17.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 399/240


Id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni pprovduta mill-QEA lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – rapport tal-awditur indipendenti

(2022/C 399/02)

Opinjoni

I.

Aħna awditjajna:

(a)

il-kontijiet konsolidati tal-Unjoni Ewropea, li jinkludu r-rapporti finanzjarji konsolidati (1) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (2) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2021, u li ġew approvati mill-Kummissjoni fit-28 ta’ Ġunju 2022;

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, kif meħtieġ mill-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Affidabbiltà tal-kontijiet

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

II.

Fl-opinjoni tagħna, il-kontijiet konsolidati tal-Unjoni Ewropea (UE) għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2021 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-UE fil-31 ta’ Diċembru 2021, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont ir-Regolament Finanzjarju u r-regoli kontabilistiċi bbażati fuq standards tal-kontabbiltà li huma aċċettati internazzjonalment għas-settur pubbliku.

Legalità u regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

Dħul

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul

III.

Fl-opinjoni tagħna, id-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2021 huwa legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Infiq

IV.

Għall-2021, aħna nipprovdu żewġ opinjonijiet separati dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq. Dan jirrifletti l-fatt li l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) hija strument temporanju mwassal u ffinanzjat b’mod li huwa fundamentalment differenti għall-infiq normali tal-baġit taħt il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP).

Opinjoni avversa dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq baġitarju

V.

Fl-opinjoni tagħna, minħabba s-sinifikat tal-kwistjoni deskritta taħt “Bażi għal opinjoni avversa dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq baġitarju”, l-infiq baġitarju aċċettat fil-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2021 huwa milqut minn livell materjali ta’ żball.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq taħt l-RRF

VI.

Fl-opinjoni tagħna, l-infiq taħt l-RRF aċċettat fil-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2021 huwa legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Bażi għal opinjoni

VII.

Aħna wettaqna l-awditu tagħna skont il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC), l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar (ISAs) u l-Kodiċijiet tal-Etika u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (ISSAIs) tal-INTOSAI. Ir-responsabbiltajiet tagħna skont dawn l-istandards u kodiċijiet huma deskritti f’aktar dettall fit-taqsima “Responsabbiltajiet tal-awditur” fir-rapport tagħna. F’dik it-taqsima, aħna nipprovdu wkoll aktar informazzjoni dwar il-bażi għall-opinjoni tagħna dwar id-dħul (ara l-paragrafu  XXXV ) u l-infiq taħt l-RRF (ara l-paragrafu  XXXVII ). Aħna rrispettajna wkoll ir-rekwiżiti tal-indipendenza u wettaqna l-obbligi etiċi tagħna skont il-Kodiċi ta’ Etika għall-Kontabilisti Professjonali tal-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Etika għall-Kontabilisti. Nemmnu li l-evidenza għall-awditjar li ksibna hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet tagħna.

Bażi għal opinjoni avversa dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq baġitarju

VIII.

Il-livell kumplessiv ta’ żball stmat minna għall-infiq baġitarju aċċettat fil-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2021 huwa ta’ 3,0 %. Proporzjon sostanzjali ta’ dan l-infiq huwa milqut minn livell materjali ta’ żball. Dan prinċipalment jirrigwarda l-infiq ibbażat fuq rimborżi, fejn il-livell ta’ żball stmat huwa ta’ 4,7 %. Dan l-infiq żdied għal EUR 90,1 biljun fl-2021, u jirrappreżenta 63,2 % tal-popolazzjoni li awditjajna (3). Għalhekk, l-effetti tal-iżbalji li sibna huma kemm materjali kif ukoll pervażivi għan-nefqa aċċettata tas-sena.

Kwistjonijiet ewlenin tal-awditjar

Aħna vvalutajna l-obbligazzjoni għall-pensjoni u għal benefiċċji oħra tal-impjegati

IX.

Il-karta tal-bilanċ tal-UE tinkludi obbligazzjoni għall-pensjoni u għal benefiċċji oħra tal-impjegati li ammontaw għal EUR 122,5 biljun fi tmiem l-2021 (2020: EUR 116,0-il biljun), li jirrappreżentaw kważi kwart tal-obbligazzjonijiet totali ta’ EUR 496,4 biljun għall-2021 (2020: EUR 313,5-il biljun).

