IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.10.2022
COM(2022) 665 final
2022/0337(BUD)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Ġermanja, il-Belġju, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Lussemburgu, Spanja u l-Greċja wara diżastri naturali li seħħew f’dawn il-pajjiżi matul l-2021
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Kuntest tal-proposta
Din id-deċiżjoni tkopri l-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-FSUE”) f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament”) għal ammont ta’ EUR 718 482 761 biex tingħata assistenza lill-Ġermanja, lill-Belġju, lin-Netherlands, lill-Awstrija, lil-Lussemburgu, lil Spanja u lill-Greċja wara d-diżastri naturali li seħħew f’dawn il-pajjiżi matul l-2021.
Din il-mobilizzazzjoni hija akkumpanjata bid-Deċiżjoni Nru 20/2022 li tipproponi t-trasferiment tal-ammont ta’ EUR 668 482 761 mil-linja ta’ riżerva tar-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza (Solidarity and Emergency Aid Reserve, minn hawn ’il quddiem imsejħa “s-SEAR”) għal-linja baġitarja operazzjonali tal-FSUE, kemm f’impenji kif ukoll f’pagamenti. Minbarra l-approprjazzjonijiet trasferiti mil-linja ta’ riżerva tas-SEAR, din il-mobilizzazzjoni se tiġi ffinanzjata permezz tal-użu tal-ammont ta’ EUR 50 000 000 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament diġà inklużi fil-Baġit Ġenerali tal-2022 f’konformità mal-Artikolu 4a(4) tar-Regolament FSUE biex jiġu koperti l-pagamenti bil-quddiem. Il-pagamenti bil-quddiem li diġà tħallsu lil Spanja u lill-Greċja tal-ammont totali ta’ EUR 6 288 171 se jitnaqqsu qabel il-pagament tal-bilanċ.
2.Informazzjoni u kundizzjonijiet
2.1Il-Ġermanja — diżastru maġġuri: għargħar
Bejn it-12 u l-15 ta’ Lulju 2021, sistema ta’ pressjoni baxxa li timxi bil-mod bl-isem ta’ “Bernd” għaddiet minn fuq il-partijiet tal-Lbiċ tal-Ġermanja u kkawżat eventi ta’ xita qawwija u dejjiema, bi preċipitazzjoni lokali ta’ aktar minn 150 mm f’24 siegħa fir-reġjuni ta’ Nordrhein-Westfalen u Rheinland-Pfalz fil-Ġermanja. Ix-xita eċċezzjonali wasslet għal għargħar mifrux fuq diversi xmajjar żgħar u medji u kkawżat għargħar għal għarrieda u flussi ta’ tajn b’konsegwenzi katastrofiċi. Fil-Ġermanja, l-għargħar qered għexieren ta’ bliet u rħula, ikkawża qerda massiva ta’ infrastruttura pubblika u privata u ħsara lin-negozji. Barra minn hekk, 196 persuna tilfu ħajjithom.
Sussegwentement, il-Ġermanja applikat għal assistenza finanzjarja mill-FSUE.
(1)Fl-1 ta’ Ottubru 2021, il-Ġermanja ppreżentat applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE għall-finanzjament ta’ operazzjonijiet ta’ emerġenza u ta’ rkupru wara l-għargħar f’Lulju 2021.
(2)Il-Ġermanja applikat għal kontribuzzjoni mill-FSUE fi żmien l-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa wara l-ewwel ħsara kkawżata mid-diżastru fit-13 ta’ Lulju 2021. L-applikazzjoni fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa taħt l-Artikolu 4 tar-Regolament.
(3)Id-diżastru huwa ta’ oriġini naturali u għaldaqstant jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSUE.
(4)L-awtoritajiet Ġermaniżi jistmaw li l-ħsara diretta totali kkawżata mid-diżastru hija ta’ EUR 29,21 biljun. Dan l-ammont jirrappreżenta 0,82 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) Ġermaniż, u jaqbeż il-limitu ta’ “diżastru maġġuri” ta’ EUR 3 656,983 miljun (EUR 3 biljun fi prezzijiet tal-2011). Għaldaqstant, id-diżastru jikkwalifika bħala “diżastru naturali maġġuri” skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament.
(5)Il-ħsara diretta totali hija l-bażi li fuqha jsir il-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tintuża biss għal operazzjonijiet essenzjali ta’ emerġenza u ta’ rkupru kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament.
(6)Il-Ġermanja ma talbitx il-ħlas ta’ pagament bil-quddiem skont l-Artikolu 4a tar-Regolament.
(7)Mit-12 ta’ Lulju 2021, xita qawwija fuq skala bla preċedent affettwat partijiet kbar tan-Nofsinhar tan-Nordrhein-Westfalen. Xi żoni kienu esposti għal 60 siegħa ta’ xita. B’riżultat ta’ dan, inizjalment, ġew osservati korsiji tal-ilma żgħar u għargħar għal għarrieda lokalment. Bi preċipitazzjoni sostnuta, xmajjar medji u akbar bħall-Ahr, Emscher, Erft, Kyll, Lippe, Prüm, Ruhr, Rur, Sieg u Wupper ukoll faru. Dan irriżulta f’sitwazzjoni ta’ għargħar estensiv miż-żoni f’Eifel (Rheinland-Pfalz), sar-Rheinland u minn Ruhrgebiet sa Südwestfalen (Nordrhein-Westfalen). Bl-irtirar tas-sistema ta’ pressjoni baxxa min-Nordrhein-Westfalen u r-Rheinland-Pfalz, ġew affettwati wkoll l-Osterzgebirge, Lausitz u Berchtesgadener Land. Hawnhekk ukoll kien hemm xita qawwija li wasslet għal għargħar reġjonali. L-għargħar ikkawża ħafna għeluq ta’ toroq, interruzzjonijiet fil-provvista tal-enerġija, fit-trasport pubbliku u fit-trasport ferrovjarju, u xi tfixkil fis-settur tat-telekomunikazzjoni. Il-maġġoranza tal-iskejjel fiż-żoni milquta ngħalqu. Is-sistemi tad-digi ġarrbu ħsarat serji. Il-provvista tal-enerġija u tal-ilma tax-xorb ġiet interrotta temporanjament fiż-żoni milquta. Maltempati u għargħar qerdu jew għamlu ħsara fl-infrastruttura pubblika, fil-bini pubbliku u fin-negozji. Il-miżuri ta’ emerġenza li ħadu l-awtoritajiet kienu t-twissija u l-evakwazzjoni tal-popolazzjoni, is-salvataġġ tal-persuni u t-tfittxija għal persuni neqsin. Fl-ewwel jiem tal-għargħar, il-popolazzjoni ngħatat ukoll ilma tajjeb għax-xorb, ikel, materjali tal-iġjene, ħwejjeġ u oġġetti konsumabbli.
