Strasburgu, 8.3.2022

SWD(2022) 63 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

PROPOSTA GĦAL DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

{COM(2022) 105 final} - {SEC(2022) 150 final} - {SWD(2022) 60 final} - {SWD(2022) 61 final} - {SWD(2022) 62 final}


Skeda tas-sommarju eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt għal proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

X’inhi l-problema u għaliex hi problema fil-livell tal-UE?

Il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika (VKN/VD) hija mifruxa fl-UE. Fl-2014, 1 minn kull 3 nisa fl-UE rrappurtaw forma ta’ vjolenza fiżika u/jew sesswali. Id-data amministrattiva tal-2019 tistma li l-prevalenza fl-UE hija 21,2 %. Minbarra l-forom offline ta’ VKN/VD, qed jiżdiedu l-vjolenza ċibernetika kontra n-nisa u l-vjolenza ċibernetika bejn is-sħab intimi; fl-2020 kien stmat li 52 % tan-nisa żgħażagħ globalment isofru minnha.

Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru tista’ taffettwa kemm lin-nisa kif ukoll lill-irġiel, imma n-nisa huma affettwati b’mod sproporzjonat. Il-vjolenza domestika taffettwa wkoll membri oħra tal-familja (eż. konjuġi, tfal u membri tal-familja akbar fl-età). Il-VKN/il-VD taffettwa miljuni ta’ nies fl-UE, fl-Istati Membri kollha.

Il-fatturi ewlenin tal-VKN/tal-VD huma n-normi u l-isterjotipi soċjali dannużi li jwasslu għal disparità bejn il-ġeneri; in-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-ispeċifiċitajiet ta’ reati ta’ VKN/VD; u kontromiżuri ineffettivi (frammentazzjoni legali, inċertezzi legali u infurzar ineffettiv).

Kemm fl-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali, kemm fl-Istati Membri li implimentaw il-Konvenzjoni ta’ Istanbul dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika u dawk li ma implimentawhiex, hemm lakuni fil-prevenzjoni, fil-protezzjoni, fl-għajnuna għall-vittmi, fl-aċċess għall-ġustizzja u fil-koordinazzjoni tal-politika. L-istandards rilevanti tal-UE huma mifruxa fuq diversi strumenti u ma wasslux għal monitoraġġ u infurzar effettiv għal dan il-grupp ta’ vittmi. Mentri l-Konvenzjoni ta’ Istanbul ġabet magħha azzjoni fil-livell nazzjonali, il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni juri li għad hemm lakuni.

Minħabba l-mod li bih is-sitwazzjoni evolviet fid-deċennji li għaddew, l-għadd ta’ vittmi mhuwiex mistenni li jonqos b’mod sinifikanti mingħajr azzjoni aktar b’saħħitha u kkoordinata fi kwistjonijiet ta’ prevenzjoni, protezzjoni, aċċess għall-ġustizzja, għajnuna għall-vittmi, u koordinazzjoni tal-politika.

X’għandu jinkiseb?

L-inizjattiva għandha l-għan li tipprevjeni u tiġġieled il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. B’mod aktar speċifiku, għandha l-għan li tiżgura l-prevenzjoni effettiva ta’ din il-vjolenza, il-protezzjoni mill-vjolenza, l-aċċess għall-ġustizzja, l-għajnuna għall-vittmi, u koordinazzjoni msaħħa. Għandha wkoll l-għan li tiżgura li l-fastidju sesswali u l-vjolenza ċibernetika jiġu indirizzati b’mod effettiv.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)? 

Il-prevalenza fl-UE kollha tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika u l-ħsara li dawn il-forom ta’ vjolenza jikkawżaw lill-individwi u lis-soċjetajiet joħolqu bżonn speċjali ta’ azzjoni konġunta. Il-VKN/il-VD tista’ tinkludi aspett transfruntier fiżiku jekk in-nies ikunu qed jiċċaqilqu minn post għal ieħor; fid-dinja online m’hemmx fruntieri. L-objettivi politiċi jistgħu jintlaħqu biss jekk l-istandards minimi japplikaw bl-istess mod għall-każijiet kollha ta’ VKN/VD. L-Istati Membri indirizzaw il-VKN/il-VD fil-leġiżlazzjoni u l-politiki, imma dan ma wassalx għal tnaqqis fil-prevalenza. Sabiex jiġi żgurat trattament ugwali tal-vittmi, din l-inizjattiva twassal għal konverġenza ’l fuq billi tiffissa standards minimi dwar id-drittijiet tal-vittmi ta’ VKN/VD. Dawn l-istandards għandhom l-għan li jipprevjenu u jiġġieldu din it-tip ta’ vjolenza qabel, waqt u wara l-proċedimenti kriminali. L-inizjattiva tintroduċi wkoll definizzjonijiet tal-imġiba fejn jeżistu lakuni fil-kriminalizzazzjoni kif ukoll penali b’rabta mal-imġiba. L-azzjoni tal-UE se tiżgura li d-drittijiet fundamentali ta’ nofs il-popolazzjoni tal-UE jiġu protetti fl-UE kollha.

