IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.12.2022
COM(2022) 704 final
2022/0410(NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni għal ċerti skemi tal-VAT
{SEC(2022) 433 final} - {SWD(2022) 393 final} - {SWD(2022) 394 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Din il-proposta hija parti mill-pakkett ta’ leġiżlazzjoni dwar l-inizjattiva VAT fl-Era Diġitali, flimkien ma’ proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-emendar tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tar-regoli tal-VAT għall-era diġitali, u proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni amministrattiva tal-VAT meħtieġa għall-era diġitali. Il-kuntest ta’ din l-inizjattiva huwa stabbilit b’mod komprensiv fil-memorandum ta’ spjegazzjoni għall-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE.
Dan il-memorandum ta’ spjegazzjoni jiddeskrivi l-modifiki meħtieġa għar-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni għal ċerti skemi tal-VAT.
Dan il-pakkett għandu tliet objettivi prinċipali:
(1)L-immodernizzar tal-obbligi tar-rapportar tal-VAT, bl-introduzzjoni ta’ Rekwiżiti ta’ Rapportar Diġitali, li se jistandardizzaw l-informazzjoni li jeħtieġ li tiġi sottomessa minn persuni taxxabbli fuq kull tranżazzjoni lill-awtoritajiet tat-taxxa f’format elettroniku. Fl-istess ħin dan se jimponi l-użu tal-e-fatturazzjoni għal tranżazzjonijiet transfruntieri;
(2)L-indirizzar tal-isfidi tal-ekonomija tal-pjattaformi, billi jiġu aġġornati r-regoli tal-VAT applikabbli għall-ekonomija tal-pjattaformi sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tat-trattament ugwali, jiġu ċċarati r-regoli dwar il-post tal-provvista applikabbli għal dawn it-tranżazzjonijiet, u jissaħħaħ ir-rwol tal-pjattaformi fil-ġbir tal-VAT meta jiffaċilitaw il-provvista ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir jew servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri; u
(3)L-evitar tal-ħtieġa ta’ reġistrazzjonijiet multipli tal-VAT fl-UE u t-titjib tal-funzjonament tal-għodda implimentata biex tiġi ddikjarata u mħallsa l-VAT dovuta fuq il-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija, billi tiġi introdotta Reġistrazzjoni Unika tal-VAT (SVR). Jiġifieri, it-titjib u l-espansjoni tas-sistemi eżistenti ta’ Punt Uniku ta’ Servizz (OSS)/Punt Uniku ta’ Servizz għall-Importazzjoni (IOSS) u r-reverse charge sabiex jiġu minimizzati l-każijiet li fihom persuna taxxabbli tkun meħtieġa tirreġistra fi Stat Membru ieħor.
L-elementi tal-pakkett jeħtieġu miżuri ta’ implimentazzjoni, b’mod partikolari dawk relatati mat-trattament tal-VAT tal-ekonomija tal-pjattaformi u r-reġistrazzjoni unika tal-VAT. Dawn se jiżguraw li l-elementi ewlenin jiġu applikati b’mod ugwali fl-Istati Membri kollha, u jagħtu ċertezza legali għan-negozji u għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Din il-proposta hija parti mill-pakkett ta’ leġiżlazzjoni dwar l-inizjattiva VAT fl-era diġitali. Il-konsistenza tal-pakkett kollu kemm hu hija stabbilita b’mod komprensiv fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
L-inizjattiva VAT fl-Era Diġitali timxi id f’id ma’ inizjattivi oħrajn tal-Kummissjoni relatati mal-Ekonomija Diġitali, bħall-Att dwar is-Servizzi Diġitali, il-proposta reċenti għal Direttiva biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi, u x-xogħol li jinsab għaddej li huwa relatat mal-kiri tal-akkomodazzjoni għal żmien qasir. L-approċċ ġenerali li jittieħed f’dawn l-inizjattivi huwa li jirrikjedi li l-pjattaformi jkunu aktar trasparenti, inkluż billi tiġi pprovduta informazzjoni rilevanti, fir-rigward tal-utenti tagħhom (eż. fornituri tal-kiri tal-akkomodazzjoni għal żmien qasir; jew ħaddiema tal-pjattaformi) u li tiġi ffaċilitata l-konformità mill-utenti tas-servizz tagħhom mar-rekwiżiti regolatorji rilevanti.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 397 tad-Direttiva tal-VAT. Dan l-Artikolu jipprevedi li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri meħtieġa biex jimplimenta d-Direttiva.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Din il-proposta hija parti mill-pakkett ta’ leġiżlazzjoni dwar l-inizjattiva VAT fl-era diġitali. Is-sussidjarjetà tal-pakkett kollu kemm hu hija stabbilita b’mod komprensiv fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE.
Il-proposta attwali takkumpanja l-proposta msemmija fis-sens li tipprevedi miżuri li jiżguraw li d-Direttiva tal-VAT tiġi implimentata b’mod effettiv.
•Proporzjonalità
Din il-proposta hija parti mill-pakkett ta’ leġiżlazzjoni dwar l-inizjattiva VAT fl-era diġitali. Il-proporzjonalità tal-pakkett hija stabbilita b’mod komprensiv fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE.
Il-proposta attwali takkumpanja l-proposta msemmija fis-sens li tipprevedi miżuri li jiżguraw li d-Direttiva tal-VAT tiġi implimentata b’mod effettiv.
•Għażla tal-istrument
Huwa meħtieġ Regolament tal-Kunsill biex jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Sommarju tal-evalwazzjonijiet ex post u tal-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti huwa pprovdut fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta ta’ akkumpanjament biex tiġi emendata d-Direttiva tal-VAT.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Informazzjoni estensiva dwar il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati hija pprovduta fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta biex tiġi emendata d-Direttiva tal-VAT.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-Kummissjoni użat l-analiżi mwettqa minn Economisti Associati S.r.l., għall-istudju intitolat “Il-VAT fl-Era Diġitali” (li dam għaddej minn Ottubru 2020 sa Jannar 2022). Ir-rapport finali ġie ppreżentat fl-1 ta’ April 2022 u l-istudju ġie ppubblikat fuq is-sit web tal-Kummissjoni.
L-għanijiet tal-istudju kienu li:
(1)jevalwa s-sitwazzjoni attwali fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ rapportar diġitali, it-trattament tal-VAT tal-ekonomija tal-pjattaformi, il-każijiet li għadhom qed jiskattaw ir-reġistrazzjoni tal-VAT fi Stat Membru li fih negozjant ma jkunx stabbilit, u l-Punt Uniku ta’ Servizz għall-Importazzjoni;
(2)jivvaluta l-impatti ta’ għadd ta’ inizjattivi ta’ politika possibbli f’dawn l-oqsma.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-valutazzjoni tal-impatt għall-proposta ġiet ikkunsidrata mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju fit-22 ta’ Ġunju 2022. Il-Bord ta opinjoni pożittiva lill-proposta b’xi rakkomandazzjonijiet li ġew adottati. L-opinjoni u r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord huma inklużi fl-Anness 1 tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal għall-valutazzjoni tal-impatt mehmuża ma’ din il-proposta. L-iskeda tas-sommarju eżekuttiv hija disponibbli fil-paġna li ġejja:
https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/13186-VAT-in-the-digital-age_mt
.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Analiżi dettaljata tal-idoneità regolatorja u tas-simplifikazzjoni hija pprovduta fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta mehmuża biex tiġi emendata d-Direttiva tal-VAT.
