Brussell, 9.11.2022

COM(2022) 591 final

2022/0367(NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi qafas biex jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew poġġa l-enerġija rinnovabbli fil-qalba tat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. It-tensjonijiet internazzjonali attwali wara l-invażjoni Russa fl-Ukrajna, il-kuntest ġeopolitiku ġenerali u l-prezzijiet għoljin ħafna tal-enerġija komplew aggravaw il-ħtieġa li jitħaffu l-effiċjenza fl-enerġija u l-varar tal-enerġija rinnovabbli fl-Unjoni bl-objettiv li l-UE telimina gradwalment id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili Russi.

F’dan il-kuntest, fit-18 ta’ Mejju 2022, bħala parti mill-pjan REPowerEU, il-Kummissjoni adottat proposta biex jiġu emendati d-Direttiva (UE) 2018/2001 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (“REDII”), id-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija sabiex titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika lejn l-enerġija rinnovabbli u żieda fl-effiċjenza fl-enerġija. Il-proposta introduċiet miri aktar ambizzjużi għall-effiċjenza fl-enerġija u għall-enerġija rinnovabbli, miżuri biex ikomplu jiġu simplifikati u organizzati aħjar il-proċeduri amministrattivi tal-għoti tal-permessi applikabbli għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli b’mod ikkoordinat u armonizzat fl-UE kollha kif ukoll miżuri biex jiżdied il-varar tal-installazzjonijiet solari fuq il-bini. Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew bħalissa qed jaħdmu lejn l-adozzjoni tar-REDII riveduta.

Mill-pubblikazzjoni tal-pjan REPowerEU fit-18 ta’ Mejju 2022, is-sitwazzjoni tal-kriżi tal-enerġija marret għall-agħar, u għalhekk jeħtieġ li tittieħed azzjoni urġenti. Żidiet rekord fil-prezz tal-gass naturali fis-sajf, aktar interruzzjonijiet tal-provvisti permezz tal-pipeline North Stream I, żieda fl-inflazzjoni u fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet tal-elettriku jikkawżaw diffikultà ekonomika u soċjali, u dan ipoġġi piż kbir fuq iċ-ċittadini u fuq l-ekonomija. Iż-żieda fil-kostijiet tal-enerġija qed twassal għal tnaqqis fil-kapaċità tal-akkwist għaċ-ċittadini u telf ta’ kompetittività għall-kumpaniji. L-iskarsezza fil-provvista tal-gass u tal-enerġija u d-domanda għall-enerġija relattivament inelastika wasslu għal żidiet sinifikanti fil-prezzijiet u l-volatilità tal-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku fl-UE. Miżuri nazzjonali biex jikkumbattu dawn ix-xejriet jistgħu jwasslu għal frammentazzjoni tas-suq intern u mhux bilfors jiggarantixxu solidarjetà.

F’dak il-kuntest, il-kriżi li għaddejja titlob azzjoni temporanja iżda immedjata biex jintlaħqu xi wħud mill-objettivi tagħha aktar malajr, inkluż l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn enerġija nadifa. L-Unjoni Ewropea ħadet passi biex tnaqqas id-domanda għall-gass u biex tintervjeni fis-swieq tal-enerġija sabiex tindirizza l-impatt tal-kriżi għal din ix-xitwa. Minkejja dawn l-azzjonijiet, is-sitwazzjoni għadha estremament diffiċli. Il-konsumaturi u n-negozji Ewropej għadhom esposti għal prezzijiet li huma għoljin u volatili wisq. Avvenimenti imprevedibbli, bħas-sabotaġġ tal-pipelines, jistgħu jkomplu jfixklu s-sigurtà tal-provvista tagħna. It-tensjonijiet fis-swieq tal-gass x’aktarx li se jippersistu, anke wara din ix-xitwa. Huwa meħtieġ varar aktar rapidu tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għal tmiem definittiv tal-emerġenza attwali għax dan iwassal għal tnaqqis immedjat u strutturat tad-domanda għall-fjuwils fossili fis-setturi tal-enerġija, tat-tisħin u tat-tkessiħ, tal-industrija u tat-trasport. Bis-saħħa tal-kostijiet operazzjonali baxxi tagħhom, is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jistgħu jkollhom impatt pożittiv fuq il-prezzijiet tal-enerġija fl-UE kollha.

Wieħed mill-ostakli ewlenin identifikati li jfixklu r-rapidità u l-għadd ta’ investimenti fis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u fl-infrastruttura relatata huwa l-proċeduri amministrattivi twal u kumplessi. Fl-20 u fil-21 ta’ Ottubru 2022, il-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu, talab biex titħaffef is-simplifikazzjoni tal-proċeduri għall-għoti tal-permessi sabiex tiġi aċċellerata l-introduzzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u tal-grilji inkluż permezz ta’ miżuri ta’ emerġenza. Uħud mill-miżuri introdotti fil-proposta ta’ Mejju 2022 biex jitħaffef il-proċess tal-għoti tal-permessi għall-impjanti tal-enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari dawk relatati mal-preżunzjoni prevalenti tal-interess pubbliku, mar-repowering tal-impjanti u mal-għoti tal-permessi għat-tagħmir solari fuq strutturi eżistenti, jistgħu jiġu implimentati mill-Istati Membri b’mod rapidu, mingħajr il-ħtieġa ta’ bidliet onerużi fil-proċeduri u s-sistemi legali nazzjonali tagħhom. Il-kriżi titlob miżuri mmirati immedjati f’dawn l-oqsma kif ukoll miżuri oħra biex jiġu promossi teknoloġiji speċifiċi bħall-pompi tas-sħana li jaċċelleraw it-tranżizzjoni lil hinn mill-użu tal-gass fit-tisħin. Jekk jiġu implimentati immedjatament, dawn il-miżuri għandhom il-potenzjal li jżidu l-ġenerazzjoni ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli fuq terminu qasir u b’hekk iżidu l-kontribuzzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli biex tiġi indirizzata l-kriżi li għaddejja bħalissa.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-istrument propost jistabbilixxi miżuri temporanji, proporzjonati u straordinarji. Dan jikkomplementa l-inizjattivi u l-leġiżlazzjoni rilevanti eżistenti tal-UE u jikkomplementa wkoll l-inizjattivi li diġà ttieħdu mill-Kummissjoni biex twieġeb għall-kriżi attwali fis-swieq tal-enerġija. Dan jibni fuq il-Pjan “REPowerEU” tat-18 ta’ Mejju 2022 li jpoġġi t-tħaffif u l-espansjoni massivi fl-enerġija rinnovabbli fil-ġenerazzjoni tal-enerġija, fl-industrija, fil-bini u fit-trasport fil-qalba tal-istrateġija biex titħaffef l-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili Russi.

B’mod partikolari, bħala parti mill-pjan “REPowerEU”, il-Kummissjoni pproponiet reviżjoni tad-Direttiva (UE) 2018/2001 li żżid il-mira vinkolanti tal-UE għall-2030 għal 45 % sal-2030, żieda minn 40 % tal-proposta preċedenti tal-14 ta’ Lulju 2021, u tistabbilixxi qafas għas-simplifikazzjoni u t-tħaffif tal-proċess amministrattiv tal-għoti tal-permessi għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli.