(8)Il-Ġermanja stmat il-kost tal-operazzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament fil-livell ta’ EUR 4,89 biljun u ppreżentatu maqsum skont it-tip ta’ operazzjoni. L-akbar sehem tal-kost tal-operazzjonijiet ta’ emerġenza (aktar minn EUR 3,9 biljun) jikkonċerna r-restawr tal-funzjonament tal-infrastruttura u l-impjanti, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport u t-telekomunikazzjoni. It-tieni l-akbar sehem tal-kost jikkonċerna t-tindif ta’ żoni milquta mid-diżastru li jammonta għal EUR 764,9 miljun.
(9)Id-Direttiva 2007/60/KE ġiet trasposta kompletament fil-Ġermanja bl-Att dwar il-Ġestjoni tal-Ilma. Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Att isir fil-livell tal-Länder.
(10)Fid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni l-Ġermanja ma kinitx soġġetta għal proċedimenti ta’ ksur dwar il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatata man-natura tad-diżastru.
(11)L-awtoritajiet Ġermaniżi ma indikaw l-ebda kopertura tal-assigurazzjoni tal-kost eliġibbli.
2.2Il-Belġju — diżastru maġġuri: għargħar
Bejn it-12 u l-15 ta’ Lulju 2021, sistema ta’ pressjoni baxxa li timxi bil-mod bl-isem ta’ “Bernd” għaddiet minn fuq il-Belġju u x-xita qawwija waqgħet madwar il-Belġju u kkawżat għargħar għal għarrieda, għargħar tax-xmajjar u għargħar tal-ilma ta’ taħt l-art, flimkien ma’ flussi ta’ tajn u flussi ta’ radam. Dan kien segwit minn aktar għargħar għal għarrieda u flussi ta’ tajn fl-24 u fil-25 ta’ Lulju 2021. Minħabba l-għargħar qawwi, 42 persuna tilfu ħajjithom. Id-diżastru kkawża qerda massiva tal-infrastruttura pubblika u privata, ħsara lin-negozji, kif ukoll ħsara lil mijiet ta’ eluf ta’ unitajiet domestiċi.
Sussegwentement, il-Belġju applika għal assistenza finanzjarja mill-FSUE.
(1)Fl-1 ta’ Ottubru 2021, il-Belġju ppreżenta applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE għall-finanzjament ta’ operazzjonijiet ta’ emerġenza u ta’ rkupru wara l-għargħar f’Lulju 2021. Fuq talba tal-Kummissjoni, fis-7 ta’ April 2022, il-Belġju ppreżenta informazzjoni addizzjonali dwar l-eventi ta’ għargħar tal-24–25 ta’ Lulju 2021 biex jikkomplementa l-applikazzjoni tagħhom.
(2)Il-Belġju applika għal kontribuzzjoni mill-FSUE fi żmien l-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa wara l-ewwel ħsara kkawżata mid-diżastru fit-13 ta’ Lulju 2021. L-applikazzjoni fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-Artikolu 4 tar-Regolament.
(3)Id-diżastru huwa ta’ oriġini naturali u għaldaqstant jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSUE.
(4)L-awtoritajiet Belġjani jistmaw li l-ħsara diretta totali kkawżata mid-diżastru hija ta’ EUR 5,56 biljun. Dan l-ammont jirrappreżenta 1,15 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) Belġjan, u jaqbeż il-limitu ta’ “diżastru maġġuri” ta’ EUR 2 892,814 miljun; għaldaqstant, id-diżastru jikkwalifika bħala “diżastru naturali maġġuri” skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament.
(5)Il-ħsara diretta totali hija l-bażi li fuqha jsir il-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tintuża biss għal operazzjonijiet essenzjali ta’ emerġenza u ta’ rkupru kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament.
(6)Il-Belġju ma talabx il-ħlas ta’ pagament bil-quddiem skont l-Artikolu 4a tar-Regolament.
(7)Bejn it-12 u l-15 ta’ Lulju 2021, xita qawwija waqgħet madwar il-Belġju u tkejjel livell rekord ta’ xita fil-Lvant tal-pajjiż, b’271,5 millimetru ta’ xita fi 48 siegħa f’Jalhay u 217-il millimetru fi 48 siegħa fi Spa. Partijiet kbar tal-provinċja Belġjana tal-Lussemburgu raw bejn 150 mm u 200 mm f’perjodu ta’ 48 siegħa. Fl-14 ta’ Lulju, ġew attivati l-pjanijiet provinċjali ta’ emerġenza u ta’ intervent fil-provinċji ta’ Liège, ta’ Namur u tal-Lussemburgu. Primarjament iż-żoni li jinsabu max-xtut tax-xmara Meuse u t-tributarji tagħha ntlaqtu bil-kbir, b’diversi xmajjar (Lesse, Vesder, Berwijn, Ourthe) li faru u kkawżaw għargħar fiż-żoni tal-madwar. Fl-24 ta’ Lulju 2021 filgħaxija, maltempati qawwija kkawżaw aktar għargħar għal għarrieda u flussi ta’ tajn, primarjament fil-provinċji ta’ Namur u tal-Brabant ta’ Wallonia. Din id-darba, il-bliet ta’ Namur, Dinant u Walhain intlaqtu bil-kbir. L-applikazzjoni tiddikjara li l-muniċipalitajiet milquta kollha kienu ntlaqtu preċedentement mill-għargħar tat-13–17 ta’ Lulju, li aggrava l-eventi fl-24–25 ta’ Lulju. Fil-prattika u fuq il-post, minħabba d-daqs tal-ħsarat u ż-żmien qasir bejn iż-żewġ eventi ta’ għargħar, huwa impossibbli li ssir distinzjoni bejn il-ħsarat ikkawżati mill-ewwel mewġa ta’ għargħar u dawk ikkawżati mit-tieni għargħar.
(8)Minn 262 muniċipalità ta’ Wallonia, 209 ntlaqtu mill-għargħar, li rriżulta f’578 miljun metru kwadru ta’ toroq li ġarrbu ħsara fuq tul totali ta’ 96,4 kilometru, 1 342 kilometru ta’ xtut ta’ xmajjar u digi li ġarrbu ħsara, 220 pont bil-ħsara u 9 673 ettaru ta’ art mgħargħra (jiġifieri l-ekwivalenti ta’ madwar 13 548 grawnd tal-futbol). Kien hemm 23 920 binja li ġarrbu ħsara mill-għargħar, u 357 minnhom ġarrbu ħsara irreparabbli. Dawn jinkludu 58 binja tal-gvern, 185 faċilità sportiva, 53 post għall-kampeġġ u 21 lukanda. Intlaqtu kważi 2 700 negozju, u 76 minnhom ġarrbu ħsara irreparabbli.
(9)Il-Belġju stima l-kost tal-operazzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament fil-livell ta’ EUR 1,88 biljun u ppreżentah maqsum skont it-tip ta’ operazzjoni. L-akbar sehem tal-kost tal-operazzjonijiet ta’ emerġenza (aktar minn EUR 835,12 miljun) jikkonċerna r-restawr tal-funzjonament tal-infrastruttura u l-impjanti, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport u l-edukazzjoni. It-tieni l-akbar sehem tal-kost jikkonċerna l-iżgurar ta’ akkomodazzjoni temporanja li jammonta għal EUR 390,82 miljun.
