensità tal-għajnuna ma tridx taqbeż l-20 % tal-ispejjeż eliġibbli għall-miżuri speċifikati fil-punti 139(a) u (c), jew 15 % tal-ispejjeż eliġibbli għall-miżuri speċifikati fil-punt 139(b).

148.

Fir-rigward tal-għajnuna mogħtija għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika f’bini eżistenti, l-intensità tal-għajnuna tista’ tiżdied bi 15-il punt perċentwali fejn it-titjib fir-rendiment fl-użu tal-enerġija jwassal għal tnaqqis fid-domanda għall-enerġija primarja ta’ mill-inqas 40 %. Din iż-żieda fl-intensità tal-għajnuna, madankollu, ma tapplikax meta l-proġett, għalkemm iwassal għal tnaqqis fid-domanda għall-enerġija primarja ta’ 40 % jew aktar, ma jtejjibx ir-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-bini lil hinn mil-livell impost mill-istandards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija li jikkwalifikaw bħala standards tal-Unjoni li jkunu se jidħlu fis-seħħ fi żmien 18-il xahar.

149.

L-intensità tal-għajnuna tista' tiżdied b’ 20 punt perċentwali għal għajnuna mogħtija lil intrapriżi żgħar u b’10 punti perċentwali għal għajnuna mogħtija lil intrapriżi ta' daqs medju.

150.

L-intensità tal-għajnuna tista' tiżdied bi 15-il punt perċentwali għall-investimenti li jinsabu f'żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3), il-punt (a), tat-Trattat u b’5 punti perċentwali għall-investimenti li jinstabu f'żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3), il-punt (c), tat-Trattat.

151.

Skont il-karatteristiċi speċifiċi tal-miżura, l-Istat Membru jista’ juri wkoll, abbażi ta’ analiżi tad-diskrepanza tal-finanzjament, kif stabbilit fil-punti 48, 51 u 52, li hemm bżonn ta’ ammont ogħla ta’ għajnuna. L-ammont ta’ għajnuna ma jridx jaqbeż id-distakk fil-finanzjament, kif stabbilit fil-punti 51 u 52. Meta l-għajnuna għall-investimenti li jippermettu lill-impriżi jikkonformaw mal-istandards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija li jikkwalifikaw bħala standards tal-Unjoni tingħata inqas minn 18-il xahar qabel ma jidħlu fis-seħħ l-istandards, l-ammont massimu tal-għajnuna ma jridx jaqbeż is-70 % tad-diskrepanza tal-finanzjament.

152.

Meta l-għajnuna tingħata wara proċess kompetittiv ta’ offerti mwettaq skont il-kriterji stabbiliti fil-punti 49 u 50, l-ammont tal-għajnuna jitqies proporzjonat. Meta l-għajnuna għall-investimenti li jippermettu lill-impriżi jikkonformaw mal-istandards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija li jikkwalifikaw bħala standards tal-Unjoni tingħata inqas minn 18-il xahar qabel ma jidħlu fis-seħħ l-istandards, l-Istat Membru jrid jiżgura li r-riskju ta’ kumpens eċċessiv jiġi indirizzat b’mod xieraq, pereżempju billi jistabbilixxi limiti massimi tal-offerti.

153.

L-għajnuna mogħtija fil-forma ta’ strumenti finanzjarji mhijiex soġġetta għall-intensitajiet massimi tal-għajnuna stabbiliti fil-punti minn 147 sa 151. Meta l-għajnuna tingħata fil-forma ta’ garanzija, jenħtieġ li l-garanzija ma taqbiżx it-80 % tas-self sottostanti. Meta l-għajnuna tingħata fil-forma ta’ self, il-ħlas lura mis-sid(ien) tal-bini lill-fond tal-effiċjenza fl-enerġija jew tal-enerġija rinnovabbli jew lil intermedjarju finanzjarju ieħor għandu jkun mill-inqas daqs il-valur nominali tas-self.

4.2.4.3   L-evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ u l-ibbilanċjar

154.

Ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 155 sa 157 japplikaw flimkien ma’ dawk stabbiliti fit-Taqsima 3.2.2.

155.

L-għajnuna għall-investiment fit-tagħmir li jaħdem bil-gass naturali maħsub għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika tal-bini tista’ twassal għal tnaqqis fid-domanda għall-enerġija fuq medda qasira ta’ żmien iżda taggrava l-esternalitajiet ambjentali negattivi fuq medda itwal ta’ żmien, meta mqabbla ma’ investimenti alternattivi. L-għajnuna għall-installazzjoni ta’ tagħmir li jaħdem bil-gass naturali tista’ toħloq distorsjoni bla bżonn fil-kompetizzjoni meta tisposta l-investimenti f’alternattivi aktar nodfa li huma diġà disponibbli fis-suq, jew fejn toħloq intrappolament f’ċerti teknoloġiji, u b’hekk tfixkel l-iżvilupp ta’ suq għal teknoloġiji aktar nodfa u l-użu tagħhom. L-effetti pożittivi tal-miżuri li joħolqu tali effett ta’ spostament jew intrappolament x’aktarx li ma jissuperawx l-effetti fuq il-kompetizzjoni. Bħala parti mill-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tikkunsidra jekk it-tagħmir li jaħdem bil-gass naturali jissostitwix it-tagħmir tal-enerġija li juża l-aktar il-karburanti fossili niġġiesa bħaż-żejt u l-faħam.

156.

Alternattivi għat-tagħmir tal-enerġija li juża karburanti fossili niġġiesa bħaż-żejt u l-faħam diġà huma disponibbli fis-suq. F’dan il-kuntest, l-għajnuna għall-installazzjoni ta’ tagħmir tal-enerġija effiċjenti fl-użu tal-enerġija li juża karburanti bħal dawn ma titqiesx li tipproduċi l-istess effetti pożittivi bħal għajnuna għall-installazzjoni ta’ tagħmir tal-enerġija aktar nadifa. L-ewwel nett, it-titjib marġinali f’termini ta’ tnaqqis fid-domanda għall-enerġija huwa kontrobilanċjat mill-emissjonijiet akbar tal-karbonju marbuta mal-użu tal-karburanti fossili. It-tieni, l-għoti ta’ għajnuna għall-installazzjoni ta’ tagħmir tal-enerġija li jaħdem bil-karburanti fossili solidi jew likwidi jinvolvi riskju sinifikanti ta’ intrappolament f’teknoloġiji bbażati fuq il-fossili u l-ispostament tal-investimenti f’alternattivi aktar nodfa u innovattivi disponibbli fis-suq billi d-domanda titbiegħed minn tagħmir tal-enerġija li ma jużax il-karburanti fossili solidi jew likwidi. Dan jiskoraġġixxi wkoll l-iżvilupp ulterjuri tas-suq għal teknoloġiji mhux ibbażati fuq il-fossili. Il-Kummissjoni għalhekk tqis li l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni tal-għajnuna għal tagħmir li juża l-karburanti fossili solidi jew likwidi, x’aktarx mhux se jiġu kkumpensati.

157.

Meta l-għajnuna tingħata fil-forma ta’ dotazzjoni, ekwità, garanzija jew self lil fond għall-effiċjenza fl-enerġija jew fond għall-enerġija rinnovabbli jew lil intermedjarju finanzjarju ieħor, il-Kummissjoni se tivverifika li hemm fis-seħħ kundizzjonijiet biex jiġi żgurat li l-fond għall-effiċjenza fl-enerġija jew il-fond għall-enerġija rinnovabbli jew intermedjarji finanzjarji oħra ma jirċievu l-ebda vantaġġ indebitu u japplikaw strateġija ta’ investiment kummerċjalment soda għall-fini tal-implimentazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna għar-rendiment fl-użu tal-enerġija. B’mod partikolari, iridu jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

l-intermedjarji finanzjarji jew il-maniġers tal-fondi jridu jintgħażlu permezz ta’ proċess miftuħ, trasparenti u mhux diskriminatorju li jsir f’konformità mal-liġijiet tal-Unjoni u nazzjonali applikabbli;

b)

ikun hemm fis-seħħ kundizzjonijiet biex jiġi żgurat li l-intermedjarji finanzjarji, inklużi l-fondi għall-effiċjenza fl-enerġija jew il-fondi għall-enerġija rinnovabbli, jiġu ġestiti fuq bażi kummerċjali u jiżguraw deċiżjonijiet ta’ finanzjament mmotivati mill-qligħ;

c)

l-amministraturi tal-fond għall-effiċjenza fl-enerġija jew tal-fond għall-enerġija rinnovabbli jew intermedjarju finanzjarju ieħor jgħaddu l-vantaġġ kemm jista’ jkun lill-benefiċjarji finali (is-sid(ien) jew l-inkwilin(i) tal-bini), fil-forma ta’ volumi ogħla ta’ finanzjament, rekwiżiti ta’ kollateral aktar baxxi, primjums ta’ garanzija aktar baxxi jew rati tal-imgħax aktar baxxi.

4.3   Għajnuna għal mobbiltà nadifa

158.

It-taqsimiet 4.3.1 u 4.3.2 jistabbilixxu l-kundizzjonijiet skont liema l-għajnuna mill-Istat għal ċerti investimenti biex jitnaqqsu jew jiġu evitati emissjonijiet tal-CO2 u emissjonijiet niġġiesa oħra mill-ajru, mis-setturi tat-trasport bl-ajru, bit-triq, bil-ferrovija, fl-ilmijiet navigabbli interni u bil-baħar tista’ tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attività ekonomika b’mod ekoloġiku, mingħajr ma taffettwa b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sal-punt li jmur kontra l-interess komuni tal-Unjoni.

159.

L-għajnuna għall-investimenti f’vetturi tat-triq light-duty u heavy-duty li jaħdmu bil-gass (b’mod partikolari l-LNG, is-CNG u l-bijogass), u fl-infrastruttura tar-riforniment tal-gass rilevanti għat-triq, ħlief għall-infrastruttura tal-LNG esklussivament għar-riforniment ta’ vetturi tat-triq heavy-duty, taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida. Abbażi tal-istadju attwali tal-iżvilupp tas-suq, hu mistenni li dawn it-teknoloġiji jkollhom potenzjal ferm aktar baxx biex jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja, meta mqabbla ma’ alternattivi aktar nodfa u aktar innovattivi u għalhekk mistennija li joħolqu distorsjoni bla bżonn fil-kompetizzjoni billi jispustjaw l-investimenti f’dawk l-alternattivi aktar nodfa u jintrappolaw is-soluzzjonijiet ta’ mobbiltà li mhumiex konformi mal-miri tal-2030 u tal-2050.

4.3.1   L-għajnuna tista’ tingħata għall-akkwist jew il-kiri ta’ vetturi nodfa u ta’ tagħmir nadif għas-servizzi mobbli u għall-modifika retroattiva ta’ vetturi u ta’ tagħmir għas-servizzi mobbli

4.3.1.1   Raġunament għall-għajnuna

160.

Sabiex jintlaħaq l-objettiv legalment vinkolanti tal-Unjoni għan-newtralità klimatika sal-2050, il-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew stabbiliet l-għan li sal-2050 l-emissjonijiet tat-trasport jitnaqqsu b’mill-inqas 90 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Il-Komunikazzjoni dwar Strateġija ta’ Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti (77) tistabbilixxi perkors biex jinkiseb l-objettiv permezz tad-dekarbonizzazzjoni kemm tal-modi individwali tat-trasport kif ukoll tal-katina kollha tat-trasport. (78)

161.

Filwaqt li l-politiki eżistenti jistgħu jipprovdu inċentivi għall-adozzjoni ta’ vetturi nodfa, billi jistabbilixxu miri ta’ emissjonijiet ta’ CO2 vinkolanti għall-flotta ġdida ta’ vetturi tal-manifatturi (79), billi jinternalizzaw l-esternalitajiet klimatiċi u ambjentali (80), jew billi jagħtu spinta lid-domanda permezz tal-akkwist pubbliku (81), jistgħu ma jkunux biżżejjed biex jindirizzaw bis-sħiħ il-fallimenti tas-suq li jaffettwaw is-settur ikkonċernat. Minkejja l-politiki eżistenti, ċerti ostakli tas-suq u fallimenti tas-suq jistgħu jibqgħu ma jiġux indirizzati, inkluż fir-rigward tal-affordabbiltà tal-vetturi nodfa meta mqabbla mal-vetturi konvenzjonali, id-disponibbiltà limitata tal-infrastruttura tal-iċċarġjar jew tar-riforniment tal-karburant u l-eżistenza ta’ esternalitajiet ambjentali. L-Istati Membri jistgħu għalhekk jipprovdu għajnuna biex jindirizzaw dawk il-fallimenti tas-suq residwi u jappoġġaw l-iżvilupp tas-settur tal-mobilità nadifa.

4.3.1.2   Kamp ta’ applikazzjoni u attivitajiet appoġġati

162.

L-għajnuna tista’ tingħata għall-akkwist jew il-kiri ta’ vetturi nodfa ġodda jew użati u għall-akkwist u l-kiri ta’ tagħmir nadif għas-servizzi mobbli.

163.

L-għajnuna tista’ tingħata wkoll għall-modifika retroattiva, il-modifika mill-ġdid u l-adattament ta’ vetturi jew ta’ tagħmir għas-servizzi mobbli fil-każijiet li ġejjin:

(a)

meta tippermettilhom jikkwalifikaw bħala vetturi nodfa jew tagħmir nadif għas-servizzi mobbli; jew

(b)

meta jkun neċessarju li vapuri u inġenji tal-ajru jkunu jistgħu jużaw il-bijokarburanti jew il-karburanti sintetiċi jew iżidu s-sehem tagħhom, fosthom karburanti tat-trasport likwidi jew gassużi rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika flimkien ma’ karburanti bbażati fuq il-fossili jew bħala alternattiva għalihom; jew

(c)

meta jkun neċessarju li vapuri jkunu jistgħu jużaw il-propulsjoni bir-riħ.

4.3.1.3   Effett ta’ inċentiv

164.

Il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 165 sa 169 japplikaw flimkien mal-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 3.1.2.

165.

L-Istat Membru jrid jipprovdi xenarju kontrofattwali kredibbli fin-nuqqas tal-għajnuna. Xenarju kontrofattwali jikkorrispondi għal investiment bl-istess kapaċità, tul tal-ħajja u, fejn xieraq, karatteristiċi tekniċi rilevanti oħra bħall-investiment li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent. Fejn l-investiment jikkonċerna l-akkwist jew il-kiri ta’ vetturi nodfa jew tagħmir nadif għas-servizzi mobbli, ix-xenarju kontrofattwali ġeneralment huwa l-akkwist jew il-kiri ta’ vetturi jew tagħmir għas-servizzi mobbli tal-istess kategorija u l-istess kapaċità, tal-inqas konformi mal-istandards tal-Unjoni, fejn applikabbli, li jkunu akkwistati jew mikrija mingħajr l-għajnuna.

166.

Ix-xenarju kontrofattwali jista’ jkun li l-vettura jew it-tagħmir għas-servizzi mobbli eżistenti jibqgħu jitħaddmu għal perjodu li jikkorrispondi għat-tul ta’ ħajja tal-investiment ekoloġiku. F’dak il-każ, jenħtieġ li l-kostijiet skontati ta’ manutenzjoni, tiswija u modernizzazzjoni matul dak il-perjodu jiġu kkunsidrati.

167.

F’każijiet oħra, ix-xenarju kontrofattwali jista’ jikkonsisti f’sostituzzjoni aktar tard tal-vettura jew tat-tagħmir għas-servizzi mobbli, f’liema każ jenħtieġ li jitqies il-valur skontat tal-vettura jew tat-tagħmir għas-servizzi mobbli u jenħtieġ li d-differenza fil-ħajja ekonomika rispettiva tat-tagħmir tiġi ekwalizzata. Dan l-approċċ jista’ jkun partikolarment rilevanti għal vetturi li għandhom ħajja ekonomika itwal bħal bastimenti, vetturi ferrovjarji u inġenji tal-ajru.

168.

Fil-każ ta’ vetturi jew tagħmir għas-servizzi mobbli soġġetti għal arranġamenti ta’ kiri, jenħtieġ li l-valur skontat tal-kiri tal-vetturi nodfa jew tat-tagħmir mobbli nadif jitqabbel mal-valur skontat tal-kiri tal-vettura jew tat-tagħmir għas-servizz mobbli inqas ekoloġiċi li kieku jintużaw fin-nuqqas tal-għajnuna.

169.

Meta l-investiment ikun jikkonsisti miż-żieda ta’ tagħmir ma’ vettura jew tagħmir għas-servizzi mobbli eżistenti bil-għan li titjieb il-prestazzjoni ambjentali tagħhom (pereżempju, il-modifika retroattiva ta’ sistemi ta’ kontroll tat-tniġġis), il-kostijiet eliġibbli jistgħu jkunu jikkonsistu mill-investiment totali tal-kostijiet.

4.3.1.4   Minimizzazzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-kummerċ

4.3.1.4.1   Adegwatezza

170.

Ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 171 japplikaw flimkien ma’ dawk stabbiliti fit-Taqsima 3.2.1.2.

171.

Il-verifika tal-adegwatezza fost strumenti ta’ politika alternattivi jenħtieġ li tqis il-potenzjal għal tipi oħra ta’ interventi għajr l-għajnuna mill-Istat biex jiġi stimulat l-iżvilupp tas-suq tal-mobilità nadifa u l-impatt mistenni tagħhom meta mqabbel ma’ dak tal-miżura proposta. Tali modi oħra ta’ interventi jistgħu jinkludu l-introduzzjoni ta’ miżuri ġenerali mmirati lejn il-promozzjoni tal-akkwist ta’ vetturi nodfa bħal skemi ta’ bonus ekoloġiku jew skemi ta’ skrappjar jew il-ħolqien ta’ żoni b’emissjonijiet baxxi fl-Istat Membru kkonċernat.

4.3.1.4.2   Proporzjonalità

172.

L-għajnuna ma tridx taqbeż l-ispiża meħtieġa biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tal-attività ekonomika inkwistjoni b’mod li jiżdied il-livell ta’ ħarsien tal-ambjent (jiġifieri permezz tal-bidla minn vetturi konvenzjonali għal vetturi nodfa u tagħmir nadif għas-servizzi mobbli), meta mqabbla max-xenarju kontrofattwali fin-nuqqas ta’ għajnuna. L-għajnuna mill-Istat tista’ titqies proporzjonata meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti minn 173 sa 181.

173.

Bħala regola ġenerali, l-għajnuna trid tingħata wara proċedura kompetittiva ta’ offerti mmexxija f’konformità mal-kriterji fil-punti 49 u 50.

174.

Jekk jintużaw kriterji oħra minbarra l-ammont ta’ għajnuna mitlub mill-applikant fil-kuntest tal-proċess kompetittiv ta’ offerti, japplika l-punt 50. Il-kriterji tal-għażla jistgħu, pereżempju, jirrelataw mal-benefiċċji ambjentali mistennija tal-investiment f’termini ta’ ekwivalenti ta’ CO2 jew tnaqqis ieħor ta’ sustanzi niġġiesa matul il-ħajja tiegħu. F’każijiet bħal dawn, biex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni tal-benefiċċji ambjentali, l-Istat Membru jista’ jirrikjedi li l-applikanti jindikaw fl-offerti tagħhom il-livell mistenni ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet li jirriżulta mill-investiment, meta mqabbel mal-livell ta’ emissjonijiet ta’ vettura komparabbli li tikkonforma mal-istandards tal-Unjoni, fejn applikabbli. Il-kriterji ambjentali użati fil-proċess kompetittiv tal-offerti jistgħu jinkludu wkoll kunsiderazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja bħall-impatt ambjentali tal-ġestjoni ta’ tmiem il-ħajja tal-prodott.

175.

It-tfassil tal-proċedura kompetittiva tal-offerti jrid jiggarantixxi li jkun hemm biżżejjed inċentivi għall-applikanti biex jippreżentaw offerti għal proġetti li jikkonċernaw l-akkwist ta’ vetturi tat-trasport b’emissjonijiet żero, li normalment jiswew aktar minn alternattivi li huma inqas ekoloġiċi, sa fejn dawn ikunu disponibbli għall-dak il-mod ta’ trasport. Dan jinkludi li jiġi żgurat li l-applikazzjoni tal-kriterji tal-għażla ma tpoġġix lil dawk il-proġetti fi żvantaġġ meta mqabbla ma’ vetturi nodfa oħra, li ma jikkwalifikawx bħala vetturi b’emissjonijiet żero. Pereżempju, il-kriterji ambjentali jistgħu jitfasslu bħala primjums li jippermettu li jiġi assenjat punteġġ ogħla lil proġetti li jġibu benefiċċji ambjentali lil hinn minn dawk li jirriżultaw mir-rekwiżiti tal-eliġibbiltà jew mill-objettiv primarju tal-miżura. Fejn xieraq, jistgħu jkunu meħtieġa limiti massimi tal-offerti biex jillimitaw l-offerta massima minn offerenti individwali f’kategoriji partikolari. Jenħtieġ li kwalunkwe limitu massimu tal-offerta jkun iġġustifikat b’referenza għall-kwantifikazzjoni għall-proġetti ta’ referenza msemmija fil-punti 51, 52 u 53.

176.

B’deroga mill-punti minn 173 sa 175, l-għajnuna tista’ tingħata mingħajr proċess kompetittiv ta’ offerti fil-każijiet li ġejjin:

a)

meta l-għadd mistenni ta’ parteċipanti ma jkunx biżżejjed biex jiżgura kompetizzjoni effettiva jew biex jevita offerti strateġiċi;

b)

meta l-Istat Membru jipprovdi ġustifikazzjoni adegwata li proċess ta’ offerti kompetittiv, kif deskritt fil-punti 49 u 50, mhuwiex xieraq biex tkun żgurata l-proporzjonalità tal-għajnuna u li l-użu ta’ metodi alternattivi fil-punti minn 177 sa 180 ma jżidx ir-riskju ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bla bżonn (82), skont il-karatteristiċi tal-miżura jew tas-setturi jew il-modi ta’ trasport ikkonċernati; jew

c)

fejn tingħata għall-akkwist jew għall-kiri ta’ vetturi maħsuba għall-użu minn impriżi attivi fis-settur tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri fuq l-art, bil-ferrovija jew bil-baħar.

177.

Fil-każijiet imsemmija fil-punt 176, l-għajnuna tista’ titqies proporzjonata jekk ma taqbiżx l-40 % tal-ispejjeż eliġibbli. L-intensità tal-għajnuna tista’ tiżdied b’10 punti perċentwali għal vetturi b’emissjonijiet żero u b’10 punti perċentwali għal intrapriżi ta’ daqs medju jew b’20 punt perċentwali għal intrapriżi żgħar.

178.

Il-kostijiet eliġibbli huma l-kostijiet netti żejda tal-investiment. Dawn huma kkalkulati bħala d-differenza, minn naħa waħda, bejn l-ispiża totali tas-sjieda tal-vetturi nodfa previsti li jiġu akkwistati jew mikrija, u min-naħa l-oħra l-għajnuna u l-kost totali tas-sjieda fix-xenarju kontrofattwali. Il-kostijiet li mhumiex marbuta direttament mal-ksib ta’ livell ogħla ta’ ħarsien tal-ambjent mhumiex eliġibbli għall-appoġġ.

179.

Fir-rigward tal-modifika retroattiva ta’ vetturi jew ta’ tagħmir għas-servizzi mobbli, f’konformità mal-punt 169, il-kostijiet eliġibbli jistgħu jkunu l-kostijiet totali tal-modifika retroattiva, dment li fix-xenarju kontrofattwali l-vetturi jew it-tagħmir għas-servizzi mobbli jżommu l-istess ħajja ekonomika fin-nuqqas tal-modifika retroattiva.

180.

Skont il-karatteristiċi speċifiċi tal-miżura, l-Istat Membru jista’ juri wkoll, abbażi ta’ analiżi tad-diskrepanza tal-finanzjament, kif stabbilit fil-punti 48, 51 u 52, li hemm bżonn ta’ ammont ogħla ta’ għajnuna. F’każ bħal dan, l-Istat Membru jrid iwettaq monitoraġġ ex post biex jivverifika s-suppożizzjonijiet magħmula dwar il-livell ta’ għajnuna meħtieġ u jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rkupru, kif stabbilit fil-punt 55. L-ammont ta’ għajnuna ma jridx jaqbeż id-distakk fil-finanzjament, kif stabbilit fil-punti 51 u 52.

181.

Fil-każ ta’ għajnuna individwali, l-ammont ta’ għajnuna jrid jiġi ddeterminat abbażi ta’ analiżi tad-distakk tal-finanzjament kif stabbilit fil-punti 48, 51 u 52. F’każijiet bħal dawn, l-Istat Membru jrid iwettaq monitoraġġ ex post biex jivverifika s-suppożizzjonijiet magħmula dwar il-livell ta’ għajnuna meħtieġ u jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rkupru, kif stabbilit fil-punt55.

4.3.1.5   L-evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ u l-ibbilanċjar

182.

Ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 183 sa 189 japplikaw flimkien ma’ dawk stabbiliti fit-Taqsima 3.2.2.

183.

Il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna għall-investimenti f’vetturi u f’tagħmir għas-servizzi mobbli li jaħdmu bil-gass naturali jistgħu jwasslu għal tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra u ta’ sustanzi niġġiesa oħra fuq medda qasira ta’ żmien iżda jaggravaw l-esternalitajiet ambjentali negattivi aktar fit-tul, meta mqabbla ma’ investimenti alternattivi. L-għajnuna għall-akkwist ta’ vetturi u ta’ tagħmir għas-servizzi mobbli li jaħdem bil-gass naturali tista’ toħloq distorsjoni bla bżonn fil-kompetizzjoni meta tisposta l-investimenti f’alternattivi aktar nodfa li huma diġà disponibbli fis-suq, jew fejn toħloq intrappolament f’ċerti teknoloġiji, u b’hekk tfixkel l-iżvilupp ta’ suq għal teknoloġiji aktar nodfa u l-użu tagħhom. Għalhekk, f’dawk il-każijiet, il-Kummissjoni tqis li x’aktarx mhux se jikkumpensaw għall-effetti negattivi fuq l-għajnuna għall-vetturi u għat-tagħmir għas-servizzi mobbli li jużaw il-gass naturali.

184.

L-għajnuna għall-akkwist jew il-kiri ta’ vetturi CNG u LNG għal trasport fuq l-ilma u tagħmir għas-servizzi mobbli tista’ titqies li ma toħloqx effetti ta’ intrappolament fit-tul u li ma tispostax l-investimenti lejn teknoloġiji aktar nodfa jekk l-Istat Membru juri li alternattivi aktar nodfa mhumiex faċilment disponibbli fis-suq u mhumiex mistennija li jkunu disponibbli fi żmien qasir (83).

185.

Alternattivi għall-vetturi li jużaw l-aktar karburanti fossili niġġiesa bħad-diżil jew il-gass likwidu miż-żejt (LPG) diġà huma disponibbli fis-suq għall-użu fis-setturi tat-trasport bit-triq, it-trasport fuq l-ilma u t-trasport ferrovjarju. L-għoti ta’ għajnuna għal dawk il-vetturi jinvolvi riskju sinifikanti ta’ intrappolament f’teknoloġiji konvenzjonali u ta’ spostament ta’ investimenti f’alternattivi aktar nodfa disponibbli fis-suq billi d-domanda tiġi ttrasferita lil hinn minn vetturi ekoloġiċi. Dan jiskoraġġixxi wkoll l-iżvilupp ulterjuri tas-suq għal teknoloġiji ta’ karburanti mhux fossili. F’dan il-kuntest, l-għajnuna għall-akkwist jew il-kiri ta’ dawk il-vetturi, inklużi vetturi tal-ġenerazzjoni ġdida li jmorru lil hinn mill-istandards tal-Unjoni fejn applikabbli, ma titqiesx li tipproduċi l-istess effetti pożittivi bħal għajnuna għall-akkwist jew il-kiri ta’ vetturi nodfa b’emissjonijiet ta’ CO2 diretti (mit-tailpipe/egżost) aktar baxxi. Il-Kummissjoni għalhekk tqis li l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni tal-għajnuna għal vetturi li jużaw l-aktar karburanti fossili niġġiesa, bħad-diżil, il-petrol jew l-LPG, x’aktarx mhux se jiġu kkumpensati.

186.

Inġenji tal-ajru b’emissjonijiet żero, sew jekk elettriċi jew li jaħdmu bl-idroġenu, mhumiex mistennija li jsiru disponibbli fis-suq fi żmien qasir. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni tqis li l-effetti negattivi tal-għajnuna mill-Istat għal inġenji tal-ajru nodfa għajr inġenji tal-ajru b’emissjonijiet żero jistgħu jiġu kkumpensati mill-effetti pożittivi tagħha fejn tikkontribwixxi għall-introduzzjoni fis-suq jew għall-adozzjoni aċċelerata ta’ inġenji tal-ajru ġodda, sostanzjalment aktar effiċjenti u ekoloġiċi, f’konformità ma’ perkors lejn in-newtralità klimatika, mingħajr ma toħloq effett ta’ intrappolament f'ċerti teknoloġiji u tisposta l-investimenti f’alternattivi aktar nodfa.

187.

Fir-rigward tat-trasport bl-ajru, fejn xieraq biex jittaffew l-effetti partikolarment distorsivi tal-għajnuna, inkluż fir-rigward tal-pożizzjoni fis-suq tal-benefiċjarju, jew biex jiżdiedu l-effetti pożittivi tal-miżuri, il-Kummissjoni tista’ titlob li l-benefiċjarju jiddekummissjona numru ekwivalenti ta’ inġenji tal-ajru inqas ekoloġiċi ta’ massa tat-tlugħ simili bħall-inġenju tal-ajru akkwistat jew mikri bl-għajnuna mill-Istat.

188.

Meta tivvaluta d-distorsjoni tal-kompetizzjoni tal-għajnuna għall-akkwist jew il-kiri ta’ vetturi jew tagħmir tas-servizz mobbli, il-Kummissjoni se tikkunsidra jekk id-dħul fis-servizz ta’ vetturi ġodda jirriżultax f’fallimenti tas-suq jew jaggravax fallimenti tas-suq eżistenti, bħall-kapaċità żejda fis-settur ikkonċernat.

189.

Sabiex jiġu indirizzati l-effetti ta’ distorsjoni ogħla mistennija tal-miżuri li jagħtu appoġġ immirat lil benefiċjarju individwali jew għadd limitat ta’ benefiċjarji speċifiċi (84) fin-nuqqas ta’ offerti kompetittivi, l-Istat Membru jrid jiġġustifika b’mod adegwat it-tfassil tal-miżura, u juri li r-riskji ogħla ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni huma indirizzati kif xieraq (85).

4.3.2   Għajnuna għall-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-iċċarġjar jew tar-riforniment tal-karburant

4.3.2.1   Raġuni għall-għajnuna

190.

Huwa meħtieġ network komprensiv ta’ infrastruttura tal-iċċarġjar u tar-riforniment tal-karburant biex ikun jista’ jsir użu mifrux ta’ vetturi nodfa, u biex tkun tista’ ssir il-bidla lejn mobbiltà b’emissjonijiet żero. Fil-fatt, ostaklu partikolarment kritiku għall-adozzjoni mis-suq ta’ vetturi nodfa huwa d-disponibbiltà limitata tal-infrastruttura biex dawn jiġu ċċarġjati jew biex jerġgħu jiġi rifornuti bil-karburant. Barra minn hekk, l-infrastruttura tal-iċċarġjar u tar-riforniment tal-karburant mhijiex mifruxa b’mod ugwali fost l-Istati Membri. Sakemm is-sehem tal-vetturi nodfa li qed joperaw jibqa’ limitat, is-suq waħdu jista’ jonqos milli jipprovdi l-infrastruttura tal-iċċarġjar u tar-riforniment tal-karburant meħtieġa.

191.

Id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (86) toħloq qafas komuni ta’ miżuri għall-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi għat-trasport fl-Unjoni u tistabbilixxi qafas ta’ miżuri komuni għall-implimentazzjoni ta’ tali infrastruttura. Barra minn hekk, jista’ jkun li politiki oħra li jippromwovu l-użu ta’ vetturi nodfa diġà jipprovdu sinjali ta’ investiment għall-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-iċċarġjar u tar-riforniment tal-karburant. Madankollu, dawk il-politiki waħedhom jaf ma jkunux biżżejjed biex jindirizzaw b’mod sħiħ il-fallimenti tas-suq identifikati. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna biex jindirizzaw dawk in-nuqqasijiet residwi tas-suq u jappoġġaw l-installazzjoni tal-infrastruttura tal-iċċarġjar u tar-riforniment tal-karburant.

4.3.2.2   Kamp ta’ applikazzjoni u attivitajiet appoġġati

192.

Tista’ tingħata għajnuna għall-kostruzzjoni, l-installazzjoni, l-aġġornament jew l-estensjoni tal-infrastruttura tal-iċċarġjar jew tar-riforniment tal-karburant.

193.

Il-proġetti jistgħu jinkludu wkoll installazzjonijiet għal operazzjonijiet ta’ ċċarġjar intelliġenti u għall-produzzjoni fuq il-post tal-elettriku jew l-idroġenu minn sorsi rinnovabbli, konnessi mal-infrastruttura tal-iċċarġjar jew tar-riforniment tal-karburant permezz ta’ konnessjoni diretta, kif ukoll faċilitajiet tal-ħżin fuq il-post għall-elettriku u l-idroġenu li għandhom jiġu fornuti bħala karburanti għat-trasport. Il-kapaċità tal-produzzjoni nominali tal-installazzjoni tal-produzzjoni tal-elettriku jew tal-idroġenu fuq il-post jenħtieġ li tkun proporzjonata mal-output nominali jew il-kapaċità ta’ riforniment tal-karburant tal-infrastruttura tal-iċċarġjar jew tar-riforniment tal-karburant li tkun konnessa magħha.

4.3.2.3   Minimizzazzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ

4.3.2.3.1   Ħtieġa ta’ għajnuna

194.

L-Istat Membru jrid jivverifika l-ħtieġa ta’ għajnuna biex jinċentiva l-użu ta’ infrastruttura tal-iċċarġjar jew tar-riforniment tal-karburant tal-istess kategorija bħall-infrastruttura li tkun se tiġi skjerata bl-għajnuna mill-Istat (87) permezz ta’ konsultazzjoni pubblika miftuħa ex ante, studju tas-suq indipendenti jew abbażi ta’ kwalunkwe evidenza xierqa oħra kif stabbilit fit-Taqsima 3.2.1.1. B’mod partikolari, l-Istat Membru jrid jivverifika li m’hemmx probabbiltà li infrastruttura simili tiġi żviluppata fuq termini kummerċjali fuq medda qasira ta’ żmien (88) u jikkunsidra l-impatt ta’ ETS, fejn applikabbli.

