IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.12.2022
COM(2022) 689 final
2022/0401(APP)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-KUNSILL
dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza fil-qasam tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika tagħhom, it-trattament ugwali fil-qasam tal-impjiegi u x-xogħol bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, it-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali u fl-aċċess għal prodotti u servizzi u l-provvista tagħhom, u li tħassar l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/43/KE u l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/113/KE
{SWD(2022) 386 final} - {SWD(2022) 387 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Il-korpi tal-ugwaljanza għandhom rwol fundamentali fl-arkitettura tan-nondiskriminazzjoni tal-UE. Dawn huma organizzazzjonijiet pubbliċi li jassistu lill-vittmi tad-diskriminazzjoni, jimmonitorjaw u jirrapportaw dwar kwistjonijiet ta’ diskriminazzjoni, u jikkontribwixxu biex titqajjem kuxjenza dwar id-drittijiet tan-nies u l-valur tal-ugwaljanza. Il-korpi tal-ugwaljanza sa issa huma meħtieġa mid-dritt tal-UE biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini razzjali u etnika u l-ġeneru f’oqsma speċifiċi. Il-liġi nazzjonali spiss tipprevedi mandat usa’.
L-għan ta’ din il-proposta huwa li jiġu stabbiliti standards vinkolanti għall-korpi tal-ugwaljanza fil-qasam ta’:
(a) it-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika tagħhom,
(b) it-trattament ugwali fi kwistjonijiet ta’ impjieg u xogħol bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom u,
(c) it-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali u fl-aċċess għal oġġetti u servizzi u l-provvista tagħhom.
Il-Kummissjoni adottat proposta separata biex tistabbilixxi standards vinkolanti għall-korpi tal-ugwaljanza fil-qasam tat-trattament ugwali u l-opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel f’materji ta’ impjieg u xogħol, inkluż l-impjieg indipendenti (“proposta parallela”). Flimkien mal-proposta parallela, din il-proposta għandha l-għan li toħloq qafas imsaħħaħ għall-korpi tal-ugwaljanza fl-Unjoni Ewropea biex tippromwovi t-trattament ugwali u l-opportunitajiet indaqs u tiġġieled id-diskriminazzjoni għar-raġunijiet kollha u fl-oqsma stabbiliti mid-Direttivi dwar l-Ugwaljanza msemmija hawn taħt.
Il-korpi tal-ugwaljanza ġew stabbiliti għall-ewwel darba mid-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali (2000/43/KE). Huma ngħataw il-kompitu li jippromwovu t-trattament ugwali permezz tal-missjonijiet li ġejjin:
-Jipprovdu assistenza indipendenti lill-vittmi tad-diskriminazzjoni fis-segwitu tal-ilmenti tagħhom rigward id-diskriminazzjoni,
-iwettqu stħarriġ indipendenti dwar id-diskriminazzjoni,
-jippubblikaw rapporti indipendenti u jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mad-diskriminazzjoni.
Tliet Direttivi sussegwenti dwar l-ugwaljanza inkarigaw lill-korpi tal-ugwaljanza bl-istess missjoni fl-oqsma rispettivi tagħhom: id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fil-qasam tal-prodotti u s-servizzi (2004/113/KE), id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fil-qasam tal-impjiegi (2006/54/KE) u d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fil-qasam tal-impjiegi indipendenti (2010/41/UE). Dawn it-tnejn tal-aħħar żiedu l-kompitu ulterjuri tal-iskambju ta’ informazzjoni ma’ korpi Ewropej korrispondenti.
Żewġ Direttivi oħra dwar l-ugwaljanza, id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi (2000/78/KE) u d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fil-qasam tas-sigurtà soċjali (79/7/KEE), ma jinkludux dispożizzjonijiet dwar il-korpi tal-ugwaljanza. Madankollu, fil-prattika, ħafna Stati Membri għażlu li jafdaw lill-korpi tal-ugwaljanza bir-raġunijiet u bl-oqsma kollha ta’ diskriminazzjoni koperti minn dawn iż-żewġ Direttivi u xi drabi aktar, permezz tad-dritt nazzjonali. Il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri issa stabbilew korpi tal-ugwaljanza “għal diversi raġunijiet” li jittrattaw bosta raġunijiet ta’ diskriminazzjoni u oqsma, li spiss imorru lil hinn minn dawk protetti mid-dritt tal-UE. Madankollu, dan ma huwiex il-każ fl-Istati Membri kollha, u f’xi każijiet, il-korpi tal-ugwaljanza għadhom lanqas ikopru r-raġunijiet u l-oqsma tad-Direttivi 2000/78/KE u 79/7/KEE.
Id-Direttivi eżistenti tal-UE dwar l-ugwaljanza ma jinkludux dispożizzjonijiet dwar l-istruttura u l-funzjonament attwali tal-korpi tal-ugwaljanza, iżda jirrikjedu biss li jkollhom ċerti kompetenzi minimi, u li jaġixxu b’mod indipendenti fl-eżerċizzju tal-mandat tagħhom. Minħabba l-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li tħalla lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, hemm differenzi sinifikanti bejn il-korpi tal-ugwaljanza madwar l-Istati Membri, b’mod partikolari fir-rigward tal-mandat, is-setgħat, it-tmexxija, l-indipendenza, ir-riżorsi, l-aċċessibbiltà u l-effettività tagħhom. Dan jaffettwa t-twettiq tal-objettivi tagħhom skont id-dritt tal-UE. Għalkemm id-differenzi tagħhom huma parzjalment dovuti għall-varjetà ta’ tradizzjonijiet legali u sistemi legali fl-Istati Membri, is-sitwazzjoni tirrifletti wkoll livelli differenti ta’ ambizzjoni u ta’ kisba fl-Istati Membri fl-ilħuq tal-objettivi tad-Direttivi.
Sabiex jiġi żgurat li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jiksbu l-potenzjal sħiħ tagħhom, jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-infurzar tad-Direttivi kollha dwar l-ugwaljanza u jgħinu lill-vittmi tad-diskriminazzjoni jaċċessaw il-ġustizzja, il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza fl-2018. B’mod partikolari din kellha l-għan li tindirizza l-isfidi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet wiesgħa u mhux kompluti dwar il-korpi tal-ugwaljanza fid-Direttivi tal-UE.
Fl-2021, il-Kummissjoni ppubblikat rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali u tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi. Ir-rapport eżamina l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2018 u kien akkumpanjat minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal aktar dettaljat dwar il-korpi tal-ugwaljanza. Ir-rapport enfasizza li rriżulta li l-korpi tal-ugwaljanza huma istituzzjonijiet neċessarji u siewja għall-bidla fil-livell tal-individwi, l-istituzzjonijiet u s-soċjetà b’mod ġenerali.
Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-kwistjonijiet li r-Rakkomandazzjoni kellha l-għan li tindirizza baqgħu mhux solvuti, u dan ifixkel lil xi korpi tal-ugwaljanza milli jwettqu r-rwol tagħhom b’mod effettiv. Il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni, l-infurzar tad-Direttivi u l-promozzjoni tal-ugwaljanza u s-sensibilizzazzjoni fost il-pubbliku ġenerali u l-istituzzjonijiet nazzjonali baqgħu differenti madwar l-UE. Dan wera li r-Rakkomandazzjoni ma kinitx biżżejjed. Il-Kummissjoni għalhekk intrabtet li tivvaluta jekk tipproponix leġiżlazzjoni possibbli biex issaħħaħ ir-rwol tal-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza sal-2022.
L-analiżi retrospettiva stabbilita fid-dokument analitiku li jakkumpanja din il-proposta kkonfermat din il-valutazzjoni. Din ikkonkludiet li l-ambizzjoni li jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-dritt tal-UE fil-ġlieda kontra l-inugwaljanza fit-trattament u d-diskriminazzjoni u li tiżdied il-prevenzjoni tagħhom ma ntlaħqitx bis-sħiħ. Il-livelli ta’ diskriminazzjoni għadhom għoljin, u l-għarfien tal-vittmi dwar id-drittijiet tagħhom għadu baxx. In-nuqqas ta’ rapportar għadu problema konsiderevoli; l-għarfien pubbliku dwar id-diskriminazzjoni u l-għarfien tagħha għadhom limitati. Ħafna korpi tal-ugwaljanza ma humiex mgħammra kif xieraq, f’termini ta’ setgħat u riżorsi, biex jgħinu lill-vittmi b’mod effettiv.
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill esprimew l-appoġġ tagħhom għall-adozzjoni ta’ regoli ġodda biex jissaħħu l-korpi tal-ugwaljanza. Fl-2021, il-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni dwar l-istandards għall-korpi tal-ugwaljanza, fejn tipprovdilhom mandat aktar b’saħħtu u riżorsi adegwati biex jissalvagwardjaw it-trattament ugwali tal-persuni b’diżabilità, u tiżgura t-tixrid ta’ informazzjoni aċċessibbli għal kulħadd. Fl-2022, il-Kunsill stieden lill-Istati Membri jappoġġaw korpi robusti tal-ugwaljanza u jadottaw qafas leġiżlattiv li jippermettilhom iwettqu r-rwol tagħhom b’mod indipendenti, u jipprovdulhom ir-riżorsi adegwati biex iwettqu l-kompiti tagħhom b’mod effettiv. Barra minn hekk, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew enfasizza l-ħtieġa għal appoġġ akbar għall-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza u tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment fir-rigward tat-titjib tal-indipendenza tagħhom u ż-żieda tal-persunal u r-riżorsi finanzjarji tagħhom; u esprima appoġġ għal inizjattiva tal-Kummissjoni dwar l-effettività tal-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza u l-iżvilupp tal-potenzjal tagħhom, ir-rwoli multipli tagħhom u l-kapaċitajiet tagħhom.
Għalhekk, kif imħabbar fil-programm ta’ ħidma tagħha għall-2022, il-Kummissjoni qed tipproponi regoli vinkolanti biex issaħħaħ ir-rwol u l-indipendenza tal-korpi tal-ugwaljanza. Dan huwa parti mill-ħidma tal-Kummissjoni lejn Unjoni ta’ ugwaljanza għal kulħadd, kif stabbilit fil-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni għall-2019–2024.
L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tistabbilixxi standards dwar il-korpi tal-ugwaljanza, li tindirizza l-mandat, il-kompiti, l-indipendenza, l-istruttura tagħhom, is-setgħat, l-aċċessibbiltà u r-riżorsi tagħhom, biex jiġi żgurat li, flimkien ma’ atturi oħra, ikunu jistgħu:
(a)jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-infurzar tad-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE;
(b)jassistu b’mod effettiv lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni biex jaċċessaw il-ġustizzja;
(c)jippromwovu t-trattament ugwali u l-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni.
Din il-proposta tibni fuq is-sustanza tad-dispożizzjonijiet eżistenti dwar il-korpi tal-ugwaljanza li jinsabu fid-Direttivi 2000/43/KE u 2004/113/KE biex tissostitwihom b’sett ta’ regoli msaħħa u aktar dettaljati. Ir-regoli l-ġodda jinkorporaw l-obbligi minimi kollha li kienu previsti miż-żewġ Direttivi.
Din il-proposta ssaħħaħ il-protezzjoni fil-qasam tat-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni billi testendi l-mandat tal-korpi tal-ugwaljanza biex ikopri r-raġunijiet u l-oqsma tad-Direttivi 79/7/KEE u 2000/78/KE.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Din il-proposta hija parti minn diversi strateġiji u pjanijiet ta’ azzjoni adottati biex tinkiseb Unjoni ta’ Ugwaljanza: l-istrateġija għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-pjan ta’ azzjoni kontra r-razziżmu, il-qafas strateġiku tar-Rom għall-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni, l-istrateġija għall-ugwaljanza tal-LGBTIQ, u l-istrateġija għad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità. Issemmiet ukoll fl-istrateġija dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u t-trawwim tal-ħajja Lhudija.
B’mod partikolari, il-qafas strateġiku tal-UE dwar ir-Rom għall-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni u r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2021 dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom jipprevedu l-involviment tal-korpi tal-ugwaljanza fl-istrutturi stabbiliti biex jissorveljaw l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u r-rieżami tal-oqfsa strateġiċi nazzjonali tar-Rom.
Il-korpi tal-ugwaljanza maħtura skont id-Direttiva 2006/54/KE huma kompetenti wkoll għal kwistjonijiet li jaqgħu taħt id-Direttiva (UE) 2019/1158 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw. Bis-sostituzzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2006/54/KE, il-proposta parallela se tapplika wkoll għall-korpi tal-ugwaljanza meta dawn jindirizzaw diskriminazzjoni koperta mid-Direttiva (UE) 2019/1158.
Id-Direttiva dwar it-Trattament Ugwali proposta tinkludi wkoll artikolu dwar il-korpi tal-ugwaljanza. Qabel l-adozzjoni, il-leġiżlatur jenħtieġ li jikkunsidra kontroreferenza għal din il-proposta f’dak l-Artikolu.
L-UE u l-Istati Membri kollha huma Partijiet għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità li tinkludi l-obbligu li tiġi pprojbita d-diskriminazzjoni abbażi tad-diżabilità u li tiġi ggarantita protezzjoni legali ugwali u effettiva lil persuni b’diżabilità kontra d-diskriminazzjoni għal kwalunkwe raġuni.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Strumenti oħra tal-UE jipprevedu rwol speċifiku għall-korpi tal-ugwaljanza.
Id-Direttiva dwar il-Moviment Liberu tindirizza d-diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità u r-restrizzjonijiet jew l-ostakli mhux ġustifikati għad-dritt tal-moviment liberu tal-ħaddiema tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom. Hija tistipula “korpi għall-promozzjoni, l-analiżi, il-monitoraġġ u l-appoġġ tat-trattament ugwali tal-ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom mingħajr diskriminazzjoni abbażi ta’ nazzjonalità, restrizzjonijiet jew ostakli mhux ġustifikati għad-dritt tagħhom għall-moviment liberu” u tispeċifika li “dawk il-korpi jistgħu jiffurmaw parti minn korpi eżistenti fil-livell nazzjonali li jkollhom objettivi simili”. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għażlu li jpoġġu korp tal-ugwaljanza inkarigat minn dawn il-każijiet ta’ diskriminazzjoni, u filwaqt li r-raġunijiet u l-oqsma inkwistjoni mhumiex koperti minn din il-proposta, miżuri orizzontali biex jittejjeb il-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza jistgħu jaffettwaw ukoll l-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom skont id-Direttiva dwar il-Moviment Liberu.
Ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għall-fondi ta’ ġestjoni kondiviża jirrikjedi li l-Istati Membri jinvolvu korpi tal-ugwaljanza matul it-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ tali programmi, inkluż permezz tal-parteċipazzjoni fil-kumitati ta’ monitoraġġ.
L-istrateġija biex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-UE (il-“Karta”) tinkludi l-involviment tal-korpi tal-ugwaljanza fit-taħriġ dwar il-Karta u l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni ma’ atturi rilevanti oħra dwar attivitajiet relatati mal-Karta.
Il-proposta għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika tipprevedi wkoll rwol potenzjali għall-korpi tal-ugwaljanza stabbiliti skont id-Direttivi 2004/113/KE, 2006/54/KE u 2010/41/UE. Din tħalli lill-Istati Membri liberi li jinvolvu korp tal-ugwaljanza jew korp ieħor biex iwettaq il-kompiti stabbiliti fil-proposta għal Direttiva, f’termini ta’ assistenza u pariri indipendenti lill-vittmi ta’ vjolenza kontra n-nisa u vjolenza domestika; il-pubblikazzjoni ta’ rapporti indipendenti u t-tfassil ta’ rakkomandazzjonijiet fil-qasam; u l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ korpi Ewropej korrispondenti.
Billi ssaħħaħ l-assistenza lil individwi u gruppi li huma diskriminati biex jaċċessaw il-ġustizzja madwar l-Unjoni Ewropea, din il-proposta hija komplementari għal-leġiżlazzjoni tal-UE diġà adottata fil-qasam tad-drittijiet tal-vittmi u l-aċċess għall-ġustizzja (dwar l-għajnuna legali, il-mekkaniżmi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim u r-rimedju kollettiv) u biex jiġu miġġielda l-kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika.
