|
Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv
|
|
Valutazzjoni tal-impatt dwar ir-reviżjoni tar-regolament tal-UE dwar l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu ta’ armi tan-nar ċivili
|
|
A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni
|
|
Għaliex? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?
|
|
Ir-regoli eżistenti dwar l-armi tan-nar qed jiġu evitati, li jwassal għall-kuntrabandu tagħhom u d-diverżjoni tagħhom lejn l-UE. Dawn l-armi tan-nar illeċiti huma mezz biex jitwettqu reati kriminali inkluż it-terroriżmu. Fl-esportazzjoni hemm riskju ta’ devjazzjoni tal-armi tan-nar, li jixpruna t-traffikar globali tal-armi tan-nar illegali u jikkontribwixxi għal instabbiltà u kriminalità organizzata madwar id-dinja. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tar-Regolament enfasizzat li l-valur miżjud tar-Regolament kien limitat min-nuqqas ta’ armonizzazzjoni ġenwina tar-regoli u l-proċessi nazzjonali. L-operaturi ekonomiċi għadhom qed jiffaċċjaw piż amministrattiv waqt l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta’ armi tan-nar ċivili. Ir-raġunijiet għal dawn il-problemi huma:
·In-nuqqas ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar intelligence, sekwestri, tranżitu ta’ armi tan-nar, rifjuti ta’ għoti tal-awtorizzazzjonijiet ta’ esportazzjoni
·In-nuqqas ta’ kontroll u valutazzjoni tar-riskju għall-identifikazzjoni ta’ problemi u xejriet ta’ sigurtà, u biex jiġi aċċertat l-użu aħħari xieraq tal-armi tan-nar esportati
·Kooperazzjoni insuffiċjenti bejn l-awtoritajiet doganali u tal-liċenzjar fil-kontroll ta’ armi tan-nar konvertibbli jew diżattivati, fil-prevenzjoni tad-diverżjoni u fil-verifika tal-validità ta’ awtorizzazzjonijiet u fit-tnaqqis tal-piż amministrattiv fuq produtturi u negozjanti leġittimi
·Qafas legali mhux ċar, li jħalli lok għal interpretazzjonijiet u regoli nazzjonali diverġenti u konsegwentement joħloq inkonsistenzi, differenzi fl-interpretazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti (eż. koinċidenzi mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK dwar il-kontroll tal-esportazzjoni ta’ tagħmir militari).
·In-nuqqas ta’ armonizzazzjoni bejn ir-Regolament (UE) Nru 258/2012 u leġiżlazzjoni tal-UE u nazzjonali oħra dwar l-armi tan-nar
|
|
X’mistennija tikseb din l-inizjattiva?
|
|
Din l-inizjattiva mistennija tarmonizza r-regoli nazzjonali dwar l-awtorizzazzjonijiet ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni tal-armi tan-nar, tal-komponenti essenzjali tagħhom u l-munizzjon fi tranżazzjonijiet ċivili, sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv tal-operaturi ekonomiċi. Barra minn hekk, din l-inizjattiva mistennija li ssaħħaħ l-awtoritajiet kompetenti fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kuntrabandu u d-devjazzjoni tal-armi tan-nar. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tikseb tliet objettivi speċifiċi:
·Li ttejjeb il-ġbir sistematiku ta’ data dwar il-movimenti internazzjonali tal-armi tan-nar, kif ukoll id-data dwar is-sekwestru.
·Li jkunu possibbli kontrolli koordinati u valutazzjonijiet tar-riskju Dan jimplika l-ewwel nett li tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-armi tan-nar billi jittejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni u titjieb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u dawk ta’ liċenzjar
·Jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv fuq l-operaturi ekonomiċi u l-utenti tal-armi tan-nar billi jinħolqu proċessi u mekkaniżmi ta’ kontroll unifikati
|
|
X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE?
|
|
Bħala żona mingħajr fruntieri interni li fiha l-merkanzija u l-persuni jiċċirkolaw liberament, huwa importanti immens li jkun hemm regoli komuni dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ armi tan-nar, il-komponenti u l-munizzjon tagħhom. L-indirizzar tal-kwistjonijiet imsemmija jista’ jsir biss fil-livell tal-UE, billi d-diversità tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali taffettwa direttament l-effettività u l-interpretazzjoni uniformi tal-liġi interna tal-UE (id-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar). Id-diverġenzi regolatorji jistgħu joħolqu wkoll lakuni legali li l-kriminali jistgħu jagħmlu użu minnhom. Id-differenzi fil-proċeduri u l-kontrolli tal-awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni, importazzjoni u tranżitu fl-Istati Membri jmorru kontra l-kunċett innifsu ta’ kompetenza esklużiva tal-UE fil-kummerċ barrani.