•Drittijiet fundamentali
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
L-impatti baġitarji huma ppreżentati fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta mehmuża biex tiġi emendata d-Direttiva tal-VAT.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Dawn l-elementi huma ppreżentati fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta mehmuża biex tiġi emendata d-Direttiva tal-VAT.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
M/A
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Hija pprovduta definizzjoni tat-terminu “jiffaċilita” sabiex tipprevedi grad ta’ ċertezza legali dwar l-ambitu tar-reġim tal-fornitur meqjus.
Għall-operat effettiv tar-reġim tal-fornitur meqjus għat-trasport tal-passiġġieri u għall-kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat kif il-pjattaforma tista’ tidentifika jekk japplikax ir-reġim tal-fornitur meqjus, jiġifieri meta l-fornitur sottostanti ma jipprovdix lill-pjattaforma b’numru tal-VAT.
Barra minn hekk, huwa stipulat li, f’ċirkostanzi li fihom il-fornitur sottostanti jkun fil-pussess ta’ numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT iżda ma jżomm l-ebda VAT (pereżempju, minħabba li jkunu qed jużaw l-iskema speċjali għal intrapriżi żgħar fi Stat Membru li jipprovdi numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT għal dawn in-negozji), jenħtieġ li dak il-fornitur ma jipprovdix dan in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT lill-pjattaforma.
Barra minn hekk, huwa ċċarat li l-pjattaforma jenħtieġ li tinżamm responsabbli meta l-informazzjoni pprovduta mill-fornitur sottostanti ma tkunx kompluta jew tkun żbaljata, u li l-pjattaforma tista’ tikkunsidra lill-klijent li jirċievi l-provvista sottostanti bħala persuna mhux taxxabbli meta ma jipprovdix numru tal-VAT.
Fl-1 ta’ Lulju 2021, daħal fis-seħħ il-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku. Minn dik id-data, il-persuni taxxabbli li jwettqu bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija fl-UE jew li jagħmlu bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija importata fl-UE jistgħu jagħżlu li jagħmlu użu mis-sistema ta’ Punt Uniku ta’ Servizz (OSS) jew mis-sistema ta’ Punt Uniku ta’ Servizz għall-Importazzjoni (IOSS). B’mod alternattiv, xorta jistgħu jidentifikaw għall-VAT fl-Istat Membru tal-wasla tal-merkanzija jew tal-merkanzija tal-importazzjoni bl-użu tar-regoli standard tal-importazzjoni u jħallsu l-VAT fil-fruntiera.
Wara l-ewwel sena tal-applikazzjoni, ġew identifikati xi kwistjonijiet li kienu jeħtieġu aktar kjarifika u li huma riflessi fil-proposta biex tiġi mmodifikata d-Direttiva tal-VAT. Aktar dettalji dwarhom huma inklużi f’din il-proposta.
Fil-qafas tal-Eurofisc, l-esperti kontra l-frodi semmew li qegħdin jiffaċċaw sfidi serji biex jidentifikaw ir-riskju ta’ nuqqas ta’ pagament tal-VAT u biex jikkontrollaw il-konformità tan-negozji fil-ħin. Dan huwa minħabba n-nuqqas ta’ data granulari meta l-informazzjoni tinżamm u tiġi trażmessa mill-pjattaforma li taġixxi bħala fornitur meqjus, peress li l-informazzjoni trażmessa fiha informazzjoni aggregata dwar il-bejjiegħa sottostanti kollha li jużaw il-pjattaforma tagħhom.
Barra minn hekk, meta jagħmlu rikonċiljazzjonijiet tal-informazzjoni dwar il-provvista u l-pagament relatat magħha abbażi tad-data disponibbli fis-CESOP (id-data dwar il-pagament tirreferi għal benefiċjarji individwali=bejjiegħa), l-awtoritajiet tat-taxxa jeħtieġ li jkunu jafu l-persuni taxxabbli li fil-fatt se jirċievu l-pagament. Dan huwa ta’ sfida b’mod speċjali meta japplikaw ir-regoli tal-fornitur meqjus.
Għaż-żewġ raġunijiet imsemmija hawn fuq, hija meħtieġa t-trażmissjoni tal-informazzjoni ta’ identifikazzjoni tal-fornitur sottostanti mill-pjattaformi lill-awtorità tat-taxxa tal-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.
Fl-istess ħin se tiġi stabbilita skema ġdida ta’ simplifikazzjoni fil-Punt Uniku ta’ Servizz biex tippermetti r-rapportar ta’ trasferimenti ta’ merkanzija proprja lejn Stat Membru ieħor. Għal darb’oħra, id-dispożizzjonijiet dettaljati huma stabbiliti f’din il-proposta.
Fl-aħħar nett, il-proposta biex tiġi mmodifikata d-Direttiva tal-VAT se tagħmel l-użu tal-IOSS obbligatorju għall-postijiet tas-suq. Għalhekk, ir-regoli attwali, stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ persuna taxxabbli li ma għadhiex tikkwalifika biex tuża l-iskema, huma adattati.