Il-korpi tal-ugwaljanza flimkien mal-Ombudspersons u l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem (NHRIs) huma wkoll komponenti essenzjali tas-sistema ta’ kontrolli u bilanċi f’demokrazija b’saħħitha. It-tentattivi biex jiġi ristrett l-ispazju operattiv tagħhom jistgħu jippreżentaw theddida għall-istat tad-dritt. Ir-rapport tal-2022 dwar l-Istat tad-Dritt jenfasizza li dawn il-korpi jeħtieġu garanziji strutturali ta’ indipendenza u biżżejjed riżorsi biex jaħdmu b’mod effettiv, u diversi minn dawn il-korpi fl-Istati Membri għadhom qed jiffaċċjaw sfidi.
Billi ssaħħaħ l-effettività, l-indipendenza u r-riżorsi tagħhom, din il-proposta se tgħin ukoll biex ittejjeb il-kontribut tal-korpi tal-ugwaljanza f’dawk l-oqsma kollha fejn għandhom rwol importanti.
Din il-proposta hija wkoll konformi mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b’mod partikolari t-tieni u t-tielet prinċipji tiegħu dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u dwar l-Opportunitajiet Indaqs.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-għan taż-żewġ proposti paralleli ta’ din l-inizjattiva huwa li jissaħħu r-rwol u l-indipendenza tal-korpi tal-ugwaljanza skont id-Direttivi kollha diġà adottati fil-qasam tat-trattament ugwali: Id-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE, 2004/113/KE, 2006/54/KE u 2010/41/UE. Peress li dawn id-Direttivi ġew adottati taħt żewġ bażijiet ġuridiċi differenti, b’żewġ proċeduri ta’ adozzjoni differenti, din l-inizjattiva tikkonsisti f’żewġ proposti essenzjalment identiċi, b’żewġ bażijiet ġuridiċi differenti.
Din il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jipprovdi bażi ġuridika għal leġiżlazzjoni sekondarja, bħal Direttivi, biex tittieħed azzjoni biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali. B’mod aktar preċiż, l-Artikolu 19(1) tat-TFUE jistipula li, “(M)ingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattati u fil-limiti tal-poteri mogħtija minnu lill-Unjoni, il-Kunsill, li jaġixxi unanimament skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali u bl-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, jista’ jieħu l-azzjoni xierqa sabiex jiġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew it-tendenzi sesswali”.
Id-Direttivi 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE ġew adottati b’unanimità abbażi tal-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropeali sar l-Artikolu 19(1) tat-TFUE.
Id-Direttiva 79/7/KEE ġiet adottata b’unanimità skont l-Artikolu 235 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, li saret referenza għalih bħala l-“klawżola ta’ flessibbiltà”, peress li t-Trattat ma pprovda l-ebda bażi ġuridika speċifika għal din l-azzjoni leġiżlattiva. L-Artikolu 19 tat-TFUE issa jipprovdi tali bażi ġuridika.
Il-proposta parallela hija bbażata fuq l-Artikolu 157(3) tat-TFUE, li jipprevedi li “l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, u wara li jikkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali” jadottaw “miżuri li jassiguraw l-applikazzjoni tal-prinċpju ta’ opportunitajiet indaqs u trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa f’materji ta’ impjiegi u xogħol, inklużi l-prinċipji ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali” u li hija l-bażi ġuridika għad-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE.
•Is-sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)
L-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni huma valuri fundamentali tal-UE, stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u protetti mill-Artikoli 21 u 23 tal-Karta. Dawn għandhom ikunu protetti biżżejjed kullimkien madwar l-UE.
Din l-inizjattiva ma tintroduċix leġiżlazzjoni f’qasam ġdid. Hija tirrevedi l-leġiżlazzjoni diġà eżistenti biex iżżid l-effettività tagħha. Diġà hemm qbil komuni li hija meħtieġa azzjoni fil-livell tal-UE f’dan il-qasam u li l-inizjattiva hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.
Kif spjegat hawn fuq, il-miżuri leġiżlattivi eżistenti ma humiex biżżejjed biex jindirizzaw l-isfidi li jiffaċċjaw il-korpi tal-ugwaljanza, biex jiżguraw l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-dritt tal-UE li jiġġieled l-inugwaljanza fit-trattament u d-diskriminazzjoni u jżid il-prevenzjoni. Dan jirriżulta f’livell insuffiċjenti u differenti ta’ protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni madwar l-UE.
L-analiżi tas-sitwazzjoni qabel l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-korpi tal-ugwaljanza wriet b’mod ċar il-valur miżjud tal-intervent tal-UE. Qabel l-istabbiliment tad-dispożizzjonijiet tal-UE dwar il-korpi tal-ugwaljanza fid-Direttivi dwar l-Ugwaljanza tal-UE, il-korpi tal-ugwaljanza kienu jeżistu biss fi ftit Stati Membri.
Fl-istess ħin, id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-2021 dwar il-korpi tal-ugwaljanza u d-Dokument analitiku li jakkumpanja din il-proposta juru b’mod ċar li r-Rakkomandazzjoni tal-2018 dwar l-istandards għall-korpi tal-ugwaljanza kellha impatt limitat. Inqas minn nofs l-Istati Membri rrapportaw li ħadu miżuri bħala segwitu għar-Rakkomandazzjoni u erba’ Stati Membri biss irrappurtaw li kienu qed jaħdmu fuq riformi leġiżlattivi.
Dan juri li inizjattiva vinkolanti tal-UE biss tiżgura li jinkiseb biżżejjed progress fl-Istati Membri kollha u tindirizza d-differenzi sinifikanti fil-livell ta’ protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni madwar l-UE.
Din il-proposta tistabbilixxi standards minimi li jqisu d-diversità tat-tradizzjonijiet legali fl-Istati Membri u li jirrispettaw bis-sħiħ l-awtonomija istituzzjonali tagħhom. Hija tippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu standards ogħla.
It-tisħiħ tal-korpi tal-ugwaljanza se jgħin ukoll biex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali billi jiżgura li n-nies fl-Istati Membri kollha jgawdu minn livell minimu komuni ta’ protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni, bi drittijiet komparabbli għal rimedju, filwaqt li titqies id-diversità tas-sistemi tal-Istati Membri.
L-istandards minimi komuni f’dan il-qasam huma importanti wkoll għall-funzjonament tas-suq uniku. Fil-kuntest tal-moviment liberu tal-persuni, huwa essenzjali li jiġi ggarantit id-dritt fundamentali tan-nondiskriminazzjoni b’mod uniformi madwar l-UE u li jiġi żgurat l-aċċess għall-protezzjoni mid-diskriminazzjoni u għall-mekkaniżmi ta’ rimedju fl-Istati Membri kollha.
•Proporzjonalità
L-Artikolu 5(4) tat-TUE jipprevedi li “[s]kont il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni ma għandhomx jeċċedu dak li jkun meħtieġ sabiex jitwettqu l-objettivi tat-Trattati”.
Id-dispożizzjonijiet attwali dwar il-korpi tal-ugwaljanza u r-Rakkomandazzjoni tal-2018 ma laħqux bis-sħiħ l-objettiv li jiġi implimentat u infurzat id-dritt tal-UE dwar il-ġlieda kontra t-trattament mhux ugwali u d-diskriminazzjoni u biex tiżdied il-prevenzjoni. Dan huwa dovut għad-diskrezzjoni wiesgħa li titħalla f’idejn l-Istati Membri dwar kif għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar il-korpi tal-ugwaljanza fid-Direttivi, in-nuqqas ta’ tali dispożizzjonijiet fid-Direttivi 79/7/KEE u 2000/78/KE, u n-natura mhux vinkolanti tar-Rakkomandazzjoni.
Miżuri mhux vinkolanti ma kinux effettivi biżżejjed biex jissalvagwardjaw id-dritt fundamentali tan-nies għan-nondiskriminazzjoni. L-inizjattiva proposta tistabbilixxi standards minimi li għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri. Dawk l-istandards minimi huma mistennija li jtejbu b’mod sinifikanti l-livell ta’ protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni, li se jkollu impatt pożittiv konsiderevoli fuq is-sitwazzjoni tal-vittmi (potenzjali) tad-diskriminazzjoni.
Fl-istabbiliment ta’ standards minimi, il-proposta tirrispetta bis-sħiħ il-kompetenzi u l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri u tħallilhom id-diskrezzjoni li jiddeċiedu kif jimplimentaw il-miżuri proposti u jistabbilixxu standards aktar favorevoli għall-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza.
•Għażla tal-istrument
Strument legali fil-forma ta’ Direttiva jagħmilha possibbli li jissaħħu l-korpi tal-ugwaljanza u li jiġu ggarantiti standards minimi komuni, filwaqt li l-Istati Membri titħallielhom id-diskrezzjoni dwar kif għandhom jimplimentaw ir-rekwiżiti l-ġodda fid-dawl tal-kuntest nazzjonali tagħhom. Dan l-approċċ huwa konformi mal-forma oriġinali tal-intervent tal-UE f’dan il-qasam, filwaqt li fl-istess ħin jindirizza l-isfidi attwali.
Skont il-proposta, id-dispożizzjonijiet eżistenti dwar il-korpi tal-ugwaljanza fid-Direttivi 2000/43/KE u 2004/113/KE se jitħassru. Direttiva ġdida se tkun iddedikata lill-korpi tal-ugwaljanza u se tiġbor flimkien id-dispożizzjonijiet rilevanti kollha għall-funzjonament effettiv tagħhom fir-rigward tar-raġunijiet u l-oqsma koperti mid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE. It-tħassir tad-dispożizzjonijiet attwali jfisser ukoll li l-lista attwali ta’ kompiti tal-korpi tal-ugwaljanza tista’ tiġi ċċarata u ssupplimentata, pereżempju billi tiġi miżjuda b’mod espliċitu d-dispożizzjoni dwar l-attivitajiet ta’ prevenzjoni u promozzjoni, li ma kinux ċari biżżejjed fid-dispożizzjonijiet eżistenti.
3.ĠBIR TA’ GĦARFIEN ESPERT, ANALIŻI U KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI
•Ġbir ta’ għarfien espert u analiżi
Il-Kummissjoni tat kuntratt għal studju biex tappoġġa t-tħejjija ta’ dokument analitiku retrospettiv u prospettiv, bil-ħsieb ta’ proposta leġiżlattiva dwar standards vinkolanti għall-korpi tal-ugwaljanza. Id-dokument analitiku jakkumpanja kemm din il-proposta kif ukoll il-proposta parallela li tkopri t-trattament ugwali u l-opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel f’materji ta’ impjieg u xogħol, inkluż l-impjieg indipendenti. Huwa jinkludi analiżi retrospettiva tad-dispożizzjonijiet eżistenti tal-UE dwar il-korpi tal-ugwaljanza, u analiżi prospettiva ta’ intervent ulterjuri possibbli tal-UE.
Evalwazzjoni sħiħa u valutazzjoni tal-impatt ma twettqux għar-raġunijiet li ġejjin:
(1)Proporzjonalità - l-ambitu limitat tal-intervent tal-UE
Il-proposti huma ffukati biss fuq korpi tal-ugwaljanza li huma koperti minn Artikolu wieħed f’erba’ Direttivi dwar l-Ugwaljanza (u mhumiex inklużi f’żewġ Direttivi oħra dwar l-Ugwaljanza). L-Artikolu msemmi huwa kważi identiku fl-erba’ Direttivi. Il-proposti ma jemendawx id-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttivi. Il-proposti huma bbażati wkoll fuq ir-Rakkomandazzjoni eżistenti tal-Kummissjoni tal-2018 dwar l-istandards għall-korpi tal-ugwaljanza, li ġiet ivvalutata fl-2021. Għalhekk, evalwazzjoni sħiħa tad-Direttivi rilevanti fl-intier tagħhom la tqieset proporzjonata u lanqas meħtieġa.
(2) In-nuqqas ta’ potenzjal ta’ simplifikazzjoni
L-analiżi retrospettiva turi li d-dispożizzjonijiet eżistenti dwar il-korpi tal-ugwaljanza fid-Direttivi dwar l-Ugwaljanza huma ristretti u vagi wisq. Ma hemm l-ebda potenzjal ta’ simplifikazzjoni f’dawn id-dispożizzjonijiet. Ir-rispons dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-2018 qatt ma indika xi ħtieġa għal simplifikazzjoni jew xi piż amministrattiv.
(3)Id-diffikultà li jiġu vvalutati l-impatti
Fil-qasam tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, huwa diffiċli li wieħed jikkwantifika u jagħti valur monetarju l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali u d-data disponibbli hija limitata. L-impatt soċjali tal-attivitajiet tal-korpi tal-ugwaljanza, bħall-assistenza lill-vittmi tad-diskriminazzjoni u l-prevenzjoni jew il-promozzjoni tat-trattament ugwali b’mod ġenerali, ma jistax jitkejjel fin-nuqqas ta’ data komprensiva dwar l-ugwaljanza. Din hija sfida li din il-proposta se tgħin biex tiġi indirizzata billi tirrikjedi lill-korpi tal-ugwaljanza jiġbru data dwar l-attivitajiet tagħhom stess, iwettqu stħarriġ, u tagħtihom il-possibbiltà li jkollhom rwol ta’ koordinazzjoni fil-ġbir ta’ data dwar l-ugwaljanza minn entitajiet pubbliċi jew privati oħra.
Analiżi retrospettiva tal-leġiżlazzjoni eżistenti
L-analiżi retrospettiva tindirizza l-effettività, l-effiċjenza, il-koerenza, il-valur miżjud tal-UE u r-rilevanza tad-dispożizzjonijiet tal-UE dwar il-korpi tal-ugwaljanza fid-Direttivi dwar l-Ugwaljanza u r-Rakkomandazzjoni tal-2018.
L-effettività tal-qafas eżistenti tal-UE għall-korpi tal-ugwaljanza ġiet ivvalutata bħala limitata fir-rigward tal-progress fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-prevenzjoni tagħha. Sar xi progress, speċjalment fl-Istati Membri fejn ma kinux jeżistu korpi tal-ugwaljanza qabel l-intervent tal-UE. Madankollu, l-effetti mixtieqa ma ntlaħqux bis-sħiħ. L-analiżi wriet li l-livelli ta’ diskriminazzjoni baqgħu għoljin, filwaqt li l-għarfien tal-vittmi dwar id-drittijiet tagħhom baqa’ baxx. In-nuqqas ta’ rapportar għadu problema konsiderevoli u s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar id-diskriminazzjoni u l-għarfien dwarha għadhom limitati. Ħafna korpi tal-ugwaljanza ma humiex mgħammra kif xieraq, f’termini ta’ setgħat u riżorsi, biex jgħinu lill-vittmi b’mod effettiv.
L-effiċjenza tal-qafas eżistenti tal-UE għall-korpi tal-ugwaljanza ġiet ivvalutata bħala limitata fir-rigward tal-kapaċità tal-korpi tal-ugwaljanza li jiġġieldu u jipprevjenu d-diskriminazzjoni, u inkonklużiva fir-rigward tal-kostijiet u l-benefiċċji, l-aktar minħabba d-disponibbiltà limitata tad-data. L-analiżi retrospettiva wriet li l-qafas attwali tal-UE pprovdut mid-Direttivi huwa ġenerali wisq u limitat fil-kamp ta’ applikazzjoni u ma jindirizzax l-istabbiliment, l-effiċjenza jew ir-riżorsi tal-korpi tal-ugwaljanza. Din is-sitwazzjoni ma ttaffietx bir-Rakkomandazzjoni aktar dettaljata tal-2018 minħabba li din ma kinitx vinkolanti. L-analiżi retrospettiva wriet li r-riżorsi tal-korpi tal-ugwaljanza huma problema konsiderevoli f’dan il-kuntest, peress li jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri u ma humiex biżżejjed biex il-biċċa l-kbira tal-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jissodisfaw il-kompiti kollha tagħhom b’mod effettiv.