195.

Meta tkun qed tiġi vvalutata l-ħtieġa ta’ għajnuna għall-iskjerament ta’ infrastruttura tal-iċċarġjar u tar-riforniment tal-karburant li tkun miftuħa għal aċċess minn utenti li mhumiex il-benefiċjarju jew il-benefiċjarji tal-għajnuna, inkluż infrastruttura tal-iċċarġjar jew tar-riforniment tal-karburant aċċessibbli għall-pubbliku, jista’ jiġi kkunsidrat il-livell ta’ penetrazzjoni fis-suq tal-vetturi nodfa li tali infrastruttura taqdi u l-volumi tat-traffiku fir-reġjun jew fir-reġjuni kkonċernati.

4.3.2.3.2   Adegwatezza

196.

Ir-rekwiżit stabbilit fil-punt 197 japplika flimkien ma’ dawk stabbiliti fit-Taqsima 3.2.1.2.

197.

Jenħtieġ li l-verifika tal-adegwatezza fost strumenti ta’ politika alternattivi tqis il-potenzjal għal interventi regolatorji ġodda biex tiġi stimulata l-bidla lejn mobbiltà nadifa u l-impatt mistenni tagħhom meta mqabbel ma’ dak tal-miżura proposta.

4.3.2.3.3   Proporzjonalità

198.

L-għajnuna ma għandhiex taqbeż il-kost meħtieġ biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tal-attività ekonomika inkwistjoni, b’mod li jiżdied il-livell ta’ ħarsien tal-ambjent. L-għajnuna mill-Istat tista’ titqies proporzjonata meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 199 sa 204.

199.

L-għajnuna trid tingħata wara proċess kompetittiv ta’ offerti mwettaq skont il-kriterji stabbiliti fil-punti 49 u 50. It-tfassil tal-proċess kompetittiv tal-offerti jrid jiżgura li jkun hemm biżżejjed inċentivi għall-applikanti biex jissottomettu offerti għal proġetti li jikkonċernaw l-iċċarġjar jew l-infrastruttura tar-riforniment tal-karburant li tipprovdi biss elettriku rinnovabbli jew idroġenu rinnovabbli. L-applikazzjoni tal-kriterji tal-għoti ma tistax twassal biex proġetti li jikkonċernaw infrastruttura tal-iċċarġjar jew tar-riforniment tal-karburant li tipprovdi biss elettriku rinnovabbli jew idroġenu rinnovabbli jitqiegħdu fi żvantaġġ meta mqabbla ma’ proġetti li jikkonċernaw infrastrutturi tal-iċċarġjar jew tar-riforniment tal-karburant li jfornu wkoll elettriku jew idroġenu b’intensità ogħla ta’ CO2 meta mqabbla mal-elettriku rinnovabbli jew mal-idroġenu rinnovabbli jew li ma jkunx rinnovabbli. Fejn xieraq, jistgħu jkunu meħtieġa limiti massimi tal-offerti biex jillimitaw l-offerta massima minn offerenti individwali f’kategoriji partikolari. Jenħtieġ li kwalunkwe limitu massimu tal-offerta jkun iġġustifikat b’referenza għall-kwantifikazzjoni għall-proġetti ta’ referenza msemmija fil-punti 51, 52 u 53.

200.

B’deroga mill-punt 199, l-għajnuna tista’ tingħata abbażi ta’ metodi oħra għajr proċess kompetittiv ta’ offerti fil-każijiet li ġejjin:

a)

meta l-għadd mistenni ta’ parteċipanti ma jkunx biżżejjed biex jiżgura kompetizzjoni effettiva jew biex jevita offerti strateġiċi;

b)

fejn proċess kompetittiv ta’ offerti, kif stabbilit fil-punti 49 u 50, ma jkunx jista’ jiġi organizzat.

c)

meta l-għajnuna tingħata għall-infrastruttura tal-iċċarġjar jew tar-riforniment maħsuba esklussivament jew primarjament għall-użu minn impriżi attivi fis-settur tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri fuq l-art, bil-ferrovija jew bil-baħar (89);

d)

meta l-għajnuna tingħata għall-infrastruttura tal-iċċarġjar jew tar-riforniment tal-karburant maħsuba esklussivament jew primarjament għall-użu mill-benefiċjarju tal-għajnuna u li ma tkunx aċċessibbli għall-pubbliku (90), jekk tkun iġġustifikata b’mod adegwat mill-Istat Membru kkonċernat; jew

e)

meta l-għajnuna tingħata għall-infrastruttura tal-iċċarġjar jew tar-riforniment tal-karburant maħsuba għall-użu minn ċerti tipi ta’ vetturi li għalihom ir-rata ta’ penetrazzjoni tas-suq rilevanti (għal kull tip ta’ vettura rilevanti) fl-Istat Membru kkonċernat jew il-volumi tat-traffiku fir-reġjun jew reġjuni kkonċernati huma limitati ħafna (91).

201.

Fil-każijiet elenkati fil-punt 200, l-ammont ta’ għajnuna jista’ jiġi ddeterminat abbażi ta’ analiżi tad-distakk tal-finanzjament kif stabbilit fil-punti 48, 51 u 52. L-Istat Membru jrid iwettaq monitoraġġ ex post biex jivverifika s-suppożizzjonijiet magħmula dwar il-livell ta’ għajnuna meħtieġa u jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rkupru kif stabbilit fil-punt 55.

202.

Alternattivament għall-punt 201, l-għajnuna tista’ titqies proporzjonata jekk ma taqbiżx it-30 % tal-kostijiet eliġibbli jew, fejn l-infrastruttura tal-iċċarġjar jew tar-riforniment tal-fjuwil tforni biss elettriku rinnovabbli jew idroġenu rinnovabbli, 40 % tal-kostijiet eliġibbli. L-intensità tal-għajnuna tista’ tiġi miżjuda b’10 punti perċentwali għal impriżi ta’ daqs medju u b’20 punt perċentwali għal impriżi żgħar. L-intensità tal-għajnuna tista’ tiżdied bi 15-il punt perċentwali għall-investimenti li jinsabu f’żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet fl-Artikolu 107(3), punt (a) tat-Trattat jew b’5 punti perċentwali għall-investimenti li jinstabu f’żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet fl-Artikolu 107(3), punt (c) tat-Trattat.

203.

F’każijiet bħal dawn, il-kostijiet eliġibbli huma l-kostijiet kollha ta’ investiment għall-kostruzzjoni, l-installazzjoni, l-aġġornament jew l-estensjoni tal-infrastruttura tal-iċċarġjar jew tar-riforniment tal-karburant. Pereżempju, dawn jistgħu jinkludu l-kostijiet ta’:

a)

l-infrastruttura tal-iċċarġjar jew tar-riforniment tal-karburant u t-tagħmir tekniku relatat;

b)

l-installazzjoni jew l-aġġornamenti ta’ komponenti elettriċi jew oħrajn, inklużi kejbils tal-elettriku u transformers tal-potenza, meħtieġa biex iqabbdu l-infrrastruttura tal-iċċarġjar jew tar-riforniment tal-karburant mal-grilja jew ma’ unità lokali tal-produzzjoni jew tal-ħżin tal-elettriku jew tal-idroġenu;

c)

xogħlijiet ta’ inġinerija ċivili, adattamenti tal-art jew tat-toroq, kostijiet tal-installazzjoni u kostijiet għall-kisba ta’ permessi relatati.

204.

Meta proġett jinkludi l-produzzjoni fil-post tal-elettriku rinnovabbli jew tal-idroġenu rinnovabbli jew b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju jew il-ħżin fil-post tal-elettriku jew tal-idroġenu rinnovabbli jew b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, il-kostijiet eliġibbli jistgħu jinkludu l-kostijiet tal-investiment tal-unitajiet tal-produzzjoni jew tal-faċilitajiet tal-ħżin.

4.3.2.4   L-evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ u l-ibbilanċjar

205.

Ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 206 sa 216 japplikaw flimkien ma’ dawk stabbiliti fit-Taqsima 3.2.2.

206.

Infrastruttura ġdida tal-iċċarġjar li tippermetti t-trasferiment tal-elettriku b’output ta’ potenza sa 22 kW trid tkun kapaċi tappoġġa l-funzjonalitajiet tal-iċċarġjar intelliġenti. Dan jiżgura li l-operazzjonijiet tal-iċċarġjar jiġu ottimizzati u ġestiti b’mod li ma jikkawżax konġestjoni u jieħu vantaġġ sħiħ mid-disponibbiltà tal-elettriku rinnovabbli u l-prezzijiet baxxi tal-elettriku fis-sistema.

207.

Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-infrastruttura u jsir użu minn assi li għadhom ma laħqux tmiem il-ħajja ekonomika tagħhom, fil-każ ta’ infrastruttura ta’ riforniment ta’ karburant għat-trasport fuq l-ilma u bl-ajru li tipprovdi karburanti sintetiċi, inklużi karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika, jew bijokarburanti (92), l-Istat Membru għandu jiġġustifika l-ħtieġa għal infrastruttura ġdida, b’kont meħud tal-karatteristiċi tekniċi tal-karburant jew karburanti li għandhom jiġu fornuti bl-użu ta’ dik l-infrastruttura. Fil-każ ta’ karburanti sintetiċi jew bijokarburanti ta’ sostituzzjoni (93), l-Istat Membru għandu jikkunsidra sa liema punt l-infrastruttura eżistenti tista’ tintuża għall-provvista ta’ karburanti sintetiċi jew bijokarburanti.

208.

L-għajnuna għall-kostruzzjoni, l-installazzjoni, l-aġġornament jew l-estensjoni tal-infrastruttura tar-riforniment tal-fjuwil tista’ tfixkel il-kompetizzjoni bla bżonn meta tisposta l-investimenti f’alternattivi aktar nodfa li diġà huma disponibbli fis-suq, jew fejn toħloq intrappolament f’ċerti teknoloġiji, u b’hekk tfixkel l-iżvilupp ta’ suq għal teknoloġiji aktar nodfa u l-użu tagħhom. Għalhekk, f’dawk il-każijiet, il-Kummissjoni tqis li l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni tal-għajnuna għall-infrastruttura tar-riforniment tal-karburant li tforni karburanti ibbażati fuq il-gass naturali x’aktarx li ma jiġux ikkumpensati.

209.

Minħabba l-istadju attwali tal-iżvilupp tas-suq għal teknoloġiji ta’ mobbiltà nadifa fis-setturi tat-trasport fuq l-ilma, l-għajnuna għall-kostruzzjoni, l-installazzjoni, l-aġġornament jew l-estensjoni tal-infrastruttura tar-riforniment tal-karburant tas-CNG u tal-LNG għat-trasport fuq l-ilma tista’ titqies li ma jkollhiex effetti ta’ intrappolament fit-tul u ma tispostax investimenti f’teknoloġiji aktar nodfa jekk l-Istat Membru juri li alternattivi aktar nodfa mhumiex disponibbli faċilment fis-suq u mhumiex mistennija li jkunu disponibbli fuq medda qasira ta’ żmien (94), u sakemm l-infrastruttura tintuża biex tiskatta t-tranżizzjoni lejn karburanti b’livell baxx ta’ karbonju. Meta tivvaluta din l-għajnuna, il-Kummissjoni se tqis jekk l-investiment jagħmilx parti minn perkors kredibbli ta’ dekarbonizzazzjoni u jekk l-għajnuna tikkontribwix biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi.

210.

Fil-qasam tat-trasport bit-triq, il-vetturi b’emissjonijiet żero diġà huma għażla realistika, speċjalment għall-vetturi ħfief. Fir-rigward tal-vetturi tqal, dawn huma mistennija li jsiru aktar disponibbli fis-suq fil-futur qrib. Għalhekk, l-għajnuna għall-infrastruttura tar-riforniment tal-LNG għall-vetturi tqal mogħtija wara l-2025 aktarx li jkollha effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni li x’aktarx ma jiġux ibbilanċjati b’xi effetti pożittivi. Meta tivvaluta l-għajnuna għall-infrastruttura tar-riforniment tal-karburant għall-vetturi tqal, il-Kummissjoni se tqis jekk din tikkontribwix għall-ilħuq tal-miri stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi.

211.

Alternattivi għall-karburanti fossili diġà huma disponibbli fis-suq għall-użu fis-settur tat-trasport bit-triq, ċerti segmenti tas-settur tat-trasport fuq l-ilma u s-settur tat-trasport ferrovjarju. F’dan il-kuntest, l-għajnuna għall-implimentazzjoni ta’ infrastruttura ta’ riforniment li tipprovdi karburanti prodotti bl-użu ta’ sorsi jew enerġija fossili, inkluż idroġenu bbażat fuq il-fossili (95), ma titqiesx li tipproduċi l-istess effetti pożittivi bħall-għajnuna għall-implimentazzjoni ta’ infrastruttura ta’ riforniment li tipprovdi karburanti mhux ibbażati fuq il-fossili jew b’livell baxx ta’ karbonju. L-ewwel nett, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 miksub fis-settur tat-trasport x’aktarx li jiġi kontrobilanċjat mill-kontinwazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 marbuta mal-produzzjoni u l-użu ta’ karburanti bbażati fuq il-fossili, speċjalment fejn dawn ma jinqabdux u ma jinħażnux b’mod effettiv. It-tieni, l-għoti ta’ għajnuna għall-infrastruttura ta’ riforniment li tipprovdi karburanti bbażati fuq il-fossili li mhumiex b’livell baxx ta’ karbonju, jista’ jinvolvi riskju ta’ intrappolament f’ċerti teknoloġiji ta’ produzzjoni, u b’hekk l-investimenti jiġu spostati f’alternattivi aktar nodfa billi d-domanda tiġi ttrasferita lil hinn minn proċessi ta’ produzzjoni li ma jinvolvux l-użu ta’ sorsi jew enerġija bbażati fuq il-fossili, jew li huma b’livell baxx ta’ karbonju. Dan jiskoraġġixxi wkoll l-iżvilupp tas-suq għal teknoloġiji nodfa u mhux ibbażati fuq il-fossili għal mobilità mingħajr emissjonijiet, u għall-produzzjoni ta’ karburanti u enerġija mhux fossili. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni tal-għajnuna għall-infrastruttura ta' riforniment li tipprovdi karburanti bbażati fuq il-fossili, inkluż idroġenu bbażat fuq il-fossili, fejn il-gassijiet b’effett ta’ serra emessi bħala parti mill-produzzjoni tal-idroġenu ma jinqabdux b’mod effettiv, x’aktarx li ma jiġux ikkumpensati, fin-nuqqas ta’ perkors kredibbli lejn il-provvista u l-użu ta’ karburanti rinnovabbli jew b’livell baxx ta’ karbonju fuq terminu medju.

212.

L-għajnuna għall-infrastruttura tar-riforniment tal-idroġenu li ma tipprovdix esklużivament idroġenu rinnovabbli jew idroġenu b’livell baxx ta’ karbonju tista’ għalhekk titqies li ma għandhiex effetti ta’ intrappolament fit-tul jew li ma tispostax l-investimenti f’teknoloġiji aktar nodfa jekk l-Istat Membru juri perkors kredibbli lejn l-eliminazzjoni gradwali tal-idroġenu li mhuwiex rinnovabbli jew b’livell baxx ta’ karbonju biex jipprovdi l-infrastruttura tar-riforniment sal-2035.

213.

Fin-nuqqas ta’ salvagwardji xierqa, l-għajnuna tista’ tirriżulta fil-ħolqien jew fit-tisħiħ tal-pożizzjonijiet tas-saħħa fis-suq, li jistgħu jipprevjenu jew ifixklu l-kompetizzjoni effettiva fis-swieq emerġenti jew li qed jiżviluppaw. Għalhekk, l-Istat Membru jrid jiżgura li t-tfassil tal-miżura ta’ għajnuna jkun fih salvagwardji xierqa biex jiġi indirizzat dak ir-riskju. Dawn jistgħu jinkludu, pereżempju, l-istabbiliment ta’ perċentwal massimu tal-baġit għall-miżura li jista’ jiġi allokat lil impriża waħda.

214.

Fejn xieraq, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk hemmx biżżejjed salvagwardji fis-seħħ biex tiżgura li l-operaturi tal-infrastruttura tal-iċċarġjar jew tar-riforniment tal-karburant li joffru jew jippermettu pagamenti bbażati fuq kuntratti fuq l-infrastruttura tagħhom ma jiddiskriminawx bla bżonn bejn il-fornituri tas-servizzi tal-mobbiltà, pereżempju billi japplikaw kundizzjonijiet ta’ aċċess preferenzjali mhux ġustifikati, jew permezz ta’ differenzjazzjoni tal-prezzijiet mhux ġustifikata. Fejn tali salvagwardji ma jkunux fis-seħħ, il-Kummissjoni tqis li l-miżura x’aktarx li twassal għal effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni fis-suq għas-servizzi ta’ mobbiltà.

215.

Kwalunkwe konċessjoni jew inkarigu ieħor lil parti terza biex topera l-infrastruttura tal-iċċarġjar jew tar-riforniment tal-karburant trid tingħata fuq bażi kompetittiva, trasparenti u mhux diskriminatorja, filwaqt li jitqiesu kif xieraq ir-regoli tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku, fejn applikabbli.

216.

Meta l-għajnuna tingħata għall-kostruzzjoni, l-installazzjoni, l-aġġornament jew l-estensjoni tal-infrastruttura tal-iċċarġjar jew tar-riforniment tal-karburant li tkun miftuħa għall-aċċess minn utenti għajr il-benefiċjarju jew il-benefiċjarji tal-għajnuna, inkluża l-infrastruttura tal-iċċarġjar jew tar-riforniment ta’ karburant aċċessibbli għall-pubbliku, l-infrastruttura trid tkun aċċessibbli għall-pubbliku u tipprovdi aċċess nondiskriminatorju lill-utenti, inkluż, kif xieraq, fir-rigward tat-tariffi, il-metodi ta’ awtentikazzjoni u ta’ pagament u termini u kundizzjonijiet oħra tal-użu. Barra minn hekk, l-Istat Membru jrid jiżgura li t-tariffi imposti fuq utenti terzi għall-użu tal-infrastruttura tal-iċċarġjar jew tar-riforniment tal-karburant jikkorrispondu għall-prezz tas-suq.

4.4   Għajnuna għall-effiċjenza fir-riżorsi u għall-appoġġ tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari

4.4.1   Raġunament għall-għajnuna

217.

Il-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari (Circular Economy Action Plan, CEAP) (96) jipprovdi aġenda orjentata lejn il-futur li għandha l-għan li taċċellera t-tranżizzjoni tal-Unjoni lejn ekonomija ċirkolari bħala parti mill-bidla trasformattiva promossa mill-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku. Is-CEAP jippromwovi proċessi tal-ekonomija ċirkolari, iħeġġeġ il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, u għandu l-għan li jiżgura li l-iskart jiġi evitat u li r-riżorsi użati jinżammu fl-ekonomija tal-Unjoni għall-itwal żmien possibbli. Dawk l-għanijiet huma wkoll prerekwiżit biex tinkiseb il-mira tan-newtralità klimatika tal-Unjoni għall-2050 u ekonomija aktar nadifa u aktar sostenibbli.

218.

Is-CEAP isemmi speċifikament il-ħtieġa li jiġu riflessi l-objettivi marbuta mal-ekonomija ċirkolari fil-kuntest tar-reviżjoni tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-ambjent u l-enerġija. F’dan ir-rigward, l-appoġġ finanzjarju fil-forma ta’ għajnuna mill-Istat, flimkien ma’ regoli wiesgħa, ċari u konsistenti, jista’ jkollu rwol ewlieni fl-appoġġ taċ-ċirkolarità fil-proċessi tal-produzzjoni bħala parti minn trasformazzjoni usa’ tal-industrija tal-Unjoni lejn in-newtralità klimatika u l-kompetittività fit-tul. Jista’ jkollu wkoll rwol ewlieni biex jgħin biex jinħoloq suq tal-Unjoni li jiffunzjona tajjeb għall-materja prima sekondarja li jnaqqas il-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali u joħloq tkabbir u impjiegi sostenibbli u jsaħħaħ ir-reżiljenza.

219.

Is-CEAP jirrikonoxxi wkoll l-importanza dejjem tikber tar-riżorsi bijoloġiċi bħala kontribut ewlieni għall-ekonomija tal-UE. F’konformità mal-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijoekonomija (97), il-bijoekonomija tappoġġa l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, peress li tikkontribwixxi għal ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju, ittejjeb is-sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali, u tippromwovi t-tkabbir ekoloġiku. L-appoġġ finanzjarju fil-forma ta’ għajnuna mill-Istat jista’ jkollu rwol ewlieni fl-appoġġ tal-użu ta’ prattiki sostenibbli tal-bijoekonomija, bħall-appoġġ għal materjali u prodotti b’bażi bijoloġika prodotti b’mod sostenibbli, li jistgħu jgħinu biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li kieku ma jiġux adottati mis-suq waħdu.

4.4.2   Kamp ta’ applikazzjoni u attivitajiet appoġġati

220.

L-għajnuna taħt din it-Taqsima tista’ tingħata għall-attivitajiet li ġejjin:

a)

investimenti mmirati lejn it-titjib tal-effiċjenza fir-riżorsi permezz ta’ kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

i)

tnaqqis nett fir-riżorsi kkunsmati fil-produzzjoni tal-istess kwantità ta’ produzzjoni (98);

ii)

is-sostituzzjoni ta’ materja prima jew feedstock primarji b’materja prima jew feedstock sekondarji (użata mill-ġdid jew riċiklata); jew

iii)

is-sostituzzjoni ta’ materja prima jew materja prima b’bażi ta’ fossili b’materja prima jew materja prima b’bażi bijoloġika;

b)

investimenti għat-tnaqqis, il-prevenzjoni, it-tħejjija għall-użu mill-ġdid, l-irkupru tal-materjal, id-dekontaminazzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart (99) iġġenerat mill-benefiċjarju;

c)

investimenti l-preparazzjoni għal użu mill-ġdid, irkupru ta' materjal, dekontaminazzjoni u riċiklaġġ tal-iskart iġġenerat minn terzi persuni u li mod ieħor kien jiġi mormi jew ittrattat abbażi ta’ operazzjoni ta’ trattament li tinsab aktar baxxa fl-ordni ta’ prijorità tal-ġerarkija tal-iskart (100) jew b’mod inqas effiċjenti fir-riżorsi, jew li twassal għal kwalità aktar baxxa tar-riċiklaġġ;

d)

investimenti għat-tnaqqis, il-prevenzjoni, il-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid, l-irkupru ta' materjal, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta’ prodotti, materjali jew sustanzi oħra (101) ġġenerati mill-benefiċjarju jew minn partijiet terzi, li mhux neċessarjament jikkwalifikaw bħala skart, u li mod ieħor kienu jintużaw, jintremew jew jiġu rkuprati b’mod inqas effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, jew iwasslu għal kwalità aktar baxxa ta’ riċiklaġġ;

e)

investimenti għall-ġbir separat (102) u għas-separazzjoni tal-iskart jew ta’ prodotti, materjali jew sustanzi oħra bil-ħsieb tal-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ.

221.

Taħt ċerti kundizzjonijiet, tista’ tingħata għajnuna biex tkopri l-kostijiet operatorji għall-ġbir u s-separazzjoni tal-iskart b’rabta ma’ flussi speċifiċi ta’ skart jew tipi speċifiċi ta’ skart (ara l-punt 247).

222.

L-għajnuna relatata mal-irkupru tas-sħana residwa mill-proċessi tal-produzzjoni jew l-għajnuna relatata mas-CCU se tiġi vvalutata skont il-kundizzjonijiet applikabbli għall-għajnuna għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra stabbiliti fit-Taqsima 4.1.

223.

L-għajnuna relatata mal-irkupru tas-sħana residwa mill-proċessi tal-produzzjoni jew l-għajnuna relatata mas-CCU se tiġi vvalutata skont il-kundizzjonijiet applikabbli għall-għajnuna għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra stabbiliti fit-Taqsima 4.1.

224.

L-għajnuna għall-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-iskart se tiġi vvalutata skont il-kundizzjonijiet applikabbli għall-għajnuna għat-tnaqqis ta' emissjonijiet ta’ gassijiet serra stabbiliti fit-Taqsima 4.1. Meta tkun relatata ma’ investimenti f’sistemi ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali jew għat-tħaddim tagħhom, l-għajnuna għall-produzzjoni tal-enerġija jew is-sħana mill-iskart se tiġi vvalutata skont il-kundizzjonijiet applikabbli għall-għajnuna għat-tisħin jew it-tkessiħ distrettwali stabbiliti fit-Taqsima 4.10.

4.4.3   Effett ta’ inċentiv

225.

Ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 226 sa 233 japplikaw flimkien ma’ dawk stabbiliti fit-Taqsima 3.1.2.

226.

Fir-rigward tar-rekwiżit stabbilit fil-punt 28 għall-Istat Membru li jidentifika xenarju kontrofattwali kredibbli, ix-xenarju kontrofattwali ġeneralment jikkorrispondi għal investiment bl-istess kapaċità, ħajja u, fejn xieraq, karatteristiċi tekniċi rilevanti oħra, bħall-investiment ekoloġiku.

227.

Ix-xenarju kontrofattwali jista’ jikkonsisti wkoll fiż-żamma tal-installazzjonijiet jew tat-tagħmir eżistenti li jkunu qed jitħaddmu għal perjodu li jikkorrispondi għat-tul ta’ ħajja tal-investiment li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent. F’dak il-każ, il-kostijiet skontati ta’ manutenzjoni, tiswija u modernizzazzjoni matul dak il-perjodu għandhom jiġu kkunsidrati.

228.

F’ċerti każijiet, ix-xenarju kontrofattwali jista’ jikkonsisti f’sostituzzjoni aktar tard tal-installazzjonijiet jew tat-tagħmir, f’liema każ il-valur skontat tal-installazzjonijiet u t-tagħmir jenħtieġ li jitqies u d-differenza fil-ħajja ekonomika rispettiva tal-installazzjonijiet jew tat-tagħmir għandi titqassam indaqs bejniethom.

229.

Fil-każ ta’ tagħmir soġġett għal arranġamenti ta’ kiri, il-valur skontat tal-kiri tat-tagħmir ekoloġiku jenħtieġ li jitqabbel mal-valur skontat tal-kiri tat-tagħmir anqas ekoloġiku li kieku jintuża fin-nuqqas tal-għajnuna.

230.

Fejn l-investiment jikkonsisti fiż-żieda ta’ installazzjonijiet jew tagħmir ma’ faċilitajiet, installazzjonijiet jew tagħmir eżistenti, il-kostijiet eliġibbli se jikkonsistu mill-kostijiet totali tal-investiment.

231.

Il-Kummissjoni tqis li, fil-prinċipju, l-għajnuna għal proġetti b’perjodu ta’ ħlas lura ta’ inqas minn ħames snin ma għandhiex effett ta’ inċentiv. L-Istat Membru jista’ madankollu jipprovdi evidenza biex juri li l-għajnuna hija meħtieġa biex tiskatta bidla fl-imġiba, anki fil-każ ta’ proġetti b’perjodu iqsar ta’ ħlas lura.

232.

Għajnuna għal investimenti li tippermetti lill-impriżi sempliċement jikkonformaw mal-istandards obbligatorji tal-Unjoni diġà fis-seħħ mhux se titqies li għandha effett ta’ inċentiv (ara l-punt 32). Kif spjegat fil-punt 32, l-għajnuna tista’ titqies li għandha effett ta’ inċentiv meta tippermetti li impriża żżid il-livell tagħha ta’ protezzjoni ambjentali f’konformità mal-istandards nazzjonali obbligatorji li huma aktar stretti mill-istandards tal-Unjoni jew li jkunu ġew adottati fin-nuqqas ta’ standards tal-Unjoni.

233.

L-għajnuna għall-adattament għall-istandards tal-Unjoni adottati imma li għadhom mhumiex fis-seħħ se tiġi meqjusa li jkollha effett ta’ inċentiv jekk l-investiment jiġi implimentat u ffinalizzat mill-inqas 18-il xahar qabel l-istandards tal-Unjoni jidħlu fis-seħħ.

4.4.4   Minimizzazzjoni tad-distorsjonijiet fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ

4.4.4.1   Neċessità tal-għajnuna

234.

Ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 235 u 236 japplikaw flimkien ma’ dawk stabbiliti fit-Taqsima 3.2.1.1.

235.

L-investiment għandu jmur lil hinn mill-prattiki kummerċjali stabbiliti li ġeneralment jiġu applikati madwar l-Unjoni u bejn it-teknoloġiji (103).

236.

Fil-każ ta’ għajnuna għall-ġbir u s-separazzjoni separati ta’ skart jew prodotti, materjali jew sustanzi oħra, l-Istat Membru jrid juri li tali ġbir u separazzjoni separati huma sottożviluppati f’dak l-Istat Membru (104). Meta tingħata għajnuna biex tkopri l-kostijiet operattivi, l-Istat Membru jrid juri li din l-għajnuna hija meħtieġa matul perjodu tranżitorju biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ attivitajiet relatati mal-ġbir separat u s-separazzjoni tal-iskart. L-Istat Membru jrid iqis kwalunkwe obbligu ta’ impriżi taħt skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur, li huwa seta’ implimenta skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/98/KE.

4.4.4.2   Adegwatezza

237.

Ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 238 japplikaw flimkien ma’ dawk stabbiliti fit-Taqsima 3.2.1.2.

238.

Skont il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” (105), l-impriżi li jiġġeneraw l-iskart ma għandhomx jinħelsu mill-kostijiet tat-trattament tal-iskart. Għalhekk, jenħtieġ li l-għajnuna ma teħlisx lill-impriżi li jiġġeneraw l-iskart minn kwalunkwe kost jew obbligu relatat mat-trattament tal-iskart li huma responsabbli għalih skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali, inkluż taħt skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur. Barra minn hekk, l-għajnuna ma għandhiex teħles lill-impriżi minn kostijiet li għandhom jitqiesu bħala kostijiet normali għal impriża.

4.4.4.3   Proporzjonalità

239.

Il-kostijiet eliġibbli huma l-kostijiet addizzjonali tal-investiment iddeterminati billi jitqabblu l-kostijiet totali tal-investiment tal-proġett ma’ dawk ta’ proġett jew ta’ attività ta' aktar ħsara lill-ambjent li jistgħu jkunu waħda minn dawn li ġejjin:

a)

investiment komparabbli kif deskritt fil-punt 226 li b’mod kredibbli jitwettaq mingħajr għajnuna u li ma jiksibx l-istess livell ta’ effiċjenza fir-riżorsi;

b)

it-trattament tal-iskart abbażi ta’ operazzjoni ta’ trattament li tinsab aktar baxxa fl-ordni ta’ prijorità tal-ġerarkija tal-iskart jew b’mod inqas effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;

c)

il-proċess ta’ produzzjoni konvenzjonali relatat mal-materja prima primarja jew mal-prodott primarju, jekk il-prodott użat mill-ġdid jew irriċiklat (sekondarju) ikun teknikament u ekonomikament sostitwibbli bil-materja prima jew il-prodott primarju;

d)

kwalunkwe xenarju kontrafattwali ieħor ibbażat fuq suppożizzjonijiet iġġustifikati kif xieraq.

240.

Fejn il-prodott, is-sustanza jew il-materjal jikkostitwixxu skart sakemm ma jerġgħux jintużaw u ma hemm l-ebda rekwiżit legali biex dak il-prodott, sustanza jew materjal jintrema jew jiġi ttrattat mod ieħor, il-kostijiet eliġibbli jistgħu jikkorrispondu għall-investiment meħtieġ għall-irkupru tal-prodott, is-sustanza jew il-materjal ikkonċernat.

241.

L-intensità tal-għajnuna ma tistax taqbeż l-40 % tal-kostijiet eliġibbli.

242.

L-intensità tal-għajnuna tista’ tiġi miżjuda b’10 punti perċentwali għal impriżi ta’ daqs medju u b’20 punt perċentwali għal impriżi żgħar.

243.

L-intensità tal-għajnuna tista’ tiżdied bi 15-il punt perċentwali għall-investimenti li jinsabu f’żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet fl-Artikolu 107(3), punt (a) tat-Trattat jew b’5 punti perċentwali għall-investimenti li jinstabu f’żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet fl-Artikolu 107(3), punt (c) tat-Trattat.

244.

L-intensità tal-għajnuna tista’ tiżdied b’10 punti perċentwali għall-attivitajiet tal-ekoinnovazzjoni, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

a)

l-attività tal-ekoinnovazzjoni trid tkun ġdida jew imtejba sostanzjalment meta mqabbla mal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku fl-industrija tagħha fl-Unjoni (106);

b)

il-benefiċċju ambjentali mistenni jrid ikun ferm ogħla mit-titjib li jirriżulta mill-evoluzzjoni ġenerali tax-xogħol kurrenti l-aktar avvanzat f’attivitajiet komparabbli (107);

c)

il-karattru innovattiv tal-assi jew proġetti jinvolvi grad ċar ta’ riskju f’termini teknoloġiċi, tas-suq jew finanzjarji, li huwa ogħla mir-riskju ġeneralment assoċjat mal-assi jew il-proġetti innovattivi komparabbli li mhumiex innovattivi (108).

245.

Permezz ta’ deroga mill-punti 241 sa 244, l-Istat Membru jista’ juri wkoll, abbażi ta’ analiżi tad-distakk fil-finanzjament, kif stabbilit fil-punti 48, 51 u 52, li hija meħtieġa intensità ogħla ta’ għajnuna. F’każ bħal dan, l-Istat Membru jrid iwettaq monitoraġġ ex post biex jivverifika s-suppożizzjonijiet magħmula dwar il-livell ta’ għajnuna meħtieġ u jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rkupru, kif stabbilit fil-punt55. L-ammont ta’ għajnuna ma jridx jaqbeż id-distakk fil-finanzjament, kif stabbilit fil-punti 51 u 52.

246.

Meta l-għajnuna tingħata wara proċess kompetittiv ta’ offerti mwettaq skont il-kriterji fil-punti 49 u 50, l-ammont tal-għajnuna jitqies proporzjonat.

247.