B. Soluzzjonijiet

X’inhuma l-għażliet differenti biex jinkisbu l-objettivi? Hemm għażla ppreferuta jew le?

Il-Kummissjoni kkunsidrat l-għażliet li ġejjin:

0)il-linja bażi, b’miżuri mhux leġiżlattivi;

1)miżuri leġiżlattivi moderati għall-prevenzjoni ta’ VKN/VD, għall-protezzjoni mill-vjolenza, għall-għoti ta’ aċċess għall-ġustizzja, għall-għoti ta’ għajnuna lill-vittmi, u għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni; u

2)azzjoni leġiżlattiva aktar komprensiva li tindirizza l-kwistjonijiet ta’ hawn fuq b’regoli addizzjonali fuq il-fastidju sesswali u l-vjolenza ċibernetika kontra n-nisa u l-vjolenza ċibernetika bejn is-sħab intimi.

L-għażla 2 tqassmet f’miżuri aktar proporzjonati (2A) u miżuri li huma ideali (f’termini ta’ kriminalizzazzjoni, fastidju sesswali, u protezzjoni) iżda inqas effiċjenti (2B). L-għażla sekondarja 2A hija l-preferuta, kemm kwalitattivament kif ukoll f’termini ta’ kostijiet u benefiċċji.

X’inhuma l-fehmiet tal-partijiet konċernati differenti? Liema għażla u min jappoġġaha?

Il-Kummissjoni wettqet konsultazzjonijiet komprensivi mal-partijiet ikkonċernati b’mod konġunt għall-valutazzjoni tal-impatt u l-kontroll tal-idoneità. Il-konsultazzjoni pubblika miftuħa ġabet aktar minn 700 tweġiba. B’mod konsistenti ma’ stħarriġ preċedenti, il-biċċa l-kbira ta’ dawk li wieġbu appellaw għal aktar miżuri tal-UE dwar il-VKN/il-VD. Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Istati Membri bil-miktub u waqt workshop. L-Istati Membri esprimew li huma lesti għal azzjoni mill-UE u qiesu l-miżuri previsti rilevanti. Waqt il-konsultazzjonijiet immirati mal-organizazzjonijiet mhux governattivi u internazzjonali, l-akbar appoġġ kien għall-miżuri l-aktar ambizzjużi (jiġifieri l-għażliet sekondarji 2A u 2B). It-trade unions u l-impjegaturi appoġġaw l-objettiv tal-ġlieda kontra l-fastidju sesswali u laqgħu miżuri addizzjonali. Madankollu, l-impjegaturi kienu konxji mill-obbligi li kienu se jiġu imposti fuqhom. It-trade unions u l-impjegaturi insistew fuq ir-rwol tal-imsieħba soċjali.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?

Il-valutazzjoni tal-għażla ppreferuta tiżvela impatti ekonomiċi pożittivi. Il-prevalenza mnaqqsa ta’ VKN/VD, b’mod partikolari, jista’ jkollha benefiċċji ekonomiċi ta’ madwar EUR 53,1 biljun, li potenzjalment jilħqu madwar EUR 82,7 biljun fit-terminu twil. L-akbar potenzjal għal benefiċċji ekonomiċi huwa minħabba t-tnaqqis tal-kost tal-ħsara fiżika u emozzjonali għall-vittmi (tnaqqis stmat ta’ EUR 32,2 biljun sa EUR 64,5 biljun). L-impatt soċjali jaffettwaw diversi partijiet ikkonċernati, prinċipalment il-vittmi, ix-xhud, l-awturi, il-kumpaniji, l-awtoritajiet nazzjonali u s-soċjetà inġenerali. L-għażla ppreferuta tkun ittejjeb is-saħħa tal-vittmi, is-sikurezza u l-kwalità tal-ħajja (speċjalment minħabba l-miżuri dwar il-protezzjoni u l-appoġġ). Tkun ittejjeb l-għarfien tal-vittmi u tax-xhieda u l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-protezzjoni u s-servizzi ta’ appoġġ disponibbli. Il-miżuri dwar il-programmi ta’ intervent għat-trasgressuri huma mistennija li jkollhom impatt pożittiv fuq l-attitudnijiet u l-imġiba tat-trasgressuri. Għall-impjegaturi, is-sensibilizzazzjoni u l-fehim aħjar tal-ħaddiema li huma vittmi ta’ fastidju fuq il-post tax-xogħol u l-appoġġ għalihom jippermettu l-iżvilupp ta’ ambjent tax-xogħol sikur. Dan ikollu wkoll impatt pożittiv fuq il-produttività. L-awtoritajiet nazzjonali jibbenefikaw minn miżuri li jindirizzaw il-frammentazzjoni legali u l-inċertezzi. Ir-rikonoxximent imsaħħaħ tal-istereotipi marbuta mal-ġeneru, tan-normi u mġiba abbużiva li jagħmlu l-ħsara fost il-pubbliku ġenerali jkollu impatt pożittiv fuq is-soċjetà kollha kemm hi. L-aħħar iżda mhux l-inqas, l-impatti tal-għażla ppreferuta fuq id-drittijiet fundamentali huma konsiderevoli.

