Brussell, 10.11.2022

COM(2022) 576 final

2022/0361(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għall-bastimenti tas-sajd tas-Seychelles għall-ilmijiet ta’ Mayotte


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychell dwar l-aċċess għall-bastimenti tas-sajd tas-Seychelles għall-ilmijiet ta’ Mayotte (“il-Ftehim tal-2015”) 1 ġie ffirmat u beda japplika b’mod proviżorju fl-20 ta’ Mejju 2014 għal tul ta’ sitt snin. Il-Ftehim tal-2015 iġġedded b’mod taċitu fl-20 ta’ Mejju 2020.

Abbażi tad-Direttivi ta’ negozjar rilevanti 2 , il-Kummissjoni wettqet negozjati mal-Gvern tas-Seychelles bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles. Wara dawn in-negozjati, ġie inizjalat ftehim ġdid (“il-Ftehim”) fl-10 ta’ Ġunju 2022.

L-għan ta’ din il-proposta hu li jiġi awtorizzat l-iffirmar tal-Ftehim.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-għan ewlieni tal-Ftehim huwa li jippermetti aktar tisħiħ ta’ sħubija strateġika mas-Seychelles u li jallinja l-kundizzjonijiet tekniċi u finanzjarji tal-Ftehim mal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (SFPA) mas-Seychelles u mal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu ffirmat fl-2020 3 . Il-Ftehim jikkontribwixxi wkoll għal sajd responsabbli fl-ilmijiet tal-UE u għall-iżvilupp ta’ politika tas-sajd f’Mayotte.

Il-Ftehim jipprovdi opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tas-Seychelles fl-ilmijiet tal-Unjoni ta’ Mayotte. Dawn l-opportunitajiet tas-sajd huma bbażati fuq l-aħjar pariri xjentifiċi disponibbli, u jħarsu r-rakkomandazzjonijiet tal-organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd li tiġġestixxi l-istokkijiet tal-ħut migratorji ħafna, u tal-Kummissjoni dwar it-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC), skont kif applikabbli fil-limiti tal-eċċess disponibbli.

Il-Ftehim jipprevedi opportunitajiet tas-sajd għal tmien bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża tas-Seychelles.

Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

In-negozjar ta’ ftehim ġdid jifforma parti mill-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP).

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika hija l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), li jistabbilixxi l-politika komuni tas-sajd, u l-Artikolu 218(5) tat-TFUE dwar l-iffirmar tal-ftehimiet bejn l-UE u pajjiżi terzi u l-possibbiltà li dawn jiġu applikati b’mod provviżorju.

F’konformità mal-Artikolu 218(5) tat-TFUE, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tadotta l-iffirmat tal-Ftehim. L-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistabbilixxi li bl-eċċezzjoni tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, il-Kummissjoni għandha tiżgura r-rappreżentanza esterna tal-UE. Għalhekk, l-uffiċjali maħtura mill-Kummissjoni biss huma kompetenti li jiffirmaw il-ftehim bejn l-UE u pajjiż terz.

Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea.

Proporzjonalità

Il-proposta hija proporzjonata mal-objettiv li jiġi stabbilit qafas ta’ governanza ġuridiku, ambjentali, ekonomiku u soċjali għall-attivitajiet tas-sajd imwettqa mill-bastimenti tas-Seychelles fl-ilmijiet tal-Unjoni, kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Fl-2019, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni ex post tal-Protokoll tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-UE u r-Repubblika tas-Seychelles, u evalwazzjoni ex ante ta’ SFPA u Protokoll 4 futuri possibbli, li tipprovdi wkoll rieżami tat-tħaddim tal-Ftehim.

Il-Ftehim jippermetti r-reċiproċità bejn iż-żewġ partijiet f’termini ta’ aċċess għall-ilmijiet għall-bastimenti tas-sajd tal-istess tip u li għandhom fil-mira l-istess speċijiet. Dan ġie mġedded meta jitqies li l-Protokoll SFPA nnifsu bejn l-UE u s-Seychelles ġie nnegozjat mill-ġdid, filwaqt li nżamm l-istess allinjament bejn iż-żewġ testi fir-rigward tal-kundizzjonijiet tekniċi u finanzjarji.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

L-istudju tal-evalwazzjoni kkonsulta mal-Istati Membri, mar-rappreżentanti tal-industrija, u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili internazzjonali, kif ukoll mal-amministrazzjoni tas-sajd u mas-soċjetà ċivili tas-Seychelles. Dawn il-konsultazzjonijiet wasslu għall-konklużjoni li jkun ta’ benefiċċju għall-Unjoni Ewropea u għar-Repubblika tas-Seychelles li jikkonkludu ftehim ġdid.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-Kummissjoni użat konsulent indipendenti għar-rieżami tal-Ftehim bħala parti mill-evalwazzjoni ex post u ex ante tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-UE u s-Seychelles, f’konformità mal-Artikolu 31(10) tar-Regolament li jistabbilixxi l-politika komuni tas-sajd.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Peress li dan jikkonċerna l-aċċess tal-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tas-Seychelles għall-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-UE, ma hemm l-ebda implikazzjoni finanzjarja bħala nefqa jew introjtu fuq il-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

L-arranġamenti dwar il-monitoraġġ huma previsti fil-Ftehim.

2022/0361 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għall-bastimenti tas-sajd tas-Seychelles għall-ilmijiet ta’ Mayotte

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fl-10 ta’ Frar 2015, il-Kunsill adotta Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/238/UE 5 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għal bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tas-Seychelles għall-ilmijiet u r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar ta’ Mayotte, taħt il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim tal-2015”).

(2)Il-Ftehim tal-2015 stabbilixxa, għal perjodu ta’ sitt snin mill-applikazzjoni proviżorja tiegħu, l-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti tas-Seychelles fiż-żona tas-sajd taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni f’Mayotte. Il-perjodu tal-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim skada fl-20 ta’ Mejju 2020.

(3)Abbażi tal-Artikolu 17 tiegħu, il-Ftehim ġie mġedded b’mod taċitu għal perjodu addizzjonali ta’ sitt snin.

(4)Fl-24 ta’ Ottubru 2019, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati mas-Seychelles sabiex tikkonkludi ftehim ġdid 6 . Dawk in-negozjati ġew konklużi b’suċċess u ftehim ġdid (minn hawn’ il quddiem “il-Ftehim”) ġie inizjalat fl-10 ta’ Ġunju 2022.

(5)L-għan tal-Ftehim il-ġdid huwa li jippermetti aktar tisħiħ ta’ sħubija strateġika mas-Seychelles u li jallinja l-kundizzjonijiet tekniċi u finanzjarji tal-Ftehim mal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli mas-Seychelles u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu ffirmat fl-2020 7 , kif ukoll li jikkontribwixxi għal sajd responsabbli fl-ilmijiet tal-UE u għall-iżvilupp tal-politika tas-sajd f’Mayotte.

(6)Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(7)Sabiex jippermetti, malajr kemm jista’ jkun, il-kontinwazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd mill-bastimenti tar-Repubblika tas-Seychelles, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi applikat b’mod proviżorju mal-iffirmar tiegħu, madankollu mhux qabel l-1 ta’ Jannar 2023, u jenħtieġ li din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ mal-adozzjoni tagħha għal raġunijiet ta’ ġestjoni amministrattiva aħjar tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd.

(8)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 8 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u ta opinjoni fi [tiddaħħal id-data].

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għall-bastimenti tas-sajd tas-Seychelles għall-ilmijiet ta’ Mayotte b’dan qed jiġi approvat f’isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tat-tali Ftehim.

It-test tal-Ftehim li jrid jiġi ffirmat huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jistabbilixxi l-istrument ta’ setgħat sħaħ biex jiġi ffirmat il-Ftehim, soġġett għall-konklużjoni tiegħu, għall-persuna indikata mill-Kummissjoni.

Artikolu 3

Il-Ftehim għandu jiġi applikat b’mod proviżorju f’konformità mal-Artikolu 18 tal-Ftehim, mid-data li jiġi ffirmat iżda mhux qabel l-1 ta’ Jannar 2023, sakemm jidħol fis-seħħ.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum li tiġi adottata.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għall-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tas-Seychelles għall-ilmijiet u riżorsi bijoloġiċi tal-baħar tal-majott, taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Unjoni Ewropea, ĠU L 167, 6.6.2014, p. 4.
(2)    Id-Deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati bejn l-UE u r-Repubblika tas-Seychelles għall-konklużjoni ta’ Ftehim dwar l-aċċess għall-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tas-Seychelles għall-ilmijiet u r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar ta’ Mayotte (u direttivi ta’ negozjar relatati), adottata mill-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur, l-24 ta’ Ottubru 2019, ST-13311-2019-INIT.
(3)    Il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles, ST/5246/2020/INIT, ĠU L 60, 28.2.2020, p. 5–44.
(4)    ISBN: 978-92-76-01966-4 doi: 10.2771/47637.
(5)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/238/UE tal-10 ta’ Frar 2015 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (ĠU L 40, 16.2.2015, p. 1–3).
(6)    Id-Deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati bejn l-UE u r-Repubblika tas-Seychelles għall-konklużjoni ta’ Ftehim dwar l-aċċess għall-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tas-Seychelles għall-ilmijiet u r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar ta’ Mayotte (u direttivi ta’ negozjar relatati), adottata mill-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur, l-24 ta’ Ottubru 2019, ST-13311-2019-INIT.
(7)    Il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles, ST/5246/2020/INIT, ĠU L 60, 28.2.2020, p. 5–44.
(8)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE ( ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39 ).

Brussell, 10.11.2022

COM(2022) 576 final

ANNESS

tad-

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għall-bastimenti tas-sajd tas-Seychelles għall-ilmijiet ta’ Mayotte


ANNESS

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess mill-bastimenti tas-sajd tas-Seychelles għall-ilmijiet ta’ Mayotte

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Unjoni”,

u

R-REPUBBLIKA TAS-SEYCHELLES, minn hawn ’il quddiem imsejħa “is-Seychelles”,

Minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Partijiet”,

IQISU l-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni u s-Seychelles, b’mod partikolari fil-kuntest tal-kooperazzjoni reġjonali fl-Oċean Indjan tal-Lbiċ u x-xewqa reċiproka tagħhom li tissaħħaħ dik ir-relazzjoni,

JINNOTAW li l-Unjoni u s-Seychelles gawdew minn relazzjoni b’saħħitha fis-sajd wara l-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar is-sajd lil hinn mis-Seychelles adottat fl-1987. Dan il-Ftehim ġie msaħħaħ permezz tal-adozzjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Partijiet fl-2006, u aktar tard fl-2020 permezz ta’ Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli ġdid u Protokoll ta’ Implimentazzjoni ġdid,

JIKKUNSIDRAW il-Konvenzjoni tal-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 (UNCLOS) u l-Ftehim tal-1995 dwar il-Konservazzjoni u l-Amministrazzjoni ta’ Ħażniet ta’ Ħut li Jpassi f’Żona Limitata u Ħażniet ta’ Ħut li Jpassi Ħafna,

KONXJI tal-importanza tal-prinċipji stabbiliti mill-Kodiċi ta’ Kondotta għal Sajd Responsabbli adottat fl-1995 waqt il-Konferenza tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) u mill-Ftehim tal-FAO dwar il-Miżuri għall-Istati tal-Port għall-Prevenzjoni, l-Iskoraġġiment u l-Eliminazzjoni ta’ Sajd Illegali, Mhux irrapportat u Mhux irregolat (IUU) u DETERMINATI li jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jimplimentawhom,

DETERMINATI li japplikaw ir-riżoluzzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni dwar it-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC) u organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti oħrajn,

DETERMINATI li jikkooperaw, fl-interess reċiproku tagħhom, sabiex jippromwovu l-introduzzjoni ta’ sajd responsabbli ħalli jkunu żgurati l-konservazzjoni fit-tul u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar,

KONVINTI li tali kooperazzjoni trid tieħu l-forma ta’ inizjattivi u miżuri li, kemm jekk jittieħdu b’mod konġunt kif ukoll b’mod individwali, huma komplementari, u jiżguraw politiki konsistenti u sinerġija ta’ sforzi,

ĦERQANA li jistabbilixxu termini u kondizzjonijiet li jirregolaw l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-Seychelles fl-ilmijiet tal-Unjoni u tas-Seychelles b’appoġġ għall-iżvilupp ta’ sajd sostenibbli u responsabbli f’dawk l-ilmijiet,

ĦERQANA li jappoġġaw il-ġestjoni tas-sajd fil-Mayotte u l-iżvilupp sostenibbli tas-settur tas-sajd lokali,

B’DAN JIFTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan il-Ftehim jistabbilixxi l-prinċipji, ir-regoli u l-proċeduri li jirregolaw:

-    il-kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja, teknika u xjentifika fis-settur tas-sajd bil-ħsieb li jiġi promoss is-sajd sostenibbli fl-ilmijiet tal-Unjoni sabiex jiġu ggarantiti l-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd u jiġi żviluppat is-settur tas-sajd ta’ Mayotte;