L-istrument propost huwa miżura temporanja ta’ urġenza. Huwa limitat għal tul ta’ żmien ta’ sena, bi klawsola ta’ rieżami sabiex tiġi kkunsidrata l-estensjoni tal-validità tiegħu, jekk ikun meħtieġ.

Ir-regolament propost jirrifletti l-ħtieġa li tittieħed azzjoni urġenti b’rispons għall-kriżi tal-enerġija, kif mitlub mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew imsemmija hawn fuq. Għandu l-għan li jindirizza l-kriżi attwali tal-enerġija permezz ta’ azzjoni immedjata ffukata li taċċellera l-varar ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli li għandhom potenzjal għoli ta’ impatt rapidu u effettiv. Għal dan l-għan, l-istrument propost jidentifika sett ta’ miżuri li l-applikazzjoni immedjata tagħhom tiżgura aċċellerazzjoni fuq perjodu qasir tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli.

F’dan il-kuntest, għandu jiġi nnotat li, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tħaffif tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u l-iffaċilitar tal-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija, l-iżgurar ta’ persunal adegwat tal-korpi li jagħtu l-permessi u tal-awtoritajiet tal-valutazzjoni ambjentali bil-ħiliet u l-kwalifiki rilevanti jibqa’ essenzjali biex jinkisbu l-benefiċċji kollha ta’ kwalunkwe simplifikazzjoni tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi bl-għan li titħaffef l-introduzzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u tal-grilji.

Bl-istess mod, l-awtoritajiet nazzjonali tal-għoti tal-permessi għandhom jippruvaw iħaffu l-proċeduri tal-għoti tal-permessi lis-siti tal-manifattura tat-teknoloġija tal-enerġija rinnovabbli peress li l-kisba tal-għanijiet tar-REPowerEU se tirrikjedi d-diversifikazzjoni tal-provvista ta’ tagħmir tal-enerġija rinnovabbli u ta’ materja prima kritika, it-tnaqqis tad-dipendenzi settorjali, l-indirizzar tal-konġestjonijiet fil-katina tal-provvista u l-espansjoni tal-kapaċità tal-UE tal-manifattura tat-teknoloġija tal-enerġija nadifa.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija miżura straordinarja, li għandha tiġi applikata għal żmien limitat, li hija konsistenti ma’ sett usa’ ta’ inizjattivi biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-enerġija tal-Unjoni u biex jittaffa l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija u l-interruzzjonijiet potenzjali tal-provvisti tal-enerġija. Il-proposta ma tikkompromettix il-funzjonament tas-suq intern, kif ukoll il-miżuri biex jiġu indirizzati l-provvisti tal-enerġija interrotti u l-mekkaniżmi ta’ solidarjetà. Il-proposta hija kompletament konformi mal-ambizzjoni tal-Kummissjoni fil-Patt Ekoloġiku Ewropew għal dekarbonizzazzjoni aktar rapida, u l-introduzzjoni ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli u tibni fuq l-objettivi biex jitħaffef it-tnaqqis fid-dipendenza fuq il-fjuwils fossili Russi billi tiġi varata l-enerġija rinnovabbli fuq skala kbira bħala sors alternattiv. Il-proposta hija konformi mal-objettivi ambjentali, peress li l-varar aċċellerat tal-enerġija rinnovabbli huwa kruċjali biex jittaffew l-impatti kemm tat-tibdil fil-klima kif ukoll tat-tniġġis, li qed jixprunaw it-telf tal-bijodiversità u qed jheddu s-saħħa u s-sikurezza pubblika, f’konformità mal-objettivi tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima (ir-Regolament (UE) 2021/1119).

Il-proposta hija konformi mar-rakkomandazzjonijiet li saru lill-Istati Membri fil-kuntest tal-qafas tas-Semestru Ewropew tal-2022 biex jiġi simplifikat l-għoti tal-permessi lill-proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Huwa mistenni wkoll li taċċellera l-investimenti fl-enerġija rinnovabbli taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, inklużi l-kapitoli tar-REPowerEU li għandhom jiġu inklużi taħt il-Pjanijiet nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għal dan l-istrument hija l-Artikolu 122(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”).

L-interruzzjoni attwali fil-provvisti tal-gass u l-impatti li jirriżultaw fuq il-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku jikkostitwixxu diffikultà serja fil-provvista tal-enerġija skont l-Artikolu 122 tat-TFUE. L-użu tal-provvista tal-gass bħala arma u l-manipulazzjoni tas-swieq mill-Federazzjoni Russa permezz ta’ interruzzjonijiet intenzjonati tal-flussi tal-gass wasslu mhux biss għal żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija, iżda wkoll għall-ipperikolar tas-sigurtà tal-provvista. Iż-żieda fil-prezzijiet tal-elettriku qed tpoġġi piż sinifikanti fuq il-konsumaturi u n-negozji, u jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni, hemm ir-riskju li jilħqu livelli mhux sostenibbli, li jista’ jkollhom implikazzjonijiet soċjali u ekonomiċi usa’ sinifikanti. Il-mexxejja tal-UE u l-Kummissjoni identifikaw il-ħtieġa urġenti għal miżuri addizzjonali biex jgħinu jżidu l-aċċess għall-enerġija rinnovabbli biex itaffu l-impatt fuq iċ-ċittadini tal-UE, itejbu s-sigurtà tal-provvista u jkunu ppreparati aħjar għax-xitwa li ġejja. Il-miżuri temporanji skont ir-Regolament propost għandhom l-għan li jiżguraw approċċ ikkoordinat immirat biex jaċċelleraw il-proċeduri speċifiċi tal-għoti tal-permessi applikabbli għal dawk il-proġetti tal-enerġija rinnovabbli li għandhom potenzjal għoli ta’ impatt immedjat u effettiv. Għalhekk huma jindirizzaw il-konġestjonijiet amministrattivi speċifiċi fl-awtorizzazzjoni għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-varar kosteffiċjenti, malajr u fuq skala kbira ta’ enerġija rinnovabbli sostenibbli f’konformità mal-ambizzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u mal-Komunikazzjoni REPowerEU ma jistgħux jiksbuh l-Istati Membri waħedhom. Hu meħtieġ approċċ tal-UE li jipprovdi l-inċentivi xierqa lill-Istati Membri b’livelli differenti ta’ ambizzjoni biex titħaffef, b’mod ikkoordinat, it-tranżizzjoni tal-enerġija mis-sistema tradizzjonali tal-enerġija bil-fjuwils fossili lejn sistema tal-enerġija aktar integrata u aktar effiċjenti bbażata fuq is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli.

Filwaqt li jitqiesu l-politiki differenti dwar l-enerġija fost l-Istati Membri, azzjoni fil-livell tal-UE, bl-appoġġ tal-qafas sod ta’ governanza, għandha aktar probabbiltà li tilħaq il-miri tal-UE għall-klima u għat-tnaqqis tat-tniġġis permezz taż-żieda meħtieġa fil-varar tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli minn azzjoni nazzjonali jew lokali waħedha.

