Brussell, 7.12.2022

SWD(2022) 698 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 575/2013 u (UE) 2017/1131 fir-rigward ta’ miżuri sabiex jittaffew skoperturi eċċessivi għal kontropartijiet ċentrali ta’ pajjiżi terzi u tittejjeb l-effiċjenza tas-swieq tal-ikklerjar tal-Unjoni


u


Proposta għal


DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL





li temenda d-Direttivi 2009/65/UE, 2013/36/UE u (UE) 2019/2034 fir-rigward tat-trattament tar-riskju ta’ konċentrazzjoni li jiġi minn kontropartijiet ċentrali u r-riskju tal-kontroparti fuq tranżazzjonijiet ta’ derivattivi kklerjati ċentralment











{COM(2022) 697 final} - {SEC(2022) 697 final} - {SWD(2022) 697 final}


Ħtieġa li tittieħed azzjoni

Is-swieq finanzjarji tal-UE jiddependu b’mod kritiku fuq xi servizzi pprovduti minn ċerti kontropartijiet ċentrali (CCPs) ta’ pajjiżi terzi u dan jwassal għal riskji sinifikanti għall-istabbiltà finanzjarja tal-UE. Ir-Renju Unit (UK) huwa l-post ewlieni għall-ikklerjar ta’ derivattivi ddenominati f’euro, b’sehem mis-suq ta’ aktar minn 90 %. Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-Kummissjoni identifikaw l-ikklerjar bħala riskju sinifikanti għall-istabbiltà finanzjarja tal-UE jekk il-parteċipanti fis-suq tal-UE jitilfu l-aċċess għas-CCPs tar-Renju Unit għall-għarrieda. Dan wassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ekwivalenza f’Settembru 2020. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tenniet il-messaġġ lill-parteċipanti fis-suq tal-UE biex inaqqsu l-iskoperturi eċċessivi tagħhom għas-CCPs stabbiliti fir-Renju Unit. Madankollu, sal-ġurnata tal-lum dan it-tnaqqis għadu ma seħħx.

L-involviment ma’ korpi rilevanti tal-UE bħall-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), il-BĊE, il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku u l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, fi ħdan grupp ta’ ħidma ad hoc dwar l-ikklerjar stabbilit mill-Kummissjoni, ikkonferma l-eżistenza tal-problema u r-riskji tagħha għall-istabbiltà finanzjarja. Id-diskussjonijiet fi ħdan il-grupp ta’ ħidma wasslu għall-konklużjoni li biex dawk l-iskoperturi eċċessivi jonqsu b’mod sinifikanti u b’mod ordnat u kkontrollat tkun meħtieġa taħlita ta’ bidliet leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi fis-snin li ġejjin. Dawn il-bidliet ikunu meħtieġa biex: (i) itejbu l-attraenza tal-ikklerjar fl-UE; (ii) jinkoraġġixxu l-iżvilupp tal-infrastruttura fl-UE; u (iii) issaħħu l-arranġamenti superviżorji fl-UE sabiex fl-aħħar mill-aħħar jiġu indirizzati r-riskji rilevanti għall-istabbiltà finanzjarja.

Mingħajr azzjoni ulterjuri tal-UE, il-parteċipanti fis-suq x’aktarx li jkomplu jikklerjaw f’dawk is-CCPs sistemiċi ta’ pajjiżi terzi, u b’hekk iżommu, saħansitra jżidu, id-dipendenza żejda deskritta. Dan iġib miegħu riskji sinifikanti għall-istabbiltà finanzjarja f’każ ta’ xenarju ta’ stress li jinvolvi CCP ta’ pajjiż terz jew f’każ ta’ telf għall-għarrieda ta’ aċċess għas-servizzi tagħha.

Soluzzjonijiet possibbli

L-għażliet ta’ politika disponibbli ġew identifikati abbażi tar-rapport tal-2021 tal-ESMA li jivvaluta s-CCPs sistemikament importanti tar-Renju Unit, id-diskussjonijiet mal-korpi tal-UE msemmija hawn fuq u fil-grupp ta’ ħidma dwar l-ikklerjar u konsultazzjoni pubblika mmirata. Il-miżuri kkunsidrati fil-valutazzjoni tal-impatt għandhom l-għan li jindirizzaw il-problemi kemm min-naħa tal-provvista kif ukoll min-naħa tad-domanda kif ukoll ir-riskji transfruntiera dejjem jiżdiedu tal-UE li jirriżultaw bħala konsegwenza tal-flussi tal-ikklerjar dejjem jikbru tal-UE.

Min-naħa tal-provvista, sabiex tittejjeb l-attraenza tas-CCPs li jinsabu fl-UE għall-parteċipanti fis-suq, diversi għażliet jitqiesu li jissimplifikaw il-proċeduri jew jintroduċu mekkaniżmu simplifikat li jippermetti lis-CCPs jagħmlu bidliet fil-mudelli u l-parametri tagħhom b’mod rapidu u faċli għan-negozju.

Min-naħa tad-domanda, sabiex jitħeġġeġ l-ikklerjar fis-CCPs tal-UE, qed jiġu kkunsidrati diversi għażliet: waħda li tiddiżinċentiva l-iskoperturi eċċessivi tal-banek għas-CCPs, waħda li tirrikjedi li l-parteċipanti fis-suq iżommu kont attiv fis-CCPs tal-UE, waħda li twessa’ l-ambitu tal-entitajiet tal-ikklirjar fl-UE, waħda li tiffaċilita l-aċċess għall-ikklerjar għall-klijenti u l-parteċipanti indiretti, u taħlita ta’ dawn l-għażliet.