|
|
B. Soluzzjonijiet
|
|
X’għażliet ta’ politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm għażla ppreferuta jew le? Għaliex?
|
|
Minbarra approċċ ta’ liġi mhux vinkolanti (opzjoni 1) iffokat fuq rakkomandazzjonijiet/linji gwida u tfakkira lill-awtoritajiet dwar il-leġiżlazzjoni diġà applikabbli, ġew ivvalutati żewġ opzjonijiet leġiżlattivi oħra, u l-opzjoni 3 hija dik preferuta:
·Opzjoni 1: approċċ ta’ liġi mhux vinkolanti
L-enfasi jkun fuq l-implimentazzjoni sħiħa tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2018 dwar passi immedjati biex tittejjeb is-sigurtà waqt l-esportazzjoni, l-importazzjoni u t-tranżitu ta’ armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-munizzjon.
Din l-opzjoni tiġi kkomplementata bl-inklużjoni ta’ gwida u rakkomandazzjonijiet aktar speċifiċi. Pereżempju l-elenkar tad-dettalji li l-awtoritajiet ta’ liċenzjar tal-armi tan-nar għandhom jintraċċaw u jirreġistraw waqt l-importazzjoni u l-esportazzjoni, l-aġġornament u t-titjib tas-sistema ta’ informazzjoni dwar il-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi (COARM), ir-rieżami tal-kriterji ta’ riskju komuni u tal-istandards, il-ġbir ta’ prattiki tajbin dwar il-proċeduri simplifikati eċċ.
·Opzjoni 2: kjarifikazzjoni tal-qafas legali eżistenti
Il-kjarifikazzjoni tneħħi l-ambigwitajiet fl-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli (eż. it-tip ta’ informazzjoni li trid tiġi rreġistrata, il-klassifikazzjoni ta’ ċerti armi u komponenti bħala armi tan-nar), bażi ġuridika speċifika li teżiġi l-użu tas-sistemi eżistenti mill-awtoritajiet kompetenti għall-iskambju ta’ informazzjoni, l-armonizzazzjoni tal-proċeduri simplifikati eżistenti, l-allinjament tal-iskadenzi, il-kjarifikazzjoni tar-rwoli tal-importaturi u l-esportaturi, u l-allinjament tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament mar-regoli intra-UE (l-istess kategoriji ta’ armi, l-istess operaturi ekonomiċi). Essenzjalment, fil-każ ta’ din l-opzjoni, il-biċċa l-kbira tal-miżuri msemmija fl-opzjoni 1 jiġu riflessi fit-test tar-Regolament.
·Opzjoni 3: dispożizzjonijiet leġiżlattivi ġodda
L-opzjoni 3 tkompli tibni fuq l-opzjoni 2 u tikkomplementaha, u żżid magħha dispożizzjonijiet leġiżlattivi ġodda. Tiżgura t-traċċabilità sħiħa tal-armi tan-nar importati u esportati, bħall-immarkar obbligatorju tal-importazzjoni, il-limitazzjoni tal-importazzjonijiet ta’ komponenti nofshom lesti għan-negozjanti, l-arkivjar kompjuterizzat tad-data, ċertifikati tal-utent aħħari għall-esportazzjoni ta’ armi tan-nar li huma pprojbiti jew soġġetti għal awtorizzazzjoni (il-kategoriji A u B), verifiki ta’ wara t-trasportazzjoni. Tkun tirrikjedi l-kondiviżjoni tal-istatistika mill-awtoritajiet nazzjonali u titjib tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-liċenzjar u dawk doganali. Tistabbilixxi wkoll simplifikazzjonijiet ġodda (importazzjonijiet temporanji, awtorizzazzjoni ġenerali ta’ esportazzjoni, proċeduri elettroniċi), u tneħħi l-koinċidenzi li hemm fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar l-esportazzjonijiet ta’ tagħmir militari (Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK) billi tapplika esklużivament għat-tranżazzjonijiet kollha ta’ natura ċivili.
·Opzjoni 3bis: dispożizzjonijiet leġiżlattivi ġodda mingħajr bidla fl-interazzjoni mal-Pożizzjoni Komuni
L-opzjoni 3bis tkun sostanzjalment simili għall-opzjoni 3, b’eċċezzjoni waħda: minflok ma ssegwi l-loġika tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar għad-distinzjoni bejn tranżazzjonijiet militari u ċivili, ir-Regolament iżomm ir-referenza għal “armi tan-nar iddisinjati speċifikament għall-użu militari”.