Il-koerenza tal-qafas eżistenti tal-UE ġiet meqjusa bħala globalment pożittiva fil-livelli kollha. L-analiżi wriet li l-koerenza mat-Trattati u mal-Karta hija għolja, peress li l-qafas tal-UE għandu l-għan li jsaħħaħ l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, li huma fost il-valuri fundamentali tal-UE. L-ugwaljanza hija wkoll dritt fundamentali protett mill-Karta. Filwaqt li l-istrumenti internazzjonali, bħall-“Prinċipji Relatati mal-Istatus tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem” tan-Nazzjonijiet Uniti (l-hekk imsejħa “Prinċipji ta’ Pariġi”) u r-Rakkomandazzjoni Nru 2 tal-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (ECRI) mill-Kunsill tal-Ewropa huma aktar dettaljati minħabba n-natura legali differenti tagħhom, id-diversi strumenti huma konsistenti fis-sustanza.
Il-valur miżjud tal-UE ġie vvalutat bħala pożittiv. L-analiżi wriet li fiż-żmien tal-adozzjoni tad-Direttiva 2000/43, madwar nofs biss tal-Istati Membri tal-EU-15 ta’ dak iż-żmien kellhom korp tal-ugwaljanza b’mandat limitat, u Stat Membru wieħed biss mill-bqija tal-EU-12 kellu korp tal-ugwaljanza qabel il-proċess tal-adeżjoni. Il-partijiet ikkonċernati kkonsultati fiż-żmien tal-istudju kkonfermaw li l-korpi tal-ugwaljanza ma kinux se jiġu stabbiliti fl-Istati Membri kollha mingħajr ma l-UE tieħu azzjoni. Il-fatt li l-livelli ta’ diskriminazzjoni għadhom għoljin madwar l-Istati Membri juri li għadha meħtieġa azzjoni fil-livell tal-UE. Madankollu, din trid tkun aktar dettaljata u konkreta mill-qafas ġuridiku attwali biex tipprovdi aktar ċarezza legali dwar il-miżuri li għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri.
Ir-rilevanza tal-objettivi oriġinali tal-qafas tal-UE fid-dawl tal-ħtiġijiet oriġinali u attwali ġiet ivvalutata bħala pożittiva. Madankollu, il-qafas ġuridiku oriġinali għall-korpi tal-ugwaljanza kien meqjus ristrett u vag wisq. Din il-fehma hija kondiviża b’mod wiesa’ mill-partijiet ikkonċernati kollha, speċjalment il-korpi tal-ugwaljanza, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ), u l-Istati Membri. L-analiżi wriet li hemm appoġġ kbir ħafna biex tittieħed aktar azzjoni biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet identifikati hawn fuq u biex jiġi żgurat li l-korpi tal-ugwaljanza jkollhom ir-riżorsi biex jindirizzaw sfidi ġodda fil-qasam tan-nondiskriminazzjoni, bħal dawk relatati mal-użu ta’ sistemi awtomatizzati, li l-frekwenza u s-serjetà tagħhom żdiedu bl-iżvilupp teknoloġiku.
Meta wieħed iqis dan kollu ta’ hawn fuq, ġew identifikati għadd ta’ tagħlimiet meħuda, kif indikat hawn taħt. Minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza tad-dispożizzjonijiet attwali dwar il-korpi tal-ugwaljanza, il-korpi tal-ugwaljanza jiffaċċjaw diversi problemi fl-Istati Membri, kif spjegat hawn taħt. Minkejja li r-Rakkomandazzjoni tal-2018 kellha l-għan li tindirizza dawn il-kwistjonijiet, kellha biss impatt limitat minħabba n-natura mhux vinkolanti tagħha, u għalhekk qed jiġi propost strument legali vinkolanti biex jindirizzahom b’mod aktar effettiv.
Riżorsi u indipendenza
L-analiżi wriet li n-nuqqas ta’ riżorsi huwa problema rikorrenti li tfixkel b’mod sinifikanti l-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza. Bl-istess mod, in-nuqqas ta’ indipendenza jfixkel lill-korpi tal-ugwaljanza milli jwettqu l-kompiti u l-objettivi tagħhom b’mod effettiv.
Assistenza lill-vittmi
L-assistenza pprovduta lill-vittmi u s-setgħat mogħtija lill-korpi tal-ugwaljanza għal dan l-għan ivarjaw ħafna bejn l-Istati Membri. Sabiex jiġi żgurat livell minimu ta’ protezzjoni tad-dritt fundamentali tan-nondiskriminazzjoni, regoli komuni aktar speċifiċi f’dan il-qasam ikunu ta’ benefiċċju. Is-setgħat ta’ litigazzjoni huma setgħat ta’ interess partikolari f’dan ir-rigward. Sabiex ikunu jistgħu jassistu lill-vittmi kollha tad-diskriminazzjoni, huwa importanti wkoll li jiġi żgurat li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu aċċessibbli għall-vittmi kollha tad-diskriminazzjoni mingħajr ostakli.
Id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi u d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fil-qasam tas-sigurtà soċjali bħalissa ma fihomx dispożizzjonijiet dwar il-korpi tal-ugwaljanza. Madankollu, l-analiżi retrospettiva wriet li l-livelli ta’ diskriminazzjoni għar-raġunijiet u l-oqsma koperti minn dawk id-Direttivi għadhom għoljin fl-Istati Membri.
Għarfien tad-diskriminazzjoni
L-analiżi retrospettiva turi li r-regolarità li biha l-korpi tal-ugwaljanza jwettqu riċerka indipendenti, iwettqu stħarriġ u jippubblikaw ir-rapporti tvarja ħafna. L-istess jgħodd għall-ġbir ta’ data primarja u sekondarja dwar l-ugwaljanza. Minħabba l-fatt li l-għarfien dwar id-diskriminazzjoni u t-tagħrif dwarha għadhom insuffiċjenti, huma meħtieġa regoli aktar ċari f’dan il-qasam.
Kooperazzjoni
Il-punt sa fejn il-korpi tal-ugwaljanza jikkooperaw u jaqsmu l-informazzjoni ma’ xulxin u mal-awtoritajiet jew il-korpi nazzjonali, Ewropej u internazzjonali rilevanti jvarja bejn l-Istati Membri. Madankollu, skambji bħal dawn ikunu ta’ benefiċċju biex jiġi kondiviż l-għarfien u jinħolqu sinerġiji.
Analiżi prospettiva dwar azzjoni ġdida possibbli tal-UE
Fir-rigward tal-għażliet ta’ politika għal azzjoni ġdida possibbli tal-UE, diġà ġew ittestjati għażliet mhux leġiżlattivi li ma pproduċewx għalkollox ir-riżultati mistennija. L-interventi mhux leġiżlattivi inkludew:
(a)l-istabbiliment ta’ network attiv ta’ korpi għall-ugwaljanza ffinanzjati mill-Kummissjoni (Equinet),
(b)ir-Rakkomandazzjoni mhux vinkolanti tal-Kummissjoni tal-2018,
(c)skambji tal-aħjar prattiki, u
(d)finanzjament dirett permezz tal-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri (“CERV”).
Filwaqt li dawn il-miżuri kollha pproduċew effetti pożittivi u se jibqgħu fis-seħħ fil-futur, ir-Rakkomandazzjoni, minħabba li ma kinitx vinkolanti, ġiet implimentata biss parzjalment.
Huwa għalhekk li l-unika għażla ta’ politika eżaminata lil hinn mill-istatus quo kienet l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida. Saret analiżi tat-tip ta’ miżuri li għandhom jiġu inklużi fil-leġiżlazzjoni l-ġdida għal kull miżura ta’ politika, kif spjegat aktar hawn taħt.
L-objettivi tal-intervent tal-UE jistgħu jinġabru fi tliet għanijiet ewlenin għall-korpi tal-ugwaljanza:
·jgħinu fl-infurzar tas-sitt Direttivi dwar l-Ugwaljanza,
·jassistu b’mod effettiv lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni biex jaċċessaw il-ġustizzja, u
·jippromwovu t-trattament ugwali u l-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni.
L-analiżi identifikat 21 objettiv biex jiġu indirizzati l-problemi spjegati hawn fuq. Biex jintlaħqu dawn l-objettivi, ġew identifikati tliet objettivi operazzjonali bħala ewlenin, jiġifieri li jiġi żgurat li:
·il-korpi għall-ugwaljanza jkunu ħielsa minn influwenza esterna sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw il-kompiti kollha tagħhom b’mod indipendenti,
·il-korpi tal-ugwaljanza jkollhom ir-riżorsi meħtieġa biex iwettqu l-kompiti kollha tagħhom, u
·jekk korp tal-ugwaljanza jkun parti minn korp b’mandat multiplu, ikun hemm struttura interna (l-hekk imsejjaħ “firewall”) li tiggarantixxi indipendenza, fokus u riżorsi suffiċjenti għall-mandat tal-ugwaljanza.
48 miżura, li jaqgħu taħt 11-il blokk tematiku, li jistgħu jiġu inklużi fil-leġiżlazzjoni biex jgħinu fil-kisba tal-objettivi ta’ hawn fuq, intgħażlu għal aktar analiżi.
Id-dokument analitiku investiga l-miżuri proposti abbażi tal-ħames kriterji ta’ effettività, effiċjenza, koerenza, valur miżjud tal-UE u rilevanza. Il-valur miżjud tal-UE, ir-rilevanza u l-koerenza ġew ivvalutati għall-inizjattiva leġiżlattiva proposta kollha kemm hi, filwaqt li ġew ivvalutati l-effettività u l-effiċjenza għal kull blokka tematika, filwaqt li tqiesu l-miżuri individwali. Għal xi miżuri, ma kinitx possibbli valutazzjoni sħiħa minħabba d-disponibbiltà limitata tad-data jew restrizzjonijiet metodoloġiċi. Dan japplika b’mod partikolari għall-effiċjenza.
L-istudju jikkonkludi li d-direttivi l-ġodda, li jirrispettaw il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, ikunu r-rispons xieraq. 44 miżuri identifikati nżammu biex jiġu inklużi fil-proposti.
Għadd żgħir ta’ Stati Membri diġà jagħtu s-setgħa lill-korpi tal-ugwaljanza tagħhom b’sett pjuttost komprensiv ta’ riżorsi u setgħat, filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-oħrajn jissodisfaw biss parzjalment l-objettivi ta’ hawn fuq. Għalhekk, għal kull miżura ta’ politika, il-ħtieġa u l-ammont ta’ adattament li jirriżultaw minn regoli ġodda tal-UE jvarjaw skont is-sitwazzjoni f’kull Stat Membru fir-rigward tal-karatteristiċi tal-korp (jew korpi) tal-ugwaljanza tagħhom.
Għarfien espert u analiżi oħrajn
Il-Kummissjoni użat ukoll l-informazzjoni miġbura matul it-tħejjija tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istandards għall-korpi tal-ugwaljanza ppubblikata fid-19 ta’ Marzu 2021. Hija inkludiet kontribuzzjonijiet riċevuti kif ukoll informazzjoni preeżistenti mill-Istati Membri, in-Netwerk Ewropew tal-Korpi tal-Ugwaljanza (Equinet), l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), il-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (ECRI), il-korpi tal-ugwaljanza, is-soċjetà ċivili u n-Network Ewropew ta’ esperti legali fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni. Dan bena wkoll fuq prattiki tajbin li ġew kondiviżi matul is-Seminar dwar l-Iskambju ta’ Prattiki Tajbin organizzat mill-Kummissjoni u mill-gvern Żvediż f’Ġunju 2019.
Il-Kummissjoni użat sorsi eżistenti addizzjonali mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) u n-Network Ewropew tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem (ENNHRI) biex tiġbor evidenza li ntużat biex tappoġġa d-dokument analitiku.
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset is-sejbiet ta’ studju dwar lakuni possibbli fil-protezzjoni legali kontra d-diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini razzjali jew etnika, imwettaq kif previst fil-pjan ta’ azzjoni kontra r-razziżmu. L-istudju investiga lakuni possibbli fil-mekkaniżmi ta’ protezzjoni stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali, inkluż ir-rwol tal-korpi tal-ugwaljanza.
L-istudju kkonferma li l-korpi tal-ugwaljanza huma meqjusa bħala mekkaniżmu ta’ protezzjoni importanti (ħafna) fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni. Ir-rispondenti għall-istħarriġ fil-mira mwettaq bħala parti mill-istudju kkonfermaw din is-sejba. L-istudju sab li l-korpi tal-ugwaljanza – minħabba l-kompetenzi tagħhom, speċjalment jekk jissaħħu – jistgħu jtejbu l-effettività ta’ mekkaniżmi oħra ta’ protezzjoni. Minbarra r-rwol tal-korpi tal-ugwaljanza, il-mekkaniżmi ta’ protezzjoni li jistgħu jikkontribwixxu għall-prevenzjoni u l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni jinkludu dispożizzjonijiet dwar id-difiża tad-drittijiet u l-vittimizzazzjoni, is-sanzjonijiet, l-azzjoni pożittiva, u d-djalogu. L-istudju identifika xi lakuni potenzjali fir-rigward ta’ dawn il-mekkaniżmi eżistenti (eż. sanzjonijiet, drittijiet ta’ difiża) u mekkaniżmi/miżuri li jistgħu jippermettu l-użu ta’ approċċi aktar proattivi/preventivi filwaqt li tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni (eż. pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali, dmirijiet ta’ ugwaljanza, ġbir ta’ data dwar l-ugwaljanza). Huwa rrakkomanda rwol akbar għall-korpi tal-ugwaljanza fir-rigward ta’:
(a)informazzjoni, sensibilizzazzjoni, gwida u taħriġ,
(b)difiża tad-drittijiet inklużi setgħat investigattivi u ta’ litigazzjoni, soluzzjoni alternattiva għat-tilwim u sanzjonijiet,
(c)l-użu ta’ data dwar l-ugwaljanza,
(d)id-djalogu, il-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni, u,
(e)azzjoni pożittiva/dmirijiet ta’ ugwaljanza.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Twettqu bosta attivitajiet ta’ konsultazzjoni bi tħejjija għal din l-inizjattiva leġiżlattiva. Hemm appoġġ qawwi mill-partijiet ikkonċernati għal miżuri ġodda tal-UE fil-qasam.
Total ta’ 182 rispondent wieġbu għall-Konsultazzjoni Pubblika Miftuħa. Il-kuntrattur wettaq madwar 100 intervista u rċieva 84 tweġiba għal stħarriġ online speċjalizzat. Total ta’ 239 parti kkonċernata pparteċipaw fi tliet workshops u f’konferenza finali biex jaqsmu l-ideat dwar suġġetti ewlenin u miżuri possibbli. B’mod parallel, il-Kummissjoni organizzat erba’ laqgħat biex tinforma u tikkonsulta lir-rappreżentanti tal-Istati Membri. Saru wkoll preżentazzjonijiet regolari lill-partijiet ikkonċernati.
Dawn l-attivitajiet kienu mmirati lejn firxa wiesgħa ħafna ta’ partijiet ikkonċernati, sabiex jintlaħqu l-partijiet interessati kollha u jinġabru l-kontribut u l-opinjonijiet tagħhom. Fost l-oħrajn, ġew ikkonsultati l-partijiet ikkonċernati li ġejjin: il-korpi kollha tal-ugwaljanza, l-Equinet, il-FRA u l-EIGE, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri kollha fil-livell tal-ministeri, l-akkademiċi u l-esperti ewlenin fil-qasam tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, is-sħab soċjali inklużi r-rappreżentanti tal-impjegaturi fil-livell tal-UE, u r-residenti tal-UE (ċittadini tal-UE u ċittadini ta’ pajjiżi terzi).
