|
Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv (Massimu ta’ 2 paġni)
|
|
Valutazzjoni tal-impatt tal-Liġi dwar ir-Restawr tan-Natura
|
|
A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni
|
|
X’inhi l-problema u għaliex hija problema fil-livell tal-UE?
|
|
Il-problema ġenerali hija li t-telfien tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tal-ekosistemi għadhom għaddejjin b’rata allarmanti. Kif deskritt fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, din hija waħda mill-akbar theddidiet li se tiffaċċja l-UE fid-deċennji li ġejjin minħabba li s-soċjetà u l-ekonomija tagħna jiddependu ħafna fuq il-benefiċċji li jagħtu l-ekosistemi f’saħħithom. L-iżviluppi ġeopolitiċi fl-Ewropa enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu salvagwardjati s-sigurtà u r-reżiljenza tas-sistemi tal-ikel, u barra minn hekk, it-tibdil fil-klima u t-telfien tal-bijodiversità joħolqu theddidiet sinifikanti fit-tul għall-produttività agrikola. Ir-restawr tan-natura jaġixxi bħala polza tal-assigurazzjoni biex jiġu żgurati s-sostenibbiltà u r-reżiljenza fit-tul tal-UE f’firxa ta’ setturi ekonomiċi. Madankollu, sal-lum, ir-restawr tal-ekosistemi fl-UE ma kienx biżżejjed biex jindirizza dawn l-isfidi, u l-ekosistemi qed ikomplu jiddegradaw. Għalkemm hemm xi politiki speċifiċi li jikkontribwixxu għar-restawr tal-ekosistemi, hemm ħafna nuqqasijiet: in-nuqqas ta’ miri speċifiċi fil-leġiżlazzjoni eżistenti bħad-Direttiva dwar il-Ħabitats, il-fatt li bosta ekosistemi (bħall-foresti u l-agroekosistemi) mhumiex koperti b’mod komprensiv mil-leġiżlazzjoni, u l-ineffettività tal-miri volontarji li ġew stabbiliti qabel. B’mod ġenerali, it-tentattivi sal-lum ma rriżultawx f’biżżejjed restawr fl-iskala u fil-livell tal-isforz meħtieġ.
|
|
X’għandu jinkiseb?
|
|
L-objettiv speċifiku huwa li jiġu restawrati l-ekosistemi degradati fl-UE (eż. l-artijiet mistagħdra, il-foresti, l-agroekosistemi u l-ekosistemi tal-baħar, ix-xmajjar u l-lagi, u l-ħabitats alluvjali) u b’mod partikolari dawk li għandhom l-aktar potenzjal li jaqbdu u jaħżnu l-karbonju, u jipprevjenu u jnaqqsu l-impatt tad-diżastri naturali. Dan għandu jgħin biex jiġi żgurat li, sal-2030, il-bijodiversità tal-UE tkun fit-triq tal-irkupru u li, sal-2050, jiġu stabbiliti miżuri ta’ restawr għall-ekosistemi kollha tal-UE li jeħtieġu restawr. Ir-responsabbiltajiet biex jintlaħaq l-objettiv se jkunu fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri. L-objettivi operattivi huma: (a) li jiġu stabbiliti miri legalment vinkolanti biex jiġu restawrati l-ekosistemi u jinżammu f’kundizzjoni tajba, u li jikkomplementaw l-istrumenti legali eżistenti; u (b) li jiġi stabbilit qafas ta’ implimentazzjoni effettiv fejn l-Istati Membri jiżviluppaw Pjanijiet Nazzjonali ta’ Restawr dwar kif se jintlaħqu l-miri, li jiddeskrivu l-valutazzjonijiet tal-kundizzjoni, l-ippjanar tar-restawr, ir-rapportar u l-finanzjament. Il-Kummissjoni se tirrieżamina l-pjanijiet u se tivvaluta l-progress perjodikament.
|
|
X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)?