L-għajnuna tista’ tkopri wkoll il-kostijiet operatorji meta tkun relatata mal-ġbir separat u s-separazzjoni tal-iskart jew ta’ prodotti, materjali jew sustanzi oħra b’rabta ma’ flussi speċifiċi ta’ skart jew tipi speċifiċi ta’ skart bil-ħsieb tal-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ, f’liema każ iridu jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

l-għajnuna trid tingħata wara proċedura kompetittiva ta’ offerti mwettqa skont il-kriterji fil-punti 49 u 50 li trid tkun miftuħa, fuq bażi mhux diskriminatorja, għall-operaturi kollha li jipprovdu servizzi ta’ ġbir u ta’ għażla separati;

b)

fejn ikun hemm livell għoli ta’ inċertezza dwar l-evoluzzjoni futura tal-kostijiet operatorji għad-durata tal-miżura, il-proċedura kompetittiva ta' offerti tista’ tinkludi regoli li jillimitaw l-għajnuna f’ċerti ċirkostanzi identifikati sew, dment li dawk ir-regoli u ċ-ċirkostanzi jkunu stabbiliti minn qabel b’mod trasparenti;

c)

kwalunkwe għajnuna għall-investiment mogħtija lil installazzjoni użata għall-ġbir separat u għas-separazzjoni tal-iskart fir-rigward ta’ flussi speċifiċi ta’ skart jew tipi speċifiċi ta’ skart trid titnaqqas mill-għajnuna operatorja mogħtija lil dik l-istess installazzjoni meta ż-żewġ forom ta’ għajnuna jkopru l-istess kostijiet eliġibbli;

d)

l-għajnuna tista’ tingħata għal perjodu massimu ta’ ħames snin.

4.4.5   Evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ

248.

Ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 249 sa 252 japplikaw flimkien ma’ dawk stabbiliti fit-Taqsima 3.2.2.

249.

L-għajnuna ma tridx tinċentiva l-ġenerazzjoni tal-iskart jew użu akbar ta' riżorsi.

250.

L-għajnuna ma tridx sempliċement iżżid id-domanda għall-iskart jew materjali u riżorsi oħra maħsuba biex jintużaw mill-ġdid, jiġu rriċiklati jew irkuprati mingħajr ma jiżdied il-ġbir ta’ dawk il-materjali.

251.

Meta tivvaluta l-impatt tal-għajnuna fuq is-suq, il-Kummissjoni se tqis l-effetti potenzjali tal-għajnuna fuq il-funzjonament tas-swieq kemm għall-materjali primarji kif ukoll għal dawk sekondarji relatati mal-prodotti kkonċernati.

252.

B’mod partikolari, meta tivvaluta l-impatt fuq is-suq tal-għajnuna għall-kostijiet operatorji relatati mal-ġbir separat u s-separazzjoni tal-iskart jew prodotti, materjali jew sustanzi oħra b’rabta ma’ flussi speċifiċi ta’ skart jew tipi speċifiċi ta’ skart bil-ħsieb tal-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ, il-Kummissjoni se tqis l-interazzjonijiet potenzjali mal-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur fl-Istat Membru kkonċernat.

4.5   Għajnuna għall-prevenzjoni jew it-tnaqqis ta’ tniġġis għajr minn gassijiet serra

4.5.1   Raġuni għall-għajnuna

253.

L-ambizzjoni ta’ tniġġis żero tal-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku għal ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi mistennija li tiżgura li, sal-2050, it-tniġġis jitnaqqas għal livelli li ma jibqgħux ta’ ħsara għall-bnedmin u l-ekosistemi naturali u li jirrispettaw il-limiti li l-pjaneta tagħna tista’ tlaħħaq magħhom, u b’hekk jinħoloq ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi, f’konformità mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (109) u l-objettivi fit-tul tat-Tmien Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (110). L-Unjoni stabbiliet miri speċifiċi għat-tnaqqis tal-livell ta’ tniġġis, bħal pereżempju għal arja aktar nadifa (111) u għal ebda tniġġis tal-korpi tal-ilma (112), inqas storbju, użu u rilaxx minimizzat ta' sustanzi ta' tħassib, żibel tal-plastik u tniġġis u skart mill-mikroplastiċi (113), kif ukoll miri għal nutrijenti u fertilizzanti żejda, pestiċidi perikolużi u sustanzi li jikkawżaw reżistenza għall-antimikrobiċi (114).

254.

L-appoġġ finanzjarju fil-forma ta’ għajnuna mill-Istat jista’ jikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-objettiv ambjentali li jitnaqqsu l-forom ta’ tniġġis għajr dawk mill-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

4.5.2   Kamp ta’ applikazzjoni u attivitajiet appoġġati

255.

Għajnuna għall-prevenzjoni jew it-tnaqqis tat-tniġġis għajr minn gassijiet serra tista’ tingħata għal investimenti li jippermettu lill-impriżi jmorru lil hinn mill-istandards tal-Unjoni għall-ħarsien tal-ambjent, biex iżidu l-livell ta’ ħarsien tal-ambjent fin-nuqqas ta’ standards tal-Unjoni jew biex jikkonformaw mal-istandards tal-Unjoni li għadhom mhumiex fis-seħħ.

256.

Meta l-għajnuna tingħata fil-forma ta’ permessi negozjabbli (115), il-miżura ta’ għajnuna trid tkun imfassla b’tali mod li tipprevjeni jew tnaqqas it-tniġġix lil hinn mil-livelli imposti mill-istandards tal-Unjoni li huma obbligatorji għall-impriżi kkonċernati.

257.

L-għajnuna trid timmira lejn il-prevenzjoni jew it-tnaqqis tat-tniġġis direttament marbut mal-attivitajiet tal-benefiċjarju stess.

258.

L-għajnuna ma tridx sempliċiment tisposta t-tniġġis minn settur għal ieħor jew minn mezz ambjentali għal ieħor (pereżempju, mill-arja għall-ilma). Meta l-għajnuna tkun immirata lejn it-tnaqqis tat-tniġġis, trid tikseb tnaqqis globali fit-tniġġis.

259.

It-Taqsima 4.5 ma tapplikax għal miżuri ta’ għajnuna li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Taqsima 4.1. Fejn miżura tikkontribwixxi kemm għall-prevenzjoni jew għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra kif ukoll għall-prevenzjoni jew it-tnaqqis ta’ tniġġis għajr minn emissjonijiet ta’ gassijiet serra, il-kompatibbiltà tal-miżura ser tiġi vvalutata jew abbażi tat-Taqsima 4.1 jew ta’ din it-Taqsima, skont liema miż-żewġ objettivi hija predominanti (116).

4.5.3   Effett ta’ inċentiv

260.

Ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 261 u 262 japplikaw flimkien ma’ dawk stabbiliti fit-Taqsima 3.1.2.

261.

L-għajnuna titqies li għandha effett ta’ inċentiv meta tippermetti lil impriża tipprevjeni jew tnaqqas it-tniġġis fin-nuqqas ta’ standards tal-Unjoni jew lil hinn mil-livelli meħtieġa mill-istandards tal-Unjoni li diġà huma fis-seħħ. Kif spjegat fil-punt 32, l-għajnuna tista’ titqies ukoll li għandha effett ta’ inċentiv meta din tippermetti lil impriża tipprevjeni jew tnaqqas it-tniġġis f’konformità ma’ standards nazzjonali obbligatorji li huma aktar stretti mill-istandards tal-Unjoni jew li jkunu ġew adottati fin-nuqqas ta’ standards tal-Unjoni.

262.

L-għajnuna għall-adattament għall-istandards tal-Unjoni adottati imma li għadhom mhumiex fis-seħħ se tiġi meqjusa li jkollha effett ta’ inċentiv jekk l-investiment jiġi implimentat u ffinalizzat mill-inqas 18-il xahar qabel l-istandards tal-Unjoni jidħlu fis-seħħ.

4.5.4   Minimizzazzjoni tad-distorsjonijiet fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ

4.5.4.1   Neċessità tal-għajnuna

263.

Ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 264 japplikaw flimkien ma’ dawk stabbiliti fit-Taqsima 3.2.1.1.

264.

Għal għajnuna fil-forma ta’ permessi negozjabbli (117), l-Istat Membru jrid juri li l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin huma ssodisfati:

a)

irkant integrali jwassal għal żieda sostanzjali fil-kostijiet tal-produzzjoni għal kull settur jew kategorija ta’ benefiċjarji individwali;

b)

iż-żieda sostanzjali fil-kostijiet tal-produzzjoni ma tistax tingħadda lill-klijenti mingħajr ma tirriżulta fi tnaqqis sostanzjali fil-bejgħ (118);

c)

mhux possibbli għal impriżi individwali fis-settur li jnaqqsu l-livelli ta’ emissjonijiet sabiex inaqqsu l-kost taċ-ċertifikati sa livell li jistgħu jifilħu. Il-fatt li l-konsum ma jistax jitnaqqas jista’ jintwera billi jitqabblu l-livelli tal-emissjonijiet ma’ dawk derivati mit-teknika bl-aħjar prestazzjoni fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Kwalunkwe impriża li tikseb t-teknika bl-aħjar prestazzjoni l-aktar li tista’ tibbenefika huwa minn konċessjoni taħt l-iskema ta’ permessi negozjabbli li tikkorrispondi għaż-żieda fil-kost tal-produzzjoni, u li ma tistax tiġi mgħoddija lill-klijenti. Kwalunkwe impriża bi prestazzjoni ambjentali agħar tibbenefika minn konċessjoni iktar baxxa, proporzjonali mal-prestazzjoni ambjentali tagħha.

4.5.4.2   Proporzjonalità

265.

Il-kostijiet eliġibbli huma l-kostijiet addizzjonali ta’ investiment marbuta direttament mal-kisba ta’ livell ogħla ta’ ħarsien ambjentali.

266.

Il-kostijiet żejda tal-investiment jikkonsistu fid-differenza bejn il-kostijiet tal-investiment megħjun u dawk tal-investiment fix-xenarju kontrofattwali kif deskritt fil-punti 226 sa 230. Fejn il-proġett jikkonsisti fl-adattament bikri għall-istandards tal-Unjoni li għadhom mhumiex fis-seħħ, ix-xenarju kontrofattwali fil-prinċipju għandu jkun dak deskritt fil-punt 228.

267.

L-intensità tal-għajnuna ma tistax taqbeż l-40 % tal-kostijiet eliġibbli.

268.

L-intensità tal-għajnuna tista’ tiġi miżjuda b’10 punti perċentwali għal impriżi ta’ daqs medju u b’20 punt perċentwali għal impriżi żgħar.

269.

L-intensità tal-għajnuna tista’ tiżdied bi 15-il punt perċentwali għall-investimenti li jinsabu f’żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet fl-Artikolu 107(3), punt (a) tat-Trattat jew b’5 punti perċentwali għall-investimenti li jinstabu f’żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet fl-Artikolu 107(3), punt (c) tat-Trattat.

270.

L-intensità tal-għajnuna tista’ tiżdied b’10 punti perċentwali għall-attivitajiet tal-ekoinnovazzjoni, sakemm il-kundizzjonijiet fil-punti 244(a) sa (c) jiġu ssodisfati.

271.

Permezz ta’ deroga mill-punti 267 sa 270, l-Istat Membru jista’ juri wkoll, abbażi ta’ analiżi tad-distakk fil-finanzjament, kif stabbilit fil-punti 48, 51 u 52, li huwa meħtieġ ammont ogħla ta’ għajnuna. F’każ bħal dan, l-Istat Membru jrid iwettaq monitoraġġ ex post biex jivverifika s-suppożizzjonijiet magħmula dwar il-livell ta’ għajnuna meħtieġ u jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rkupru, kif stabbilit fil-punt 55. L-ammont ta’ għajnuna ma jridx jaqbeż id-diskrepanza tal-likwidità, kif stabbilit fil-punti 51 u 52.

272.

Meta l-għajnuna tingħata wara proċess kompetittiv ta’ offerti mwettaq f'konformità mal-kriterji fil-punti 49 u 50, l-ammont tal-għajnuna jitqies proporzjonat.

273.

Għal għajnuna fil-forma ta’ permessi negozjabbli, il-Kummissjoni se tivverifika wkoll li:

a)

l-allokazzjoni ssir b’mod trasparenti bbażat fuq kriterji oġġettivi u abbażi ta' sorsi ta’ data tal-ogħla kwalità possibbli; u

b)

l-ammont totali tal-permessi negozjabbli jew konċessjonijiet mogħtija lil kull impriża għall-prezz li jkun taħt il-valur tas-suq ma jkunx akbar mill-valur tas-suq għall-ħtiġiet mistennija kif tkun l-istima għal sitwazzjoni mingħajr l-iskema tal-kummerċ:

4.5.5   Evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ

274.

Ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 275 japplikaw flimkien ma’ dawk stabbiliti fit-Taqsima 3.2.2.

275.

Għal għajnuna fil-forma ta’ permessi negozjabbli, il-Kummissjoni se tivverifika wkoll li:

a)

l-għażla ta’ benefiċjarji hi bbażata fuq kriterji oġġettivi u trasparenti u l-għajnuna tingħata fil-prinċipju bl-istess mod għall-kompetituri kollha fl-istess settur jekk ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali simili;

b)

il-metodoloġija tal-allokazzjoni ma tiffavorix ċerti impriżi (119) jew ċerti setturi, sakemm dan ma jkunx iġġustifikat mil-loġika ambjentali tal-iskema nnifisha jew fejn tali regoli jkunu meħtieġa għal konsistenza ma’ linji oħra ta’ politika ambjentali;

c)

parteċipanti ġodda ma jirċievux permessi jew benefiċċji b’kundizzjonijiet aktar favorevoli meta mqabbla ma’ impriżi eżistenti li huma attivi fl-istess swieq:

d)

fejn allokazzjonijiet ogħla jingħataw lil installazzjonijiet eżistenti meta mqabbla ma’ parteċipanti ġodda, dan ma jirriżultax fil-ħolqien ta’ ostakli żejda għad-dħul.

4.6   Għajnuna għar-rimedju tal-ħsara ambjentali, ir-riabilitazzjoni tal-ħabitats naturali u l-ekosistemi, il-protezzjoni jew ir-restawr tal-bijodiversità u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura għall-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima

4.6.1   Raġunament għall-għajnuna

276.

L-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 (120) għandha l-għan li tipproteġi n-natura, treġġa’ lura d-degradazzjoni tal-ekosistemi u tpoġġi l-bijodiversità tal-Unjoni fit-triq tal-irkupru sal-2030. Bħala parti ewlenija tal-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, hija tistabbilixxi miri u impenji ambizzjużi għall-2030 biex jinkisbu ekosistemi b’saħħithom u reżiljenti.

277.

L-appoġġ finanzjarju fil-forma ta’ għajnuna mill-Istat jista’ jikkontribwixxi sostanzjalment għall-objettiv ambjentali tal-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u l-ekosistemi, b’diversi modi, inkluż billi jiġu pprovduti inċentivi biex tissewwa l-ħsara lil siti kkontaminati, jiġu riabilitati l-ħabitats naturali u l-ekosistemi degradati jew isiru investimenti għall-protezzjoni tal-ekosistemi.

278.

L-istrateġija tal-UE għall-adattament għat-tibdil fil-klima (121) għandha l-għan li tingrana l-investimenti f’soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura għall-adattament (122), peress li l-implimentazzjoni tagħhom fuq skala kbira żżid ir-reżiljenza klimatika u tikkontribwixxi għal diversi objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

4.6.2   Kamp ta’ applikazzjoni u attivitajiet appoġġati

279.

Għajnuna għall-investiment għar-rimedju tal-ħsara ambjentali, ir-riabilitazzjoni tal-ħabitats naturali u tal-ekosistemi, il-protezzjoni jew ir-restawr tal-bijodiversità jew l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura għall-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima

280.

Din it-Taqsima ma tapplikax għal:

a)

għajnuna għar-rimedju jew ir-riabilitazzjoni wara l-għeluq ta’ impjanti tal-enerġija u operazzjonijiet ta’ tħaffir jew estrazzjoni sa fejn l-għajnuna inkwistjoni tkun koperta mit-Taqsima 4.12 (123);

b)

għajnuna biex tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali, bħal terremoti, valangi, uqigħ tal-art, għargħar, trombi tal-arja, uragani, eruzzjonijiet vulkaniċi u nirien fil-foresti ta’ oriġini naturali.

281.

L-għajnuna taħt din it-Taqsima tista’ tingħata għall-attivitajiet li ġejjin:

a)

ir-rimedju ta’ ħsara ambjentali, inkluża ħsara lill-kwalità tal-ħamrija, tal-ilma tal-wiċċ jew tal-ilma ta’ taħt l-art jew lill-ambjent tal-baħar;

b)

ir-riabilitazzjoni ta’ ħabitats naturali u ekosistemi minn stat degradat;

c)

il-protezzjoni jew ir-restawr tal-bijodiversità jew tal-ekosistemi li jikkontribwixxu għall-kisba tal-kundizzjoni tajba tal-ekosistemi jew għall-protezzjoni tal-ekosistemi li diġà huma f’kundizzjoni tajba;

d)

l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura għall-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

282.

Din it-Taqsima ma tapplikax għal miżuri ta’ għajnuna li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Taqsima 4.1. Fejn miżura tikkontribwixxi kemm għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra kif ukoll għar-rimedju tal-ħsara ambjentali, ir-riabilitazzjoni tal-ħabitats naturali u l-ekosistemi, il-protezzjoni jew ir-restawr tal-bijodiversità u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura għall-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-kompatibbiltà tal-miżura se tiġi vvalutata jew abbażi tat-Taqsima 4.1 jew ta’ din it-Taqsima, skont liema miż-żewġ objettivi hija predominanti (124).

4.6.3   Effett ta’ inċentiv

283.

Ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 284 sa 287 japplikaw flimkien ma’ dawk stabbiliti fit-Taqsima 3.1.2.

284.

Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jew regoli rilevanti oħra tal-Unjoni (125), l-għajnuna għar-rimedju tal-ħsara ambjentali, ir-riabilitazzjoni tal-ħabitats naturali u l-ekosistemi, il-protezzjoni jew ir-restawr tal-bijodiversità u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura għall-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima tista’ titqies li għandha effett ta’ inċentiv biss meta l-entità jew l-impriża fl-oriġini tal-ħsara ambjentali ma tkunx tista’ tiġi identifikata jew tinżamm legalment responsabbli għall-finanzjament tax-xogħlijiet meħtieġa għall-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-ħsara ambjentali f’konformità mal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”.

285.

L-Istat Membru jrid juri li ttieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, inkluża l-azzjoni legali, biex tiġi identifikata l-entità jew l-impriża responsabbli fl-oriġini tad-dannu ambjentali u biex din iġġarrab il-kostijiet rilevanti. Meta l-persuna responsabbli skont il-liġi applikabbli ma tkunx identifikata jew ma tkunx tista’ tiġi mġiegħla ġġarrab il-kostijiet, l-għajnuna mill-Istat għax-xogħlijiet kollha ta’ dekontaminazzjoni jew riabilitazzjoni tista’ titqies li għandha effett ta’ inċentiv. Il-Kummissjoni tista’ tqis li impriża ma tistax tkun imġiegħla ġġarrab il-kostijiet biex tirrimedja l-ħsara ambjentali li tkun ikkawżat meta ma tkunx għadha teżisti legalment u l-ebda impriża oħra ma tista’ titqies bħala s-suċċessur legali jew ekonomiku (126) tagħha jew jekk ma jkunx hemm garanzija finanzjarja suffiċjenti biex jitħallsu l-kostijiet tar-rimedju.

286.

L-għajnuna mogħtija għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ kumpens imsemmija fil-punt (4) tal-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (127) ma għandhiex effett ta’ inċentiv. L-għajnuna biex tkopri l-kostijiet żejda meħtieġa biex jiżdied il-kamp ta’ applikazzjoni jew l-ambizzjoni ta’ dawk il-miżuri lil hinn mill-obbligi legali skont l-Artikolu 6, punt (4), ta’ dik id-Direttiva tista’ tinstab li għandha effett ta’ inċentiv.

287.

L-għajnuna għar-rimedju tal-ħsara ambjentali u għar-riabilitazzjoni tal-ħabitats naturali u tal-ekosistemi se titqies li għandha effett ta’ inċentiv meta l-kostijiet tar-rimedju jew tar-riabilitazzjoni jaqbżu ż-żieda fil-valur tal-art (ara l-punt 288).

4.6.4   Proporzjonalità

288.

Għal investimenti fir-rimedju ta’ ħsara ambjentali jew fir-riabilitazzjoni ta’ ħabitats naturali u ekosistemi, il-kostijiet eliġibbli huma l-kostijiet imġarrba għax-xogħlijiet ta’ rimedju jew ta’ riabilitazzjoni, wara li titnaqqas iż-żieda fil-valur tal-art jew tal-proprjetà. L-evalwazzjonijiet taż-żieda fil-valur tal-art jew tal-propjetà li tirriżulta mir-riabilitazzjoni jew ir-riabilitazzjoni għandhom jitwettqu minn espert indipendenti kkwalifikat.

289.

Għall-investimenti fil-protezzjoni jew fir-restawr tal-bijodiversità u fl-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura għall-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-kostijiet eliġibbli huma l-kostijiet totali tax-xogħlijiet li jirriżultaw fil-kontribuzzjoni għall-protezzjoni jew għar-restawr tal-bijodiversità jew fl-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura għall-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

290.

Fejn tingħata għajnuna għall-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura fil-bini, li għalihom jeżisti ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, l-Istati Membri jkollhom juru li dawn l-investimenti ma jipprevenux l-implimentazzjoni ta’ miżuri tal-effiċjenza enerġetika rakkomandati fiċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija.

291.

L-intensità tal-għajnuna tista’ tilħaq sa 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

4.7   Għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi jew imposti parafiskali

292.

It-Taqsima 4.7 ma tapplikax għal għajnuna fil-qasam tal-ħarsien ambjentali fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi jew imposti parafiskali Hija strutturata f’żewġ sottotaqsimiet, li kull waħda minnhom għandha loġika distinta. It-Taqsima 4.7.1 tindirizza t-taxxi jew l-imposti li jissanzjonaw imġiba li tagħmel ħsara lill-ambjent u għalhekk għandha l-għan li tidderieġi lill-impriżi u lill-konsumaturi lejn għażliet li jirrispettaw aktar l-ambjent. Skont it-Taqsima 4.7.2, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jinkoraġġixxu, permezz ta’ tnaqqis immirat fit-taxxi jew l-imposti, lill-impriżi biex ibiddlu jew jadattaw l-imġiba tagħhom billi jinvolvu ruħhom fi proġetti jew attivitajiet li jirrispettaw aktar l-ambjent.

4.7.1   Għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi ambjentali u imposti parafiskali

4.7.1.1   Raġuni għall-għajnuna

293.

It-taxxi ambjentali jew l-imposti parafiskali jiġu imposti sabiex iżidu l-kostijiet ta’ mġiba li tagħmel ħsara lill-ambjent, u b’hekk jiskoraġġixxu mġiba bħal din u jżidu l-livell ta’ ħarsien ambjentali. Fil-prinċipju, it-taxxi ambjentali u l-imposti parafiskali għandhom jirriflettu l-kostijiet globali għas-soċjetà (kostijiet esterni), u b’mod korrispondenti, l-ammont ta’ taxxa jew imposta parafiskali mħallsa għal kull unità ta’ emissjonijiet, sustanzi niġġiesa oħra jew riżorsi kkonsmati jenħtieġ li jkunu l-istess għall-impriżi kollha li huma responsabbli għall-imġiba dannuża għall-ambjent. Filwaqt li t-tnaqqis fit-taxxi ambjentali jew l-imposti parafiskali jista’ jkollu impatt negattiv fuq dak l-objettiv, approċċ bħal dan jista’ madankollu jkun meħtieġ meta l-benefiċjarji jkunu fi żvantaġġ kompetittiv tant kbir li, ibda biex, ma jkunx fattibbli li jiġu introdotti t-taxxa ambjentali jew l-imposta parafiskali.

294.

Fejn it-taxxi ambjentali jew l-imposti parafiskali ma jkunux jistgħu jiġu infurzati mingħajr ma jitqiegħdu f’riskju l-attivitajiet ekonomiċi ta’ ċerti impriżi, l-għoti ta’ trattament aktar favorevoli lil xi impriżi jista’ jippermetti li jinkiseb livell ġenerali ogħla ta’ kontribuzzjoni għat-taxxi ambjentali jew l-imposti parafiskali. Għaldaqstant, it-tnaqqis fit-taxxi jew l-imposti ambjentali jista’ mill-inqas indirettament jikkontribwixxi għal livell ogħla ta’ ħarsien tal-ambjent. Madankollu, m’għandhomx idgħajfu l-objettiv ġenerali tat-taxxa ambjentali jew tal-imposta parafiskali li jiskoraġġixxu mġiba li tagħmel ħsara lill-ambjent u/jew iżidu l-kost ta’ tali mġiba fejn alternattivi sodisfaċenti ma jkunux disponibbli.

4.7.1.2   Kamp ta’ applikazzjoni u attivitajiet appoġġati

295.

Il-Kummissjoni se tqis li l-għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxa jew fl-imposti tista’ tingħata jekk l-Istat Membru juri li ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin huma ssodisfati:

a)

it-tnaqqis ikun immirat lejn l-impriżi l-aktar affettwati mit-taxxa jew imposta ambjentali li ma jkunux jistgħu jwettqu l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom b’mod sostenibbli mingħajr it-tnaqqis;

b)

il-livell ta’ ħarsien ambjentali attwalment miksub bl-implimentazzjoni tat-tnaqqis huwa ogħla minn dak li jinkiseb mingħajr l-implimentazzjoni ta’ dan it-tnaqqis.

296.

Biex juri li ż-żewġ kundizzjonijiet fil-punt 295 huma ssodisfati, l-Istat Membru jrid jipprovdi l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

a)

deskrizzjoni tas-setturi jew kategoriji ta’ benefiċjarji eliġibbli għat-tnaqqis,

b)

lista tal-akbar benefiċjarji f’kull settur ikkonċernat, il-fatturat tagħhom, l-ishma mis-suq, id-daqs tal-bażi għat-taxxa u l-proporzjon li t-taxxa jew imposta ambjentali tirrappreżenta fil-profitt tagħhom qabel it-taxxa bit-tnaqqis u mingħajru,

c)

deskrizzjoni tas-sitwazzjoni ta’ dawk il-benefiċjarji li tispjega għaliex ma jkunux jistgħu jħallsu r-rata standard ta’ taxxa jew imposta ambjentali,

d)

spjegazzjoni ta’ kif it-taxxa jew imposta mnaqqsa tikkontribwixxi għal żieda reali tal-livell ta’ protezzjoni ambjentali meta mqabbel mal-livell ta’ protezzjoni ambjentali li għandu jinkiseb fin-nuqqas ta’ tnaqqis (pereżempju billi titqabbel ir-rata standard li tiġi implimentata bit-tnaqqis mar-rata standard li tkun implimentata mingħajr it-tnaqqis, l-għadd ta’ impriżi li jkunu soġġetti għat-taxxa jew imposta b'kollox jew indikaturi oħra li jirriflettu l-bidla reali fl-imġiba li tagħmel ħsara lill-ambjent).

4.7.1.3   Minimizzazzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ

297.

Meta t-taxxi ambjentali jkunu armonizzati, il-Kummissjoni tista’ tapplika approċċ issimplifikat sabiex tivvaluta n-neċessità u l-proporzjonalità tal-għajnuna. Fil-kuntest tad-Direttiva 2003/96/KE, il-Kummissjoni tista’ tapplika approċċ simplifikat għat-tnaqqis tat-taxxa li jirrispetta l-livell minimu tat-taxxa tal-Unjoni stabbilit fil-punti 298 u 299.

298.

Il-Kummissjoni se tikkunsidra l-għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fuq taxxi armonizzati meħtieġa u proporzjonali sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

a)

il-benefiċjarji tal-inqas iħallsu l-livell minimu ta' taxxa tal-Unjoni stabbilit mid-Direttiva applikabbli rilevanti..

b)

l-għażla ta’ benefiċjarji hi bbażata fuq kriterji oġġettivi u trasparenti;

c)

fil-prinċipju l-għajnuna tingħata bl-istess mod għall-kompetituri kollha fl-istess settur jekk huma f'sitwazzjoni fattwali simili;

d)

l-Istat Membru jivverifika l-ħtieġa li l-għajnuna tikkontribwixxi indirettament għal livell ogħla ta’ protezzjoni ambjentali permezz ta’ konsultazzjoni pubblika miftuħa ex ante fejn is-setturi eliġibbli għat-tnaqqis huma deskritti kif xieraq u tiġi pprovduta lista tal-akbar benefiċjarji għal kull settur.

299.

L-Istati Membri jistgħu jagħtu l-għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis tar-rata tat-taxxa jew bħala ammont ta’ kumpens fiss annwali (rifużjoni tat-taxxa), jew bħala kombinazzjoni tat-tnejn li huma. Il-vantaġġ tal-approċċ ta' rifużjoni tat-taxxa huwa li l-impriżi jibqgħu skoperti għas-sinjal tal-prezz tat-taxxa ambjentali. Meta jintuża, l-ammont ta’ rifużjoni tat-taxxa għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi ta’ data storika, jiġifieri l-livell tal-produzzjoni, u l-konsum jew it-tniġġis osservat għall-impriża fuq sena bażi partikolari. Il-livell ta’ rifużjoni tat-taxxa ma jistax imur lil hinn mill-ammont minimu tal-Unjoni ta’ taxxa li jkun dovut mod ieħor għas-sena bażi.

300.

Meta t-taxxi ambjentali ma jkunux armonizzati jew il-benefiċjarji jħallsu inqas mil-livell minimu tal-Unjoni tat-taxxa armonizzata fejn permess mid-Direttiva applikabbli, tkun meħtieġa valutazzjoni fil-fond tan-neċessità u l-proporzjonalità tal-għajnuna, kif stabbilit fit-Taqsimiet 4.7.1.3.1 sa 4.7.1.3.3.

4.7.1.3.1   Neċessità

301.

Ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 302 u 303 japplikaw flimkien mar-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima 3.2.1.1.

302.

Il-Kummissjoni se tikkunsidra l-għajnuna bħala neċessarja jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

a)

l-għażla tal-benefiċjarji tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi u trasparenti, u l-għajnuna tingħata bl-istess mod lil kull impriża eliġibbli li topera fl-istess settur ta' attività ekonomika li tkun fl-istess sitwazzjoni fattwali jew simili fir-rigward tal-għanijiet jew l-objettivi tal-miżura ta' għajnuna;

b)

it-taxxa ambjentali jew l-imposta parafiskali mingħajr tnaqqis twassal għal żieda sostanzjali fil-kostijiet tal-produzzjoni, ikkalkulati bħala proporzjon tal-valur miżjud gross għal kull settur jew kategorija ta’ benefiċjarji individwali;

c)

iż-żieda sostanzjali fil-kostijiet tal-produzzjoni ma setgħetx tingħadda għand il-konsumaturi mingħajr ma twassal għal tnaqqis sostanzjali fil-bejgħ.

303.

Għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa, l-Istat Membru għandu jistabbilixxi mekkaniżmu biex jivverifika li l-miżura għadha meħtieġa, bl-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ neċessità tat-Taqsima 4.1.3.1., u jieħu miżuri xierqa, bħat-terminazzjoni tal-eżenzjoni jew tnaqqis tal-livell ta’ appoġġ.

4.7.1.3.2   Adegwatezza

304.

Ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 305 u 306 japplikaw flimkien mar-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima 3.2.1.2.

305.

Il-Kummissjoni se tawtorizza biss skemi ta’ għajnuna għal perjodi massimi ta’ 10 snin, li warajh Stat Membru jista’ jinnotifika l-miżura mill-ġdid jekk jirrievalwa kemm kienu addattati l-miżuri ta’ għajnuna kkonċernati.

306.

Meta l-għajnuna tingħata bħala rifużjoni tat-taxxa, l-ammont ta’ rifużjoni tat-taxxa għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi ta’ data storika, jiġifieri l-livell tal-produzzjoni, u l-konsum jew it-tniġġis osservat għall-impriża fuq sena bażi partikolari.

4.7.1.3.3   Proporzjonalità

307.

It-Taqsima 3.2.1.3 ma tapplikax għal għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi ambjentali u l-imposti parafiskali.

308.

Il-Kummissjoni tikkunsidra l-għajnuna bħala proporzjonata jekk tiġi ssodisfata mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

kull benefiċjarju tal-għajnuna jħallas mill-inqas 20 % tal-ammont nominali tat-taxxa ambjentali jew tal-imposta parafiskali li tkun applikabbli mod ieħor għal dak il-benefiċjarju fin-nuqqas tat-tnaqqis;

b)

it-tnaqqis fit-taxxa jew fl-imposta ma jaqbiżx il-100 % tat-taxxa ambjentali jew tal-imposta parafiskali nazzjonali, u huwa kundizzjonali fuq il-konklużjoni ta’ ftehimiet bejn l-Istat Membru u l-benefiċjarji jew l-assoċjazzjonijiet ta’ benefiċjarji li permezz tagħhom il-benefiċjarji jew l-assoċjazzjonijiet tal-benefiċjarji jimpenjaw ruħhom li jilħqu objettivi ta’ ħarsien tal-ambjent li jkollhom l-istess effett daqslikieku l-benefiċjarji jew l-assoċjazzjonijiet ta’ benefiċjarji ħallsu mill-inqas 20 % tat-taxxa jew imposta nazzjonali. Dawn il-ftehimiet jew impenji jistgħu jkunu marbuta, fost affarijiet oħra, ma’ tnaqqis fil-konsum tal-enerġija, tnaqqis fl-emissjonijiet jew sustanzi niġġiesa oħra, jew kwalunkwe miżura ambjentali oħra.

309.

Tali ftehimiet għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

a)

is-sustanza tal-ftehimiet tkun innegozjata minn kull Stat Membru u tispeċifika l-miri u tistabilixxi skeda ta’ żmien biex jintlaħqu dawn il-miri;

b)

l-Istati Membri għandhom jassiguraw monitoraġġ indipendenti u regulari tal-impenji fil-ftehimiet;

c)

il-ftehimiet jiġu riveduti perjodikament fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi u żviluppi oħra u jipprevedu penali effettivi f’każ li l-impenji ma jintlaħqux.

4.7.2   Għajnuna għall-ħarsien tal-ambjent fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi jew imposti parafiskali

4.7.2.1   Raġuni għall-għajnuna

310.