Djalogu dwar il-Politika taż-Żgħażagħ intitolat “Korpi tal-ugwaljanza li jaħdmu għalina lkoll” ġie organizzat mill-Kummissarju Dalli fl-24 ta’ Mejju 2022 ma’ attivisti żgħażagħ fil-qasam tal-ugwaljanza. Dan kien parti mis-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 u kellu l-għan li jkompli jwessa’ l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni qabel din il-proposta. Il-parteċipanti kkonfermaw li ftit li xejn żgħażagħ jirreferu għal korp tal-ugwaljanza jekk id-drittijiet tagħhom ikunu nkisru. Huma saħqu fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-korpi tal-ugwaljanza u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, anke fil-livell lokali.
Il-proposta li jiġu adottati regoli ġodda tal-UE biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ hawn fuq irċeviet appoġġ kbir fl-attivitajiet ta’ konsultazzjoni. Pereżempju, 97,2 % ta’ dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika miftuħa qiesu li l-istabbiliment ta’ korpi tal-ugwaljanza b’saħħithom u effettivi huwa importanti (ħafna). Il-partijiet ikkonċernati kienu favur ir-regoli tal-UE dwar:
·l-indipendenza (inkluża għażla tat-tmexxija trasparenti u bbażata fuq il-kompetenza, u l-indipendenza baġitarja),
·riżorsi suffiċjenti (riżorsi umani, riżorsi finanzjarji u bini xieraq),
·kopertura tar-raġunijiet u l-oqsma kollha ta’ diskriminazzjoni li jaqgħu taħt id-Direttivi dwar l-Ugwaljanza,
·preżentazzjoni u aċċessibbiltà faċli tal-ilmenti,
·is-setgħat ta’ tilwim u s-setgħat investigattivi tal-korpi kollha tal-ugwaljanza,
·l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet vinkolanti tal-korpi tal-ugwaljanza u l-possibbiltà li jimponu sanzjonijiet,
·sensibilizzazzjoni dwar l-eżistenza ta’ korpi tal-ugwaljanza fil-popolazzjoni ġenerali u fi gruppi f’riskju ta’ diskriminazzjoni,
·il-promozzjoni tal-ugwaljanza u l-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni,
·il-ġbir ta’ data mill-korpi tal-ugwaljanza dwar l-attivitajiet tagħhom u l-aċċess għad-data dwar l-ugwaljanza miġbura minn entitajiet pubbliċi u privati oħra, biex jiġu prodotti rapporti regolari, u
·koordinazzjoni u kooperazzjoni mal-awtoritajiet pubbliċi, il-partijiet ikkonċernati (eż. OSĊ u sħab soċjali) u korpi internazzjonali/tal-UE.
Il-partijiet ikkonċernati appoġġaw l-aktar għażliet ambizzjużi fl-oqsma ta’ hawn fuq. Skont maġġoranza kbira tal-partijiet ikkonċernati, il-leġiżlazzjoni futura għandha tagħmel lill-Istati Membri responsabbli biex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li jippermettu lill-korpi tal-ugwaljanza jaqdu bis-sħiħ ir-rwol tagħhom, peress li l-korpi tal-ugwaljanza ma jistgħux iwettqu b’mod effettiv l-għanijiet tagħhom mingħajr il-mezzi u s-setgħat xierqa.
Fl-istess ħin, huma enfasizzaw li l-adozzjoni ta’ standards minimi vinkolanti msaħħa għall-korpi tal-ugwaljanza għandha tikkunsidra d-diversità tat-tradizzjonijiet legali fl-Istati Membri u tirrispetta l-awtonomija istituzzjonali tagħhom. L-elementi li ġejjin ġew enfasizzati bħala importanti f’dan ir-rigward:
·Setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet vinkolanti (funzjoni kważi ġudizzjarja) ma għandhomx jiġu imposti fuq il-korpi kollha tal-ugwaljanza; minflok, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu jekk jinkarigawx lill-korpi tal-ugwaljanza b’setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet vinkolanti u bl-aħjar mod biex jiżguraw l-effettività tagħhom.
·F’dan l-istadju ma għandhiex tiġi stabbilita sistema ċentralizzata ta’ akkreditazzjoni bejn il-pari tal-korpi tal-ugwaljanza; minflok, il-monitoraġġ regolari mill-Kummissjoni skont lista ta’ indikaturi għandu jippermetti valutazzjoni tal-punt sa fejn l-objettivi tal-inizjattiva jkunu ntlaħqu u r-rekwiżiti tagħha jkunu ġew issodisfati mill-Istati Membri.
·Sabiex jiġi żgurat li s-servizzi tal-korpi tal-ugwaljanza jkunu disponibbli għall-vittmi potenzjali kollha, ċertu grad ta’ flessibbiltà huwa importanti fir-rigward tal-preżenza fiżika tal-korpi tal-ugwaljanza fit-territorju nazzjonali kollu tal-Istati Membri (eż. l-Istati Membri għandhom ikunu liberi li jorganizzaw din il-preżenza kif jixtiequ, pereżempju permezz ta’ netwerk fiss ta’ uffiċċji, żjarat lokali regolari (“flying offices”) jew kooperazzjoni mal-OSĊ lokali.
·L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jkollhom il-mandat, il-kundizzjonijiet u l-għodod xierqa biex iwettqu l-missjonijiet tagħhom, mingħajr ma jippreskrivu kif għandhom iwettquhom fi kwalunkwe każ partikolari (eż. ikollhom is-setgħa, iżda mhux l-obbligu, li jaġixxu fil-qorti).
Dawn l-aspetti kollha tqiesu u ġew riflessi f’din il-proposta.
•Drittijiet fundamentali
L-objettivi ta’ din il-proposta huma konformi mal-applikazzjoni tal-Karta u għandhom l-għan li jappoġġawha, b’mod partikolari l-Artikolu 21 li jipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni għal kwalunkwe raġuni, bħall-ġeneru, ir-razza, l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, u l-Artikolu 23, li jistipula li “l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għandha tiġi żgurata fl-oqsma kollha, inkluż l-impjieg, ix-xogħol u l-paga”. L-Artikolu 26 jirrikonoxxi d-dritt tal-persuni b’diżabilità li jibbenefikaw minn miżuri mfassla biex jiżguraw l-indipendenza u l-inklużjoni soċjali u okkupazzjonali tagħhom u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja pubblika.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
L-inizjattiva ma toħloqx spejjeż addizzjonali għall-Kummissjoni Ewropea u l-aġenziji tagħha. Biex jappoġġaw il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, il-FRA u l-EIGE jiġbru u janalizzaw id-data rilevanti. Dan it-tip ta’ kompitu diġà huwa kopert mill-mandati eżistenti tal-FRA u tal-EIGE u jista’ jitwettaq mingħajr riżorsi addizzjonali.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
L-Istati Membri jridu jittrasponu din id-Direttiva fi żmien 18-il xahar mill-adozzjoni tagħha u jikkomunikaw il-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom lill-Kummissjoni.
Biex jiġi vvalutat kemm din l-inizjattiva tilħaq b’mod effettiv l-objettivi ġenerali u speċifiċi tagħha, l-Istati Membri se jirrapportaw dwar l-implimentazzjoni tagħha kull 5 snin u l-Kummissjoni se tadotta rapport ta’ implimentazzjoni abbażi tad-data miġbura mill-FRA u l-EIGE skont lista ta’ indikaturi li għandhom jiġu żviluppati mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ dawn l-aġenziji u l-Equinet. Il-Kummissjoni qed tippjana li tistabbilixxi grupp ta’ esperti biex jikkonsulta lill-Istati Membri fuq dawk l-indikaturi.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Artikolu 1 – Għan, suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
Din id-dispożizzjoni tispeċifika l-għan, is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Din tiċċara li r-rekwiżiti minimi stabbiliti mid-Direttiva japplikaw għall-korpi tal-ugwaljanza fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE.
Artikolu 2 – Ħatra ta’ korpi tal-ugwaljanza
Dan l-Artikolu jipprevedi l-ħatra ta’ korp wieħed jew aktar tal-ugwaljanza mill-Istati Membri, biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE. L-Artikolu jirrifletti d-dispożizzjoni ekwivalenti li tinsab fid-Direttivi 2000/43/KE u 2004/113/KE.
Anke jekk l-Istati Membri kollha nnominaw korpi tal-ugwaljanza sa issa, huwa meħtieġ li jinżamm l-obbligu li jinħatar u jitwaqqaf mill-inqas wieħed fid-Direttiva l-ġdida, peress li d-dispożizzjonijiet attwali se jitħassru.
Id-dispożizzjonijiet li jinsabu fid-Direttivi 2000/43/KE u 2004/113/KE u li jispeċifikaw il-kompetenzi jew il-kompiti tal-korpi tal-ugwaljanza se jitħassru wkoll. Dawn ġew inkorporati f’din id-Direttiva, flimkien ma’ kompetenzi u kompiti ġodda kif ġej:
·Indipendenza: Artikolu 3,
·Assistenza lill-vittmi tad-diskriminazzjoni: Artikoli 6 sa 9,
·Opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet: Artikoli 8, 13 u 14,
·Stħarriġ u rapporti: Artikoli 14 u 15, u
·Kooperazzjoni: Artikolu 12.
Artikolu 3 – Indipendenza
L-indipendenza hija karatteristika fundamentali biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-korpi tal-ugwaljanza u t-twettiq tal-missjoni tagħhom.
Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi obbligu ġenerali ta’ indipendenza għall-korpi tal-ugwaljanza, filwaqt li d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi dwar l-Ugwaljanza jobbligawhom biss jaġixxu b’mod indipendenti fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom.
Ir-rekwiżiti speċifiċi li jikkontribwixxu għal u/jew jiggarantixxu din l-indipendenza huma elenkati f’din id-dispożizzjoni. Dawn jikkonċernaw l-istruttura legali, ir-responsabbiltà, il-baġit, il-persunal, il-kwistjonijiet organizzattivi tal-korpi tal-ugwaljanza, u r-regoli applikabbli għall-persunal u t-tmexxija tagħhom biex jiġu żgurati l-kompetenza u l-indipendenza tagħhom.
Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-istruttura interna tal-korpi tal-ugwaljanza tiggarantixxi l-eżerċizzju indipendenti tal-mandat u l-kompetenzi tagħhom. L-istruttura (interna) tal-korpi tal-ugwaljanza tikkundizzjona l-kapaċità tagħhom li jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom u jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod effettiv. Pereżempju, it-teħid ta’ deċiżjonijiet jew il-ħruġ ta’ opinjonijiet dwar każ jirrikjedi li l-korpi tal-ugwaljanza jaġixxu b’imparzjalità, filwaqt li l-appoġġ lill-vittmi jista’ jirrikjedi li l-korpi tal-ugwaljanza jżommu magħhom.
Xi korpi tal-ugwaljanza huma parti minn entitajiet akbar li għandhom diversi mandati, bħall-NHRIs jew l-ombudspersons. F’dawn il-każijiet jista’ jkun hemm kunflitt bejn dawn il-mandati differenti, f’termini ta’ riżorsi – speċjalment meta l-mandat ta’ ugwaljanza jkun ġie miżjud mal-mandat(i) l-ieħor/l-oħrajn – u f’termini ta’ eżerċitar tas-setgħat. Pereżempju, l-Ombudspersons normalment ikunu meħtieġa jaġixxu b’imparzjalità, li mhux dejjem tkun kompatibbli mal-assistenza lill-vittmi, inkluż quddiem il-qrati.
Dawn it-tensjonijiet jistgħu jiġu solvuti billi tiġi adottata struttura xierqa għall-korp, fejn dawn is-setgħat u/jew il-mandati jiġu eżerċitati minn dipartimenti ddedikati jew minn membri tal-persunal differenti, jiġifieri billi jiġu stabbiliti “firewalls” strutturali.
Artikolu 4 – Riżorsi
Riżorsi adegwati huma prekundizzjoni għall-funzjonament effettiv tal-korpi tal-ugwaljanza u t-twettiq tal-missjoni tagħhom.
Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi obbligu ġenerali għall-Istati Membri biex jipprovdu lill-korpi tal-ugwaljanza b’riżorsi suffiċjenti biex iwettqu l-kompiti kollha tagħhom u jeżerċitaw il-kompetenzi kollha tagħhom b’mod effettiv. Tispeċifika wkoll iċ-ċirkostanzi u/jew l-oqsma li l-Istati Membri għandhom iqisu meta jiddeterminaw ir-riżorsi finanzjarji: kwalunkwe żieda fil-kompetenzi jew fil-kompiti, il-ħtieġa għal għarfien espert speċjali biex jintużaw sistemi awtomatizzati biex jiġu indirizzati r-riskji potenzjali ta’ diskriminazzjoni, biżżejjed riżervi biex jiġu ffaċċjati spejjeż ta’ litigazzjoni li jistgħu jkunu diffiċli li jitbassru, u l-istruttura tal-korp tal-ugwaljanza bħala parti minn korp b’diversi mandati.
Artikolu 5 – Prevenzjoni, promozzjoni u sensibilizzazzjoni
Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni tibda billi jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex tiġi evitata. Il-mekkaniżmi ta’ protezzjoni ssuġġeriti mid-Direttivi eżistenti dwar l-ugwaljanza huma essenzjalment retrospettivi (wara li jkun seħħ inċident ta’ diskriminazzjoni), individwalizzati u ċċentrati fuq il-vittmi. Id-Direttivi ma jinkludux mekkaniżmi preventivi komprensivi, u l-prevenzjoni ma kinitx espliċitament parti mill-kompiti oriġinali tal-korpi tal-ugwaljanza.
Fir-rigward tal-promozzjoni tat-trattament ugwali, il-korpi tal-ugwaljanza l-ewwel ġew imsejħa “korpi għall-promozzjoni tat-trattament ugwali” fid-Direttiva 2000/43/KE, u mbagħad “korpi għall-analiżi, il-monitoraġġ u l-appoġġ tat-trattament ugwali” fid-Direttivi sussegwenti dwar l-ugwaljanza. Għalhekk, ir-rwol tagħhom fil-promozzjoni tat-trattament ugwali dejjem kien evidenti, iżda qatt ma kien speċifikat b’mod espliċitu fid-Direttivi.
Din id-dispożizzjoni issa tiċċara r-rwol tal-korpi tal-ugwaljanza fil-promozzjoni tat-trattament ugwali u fil-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni li hija relatata mill-qrib. Din id-Direttiva għandha l-għan li tistabbilixxihom bħala entitajiet pubbliċi, inkarigati mit-trawwim tal-għarfien u l-bini tal-kapaċitajiet ta’ entitajiet pubbliċi u privati f’materji relatati mat-trattament ugwali, bil-għan li jiġu evitati okkorrenzi (mill-ġdid) ta’ diskriminazzjoni.
Din id-dispożizzjoni għandha wkoll l-għan li tiżgura li l-Istati Membri jadottaw strateġija biex jindirizzaw il-livell baxx ta’ għarfien dwar id-drittijiet ta’ ugwaljanza u tas-servizzi pprovduti mill-korpi tal-ugwaljanza, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi ta’ gruppi fil-mira differenti.
Artikolu 6 – Assistenza lill-vittmi
Din id-dispożizzjoni tispeċifika kif il-korpi tal-ugwaljanza għandhom jassistu lill-vittmi malli jirċievu l-ilmenti tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni rilevanti u mmirata dwar il-qafas legali, ir-rimedji disponibbli, is-servizzi offruti mill-korp tal-ugwaljanza, ir-regoli ta’ kunfidenzjalità applikabbli, il-protezzjoni tad-data personali u l-possibbiltajiet li jinkiseb appoġġ psikoloġiku (minkejja li l-korpi tal-ugwaljanza nfushom ma humiex inkarigati milli jipprovdu tali appoġġ).
Il-korpi tal-ugwaljanza jistgħu jiġbru informazzjoni ppreżentata volontarjament mill-partijiet involuti. Huma jeħtiġilhom joħorġu valutazzjoni preliminari tal-ilmenti kollha u jinfurmaw lill-ilmentatur dwar il-valutazzjoni tagħhom u s-segwitu li jissuġġerixxu. Skont il-valutazzjoni tagħhom tal-każ, huma jistgħu jagħżlu u jissuġġerixxu lill-ilmentatur segwitu skont l-Artikoli 7, 8 u 9.
