Brussell, 9.11.2022

COM(2022) 596 final

2022/0370(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 fir-rigward tal-istabbiliment ta’ strateġija ta’ finanzjament diversifikata bħala metodu ta’ teħid b’self ġenerali


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-Kummissjoni ilha twettaq operazzjonijiet ta’ għoti u teħid b’self biex tipprovdi assistenza finanzjarja fil-forma ta’ self lil pajjiż benefiċjarju għal diversi deċennji. L-operazzjonijiet ta’ għoti u teħid b’self huma garantiti mill-baġit tal-Unjoni u jaqgħu taħt l-ambitu usa’ tal-implimentazzjoni baġitarja. Ir-regoli ġenerali għal operazzjonijiet bħal dawn huma stabbiliti fl-Artikolu 220 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 1 (“ir-Regolament Finanzjarju”), li jipprevedi li l-Kummissjoni tista’ tingħata s-setgħa f’att bażiku li tissellef f’isem l-Unjoni jew l-Euratom biex issellef l-ammonti korrispondenti lill-Istati Membri jew pajjiżi terzi benefiċjarji skont il-kundizzjonijiet applikabbli għat-teħid b’self. Il-flussi tal-flus bejn il-fondi mislufa u s-self jitqabblu wieħed ma’ wieħed. Dan ifisser li l-operazzjonijiet tas-suq huma bbażati fuq il-ħtiġijiet tal-iżborż, li jillimita l-possibbiltà li jiġu ppjanati diversi operazzjonijiet ta’ teħid b’self b’mod koerenti mal-aħjar opportunitajiet tas-suq u jistrutturaw il-maturitajiet biex jinkisbu l-aħjar kostijiet.

Il-ħtiġijiet ta’ finanzjament għall-Ukrajna jeħtieġu mobilizzazzjoni u żborż b’mod kosteffettiv, flessibbli u finanzjarjament sod, li jintegra l-ħtiġijiet kollha ta’ finanzjament inkluż għal Next Generation EU. Huwa ta’ importanza kbira li dan il-finanzjament jiġi organizzat taħt metodu uniku ta’ finanzjament sabiex jippermetti li l-ħtiġijiet ta’ politika differenti jiġu ssodisfati fl-istess ħin. Għal dak l-għan, huwa meħtieġ li jiġi emendat ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 biex tiġi stabbilita l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata, attwalment implimentata għat-teħid b’self skont id-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 2 bħala l-metodu bażi għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self. Din l-istrateġija ppermettiet il-mobilizzazzjoni b’suċċess ta’ fondi għal appoġġ u self mhux ripagabbli skont ir-Regolament (UE) 2021/241 3 u firxa ta’ politiki oħra tal-UE fl-2022.

Dan se jippermetti li l-Kummissjoni tiffinanzja l-assistenza lill-Ukrajna skont ir-Regolament propost li jistabbilixxi strument li jipprovdi appoġġ lill-Ukrajna 4 b’mod kosteffiċjenti, flessibbli u finanzjarjament sod biex jiġi żgurat finanzjament parallel tal-programmi kollha tal-Unjoni li jiddependu fuq it-teħid b’self. L-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata tmur lil hinn mill-ħtiġijiet ta’ finanzjament għall-Ukrajna u tkun disponibbli għal kwalunkwe programm futur. Dan se jippermetti li l-Kummissjoni tuża l-infrastruttura, li tippermetti ppjanar ta’ finanzjament integrat u komunikazzjoni lis-swieq.

Fin-nuqqas ta’ tali metodu uniku ta’ finanzjament, il-Kummissjoni tkun meħtieġa tkompli tiffinanzja programmi differenti ta’ assistenza finanzjarja separatament. Dan joħloq kostijiet u kumplessità billi l-programmi differenti ta’ assistenza finanzjarja jikkompetu għal għadd limitat ta’ opportunitajiet ta’ finanzjament. Dan jifframmenta l-provvista tad-dejn tal-Unjoni u jnaqqas il-likwidità u l-interess tal-investituri fil-programmi separati. Għaldaqstant, il-finanzjament tal-assistenza finanzjarja kollha permezz ta’ metodu uniku ta’ finanzjament itejjeb il-likwidità tal-bonds tal-Unjoni fir-rigward tal-attraenza u l-kosteffettività tagħhom.