(10)Ma hemm l-ebda approċċ nazzjonali għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2007/60/KE fil-Belġju. Il-Belġju għandu parametru reġjonali għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Riskju ta’ Għargħar fil-Fjandri (id-Digriet Fjamming dwar il-politika integrata tal-ilma) u fil-Wallonia (id-Digriet tal-Wallonia dwar l-Ilma, l-Artikolu 53). Iż-żewġ reġjuni japplikaw l-Artikolu 13.1 (b) (immappjar u stabbiliment ta’ pjanijiet għall-ġestjoni tar-riskju ta’ għargħar) separatament. Il-pjanijiet għall-ġestjoni tar-riskju ta’ għargħar (2015) huma disponibbli għar-reġjuni ta’ Wallonia u tar-Renu.
(11)Fid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni l-Belġju ma kienx soġġett għal proċedimenti ta’ ksur dwar il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatata man-natura tad-diżastru.
(12)L-awtoritajiet Belġjani ma indikaw l-ebda kopertura tal-assigurazzjoni tal-kost eliġibbli.
2.3In-Netherlands- id-diżastru tal-pajjiżi ġirien: għargħar
Bejn it-12 u l-15 ta’ Lulju 2021, sistema ta’ pressjoni baxxa li timxi bil-mod bl-isem ta’ “Bernd” għaddiet minn fuq in-Netherlands u dan wassal għal xita qawwija li kkawżat għargħar għal għarrieda u ilma tax-xeba’. B’riżultat ta’ dan, ir-residenti, in-negozji, il-bdiewa u l-fondazzjonijiet ħabbtu wiċċhom ma’ ħsara kbira lill-proprjetajiet tagħhom, l-infrastruttura pubblika u privata saritilhom ħsara, it-toroq ingħalqu u t-traffiku ferrovjarju waqaf.
Sussegwentement, in-Netherlands applikaw għal assistenza finanzjarja mill-FSUE.
(1)Fl-1 ta’ Ottubru 2021, in-Netherlands ippreżentaw applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE għall-finanzjament ta’ operazzjonijiet ta’ emerġenza u ta’ rkupru wara l-għargħar f’Lulju 2021.
(2)In-Netherlands applikaw għal kontribuzzjoni mill-FSUE fi żmien l-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa wara l-ewwel ħsara kkawżata mid-diżastru fit-13 ta’ Lulju 2021. L-applikazzjoni fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-Artikolu 4 tar-Regolament.
(3)Id-diżastru huwa ta’ oriġini naturali u għaldaqstant jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSUE.
(4)L-awtoritajiet Netherlandiżi ppreżentaw l-applikazzjoni skont il-kriterju ta’ diżastru tal-“pajjiż ġar” kif stabbilit fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament, li jistipula li l-assistenza mill-FSUE tista’ tkun mobilizzata wkoll għal kwalunkwe diżastru naturali fi Stat eliġibbli li jkun ukoll diżastru naturali maġġuri fi Stat eliġibbli ġar. In-Netherlands jistmaw li l-ħsara diretta totali kkawżata mid-diżastru hija fil-livell ta’ EUR 500 miljun. Dan l-ammont jirrappreżenta 0,06 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) Netherlandiż. Billi l-istess diżastru naturali jikkwalifika bħala “diżastru naturali maġġuri” fil-Belġju u fil-Ġermanja, għaldaqstant l-applikazzjoni min-Netherlands hija eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FSUE mingħajr limitu speċifiku.
(5)Il-ħsara diretta totali hija l-bażi li fuqha jsir il-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tintuża biss għal operazzjonijiet essenzjali ta’ emerġenza u ta’ rkupru kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament.
(6)In-Netherlands ma talbux il-ħlas ta’ pagament bil-quddiem skont l-Artikolu 4a tar-Regolament.
(7)Mit-13 ta’ Lulju sal-20 ta’ Lulju 2021, is-sistema ta’ pressjoni baxxa li għaddiet ġabet xita qawwija u għargħar għal għarrieda. Il-preċipitazzjoni eċċezzjonali f’partijiet tal-baċiri tal-iskular Belġjani, Ġermaniżi u Netherlandiżi ta’ Meuse u Rhine wasslet għal livelli eċċessivi ta’ ilma u għargħar f’ħafna postijiet. Il-preċipitazzjoni akkumulat għal bejn 160 u 180 mm f’jumejn fuq reġjun kbir. Ix-xita kkawżat livelli estremament għoljin ta’ ilma fix-xmara Meuse u l-baċiri tal-iskular. Barra minn hekk, in-nixxigħat u t-tributarji fin-Nofsinhar tal-provinċja ta’ Limburg faru wkoll minħabba x-xita. Konsegwentement, madwar 50 000 resident kellhom jiġu evakwati. Il-miżuri ta’ emerġenza, bħat-tqegħid ta’ xkejjer tar-ramel, ġew ikkoordinati minn professjonisti iżda spiss twettqu mir-residenti lokali. Diversi toroq prinċipali u sekondarji ngħalqu u t-traffiku ferrovjarju temporanjament twaqqaf. L-aktar inċidenti prominenti kienu l-vulkani tar-ramel (l-erożjoni tar-ramel minn taħt imbankment), il-fajd ta’ imbankment f’Aasterberg u l-ħsara lil diga f’Bosscheveld, qrib Maastricht. Inkisru żewġ difiżi lokali kontra l-għargħar — imbankment ta’ emerġenza f’Horn u imbankment qrib Roermond.
(8)In-Netherlands stmaw il-kost tal-operazzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament fil-livell ta’ EUR 30 miljun u ppreżentawh maqsum skont it-tip ta’ operazzjoni. L-akbar sehem tal-kost tal-operazzjonijiet ta’ emerġenza (aktar minn EUR 25 miljun) jikkonċerna r-restawr tal-funzjonament tal-infrastruttura u l-impjanti.
(9)Id-Direttiva 2007/60/KE ġiet trasposta fin-Netherlands. B’mod ġenerali, il-ġestjoni tar-riskju ta’ għargħar, inklużi l-prevenzjoni, il-protezzjoni u l-mitigazzjoni tal-għargħar fin-Netherlands, hija estremament stretta.
(10)Fid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, in-Netherlands ma kinux soġġetti għal proċedimenti ta’ ksur dwar il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatata man-natura tad-diżastru.
(11)L-awtoritajiet Netherlandiżi ma indikaw l-ebda kopertura tal-assigurazzjoni tal-kost eliġibbli.
2.4L-Awstrija - id-diżastru tal-pajjiżi ġirien: għargħar
Bejn is-16 u d-19 ta’ Lulju 2021, sistema ta’ pressjoni baxxa li timxi bil-mod bl-isem ta’ “Bernd” ikkawżat xita sinifikanti fl-Awstrija bil-massimu assolut imkejjel fis-17 ta’ Lulju 2021 f’Salzburg u Tirol. L-eventi ta’ xita qawwija wasslu għal għargħar kbir u valangi tat-tajn li kkawżaw ħsara lill-infrastruttura pubblika u privata. Il-popolazzjoni u l-ekonomija ġew affettwati b’mod sever.