L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jżidu l-livell ta’ ħarsien tal-ambjent permezz ta’ tnaqqis fit-taxxi jew imposti parafiskali. Fejn tali tnaqqis ikollu l-għan li jinċentiva lill-benefiċjarji biex iwettqu proġetti jew attivitajiet li jirriżultaw f’inqas tniġġis jew konsum tar-riżorsi, il-Kummissjoni se tivvaluta l-miżuri fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima 4.7.2.

4.7.2.2   Kamp ta’ applikazzjoni u attivitajiet appoġġati

311.

Din it-Taqsima tkopri l-għajnuna għal proġetti u attivitajiet li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Taqsimiet 4.2 sa 4.6 u li jieħdu l-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi jew fl-imposti parafiskali.

312.

Fejn it-tnaqqis fit-taxxa jew fl-imposta primarjament ikollu bħala objettiv id-dekarbonizzazzjoni, tapplika t-Taqsima 4.1.

313.

Din it-Taqsima ma tkoprix it-tnaqqis tat-taxxi jew tal-imposti, li jirriflettu l-kostijiet essenzjali tal-provvista tal-enerġija jew tas-servizzi relatati. Pereżempju, it-tnaqqis tat-tariffi tan-network jew tal-imposti li jiffinanzjaw il-mekkaniżmi tal-kapaċità huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Taqsima 4.7.2. L-Istati Membri jistgħu jagħtu tnaqqis mill-imposti fuq il-konsum tal-elettriku li jiffinanzjaw objettiv politiku relatat mal-enerġija skont din it-Taqsima.

4.7.2.3   Effett ta’ inċentiv

314.

Ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 315 u 316 japplikaw flimkien ma’ dawk stabbiliti fit-Taqsima 3.1.2.

315.

Għal kull proġett eliġibbli jew proġett ta’ referenza għal kategorija ta’ benefiċjarji, l-Istat Membru jrid jippreżenta kwantifikazzjoni, kif stabbilit fil-punt 51, jew data ekwivalenti, għal valutazzjoni mill-Kummissjoni, li tqabbel il-profittabbiltà tal-proġett jew tal-attività ta’ referenza mat-tnaqqis tat-taxxa jew tal-imposta parafiskali u li turi li t-tnaqqis jinċentiva t-twettiq tal-proġett jew tal-attività favur l-ambjent.

316.

L-għajnuna għal proġetti li jibdew qabel ma tiġi sottomessa l-applikazzjoni għall-għajnuna titqies li għandha effett ta’ inċentiv meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

a)

il-miżura tistabbilixxi dritt għall-għajnuna skont kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, u mingħajr eżerċizzju ulterjuri ta’ diskrezzjoni mill-Istat Membru;

b)

il-miżura tkun ġiet adottata u tkun fis-seħħ qabel ma jkun beda x-xogħol fuq il-proġett jew l-attività megħjuna, ħlief fil-każ ta’ skemi fiskali suċċessivi, fejn l-attività kienet diġà koperta mill-iskemi preċedenti fil-forma ta’ vantaġġi fiskali jew parafiskali.

4.7.2.4   Proporzjonalità

317.

It-Taqsima 3.2.1.3 ma tapplikax għal għajnuna għall-ħarsien ambjentali fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi jew imposti parafiskali

318.

L-għajnuna ma għandhiex taqbeż ir-rata normali jew l-ammont tat-taxxa jew imposta li kieku kienet tkun applikabbli.

319.

Meta t-tnaqqis tat-taxxa jew tal-imposta parafiskali jkun marbut mal-kostijiet tal-investiment, l-għajnuna titqies proporzjonata, sakemm ma taqbiżx l-intensitajiet tal-għajnuna u l-ammonti massimi tal-għajnuna fit-Taqsimiet 4.2 sa 4.6. Fejn dawk it-Taqsimiet jeħtieġu proċess kompetittiv ta’ offerti, dak ir-rekwiżit ma japplikax għat-tnaqqis tat-taxxa jew tal-imposta parafiskali.

320.

Fejn it-tnaqqis tat-taxxa jew tal-imposta parafiskali jnaqqas il-kostijiet operatorji rikorrenti, l-ammont tal-għajnuna ma għandux jaqbeż id-differenza bejn il-kostijiet operatorji tas-soluzzjoni ekoloġika u tax-xenarju kontrofattwali inqas ekoloġiku. Fejn il-proġett jew l-attività aktar ekoloġika tista' tirriżulta fi ffrankar potenzjali ta’ kostijiet jew dħul addizzjonali, dan għandu jitqies meta tiġi ddeterminata l-proporzjonalità tal-għajnuna.

4.7.2.5   Evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ

321.

Ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 322 sa 324 japplikaw flimkien ma’ dawk stabbiliti fit-Taqsima 3.2.2.

322.

L-għajnuna mill-Istat trid tingħata bl-istess mod għall-impriżi eliġibbli kollha li joperaw fl-istess settur ta’ attività ekonomika li jkunu fl-istess sitwazzjoni fattwali jew simili fir-rigward tal-għanijiet jew l-objettivi tal-miżura ta’ għajnuna.

323.

L-Istat Membru jrid jiżgura li l-għajnuna tibqa’ meħtieġa għat-tul ta’ żmien tal-iskemi li jaħdmu għal aktar minn tliet snin u jevalwahom mill-inqas kull tliet snin.

324.

Jekk it-tnaqqis tat-taxxa jew tal-imposta parafiskali jikkonċerna proġetti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’:

a)

It-Taqsima 4.2, japplikaw il-punti 154 sa 156;

b)

It-Taqsima 4.3.1, japplikaw il-punti 183 sa 188;

c)

It-Taqsima 4.3.2, japplikaw il-punti 206 sa 216.

4.8   Għajnuna għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku

4.8.1   Raġunament għall-għajnuna

325.

Fallimenti tas-suq u regolatorji jistgħu jfissru li s-sinjali tal-prezzijiet jonqsu milli jipprovdu inċentivi ta’ investiment effiċjenti, li jwasslu pereżempju għal taħlita inadegwata ta’ riżorsi tal-elettriku, kapaċità, flessibbiltà jew post. Barra minn hekk, it-trasformazzjoni sinifikanti fis-settur tal-elettriku minħabba t-tibdil teknoloġiku u l-isfidi klimatiċi tqajjem sfidi ġodda biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku. Filwaqt li suq tal-elettriku dejjem aktar integrat normalment jippermetti l-iskambju tal-elettriku madwar l-UE kollha, u b’hekk itaffi l-problemi tas-sigurtà tal-provvista nazzjonali, jistgħu jseħħu sitwazzjonijiet fejn anke fi swieq akkoppjati, is-sigurtà tal-provvista tista’ ma tkunx garantita f’kull ħin f’xi Stati Membri jew reġjuni. B’riżultat ta’ dan, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jiżguraw ċerti livelli ta’ sigurtà tal-provvista tal-elettriku.

4.8.2   Kamp ta’ applikazzjoni u attivitajiet appoġġati

326.

Din it-Taqsima tkopri r-regoli ta’ kompatibbiltà għal miżuri ta’ għajnuna mmirati biex iżidu s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku. Dan jinkludi mekkaniżmi ta’ kapaċità u kwalunkwe miżura oħra biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-provvista fuq terminu twil u qasir li jirriżultaw minn fallimenti tas-suq li jipprevjenu investiment suffiċjenti fil-kapaċità tal-ġenerazzjoni, il-ħżin jew ir-rispons tad-domanda, l-interkonnessjoni tal-elettriku, kif ukoll miżuri ta’ konġestjoni tan-network li għandhom l-għan li jittrattaw l-insuffiċjenza tan-networks ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni tal-elettriku (128).

327.

Tali miżuri jistgħu jitfasslu wkoll biex jappoġġaw l-objettivi tal-ħarsien tal-ambjent, pereżempju permezz tal-esklużjoni ta’ kapaċità li tniġġes aktar jew miżuri li jagħtu vantaġġ lill-kapaċità ta’ benefiċċju ambjentali fil-proċess tal-għażla.

328.

Bħala parti min-notifika tagħhom, jenħtieġ li l-Istati Membri jidentifikaw l-attivitajiet ekonomiċi li se jiġu żviluppati bħala riżultat tal-għajnuna. L-għajnuna biex tiżdied is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku tiffaċilita direttament l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-ġenerazzjoni tal-elettriku, il-ħżin u r-rispons tad-domanda, inklużi investimenti ġodda u r-rinnovazzjoni u l-manutenzjoni effiċjenti tal-assi eżistenti. Tista’ tappoġġa wkoll b’mod indirett firxa wiesgħa ta’ attività ekonomika li tiddependi fuq l-elettriku bħala input li jinkludi l-elettrifikazzjoni tas-sħana u t-trasport.

4.8.3   Effett ta’ inċentiv

329.

Japplikaw ir-regoli dwar l-effett ta’ inċentiv fil-punti 29, 30, 31u 32.

4.8.4   Minimizzazzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ

4.8.4.1   Neċessità

330.

It-Taqsima 3.2.1.1 ma tapplikax għal miżuri għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku.

331.

In-natura u l-kawżi tal-problema tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, u għalhekk tal-ħtieġa ta’ għajnuna mill-Istat biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, għandhom jiġu analizzati u kkwantifikati kif xieraq, inkluż meta u fejn il-problema hija mistennija li tinqala’ b’referenza fejn applikabbli għall-istandard ta’ affidabbiltà kif definit fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/943. Għall-miżuri ta’ konġestjoni tan-network, jenħtieġ li l-Istat Membru jipprovdi analiżi (wara konsultazzjoni mal-ARN responsabbli u b’kont meħud tagħha) li tidentifika u tiġġustifika b’analiżi tal-kostijiet imqabbla mal-benefiċċji, il-livell ta’ sigurtà tal-provvista segwit bil-miżura proposta. L-unità ta’ kejl għall-kwantifikazzjoni jenħtieġ li tiġi deskritta u jenħtieġ li jiġi pprovdut il-metodu tal-kalkolu tagħha, b’referenza għal kwalunkwe rekwiżit rilevanti fil-leġiżlazzjoni settorjali.

332.

Jekk applikabbli, l-identifikazzjoni ta’ problema tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku jenħtieġ li tkun konsistenti mal-aħħar analiżi disponibbli mwettqa mill-ENTSO-E għall-elettriku f’konformità mal-leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-enerġija, b’mod partikolari:

a)

għal miżuri mmirati lejn l-adegwatezza tar-riżorsi, il-valutazzjonijiet Ewropej dwar l-adegwatezza tar-riżorsi msemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2019/943;

b)

għal miżuri dwar il-konġestjoni tan-network, ir-rapporti dwar il-konġestjonijiet strutturali u konġestjonijiet fiżiċi ewlenin oħra bejn iż-żoni tal-offerti u fi ħdanhom, imsemmija fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) 2019/943.

333.

L-Istati Membri jistgħu joqogħdu wkoll fuq valutazzjonijiet nazzjonali dwar l-adegwatezza tar-riżorsi biex juru l-ħtieġa ta' mekkaniżmi ta' kapaċità, sa fejn permess skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2019/943. Għal miżuri oħra ta’ sigurtà tal-provvista inklużi miżuri ta’ konġestjoni tan-network, l-Istati Membri jistgħu joqogħdu wkoll fuq valutazzjoni nazzjonali tal-ħtieġa tal-intervent propost. Il-valutazzjonijiet nazzjonali msemmija f’dan il-punt għandhom jew jiġu approvati minn jew eżaminati mill-ARN responsabbli.

334.

Il-miżuri relatati mar-riskju ta’ kriżijiet tal-elettriku fil-qrib jenħtieġ li jiġu identifikati fil-pjan nazzjonali ta’ tħejjija għar-riskji previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2019/941 (129).

335.

L-Istati Membri li jipproponu li jintroduċu diversi miżuri mmirati lejn is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku jridu jispjegaw ċar kif jinteraġixxu ma’ xulxin biex jiżguraw il-kosteffettività ġenerali tal-miżuri kkombinati għall-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista, pereżempju fir-rigward tal-mekkaniżmi ta’ kapaċità billi jispjegaw kif jilħqu (iżda ma jmorrux lil hinn) l-istandard ta’ affidabbiltà msemmi fil-punt 331.

336.

Iridu jiġu identifikati l-fallimenti regolatorji jew tas-suq, flimkien ma' kwistjonijiet oħra li jipprevjenu livell suffiċjenti ta’ sigurtà tal-provvista tal-elettriku (u ta’ protezzjoni ambjentali jekk rilevanti) fin-nuqqas ta’ intervent.

337.

Miżuri eżistenti li diġà jimmiraw lejn il-falliment(i) tas-suq jew regolatorju/i jew kwistjonijiet oħra identifikati fil-punt 336 iridu jiġu identifikati wkoll.

338.

L-Istati Membri jridu juru r-raġunijiet għaliex is-suq ma jistax ikun mistenni li jipprovdi sigurtà tal-provvista tal-elettriku mingħajr għajnuna mill-Istat, filwaqt li jitqiesu r-riformi tas-suq u t-titjib ippjanati mill-Istat Membru, u żviluppi teknoloġiċi.

339.

Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-elementi li ġejjin li għandhom jiġu pprovduti mill-Istat Membru:

a)

valutazzjoni tal-impatt tal-ġenerazzjoni varjabbli, inkluża dik li toriġina minn sistemi ġirien;

b)

valutazzjoni tal-impatt tal-parteċipazzjoni fin-naħa tad-domanda u fil-ħżin, inkluża deskrizzjoni tal-miżuri biex jinkoraġġixxu ġestjoni tad-domanda;

c)

valutazzjoni tal-eżistenza attwali jew potenzjali ta’ interkonnetturi u ta’ infrastruttura ewlenija ta’ grilja tat-trażmissjoni interna, inkluża deskrizzjoni tal-proġetti taħt kostruzzjoni u ppjanati;

d)

valutazzjoni ta’ kull element ieħor li jista’ jikkaġuna jew jiggrava l-problema tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, bħal limiti massimi fuq il-prezzijiet bl-ingrossa jew fallimenti regolatorji jew tas-suq oħra. Fejn meħtieġ skont ir-Regolament (UE) 2019/943, il-pjan ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 20(3) ta’ dak ir-Regolament irid jiġi soġġett għal opinjoni tal-Kummissjoni qabel ma tkun tista’ tingħata l-għajnuna. Il-pjan ta’ implimentazzjoni u l-opinjoni se jitqiesu fil-valutazzjoni tan-neċessità; kif ukoll

e)

kull kontenut rilevanti fi pjan ta' azzjoni skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2019/943.

4.8.4.2   Adegwatezza

340.

It-Taqsima 3.2.1.2 ma tapplikax għal miżuri għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku.

341.

Jenħtieġ li l-Istati Membri primarjament jikkunsidraw modi alternattivi biex jiksbu s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, b’mod partikolari billi jikkunsidraw disinn tas-suq tal-elettriku aktar effiċjenti li jista’ jtaffi l-fallimenti tas-suq li jimminaw is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku. Pereżempju t-titjib tal-funzjonament tal-issetiljar tal-iżbilanċ tal-elettriku, integrazzjoni aħjar tal-ġenerazzjoni varjabbli, l-inċentivar u l-integrazzjoni tar-rispons u l-ħżin fin-naħa tad-domanda, il-possibbiltà ta’ sinjali tal-prezzijiet effiċjenti, it-tneħħija ta’ ostakli għall-kummerċ transfruntier, u t-titjib tal-infrastruttura, inkluża l-interkonnessjoni. L-għajnuna tista’ titqies xierqa għal miżuri ta’ sigurtà tal-provvista tal-enerġija jekk, minkejja titjib xieraq u proporzjonat fid-disinn tas-suq (130) u investimenti fl-assi tan-network, kemm jekk diġà implimentati jew ippjanati, tibqa’ teżisti problema ta’ sigurtà tal-provvista.

342.

F’dak li jirrigwarda miżuri ta’ konġestjoni tan-network, jenħtieġ li l-Istati Membri jispjegaw ukoll kif l-effiċjenza tal-miżuri ta’ dispaċċ mill-ġdid qed titjieb f’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2019/943.

4.8.4.3   Eliġibbiltà

343.

Jenħtieġ li l-miżuri ta’ għajnuna jkunu miftuħa għall-benefiċjarji jew għall-proġetti kollha li teknikament huma kapaċi jikkontribwixxu b’mod effiċjenti għall-kisba tal-objettiv tas-sigurtà tal-provvista. Dan jinkludi l-ġenerazzjoni, il-ħżin u r-rispons fin-naħa tad-domanda, kif ukoll l-aggregazzjoni ta’ unitajiet żgħar ta’ dawn il-forom ta’ kapaċità fi blokok akbar.

344.

Il-limitazzjonijiet fuq il-parteċipazzjoni fil-miżuri tas-sigurtà tal-provvista li għandhom l-għan li jiżguraw li dawn il-miżuri ma jdgħajfux il-protezzjoni ambjentali huma meqjusa xierqa (ara l-punti 368 u 369).

345.

L-Istati Membri huma inkoraġġuti jintroduċu kriterji jew karatteristiċi addizzjonali fil-miżuri tagħhom għas-sigurtà tal-provvista biex jippromwovu l-parteċipazzjoni ta’ teknoloġiji ekoloġiċi (jew inaqqsu l-parteċipazzjoni ta’ teknoloġiji li jniġġsu) meħtieġa biex jappoġġaw it-twettiq tal-objettivi tal-protezzjoni ambjentali tal-Unjoni. Tali kriterji jew karatteristiċi addizzjonali jridu jkunu oġġettivi, trasparenti u nondiskriminatorji fir-rigward ta’ objettivi tal-protezzjoni ambjentali identifikati b’mod ċar, u ma jistgħux jirriżultawx f’kumpens żejjed tal-benefiċjarji.

346.

Jekk ikun teknikament fattibbli, il-miżuri għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku jridu jkunu miftuħa għall-parteċipazzjoni transfruntiera diretta ta’ fornituri tal-kapaċità li jinsabu fi Stat Membru ieħor (131). L-Istati Membri jridu jiżguraw li l-kapaċità barranija li kapaċi tipprovdi prestazzjoni teknika ekwivalenti għall-kapaċitajiet nazzjonali, ikollha l-opportunità li tipparteċipa fl-istess proċess kompetittiv tal-kapaċità nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-kapaċità tkun tinsab fi Stat Membru li għandu konnessjoni diretta tan-network mal-Istat Membru li japplika l-miżura. Fejn applikabbli jrid ikun hemm konformità mar-regoli rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2019/943.

4.8.4.4   Konsultazzjoni pubblika

347.

It-Taqsima 4.8.4.4 tapplika mill-1 ta’ Lulju 2023.

348.

L-Istati Membri jridu jikkonsultaw pubblikament dwar il-proporzjonalità u l-impatti fuq il-kompetizzjoni tal-miżuri li għandhom jiġu nnotifikati skont din it-Taqsima qabel in-notifika tal-għajnuna, ħlief f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni debitament ġustifikati. L-obbligu ta’ konsultazzjoni ma japplikax fir-rigward ta’ emendi għal miżuri diġà approvati li ma jbiddlux il-kamp ta’ applikazzjoni jew l-eliġibbiltà tagħhom jew li ma jestendux it-tul ta’ żmien tagħhom lil hinn minn 10 snin mid-data oriġinali tad-deċiżjoni, u lanqas fil-każijiet imsemmija fil-punt 349. Filwaqt li jittieħed kont tal-kriterji f’dawn il-linji gwida, sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura hijiex ġustifikata jew le, hemm bżonn li ssir il-konsultazzjoni pubblika li ġejja (132):

a)

għall-miżuri fejn l-għajnuna annwali medja stmata li għandha tingħata tkun mill-inqas EUR 100 miljun fis-sena, konsultazzjoni pubblika li ddum mill-inqas sitt ġimgħat, li tkopri:

i)

l-eliġibbiltà;

ii)

l-użu propost u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċessi kompetittivi ta’ offerti u kwalunkwe eċċezzjoni proposta;

iii)

il-parametri ewlenin għall-proċess tal-allokazzjoni tal-għajnuna (133), inkluż biex tkun possibbli l-kompetizzjoni bejn it-tipi differenti ta’ benefiċjarji (134);

iv)

il-metodoloġija ta’ kif il-kostijiet tal-miżura jiġu allokati lill-konsumaturi;

v)

jekk ma jintużax proċess kompetittiv ta’ offerti, il-preżunzjonijiet u d-data li fuqhom hija bbażata l-kwantifikazzjoni użata biex tintwera l-proporzjonalità tal-għajnuna, inklużi l-kostijiet, id-dħul, il-preżunzjonijiet operattivi u t-tul tal-ħajja, u l-kost medju ponderat tal-kapital; u

vi)

fejn jistgħu jiġu appoġġati investimenti ġodda fil-ġenerazzjoni bbażata fuq il-gass naturali, is-salvagwardji proposti biex tiġi żgurata l-konsistenza mal-miri klimatiċi tal-Unjoni.

b)

għall-miżuri fejn l-għajnuna annwali medja stmata mogħtija tkun inqas minn EUR 100 miljun fis-sena, konsultazzjoni pubblika li ddum mill-inqas erba’ ġimgħat, li tkopri:

i)

l-eliġibbiltà;

ii)

l-użu propost u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċessi kompetittivi ta’ offerti u kwalunkwe eċċezzjoni proposta;

iii)

il-metodoloġija ta’ kif il-kostijiet tal-miżura jiġu allokati lill-konsumaturi; kif ukoll

iv)

fejn jistgħu jiġu appoġġati investimenti ġodda fil-ġenerazzjoni bbażata fuq il-gass naturali, is-salvagwardji proposti biex tiġi żgurata l-konsistenza mal-miri klimatiċi tal-Unjoni.

349.

Mhijiex meħtieġa konsultazzjoni pubblika għall-miżuri li jaqgħu taħt il-punt 348(b) fejn jintużaw proċessi kompetittivi ta’ offerti u l-miżura ma tkunx tappoġġa investimenti fil-ġenerazzjoni tal-enerġija bbażata fuq il-karburanti fossili.

350.

Il-kwestjonarji ta’ konsultazzjoni jridu jiġu ppubblikati fuq sit web pubbliku. L-Istati Membri jridu jippubblikaw risposta għall-konsultazzjoni, li tiġbor fil-qosor u tindirizza t-tweġibiet li jkunu waslu. Jenħtieġ li din tkun tinkludi spjegazzjoni ta’ kif l-impatti possibbli fuq il-kompetizzjoni ġew minimizzati permezz tal-kamp ta’ applikazzjoni/tal-eliġibbiltà tal-miżura proposta. L-Istati Membri jridu jipprovdu link għar-risposta tagħhom għall-konsultazzjoni bħala parti min-notifika tal-miżuri ta’ għajnuna fil-qafas ta’ din it-Taqsima.

351.

F’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra metodi alternattivi ta’ konsultazzjoni, dment li l-fehmiet tal-partijiet interessati jitqiesu fl-implimentazzjoni (imkomplija) tal-għajnuna. F’każijiet bħal dawn, il-konsultazzjoni jaf ikollha tiġi kkombinata ma’ azzjonijiet korrettivi biex jiġu minimizzati l-effetti ta’ distorsjoni possibbli tal-miżura.

4.8.4.5   Proporzjonalità

352.

Ir-regoli stabbiliti fil-punti 353, 354, 355, 356 u 357 japplikaw flimkien mar-regoli stabbiliti fil-punti 49, 50, 51, 52, 53 u 55.

353.

Jenħtieġ li d-domanda għal miżuri għas-sigurtà tal-provvista tkun ibbażata fuq l-istandard tal-affidabilità jew analiżi kost-benefiċċji msemmija fil-punt 331, u fuq il-bażi tal-analiżi skont il-punti 332, 333 u 334 tar-riżorsi meħtieġa biex jiġi żgurat livell adegwat ta’ sigurtà tal-provvista. L-analiżi użata biex jiġi ffissat il-livell tad-domanda ma tistax tkun eqdem minn 12-il xahar fil-mument li jiġi ffissat il-livell tad-domanda.

354.

Iż-żmien bejn l-għoti tal-għajnuna u l-iskadenza sa meta jridu jitwettqu l-proġetti jenħtieġ li jippermetti l-kompetizzjoni effettiva bejn il-proġetti varji eliġibbli.

355.

L-eċċezzjonijiet mir-rekwiżit li tiġi allokata għajnuna u jiġi ddeterminat il-livell ta’ għajnuna permezz ta’ proċess kompetittiv ta’ offerti jistgħu jiġu ġġustifikati biss:

a)

fejn tiġi pprovduta evidenza, inkluża kull evidenza miġbura fil-konsultazzjoni pubblika fejn applikabbli, li turi li x’aktarx ikun hemm parteċipazzjoni potenzjali insuffiċjenti f’tali proċess ta' offerti biex tkun żgurata l-kompetizzjoni; jew

b)

għal miżuri ta’ konġestjoni tan-network biss, fejn l-Istat Membru jipprovdi analiżi (wara li jikkonsulta l-NRA responsabbli u jqis il-fehma tagħha) ibbażata fuq l-evidenza, inkluża dik miġbura fil-konsultazzjoni pubblika jekk applikabbli, li sejħa għal offerti tkun inqas kosteffettiva pereżempju minħabba offerti strateġiċi jew distorsjoni tas-suq.

356.

Jenħtieġ li l-benefiċjarji tal-miżuri tas-sigurtà tal-provvista jkollhom inċentivi effiċjenti biex jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-provvista waqt il-perjodu tat-twettiq. B’mod ġenerali, jenħtieġ li dawn l-inċentivi jkunu relatati mal-valur tat-tagħbija mitlufa (VoLL) (135). Pereżempju, jekk benefiċjarju ma jkunx disponibbli, jenħtieġ li jeħel penali relatata mal-VoLL. Minbarra għal miżuri ta’ konġestjoni tan-network, b’mod ġenerali jenħtieġ li din il-penali tiġi mill-prezzijiet għall-issetiljar tal-iżbilanċ tal-elettriku biex jiġu evitati distorsjonijiet għall-funzjonament tas-suq.

357.

L-Istati Membri jistgħu jużaw ukoll ċertifikati kompetittivi/skemi ta’ obbligi tal-fornituri, dment li:

a)

id-domanda fl-iskema tkun inqas mill-provvista potenzjali; u

b)

il-prezz tal-akkwiżizzjoni/tal-penali li japplika għal konsumatur/fornitur li ma jkunx xtara l-għadd ta’ ċertifikati meħtieġa (jiġifieri l-prezz li jikkostitwixxi l-massimu li se jitħallas lill-benefiċjarji) huwa stabbilit f’livell li jiżgura li l-benefiċjarji ma jingħatawx kumpens eċċessiv.

4.8.5   L-evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ u l-ibbilanċjar

358.

Apparti l-punt 70, it-Taqsima 3.2.2 ma tapplikax għal miżuri għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku.

359.

L-għajnuna trid titfassal b’tali mod li jinżamm il-funzjonament effiċjenti tas-swieq u jiġu ppreservati l-inċentivi ta’ operat effiċjenti u s-sinjali tal-prezzijiet.

360.

Ma jistgħux jingħataw inċentivi għall-ġenerazzjoni tal-enerġija li tkun tieħu post forom ta’ enerġija li jniġġsu inqas.

361.

Ir-rekwiżiti fil-punti 359 u 360 ġeneralment jiġu ssodisfati meta miżura tħallas għall-kapaċità (EUR għal kull megawatt (MW)) minflok għall-output tal-elettriku (EUR/MWh). Jekk ikun hemm pagament għal kull MWh hemm bżonn ta’ attenzjoni addizzjonali biex jiġi żgurat li jiġu evitati l-effetti negattivi fuq is-suq u li ma jiġux sostitwiti sorsi tal-ġenerazzjoni li jniġġsu inqas.

362.

Il-miżuri tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija jridu jissodisfaw kwalunkwe kundizzjoni applikabbli tad-disinn fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2019/943 (136).

363.

Għar-riżervi strateġiċi u kwalunkwe miżura oħra għall-adegwatezza tar-riżorsi, inklużi l-iskemi tal-interrompibbiltà, fejn il-kapaċità tinżamm barra mis-suq, japplikaw ir-rekwiżiti kumulattivi addizzjonali li ġejjin biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm distorsjoni tal-formazzjoni tal-prezz tas-suq:

a)

ir-riżorsi tal-miżura għandhom jintbagħtu biss jekk l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni x’aktarx jeżawrixxu r-riżorsi ta’ bilanċ tagħhom biex jistabbilixxu ekwilibriju bejn id-domanda u l-provvista (137);

b)

matul il-perjodi tal-issetiljar tal-iżbilanċ, meta jintbagħtu r-riżorsi fil-miżura, l-iżbilanċi fis-suq għandhom jiġu ssetiljati mill-anqas bil-VoLL jew b’valur ogħla mil-limitu tal-prezz tekniku ta’ dakinhar (138), skont liema minnhom huwa l-ogħla;

c)

l-output tal-miżura wara d-dispaċċ għandu jiġi attribwit lill-partijiet responsabbli mill-bilanċ permezz tal-mekkaniżmu ta’ saldu tal-iżbilanċ;

d)

ir-riżorsi ma jirċevux remunerazzjoni mis-suq tal-elettriku bl-ingrossa jew mis-swieq tal-ibbilanċjar;

e)

ir-riżorsi fil-miżura għandhom jinżammu barra mis-swieq tal-enerġija mill-anqas għal kemm idum il-perjodu kuntrattwali.

364.

Fir-rigward tal-miżuri ta’ konġestjoni tan-network, fejn ir-riżorsi jinżammu barra mis-suq, dawn ir-riżorsi ma jistgħux jirċievu remunerazzjoni mis-suq tal-elettriku bl-ingrossa jew mis-swieq tal-ibbilanċjar u jridu jinżammu barra mis-swieq tal-enerġija, mill-inqas għat-tul tal-perjodu kuntrattwali.

365.

Għall-mekkaniżmi ta’ kapaċità għajr ir-riżervi strateġiċi, l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-miżura:

a)

tkun imfassla b’tali mod li jiġi żgurat li l-prezz imħallas għad-disponibbiltà jqarreb b’mod awtomatiku lejn iż-żero jekk il-livell ta’ kapaċità fornit ikun mistenni li jkun adegwat biex jintlaħaq il-livell ta’ kapaċità mitlub;

b)

tagħti remunerazzjoni għar-riżorsi parteċipanti għad-disponibbiltà tagħhom biss u tiżgura li r-remunerazzjoni ma taffettwax deċiżjonijiet tal-fornitur tal-kapaċità dwar jekk jiġġenerax jew le; kif ukoll

c)

tippermetti li l-obbligi ta’ kapaċità jkunu trasferibbli bejn il-fornituri eliġibbli tal-kapaċità.

366.

Il-miżuri għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku jenħtieġ li:

a)

ma joħolqux distorsjonijiet tas-suq bla bżonn jew jillimitaw il-kummerċ transżonali;

b)

ma jnaqqsux l-inċentivi għall-investiment fil-kapaċità tal-interkonnessjoni — pereżempju billi jnaqqsu d-dħul mill-konġestjoni għal interkonnetturi eżistenti jew ġodda;

c)

ma jimminawx l-akkoppjament tas-swieq, inkluż għas-swieq tal-istess ġurnata u tal-ibbilanċjar;

d)

ma jimminawx deċiżjonijiet tal-investiment dwar il-kapaċità li jkunu saru qabel il-miżura.

367.

Sabiex jiġi evitat li jiġu mminati l-inċentivi għar-rispons fin-naħa tad-domanda u l-aggravar tal-fallimenti tas-suq li jwasslu għall-ħtieġa ta’ miżuri ta’ sigurtà tal-provvista, u biex jiġi żgurat li d-daqs tal-intervent fis-sigurtà tal-provvista jkun limitat kemm possibbli, jenħtieġ li l-kostijiet tal-miżura għas-sigurtà tal-provvista jiġġarrbu mill-parteċipanti fis-suq li jikkontribwixxu għall-ħtieġa tal-miżura. Dan jista’ jinkiseb, pereżempju, billi l-kostijiet ta’ miżura għas-sigurtà tal-provvista jiġu allokati lill-konsumaturi tal-elettriku f’perjodi ta’ domanda għolja għall-elettriku jew billi l-kostijiet ta’ miżura ta’ konġestjoni tan-network jiġu allokati lill-konsumaturi fir-reġjun li jesperjenza skarsezza fi żminijiet meta tintbagħat il-kapaċità fil-miżura. Madankollu, tali allokazzjoni tal-kost tista’ ma tkunx meħtieġa jekk l-Istat Membru jipprovdi analiżi fuq il-bażi ta’ evidenza, inkluża dik miġbura fil-konsultazzjoni pubblika, li l-allokazzjoni tal-kostijiet b’dan il-mod timmina l-effettività tal-kost tal-miżura jew tirriżulta f’distorsijiet severi għall-kompetizzjoni li jimminaw b’mod ċar il-benefiċċji potenzjali ta’ tali allokazzjoni tal-kost.

368.

Il-Kummissjoni tqis li ċerti miżuri ta’ għajnuna għandhom effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ, li x’aktarx mhux se jiġu kkumpensati. B’mod partikolari, ċerti miżuri ta’ għajnuna jistgħu jaggravaw il-fallimenti tas-suq, bil-ħolqien ta’ ineffiċjenzi għad-detriment tal-benessri tal-konsumaturi u soċjali. Pereżempju, il-miżuri — inklużi l-miżuri ta’ konġestjoni tan-network u skemi ta’ interrompibbiltà — li ma jirrispettawx il-limitu tal-emissjonijiet applikabbli għall-mekkaniżmi ta’ kapaċità stabbiliti fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2019/943 u li jistgħu jinċentivaw investimenti ġodda fl-enerġija bbażati fuq il-karburanti fossili li jniġġsu l-aktar, bħall-faħam, id-diżil, il-linjite, iż-żejt, il-pit u x-shale bituminuż iżidu l-esternalitajiet ambjentali negattivi fis-suq.

369.

Il-miżuri li jinċentivaw investimenti ġodda fil-ġenerazzjoni tal-enerġija bbażati fuq il-gass naturali jistgħu jappoġġaw is-sigurtà tal-provvisti tal-elettriku imma jaggravaw l-esternalitajiet ambjentali negattivi fit-tul, meta mqabbla ma’ investimenti alternattivi f’teknoloġiji mingħajr emissjonijiet. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivverifika li l-effetti negattivi ta’ tali miżuri jistgħu jiġu kkumpensati b’effetti pożittivi fit-test tal-ibbilanċjar, jenħtieġ li l-Istati Membri jispjegaw kif se jiżguraw li dan l-investiment jikkontribwixxi għall-ksib tal-mira klimatika tal-Unjoni għall-2030 u l-mira tan-newtralità klimatika sal-2050. B’mod partikolari, l-Istati Membri jridu jispjegaw kif se jiġi evitat l-intrappolament ta’ din il-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-gass. Dan jista’ jinkludi pereżempju impenji vinkolanti mill-benefiċjarju biex jimplimenta teknoloġiji ta’ dekarbonizzazzjoni bħas-CCS/CCU jew jissostitwixxi l-gass naturali b’gass rinnovabbli jew b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju jew jagħlaq l-impjant fi skeda ta’ żmien konsistenti mal-miri klimatiċi tal-Unjoni.