X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?

Il-kostijiet totali tal-konformità tal-għażla ppreferuta jvarjaw bejn EUR 5 biljun u EUR 6,6 biljun. Il-biċċa l-kbira tal-kostijiet tal-konformità jaqgħu fuq l-Istati Membri bi ftit eċċezzjonijiet li jikkonċernaw il-fastidju sesswali, li jista’ jwassal għal kostijiet tal-konformità għall-impjegaturi. Il-kostijiet tal-konformità jirriżultaw minn miżuri fl-oqsma problematiċi tal-prevenzjoni, tal-protezzjoni, tal-aċċess għall-ġustizzja, tal-għajnuna għall-vittmi u l-koordinazzjoni. Ma ġewx innotati impatti negattivi.

X’inhuma l-impatti fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u fuq il-kompetittività?

L-Istati Membri jġarrbu aktar kostijiet. Il-kostijiet potenzjali għall-impjegaturi huma ta’ EUR 1,9 biljun minħabba l-parteċipazzjoni obbligatorja tal-maniġers f’taħriġ dwar il-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol u l-effetti tal-vjolenza domestika fuq il-post tax-xogħol. Il-kostijiet ikunu limitati għall-parteċipazzjoni tal-maniġers f’taħriġ online ta’ sagħtejn, u b’hekk ma jinħolqux kostijiet sinifikanti għall-SMEs.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

Il-biċċa l-kbira tal-kostijiet tal-konformità, li jvarjaw bejn EUR 5 biljun u EUR 6,6 biljun għall-EU-27, jaqgħu fuq l-Istati Membri. L-impatt fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali mistenni li jibqa’ limitat, u li jiġi mmitigat mill-benefiċċji tal-għażla ppreferuta.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? 

L-għażla ppreferuta tissimplifika l-qafas tal-UE billi tikkonċentra fuq miżuri ta’ VKN/VD fi strument leġiżlattiv wieħed. Dan l-istrument jiżgura aħjar li l-miżuri jkunu disponibbli b’mod aktar ugwali fil-livell reġjonali u f’dak lokali u għalhekk il-vittmi jkunu protetti b’mod ugwali.

Proporzjonalità? 

Il-prinċipju tal-proporzjonalità huwa rispettat bis-sħiħ, billi l-miżuri tfasslu abbażi ta’ analiżi bir-reqqa tal-lakuni li twettqet fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali. Il-miżuri:

·ma jeċċedux dak li huwa meħtieġ billi jiġu evitati koinċidenzi mar-regoli nazzjonali dwar il-kriminalizzazzjoni;

·jastjenu milli jirrikjedu li l-awtoritajiet pubbliċi jkollhom jieħdu miżuri li huma kumplessi żżejjed biex joperaw; u

·jevitaw kostijiet sproporzjonati għall-Istati Membri u għal min iħaddem.

Barra minn hekk, il-miżuri tal-għażla ppreferuta jistgħu jitqiesu meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi b’mod effettiv u b’mod li jsaħħaħ l-implimentazzjoni tad-drittijiet fundamentali.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Il-ħtieġa għal rieżami tal-politika se tiġi vvalutata wara li l-ewwel Stati Membri jirrapportaw dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva. Dan ir-rapportar huwa mistenni li jseħħ skont obbligu ta’ rapportar, jiġifieri ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva. Ir-rapportar isir f’intervalli regolari fil-forma ta’ kwestjonarju lill-Istati Membri. Minbarra l-informazzjoni pprovduta skont l-obbligu ta’ rapportar, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-inizjattiva se jkunu primarjament ibbażati fuq l-indikaturi armonizzati attwali, u jiġu ssupplimentati minn miżuri ta’ armonizzazzjoni addizzjonali dwar il-ġbir ta’ data. Id-dettalji se jkunu deskritti fi pjan ta’ monitoraġġ u infurzar li l-Kummissjoni se tfassal.