Artikolu 7 – Ftehim bonarju
Dan l-Artikolu jirrikjedi li l-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà ta’ soluzzjoni bonarja tat-tilwim, immexxija mill-korp tal-ugwaljanza nnifsu jew minn entità ddedikata eżistenti oħra, bil-qbil tal-partijiet kollha li jinvolvu ruħhom fi proċess bħal dan. Dan iħalli lill-Istati Membri jiddeterminaw il-modalitajiet tal-proċess, skont id-dritt nazzjonali.
Artikolu 8 – Opinjonijiet u deċiżjonijiet
Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-korpi tal-ugwaljanza jinvestigaw każijiet possibbli ta’ diskriminazzjoni u joħorġu opinjoni motivata (mhux vinkolanti) jew deċiżjoni (vinkolanti), wara lment jew fuq inizjattiva tagħhom stess. Jekk diġà jkollhom biżżejjed informazzjoni ppreżentata b’mod volontarju mill-partijiet involuti, huma jistgħu joħorġu dawn l-opinjonijiet/deċiżjonijiet mingħajr ma jitolbu aktar informazzjoni. Il-partijiet kollha għandhom jibbenefikaw minn drittijiet xierqa ta’ proċess ġust, inkluż id-dritt li jinstemgħu.
S’issa, il-korpi tal-ugwaljanza kellhom il-kompetenza li jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mad-diskriminazzjoni. It-terminu “rakkomandazzjoni” inżamm f’din id-Direttiva biex jirreferi għar-rakkomandazzjonijiet ta’ politika skont l-Artikoli 13, 14 u 15. Xi korpi tal-ugwaljanza użaw ukoll din il-kompetenza biex jagħmlu “rakkomandazzjonijiet” f’każijiet individwali. Sabiex issir distinzjoni bejn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, din id-Direttiva tuża t-terminu “opinjoni” biex tirreferi għall-kompetenza tal-korpi tal-ugwaljanza biex joħorġu konklużjonijiet f’każijiet individwali. Dawn l-opinjonijiet ma humiex legalment vinkolanti.
Xi korpi tal-ugwaljanza għandhom is-setgħa – skont ir-regoli nazzjonali – li joħorġu deċiżjonijiet vinkolanti, meta l-Istati Membri jiddeterminaw hekk. Filwaqt li din id-Direttiva ma għandhiex l-għan li tagħti din is-setgħa lill-korpi kollha tal-ugwaljanza fl-Istati Membri kollha, hija tindirizza s-sitwazzjonijiet fejn il-korpi tal-ugwaljanza jkollhom tali setgħa skont ir-regoli nazzjonali u tfittex li tiżgura l-infurzar ta’ deċiżjonijiet vinkolanti.
Fejn tkun seħħet diskriminazzjoni, il-ħruġ ta’ opinjonijiet u ta’ deċiżjonijiet huwa mezz biex tintemm sitwazzjoni ta’ diskriminazzjoni, iżda wkoll opportunità biex jiġu evitati sitwazzjonijiet simili ulterjuri. Kull meta jkun rilevanti, il-korpi tal-ugwaljanza huma meħtieġa jinkludu miżuri preventivi fl-opinjonijiet u fid-deċiżjonijiet tagħhom, minbarra miżuri speċifiċi biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni.
Biex jinkoraġġixxu u jsegwu l-implimentazzjoni tal-opinjonijiet jew tad-deċiżjonijiet, l-Istati Membri huma meħtieġa jistabbilixxu mekkaniżmi xierqa għas-segwitu tal-opinjonijiet, bħall-obbligi ta’ feedback, u għall-infurzar tad-deċiżjonijiet.
Artikolu 9 – Tilwim
Dan l-Artikolu jagħti setgħat ta’ litigazzjoni lill-korpi tal-ugwaljanza sabiex jiġi żgurat li jkun hemm konformità mal-prinċipju tat-trattament ugwali stabbilit fid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE.
Is-setgħat ta’ litigazzjoni jippermettu lill-korpi tal-ugwaljanza jappoġġaw b’mod konkret lill-vittmi fl-aċċess għall-ġustizzja, iżda wkoll biex iqanqlu interpretazzjoni legali tar-regoli u bidla soċjali permezz ta’ litigazzjoni strateġika. F’dan ir-rigward, il-fatt li jkunu jistgħu jaġixxu f’isimhom stess, fl-interess pubbliku, fl-assenza ta’ vittma identifikata u insostenn jew għan-nom ta’ diversi vittmi huwa partikolarment importanti. Fl-aħħar nett, il-possibbiltà li l-korpi tal-ugwaljanza jippreżentaw dikjarazzjonijiet orali jew bil-miktub lill-qrati (eż. amicus curiae) tikkomplementa b’mod utli dawn is-setgħat ta’ litigazzjoni, peress li hija inqas intensiva fir-riżorsi għall-korpi tal-ugwaljanza, iżda xorta tippermettilhom jissottomettu l-opinjoni esperta tagħhom lill-qrati.
Din id-dispożizzjoni tiżgura wkoll li d-drittijiet tal-korpi tal-ugwaljanza li jaġixxu fil-qorti jirrispettaw il-prinċipji ta’ proċess ġust u opportunitajiet ugwali għall-partijiet. Il-korp tal-ugwaljanza mhux se jitħalla jippreżenta fil-proċedimenti evidenza li l-allegat awtur jew kwalunkwe parti terza kienet legalment marbuta li tipprovdi f’investigazzjonijiet preċedenti dwar l-istess każ. Dan ma japplikax meta l-korp tal-ugwaljanza jaġixxi bħala parti fi proċedimenti dwar l-infurzar jew ir-rieżami ġudizzjarju ta’ deċiżjoni proprja jew jaġixxi bħala amicus curiae.
Artikolu 10 – Salvagwardji proċedurali
Il-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 9 jridu jitfasslu b’salvagwardji proċedurali xierqa għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi involuti, fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża, tal-kunfidenzjalità u tar-rieżami ġudizzjarju. L-Istati Membri huma responsabbli għad-definizzjoni ta’ tali salvagwardji f’konformità mar-regoli nazzjonali.
Artikolu 11 – Aċċess, aċċessibbiltà u akkomodazzjoni raġonevoli
Sabiex ikunu jistgħu jipprovdu assistenza lill-vittmi kollha tad-diskriminazzjoni, huwa essenzjali li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu aċċessibbli għan-nies kollha mingħajr xkiel, u li jipprovdu servizzi bla ħlas lill-ilmentaturi fit-territorju kollu tal-Istati Membri, inkluż fiż-żoni rurali u remoti. Din id-dispożizzjoni tirrikjedi wkoll l-aċċessibbiltà tas-servizzi kollha kif ukoll il-forniment ta’ akkomodazzjoni raġonevoli għall-persuni b’diżabilità.
Artikolu 12 – Kooperazzjoni
Il-kooperazzjoni ma’ entitajiet pubbliċi u privati oħra hija essenzjali għall-promozzjoni tat-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni, għall-informazzjoni tal-ħidma tal-korpi tal-ugwaljanza u l-koordinazzjoni tal-azzjoni tagħhom ma’ dawk ta’ entitajiet oħra.
Artikolu 13 – Konsultazzjoni
Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tiżgura li l-korpi tal-ugwaljanza jiġu kkonsultati regolarment mill-gvern u minn istituzzjonijiet pubbliċi oħra dwar il-politiki pubbliċi li jinvolvu kwistjonijiet ta’ ugwaljanza u nondiskriminazzjoni, bis-saħħa tal-adozzjoni ta’ proċeduri f’waqthom u trasparenti. Din tippermetti wkoll lill-korpi tal-ugwaljanza jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar politiki pubbliċi bħal dawn, kompetenza li l-korpi tal-ugwaljanza kellhom sa minn meta nħolqu skont id-dritt tal-UE. Din id-dispożizzjoni b’hekk tgħin biex jissaħħaħ ir-rwol tagħhom bħala esperti pubbliċi fi kwistjonijiet ta’ trattament ugwali.
Artikolu 14 – Ġbir ta’ data u aċċess għal data dwar l-ugwaljanza
Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi (i) l-obbligi tal-korpi tal-ugwaljanza li jiġbru d-data dwar l-attivitajiet tagħhom stess, (ii) is-setgħat li jwettqu stħarriġ, (iii) is-setgħat li jaċċessaw u jipproċessaw l-istatistika miġbura minn entitajiet pubbliċi jew privati oħra, u (iv) il-possibbiltà li jkollhom rwol ta’ koordinazzjoni fil-ġbir ta’ data dwar l-ugwaljanza minn entitajiet pubbliċi jew privati oħra. Għalhekk, il-korpi tal-ugwaljanza se jikkontribwixxu għall-ġbir ta’ data dwar l-ugwaljanza li se tikkontribwixxi għar-rapporti tagħhom stess, għar-rapport ta’ monitoraġġ tal-Kummissjoni msemmi fl-Artikolu 16, u għall-għarfien pubbliku dwar it-trattament ugwali u d-diskriminazzjoni fl-Istati Membri.
Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tiżgura li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar il-ġbir ta’ data dwar l-ugwaljanza fl-Istati Membri. Il-ġbir tad-data dwar l-ugwaljanza huwa kruċjali għas-sensibilizzazzjoni, is-sensitizzazzjoni tal-persuni, il-kwantifikazzjoni tad-diskriminazzjoni, il-wiri ta’ xejriet matul iż-żmien, il-prova tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza, id-dimostrazzjoni tal-ħtieġa għal azzjoni pożittiva, u l-kontribut għal tfassil ta’ politika bbażat fuq l-evidenza.
Artikolu 15 – Rapporti u ppjanar strateġiku
L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jiġi żgurat li l-korpi tal-ugwaljanza jippjanaw u jirrapportaw b’mod regolari lill-pubbliku dwar il-ħidma tagħhom u dwar is-sitwazzjoni tat-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni. Minħabba li jagħmlu data dwar l-attivitajiet tagħhom stess, dwar l-għadd ta’ lmenti riċevuti skont ir-raġunijiet u l-oqsma, u dwar id-diskriminazzjoni b’mod ġenerali fl-Istati Membri disponibbli għall-pubbliku, il-korpi tal-ugwaljanza se jrawmu l-għarfien pubbliku dwar id-diskriminazzjoni u dwar ix-xogħol tagħhom stess.
Min-naħa tiegħu, dan l-għarfien se jgħinhom jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar l-organizzazzjoni futura tal-ħidma tagħhom, il-prijoritajiet tagħhom għas-snin li ġejjin, u kif l-aħjar jallokaw ir-riżorsi tagħhom.
Skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni se tistabbilixxi lista ta’ indikaturi komuni biex timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u tfassal rapport ta’ applikazzjoni. Fit-tħejjija tal-indikaturi, il-Kummissjoni tista’ tfittex parir mill-FRA u l-EIGE. Il-lista ta’ indikaturi se tkopri r-riżorsi, il-funzjonament indipendenti, l-attivitajiet, u l-effettività tal-korpi tal-ugwaljanza u kwalunkwe bidla fil-mandat, is-setgħat jew l-istruttura tagħhom. L-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati jiġu kkonsultati kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE, u se jitqiesu l-indikaturi żviluppati mill-Equinet.
Dan l-Artikolu jintroduċi wkoll obbligu għall-Istati Membri biex kull 5 snin jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva abbażi tal-indikaturi msemmija hawn fuq, li jippermetti lill-Kummissjoni tirrieżamina l-implimentazzjoni tad-Direttiva u tfassal ir-rapport ta’ implimentazzjoni tagħha.
Artikolu 17 – Rekwiżiti minimi
Din hija dispożizzjoni standard ta’ nuqqas ta’ regressjoni li hija rilevanti għall-Istati Membri li għandhom, jew li jixtiequ jadottaw, leġiżlazzjoni li tipprevedi livell ogħla ta’ protezzjoni minn dak iggarantit mid-Direttiva. Din tistipula li l-Istati Membri ma għandhomx inaqqsu l-kundizzjonijiet diġà fis-seħħ għall-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza meta jimplimentaw din id-Direttiva.
Artikolu 18 – Proċessar ta’ data personali
Kwalunkwe data personali miġbura mill-korpi tal-ugwaljanza biex iwettqu l-kompiti tagħhom, pereżempju meta jittrattaw ilment, għandha tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data. Dan l-Artikolu jispeċifika li l-korpi tal-ugwaljanza jistgħu jiġbru data personali biss fejn ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu skont din id-Direttiva. Għandhom jiġu adottati salvagwardji addizzjonali kull meta l-korpi tal-ugwaljanza jkollhom jipproċessaw data personali sensittiva biex iwettqu wieħed mill-kompiti tagħhom.
Artikolu 19 – tħassir tad-dispożizzjonijiet attwali dwar il-korpi tal-ugwaljanza
Dan l-Artikolu jemenda d-Direttivi 2000/43/KE u 2004/113/KE biex jitħassru d-dispożizzjonijiet eżistenti dwar il-korpi tal-ugwaljanza u jispeċifika li r-referenzi kollha għad-dispożizzjonijiet imħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva.
L-Artikolu 21 jispeċifika wkoll id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Artikolu biex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda lakuna fil-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza.
Artikolu 20 – Traspożizzjoni
Dan l-Artikolu jistabbilixxi l-perjodu massimu li l-Istati Membri għandhom biex idaħħlu d-Direttiva fis-seħħ fil-liġi nazzjonali u jikkomunikaw it-testi rilevanti lill-Kummissjoni. Dan il-perjodu huwa stabbilit għal 18-il xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 21 – Dħul fis-seħħ
Din hija dispożizzjoni standard li tistipula li d-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-XX jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali. Tiżgura wkoll li d-dispożizzjonijiet attwali dwar il-korpi tal-ugwaljanza jibqgħu fis-seħħ sakemm japplikaw id-dispożizzjonijiet il-ġodda.
Artikolu 22 – Destinatarji
Din hija dispożizzjoni standard dwar id-destinatarji, li tagħmilha ċara li d-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.
2022/0401 (APP)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-KUNSILL
dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza fil-qasam tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika tagħhom, it-trattament ugwali fil-qasam tal-impjiegi u x-xogħol bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, it-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali u fl-aċċess għal prodotti u servizzi u l-provvista tagħhom, u li tħassar l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/43/KE u l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/113/KE
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikulari, l-Artikolu 19(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tas-Superviżur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data,
Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,
Billi:
(1)It-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jirrikonoxxu d-dritt għall-ugwaljanza u d-dritt għan-nondiskriminazzjoni bħala valuri essenzjali tal-Unjoni, u l-Unjoni diġà adottat diversi Direttivi dwar il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni.
(2)Skont l-Artikolu 19(1) tat-TFUE, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattati u fil-limiti tal-poteri mogħtija minnu lill-Unjoni, il-Kunsill, li jaġixxi unanimament skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali u bl- approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, jista’ jieħu l-azzjoni xierqa sabiex jiġġieled id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.
(3)L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza biex ittejjeb l-effettività tagħhom u tiggarantixxi l-indipendenza tagħhom sabiex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali kif derivat mid-Direttivi tal-Kunsill 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE.
(4)Id-Direttiva 79/7/KEE tipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, f’materji ta’ sigurtà soċjali.
(5)Id-Direttiva 2000/43/KE tipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini razzjali jew etnika.
(6)Id-Direttiva 2000/78/KE tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjieg, ix-xogħol u t-taħriġ vokazzjonali.
(7)Id-Direttiva 2004/113/KE tipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess fl-aċċess għal merkanzija u servizzi u l-provvista tagħhom.
(8)Id-Direttivi 2000/43/KE u 2004/113/KE jirrikjedu li l-Istati Membri jaħtru korp wieħed jew aktar għall-promozzjoni tat-trattament ugwali, inklużi l-analiżi, il-monitoraġġ u l-appoġġ tat-trattament ugwali tal-persuni kollha mingħajr diskriminazzjoni għar-raġunijiet koperti mid-Direttivi rispettivi (minn hawn ’il quddiem “il-korpi tal-ugwaljanza”). Dawn jirrikjedu li l-Istati Membri jiżguraw li l-kompetenzi ta’ dawn il-korpi jinkludu l-għoti ta’ assistenza indipendenti lill-vittmi, it-twettiq ta’ stħarriġ indipendenti dwar id-diskriminazzjoni, il-pubblikazzjoni ta’ rapporti indipendenti u l-ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet dwar kwalunkwe kwistjoni relatata ma’ tali diskriminazzjoni.