-    il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-aċċess minn bastimenti tas-sajd tas-Seychelles għall-ilmijiet tal-Unjoni, kif definit fl-Anness;

-    l-arranġamenti għall-miżuri ta’ ġestjoni, ta’ kontroll u ta’ sorveljanza tal-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni bil-għan li jiġi żgurat li r-regoli u l-kondizzjonijiet ta’ hawn fuq jiġu mħarsa; li l-miżuri għall-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut u l-ġestjoni tal-attivitajiet tas-sajd ikunu effettivi; u li jiġi evitat is-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan il-Ftehim:

(a) “awtoritajiet tas-Seychelles” tfisser il-Ministeru responsabbli għas-sajd;

(b) “bastiment tas-Seychelles” tfisser bastiment tas-sajd irreġistrat fis-Seychelles u li jtajjar il-bandiera tas-Seychelles;

(c) “awtoritajiet tal-Unjoni” tfisser il-Kummissjoni Ewropea;

(d) “ilmijiet tal-Unjoni” huma definiti fil-kuntest ta’ dan il-Ftehim bħala l-ilmijiet ta’ Mayotte taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Unjoni;

(e) “Kumitat Konġunt” tfisser kumitat magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni u tas-Seychelles li l-funzjonijiet tiegħu huma deskritti fl-Artikolu 8 ta’ dan il-Ftehim;

(f) “sajd sostenibbli” tfisser sajd f’konformità mal-objettivi u l-prinċipji mnaqqxa fil-Kodiċi ta’ Kondotta għal Sajd Responsabbli adottat waqt il-Konferenza tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) tal-1995;

(g) “attività tas-sajd” tfisser it-tiftix għall-ħut, il-kalar, it-tkarkir u l-irfigħ tal-irkaptu tas-sajd, it-teħid tal-qabdiet abbord, l-ipproċessar abbord, it-trasferiment, it-tqegħid fil-gaġeġ, is-simna u l-ħatt l-art tal-ħut u tal-prodotti tas-sajd;

(h) “bastiment tas-sajd” tfisser kwalunkwe bastiment mgħammar għall-użu kummerċjali tar-riżorsi ħajjin tal-baħar;

(i) “awtorizzazzjoni tas-sajd” tfisser intitolament validu għall-involviment f’attivitajiet tas-sajd f’konformità mat-termini tal-imsemmija awtorizzazzjoni tas-sajd mogħtija skont dan il-Ftehim;

(j) “bastiment ta’ appoġġ” tfisser kwalunkwe bastiment tas-Seychelles li jipprovdi assistenza lill-bastimenti tas-sajd;

(k) “trażbord” tfisser l-istess ħaġa bħalma tfisser fil-kuntest tal-IOTC.

Artikolu 3

Prinċipji u objettivi

1.Il-Partijiet b’hekk jimpenjaw ruħhom li jippromwovu sajd responsabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni abbażi tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn il-flotot differenti li jkunu qegħdin jistadu f’dawk l-ilmijiet.

2.Il-Partijiet jaqblu li l-bastimenti tas-Seychelles għandhom jistadu biss għall-kwantità żejda tal-qabda permissibbli msemmija fl-Artikolu 62(2) u (3) tal-UNCLOS u stabbilita b’mod ċar u trasparenti abbażi tal-pariri xjentifiċi disponibbli u rilevanti u tal-informazzjoni rilevanti skambjata bejn il-Partijiet li tikkonċerna l-isforz tas-sajd massimu fuq l-istokkijiet rilevanti mill-flotot kollha li jkunu qegħdin joperaw fiż-żona tas-sajd, kif imsemmi fl-Anness.

3.Il-Partijiet għandhom jikkonformaw mal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni adottati mill-organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti għall-ġestjoni tas-sajd u b’mod partikolari mill-IOTC, filwaqt li jqisu kif xieraq il-valutazzjonijiet xjentifiċi reġjonali.

4.Il-Partijiet b’dan jimpenjaw ruħhom li jiżguraw li dan il-Ftehim jiġi implimentat f’konformità mal-prinċipji tal-politiki tas-sajd kemm tal-Unjoni kif ukoll tas-Seychelles, u ta’ trasparenza, governanza ekonomika u soċjali.

5.Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw bejniethom qabel ma jadottaw kwalunkwe deċiżjoni li tista’ taffettwa l-attivitajiet tal-bastimenti tas-Seychelles fil-kuntest ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 4

Kooperazzjoni Statistika u Xjentifika dwar sajd responsabbli

Matul il-perjodu kopert minn dan il-Ftehim, l-Unjoni u s-Seychelles għandhom jikkooperaw sabiex jimmonitorjaw l-evoluzzjoni tar-riżorsi fl-ilmijiet tal-Unjoni u għandhom jappoġġaw il-ħidma ta’ valutazzjoni li ssir mill-IOTC.

Il-Partijiet għandhom ukoll jiskambjaw informazzjoni statistika, bijoloġika, ta’ konservazzjoni u ambjentali rilevanti u għandhom jikkooperaw fil-laqgħat xjentifiċi rilevanti, kif jista’ jkun meħtieġ għall-fini tal-ġestjoni u l-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin.

Abbażi tal-aħjar parir xjentifiku disponibbli pprovdut mill-IOTC, il-Partijiet jistgħu jikkonsultaw ma’ xulxin fi ħdan il-Kumitat Konġunt u, fejn meħtieġ, jaqblu li jieħdu miżuri sabiex jiżguraw il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd.

Artikolu 5

Aċċess mill-bastimenti tas-Seychelles għas-sajd

fl-ilmijiet tal-Unjoni

L-Unjoni b’dan timpenja ruħha li talloka l-opportunitajiet tas-sajd lill-bastimenti tas-Seychelles sabiex jaċċessaw l-ilmijiet tal-Unjoni u sabiex jinvolvu ruħhom f’attivitajiet tas-sajd f’konformità ma’ dan il-Ftehim u mal-Anness tiegħu.

L-Unjoni għandha toħroġ l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd lill-bastimenti tas-Seychelles esklużivament fl-ambitu ta’ dan il-Ftehim.

Is-Seychelles għandhom jiżguraw li l-bastimenti tagħhom jikkonformaw ma’ dan il-Ftehim u mal-leġiżlazzjoni li tirregola s-sajd fl-Unjoni u l-leġiżlazzjoni Franċiża rilevanti.

Il-Partijiet għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni xierqa ta’ dawn il-kondizzjonijiet u arranġamenti permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva xierqa bejn l-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħhom.

Artikolu 6

Awtorizzazzjonijiet tas-sajd

1.Il-bastimenti tas-Seychelles jistgħu jistadu fl-ilmijiet tal-Unjoni biss jekk ikollhom awtorizzazzjoni tas-sajd li tkun inħarġet skont dan il-Ftehim.

2.Il-proċedura sabiex bastiment jikseb awtorizzazzjoni tas-sajd, it-tariffi applikabbli u l-metodu ta’ ħlas li jrid jintuża mis-sidien tal-bastimenti għandhom ikunu dawk stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 7

Kopertura tal-Ispeċi

L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għandhom jiġu pprovduti biss għall-eżerċitar ta’ attivitajiet tas-sajd li għandhom fil-mira speċijiet migratorji ħafna (speċijiet elenkati fl-Anness 1 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il- Liġi tal-Baħar, 1982), bl-esklużjoni tal-familja Alopiidae, il-familja Sphyrnidae u l-ispeċijiet li ġejjin: Cetorhinus maximus, Rhincodon typus, Carcharodon carcharias, Carcharhinus falciformis, Carcharhinus longimanus.

Artikolu 8

Kumitat Konġunt

Għandu jiġi stabbilit Kumitat Konġunt sabiex jimmonitorja l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim u għandu jwettaq il-funzjonijiet li ġejjin:

jimmonitorja t-tħaddim, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim;

jipprovdi l-kooperazzjoni meħtieġa għal kwistjonijiet ta’ interess reċiproku relatati    mas-sajd, inkluża l-analiżi statistika tad-data dwar il-qabdiet;

jaġixxi bħala forum għar-riżoluzzjoni bonarja ta’ kwalunkwe disputa li jirrigwardja l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim;

jivvaluta mill-ġdid, meta meħtieġ, il-livell tal-opportunitajiet tas-sajd, ibbażat fuq parir xjentifiku, u l-livell tat-tariffi tas-sidien tal-bastimenti;

jiddeċiedi, kif meħtieġ, li jirrivedi d-dispożizzjonijiet tekniċi ta’ dan il-Ftehim u l-Anness tiegħu;

iwettaq kwalunkwe funzjoni oħra li l-Partijiet jistgħu jiddeċiedu b’kunsens reċiproku.

Il-Kumitat Konġunt għandu jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu f’konformità mal-objettivi ta’ dan il-Ftehim.

Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ tal-anqas darba fis-sena, sena fl-Unjoni u s-sena ta’ wara fis-Seychelles, u għandu jiġi presedut mill-Parti li tospita l-laqgħa. Għandu jitlaqqa’ f’laqgħa speċjali fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet.

F’każ ta’ urġenza, il-Kumitat Konġunt jista’ jieħu d-deċiżjonijiet abbażi ta’ skambju ta’ ittri.

Artikolu 9

Aġġustament tal-opportunitajiet tas-sajd

Kif previst fl-Artikolu 8 ta’ dan il-Ftehim, il-Kumitat Konġunt jista’ jivvaluta mill-ġdid l-opportunitajiet tas-sajd imsemmija fl-Anness, sa fejn ir-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tal-IOTC jappoġġaw li tali aġġustament jikkontribwixxi għall-ġestjoni sostenibbli tat-tonn u ta’ speċijiet simili għat-tonn fl-Oċean Indjan.

Artikolu 10

Sospensjoni tal-implimentazzjoni tal-Ftehim

L-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim tista’ tiġi sospiża fuq inizjattiva ta’ waħda miż-żewġ Partijiet, fil-każ li:

(a)ċirkostanzi eċċezzjonali, barra fenomeni naturali, jipprevjenu attivitajiet tas-sajd fiż-żoni tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni;

(b)tinqala’ tilwima serja u mhux solvuta bejn il-Partijiet dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u l-Anness tiegħu li ma tistax tinstab soluzzjoni għaliha;

(c)jkun hemm nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti minn dan il-Ftehim u l-Anness tiegħu;

(d)jsir tibdil sinifikanti fil-linji gwida tal-politika ta’ waħda miż-żewġ Partijiet li jaffettwa d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan il-Ftehim;

(e)li jseħħ ksur tal-prinċipji essenzjali u fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem kif stabbilit mill-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Cotonou jew il-ftehim suċċessur tiegħu.

Is-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Ftehim għandha tiġi nnotifikata minn kwalunkwe Parti lill-Parti l-oħra bil-miktub u għandha tibda tliet xhur minn meta tasal tali notifika. Il-wasla ta’ dik in-notifika għandha twassal sabiex jinfetħu konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet fil-Kumitat Konġunt bil-għan li tinstab soluzzjoni bonarja għat-tilwima f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.

Ladarba jintlaħaq tali ftehim, l-applikazzjoni tal-Ftehim għandha terġa’ tibda.

Artikolu 11

Terminazzjoni

6.

Dan il-Ftehim jista’ jiġi tterminat minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet fil-każijiet li ġejjin:

·meta jkun hemm sitwazzjonijiet, minbarra l-fenomeni naturali, li l-Partijiet b’mod raġonevoli ma jkollhomx kontroll fuqhom u li jkunu tali li jipprevjenu s-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni;

·tnaqqis jew degradazzjoni tal-istokkijiet konċernati abbażi tal-aħjar pariri xjentifiċi indipendenti u affidabbli disponibbli approvati miż-żewġ Partijiet;

·tnaqqis sinifikanti fil-livell ta’ sfruttament tal-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti tas-Seychelles;

·ksur serju tal-impenji li jkunu ħadu l-Partijiet fir-rigward tal-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat;

·kwalunkwe ċirkostanza oħra li tkun tikkostitwixxi ksur tal-Ftehim minn waħda mill-Partijiet.

·It-terminazzjoni tal-Ftehim għandha tiġi nnotifikata bil-miktub minn kwalunkwe Parti lill-Parti l-oħra u għandha tibda sitt xhur wara li tasal in-notifika, sakemm il-Partijiet ma jiddeċidux li, b’kunsens reċiproku, jestendu dan il-perjodu. Wara li ssir it-tali notifika ta’ terminazzjoni, il-Partijiet għandhom jibdew konsultazzjonijiet bejniethom permezz tal-Kumitat Konġunt bil-għan li jintlaħaq ftehim bonarju għat-tilwima tagħhom f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.

Artikolu 12

Liġi applikabbli

1.L-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd tas-Seychelles fl-ilmijiet tal-Unjoni huma soġġetti għal-liġijiet u għar-regolamenti tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 2403/2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-flotta tas-sajd esterna, u l-leġiżlazzjoni Franċiża rilevanti, sakemm ma jkunx previst mod ieħor skont dan il-Ftehim u l-Anness tiegħu, f’konformità mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali.