Sussegwentement, l-Awstrija applikat għal assistenza finanzjarja mill-FSUE.
(1)Fil-5 ta’ Ottubru 2021, l-Awstrija ppreżentat applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE għall-finanzjament ta’ operazzjonijiet ta’ emerġenza u ta’ rkupru wara l-għargħar f’Lulju 2021.
(2)L-Awstrija applikat għal kontribuzzjoni mill-FSUE fi żmien l-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa wara l-ewwel ħsara kkawżata mid-diżastru fis-16 ta’ Lulju 2021. L-applikazzjoni fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-Artikolu 4 tar-Regolament.
(3)Id-diżastru huwa ta’ oriġini naturali u għaldaqstant jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSUE.
(4)L-awtoritajiet Awstrijaċi ppreżentaw l-applikazzjoni skont il-kriterju ta’ diżastru tal-“pajjiż ġar” kif stabbilit fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament, li jistipula li l-assistenza mill-FSUE tista’ tkun mobilizzata wkoll għal kwalunkwe diżastru naturali fi Stat eliġibbli li jkun ukoll diżastru naturali maġġuri fi Stat eliġibbli ġar. L-Awstrija tistma li l-ħsara diretta totali kkawżata mid-diżastru hija fil-livell ta’ EUR 84,6 miljun. Dan l-ammont jirrappreżenta 0,02 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) Awstrijak. Billi l-istess diżastru naturali jikkwalifika bħala “diżastru naturali maġġuri” fil-Belġju u fil-Ġermanja, għaldaqstant l-applikazzjoni mill-Awstrija hija eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FSUE mingħajr limitu speċifiku.
(5)Il-ħsara diretta totali hija l-bażi li fuqha jsir il-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tintuża biss għal operazzjonijiet essenzjali ta’ emerġenza u ta’ rkupru kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament.
(6)L-Awstrija ma talbitx il-ħlas ta’ pagament bil-quddiem skont l-Artikolu 4a tar-Regolament.
(7)Fi żmien erbat ijiem, fit-Tramuntana tax-xifer Alpin prinċipali waqgħet bejn 50 mm u 100 mm ta’ xita. Madankollu, kien hemm differenzi reġjonali sinifikanti: l-ammonti ta’ preċipitazzjoni rreġistrati f’partijiet tat-Tirol u l-Awstrija t’Isfel kienu dawk ta’ darba f’150 sena. F’Salzburg, il-preċipitazzjoni lokali kienet aktar minn darba f’75 sena, filwaqt li f’partijiet ta’ Vjenna l-ammonti ta’ preċipitazzjoni li seħħew kienu jikkorrispondu għal event ta’ darba f’100 sena. Ix-xita qawwija wasslet għal valangi ta’ tajn u għargħar qawwi li kkawżaw ħsara kbira lill-infrastruttura pubblika u privata fl-Istati federali ta’ Salzburg u Tirol. Barra minn hekk, ġiet irreġistrat ħsara wkoll fl-Istati federali tal-Awstrija t’Isfel, l-Awstrija ta’ Fuq u Vjenna, u ħsara minuri fl-Istat federali ta’ Steiermark. L-akbar sehem tal-ħsara diretta mġarrba huwa attribwit għall-ħsara fiżika fl-infrastruttura tan-networks (l-ilma u l-ilma mormi, it-trasport, il-pontijiet, l-enerġija, it-telekomunikazzjoni, eċċ.).
(8)L-Awstrija stmat il-kost tal-operazzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament fil-livell ta’ EUR 35,83 miljun u ppreżentatu maqsum skont it-tip ta’ operazzjoni. L-akbar sehem tal-kost tal-operazzjonijiet ta’ emerġenza (aktar minn EUR 24,47 miljun) jikkonċerna r-restawr tal-funzjonament tal-infrastruttura fil-qasam tat-trasport. It-tieni l-akbar sehem tal-kost jikkonċerna l-iżgurar ta’ infrastruttura preventiva li jammonta għal EUR 7,99 miljun.
(9)Id-Direttiva 2007/60/KE ġiet trasposta fil-liġi Awstrijaka bl-emenda tal-2011 tal-Att dwar il-Liġi dwar l-Ilma.
(10)Fid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni l-Awstrija ma kenitx soġġetta għal proċedimenti ta’ ksur dwar il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatata man-natura tad-diżastru.
(11)L-awtoritajiet Awstrijaċi ma indikaw l-ebda kopertura tal-assigurazzjoni tal-kost eliġibbli.
2.5Il-Lussemburgu - id-diżastru tal-pajjiżi ġirien: għargħar
Mill-14 ta’ Lulju 2021, sistema ta’ pressjoni baxxa li timxi bil-mod bl-isem ta’ “Bernd” ikkawżat xita qawwija fil-Lussemburgu wkoll. L-umdità relattivament għolja tal-ħamrija ffaċilitat il-formazzjoni ta’ għargħar għal għarrieda, li fl-aħħar mill-aħħar irriżulta f’għargħar tax-xmajjar. Barra minn hekk, l-iskariki għoljin tax-xmajjar transfruntiera Nims u Prüm, kif ukoll ix-xmajjar tranżnazzjonali Our u Sure aggravaw l-għargħar. B’riżultat ta’ dan, il-Lussemburgu rreġistra għargħar ta’ darba f’100 sena f’għaxar stazzjonijiet tal-kejl u kejjel l-ogħla livelli tal-ilma fi ħmistax-il stazzjon tal-kejl sa mill-bidu tar-reġistrazzjonijiet.
Sussegwentement, il-Lussemburgu applika għal assistenza finanzjarja mill-FSUE.
(1)Fis-6 ta’ Ottubru 2021, il-Lussemburgu ppreżentat applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE għall-finanzjament ta’ operazzjonijiet ta’ emerġenza u ta’ rkupru wara l-għargħar f’Lulju 2021.
(2)Il-Lussemburgu applika għal kontribuzzjoni mill-FSUE fi żmien l-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa wara l-ewwel ħsara kkawżata mid-diżastru fl-14 ta’ Lulju 2021. L-applikazzjoni fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-Artikolu 4 tar-Regolament.
(3)Id-diżastru huwa ta’ oriġini naturali u għaldaqstant jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSUE.
(4)L-awtoritajiet Lussemburgiżi ppreżentaw l-applikazzjoni skont il-kriterju ta’ diżastru tal-“pajjiż ġar” kif stabbilit fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament, li jistipula li l-assistenza mill-FSUE tista’ tkun mobilizzata wkoll għal kwalunkwe diżastru naturali fi Stat eliġibbli li jkun ukoll diżastru naturali maġġuri fi Stat eliġibbli ġar. Il-Lussemburgu tistma li l-ħsara diretta totali kkawżata mid-diżastru hija fil-livell ta’ EUR 193,3 miljun. Dan l-ammont jirrappreżenta 0,4 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) tal-Lussemburgu. Billi l-istess diżastru naturali jikkwalifika bħala “diżastru naturali maġġuri” fil-Belġju u fil-Ġermanja, għaldaqstant l-applikazzjoni mil-Lussemburgu hija eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FSUE mingħajr limitu speċifiku.