X.

Il-biċċa l-kbira mill-obbligazzjoni għall-pensjoni u għal benefiċċji oħra tal-impjegati hija relatata mal-Iskema tal-Pensjonijiet tal-Uffiċjali u l-Aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (PSEO), li tammonta għal EUR 109,7 biljun (2020: EUR 100,7 biljun). L-obbligazzjoni rreġistrata fil-kontijiet hija stima tal-valur attwali tal-pagamenti futuri mistennija li l-UE se jkollha twettaq biex tissodisfa l-obbligi tagħha tal-pensjoni.

XI.

Il-benefiċċji mħallsa taħt din l-iskema tal-pensjonijiet jitħallsu mill-baġit tal-UE. Filwaqt li l-UE ma ħolqotx fond tal-pensjonijiet imfassal apposta biex ikopri l-ispiża tal-obbligi futuri tal-pensjoni, l-Istati Membri jiggarantixxu b’mod konġunt il-pagament tal-benefiċċji, u l-uffiċjali jikkontribwixxu terz tal-ispiża għall-finanzjament tal-iskema. L-Eurostat jikkalkula din l-obbligazzjoni kull sena f’isem l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni, billi juża parametri bħall-profil tal-età u l-istennija tal-għomor tal-uffiċjali tal-UE, kif ukoll suppożizzjonijiet dwar kundizzjonijiet ekonomiċi futuri. Dawn il-parametri u s-suppożizzjonijiet jiġu wkoll ivvalutati mill-konsulenti attwarji tal-Kummissjoni.

XII.

Iż-żieda fl-obbligazzjoni tal-pensjoni fl-2021 hija prinċipalment dovuta għat-tnaqqis fir-rata ta’ skont nominali, li hija affettwata minn riduzzjoni fir-rati tal-imgħax globali (4).

XIII.

It-tieni l-akbar parti tal-obbligazzjoni għall-pensjoni u għal benefiċċji oħra tal-impjegati hija kostitwita mill-obbligazzjoni stmata tal-UE lejn ir-Reġim Komuni tal-Assigurazzjoni tal-Mard (JSIS), li ammontat għal EUR 10,3 biljun fi tmiem l-2021 (2020: EUR 12,9-il biljun). Din l-obbligazzjoni hija relatata mal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa li huma pagabbli lill-membri tal-persunal tal-UE matul il-perjodi ta’ wara l-attività (bit-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tagħhom).

XIV.

Bħala parti mill-awditjar tagħna, aħna nivvalutaw is-suppożizzjonijiet attwarji li saru għal dawn l-iskemi u l-valwazzjoni riżultanti. Aħna nibbażaw l-evalwazzjoni tagħna fuq xogħol li jitwettaq minn esperti attwarji esterni indipendenti. Nivverifikaw id-data bażika li fuqha huma bbażati l-kalkoli, il-parametri attwarji u l-kalkolu tal-obbligazzjoni. Neżaminaw ukoll il-preżentazzjoni tal-obbligazzjonijiet fil-karta tal-bilanċ konsolidata u n-noti għar-rapporti finanzjarji konsolidati.

XV.

Nikkonkludu li l-istima tal-obbligazzjoni kumplessiva għall-pensjoni u għal benefiċċji oħra tal-impjegati ddikjarata fil-karta tal-bilanċ konsolidata hija ġusta u affidabbli.

Aħna vvalutajna stimi sinifikanti ta’ tmiem is-sena li ġew ippreżentati fil-kontijiet

XVI.

Fi tmiem l-2021, il-valur stmat tal-ispejjeż eliġibbli mġarrba dovuti lill-benefiċjarji, iżda li kienu għadhom ma ntalbux, kien ta’ EUR 129,9 biljun (2020: EUR 107,8 biljun). Dawn l-ammonti ġew irreġistrati bħala spejjeż dovuti (5).

XVII.