2.L-Unjoni għandha tinnotifika minnufih lis-Seychelles bi kwalunkwe bidla fil-Politika Komuni tas-Sajd u fil-leġiżlazzjonijiet relatati.

 

Artikolu 13

Kunfidenzjalità

1.Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jiżguraw li d-data nominattiva kollha relatata mal-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni skont dan il-Ftehim, inkluża d-data miġbura mill-osservaturi, tiġi pproċessata f’konformità mal-prinċipji ta’ kunfidenzjalità u protezzjoni tad-data skont il-liġi applikabbli tal-Partijiet rispettivi.

2.Il-Partijiet għandhom jiżguraw li d-data aggregata relatata mal-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni biss titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

3.Id-data u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti esklużivament għall-fini tal-implimentazzjoni tal-Ftehim u għall-fini tal-ġestjoni, il-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tas-sajd.

4.Fir-rigward tad-data personali pproċessata mill-Unjoni, din għandha tiġi pproċessata b’mod xieraq sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tagħha, inkluż kontra pproċessar mhux awtorizzat jew illegali, u ma tinżammx lil hinn miż-żmien meħtieġ għall-fini li għalih tkun ġiet skambjata. Jistgħu jiġu stabbiliti salvagwardji u rimedji legali xierqa mill-Kumitat Konġunt f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ data personali.

Artikolu 14

Skambji elettroniċi tad-data

1.Is-Seychelles u l-Unjoni għandhom jimpenjaw ruħhom li jimplimentaw is-sistemi meħtieġa għall-iskambju elettroniku tal-informazzjoni u tad-dokumenti kollha relatati mal-implimentazzjoni tal-Ftehim u l-Anness. Il-forma elettronika ta’ dokument fi kwalunkwe punt għandha titqies ekwivalenti għall-verżjoni oriġinali.

2.Kwlaunkwe Parti għandha tinnotifika minnufih lill-Parti l-oħra bi kwalunkwe tfixkil f’sistema kompjuterizzata li jimpedixxi tali skambji. F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-informazzjoni u d-dokumenti relatati mal-implimentazzjoni tal-Ftehim u tal-Anness għandhom jinbidlu b’mod awtomatiku bil-verżjoni stampata tagħhom bil-mod definit fl-Anness.

Artikolu 15

Rieżami ta’ nofs it-terminu

Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu li jwettqu rieżami ta’ nofs it-terminu sabiex jivvalutaw il-funzjonament tal-Ftehim u l-effettività tiegħu.

Artikolu 16

Obbligi mal-Iskadenza jew mat-Terminazzjoni

Wara l-iskadenza tal-Ftehim jew it-terminazzjoni tiegħu kif previst mill-Artikolu 11, is-sidien tal-bastimenti tas-Seychelles għandhom ikomplu jkunu responsabbli għal kwalunkwe ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim jew għal kwalunkwe liġi tal-Unjoni li tkun seħħet qabel l-iskadenza jew it-terminazzjoni tal-Ftehim, jew għal kwalunkwe tariffa tal-awtorizzazzjoni jew kwalunkwe ħlas pendenti li ma jkunx tħallas meta seħħet l-iskadenza jew it-terminazzjoni.

Artikolu 17

Perjodu ta’ applikazzjoni

Dan il-Ftehim għandu japplika mid-data tal-applikazzjoni provviżorja tiegħu sal-31 ta’ Diċembru 2028, sakemm ma jingħatax avviż ta’ terminazzjoni f’konformità mal-Artikolu 11.

Artikolu 18

Applikazzjoni Provviżorja

Dan il-Ftehim għandu japplika b’mod provviżorju mid-data tal-iffirmar tiegħu mill-Partijiet. Madankollu, l-applikazzjoni provviżorja mhux se tidħol fis-seħħ qabel l-1 ta’ Jannar 2023.

Artikolu 19 

Tħassir

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għall-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tas-Seychelles għall-ilmijiet u għar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar ta’ Mayotte, taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Unjoni Ewropea, li kien soġġett għad-Deċiżjoni tal-Kunsill (2014/331/UE) tal-14 ta’ April 2014, huwa b’dan imħassar.

Artikolu 20 

Dħul fis-seħħ

Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għal dak l-iskop.

Artikolu 21

 
Lingwi

Dan il-Ftehim qiegħed jitfassal f’żewġ kopji bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bil-Kroat, bl-Estonjan, bid-Daniż, bl-Olandiż, bl-Ingliż, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bit-Taljan, bl-Irlandiż, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol u bl-Iżvediż, u kull wieħed minn dawn it-testi huwa awtentiku bl-istess mod.

ANNESS 
Kondizzjonijiet għall-eżerċitar ta’ attivitajiet tas-sajd minn bastimenti tas-Seychelles fl-ilmijiet ta’ Mayotte

Kapitolu I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Obbligi ġenerali

Il-bastimenti tas-Seychelles li għalihom tkun inħarġet awtorizzazzjoni tas-sajd f’konformità ma’ dan il-Ftehim għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) tal-Unjoni fir-rigward tal-miżuri ta’ konservazzjoni u kontroll u dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn li jirregolaw is-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni, u d-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Ftehim.

Żona tas-sajd

(a)L-Unjoni għandha tipprovdi lis-Seychelles bil-koordinati ġeografiċi taż-żona tas-sajd li jistgħu joperaw fiha l-bastimenti tas-Seychelles qabel l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim.

(b)Il-bastimenti tas-Seychelles għandhom ikunu pprojbiti milli jużaw sajd bit-tartarun tal-borża fuq ġlejjeb ta’ tonn u ħut simili għat-tonn f’żoni li jinsabu 24 mil nawtiku mill-kosti tal-gżira ta’ Mayotte, imkejla mil-linji bażi li minnhom jitkejlu l-ilmijiet territorjali. Iż-żona tas-sajd għandha tqis ukoll l-eżistenza ta’ Żona Marina Protetta (MPA) li tkopri ż-Żona Ekonomika Esklużiva (ŻEE) kollha ta’ Mayotte, li l-għan tagħha huwa li tikkontribwixxi għall-bijodiversità tal-baħar ta’ Mayotte u li tappoġġa l-iżvilupp tas-settur tas-sajd lokali, f’konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-ħolqien tal-MPA (Décret 2010-71 du 18 janvier 2010 portant création du parc naturel marin de Mayotte) u l-miżuri ta’ ġestjoni sussegwenti.

(c)Kwalunkwe modifika fiż-żona tas-sajd għandha tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet tas-Seychelles, qabel id-dħul fis-seħħ tagħha.

Kondizzjonijiet tax-Xogħol

L-impjieg tas-sajjieda għandu jkun regolat mid-Dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol tal-1998, (emendata fl-2022), u mill-konvenzjonijiet rilevanti tal-ILO, inklużi l-libertà ta’ assoċjazzjoni u r-rikonoxximent effettiv tad-dritt għal negozjar kollettiv, l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fir-rigward tal-impjiegi u l-okkupazzjoni, l-eliminazzjoni tax-xogħol furzat u tat-tfal, ambjent tax-xogħol sikur u tajjeb għas-saħħa, u kondizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien deċenti abbord bastimenti tas-sajd.

Kapitolu II

Opportunitajiet tas-sajd

L-opportunitajiet tas-sajd mogħtija skont l-Artikolu 5 ta’ dan il-Ftehim għandhom ikunu għal tmien bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża tat-tonn. Il-bastimenti ta’ appoġġ għandhom jiġu awtorizzati soġġetti għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Anness u f’konformità mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kummissjoni dwar it-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC).

Il-bastimenti tas-Seychelles għandhom jinvolvu ruħhom biss f’attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni jekk ikollhom awtorizzazzjoni tas-sajd maħruġa f’konformità mal-Artikolu 6 tal-Ftehim u mal-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Anness.

Kapitolu III

Awtorizzazzjonijiet tas-sajd

Taqsima 1

Applikazzjoni u ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd

Awtorizzazzjoni tas-sajd hija valida għal sena kalendarja waħda mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru. Madankollu, għall-perjodu ta’ awtorizzazzjoni inizjali, id-data tal-bidu għandha tiġi ddefinita sad-data tal-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-Ftehim.

Kondizzjonijiet għall-ksib ta’ awtorizzazzjoni tas-sajd

Sabiex bastiment tas-Seychelles ikun eliġibbli għal awtorizzazzjoni tas-sajd skont dan il-Ftehim, għandu:

·ikun awtorizzat mis-Seychelles sabiex iwettaq attivitajiet tas-sajd skont il-Ftehim;

·ikun fuq il-lista ta’ bastimenti tas-sajd awtorizzati tal-IOTC;

·ma jkunx inkluż f’lista IUU ta’ kwalunkwe Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd;

·ikun ikkonforma mal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-attivitajiet preċedenti tiegħu fiż-ŻEE ta’ Mayotte u jkun ħallas it-tariffa bil-quddiem applikabbli kif previst f’dan l-Anness.

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tas-sajd

Il-bastimenti kollha tas-Seychelles li japplikaw għal awtorizzazzjoni tas-sajd għandhom jiġu rrappreżentati minn aġent residenti fil-Mayotte, jew fin-nuqqas ta’ aġent residenti fil-Mayotte, minn aġent residenti fis-Seychelles. L-isem u l-indirizz ta’ dak l-aġent għandhom jiġu ddikjarati fl-applikazzjoni.

L-awtoritajiet tas-Seychelles għandhom jissottomettu lill-awtoritajiet tal-Unjoni applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tas-sajd għal kull bastiment tas-Seychelles li jitlob li jistad skont dan il-Ftehim tal-anqas 45 jum qabel il-bidu mistenni tal-attivitajiet tas-sajd.

Ma’ kull applikazzjoni għandu jkun hemm l-informazzjoni li ġejja:

evidenza li tħallset it-tariffa bil-quddiem għall-perjodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni tas-sajd;

ritratt riċenti diġitali bil-kulur tal-bastiment, li jkollu riżoluzzjoni xierqa u li jkun juri l-ġenb tal-bastiment fid-dettall, inkluż isem il-bastiment u n-numru ta’ identifikazzjoni tiegħu li jidhru fuq il-buq; kwalunkwe dokument jew ċertifikat ieħor meħtieġ skont ir-regoli speċifiċi applikabbli għat-tip ta’ bastiment ikkonċernat skont dan il-Ftehim.

Il-ħlasijiet kollha relatati ma’ awtorizzazzjonijiet u qabdiet għandhom jitħallsu f’kont tal-bank fl-UE, li d-dettalji tiegħu għandhom jiġu pprovduti mill-Unjoni qabel l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim. Il-kostijiet assoċjati relatati mat-trasferimenti bankarji għandhom jitħallsu mis-sidien tal-bastiment jew l-aġent tagħhom.

It-tariffi għandhom jinkludu l-imposti nazzjonali u lokali kollha ħlief għat-taxxi tal-port u t-tariffi għas-servizzi. Dawn għandhom jinkludu l-kostijiet kollha mhux operazzjonali.

Ħruġ tal-awtorizzazzjoni tas-sajd

L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti tas-Seychelles għandhom jinħarġu lis-sidien tal-bastimenti jew lill-aġent tagħhom fi żmien 30 jum wara li l-Unjoni tkun irċeviet id-dokumenti kollha meħtieġa msemmija fil-punt 3. L-awtoritajiet tal-Unjoni għandhom jadottaw Deċiżjoni bil-lista ta’ bastimenti awtorizzati u għandhom jibagħtu kopja tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd lill-awtoritajiet tas-Seychelles.

Bastiment tas-Seychelles awtorizzat għandu jżomm abbord l-awtorizzazzjoni tas-sajd jew kopja tad-Deċiżjoni msemmija hawn fuq.

Trasferiment tal-awtorizzazzjoni tas-sajd

Awtorizzazzjoni tas-sajd għandha tinħareġ għal bastiment speċifiku tas-Seychelles u ma għandhiex tkun trasferibbli ħlief f’każijiet ta’ force majeure.

Fejn tintwera l-force majeure, awtorizzazzjoni tas-sajd ta’ bastiment tas-Seychelles tista’ tiġi ttrasferita, fuq talba tas-Seychelles għall-bqija tal-perjodu tal-validità tagħha, lejn bastiment eleġibbli ieħor tas-Seychelles b’karatteristiċi simili, bl-ebda tariffa ulterjuri docuta.

L-awtorizzazzjoni tas-sajd il-ġdida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum li fih tinħareġ mill-awtoritajiet tal-Unjoni. L-awtoritajiet tas-Seychelles għandhom jiġu nnotifikati bil-bidla u għandhom jirċievu kopja tal-awtorizzazzjoni l-ġdida.

Taqsima 2

Bastimenti ta’ appoġġ

L-Unjoni għandha tawtorizza lill-bastimenti tas-Seychelles li għandhom awtorizzazzjoni tas-sajd sabiex jiġu megħjuna minn bastimenti ta’ appoġġ. Il-bastimenti ta’ appoġġ għandhom itajru l-bandiera tas-Seychelles u ma għandhomx ikunu mgħammra għall-qbid tal-ħut jew jintużaw għat-trażbordi.