Il-modifiki u ż-żidiet mal-Artikolu 57a jikkompletaw id-definizzjonijiet li japplikaw għall-iskemi eżistenti tal-OSS (skema tal-Unjoni u mhux tal-Unjoni) billi jinkludu l-iskema l-ġdida ta’ simplifikazzjoni għat-trasferimenti ta’ merkanzija proprja;
Il-paragrafu 3 il-ġdid fl-Artikolu 57d idaħħal id-dispożizzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-VAT għall-iskema speċjali għat-trasferimenti ta’ merkanzija proprja u minn meta l-persuna taxxabbli se titħalla tibda tapplika l-iskema;
Il-modifika fl-Artikolu 57e tispeċifika n-numru tal-VAT li l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu juża biex jidentifika l-persuna taxxabbli li tuża l-iskema ta’ trasferimenti ta’ merkanzija proprja;
Iż-żidiet mal-Artikolu 57f jidentifikaw l-azzjonijiet li l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni jenħtieġ li jieħu f’każ li l-persuna taxxabbli tiġi eskluża mill-iskema ta’ trasferimenti ta’ merkanzija proprja;
Iż-żidiet mal-Artikolu 57g jipprovdu dettalji dwar l-obbligi ta’ persuna taxxabbli li volontarjament tkun tixtieq tieqaf tuża l-iskema. Meta dan jikkonċerna l-użu tal-iskema ta’ trasferimenti ta’ merkanzija proprja, dawn ir-regoli huma l-istess bħal dawk għall-iskemi tal-Unjoni u dawk mhux tal-Unjoni. Madankollu, meta dan jikkonċerna fornitur meqjus li juża l-iskema tal-IOSS, l-Artikolu jneħħi l-possibbiltà għal dan il-fornitur meqjus li volontarjament jikkanċella r-reġistrazzjoni tiegħu, peress li l-użu tal-IOSS isir obbligatorju għal dawk in-negozjanti;
Il-paragrafu 2a l-ġdid fl-Artikolu 58 jipprovdi dettalji ġodda dwar il-kundizzjonijiet għall-esklużjoni fil-kuntest tal-iskema ta’ trasferimenti ta’ merkanzija proprja;
L-Artikolu 58aa l-ġdid jispeċifika li l-fornituri meqjusa ma jistgħux jiġu esklużi mill-iskema IOSS peress li din l-iskema hija obbligatorja għalihom;
Iż-żidiet għall-Artikolu 58a jżidu referenzi għall-iskema speċjali l-ġdida ta’ trasferimenti ta’ merkanzija proprja għall-finijiet tas-sitwazzjonijiet rilevanti ta’ waqfien tal-attivitajiet taxxabbli;
Iż-żidiet għall-Artikolu 58b ikopru l-konsegwenzi fejn utent tal-IOSS obbligatorju jonqos b’mod persistenti milli jikkonforma mar-regoli relatati ma’ dik l-iskema;
Iż-żidiet għall-Artikolu 58c jikkonċernaw l-iskema speċjali l-ġdida ta’ trasferimenti ta’ merkanzija proprja sabiex f’każ ta’ esklużjoni minn din l-iskema, persuna taxxabbli għandha tissodisfa l-obbligi tagħha relatati mal-VAT direttament lill-Istat Membru fejn il-merkanzija tkun intbagħtet jew ġiet ittrasportata;
Iż-żidiet għall-Artikoli 59 u 59a(2) jagħtu dettalji dwar ir-regoli speċifiċi li għandhom x’jaqsmu mad-dikjarazzjoni tal-VAT (perjodiċità u kontenut) għall-iskema ta’ trasferimenti ta’ merkanzija proprja;
Iż-żidiet għall-Artikolu 60a li jittratta tfakkiriet elettroniċi, għall-Artikolu 61 li jittratta l-bidliet fiċ-ċifri tad-dikjarazzjoni tal-VAT u għall-Artikolu 61a li huwa relatat mas-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni finali tal-VAT u l-pagament finali tal-VAT jikkonċernaw referenza għall-Istat Membru li lilu tkun intbagħtet jew ġiet ittrasportata l-merkanzija, li huwa meħtieġ minħabba li fl-iskema ta’ trasferimenti ta’ merkanzija proprja ma jkunx hemm Stat Membru ta’ konsum, iżda minflok ikun hemm Stat Membru fejn tasal il-merkanzija;
Iż-żidiet għall-Artikolu 63c(3) jagħmlu r-rapportar tar-rata tal-VAT u tal-ammont tal-VAT soġġett għar-rilevanza, billi skont ir-regola l-ġdida, il-provvisti bi klassifikazzjoni żero u dawk eżentati jeħtieġ li jiġu rrapportati wkoll. Id-data addizzjonali ulterjuri li jeħtieġ li tinżamm mill-fornitur meqjus fir-rigward tal-iskemi tal-Unjoni u dawk mhux tal-Unjoni, tikkonċerna informazzjoni dettaljata tal-fornituri li jużaw il-pjattaforma tiegħu biex jipprovdu prodotti u servizzi, kemm l-informazzjoni li jridu jżommu kif ukoll informazzjoni oħra li jeħtieġu li jżommu biss jekk tkun disponibbli. Fl-aħħar nett, huma introdotti obbligi ta’ żamma ta’ rekords għal persuni taxxabbli li jużaw l-iskema ta’ trasferimenti ta’ merkanzija proprja.
2022/0410 (NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni għal ċerti skemi tal-VAT
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u b’mod partikolari l-Artikolu 397 tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Għall-funzjonament xieraq tal-mudell tal-fornitur meqjus, għal pjattaformi, portali, jew mezzi simili li jiffaċilitaw il-provvista ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir jew ta’ servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri, kif imsemmi fl-Artikolu 28a tad-Direttiva 2006/112/KE, huwa meħtieġ li jiġu speċifikati ċerti elementi tal-miżura.
(2)Huwa meħtieġ li jiġi ddefinit it-terminu “jiffaċilita” biex il-persuni taxxabbli li jiffaċilitaw, permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika bħal pjattaforma, portal, jew mezzi simili, il-provvista ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir jew ta’ trasport tal-passiġġieri, jingħataw ċertezza legali dwar jekk il-miżura tal-fornitur meqjus tapplikax għal dawk il-persuni taxxabbli. Ċerti fornituri, fosthom dawk li jipprovdu elenkar, jenħtieġ li jiġu esklużi b’mod espliċitu mill-miżura minħabba li ma jidħlux f’kompetizzjoni diretta mas-setturi tradizzjonali u mhux diġitali.
(3)Huwa meħtieġ li jiġi speċifikat kif il-persuni taxxabbli li jiffaċilitaw, permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika bħal pjattaforma, portal, jew mezzi simili, il-provvista ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir jew ta’ trasport tal-passiġġieri, jenħtieġ li jidentifikaw l-istatus tal-fornitur sottostanti tas-servizz. Meta ma jkunx ipprovdut numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT, dawk il-persuni taxxabbli jenħtieġ li jitqiesu li rċevew u li pprovdew is-servizzi huma stess. Il-persuna taxxabbli li tiffaċilita l-provvista ma hijiex meħtieġa li twettaq validazzjoni estensiva tan-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT ipprovdut mill-fornitur sottostanti tas-servizz.
(4)Ċerti Stati Membri jallokaw numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT lil persuni taxxabbli li ma jżommux il-VAT fuq il-provvisti tagħhom, fosthom persuni taxxabbli li jużaw l-iskema speċjali għall-intrapriżi ż-żgħar kif stabbilit fit-Titolu XII, il-Kapitolu 1, tad-Direttiva 2006/112/KE. Sabiex dik il-persuna taxxabbli li tiffaċilita l-provvista tkun tista’ tidentifika jekk il-mudell tal-fornitur meqjus japplikax jew le, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit li, f’dawk il-każijiet, jenħtieġ li l-fornitur sottostanti ma jipprovdix dak in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT lill-persuni taxxabbli li jiffaċilitaw, permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika bħal pjattaforma, portal, jew mezzi simili, il-provvista ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir jew ta’ trasport tal-passiġġieri.
(5)Jenħtieġ li persuni taxxabbli li jiffaċilitaw, permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika bħal pjattaforma, portal, jew mezzi simili, il-provvista ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir jew ta’ trasport tal-passiġġieri, ma jinżammux responsabbli għall-pagament ta’ kwalunkwe VAT dovuta meta jaġixxu fuq informazzjoni pprovduta mill-fornitur sottostanti, jekk dawk il-persuni taxxabbli jkunu jistgħu juru li ma setgħux raġonevolment ikunu jafu li dik l-informazzjoni kienet skorretta.
(6)Persuni taxxabbli li jiffaċilitaw, permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika bħal pjattaforma, portal, jew mezzi simili, il-provvista ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir jew ta’ trasport tal-passiġġieri u li huma l-fornitur meqjus jenħtieġ li jkunu jistgħu jidentifikaw faċilment l-istatus tal-klijent, jiġifieri r-riċevitur tas-servizzi sottostanti. Sabiex tiġi ffaċilitata din l-identifikazzjoni u jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq dawk il-persuni taxxabbli, dawk il-persuni taxxabbli jenħtieġ li jassumu li l-klijent ikun persuna taxxabbli meta jiġi pprovdut numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT, u persuna mhux taxxabbli meta ma jiġi pprovdut l-ebda numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT.