L-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata hija metodu ta’ finanzjament li permezz tiegħu t-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament jiġu organizzati b’mod konsistenti mal-limiti tal-obbligazzjoni finanzjarja awtorizzati fl-atti bażiċi sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika. L-implimentazzjoni ta’ strateġija ta’ finanzjament diversifikata ma tbiddilx l-obbligazzjonijiet finanzjarji li jirriżultaw mit-teħid b’self. Dan jipprovdi lill-Kummissjoni b’aktar flessibbiltà fil-mod kif l-Unjoni timmobilizza r-riżorsi permezz tal-ħruġ ta’ bonds.

Ir-rikors għal strateġija ta’ finanzjament diversifikata bħala metodu uniku ta’ finanzjament se jippermetti li l-Kummissjoni tiddiżakkopja t-twaqqit u l-maturità tat-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament uniku mill-iżborżi lill-benefiċjarji. Pula ta’ likwidità komuni ffinanzjata mill-ħruġ ta’ finanzjament fuq terminu qasir (kambjali tal-UE) tippermetti li l-Kummissjoni torganizza pagamenti f’konformità ma’ skeda regolari u miftiehma, indipendentement mit-twaqqit eżatt tal-ħruġ ta’ bonds fuq terminu twil. Dan imbagħad jippermetti li jsiru pagamenti lill-benefiċjarji indipendentement mill-kundizzjonijiet tas-suq prevalenti fiż-żmien tal-iżborż, u jevita li jkollhom jgħollu ammonti fissi f’kundizzjonijiet volatili jew avversi. Matul il-ħajja tal-programm ta’ assistenza finanzjarja, l-obbligazzjonijiet netti ġġenerati huma kompletament imqabbla b’assi kumpensatorji (ammonti pendenti, li għad iridu jitħallsu lura taħt self hekk kif jimmaturaw 5 ). Abbażi ta’ dan, il-prinċipji tan-newtralità baġitarja u l-bilanċ baġitarju kif stabbiliti fl-Artikolu 310(1) tat-TFUE huma rispettati. Il-kostijiet jiġġarrbu kompletament mill-benefiċjarji abbażi ta’ metodoloġija unika għall-allokazzjoni tal-kostijiet li tiżgura allokazzjoni trasparenti u proporzjonali tal-kostijiet. Jenħtieġ li l-obbligi ta’ ripagament jibqgħu tal-benefiċjarji tal-assistenza finanzjarja, f’konformità mal-Artikolu 220(5)(e) tar-Regolament Finanzjarju.

Jenħtieġ li l-pula komuni ta’ likwidità tinżamm f’livelli li jippermettu li l-Kummissjoni tilħaq il-flussi ta’ ħruġ kollha mistennija fuq terminu qasir, abbażi ta’ kapaċità robusta ta’ tbassir tal-likwidità. L-eżistenza ta’ riżerva ta’ likwidità kbira stokkjata sew, li kapaċi ġġestixxi l-iżborżi fuq perjodi twal, tippermetti li l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata tiffunzjona mingħajr il-ħtieġa ta’ soluzzjonijiet oħra biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet temporanji ta’ flus.

Sabiex tappoġġa l-aktar implimentazzjoni b’suċċess tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata, jenħtieġ li l-Kummissjoni, kemm jista’ jkun, tiżgura preżenza kontinwa fis-suq u għal dan l-għan timplimenta t-tranżazzjonijiet kollha meħtieġa bl-għan li jinkisbu l-aħjar kostijiet ta’ finanzjament possibbli u li jiġu ffaċilitati t-tranżazzjonijiet f’titoli ta’ dejn tal-Unjoni u tal-Euratom. Dan tal-aħħar huwa kruċjali fl-appoġġ tal-involviment attiv tal-aktar firxa wiesgħa ta’ investituri fis-swieq għall-istrumenti tad-dejn tal-Unjoni.