(9)Id-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jipprevedu wkoll il-ħatra ta’ korpi tal-ugwaljanza.
(10)L-Istati Membri kollha stabbilew korpi tal-ugwaljanza skont id-Direttivi 2000/43/KE u 2004/113/KE. Ġiet stabbilita sistema varjata ta’ korpi tal-ugwaljanza, u tfaċċaw prattiki tajbin. Madankollu, ħafna korpi tal-ugwaljanza jiffaċċjaw sfidi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-riżorsi, l-indipendenza u s-setgħat meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom.
(11)Id-Direttivi 2000/43/KE u 2004/113/KE jħallu marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fir-rigward tal-istruttura u l-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza. Dan iwassal għal differenzi sinifikanti bejn il-korpi tal-ugwaljanza stabbiliti fl-Istati Membri, f’termini tal-mandati, il-kompetenzi, l-istrutturi, ir-riżorsi u l-funzjonament operazzjonali tal-korpi tal-ugwaljanza. Dan, min-naħa tiegħu, ifisser li l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni tvarja minn Stat Membru għal ieħor.
(12)Għalkemm id-Direttivi 79/7/KEE u 2000/78/KE ma jirrikjedux li l-Istati Membri jaħtru korpi tal-ugwaljanza biex jittrattaw il-materji koperti minn dawk id-Direttivi, dawn il-korpi għandhom kompetenza għal dawk il-materji fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, fejn meħtieġ mid-dritt nazzjonali. Madankollu, dan ma huwiex il-każ fl-Istati Membri kollha, li jwassal għal livelli differenti ta’ protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni fir-rigward tal-materji koperti minn dawk id-Direttivi madwar l-Unjoni.
(13)Biex jiġi żgurat li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-infurzar tad-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE billi jippromwovu t-trattament ugwali, jipprevjenu d-diskriminazzjoni u joffru assistenza lill-individwi u lill-gruppi kollha li jiġu ddiskriminati biex jaċċessaw il-ġustizzja madwar l-Unjoni, huwa meħtieġ li jiġu adottati standards minimi vinkolanti għall-funzjonament ta’ dawk il-korpi, u li l-mandat tagħhom jiġi estiż għall-materji koperti mid-Direttivi 79/7/KEE u 2000/78/KE. L-istandards il-ġodda jenħtieġ li jibbażaw fuq it-tagħlimiet meħuda permezz tal-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2018/951, filwaqt li jibnu fuq xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha u jistabbilixxu regoli ġodda fejn meħtieġ. Jenħtieġ li jibbażaw ukoll fuq strumenti rilevanti oħra, bħall-General Policy Recommendation N°2 dwar il-korpi tal-ugwaljanza adottata mill-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (ECRI) u l-Prinċipji ta’ Pariġi adottati min-Nazzjonijiet Uniti u applikabbli għall-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem.
(14)L-istess standards minimi vinkolanti għall-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza fir-rigward tal-kwistjonijiet koperti mid-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE huma stipulati fid-Direttiva (UE) …/… [dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza fil-qasam tat-trattament ugwali u l-opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol, u li tħassar l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/54/KE u l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2010/41/UE].
(15)Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għall-azzjoni tal-korpi tal-ugwaljanza fir-rigward tal-kwistjonijiet koperti mid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE. L-istandards jenħtieġ li jikkonċernaw biss il-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza u jenħtieġ li ma jestendux il-kamp ta’ applikazzjoni materjali jew personali ta’ dawk id-Direttivi.
(16)Fil-promozzjoni tat-trattament ugwali, il-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni u l-assistenza lill-vittmi tad-diskriminazzjoni, il-korpi tal-ugwaljanza jenħtieġ li jagħtu attenzjoni partikolari lid-diskriminazzjoni bbażata fuq diversi raġunijiet protetti mid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE.
(17)Il-korpi tal-ugwaljanza jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom b’mod effettiv biss jekk ikunu jistgħu jaġixxu b’indipendenza sħiħa mingħajr ma jkunu suġġetti għal xi influwenza esterna. Għal dak il-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu għadd ta’ kriterji li jikkontribwixxu għall-indipendenza tal-korpi tal-ugwaljanza. Il-korpi tal-ugwaljanza jenħtieġ li ma jiġux stabbiliti bħala parti minn ministeru jew korp li jieħu struzzjonijiet direttament mill-gvern. Kwalunkwe membru tal-persunal jew persuna li jkollha pożizzjoni maniġerjali – pereżempju bħala membru ta’ bord li jmexxi l-korp tal-ugwaljanza, kap tal-korp tal-ugwaljanza, viċi jew f’każ ta’ interim – jenħtieġ li tkun indipendenti, kwalifikata għall-pożizzjoni tagħha, u magħżula permezz ta’ proċess trasparenti. Jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jimmaniġġjaw il-baġit u r-riżorsi tagħhom stess, inkluż billi jagħżlu u jimmaniġġjaw il-persunal tagħhom stess, u jkunu jistgħu jistabbilixxu l-prijoritajiet tagħhom stess.
(18)Sabiex jiġi żgurat li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jeżerċitaw il-kompetenzi kollha tagħhom u jissodisfaw il-kompiti kollha tagħhom, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-istruttura interna tal-korpi tal-ugwaljanza tippermetti l-eżerċizzju indipendenti tad-diversi kompetenzi tagħhom. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lil sitwazzjonijiet fejn il-korpi jkunu meħtieġa kemm li jkunu imparzjali kif ukoll li joffru appoġġ lill-vittmi. Dan huwa partikolarment rilevanti meta l-korp tal-ugwaljanza jkollu setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet vinkolanti li jeħtieġu imparzjalità jew meta jkun parti minn korp b’diversi mandati fejn mandat ieħor ikun jeħtieġ imparzjalità. Struttura interna li tiżgura separazzjoni stretta bejn il-kompetenzi u l-kompiti rilevanti jenħtieġ li tiggarantixxi li l-korp tal-ugwaljanza jkun jista’ jeżerċitahom b’mod effettiv.
(19)In-nuqqas ta’ riżorsi xierqa huwa kwistjoni ewlenija li xxekkel il-kapaċità tal-korpi tal-ugwaljanza milli jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod adegwat. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jirċievu finanzjament suffiċjenti, ikunu jistgħu jimpjegaw persunal kwalifikat u jkollhom bini u infrastruttura xierqa biex iwettqu kull wieħed mill-kompiti tagħhom b’mod effettiv, fi żmien raġonevoli u fl-iskadenzi stabbiliti mid-dritt nazzjonali. L-allokazzjoni baġitarja tagħhom jenħtieġ li tkun stabbli, ħlief fil-każ ta’ żieda fil-kompetenzi, ippjanata fuq bażi pluriennali, u tippermettilhom ikopru spejjeż li jistgħu jkunu diffiċli li jiġu antiċipati bħal spejjeż marbuta ma’ litigazzjoni. Sabiex jiġi żgurat li l-korpi tal-ugwaljanza jingħataw riżorsi suffiċjenti, jenħtieġ li l-baġit tagħhom ma jġarrabx, pereżempju, tnaqqis li jkun ferm ogħla mit-tnaqqis medju għal entitajiet pubbliċi oħra; bl-istess mod, it-tkabbir annwali tagħhom jenħtieġ li jkun tal-anqas marbut mat-tkabbir medju fil-finanzjament lil entitajiet oħra. Ir-riżorsi jenħtieġ li jiżdiedu b’mod proporzjonali jekk il-kompiti u l-mandat tal-korpi tal-ugwaljanza jiġu estiżi.
(20)Is-sistemi awtomatizzati, inkluża l-intelliġenza artifiċjali, jirrappreżentaw għodda utli biex jiġu identifikati x-xejriet ta’ diskriminazzjoni, iżda d-diskriminazzjoni algoritmika hija wkoll riskju. Għalhekk, jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza jkollhom aċċess għal persunal jew għal servizzi kwalifikati, li jkunu jistgħu jużaw sistemi awtomatizzati għall-ħidma tagħhom minn naħa waħda u li jivvalutaw il-konformità tagħhom mar-regoli dwar in-nondiskriminazzjoni min-naħa l-oħra. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari biex il-korpi tal-ugwaljanza jiġu mgħammra b’riżorsi diġitali xierqa, kemm direttament kif ukoll permezz ta’ sottokuntrattar.
(21)Il-korpi tal-ugwaljanza, flimkien ma’ atturi oħra, għandhom rwol ewlieni fil-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni u fil-promozzjoni tal-ugwaljanza. Sabiex jindirizzaw l-aspetti strutturali tad-diskriminazzjoni u jikkontribwixxu għall-bidla soċjali, jenħtieġ li dawn jippromwovu d-dmirijiet tal-ugwaljanza, prattiki tajbin, azzjoni pożittiva u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza fost l-entitajiet pubbliċi u privati, u jipprovduhom b’taħriġ, informazzjoni, pariri, gwida u appoġġ rilevanti. Jenħtieġ li dawn jikkomunikaw ma’ entitajiet pubbliċi u privati u gruppi f’riskju ta’ diskriminazzjoni u jinvolvu ruħhom f’dibattitu pubbliku sabiex jiġġieldu l-isterjotipi u jqajmu kuxjenza dwar id-diversità u l-benefiċċji tagħha, pilastru ewlieni tal-istrateġiji tal-Unjoni għall-ugwaljanza.
(22)Lil hinn mill-prevenzjoni, kompitu ċentrali tal-korpi tal-ugwaljanza huwa li jipprovdu assistenza lill-vittmi tad-diskriminazzjoni. Din l-assistenza jenħtieġ li tinkludi dejjem l-għoti ta’ informazzjoni essenzjali lill-ilmentaturi u valutazzjoni preliminari tal-ilment tagħhom, ibbażata fuq l-informazzjoni inizjali miġbura mingħand il-partijiet b’mod volontarju. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu responsabbli għad-definizzjoni tal-modalitajiet li taħthom il-korp tal-ugwaljanza joħroġ din il-valutazzjoni, bħall-perjodu ta’ żmien tal-proċess jew is-salvagwardji proċedurali kontra lmenti ripetittivi jew abbużivi.
(23)Sabiex jiġi żgurat li l-vittmi kollha jkunu jistgħu jilmentaw, jenħtieġ li jkun possibbli li l-ilmenti jiġu ppreżentati b’diversi modi. L-Istati Membri jenħtieġ li jqisu wkoll kif xieraq ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2018/951 li skontha jenħtieġ li jkun possibbli li l-ilmenti jiġu ppreżentati f’lingwa magħżula mill-ilmentatur u li tkun komuni fl-Istat Membru fejn jinsab il-korp tal-ugwaljanza. Sabiex tiġi indirizzata waħda mill-kawżi tan-nuqqas ta’ rapportar, jiġifieri l-biża’ ta’ rappreżalji, u mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2019/1937 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni, jenħtieġ li tiġi offruta kunfidenzjalità lix-xhieda u lill-informaturi, u sa fejn ikun possibbli, lill-ilmentaturi.
(24)Sabiex joffru possibbiltà għal soluzzjoni tat-tilwim rapida, affordabbli u barra mill-qorti, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprevedu l-possibbiltà li l-partijiet jitolbu soluzzjoni bonarja għat-tilwim tagħhom, lill-korp tal-ugwaljanza jew lil entità ddedikata eżistenti oħra. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiddefinixxu l-modalitajiet tal-proċess ta’ soluzzjoni bonarja skont id-dritt nazzjonali.
(25)Fejn il-korpi tal-ugwaljanza jissuspettaw ksur possibbli tal-prinċipju ta’ trattament ugwali stabbilit mid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE jew 2004/113/KE, jenħtieġ li dawn ikunu jistgħu jaġixxu aktar wara lment jew fuq inizjattiva tagħhom stess.
(26)L-evidenza hija kruċjali biex jiġi ddeterminat jekk tkunx seħħet diskriminazzjoni u ta’ spiss tkun f’idejn l-awtur allegat. Għalhekk, jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jaċċessaw l-informazzjoni meħtieġa biex jistabbilixxu diskriminazzjoni u jikkooperaw mas-servizzi pubbliċi rilevanti – bħall-ispettorati tax-xogħol jew l-ispettorati tal-edukazzjoni. L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu qafas xieraq għall-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, f’konformità mar-regoli u l-proċeduri nazzjonali.
(27)Abbażi tal-evidenza miġbura, jew b’mod volontarju jew permezz ta’ investigazzjoni, il-korpi tal-ugwaljanza jenħtieġ li jipprovdu l-valutazzjoni tagħhom lill-ilmentatur u lill-allegat awtur tar-reat. L-Istati Membri jenħtieġ li jiddeterminaw il-valur legali ta’ din il-valutazzjoni li tista’ tkun opinjoni mhux vinkolanti jew deċiżjoni infurzabbli vinkolanti. It-tnejn li huma jenħtieġ li jiddikjaraw ir-raġunijiet għall-valutazzjoni u jinkludu, fejn meħtieġ, miżuri biex jiġi rimedjat kwalunkwe ksur misjub u biex jiġu evitati okkorrenzi ulterjuri. Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-ħidma tal-korpi tal-ugwaljanza, jenħtieġ li l-Istati Membri jadottaw miżuri xierqa għas-segwitu tal-opinjonijiet u għall-infurzar tad-deċiżjonijiet.
(28)Sabiex jippromwovu l-ħidma tagħhom u l-liġi tal-ugwaljanza, il-korpi tal-ugwaljanza jenħtieġ li jkunu jistgħu jippubblikaw sommarju tal-opinjonijiet u d-deċiżjonijiet tagħhom mingħajr ma jiżvelaw data personali.
(29)Il-korpi tal-ugwaljanza jenħtieġ li jkollhom id-dritt li jaġixxu fi proċedimenti tal-qorti fi kwistjonijiet ta’ liġi ċivili jew amministrattiva sabiex jikkontribwixxu għall-iżgurar tar-rispett tal-prinċipju tat-trattament ugwali stabbilit fid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE. Filwaqt li dawk il-proċedimenti tal-qorti jenħtieġ li jkunu soġġetti għal-liġi proċedurali nazzjonali, inklużi regoli nazzjonali dwar l-ammissibbiltà ta’ rikorsi, tali regoli, u b’mod partikolari kwalunkwe kundizzjoni ta’ interess leġittimu, ma jistgħux jiġu applikati b’tali mod li jimminaw l-effettività tad-dritt tal-korpi tal-ugwaljanza li jaġixxu. Is-setgħat ta’ investigazzjoni u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u d-dritt ta’ azzjoni fi proċedimenti tal-qorti mogħtija lill-korpi tal-ugwaljanza minn din id-Direttiva se jiffaċilitaw l-implimentazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet attwali tad-Direttivi 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE dwar l-oneru tal-provi u d-difiża tad-drittijiet. Skont il-kundizzjonijiet previsti f’din id-Direttiva, il-korpi tal-ugwaljanza se jkunu jistgħu jistabbilixxu fatti “li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta”, u b’hekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/43/KE, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2000/78/KE u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/113/KE. L-appoġġ tagħhom għalhekk se jiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi.
(30)Il-pożizzjoni legali tippermetti lill-korpi tal-ugwaljanza jaġixxu f’isem il-vittmi jew b’appoġġ għalihom, u tippermettilhom jaċċessaw il-ġustizzja meta l-ostakli proċedurali u finanzjarji jew il-biża’ ta’ vittimizzazzjoni spiss jiskoraġġuhom. Il-pożizzjoni legali tippermetti wkoll lill-korpi tal-ugwaljanza jagħżlu b’mod strateġiku l-każijiet li jiddeċiedu li jsegwu quddiem il-qrati nazzjonali, u jikkontribwixxu għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni dwar it-trattament ugwali.