(5)Il-ħsara diretta totali hija l-bażi li fuqha jsir il-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tintuża biss għal operazzjonijiet essenzjali ta’ emerġenza u ta’ rkupru kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament.
(6)Il-Lussemburgu ma talbitx il-ħlas ta’ pagament bil-quddiem skont l-Artikolu 4a tar-Regolament.
(7)L-umdità relattivament għolja tal-ħamrija ffaċilitat il-formazzjoni ta’ għargħar għal għarrieda, li fl-aħħar mill-aħħar irriżulta f’għargħar tax-xmajjar. Il-pulizija u s-servizz nazzjonali ta’ emerġenza CGDIS wettqu 1 200 intervent fil-lejl mill-14 ta’ Lulju sal-15 ta’ Lulju 2021. Bosta djar ġew mgħarrqa u ma baqgħux abitabbli; madwar 400 persuna kellhom jiġu evakwati u rilokati. Bosta unitajiet domestiċi tilfu l-aċċess għall-elettriku, b’250 unità domestika mingħajr elettriku għal madwar ġimgħa. Barra minn hekk, kellhom jingħalqu 180 triq, bosta linji tal-karozzi tal-linja u tal-ferrovija ġew affettwati madwar il-pajjiż. F’ħafna muniċipalitajiet, is-sistemi tal-ilma ġew affettwati mill-għargħar u ċ-ċittadini ntalbu jgħallu l-ilma qabel ma jużawh. Tliet impjanti tat-trattament tal-ilma, diversi stazzjonijiet tal-ippumpjar, in-network ġenerali tal-pajpijiet, u faċilità idroelettrika waħda ġew affettwati mill-għargħar. In-negozji u s-settur agrikolu ukoll ġarrbu ħsarat.
(8)Il-Lussemburgu stima l-kost tal-operazzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament fil-livell ta’ EUR 36,7 miljun u ppreżentah maqsum skont it-tip ta’ operazzjoni. L-akbar sehem tal-kost tal-operazzjonijiet ta’ emerġenza (aktar minn EUR 16,4-il miljun) jikkonċerna r-restawr tal-funzjonament tal-infrastruttura u l-impjanti fil-qasam tal-ilma u l-ilma mormi. It-tieni l-akbar sehem tal-kost jikkonċerna s-settur tat-trasport li jammonta għal EUR 10,8 miljun.
(9)Id-Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar (id-“Direttiva dwar l-Għargħar”) ġiet trasposta għal-leġiżlazzjoni tal-Lussemburgu bil-liġi modifikata dwar l-ilma tad-19 ta’ Diċembru 2008.
(10)Fid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni l-Lussemburgu ma kienx soġġett għal proċedimenti ta’ ksur dwar il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatata man-natura tad-diżastru.
(11)L-awtoritajiet tal-Lussemburgu ma indikaw l-ebda kopertura tal-assigurazzjoni tal-kost eliġibbli.
2.6Spanja- diżastru naturali reġjonali: żbroff vulkaniku fuq il-gżira ta’ La Palma, il-Gżejjer Kanarji
Fid-19 ta’ Settembru 2021, il-vulkan Cumbre Vieja li jinsab fuq il-gżira ta’ La Palma (parti mill-Gżejjer Kanarji) fi Spanja żbroffa u għamel ħsara enormi fuq il-gżira. L-iżbroff kien ikkaratterizzat minn stil eruttiv Strombolian, b’ammonti kbar ta’ lava li ħarġu minn diversi ventijiet li jinsabu tul xaqq eruttiv. Matul l-iżbroff, huwa stmat li 1 241 ettaru ta’ superfiċe tal-gżira kienu affettwati minn flussi tal-lava lejn il-Punent, li laħqu l-baħar f’żewġ punti separati, li ffurmaw deltas tal-lava.
Sussegwentement, Spanja applikat għal assistenza finanzjarja mill-FSUE.
(1)Fit-3 ta’ Diċembru 2021, Spanja ppreżentat applikazzjoni għal kontribuzzjoni mill-FSUE wara l-iżbroff vulkaniku fuq il-gżira ta’ La Palma fid-19 ta’ Settembru 2021. Fit-22 ta’ Marzu 2022, Spanja ppreżentat aġġornament għall-applikazzjoni li jinkludi stimi aktar preċiżi tal-ħsara diretta totali kif permess mill-Artikolu 4(1a) tar-Regolament.
(2)Spanja applikat għal kontribuzzjoni mill-FSUE fi żmien l-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa wara l-ewwel ħsara kkawżata mid-diżastru fid-19 ta’ Settembru 2021. L-applikazzjoni fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-Artikolu 4 tar-Regolament.
(3)L-iżbroff vulkaniku huwa ta’ oriġini naturali u għaldaqstant jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSUE.
(4)L-applikazzjoni ppreżentat l-event bħala “diżastru naturali reġjonali” kif stabbilit fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament, li huwa kwalunkwe diżastru naturali f’reġjun tal-livell NUTS 2 ta’ Stat eliġibbli li jirriżulta fi ħsara diretta li taqbeż il-1,5 % tal-prodott domestiku gross (PDG) jew il-1 % tal-PDG reġjonali għar-reġjuni ultraperiferiċi. L-awtoritajiet Spanjoli stmaw li l-ħsara diretta totali fil-livell ta’ EUR 1 biljun. Dan l-ammont jirrappreżenta 2,19 % tal-PDG tal-Gżejjer Kanarji u jaqbeż il-limitu applikabbli għal “diżastru reġjonali”, li għall-Gżejjer Kanarji huwa ta’ EUR 457,2 miljun fl-2021. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, id-diżastru jikkwalifika bħala “diżastru reġjonali” u l-applikazzjoni minn Spanja hija eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FSUE.
(5)Il-ħsara diretta totali hija l-bażi li fuqha jsir il-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tintuża biss għal operazzjonijiet essenzjali ta’ emerġenza u ta’ rkupru kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament.
(6)Spanja talbet il-pagament ta’ ħlas bil-quddiem tal-kontribuzzjoni antiċipata skont l-Artikolu 4a tar-Regolament. Abbażi tal-valutazzjoni preliminari, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet għall-pagament ta’ ħlas bil-quddiem mill-FSUE ġew issodisfati. Għaldaqstant, ngħata ħlas bil-quddiem ta’ EUR 5 391 796 bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2022) 1802 tal-21 ta’ Marzu 2022. Il-ħlas bil-quddiem tħallas lil Spanja fit-2 ta’ Mejju 2022.