It-twettiq tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata jirrikjedi li jiġi segwit sett uniku ta’ regoli fir-rigward tal-programmi kollha ta’ għoti u teħid b’self li jiddependu fuqha. Ir-Regolament Finanzjarju fir-rwol tiegħu ta’ ġabra unika tar-regoli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE għandu jipprovdi l-bażi għal dawk ir-regoli.

Wara d-dħul fis-seħħ ta’ din l-emenda tar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni se tadotta u timplimenta qafas ta’ governanza usa’, proċeduri ta’ ġestjoni tar-riskju, u metodoloġija tal-allokazzjoni tal-kostijiet.

Jenħtieġ li dawn ir-regoli l-ġodda tar-Regolament Finanzjarju japplikaw biss għal assistenza finanzjarja ġdida lil pajjiżi terzi li għalihom l-atti bażiċi jidħlu fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-emendi tar-Regolament Finanzjarju jew warajha u l-emenda parallela tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093.

Il-Kummissjoni pproponiet riformulazzjoni tar-Regolament Finanzjarju 6 li qed tiġi eżaminata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Jenħtieġ li din il-proposta awtonoma tiġi adottata bħala kwistjoni ta’ urġenza u l-bidliet inkorporati fir-riformulazzjoni pendenti matul il-proċess leġiżlattiv.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata ġiet introdotta għas-self tan-Next Generation EU u sa issa kienet ta’ suċċess f’dak il-kuntest.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

L-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata se tippermetti l-użu effiċjenti tal-kapaċità ta’ self għall-politiki tal-Unjoni li jistgħu jagħmlu użu minn operazzjonijiet ta’ għoti u teħid b’self.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 322(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva) 

L-adozzjoni tar-regoli finanzjarji ġenerali tal-UE hija fil-kompetenza esklużiva tal-UE.

Proporzjonalità

Din il-proposta tintroduċi l-bidliet meħtieġa biex titwettaq l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata bħala metodu ta’ self uniku u ma tmurx lil hinn minn dak l-objettiv. Dan il-metodu ta’ finanzjament uniku huwa indispensabbli biex l-Unjoni tkun tista’ tqiegħed fis-suq ħruġ li jista’ jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ finanzjament dejjem jiżdiedu tal-programmi rispettivi kollha. Min-naħa l-oħra, it-tkomplija tal-finanzjament ibbażat fuq l-iżborż twassal għal kostijiet u kumplessità ogħla u tpoġġi f’riskju l-finanzjament b’suċċess ta’ programmi differenti tal-Unjoni b’termini vantaġġużi f’termini tal-kostijiet. Il-proposta ma fihiex regoli li ma jkunux meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tat-Trattat.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati għal din l-emenda limitata.

L-investituri u s-swieq kapitali japprezzaw ir-regolarità u l-prevedibbiltà tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self tal-Unjoni. Dan sar possibbli bis-saħħa tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata.

L-esperjenza wriet li strateġija ta’ finanzjament diversifikata tippermetti li l-UE timpenja ruħha b’mod aktar effettiv mal-investituri u toħroġ id-dejn b’mod aktar effiċjenti minn kontinwazzjoni ta’ approċċ ta’ għoti u teħid b’self frammentat, fejn il-flussi tal-flus bejn il-fondi mislufa u s-self jitqabblu wieħed ma’ wieħed, li huwa dak li huwa attwalment meħtieġ għall-assistenza finanzjarja f’konformità mal-Artikolu 220(7) tar-Regolament Finanzjarju. Il-membri tan-network tan-negozjanti primarji enfasizzaw ukoll l-importanza tal-preżenza regolari fis-suq.