370.

Fir-rigward tal-miżuri jew tal-iskemi ta’ għajnuna individwali li jibbenefikaw biss lil għadd partikolarment limitat ta’ benefiċjarji jew lil benefiċjarju stabbilit, jenħtieġ li l-Istati Membri, barra minn hekk, juru li l-miżura ta’ għajnuna proposta mhix se twassal għal saħħa akbar fis-suq.

4.9   Għajnuna għall-infrastruttura tal-enerġija

4.9.1   Raġunament għall-għajnuna

371.

Se jkun meħtieġ investiment sinifikanti kif ukoll aġġornament tal-infrastruttura tal-enerġija biex jintlaħqu l-miri klimatiċi tal-Unjoni. Infrastruttura tal-enerġija moderna hija kruċjali għal suq tal-enerġija integrat li jissodisfa l-miri tal-klima filwaqt li jiżgura s-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni. L-infrastruttura tal-enerġija adegwata hija element neċessarju ta’ suq effiċjenti tal-enerġija. It-titjib tal-infrastruttura tal-enerġija jtejjeb l-istabbiltà tas-sistema, l-adegwatezza tar-riżorsi, l-integrazzjoni ta’ sorsi differenti tal-enerġija u l-provvista tal-enerġija f’networks sottożviluppati.

372.

Fejn l-operaturi tas-suq ma jkunux jistgħu jipprovdu l-infrastruttura meħtieġa, l-għajnuna mill-Istat tista’ tkun neċessarja sabiex jingħelbu l-fallimenti tas-suq u biex jiġi żgurat li jiġu ssodisfati l-bżonnijiet infrastrutturali konsiderevoli tal-Unjoni. Wieħed mill-fallimenti tas-suq li jista’ jinqala’ fil-qasam tal-infrastruttura tal-enerġija huwa relatat ma’ problemi ta’ koordinazzjoni. Interessi diverġenti fost l-investituri, l-inċertezza dwar ir-riżultati kollaborattivi u l-effetti tan-network jistgħu jipprevjenu l-iżvilupp ta’ proġett jew it-tfassil effettiv tiegħu. Fl-istess ħin, l-infrastruttura tal-enerġija tista’ tiġġenera esternalitajiet pożittivi sostanzjali, fejn il-kostijiet u l-benefiċċji tal-infrastruttura jistgħu jseħħu b’mod asimetriku fost id-diversi parteċipanti fis-suq u l-Istati Membri. Il-Kummissjoni għalhekk tqis li l-għajnuna għall-infrastruttura tal-enerġija tista’ tkun ta’ benefiċċju għas-suq intern billi tindirizza dawn il-fallimenti tas-suq. Dan japplika b’mod partikolari għal proġetti infrastrutturali b’impatt transfruntier bħall-proġetti ta’ interess komuni, kif definiti fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 347/2013.

373.

B’mod konformi mal-Avviż dwar il-Kunċett ta’ Għajnuna (139), l-għajnuna għall-infrastruttura tal-enerġija fil-kuntest tal-qafas ta’ monopolju legali mhijiex soġġetta għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Fis-settur tal-enerġija dan huwa partikolarment rilevanti għal dawk l-Istati Membri fejn il-kostruzzjoni u l-operat ta’ ċerti infrastrutturi huma riżervati esklussivament bil-liġi għat-TSO jew għad-DSO.

374.

Il-Kummissjoni tqis li jeżisti monopolju legali li jeskludi d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

a)

il-kostruzzjoni u l-operat tal-infrastruttura huma soġġetti għal monopolju legali stabbilit f’konformità mad-dritt tal-Unjoni; dan huwa l-każ fejn it-TSO/id-DSO jkun legalment l-unika entità intitolata li tagħmel ċertu tip ta’ investiment jew attività u l-ebda entità oħra ma tkun tista’ topera network alternattiv (140);

b)

il-monopolju legali ma jeskludix biss il-kompetizzjoni fis-suq, iżda anke għas-suq, fis-sens li jeskludi kull possibbiltà ta’ kompetizzjoni sabiex wieħed isir l-operatur esklużiv tal-infrastruttura inkwistjoni;

c)

is-servizz ma jkunx f’kompetizzjoni ma’ servizzi oħra;

d)

jekk l-operatur tal-infrastruttura tal-enerġija jkun attiv f’suq (ġeografiku jew ta’ prodott) ieħor miftuħ għall-kompetizzjoni, is-sussidju inkroċjat huwa eskluż; dan jeħtieġ li jintużaw kontijiet separati, li l-kostijiet u d-dħul jiġu allokati b’mod xieraq u li l-finanzjament pubbliku pprovdut għas-servizz soġġett għall-monopolju legali ma jkunx jista’ jkun ta’ benefiċċju għal attivitajiet oħra. Fir-rigward tal-infrastruttura tal-elettriku u tal-gass, billi l-Artikolu 56 tad-Direttiva (UE) 2019/944 u l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jirrikjedu li entitajiet integrati vertikalment iżommu kontijiet separati għal kull waħda mill-attivitajiet tagħhom, dan ir-rekwiżit x’aktarx li jiġi ssodisfat.

375.

B’mod simili, il-Kummissjoni tqis li ma hemm l-ebda għajnuna mill-Istat involuta fl-investimenti fejn l-infrastruttura tal-enerġija hija operata f’“monopolju naturali”, li huwa meqjus li jeżisti meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

a)

infrastruttura ma tiffaċċja l-ebda kompetizzjoni diretta, li huwa l-każ meta l-infrastruttura tal-enerġija ma tkunx tista’ tiġi rreplikata ekonomikament u għalhekk l-ebda operatur għajr it-TSO/id-DSO ma jkun involut;

b)

il-finanzjament alternattiv fl-infrastruttura tan-network, apparti l-finanzjament tan-network, huwa insinifikanti fis-settur u fl-Istat Membru kkonċernat;

c)

l-infrastruttura ma tkunx imfassla biex tiffavorixxi impriża speċifika jew settur speċifiku selettivament iżda tipprovdi benefiċċji għas-soċjetà inġenerali.

d)

L-Istati Membri jridu jiżguraw ukoll li l-finanzjament ipprovdut għall-kostruzzjoni u/jew għall-operat tal-infrastruttura tan-network tal-enerġija ma jkunx jista’ jintuża għas-sussidju inkroċjat jew indirett ta’ attivitajiet ekonomiċi oħra. Għall-infrastruttura tal-elettriku u tal-gass, ara l-punt 374.

4.9.2   Kamp ta’ applikazzjoni u attivitajiet appoġġati

376.

Din it-Taqsima 4.9 tapplika għal għajnuna għal investimenti fil-kostruzzjoni jew fl-ammeljorament tal-infrastruttura tal-enerġija, kif definit fil-punt 19(36) (141). L-investimenti eliġibbli jistgħu jinkludu d-diġitalizzazzjoni, żieda fl-intelliġenza tal-infrastruttura tal-enerġija, eż. biex tkun possibbli l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli jew b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, kif ukoll aġġornamenti abbażi tar-reżiljenza għall-klima. Jenħtieġ li b’mod ġenerali l-kostijiet operatorji jiġġarrbu mill-utenti tan-network, u għalhekk jenħtieġ li l-għajnuna għal dawn il-kostijiet ma tkunx meħtieġa b’mod ġenerali. F’ċirkostanzi ta' eċċezzjoni fejn Stat Membru juri li l-kostijiet operatorji ma jistgħux jiġu rkuprati mill-utenti tan-network, u meta l-għajnuna operatorja ma tkunx relatata ma’ kostijiet mitlufa imma twassal għal bidla fl-imġiba li tippermetti l-ksib ta’ objettivi ta’ sigurtà tal-provvista jew ta’ ħarsien tal-ambjent, l-għajnuna operatorja għall-infrastruttura tista’ tkun kompatibbli. Sakemm il-proġett ma jkunx eskluż mill-kontroll tal-għajnuna mill-Istat (ara l-punt 374 u 375), il-Kummissjoni se tivvalutah kif stabbilit f’din it-Taqsima.

377.

Din it-Taqsima 4.9 se tapplika wkoll għall-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija sal-31 ta’ Diċembru 2023, f’konnessjoni mal-linji tat-trażmissjoni jew tad-distribuzzjoni (ħżin tal-elettriku awtonomu (142)), irrispettivament mil-livelli ta’ vultaġġ (143).

4.9.3   Minimizzazzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ

4.9.3.1   Neċessità u adegwatezza

378.

It-Taqsimiet 3.2.1.1 u 3.2.1.2 ma japplikawx għall-għajnuna għall-infrastruttura tal-enerġija.

379.

L-infrastruttura tal-enerġija hija tipikament iffinanzjata permezz ta’ tariffi tal-utenti. Għal ħafna kategoriji tal-infrastruttura dawn it-tariffi huma soġġetti għar-regolamentazzjoni biex ikun żgurat il-livell meħtieġ ta’ investimenti waqt li jiġu ppreservati d-drittijiet tal-utenti, tkun żgurata l-kost-riflettività u li ma jsirx indħil mill-Istat.

380.

L-għoti ta’ għajnuna mill-Istat huwa mod kif jingħelbu l-fallimenti tas-suq li ma jistgħux jiġu indirizzati għalkollox permezz ta’ tariffi tal-utent obbligatorji. Għaldaqstant, biex tintwera l-ħtieġa ta’ għajnuna mill-Istat, japplikaw il-prinċipji li ġejjin:

a)

il-Kummissjoni tqis li għall-proġetti ta’ interess komuni kif definiti fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament (UE) Nru 347/2013, li huma soġġetti għalkollox għal-leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-enerġija, il-fallimenti tas-suq f’termini ta’ problemi ta’ koordinazzjoni huma tali li l-finanzjament permezz tat-tariffi jista’ ma jkunx biżżejjed u tista’ tingħata għajnuna mill-Istat;

b)

għall-proġetti ta’ interess komuni li huma parzjalment jew totalment eżentati mil-leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-enerġija, u għal kategoriji oħra tal-infrastruttura, il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni każ b’każ tal-ħtieġa għal għajnuna mill-Istat. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-fatturi li ġejjin: (i) sa liema punt falliment tas-suq iwassal għal proviżjoni subottimali tal-infrastruttura meħtieġa; (ii) sa fejn l-infrastruttura hija miftuħa għal aċċess ta’ parti terza u soġġetta għal regolamentazzjoni tariffarja; u (iii) sa fejn il-proġett jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni jew għall-objettivi tan-newtralità klimatika tal-Unjoni. Fir-rigward tal-infrastruttura bejn l-Unjoni u pajjiż terz, jekk il-proġett ma jkunx inkluż fil-lista tal-proġetti ta’ interess reċiproku, jistgħu jitqiesu wkoll fatturi oħra għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà mar-regoli tas-suq intern (144).

c)

Għall-faċilitajiet tal-ħżin tal-elettriku, il-Kummissjoni tista’ teħtieġ id-dimostrazzjoni mill-Istat Membru ta’ falliment speċifiku tas-suq fl-iżvilupp ta’ faċilitajiet biex jipprovdu servizzi simili.

4.9.3.2   Proporzjonalità tal-għajnuna

381.

Il-proporzjonalità se tkun ivvalutata fuq il-bażi tal-prinċipju tad-distakk fil-finanzjament stabbilit fil-punti 48, 51 u 52. Għal għajnuna għall-infrastruttura, kif spjegat fil-punt 52, ix-xenarju kontrofattwali huwa preżunt bħala s-sitwazzjoni li fiha l-proġett ma jseħħx. L-introduzzjoni tal-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u rkupru tista’ tkun meħtieġa fejn ikun hemm riskju ta’ profitti mhux mistennija, eż. meta l-għajnuna tkun qrib il-massimu permess, waqt li jinżammu l-inċentivi għall-benefiċjarji biex jimminimizzaw il-kostijiet tagħhom u jiżviluppaw in-negozju tagħhom b’mod aktar effiċjenti matul iż-żmien.

4.9.4   L-evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ u l-ibbilanċjar

382.

It-Taqsima 3.2.2 ma tapplikax għall-infrastruttura tal-enerġija. Meta tanalizza l-impatt li l-għajnuna mill-Istat għall-infrastruttura tal-enerġija għandha fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni se tieħu l-approċċ li ġej:

a)

Fid-dawl tar-rekwiżiti eżistenti skont il-leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-enerġija, li huma mmirata lejn it-tisħiħ tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ġeneralment tikkunsidra li għajnuna għall-infrastruttura tal-enerġija soġġetta għal regolamentazzjoni sħiħa tas-suq intern ma għandhiex effetti distorsivi indebiti (145).

b)

F’każ ta’ proġetti infrastrutturali li huma eżentati, għalkollox jew parzjalment, mil-leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-enerġija, il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni każ b’każ tad-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni waqt li tqis b’mod partikolari l-grad ta’ aċċess ta’ partijiet terzi għall-infrastruttura appoġġata, l-aċċess għal infrastruttura alternattiva, l-esklużjoni ta’ investiment tas-settur privat u l-pożizzjoni kompetittiva tal-benefiċjarju jew tal-benefiċjarji. Għall-infrastruttura eżentata għalkollox mil-leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-enerġija, l-effetti negattivi ta’ distorsjoni fuq il-kompetizzjoni jitqiesu partikolarment serji.

c)

Minbarra l-approċċ deskritt fil-punti (a) u (b), il-Kummissjoni tqis li għall-investimenti fl-infrastruttura tal-gass naturali, l-Istati Membri jridu juru l-effetti pożittivi li ġejjin li huma kapaċi jagħmlu tajjeb għall-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni: (i) jekk l-infrastruttura hijiex lesta għall-użu tal-idroġenu u jekk twassalx għal żieda fl-użu tal-gassijiet rinnovabbli, jew inkella r-raġuni għaliex mhuwiex possibbli li l-proġett jitfassal b'tali mod li jkun lest għall-użu tal-idroġenu u kif il-proġett ma joħloqx effett ta’ intrappolament għall-użu tal-gass naturali; u (ii) kif l-investiment jikkontribwixxi għall-ksib tal-mira tal-Unjoni tal-klima għall-2030 u l-mira tagħha għan-newtralità klimatika sal-2050.

d)

Sabiex jingħata appoġġ għall-faċilitajiet tal-ħżin tal-elettriku - kif ukoll lil infrastruttura ta’ PCIs u PMIs oħra li mhijiex soġġetta għal-leġiżlazzjoni tas-suq intern - il-Kummissjoni se tivvaluta b’mod partikolari r-riskji ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni li jistgħu jirriżultaw fis-swieq tas-servizzi relatati kif ukoll fi swieq oħra tal-enerġija.

4.10   Għajnuna għal tisħin u tkessiħ distrettwali

4.10.1   Raġunament għall-għajnuna

383.

Il-kostruzzjoni jew l-aġġornament ta’ sistemi ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali jistgħu jagħtu kontribut pożittiv għall-ħarsien tal-ambjent billi jżidu l-effiċjenza fl-enerġija u s-sostenibbiltà tas-sistema appoġġata. Il-leġiżlazzjoni settorjali dwar il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli (id-Direttiva 2018/2001/UE) speċifikament teżiġi mingħand l-Istati Membri biex jieħdu l-passi meħtieġa bil-għan li jiżviluppaw infrastruttura effiċjenti għat-tisħin u għat-tkessiħ distrettwali biex jippromwovu t-tisħin u t-tkessiħ minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (146).

384.

Madankollu, l-esternalitajiet ambjentali assoċjati mal-operat ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali jistgħu jwasslu għal sottoinvestiment ineffiċjenti fil-kostruzzjoni u fl-aġġornament tas-sistemi ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali. L-għajnuna mill-Istat tista’ tindirizza dan il-falliment tas-suq billi tagħti lok għal investiment effiċjenti addizzjonali jew billi ssostni kostijiet operatorji eċċezzjonali minħabba l-ħtieġa li jiġi promoss l-iskop ambjentali tas-sistemi tat-tisħin distrettwali.

4.10.2   Kamp ta’ applikazzjoni u attivitajiet appoġġati

385.

L-appoġġ li huwa limitat għan-networks ta’ distribuzzjoni tat-tisħin distrettwali jista’ taħt ċerti ċirkostanzi jitqies li jaqa’ barra mill-kontroll tal-għajnuna mill-Istat bħala miżura ta’ infrastruttura li ma taffettwax il-kompetizzjoni u l-kummerċ. Dan ikun partikolarment il-każ meta n-networks tat-tisħin distrettwali jitħaddmu bl-istess mod bħal infrastruttura oħra tal-enerġija permezz tas-separazzjoni mill-ġenerazzjoni tat-tisħin, l-aċċess għall-partijiet terzi u t-tariffi regolati.

386.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta n-networks ta’ distribuzzjoni tat-tisħin distrettwali jitħaddmu f’sitwazzjoni ta’ monopolju naturali jew legali, jew it-tnejn li huma, japplikaw l-istess kundizzjonijiet tal-punti 374 u 375 (147).

387.

Sakemm il-proġett ma jkunx eskluż mill-kontroll tal-għajnuna mill-Istat (ara l-punt 385 (148)), il-Kummissjoni se tivvalutah kif stabbilit f’din it-Taqsima.

388.

Din it-Taqsima tapplika għall-għajnuna għall-kostruzzjoni, għall-aġġornament jew għat-tħaddim ta’ impjanti tal-ġenerazzjoni u tal-ħżin tat-tisħin jew tat-tkessiħ jew għan-network ta’ distribuzzjoni, jew għat-tnejn li huma.

389.

Dawn il-miżuri ta’ għajnuna tipikament ikopru l-kostruzzjoni, l-aġġornament u t-tħaddim tal-unità ta’ ġenerazzjoni biex tuża l-enerġija rinnovabbli (149), is-sħana mormija jew il-koġenerazzjoni effiċjenti ħafna inklużi soluzzjonijiet ta’ ħżin termali, jew l-aġġornament tan-network ta’ distribuzzjoni biex jitnaqqas it-telf u tiżdied l-effiċjenza, inkluż permezz ta’ soluzzjonijiet intelliġenti u diġitali (150). L-għajnuna għall-ġenerazzjoni tal-enerġija bbażata fuq l-iskart tista’ titqies kompatibbli taħt din it-taqsima sal-punt li tkun limitata jew għal skart li jissodisfa d-definizzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jew skart użat biex jitħaddmu installazzjonijiet li jissodisfaw id-definizzjoni ta’ koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja.

390.

Jekk l-għajnuna tingħata għall-aġġornament ta’ sistema ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali mingħajr ma tkun tissodisfa l-istandard ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali effiċjenti f’dak l-istadju (151), l-Istat Membru jrid jiżgura li l-benefiċjarju tal-għajnuna jibda x-xogħlijiet biex jilħaq dak l-istandard fi żmien tliet snin wara x-xogħlijiet ta’ aġġornament.

4.10.3   Neċessità u adegwatezza

391.

It-Taqsimiet 3.2.1.1 u 3.2.1.2 ma japplikawx għall-għajnuna għat-tisħin jew għat-tkessiħ distrettwali. Il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna mill-Istat tista’ tikkontribwixxi biex tindirizza l-fallimenti tas-suq billi tiskatta l-kostijiet tal-investiment meħtieġa għall-ħolqien, għall-estensjoni jew għall-aġġornament ta’ sistemi ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali effiċjenti.

392.

Jenħtieġ li b’mod ġenerali l-kostijiet operatorji jħallsuhom il-klijenti tas-sħana, u għalhekk jenħtieġ li l-għajnuna għal dawn il-kostijiet ma tkunx meħtieġa b’mod ġenerali. Jekk Stat Membru juri li l-kostijiet operatorji ma jistgħux jiġu mgħoddija lill-konsumaturi tas-sħana mingħajr ma jiddgħajjef il-ħarsien tal-ambjent, l-għajnuna operatorja għall-ġenerazzjoni tas-sħana tista’ tinstab kompatibbli sa fejn il-kostijiet operatorji extra netti (meta mqabbla ma’ xenarju kontrofattwali) jikkontribwixxu għar-realizzazzjoni tal-benefiċċji ambjentali (bħat-tnaqqis tas-CO2 u tniġġis ieħor meta mqabbel ma’ soluzzjonijiet alternattivi tat-tisħin (152)). Dan pereżempju jkun il-każ fejn ikun hemm evidenza li l-konsumaturi tat-tisħin residenzjali (jew entitajiet oħra li ma jeżerċitawx attivitajiet ekonomiċi) jaqilbu għal sorsi tas-sħana li jniġġsu aktar fin-nuqqas ta’ għajnuna operatorja (153) jew li, fin-nuqqas ta’ appoġġ, il-vijabbiltà fit-tul tas-sistema tat-tisħin distrettwali tkun mhedda għall-vantaġġ ta’ soluzzjonijiet tat-tisħin li jniġġsu aktar. Għall-għajnuna operatorja għal faċilitajiet għall-ġenerazzjoni tat-tisħin distrettwali japplikaw il-punti 122 u 126.

393.

Barra minn hekk, l-għajnuna mill-Istat għal sistemi ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali effiċjenti, li jużaw l-iskart bħala karburant tal-input, tista’ tagħti kontribut pożittiv għall-ħarsien tal-ambjent, dment li ma tinjorax il-prinċipju tal-ġerarkija tal-iskart (154).

4.10.4   Proporzjonalità tal-miżura ta’ għajnuna

394.

Il-proporzjonalità se tkun ivvalutata fuq il-bażi tal-prinċipju tad-distakk fil-finanzjament stabbilit fil-punti 48, 51 u 52.

395.

Għall-kostruzzjoni, għall-aġġornament u għat-tħaddim tan-networks ta’ distribuzzjoni, kif stabbiliti fil-punt 52, ix-xenarju kontrofattwali jkun is-sitwazzjoni li fiha l-proġett ma jseħħx.

4.10.5   L-evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ u l-ibbilanċjar

396.

It-Taqsima 3.2.2. ma tapplikax għall-għajnuna għat-tisħin jew għat-tkessiħ distrettwali. Il-Kummissjoni tqis li l-appoġġ għall-aġġornament, għall-kostruzzjoni jew għat-tħaddim ta’ sistemi ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali li jiddependu fuq l-aktar fjuwils fossili niġġiesa bħall-faħam, il-linjite, iż-żejt u d-diżil, għandhom konsegwenzi negattivi fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ li x’aktarx ma jiġux ikkumpensati sakemm ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

a)

l-għajnuna hija limitata għal investimenti fin-network ta’ distribuzzjoni;

b)

in-network ta’ distribuzzjoni diġà jippermetti t-trasport tas-sħana jew tat-tkessiħ iġġenerati minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, mis-sħana mormija jew mis-sorsi newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju;

c)

l-għajnuna ma tirriżultax f’aktar ġenerazzjoni ta’ enerġija mill-fjuwils fossili li jniġġsu l-aktar (pereżempju billi jiġu konnessi klijenti addizzjonali) (155);

d)

ikun hemm kronoloġija ċara li tinvolvi impenji sodi għat-tranżizzjoni mill-karburanti fossili li jniġġsu l-aktar, b’ħarsa lejn il-mira klimatika tal-Unjoni għall-2030 u mal-mira tan-newtralità klimatika sal-2050 (156).

397.

Fir-rigward tal-kostruzzjoni, tal-aġġornament jew tat-tħaddim tal-installazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni tat-tisħin distrettwali, il-miżuri li jinċentivaw investimenti ġodda fl-assi tal-ġenerazzjoni tal-enerġija jew it-tħaddim tagħhom fuq il-bażi tal-gass naturali jistgħu jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’terminu ta’ żmien qasir imma jaggravaw l-esternalitajiet ambjentali negattivi fit-tul, meta mqabbla ma’ investimenti alternattivi jew xenarji kontrofattwali. Sabiex dawn l-investimenti fil-gass naturali jew it-tħaddim fuq il-bażi tiegħu jitqiesu li għandhom effetti ambjentali pożittivi, l-Istati Membri jridu jispjegaw kif se jiżguraw li l-għajnuna tikkontribwixxi biex tintlaħaq il-mira klimatika tal-Unjoni għall-2030 u l-mira tan-newtralità sal-2050, u b’mod partikolari kif se jiġi evitat intrappolament tal-ġenerazzjoni tal-enerġija li taħdem bil-gass u kif ma jissostitwixxux investimenti f’alternattivi aktar nodfa li diġà huma disponibbli fis-suq, bil-konsegwenza li jxekklu l-iżvilupp ta’ teknoloġiji aktar nodfa u l-użu tagħhom. Dan jista’ jinkludi pereżempju impenji vinkolanti mill-benefiċjarju biex jimplimenta s-CCS/is-CCU jew jissostitwixxi l-gass naturali b’gass rinnovabbli jew b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju jew biex jagħlaq l-impjant fi skeda ta’ żmien konsistenti mal-miri klimatiċi tal-Unjoni.

398.

Meta tanalizza l-impatt tal-għajnuna mill-Istat għas-sistemi ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni li tibbilanċja l-benefiċċji tal-proġett f’termini ta’ effiċjenza enerġetika u sostenibbiltà (157) mal-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni u b’mod partikolari l-impatt negattiv possibbli fuq it-teknoloġiji alternattivi jew il-fornituri ta’ servizzi u network ta’ tisħin u tkessiħ. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tqis jekk is-sistema tat-tisħin distrettwali hijiex jew tistax tkun miftuħa għal aċċess ta’ partijiet terzi (158) u jekk humiex possibbli soluzzjonijiet tat-tisħin alternattivi sostenibbli (159).

4.11   Għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis mill-imposti fuq l-elettriku għall-utenti li jużaw ħafna enerġija

4.11.1   Raġunament għall-għajnuna

399.

It-trasformazzjoni tal-ekonomija tal-Unjoni f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew hija parzjalment iffinanzjata b’dazji fuq il-konsum tal-elettriku. It-twettiq tal-Patt Ekoloġiku jfisser li l-Istati Membri jkollhom jistabbilixxu politiki ambizzjużi ta’ dekarbonizzazzjoni biex inaqqsu b’mod sinifikanti l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni sal-2030 u jilħqu n-newtralità klimatika sal-2050. F’dan il-kuntest huwa probabbli li l-Istati Membri jkomplu jiffinanzjaw politiki bħal dawn permezz ta’ imposti u għalhekk huwa possibbli li dawn l-imposti jiżdiedu. Il-finanzjament tal-appoġġ għad-dekarbonizzazzjoni permezz ta’ imposti mhuwiex immirat lejn esternalità negattiva bħala tali. Għalhekk, dawn l-imposti mhumiex imposti ambjentali għall-fini ta’ dawn il-linji gwida u t-Taqsima 4.7.1 ma tapplikax għal dawn l-imposti.

400.

Għal ċerti setturi ekonomiċi li huma partikolarment esposti għall-kummerċ internazzjonali u jiddependu b’mod qawwi fuq l-elettriku għall-ħolqien tal-valur tagħhom, l-obbligu li jħallsu l-ammont sħiħ ta’ imposti fuq il-konsum tal-elettriku li jiffinanzjaw l-objettivi tal-politika ambjentali u tal-enerġija jista’ jżid ir-riskju li l-attivitajiet f’dawn is-setturi jimxu barra l-Unjoni lejn postijiet mingħajr dixxiplina ambjentali jew fejn tkun inqas ambizzjuża. Barra minn dan, imposti bħal dawn iżidu l-kost tal-elettriku meta mqabbel mal-kost tal-emissjonijiet diretti li jirriżultaw mir-rikors għal sorsi ta’ enerġija oħra u b’hekk jistgħu jiskoraġġixxu l-elettrifikazzjoni tal-proċessi ta’ produzzjoni, li hija ċentrali għad-dekarbonizzazzjoni b’suċċess tal-ekonomija tal-Unjoni. Sabiex jiġu mitigati dawn ir-riskji u l-impatti avversi fuq l-ambjent, l-Istati Membri jistgħu jagħtu tnaqqis minn dawn l-imposti lill-kumpaniji attivi fis-setturi ekonomiċi kkonċernati.

401.

Din it-Taqsima tistabbilixxi l-kriterji li l-Kummissjoni se tapplika meta tivvaluta l-iżvilupp ta’ attività ekonomika, l-effett ta’ inċentiv, in-neċessità, l-adegwatezza, il-proporzjonalità u l-impatt fuq il-kompetizzjoni tat-tnaqqis fl-imposti fuq l-elettriku għal ċerti utenti b’użu intensiv tal-enerġija. Il-kriterji ta’ kompatibbiltà fil-Kapitolu 3 japplikaw biss sa fejn m’hemm l-ebda regoli speċifiċi fit-Taqsima 4.11.

402.

Il-Kummissjoni użat miżuri xierqa biex tidentifika dawk is-setturi li huma partikolarment esposti għar-riskji msemmija fil-punt 400 u introduċiet rekwiżiti ta’ proporzjonalità li jqisu li, jekk it-tnaqqis tal-imposti jkun għoli wisq jew jingħata lil wisq konsumaturi tal-elettriku, jista’ jkun mhedded il-finanzjament globali tal-appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-kummerċ jistgħu jkunu partikolarment għoljin.

4.11.2   Kamp ta’ applikazzjoni: imposti li għalihom jista’ jingħata tnaqqis

403.

L-Istati Membri jistgħu jagħtu tnaqqis mill-imposti fuq il-konsum tal-elettriku li jiffinanzja l-objettivi tal-politika ambjentali u tal-enerġija. Dan jinkludi imposti li jiffinanzjaw l-appoġġ għas-sorsi rinnovabbli jew għal sħana u enerġija kkombinati u imposti li jiffinanzjaw tariffi jew prezzijiet tal-enerġija soċjali f’reġjuni iżolati. It-Taqsima 4.11 ma tkoprix imposti li jirriflettu parti mill-kost tal-provvista tal-elettriku lill-benefiċjarji inkwistjoni. Pereżempju, din it-Taqsima ma tkoprix eżenzjonijiet mit-tariffi tan-network jew minn tariffi li jiffinanzjaw il-mekkaniżmi tal-kapaċità. Lanqas l-imposti fuq il-konsum ta’ forom oħra ta’ enerġija, b’mod partikolari l-gass naturali, ma huma koperti minn din it-Taqsima.

404.

Id-deċiżjonijiet dwar is-siti tal-impriżi u l-impatt ambjentali negattiv assoċjat jiddependu fuq l-effett finanzjarju globali kkombinat tal-imposti li jistgħu jitnaqqsu. L-Istati Membri li jixtiequ jintroduċu miżura li tkun trid tiġi vvalutata skont din it-Taqsima għandhom għalhekk jinkludu dan it-tnaqqis kollu fi skema waħda u, bħala parti min-notifika, iridu jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-effett kumulattiv tal-imposti eliġibbli kollha u t-tnaqqis kollu propost. Jekk fi stadju aktar tard Stat Membru jiddeċiedi li jintroduċi tnaqqis addizzjonali fuq l-imposti koperti minn din it-Taqsima, se jkollu jinnotifika emenda għall-iskema eżistenti.

4.11.3   Minimizzazzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ

4.11.3.1   Eliġibbiltà

405.

Fir-rigward tal-imposti koperti taħt it-Taqsima 4.11.2, fil-livell settorjali r-riskju li attivitajiet jitmexxew barra mill-Unjoni Ewropea lejn postijiet fejn id-dixxiplina ambjentali hija assenti jew inqas ambizzjuża, jiddependi ħafna fuq l-intensità elettrika tas-settur inkwistjoni u l-ftuħ tiegħu għall-kummerċ internazzjonali. Konsegwentement, l-għajnuna tista’ tingħata biss lil impriżi minn:

a)

setturi f’riskju sinifikanti, li fil-każ tagħhom il-multiplikazzjoni tal-intensità tal-kummerċ u tal-intensità elettrika tagħhom fil-livell tal-Unjoni hija mill-inqas 2 % u li l-intensità tal-kummerċ u l-intensità fl-użu tal-elettriku tagħhom fil-livell tal-Unjoni hija mill-inqas 5 % għal kull indikatur;

b)

setturi f’riskju, li fil-każ tagħhom il-multiplikazzjoni tal-intensità tal-kummerċ u tal-intensità fl-użu tal-elettriku tagħhom fil-livell tal-Unjoni hija mill-inqas 0,6 % u li l-intensità tal-kummerċ u l-intensità fl-użu tal-elettriku tagħhom fil-livell tal-Unjoni hija mill-inqas 4 % u 5 % rispettivament.

Is-setturi li jissodisfaw dawn il-kriterji ta’ eliġibbiltà huma elenkati fl-Anness I.

406.

Settur jew sottosettur (160) li mhuwiex inkluż fl-Anness I se jitqies li huwa wkoll eliġibbli dment li jissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-punt 405 u li l-Istati Membri juru dan b’data li hija rappreżentattiva tas-settur jew tas-sottosettur fil-livell tal-Unjoni (161), li hija verifikata minn espert indipendenti u bbażata fuq perjodu ta’ mill-inqas tliet snin konsekuttivi li jibda mhux qabel l-2013.

407.

Jekk Stat Membru jagħti appoġġ biss lil subsett ta’ benefiċjarji eliġibbli jew jagħti livelli differenti ta’ tnaqqis lil benefiċjarji eliġibbli li jaqgħu fl-istess kategorija tal-punt 405(a) jew (b), dan irid juri li din id-deċiżjoni tkun saret abbażi ta’ kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji, u trasparenti u li l-għajnuna tingħata, fil-prinċipju, bl-istess mod lill-benefiċjarji eliġibbli kollha fl-istess settur jekk ikunu f’sitwazzjoni fattwali simili.

4.11.3.2   Proporzjonalità tal-miżura ta’ għajnuna

408.

Il-Kummissjoni se tqis li l-għajnuna tkun proporzjonata jekk il-benefiċjarji mis-setturi fil-punt 405(a) u (b) iħallsu mill-inqas 15 % u 25 % rispettivament tal-kostijiet iġġenerati mill-imposti tal-elettriku li Stat Membru jinkludi fl-iskema tiegħu. Il-Kummissjoni tqis ukoll li, sabiex l-għajnuna tkun proporzjonata, dan it-tnaqqis ma jistax jirriżulta f’imposta ta’ inqas minn EUR 0,5/MWh.