Fl-aħħar nett, sabiex jissaħħaħ il-qafas għas-superviżjoni tas-CCPs tal-UE biex jitqiesu aħjar ir-riskji transfruntiera, u b’hekk tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja, qed jiġu kkunsidrati żewġ għażliet, waħda li tissimplifika l-qafas superviżorju u tintroduċi timijiet superviżorji konġunti taħt ir-responsabbiltà tas-superviżuri nazzjonali, u l-oħra li toħloq superviżur uniku għas-CCPs tal-UE.

Fl-ewwel stadju twarrbu diversi għażliet, b’mod partikolari l-għoti ta’ mandat għall-ikklerjar fl-UE jew ir-rekwiżit li l-obbligu tal-ikklerjar jiġi ssodisfat fis-CCPs tal-UE jew f’CCPs ta’ pajjiżi terzi inqas riskjużi. L-għażliet li ġejjin twarrbu wkoll fl-ewwel stadju: l-għoti ta’ aċċess lis-CCPs kollha tal-UE għall-faċilitajiet tal-bank ċentrali, l-estensjoni tas-siegħat tax-xogħol tat-Target 2 u t-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu tal-ikklerjar.

Impatti tal-għażla ppreferuta

L-analiżi ffukat fuq għażliet preferuti abbażi tal-kontribut tagħhom għall-objettivi speċifiċi ta’ din l-inizjattiva li huma li: (i) titjieb l-attraenza tas-CCPs tal-UE, (ii) jitħeġġeġ l-ikklerjar fis-CCPs tal-UE, u (iii) tingħata kunsiderazzjoni akbar tar-riskji transfruntiera, kif ukoll il-kosteffettività u l-koerenza tagħhom.

Min-naħa tal-provvista, intgħażlet taħlita ta’ proċeduri simplifikati u mekkaniżmu ta’ validazzjoni ex post bħala l-għażla ppreferuta. Dan jippermetti li tinkiseb l-akbar simplifikazzjoni tal-proċeduri attwali possibbli, filwaqt li tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja. Il-valutazzjoni tikkonkludi li din il-kombinazzjoni tkun l-aktar adattata biex jinkiseb l-ewwel objettiv speċifiku (titjib fl-attraenza tas-CCPs tal-UE). Fir-rigward tat-tieni objettiv speċifiku li jitħeġġeġ l-ikklerjar fl-UE, din l-għażla tista’ tikkontribwixxi b’mod indirett għaliha billi żżid l-attraenza tas-CCPs li jinsabu fl-UE għall-parteċipanti fis-suq. Fl-istess ħin, dan inaqqas il-kostijiet amministrattivi u ta’ opportunità għas-CCPs tal-UE aktar minn kwalunkwe għażla kkunsidrata b’mod iżolat.

Min-naħa tad-domanda, l-għażla ppreferuta tikkombina l-limitazzjoni tal-iskoperturi eċċessivi tal-banek għas-CCPs, tirrikjedi l-istabbiliment ta’ kont attiv, twessa’ l-ambitu tal-ikklirjar tal-parteċipanti fis-suq fl-UE u tiffaċilita l-ikklerjar mill-klijenti sabiex jitneħħew l-ostakli għall-ikklerjar mill-parteċipanti fis-suq li normalment jikklerjaw bħala klijenti. Dan se jgħin biex tiġi indirizzata d-dipendenza żejda fuq CCPs sistemikament importanti ta’ pajjiżi terzi. Din l-għażla tikseb l-objettiv speċifiku li jitjieb l-ikklerjar fl-UE aktar minn kull għażla kkunsidrata individwalment u ssib bilanċ tajjeb bejn il-kisba tal-objettiv u l-limitazzjoni tal-impatti negattivi fuq is-suq. Tistabbilixxi b’mod ċar rekwiżit għal żieda fil-volumi tal-ikklerjar fis-CCPs tal-UE, permezz tal-miżura tal-kont attiv. Fl-istess ħin, tistabbilixxi qafas kredibbli biex tiġi żgurata l-konformità mill-banek u mid-ditti tal-investiment — li huma l-aktar kontropartijiet finanzjarji importanti. Din l-għażla hija meqjusa bħala l-aktar xierqa u fattibbli, peress li hija mistennija li tevita impatti ta’ tfixkil fuq il-kompetittività tal-membri tal-ikklerjar tal-UE u tista’ tiġi adattata u kkalibrata biex tqis l-impatti tal-kostijiet għal klijenti iżgħar, filwaqt li tippermetti tnaqqis gradwali fl-iskoperturi għal CCPs sistemikament importanti, u b’hekk jitnaqqsu r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja tal-UE.

Fir-rigward tas-superviżjoni, abbażi tal-valutazzjoni u t-tqabbil tal-għażliet kollha, l-analiżi turi li l-emendi mmirati lejn il-qafas superviżorju attwali x’aktarx li jkunu l-aktar approċċ proporzjonat, għalkemm mhux neċessarjament l-aktar għażla effettiva għat-tisħiħ tal-kunsiderazzjoni tar-riskji transfruntiera. Din l-għażla tqis ukoll it-tħassib li superviżjoni aktar ċentralizzata tas-CCP fil-livell tal-UE ma tkunx konsistenti mar-responsabbiltà aħħarija ta’ appoġġ potenzjali lil CCP fi kriżi, li skont ir-Regolament dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tas-CCP tibqa’ tal-Istat Membru ta’ stabbiliment ta’ kull CCP.

F’termini ta’ kostijiet, filwaqt li l-istabbiltà finanzjarja hija ġid pubbliku u għalhekk mhijiex kwantifikabbli, l-għażliet miżmuma jistgħu jiġu kkalibrati biex jiġi żgurat li l-kostijiet għall-parteċipanti fis-suq, għas-CCPs, għall-ESMA u għall-awtoritajiet nazzjonali jkunu proporzjonati.