Ir-rekwiżiti ta’ rapportar fir-rigward tal-bastimenti ta’ appoġġ għandhom jirrispettaw l-obbligi rilevanti tal-IOTC u dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali rilevanti oħrajn.

Il-bastimenti ta’ appoġġ li jtajru l-bandiera tas-Seychelles għandhom ikunu suġġetti għall-istess proċeduri ta’ awtorizzazzjoni li jirregolaw il-ksib u t-trażmissjoni tal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni tas-sajd kif deskritt fit-Taqsima 1 ta’ hawn fuq, sa fejn dawn ikunu japplikaw għalihom.

Taqsima 3

Kondizzjonijiet tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd – tariffi u ħlasijiet bil-quddiem

It-tariffi li jridu jitħallsu minn sidien il-bastimenti għandhom jiġu kkalkolati abbażi ta’ EUR 135 għal kull tunnellata ta’ ħut maqbud.

Il-ħlas bil-quddiem annwali li għandu jitħallas mis-sidien tal-bastiment tas-Seychelles fiż-żmien tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għas-sajd li għandha tinħareġ mill-awtoritajiet tal-Unjoni għandu jkun kif ġej:

Bastimenti tas-Sajd bit-Tartarun tal-Borża tat-Tonn

EUR 13 500, għal kull bastiment, li jikkorrispondi għal 100 tunnellata ta’ tonn u ta’ speċijiet simili għat-tonn maqbuda fiż-żona tas-sajd ta’ Mayotte;

Bastimenti ta’ Appoġġ

EUR 5 000, għal kull bastiment.

Dikjarazzjoni annwali tat-tariffi

Id-data dwar il-qabdiet fiż-żona tas-sajd ta’ Mayotte għandha tiġi pprovduta mis-Seychelles lill-UE f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV it-Taqsima 1. Abbażi ta’ din l-informazzjoni, l-awtoritajiet tal-Unjoni għandhom ifasslu dikjarazzjoni tat-tariffi dovuti fir-rigward ta’ sena kalendarja preċedenti.

Id-dikjarazzjoni tat-tariffi għandha tintbagħat lill-awtoritajiet tas-Seychelles qabel it-30 ta’ April tas-sena ta’ wara abbażi tad-dikjarazzjonijiet tal-qbid sottomessi mill-awtoritajiet tas-Seychelles. L-awtoritajiet tas-Seychelles għandhom jittrażmettu d-dikjarazzjoni korrispondenti tat-tariffi lil sid il-bastiment għall-pagamenti sussegwenti tagħhom, li jikkorrispondu għal qabdiet ta’ aktar minn 100 tunnellata għal kull bastiment. Meta d-dikjarazzjoni finali tkun anqas mill-ħlas bil-quddiem imsemmi fil-paragrafu 2, il-bilanċ ma għandux ikun rikuperabbli mis-sidien tal-bastiment.

Meta jkun hemm diskrepanzi bejn is-settijiet ta’ data ppreżentati mill-Unjoni u mis-Seychelles, is-Seychelles għandu jkollhom 60 jum sabiex jikkontestaw id-data riċevuta u sabiex jissottomettu dikjarazzjoni alternattiva tal-qabdiet lill-awtoritajiet tal-Unjoni, akkumpanjata minn dokumenti ta’ sostenn bħal data tal-ġurnal ta’ abbord, rapporti ta’ spezzjonijiet u data xjentifika.

L-Unjoni tista’ tirrapporta kwalunkwe inkonsistenza bejn id-data fil-ġurnal ta’ abbord tas-sajd elettroniku pprovduta mill-ERS, mill-ġurnali ta’ abbord tal-bastimenti u mid-data tal-osservaturi jew informazzjoni oħra. F’dak il-każ, l-awtoritajiet tas-Seychelles għandhom iwettqu investigazzjonijiet u għandhom jaġġornaw id-data kif meħtieġ.

Il-Partijiet għandhom isolvu kwalunkwe nuqqas ta’ qbil fi żmien xahar bl-objettiv li jistabbilixxu d-dikjarazzjoni finali tat-tariffi.

Il-pagamenti mis-sidien tal-bastimenti għandhom isiru kif xieraq fi żmien 30 jum wara li ż-żewġ Partijiet ikunu qablu dwar id-dikjarazzjoni finali tat-tariffi, u għandha tintbagħat prova tal-ħlas lill-awtoritajiet tal-Unjoni mill-awtoritajiet tas-Seychelles.

KAPITOLU IV

Monitoraġġ

Taqsima 1

Rapportar tal-qbid

Il-bastimenti kollha tas-Seychelles awtorizzati sabiex jistadu fl-ilmijiet tal-Unjoni skont il-Ftehim għandhom jikkomunikaw il-qabdiet tagħhom ta’ kuljum lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni bil-mod li ġej, jekk is-Sistema Elettronika ta’ Rapportar (ERS) ma tkunx ġiet implimentata miż-żewġ Partijiet:

il-bastimenti tas-Seychelles li jkunu awtorizzati sabiex jistadu fl-ilmijiet tal-Unjoni għandhom, fuq bażi ta’ kuljum, jimlew formola tad-dikjarazzjoni tal-qabdiet li tkun konformi mar-riżoluzzjonijiet tal-IOTC għal kull kalata ta’ kull vjaġġ tas-sajd li jagħmlu fl-ilmijiet tal-Unjoni. Meta jkunu fl-ilmijiet tal-Unjoni, il-bastimenti tas-Seychelles għandhom jirrapportaw kull tlett ijiem lill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni u tas-Seychelles, b’mezzi elettroniċi, l-informazzjoni meħtieġa fil-format previst fl-Appendiċi 4. Kwalunkwe emenda f’din il-formola għandha tiġi approvata mill-Kumitat Konġunt.

Fin-nuqqas ta’ qabdiet, il-formola tad-dikjarazzjoni tal-qabdiet xorta għandha timtela. Il-formola għandha timtela b’mod li tkun tista’ tinqara u tiġi ffirmata mill-kaptan tal-bastiment jew mir-rappreżentant tiegħu u l-preċiżjoni tad-data rreġistrata u trażmessa fil-formola tad-dikjarazzjoni tal-qabdiet hija r-responsabbiltà tal-kaptan.

Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet relatati mar-rapportar tal-qabdiet, l-Unjoni tista’ tissospendi l-awtorizzazzjoni tas-sajd tal-bastiment tas-Seychelles ikkonċernat sakemm jinkiseb ir-rapport dwar il-qabdiet neqsin u tippenalizza lil sid il-bastiment f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ. Jekk ir-reat jiġi ripetut, l-Unjoni tista’ tirrifjuta li ġġedded l-awtorizzazzjoni tas-sajd. L-Unjoni għandha tgħarraf lill-awtoritajiet tas-Seychelles minnufih bi kwalunkwe sanzjoni li tiġi applikata f’dan il-kuntest.

Qabel jintemm kull trimestru, is-Seychelles għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet tal-Unjoni d-data aggregata għat-trimestri preċedenti tas-sena attwali, filwaqt li jindikaw il-kwantitajiet ta’ qabdiet għal kull bastimenti, għal kull xahar u għal kull speċi. Dik id-data għandha titqies bħala provviżorja.

Ladarba l-ERS tkun operazzjonali għalkollox, l-awtoritajiet tas-Seychelles għandhom jipprovdu d-data meħtieġa bl-użu ta’ mudell fil-format xml, billi jsegwu l-linji gwida pprovduti fl-Appendiċi 3. Sakemm tiġi implimentata l-ERS, għandu jintuża l-format xieraq kif previst fl-Appendiċi 4.

Taqsima 2 
Sistema Elettronika ta’ Rapportar (ERS)

Il-bastimenti tas-Seychelles għandhom jużaw l-ERS għad-dikjarazzjoni tal-qabdiet, ladarba din is-sistema tkun operazzjonali miż-żewġ Partijiet, kif ġej:

il-kaptan ta’ bastiment tas-Seychelles li jkun qiegħed iwettaq attivitajiet tas-sajd skont il-Ftehim għandu jżomm ġurnal ta’ abbord tas-sajd elettroniku integrat fl-ERS;

bastiment tas-Seychelles li ma jkunx mgħammar bl-ERS ma għandux ikun awtorizzat sabiex jidħol fiż-żona tas-sajd ta’ Mayotte sabiex iwettaq attivitajiet tas-sajd fiha.

Il-kaptan huwa responsabbli għall-preċiżjoni tad-data rreġistrata fil-ġurnal ta’ abbord tas-sajd elettroniku. Il-ġurnal ta’ abbord tas-sajd elettroniku għandu jkun konformi mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-IOTC.

Fuq bażi ta’ kuljum, il-kaptan għandu jirreġistra l-piż ħaj stmat ta’ kull speċi maqbuda u miżmuma abbord, jew skartata fil-baħar, għal kull operazzjoni tas-sajd.

Jekk il-bastiment tas-Seychelles ikun preżenti fiż-żona tas-sajd ta’ Mayotte iżda ma jwettaqx sajd, għandha tiġi rreġistrata l-pożizzjoni tal-bastiment f’nofsinhar.

Il-kaptan għandu jiżgura li d-data tal-ġurnal ta’ abbord tas-sajd elettroniku tiġi trażmessa b’mod awtomatiku u fuq bażi ta’ kuljum liċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ tas-Sajd (ĊMS) tas-Seychelles. It-trażmissjonijiet għandhom jinkludu tal-anqas dawn li ġejjin:

in-numri ta’ identifikazzjoni tal-bastiment u l-isem tal-bastiment tas-sajd;

il-kodiċi alfa-3 tal-FAO ta’ kull speċi;

iż-żona ġeografika rilevanti (il-latitudni u l-lonġitudni) li fiha saru l-qabdiet;

id-data u l-ħin tal-qabdiet;

id-data u l-ħin tat-tluq mill-port u tal-wasla fih;

it-tip ta’ rkaptu u, meta jkun japplika, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u d-dimensjonijiet tiegħu;

l-istima tal-kwantitajiet ta’ ħut, inkluż il-kwantitajiet ta’ kull speċi miżmuma abbord, f’kilogrammi ta’ piż ħaj jew, fejn xieraq, in-numru ta’ ħut individwali;

l-istima tal-kwantitajiet ta’ ħut, inkluż il-kwantitajiet ta’ kull speċi skartata, f’kilogrammi ta’ piż ħaj jew, fejn xieraq, in-numru ta’ ħut individwali.

L-awtoritajiet tas-Seychelles għandhom jiżguraw li d-data tasal u tiġi rreġistrata f’bażi tad-data tal-kompjuter li tippermetti li d-data tinħażen b’mod sigur għal tal-anqas 36 xahar.

Is-Seychelles, l-Unjoni u l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkollhom it-tagħmir u s-software meħtieġa tal-IT sabiex jiskambjaw b’mod awtomatiku d-data tal-ERS. Id-data tal-ERS għandha tiġi skambjata permezz ta’ mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni operati mill-Kummissjoni Ewropea għall-iskambju tad-data dwar is-sajd f’forma standardizzata. L-emendi fl-istandards għandhom jiġu implimentati fi żmien sitt xhur.

Iċ-ĊMS tal-Istat Membru li għandu r-responsabbiltà għall-attivitajiet ta’ monitoraġġ previsti f’dan il-Ftehim huwa ċ-ĊMS Franċiż.

Iċ-ĊMS tas-Seychelles għandu jiżgura li l-ġurnali ta’ abbord dwar is-sajd ikunu awtomatikament disponibbli mill-ERS għaċ-ĊMS Franċiż fuq bażi ta’ kuljum għall-perjodu li matulu l-bastiment ikun preżenti fiż-żona tas-sajd, anke fil-każ ta’ qabdiet żero.

Iċ-ĊMS tas-Seychelles għandu jibgħat awtomatikament u mingħajr dewmien il-messaġġi tal-ERS fil-ħin (COE, COX, PNO) li jaslu mingħand il-bastimenti tas-Seychelles liċ-ĊMS Franċiż.

Ir-rapporti ta’ kuljum dwar l-attività tas-sajd (FAR) tal-bastimenti tas-Seychelles għandhom ikunu disponibbli awtomatikament u mingħajr dewmien għaċ-ĊMS tas-Seychelles.

It-trażmissjoni tad-data tal-ERS għandha tuża mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni ġestiti mill-awtoritajiet tal-Unjoni, identifikati bħala DEH (highway għall-iskambju tad-data).

Kemm l-Unjoni kif ukoll is-Seychelles għandhom jaħtru korrispondent wieħed tal-ERS li għandu jaġixxi bħala l-punt ta’ kuntatt. Huma għandhom jikkomunikaw lil xulxin id-dettalji ta’ kuntatt tal-korrispondent rispettiv tagħhom tal-ERS.

L-arranġamenti għar-rapportar dwar il-qabdiet mill-ERS u l-proċeduri fil-każ ta’ ħsara huma stabbiliti fl-Appendiċi 3.