Iż-żieda f’dik l-istima tirrigwarda prinċipalment l-RRF, li hija l-qofol tan-NextGenerationEU (NGEU), jiġifieri l-istrument ta’ rkupru temporanju biex jgħin isewwi l-ħsara ekonomika u soċjali immedjata kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19. Il-pagamenti lill-Istati Membri taħt din il-faċilità jsegwu profil ta’ ħlas parzjali predefinit sal-2026. Fi tmiem l-2021, l-infiq dovut taħt l-RRF kien jammonta għal EUR 12,3-il biljun.

XVIII.

Sabiex nivvalutaw dawn l-istimi ta’ tmiem is-sena, aħna eżaminajna s-sistema li l-Kummissjoni kienet stabbiliet għall-kalkoli tal-cut-off biex niżguraw il-korrettezza u l-kompletezza tagħhom fid-direttorati ġenerali li fihom iġġarrbu l-biċċa l-kbira mill-ispejjeż. Matul ix-xogħol tal-awditjar tagħna fuq il-kampjun ta’ fatturi u ta’ pagamenti ta’ prefinanzjament, aħna eżaminajna l-kalkoli tal-cut-off rilevanti sabiex nindirizzaw ir-riskju li l-ammont dovut jiġi ddikjarat b’mod skorrett. Aħna fittixna kjarifika mis-servizzi kontabilistiċi tal-Kummissjoni dwar il-metodoloġija ġenerali għall-istabbiliment ta’ dawn l-istimi.

XIX.

Nikkonkludu li l-istima tal-ammont kumplessiv ta’ imposti dovuti u ta’ pagamenti bil-quddiem oħra għall-Istati Membri huma ppreżentati b’mod ġust fil-karta tal-bilanċ konsolidata.

Aħna rrieżaminajna l-assi li ġie ġġenerat mill-proċess ta’ ħruġ tar-Renju Unit

XX.

Fl-1 ta’ Frar 2020, ir-Renju Unit (UK) ma baqax Stat Membru tal-UE. Taħt il-ftehim dwar il-ħruġ, ir-Renju Unit għamel impenn biex jonora l-obbligi finanzjarji kollha tiegħu taħt QFP preċedenti li jirriżultaw mis-sħubija tiegħu fl-UE. Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, li ntemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, ir-Renju Unit kompla jikkontribwixxi għall-baġit tal-UE, u jibbenefika minnu, daqslikieku kien għadu Stat Membru.

XXI.

Wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, obbligi reċiproċi oħra min-naħa tal-UE u tar-Renju Unit wasslu għal ċerti obbligazzjonijiet u ammonti riċevibbli għall-UE. Dawn l-obbligi jridu jiġu riflessi fil-kontijiet annwali tal-UE. Il-Kummissjoni stmat li, fid-data tal-karta tal-bilanċ, il-kontijiet tal-UE wrew ammont riċevibbli nett dovut mir-Renju Unit ta’ EUR 41,8 biljun (2020: EUR 47,5 biljun), li minnhom huwa stmat li EUR 10,9 biljun se jitħallsu fit-12-il xahar wara d-data tar-rappurtar.

XXII.

Il-mekkaniżmu ta’ pagament li għandu jiġi applikat għall-obbligi reċiproċi taħt il-ftehim dwar il-ħruġ huwa stabbilit fl-Artikolu 148 (“Pagamenti wara l-2020”) tal-ftehim. Fl-2021, l-ammont irrappurtat bħala li kien dovut mir-Renju Unit taħt l-Artikolu 136, u l-Artikoli 140 sa 147, kien ta’ EUR 11,9-il biljun. It-total tal-pagamenti li ġew riċevuti mir-Renju Unit fl-2021 kien jammonta għal EUR 6,8 biljun. Il-bilanċ li kien jifdal fi tmiem is-sena, f’ammont ta’ EUR 5,1 biljun, kien pagabbli f’ħames ħlasijiet parzjali ndaqs ta’ kull xahar minn Jannar sa Mejju 2022 inkluż, f’konformità mal-mekkaniżmu stabbilt fl-Artikolu 148 tal-ftehim dwar il-ħruġ.

XXIII.