Valutazzjoni tal-impatt

F’konformità mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar reviżjonijiet futuri tar-Regolament Finanzjarju 7 , mhi
meħtieġa l-ebda valutazzjoni tal-impatt. Ir-Regolament Finanzjarju jipprovdi r-regoli ġenerali u s-sett ta’ għodod għall-implimentazzjoni tal-programmi ta’ nfiq. Sabiex jiġi akkomodat l-istrument il-ġdid għall-appoġġ finanzjarju lill-Ukrajna, huma meħtieġa emendi tekniċi mmirati fir-Regolament Finanzjarju. Dawn l-emendi mmirati ma jimplikawx għażliet ta’ politika vijabbli għall-Kummissjoni u għaldaqstant mhi meħtieġa l-ebda valutazzjoni tal-impatt. Ma hemm l-ebda impatt ekonomiku, ambjentali jew soċjali dirett li jirriżulta mir-reviżjonijiet tal-leġiżlazzjoni, li jistgħu jiġu analizzati b’mod effettiv f’valutazzjoni tal-impatt.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Filwaqt li din l-emenda tar-Regolament Finanzjarju ma taqax taħt il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT), din tikkontribwixxi għall-aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar. Din il-proposta twieġeb għall-ħtieġa li jittejbu d-dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament għall-assistenza finanzjarja u li tiġi ġeneralizzata l-possibbiltà li tintuża strateġija ta’ finanzjament diversifikata. Dan l-approċċ huwa kompletament allinjat mal-qafas ta’ regolamentazzjoni aħjar u mal-isforzi ta’ simplifikazzjoni.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta tikkonforma mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni diretta għal-livell ta’ approprjazzjonijiet fil-baġit tal-Unjoni. L-obbligi ta’ ripagament se jibqgħu tal-benefiċjarji tal-assistenza finanzjarja, f’konformità mal-Artikolu 220(5)(e) tar-Regolament Finanzjarju u f’konformità mal-prinċipji baġitarji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u ekwilibriju. Il-kostijiet tat-teħid b’self jiġġarrbu mill-benefiċjarji abbażi ta’ metodoloġija unika għall-allokazzjoni tal-kostijiet li tiżgura allokazzjoni trasparenti u ekwa tal-kostijiet. 

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Japplikaw l-obbligi ta’ monitoraġġ u rappurtar skont ir-Regolament Finanzjarju.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 1 iħassar l-Artikolu 220(2) u (7) tar-Regolament Finanzjarju biex jaġġusta l-metodi tat-teħid b’self tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata.

Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 1 idaħħal Artikolu 220a ġdid fir-Regolament Finanzjarju biex jistabbilixxi l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata bħala metodu uniku ta’ finanzjament.

L-Artikolu 2 jipprevedi d-dħul fis-seħħ u r-regola tranżitorja li skontha l-emendi se japplikaw biss għall-assistenza finanzjarja li għaliha l-atti bażiċi jidħlu fis-seħħ wara d-9 ta’ Novembru 2022.

2022/0370 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 fir-rigward tal-istabbiliment ta’ strateġija ta’ finanzjament diversifikata bħala metodu ta’ teħid b’self ġenerali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 322(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri 8 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)L-Artikolu 220 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-“Regolament Finanzjarju”) attwalment jipprevedi li l-Kummissjoni tissellef f’isem l-Unjoni jew l-Euratom biex issellef l-ammonti korrispondenti lill-Istati Membri benefiċjarji jew lil pajjiżi terzi bil-kundizzjonijiet applikabbli għat-teħid b’self. F’dan ir-rigward, il-flussi tal-flus bejn il-fondi mislufa u s-self jitqabblu wieħed ma’ wieħed. Dan ifisser li l-Unjoni trid twettaq operazzjonijiet tas-suq ibbażati fuq il-ħtiġijiet ta’ żborż għal kull każ speċifiku ta’ self, li jillimita l-possibbiltà li jiġu ppjanati b’mod koerenti diversi operazzjonijiet ta’ teħid b’self u li jiġu strutturati maturitajiet biex jinkisbu l-aħjar kostijiet.

(2)Il-finanzjament ta’ programmi individwali ta’ assistenza finanzjarja permezz ta’ metodi separati ta’ finanzjament joħloq kostijiet u kumplessità billi l-programmi differenti ta’ assistenza finanzjarja jikkompetu għal għadd limitat ta’ opportunitajiet ta’ finanzjament. Dan jifframmenta l-provvista tat-titoli ta’ dejn tal-Unjoni u jnaqqas il-likwidità u l-interess tal-investituri fil-programmi separati, minkejja li t-titoli ta’ dejn kollha tal-Unjoni għandhom l-istess affidabbiltà kreditizja għolja. Jenħtieġ li l-assistenza finanzjarja tiġi organizzata taħt metodu uniku ta’ finanzjament li jsaħħaħ il-likwidità tal-bonds tal-Unjoni u l-attraenza u l-kosteffettività tal-ħruġ tal-Unjoni.