409.

Madankollu, il-kontribuzzjonijiet proprji bbażati fuq il-punt 408 jistgħu jmorru lil hinn minn dak li jifilħu jġarrbu l-impriżi li huma partikolarment esposti. Għaldaqstant, l-Istat Membru jista’ minflok jillimita l-kostijiet addizzjonali li jirriżultaw mill-imposti fuq l-elettriku għal 0,5 % tal-valur miżjud gross (gross value added, GVA) tal-impriżi fis-setturi tal-punt 405(a) u għal 1 % tal-GVA tal-impriżi fis-setturi mill-punt 405(b). Il-Kummissjoni tqis ukoll li, sabiex l-għajnuna tkun proporzjonata, dan it-tnaqqis ma jistax jirriżulta f’imposta ta’ inqas minn EUR 0,5/MWh.

410.

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna bħala proporzjonata jekk l-applikazzjoni tal-intensitajiet ogħla tal-għajnuna skont il-punti 408 u 409 jiġu estiżi għall-impriżi mis-setturi tal-punt 405(b), dment li l-impriżi kkonċernati jnaqqsu l-impronta tal-karbonju tal-konsum tal-elettriku tagħhom. Għal dan il-għan, il-benefiċjarji se jkopru mill-inqas 50 % tal-konsum tal-elettriku tagħhom minn sorsi mingħajr karbonju, li mill-inqas 10 % minnhom se jkunu koperti minn strument forward bħal ftehim dwar ix-xiri tal-enerġija jew mill-inqas 5 % se jkunu koperti minn ġenerazzjoni fuq il-post jew qrib il-post.

411.

Għall-finijiet tal-punt 409, il-valur miżjud gross ta’ impriża se jkun il-valur miżjud gross skont il-kostijiet tal-fatturi, li huwa l-valur miżjud gross bil-prezzijiet tas-suq u bit-tnaqqis ta’ kull taxxa indiretta u biż-żieda tas-sussidji. Il-valur miżjud gross skont il-kost tal-fatturi jista’ jiġi kkalkulat mill-fatturat, biż-żieda tal-produzzjoni kapitalizzata, biż-żieda ta’ introjtu operattiv ieħor, biż-żieda jew bit-tnaqqis tat-tibdil fil-ħażniet, u minnhom jitnaqqas ix-xiri ta’ oġġetti u servizzi (162), jitnaqqsu t-taxxi l-oħrajn fuq prodotti li huma marbuta mal-fatturat iżda li mhumiex deduċibbli, bit-tnaqqis tad-dazji u t-taxxi marbuta mal-produzzjoni. Inkella, il-GVA skont il-kost tal-fatturi jista’ jiġi kkalkulat mis-surplus operattiv gross billi jiżdiedu l-kostijiet tal-persunal. L-introjtu u n-nefqa fil-kontijiet tal-kumpanija li jiġu kklassifikati bħala finanzjarji jew straordinarji huma esklużi mill-valur miżjud. Il-valur miżjud skont il-kostijiet tal-fatturi jiġi kkalkulat fil-livell gross, minħabba li l-aġġustamenti fil-valur (bħad-deprezzament) ma jitnaqqsux (163).

412.

Għall-finijiet tal-punt 411 se tintuża l-medja aritmetika fuq it-tliet snin l-aktar riċenti li għalihom hi disponibbli d-data tal-GVA.

4.11.3.3   Forma tal-għajnuna mill-Istat

413.

L-Istati Membri jistgħu jagħtu l-għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis mill-imposti, bħala ammont ta’ kumpens fiss annwali (rifużjoni), jew bħala kombinazzjoni tat-tnejn li huma (164). Fejn l-għajnuna tingħata fil-forma ta’ tnaqqis mill-imposti, għandu jkun hemm mekkaniżmu ta’ monitoraġġ ex post sabiex jiġi żgurat li kull pagament żejjed li jkun sar fir-rigward tal-għajnuna jitħallas lura qabel l-1 ta’ Lulju tas-sena ta’ wara. Fejn l-għajnuna tingħata fil-forma ta’ rifużjoni, din trid tiġi kkalkulata abbażi tal-livelli osservati ta’ konsum tal-elettriku u, jekk applikabbli, il-valur miżjud gross fil-perjodu ta’ żmien li matulu ġew applikati l-imposti eliġibbli.

4.11.3.4   Awditjar tal-Enerġija u Sistemi ta’ Ġestjoni

414.

Għall-għajnuna mogħtija skont it-Taqsima 4.11, l-Istat Membru jrid jimpenja ruħu li jivverifika li l-benefiċjarju jikkonforma mal-obbligu tiegħu li jwettaq awditu tal-enerġija fis-sens tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2012/27/UE. Dan jista’ jsir jew bħala awditu tal-enerġija awtonomu jew fil-qafas ta’ Sistema ta’ Ġestjoni tal-Enerġija jew Sistema ta’ Ġestjoni Ambjentali ċċertifikata, kif speċifikat fl-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija.

415.

L-Istat Membru jimpenja ruħu wkoll li jimmonitorja li l-benefiċjarji meħtieġa li jwettqu awditu tal-enerġija skont l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2012/27/UE jwettqu wieħed jew aktar mill-punti li ġejjin:

a)

jimplimentaw rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-awditjar, sal-punt li ż-żmien ta’ ħlas lura għall-investimenti rilevanti ma jaqbiżx it-tliet (3) snin u li l-kostijiet tal-investimenti tagħhom ikunu proporzjonati;

b)

inaqqsu l-impronta tal-karbonju tal-konsum tal-elettriku tagħhom, sabiex ikopru mill-inqas 30 % tal-konsum tal-elettriku tagħhom minn sorsi ħielsa mill-karbonju;

c)

jinvestu sehem sinifikanti ta’ mill-inqas 50 % tal-ammont ta’ għajnuna fi proġetti li jwasslu għal tnaqqis sostanzjali tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-installazzjoni; jekk applikabbli, jenħtieġ li l-investiment iwassal għal tnaqqis sa livell li jkun ferm taħt il-parametru referenzjarju rilevanti użat għall-allokazzjoni bla ħlas fl-ETS tal-Unjoni.

4.11.3.5   Regoli tranżizzjonali

416.

Sabiex jiġu evitati bidliet ta’ tfixkil fil-piż tal-imposta għal impriżi individwali li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà stabbiliti fit-Taqsima 4.11, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu pjan tranżizzjonali għal dawn l-impriżi. Il-pjan tranżizzjonali se jkun limitat għall-impriżi li jikkonformaw maż-żewġ kriterji kumulattivi li ġejjin:

a)

f’mill-inqas waħda mill-aħħar sentejn qabel l-adattament skont il-punt 468(a) ikunu rċevew għajnuna fil-forma ta’ imposti mnaqqsa skont skema ta’ għajnuna nazzjonali ddikjarata kompatibbli abbażi tat-Taqsima 3.7.2 tal-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020 (165);

b)

fil-mument li ngħatat l-għajnuna skont il-punt 416(a) kienu jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà tat-Taqsima 3.7.2 tal-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent u l-enerġija 2014-2020.

417.

Pjan tranżizzjonali bħal dan se jinvolvi aġġustament progressiv u komplet għall-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà u proporzjonalità stabbiliti fit-Taqsima 4.11, bit-tlestija sal-2028 skont din l-iskeda:

a)

għall-imposti applikabbli għas-snin sal-2026, l-impriżi kkonċernati jħallsu mill-inqas 35 % tal-kostijiet iġġenerati mill-imposti tal-elettriku li Stat Membru jinkludi fl-iskema tiegħu jew l-ekwivalenti għal 1,5 % tal-GVA tagħhom;

b)

għall-imposti applikabbli għas-sena 2027, l-impriżi kkonċernati jħallsu mill-inqas 55 % tal-kostijiet iġġenerati mill-imposti tal-elettriku li Stat Membru jinkludi fl-iskema tiegħu jew l-ekwivalenti għal 2,5 % tal-GVA tagħhom;

c)

għall-imposti applikabbli għas-sena 2028, l-impriżi kkonċernati jħallsu mill-inqas 80 % tal-kostijiet iġġenerati mill-imposti tal-elettriku li Stat Membru jinkludi fl-iskema tiegħu jew l-ekwivalenti għal 3,5 % tal-GVA tagħhom;

418.

Il-pjan tranżizzjonali jista’ jippermetti li l-intensitajiet tal-għajnuna skont il-punt 417(a) jiġu applikati għall-perjodu tranżizzjonali sħiħ, dment li l-impriżi kkonċernati jnaqqsu l-impronta tal-karbonju tal-konsum tal-elettriku tagħhom. Għal dan il-għan, il-benefiċjarji se jkopru mill-inqas 50 % tal-konsum tal-elettriku tagħhom minn sorsi mingħajr karbonju, li mill-inqas 10 % minnhom se jkunu koperti minn strument forward bħal ftehim dwar ix-xiri tal-enerġija jew mill-inqas 5 % se jkunu koperti minn ġenerazzjoni fuq il-post jew qrib il-post.

419.

Il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna mhux notifikata mogħtija fil-forma ta’ imposti mnaqqsa fuq l-elettriku għall-utenti b’użu intensiv tal-enerġija fil-perjodu ta’ qabel il-pubblikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern bil-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

a)

li l-għajnuna kienet meħtieġa għall-iżvilupp tal-attivitajiet ekonomiċi mwettqa mill-benefiċjarji;

b)

li ġew evitati distorsjonijiet eċċessivi tal-kompetizzjoni.

4.12   Għajnuna għall-għeluq ta’ impjanti tal-enerġija li jużaw il-faħam, il-pit jew ix-shale bituminuż u ta’ operazzjonijiet tal-estrazzjoni relatati mal-estrazzjoni tal-faħam, tal-pit jew tax-shale bituminuż

420.

It-tranżizzjoni mill-ġenerazzjoni tal-enerġija bbażata fuq il-faħam, il-pit u x-shale bituminuż hija waħda mill-aktar muturi importanti tad-dekarbonizzazzjoni fis-settur tal-enerġija fl-Unjoni. It-Taqsimiet 4.12.1 u 4.12.2 jistipulaw ir-regoli ta’ kompatibbiltà applikabbli għal żewġ tipi ta’ miżuri li l-Istati Membri jistgħu jieħdu biex jappoġġaw l-għeluq ta’ impjanti tal-enerġija li jaħarqu l-faħam (inklużi kemm il-faħam iebes kif ukoll il-linjite), il-pit jew ix-shale bituminuż u ta’ operazzjonijiet ta’ estrazzjoni ta’ dawn il-karburanti (flimkien imsejħa “attivitajiet tal-faħam, tal-pit u tax-shale bituminuż”).

421.

It-Taqsimiet 4.12.1 u 4.12.2 jistabbilixxu l-kriterji li l-Kummissjoni se tapplika meta tivvaluta l-effett ta’ inċentiv, in-neċessità, l-adegwatezza, il-proporzjonalità u l-effetti fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ. Il-kriterji ta’ kompatibbiltà fil-Kapitolu 3 japplikaw biss għal dawk il-kriterji li għalihom m’hemm l-ebda regoli speċifiċi fit-Taqsimiet 4.12.1 u 4.12.2.

422.

L-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni tal-enerġija fl-Istati Membri b’introjtu baxx ħafna per capita hija partikolarment diffiċli. Sabiex jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika fir-reġjuni l-iktar milquta permezz tal-eliminazzjoni gradwali tas-sorsi tal-enerġija li jniġġsu l-iżjed, l-Istati Membri jista’ jkollhom bżonn jgħaqqdu l-eliminazzjoni gradwali tal-attivitajiet tal-faħam, tal-pit jew tax-shale bituminuż ma’ investiment simultanju f’ġenerazzjoni aktar ekoloġika, bħall-gass naturali. B’mod eċċezzjonali u sal-31 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissjoni tista’ tivvaluta dawn l-investimenti skont kriterji differenti minn dawn il-linji gwida fl-Istati Membri li għandhom PDG reali per capita bil-prezzijiet tas-suq f’EUR li huwa 35 % jew inqas tal-medja tal-Unjoni fl-2019. Il-proġetti koperti minn dan il-punt għandhom:

a)

jinvolvu għeluq simultanju ta’ impjanti tal-enerġija, li jużaw il-faħam, il-pit jew ix-shale bituminuż, b’minn tal-inqas l-istess kapaċità bħall-ġenerazzjoni l-ġdida koperta mill-investiment, sa mhux aktar tard mill-2026;

b)

jikkonċernaw lill-Istati Membri li ma għandhomx mekkaniżmu ta’ kapaċità fis-seħħ u li jieħdu ħsieb li jwettqu r-riformi meħtieġa tas-suq sabiex is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku tkun żgurata fil-futur mingħajr rikors għal miżuri ta’ appoġġ individwali; kif ukoll

c)

ikunu parti minn strateġija ta’ dekarbonizzazzjoni kredibbli u ambizzjuża, inkluża l-prevenzjoni ta’ assi mhux rekuperabbli fid-dawl tal-miri tal-2030 u tal-2050 (ara l-punt 129).

4.12.1   Għajnuna għat-tmiem bikri ta’ attivitajiet profittabbli tal-faħam, tal-pit u tax-shale bituminuż

4.12.1.1   Raġunament għall-għajnuna

423.

It-tranżizzjoni mill-attivitajiet tal-faħam, tal-pit u tax-shale bituminuż hija xprunata l-aktar mir-regolamentazzjoni, mill-forzi tas-suq bħall-effetti tal-prezzijiet tal-karbonju u l-kompetizzjoni mis-sorsi rinnovabbli b’kostijiet marġinali baxxi.

424.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jaċċelleraw din it-tranżizzjoni xprunata mis-suq billi jipprojbixxu l-ġenerazzjoni tal-enerġija minn dawn il-karburanti minn ċerta data. Din il-projbizzjoni tista’ toħloq sitwazzjonijiet fejn l-attivitajiet profittabbli tal-faħam, tal-pit u tax-shale bituminuż ikollhom jintemmu qabel tmiem il-ħajja ekonomika tagħhom u b’hekk tirriżulta fi profitt mitluf. L-Istati Membri jistgħu jkunu jixtiequ jagħtu kumpens barra l-proċeduri tal-qorti biex jiżguraw iċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà, u b’hekk tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni ekoloġika.

4.12.1.2   Kamp ta’ applikazzjoni u attivitajiet appoġġati

425.

Din it-Taqsima tistabbilixxi regoli ta’ kompatibbiltà għal miżuri meħuda biex jaċċelleraw it-tmiem ta’ attivitajiet profittabbli tal-faħam, tal-pit u tax-shale bituminuż u biex jikkumpensaw l-impriżi milquta. Dan il-kumpens jiġi kkalkulat tipikament fuq il-bażi tal-profitti mitlufa li l-impriżi milquta jġarrbu minħabba li l-attivitajiet jintemmu b’mod bikri. Jista’ jkopri wkoll kostijiet addizzjonali mġarrba mill-impriżi, pereżempju dawk relatati ma’ kostijiet soċjali u ambjentali addizzjonali, jekk dawn il-kostijiet jiġu kkawżati direttament mit-tmiem bikri tal-attivitajiet profittabbli. Il-kostijiet addizzjonali ma jistgħux jinkludu kostijiet li kienu jinħolqu wkoll fix-xenarju kontrofattwali.

426.

Il-miżuri koperti minn din it-Taqsima jistgħu jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew oqsma ekonomiċi. Pereżempju, tali miżuri jistgħu joħolqu spazju għall-iżvilupp ta’ attivitajiet oħra tal-ġenerazzjoni tal-enerġija b’mod konformi mal-Patt Ekoloġiku biex jikkumpensaw għat-tnaqqis fil-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija kkawżat mill-għeluq bikri. Mingħajr il-miżura, dan l-iżvilupp jaf ma jseħħx fl-istess livell. Minbarra dan, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza tad-dritt introdotti b’dawn il-miżuri jistgħu jiffaċilitaw l-għeluq ordnat tal-attivitajiet tal-faħam, tal-pit u tax-shale bituminuż.

4.12.1.3   Effett ta’ inċentiv

427.

Jeħtieġ li l-miżura tiskatta bidla fl-imġiba ekonomika tal-operaturi, li jkunu qed itemmu l-attivitajiet tagħhom ta’ faħam, pit u shale bituminuż qabel tmiem il-ħajja ekonomika tagħhom. Sabiex tiddetermina jekk dan huwiex il-każ, il-Kummissjoni se tqabbel ix-xenarju fattwali (jiġifieri l-effetti tal-miżura) ma’ xenarju kontrofattwali (jiġifieri jekk il-miżura ma ssirx). Jenħtieġ li l-miżura ma twassalx għal ċirkomvenzjoni tar-regoli applikabbli għall-miżuri għas-sigurtà tal-provvista.

4.12.1.4   Neċessità u adegwatezza

428.

Il-Kummissjoni tqis li miżura tkun meħtieġa jekk l-Istat Membru jista’ juri li l-miżura hija mmirata lejn sitwazzjoni fejn tista’ twassal għal titjib materjali li s-suq waħdu ma jistax jipprovdi. Pereżempju bl-eliminazzjoni gradwali tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija bbażata fuq il-faħam, il-pit u x-shale bituminuż issir kontribuzzjoni għall-iżvilupp tal-attività ekonomika tal-ġenerazzjoni tal-enerġija minn sorsi alternattivi, li ma ssirx bl-istess livell mingħajr il-miżura. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tista’ tqis ukoll jekk is-suq innifsu kienx jikseb tnaqqis simili ta’ emissjonijiet ta’ CO2 mingħajr il-miżura jew jekk il-miżura tikkontribwixxix b’mod sinifikanti biex tiżgura ċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà li ma kienx ikun hemm fin-nuqqas tal-miżura, bil-konsegwenza li tiffaċilita t-tranżizzjoni ekoloġika.

429.

Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istat Membru juri li l-miżura hija strument ta’ politika xieraq biex jintlaħaq l-objettiv maħsub, jiġifieri ma jridx ikun hemm politika u strument ta’ għajnuna li joħolqu inqas distorsjoni u li huma kapaċi jiksbu l-istess riżultati. Pereżempju, jekk il-miżura tkunx immirata sew biex tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi alternattivi mentri timmitiga l-impatt fuq il-funzjonament tas-suq tal-elettriku u l-impjiegi, u biex tiżgura l-prevedibbiltà tal-għeluq mentri tikkontribwixxi għall-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2.

4.12.1.5   Proporzjonalità

430.

Fil-prinċipju, l-għajnuna trid tingħata permezz ta’ proċess kompetittiv ta’ offerti abbażi ta’ kriterji ċari, trasparenti u mhux diskriminatorji, b’mod konformi mat-Taqsima 3.2.1.3 (166). Dan ir-rekwiżit ma japplikax meta l-Istat Membru juri li proċess ta’ offerti x’aktarx ma jkunx kompetittiv minħabba raġunijiet oġġettivi. Pereżempju, dan jista’ jkun il-każ jekk l-għadd ta’ parteċipanti potenzjali jkun limitat, dment li dan ma jkunx dovut għal kriterji ta’ eliġibbiltà diskriminatorji.

431.

Jekk l-għajnuna tingħata permezz ta’ proċess kompetittiv ta’ offerti, il-Kummissjoni se tassumi li l-għajnuna hija proporzjonata u limitata għall-minimu neċessarju.

432.

Jekk ma jsirx proċess kompetittiv ta’ offerti, il-Kummissjoni tivvaluta l-proporzjonalità fuq bażi ta’ każ b’każ biex tivverifika li l-kumpens ikun limitat għall-minimu meħtieġ. F’dan il-kuntest il-Kummissjoni tanalizza fid-dettall is-suppożizzjonijiet użati mill-Istat Membru biex jiddetermina l-profitti mitlufa u l-kostijiet addizzjonali li fuq il-bażi tagħhom ġie kkalkulat il-kumpens għat-tmiem bikri, billi tqabbel il-profittabbiltà mistennija fix-xenarju fattwali u kontrofattwali. Jenħtieġ li x-xenarju kontrofattwali jkun ibbażat fuq suppożizzjonijiet debitament ġustifikati, żviluppi realistiċi tas-suq u jirrifletti d-dħul u l-kostijiet proġettati ta’ kull entità inkwistjoni, waqt li jitqiesu r-rabtiet funzjonali diretti possibbli bejn l-entitajiet.

433.

Jekk it-tmiem tal-attivitajiet tal-faħam, tal-pit u tax-shale bituminuż iseħħ aktar minn tliet snin wara li jkun ingħata l-kumpens, l-Istat Membru jrid jintroduċi mekkaniżmu biex jaġġorna l-kalkolu tal-kumpens fuq il-bażi tas-suppożizzjonijiet l-aktar reċenti, sakemm ma jkunx jista’ juri għaliex l-użu ta’ tali mekkaniżmu mhuwiex ġustifikat minħabba ċ-ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni fil-każ inkwistjoni.

4.12.1.6   Evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ

434.

L-Istat Membru jrid jidentifika u jikkwantifika l-benefiċċji ambjentali mistennija tal-miżura, fejn possibbli f’termini ta’ għajnuna għal kull tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 evitata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tqis b’mod pożittiv il-miżuri li jinkludu kanċellazzjoni volontarja tal-kwoti tal-emissjonijiet tas-CO2 fil-livell nazzjonali.

435.

Huwa importanti li jiġi żgurat li l-miżura tkun strutturata b’tali mod li tillimita kull distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq. Jekk l-għajnuna tingħata permezz ta’ proċess kompetittiv ta’ offerti miftuħ għall-operaturi kollha ta’ attivitajiet tal-faħam, tal-pit jew tax-shale bituminuż fuq bażi mhux diskriminatorja, il-Kummissjoni se tassumi li l-effetti distorsivi tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ huma limitati. Jekk ma jsirx proċess kompetittiv ta’ offerti, il-Kummissjoni tivvaluta l-effetti tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ abbażi tat-tfassil tal-miżura u l-effett tagħha fuq is-suq rilevanti.

4.12.2   Għajnuna għal kostijiet eċċezzjonali relatati mat-tmiem ta’ attivitajiet mhux kompetittivi tal-faħam, tal-pit u tax-shale bituminuż

4.12.2.1   Raġunament għall-għajnuna

436.

L-għeluq tal-attivitajiet mhux kompetittivi ta’ faħam, pit u shale bituminuż jista’ jiġġenera kostijiet soċjali u ambjentali sinifikanti fil-livell tal-impjanti tal-enerġija u tal-operazzjonijiet tal-minjieri. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jkopru dawn il-kostijiet eċċezzjonali biex itaffu l-konsegwenzi soċjali u reġjonali tal-għeluq.

4.12.2.2   Kamp ta’ applikazzjoni u attivitajiet appoġġati

437.

Din it-Taqsima tistabbilixxi regoli ta’ kompatibbiltà għal miżuri meħuda biex ikopru kostijiet eċċezzjonali li jirriżultaw mit-tmiem tal-attivitajiet tal-faħam, tal-pit u tax-shale bituminuż li mhumiex kompetittivi.

438.

Il-miżuri koperti minn din it-Taqsima jistgħu jiffaċilitaw it-tranżizzjoni soċjali, ambjentali u ta’ sikurezza taż-żona kkonċernata.

439.

Din it-Taqsima tapplika sa fejn il-miżura mhijiex koperta mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Diċembru 2010 dwar Għajnuna mill-Istat biex jiġi ffaċilitat l-għeluq ta’ minjieri tal-faħam li mhumiex kompetittivi (167).

4.12.2.3   Neċessità u adegwatezza

440.

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna biex jiġu koperti kostijiet eċċezzjonali meħtieġa u xierqa sal-punt li tista’ ttaffi l-impatt soċjali u ambjentali tat-tmiem tal-attivitajiet mhux kompetittivi tal-faħam, tal-pit u tax-shale bituminuż fir-reġjun u fl-Istat Membru kkonċernat.

4.12.2.4   Effett ta’ inċentiv u proporzjonalità

441.

L-għajnuna mill-Istat għal kostijiet eċċezzjonali tista’ tintuża biss biex jiġu koperti l-kostijiet li jirriżultaw mit-tmiem tal-attivitajiet mhux kompetittivi tal-faħam, tal-pit u tax-shale bituminuż.

442.

Il-kategoriji ta’ kostijiet eliġibbli koperti huma definiti fl-Anness II. Il-kostijiet li jirriżultaw min-nuqqas ta’ konformità mar-regolamenti ambjentali u l-kostijiet relatati mal-produzzjoni attwali mhumiex eliġibbli.

443.

Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (168) jew regoli rilevanti oħra tal-Unjoni (169), l-għajnuna biex jiġu koperti kostijiet ambjentali eċċezzjonali tista’ titqies li għandha effett ta’ inċentiv biss meta l-entità jew l-impriża fl-oriġini tal-ħsara ambjentali ma tkunx tista’ tiġi identifikata jew tinżamm legalment responsabbli għall-finanzjament tax-xogħlijiet meħtieġa għall-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-ħsara ambjentali f’konformità mal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”.

444.

L-Istat Membru jrid juri li ttieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, inkluża l-azzjoni legali, biex tiġi identifikata l-entità jew l-impriża responsabbli fl-oriġini tad-dannu ambjentali u li ġiet imġiegħla ġġarrab il-kostijiet rilevanti. Meta l-entità jew l-impriża responsabbli skont il-liġi applikabbli ma tkunx tista’ tiġi identifikata jew tkun imġiegħla ġġarrab il-kostijiet, tista’ tingħata għajnuna insostenn tax-xogħlijiet sħaħ ta’ riabilitazzjoni jew ta’ rimedju u tista’ titqies li għandha effett ta’ inċentiv. Il-Kummissjoni tista’ tqis li impriża ma tistax tkun imġiegħla ġġarrab il-kostijiet biex tirrimedja l-ħsara ambjentali li tkun ikkawżat meta ma tkunx għadha teżisti legalment u l-ebda impriża oħra ma tista’ titqies bħala s-suċċessur legali jew ekonomiku (170) tagħha jew jekk ma jkunx hemm garanzija finanzjarja suffiċjenti biex jitħallsu l-kostijiet tar-rimedju.

445.

L-ammont tal-għajnuna jrid ikun limitat biex ikopri l-kostijiet eċċezzjonali tal-benefiċjarju u ma jistax jaqbeż il-kostijiet li fil-fatt iġġarrbu. Il-Kummissjoni se titlob l-Istat Membru biex jidentifika b’mod ċar u separat l-ammont ta’ għajnuna għal kull kategorija ta’ kostijiet eliġibbli, kif spjegat fid-dettall fl-Anness II. Jekk l-Istat Membru jkopri dawn il-kostijiet fuq il-bażi ta’ stimi qabel ma fil-fatt jiġġarrbu mill-benefiċjarju, l-Istat Membru jrid iwettaq verifika ex post tal-kostijiet imġarrba fuq il-bażi ta’ rapporti dettaljati li l-benefiċjarju jagħti lill-awtorità awtorizzanti, inklużi fatturi jew ċertifikati li juru l-kostijiet eċċezzjonali mġarrba, u jaġġusta l-ammonti mogħtija kif xieraq.

4.12.2.5   Evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ

446.

Dment li l-għajnuna tkun limitata għall-kopertura tal-kostijiet eċċezzjonali mġarrba mill-benefiċjarju, il-Kummissjoni tqis li din għandha effetti ta’ distorsjoni limitati fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ.

447.

Jenħtieġ li l-għajnuna riċevuta għal kostijiet eċċezzjonali tkun tidher fil-kontijiet tal-profitt u t-telf tal-benefiċjarju bħala entrata separata ta’ dħul distinta mill-fatturat. Jekk il-benefiċjarju jkompli jinnegozja jew jopera wara li jtemm l-attivitajiet rilevanti tal-faħam, tal-pit u tax-shale bituminuż, dan irid iżomm kontijiet preċiżi u separati għal dawk l-attivitajiet. L-għajnuna mogħtija trid tiġi ġestita b’tali mod li ma jkun hemm l-ebda possibbiltà li tiġi trasferita għal attivitajiet ekonomiċi oħra tal-istess impriża.

4.13   Għajnuna għal studji jew servizzi ta’ konsulenza dwar kwistjonijiet relatati mal-klima, mal-ħarsien tal-ambjent u mal-enerġija

4.13.1   Kamp ta’ applikazzjoni u attivitajiet appoġġati

448.

Din it-Taqsima tapplika għal għajnuna għal studji jew servizzi ta’ konsulenza marbuta direttament ma’ proġetti jew attivitajiet koperti minn dawn il-linji gwida dwar kwistjonijiet relatati mal-klima, mal-ħarsien tal-ambjent u mal-enerġija. L-għajnuna tista’ tingħata irrispettivament minn jekk l-istudju jew is-servizz ta’ konsulenza jkunx segwit minn investiment kopert minn dawn il-linji gwida jew le.

449.

L-istudju jew is-servizz ta’ konsulenza ma jistax ikun attività kontinwa jew perjodika u lanqas ikun relatat mal-kostijiet operatorji tas-soltu tal-impriża.

4.13.2   Effett ta’ inċentiv

450.

Ir-rekwiżit stabbilit fil-punt 451 japplika flimkien ma’ dawk stabbiliti fit-Taqsima 3.1.2.

451.

L-għajnuna għall-awditjar tal-enerġija meħtieġ skont id-Direttiva 2012/27/UE tista’ titqies li għandha effett ta’ inċentiv biss sal-punt li l-awditjar tal-enerġija jitwettaq apparti l-awditjar tal-enerġija obbligatorju skont dik id-Direttiva.

4.13.3   Proporzjonalità

452.

Il-kostijiet eliġibbli huma l-kostijiet tal-istudji jew tas-servizzi ta’ konsulenza relatati ma’ proġetti jew attivitajiet koperti minn dawn il-linji gwida. Meta tkun biss parti mill-istudju jew mis-servizz ta’ konsulenza li tikkonċerna investimenti koperti minn dawn il-linji gwida, il-kostijiet eliġibbli huma kostijiet tal-partijiet tal-istudju jew tas-servizz ta’ konsulenza relatati ma’ dawk l-investimenti.

453.

L-intensità tal-għajnuna ma tistax taqbeż is-60 % tal-kostijiet eliġibbli.

454.

L-intensità tal-għajnuna tista’ tiżdied b’20 punt perċentwali għal studji jew servizzi ta’ konsulenza mwettqa f’isem intrapriżi żgħar u b’10 punti perċentwali għal studji jew servizzi ta’ konsulenza mwettqa f’isem intrapriżi ta’ daqs medju.

5.   EVALWAZZJONI

455.

Sabiex ikompli jiġi żgurat li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ ikunu limitati, il-Kummissjoni tista’ titlob li l-iskemi ta’ għajnuna notifikabbli jkunu soġġetti għal evalwazzjoni ex post. Jenħtieġ li l-evalwazzjonijiet isiru għall-iskemi fejn id-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ ikunu partikolarment għoljin, jiġifieri skemi li hemm riskju ta’ restrizzjoni jew ta’ distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni jekk l-implimentazzjoni tagħhom ma tiġix riveduta fi żmien debitu.

456.

Se tkun meħtieġa evalwazzjoni ex post għal skemi b’baġits kbar għall-għajnuna, jew li jkun fihom karatteristiċi ġodda, jew meta jkunu previsti bidliet sinifikanti fis-suq, fit-teknoloġija jew fir-regolamentazzjoni. Fi kwalunkwe każ, l-evalwazzjoni ex post se tkun meħtieġa għal skemi fejn il-baġit tal-għajnuna mill-Istat jew in-nefqiet kontabilizzati jaqbżu l-EUR 150 miljun f’sena partikolari jew is-EUR 750 miljun fid-durata totali tal-iskemi. Id-durata totali tal-iskemi tinkludi t-tul ta’ żmien ikkombinat tal-iskema u ta’ xi skema preċedenti li tkopri objettiv u żona ġeografika simili, mill-1 ta’ Jannar 2022. Minħabba l-objettivi tal-evalwazzjoni, u sabiex ma jiġix impost piż sproporzjonat fuq l-Istati Membri u fuq proġetti ta’ għajnuna iżgħar, ir-rekwiżit tal-evalwazzjoni ex post huwa meħtieġ biss għal skemi ta’ għajnuna b’durata totali li taqbeż it-tliet snin, mill-1 ta’ Jannar 2022.

457.

Ir-rekwiżit ta’ evalwazzjoni ex post jista’ jiġi rtirat fil-każ ta’ skemi ta’ għajnuna li huma s-suċċessuri immedjati ta’ skemi li jkopru objettiv u żona ġeografika simili li kienu soġġetti għal evalwazzjoni, ressqu rapport ta’ evalwazzjoni finali f’konformità mal-pjan ta’ evalwazzjoni approvat mill-Kummissjoni u ma ġġeneraw l-ebda sejba negattiva. Kwalunkwe skema li r-rapport ta’ evalwazzjoni finali tagħha ma jkunx konformi mal-pjan ta’ evalwazzjoni approvat trid tiġi sospiża b’effett immedjat.

458.

Jenħtieġ li l-għan tal-evalwazzjoni ex post ikun li jiġi verifikat jekk is-suppożizzjonijiet u l-kundizzjonijiet sottostanti għall-kompatibbiltà tal-iskema ntlaħqux, b’mod partikolari l-ħtieġa u l-effikaċja tal-miżura ta’ għajnuna fid-dawl tal-objettivi ġenerali u speċifiċi tagħha u għandha tipprovdi indikazzjonijiet dwar l-impatt tal-iskema fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ.

459.

L-Istat Membru għandu jinnotifika abbozz ta’ pjan ta’ evalwazzjoni, li jkun parti integrali mill-valutazzjoni tal-iskema mill-Kummissjoni, kif ġej:

a)

flimkien mal-iskema ta’ għajnuna, jekk il-baġit tiegħu għall-għajnuna mill-Istat jaqbeż il-EUR 150 miljun f’xi sena partikolari jew is-EUR 750 miljun tul id-durata kollha tiegħu; jew

b)

fi żmien 30 jum ta’ xogħol wara modifika sinifikanti li permezz tagħha l-baġit tal-iskema jiżdied għal aktar minn EUR 150 miljun f’xi sena partikolari jew EUR 750 miljun tul il-ħajja kollha tal-iskema; jew

c)

għal skemi li ma jaqgħux taħt (a) jew (b) fi żmien 30 jum ta’ xogħol wara li n-nefqa reġistrata fil-kontijiet uffiċjali taqbeż il-EUR 150 miljun fis-sena preċedenti.

460.