(7)Il-biċċa l-kbira tal-ħsara tikkonċerna s-settur agrikolu, l-istokk tal-bini u l-infrastruttura tan-networks. Il-fluss tal-lava affettwa total stmat ta’ 984,85 ettaru. Inqerdu 1 452 binja, 1 177 minnhom residenzjali, 147 agrikoli, 67 industrijali, 33 għad-divertiment u l-ospitalità, 13 pubbliċi u 15 oħrajn. Għadd kbir ta’ pjantaġġuni, inklużi tal-banana, il-vinji, tal-avokado, u tal-frott taċ-ċitru, kif ukoll azjendi tal-annimali, ġew affettwati, filwaqt li ġie determinat telf dirett ta’ assi. Il-konsegwenzi fuq l-ekonomija lokali, li diġà ntlaqtet bil-qawwi mill-pandemija, huma terribbli u l-irkupru se jkun twil.
(8)Is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu investigazzjoni bir-reqqa tal-applikazzjoni f’konformità mar-Regolament b’mod partikolari skont l-Artikoli 2, 3 u 4 tiegħu. Il-valutazzjoni kkonfermat il-firxa taż-żona affettwata kif ukoll l-għadd globali tal-popolazzjoni esposta ddikjarata fl-applikazzjoni. Analiżi ddedikata tal-effetti fuq is-settur agrikolu, l-infrastruttura tan-networks u l-bini residenzjali kkonfermat il-firxa tal-ħsara u l-istima tal-kostijiet ippreżentata mill-awtoritajiet Spanjoli. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, id-diżastru jikkwalifika bħala diżastru reġjonali u l-applikazzjoni minn Spanja hija eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FSUE.
(9)Spanja stmat il-kost tal-operazzjonijiet ta’ emerġenza u rkupru eliġibbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament fil-livell ta’ EUR 354,9 miljun u ppreżentatu maqsum skont it-tip ta’ operazzjoni. L-akbar sehem jikkonċerna l-kostijiet tat-tiswija tal-infrastruttura u tal-akkomodazzjoni temporanja.
(10)Permezz tad-Digriet 112/2018 tat-30 ta’ Lulju 2015, ġie approvat il-Pjan Speċjali għall-Protezzjoni Ċivili u l-Kura ta’ Emerġenza għar-riskju vulkaniku fil-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Kanarji (PEVOLCA). L-għan tal-PEVOLCA huwa li jiżgura rispons koordinat, aġli, effettiv u effiċjenti mill-amministrazzjonijiet pubbliċi kollha biex jittrattaw kriżijiet vulkaniċi siżmiċi u l-emerġenzi li jirriżultaw li joriġinaw fit-territorju tal-Gżejjer Kanarji, u li jiżgura li l-miżuri ta’ prevenzjoni previsti fil-leġiżlazzjoni fis-seħħ jiġu rispettati.
(11)Fid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, Spanja ma kenitx soġġetta għal proċedimenti ta’ ksur dwar il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatata man-natura tad-diżastru.
(12)L-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw li ma hemm l-ebda kopertura tal-assigurazzjoni tal-kostijiet eliġibbli.
2.7Il-Greċja- diżastru naturali reġjonali: terremot fi Kreta
Fis-27 ta’ Settembru 2021, terremot tad-daqs ta’ 6 ML laqat il-gżira ta’ Kreta fil-Greċja, u għamel ħsara sostanzjali. L-epiċentru tat-terremot kien jinsab fix-Xlokk ta’ Heraklion. It-terremot ewlieni kien segwit minn sekwenza siżmika rikka, bl-akbar replika tad-daqs ta’ 5,3 ML fit-28 ta’ Settembru 2021 li għamlet ħsarat addizzjonali. It-terremot qatel persuna waħda, darab 36 u għamel ħsara sostanzjali.
Sussegwentement, il-Greċja applikat għal assistenza finanzjarja mill-FSUE.
(1)Fis-16 ta’ Diċembru 2021, il-Greċja ressqet applikazzjoni għal kontribuzzjoni mill-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “FSUE”) għall-finanzjament ta’ operazzjonijiet ta’ emerġenza u rkupru wara t-terremot fi Kreta fis-27 ta’ Settembru 2021.
(2)Il-Greċja applikat għal kontribuzzjoni mill-FSUE fi żmien l-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa wara l-ewwel ħsara kkawżata mid-diżastru fis-27 ta’ Settembru 2021. L-applikazzjoni fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-Artikolu 4 tar-Regolament.
(3)It-terremot huwa ta’ oriġini naturali u għaldaqstant jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSUE.
(4)L-applikazzjoni ppreżentat l-event bħala “diżastru naturali reġjonali” kif stabbilit fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament, li huwa kwalunkwe diżastru naturali f’reġjun tal-livell NUTS 2 ta’ Stat eliġibbli li jirriżulta fi ħsara diretta li taqbeż il-1,5 % tal-prodott domestiku gross (PDG) ta’ dak ir-reġjun. L-awtoritajiet Griegi stmaw il-ħsara diretta totali fil-livell ta’ EUR 143,42 miljun. Dan l-ammont jirrappreżenta 1,53 % tal-PDG tar-reġjun ta’ Kreta, u jaqbeż il-limitu applikabbli ta’ “diżastru reġjonali”, li huwa ta’ EUR 140,79 miljun. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, id-diżastru jikkwalifika bħala “diżastru reġjonali” u l-applikazzjoni mill-Greċja hija eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FSUE.
(5)Il-ħsara diretta totali hija l-bażi li fuqha jsir il-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tintuża biss għal ħidmiet ta’ emerġenza essenzjali kif definiti fl-Artikolu 3 tar-Regolament.
(6)Il-Greċja talbet il-pagament ta’ ħlas bil-quddiem tal-kontribuzzjoni antiċipata skont l-Artikolu 4a tar-Regolament. Abbażi tal-valutazzjoni preliminari, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet għall-pagament ta’ ħlas bil-quddiem mill-FSUE ġew issodisfati. Għaldaqstant, ngħata ħlas bil-quddiem ta’ EUR 896 375 bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2022) 2599 tas-26 ta’ April 2022. Il-ħlas bil-quddiem tħallas lill-Greċja fid-19 ta’ Mejju 2022.
(7)Is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu investigazzjoni bir-reqqa tal-applikazzjoni f’konformità mar-Regolament b’mod partikolari skont l-Artikoli 2, 3 u 4 tiegħu.
(8)L-applikazzjoni tippreżenta li, b’riżultat tat-terremot u r-repliki tiegħu, total ta’ 6 658 binja sofrew ħsara sinifikanti jew saħansitra nqerdu kompletament, 4 584 minnhom djar, 227 spazju professjonali, 318-il tempju sagru/bini pubbliku u 1 029 maħżen. Skont l-applikazzjoni, il-kost totali tal-ħsarat fil-bini residenzjali huwa stmat fil-livell ta’ EUR 115,45-il miljun u l-kost tal-ħsarat lill-assi pubbliċi fil-livell ta’ EUR 10,1 miljun. L-awtoritajiet Griegi għamlu sforzi sostanzjali u poġġew fondi pubbliċi f’operazzjonijiet ta’ emerġenza u salvataġġ wara t-terremot, kif ukoll operazzjonijiet ta’ tindif.