Il-proċeduri amministrattivi twal u kumplessi huma wieħed mill-ostakli ewlenin għall-investimenti fl-enerġiji rinnovabbli u fl-infrastruttura relatata tagħhom. It-tul ta’ żmien u l-kumplessità tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi jvarjaw ħafna fost it-teknoloġiji differenti tal-enerġija rinnovabbli u fost l-Istati Membri. L-Istati Membri qed jieħdu azzjoni biex jindirizzaw l-ostakli fl-għoti tal-permessi identifikati fil-livell nazzjonali u huma mħeġġa jkomplu jagħmlu dan, pereżempju wkoll permezz tal-ħidma kollaborattiva fit-Taskforce għall-Infurzar tas-Suq Uniku tal-Kummissjoni Ewropea 1 . Huwa meħtieġ approċċ Ewropew ikkoordinat għat-tqassir u għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri u tal-proċessi amministrattivi tal-għoti tal-permessi sabiex jitħaffef il-varar meħtieġ tal-enerġiji rinnovabbli. Dan huwa meħtieġ ukoll biex l-UE tilħaq il-miri tagħha tal-klima u tal-enerġija għall-2030, l-objettivi fit-tul tagħha tan-newtralità klimatika u tat-tniġġis żero kif ukoll biex tneħħi gradwalment id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili Russi u traħħas il-prezzijiet tal-enerġija. Filwaqt li jitqiesu l-politiki, il-prijoritajiet u l-proċeduri differenti tal-enerġija tal-Istati Membri, u fid-dawl tal-urġenza li jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli fl-Istati Membri kollha, hu aktar probabbli li azzjoni fil-livell tal-UE tilħaq l-objettivi meħtieġa minn azzjoni nazzjonali jew lokali waħedha.

Fl-aħħar nett, ir-Regolament propost jintroduċi emendi mmirati għal biċċiet eżistenti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Dan l-intervent, li se jkompli jissimplifika ċerti proċeduri tal-għoti tal-permessi, jiġġustifika l-ħtieġa għal azzjoni fil-livell tal-Unjoni.

Proporzjonalità

L-inizjattiva hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fid-dawl tas-sitwazzjoni ġeopolitika mingħajr preċedent maħluqa mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, il-prezzijiet tal-enerġija li qed ikomplu jkunu volatili ħafna u l-ħtieġa li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Ewropa għall-istaġun tax-xitwa li jmiss u matul is-sena d-dieħla, hemm ħtieġa ċara għal azzjoni kkoordinata u urġenti biex jiġi aċċellerat immedjatament il-varar tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli flimkien mal-azzjonijiet proposti mill-Kummissjoni bħala parti mill-pjan REPowerEU tat-18 ta’ Mejju 2022. Madankollu, l-azzjonijiet identifikati huma limitati għal dawk li jimmiraw lejn il-konġestjonijiet amministrattivi speċifiċi tal-awtorizzazzjoni li jaffettwaw l-implimentazzjoni ta’ dawk il-proġetti tal-enerġija rinnovabbli li għandhom potenzjal għoli ta’ impatt rapidu u effettiv.

     Għażla tal-istrument

Filwaqt li tqis il-ħtieġa urġenti li jiġi aċċellerat il-varar tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli biex jissostitwixxu l-gass u minħabba l-iskala tal-kriżi tal-enerġija, il-potenzjal tal-impatti soċjali, ekonomiċi u finanzjarji tagħha u l-urġenza li dawn jittaffew, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li taġixxi permezz ta’ regolament li jkollu kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u applikabbli direttament u immedjatament. Ir-Regolament huwa limitat fiż-żmien. Dan jirriżulta f’approċċ rapidu, uniformi u għall-Unjoni kollha fir-rigward tal-proċeduri speċifiċi tal-għoti tal-permessi applikabbli għal ċerti proġetti tal-enerġija rinnovabbli biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet serji li l-Unjoni qed tiffaċċja bħalissa.  

3.KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Fl-20 u fil-21 ta’ Ottubru 2022, il-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu, talab biex titħaffef is-simplifikazzjoni tal-proċeduri għall-għoti tal-permessi sabiex tiġi aċċellerata l-introduzzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u tal-grilji inkluż permezz ta’ miżuri ta’ emerġenza. Minħabba l-urġenza biex titħejja l-proposta u biex tkun tista’ tiġi adottata fil-ħin mill-Kunsill, ma setgħetx titwettaq konsultazzjoni formali mal-partijiet ikkonċernati. Madankollu, il-Kummissjoni qed tippjana li tinvolvi ruħha mal-partijiet ikkonċernati, u b’mod partikolari l-produtturi tal-enerġija rinnovabbli, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u tal-amministrazzjoni nazzjonali, biex tiżgura implimentazzjoni b’suċċess ta’ dan ir-Regolament. Il-proposta tibni wkoll fuq diskussjonijiet estensivi mal-partijiet ikkonċernati, mal-Istati Membri u mal-Parlament Ewropew fil-kuntest tat-tħejjija tal-proposta għal reviżjoni tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tat-18 ta’ Mejju 2022, u n-negozjati ta’ kodeċiżjoni sussegwenti, kif ukoll il-proġett RES Simplify 2 .

Valutazzjoni tal-impatt

Minħabba n-natura temporanja u urġenti tal-miżuri b’rispons għal sitwazzjoni ta’ emerġenza, ma setgħetx titwettaq valutazzjoni tal-impatt.

Drittijiet fundamentali

Ma ġie identifikat l-ebda impatt negattiv fuq id-drittijiet fundamentali. L-għan ġenerali ta’ dan ir-rieżami huwa li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, li huwa konformi mal-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li skontha livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent iridu jiġu integrati fil-politiki tal-Unjoni u żgurati f’konformità mal-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli. Barra minn hekk, proċeduri simplifikati għall-għoti tal-permessi fir-Regolament propost iqisu l-ħtieġa li jiġu protetti l-aspettattivi leġittimi u l-investimenti eżistenti, u għalhekk mhux se jipperikolaw id-dritt li wieħed ikollu u juża beni akkwistati legalment, kif minqux fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma abbozzati wkoll b’mod li ma jaffettwax b’mod negattiv is-saħħa pubblika u l-interessi legali tal-individwi.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta ma teħtieġx riżorsi addizzjonali mill-baġit tal-UE.

2022/0367 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi qafas biex jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 122(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)L-aggressjoni militari tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna u t-tnaqqis bla preċedent tal-provvisti tal-gass naturali mill-Federazzjoni Russa lill-Istati Membri jheddu s-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Fl-istess waqt, l-użu tal-provvista tal-gass bħala arma u l-manipulazzjoni tas-swieq mill-Federazzjoni Russa permezz ta’ interruzzjonijiet intenzjonali fil-flussi tal-gass wasslu għal żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija fl-Unjoni, u dan ipperikola mhux biss l-ekonomija fl-Unjoni, iżda wkoll hedded serjament is-sigurtà tal-provvista. Varar rapidu tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jista’ jgħin biex jittaffew l-effetti tal-kriżi attwali tal-enerġija, billi jifforma difiża kontra l-azzjonijiet tar-Russja. L-enerġija rinnovabbli tista’ tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-ġlieda kontra l-użu tal-enerġija bħala arma mir-Russja billi ssaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni, tnaqqas il-volatilità fis-suq u tbaxxi l-prezzijiet tal-enerġija.

