Brussell, 2.5.2022

SWD(2022) 136 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-Unjoni Ewropea għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, u l-iskemi tal-kwalità għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2017/1001 u (UE) 2019/787 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012




{COM(2022) 134 final} - {SEC(2022) 197 final} - {SWD(2022) 135 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt dwar ir-reviżjoni tas-sistema tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (IĠ) tal-UE fi prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, inbejjed u xorb spirituż

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

X’inhi l-problema u għaliex hi problema fil-livell tal-UE?

Fl-ittra ta’ Missjoni tagħha, il-President tal-Kummissjoni Von der Leyen tat mandat lill-Kummissarju Wojciechowski biex “iħares lejn modi kif tissaħħaħ is-sistema tal-IĠ. Din hija parti ewlenija miż-żamma ta’ kwalità u standards għoljin tal-ikel u l-iżgurar li l-wirt kulturali, gastronomiku u lokali tagħna jiġi priservat u ċċertifikat bħala awtentiku madwar id-dinja”. L-inizjattiva għandha l-għan li ssaħħaħ is-sistema attwali tal-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) bħala drittijiet tal-proprjetà intellettwali f’konformità mal- Pjan ta’ Azzjoni tal-PI  u tipproteġi b’mod effettiv l-ismijiet tal-ikel tradizzjonali. Din tikkontribwixxi għall-objettivi li l-Politika Agrikola Komuni tfittex li tilħaq, b’mod partikolari biex ittejjeb ir-rispons tal-agrikoltura tal-UE għad-domandi soċjetali għall-ikel u s-saħħa u b’hekk tindirizza l- Patt Ekoloġiku Ewropew u l- Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt . Fl-2020 twettaq studju ta’ appoġġ għall-evalwazzjoni dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti. F’Diċembru 2021 ġie ppubblikat Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal dwar l-evalwazzjoni. Ġew identifikati sitt problemi kif ġej:

Għall-produtturi:

(1) Sfidi u diskrepanzi fl-infurzar tal-IĠ: dgħufijiet fil-kontrolli (speċjalment fl-istadji downstream tal-katina tal-valur) u diffikultajiet biex jiġu infurzati d-drittijiet tal-produtturi barra mill-Istat Membru tal-produzzjoni u fuq l-internet;

(2) Żbilanċi fil-katina tal-provvista tal-ikel: gruppi ta’ produtturi tal-IĠ li ma għandhomx pożizzjoni b’saħħitha fil-katina tal-provvista tal-ikel biex jibqgħu jiżguraw redditu ġust għall-prodott tagħhom;

Għall-konsumaturi:

(3) Kontribuzzjoni ta’ sostenibbiltà riflessa b’mod insuffiċjenti fl-iskemi tal-IĠ;

(4) Nuqqas ta’ għarfien u fehim tal-logos tal-IĠ mill-konsumaturi, li jirriżulta f’effettività limitata tal-iskemi biex jipprovdu informazzjoni ċara lill-konsumaturi;

Għall-qafas regolatorju:

(5) Regoli u proċeduri kumplessi tal-IĠ: regoli dwar l-iskemi tal-IĠ “mifruxa” fuq 4 atti bażiċi b’terminoloġija legali kemxejn diverġenti, li jżidu mal-kumplessità tas-sistema;

(6) L-iskema għall-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti (STG) ma rnexxietx, b’għadd żgħir ta’ ismijiet irreġistrati fit-28 sena ta’ eżistenza tagħha.

 

L-infurzar, il-ġestjoni tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ isem, il-funzjonament tal-gruppi ta’ produtturi tal-IĠ, u l-informazzjoni dwar l-iskemi IĠ u STG huma mxekkla minħabba r-regoli u l-proċeduri stabbiliti f’erba’ Regolamenti tal-UE speċifiċi għas-settur, li għal raġunijiet storiċi jew speċifiċitajiet tal-prodott ivarjaw. Is-sejħa għal sistemi tal-ikel aktar sostenibbli (ara l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt) qed tiggwida l-integrazzjoni tal-kriterji ta’ sostenibbiltà fl-iskemi tal-IĠ. In-nuqqas ta’ definizzjoni ċara ta’ gruppi ta’ produtturi tal-IĠ, flimkien ma’ sfida biex il-produtturi jinġiebu flimkien f’organizzazzjoni attiva, ixekkel il-ġestjoni effettiva tal-assi tal-IĠ tagħhom. In-nuqqas ta’ informazzjoni u pubbliċità ġie identifikat bħala l-kawża ewlenija għal-livell baxx ta’ rikonoxximent u fehim tal-iskemi.