(7)Fid-Direttiva 2006/112/KE għandha tiġi introdotta skema ġdida ta’ simplifikazzjoni tal-Punt Uniku ta’ Servizz (OSS) għall-persuni taxxabbli li qed jittrasferixxu ċerta merkanzija proprja b’mod transfruntier. Sabiex tiġi implimentata dik l-iskema speċifika fil-qafas ġenerali tal-iskemi speċjali tal-VAT previsti fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6 tad-Direttiva 2006/112/KE, jenħtieġ li fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 jiġu pprovduti regoli speċifiċi li għandhom x’jaqsmu mal-identifikazzjoni tal-VAT, mal-kundizzjonijiet għall-esklużjoni mill-iskema, mad-dikjarazzjonijiet tal-VAT u mal-obbligi taż-żamma tar-rekords.
(8)Peress li l-iskema l-ġdida ta’ simplifikazzjoni tal-OSS se tkun komprensiva u se tinkludi movimenti transfruntieri ta’ merkanzija li bħalissa huma koperti minn arranġamenti dwar l-istokk f’kunsinna kuntrattat, dawk l-arranġamenti jridu jitneħħew mid-Direttiva 2006/112/KE. Id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni li għandhom x’jaqsmu ma’ dawk l-arranġamenti speċifiċi ma għadhomx meħtieġa, u għalhekk jenħtieġ li jitħassru mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011.
(9)L-użu tal-iskema speċjali ta’ Punt Uniku ta’ Servizz għall-Importazzjoni jrid isir obbligatorju għall-interfaċċi elettroniċi li jiffaċilitaw bħala fornitur meqjus ċertu bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija importata permezz ta’ bidliet introdotti fid-Direttiva 2006/112/KE. In-natura obbligatorja ta’ dik l-iskema taffettwa l-kundizzjonijiet għall-identifikazzjoni u l-esklużjonijiet għal dawk il-persuni taxxabbli. Għalhekk, dawn il-kundizzjonijiet jenħtieġ li jiġu emendati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011.
(10)Skont l-Artikolu 242a tad-Direttiva 2006/112/KE, il-persuni taxxabbli li jiffaċilitaw, permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika bħal post tas-suq, pjattaforma, portal jew mezzi simili, il-provvista ta’ prodotti jew servizzi lil persuna mhux taxxabbli fil-Komunità f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Titolu V ta’ dik id-Direttiva huma obbligati jżommu rekords ta’ dawk il-provvisti. Madankollu, l-informazzjoni hija meħtieġa biss fir-rigward tal-provvisti ta’ prodotti jew servizzi li huma ffaċilitati mill-interfaċċa elettronika u ma hijiex meħtieġa f’każijiet fejn tapplika r-regola tal-fornitur meqjus. Sabiex tiġi appoġġata l-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT, tali informazzjoni relatata mal-fornituri sottostanti jenħtieġ li tiġi inkluża wkoll fis-sett obbligatorju ta’ informazzjoni li għandu jinżamm minn fornituri meqjusa li huma rreġistrati biex jużaw l-iskemi speċjali ta’ simplifikazzjoni ta’ Punt Uniku ta’ Servizz. Dawk l-elementi addizzjonali tad-data jenħtieġ li jippermettu tqabbil tal-informazzjoni rrapportata mill-pjattaformi mad-data dwar il-pagamenti fuq tranżazzjonijiet transfruntieri disponibbli fis-sistema elettronika ċentrali ta’ informazzjoni dwar il-pagamenti kif stabbilita mill-Kapitolu V, it-Taqsima 2, tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 u li jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2024.
(11)L-elementi tad-Direttiva 2006/112/KE li jeħtieġu emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 għandhom jiġu trasposti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali mill-Istati Membri sal-31 ta’ Diċembru 2024. Għalhekk huwa meħtieġ li l-emendi għal dak ir-Regolament ikunu applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2025.
(12)Għaldaqstant, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 huwa emendat kif ġej:
(1)Fil-Kapitolu IV, it-Taqsima 2 jiddaħħlu l-Artikoli 9b sa 9e li ġejjin:
“Artikolu 9b
1.
Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28a tad-Direttiva 2006/112/KE, it-terminu “jiffaċilita” għandu jfisser l-użu ta’ interfaċċa elettronika biex klijent u fornitur li joffru provvisti ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir jew trasport tal-passiġġieri permezz tal-interfaċċa elettronika jkunu jistgħu jidħlu f’kuntatt, li jirriżulta fi provvista ta’ dawk is-servizzi permezz ta’ dik l-interfaċċa elettronika.
Madankollu, persuna taxxabbli ma għandhiex titqies li tiffaċilita provvista ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir jew trasport tal-passiġġieri meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a)dik il-persuna taxxabbli ma tistabbilixxix, direttament jew indirettament, kwalunkwe wieħed mit-termini u l-kundizzjonijiet li skonthom issir il-provvista;
(b)dik il-persuna taxxabbli ma hijiex, direttament jew indirettament, involuta fl-awtorizzazzjoni tal-ħlas lill-klijent fir-rigward tal-pagamenti li jkunu saru;
(c)dik il-persuna taxxabbli ma hijiex, direttament jew indirettament, involuta fil-forniment ta’ dawk is-servizzi.
2.
L-Artikolu 28a tad-Direttiva 2006/112/KE ma għandux japplika għal persuna taxxabbli li tipprovdi biss kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:
(a)l-ipproċessar ta’ pagamenti fir-rigward tal-provvista ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir jew trasport tal-passiġġieri;
(b)l-elenkar jew ir-reklamar ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir jew trasport tal-passiġġieri;
(c)id-direzzjonar mill-ġdid jew it-trasferiment tal-klijenti lejn interfaċċi elettroniċi oħra fejn il-kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir jew is-servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri huma offruti għall-bejgħ, mingħajr l-ebda intervent ieħor fil-provvista.
Artikolu 9c
L-Artikolu 28a tad-Direttiva 2006/112/KE għandu japplika meta l-persuna li tipprovdi servizz ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir jew ta’ trasport tal-passiġġieri ma tipprovdix lill-persuna taxxabbli li tiffaċilita s-servizz permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika bħal pjattaforma, portal, jew mezzi simili, b’numru validu ta’ identifikazzjoni tal-VAT.
Meta l-persuna li tipprovdi s-servizz sottostanti jkollha numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT u taqa’ taħt kwalunkwe waħda mill-kategoriji elenkati fl-Artikolu 28a, il-punti (c) sa (f), tad-Direttiva 2006/112/KE, dak in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT ma għandux jiġi kkomunikat lill-persuna taxxabbli li tiffaċilita s-servizz.
Artikolu 9d
Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28a tad-Direttiva 2006/112/KE, fejn, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-persuna li tipprovdi s-servizz sottostanti, persuna taxxabbli ma taġixxix bħala l-fornitur meqjus, dik il-persuna taxxabbli ma għandhiex tinżamm responsabbli għall-pagament tal-VAT dovuta jekk sussegwentement jinstab li dik il-persuna taxxabbli kellha titqies bħala l-fornitur, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a)il-persuna taxxabbli tkun dipendenti biss fuq l-informazzjoni pprovduta mill-fornitur tas-servizzi;
(b)l-informazzjoni hekk ipprovduta tkun żbaljata;
(c)il-persuna taxxabbli tista’ turi li hija ma kinitx u ma setgħetx raġonevolment tkun taf li dik l-informazzjoni kienet żbaljata.