L-opzjoni 3 jkollha l-akbar valur miżjud tal-UE. L-allinjament sħiħ tal-kamp ta’ applikazzjoni ma’ dak tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar (kodifikata fl-2021) ikun ifisser li r-regolament jirregola t-tranżazzjonijiet ċivili kollha tal-armi tan-nar, inkluż il-kummerċ ċivili ta’ armi tan-nar awtomatiċi, armi tan-nar semiawtomatiċi b’magazzini li jesgħu ħafna jew armi tan-nar twal semiawtomatiċi b’ċipp li jintewa jew li jingħalaq. Bħal fid-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar, it-tranżazzjonijiet bejn il-gvernijiet, jew il-bejgħ lill-militar jew lill-forzi armati, jibqgħu esklużi mir-regolament, li jfisser li l-objettivi tas-sigurtà u tas-simplifikazzjoni jkunu jistgħu jinkisbu biss għall-armi tan-nar ċivili. Is-simplifikazzjonijiet il-ġodda introdotti jwieġbu għat-talbiet tal-partijiet ikkonċernati (bejjiegħa bl-imnut tal-armi, manifatturi, kaċċaturi u tiraturi sportivi) biex itaffu l-piż amministrattiv tagħhom u jipprovdu approċċ uniformi tal-UE.
|
|
Liema għażla u min jappoġġaha?
|
|
Waqt il-konsultazzjoni pubblika, ir-rispondenti saħqu b’mod ċar fuq il-ħtieġa li l-UE tieħu azzjoni. Madwar 70 % tar-rispondenti (75 % tar-rappreżentanti tan-negozju) qiesu li hu importanti jew importanti ħafna li jkun hemm regoli komuni tal-UE dwar l-importazzjoni ta’ armi tan-nar ċivili min barra l-UE u dwar l-esportazzjonijiet ta’ armi tan-nar ċivili lil pajjiżi li mhumiex fl-UE. Kien hemm 62 % li qiesu li hemm bżonn ta’ intervent tal-UE dwar regoli attwali dwar l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu ta’ armi tan-nar ċivili u 59,5 % qiesu li hemm bżonn ta’ għodod ġodda biex jittejbu r-regoli attwali dwar l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu ta’ armi tan-nar ċivili. L-awtoritajiet nazzjonali nfushom esprimew appoġġ saħansitra ogħla. Waqt il-konsultazzjoni kunfidenzjali mal-awtoritajiet kompetenti u dawk tal-infurzar tal-liġi, 76,66 % tar-rispondenti qiesu li hu importanti jew importanti ħafna li jkun hemm regoli komuni tal-UE dwar l-importazzjoni ta’ armi tan-nar ċivili min barra l-UE u 83,3 % qiesu li dan japplika fir-rigward tal-esportazzjonijiet ta’ armi tan-nar ċivili lil pajjiżi li mhumiex fl-UE. Mill-analiżi tal-kontribuzzjonijiet bil-miktub fil-konsultazzjoni pubblika joħroġ li hemm maġġoranza li qed titlob regoli uniformi tal-UE u mhux żieda ta’ proċeduri nazzjonali.
|
|
C. Impatti tal-għażla ppreferuta
|
|
X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?
|
|
L-għażla ppreferuta (l-għażla 3) mistennija li tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-titjib tal-kapaċità tal-Istati Membri li jipprevjenu l-kuntrabandu u d-devjazzjoni tal-armi tan-nar waqt l-importazzjoni u l-esportazzjoni. Il-mekkaniżmu fil-livell tal-UE biex jiġi żgurat li mudell partikolari ta’ armi tal-allarm u tas-sinjal jiġi kklassifikat taħt l-istess pożizzjoni tan-nomenklatura magħquda doganali fl-UE kollha jipprovdi salvagwardji addizzjonali ta’ sigurtà, billi jiġi evitat li l-mudelli konvertibbli xorta waħda ma jiġux iddikjarati bħala armi tan-nar f’ċerti Stati Membri. L-istabbiliment ta’ lista ta’ armi tan-nar tal-allarm u tas-sinjal mhux konvertibbli f’konformità mad-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2019/69 jiżgura r-rikonoxximent awtomatiku għal tali armi importati fl-UE kollha. Dan iżid is-sigurtà tal-importazzjonijiet bil-garanzija li l-armi f’din il-lista biss ma jkunux armi tan-nar.