(3)Dan huwa enfasizzat b’mod partikolari fil-kuntest attwali ta’ appoġġ finanzjarju lill-Ukrajna minħabba l-ħtiġijiet finanzjarji urġenti tagħha. L-esperjenza reċenti fil-ħtiġijiet ta’ finanzjament għall-Ukrajna enfasizzat l-iżvantaġġi ta’ approċċ frammentat għall-organizzazzjoni tad-dejn tal-Unjoni. Sabiex tiġi affermata l-pożizzjoni tal-Unjoni bħala emittent ta’ dejn denominat f’euro, ikun ta’ importanza kbira li jiġi organizzat il-ħruġ ġdid kollu permezz ta’ metodu uniku ta’ finanzjament.

(4)L-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata ppermettiet il-mobilizzazzjoni b’suċċess ta’ fondi għal għotjiet u self skont ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 9 u firxa ta’ programmi oħra tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2020/2094 10 . Fid-dawl tal-kumplessità mistennija tal-operazzjonijiet meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet finanzjarji urġenti tal-Ukrajna, u biex jiġu antiċipati operazzjonijiet ta’ teħid u għoti b’self futuri possibbli, huwa xieraq li tiġi stabbilita strateġija diversifikata ta’ finanzjament bħala l-metodu uniku ta’ finanzjament għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self.

(5)Il-mudell għal tali metodu uniku ta’ finanzjament, u l-biċċa l-kbira tal-elementi tal-infrastruttura meħtieġa għall-implimentazzjoni tiegħu, diġà ġew stabbiliti fil-forma ta’ strateġija ta’ finanzjament diversifikata skont id-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 11 biex jiġu ffinanzjati miżuri skont ir-Regolament (UE) 2020/2094. L-użu ta’ din l-istrateġija għandu jippermetti implimentazzjoni flessibbli tal-programm ta’ finanzjament, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji tan-newtralità baġitarja u l-bilanċ baġitarju kif stabbilit fl-Artikolu 310(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”). Jenħtieġ li l-kostijiet jiġġarrbu kompletament mill-benefiċjarji abbażi ta’ metodoloġija unika għall-allokazzjoni tal-kostijiet li tiżgura allokazzjoni trasparenti u proporzjonali tal-kostijiet. Jenħtieġ li l-obbligi ta’ ripagament jibqgħu tal-benefiċjarji tal-assistenza finanzjarja, f’konformità mal-Artikolu 220(5), il-punt (e) tar-Regolament Finanzjarju.

(6)L-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata tirrikjedi li jiġi segwit sett uniku ta’ regoli fir-rigward tal-programmi kollha ta’ għoti u teħid b’self li jiddependu fuqha. Għaldaqstant, jenħtieġ li dawn ir-regoli jiżdiedu mar-regoli finanzjarji orizzontali fir-Regolament Finanzjarju, adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 322 tat-TFUE.  

(7)Jenħtieġ li strateġija ta’ finanzjament diversifikata tipprovdi lill-Kummissjoni b’aktar flessibbiltà fir-rigward tat-twaqqit u l-maturità tat-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament uniku u tippermetti żborżi regolari u kostanti lil pajjiżi benefiċjarji differenti. Jenħtieġ li l-istrateġija tkun ibbażata fuq il-ġbir flimkien ta’ strumenti ta’ finanzjament. Dan jagħti lill-Kummissjoni l-flessibbiltà li torganizza pagamenti lill-benefiċjarji indipendentement mill-kundizzjonijiet tas-suq fiż-żmien tal-iżborż, u tevita kemm jista’ jkun li l-Kummissjoni jkollha tiġbor ammonti fissi f’kundizzjonijiet volatili jew avversi.

(8)Dan ikun jeħtieġ l-istabbiliment ta’ pula komuni ta’ likwidità. Tali funzjoni ta’ likwidità ċentralizzata tagħmel il-kapaċità ta’ finanzjament tal-Unjoni aktar reżiljenti, u kapaċi tiflaħ għad-diskrepanzi temporanji bejn il-flussi ta’ dħul u ta’ ħruġ kollha, abbażi ta’ kapaċità robusta ta’ tbassir ta’ likwidità.