(2)F’Mejju 2022, bħala parti mill-Pjan REPowerEU, il-Kummissjoni adottat emenda għad-Direttiva (UE) 2018/2001 3 . Din l-emenda żiedet il-livell ta’ ambizzjoni tal-mira vinkolanti tal-UE għall-2030 għas-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija tal-Unjoni u indirizzat il-proċeduri amministrattivi twal għall-għoti tal-permessi, li huma wieħed mill-ostakli ewlenin għall-investimenti fis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-infrastruttura relatata tagħhom. L-impatt tal-emendi proposti għad-Direttiva (UE) 2018/2001 se jkun żieda u tħaffif sinifikanti fil-varar tal-enerġija rinnovabbli fil-ġenerazzjoni tal-enerġija, fl-industrija, fil-bini u fit-trasport. Dan imbagħad se jaċċellera l-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili Russi u se jikkontribwixxi għal prezzijiet tal-elettriku aktar baxxi għaċ-ċittadini u għan-negozji, u se jtejjeb ukoll is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Madankollu, impatt bħal dan se jimmaterjalizza biss fuq perjodu ta’ żmien medju sa twil minħabba li l-emenda għad-Direttiva (UE) 2018/2021 se tidħol fis-seħħ biss wara l-adozzjoni, id-dħul fis-seħħ u t-traspożizzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

(3)Minn Mejju 2022, l-azzjonijiet tar-Russja komplew jaggravaw is-sitwazzjoni fis-suq, b’mod partikolari billi żiedu r-riskju ta’ waqfien totali tal-provvisti tal-gass Russi lejn l-Unjoni fil-futur qrib li affettwa s-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni. Dan żied drastikament il-volatilità tal-prezzijiet tal-enerġija fl-Unjoni, u għolla l-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku sa livelli rekord matul is-sajf. Dan wassal għal żieda fil-prezzijiet bl-imnut tal-elettriku, li huma mistennija li jkomplu jiżdiedu gradwalment anki għall-biċċa l-kbira tal-kuntratti tal-konsumaturi, u dan qed jitfa’ piż dejjem akbar fuq l-unitajiet domestiċi u n-negozji. Is-sitwazzjoni aggravata fis-swieq tal-enerġija kkontribwiet b’mod sostanzjali għall-inflazzjoni ġenerali fiż-żona tal-euro u naqqset ir-ritmu tat-tkabbir ekonomiku fl-Unjoni kollha. Ir-riskju se jippersisti irrispettivament minn kwalunkwe tnaqqis temporanju tal-prezzijiet bl-ingrossa u se jkun aktar pertinenti s-sena d-dieħla, kif rikonoxxut fl-aħħar proposta ta’ emerġenza tal-Kummissjoni 4 . Il-kumpaniji Ewropej tal-enerġija jistgħu jiffaċċjaw diffikultajiet serji biex jimlew il-ħżin tal-gass is-sena d-dieħla, peress li huwa probabbli ħafna li fl-Unjoni se jasal inqas gass mill-pipeline mir-Russja jew saħansitra ma jasal xejn minħabba s-sitwazzjoni politika attwali. Barra minn hekk, il-mira għall-2023, stabbilita fir-Regolament (UE) 2022/1032 dwar il-ħżin tal-gass, hija li jimtlew 90 % tal-kapaċitajiet tal-ħżin tal-gass tal-Unjoni meta mqabbla ma’ 80 % għal din ix-xitwa. Avvenimenti imprevedibbli bħal sabotaġġ ta’ pipelines u riskji oħra ta’ tfixkil fis-sigurtà tal-provvista jistgħu wkoll joħolqu tensjonijiet addizzjonali fis-swieq tal-gass. Addizzjonalment, il-perspettiva tal-kompetittività tal-industriji Ewropej tat-teknoloġija tal-enerġija rinnovabbli ddgħajfet mill-politiki reċenti f’reġjuni oħra tad-dinja li kienu mmirati lejn il-provvista ta’ appoġġ u t-tħaffif tal-espansjoni ta’ ktajjen tal-valur sħaħ tat-teknoloġija tal-enerġija rinovabbli. Dawn huma kollha elementi li ma ġewx ikkunsidrati fil-proposta għal emenda għad-Direttiva (UE) 2018/2001 tat-18 ta’ Mejju 2022.

(4)F’dan il-kuntest u sabiex jiġi indirizzat l-esponiment tal-konsumaturi u n-negozji Ewropej għal prezzijiet għoljin u volatili li jikkawżaw diffikultajiet ekonomiċi u soċjali, sabiex jiġi ffaċilitat it-tnaqqis meħtieġ fid-domanda għall-enerġija billi l-provvisti tal-gass naturali jiġu sostitwiti b’enerġija minn sorsi rinnovabbli u sabiex tiżdied is-sigurtà tal-provvista, jeħtieġ li l-Unjoni tieħu azzjoni immedjata ulterjuri biex taċċellera l-varar tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari permezz ta’ miżuri mmirati li kapaċi jiksbu aċċellerazzjoni fuq terminu qasir tal-pass tal-varar tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-Unjoni.

(5)Il-miżuri urġenti jintgħażlu minħabba n-natura u l-potenzjal tagħhom li jikkontribwixxu għas-soluzzjonijiet tal-emerġenza tal-enerġija fi żmien qasir. B’mod aktar partikolari, bosta mill-miżuri deskritti fil-proposta ta’ Mejju 2022 biex jiġi simplifikat il-proċess tal-għoti tal-permessi applikabbli għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli jistgħu jiġu implimentati mill-Istati Membri b’mod rapidu, mingħajr ma jkunu meħtieġa bidliet onerużi fil-proċeduri u fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom u b’hekk tiġi żgurata aċċellerazzjoni pożittiva tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fuq terminu qasir. Uħud mill-miżuri għandhom kamp ta’ applikazzjoni ġenerali, bħall-introduzzjoni ta’ preżunzjoni konfutabbli li l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli huma ta’ interess pubbliku prevalenti għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni ambjentali rilevanti, jew l-introduzzjoni ta’ kjarifiki rigward il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ċerti Direttivi ambjentali kif ukoll is-simplifikazzjoni tal-qafas tal-għoti tal-permessi għar-repowering tal-impjanti tal-enerġija rinnovabbli billi jiffokaw fuq l-impatti li jirriżultaw mill-bidliet jew mill-estensjonijiet meta mqabbla mal-proġett oriġinali. Miżuri oħra jimmiraw lejn teknoloġiji speċifiċi, bħall-għoti tal-permessi ferm iqsar u aktar rapidu għat-tagħmir solari fuq strutturi eżistenti. Jixraq li dawn il-miżuri jiġu implimentati malajr kemm jista’ jkun, u li jiġu adattati kif meħtieġ biex jindirizzaw b’mod preċiż l-isfidi attwali.