L-awtoritajiet tal-Unjoni għandhom jittrattaw id-data dwar l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti individwali tas-Seychelles b’mod kunfidenzjali u sigur.

F’każ ta’ problemi tekniċi jew ta’ ħsara fl-ERS, id-dikjarazzjonijiet tal-qabdiet għandhom isiru skont it-Taqsima 1 ta’ hawn fuq.

Taqsima 3

Komunikazzjoni dwar il-qbid: dħul fl-ilmijiet tal-Unjoni u ħruġ minnhom

Id-durata ta’ vjaġġ minn bastiment tas-Seychelles għandha tiġi ddefinita kif ġej:

jew il-perjodu li jgħaddi bejn id-dħul fl-ilmijiet tal-Unjoni u l-ħruġ minnhom;

jew il-perjodu li jgħaddi bejn id-dħul fl-ilmijiet tal-Unjoni u d-dħul fil-port ta’ Mayotte.

Il-bastimenti tas-Seychelles għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet tal-Unjoni tal-anqas sitt sigħat qabel l-intenzjoni tagħhom li jidħlu jew li joħorġu mill-ilmijiet tal-Unjoni.

Meta jkunu qegħdin jinnotifikaw id-dħul jew il-ħruġ, il-bastimenti tas-Seychelles għandhom jikkomunikaw ukoll il-pożizzjoni tagħhom (il-latitudni u l-lonġitudni) fil-ħin tal-komunikazzjoni u t-tunnellaġġ u l-ispeċijiet tal-qabdiet miżmuma abbord. Dawn il-komunikazzjonijiet għandhom isiru fil-format stabbilit fl-Appendiċi 4, bil-posta elettronika jew inkella permezz tal-ERS, lid-dettalji ta’ kuntatt ipprovduti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni.

Huwa reat li bastiment tas-Seychelles jinqabad jistad mingħajr ma jkun avża minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni. Tali bastiment tas-Seychelles għandu jkun soġġett għas-sanzjonijiet imsemmijin fil-Kapitolu VIII.

Taqsima 4

Trażbord

It-trażbord fuq il-baħar huwa pprojbit u kwalunkwe persuna li tikser din id-dispożizzjoni għandha tkun soġġetta għall-miżuri ta’ infurzar previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. It-trażbordi jistgħu jsiru biss fil-port ta’ Mayotte.

Fil-każ ta’ trażbord fil-port ta’ Mayotte, sid il-bastiment tas-Seychelles jew l-aġent tiegħu għandu jinnotifika l-informazzjoni li ġejja lill-awtoritajiet kompetenti Franċiżi u, fl-istess ħin, lill-awtorità tal-port ta’ Mayotte, tal-anqas 48 siegħa qabel:

il-port tat-trażbord jew iż-żona fejn se sseħħ l-operazzjoni;

l-isem u s-Sinjal Internazzjonali tas-Sejħa bir-Radju (IRCS) tal-bastiment donatur;

fejn applikabbli, l-isem u l-IRCS tal-bastiment riċeventi jew reefer;

fejn applikabbli, il-faċilitajiet tal-ħżin;

id-data u l-ħin tat-trażbord;

meta jkun possibbli, il-punt tad-destinazzjoni li jmiss;

il-kwantità f’Kg, skont l-ispeċi li għandha tiġi ttrażbordata;

il-preżentazzjoni tal-forma tal-prodotti.

It-trażbord għandu jitqies bħala ħruġ mill-ilmijiet tal-Unjoni kif definit fit-Taqsima 3.1. Il-bastimenti tas-Seychelles għandhom jissottomettu d-dikjarazzjonijiet tal-qabdiet tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni flimkien ma’ kopja lill-awtorità tal-port ta’ Mayotte, mhux aktar tard minn 24 siegħa mit-tlestija tat-trażbord, jew fi kwalunkwe każ qabel ma l-bastiment donatur iħalli l-port, skont liema sseħħ l-ewwel.

Taqsima 5  
Sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti (VMS)

Il-bastimenti tas-Seychelles awtorizzati skont dan il-Ftehim għandhom ikunu mgħammra b’apparat ta’ lokalizzazzjoni tal-bastiment ibbażat fuq is-satellita u/jew apparat ta’ monitoraġġ tal-bastiment f’konformità mal-liġijiet tal-Unjoni u jagħmlu użu mill-VMS f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi 5. Qabel l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim, il-Partijiet jistgħu jaqblu li jittrażmettu d-data tal-VMS permezz ta’ FLUX fil-format UN/CEFACT.

Huwa pprojbit li wieħed iċaqlaq, jiskonnettja, jeqred, jagħmel ħsara, jinterferixxi jew jagħmel l-apparat ta’ lokalizzazzjoni kontinwa inoperattiv billi jintużaw komunikazzjonijiet ibbażati fuq is-satellita u/jew l-apparat ta’ monitoraġġ imqiegħed abbord il-bastimenti tas-Seychelles għal finijiet ta’ trażmissjoni ta’ data jew sabiex id-data trażmessa tiġi mibdula, iddiversifikata jew iffalsifikata b’mod intenzjoni jew irreġistrata minn tali sistema.

Il-bastimenti tas-Seychelles għandhom jikkomunikaw il-pożizzjoni tagħhom b’mod awtomatiku u kontinwu, tal-anqas kull siegħa, liċ-ĊMS tas-Seychelles, f’konformità mal-Appendiċi 5.

Komunikazzjoni sigura tal-messaġġi dwar il-pożizzjoni mis-Seychelles

Iċ-ĊMS tas-Seychelles għandu jibgħat awtomatikament il-messaġġi dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti tas-Seychelles ikkonċernati liċ-ĊMS Franċiż permezz ta’ konnessjoni diretta tal-HTTPS. Iċ-ĊMS Franċiż u ċ-ĊMS tas-Seychelles għandhom jiskambjaw l-indirizzi elettroniċi ta’ kuntatt tagħhom u għandhom jgħarrfu lil xulxin minnufih bi kwalunkwe bidla f’dawn l-indirizzi.

Iċ-ĊMS Franċiż għandu jinforma liċ-ĊMS tas-Seychelles bi kwalunkwe interruzzjoni fil-wasla ta’ messaġġi dwar il-pożizzjoni konsekuttivi minn bastiment tas-Seychelles li jkollu awtorizzazzjoni tas-sajd, jekk il-bastiment ikkonċernat ma jkunx innotifika l-ħruġ tiegħu miż-żona tas-sajd ta’ Mayotte.

Ħsara fis-sistema ta’ komunikazzjoni

Iċ-ĊMS Franċiż għandu jiżgura l-kompatibbiltà tat-tagħmir elettroniku tiegħu maċ-ĊMS tas-Seychelles u għandu jinforma liċ-ĊMS tas-Seychelles minnufih bi kwalunkwe ħsara li tikkonċerna l-bgħit u r-riċeviment ta’ messaġġi dwar il-pożizzjoni bil-għan li tinstab soluzzjoni teknika malajr kemm jista’ jkun.

Jekk in-nuqqas ta’ wasla tad-data tal-VMS għand iċ-ĊMS Franċiż tkun riżultat tal-ħsara fis-sistemi elettroniċi, taħt is-superviżjoni tas-Seychelles, Franza jew tal-Kummissjoni Ewropea, il-Parti kkonċernata għandha tieħu kull azzjoni minnufih sabiex issolvi l-problema malajr. Il-Partijiet l-oħrajn għandhom jiġu nnotifikati malli tissolva l-problema. Id-data li ma tasalx għand Franza għandha tiġi pprovduta lilha malli tissolva l-problema. Sakemm il-problema tiġi riżolta, iċ-ĊMS tas-Seychelles għandu jikkomunika liċ-ĊMS Franċiż kull 24 siegħa, permezz ta’ posta elettronika, messaġġi dwar il-pożizzjoni li jaslu għall-perjodi ta’ preżenza tal-bastimenti tiegħu fl-ilmijiet tal-Unjoni. Il-Kumitat Konġunt għandu jittratta kwalunkwe tilwima li tista’ tirriżulta.

In-nuqqasijiet ta’ komunikazzjoni bejn iċ-ĊMS tas-Seychelles u ċ-ĊMS Franċiż ma għandhomx jaffettwaw l-operat normali tal-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti. B’mod partikolari, bastiment ma għandux jitqies f’infrazzjoni meta jiġi identifikat tali nuqqas.

Il-kaptan ta’ bastiment tas-Seychelles għandu jinżamm responsabbli jekk l-Apparat ta’ Lokalizzazzjoni tal-Bastiment (VTD) tiegħu jinstab li jkun tbagħbas sabiex jitfixkel l-operat tiegħu jew jiġu ffalsifikati messaġġi dwar il-pożizzjoni. Kwalunkwe ksur għandu jkun soġġett għall-penali previsti skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, ta’ Franza u tas-Seychelles.

Reviżjoni tal-frekwenza tal-messaġġi dwar il-pożizzjoni

Abbażi ta’ evidenza dokumentarja li tindika ksur, iċ-ĊMS Franċiż jista’ jitlob liċ-ĊMS tas-Seychelles, b’kopja lill-awtoritajiet tal-Unjoni u tas-Seychelles, sabiex inaqqsu l-intervall għall-bgħit ta’ messaġġi dwar il-pożizzjoni minn bastiment tas-Seychelles għal kull 30 minuta għal perjodu ta’ investigazzjoni stabbilit. Iċ-ĊMS Franċiż għandu jibgħat din l-evidenza dokumentarja liċ-ĊMS tas-Seychelles u lill-awtoritajiet tal-Unjoni u tas-Seychelles. Iċ-ĊMS tas-Seychelles għandu jibgħat minnufih il-messaġġi dwar il-pożizzjoni liċ-ĊMS Franċiż bil-frekwenza l-ġdida.

Fi tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni stabbilit, iċ-ĊMS Franċiż għandu jinforma liċ-ĊMS tas-Seychelles u lill-awtoritajiet tal-Unjoni u tas-Seychelles bi kwalunkwe azzjoni ta’ segwitu meħtieġa.

Kapitolu V

Osservaturi

Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jħarsu l-obbligi tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-IOTC fir-rigward tal-Programm tal-Osservaturi Xjentifiċi u l-liġijiet u r-regolamenti rilevanti tal-Unjoni u tas-Seychelles, inkluż l-iskemi ta’ osservazzjoni elettronika. Madankollu, il-modalitajiet għall-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ osservazzjoni elettronika għandhom iqisu l-implikazzjonijiet prattiċi għall-flotot u ż-żmien meħtieġ għat-tranżizzjoni.

Bastimenti u osservaturi magħżula

Fuq talba tal-awtoritajiet tal-Unjoni, il-bastimenti tas-Seychelles awtorizzati sabiex jistadu fiż-żona tas-sajd ta’ Mayotte, għandhom jimbarkaw osservatur wieħed, fil-kuntest ta’ programm ta’ osservaturi nazzjonali jew reġjonali skont it-termini stabbiliti hawn taħt. L-imbarkazzjoni ta’ osservaturi addizzjonali għandha titqies ukoll soġġetta għal ftehim skont il-każ.

L-awtoritajiet tal-Unjoni għandhom ifasslu lista ta’ bastimenti tas-Seychelles magħżula sabiex jimbarkaw osservatur u lista ta’ osservaturi maħtura, filwaqt li jqisu l-karatteristiċi tal-bastimenti u limitazzjonijiet tal-ispazju possibbli minħabba rekwiżiti tas-sigurtà. Il-lista għandha tinżamm aġġornata u għandha tintbagħat lill-awtoritajiet tas-Seychelles malli tiġi abbozzata u kull darba li tiġi aġġornata.

L-awtoritajiet tal-Unjoni għandhom jikkomunikaw lill-aġent jew lil sid il-bastiment tal-bastiment tas-Seychelles ikkonċernat, l-isem tal-osservatur magħżul mhux aktar tard minn 15-il jum qabel id-data tal-imbarkazzjoni ppjanata tal-osservatur.

Kondizzjonijiet tal-imbarkazzjoni

Il-ħin imqatta’ abbord mill-osservaturi għandu jiġi stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni jew tal-Istat Membru u, bħala regola ġenerali, ma għandux jaqbeż il-ħin meħtieġ sabiex iwettqu d-dmirijiet tagħhom. Fil-kuntest ta’ programm ta’ osservaturi reġjonali, l-osservatur jista’ jibqa’ abbord għal perjodu estiż li jkun intlaħaq qbil dwaru b’mod reċiproku.

L-awtoritajiet tal-Unjoni għandhom jinformaw lis-sidien tal-bastimenti tas-Seychelles jew lill-aġenti tagħhom b’dan meta jinnotifikaw l-isem tal-osservatur magħżul.

Wara n-notifika tal-osservaturi magħżula, għandu jintlaħaq ftehim fuq il-kondizzjonijiet għall-imbarkazzjoni tal-osservaturi bejn sidien il-bastiment u l-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni jew tal-Istat Membru.

