Brussell, 15.12.2022

COM(2022) 743 final

2022/0431(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet

(Iċ-Ċentru taċ-Ċibersigurtà)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE b’rabta mal-adozzjoni prevista tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt dwar emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim ŻEE

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim dwar iż-ŻEE”) jiggarantixxi drittijiet u obbligi ugwali fis-Suq Intern għaċ-ċittadini u l-operaturi ekonomiċi fiż-ŻEE. Jipprevedi l-inklużjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-UE li tkopri l-erba’ libertajiet fit-30 Stat taż-ŻEE li jinkludu l-Istati Membri tal-UE, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein. Barra minn hekk, il-Ftehim ŻEE jkopri l-kooperazzjoni f’oqsma importanti oħra bħar-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni, il-politika soċjali, l-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumatur, it-turiżmu u l-kultura, kollettivament magħrufin bħala l-politiki “ta’ appoġġ u orizzontali”. Il-Ftehim ŻEE daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994. L-Unjoni, flimkien mal-Istati Membri tagħha, hija parti għall-Ftehim taż-ŻEE.

2.2.Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa responsabbli għall-ġestjoni tal-Ftehim dwar iż-ŻEE. Huwa forum għall-iskambju ta’ fehmiet marbuta mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE. Id-deċiżjonijiet tiegħu jittieħdu b’kunsens u huma vinkolanti fuq il-Partijiet. Ir-responsabbiltà għall-koordinazzjoni tal-kwistjonijiet taż-ŻEE fuq in-naħa tal-UE hija tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea. 

2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa mistenni jadotta d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (“l-att previst”) rigward l-emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet.

L-għan tal-att previst huwa li jestendi l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE biex jinkludi r-Regolament (UE) 2021/887 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Network ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni 1 .

L-att previst se jsir vinkolanti għall-Partijiet f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim ŻEE.

3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Il-Kummissjoni tissottometti l-abbozz anness tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Ladarba tiġi adottata, jenħtieġ li l-pożizzjoni tiġi ppreżentata fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mal-ewwel opportunità.

L-abbozz ta’ Deċiżjoni anness tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jintroduċi drittijiet ta’ parteċipazzjoni għall-Istati taż-ŻEE-EFTA fl-attivitajiet taċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u tan-Network ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni, li jmur lil hinn minn dak li jista’ jitqies bħala sempliċi adattamenti tekniċi fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94. Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw lis-sede inkwistjoni. Huwa jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mill-korp leġiżlattiv tal-Unjoni 2 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa korp imwaqqaf bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim ŻEE. L-att, li l-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att li għandu effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim ŻEE.

L-att previst ma jissupplimentax jew jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim. Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE flimkien mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE flimkien mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 tiddependi primarjament fuq il-bażi ġuridika sostantiva tal-att legali tal-UE li jrid jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Peress li d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt testendi l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE biex tinkludi r-Regolament (UE) 2021/887, huwa xieraq li din id-deċiżjoni tal-Kunsill tiġi bbażata fuq l-istess bażi ġuridika sostantiva bħall-att li huwa inkorporat. Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 173(3) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 188 tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 173(3) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 188 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE u l-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ŻEE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Billi l-att tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE se jemenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet, huwa xieraq li, wara l-adozzjoni tiegħu, jiġi ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2022/0431 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet

(Iċ-Ċentru taċ-Ċibersigurtà)


(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 173(3) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 188 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 3 , u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 4 (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

(2)Bis-saħħa tal-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista' jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, il-Protokoll 31 dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet (“Protokoll 31”) għall-Ftehim ŻEE.

(3)Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti fir-rigward tal-Ftehim ŻEE tiġi estiża sabiex tinkludi r-Regolament (UE) 2021/887 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 .

(4)Għalhekk, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat sabiex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista’ tibda sseħħ mill-1 ta’ Jannar 2023.

(5)Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Protokoll 31 għall-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra mill-erba' libertajiet, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 202, 8.6.2021, p. 1
(2)    Il-paragrafi 61 sa 64 tas-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014 fil-kawża C-399/12, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, ECLI:EU:C:2014:2258.
(3)    ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.
(4)    ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.
(5)    Ir-Regolament (UE) 2021/887 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Network ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni (ĠU L 202, 8.6.2021, p. 1).

Brussell, 15.12.2022

COM(2022) 743 final

ANNESS

tal-

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet



(Iċ-Ċentru taċ-Ċibersigurtà)




ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Nru […]

ta’ […]

li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

Billi:

(1)Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE tiġi estiża biex jinkludi r-Regolament (UE) 2021/887 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Network ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni 1 .

(2)Għalhekk, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat sabiex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista’ tibda sseħħ mill-1 ta’ Jannar 2023,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 2 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, il-punt li ġej għandu jiddaħħal wara l-punt 7 (networks tat-telekomunikazzjoni trans-Ewropej):

“8.(a)Mill-1 ta’ Jannar 2023, l-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw fl-attivitajiet li jistgħu jirriżultaw mill-Att tal-Unjoni li ġej:

(1)32021 R 0887: Ir-Regolament (UE) 2021/887 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Network ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni (ĠU L 202, 8.6.2021, p. 1).

   (b)    L-Istati ta’ l-EFTA għandhom jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-Bord tat-Tmexxija u għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi fih bħall-Istati Membri tal-UE ħlief għad-dritt tal-vot.

   (c)    Iċ-ċittadini tal-Istati tal-EFTA għandhom ikunu eliġibbli bħala membri tal-Grupp Konsultattiv Strateġiku.

   (d)    B’deroga mill-Artikoli 12(2)(a) u 82(3)(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, ċittadini tal-Istati tal-EFTA li jgawdu d-drittijiet sħaħ tagħhom bħala ċittadini jistgħu jiġu impjegati b’kuntratt mid-Direttur Eżekuttiv taċ-Ċentru ta’ Kompetenza.

   (e)    B’deroga mill-Artikoli 12(2)(e), 82(3)(e) u 85(3) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea, il-lingwi msemmija fl-Artikolu 129(1) tal-Ftehim għandhom jitqiesu miċ-Ċentru ta’ Kompetenza, fir-rigward tal-persunal tiegħu, bħala lingwi tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 55(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

   (f)    L-Istati tal-EFTA għandhom jikkonċedu liċ-Ċentru ta’ Kompetenza privileġġi u immunitajiet ekwivalenti għal dawk li jinsabu fil-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.

   (g)    Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għandu, għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/696, japplika għal kwalunkwe dokument taċ-Ċentru ta’ Kompetenza fir-rigward tal-Istati tal-EFTA wkoll.

   (h)    Bis-saħħa tal-Artikolu 79(3) tal-Ftehim, Taqsima VII (Dispożizzjonijiet Istituzzjonali) tal-Ftehim għandu japplika għal dan il-paragrafu.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE 2*.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2023.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi Brussell, […].

   Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

   Il-President

   […]

   Is-Segretarji

   Tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

   […]



Dikjarazzjoni Konġunta tal-Partijiet Kontraenti

għad-deċiżjoni Nru …/… li tinkorpora r-Regolament (UE) 2021/887 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-Ftehim

Il-partijiet jirrikonoxxu li l-inkorporazzjoni ta’ dan l-att hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni diretta tal-Protokoll 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea għaċ-ċittadini tal-Istati tal-EFTA fit-territorju ta’ kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 11 ta’ dak il-Protokoll.

(1)    ĠU L 202, 8.6.2021, p. 1.
(2) *    [L-ebda rekwiżiti kostituzzjonali ma huma indikati.] [Rekwiżiti kostituzzjonali indikati.]