Bħala parti mill-proċeduri normali tal-awditjar tagħna, iddiskutejna mal-Kummissjoni dwar it-twaqqit, il-preċiżjoni u l-kompletezza tal-assi rikonoxxut u l-pagamenti li saru. Aħna kkalkulajna mill-ġdid l-ammonti kkonċernati, irrikonċiljajniehom mar-reġistri ta’ bażi u vverifikajna x-xerqien ta’ kwalunkwe suppożizzjoni użata.

XXIV.

Nikkonkludu li l-istima tal-assi totali rikonoxxut b’rabta mal-proċess ta’ ħruġ tar-Renju Unit hija ppreżentata b’mod ġust fil-kontijiet annwali konsolidati.

Aħna vvalutajna l-impatt li l-invażjoni mir-Russja fl-Ukrajna kellha fuq il-kontijiet

XXV.

Fl-24 ta’ Frar 2022, ir-Russja invadiet l-Ukrajna. Billi l-UE tipprovdi assistenza lill-Ukrajna fil-għamla ta’ self u għotjiet, aħna vvalutajna l-kalkoli li l-Kummissjoni kienet għamlet rigward l-esponiment tal-UE għar-riskju finanzjarju assoċjat, kif ukoll il-bażi sottostanti tagħhom, biex niżguraw li l-konsegwenzi ta’ dan l-avveniment sinifikanti kienu riflessi b’mod xieraq fil-kontijiet tal-UE. Ivvalutajna l-kalkoli tal-Kummissjoni bi tqabbil mad-data proprja tagħna u ma’ data li kienet teżisti dwar il-kwistjoni.

XXVI.

Nikkonkludu li l-fatt li l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja ġiet ittrattata bħala avveniment li ma jirrikjedix aġġustament wara l-għeluq tal-karta tal-bilanċ huwa xieraq. L-impatt tagħha ġie divulgat b’mod xieraq u ppreżentat b’mod ġust fil-kontijiet annwali konsolidati.

Aħna vvalutajna l-impatt tal-miżuri relatati mal-COVID-19 fuq il-kontijiet

XXVII.

Il-pandemija tal-COVID-19 laqtet b’mod serju l-ekonomiji u l-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni Ewropea mobilizzat mezzi sostanzjali biex tirrinforza s-setturi tas-saħħa pubblika tal-Istati Membri u biex timmitiga l-impatt soċjoekonomiku tal-pandemija fl-UE. L-azzjoni meħuda kienet tinkludi l-finanzjament ta’ provvisti mediċi urġenti, l-introduzzjoni ta’ aktar flessibbiltà fl-utilizzazzjoni tal-appoġġ finanzjarju mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, kif ukoll l-għoti ta’ self lill-Istati Membri b’termini favorevoli. Dawn l-inizjattivi kellhom effett sinifikanti fuq ir-rapporti finanzjarji.

XXVIII.

Bħala parti mill-proċeduri normali tal-awditjar tagħna, aħna awditjajna l-assi, l-obbligazzjonijiet, id-dħul u l-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-miżuri li ttieħdu mill-Kummissjoni. Nikkonkludu li dawn huma ppreżentati b’mod ġust fil-kontijiet annwali konsolidati.

Kwistjonijiet oħra

XXIX.

Il-maniġment huwa responsabbli għall-provvediment ta’ “informazzjoni oħra”. Dan it-terminu jinkludi l-punti finanzjarji ewlenin tas-sena (“Financial highlights of the year”), iżda mhux il-kontijiet konsolidati jew ir-rapporti tagħna dwarhom. L-opinjoni tagħna dwar il-kontijiet konsolidati ma tkoprix din l-informazzjoni l-oħra, u aħna ma nesprimu l-ebda forma ta’ konklużjoni ta’ aċċertament dwarha. Ir-responsabbiltà tagħna b’rabta mal-awditu tal-kontijiet konsolidati hija li naqraw l-informazzjoni l-oħra u nqisu jekk din l-informazzjoni tkunx materjalment inkonsistenti mal-kontijiet konsolidati jew mal-għarfien li nkunu ksibna fl-awditu, jew jekk jidhirx li tkun saret xi dikjarazzjoni skorretta materjali oħra. Jekk nikkonkludu li jkun hemm dikjarazzjoni skorretta materjali tal-informazzjoni l-oħra, aħna meħtieġa nirrappurtaw dan il-fatt kif meħtieġ. Aħna ma għandna xejn x’nirrappurtaw f’dan ir-rigward.