Fi żmien ġimagħtejn u malli jingħata avviż ta’ għaxart ijiem minn qabel, is-sidien tal-bastimenti tas-Seychelles ikkonċernati għandhom jgħarrfu f’liema port u f’liema dati beħsiebhom jieħdu l-osservaturi abbord.

Meta l-osservaturi jittellgħu abbord f’port barrani, il-kostijiet tagħhom tal-ivvjaġġar għandhom jitħallsu mis-sid tal-bastiment. Jekk bastiment tas-Seychelles b’osservatur magħżul mill-Unjoni abbord iħalli l-ilmijiet tal-Unjoni, għandhom jittieħdu l-miżuri kollha sabiex jiġi żgurat li l-osservatur jirritorna b’mod sikur lejn l-UE malajr kemm jista’ jkun u bi spejjeż ta’ sid il-bastiment, sakemm l-osservatur ma jkomplix mal-bastiment tas-Seychelles fil-kuntest tad-dmirijiet tiegħu ta’ osservatur permezz ta’ Ftehim jew programm ta’ osservaturi ieħor.

Jekk l-osservatur ma jkunx preżenti fil-ħin u fil-post miftiehem u matul is-sitt sigħat mill-ħin miftiehem, is-sid il-bastiment tas-Seychelles għandu jkun meħlus mill-obbligu li jtella’ l-osservatur abbord.

Is-sidien tal-bastimenti tas-Seychelles għandhom iħallsu l-kostijiet tal-ikel u l-akkomodazzjoni għall-osservaturi bl-istess kondizzjonijiet bħal tal-uffiċjali abbord il-bastiment.

L-osservaturi għandhom jiġu ttrattati bħala uffiċjali.

Il-paga u t-taxxi applikabbli tal-osservaturi għandhom iħallsuhom l-awtoritajiet kompetenti Franċiżi.

Dmirijiet tal-osservatur

L-osservatur għandu josserva u jirreġistra l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti għall-finijiet xjentifiċi, b’mod partikulari:

l-ispeċijiet, il-kwantità, id-daqs u l-kondizzjoni tal-ħut meħud, inklużi l-ispeċijiet fil-mira u l-qabdiet aċċessorji, u l-qabdiet inċidentali ta’ mammiferi tal-baħar, ta’ fkieren u ta’ għasafar tal-baħar;

il-metodu li bih jinqabad il-ħut, u ż-żoni u l-fond fejn dan iseħħ;

il-pożizzjoni tal-bastimenti tas-Seychelles involuti f’operazzjonijiet ta’ sajd u l-irkaptu tas-sajd użat;

id-data dwar il-qabdiet għaż-żona tas-sajd ta’ Mayotte rreġistrata fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd, inkluż il-perċentwal ta’ qabdiet aċċessorji u stima tal-qbid skartat;

fejn rilevanti, l-ipproċessar, it-trażbord, il-ħżin, jew ir-rimi ta’ xi ħut.

L-osservatur għandu jżomm kanal ta’ komunikazzjoni regolari mal-awtoritajiet tal-Unjoni jew tal-Istat Membru, billi jagħmel użu mill-mezzi ta’ komunikazzjoni disponibbli abbord il-bastiment tas-Seychelles.

Barra minn hekk, l-osservatur jista’ jwettaq dmirijiet oħrajn bħal:

iwettaq kampjunar bijoloġiku fil-kuntest ta’ programm xjentifiku;

jimmonitorja l-impatt tal-attivitajiet tas-sajd fuq ir-riżorsi u fuq l-ambjent;

jiġbor informazzjoni meta jiltaqa’ ma’ mammiferi tal-baħar (ritratti, pożizzjoni tal-bastiment, ċensiment tan-numru ta’ individwi, imġiba, eċċ.).

Il-kaptani tal-bastimenti tas-Seychelles għandhom jiżguraw is-sikurezza fiżika u l-benesseri tal-osservaturi waqt li dawn ikunu abbord.

L-osservaturi għandhom jiġu offruti kull faċilità meħtieġa għat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom. Il-kaptani għandhom jagħtuhom aċċess għall-mezzi ta’ komunikazzjoni meħtieġa għar-rilaxx tad-dmirijiet tagħhom, għad-dokumenti dwar l-attivitajiet tas-sajd tal-bastiment, b’mod partikolari l-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd u l-ġurnal tan-navigazzjoni, u għal dawk il-partijiet tal-bastiment meħtieġa sabiex jiffaċilitaw il-prestazzjoni tal-kompiti tagħhom bħala osservaturi.

Obbligi tal-osservatur

Waqt li jkunu abbord, l-osservaturi għandhom:

jieħdu l-passi kollha xierqa sabiex jiżguraw li l-kondizzjonijiet tat-tlugħ abbord u l-preżenza tagħhom fuq il-bastiment tas-Seychelles la tinterrompi u lanqas tfixkel l-operazzjonijiet tas-sajd;

jieħdu ħsieb il-materjal u t-tagħmir li jkun hemm abbord kif xieraq;

jiżguraw il-kunfidenzjalità tad-data u tad-dokumenti kollha dwar il-bastiment tas-Seychelles u l-attivitajiet tiegħu u kwalunkwe informazzjoni miġbura.

Fi tmiem l-imbarkazzjoni u qabel iħalli l-bastiment tas-Seychelles, l-osservatur għandu jfassal rapport tal-attività li għandu jintbagħat lill-awtoritajiet tal-Unjoni flimkien ma’ kopja lill-awtoritajiet tas-Seychelles, fi żmein 15-il jum. Ir-rapport għandu jiġi ffirmat mill-osservatur. Għandha tingħata kopja tar-rapport lill-kaptan meta l-osservatur iħalli l-bastiment tas-Seychelles.

Kapitolu VI

Miżuri tekniċi ta’ konservazzjoni

Il-miżuri tekniċi ta’ konservazzjoni applikabbli għall-bastimenti tas-Seychelles li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd għaż-żona tas-sajd ta’ Mayotte huma deskritti fl-iskeda teknika li tinsab fl-Appendiċi 2.

Il-bastimenti tas-Seychelles għandhom jikkonformaw mar-riżoluzzjonijiet kollha adottati mill-IOTC u mad-dispożizzjonijiet skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni u dik Franċiża sakemm ma jkunx previst mod ieħor mill-Ftehim u f’konformità mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali.

Il-bastimenti tas-Seychelles għandhom iwettqu l-attivitajiet kollha tas-sajd awtorizzati b’mod li ma jfixkilx is-sajd artiġjanali jew ibbażat fuq il-post.

B’applikazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-IOTC, il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw bejniethom sabiex inaqqsu l-qabdiet inċidentali tal-ispeċijiet protetti, b’mod partikolari l-fkieren kollha tal-baħar u l-mammiferi tal-baħar, u l-għasafar tal-baħar u l-ħut tal-qroll. Għal dan il-għan, il-bastimenti tas-Seychelles għandhom jagħmlu ħilithom sabiex japplikaw miżuri tekniċi sabiex itejbu s-selettività tal-irkaptu tas-sajd u sabiex inaqqsu l-qabdiet inċidentali tal-ispeċijiet li ma jkunux fil-mira.

Sabiex inaqqsu l-każijiet ta’ klieb il-baħar, ta’ fkieren tal-baħar jew ta’ kwalunkwe speċi oħra mhux fil-mira li tinqabad fix-xbieki, il-bastimenti tas-Seychelles għandhom jużaw disinji u materjali kontra t-taqbid fi xbieki fil-kostruzzjoni ta’ tagħmir sabiex jinġabar il-ħut (FADs). Barra minn hekk, sabiex jitnaqqas l-impatt tal-FADs fuq l-ekosistema u l-ammont ta’ skart tal-baħar sintetiku, il-bastimenti tas-Seychelles għandhom jużaw materjali naturali jew bijodegradabbli għall-FADs u jirkuprawhom fl-ilmijiet ta’ Mayotte meta jsiru FADs mhux operazzjonali.

Għall-fini tal-ġestjoni ambjentali, is-sidien tal-bastimenti għandhom jikkontribwixxu tariffa ta’ EUR 2,25 għal kull GT għal miżuri li jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-bijodiversità, u għall-osservazzjoni u l-preservazzjoni tal-ekosistemi tal-baħar fl-ilmijiet ta’ Mayotte. Għandu jsir rapportar regolari dwar l-utilizzazzjoni ta’ din il-kontribuzzjoni lill-Kumitat Konġunt.

Kapitolu VII

Kontroll u spezzjoni

Il-kontrolli u l-ispezzjonijiet għandhom isiru f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd.

Spezzjoni fuq il-baħar u fil-port 

L-ispezzjonijiet fl-ilmijiet ta’ Mayotte jew fil-port ta’ Mayotte fuq il-bastimenti tas-Seychelles li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd għandhom isiru minn spetturi mill-Unjoni jew mill-Istati Membri tagħha li huma identifikati b’mod ċar bħala li huma awtorizzati sabiex iwettqu spezzjonijiet tas-sajd.

Il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tas-Seychelles involuti f’attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni għandhom jikkooperaw ma’ kwalunkwe uffiċjal identifikat kif xieraq u awtorizzat li jkun qiegħed iwettaq l-ispezzjoni u l-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd.

Sabiex ikunu ffaċilitati proċeduri sikuri tal-ispezzjoni, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-UE, it-tlugħ abbord għandu jsir b’tali mod li jippermetti lill-pjattaforma ta’ spezzjoni u lill-ispetturi sabiex jiġu identifikati bħala li huma awtorizzati sabiex iwettqu tali kompiti.

L-uffiċjali ta’ spezzjoni awtorizzati għandhom jibqgħu abbord il-bastiment tas-Seychelles biss għall-ħin meħtieġ sabiex iwettqu l-kompiti marbuta mal-ispezzjoni. Għandhom iwettqu l-ispezzjoni b’mod li jnaqqas l-impatt fuq il-bastiment, l-attività tas-sajd u l-merkanzija tiegħu.

L-immaġnijiet (ritratti jew vidjows) li jittieħdu matul l-ispezzjonijiet għandhom ikunu maħsuba biss għall-awtoritajiet responsabbli għall-kontroll u għas-sorveljanza tas-sajd. Dawn ma għandhomx jiġu ppubblikati sakemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprevedix mod ieħor.

Fuq talba tas-Seychelles jew korp magħżul minnhom, l-awtoritajiet tal-Unjoni jew dawk Franċiżi jistgħu jippermettu lill-ispetturi tas-Seychelles sabiex jieħdu sehem fl-ispezzjoni tal-attivitajiet tal-bastimenti tas-Seychelles bħala osservaturi jew sabiex iwettqu spezzjonijiet konġunti, inkluż waqt it-trażbordi. Fl-eżerċitar tad-dmirijiet tagħhom, l-ispetturi li jkunu bagħtu l-Partijiet fuq il-bastimenti għandhom iħarsu d-dispożizzjonijiet dwar it-twettiq tal-ispezzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, f’dik Franċiża u dik tas-Seychelles, rispettivament.

Ladarba tkun lesta l-ispezzjoni u r-rapport ta’ spezzjoni jiġi ffirmat mill-ispettur, ir-rapport għandu jsir disponibbli għall-firma, għall-kummenti u għar-rimarki, jekk ikun hemm, mill-kaptan. Din il-firma ma għandhiex tippreġudika d-drittijiet tal-Partijiet fil-kuntest proċeduri ta’ ksur allegati. Jekk il-kaptan jirrifjuta li jiffirma d-dokument, għandu jispeċifika r-raġunijiet għal dan bil-miktub u l-ispettur għandu jikteb il-kliem “Irrifjuta li jiffirma” fuqu. Qabel iħallu l-bastiment, l-uffiċjal ta’ spezzjoni awtorizzat għandu jagħti kopja tar-rapport ta’ spezzjoni lill-kaptan tal-bastiment tas-Seychelles.

L-awtoritajiet tal-Unjoni jew dawk Franċiżi għandhom jinformaw lill-awtoritajiet tas-Seychelles bl-ispezzjonijiet li jsiru fi żmien 24 siegħa mit-tlestija tagħhom u bi kwalunkwe ksur li jkun instab, u għandhom jibagħtu r-rapport ta’ spezzjoni malajr kemm jista’ jkun. Jekk applikabbli, għandha tintbagħat kopja tal-ksur li jirriżulta lill-awtoritajiet tas-Seychelles fi żmien massimu ta’ sebat ijiem minn meta jasal l-uffiċjal ta’ spezzjoni awtorizzat fil-port.

Meta ma jitħarsux id-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu, l-awtoritajiet tal-Unjoni jirriżervaw id-dritt li jissospendu l-awtorizzazzjoni tas-sajd tal-bastiment tas-Seychelles li jkun qiegħed iwettaq il-ksur sakemm jitlestew il-formalitajiet u li japplikaw il-piena stabbilita fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u dik Franċiża. L-awtoritajiet tas-Seychelles għandhom jiġu informati b’dan.