L-abbozz tal-pjan ta’ evalwazzjoni għandu jkun skont il-prinċipji metodoloġiċi komuni pprovduti mill-Kummissjoni (171). Il-pjan ta’ evalwazzjoni approvat mill-Kummissjoni għandu jiġi ppubblikat.

461.

L-evalwazzjoni ex post trid issir minn espert li jkun indipendenti mill-awtorità awtorizzanti tal-għajnuna fuq il-bażi tal-pjan ta’ evalwazzjoni. Kull evalwazzjoni trid tinkludi mill-anqas rapport ta’ evalwazzjoni interim wieħed u wieħed finali. Iż-żewġ rapporti għandhom jiġu ppubblikati.

462.

Fil-każ ta’ skemi ta’ għajnuna esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija esklussivament minħabba li jkollhom baġit kbir, il-Kummissjoni se tivvaluta l-kompatibbiltà tagħhom unikament abbażi tal-pjan ta’ evalwazzjoni.

463.

Ir-rapport ta’ evalwazzjoni finali jrid jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni fi żmien debitu, biex tkun tista’ tiġi vvalutata l-estensjoni possibbli tad-data ta’ skadenza tal-iskema ta’ għajnuna u mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tiskadi. Dik l-iskadenza tista’ titnaqqas għal skemi li jiskattaw ir-rekwiżit ta’ evalwazzjoni fl-aħħar sentejn ta’ implimentazzjoni tagħhom. Il-kamp ta’ applikazzjoni u l-arranġamenti preċiżi ta’ kull evalwazzjoni jiġu definiti fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna. Kwalunkwe miżura ta’ għajnuna sussegwenti b’objettiv simili trid tiddeskrivi b’liema mod ġew meqjusin ir-riżultati tal-evalwazzjoni.

6.   RAPPORTAR U MONITORAĠĠ

464.

Skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 (172) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (173), l-Istati Membri jridu jippreżentaw rapporti annwali lill-Kummissjoni.

465.

L-Istati Membri jridu jżommu reġistri ddettaljati rigward il-miżuri ta’ għajnuna kollha. Dawn ir-reġistri jridu jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-kostijiet eliġibbli u l-intensitajiet massimi tal-għajnuna ġew issodisfati. Dawn ir-reġistri jridu jinżammu għal 10 snin mid-data tal-għoti tal-għajnuna u meta jintalbu jridu jiġu pprovduti lill-Kummissjoni.

7.   APPLIKABBILTÀ

466.

Il-Kummissjoni se tapplika dawn il-linji gwida biex tivvaluta l-kompatibbiltà tal-għajnuna notifikabbli kollha għall-klima, għall-ħarsien tal-ambjent u għall-enerġija li tingħata jew maħsuba li tingħata, mis-27 ta’ Jannar 2022. L-għajnuna illegali se tiġi vvalutata f’konformità mar-regoli applikabbli fid-data li fiha ngħatat l-għajnuna.

467.

Dawn il-linji gwida jissostitwixxu l-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020 (174).

468.

Il-Kummissjoni tipproponi l-miżuri xierqa li ġejjin lill-Istati Membri skont l-Artikolu 108(1) tat-Trattat:

a)

L-Istati Membri jemendaw, fejn meħtieġ, l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti ta’ ħarsien tal-ambjent u tal-enerġija biex iġibuhom konformi ma’ dawn il-linji gwida sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2023;

b)

L-Istati Membri jagħtu l-approvazzjoni espliċita u bla kundizzjoni tagħhom għall-miżuri xierqa proposti fil-punt 468(a) fi żmien xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fin-nuqqas ta’ tweġiba, il-Kummissjoni se tassumi li l-Istat Membru inkwistjoni ma jaqbilx mal-miżuri proposti.

8.   REVIŻJONI

469.

Il-Kummissjoni beħsiebha twettaq evalwazzjoni ta’ dawn il-linji gwida mill-31 ta’ Diċembru 2027, biex teżamina l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tagħhom.

470.

Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tirrieżamina jew temenda dawn il-linji gwida fi kwalunkwe ħin jekk dan ikun meħtieġ għal raġunijiet marbuta mal-politika tal-kompetizzjoni jew biex tieħu inkunsiderazzjoni politiki tal-Unjoni u impenji internazzjonali oħrajn jew għal kwalunkwe raġuni oħra ġustifikata.

(1)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew”, COM(2019) 640 final.

(2)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “It-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030 Ninvestu f’futur newtrali għall-klima għall-benefiċċju tal-popli tagħna”, COM(2020) 562 final.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

(4)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Lesti għall-Mira ta’ 55 %”: Nilħqu l-Mira Klimatika tal-UE għall-2030 fi Triqitna lejn in-Newtralità Klimatika, COM/2021/550 final.

(5)  https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/amendment-renewable-energy-directive-2030-climate-target-with-annexes_en.pdf

(6)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “L-ekonomija tal-UE wara l-COVID-19: implikazzjonijiet għall-governanza ekonomika”, COM(2021) 662 final.

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 tat-13 ta’ Lulju 2015 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat orizzontali (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 1).

(8)  Ara n-Notifika tal-Kummissjoni dwar l-aċċess għall-ġustizzja fil-liġi ambjentali tal-UE (ĠU C 275, 18.8.2017, p. 1) fir-rigward tal-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali.

(9)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru (ĠU C 99, 4.4.2014, p. 3).

(10)  L-għajnuna ambjentali ġeneralment tikkawża inqas distorsjoni u tkun aktar effettiva jekk tingħata lill-konsumaturi/utenti ta’ prodotti ekoloġiċi minflok ma tingħata lill-produtturi/manifatturi ta’ prodott ekoloġiku. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jagħtu għajnuna ambjentali lill-impriżi biex itejbu l-livell tal-ħarsien tal-ambjent tal-attivitajiet ta’ manifattura tagħhom.

(11)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Qafas għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp (ĠU C 198, 27.6.2014, p. 1).

(12)  Il-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija u fiż-żoni rurali mill-2014 sal-2020 (ĠU C 204, 1.7.2014, p. 1).

(13)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji gwida għall-eżami tal-għajnuna mill-Istat għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU C 217, 2.7.2015, p. 1).

(14)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1).

(15)  Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Settembru 1995, TWD vs Il-Kummissjoni, T-244/93 u T-486/93, ECLI:EU:T:1995:160, il-paragrafu 56. Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Avviż tal-Kummissjoni dwar l-irkupru ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mill-Istat (ĠU C 247, 23.7.2019, p. 1).

(16)  Self b’rata tal-imgħax inqas minn dik tas-suq.

(17)  Ir-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 54).

(18)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

(19)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

(20)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 tal-1 ta’ Ġunju 2017 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU L 175, 7.7.2017, p. 1).

(21)  Id-Direttiva 2009/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-vetturi nodfa tat-trasport bit-triq b’appoġġ għall-mobbiltà b’emissjonijiet baxxi (ĠU L 120, 15.5.2009, p. 5.).

(22)  Ir-Regolament (UE) 2019/1242 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi standards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-vetturi tqal ġodda u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 595/2009 u (UE) 2018/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 202).

(23)  Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).

(24)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

(25)  Id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125).

(26)  Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13).

(27)  Proġetti li huma mibnija għal utent identifikat ex ante wieħed, jew grupp żgħir, u mfassla għall-ħtiġijiet tagħhom (“infrastruttura ddedikata”) ma jikkwalifikawx bħala infrastruttura tal-enerġija.

(28)  Kwalunkwe wieħed mill-assi elenkati fil-punti minn (i) sa (vi) rigward l-idroġenu jistgħu jkunu assi mibnija ġodda jew assi konvertiti minn gass naturali għal idroġenu (“mogħtija skop ġdid”), jew kombinazzjoni tat-tnejn. Assi elenkati taħt il-punti minn (i) sa (vi) rigward l-idroġenu li huma soġġetti għal aċċess ta’ partijiet terzi jikkwalifikaw bħala infrastruttura tal-enerġija.

(29)  Assi elenkati taħt il-punti minn (i) sa (iv) rigward id-diossidu tal-karbonju li huma soġġetti għal aċċess ta’ partijiet terzi jikkwalifikaw bħala infrastruttura tal-enerġija.

(30)  Id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, id-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 114).

(31)  Ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39).

(32)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u medji (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(33)  Ir-Rakkommandazzjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ Marzu 1975 rigward l-allokazzjoni tal-kostijiet u l-azzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi dwar kwistjonijiet ambjentali (ĠU L 194, 25.7.1975, p. 1).

(34)  Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).

(35)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).

(36)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51).

(37)  Dan jista’ jinkludi livelli ta’ emissjonijiet (BAT-AEL (associated emissions level)), livelli assoċjati ta’ effiċjenza fl-enerġija (BAT-AEEL (associated energy efficiecy level)) jew livelli assoċjati ta’ rendiment ambjentali (BAT-AEPL (associated environmental performance level)).

(38)  Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Ġunju 2013, HGA u oħrajn vs Il-Kummissjoni, C-630/11 P sa C-633/11 P, ECLI:EU:C:2013:387, il-paragrafu 104.

(39)  Dan ix-xenarju jrid ikun kredibbli, ġenwin u relatat mal-fatturi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet prevalenti fiż-żmien tad-deċiżjoni mill-benefiċjarju tal-għajnuna rigward il-proġett. L-Istati Membri huma mistiedna jisiltu minn dokumenti uffiċjali tal-bord, valutazzjonijiet tar-riskji, rapporti finanzjarji, pjanijiet operazzjonali interni, opinjonijiet esperti u studji oħrajn relatati mal-proġett li jkun qed jiġi vvalutat. Id-dokumenti li fihom informazzjoni dwar tbassir tad-domanda, tbassir tal-kostijiet, tbassir finanzjarju, dokumenti ppreżentati quddiem kumitat tal-investiment u li jelaboraw fuq xenarji ta’ investiment/operazzjoni, jew dokumenti pprovduti lill-istituzzjonijiet finanzjarji jistgħu jgħinu lill-Istati Membri juru l-effett ta’ inċentiv. Dawn id-dokumenti jridu jkunu kontemporanji għall-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet rigward id-deċiżjoni ta’ investiment/operazzjoni.

(40)  Skont dan il-prinċipju, fl-ippjanar tal-enerġija, u fid-deċiżjonijiet ta’ politika u ta’ investiment, l-Istati Membri għandhom iqisu bl-akbar reqqa miżuri alternattivi kosteffiċjenti ta’ effiċjenza fl-enerġija biex id-domanda tal-enerġija u l-forniment tal-enerġija jsiru aktar effiċjenti, b’mod partikolari permezz ta’ ffrankar tal-enerġija fl-użu finali, inizjattivi ta’ rispons fin-naħa tad-domanda u konverżjoni, trażmissjoni u distribuzzjoni aktar effiċjenti tal-enerġija, filwaqt li xorta waħda jintlaħqu l-objettivi ta’ dawk id-deċiżjonijiet. Ara r-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

(41)  L-użu ta’ tikketti u asserzjonijiet ambjentali fuq il-prodotti jista’ jkun mezz ieħor li jippermetti li l-konsumaturi/utenti jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar ix-xiri, u biex tiżdied id-domanda għal prodotti li jħarsu l-ambjent. Meta mfassla tajjeb, rikonoxxuti, mifhuma, fdati u perċepiti mill-konsumaturi rilevanti, tikketti ambjentali robusti u asserzjonijiet ambjentali veritieri jistgħu jkunu għodda b’saħħitha biex tiggwida u ssawwar l-imġiba (tal-konsumaturi) lejn għażliet aktar ekoloġiċi. L-użu ta’ skema ta’ tikkettar/ċertifikazzjoni ta’ reputazzjoni tajba bi kriterji ċari u soġġetta għal verifika esterna (terza) se jkun wieħed mill-iktar modi effettivi biex in-negozji juru lill-konsumaturi u l-partijiet ikkonċernati li huma qed jissodisfaw standards ambjentali għolja. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni ma tinkludix regoli speċifiċi dwar l-għajnuna għat-tfassil u l-manifattura ta’ prodotti ekoloġiċi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida.

(42)  Madankollu, f’każ li jkun hemm possibbiltà ta’ “offerti mingħajr sussidju”, l-Istati Membri għandhom jispjegaw kif tiġi żgurata l-proporzjonalità. Offerti mingħajr sussidju jistgħu jirriżultaw, pereżempju, minħabba li jkun hemm projezzjonijiet li d-dħul mis-suq ikun se jiżdied maż-żmien u/jew minħabba li l-offerenti rebbieħa jingħataw konċessjonijiet jew benefiċċji oħra kif ukoll appoġġ fil-prezzijiet. Għandhom jiġu evitati prezzijiet minimi jew massimi li jirrestrinġu l-proċess kompetittiv u jimminaw il-proporzjonalità, anki jekk ikunu żero.

(43)  Normalment sitt ġimgħat ikunu biżżejjed. Għal proċessi partikolarment kumplessi jew ġodda, dan jista’ jkun jeħtieġ li jkun itwal. F’każijiet ġustifikati, pereżempju bi proċessi sempliċi jew regolari/ripetuti, jista’ jkun xieraq tul ta’ żmien iqsar.

(44)  Meta jivvalutaw l-unitajiet tal-ħarsien tal-ambjent, l-Istati Membri jistgħu, pereżempju, jiżviluppaw metodoloġija li tqis l-emissjonijiet jew tniġġis ieħor fi stadji differenti tal-attività ekonomika appoġġata, iż-żmien tar-realizzazzjoni tal-proġett jew il-kostijiet tal-integrazzjoni tas-sistema. Meta jqiegħdu l-kontribuzzjoni għall-objettivi ewlenin fil-konfront tal-ammont tal-għajnuna mitluba, l-Istati Membri jistgħu, pereżempju, iqisu l-kriterji oġġettivi varji u jagħżlu abbażi tal-ammont tal-għajnuna għal kull unità tal-medja ponderata tal-kriterji oġġettivi, jew jagħżlu fost firxa limitata ta’ offerti bl-aktar ammont baxx għal kull unità tal-kriterji oġġettivi dawk bl-ogħla punteġġi fil-kriterji oġġettivi. Il-parametri ta’ approċċ bħal dan iridu jiġu kkalibrati biex jiżguraw li l-proċess ta’ offerti jibqa’ mhux diskriminatorju, effettivament kompetittiv u jirrifletti valur ekonomiku.

(45)  Xenarju kontrofattwali li jipproponi kontinwazzjoni fit-tul ta’ attivitajiet attwali mhux ambjentalment sostenibbli bħala xenarju ta’ investiment/operazzjoni alternattiv mhux se jitqies bħala xenarju realistiku.

(46)  Fin-nuqqas ta’ proġett alternattiv, il-Kummissjoni tivverifika li l-ammont ta’ għajnuna ma jaqbiżx il-minimu meħtieġ biex il-proġett megħjun ikun profittabbli biżżejjed, pereżempju billi tagħmilha possibbli li tintlaħaq IRR li tikkorrispondi għal parametru referenzjarju jew rata minima ta’ redditu għas-settur jew id-ditta speċifika. Jistgħu jintużaw ukoll għal dan il-għan ir-rati normali ta’ redditu meħtieġa mill-benefiċjarju fi proġetti oħra ta’ tip simili, il-kost tal-kapital tiegħu kollu kemm hu jew ir-redditu li jiġi osservat normalment fl-industrija kkonċernata. Il-kostijiet u l-benefiċċji kollha rilevanti mistennija jridu jitqiesu tul il-ħajja tal-proġett.

(47)  Tiftix Pubbliku dwar it-Trasparenza tal-Għajnuna mill-Istat, disponibbli fuq: https://webgate.ec.europa.eu/competition/transparency/public?lang=mt.

(48)  Meta Stat Membru jagħmel talba debitament motivata, dan ir-rekwiżit jista’ jiġi derogat fil-każ li l-pubblikazzjoni sħiħa dettaljata tkun timmina l-kompetizzjoni fi proċessi ta’ allokazzjoni sussegwenti, pereżempju billi tagħti spazju lil offerti strateġiċi.

(49)  F’każ li ma jkunx jeżisti rekwiżit formali għal dikjarazzjoni annwali, għal finijiet ta’ kkowdjar id-data tal-għoti għandha titqies bħala l-31 ta’ Diċembru tas-sena li fiha tkun ingħatat l-għajnuna.

(50)  Għal miżuri li huma identiċi għal miżuri fil-Pjanijiet ta’ Rkupru u Reżiljenza kif approvati mill-Kunsill, il-konformità tagħhom mal-prinċipju “La tagħmilx ħsara sinifikanti” titqies bħala ssodisfata peress li din diġà ġiet ivverifikata.

(51)  Dan jista’ jkun il-każ ukoll fejn l-għajnuna tfixkel l-operat tal-istrumenti ekonomiċi stabbiliti biex jinternalizzaw dawn l-esternalitajiet negattivi (pereżempju, billi taffettwa s-sinjali tal-prezzijiet mogħtija mill-ETS tal-Unjoni jew strument simili).

(52)  Pereżempju, dan jista’ jkun ibbażat fuq pjan nazzjonali ta’ dekarbonizzazzjoni b’miri vinkolanti u/jew jista’ jinkludi impenji vinkolanti mill-benefiċjarju biex jimplimenta teknoloġiji ta’ dekarbonizzazzjoni bħas-CCS/CCU jew biex jissostitwixxi l-gass naturali b’gass rinnovabbli jew b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju jew biex jagħlaq l-impjant fuq skeda ta’ żmien konsistenti mal-miri tan-newtralità klimatika tal-Unjoni. Sabiex jinkisbu l-miri klimatiċi tal-Unjoni għall-2030 u l-2050, jenħtieġ li jkun hemm trajettorja ċara ta’ tnaqqis għall-karburanti fossili kollha inkluż il-gass naturali. Il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni li saret għall-pjan dwar il-mira klimatika għall-2030 tispjega li, sal-2050, “jekk il-gass jibqa' jintuża kif inhu sa issa, dan ikun ikompatibbli mal-objettiv tan-netwtralità klimatika u l-użu tiegħu [jrid] jitnaqqas b’minn 66 % sa 71 % meta mqabbel mal-2015” (SWD (2020) 176 final).

(53)  Din tkopri l-investimenti kemm f’siti abbandunati kif ukoll f’siti ġodda.

(54)  Din tinkludi elettrolizzaturi fil-grilja li jkunu kkonkludew ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli ma’ operaturi li jipproduċu l-elettriku rinnovabbli li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni adottat skont l-Artikolu 27(3) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

(55)  Ix-xenarju kontrofattwali huwa dak li kien jeżegwixxi benefiċjarju fin-nuqqas ta’ għajnuna. F’xi każijiet ta’ dekarbonizzazzjoni dan jista’ jinvolvi investiment f’alternattiva inqas ekoloġika. F’każijiet oħra, jista’ jkun involut in-nuqqas ta’ investiment jew id-dewmien tiegħu, iżda jista’ pereżempju jinvolvi deċiżjonijiet operattivi li jirriżultaw f’inqas benefiċċju ambjentali, bħall-operazzjonijiet kontinwi ta’ faċilitajiet eżistenti fil-post u/jew ix-xiri tal-enerġija.

(56)  Dan ma jaffettwax l-intitolament li wieħed jirċievi għajnuna diġà mogħtija (eż. taħt kuntratt ta’ 10 snin).

(57)  Il-Kummissjoni ġeneralment mhux se tirrikjedi li l-miżuri jinfetħu bejn il-fruntieri, għalkemm dan jista’ jgħin biex jittaffa t-tħassib dwar il-kompetizzjoni.

(58)  Pereżempju, jekk applikabbli, għall-idroġenu rinnovabbli.

(59)  L-eliġibbiltà f’każ bħal dan jenħtieġ li tkun limitata biss f’konformità mad-definizzjonijiet rilevanti fejn disponibbli fil-leġiżlazzjoni settorjali. Pereżempju, skema mfassla biex tissodisfa l-mira ewlenija tal-Unjoni rigward l-enerġija rinnovabbli jenħtieġ li tkun miftuħa għat-teknoloġiji kollha li jissodisfaw id-definizzjoni ta’ “sorsi ta’ enerġija rinnovabbli” fid-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 8), waqt li skema mfassla biex tissodisfa mira sussidjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tkun miftuħa għat-teknoloġiji kollha li jistgħu jikkontribwixxu biex tintlaħaq din il-mira sussidjarja. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri ta’ appoġġ tagħhom, inkluż għal tipi speċifiċi ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, abbażi ta’ kriterji oġġettivi oħra bħal dawk elenkati fil-punti minn 96(b) sa (g).

(60)  F’każ li jinvolvi appoġġ reġjonali, jenħtieġ li l-Istat Membru juri li s-servizzi anċillari u r-regoli tar-ridistribuzzjoni jippermettu l-parteċipazzjoni effiċjenti tas-sorsi rinnovabbli, tal-ħżin u tar-rispons tad-domanda kif xieraq u jippremjaw l-għażliet tal-lokalità u tat-teknoloġija li jappoġġaw l-istabbiltà tal-grilja, f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/943 u d-Direttiva (UE) 2019/944. Meta l-Istat Membru jidentifika problema għas-sigurtà tal-provvista lokali li ma tistax tissolva fit-terminu medju (pereżempju bejn ħames u 10 snin) b’titjib fit-tifsila tas-suq jew b’tisħiħ suffiċjenti tan-network, jenħtieġ li titfassal u tiġi vvalutata miżura biex tindirizza dan it-tħassib skont it-Taqsima 4.8.

(61)  L-Istati Membri jistgħu joqogħdu fuq proċessi ta’ konsultazzjoni nazzjonali eżistenti fir-rigward ta’ dawn ir-rekwiżiti. Sakemm il-konsultazzjoni tkopri l-punti elenkati f’dawn il-linji gwida u tibqa’ għaddejja għall-perjodu ta’ żmien meħtieġ, ma jkunx hemm bżonn ta’ konsultazzjoni separata. Jista’ jkun li għall-każijiet imsemmija fil-punt 96(g) ma jkunx hemm bżonn ta’ konsultazzjoni separata.

(62)  ekwivalenti ta’ CO2 (CO2 e) hija miżura metrika użata biex tqabbel l-emissjonijiet minn gassijiet serra varji abbażi tal-potenzjal tagħhom ta’ tisħin globali, billi tikkonverti ammonti ta’ gassijiet oħra għall-ammont ekwivalenti ta’ diossidu tal-karbonju bl-istess potenzjal ta’ tisħin globali.

(63)  Pereżempju t-tul ta’ żmien bejn il-proċess kompetittiv u l-perjodu ta’ konsenja, ir-regoli tal-offerta/offerta, ir-regoli tal-ipprezzar.

(64)  Pereżempju, jekk ikun hemm durati differenti tal-kuntratti, metodoloġiji differenti għall-kalkolu tal-ammont ta’ kapaċità/output eliġibbli minn teknoloġiji differenti, metodoloġiji differenti għall-kalkolu jew għall-ħlas tas-sussidji.

(65)  Pereżempju, dak li kiseb l-Istat Membru rigward il-miri tad-dekarbonizzazzjoni.

(66)  Tali restrizzjoni vinkolanti tista’ tinkiseb b’varjetà ta’ modi komplementari, inklużi azzjonijiet biex itaffu r-restrizzjonijiet possibbli min-naħa tal-provvista, jaġġustaw il-volum biex jirrifletti l-provvista probabbli disponibbli f’mument partikolari u/jew jimmodifikaw karatteristiċi oħra tad-disinn tal-proċess tal-offerti (pereżempju, il-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-parteċipazzjoni); bil-għan li jinkiseb l-objettiv tal-miżura (pereżempju, il-miri ta’ dekarbonizzazzjoni tal-Istat Membru) b’mod proporzjonali li jimminimizza d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-kummerċ. Filwaqt li jissalvagwardjaw il-proporzjonalità u l-kompetittività, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw ukoll l-aspettattivi leġittimi tal-investituri.

(67)  Il-prinċipji għall-kalkolu tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra kif użati għall-Fond ta’ Innovazzjoni tal-UE jipprovdu punt ta’ referenza utli, disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/info/funding-tenders/opportunities/docs/2021-2027/innovfund/wp-call/2021/call-annex_c_innovfund-lsc-2021_en.pdf. Madankollu, fejn l-elettriku jintuża bħala input, il-metodoloġija użata trid tqis l-emissjonijiet mill-produzzjoni ta’ dan l-elettriku. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jużaw il-livell ta’ sussidju għal kull tunnellata ta’ emissjonijiet ekwivalenti ta’ CO2 evitati bħala kriterju tal-għażla fil-miżuri ta’ għajnuna tagħhom iżda mhumiex meħtieġa jagħmlu dan.

(68)  Barra minn hekk, kif dikjarat fil-punt 75, il-Kummissjoni ġeneralment se tħares b’mod favorevoli lejn karatteristiċi oħra proposti mill-Istati Membri biex tiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-SMEs u tal-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli fi proċessi ta’ offerti kompetittivi, dment li l-effetti pożittivi tal-iżgurar tal-parteċipazzjoni u l-aċċettazzjoni jisbqu l-effetti distorsivi possibbli.

(69)  Kuntratt għad-differenza jintitola lill-benefiċjarju għal pagament ugwali għad-differenza bejn prezz fiss “strike” u prezz ta’ referenza — bħal prezz tas-suq, għal kull unità ta’ output. Dawn intużaw għal miżuri ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku f’dawn l-aħħar snin iżda jistgħu jinvolvu wkoll prezz ta’ referenza marbut mal-ETS — jiġifieri kuntratti għad-differenza għall-karbonju. Tali kuntratti għad-differenza għall-karbonju jistgħu jkunu għodda utli biex jinġiebu fis-suq teknoloġiji rivoluzzjonarji li jistgħu jkunu meħtieġa biex tinkiseb id-dekarbonizzazzjoni industrijali. Il-kuntratti għad-differenza jistgħu jinvolvu wkoll ħlasijiet lura mill-benefiċjarji lil kontribwenti jew konsumaturi għal perjodi li fihom il-prezz ta’ referenza jaqbeż il-prezz tal-eżerċitar.

(70)  L-installazzjonijiet tal-elettriku rinnovabbli fuq skala żgħira jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ dirett għall-prezzijiet li jkopri l-kostijiet kollha tal-operat u ma jeħtieġx li ibigħu l-elettriku tagħhom fis-suq, f’konformità mal-eżenzjoni fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva (UE) 2018/2001. L-installazzjonijiet se jitqiesu li huma fuq skala żgħira jekk il-kapaċità tagħhom tkun taħt il-livell limitu applikabbli fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/943.

(71)  Dan jirreferi għal-lista tal-assi fil-punt 19(36).

(72)  Inklużi karburanti b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju minn sorsi mhux rinnovabbli u vetturi tal-enerġija mingħajr emissjonijiet mill-iżbokk tal-egżostiżda li jiġu prodotti bi proċess li juża ħafna karbonju.

(73)  Għal miżuri li huma identiċi għal miżuri fil-Pjanijiet ta’ Rkupru u Reżiljenza kif approvati mill-Kunsill, il-konformità tagħhom mal-prinċipju “La tagħmilx ħsara sinifikanti” titqies bħala ssodisfata peress li din diġà ġiet ivverifikata.

(74)  Investimenti bħal dawn jistgħu pereżempju jkollhom l-għan li jissostitwixxu t-twieqi jew il-bojlers fil-bini jew jiffukaw fuq l-iżolament tal-ħitan.

(75)  Il-perjodu ta’ ħlas lura huwa l-ammont ta’ żmien biex tiġi rkuprata l-ispiża ta’ investiment (mingħajr għajnuna).

(76)  Dan japplika kull meta tingħata għajnuna biex l-impriżi jkunu jistgħu jikkonformaw mal-istandards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija li jikkwalifikaw bħala standards tal-Unjoni qabel ma jsiru obbligatorji għall-impriża kkonċernata, irrispettivament mill-eżistenza ta’ standards preċedenti tal-Unjoni diġà fis-seħħ.

(77)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti: inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur”, COM(2020) 789 final.

(78)  Il-Komunikazzjoni tinkludi fost l-oħrajn l-ambizzjoni li jkun hemm mill-inqas 30 miljun karozza u 80 000 trakk mingħajr emissjonijiet joperaw fit-triqat sal-2030 u li sal-2050 kważi l-karozzi, il-vannijiet, il-karozzi tal-linja kollha kif ukoll il-vetturi tqal ġodda jkunu b’emissjonijiet żero.

(79)  Ir-Regolament (UE) 2019/1242 u r-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 443/2009 u (UE) Nru 510/2011 (ĠU L 111, 25.4.2019, p. 13).

(80)  Pereżempju, permezz tad-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi (ĠU L 187, 20.7.1999, p. 42), u l-ETS tal-Unjoni.

(81)  Pereżempju, permezz tad-Direttiva 2009/33/KE.

(82)  Dan jista’ jintwera billi jiġi żgurat li l-għajnuna tingħata b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju, u li l-partijiet interessati potenzjali jkunu infurmati biżżejjed dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura u l-kundizzjonijiet potenzjali tal-għajnuna.

(83)  Għal valutazzjoni bħal din, skont is-setturi u l-modi ta’ trasport ikkonċernati, il-Kummissjoni ġeneralment tikkunsidra perjodu ta’ bejn sentejn u ħames snin wara n-notifika jew l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna. Hija se tibbaża l-valutazzjoni tagħha fuq studji indipendenti tas-suq ippreżentati mill-Istat Membru jew fuq kwalunkwe evidenza xierqa oħra.

(84)  Ara l-punt 66.

(85)  Dan jista’ jinkludi li jiġi żgurat li l-kumpens żejjed jiġi eskluż billi jiġi vverifikat li l-għajnuna ma taqbiżx il-kostijiet żejda netti, kif muri bit-tqabbil tad-diskrepanza tal-likwidità fix-xenarju fattwali u kontrofattwali, u li l-Istat Membru jintroduċi mekkaniżmu ta’ monitoraġġ ex post biex jivverifika s-suppożizzjonijiet magħmula dwar il-livell ta’ għajnuna meħtieġa, flimkien ma’ mekkaniżmu ta’ rkupru.

(86)  Id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi (ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1).

(87)  Pereżempju, għall-infrastruttura tal-iċċarġjar, potenza elettrika normali jew għolja.

(88)  Għal valutazzjoni bħal din, il-Kummissjoni ġeneralment se tikkunsidra jekk l-infrastruttura tal-iċċarġjar jew tar-riforniment tal-karburant hijiex mistennija li tiġi installata fuq termini kummerċjali f’perjodu li huwa relevanti meta jitqies it-tul ta’ żmien tal-miżura. Hija se tibbaża l-valutazzjoni tagħha fuq ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika ex ante, studji tas-suq indipendenti ppreżentati mill-Istat Membru jew fuq kwalunkwe evidenza xierqa oħra.

(89)  L-infrastruttura tal-iċċarġjar jew tar-riforniment tal-karburant maħsuba primarjament għall-użu minn impriżi attivi fis-settur tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bl-art, bil-ferrovija jew bil-baħar tista’ tkun miftuħa fuq bażi anċillari għall-użu mill-impjegati, kuntratturi esterni jew fornituri ta’ dawk l-impriżi.

(90)  L-infrastruttura tal-iċċarġjar jew tar-riforniment tal-karburant maħsuba primarjament għall-użu mill-benefiċjarju tal-għajnuna tista’ tkun miftuħa fuq bażi anċillari għall-użu mill-impjegati, kuntratturi esterni jew fornituri tal-benefiċjarju tal-għajnuna.

(91)  Pereżempju, miżura mmirata lejn l-għajnuna għall-investimenti fl-istazzjonijiet tar-riforniment tal-idroġenu għall-vetturi tqal fit-terminals tal-merkanzija u fil-parks loġistiċi fi Stat Membru li fih is-sehem mis-suq tal-vetturi tqal tal-idroġenu jkun inqas minn 2 %.

(92)  Dan jinkludi karburanti tal-avjazzjoni sostenibbli.

(93)  Karburanti ta’ sostituzzjoni tirreferi għal karburanti li huma funzjonalment ekwivalenti għall-karburanti fossili li qed jintużaw bħalissa u li huma kompletament kompatibbli mal-infrastruttura tad-distribuzzjoni u l-makkinarju u l-magni abbord.

(94)  Għal valutazzjoni bħal din, il-Kummissjoni ġeneralment tikkunsidra perjodu ta’ bejn sentejn u ħames snin wara n-notifika jew l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna. Hija se tibbaża l-valutazzjoni tagħha fuq studji indipendenti tas-suq ippreżentati mill-Istat Membru jew fuq kwalunkwe evidenza xierqa oħra.

(95)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Strateġija għall-idroġenu għal Ewropa newtrali għall-klima”, COM (2020) 301 final, p. 3.

(96)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva”, COM(2020) 98 final.

(97)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Bijoekonomija sostenibbli għall-Ewropa: Tisħiħ tal-konnessjoni bejn l-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent, COM(2018)673 fina u SWD(2018)431.

(98)  Ir-riżorsi kkunsmati jistgħu jinkludu r-riżorsi materjali kollha kkunsmati, bl-eċċezzjoni tal-enerġija. It-tnaqqis jista’ jiġi ddeterminat billi jitkejjel jew jiġi stmat il-konsum qabel u wara l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna, inkluż kwalunkwe aġġustament għall-kundizzjonijiet esterni li jistgħu jaffettwaw il-konsum tar-riżorsi.

(99)  Ara d-definizzjonijiet tal-użu mill-ġdid, il-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ, u l-iskart fil-punti 19(59), (61), (62), (75) u (90).

(100)  Il-ġerarkija tal-iskart tikkonsisti f’(a) prevenzjoni, (b) preparazzjoni għall-użu mill-ġdid, (c) riċiklaġġ, (d) irkupru ieħor, pereżempju l-irkupru tal-enerġija, u (e) rimi. Ara l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/98/KE.

(101)  Prodotti, materjali jew sustanzi oħra jistgħu jinkludu prodotti sekondarji (kif imsemmi fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/98/KE), residwi tal-agrikoltura, tal-akkwakultura, tas-sajd, u tal-forestrija, ilma mormi, ilma tax-xita u ilma tax-xeba', minerali, nutrijenti, gassijiet residwi minn proċessi ta’ produzzjoni, prodotti, partijiet u materjali żejda, eċċ. Prodotti, partijiet u materjali żejda huma prodotti, partijiet jew materjali li ma għadhomx meħtieġa mid-detentur tagħhom jew li ma għadhomx utli għalih iżda li huma adattati għall-użu mill-ġdid.

(102)  Ara d-definizzjoni ta’ “ġbir separat” fl-Artikolu 3, il-punt (11) tad-Direttiva 2008/98/KE.