Responsabbiltajiet tal-maniġment

XXX.

F’konformità mal-Artikoli 310 sa 325 tat-TFUE u mar-Regolament Finanzjarju, il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-kontijiet konsolidati tal-UE abbażi ta’ standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment, u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Din ir-responsabbiltà tinkludi t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Il-maniġment huwa responsabbli wkoll milli jiżgura li l-attivitajiet, it-tranżazzjonijiet finanzjarji u l-informazzjoni riflessi fir-rapporti finanzjarji jkunu jikkonformaw mal-awtoritajiet (liġijiet, regolamenti, prinċipji, regoli u standards) li jirregolawhom. Il-Kummissjoni hija fl-aħħar mill-aħħar responsabbli għal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-UE (l-Artikolu 317 tat-TFUE).

XXXI.

Fit-tħejjija tal-kontijiet konsolidati, il-maniġment huwa responsabbli milli jivvaluta l-kapaċità tal-UE li tkompli bħala negozju avvjat, filwaqt li jiddivulga kull kwistjoni rilevanti u juża l-bażi kontabilistika ta’ negozju avvjat, dment li ma jkunx biħsiebu jillikwida l-entità jew itemm l-operazzjonijiet, jew inkella ma jkollu l-ebda alternattiva realistika ħlief li jagħmel dan.

XXXII.

Il-Kummissjoni hija responsabbli mis-sorveljanza tal-proċess ta’ rappurtar finanzjarju tal-UE.

XXXIII.

Skont ir-Regolament Finanzjarju (it-Titolu XIII), l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni jrid jippreżenta l-kontijiet konsolidati tal-UE biex jiġu awditjati, l-ewwel bħala kontijiet proviżorji sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara u mbagħad bħala kontijiet finali sal-31 ta’ Lulju. Il-kontijiet proviżorji jridu diġà jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-UE. Għalhekk, huwa imperattiv li l-entrati kollha tal-kontijiet proviżorji jiġu ppreżentati bħala kalkoli finali, biex b’hekk aħna nkunu nistgħu nwettqu l-kompitu tagħna f’konformità mat-(Titolu XIII) tar-Regolament Finanzjarju u sad-dati ta’ skadenza mogħtija. Kull bidla bejn il-kontijiet proviżorji u dawk finali normalment tkun tirriżulta mill-osservazzjonijiet tagħna biss.

Responsabbiltajiet tal-awditur għall-awditjar tal-kontijiet konsolidati u tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi

XXXIV.

L-objettivi tagħna huma li niksbu aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet konsolidati tal-UE jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari u li, fuq il-bażi tal-awditu tagħna, nipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Aċċertament raġonevoli huwa aċċertament ta’ livell għoli, iżda mhuwiex garanzija li l-awditu jkun neċessarjament qabad il-każijiet kollha ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali jew nuqqas ta’ konformità meta dawn ikunu jeżistu. Dawn jistgħu jiġu kkaġunati minn frodi jew minn xi żball u jitqiesu materjali jekk, individwalment jew flimkien, jistgħu jkunu mistennija, b’mod raġonevoli, li jinfluwenzaw kull deċiżjoni ekonomika li tittieħed fuq il-bażi ta’ dawn il-kontijiet konsolidati.

XXXV.