L-aktar azzjoni effettiva biex jiġu evitati d-devjazzjoni u l-manifattura illeċita ta’ armi tan-nar mhux immarkati hija l-prevenzjoni ta’ individwi privati milli jimportaw armi tan-nar nofshom lesti. It-traċċabilità tal-armi tan-nar (u għalhekk is-sigurtà tal-kummerċ) tittejjeb ħafna bil-kompjuterizzazzjoni sħiħa tas-sistemi ta’ arkivjar tad-data għall-awtorizzazzjonijiet (u tammonta għal benefiċċju annwali ta’ EUR 1,5 miljun għan-negozjanti tal-armi).
Il-ħolqien ta’ awtorizzazzjoni ta’ importazzjoni uniformi tal-UE, il-ħatra ta’ awtoritajiet għall-verifika tal-konformità u l-istabbiliment ta’ skadenza ta’ 60 jum biex jingħataw awtorizzazzjonijiet ta’ importazzjoni jirriżulta wkoll f’kundizzjonijiet ekwi għall-importaturi kollha. Barra minn hekk, jekk il-kunsens impliċitu ta’ pajjiżi terzi għat-tranżitu tal-armi tan-nar dejjem jingħata wara 20 jum, dan inaqqas l-ispejjeż għan-negozjanti tal-armi tan-nar b’aktar minn EUR 56 000 fis-sena.
|
|
X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?
|
|
Bl-għażla ppreferuta se jkun hemm spejjeż addizzjonali għall-amministrazzjoni pubblika, billi l-proposta se tinvolvi kontrolli addizzjonali mill-awtoritajiet ta’ liċenzjar u d-dwana (ara hawn taħt — it-taqsima dwar l-impatt għall-baġits nazzjonali). Madankollu, l-impatt attwali se jkun limitat peress li l-armi tan-nar ċivili huma parti negliġibbli tal-kummerċ ġenerali. L-interoperabbiltà bejn is-sistemi tal-IT se tissimplifika wkoll il-kontrolli doganali.
Billi l-esportaturi se jkollhom jipprovdu evidenza ta’ importazzjoni finali fil-pajjiż tad-destinazzjoni, dan jista’ jinvolvi spejjeż totali annwali ta’ madwar EUR 180 000 għan-negozjanti tal-armi fl-UE. Barra minn hekk, it-talba ta’ ċertifikat tal-utent aħħari għall-armi tan-nar esportati tal-kategorija A u B se tinvolvi spiża totali annwali ta’ madwar EUR 720 000 għan-negozjanti tal-armi fl-UE (li trid tinqasam fost l-20 000 negozjant tal-armi li huma attivi fl-UE).
|
|
Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?
|
|
Id-diversi għażliet huma partikolarment rilevanti għall-operaturi żgħar, li jikkostitwixxu 90 % tal-għadd totali tal-operaturi ekonomiċi involuti. Madankollu, 82 % tal-fatturat totali tal-manifattura tal-armi tan-nar isir minn kumpaniji kbar (u 80 % tad-ditti kollha jinsabu f’sitt Stati Membri biss), u b’hekk l-SMEs jintlaqtu b’mod marġinali biss mill-miżuri.
L-għażliet 1 u 2 ma għandhomx impatt speċifiku fuq l-SMEs, peress li la jbiddlu b’mod sostanzjali l-qafas regolatorju attwali u lanqas ma joħolqu obbligi ġodda. Dawn huma jew rakkomandazzjonijiet jew kjarifiki tal-qafas legali.
Għall-SMEs, bħall-bqija tan-negozjanti tal-armi, jiġġarrbu spejjeż (limitati) bl-għażla 3 biss. Dan jikkonċerna b’mod partikolari l-għoti sistematiku ta’ prova ta’ importazzjoni fil-pajjiż terz ta’ destinazzjoni. Dan ma jżidx piż speċifiku fuq l-esportaturi, billi din l-informazzjoni diġà tkun disponibbli, u ġeneralment iżommuha fir-rekords tagħhom f’każ ta’ kontrolli futuri.