(103)  Minn perspettiva teknoloġika, l-investiment jenħtieġ li jwassal għal grad ogħla ta’ riċiklabbiltà jew għal kwalità ogħla tal-materjal riċiklat meta mqabbel mal-prattika normali.

(104)  Fejn tintwera adegwatament mill-Istat Membru, tista’ tiġi kkunsidrata wkoll is-sitwazzjoni speċifika fil-livell tar-reġjun jew reġjuni kkonċernati.

(105)  Ara d-definizzjoni fil-punt 19(58).

(106)  In-novità, pereżempju, tista’ tintwera mill-Istati Membri fuq il-bażi ta’ deskrizzjoni preċiża tal-innovazzjoni u tal-kundizzjonijiet tas-suq għall-introduzzjoni jew id-diffużjoni tagħha, li tqabbilha mal-aktar proċessi avvanzati jew l-aktar tekniki ta’ organizzazzjoni avvanzati ġeneralment użati minn impriżi oħra fl-istess industrija.

(107)  Jekk il-parametri kwantitattivi jistgħu jintużaw sabiex jiġu pparagunati attivitajiet ekoinnovattivi ma’ attivitajiet standard li mhumiex innovattivi, “ferm ogħla” tfisser li t-titjib marġinali mistenni minn attivitajiet ekoinnovattivi, f’termini ta’ riskju ambjentali jew tniġġis imnaqqas, jew effiċjenza mtejba fl-enerġija jew fir-riżorsi, jenħtieġ li jkun mill-inqas darbtejn ogħla mit-titjib marġinali mistenni mill-iżvilupp ġenerali ta’ attivitajiet paragunabbli li mhumiex innovattivi. Meta l-approċċ propost ma jkunx xieraq għal każ partikolari, jew jekk ma jkunx possibbli li jsir paragun kwantitattiv, jenħtieġ li l-fajl tal-applikazzjoni għall-għajnuna mill-Istat jinkludi deskrizzjoni ddettaljata tal-metodu użat għall-valutazzjoni ta’ dan il-kriterju, waqt li jiġi assigurat standard komparabbli għal dak tal-metodu propost.

(108)  Ir-riskju jista' jintwera minn Stat Membru pereżempju f'termini ta’: il-kostijiet marbuta mal-fatturat tal-impriża, iż-żmien meħtieġ għall-iżvilupp, il-benefiċċji mistennija mill-attività ta’ ekoinnovazzjoni fejn għandhom x’jaqsmu l-kostijiet, u probabbiltà ta’ falliment.

(109)  L-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli hija disponibbli fuq: https://sustainabledevelopment.un.org/content/documents/21252030%20Agenda%20for%20Sustainable%20Development%20web.pdf.

(110)  Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030, COM(2020)652 final.

(111)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Programm għall-Arja Nadifa għall-Ewropa”, COM(2013)918 final. Ara wkoll id-Direttiva 2004/107/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-arseniku, il-kadmju, il-merkurju, in-nikil u l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi fl-arja ambjentali (ĠU L 23, 26.1.2005, p. 3) u d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/50/KE tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1) għall-ożonu fil-livell tal-art, il-materja partikulata, l-ossidi tan-nitroġenu, il-metalli tqal perikolużi u għadd ta’ sustanzi niġġiesa oħra. Ara wkoll id-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi, li temenda d-Direttiva 2003/35/KE u li tħassar id-Direttiva 2001/81/KE (ĠU L 344, 17.12.2016, p. 1) għas-sustanzi li l-aktar joħolqu tniġġis transkonfinali tal-arja: id-diossidi tal-kubrit, l-ossidi tan-nitroġenu, l-ammonijaka, il-komposti volatili organiċi mhux metaniċi u l-materja partikolata.

(112)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1) teħtieġ, sakemm ma jkunux japplikaw eżenzjonijiet, status kimiku tajjeb, għall-korpi kollha tal-wiċċ u ta’ taħt l-art.

(113)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Perkors għal Pjaneta b’Saħħitha għal Kulħadd Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija”, COM(2021) 400 final.

(114)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Strateġija ‘Mill-Għalqa sal-Platt’ għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent”, COM(2020)381 final.

(115)  Permessi negozjabbli jistgħu jinvolvu għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari meta l-Istati Membri jagħtu permessi u konċessjonijiet inqas mill-valur tas-suq tagħhom.

(116)  Sabiex jiġi ddeterminat liema miż-żewġ objettivi huwa predominanti l-Kummissjoni tista’ teħtieġ li l-Istat Membru jipprovdi tqabbil tar-riżultati mistennija tal-miżura f’termini tal-prevenzjoni jew it-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u ta’ inkwinanti oħra abbażi ta’ kwantifikazzjonijiet kredibbli u dettaljati.

(117)  Permessi negozjabbli jistgħu jinvolvu għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari meta l-Istati Membri jagħtu permessi u konċessjonijiet inqas mill-valur tas-suq tagħhom.

(118)  L-analiżi tista’ titwettaq abbażi ta’ stimi tal-elastiċità tal-prezz tal-prodott fis-settur ikkonċernat, fost fatturi oħra, kif ukoll fuq stimi ta’ bejgħ mitluf kif ukoll l-impatt tagħhom fuq il-profittabbiltà tal-benefiċjarju.

(119)  Pereżempju parteċipanti ġodda, jew għall-kuntrarju, impriżi jew installazzjonijiet eżistenti.

(120)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “L-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 - Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna”, COM(2020)380 final.

(121)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima – L-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima”, COM(2021) 82 final.

(122)  https://www.eea.europa.eu/publications/nature-based-solutions-in-europe/.

(123)  Pereżempju, għajnuna għat-tixrib mill-ġdid ta’ torbieri li mhijiex marbuta ma’ għajnuna għall-għeluq bikri ta’ operazzjonijiet ta’ estrazzjoni tal-pit jew ma’ għajnuna għal kostijiet eċċezzjonali marbuta ma’ tali attivitajiet tista’ tkun koperta taħt it-Taqsima 4.6.

(124)  Biex tiddetermina liema miż-żewġ objettivi huwa predominanti l-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istat Membru jipprovdi tqabbil tar-riżultati mistennija tal-miżura f’termini tal-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u tar-rimedju tal-ħsara ambjentali, ir-riabilitazzjoni tal-ħabitats naturali u l-ekosistemi, il-protezzjoni jew ir-restawr tal-bijodiversità u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura għall-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, fejn xieraq abbażi ta’ kwantifikazzjonijiet kredibbli u dettaljati.

(125)  Id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56). Ara wkoll in-Notifika tal-Kummissjoni Linji gwida li jipprovdu fehim komuni tat-terminu “danni ambjentali” kif definit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU C 118, 7.4.2021, p. 1).

(126)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 558 final tas-17 ta’ Ottubru 2012 fil-każ SA.33496 (2011/N) – l-Awstrija –Einzelfall, Altlast, DECON Umwelttechnik GmbH, il-premessi 65-69 (ĠU C 14, 17.1.2013, p. 1).

(127)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

(128)  Din it-taqsima ma tkoprix servizzi anċillari, inklużi miżuri ta’ Pjanijiet għad-Difiża tas-Sistema skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2196, bil-għan li tiġi żgurata s-sigurtà operazzjonali li jiġu akkwistati mit-TSOs jew mid-DSOs permezz ta’ proċess ta’ offerti kompetittiv mhux diskriminatorju miftuħ għar-riżorsi kollha li jistgħu jikkontribwixxu għar-rekwiżit tas-sigurtà operazzjonali identifikat, mingħajr l-involviment tal-Istat fl-akkwist u l-finanzjament tas-servizz.

(129)  Ir-Regolament (UE) 2019/941 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku (ir-Regolament dwar it-tħejjija għar-riskji) (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 1).

(130)  B’kont meħud tar-Regolament (UE) 2019/943 u tad-Direttiva (UE) 2019/944.

(131)  Il-fattibbiltà teknika hija preżunta għall-mekkaniżmi ta’ kapaċità li għalihom hija meħtieġa parteċipazzjoni transfruntiera skont ir-Regolament (UE) 2019/943.

(132)  L-Istati Membri jistgħu joqogħdu fuq proċessi ta’ konsultazzjoni nazzjonali eżistenti fir-rigward ta’ dawn ir-rekwiżiti. Sakemm il-konsultazzjoni tkopri l-punti elenkati hawnhekk, ma tkunx meħtieġa konsultazzjoni separata.

(133)  Pereżempju ż-żmien bejn il-proċess kompetittiv u l-perjodu tat-twettiq, ir-regoli tal-offerta, ir-regoli tal-ipprezzar.

(134)  Pereżempju, jekk ikun hemm tulijiet differenti tal-kuntratti, metodoloġiji differenti għall-kalkolu tal-ammont tal-kapaċità/tal-output eliġibbli minn teknoloġiji differenti, metodoloġiji differenti għall-kalkolu jew għall-ħlas tas-sussidji.

(135)  Kif iddeterminat skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2019/943.

(136)  Għall-miżuri inklużi fil-pjan ta’ tħejjija għar-riskji msemmi fir-Regolament (UE) 2019/941, ara wkoll l-Artikolu 12(1) ta’ dak ir-Regolament.

(137)  Dan ir-rekwiżit huwa mingħajr preġudizzju għall-attivazzjoni tar-riżorsi qabel id-dispaċċ attwali sabiex jiġu rispettati l-limiti ta’ kalar u r-rekwiżiti operazzjonali tar-riżorsi. L-output tar-riżerva strateġika matul l-attivazzjoni ma jistax ikun attribwit lil gruppi ta’ bbilanċjar permezz tas-swieq bl-ingrossa u ma jistax jibdel l-iżbilanċi tagħhom.

(138)  Kif imsemmi fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2019/943.

(139)  Ara l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 262, 19.7.2016, p. 1). Minħabba li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat huwa kunċett oġġettiv u legali definit direttament mit-Trattat (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C-487/06 P, ECLI:EU:C:2008:757, il-punt 111), il-fehmiet ippreżentati fil-punti 373 sa 375 huma mingħajr ħsara għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat mill-qrati tal-Unjoni (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Lulju 2011, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni, C-194/09 P, ECLI:EU:C:2011:497, il-punt 125); ir-referenza primarja għall-interpretazzjoni tat-Trattat hija dejjem il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni.

(140)  Monopolju legali jeżisti fejn servizz partikolari jkun riżervat bil-liġi jew b’miżuri regolatorji għal fornitur esklużiv f’żona ġeografika determinata (anke fi Stat Membru wieħed), bi projbizzjoni ċara li operatur ieħor jipprovdi tali servizz (lanqas biex jissodisfa domanda residwa possibbli minn ċerti gruppi ta’ klijenti). Madankollu, is-sempliċi fatt li l-provvista ta’ servizz pubbliku tingħata lil impriża speċifika ma jfissirx li tali impriża tgawdi monopolju legali.

(141)  Din it-taqsima ma tapplikax għal proġetti li jinvolvu infrastruttura ddedikata u/jew infrastruttura oħra tal-enerġija f’kombinazzjoni ma’ attivitajiet ta’ produzzjoni u/jew ta’ konsum.

(142)  B’differenza minn faċilitajiet tal-ħżin “behind-the-meter”.

(143)  L-appoġġ għall-ħżin tal-enerġija jista’ jiġi vvalutat ukoll fil-qafas tat-Taqsimiet 4.1, 4.2, 4.3 u 4.8 fejn rilevanti. L-assi tal-ħżin magħżula bħala PCIs — f’konformità mal-leġiżlazzjoni TEN-E applikabbli — jikkwalifikaw bħala infrastruttura tal-enerġija skont din it-taqsima u l-appoġġ jiġi vvalutat taħt it-taqsima 4.9. L-appoġġ għall-assi tal-ħżin li huma “proprjetà jew ikkontrollati” mit-TSOs jew mid-DSOs, f’konformità mal-Artikoli 54 u/jew 36 tad-Direttiva 944/2019, huwa wkoll kopert mit-taqsima 4.9.

(144)  B’mod partikolari, il-Kummissjoni se tqis jekk il-pajjiż(i) terz(i) involuti għandhomx livell għoli ta’ allinjament regolatorju u jekk isostnux l-objettivi ta’ politika ġenerali tal-Unjoni, b’mod partikolari peress li dawn huma relatati ma’ suq intern tal-enerġija li jiffunzjona tajjeb; is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fuq il-bażi tal-kooperazzjoni u tas-solidarjetà; sistema tal-enerġija fuq perkors lejn id-dekarbonizzazzjoni f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi u l-objettivi klimatiċi tal-Unjoni; u l-evitar tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.

(145)  Għall-infrastruttura bejn Stat Membru u pajjiż terz wieħed jew aktar; - Għall-parti li tinsab fit-territorju tal-Unjoni, il-proġetti jridu jkunu konformi mad-Direttiva 2009/73/KE u mad-Direttiva (UE) 2019/944; - Għall-pajjiż(i) terz(i) involuti, il-proġetti jrid ikollhom livell għoli ta’ allinjament regolatorju u jsostnu l-objettivi ta’ politika ġenerali tal-Unjoni, b’mod partikolari biex ikun żgurat suq intern tal-enerġija li jiffunzjona sew, is-sigurtà tal-provvisti tal-enerġija abbażi tal-kooperazzjoni u s-solidarjetà, u sistema tal-enerġija fit-triq lejn id-dekarbonizzazzjoni f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi u l-objettivi klimatiċi tal-Unjoni; u b’mod partikolari l-evitar tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.

(146)  L-Artikolu 20 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jgħid li “l-Istati Membri għandhom, fejn ikun rilevanti, jieħdu l-passi meħtieġa bil-għan li tkun żviluppata infrastruttura distrettwali għat-tisħin u t-tkessiħ sabiex takkomoda l-iżvilupp tat-tisħin u t-tkessiħ minn faċilitajiet kbar tal-bijomassa, enerġija solari, enerġija mill-ambjent u ġeotermali u minn sħana u kesħa mormija”.

(147)  Sabiex jiġi żgurat li n-network ta’ distribuzzjoni ġenwinament jitħaddem bħala faċilità miftuħa għall-utenti, b’mod konformi mal-Komunikazzjoni SEIP (ara t-Taqsima 4.3.3. tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli, anness tal-Komunikazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, 14.1.2020, COM(2020) 21 final), normalment – b’analoġija mar-regoli tas-suq intern għas-settur tal-enerġija, speċjalment għall-gass jew għall-elettriku – ikun hemm bżonn ta’ regoli speċifiċi (li jagħtu mandat għall-aċċess ta’ partijiet terzi, separazzjoni u tariffi regolati), lil hinn mis-sempliċi “kontabbiltà separata”.

(148)  Filwaqt li f’każijiet ta’ monopolju naturali jew legali jew it-tnejn li huma l-appoġġ għall-infrastruttura tad-distribuzzjoni tat-tisħin distrettwali jaqa’ barra mir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (soġġett għal kundizzjonijiet speċifiċi), kwalunkwe appoġġ għall-attività tal-ġenerazzjoni tat-tisħin distrettwali jibqa’ soġġett għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

(149)  L-ammont ta’ enerġija maqbuda mill-pompi tas-sħana biex titqies rinnovabbli għandu jiġi kkalkulat skont l-Anness VII tad-Direttiva 2018/2001/UE. Minbarra dan, fejn jintuża l-elettriku tista’ titqies bħala kompletament rinnovabbli bil-metodi użati biex l-elettriku jitqies kompletament rinnovabbli skont id-Direttiva 2018/2001/UE – kif ukoll il-leġiżlazzjoni delegata – jew metodi ekwivalenti oħra li jiżguraw li l-elettriku kollu effettivament użat ikun ġej minn sorsi rinnovabbli, dment li jiġi evitat l-għadd doppju tal-enerġija rinnovabbli u l-kumpens żejjed. Fi kwalunkwe każ, l-appoġġ għal investimenti ġodda jew għall-aġġornament – kif ukoll it-tħaddim – ma jistax ikun marbut ma’ installazzjonijiet ta’ kokombustjoni li jużaw fjuwils oħra minbarra l-enerġija minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jew is-sħana mormija.

(150)  It-tagħmir tat-tisħin u t-tkessiħ, inkluż il-ħżin termali, fil-bini tal-klijenti kif imsemmi fil-punt 138, jista’ jkun kopert ukoll meta jkun marbut ma’ sistemi ta’ tisħin jew tkessiħ distrettwali.

(151)  Ara l-Artikolu 2, il-punt (41) tad-Direttiva 2012/27/UE.

(152)  F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom juru b’mod partikolari li s-sistemi ta’ tisħin distrettwali appoġġati daħħlu fis-seħħ il-miżuri meħtieġa biex tiżdied l-effiċjenza, jonqos is-CO2 u sorsi oħra ta’ tniġġis kif ukoll it-telf fin-network.

(153)  Il-klijenti tas-sħana li huma impriżi li jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi jridu jħallsu s-sehem sħiħ tagħhom tal-kostijiet tat-tisħin xorta waħda; dan irid ikun mill-inqas ekwivalenti għall-orħos sors tat-tisħin alternattiv tagħhom, biex jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fi swieq oħra.

(154)  Il-ġerarkija tal-iskart tikkonsisti fi (a) prevenzjoni, (b) preparazzjoni għall-użu mill-ġdid, (c) riċiklaġġ, (d) irkupru ieħor, pereżempju l-irkupru tal-enerġija, u (e) rimi. Ara l-Artikolu 4, il-punt (1) tad-Direttiva 2008/98/KE.

(155)  L-Istati Membri jridu juru li ttieħdu miżuri biex jiżdiedu sorsi ta’ tisħin sostenibbli mas-sistema biex jipprovdu għal klijenti addizzjonali.

(156)  Pereżempju, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu evidenza li s-sistemi tat-tisħin distrettwali kkonċernati jew huma parti minn pjanijiet ta’ dekarbonizzazzjoni nazzjonali jew lokali, jew inkella parti minn pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima f’konformità mal-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/1999 dwar il-ħtieġa li jinbnew infrastrutturi ġodda għat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali minn sorsi rinnovabbli biex tintlaħaq il-mira tal-Unjoni stabbilita fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u jimpenjaw ruħhom li jwettqu tranżizzjoni mill-karburanti fossili billi jsegwu miri intermedji u finali lejn in-newtralità klimatika sal-2050.

(157)  Fid-dawl tal-kontribut tagħhom għall-mitigazzjoni tal-klima, li hija definita bħala objettiv ambjentali fir-Regolament (UE) 2020/852, sakemm ma jkunx hemm indikazzjonijiet ovvji ta’ nuqqas ta’ konformità mal-prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara sinifikanti”.

(158)  Ara wkoll l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2018/2001/UE.

(159)  Ara wkoll l-Artikolu 18(5) u l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2018/2001/UE.

(160)  Skont id-definizzjoni tal-Klassifikazzjoni Statistika tal-Attivitajiet Ekonomiċi fil-Komunità Ewropea (klassifikazzjoni skont NACE Reviżjoni 2), sa livell ta’ diżaggregazzjoni mhux ogħla minn tmien ċifri (livell PRODCOM).

(161)  Pereżempju data li tkopri perċentwal sinifikanti tal-valur miżjud gross fil-livell tal-UE tas-settur jew sottosettur ikkonċernat.

(162)  “Oġġetti u servizzi” ma jinkludux il-kostijiet tal-persunal.

(163)  Il-kodiċi 12 15 0 fil-qafas legali stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 58/97 tal-20 ta’ Diċembru 1996 dwar statistiċi strutturali kummerċjali (ĠU L 014, 17.1.1997, p. 1).

(164)  L-użu ta’ kumpensi annwali fissi (rifużjonijiet) għandu l-vantaġġ li l-impriżi li jibbenefikaw mill-għajnuna jiffaċċjaw l-istess żieda fil-kost marġinali tal-elettriku (jiġifieri l-istess żieda fil-kost tal-elettriku għal kull MWh żejjed ikkunsmat), u b’hekk jiġu limitati d-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni fi ħdan is-settur.

(165)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020 (ĠU C 200, 28.6.2014).

(166)  Ir-rekwiżit ta’ 30 % stabbilit fil-punt 50 ma japplikax għall-proċessi ta’ offerti skont it-Taqsima 4.12. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw l-użu ta’ kriterji addizzjonali, pereżempju benefiċċji ambjentali oħra li jistgħu jinkisbu.

(167)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Diċembru 2010 dwar Għajnuna mill-Istat biex jiġi ffaċilitat l-għeluq ta’ minjieri tal-faħam li mhumiex kompetittivi (ĠU L 336, 21.12.2010, p. 24).

(168)  Id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56).

(169)  Ara wkoll in-Notifika tal-Kummissjoni Linji gwida li jipprovdu fehim komuni tat-terminu “danni ambjentali” kif definit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali 2021/C 118/01 (ĠU C 118, 7.4.2021, p. 1).

(170)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 558 final tas-17 ta’ Ottubru 2012 fil-każ SA.33496 (2011/N) – l-Awstrija –Einzelfall, Altlast, DECON Umwelttechnik GmbH, il-premessi 65-69 (ĠU C 14, 17.1.2013, p. 1).

(171)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Metodoloġija komuni għall-evalwazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, 28.5.2014, SWD(2014) 179 final.

(172)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9).

(173)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).

(174)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020 (ĠU C 200, 28.6.2014, p. 1).


ANNESS 1

Lista ta’ setturi eliġibbli skont it-Taqsima 4.11

Setturi f’riskju sinifikanti kif imsemmi fit-Taqsima 4.11.3.1

Kodiċi NACE

Deskrizzjoni

0510

Estrazzjoni minn minjieri ta’ faħam iebes

0620

Estrazzjoni ta’ gass naturali

0710

Estrazzjoni minn minjieri ta’ minerali tal-ħadid

0729

Estrazzjoni minn minjieri ta’ minerali oħra tal-metall mhux ferrużi

0811

Qtugħ fil-barrieri ta’ ġebel ornamentali u ġebel tal-bini, ġebel tal-franka, ġipsum, ġibs, u lavanja

0891

Estrazzjoni minn minjieri ta’ minerali kimiċi u fertilizzanti

0893

Estrazzjoni ta’ melħ

0899

Estrazzjoni minn minjieri u qtugħ ieħor fil-barrieri m.k.b.

1020

Ipproċessar u ppreservar ta’ ħut, ta’ krustaċji u ta’ molluski

1031

Ipproċessar u ppreservar ta’ patata

1032

Manifattura ta’ meraq tal-frott u tal-ħaxix

1039

Ipproċessar u ppreservar ieħor ta’ frott u ħaxix

1041

Manifattura ta’ żjut u xaħmijiet

1062

Manifattura ta’ lamti u prodotti oħra tal-lamtu

1081

Manifattura ta’ zokkor

1086

Manifattura tal-preparazzjonijiet omoġeniżżati ta' l-ikel u ikel tad-dieta

1104

Manifattura ta’ xarbiet oħra ffermentati mhux iddistillati

1106

Manifattura tal-malt

1310

Preparazzjoni u għażil ta’ fibri tessili

1320

Insiġ ta’ tessuti

1330

Irfinar ta’ tessuti

1391

Manifattura ta’ drappijiet innittjati jew tal-ganċ

1393

Manifattura ta’ twapet u twapet żgħar (rugs)

1394

Manifattura ta’ ċwiemi, ħbula, spag u xbieki

1395

Manifattura ta’ oġġetti mhux minsuġa u oġġetti magħmula minn oġġetti mhux minsuġa, għajr ilbies

1396

Manifattura ta’ tessuti tekniċi u industrijali oħra

1411

Manifattura ta’ ħwejjeġ tal-ġilda

1431

Manifattura ta’ maljerija nnittjata u tal-ganċ

1511

Kunzatura u raffinar tal-ġild; raffinar u tiżbigħ ta’ fer

1610

Isserrar u nċanar ta’ njam

1621

Manifattura ta’ injam foljat u pannelli tal-injam

1622

Manifattura ta’ art tal-parké assemblata

1629

Manifattura ta’ prodotti oħra tal-injam; manifattura ta’ oġġetti tas-sufra, tat-tiben u tal-materjali tad-dfir

1711

Manifattura tal-polpa

1712

Manifattura ta’ karti u kartun

1722

Manifattura ta’ oġġetti domestiċi u tal-kamra tal-banju u ta’ ħtiġijiet tat-twaletta

1724

Manifattura ta’ karta tal-ħitan

1920

Manifattura ta’ prodotti tal-petroleum raffinat

2011

Manifattura ta’ gassijiet industrijali

2012

Manifattura ta’ kuluranti u pigmenti

2013

Manifattura ta’ sustanzi kimiċi bażiċi inorganiċi oħra

2014

Manifattura ta’ sustanzi kimiċi bażiċi organiċi oħra

2015

Manifattura ta’ fertilizzanti u komposti tan-nitroġenu

2016

Manifattura ta’ plastik f’forom primarji

2017

Manifattura ta’ lastiku sintetiku fil-forom primarji

2059

Manifattura ta’ prodotti oħra kimiċi m.k.b.:

2060

Manifattura ta’ fibri magħmulin mill-bniedem

2110

Manifattura ta’ prodotti farmaċewtiċi bażiċi

2211

Manifattura ta’ tajers u tubi tal-lasktu; riġenerazzjoni u rikostruzzjoni ta’ tajers tal-lasktu

2219

Manifattura ta’ prodotti oħra tal-lasktu

2221

Manifattura ta’ platti, folji, tubi u profili tal-plastik

2222

Manifattura ta’ prodotti tal-plastik għall-ippakkjar

2229

Manifattura ta’ prodotti oħra tal-plastik

2311

Manifattura ta’ ħġieġ ċatt

2312

Iffurmar u pproċessar ta’ ħġieġ ċatt

2313

Manifattura ta’ ħġieġ inkavat

2314

Manifattura tal-fibri tal-ħġieġ

2319

Manifattura u pproċessar ta’ ħġieġ ieħor, inkluż oġġetti tal-ħġieġ tekniċi

2320

Manifattura ta’ prodotti rifrattorji

2331

Manifattura ta’ madum u ċangaturi taċ-ċeramika

2342

Manifattura ta’ fittings sanitarji taċ-ċeramika

2343

Manifattura ta’ iżolaturi u fittings iżolanti taċ-ċeramika

2344

Manifattura ta’ prodotti tekniċi oħra taċ-ċeramika

2349

Manifattura ta’ prodotti oħra taċ-ċeramika

2351

Manifattura ta’ siment

2391

Produzzjoni ta’ prodotti li joborxu

2399

Manifattura ta’ prodotti minerali oħra mhux metalliċi m.k.b.

2410

Manifattura ta’ ħadid u azzar bażiċi u ta’ ligi tal-ħadid

2420

Manifattura ta’ tubi, pajpijiet, profili kavati u fittings relatati, tal-azzar

2431

Ġbid bil-kiesaħ ta’ vireg

2432

Laminazzjoni bil-kiesaħ ta’ vireg dojoq

2434

Ġbid bil-kiesaħ ta’ wajer

2442

Produzzjoni tal-aluminju

2443

Produzzjoni ta’ ċomb, żingu u landa

2444

Produzzjoni tar-ram

2445

Produzzjoni ta’ metall mhux ferruż ieħor

2446

Proċessar ta’ karburant nukleari

2451

Fonduti ta’ ħadid

2550

Funderija, pressa, ttimbrar u rrumblar ta’ metall; metallurġija tat-trab

2561

Trattament u kisi ta’ metalli

2571

Manifattura ta’ pożati

2593

Manifattura ta’ prodotti tal-wajer, katina u molol

2594

Manifattura ta’ fasteners u prodotti ta’ magni għall-manifattura tal-viti

2611

Manifattura ta’ komponenti elettroniċi

2720

Manifattura ta’ batteriji u akkumulaturi

2731

Manifattura ta’ kejbils fibrottiċi

2732

Manifattura ta’ wajers u kejbils oħra elettroniċi u elettriċi

2790

Manifattura ta’ tagħmir elettriku ieħor

2815

Manifattura ta’ bearings, gerijiet, elementi tal-ingranaġġ u tat-trażmissjoni

3091

Manifattura ta’ muturi

3099

Manifattura ta’ tagħmir ieħor tat-trasport m.k.b.


Setturi f’riskju kif imsemmi fit-Taqsima 4.11.3.1

Kodiċi NACE

Deskrizzjoni

1011

Ipproċessar u ppreservar ta’ laħam

1012

Ipproċessar u ppreservar ta’ laħam tat-tjur

1042

Manifattura ta’ marġerina u xaħmijiet simili li jittieklu

1051

Operazzjoni ta’ mħaleb u manifattura ta’ ġobon

1061

Manifattura ta’ prodotti tal-qmuħ mitħuna

1072

Manifattura ta’ biskuttelli u gallettini; manifattura ta’ oġġetti tal-għaġina u kejkijiet ippriservati

1073

Manifattura ta’ mqarrun, taljarini, kuskus u prodotti simili tad-dqiq

1082

Manifattura ta’ ħelu tal-kawkaw, ċikkulata u zokkor

1085

Manifattura ta’ ikliet u platti ppreparati

1089

Manifattura ta’ prodotti oħra tal-ikel m.k.b.

1091

Manifattura ta’ għalf preparat għal annimali tal-farm

1092

Manifattura ta’ ikel preparat għall-annimali domestiċi

1107

Manifattura ta’ soft drinks; produzzjoni ta’ ilmijiet minerali u ilmijiet oħra tal-fliexken

1723

Manifattura ta’ kartolerija tal-karti

1729

Manifattura ta’ oġġetti oħra tal-karti u tal-kartun

2051

Manifattura ta’ splussivi

2052

Manifattura ta’ kolol

2332

Manifattura ta’ briks, madum u prodotti tal-kostruzzjoni, magħmula mit-tafal moħmi

2352

Manifattura ta’ ġir u ġibs

2365

Manifattura ta’ siment bil-fibri

2452

Fonduti ta’ azzar

2453

Fonduti ta’ metalli ħfief

2591

Manifattura ta’ tankijiet tal-azzar u kontenituri simili

2592

Manifattura ta’ metall ħafif għall-ippakkjar

2932

Manifattura ta’ partijiet u aċċessorji oħra għal vetturi bil-mutur


ANNESS 2

Definizzjoni tal-kostijiet imsemmija fit-Taqsima 4.12.2

1.   Kostijiet ta’ impriżi li għalqu jew qegħdin jagħlqu attivitajiet tal-faħam, tal-pit jew tax-shale bituminuż

Il-kategoriji ta’ kostijiet li ġejjin esklussivament, u biss jekk jirriżultaw mill-għeluq ta’ attivitajiet tal-faħam, tal-pit u x-shale bituminuż:

(a)

il-kost tal-ħlas tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali li jirriżultaw mill-irtirar kmieni tal-ħaddiema qabel jilħqu l-età statutorja tal-irtirar;

(b)

nefqa oħra eċċezzjonali fuq ħaddiema li jkunu tilfu jew li jitilfu xogħolhom;

(c)

il-ħlas ta’ pensjonijiet u gratifiki barra mis-sistema statutorja lil ħaddiema li jkunu tilfu jew li jitilfu xogħolhom u lil ħaddiema bid-dritt għal dawn il-ħlasijiet qabel l-għeluq;

(d)

il-kost kopert mill-impriżi għar-riadattament tal-ħaddiema sabiex ikunu jistgħu jsibu impjiegi ġodda barra mill-industrija tal-faħam, tal-pit u tax-shale bituminuż, partikolarment kostijiet tat-taħriġ;

(e)

il-provvista mingħajr ħlas ta’ faħam, pit u shale bituminuż lill-ħaddiema li jkunu tilfu jew li jitilfu xogħolhom u lill-ħaddiema bid-dritt għal tali provvista qabel l-għeluq, jew il-valur monetarju ekwivalenti;

(f)

kostijiet residwi li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet amministrattivi, legali jew fiskali li jkunu speċifiċi għall-industrija tal-faħam, tal-pit u tax-shale bituminuż;

(g)

xogħol addizzjonali ta’ sikurezza taħt l-art li jirriżulta mill-għeluq tal-attivitajiet tal-faħam, pit u shale bituminuż;

(h)

ħsara kkawżata mill-estrazzjoni, dment li tkun kaġun tal-attivitajiet tal-faħam, pit u shale bituminuż li ngħalqu jew li jkunu qed jingħalqu;

(i)

il-kostijiet debitament ġustifikati kollha relatati mar-riabilitazzjoni ta’ dawk li kienu impjanti tal-enerġija u minjieri, inkluż:

kostijiet residwi li jirriżultaw minn kontribuzzjonijiet għal korpi responsabbli għall-provvista tal-ilma u għat-tneħħija tal-ilma mormi,

kostijiet residwi oħrajn li jirriżultaw mill-provvisti tal-ilma u t-tneħħija tal-ilma mormi;

(j)

kostijiet residwi biex tiġi koperta l-assigurazzjoni tas-saħħa tal-eks ħaddiema;

(k)

kostijiet relatati mat-tħassir jew il-modifika ta’ kuntratti li jkunu għadhom għaddejjin (għal valur massimu ta’ sitt (6) xhur ta’ produzzjoni);

(l)

deprezzament intrinsiku eċċezzjonali dment li jirriżulta mill-għeluq tal-attivitajiet tal-faħam, il-pit u x-shale bituminuż;

(m)

il-kostijiet għar-rikultivazzjoni tal-uċuħ tal-art.

Iż-żieda fil-valur tal-art trid titnaqqas mill-kostijiet eliġibbli għall-kategoriji ta’ kostijiet imsemmija fil-punti (g), (h), (i) u (m).

2.   Kostijiet imġarrba minn diversi impriżi

Il-kategoriji ta’ kostijiet li ġejjin esklussivament:

(a)

żieda fil-kontribuzzjonijiet, barra mis-sistema statutorja, biex ikopru l-kostijiet tas-sigurtà soċjali bħala riżultat tat-tnaqqis, wara l-għeluq tal-attivitajiet tal-faħam, pit u shale bituminuż, fl-għadd ta’ kontribwenti;

(b)

in-nefqa, li tirriżulta mill-għeluq ta’ attivitajiet tal-faħam, pit u shale bituminuż, fuq il-provvista tal-ilma u t-tneħħija tal-ilma mormi;

(c)

żieda fil-kontribuzzjonijiet lill-korpi responsabbli għall-provvista tal-ilma u t-tneħħija tal-ilma mormi, dment li din iż-żieda tkun ir-riżultat ta’ tnaqqis tal-produzzjoni soġġetta għall-imposti wara l-għeluq tal-attivitajiet tal-faħam, pit u shale bituminuż.