Artikolu 9e
Sakemm il-persuna taxxabbli ma jkollhiex informazzjoni kuntrarja, il-persuna taxxabbli li titqies li rċeviet u pprovdiet servizzi skont l-Artikolu 28a tad-Direttiva 2006/112/KE għandha tqis il-persuna li lilha ġew fornuti dawk is-servizzi bħala persuna mhux taxxabbli, meta dik il-persuna li lilha ġew fornuti dawk is-servizzi ma tipprovdix numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT.”;
(2)fl-Artikolu 54a, jiżdied il-paragrafu li ġej:
“3. It-Taqsima 1A tal-Kapitolu X ma għandhiex tibqa’ tapplika fil-31 ta’ Diċembru 2025.”;
(3)fil-Kapitolu XI, l-intestatura tat-Taqsima 2 hija sostitwita b’dan li ġej:
“TAQSIMA 2
Skemi speċjali għall-persuni taxxabbli li jfornu servizzi lil persuni mhux taxxabbli jew li jagħmlu bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija, ċerti provvisti domestiċi ta’ merkanzija jew ċerti trasferimenti ta’ merkanzija proprja
(l-Artikoli 358 sa 369xj tad-Direttiva 2006/112/KE)”;
(4)l-Artikolu 57a huwa emendat kif ġej:
(a)jiddaħħal il-punt (3a) li ġej:
“(3a)
“skema ta’ trasferimenti ta’ merkanzija proprja” tfisser l-iskema speċjali għat-trasferimenti ta’ merkanzija proprja kif stabbilit fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 5, tad-Direttiva 2006/112/KE;”;
(b)il-punti (4) u (5) huma sostitwiti b’dan li ġej:
“(4) ‘skema speċjali’ tfisser l-“iskema mhux tal-Unjoni”, l-“iskema tal-Unjoni”, l-“iskema ta’ importazzjoni” jew l-“iskema ta’ trasferimenti ta’ merkanzija proprja” kif jirrikjedi l-kuntest;”;
(5)
“persuna taxxabbli” tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:
(i)
persuna taxxabbli kif imsemmi fl-Artikolu 359 tad-Direttiva 2006/112/KE li għandha permess tuża l-iskema mhux tal-Unjoni;
(ii)
persuna taxxabbli kif imsemmi fl-Artikolu 369b tad-Direttiva 2006/112/KE li għandha permess tuża l-iskema tal-Unjoni;
(iii)
persuna taxxabbli kif imsemmi fl-Artikolu 369m tad-Direttiva 2006/112/KE li għandha permess tuża l-iskema ta’ importazzjoni;
(iv)
persuna taxxabbli kif imsemmi fl-Artikolu 369xb tad-Direttiva 2006/112/KE li għandha permess tuża l-iskema ta’ trasferimenti ta’ merkanzija proprja;”;
(5)fl-Artikolu 57d, jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:
“3.
Meta persuna taxxabbli tinforma lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni li hija jkollha l-ħsieb li tagħmel użu mill-iskema ta’ trasferimenti ta’ merkanzija proprja, dik l-iskema speċjali għandha tapplika mill-ewwel jum tax-xahar kalendarju ta’ wara.
Madankollu, meta l-ewwel trasferiment ta’ merkanzija li għandu jkun kopert mill-iskema ta’ trasferimenti ta’ merkanzija proprja jseħħ qabel dik id-data, l-iskema speċjali għandha tapplika mid-data ta’ dak l-ewwel trasferiment, dment li l-persuna taxxabbli tinforma lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni dwar il-bidu tal-attivitajiet tagħha li għandhom jiġu koperti mill-iskema, mhux aktar tard mill-10 jum tax-xahar wara dik l-ewwel provvista.”;
(6)fl-Artikolu 57e, jiżdied il-paragrafu li ġej:
“L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jidentifika l-persuna taxxabbli li tuża l-iskema ta’ trasferimenti ta’ merkanzija proprja permezz tan-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tagħha msemmi fl-Artikoli 214 u 215 tad-Direttiva 2006/112/KE.”;
(7)l-Artikolu 57f huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 2, it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Minkejja t-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, meta dik il-persuna taxxabbli titqies li tkun irċeviet u forniet, f’konformità mal-Artikolu 14a(1) tad-Direttiva 2006/112/KE, dik il-persuna taxxabbli għandha tindika, bħala l-Istat Membru l-ġdid ta’ identifikazzjoni, l-Istat Membru li fih dik il-persuna taxxabbli tkun stabbiliet in-negozju tagħha jew, jekk dik il-persuna taxxabbli ma tkunx stabbiliet in-negozju tagħha fil-Komunità, Stat Membru fejn dik il-persuna taxxabbli jkollha stabbiliment fiss.
Meta l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni jinbidel f’konformità mat-tieni jew mat-tielet subparagrafu, dik il-bidla għandha tapplika mid-data li fiha l-persuna taxxabbli jew l-intermedjarju tagħha ma jibqax ikollhom post tan-negozju jew stabbiliment fiss fl-Istat Membru indikat qabel bħala l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.”:
(b)jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:
“3.
Meta persuna taxxabbli li tuża l-iskema ta’ trasferimenti ta’ merkanzija proprja ma tibqax tissodisfa l-kundizzjonijiet tad-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 369xa, il-punt (2) tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istat Membru li fih tkun ġiet identifikata dik il-persuna taxxabbli ma għandux jibqa’ l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.
Madankollu, meta dik il-persuna taxxabbli tkun għadha tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-użu ta’ dik l-iskema speċjali, dik il-persuna taxxabbli għandha, sabiex tkompli tuża dik l-iskema, tindika, bħala l-Istat Membru l-ġdid ta’ identifikazzjoni, l-Istat Membru li fih dik il-persuna taxxabbli tkun stabbiliet in-negozju tagħha jew, jekk dik il-persuna taxxabbli ma tkunx stabbiliet in-negozju tagħha fil-Komunità, Stat Membru fejn dik il-persuna taxxabbli jkollha stabbiliment fiss. Meta l-persuna taxxabbli li tuża l-iskema ta’ trasferimenti ta’ merkanzija proprja ma tkunx stabbilita fil-Komunità, dik il-persuna taxxabbli għandha tindika, bħala l-Istat Membru l-ġdid ta’ identifikazzjoni, Stat Membru li minnu tibgħat jew tittrasporta l-merkanzija.
Meta l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni jinbidel f’konformità mat-tieni subparagrafu, dik il-bidla għandha tapplika mid-data li fiha l-persuna taxxabbli ma jibqax ikollha post tan-negozju jew stabbiliment fiss fl-Istat Membru indikat qabel bħala l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni, jew mid-data li fiha dik il-persuna taxxabbli ma tibqax tibgħat jew tittrasporta l-merkanzija minn dak l-Istat Membru.”;
(8)fl-Artikolu 57g, jiżdiedu l-paragrafi 3 u 4 li ġejjin:
“3.