Il-proċess ta’ reġistrazzjoni tal-STG huwa meqjus bħala kumpless u esiġenti.

Biex il-kwistjonijiet ta’ hawn fuq jiġu indirizzati b’mod adegwat, huma meħtieġa modifiki legali. Mingħajr ebda intervent fil-livell tal-UE, il-kwistjonijiet identifikati hawn fuq se jippersistu u xi wħud saħansitra jiddeterjoraw. L-iskemi tal-IĠ jimplimentaw l-obbligi tal-Unjoni skont il-ftehim TRIPS tad-WTO (Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ) biex jipprovdu l-mezzi legali għall-protezzjoni tal-IĠ tal-membri kollha tad-WTO fl-UE. L-Unjoni għandha wkoll ir-responsabbiltà li tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. L-IĠ iżidu l-valur tal-prodotti, u b’hekk iżidu d-dħul fis-settur agroalimentari. Il-partijiet ikkonċernati l-aktar affettwati huma l-produtturi tal-IĠ u l-gruppi ta’ produtturi, il-konsumaturi kif ukoll l-awtoritajiet fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni.

X’hemm bżonn li jinkiseb?

L-inizjattiva għandha l-għan li tiżgura l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għall-IĠ fl-UE u li żżid l-adozzjoni tal-IĠ u l-STG madwar l-UE. Dan ġie formulat f’sitt objettivi speċifiċi:

-Titjib fl-infurzar tar-regoli tal-IĠ biex id-DPI jiġu protetti aħjar u l-IĠ jiġu protetti aħjar fuq l-internet

-Kontribut biex is-sistema tal-ikel tal-Unjoni ssir aktar sostenibbli billi tindirizza kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà

-L-għoti tas-setgħa lill-produtturi u lill-gruppi tal-produtturi biex jimmaniġġjaw aħjar l-assi tal-IĠ tagħhom

-Żieda fil-perċezzjoni korretta tas-suq u fl-għarfien tal-konsumaturi dwar l-iskemi tal-IĠ

-Ir-razzjonalizzazzjoni u l-kjarifika tal-qafas legali għas-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-proċeduri

-Valorizzazzjoni u preservazzjoni aħjar tal-prodotti u l-metodi ta’ produzzjoni tradizzjonali

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)? 

L-iskemi tal-IĠ jistipulaw il-protezzjoni jew ir-riżerva ta’ ismijiet u termini li jżidu l-valur fit-territorju kollu tal-Unjoni. Jekk jiġu protetti mill-Istati Membri individwalment, it-termini u l-ismijiet igawdu minn livelli differenti ta’ protezzjoni f’kull Stat Membru jew jistgħu saħansitra ma jgawdu l-ebda protezzjoni, li tista’ tqarraq bil-konsumaturi, ixxekkel il-kummerċ fl-Unjoni, u twassal għal kompetizzjoni mhux ugwali fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti identifikati permezz ta’ ismijiet u termini li jżidu l-valur. Il-protezzjoni tad-DPI madwar l-Unjoni tista’ ssir biss b’mod effettiv u effiċjenti fil-livell tal-Unjoni.

B. Soluzzjonijiet

X’inhuma l-għażliet differenti biex jinkisbu l-objettivi? Hemm għażla ppreferuta jew le? Jekk le, għaliex?

L-ewwel għażla - Titjib u appoġġ għandha l-għan li ttejjeb l-istrumenti diġà fis-seħħ u li tipprovdi aktar appoġġ lill-produtturi, lill-awtoritajiet tal-Istati Membri u lil partijiet ikkonċernati oħra b’attenzjoni ffukata fuq il-gwida.

It-tieni għażla - Definizzjoni aħjar u t-tisħiħ se ssaħħaħ il-protezzjoni tal-IĠ u ttejjeb il-kundizzjonijiet ekwi fost l-operaturi permezz ta’ proċeduri ta’ kontroll allinjati; tiddefinixxi aħjar ir-rwoli ta’ gruppi ta’ produtturi tal-IĠ; tiċċara t-terminoloġija legali; tagħmel l-użu tal-logo tal-Unjoni flessibbli filwaqt li żżomm kollox kif inhu għall-prodotti agrikoli; tintroduċi kriterji ta’ sostenibbiltà fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fuq bażi volontarja; tipprovdi sett wieħed ta’ regoli proċedurali għas-setturi differenti u testernalizza parti mill-iskrutinju tal-applikazzjoni lil aġenzija. Taħt din l-għażla, l-iskema tal-STG tinżamm b’regoli kjarifikati dwar il-kamp ta’ applikazzjoni u l-protezzjoni.