Monitoraġġ parteċipattiv fil-ġlieda kontra s-sajd IUU

Sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra s-sajd IUU, il-kaptani tal-bastimenti tas-Seychelles għandhom jirrapportaw il-preżenza ta’ kwalunkwe bastiment fl-ilmijiet ta’ Mayotte involut f’attivitajiet suspettużi li jistgħu jikkostitwixxu sajd IUU, billi jipprovdu kemm jista’ jkun informazzjoni dwar dak li ġie osservat. Ir-rapporti ta’ osservazzjoni għandhom jintbagħtu mingħajr dewmien lill-awtoritajiet tal-Unjoni.

L-awtoritajiet tal-Unjoni jew dawk Franċiżi għandhom jibagħtu lill-awtoritajiet tas-Seychelles kwalunkwe rapport ta’ osservazzjoni li jkollhom fuq bastimenti tas-Seychelles involuti f’attivitajiet li jistgħu jikkostitwixxu sajd IUU fl-ilmijiet ta’ Mayotte.

Kapitolu VIII

Infurzar

Sanzjonijiet

In-nuqqas milli tiġi osservata xi waħda mid-dispożizzjonijiet tal-kapitoli ta’ hawn fuq, in-nuqqas milli jiġu osservati l-miżuri ta’ ġestjoni u konservazzjoni ta’ riżorsi ħajjin tal-baħar, jew in-nuqqas milli tiġi osservata l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u dik Franċiża, il-bastimenti tas-Seychelles għandhom ikunu soġġetti għall-penali u għas-sanzjonijiet previsti f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u dik Franċiża.

L-awtoritajiet tas-Seychelles għandhom jiġu informati b’mod immedjat u sħiħ bi kwalunkwe sanzjoni u bil-fatti kollha rilevanti relatati ma’ dan.

Meta sanzjoni tieħu l-forma ta’ sospensjoni jew revoka ta’ awtorizzazzjoni tas-sajd, waqt il-perjodu li jkun jifdal tal-validità ta’ awtorizzazzjoni tas-sajd li tkun ġiet sospiża jew revokata, is-Seychelles jistgħu jitolbu awtorizzazzjoni tas-sajd oħra li kienet tkun applikabbli għal bastiment tas-Seychelles minn sid ta’ bastiment ieħor.

Arrest u detenzjoni tal-bastimenti tas-sajd

L-awtoritajiet tal-Unjoni għandhom jinformaw minnufih lill-awtoritajiet tas-Seychelles bl-arrest jew bid-detenzjoni ta’ kwalunkwe bastiment tas-Seychelles li jopera skont dan il-Ftehim u għandhom jibagħtu kopja tar-rapport ta’ spezzjoni, b’dettalji dwar iċ-ċirkostanzi u r-raġunijiet li wasslu għall-arrest jew għad-detenzjoni fi żmien 48 siegħa.

Proċedura għall-iskambju tal-informazzjoni fil-każ ta’ arrest jew ta’ detenzjoni

Filwaqt li jiġu rrispettati d-dati ta’ skadenza u l-proċeduri tal-proċedimenti legali kif previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u dik Franċiża dwar l-arrest jew id-detenzjoni, għandha ssir laqgħa ta’ konsultazzjoni, hekk kif tasal l-informazzjoni msemmija hawn fuq, bejn l-awtoritajiet tal-Unjoni u dawk tas-Seychelles.

Fil-laqgħa, il-Partijiet għandhom jiskambjaw bejniethom kwalunkwe dokumentazzjoni jew informazzjoni rilevanti li tgħin sabiex jiġu ċċarati ċ-ċirkostanzi tal-fatti stabbiliti. Is-sid tal-bastiment jew l-aġent tiegħu għandu jiġi informat bl-eżitu tal-laqgħa u bi kwalunkwe miżura li tirriżulta mill-arrest jew mid-detenzjoni.

Soluzzjoni għall-arrest jew għad-detenzjoni

Għandu jsir tentattiv sabiex l-allegat ksur jissolva b’mod amikevoli. Din il-proċedura għandha titlesta sa mhux aktar tard minn tlett ijiem ta’ xogħol wara l-arrest u/jew id-detenzjoni, f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u dik Franċiża.

F’każ ta’ ftehim bonarju, il-ftehim għandu jiġi ddeterminat f’konformità mal-proċeduri previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u dik Franċiża. Jekk tali ftehim bonarju ma jkunx possibbli, għandu jibda l-proċediment legali.

Il-bastiment tas-Seychelles għandu jiġi rrilaxxat u l-kaptan tiegħu jinħeles ladarba jkunu ġew issodisfati l-obbligi li jirriżultaw mill-ftehim bonarju jew ikunu tlestew il-proċedimenti legali.

L-awtoritajiet tas-Seychelles għandhom jinżammu informati b’kull proċediment mibdi u dwar il-pieni imposti.

Appendiċi

1.Lista ta’ informazzjoni meħtieġa meta ssir applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tas-sajd

2.Folja teknika għall-bastimenti tas-Seychelles li jwettqu attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet ta’ Mayotte

3.Implimentazzjoni tas-sistema elettronika għar-reġistrazzjoni u r-rapportar tal-attivitajiet tas-sajd (ERS)

4.Rapporti tal-Format ta’ Komunikazzjoni

5.Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti (VMS)

Appendiċi 1

Lista ta’ informazzjoni meħtieġa meta ssir applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tas-sajd

I - APPLIKANT

Isem l-Applikant:

Isem is-sid:

Indirizz tas-sid:

Isem l-Organizzazzjoni tal-Produtturi (PO)

Isem u indirizz tal-aġent tas-sidien tal-bastimenti:

Numru tat-telefon tal-aġent tas-sidien tal-bastimenti:

 Indirizz elettroniku tal-aġent tas-sid tal-bastiment:

Isem tal-Kaptan:

Nazzjonalità tal-Kaptan:

Indirizz elettroniku tal-Kaptan:

II - DETTALJI TA’ IDENTIFIKAZZJONI TAL-BASTIMENT

1.    Isem il-Bastiment:

2.    Stat tal-Bandiera:

Port ta’ reġistrazzjoni:

   IRCS:

MMSI:

Nru tal-IMO:

Nru tal-IOTC:

3.    Data tar-Reġistrazzjoni tal-bandiera attwali (JJ/XX/SSSS):

Bandiera Preċedenti (jekk applikabbli):

4.    Post tal-kostruzzjoni:

Data tal-kostruzzjoni (JJ/XX/SSSS):

5.    Frekwenza tas-Sejħa bir-Radju (HF, VHF)

Nru tat-Telefown bis-Satellita tal-Bastiment:

III - DETTALJI TEKNIĊI TAL-BASTIMENT

1.    LOA (metri): ....................................

       GT: …………………….……….……

   2.    Materjal tal-buq    Azzar    Injam    Poliester    Oħrajn

3.    Tip ta’ Magna

   Saħħa tal-Magna (f’kW):

   Manifattur tal-Magna:

4.    In-numru massimu ta’ Membri tal-Ekwipaġġ:

5.    Metodu ta’ konservazzjoni abbord:    Silġ    Refriġerazzjoni        Imħallat        Fil-friża

6.    Kapaċità tal-ipproċessar kuljum (24 siegħa) f’Tunnellati:

Numru ta’ Stivi tal-Ħut:

Kapaċità Totali tal-Istivi tal-Ħut (m3):

7.    Tip ta’ Bastiment: Bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża Bastiment ta’ Appoġġ (*)

8.    Manifattur tal-VMS:

   Mudell tal-VMS:

   Nru tas-Serje tal-VMS:

   Verżjoni tas-Software tal-VMS:

   Operatur tas-Satellita tal-VMS (MCSP):

IV - ATTIVITÀ TAS-SAJD

1.    Irkaptu tas-sajd awtorizzat:

2.    Speċijiet fil-mira: ______________________________________________________________________________________

3.    Perjodu ta’ awtorizzazzjoni tas-sajd mitlub minn/sa (JJ/XX/SSSS):

   Data:

   Isem/Firma tal-applikant:                    



Appendiċi 2

Folja teknika għall-bastimenti tas-Seychelles li jwettqu attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet ta’ Mayotte

Żona tas-sajd:

Lil hinn minn 24 mil nawtiku mil-linja bażi

Kategoriji awtorizzati:

Bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża tat-tonn: 8

Bastimenti ta’ appoġġ: f’konformità mar-rekwiżiti tal-IOTC

Tariffi u tunnellaġġ:

Prezz għal kull tunnellata

EUR 135

Tariffa annwali bil-quddiem

EUR 13 500, li jikkorrispondu għal 100 tunnellata

Tariffa għal kull tunnellata addizzjonali maqbuda

EUR 135

Tariffa għall-awtorizzazzjoni tal-bastimenti ta’ appoġġ

EUR 5 000 għal kull bastiment fis-sena

Ġestjoni ambjentali u osservazzjoni tal-kontribut għall-ekosistemi tal-baħar

EUR 2,25 għal kull GT fis-sena

Appendiċi 3

Implimentazzjoni tas-sistema elettronika għar-reġistrazzjoni u r-rapportar tal-attivitajiet tas-sajd (ERS) 

Dispożizzjonijiet ġenerali

Il-bastimenti kollha tas-Seychelles iridu jkunu mgħammra b’sistema elettronika, minn hawn ’il quddiem imsejħa “sistema tal-ERS”, li tkun kapaċi tirreġistra u tittrażmetti data relatata mal-attività tas-sajd tal-bastiment, minn hawn ’il quddiem imsejħa “data tal-ERS”, fejn il-bastiment jopera fiż-żona tas-sajd kif imsemmi fil-Kapitolu I, il-punt 2 tal-Anness.

Bastiment tas-Seychelles li ma huwiex mgħammar b’sistema tal-ERS, jew jekk is-sistema tal-ERS installata abbord ma tkunx qiegħda taħdem, ma għandux jitħalla jidħol fiż-żona tas-sajd tal-Unjoni sabiex iwettaq attivitajiet tas-sajd.

Id-data tal-ERS għandha tintbagħat f’konformità mal-linji gwida attwali liċ-ĊMS tas-Seychelles, li għandu jiżgura t-trażmissjoni awtomatika liċ-ĊMS Franċiż.

Komunikazzjonijiet tal-ERS

L-awtoritajiet tal-Unjoni u tas-Seychelles għandhom jaħtru korrispondent tal-ERS li se jaġixxi bħala punt ta’ kuntatt għal kwistjonijiet li jikkonċernaw l-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. L-awtoritajiet tal-Unjoni u dawk tas-Seychelles għandhom jinnotifikaw lil xulxin bid-dettalji ta’ kuntatt tal-korrispondenti tal-ERS tagħhom u, fejn xieraq, għandhom jaġġornaw dik l-informazzjoni mingħajr dewmien.

Id-data tal-ERS għandha tintbagħat mill-bastimenti tas-Seychelles lis-Seychelles, li għandha tagħmilha awtomatikament disponibbli għall-Unjoni.

Id-data għandha tkun fil-format UN/CEFACT u għandha tiġi trażmessa permezz tal-Lingwa tas-Sajd għall-Iskambju Universali (FLUX).

Madankollu, il-Partijiet jistgħu jaqblu fuq perjodu ta’ tranżizzjoni li matulu d-data għandha tiġi trażmessa permezz tal-Highway għall-Iskambju tad-Data (DEH) fil-format EU-ERS (v 3.1).

Iċ-ĊMS tas-Seychelles għandu jibgħat il-messaġġi istantanji mill-bastiment tas-Seychelles (COE, COX, PNO) awtomatikament u mingħajr dewmien liċ-ĊMS Franċiż.

Tipi oħrajn ta’ messaġġi wkoll għandhom jintbagħtu awtomatikament darba kuljum mid-data effettiva tal-użu tal-format UN/CEFACT jew, sadanittant, għandhom isiru disponibbli mingħajr dewmien għaċ-ĊMS Franċiż fuq talba u wkoll għaċ-ĊMS tas-Seychelles.

Mill-implimentazzjoni effettiva tal-format il-ġdid, l-aħħar modalità ta’ għoti għandha tikkonċerna biss talbiet speċifiċi għal data storika.

Iċ-ĊMS Franċiż għandu jikkonferma li rċieva d-data tal-ERS istantanja mibgħuta lilu, permezz ta’ messaġġ ta’ ritorn li fih jirrikonoxxi l-wasla u jikkonferma l-validità tal-messaġġ li jkun irċieva. Ma għandu jiġi pprovdut l-ebda rikonoxximent għad-data li tirċievi l-Unjoni b’rispons għat-talba tiegħu. L-Unjoni għandha tittratta d-data kollha tal-ERS b’mod kunfidenzjali.

Ħsara fis-sistema ta’ trażmissjoni elettronika

Iċ-ĊMS tas-Seychelles u dak Franċiż għandhom jinformaw lil xulxin mingħajr dewmien bi kwalunkwe avveniment li x’aktarx jaffettwa t-trażmissjoni tad-data tal-ERS ta’ bastiment wieħed jew aktar tas-Seychelles u għandhom jinformaw lill-awtoritajiet tal-UE kif xieraq.