Persuna taxxabbli li tuża l-iskema ta’ importazzjoni li titqies li tkun irċeviet u forniet merkanzija f’konformità mal-Artikolu 14a(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tista’ tieqaf tuża dik l-iskema biss jekk dik il-persuna taxxabbli ma tibqax twettaq bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija importata minn territorji terzi jew minn pajjiżi terzi. Il-persuna taxxabbli jew l-intermedjarju li jaġixxi f’isimha għandhom jinformaw lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni mill-inqas 15-il jum qabel tmiem ix-xahar ta’ qabel dak li fih dik il-persuna taxxabbli tkun biħsiebha tieqaf tuża l-iskema. Il-waqfien għandu jkun effettiv mill-ewwel jum tax-xahar ta’ wara u l-persuna taxxabbli ma għandhiex tibqa’ titħalla tuża l-iskema għall-provvisti mwettqa minn dak il-jum.
4.
Persuna taxxabbli li tuża l-iskema ta’ trasferimenti ta’ merkanzija proprja tista’ tieqaf tuża dik l-iskema speċjali irrispettivament minn jekk dik il-persuna taxxabbli tkomplix tittrasferixxi merkanzija li tista’ tkun eliġibbli għal dik l-iskema speċjali. Il-persuna taxxabbli għandha tinforma lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni mill-inqas 15-il jum qabel tmiem ix-xahar kalendarju ta’ qabel dak li fih il-persuna taxxabbli tkun biħsiebha tieqaf tuża l-iskema. Il-waqfien għandu jkun effettiv mill-ewwel jum tax-xahar kalendarju li jmiss. L-obbligi tal-VAT relatati mat-trasferimenti ta’ merkanzija proprja li jirriżultaw wara d-data li fiha l-waqfien ikun sar effettiv għandhom jiġu rilaxxati direttament mal-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri li l-merkanzija tkun intbagħtet jew ġiet ittrasportata minnhom u lejhom.”;
(9)l-Artikolu 58 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1.
Meta persuna taxxabbli li tuża waħda mill-iskemi speċjali tissodisfa kriterju wieħed jew aktar mill-kriterji għall-esklużjoni stabbiliti fl-Artikoli 369e jew 369xe tad-Direttiva 2006/112/KE, jew għat-tħassir mir-reġistru ta’ identifikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 363 jew fl-Artikolu 369r(1) u (3) ta’ dik id-Direttiva, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jeskludi lill-persuna taxxabbli minn dik l-iskema.
L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni biss jista’ jeskludi persuna taxxabbli minn waħda mill-iskemi speċjali.
L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jibbaża d-deċiżjoni tiegħu dwar l-esklużjoni jew it-tħassir fuq kwalunkwe informazzjoni disponibbli, inkluża informazzjoni pprovduta minn kwalunkwe Stat Membru ieħor.”;
(b)jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:
“2a.
L-esklużjoni ta’ persuna taxxabbli mill-iskema ta’ trasferimenti ta’ merkanzija proprja għandha tkun effettiva mill-ewwel jum tax-xahar kalendarju wara l-jum li fih id-deċiżjoni dwar l-esklużjoni tintbagħat b’mezzi elettroniċi lill-persuna taxxabbli. Madankollu, meta l-esklużjoni tkun dovuta għal bidla fil-post tan-negozju jew fl-istabbiliment fiss, jew tal-post minn fejn jibdew id-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija, l-esklużjoni għandha tkun effettiva mid-data ta’ dik il-bidla.”;
(10)l-Artikolu 58a huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 58a
Persuna taxxabbli li tuża skema speċjali li, għal perjodu ta’ sentejn, ma tkun għamlet l-ebda provvista ta’ merkanzija jew ta’ servizzi jew l-ebda trasferiment ta’ merkanzija proprja koperti minn dik l-iskema għandha titqies li tkun waqfet l-attivitajiet taxxabbli tagħha skont it-tifsira tal-Artikolu 363(b), l-Artikolu 369e(b), l-Artikolu 369r(1)(b), l-Artikolu 369r(3), l-Artikolu 369xe(b) tad-Direttiva 2006/112/KE. Dak il-waqfien ma għandux jipprekludi l-użu ta’ skema speċjali jekk dik il-persuna taxxabbli terġa’ tibda l-attivitajiet tagħha koperti minn kwalunkwe skema prevista fil-Kapitolu 6 tat-Titolu XII ta’ dik id-Direttiva.”;
(11)jiddaħħal l-Artikolu 58aa li ġej:
“Artikolu 58aa
Għall-finijiet tal-iskema speċjali koperta mit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 4, tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Artikolu 58 ta’ dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 3(a), tiegħu, ma għandhomx japplikaw għal persuna taxxabbli li titqies li tkun irċeviet u pprovdiet merkanzija f’konformità mal-Artikolu 14a(1) ta’ dik id-Direttiva.”;
(12)l-Artikolu 58b huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 1, jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:
“Għall-finijiet tal-iskema speċjali koperta mit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 4, tad-Direttiva 2006/112/KE, l-ewwel subparagrafu ma għandux japplika meta l-persuna taxxabbli titqies li tkun irċeviet u forniet merkanzija f’konformità mal-Artikolu 14a(1) ta’ dik id-Direttiva. Madankollu, meta dik il-persuna taxxabbli tiġi eskluża minn waħda mill-iskemi speċjali l-oħra minħabba nuqqas persistenti ta’ konformità mar-regoli ta’ dawk l-iskemi speċjali, dik il-persuna taxxabbli għandha tibqa’ eskluża milli tuża dawk l-iskemi speċjali l-oħra fi kwalunkwe Stat Membru għal sentejn wara l-perjodu tad-dikjarazzjoni li matulu dik il-persuna taxxabbli kienet eskluża.
Meta dik il-persuna taxxabbli tonqos b’mod persistenti milli tikkonforma mar-regoli tal-iskema speċjali koperta mit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 4, tad-Direttiva 2006/112/KE, dik il-persuna taxxabbli ma għandhiex tiġi eskluża minn dik l-iskema iżda għandha tiġi eskluża mill-iskemi speċjali l-oħra kollha għas-sentejn ta’ wara l-perjodu tad-dikjarazzjoni li matulu tkun instabet li qed tonqos b’mod persistenti milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont dik l-iskema.”;
(b)il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“2.