|
|
Hemm valur miżjud fil-livell tal-UE minħabba n-natura transkonfinali tad-degradazzjoni tal-ekosistemi. Abbażi tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, hija meħtieġa azzjoni koordinata u koerenti biex jinkisbu livelli sinifikanti ta’ restawr, u biex l-UE tingħata l-kredibbiltà meħtieġa biex tkun minn ta’ quddiem fix-xena globali.
|
|
B. Soluzzjonijiet
|
|
X’inhuma l-għażliet differenti biex jintlaħqu l-objettivi? Hemm għażla ppreferuta jew le? Jekk le, għaliex?
|
|
Għażla 1: ix-xenarju bażi jassumi l-implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 u l-politiki rilevanti tal-UE u dawk nazzjonali, mingħajr ma jintroduċi miri ta’ restawr legalment vinkolanti. Għażla 2: mira ġenerali legalment vinkolanti għar-restawr tal-ekosistemi fl-UE sal-2050. Għażla 3: għadd ta’ miri u obbligi legalment vinkolanti speċifiċi għall-ekosistemi biex tiġi restawrata firxa wiesgħa ta’ ekosistemi sal-2030, sal-2040 u sal-2050 (eż. l-artijiet mistagħdra, il-foresti, l-agroekosistemi u l-ekosistemi tal-baħar, ix-xmajjar u l-lagi, u l-ħabitats alluvjali). Miri addizzjonali għal dawk l-ekosistemi li għalihom għad m’hemmx biżżejjed informazzjoni disponibbli, jistgħu jiġu introdotti fi stadji aktar tard abbażi ta’ metodoloġija mifruxa mal-UE kollha. Għażla 4: għażla ibrida tal-għażliet 2 u 3: objettiv ġenerali li jixpruna l-progress ġenerali appoġġat minn miri legalment vinkolanti speċifiċi għall-ekosistemi. Din hija l-għażla ppreferuta.
|
|
X’inhuma l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati differenti? Liema għażla u min jappoġġaha?
|
|
Il-partijiet ikkonċernati jappoġġaw il-fehma li jeħtieġ li jsir ħafna aktar għar-restawr u f’termini legali. Din hija appoġġata minn bosta fehmiet għal għan ġenerali kif ukoll minn miri speċifiċi għall-ekosistemi. Xi partijiet ikkonċernati, inklużi dawk li qed jaħdmu b’riżorsi naturali/ħabitats fuq bażi ta’ kuljum (speċjalment il-forestiera u xi utenti tal-art) jiddubitaw il-valur miżjud ta’ leġiżlazzjoni addizzjonali.
|
|
C. Impatti tal-għażla ppreferuta
|
|
X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?
|
|
L-għażla ppreferuta 4 se tipprovdi firxa ta’ benefiċċji. L-ewwel nett, se ġġib titjib sinifikanti fl-istat tal-bijodiversità u fis-saħħa tal-ekosistemi fl-UE. L-approċċ f’fażijiet iġib miegħu gwadanji pożittivi malajr u hija żgurata wkoll kopertura wiesgħa fit-tul. It-titjib fis-saħħa tal-ekosistemi se jirriżulta wkoll f’żidiet sinifikanti fil-kapaċità tagħhom li jagħtu diversi benefiċċji bħal pereżempju l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-impatti tad-diżastri, titjib fil-kwalità tal-ilma, arja aktar nadifa, ħamrija aktar f’saħħitha u benesseri ġenerali. Il-valutazzjoni turi li l-benefiċċji huma ferm akbar mill-kostijiet. Huwa stmat li l-benefiċċji tar-restawr ta’ firxa wiesgħa ta’ torbieri, imraġ, foresti, artijiet moxa u xagħrija, artijiet bil-ħaxix, xmajjar, lagi u ħabitats alluvjali, u artijiet mistagħdra kostali tal-UE huma ta’ EUR 1 860 biljun (bil-kostijiet stmati li jammontaw għal EUR 154 biljun). Huma stmati wkoll benefiċċji sinifikanti għal tipi oħra ta’ ekosistemi, bħal pereżempju dawk tal-baħar u urbani, u r-restawr tal-popolazzjonijiet tal-pollinaturi.