(6)Jeħtieġ li jiġu introdotti miżuri mmirati addizzjonali indirizzati lejn teknoloġiji u tipi ta’ proġetti speċifiċi li għandhom l-ogħla potenzjal għal varar rapidu u effett immedjat fuq l-objettivi li titnaqqas il-volatilità tal-prezzijiet u li titnaqqas id-domanda għall-gass naturali mingħajr ma tiġi limitata d-domanda ġenerali għall-enerġija. Minbarra l-aċċellerazzjoni tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi, għat-tagħmir tal-enerġija solari fuq strutturi artifiċjali, jixraq li jiġi promoss u aċċellerat il-varar ta’ installazzjonijiet solari fuq skala żgħira għall-awtokonsumatur tal-enerġija rinnovabbli inkluż għall-awtokonsumaturi kollettivi, bħall-komunitajiet tal-enerġija lokali, peress li dawn huma l-orħos u l-aktar għażliet aċċessibbli bl-inqas impatti ambjentali jew ta’ tip ieħor għal introduzzjoni rapida ta’ installazzjonijiet rinnovabbli ġodda. Barra minn hekk, dawn il-proġetti jappoġġaw direttament lill-unitajiet domestiċi u lill-kumpaniji li jiffaċċjaw prezzijiet għoljin tal-enerġija u jipproteġu lill-konsumaturi mill-volatilità tal-prezzijiet. Ir-repowering tal-impjanti tal-enerġija rinnovabbli huwa alternattiva biex tiżdied b’mod rapidu l-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli bl-inqas impatt fuq l-infrastruttura tal-grilja u l-ambjent, inkluż fil-każ ta’ dawk it-teknoloġiji tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli bħall-enerġija mir-riħ, li għalihom il-proċeduri tal-għoti tal-permessi tipikament ikunu itwal. Fl-aħħar nett, il-pompi tas-sħana huma alternattiva rinnovabbli diretta għall-bojlers tal-gass naturali u għandhom il-potenzjal li jnaqqsu b’mod sinifikanti d-domanda għall-gass naturali matul l-istaġun tat-tisħin.

(7)Waħda mill-miżuri proposti tikkonsisti fl-introduzzjoni ta’ preżunzjoni konfutabbli li l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli huma ta’ interess pubbliku prevalenti u jservu s-saħħa u s-sikurezza pubblika, b’mod partikolari, għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni ambjentali rilevanti tal-Unjoni, ħlief meta jkun hemm evidenza ċara li dawn il-proġetti jkollhom effetti avversi kbar fuq l-ambjent li ma jistgħux jiġu mitigati jew ikkumpensati. L-impjanti tal-enerġija rinnovabbli, inklużi l-pompi tas-sħana jew l-enerġija mir-riħ, huma kruċjali biex niġġieldu t-tibdil fil-klima u t-tniġġis, inraħħsu l-prezzijiet tal-enerġija, innaqqsu d-dipendenza tal-Unjoni fuq il-fjuwils fossili u niżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni. Il-preżunzjoni li l-impjanti tal-enerġija rinnovabbli, inklużi l-pompi tas-sħana, huma ta’ interess pubbliku prevalenti u li jservu s-saħħa u s-sikurezza pubblika tippermetti li tali proġetti jibbenefikaw, fejn meħtieġ, minn valutazzjoni simplifikata għal derogi speċifiċi previsti, b’mod partikolari, fil-leġiżlazzjoni ambjentali rilevanti tal-Unjoni b’effett immedjat. Sabiex tiġi indirizzata l-urġenza akbar għal azzjoni, fid-dawl tal-avvenimenti li seħħew minn Mejju 2022, din il-preżunzjoni konfutabbli jenħtieġ li tapplika għall-proġetti kollha tal-enerġija rinnovabbli li għalihom isir ibbilanċjar tal-interessi legali fit-tul ta’ żmien ta’ dan ir-regolament. Din tapplika biss għal proċeduri ġodda ta’ għoti tal-permessi li jibdew matul l-applikazzjoni tar-regolament.

(8)Dan jirrifletti r-rwol importanti li l-enerġija rinnovabbli jista’ jkollha fid-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija tal-Unjoni, fl-offerta ta’ soluzzjonijiet immedjati biex tiġi sostitwita l-enerġija bbażata fuq il-fjuwils fossili u fl-indirizzar tas-sitwazzjoni aggravata fis-suq.

(9)Sabiex jiġu eliminati l-konġestjonijiet fil-proċess tal-għoti tal-permessi u t-tħaddim tal-impjanti tal-enerġija rinnovabbli, fl-ippjanar u l-proċess tal-għoti tal-permessi, il-kostruzzjoni u t-tħaddim tal-impjanti tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u l-infrastruttura tal-grilja relatata jenħtieġ li jingħataw prijorità meta jiġu bbilanċjati l-interessi legali fil-każ individwali, għall-inqas għall-proġetti li huma rikonoxxuti bħala ta’ interess pubbliku. Fir-rigward tal-protezzjoni tal-ispeċijiet, is-sentenza preċedenti jenħtieġ li tapplika biss jekk u sal-punt li jittieħdu miżuri xierqa ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet li jikkontribwixxu għaż-żamma jew għar-restawr tal-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet għal stat ta’ konservazzjoni favorevoli u jsiru disponibbli biżżejjed riżorsi finanzjarji kif ukoll żoni għal dan l-iskop.

(10)L-enerġija solari hija sors ewlieni ta’ enerġija rinnovabbli biex tintemm id-dipendenza tal-Unjoni fuq il-fjuwils fossili Russi filwaqt li tinkiseb it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima. Il-fotovoltajċi solari, li huma wieħed mill-irħas sorsi ta’ elettriku disponibbli, u t-teknoloġiji termali solari li jipprovdu tisħin rinnovabbli b’kostijiet baxxi għal kull unità ta’ sħana, jistgħu jiġu introdotti malajr, u jkunu ta’ benefiċċju dirett għaċ-ċittadini u għan-negozji. F’dan il-kuntest, f’konformità mal-Istrateġija tal-UE dwar l-Enerġija Solari 5 , l-iżvilupp ta’ katina tal-valur solari industrijali reżiljenti fl-Unjoni se jiġi appoġġat, inkluż permezz tal-Alleanza għall-Industrija tal-PVs Solari li se titnieda fi tmiem l-2022. L-aċċellerazzjoni u t-titjib tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli se jgħinu biex jirfdu espansjoni tal-kapaċità tal-manifattura tat-teknoloġija tal-enerġija nadifa tal-Unjoni. Iċ-ċirkostanzi attwali u, b’mod partikolari l-volatilità għolja ħafna tal-prezzijiet tal-enerġija, jitolbu azzjoni immedjata biex jiġu żgurati proċeduri tal-għoti tal-permessi ferm aktar rapidi sabiex jitħaffef b’mod sinifikanti l-pass tal-installazzjoni ta’ tagħmir solari fuq strutturi artifiċjali, li ġeneralment ikunu inqas kumplessi minn installazzjonijiet fuq l-art u li jistgħu jikkontribwixxu malajr biex jittaffew l-effetti tal-kriżi attwali tal-enerġija, diment li jinżammu l-istabbiltà tal-grilja, l-affidabbiltà tal-grilja u s-sikurezza tal-grilja. Għalhekk jenħtieġ li dawn l-installazzjonijiet jibbenefikaw minn proċeduri iqsar tal-għoti tal-permessi meta mqabbla ma’ proġetti oħra tal-enerġija rinnovabbli.