Għad-dħul, l-eżaminar tagħna tal-VAT u tar-riżorsi proprji bbażati fuq l-ING jieħu bħala l-punt tat-tluq tiegħu l-aggregati makroekonomiċi li fuqhom dawn jiġu kkalkulati, u jivvaluta s-sistemi tal-Kummissjoni għall-ipproċessar tagħhom sal-punt li fih il-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri jkunu ġew riċevuti u rreġistrati fil-kontijiet konsolidati. Għar-riżorsi proprji tradizzjonali, aħna neżaminaw il-kontijiet tal-awtoritajiet doganali u nanalizzaw il-fluss tad-dazji sakemm l-ammonti jkunu ġew riċevuti mill-Kummissjoni u rreġistrati fil-kontijiet. Hemm riskju li d-dazji doganali jew ma jiġux iddikjarati jew inkella jiġu ddikjarati b’mod skorrett lill-awtoritajiet doganali nazzjonali min-naħa tal-importaturi. Għalhekk id-dazji tal-importazzjoni realment miġbura se jkunu inqas mill-ammont li teoretikament jenħtieġ li jinġabar. Din id-differenza hija magħrufa bħala n-“nuqqas doganali”. Dawn l-ammonti evażi ma jinqabdux mis-sistemi kontabilistiċi tal-RPT tal-Istati Membri u ma jaqgħux fi ħdan l-ambitu tal-opinjoni tal-awditjar tagħna dwar id-dħul.

XXXVI.

Għall-infiq, aħna neżaminaw it-tranżazzjonijiet ta’ pagament ladarba l-infiq ikun ġie mġarrab, irreġistrat u aċċettat. Dan l-eżaminar ikopri l-kategoriji kollha ta’ pagamenti fil-punt meta jsiru, ħlief il-pagamenti bil-quddiem. Aħna neżaminaw il-pagamenti bil-quddiem ladarba r-riċevitur tal-fondi jkun ipprovda evidenza dwar l-użu xieraq tagħhom u l-istituzzjoni jew il-korp ikunu aċċettaw dik l-evidenza billi japprovaw il-pagament bil-quddiem, u dan għandu mnejn ma jseħħx qabel is-sena sussegwenti.

XXXVII.

Din is-sena, għall-ewwel darba, eżaminajna l-infiq taħt l-RRF. B’mod differenti għal infiq baġitarju ieħor, li huwa bbażat fuq ir-rimborż tal-ispejjeż u/jew fuq il-konformità mal-kundizzjonijiet, taħt l-RRF il-kundizzjoni għall-pagament hija li jintlaħqu b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti jew il-miri. Għalhekk eżaminajna jekk il-Kummissjoni kinitx ġabret evidenza suffiċjenti u xierqa biex issostni l-valutazzjoni li hija kienet wettqet ta’ din il-kundizzjoni. Il-konformità mar-regoli tal-UE u dawk nazzjonali ma tagħmilx parti minn din il-valutazzjoni.

XXXVIII.

Aħna neżerċitaw ġudizzju professjonali u nżommu xettiċiżmu professjonali tul l-awditu. Barra minn hekk, aħna:

(a)

Nidentifikaw u nivvalutaw ir-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet konsolidati u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti tal-liġi tal-UE, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Aħna nfasslu u nwettqu proċeduri tal-awditjar li jirrispondu għal dawk ir-riskji, u niksbu evidenza għall-awditjar li tkun suffiċjenti u adegwata biex tipprovdi bażi għall-opinjoni tagħna. Każijiet ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali jew ta’ nuqqas ta’ konformità b’riżultat ta’ frodi huma aktar diffiċli biex jinqabdu minn dawk li jkunu b’riżultat ta’ żball, billi frodi tista’ tinvolvi kollużjoni, falsifikazzjoni, ommissjonijiet intenzjonali, rappreżentazzjonijiet żbaljati, jew li jinqabeż il-kontroll intern. B’konsegwenza ta’ dan, hemm riskju akbar li dawn il-każijiet ma jinqabdux.

(b)

Niksbu fehim tal-kontroll intern rilevanti għall-awditu sabiex infasslu proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa, iżda mhux bl-iskop li nagħtu opinjoni dwar l-effettività tal-kontroll intern.

(c)

Nevalwaw l-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi li jintużaw mill-maniġment, kif ukoll ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u d-divulgazzjonijiet relatati li jsiru minn dawn tal-aħħar.