Waqt il-konsultazzjoni pubblika r-rappreżentanti tan-negozju staqsew dwar il-proposta li jintalab ċertifikat tal-utent aħħari għall-armi esportati tal-kategorija A u B fl-għażla 3, iżda ma setgħux jikkwantifikaw l-impatt ta’ tali miżura. It-tħassib ewlieni jinsab fl-impossibbiltà li jiġi ddeterminat l-utent finali attwali fil-pajjiż tad-destinazzjoni. Dan it-tħassib huwa mtaffi mill-fatt li skont l-għażla 3, ir-Regolament jipprevedi li l-importatur attwali biss tal-armi tan-nar ċivili (jiġifieri n-negozjant tal-armi) fil-pajjiż terz jitqies bħala l-utent aħħari. L-oneru ewlieni jkun li jinkiseb impenn awtentikat mingħand l-importatur biex ma jirriesportax l-armi tan-nar u li ma jbigħhomx lil utenti mhux ċivili.
|
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?
|
|
Il-kjarifikazzjoni tal-qafas legali u d-dispożizzjonijiet li jiċċaraw ir-rwoli rispettivi tal-awtoritajiet doganali u tal-liċenzjar timplika b’mod ġenerali involviment akbar tad-dwana biex tiġi żgurata s-sorveljanza tal-ispedizzjonijiet tal-armi tan-nar. Id-dwana se tintalab tinforza l-leġiżlazzjoni settorjali dwar l-armi tan-nar, billi tiżgura b’mod partikolari li l-armi tal-allarm u tas-sinjal importati jiġu kklassifikati u akkumpanjati b’mod adegwat bid-dokumentazzjoni meħtieġa, jew li l-komponenti nofshom lesti jkunu jistgħu jiġu importati min-negozjanti tal-armi biss. Fid-dawl tal-ammont żgħir ta’ importazzjonijiet u esportazzjonijiet tal-armi tan-nar (0,027 % tal-importazzjonijiet kollha tal-UE u 0,069 % tal-esportazzjonijiet kollha tal-UE), u tal-fatt li d-dwana ma twettaqx kontrolli sistematiċi, imma verifiki fiżiċi skont il-profili tar-riskju biss jew verifiki ta’ dokumenti ex post biss, l-impatt hu meqjus limitat.
B’mod simili, l-użu obbligatorju ta’ pjattaforma speċifika għall-iskambju tal-informazzjoni dwar ir-rifjuti li jingħataw awtorizzazzjonijiet ikollu impatt limitat, fid-dawl tal-għadd żgħir ta’ ċaħdiet maħruġa fis-sena (madwar 30 rifjut fis-sena).
Il-ħolqien ta’ sistemi kompjuterizzati ta’ arkivjar tad-data għall-awtorizzazzjonijiet ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni x’aktarx li jirrikjedi investimenti ta’ darba fl-IT fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Għalkemm l-ebda Stat Membru ma deher lest li jipprovdi stima, l-Istati Membri kkonsultati fil-konsultazzjoni mmirata kollha qiesu li dan ikun eżerċizzju prattikabbli. L-ispiża tkun fil-biċċa l-kbira kkumpensata mill-vantaġġ li tkun possibbli konnessjoni diretta mas-sistemi nazzjonali ta’ filing ta’ data dwar is-sidien legali tal-armi tan-nar u mar-reġistri tan-negozjanti tal-armi tan-nar.
|
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?
|
|
Billi jindirizzaw it-theddida tat-traffikar tal-armi tan-nar, l-għażliet kollha previsti se jkollhom impatt pożittiv fuq is-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE.
L-għażliet previsti jirrispettaw għalkollox l-objettivi tal-Artikolu 45 tal-Karta fir-rigward tad-dritt tal-moviment taċ-ċittadini tal-UE, peress li ċ-ċittadini tal-UE jibqgħu jistgħu jitilqu temporanjament mill-UE (u jerġgħu lura) bl-arma tan-nar personali tagħhom jekk ikunu qed jivvjaġġaw għal skopijiet ta’ sport jew kaċċa. Is-simplifikazzjonijiet addizzjonali għall-kollezzjonisti jew għall-mużewijiet għandhom jiffaċilitaw ukoll id-dritt ta’ moviment tagħhom.
|
|
D. Segwitu
|
|
Meta se tiġi rieżaminata l-politika?
|
|
L-evalwazzjoni tal-impatt tal-att leġiżlattiv għandha tkun implimentata, fil-prinċipju mhux qabel ħames snin wara l-iskadenza tal-implimentazzjoni tal-att leġiżlattiv biex ikun żgurat li jkun hemm perjodu twil biżżejjed biex ikunu evalwati l-effetti tal-inizjattiva wara li tkun ġiet implimentata bis-sħiħ fl-Istati Membri kollha. Qabel evalwazzjoni bħal din isiru rapporti ta’ implimentazzjoni kif ukoll programm ta’ monitoraġġ.
|