Jekk iċ-ĊMS Franċiż ma jirċevix id-data li għandha tiġi trażmessa minn bastiment tas-Seychelles waqt li jkun fl-ilmijiet ta’ Mayotte, għandu jinnotifika dan liċ-ĊMS tas-Seychelles mingħajr dewmien. Iċ-ĊMS tas-Seychelles għandu jinvestiga fil-pront ir-raġunijiet għal dan in-nuqqas ta’ wasla tad-data tal-ERS u għandu jinforma liċ-ĊMS Franċiż bl-eżitu ta’ dawk l-investigazzjonijiet.

Meta jkun hemm nuqqas fit-trażmissjoni bejn il-bastiment tas-Seychelles u ċ-ĊMS tas-Seychelles, iċ-ĊMS tas-Seychelles għandu jinnotifika dan mingħajr dewmien lill-kaptan jew lill-operatur tal-bastiment tas-Seychelles. Malli jirċievi din in-notifika, il-kaptan tal-bastiment tas-Seychelles għandu jibgħat id-data li tkun nieqsa lill-awtoritajiet kompetenti tas-Seychelles bi kwalunkwe mezz ta’ telekomunikazzjoni xieraq kuljum, mhux aktar tard minn 23.59.

F’każ ta’ ħsara fis-sistema ta’ trażmissjoni elettronika installata abbord il-bastiment tas-Seychelles, il-kaptan jew l-operatur tal-bastiment għandu jiżgura li l-ERS tissewwa jew tinbidel fi żmien 10 ijiem minn meta tiġi identifikata l-ħsara. Ladarba tkun għaddiet dik l-iskadenza, il-bastiment tas-Seychelles ma għandux jibqa’ awtorizzat għas-sajd fiż-żona tas-sajd ta’ Mayotte u għandu jħalli l-port ta’ Mayotte jew jidħol fih fi żmien 24 siegħa. Il-bastiment tas-Seychelles ma għandux ikun awtorizzat jirritorna lejn iż-żona tas-sajd ta’ Mayotte sakemm iċ-ĊMS tas-Seychelles ikun stabbilixxa li s-sistema tal-ERS terġa’ tiffunzjona b’mod korrett.

(a)Jekk l-awtoritajiet ta’ Franza ma jkunux irċevew id-data tal-ERS minħabba ħsara fis-sistemi elettroniċi li jkunu taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet ta’ Franza jew tas-Seychelles, il-Parti kkonċernata għandha tieħu azzjoni mill-ewwel biex issolvi l-ħsara mill-aktar fis possibbli. Il-Parti l-oħra għandha tiġi nnotifikata malli tissolva l-problema.

(b)Kull 24 siegħa, iċ-ĊMS tas-Seychelles għandu jibgħat id-data kollha tal-ERS li huwa jkun irċieva mill-aħħar trażmissjoni liċ-ĊMS ta’ Franza b’kull mezz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli. L-istess proċedura tista’ tiġi applikata fuq talba taċ-ĊMS Franċiż f’każ ta’ operazzjonijiet ta’ manutenzjoni li jdumu aktar minn 24 siegħa u li jaffettwaw is-sistemi taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet tas-Seychelles. F’każ bħal dan, il-bastimenti tas-Seychelles ma għandhomx jitqiesu li qegħdin jiksru l-obbligu tagħhom li jibagħtu d-data tal-ERS tagħhom. Iċ-ĊMS tas-Seychelles għandu jiżgura li d-data nieqsa tiddaħħal fil-bażi tad-data elettronika li jżomm, imsemmija fil-Kapitolu IV, it-Taqsima 2 (6).

Mezzi alternattivi ta’ komunikazzjoni

L-indirizzi elettroniċi taċ-ĊMS Franċiż ( cnsp-france@developpement-durable.gouv.fr u appd.dpma@agriculture.gouv.fr) għandhom jintużaw fil-każ ta’ nuqqas fil-komunikazzjoni tal-ERS/VMS u:

- għan-notifiki tad-dħul u tal-ħruġ u għan-notifiki dwar il-qabdiet li jkun hemm abbord fil-mument tad-dħul u tal-ħruġ;

- għan-notifiki ta’ trasbord u qabdiet trasbordati u li jibqgħu abbord;

- għas-sostituzzjoni, temporanja, tal-komunikazzjonijiet tal-ERS u tal-VMS f’każ ta’ falliment.

Appendiċi 4

Rapporti tal-Format ta’ Komunikazzjoni

Rapport tad-Dħul (COE) 1  

Kontenut

Trażmissjoni

Destinazzjoni

FRA

Kodiċi ta’ Azzjoni

COE

Isem il-Bastiment

IRCS

Pożizzjoni tad-dħul

LT/LG

Data u Ħin (UTC) tad-dħul

JJ/XX/SSSS – SS:MM

Kwantità (Mt) ta’ ħut abbord għal kull speċi:

Tonn isfar (YFT)

(Mt)

Tonn obeż (BET)

(Mt)

Plamtu (SKJ)

(Mt)

Oħrajn (Speċifika)

(Mt)

Rapport tal-ħruġ (COX) 2

Kontenut

Trażmissjoni

Destinazzjoni

FRA

Kodiċi ta’ Azzjoni

COX

Isem il-Bastiment

IRCS

Pożizzjoni tal-ħruġ

LT/LG

Data u Ħin (UTC) tal-ħruġ

JJ/XX/SSSS – SS:MM

Kwantità (Mt) ta’ ħut abbord għal kull speċi:

Tonn isfar (YFT)

(Mt)

Tonn obeż (BET)

(Mt)

Plamtu (SKJ)

(Mt)

Oħrajn (Speċifika)

(Mt)

Notifika Minn Qabel (PNO) 3

Kontenut

Trażmissjoni

Destinazzjoni

FRA

Kodiċi ta’ Azzjoni

PNO

Isem il-Bastiment

IRCS

Kodiċi tal-port

Data u Ħin (UTC) tal-wasla maħsuba

JJ/XX/SSSS – SS:MM

Kwantità (Mt) ta’ ħut abbord għal kull speċi:

Tonn isfar (YFT)

(Mt)

Tonn obeż (BET)

(Mt)

Plamtu (SKJ)

(Mt)

Oħrajn (Speċifika)

(Mt)

Rapport ta’ Kuljum dwar l-Attività tas-Sajd (FAR) ladarba l-bastiment ikun fiż-Żona tas-Sajd tal-Unjoni 4

Kontenut

Trażmissjoni

Destinazzjoni

FRA

Kodiċi ta’ Azzjoni

FAR

Isem il-Bastiment

IRCS

Data u Ħin (UTC) tar-rapport

JJ/XX/SSSS – SS:MM

Kwantità (Mt) ta’ ħut abbord għal kull speċi:

Tonn isfar (YFT)

(Mt)

Tonn obeż (BET)

(Mt)

Plamtu (SKJ)

(Mt)

Oħrajn (Speċifika)

(Mt)

Numru ta’ kalati li ntefgħu mill-aħħar rapport

Ir-rapporti kollha għandhom jintbagħtu lill-awtorità kompetenti permezz tal-indirizzi elettroniċi li ġejjin:     cnsp-france@developpement-durable.gouv.fr

   appd.dpma@agriculture.gouv.fr



Appendiċi 5

Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti (VMS)

Messaġġi dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti

L-ewwel pożizzjoni tal-bastiment tas-Seychelles irreġistrata wara d-dħul fiż-żona tas-sajd ta’ Mayotte għandha tiġi identifikata bil-kodiċi “ENT”. Il-pożizzjonijiet kollha ta’ wara għandhom jiġu identifikati bil-kodiċi “POS”, ħlief għall-ewwel pożizzjoni rreġistrata wara l-ħruġ miż-żona tas-sajd ta’ Mayotte, li għandha tiġi identifikata bil-kodiċi “EXI”.

Iċ-ĊMS tas-Seychelles għandu jiżgura l-ipproċessar awtomatiku u, jekk ikun meħtieġ, it-trażmissjoni elettronika tal-messaġġi dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti tas-Seychelles. Il-messaġġi dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti tas-Seychelles għandhom jiġu rreġistrati b’mod sigur u għandhom jinżammu għal perjodu ta’ tliet snin miċ-ĊMS tas-Seychelles.

Trażmissjoni mill-bastiment tas-sajd tas-Seychelles fil-każ ta’ waqfien minħabba ħsara fl-Apparat ta’ Lokalizzazzjoni tal-Bastiment (VTD)

 

Il-kaptan tal-bastiment tas-Seychelles għandu jiżġura l-ħin kollu li l-VTD tal-bastiment tiegħu tkun qiegħda taħdem bis-sħiħ u li l-messaġġi dwar il-pożizzjoni jintbagħtu b’mod korrett liċ-ĊMS tas-Seychelles.

F’każ ta’ ħsara, il-VTD tal-bastiment tas-Seychelles għandu jissewwa jew jinbidel fi żmien 30 jum. Jekk il-VTD ma jkunx issewwa jew ma jkunx inbidel fi żmien 30 jum, il-bastiment tas-Seychelles ma għandux jibqa’ awtorizzat għas-sajd fiż-żona tas-sajd ta’ Mayotte.

Il-bastimenti tas-Seychelles li jistadu fiż-żona tas-sajd ta’ Mayotte b’VTD difettuża għandhom jikkomunikaw il-messaġġi dwar il-pożizzjoni tagħhom b’mezzi elettroniċi liċ-ĊMS tas-Seychelles tal-anqas kull erba’ sigħat, billi jipprovdu l-informazzjoni obbligatorja kollha, inklużi l-pożizzjonijiet kull siegħa.

Bgħit ta’ messaġġi tal-VMS lill-Unjoni

Il-kodiċi “ER” segwit minn linja mmejla doppja (//) jindika tmiem il-messaġġ.

Data

Kodiċi

Obbligatorju/

fakultattiv

Kontenut

Bidu tar-reġistrazzjoni

SR

M

Dettall tas-sistema li jindika l-bidu tar-reġistrazzjoni

Destinatarju

AD

M

Dettall dwar il-messaġġ – Kodiċi tal-pajjiż Alfa-3 tad-Destinatarju (ISO-3166)

Minn

FR

M

Dettall dwar il-messaġġ – Kodiċi tal-pajjiż Alfa-3 tal-Emittent (ISO-3166)

Stat tal-Bandiera

FS

M

Dettall dwar il-messaġġ – Kodiċi Alfa-3 tal-Istat tal-Bandiera (ISO-3166)

Tip ta’ messaġġ

TM

M

Dettall dwar il-messaġġ – Tip ta’ messaġġ (ENT, POS, EXI,

MAN)

Sinjal tas-sejħa bir-radju (IRCS)

RC

M

Dettall dwar il-bastiment – Sinjal ta’ sejħa bir-radju internazzjonali tal-bastiment (IRCS)

Numru ta’ referenza intern tal-Parti kontraenti

IR

M

Dettall dwar il-bastiment – Numru uniku tal-Parti Kontraenti, bħala kodiċi Alfa-3 (ISO-3166) segwit minn numru

Numru

ta’ reġistrazzjoni

esterna

XR

M

Dettall dwar il-bastiment – Numru fuq il-ġenb tal-bastiment (ISO 8859.1)

Latitudni

LT

M

Dettall dwar il-pożizzjoni tal-bastiment – Pożizzjoni fi gradi u fi gradi deċimali N/S DD.ddd (WGS84)

Lonġitudni

LG

M

Dettall dwar il-pożizzjoni tal-bastiment – Pożizzjoni fi gradi u fi gradi deċimali E/W DD.ddd (WGS84)

Rotta

CO

M

Rotta tal-bastiment fuq skala ta’ 360°

Veloċità

SP

M

Veloċità tal-bastiment f’wieħed minn kull għaxar mili nawtiċi

Data

DA

M

Dettall tal-pożizzjoni tal-bastiment – Data tar-reġistrazzjoni tal-pożizzjoni UTC (SSSSXXJJ)

Ħin

TI

M

Dettall tal-pożizzjoni tal-bastiment – Ħin tar-reġistrazzjoni tal-pożizzjoni UTC (SSMM)

Tmiem ir-reġistrazzjoni

ER

M

Dettall tas-sistema li jindika tmiem ir-reġistrazzjoni

Fil-format NAF, kull trażmissjoni tad-data għandha tkun strutturata kif ġej:

Il-karattri użati għandhom ikunu konformi ma’ ISO 8859.1. Slexx doppja (//) u l-kodiċi “SR” għandhom jindikaw il-bidu ta’ messaġġ.

Kull element tad-data għandu jiġi identifikat mill-kodiċi tiegħu u għandu jkun separat mill-elementi l-oħrajn tad-data permezz ta’ slexx doppja (//).

Slexx waħda (/) tissepara l-kodiċi tal-qasam minn mad-data.

(1)    Mibgħut sitt Sigħat qabel id-dħul fiż-Żona tas-Sajd tal-Unjoni.
(2)    Mibgħut sitt Sigħat qabel il-ħruġ miż-Żona tas-Sajd tal-Unjoni.
(3)    Mibgħuta qabel il-wasla fil-port.
(4)    Kull tlett ijiem wara d-dħul fiż-Żona tas-Sajd tal-Unjoni.