(d)

Nilħqu konklużjoni dwar l-adegwatezza tal-użu mill-maniġment tal-bażi kontabilistika ta’ negozju avvjat u, abbażi tal-evidenza għall-awditjar miksuba, dwar jekk tkunx teżisti inċertezza materjali minħabba avvenimenti jew kundizzjonijiet li jistgħu jixħtu dubju sinifikanti fuq il-kapaċità ta’ entità li tkompli bħala negozju avvjat. Jekk nikkonkludu li tkun teżisti inċertezza materjali bħal din, aħna meħtieġa niġbdu l-attenzjoni, fir-rapport tagħna, għad-divulgazzjonijiet relatati fil-kontijiet konsolidati jew, jekk dawn id-divulgazzjonijiet ma jkunux adegwati, nimmodifikaw l-opinjoni tagħna. Il-konklużjonijiet tagħna huma bbażati fuq l-evidenza għall-awditjar miksuba sad-data tar-rapport tagħna. Madankollu, avvenimenti jew kundizzjonijiet futuri jistgħu jwasslu biex l-entità ma tkomplix bħala negozju avvjat.

(e)

Nevalwaw il-preżentazzjoni, l-istruttura u l-kontenut ġenerali tal-kontijiet konsolidati, inklużi d-divulgazzjonijiet kollha, u nivvalutaw jekk il-kontijiet konsolidati jkunux jirrappreżentaw it-tranżazzjonijiet u l-avvenimenti ta’ bażi b’mod ġust.

(f)

Niksbu evidenza adegwata u suffiċjenti għall-awditjar rigward l-informazzjoni finanzjarja dwar l-entitajiet koperti mill-ambitu tal-konsolidazzjoni tal-UE biex nesprimu opinjoni dwar il-kontijiet konsolidati u t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Aħna għandna r-responsabbiltà li nidderieġu, nissorveljaw u nwettqu l-awditu, u aħna unikament responsabbli għall-opinjoni tal-awditjar li nagħtu.

XXXIX.

Aħna nikkomunikaw mal-maniġment rigward, fost oħrajn, l-ambitu u t-twaqqit ippjanati tal-awditu u dwar sejbiet sinifikanti tal-awditjar, inklużi sejbiet dwar kwalunkwe defiċjenza sinifikanti fil-kontroll intern.

XL.

Mill-kwistjonijiet li ddiskutejna mal-Kummissjoni u ma’ entitajiet oħra awditjati, aħna niddeterminaw dawk li kienu tal-akbar sinifikat fl-awditjar tal-kontijiet konsolidati, u li għalhekk huma l-kwistjonijiet ewlenin tal-awditjar għall-perjodu attwali. Aħna niddeskrivu dawn il-kwistjonijiet fir-rapport tagħna, dment li l-liġi jew ir-regolament ma jkunux jipprekludu d-divulgazzjoni pubblika jew meta, f’każijiet rari ħafna, aħna niddeterminaw li kwistjoni ma għandhiex tiġi kkomunikata fir-rapport tagħna minħabba li l-konsegwenzi avversi jekk dan isir ikunu mistennija, b’mod raġonevoli, li jkunu akbar mill-benefiċċji għall-interess pubbliku.

L-14 ta’ Lulju 2022

Klaus-Heiner LEHNE

Il-President

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri

12, rue Alcide De Gasperi – L-1615 Luxembourg


(1)  Ir-rapporti finanzjarji konsolidati jinkludu l-karta tal-bilanċ, ir-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja, ir-rapport tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni (inkluż ir-rappurtar fuq is-segmenti).

(2)  Ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit jinkludu wkoll noti ta’ spjegazzjoni.

(3)  Aħna nipprovdu aktar informazzjoni fil-paragrafi 1.22-1.27 tar-Rapport Annwali 2021 tagħna.

(4)  Il-kontijiet annwali tal-UE għall-2021, in-Nota 2.9.

(5)  Dawn jinkludu imposti dovuti ta’ EUR 77,8 biljun fuq in-naħa tal-obbligazzjonijiet fil-karta tal-bilanċ u, fuq in-naħa tal-assi, EUR 52,1 biljun li jnaqqsu l-valur tal-prefinanzjament.