(31)Xi każijiet ta’ diskriminazzjoni huma diffiċli biex jiġu miġġielda minħabba li ma hemm l-ebda kwerelant li qed isegwi l-każ huwa stess. Fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-54/07 (Feryn), li tressqet minn korp tal-ugwaljanza f’ismu stess, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li d-diskriminazzjoni tista’ tiġi stabbilita anki fin-nuqqas ta’ vittma identifikata. Għalhekk huwa importanti li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jaġixxu f’isimhom stess, biex jiddefendu l-interess pubbliku.
(32)Il-korpi tal-ugwaljanza jenħtieġ li jkunu jistgħu wkoll jippreżentaw dikjarazzjonijiet orali jew bil-miktub lill-qrati - eż. amicus curiae - bħala mod eħfef biex jappoġġaw każijiet bl-opinjoni esperta tagħhom.
(33)Id-drittijiet tal-korpi tal-ugwaljanza li jaġixxu fil-qorti jridu jirrispettaw il-prinċipji ta’ proċess ġust u ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet. Għalhekk, ħlief meta l-korp tal-ugwaljanza jaġixxi bħala parti fi proċedimenti dwar l-infurzar jew ir-rieżami ġudizzjarju ta’ deċiżjoni proprja jew jaġixxi bħala amicus curiae, jenħtieġ li l-korp tal-ugwaljanza ma jitħalliex jissottometti fil-proċedimenti tal-qorti evidenza miksuba permezz ta’ investigazzjonijiet preċedenti tal-istess każ li l-allegat awtur jew kwalunkwe parti terza kienet legalment marbuta li tipprovdi.
(34)Sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet individwali, l-Istati Membri jenħtieġ li jinkwadraw is-setgħat tal-korpi tal-ugwaljanza b’salvagwardji proċedurali xierqa, filwaqt li jiżguraw li l-prinċipji ewlenin bħad-dritt tad-difiża, id-dritt għal rieżami ġudizzjarju u d-dritt għall-kunfidenzjalità jkunu protetti b’mod xieraq.
(35)Id-dispożizzjonijiet dwar id-dritt tal-korpi tal-ugwaljanza li jaġixxu fi proċedimenti tal-qorti ma jibdlux id-drittijiet tal-vittmi u ta’ assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet jew entitajiet legali oħra li jinfurzaw id-drittijiet tal-vittmi li għandhom, f’konformità mal-kriterji stabbiliti mil-liġi nazzjonali tagħhom, interess leġittimu li jiżguraw li d-Direttivi 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE jiġu rrispettati, kif stabbilit f’dawk id-Direttivi.
(36)L-effettività tal-ħidma tal-korpi tal-ugwaljanza tiddependi wkoll fuq l-għoti ta’ aċċess sħiħ għas-servizzi tagħhom lill-gruppi f’riskju ta’ diskriminazzjoni. Fi stħarriġ imwettaq mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, 71 % tal-membri ta’ gruppi ta’ minoranza etnika jew immigranti rrappurtaw li ma kinux konxji minn xi organizzazzjoni li toffri appoġġ jew pariri lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni. Pass ewlieni lejn l-appoġġ għal dan l-aċċess huwa li l-Istati Membri jiżguraw li n-nies ikunu jafu d-drittijiet tagħhom u jkunu konxji mill-eżistenza u s-servizzi offruti mill-korpi tal-ugwaljanza. Dan huwa partikolarment importanti għall-gruppi żvantaġġati u għall-gruppi li l-aċċess tagħhom għal dik l-informazzjoni jista’ jkun ostakolat, pereżempju mill-istatus ekonomiku tagħhom, id-diżabilità tagħhom, il-litteriżmu tagħhom jew in-nuqqas ta’ aċċess tagħhom għal għodod online.
(37)Jenħtieġ li jiġi ggarantit l-aċċess għas-servizzi u l-pubblikazzjonijiet tal-korpi tal-ugwaljanza fuq bażi ugwali għal kulħadd. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jiġu identifikati u indirizzati l-ostakli potenzjali għall-aċċess għas-servizzi tal-korpi tal-ugwaljanza. Is-servizzi jenħtieġ li jkunu mingħajr ħlas għall-ilmentaturi. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw ukoll li s-servizzi tal-korpi tal-ugwaljanza jkunu disponibbli għall-vittmi potenzjali kollha fit-territorju tagħhom, pereżempju permezz tal-istabbiliment ta’ uffiċċji lokali, inklużi dawk mobbli, l-organizzazzjoni ta’ kampanji lokali jew il-kooperazzjoni ma’ delegati lokali jew ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.
(38)L-Unjoni u l-Istati Membri kollha huma partijiet għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD) li tinkludi l-obbligu li tiġi pprojbita d-diskriminazzjoni abbażi ta’ diżabilità u li tiġi ggarantita lill-persuni b’diżabilità protezzjoni legali ugwali u effettiva kontra d-diskriminazzjoni għar-raġunijiet kollha. Din id-Direttiva jenħtieġ li tiġi interpretata b’mod konsistenti mal-UNCRPD. Sabiex jiġu ggarantiti protezzjoni legali u aċċess ugwali u effettivi għall-persuni b’diżabilità għas-servizzi u l-attivitajiet kollha tal-korpi tal-ugwaljanza, huwa meħtieġ li tiġi żgurata l-aċċessibbiltà, f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/882, u akkomodazzjoni raġonevoli. Il-korpi tal-ugwaljanza jenħtieġ li jiżguraw l-aċċessibbiltà fiżika u diġitali billi jipprevjenu u jneħħu l-ostakli li l-persuni b’diżabilità jistgħu jiffaċċjaw biex jaċċessaw is-servizzi u l-informazzjoni tagħhom, u jipprovdu akkomodazzjoni raġonevoli, filwaqt li jagħmlu l-modifiki u l-aġġustamenti meħtieġa u xierqa fejn meħtieġ f’każ partikolari.
(39)Li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jikkoordinaw u jikkooperaw regolarment f’livelli differenti, fuq bażi fit-tul, huwa kruċjali għat-tagħlim reċiproku, il-koerenza u l-konsistenza, u jista’ jwessa’ s-sensibilizzazzjoni u l-impatt tal-ħidma tagħhom. Il-korpi tal-ugwaljanza jenħtieġ li jikkooperaw, b’mod partikolari, ma’ korpi oħra tal-ugwaljanza fl-istess Stat Membru u fi Stati Membri oħra – inkluż fil-qafas tan-Network Ewropew tal-Korpi tal-Ugwaljanza (Equinet) – u ma’ entitajiet pubbliċi u privati fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali, bħal organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, trade unions, spettorati tax-xogħol u tal-edukazzjoni, korpi tal-infurzar tal-liġi, aġenziji b’responsabbiltà fil-livell nazzjonali għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem, awtoritajiet li jimmaniġġjaw il-fondi tal-Unjoni, Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali tar-Rom, korpi tal-konsumatur, u mekkaniżmi indipendenti nazzjonali għall-promozzjoni, il-protezzjoni u l-monitoraġġ tal-UNCRPD. Tali kooperazzjoni jenħtieġ li ma tinvolvix l-iskambju ta’ data personali (jiġifieri data dwar l-ugwaljanza f’forma li fiha l-individwi jistgħu jiġu identifikati).
(40)Il-korpi tal-ugwaljanza ma jistgħux jaqdu bis-sħiħ ir-rwol tagħhom bħala esperti fi trattament ugwali jekk ma jiġux ikkonsultati kmieni biżżejjed matul il-proċess tat-tfassil tal-politika dwar materji relatati mad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri trasparenti biex jiżguraw li l-konsultazzjoni ssir fil-ħin. Jenħtieġ li dawn jippermettu wkoll lill-korpi tal-ugwaljanza jagħmlu rakkomandazzjonijiet u jippubblikawhom.
(41)Id-data dwar l-ugwaljanza hija kruċjali għas-sensibilizzazzjoni, biex tissensitizza n-nies, biex tiġi kkwantifikata d-diskriminazzjoni, jintwerew ix-xejriet maż-żmien, tiġi pprovata l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, tiġi evalwata l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza, tintwera l-ħtieġa ta’ azzjoni pożittiva, u jingħata kontribut għat-tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza. Il-korpi tal-ugwaljanza għandhom rwol x’jaqdu fil-kontribut għall-iżvilupp ta’ data rilevanti dwar l-ugwaljanza għal dawk l-għanijiet, pereżempju billi jorganizzaw diskussjonijiet regolari li jiġbru l-entitajiet rilevanti kollha. Jenħtieġ li jiġbru u janalizzaw ukoll data dwar l-attivitajiet tagħhom stess jew iwettqu stħarriġ u jenħtieġ li jkunu jistgħu jaċċessaw u jagħmlu użu minn informazzjoni statistika miġbura minn entitajiet pubbliċi jew privati oħra, bħall-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika, il-qrati nazzjonali, l-ispettorati tax-xogħol u tal-edukazzjoni, it-trade unions jew l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, dwar il-materji li huma fdati bihom skont id-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE. Jenħtieġ li dik l-informazzjoni statistika ma jkun fiha l-ebda data personali.
(42)Minbarra li jippubblikaw rapport annwali dwar l-attivitajiet tagħhom, il-korpi tal-ugwaljanza jenħtieġ li jippubblikaw regolarment rapport li jinkludi valutazzjoni ġenerali tas-sitwazzjoni fir-rigward tad-diskriminazzjoni li taqa’ taħt il-mandat tagħhom fl-Istati Membri. Dak ir-rapport jenħtieġ li jipprovdi informazzjoni għall-entitajiet pubbliċi u privati u jservi ta’ gwida biex jiġu ddeterminati l-prijoritajiet tal-korpi tal-ugwaljanza għall-futur. Ir-rapporti jenħtieġ li ma jkun fihom l-ebda data personali.
(43)Sabiex jiddeterminaw il-viżjoni tagħhom għall-futur u jidentifikaw l-għanijiet u l-objettivi tal-organizzazzjoni tagħhom, il-korpi tal-ugwaljanza jenħtieġ li jadottaw programm pluriennali. Dan jenħtieġ li jippermettilhom jiżguraw il-koerenza tal-linji ta’ ħidma differenti tagħhom maż-żmien u jindirizzaw kwistjonijiet sistemiċi ta’ diskriminazzjoni li jaqgħu taħt il-mandat tagħhom bħala parti minn pjan ta’ azzjoni fit-tul.
(44)Sabiex tiġi vvalutata l-effettività ta’ din id-Direttiva huwa meħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tagħha u, minbarra l-monitoraġġ tal-konformità, jivvaluta l-effetti prattiċi tagħha. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun responsabbli minn dak il-monitoraġġ u tfassal regolarment rapport ta’ applikazzjoni. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar tal-Istati Membri skont l-Artikolu 16(2) fir-rigward tal-effetti prattiċi ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi lista ta’ indikaturi rilevanti, li abbażi tagħhom jenħtieġ li tinġabar id-data. Jenħtieġ li dan il-monitoraġġ ma jinvolvix l-ipproċessar ta’ data personali.
(45)Din id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi, u b’hekk tagħti lill-Istati Membri l-għażla li jdaħħlu jew iżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli. Jenħtieġ li l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma sservix biex tiġġustifika xi regressjoni relatata mas-sitwazzjoni li diġà teżisti f’kull Stat Membru.
(46)Din id-Direttiva tibni fuq ir-regoli stabbiliti fid-Direttivi 2000/43/KE u 2004/113/KE billi tintroduċi standards imsaħħa għall-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza. Id-dispożizzjonijiet preċedenti dwar il-korpi tal-ugwaljanza fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/43/KE u l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/113/KE għalhekk jenħtieġ li jitħassru.
(47)Din id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura l-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza skont standards minimi, bil-għan li ttejjeb l-effettività tagħhom u tiggarantixxi l-indipendenza tagħhom, sabiex issaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Peress li l-objettiv ta’ din id-Direttiva ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk jenħtieġ li jintlaħaq fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva, li sempliċiment tistabbilixxi standards minimi, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv.
(48)Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali mill-korpi tal-ugwaljanza skont din id-Direttiva jenħtieġ li jitwettaq f’konformità sħiħa mar-Regolament (UE) 2016/679. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-kompiti tal-korpi tal-ugwaljanza jkunu stabbiliti b’mod ċar fil-liġi, f’konformità mal-Artikolu 6(1)(e), tar-Regolament (UE) 2016/679, moqri flimkien mal-Artikolu 6(2) u (3) ta’ dak ir-Regolament. Il-korpi tal-ugwaljanza jenħtieġ li jipproċessaw data personali biss sa fejn ikun meħtieġ biex iwettqu l-kompiti tagħhom skont din id-Direttiva li għandha l-għan li tinforza d-drittijiet u l-obbligi fundamentali li jirriżultaw mid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE. L-individwi li d-data personali tagħhom tiġi pproċessata jenħtieġ li jiġu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom bħala suġġetti tad-data, inklużi r-rimedji disponibbli għalihom fil-livell nazzjonali.
(49)Meta t-twettiq tal-kompiti tal-korpi tal-ugwaljanza jirrikjedi l-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali, jiġifieri data dwar l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, diżabilità jew l-orjentazzjoni sesswali, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw ukoll li d-dritt nazzjonali jirrispetta l-essenza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u jipprevedi miżuri xierqa u speċifiċi għas-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data, f’konformità mal-Artikolu 9(2)(g) tar-Regolament (UE) 2016/679. Tali salvagwardji jenħtieġ li jinkludu pereżempju politiki u miżuri interni biex jiżguraw il-minimizzazzjoni tad-data, inkluż permezz tal-anonimizzazzjoni tad-data personali, fejn possibbli; biex jiġu applikati l-psewdonimizzazzjoni u l-kriptaġġ għad-data personali; biex jiġu evitati l-aċċess għal data personali u t-trażmissjoni tagħha mingħajr awtorizzazzjoni; u biex jiġi żgurat li d-data personali ma tiġix ipproċessata aktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom tiġi pproċessata.
(50)Il-kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta opinjoni fi [data].
ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Għan, suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1.Din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza biex ittejjeb l-effettività tagħhom u tiggarantixxi l-indipendenza tagħhom sabiex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali kif derivat mid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE.
2.L-obbligi mqiegħda fuq l-Istati Membri u l-kompiti tal-korpi tal-ugwaljanza skont din id-Direttiva għandhom ikopru d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE.
Artikolu 2
Ħatra ta’ korpi tal-ugwaljanza
L-Istati Membri għandhom jaħtru korp wieħed jew aktar (minn hawn ’il quddiem imsejħa “korpi tal-ugwaljanza”) biex jeżerċitaw il-kompetenzi stabbiliti f’din id-Direttiva.
Il-korpi tal-ugwaljanza jistgħu jifformaw parti minn aġenziji b’responsabbilità għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem jew għas-salvagwardja tad-drittijiet tal-individwi fuq livell nazzjonali.
Artikolu 3
Indipendenza
1.L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu indipendenti u ħielsa minn influwenza esterna fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-istruttura legali, ir-responsabbiltà, il-baġit, il-persunal u l-kwistjonijiet organizzattivi tagħhom.
2.L-Istati Membri għandhom jipprevedu regoli u salvagwardji trasparenti dwar l-għażla, il-ħatra, ir-revoka u l-kunflitt ta’ interess potenzjali tal-persunal tal-korpi tal-ugwaljanza, b’mod partikolari persuni li jkollhom pożizzjoni maniġerjali, sabiex jiggarantixxu l-kompetenza u l-indipendenza tagħhom.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ salvagwardji xierqa, b’mod partikolari fl-istruttura interna tal-korpi tal-ugwaljanza, biex jiġi garantit l-eżerċizzju indipendenti tal-kompetenzi tagħhom, b’mod partikolari fejn xi wħud jeħtieġu imparzjalità u oħrajn jiffukaw fuq l-appoġġ għall-vittmi.
4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ salvagwardji xierqa fl-istruttura interna tal-korpi b’diversi mandati biex jiggarantixxu l-eżerċizzju awtonomu tal-mandat tal-ugwaljanza.