It-tielet għażla - L-armonizzazzjoni u t-titjib se jiżguraw armonizzazzjoni sħiħa permezz tal-ħolqien ta’ Regolament uniku b’regoli unifikati ta’ infurzar u kontroll kif ukoll dispożizzjonijiet simplifikati dwar regoli ta’ protezzjoni u proċedurali. Il-logo preskritt tal-Unjoni jsir obbligatorju fis-setturi kollha. Il-produtturi jinkludu kriterji ta’ sostenibbiltà fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott filwaqt li jiġu pprovduti linji gwida speċifiċi biex il-gruppi ta’ produtturi tal-IĠ jingħataw aktar setgħa. Ir-reġistrazzjoni tal-IĠ hija f’idejn aġenzija mingħajr l-involviment tal-Kummissjoni. L-STG jistgħu jiġu protetti permezz ta’ strumenti eżistenti tal-UE (eż. trademarks).

Barra minn hekk, se jiġu implimentati azzjonijiet trasversali irrispettivament mill-għażla magħżula. Dawn se jkopru azzjonijiet ta’ komunikazzjoni u informazzjoni, linji gwida dwar l-applikazzjonijiet tal-IĠ, u d-diġitalizzazzjoni sħiħa tal-proċess ta’ applikazzjoni.

It-tieni għażla tidher li għandha aktar merti mill-oħrajn, peress li għandha l-ogħla punteġġ fir-rigward tat-tqabbil tal-kostijiet u l-benefiċċji, meta tiġi kkombinata ma’ ċerti azzjonijiet mill-ewwel u t-tielet għażliet.

X’inhuma l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati differenti? Min jappoġġja liema għażla?

It-tieni għażla tirrifletti l-aktar tipi ta’ azzjonijiet preferuti identifikati permezz ta’ konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati inkluża l-Konferenza dwar it-Tisħiħ tal-IĠ, il-konsultazzjoni pubblika miftuħa, il-konsultazzjonijiet fil-qafas tal-Gruppi ta’ Djalogu Ċivili u l-Grupp Espert tal-Istati Membri dwar is-Sostenibbiltà u l-Kwalità tal-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (inklużi kwestjonarji mmirati), kif ukoll laqgħat immirati mal-organizzazzjonijiet tal-IĠ.

C. Impatti tal-għażla preferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla preferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

Aktar effiċjenza fl-immaniġġjar tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ isem se tirriżulta f’ħinijiet ta’ reġistrazzjoni iqsar, bil-ħin frankat ilaħħaq is-36 xahar. Standards uniformi ta’ infurzar se jwasslu għall-protezzjoni mtejba tal-IĠ u kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi kollha fis-suq intern. L-azzjonijiet proposti se jiffaċilitaw l-organizzazzjoni kollettiva tal-gruppi tal-produtturi tal-IĠ u jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom fil-ġestjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-assi tal-IĠ tagħhom, u b’hekk jiżguraw redditu ġust għall-produzzjoni tagħhom. Barra minn hekk, huma mistennija effetti konsegwenzjali fuq it-turiżmu u l-ipproċessar downstream. Il-leġiżlazzjoni dwar l-IĠ se tkun aktar faċli biex tiġi implimentata bis-saħħa ta’ kjarifiki legali. Użu flessibbli tal-logo tal-UE għall-inbejjed u x-xorb spirituż se jżid il-viżibbiltà tal-messaġġ tal-UE dwar l-IĠ u jgħin lill-konsumaturi jieħdu deċiżjonijiet infurmati aħjar dwar ix-xiri. Aktar IĠ se jiġu prodotti b’mod sostenibbli b’impatti pożittivi f’termini ta’ protezzjoni tal-bijodiversità, il-benessri tal-annimali, il-ġestjoni tar-riżorsi naturali u tal-pajsaġġi, u l-kontribut tagħhom għal dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli, dment li l-impenji komprensivi u tanġibbli ta’ sostenibbiltà jiġu addottati mill-biċċa l-kbira tal-gruppi ta’ produtturi.