(11)Għalhekk din il-proposta tintroduċi skadenza massima ta’ xahar għall-proċess tal-għoti tal-permessi għall-installazzjoni tat-tagħmir tal-enerġija solari u l-ħżin kolokalizzat u l-konnessjonijiet tal-grilja relatati tiegħu fi strutturi artifiċjali eżistenti jew futuri maħluqa għal skopijiet differenti mill-produzzjoni tal-enerġija solari. Tintroduċi wkoll deroga speċifika għal dawn l-installazzjonijiet mill-ħtieġa li jitwettqu valutazzjonijiet ambjentali skont id-Direttiva 2011/92/UE minħabba li mhux suppost iqajmu tħassib relatat mal-kompetizzjoni fl-użi tal-ispazju jew mal-impatt ambjentali. L-investimenti f’installazzjonijiet żgħar u deċentralizzati tal-enerġija solari biex isiru awtokonsumaturi tal-enerġija rinnovabbli huwa wieħed mill-aktar mezzi effiċjenti għall-konsumaturi tal-enerġija biex inaqqsu l-kontijiet tagħhom tal-enerġija u l-esponiment tagħhom għall-volatilità tal-prezzijiet. L-installazzjonijiet tal-awtokonsum inkluż għall-awtokonsumaturi kollettivi, bħall-komunitajiet tal-enerġija lokali, jikkontribwixxu wkoll għat-tnaqqis tad-domanda ġenerali għall-gass naturali, għaż-żieda tar-reżiljenza tas-sistema u għall-kisba tal-miri tal-Unjoni rigward l-enerġija rinnovabbli. L-installazzjonijiet taħt il-50 kW mhux suppost li jkollhom effetti avversi kbar fuq l-ambjent jew il-grilja u ma jqajmux tħassib dwar is-sikurezza. Barra minn hekk, l-installazzjonijiet żgħar ta’ awtokonsumaturi tal-enerġija rinnovabbli ġeneralment ma jeħtiġux espansjoni tal-kapaċità fil-punt ta’ konnessjoni mal-grilja. Fid-dawl tal-effetti pożittivi immedjati ta’ dan it-tip ta’ installazzjonijiet għall-konsumaturi u l-impatti ambjentali limitati li jistgħu jirriżultaw minnhom, jixraq li jiġi simplifikat aktar il-proċess tal-għoti tal-permessi applikabbli għalihom billi jiġi introdott il-kunċett ta’ silenzju amministrattiv pożittiv fil-proċeduri rilevanti tal-għoti tal-permessi sabiex jiġi promoss u jiġi aċċellerat il-varar ta’ dawn l-installazzjonijiet u biex jinkisbu l-benefiċċji tagħhom fi żmien qasir.

(12)Ir-repowering tal-impjanti eżistenti tal-enerġija rinnovabbli għandu potenzjal sinifikanti biex iżid b’mod rapidu l-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, u b’hekk jippermetti li jitnaqqas il-konsum tal-gass. Ir-repowering jippermetti l-użu kontinwu tas-siti b’potenzjal sinifikanti ta’ enerġija rinnovabbli, u dan inaqqas il-ħtieġa li jiġu ddeżinjati siti ġodda għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Ir-repowering ta’ impjant tal-enerġija mir-riħ b’turbini aktar effiċjenti jippermetti li tinżamm il-kapaċità eżistenti iżda b’inqas turbini li jkunu akbar u aktar effiċjenti jew billi tiżdied il-kapaċità. Ir-repowering jibbenefika wkoll mill-konnessjoni eżistenti mal-grilja, grad probabbilment ogħla ta’ aċċettazzjoni pubblika, u għarfien tal-impatti ambjentali.

(13)Huwa stmat li l-kapaċità tar-riħ fuq l-art ta’ 38 GW se tilħaq it-tmiem tal-ħajja operattiva normali tagħha ta’ 20 sena bejn l-2021 u l-2025. Id-dekummissjonar ta’ dawn il-kapaċitajiet minflok ir-repowering iwassal għal tnaqqis sostanzjali tal-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli installata bħalissa, u dan ikompli jikkomplika s-sitwazzjoni fis-suq tal-enerġija. Is-simplifikazzjoni immedjata u t-tħaffif tal-għoti tal-permessi għar-repowering huma kruċjali għaż-żamma u ż-żieda tal-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli fl-Unjoni. Għal dan l-għan, ir-Regolament propost jintroduċi miżuri addizzjonali.

(14)Għalhekk jixraq li jiġu introdotti miżuri biex jiġi simplifikat aktar il-proċess tal-għoti tal-permessi applikabbli għar-repowering tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli. B’mod partikolari, l-iskadenza massima ta’ sitt xhur applikabbli għall-proċess tal-għoti tal-permessi għar-repowering tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli jenħtieġ li tinkludi l-valutazzjonijiet ambjentali rilevanti kollha. Barra minn hekk, kull meta r-repowering ta’ impjant tal-enerġija rinnovabbli jew ta’ infrastruttura tal-grilja relatata li tkun meħtieġa biex l-enerġija rinnovabbli tiġi integrata fis-sistema tal-elettriku jkun soġġett għal skrinjar jew għal valutazzjoni ambjentali, jenħtieġ li dawn ikunu limitati għall-valutazzjoni tal-impatti potenzjali li jirriżultaw mill-bidla jew mill-estensjoni meta mqabbla mal-proġett oriġinali.

(15)Sabiex jiġi promoss u aċċellerat ir-repowering tal-impjanti eżistenti tal-enerġija rinnovabbli, jenħtieġ li tiġi stabbilita minnufih proċedura simplifikata għall-konnessjonijiet mal-grilja fejn ir-repowering jirriżulta f’żieda limitata fil-kapaċità totali meta mqabbla mal-proġett oriġinali.

(16)Meta jsir repowering ta’ installazzjoni solari, jistgħu jinkisbu żidiet fl-effiċjenza u fil-kapaċità mingħajr ma jiżdied l-ispazju okkupat. Għalhekk l-installazzjoni li tiġi repowered ma jkollhiex impatt differenti fuq l-ambjent mill-installazzjoni oriġinali sakemm l-ispazju użat ma jiżdiedx fil-proċess, u l-miżuri ta’ mitigazzjoni ambjentali oriġinarjament meħtieġa jkomplu jiġu rrispettati.