Persuna taxxabbli jew intermedjarju għandhom jitqiesu li naqsu b’mod persistenti milli jikkonformaw mar-regoli relatati ma’ waħda mill-iskemi speċjali, skont it-tifsira tal-Artikolu 363(d), l-Artikolu 369e(d), l-Artikolu 369r(1)(d), l-Artikolu 369r(2)(c), l-Artikolu 369r(3)(d), jew l-Artikolu 369xe(d) tad-Direttiva 2006/112/KE, fil-każijiet li ġejjin:
(a)meta jkunu nħarġu tfakkiriet skont l-Artikolu 60a ta’ dan ir-Regolament lill-persuna taxxabbli, jew lill-intermedjarju li jaġixxi f’isimha mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għal tliet perjodi tad-dikjarazzjoni immedjatament preċedenti u d-dikjarazzjoni tal-VAT ma tkunx ġiet sottomessa għal kull wieħed minn dawn il-perjodi tad-dikjarazzjoni fi żmien 10 ijiem wara li tkun intbagħtet it-tfakkira;
(b)meta jkunu nħarġu tfakkiriet skont l-Artikolu 63a ta’ dan ir-Regolament lill-persuna taxxabbli jew lill-intermedjarju li jaġixxi f’isimha mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għal tliet perjodi tad-dikjarazzjoni immedjatament preċedenti, u ma jkunx tħallas l-ammont sħiħ tal-VAT iddikjarat minn dik il-persuna taxxabbli, jew mill-intermedjarju li jaġixxi f’isimha għal kull wieħed minn dawn il-perjodi tad-dikjarazzjoni fi żmien 10 ijiem wara li tkun intbagħtet it-tfakkira, ħlief meta l-ammont mhux imħallas li jifdal ikun inqas minn EUR 100 għal kull perjodu tad-dikjarazzjoni;
(c)meta, wara talba mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni, u xahar wara tfakkira sussegwenti mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni, il-persuna taxxabbli, jew l-intermedjarju li jaġixxi f’isimha jkunu naqsu milli jagħmlu disponibbli elettronikament ir-rekords imsemmija fl-Artikoli 369, 369k, 369x u 369xk tad-Direttiva 2006/112/KE.”;
(13)l-Artikolu 58c huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 58c
Persuna taxxabbli li tkun ġiet eskluża mill-iskema mhux tal-Unjoni, mill-iskema tal-Unjoni jew mill-iskema ta’ trasferimenti ta’ merkanzija proprja għandha twettaq l-obbligi kollha tal-VAT relatati mal-provvisti ta’ merkanzija jew ta’ servizzi, jew trasferimenti ta’ merkanzija proprja, li jirriżultaw wara d-data li fiha l-esklużjoni tkun saret effettiva direttament mal-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istat Membru tal-konsum ikkonċernat jew mal-Istat Membru li fih il-merkanzija tkun intbagħtet jew ġiet trasportata.”;
(14)l-Artikolu 59 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1.
Kwalunkwe perjodu tad-dikjarazzjoni skont it-tifsira tal-Artikoli 364, 369f, 369s jew 369xf tad-Direttiva 2006/112/KE għandu jkun perjodu tad-dikjarazzjoni separat.”;
(b)jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:
“2a.
Meta, f’konformità mal-Artikolu 57d(3), it-tieni subparagrafu, l-iskema ta’ trasferimenti ta’ merkanzija tapplika mid-data tal-ewwel trasferiment, il-persuna taxxabbli għandha tippreżenta dikjarazzjoni tal-VAT separata għax-xahar kalendarju li matulu jkun seħħ l-ewwel trasferiment.”;
(c)jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:
“3a.
Meta persuna taxxabbli tkun ġiet irreġistrata taħt l-iskema ta’ trasferimenti ta’ merkanzija proprja matul perjodu ta’ dikjarazzjoni, il-persuna taxxabbli għandha tissottometti dikjarazzjonijiet tal-VAT lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni fir-rigward tat-trasferimenti magħmula u l-perjodi koperti minn dik l-iskema.”,
(d)il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“4.
Meta l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni jinbidel f’konformità mal-Artikolu 57f wara l-ewwel jum tal-perjodu tad-dikjarazzjoni inkwistjoni, il-persuna taxxabbli jew l-intermedjarju li jaġixxi f’isimha għandu jissottometti d-dikjarazzjonijiet tal-VAT u, fejn applikabbli, jagħmel pagamenti korrispondenti kemm lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni preċedenti kif ukoll lill-Istat Membru l-ġdid li jkopru l-provvisti magħmula matul il-perjodi rispettivi li fihom dawk l-Istati Membri kienu l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.”;
(15)l-Artikolu 59a huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 59a
Meta persuna taxxabbli li tuża skema speċjali ma tkun ipprovdiet l-ebda merkanzija jew servizz fi kwalunkwe Stat Membru ta’ konsum jew ma tkun għamlet l-ebda trasferiment ta’ merkanzija proprja taħt l-iskema ta’ trasferiment ta’ merkanzija proprja matul perjodu tad-dikjarazzjoni u ma jkollha l-ebda korrezzjoni x’tagħmel fir-rigward ta’ dikjarazzjonijiet preċedenti, il-persuna taxxabbli, jew l-intermedjarju li jaġixxi f’isimha għandu jissottometti dikjarazzjoni tal-VAT li tindika li ma saret l-ebda provvista jew trasferiment matul dak il-perjodu (dikjarazzjoni tal-VAT żero).”;
(16)l-Artikolu 60a huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 60a
L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jfakkar, b’mezzi elettroniċi, lill-persuni taxxabbli, jew lill-intermedjarji li jaġixxu f’isimhom, li jkunu naqsu milli jissottomettu dikjarazzjoni tal-VAT skont l-Artikoli 364, 369f, 369s jew 369xf tad-Direttiva 2006/112/KE dwar l-obbligu tagħhom li jissottomettu din id-dikjarazzjoni. L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu joħroġ it-tfakkira fl-10 jum wara dak li fih kellha tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni, u għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra b’mezzi elettroniċi li tkun inħarġet tfakkira.
Kwalunkwe tfakkira u pass sussegwenti meħuda biex tiġi vvalutata u miġbura l-VAT għandhom ikunu r-responsabbiltà tal-Istat Membru tal-konsum ikkonċernat jew tal-Istat Membru li lilu tkun intbagħtet jew ġiet ittrasportata l-merkanzija.
Minkejja kwalunkwe tfakkira maħruġa u kwalunkwe pass meħud minn Stat Membru tal-konsum jew minn Stat Membru li lilu tkun intbagħtet jew ġiet ittrasportata l-merkanzija, il-persuna taxxabbli jew l-intermedjarju li jaġixxi f’isimha għandu jissottometti d-dikjarazzjoni tal-VAT lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.”;
(17)l-Artikolu 61 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 61
“1.
Il-bidliet fiċ-ċifri li jinsabu f’dikjarazzjoni tal-VAT relatata mal-perjodi sat-tieni perjodu ta’ dikjarazzjoni fl-2021 inkluż, wara s-sottomissjoni ta’ dik id-dikjarazzjoni tal-VAT, għandhom isiru biss permezz ta’ emendi għal dik id-dikjarazzjoni u mhux permezz ta’ aġġustamenti f’dikjarazzjoni sussegwenti.
Il-bidliet fiċ-ċifri li jinsabu f’dikjarazzjoni tal-VAT relatata ma’ perjodi mit-tielet perjodu ta’ dikjarazzjoni fl-2021 għandhom, wara d-data li fiha d-dikjarazzjoni kienet meħtieġa li tiġi sottomessa f’konformità mad-Direttiva 2006/112/KE, isiru biss permezz ta’ aġġustamenti f’dikjarazzjoni sussegwenti.
2.
L-emendi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ppreżentati b’mod elettroniku lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni fi żmien 3 snin mid-data li fiha kien meħtieġ li tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni inizjali.
Madankollu, ir-regoli tal-Istat Membru tal-konsum jew tal-Istat Membru li fih tkun intbagħtet jew ġiet ittrasportata l-merkanzija, dwar valutazzjonijiet u emendi għandhom jibqgħu mhux affettwati.”;
(18)l-Artikolu 61a huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 61a
1.
Persuna taxxabbli jew intermedjarju li jaġixxi f’isimha għandhom jissottomettu d-dikjarazzjoni finali tal-VAT u kwalunkwe sottomissjoni tard ta’ dikjarazzjonijiet preċedenti, u l-pagamenti korrispondenti, fejn rilevanti, lill-Istat Membru li kien l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni fiż-żmien tal-waqfien, tal-esklużjoni jew tal-bidla meta dik il-persuna taxxabbli:
(a)ma tibqax tuża waħda mill-iskemi speċjali;
(b)tkun eskluża minn waħda mill-iskemi speċjali;
(c)tibdel l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 57f.