(9)Il-Greċja stmat il-kost tal-operazzjonijiet ta’ emerġenza u ta’ rkupru eliġibbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament fil-livell ta’ EUR 12,49-il miljun u ppreżentatu maqsum skont it-tip ta’ operazzjoni. L-akbar sehem jikkonċerna r-restawr tal-funzjonament tal-infrastruttura u tal-impjanti, b’mod partikolari fil-qasam tal-ilma u tal-ilma mormi, kif ukoll fis-settur tal-edukazzjoni.
(10)L-applikazzjoni tal-Greċja kienet tipprovdi deskrizzjoni tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni ta’ riskju ta’ diżastru u mmaniġġar relatat man-natura tad-diżastru. Abbażi tat-terremoti qawwija li laqtu lill-Greċja bejn l-1978 u l-1981, il-gvern Grieg stabbilixxa politika ta’ prevenzjoni u ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri naturali bil-għan li tittejjeb ir-reżiljenza fil-komunitajiet lokali permezz ta’ qafas għall-implimentazzjoni ta’ politiki biex jitnaqqsu r-riskji magħrufa, jiġi ġestit l-impatt tat-terremoti, u proċeduri/azzjoni għall-prevenzjoni ta’ riskji ġodda. Il-Kodiċi tal-Bini Antisiżmiku Grieg fih il-Mappa aġġornata ta’ Periklu Siżmiku.
(11)Fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, il-Greċja ma kenitx soġġetta għal proċedimenti ta’ ksur relatati mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rigward in-natura tad-diżastru.
(12)L-awtoritajiet Griegi kkonfermaw li l-ebda kopertura tal-assigurazzjoni ma tagħmel tajjeb għall-kostijiet eliġibbli.
2.8Konklużjoni
Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, id-diżastri msemmija fl-applikazzjonijiet ippreżentati mill-Ġermanja, il-Belġju, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Lussemburgu, Spanja u l-Greċja jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament.
3.Finanzjament mill-allokazzjonijiet tal-FSUE 2022
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, EURATOM) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament QFP”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FSUE fil-kuntest tas-SEAR. Il-punt 10 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (IIA) kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda, jistabbilixxi l-modalitajiet għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE fil-kuntest tas-SEAR.
Billi s-solidarjetà kienet il-ġustifikazzjoni ewlenija għall-ħolqien tal-FSUE, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-għajnuna jenħtieġ li tkun progressiva. Konsegwentement, jenħtieġ li l-porzjon tal-ħsara li jaqbeż il-livell limitu ta’ “diżastru naturali maġġuri” għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE (jiġifieri 0,6 % tal-ING jew EUR 3 biljun fil-prezzijiet tal-2011, skont liema minnhom ikun l-iżgħar ammont) iwassal għal intensità tal-għajnuna akbar mill-porzjon tal-ħsara taħt il-livell limitu. Dan ifisser li l-ammont ta’ għajnuna għal pajjiż milqut minn diżastru li jikkonforma mal-kundizzjonijiet għal “diżastru naturali maġġuri” jiġi kkalkulat billi jingħaddu żewġ ammonti: 2,5 % tal-ħsara diretta totali taħt il-limitu u 6 % għall-parti tal-ħsara diretta totali ’l fuq mil-limitu.
Ir-rata applikata għad-definizzjoni tal-ammonti ta’ għajnuna għal “diżastri naturali reġjonali”, li skont id-definizzjoni jibqgħu taħt il-limitu nazzjonali, hija ta’ 2,5 % tal-ħsara diretta totali. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament, l-assistenza mill-FSUE tista’ tkun mobilizzata wkoll għal kwalunkwe diżastru naturali fi Stat eliġibbli li jkun ukoll diżastru naturali maġġuri fi Stat eliġibbli ġar. Meta ssir applikazzjoni għall-assistenza mill-FSUE abbażi tal-kriterju tal-“pajjiż ġar”, ma hemm l-ebda limitu għall-ħsara diretta totali mġarrba. Ir-rata applikata għad-definizzjoni ta’ ammont ta’ għajnuna għal diżastru taħt il-kriterju ta’ “pajjiż ġar” hija l-istess bħal fil-każ ta’ “diżastru reġjonali”, jiġifieri 2,5 % tal-ħsara diretta totali. Il-kontribuzzjoni ma tistax taqbeż il-kost totali stmat tal-operazzjonijiet eliġibbli.
Il-metodoloġija biex tiġi kkalkulata l-għajnuna kienet imfassla fir-Rapport Annwali tal-2002-2003 dwar il-FSUE u aċċettata mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew. Peress li dan il-kalkolu wassal għal ammont totali għall-pajjiżi kollha li jaqbeż ir-riżorsi disponibbli tal-baġit, l-ammonti għal kull pajjiż tnaqqsu fuq bażi pro rata. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi lill-awtorità tal-baġit biex timmobilizza l-ammonti li ġejjin:
|
Stat Membru
|
Kwalifikazzjoni tad-diżastru
|
Ħsara diretta totali
(EUR)
|
Livell limitu applikat għad-diżastri reġjonali
(EUR)
|
Livell limitu għal diżastru maġġuri
(EUR)
|
2,5 % tal-ħsara diretta totali
(EUR)
|
6 % tal-ħsara diretta ’l fuq mil-livell limitu (EUR)
|
Ammont ta’ għajnuna potenzjali
(EUR)
|
Ammont ta’ għajnuna pro rata li għandu jiġi mobilizzat
(EUR)
|
Ħlas bil-quddiem
(EUR)
|
|
Il-Ġermanja
għargħar
|
Maġġuri
(Art. 2(2))
|
29 212 940 000
|
Mhux applikabbli
|
3 656 983 000
|
91 424 575
|
1 533 357 420
|
1 624 781 995
|
612 611 256
|
-
|
|
Il-Belġju
għargħar
|
Maġġuri
(Art. 2(2))
|
5 565 796 000
|
Mhux applikabbli
|
2 892 814 000
|
72 320 350
|
160 378 920
|
232 699 270
|
87 737 427
|
-
|
|
In-Netherlands
għargħar
|
Pajjiż ġar
(Art. 2(4))
|
500 000 000
|
Mhux applikabbli
|
Mhux applikabbli
|
12 500 000
|
Mhux applikabbli
|
12 500 000
|
4 713 027
|
-
|
|
L-Awstrija
għargħar
|
Pajjiż ġar
(Art. 2(4))
|
84 608 089
|
Mhux applikabbli
|
Mhux applikabbli
|
2 115 202
|
Mhux applikabbli
|
2 115 202
|
797 520
|
-
|
|
Il-Lussemburgu
għargħar
|
Pajjiż ġar
(Art. 2(4))
|
193 300 000
|
Mhux applikabbli
|
Mhux applikabbli
|
4 832 500
|
Mhux applikabbli
|
4 832 500
|
1 822 056
|
-
|
|
Spanja
Il-vulkan ta’ La Palma
|
Reġjonali
(Art. 2(3))
|
1 002 496 862
|
457 200 400
|
Mhux applikabbli
|
25 062 422
|
Mhux applikabbli
|
25 062 422
|
9 449 589
|
5 391 796
|
|
Il-Greċja
terremot
|
Reġjonali
(Art. 2(3))
|
143 420 124
|
140 786 700
|
Mhux applikabbli
|
3 585 503
|
Mhux applikabbli
|
3 585 503
|
1 351 886
|
896 375
|
|
TOTAL
|
1 905 576 892
|
718 482 761
|
6 288 171
|
Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament QFP, il-limitu massimu annwali kumplessiv tas-SEAR huwa EUR 1 200 000 000 fi prezzijiet tal-2018 jew EUR 1 298 919 000 fi prezzijiet kurrenti. L-Artikolu 9(4) tar-Regolament QFP jistipula li 25 % tal-allokazzjoni annwali kumplessiva tas-SEAR (EUR 324 729 750 fi prezzijiet kurrenti għall-2022) issir disponibbli għall-komponenti kollha tas-SEAR mill-1 ta’ Ottubru. F’konformità mal-proposta DEC 18/2022, dan l-ammont se jintuża għal skopijiet ta’ għajnuna umanitarja. Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament QFP, l-ammont massimu li jista’ jiġi mobilizzat mill-FSUE huwa 50 % tal-allokazzjoni ġenerali tas-SEAR wara t-tnaqqis tal-25 % msemmija hawn fuq.