Artikolu 4
Riżorsi
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull korp tal-ugwaljanza jingħata r-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji meħtieġa biex iwettaq il-kompiti kollha tiegħu u biex jeżerċita l-kompetenzi kollha tiegħu b’mod effettiv, għar-raġunijiet kollha u fl-oqsma kollha koperti mid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE inkluż fil-każ ta’ żidiet fil-kompetenzi, żidiet fl-ilmenti, spejjeż ta’ litigazzjoni u l-użu ta’ sistemi awtomatizzati.
2.Meta l-korpi tal-ugwaljanza jkunu parti minn korp inkarigat minn diversi mandati, il-paragrafu 1 għandu japplika speċifikament għall-mandat tal-ugwaljanza u għall-persunal u s-sistemi ta’ appoġġ tiegħu.
Artikolu 5
Prevenzjoni, promozzjoni u sensibilizzazzjoni
L-Istati Membri għandhom:
(a)jadottaw strateġija biex iqajmu kuxjenza fost il-popolazzjoni ġenerali, fit-territorju kollu tagħhom, b’attenzjoni partikolari għall-individwi u l-gruppi f’riskju ta’ diskriminazzjoni, dwar id-drittijiet skont id-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE u dwar l-eżistenza ta’ korpi tal-ugwaljanza u s-servizzi tagħhom;
(b)jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jinvolvu ruħhom fil-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni u fil-promozzjoni tat-trattament ugwali, u jadottaw strateġija li tiddefinixxi kif se jinvolvu ruħhom fid-djalogu pubbliku, jikkomunikaw mal-individwi u l-gruppi f’riskju ta’ diskriminazzjoni, jipprovdu taħriġ u gwida, u jippromwovu d-dmirijiet ta’ ugwaljanza, l-integrazzjoni tal-ugwaljanza u l-azzjoni pożittiva fost l-entitajiet pubbliċi u privati.
Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri u l-korpi tal-ugwaljanza għandhom iqisu l-aktar għodod u formati ta’ komunikazzjoni xierqa għal kull grupp fil-mira. Huma għandhom jiffukaw b’mod partikolari fuq gruppi żvantaġġati li l-aċċess tagħhom għall-informazzjoni jista’ jiġi mfixkel, pereżempju mill-istatus ekonomiku, l-età, id-diżabilità, il-litteriżmu, in-nazzjonalità, l-istatus ta’ residenza tagħhom jew in-nuqqas ta’ aċċess tagħhom għal għodod online.
Artikolu 6
Assistenza lill-vittmi
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jipprovdu assistenza lill-vittmi kif stabbilit fil-paragrafi 2 sa 4.
2.Il-korpi tal-ugwaljanza għandhom ikunu jistgħu jirċievu lmenti ta’ diskriminazzjoni, bil-fomm, bil-miktub u online.
3.Il-korpi tal-ugwaljanza għandhom jipprovdu assistenza lill-vittmi, inizjalment billi jinfurmawhom dwar il-qafas legali, inkluż dwar il-parir immirat lejn is-sitwazzjoni speċifika tagħhom, dwar is-servizzi offruti mill-korp tal-ugwaljanza u l-aspetti proċedurali relatati, kif ukoll dwar ir-rimedji disponibbli, inkluża l-possibbiltà li tinfetaħ kawża fil-qorti.
Il-korpi tal-ugwaljanza għandhom jinfurmaw ukoll lill-vittmi dwar ir-regoli ta’ kunfidenzjalità applikabbli, dwar il-protezzjoni tad-data personali u dwar il-possibbiltajiet li jingħataw appoġġ psikoloġiku jew tipi oħra ta’ appoġġ rilevanti minn korpi jew organizzazzjonijiet oħra.
4.Il-korpi tal-ugwaljanza għandhom joħorġu valutazzjoni preliminari ta’ lment ibbażata fuq informazzjoni ppreżentata volontarjament mill-partijiet involuti. L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-modalitajiet preċiżi li taħthom il-korp tal-ugwaljanza joħroġ tali valutazzjoni preliminari.
Il-korpi tal-ugwaljanza għandhom jinfurmaw lill-ilmentaturi dwar il-valutazzjoni preliminari tagħhom u jekk ikunux se jagħlqu l-ilment tagħhom jew jekk ikunx hemm raġunijiet biex ikomplu jsegwuh, inkluż permezz tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 7, 8 u 9.
Artikolu 7
Ftehimiet bonarji
Il-korpi tal-ugwaljanza għandhom ikunu jistgħu joffru lill-partijiet il-possibbiltà li jfittxu soluzzjoni bonarja għat-tilwima tagħhom. Dak il-proċess għandu jkun suġġett għall-qbil tal-partijiet u jista’ jkun immexxi mill-korp tal-ugwaljanza nnifsu jew minn entità ddedikata eżistenti oħra, f’liema każ il-korp tal-ugwaljanza jkun jista’ jifformula osservazzjonijiet lil dik l-entità. L-involviment f’tali proċess ma għandux jipprevjeni lill-partijiet milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għall-qorti.
Artikolu 8
Opinjonijiet u deċiżjonijiet
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta, wara lment jew fuq inizjattiva tagħhom stess, il-korpi tal-ugwaljanza jqisu li l-prinċipju ta’ trattament ugwali stabbilit fid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE jew 2004/113/KE seta’ nkiser, dawk il-korpi jkollhom is-setgħa li jinvestigaw aktar il-każ.
2.L-Istati Membri għandhom jipprevedu qafas li jippermetti lill-korpi tal-ugwaljanza jwettqu inkjesta.
B’mod partikolari, dak il-qafas għandu jipprovdi lill-korpi tal-ugwaljanza bi drittijiet effettivi li jaċċessaw l-informazzjoni meħtieġa biex jistabbilixxu jekk tkunx seħħet diskriminazzjoni. Il-qafas għandu jipprevedi wkoll mekkaniżmi xierqa għall-korpi tal-ugwaljanza biex dawn jikkooperaw mal-korpi pubbliċi rilevanti għal dak il-għan.
3.L-Istati Membri jistgħu jipprevedu wkoll li l-allegat awtur u kwalunkwe parti terza jkunu marbuta legalment li jipprovdu kwalunkwe informazzjoni u dokumenti mitluba mill-korpi tal-ugwaljanza.
4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jirreġistraw bil-miktub il-valutazzjoni tagħhom tal-każ, inkluż l-istabbiliment tal-fatti u konklużjoni motivata dwar l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk dan għandux isir permezz ta’ opinjonijiet mhux vinkolanti jew permezz ta’ deċiżjonijiet eżegwibbli vinkolanti.
Fejn xieraq, l-opinjonijiet u d-deċiżjonijiet għandhom jinkludu miżuri speċifiċi biex jiġi rrimedjat kwalunkwe ksur li jinstab u biex jiġu evitati okkorrenzi ulterjuri. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi xierqa għas-segwitu tal-opinjonijiet, bħall-obbligi ta’ feedback, u għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet.
Il-korpi tal-ugwaljanza għandhom jippubblikaw sommarji tal-opinjonijiet u tad-deċiżjonijiet tagħhom, mingħajr ma jiżvelaw data personali.
Artikolu 9
Tilwim
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jkollhom id-dritt li jaġixxu fi proċedimenti tal-qorti fi kwistjonijiet amministrattivi u ċivili relatati mal-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali stabbilit fid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE f’konformità mal-paragrafi 2 sa 5, mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali dwar l-ammissibbiltà tal-azzjonijiet.
2.Id-dritt li taġixxi fi proċedimenti tal-qorti għandu jinkludi:
(a)id-dritt tal-korp tal-ugwaljanza li jaġixxi bħala parti fi proċedimenti dwar l-infurzar jew ir-rieżami ġudizzjarju ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 8(4);
(b)id-dritt tal-korp tal-ugwaljanza li jissottometti osservazzjonijiet lill-qorti bħala amicus curiae;
(c)id-dritt tal-korp tal-ugwaljanza li jibda jew jipparteċipa fi proċedimenti f’isem vittma waħda jew diversi vittmi jew b’appoġġ għalihom; f’dan il-każ, l-approvazzjoni tal-vittmi għandha tkun meħtieġa.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp tal-ugwaljanza jkun jista’ jibda proċedimenti tal-qorti f’ismu stess, b’mod partikolari sabiex jindirizza d-diskriminazzjoni strutturali u sistematika f’każijiet magħżula mill-korp tal-ugwaljanza minħabba l-abbundanza tagħhom, is-serjetà tagħhom jew il-ħtieġa tagħhom għal kjarifika legali.
4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, ħlief fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 2(a) u (b), il-korp tal-ugwaljanza ma jippreżentax fil-proċedimenti tal-qorti evidenza li jkun kiseb permezz tal-eżerċizzju tas-setgħat skont l-Artikolu 8(3).
5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ebda investigazzjoni skont l-Artikolu 8(2) sa (4) ma tinbeda jew titkompla waqt li jkunu pendenti proċedimenti tal-qorti dwar l-istess każ.
Artikolu 10
Salvagwardji proċedurali
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-proċeduri msemmija fl-Artikoli 6, 7, 8 u 9, id-drittijiet tad-difiża tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi involuti jkunu protetti kif xieraq. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jiggarantixxu l-kunfidenzjalità tax-xhieda u tal-informaturi, u sa fejn ikun possibbli, tal-ilmentaturi.
Id-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(4) għandhom ikunu soġġetti għal rieżami ġudizzjarju, f’konformità mal-liġi nazzjonali.
Artikolu 11
Aċċess, aċċessibbiltà u akkomodazzjoni raġonevoli
1.L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu aċċess għas-servizzi u l-pubblikazzjonijiet tal-korpi tal-ugwaljanza fuq bażi ugwali għal kulħadd u jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda ostaklu għas-sottomissjoni tal-ilmenti.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jipprovdu s-servizzi kollha tagħhom mingħajr ħlas għall-ilmentaturi, fit-territorju kollu tagħhom, inkluż f’żoni rurali u remoti.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-aċċessibbiltà u jipprovdu akkomodazzjoni raġonevoli għall-persuni b’diżabilità biex jiggarantixxu l-aċċess ugwali tagħhom għas-servizzi u l-attivitajiet kollha tal-korpi tal-ugwaljanza, inklużi l-assistenza lill-vittmi, l-immaniġġjar tal-ilmenti, il-mekkaniżmi ta’ soluzzjoni bonarja, l-informazzjoni u l-pubblikazzjonijiet, u l-attivitajiet ta’ prevenzjoni, ta’ promozzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni.
l-Artikolu 12
Kooperazzjoni
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jkollhom fis-seħħ mekkaniżmi xierqa biex jikkooperaw, fl-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom, ma’ korpi oħra tal-ugwaljanza fl-istess Stat Membru, u ma’ entitajiet pubbliċi u privati rilevanti, inklużi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fil-livell nazzjonali, reġjonali, lokali kif ukoll fi Stati Membri oħra u fil-livell tal-Unjoni u internazzjonali.
Artikolu 13
Konsultazzjoni
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri trasparenti biex jiżguraw li l-gvern u istituzzjonijiet pubbliċi oħra jikkonsultaw fil-ħin lill-korpi tal-ugwaljanza dwar il-leġiżlazzjoni, il-politika, il-proċedura, il-programmi u l-prattiki relatati mad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE.
Huma għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jkollhom id-dritt li jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar dawk il-kwistjonijiet, jippubblikawhom u jitolbu feedback mill-awtoritajiet ikkonċernati.
Artikolu 14
Ġbir ta’ data u aċċess għal data dwar l-ugwaljanza
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jiġbru data dwar l-attivitajiet tagħhom, bil-għan li jipproduċu r-rapporti msemmija fl-Artikolu 15(b) u (c).
Id-data miġbura għandha tiġi diżaggregata skont ir-raġunijiet u l-oqsma koperti mid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE, u f’konformità mal-indikaturi msemmija fl-Artikolu 16. Id-data personali miġbura għandha tiġi anonimizzata u, fejn ma jkunx possibbli, psewdonimizzata.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jaċċessaw statistika relatata mad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE miġbura minn entitajiet pubbliċi u privati inklużi awtoritajiet pubbliċi, trade unions, kumpaniji, u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fejn iqisu li tali statistika tkun meħtieġa biex jagħmlu valutazzjoni ġenerali tas-sitwazzjoni tad-diskriminazzjoni fl-Istat Membru, u biex ifasslu r-rapport imsemmi fl-Artikolu 15(c).
3.L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-korpi tal-ugwaljanza jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar liema data għandha tinġabar fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE, lil entitajiet pubbliċi u privati inklużi awtoritajiet pubbliċi, trade unions, kumpaniji u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. L-Istati Membri għandhom jippermettu wkoll lill-korpi tal-ugwaljanza jaqdu rwol ta’ koordinazzjoni fil-ġbir tad-data dwar l-ugwaljanza.
4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jwettqu stħarriġ indipendenti dwar id-diskriminazzjoni.
Artikolu 15
Rapporti u ppjanar strateġiku
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza:
(a)jadottaw programm pluriennali li jistabbilixxi l-prijoritajiet u l-attivitajiet prospettivi tagħhom, inkluża l-istrateġija msemmija fl-Artikolu 5(b);
(b)jipproduċu u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku rapport annwali tal-attività, li jinkludi l-baġit annwali, il-persunal u r-rapportar finanzjarju tagħhom;
(c)jippubblikaw rapport, b’rakkomandazzjonijiet, tal-anqas kull erba’ snin, dwar is-sitwazzjoni tat-trattament ugwali u d-diskriminazzjoni, inklużi kwistjonijiet strutturali potenzjali, fl-Istat Membru tagħhom.
Artikolu 16
Monitoraġġ
1.Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi lista ta’ indikaturi komuni biex jitkejlu l-effetti prattiċi ta’ din id-Direttiva. Meta tħejji l-indikaturi, il-Kummissjoni tista’ titlob il-parir tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi. Dawk l-indikaturi għandhom ikopru r-riżorsi, il-funzjonament indipendenti, l-attivitajiet u l-effettività tal-korpi tal-ugwaljanza, kif ukoll l-iżviluppi fil-mandat, is-setgħat jew l-istruttura tagħhom, filwaqt li jiżguraw il-komparabbiltà, l-oġġettività u l-affidabbiltà tad-data miġbura fil-livell nazzjonali.
2.Sa [5 snin wara d-data tat-traspożizzjoni], u kull 5 snin minn hemm ’il quddiem, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, inkluża data dwar l-effetti prattiċi tagħha miġbura abbażi tal-indikaturi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u b’mod partikolari b’kont meħud tar-rapporti mfassla mill-korpi tal-ugwaljanza skont l-Artikolu 15, il-punti (b) u (c).
3.Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar l-applikazzjoni u l-effetti prattiċi ta’ din id-Direttiva, abbażi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 u ta’ data rilevanti addizzjonali miġbura fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-partijiet ikkonċernati, mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi.
Artikolu 17
Rekwiżiti minimi
1.L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li jkunu aktar favorevoli mir-rekwiżiti minimi stabbiliti f’din id-Direttiva.
2.L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma għandha fl-ebda ċirkostanza tikkostitwixxi bażi għat-tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni kontra diskriminazzjoni diġà mogħtija mill-Istati Membri fil-materji koperti minn din id-Direttiva.
Artikolu 18
Proċessar ta’ data personali
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jistgħu jiġbru data personali biss fejn ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu skont din id-Direttiva.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-korpi tal-ugwaljanza jipproċessaw kategoriji speċjali ta’ data personali, jiġifieri data dwar l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità jew l-orjentazzjoni sesswali, jiġu pprovduti miżuri xierqa u speċifiċi biex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data.
Artikolu 19
L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/43/KE u l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/113/KE huma mħassra.
Ir-referenzi għall-korpi għall-promozzjoni tat-trattament ugwali msemmija f’dawk l-Artikoli għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-korpi tal-ugwaljanza msemmija fl-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 20
1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [18-il xahar]. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.
2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 21
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
L-Artikolu 19 għandu japplika minn [data msemmija fl-Artikolu 20(1)].
Artikolu 22
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President