(17)Il-pompi tas-sħana huma teknoloġija ewlenija għall-produzzjoni tat-tisħin u tat-tkessiħ rinnovabbli mill-enerġija ambjentali, inkluż mill-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi, u mill-enerġija ġeotermali. Jippermettu wkoll l-użu tas-sħana u l-kesħa mormija. Il-varar rapidu tal-pompi tas-sħana li jimmobilizza s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li ma jintużawx biżżejjed bħall-enerġija ambjentali, l-enerġija ġeotermali u s-sħana mormija mis-setturi industrijali u terzjarji, inklużi ċ-ċentri tad-data, jagħmilha possibbli li l-bojlers tal-gass naturali u bojlers oħra bbażati fuq il-fjuwils fossili jiġu sostitwiti b’soluzzjoni ta’ tisħin rinnovabbli, filwaqt li tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija. Dan se jaċċellera t-tnaqqis fl-użu tal-gass għall-provvista tat-tisħin, kemm fil-bini kif ukoll fl-industrija. Sabiex jitħaffu l-installazzjoni u l-użu tal-pompi tas-sħana, jixraq li jiġu introdotti proċeduri tal-għoti tal-permessi mmirati u iqsar għal installazzjonijiet bħal dawn, inkluża proċedura simplifikata għall-konnessjoni mal-grilja ta’ pompi tas-sħana iżgħar sakemm ma tkunx meħtieġa proċedura bħal din mil-liġi nazzjonali. Bis-saħħa ta’ installazzjoni aktar rapida u aktar faċli tal-pompi tas-sħana, l-użu akbar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-settur tat-tisħin, li jirrappreżenta kważi nofs il-konsum tal-enerġija tal-Unjoni, se jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista u se jgħin biex tiġi indirizzata sitwazzjoni tas-suq aktar diffiċli.

(18)Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (“il-Konvenzjoni ta’ Aarhus”) rigward l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet, u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, u b’mod partikolari, l-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-parteċipazzjoni pubblika u mal-aċċess għall-ġustizzja, jibqgħu applikabbli.

(19)Il-prinċipju tas-solidarjetà enerġetika huwa prinċipju ġenerali skont id-dritt tal-Unjoni 6 u japplika għall-Istati Membri kollha. Fl-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-solidarjetà enerġetika, il-miżuri proposti jippermettu d-distribuzzjoni transfruntiera tal-effetti ta’ varar aktar rapidu tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Dawn huma indirizzati lejn l-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli fl-Istati Membri kollha u jkopru ambitu wiesa’ ta’ proġetti, inkluż dwar strutturi eżistenti, installazzjonijiet ġodda ta’ tagħmir tal-enerġija solari tal-awtokonsumaturi tal-enerġija rinnovabbli u r-repowering tal-installazzjonijiet eżistenti. Minħabba l-grad ta’ integrazzjoni tas-swieq tal-enerġija tal-Unjoni, kwalunkwe żieda fil-varar tal-enerġija rinnovabbli fi Stat Membru jenħtieġ li tkun ta’ benefiċċju wkoll għal Stati Membri oħra f’termini ta’ sigurtà tal-provvista u prezzijiet aktar baxxi. Jenħtieġ li tgħin biex l-elettriku rinnovabbli jimxi bejn il-fruntieri għal fejn huwa l-aktar meħtieġ u tiżgura li l-elettriku rinnovabbli prodott b’mod irħis jiġi esportat lejn l-Istati Membri fejn il-produzzjoni tal-elettriku hija aktar għalja. Barra minn hekk, il-kapaċitajiet tal-enerġija rinnovabbli li għadhom kif ġew installati fl-Istati Membri se jkollhom impatt fuq it-tnaqqis ġenerali fid-domanda għall-gass fl-Unjoni kollha.

(20)L-Artikolu 122(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jippermetti lill-Kunsill jiddeċiedi, fuq proposta tal-Kummissjoni u bi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, dwar il-miżuri xierqa għas-sitwazzjoni ekonomika, b’mod partikolari jekk ikun hemm diffikultajiet serji fil-provvista ta’ ċerti prodotti, notevolment fil-qasam tal-enerġija. Fid-dawl tal-avvenimenti reċenti u l-azzjonijiet tar-Russja minn Mejju 2022, ir-riskju għoli ta’ waqfien totali tal-provvisti tal-gass Russi, flimkien mal-prospetti inċerti għall-alternattivi, joħolqu theddida sinifikanti ta’ interruzzjoni tal-provvisti tal-enerġija, żieda ulterjuri fil-prezzijiet tal-enerġija u pressjoni konsegwenzjali fuq l-ekonomija tal-Unjoni. Għalhekk, hija meħtieġa azzjoni urġenti addizzjonali.

(21)Meta jitqiesu l-iskala tal-kriżi tal-enerġija, il-livell tal-impatt soċjali, ekonomiku u finanzjarju tagħha, u l-ħtieġa li tittieħed azzjoni minnufih, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-validità tiegħu hija limitata għal sena, bi klawsola ta’ rieżami sabiex tiġi permessa l-estensjoni tal-validità tiegħu, jekk ikun meħtieġ.

(22)Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)“proċess tal-għoti tal-permessi għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli” tfisser il-proċess:

(a)li jkopri l-permessi amministrattivi rilevanti kollha maħruġa għall-kostruzzjoni, ir-repowering u t-tħaddim tal-impjanti tal-produzzjoni tal-enerġija mis-sorsi rinnovabbli, inklużi l-pompi tas-sħana, il-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija kolokalizzati, u l-assi meħtieġa għall-konnessjoni tagħhom mal-grilja, inkluż il-permessi tal-konnessjoni mal-grilja u l-valutazzjonijiet ambjentali meta dawn ikunu meħtieġa; u

(b)li jibda mir-rikonoxximent li l-applikazzjoni waslet għand l-awtorità rilevanti u tispiċċa bin-notifika tad-deċiżjoni finali dwar l-eżitu tal-proċedura mill-awtorità rilevanti;

(2)“tagħmir tal-enerġija solari” tfisser tagħmir li jikkonverti l-enerġija mix-xemx f’enerġija termali jew elettrika, b’mod partikolari tagħmir solari termali u fotovoltajku solari.

Artikolu 2

Interess pubbliku prevalenti

(1)L-ippjanar, il-kostruzzjoni u t-tħaddim tal-impjanti u tal-installazzjonijiet għall-produzzjoni tal-enerġija mis-sorsi rinnovabbli u l-konnessjoni tagħhom mal-grilja, u l-grilja relatata nnifisha u l-assi tal-ħżin għandhom ikunu preżunti li għandhom interess pubbliku prevalenti u li jservu s-saħħa u s-sikurezza pubblika meta jiġu bilanċjati l-interessi legali fil-każijiet individwali, b’mod partikolari, għall-finijiet tal-Artikoli 6(4) u 16(1)(c) tad-Direttiva 92/43/KEE, l-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60/KE u l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2009/147/KE. Dan japplika biss għal proċeduri ġodda tal-għoti tal-permessi li jibdew matul l-applikazzjoni tar-regolament.

(2)Meta proġett speċifiku jkun implimenta miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa biex jiġu evitati kolliżjonijiet jew jiġi evitat tfixkil, u jekk iwettaq monitoraġġ xieraq biex jivvaluta l-effettività ta’ tali miżuri u, fid-dawl tal-informazzjoni miġbura, jieħu aktar miżuri kif meħtieġ biex jiżgura li ma jkun hemm l-ebda impatt negattiv sinifikanti fuq il-popolazzjoni tal-ispeċijiet ikkonċernati, kwalunkwe qtil jew tfixkil tal-ispeċijiet protetti skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 92/43/KEE u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/147/KE ma għandux jitqies bħala intenzjonat u l-Istati Membri għandhom jiżguraw, għall-inqas għall-proġetti li huma rikonoxxuti bħala ta’ interess pubbliku prevalenti, li fil-proċess tal-ippjanar u tal-għoti tal-permessi, il-kostruzzjoni u t-tħaddim tal-impjanti tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-grilja relatata jingħataw prijorità meta jiġu bbilanċjati l-interessi legali fil-każ individwali. Fir-rigward tal-protezzjoni tal-ispeċijiet, is-sentenza preċedenti għandha tapplika biss jekk u sal-punt li jittieħdu miżuri xierqa ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet li jikkontribwixxu għaż-żamma jew għar-restawr tal-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet għal stat ta’ konservazzjoni favorevoli u jsiru disponibbli biżżejjed riżorsi finanzjarji kif ukoll żoni għal dan l-iskop.