(9)Jenħtieġ li l-Kummissjoni timplimenta t-tranżazzjonijiet kollha meħtieġa bl-għan li jkun hemm preżenza kontinwa fis-suq, li tikseb l-aħjar kostijiet ta’ finanzjament possibbli u li tiffaċilita t-tranżazzjonijiet f’titoli ta’ dejn tal-Unjoni u tal-Euratom.

(10)Bl-estensjoni tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata għal firxa usa’ ta’ programmi, huwa għalhekk xieraq li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħha. Jenħtieġ li dawn jinkludu qafas ta’ governanza, proċeduri ta’ ġestjoni tar-riskju, u metodoloġija tal-allokazzjoni tal-kostijiet, li jenħtieġ li jirrispettaw l-Artikolu 220(5), il-punt (e) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Biex tiġi żgurata t-trasparenza, jenħtieġ li l-Kummissjoni, b’mod regolari u komprensiv, tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-aspetti kollha tal-ġestjoni tad-dejn tagħha.

(11)Fl-interess taċ-ċertezza u ċ-ċarezza legali fir-rigward tal-assistenza finanzjarja diġà mogħtija u fir-rigward tal-assistenza finanzjarja skont ir-Regolament li jistabbilixxi strument li jipprovdi appoġġ lill-Ukrajna 12 propost simultanjament, dan ir-Regolament għandu japplika biss għal assistenza finanzjarja ġdida li l-atti bażiċi tagħha jidħlu fis-seħħ fid-9 ta’ Novembru 2022 jew wara.

(12)Fid-dawl tal-urġenza li tirriżulta miċ-ċirkustanzi eċċezzjonali kkawżati mill-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja, huwa meqjus xieraq li tiġi invokata l-eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat previst fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(13)Fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali fl-Ukrajna, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza, fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(14)Għaldaqstant, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet rispettivi tar-Regolament Finanzjarju jiġu emendati,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 huwa emendat kif ġej:

(1)Fl-Artikolu 220, jitħassru l-paragrafi 2 u 7.

(2)L-Artikolu 220 a li ġej jiddaħħal wara l-Artikolu 220:

Artikolu 220a

Strateġija ta’ investiment diversifikata

1. Ħlief f’każijiet debitament ġustifikati, il-Kummissjoni għandha timplimenta strateġija ta’ finanzjament diversifikata li tinkludi operazzjonijiet ta’ self u ġestjoni tad-dejn biex tiffinanzja programmi ta’ assistenza finanzjarja u t-teħid b’self awtorizzat skont l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053. L-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata għandha tiġi implimentata permezz tat-tranżazzjonijiet kollha meħtieġa mmirati lejn preżenza regolari fis-suq kapitali, għandha tkun ibbażata fuq l-ippuljar ta’ strumenti ta’ finanzjament u għandha tagħmel użu minn pula ta’ likwidità komuni.

2.Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa għall-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet mutwatarji. Il-Kummissjoni, b’mod regolari u komprensiv, għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-aspetti kollha tal-istrateġija ta’ ġestjoni tad-dejn tagħha.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika għall-programmi ta’ assistenza finanzjarja li għalihom l-atti bażiċi jidħlu fis-seħħ fid-9 ta’ Novembru 2022 jew wara.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (1) ĠU-L 193/30.07.2018, p. 1.
(2)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom, ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1.
(3)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17.
(4)    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi strument biex jingħata appoġġ lill-Ukrajna (assistenza makrofinanzjarja +), COM(2022)597.
(5)    Jew permezz ta’ ripagamenti mill-baġit tal-Unjoni għal dħul assenjat estern skont in-Next Generation EU.
(6)    COM(2022) 223 final tas-16 ta’ Mejju 2022.
(7)    2018/C 267 I/01.
(8)    ĠU C […], […], p. […].
(9)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).
(10)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 433I , 22.12.2020, p. 23).
(11)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom, ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1.
(12)    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi strument biex jingħata appoġġ lill-Ukrajna (assistenza makrofinanzjarja +), COM(2022)597.