X’inhuma l-kostijiet tal-għażla preferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

Hekk kif il-produtturi jibbenefikaw minn protezzjoni aktar mgħaġġla u mtejba, jonqsu l-kostijiet b’mod partikolari dawk relatati mat-tul tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni u mar-riżorsi meħtieġa. L-inklużjoni volontarja mill-grupp ta’ produtturi ta’ IĠ ta’ kriterji ta’ sostenibbiltà fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott se tinvolvi kostijiet addizzjonali ta’ konformità u ċertifikazzjoni li jistgħu jiġu parzjalment paċuti minn miżuri ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika tal-iżvilupp rurali. Meta wieħed iqis il-varjetà ta’ prodotti reġistrati bħala IĠ u l-istruttura organizzattiva differenti tal-gruppi ta’ produtturi u tal-kontrolli tal-IĠ, anki skont is-sistemi stabbiliti fil-livell nazzjonali, ma tistax tingħata kwantifikazzjoni tal-kostijiet li tgħodd għal kulħadd; fl-Anness korrispondenti tar-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt tingħata stima.

X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?

Meta wieħed iqis li madwar 90 % tal-IĠ jilħqu valur tal-bejgħ ta’ inqas minn EUR 50 miljun, jista’ jiġi konkluż li l-biċċa l-kbira tal-produtturi tal-IĠ jikkwalifikaw bħala SMEs. Dan ifisser li l-impatti kollha identifikati fir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt japplikaw għalihom. L-azzjonijiet proposti se jżidu s-setgħat ta’ negozjar tal-produtturi fil-katina alimentari u jiżguraw li jkunu jistgħu jindirizzaw aħjar id-domanda, u b’hekk itejbu r-rispons tagħhom għall-ħtiġijiet tal-konsumatur. Ir-rikonoxximent tal-importanza tal-organizzazzjoni kollettiva tal-gruppi tal-produtturi tal-IĠ fis-setturi kollha se jsaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom fil-ġestjoni u fil-kummerċjalizzazzjoni tal-assi tal-IĠ tagħhom. Azzjonijiet speċifiċi li jagħtu lill-produtturi l-possibbiltà li jistabbilixxu regoli għall-imballaġġ u l-użu tal-IĠ tagħhom bħala ingredjenti, se jikkontribwixxu indirettament biex jiżguraw dħul ogħla minħabba riskju mnaqqas ta’ frodi.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

Il-linji gwida u r-regoli proċedurali armonizzati għar-reġistrazzjoni tal-IĠ se jippermettu lill-amministrazzjonijiet pubbliċi li jipproċessaw l-applikazzjonijiet aktar malajr, għall-benefiċċju tal-fondi pubbliċi. Peress li r-regoli u l-proċeduri se jagħtu aktar ċarezza, u l-bażi tad-data tar-Reġistru elettroniku u tal-GIview se tkun aktar trasparenti, l-awtoritajiet tal-infurzar u l-qrati se jsibuha aktar faċli li japplikawhom.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? 

L-għażla preferuta se jkollha impatti fuq il-funzjonament tas-suq intern u l-kompetizzjoni, il-protezzjoni tal-IĠ bħala dritt tal-proprjetà intellettwali (f’konformità mad-WTO/TRIPS u mal-Karta Ewropea dwar id-drittijiet fundamentali), l-iżvilupp sostenibbli, u l-koeżjoni ekonomika u soċjali. L-operaturi mhux tal-UE se jiġu affettwati b’mod simili għal dawk mill-UE.

Proporzjonalità? 

L-azzjonijiet proposti huma proporzjonati fl-indirizzar tal-problemi identifikati. It-tieni għażla għandha l-ogħla punteġġ fir-rigward tat-tqabbil tal-kostijiet u l-benefiċċji għall-produtturi tal-IĠ. Filwaqt li l-produtturi jibbenefikaw minn protezzjoni aktar rapida u mtejba, jonqsu l-kostijiet relatati b’mod partikolari mat-tul tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni u mar-riżorsi meħtieġa, u dan għandu mnejn ipaċi l-kostijiet relatati mal-investimenti fis-sostenibbiltà.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

F’konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, fejn tliet Istituzzjonijiet jaqblu li jikkunsidraw b’mod sistematiku l-użu ta’ klawżoli ta’ rieżami fil-leġiżlazzjoni u li jqisu ż-żmien meħtieġ għall-implimentazzjoni u l-ġbir tal-evidenza dwar ir-riżultati u l-impatti, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament mhux qabel ħames snin wara d-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.