Kwalunkwe korrezzjoni għad-dikjarazzjoni finali u għad-dikjarazzjonijiet preċedenti li tirriżulta wara s-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni finali għandha tiġi mgħarrfa direttament lill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istat Membru tal-konsum ikkonċernat jew lill-Istat Membru li lilu tkun intbagħtet jew ġiet ittrasportata l-merkanzija.
2.
Fir-rigward tal-persuni taxxabbli kollha li f’isimhom ikun qed jaġixxi intermedjarju, dak l-intermedjarju għandu jissottometti d-dikjarazzjonijiet finali tal-VAT u kwalunkwe sottomissjoni tard ta’ dikjarazzjonijiet preċedenti, u l-pagamenti korrispondenti, fejn rilevanti, lill-Istat Membru li kien l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni fiż-żmien tat-tħassir jew tal-bidla meta dak l-intermedjarju:
(a)jitħassar mir-reġistru ta’ identifikazzjoni;
(b)jibdel l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 57f(2).
Kwalunkwe korrezzjoni għad-dikjarazzjoni finali u għad-dikjarazzjonijiet preċedenti li tirriżulta wara s-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni finali għandha tiġi mgħarrfa direttament lill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istat Membru tal-konsum ikkonċernat jew lill-Istat Membru li lilu tkun intbagħtet jew ġiet ittrasportata l-merkanzija.”;
(19)l-Artikolu 63c huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:
(i)
il-punti (f) u (g) huma sostitwiti b’dan li ġej:
“(f)ir-rata tal-VAT applikata, fejn rilevanti;
(g)l-ammont ta’ VAT li għandu jitħallas, bl-indikazzjoni tal-munita użata, meta rilevanti;”;
(ii)
il-punti (k) u (l) huma sostitwiti b’dan li ġej:
“(k)fir-rigward ta’ servizzi, l-informazzjoni użata biex jiġi ddeterminat il-post tal-provvista tas-servizz u, fir-rigward tal-merkanzija, l-informazzjoni użata biex jiġi ddeterminat il-post fejn jibda u jispiċċa d-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija lill-klijent;
(1)kwalunkwe prova ta’ ritorn possibbli ta’ merkanzija, inkluż l-ammont taxxabbli u r-rata tal-VAT applikata;”;
(iii)
jiżdied il-punt (m) li ġej:
“(m)fir-rigward ta’ provvisti meta l-persuna taxxabbli titqies li tkun irċeviet u forniet merkanzija f’konformità mal-Artikolu 14a tad-Direttiva 2006/112/KE, l-isem, l-indirizz postali u l-indirizz elettroniku jew is-sit web tal-fornitur li l-provvisti tiegħu huma ffaċilitati permezz tal-użu tal-interfaċċa elettronika, u, jekk disponibbli:
i) in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT jew in-numru tat-taxxa nazzjonali tal-fornitur;
ii) in-numru tal-kont tal-bank jew in-numru tal-kont virtwali tal-fornitur.”;
(b)il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:
(i)
il-punt (m) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(m)in-numru uniku tal-kunsinna meta dik il-persuna taxxabbli tkun direttament involuta fil-konsenja;”;
(ii)
jiżdied il-punt (n) li ġej:
“(n)fir-rigward ta’ provvisti meta l-persuna taxxabbli titqies li tkun irċeviet u forniet merkanzija f’konformità mal-Artikolu 14a tad-Direttiva 2006/112/KE, l-isem, l-indirizz postali u l-indirizz elettroniku jew is-sit web tal-fornitur li l-provvisti tiegħu huma ffaċilitati permezz tal-użu tal-interfaċċa elettronika, u, jekk disponibbli:
(i) in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT jew in-numru tat-taxxa nazzjonali tal-fornitur;
(ii) in-numru tal-kont tal-bank jew in-numru tal-kont virtwali tal-fornitur.”;
(c)jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:
“2a.
Sabiex jitqiesu bħala dettaljati biżżejjed skont it-tifsira tal-Artikoli 369xk tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-rekords miżmuma mill-persuna taxxabbli għandu jkun fihom l-informazzjoni kollha li ġejja:
(a)fir-rigward tal-Istat Membru li minnu tkun intbagħtet jew ġiet ittrasportata l-merkanzija:
(i) in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-persuna taxxabbli jew in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa f’dak l-Istat Membru, jekk ikun hemm;
(ii) l-indirizz li minnu l-merkanzija tkun intbagħtet jew ġiet ittrasportata;
(b)fir-rigward tal-Istat Membru li lilu tkun intbagħtet jew ġiet ittrasportata l-merkanzija:
(i) in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-persuna taxxabbli jew in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa f’dak l-Istat Membru, jekk ikun hemm;
(ii) l-indirizz li fih tkun intbagħtet jew ġiet ittrasportata l-merkanzija;
(c)id-deskrizzjoni u l-kwantità tal-merkanzija mibgħuta jew ittrasportata lejn Stat Membru ieħor;
(d)id-data tat-trasferiment tal-merkanzija msemmija fil-punt (c);
(e)l-ammont taxxabbli, bl-indikazzjoni tal-munita użata;
(f)kull żieda jew tnaqqis sussegwenti tal-ammont taxxabbli;
(g)fejn tinħareġ awtofattura, l-informazzjoni li tinsab fuq il-fattura;
(h)fir-rigward ta’ trasferimenti meta l-persuna taxxabbli titqies li tkun irċeviet u forniet merkanzija f’konformità mal-Artikolu 14a tad-Direttiva 2006/112/KE, l-isem, l-indirizz postali u l-indirizz elettroniku jew is-sit web tal-fornitur li t-trasferiment tal-merkanzija tiegħu jiġi ffaċilitat permezz tal-użu tal-interfaċċa elettronika, u, jekk disponibbli:
(i) in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT jew in-numru tat-taxxa nazzjonali tal-fornitur
(ii) in-numru tal-kont tal-bank jew in-numru tal-kont virtwali tal-fornitur.”;
(d)il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“3.
L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 2a ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi rreġistrata mill-persuna taxxabbli jew mill-intermedjarju li jaġixxi f’isimha b’tali mod li tkun tista’ ssir disponibbli b’mezzi elettroniċi mingħajr dewmien u fir-rigward ta’ kull merkanzija jew servizz individwali fornut, jew ittrasferit. Meta dik il-persuna taxxabbli jew l-intermedjarju li jaġixxi f’isimha jkunu ntalbu jissottomettu, b’mezzi elettroniċi, ir-rekords imsemmija fl-Artikoli 369, 369k, 369x u 369xk tad-Direttiva 2006/112/KE, u jkunu naqsu milli jissottomettuhom fi żmien 20 jum mid-data tat-talba, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jfakkar lill-persuna taxxabbli jew lill-intermedjarju li jaġixxi f’isimha biex jissottomettu dawk ir-rekords. L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu, b’mezzi elettroniċi, jinforma lill-Istati Membri tal-konsum jew lill-Istat Membru li lilu tkun intbagħtet jew ġiet ittrasportata l-merkanzija li t-tfakkira tkun intbagħtet.”.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2025.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President