|
|
X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?
|
|
Il-kostijiet ewlenin se jirriżultaw mir-restawr tal-ekosistemi u ż-żamma tagħhom. Jista’ jkun li jinqalgħu xi kostijiet minħabba introjtu mitluf, bħal pereżempju għall-bdiewa, għas-sidien tal-foresti jew għas-sajjieda, waqt it-tranżizzjoni lejn prattiki aktar sostenibbli; dawn il-kostijiet jistgħu jkunu parzjalment jew totalment koperti bil-finanzjament mill-UE u minn sorsi oħra. L-għażla ppreferuta tinvolvi wkoll kostijiet amministrattivi biex jiġu żviluppati sistemi komuni ta’ monitoraġġ, biex jiġu żviluppati u implimentati pjanijiet nazzjonali ta’ restawr u biex jiġi vverifikat il-progress. Il-kostijiet iseħħu kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll fil-livell tal-UE.
|
|
X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?
|
|
L-għażla ppreferuta se tiġġenera, speċjalment fit-tul, impatti pożittivi fuq in-negozji li jiddependu direttament fuq ekosistemi f’saħħithom (inqas għargħar, nixfiet, kwalità u kwantità aħjar tal-ilma, SMEs involuti fl-attivitajiet ta’ restawr), kif ukoll fuq in-negozju tat-turiżmu. Huma mistennija xi kostijiet għall-bdiewa, għall-forestiera u għas-sajjieda biex ibiddlu l-ġestjoni tal-art, mis-sajd imnaqqas, jew mill-adattament tagħha għal prattiki ġodda.
|
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?
|
|
Se jkun hemm kostijiet għat-twettiq ta’ sforzi attivi ta’ restawr, kif ukoll għax-xiri tal-art, biex jiġu kkumpensati s-sidien tal-art, l-utenti tal-art jew is-sajjieda għall-kostijiet addizzjonali u l-introjtu mitluf, kif ukoll kostijiet amministrattivi għall-Istati Membri fl-iżvilupp u l-eżekuzzjoni ta’ pjanijiet nazzjonali ta’ restawr. Parti sinifikanti mill-10 % tal-QFP previst għall-bijodiversità sal-2026 tista’ tintuża biex jiġu appoġġati l-Istati Membri.
|
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?
|
|
L-UE tkun tista’ tmexxi bl-eżempju fin-negozjati internazzjonali dwar il-bijodiversità, bħal pereżempju skont il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika. Se jirriżultaw benefiċċji ta’ simplifikazzjoni mill-iżvilupp ta’ metodoloġiji komuni ta’ monitoraġġ u mill-użu mill-ġdid potenzjali ta’ data f’kuntesti oħra tal-UE għall-monitoraġġ tal-ekosistemi. Il-Liġi dwar ir-Restawr tan-Natura se tkun ukoll kontribut ewlieni għall-kisba tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, inklużi l-objettivi tal-Liġi dwar il-Klima, l-objettivi klimatiċi tal-2030 u l-Istrateġija ta’ Adattament tal-UE.
|
|
Proporzjonalità?
|
|
Liġi b’objettiv ġenerali ta’ restawr flimkien ma’ għadd ta’ miri speċifiċi li jkopru firxa wiesgħa ta’ ekosistemi hija proporzjonata mal-iskala u l-firxa ta’ objettivi li jridu jintlaħqu.
|
|
D. Segwitu
|
|
Meta se tiġi rieżaminata l-politika?
|
|
Huwa stmat li l-att legali jidħol fis-seħħ fl-2023 u jiġi rieżaminat sal-2035. L‑emendi jistgħu jinkludu miri addizzjonali kull meta jkunu disponibbli biżżejjed data u għarfien. Abbażi tad-data u l-informazzjoni magħmula disponibbli mill-Istati Membri fuq bażi regolari, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-progress lejn il-kisba tal-objettivi.
|