Artikolu 3

Proċess tal-għoti tal-permessi għall-installazzjoni tat-tagħmir tal-enerġija solari

(1)Il-proċess tal-għoti tal-permessi għall-installazzjoni tat-tagħmir tal-enerġija solari u l-assi tal-ħżin tal-enerġija kolokalizzati, inklużi l-installazzjonijiet solari integrati fil-bini, fi strutturi artifiċjali eżistenti jew futuri, għajr fuq l-uċuħ tal-ilma artifiċjali, ma għandux jaqbeż xahar, diment li l-għan primarju ta’ dawn l-istrutturi ma jkunx il-produzzjoni tal-enerġija solari. B’deroga mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/92/UE, u l-Anness II, il-punti 3(a) u (b), li jinqraw waħedhom jew flimkien mal-punt 13(a) tal-Anness II ta’ dik id-Direttiva, tali installazzjonijiet ta’ tagħmir solari għandhom jiġu eżentati mir-rekwiżit, jekk applikabbli, li jkunu soġġetti għal determinazzjoni dwar jekk il-proġett jirrikjedix valutazzjoni tal-impatt ambjentali jew mir-rekwiżit li titwettaq valutazzjoni tal-impatt ambjentali ddedikata.

(2)Għall-installazzjoni ta’ tagħmir tal-enerġija solari ta’ awtokonsumaturi ta’ sorsi rinnovabbli b’kapaċità ta’ 50 kW jew inqas, in-nuqqas ta’ tweġiba mill-awtoritajiet jew mill-entitajiet rilevanti fi żmien xahar wara l-applikazzjoni għandu jwassal biex il-permess jitqies li ngħata.

(3)Id-deċiżjonijiet kollha li jirriżultaw mill-proċessi tal-għoti tal-permessi msemmija hawn fuq għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 4

Repowering tal-impjanti tal-enerġija rinnovabbli

(1)Il-proċess tal-għoti tal-permessi għar-repowering tal-proġetti, inklużi l-permessi relatati mal-aġġornament tal-assi meħtieġa għall-konnessjoni tagħhom mal-grilja fejn ir-repowering jirriżulta f’żieda fil-kapaċità, ma għandux jaqbeż sitt xhur inklużi l-valutazzjonijiet ambjentali fejn meħtieġ mil-leġiżlazzjoni rilevanti.

(2)Meta r-repowering ma jirriżultax f’żieda fil-kapaċità tal-impjant tal-enerġija rinnovabbli lil hinn minn 15 %, u mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li jiġi vvalutat xi impatt ambjentali potenzjali skont it-tielet paragrafu ta’ dan l-Artikolu, il-konnessjonijiet tal-grilja mal-grilja tat-trażmissjoni jew tad-distribuzzjoni għandhom ikunu permessi fi żmien xahar wara l-applikazzjoni lill-entità rilevanti sakemm ma jkunx hemm tħassib ġustifikat dwar is-sikurezza jew inkompatibbiltà teknika tal-komponenti tas-sistema.

(3)Meta r-repowering ta’ impjant tal-enerġija rinnovabbli jew ta’ infrastruttura tal-grilja relatata li tkun meħtieġa biex jiġu integrati s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-sistema tal-elettriku, ikun soġġett għal determinazzjoni dwar jekk il-proġett jirrikjedix proċedura ta’ valutazzjoni tal-impatt ambjentali jew valutazzjoni tal-impatt ambjentali skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/92/UE, tali determinazzjoni minn qabel u/jew valutazzjoni ambjentali għandha tkun limitata għall-impatti potenzjali li jirriżultaw mill-bidla jew mill-estensjoni meta mqabbla mal-proġett oriġinali.

(4)Meta r-repowering tal-installazzjonijiet solari ma jinvolvix l-użu ta’ spazju addizzjonali u jikkonforma mal-miżuri ta’ mitigazzjoni ambjentali applikabbli stabbiliti għall-installazzjoni oriġinali, il-proġett għandu jiġi eżentat mir-rekwiżit, jekk applikabbli, li jiġi soġġett għal determinazzjoni ta’ jekk il-proġett jirrikjedix valutazzjoni tal-impatt ambjentali skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/92/UE.

(5)Id-deċiżjonijiet kollha li jirriżultaw mill-proċessi tal-għoti tal-permessi għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 5

Aċċellerazzjoni tal-varar tal-pompi tas-sħana

(1)Il-proċess tal-għoti tal-permessi għall-installazzjoni tal-pompi tas-sħana ma għandux jaqbeż it-tliet xhur.

(2)Il-konnessjonijiet tal-grilja mal-grilja tat-trażmissjoni jew tad-distribuzzjoni għandhom ikunu permessi wara li ssir notifika lill-entità rilevanti għal:

(a) pompi tas-sħana ta’ kapaċità sa 12 kW; u

(b)pompi tas-sħana installati minn awtokonsumatur tal-enerġija rinnovabbli skont l-Artikolu 2(14) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 ta’ kapaċità sa 50 kW, diment li l-kapaċità tal-installazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli tal-awtokonsumatur tal-enerġija rinnovabbli tammonta għal mill-inqas 60 % tal-kapaċità tal-pompa tas-sħana.

sakemm ma jkunx hemm tħassib ġustifikat dwar is-sikurezza jew inkompatibbiltà teknika tal-komponenti tas-sistema.

(3)Id-deċiżjonijiet kollha li jirriżultaw mill-proċessi tal-għoti tal-permessi għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika għal perjodu ta’ sena mid-dħul fis-seħħ tiegħu.

Artikolu 7

Rieżami

Sa l-aktar tard fl-1 ta’ Lulju 2023, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami ta’ dan ir-Regolament fid-dawl tal-iżvilupp tas-sigurtà tal-provvista u tal-prezzijiet tal-enerġija u l-ħtieġa li jitħaffef aktar il-varar tal-enerġija rinnovabbli. Għandha tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ewlenin ta’ dak ir-rieżami lill-Kunsill. Il-Kummissjoni tista’, abbażi ta’ dak ir-rapport, tipproponi li testendi l-validità ta’ dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Il-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-Istati Membri qed jaħdmu fit-Taskforce għall-Infurzar fis-Suq Uniku (SMET) biex isibu soluzzjonijiet effettivi għal għadd ta’ ostakli identifikati fir-rapport interim RES Simplify: https://data.europa.eu/doi/10.2833/239077
(2)     https://www.eclareon.com/en/projects/res-simplify
(3)    COM(2022) 222 final.
(4)    COM(2022) 553 final.
(5)    COM/2022/221 final
(6)

   Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 2021, Il-Ġermanja vs Il-Polonja, C-848/19 P, ECLI:EU:C:2021:598.