Għaldaqstant, l-ammont massimu li jista’ jiġi mobilizzat mill-FSUE mill-allokazzjoni tas-SEAR tal-2022 huwa EUR 487 094 625, inkluż EUR 50 000 000 li diġà ġew inklużi fil-Baġit Ġenerali tal-2022 f’impenji u pagamenti, f’konformità mal-Artikolu 4a(4) tar-Regolament FSUE għall-pagament ta’ ħlas bil-quddiem. Barra minn hekk, ammont ta’ EUR 20 388 136 li jikkorrispondi għal 50 % tal-ammont tas-SEAR mhux użat mill-2021 jista’ jintuża wkoll mill-FSUE f’konformità mal-Artikolu 9(2) tar-Regolament QFP. Fl-aħħar nett, f’konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-intenzjoni li jiġu pprovduti riżorsi massimi għal diżastri naturali taħt il-fergħa tal-FSUE tas-SEAR fl-2022, ammont ta’ EUR 211 000 000 ma ntużax mill-fergħa tal-emerġenzi esterni tas-SEAR sal-1 ta’ Settembru u, għaldaqstant, f’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament QFP jista’ jintuża għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE.
Għaldaqstant, l-ammont massimu disponibbli għal din il-mobilizzazzjoni tal-FSUE huwa EUR 718 482 761, li se jkopri l-ħtiġijiet skont din id-Deċiżjoni ta’ Mobilizzazzjoni kif deskritt hawn fuq.
|
Ammont disponibbli taħt il-FSUE:
|
|
|
Allokazzjoni annwali tas-SEAR għall-2022 allokata għall-FSUE
|
EUR 487 094 625
|
|
-Inkluż l-ammont introdott fil-baġit 2022 għall-ħlas bil-quddiem
|
EUR 50 000 000.
|
|
50 % tal-allokazzjoni tas-SEAR tal-2021 li ma ntużatx
|
EUR 20 388 136
|
|
Il-parti li jifdal mhux użata minn fergħa esterna qabel l-1 ta’ Settembru
|
EUR 211 000 000
|
|
TOTAL
|
718 482 761
|
2022/0337 (BUD)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Ġermanja, il-Belġju, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Lussemburgu, Spanja u l-Greċja wara diżastri naturali li seħħew f’dawn il-pajjiżi matul l-2021
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (IIA) kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda, u b’mod partikolari l-punt 10 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (“il-Fond”) għandu l-għan li jippermetti lill-Unjoni tirrispondi b’mod rapidu, effiċjenti u flessibbli għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza sabiex tintwera solidarjetà mal-popolazzjonijiet tar-reġjuni milquta minn diżastri naturali reġjonali jew minn emerġenza maġġuri tas-saħħa pubblika.
(2)Il-Fond ma għandux jaqbeż il-limiti massimi kif stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093.
(3)Fl-1 ta’ Ottubru 2021, il-Ġermanja ppreżentat applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, wara l-għargħar f’Lulju 2021.
(4)Fl-1 ta’ Ottubru 2021, il-Belġju ppreżenta applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, wara l-għargħar f’Lulju 2021.
(5)Fl-1 ta’ Ottubru 2021, in-Netherlands ippreżentaw applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, wara l-għargħar f’Lulju 2021.
(6)Fil-5 ta’ Ottubru 2021, l-Awstrija ppreżentat applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, wara l-għargħar f’Lulju 2021.
(7)Fis-6 ta’ Ottubru 2021, il-Lussemburgu ppreżenta applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, wara l-għargħar f’Lulju 2021.
(8)Fit-3 ta’ Diċembru 2021, Spanja ppreżentat applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, wara l-iżbroff vulkaniku fuq il-gżira ta’ La Palma fid-19 ta’ Settembru 2021. Fit-22 ta’ Marzu 2022, Spanja ppreżentat aġġornament għall-applikazzjoni.
(9)Fis-16 ta’ Ottubru 2021, il-Greċja ppreżentat applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, wara t-terremot fi Kreta fis-27 ta’ Settembru 2021.
(10)L-applikazzjonijiet imsemmija hawn fuq jissodisfaw ir-rekwiżiti sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond, kif stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002.
(11)Jenħtieġ li l-Fond jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja lill-Ġermanja, il-Belġju, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Lussemburgu, Spanja u l-Greċja.
(12)Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2021, il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi mobilizzat kif ġej f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament fir-rigward ta’ diżastri naturali:
(a)l-ammont ta’ EUR 612 611 256 għandu jiġi pprovdut lill-Ġermanja fir-rigward tal-għargħar tal-2021;
(b)l-ammont ta’ EUR 87 737 427 għandu jiġi pprovdut lill-Belġju fir-rigward tal-għargħar tal-2021;
(c)l-ammont ta’ EUR 4 713 027 għandu jiġi pprovdut lin-Netherlands fir-rigward tal-għargħar tal-2021;
(d)l-ammont ta’ EUR 797 520 għandu jiġi pprovdut lill-Awstrija fir-rigward tal-għargħar tal-2021;
(e)l-ammont ta’ EUR 1 822 056 għandu jiġi pprovdut lil-Lussemburgu fir-rigward tal-għargħar tal-2021;
(f)l-ammont ta’ EUR 9 449 589 għandu jiġi pprovdut lil Spanja fir-rigward tal-iżbroff tal-vulkan f’La Palma;
(g)l-ammont ta’ EUR 1 351 886 għandu jiġi pprovdut lill-Greċja fir-rigward tat-terremot fi Kreta.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandha tapplika minn … [id-data tal-adozzjoni tagħha].
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill