IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.11.2022
COM(2022) 572 final
2022/0359(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Doganali stabbilit skont il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore, fir-rigward tal-emenda tal-Protokoll 1 dwar id-definizzjoni ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Doganali stabbilit mill-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Doganali li temenda l-Protokoll 1 tal-FTA dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore
Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fid-19 ta’ Ottubru 2018. Il-Parlament Ewropew ta l-kunsens tiegħu għall-Ftehim fit-13 ta’ Frar 2019.
L-Istati Membri tal-UE approvaw il-ftehim kummerċjali fit-8 ta’ Novembru 2019. Daħal fis-seħħ fil-21 ta’ Novembru 2019.
2.2.Il-Kumitat Doganali
Il-Kumitat Doganali huwa stabbilit skont l-Artikolu 16.2 (Kumitati Speċjalizzati) tal-Ftehim u għandu jikkonsisti minn rappreżentanti tal-awtoritajiet doganali u awtoritajiet kompetenti oħra tal-Partijiet. Il-Kumitat Doganali għandu jiżgura l-funzjonament xieraq tal-Kapitolu 6 dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali, il-Protokoll 1 u kull dispożizzjoni addizzjonali relatata mad-dwana li l-Partijiet jistgħu jaqblu dwarha.
L-Artikolu 34 (“Emendi għal dan il-Protokoll”) tal-Protokoll 1 jipprevedi li “Permezz ta’ deċiżjoni fil-Kumitat Doganali stabbilit skont l-Artikolu 16.2 (Kumitati Speċjalizzati), il-Partijiet jistgħu jemendaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll.” .
2.3.L-att previst tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Doganali li jemenda l-Protokoll 1 tal-FTA dwar id-definizzjoni ta’ “prodotti oriġinarji” u metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva
Matul l-ewwel laqgħa tiegħu, il-Kumitat Doganali għandu jadotta Deċiżjoni li temenda l-Protokoll 1 tal-FTA dwar id-definizzjoni ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva, u l-annessi tiegħu.
L-għan tal-att previst huwa li jemenda l-Protokoll 1 dwar l-elementi li ġejjin:
–L-aġġornament tal-Protokoll 1 għall-aħħar verżjoni tan-nomenklatura rregolata mill-Konvenzjoni dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika tal-Oġġetti s-Sistema Armonizzata;
–Is-sostituzzjoni, għall-esportaturi tal-UE, tas-sistema ta’ awtoċertifikazzjoni tal-oriġini tal-oġġetti minn esportaturi approvati b’sistema ta’ awtoċertifikazzjoni tal-oriġini tal-oġġetti minn esportaturi rreġistrati (is-“sistema REX”);
–L-espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-3 kwoti tal-oriġini li ġejjin applikabbli għall-prodotti importati fl-UE li joriġinaw minn Singapore: luncheon meat fil-landa, blalen tal-ħut bil-kàri, blalen tas-siċċa.
L-att previst se jsir vinkolanti għall-partijiet f’konformità mal-Artikolu 34 tal-Protokoll 1 tal-Ftehim, u mad-DIKLARAZZJONI KONĠUNTA DWAR IR-REVIŻJONI TAR-REGOLI TAL-ORIĠINI LI JINSABU FIL-PROTOKOLL 1 tal-Protokoll 1. .
3.Pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni
Il-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kumitat Doganali għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Doganali mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
4.Bażi ġuridika
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw lis-sede inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
Il-Kumitat għall-Kummerċ huwa korp imwaqqaf bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore.
L-att li l-Kumitat Doganali huwa msejjaħ jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 34 tal-Protokoll 1 tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore.
L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi qabelxejn mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu trid tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni.
Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
5.Pubblikazzjoni tal-att previst
Peress li l-att tal-Kumitat Doganali se jemenda l-Protokoll 1 tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore, u l-annessi tiegħu, huwa xieraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.
2022/0359 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Doganali stabbilit skont il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore, fir-rigward tal-emenda tal-Protokoll 1 dwar id-definizzjoni ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1875 u daħal fis-seħħ fil-21 ta’ Novembru 2019.
(2)Skont l-Artikolu 34 tal-Protokoll 1 tal-Ftehim, il-Kumitat Doganali jista’ jadotta Deċiżjonijiet biex jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 1.
(3)Il-Kumitat Doganali, matul l-ewwel laqgħa tiegħu, se jadotta Deċiżjoni li temenda l-Protokoll 1 u l-annessi tiegħu.
(4)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt, billi d-Deċiżjoni se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni.
(5)Fl-1 ta’ Jannar 2012, fl-1 ta’ Jannar 2017 u fl-1 ta’ Jannar 2022 saru ċerti emendi fin-nomenklatura li hija rregolata mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifikazzjoni tal-Oġġetti (“SA”). Id-Deċiżjoni hija meħtieġa biex jiġi aġġornat il-Protokoll 1 u l-annessi tiegħu biex jirriflettu l-aħħar verżjoni tas-SA.
(6)Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kwoti annwali stabbiliti fl-Anness B(a) għal-luncheon meat fil-landa, għall-blalen tal-ħut bil-kàri, u għall-blalen tas-siċċa jenħtieġ li titwessa’ sabiex l-esportaturi minn Singapore jkunu jistgħu jużawhom.
(7)Sabiex jingħata trattament ugwali lill-operaturi ekonomiċi fiż-żewġ Partijiet fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni tal-oriġini, il-Protokoll 1 jenħtieġ li jiġi emendat sabiex kull Parti tkun tista’ tiddeċiedi, skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha, liema esportatur jista’ jiċċertifika huwa stess l-oriġini tal-prodotti oriġinarji tiegħu. Dan se jippermetti fl-Unjoni li l-oriġini tal-oġġetti tiġi ċċertifikata minn esportaturi rreġistrati minflok minn esportaturi approvati, b’mod simili għas-sistema applikata minn Singapore fil-kuntest tal-Ftehim.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat Doganali għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Dagonali mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat Doganali jistgħu jiftehmu dwar bidliet tekniċi żgħar fid-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
F’isem il-Kunsill
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.11.2022
COM(2022) 572 final
ANNESSI
għad-
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Doganali stabbilit skont il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore, fir-rigward tal-emenda tal-Protokoll 1 dwar id-definizzjoni ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva
Id-DEĊIŻJONI Nru 2022/01
tal-Kumitat Doganali tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore
ta’ …
li timmodifika ċerti elementi fil-Protokoll 1 dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva u fl-Annessi tiegħu
Il-Kumitat Doganali,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles (minn hawn’ il quddiem, “il-Ftehim”) bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore, u b’mod partikolari l-Artikolu 34 tal-Protokoll 1 u l-Artikolu 16.2 tal-Ftehim,
Billi:
(1)l-Artikolu 34 (emendi għal dan il-Protokoll) tal-Protokoll 1 tal-Ftehim jipprevedi li l-Partijiet jistgħu, permezz ta’ deċiżjoni fil-Kumitat Doganali stabbilit skont l-Artikolu 16.2 (Kumitati Speċjalizzati) tal-Ftehim, jemendaw id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 1 tal-Ftehim.
(2)Fl-1 ta’ Jannar 2012, fl-1 ta’ Jannar 2017, u fl-1 ta’ Jannar 2022 ġew introdotti emendi fir-rigward tan-nomenklatura rregolata mill-Konvenzjoni dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika tal-Oġġetti (“SA”). Il-Partijiet qablu li jaġġornaw il-Protokoll 1 biex jirrifletti s-SA 2022.
(3)Il-Partijiet ftehmu li jimmodifikaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kwoti annwali stabbiliti fl-Anness B(a) għal-luncheon meat fil-landa, pulpetti tal-ħut bil-kàri, u pulpetti tas-siċċa.
(4)L-Artikolu 17 (Kundizzjonijiet biex issir dikjarazzjoni tal-oriġini) tal-Protokoll 1 jistabbilixxi li dikjarazzjoni tal-oriġini tista’ ssir, fl-Unjoni Ewropea, minn, inter alia, esportatur li jkun esportatur approvat, u f’Singapore minn, inter alia, esportatur irreġistrat. Sabiex jingħata trattament ugwali lill-operaturi ekonomiċi taż-żewġ Partijiet, il-Protokoll 1 għandu jiġi emendat biex kull Parti tkun tista’ tiddeċiedi, skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha, liema esportatur jista’ jagħmel dikjarazzjoni tal-oriġini. Għalhekk, għal dan l-għan, tkun meħtieġa definizzjoni ta’ “esportatur”.
(5)Meta titqies id-definizzjoni l-ġdida ta’ “esportatur”, it-terminu “esportatur” fid-definizzjoni ta’ “kunsinna”, l-Artikolu 13 (Nonalterazzjoni), u l-Artikolu 14 (Wirjiet) tal-Protokoll 1 jeħtieġ li jiġi sostitwit bit-terminu “speditur”.
(6)Il-paragrafu 5 tal-Artikolu 17 (Kundizzjonijiet biex issir dikjarazzjoni tal-oriġini) jipprevedi li dikjarazzjoni tal-oriġini għandu jkollha l-firma oriġinali tal-esportatur bil-miktub. Il-partijiet qablu li ma japplikawx dan ir-rekwiżit biex jiffaċilitaw il-kummerċ u biex inaqqsu l-piż amministrattiv involuti fit-tgawdija tal-preferenzi tariffarji tal-Ftehim.
(7)Hemm bżonn li fid-definizzjoni ta’ “prezz mill-fabbrika” jiġi ċċarat kif it-terminu “manifattur” għandu jinftiehem meta l-aħħar xogħol jew ipproċessar jiġi sottokuntrattat.
(8)Meta wieħed iqis li ż-żewġ Partijiet għandhom japplikaw sistema ta’ esportaturi rreġistrati, id-dokument dwar l-oriġini magħmul fil-Partijiet jenħtieġ li jingħata isem ġdid minn “dikjarazzjoni tal-oriġini” għal “stqarrija dwar l-oriġini”
(9)Bħala miżura tranżizzjonali, jenħtieġ li jiġi previst li għal perjodu ta’ 3 xhur li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, Singapore jaċċetta d-dikjarazzjonijiet tal-oriġini magħmula f’konformità mal-Artikolu 17 (Kundizzjonijiet biex issir dikjarazzjoni tal-oriġini) u mal-Artikolu 18 (Esportatur Approvat) tal-Protokoll 1 tal-Ftehim fis-seħħ qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.
(10)Għalhekk jenħtieġ li jiġu mmodifikati l-Protokoll 1 tal-Ftehim u għadd mill-Annessi tiegħu.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Protokoll Nru 1 tal-Ftehim huwa emendat kif ġej:
(1)Il-werrej tal-Protokol 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
WERREJ
TAQSIMA 1
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
ARTIKOLU 1 Definizzjonijiet
TAQSIMA 2
DEFINIZZJONI TAL-KUNĊETT TA’ “PRODOTTI ORIĠINARJI”
ARTIKOLU 2 Rekwiżiti Ġenerali
ARTIKOLU 3 Kumulazzjoni tal-Oriġini
ARTIKOLU 4 Prodotti Miksuba Kompletament
ARTIKOLU 5 Prodotti Maħduma jew Ipproċessati Suffiċjentement
ARTIKOLU 6 Xogħol jew Ipproċessar Insuffiċjenti
ARTIKOLU 7 Unità ta’ Kwalifika
ARTIKOLU 8 Aċċessorji, Spare Parts u Għodod
ARTIKOLU 9 Settijiet
ARTIKOLU 10 Elementi Newtrali
ARTIKOLU 11 Segregazzjoni tal-Kontabilità
TAQSIMA 3
REKWIŻITI TERRITORJALI
ARTIKOLU 12 Prinċipju tat-Territorjalità
ARTIKOLU 13 Nonalterazzjoni
ARTIKOLU 14 Wirjiet
TAQSIMA 4
RESTITUZZJONI JEW EŻENZJONI
ARTIKOLU 15 Projbizzjoni ta’ Rifużjoni ta’ Dazji Doganali, jew Eżenzjoni Minnhom
TAQSIMA 5
DIKJARAZZJONI DWAR L-ORIĠINI
ARTIKOLU 16 Rekwiżiti Ġenerali
Artikolu 17 Kundizzjonijiet biex Issir Stqarrija dwar l-Oriġini
Artikolu 19 Validità tal-Istqarrija dwar l-Oriġini
Artikolu 20 Preżentazzjoni ta’ Stqarrija dwar l-Oriġini
ARTIKOLU 21 Importazzjoni Gradwali
Artikolu 22 Eżenzjonijiet mill-Istqarrija dwar l-Oriġini
ARTIKOLU 23 Dokumenti ta' Sostenn
Artikolu 24 Żamma tal-Isqarrija tal-Oriġini u Dokumenti ta’ Sostenn
ARTIKOLU 25 Diskrepanzi u Żbalji Formali
ARTIKOLU 26 Ammonti f’Euro
TAQSIMA 6
ARRANĠAMENTI GĦALL-KOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA
ARTIKOLU 27 Kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Kompetenti
Artikolu 28 Verifika tal-Istqarrijiet dwar l-Oriġini
ARTIKOLU 29 Inkjesti Amministrattivi
ARTIKOLU 30 Soluzzjoni tat-Tilwim
ARTIKOLU 31 Penali
TAQSIMA 7
CEUTA U MELILLA
ARTIKOLU 32 Applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll
ARTIKOLU 33 Kundizzjonijiet Speċjali
TAQSIMA 8
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
ARTIKOLU 34 Emendi għal dan il-Protokoll
ARTIKOLU 35 Dispożizzjonijiet Tranżitorji għall-Merkanzija fi Tranżitu jew Maħżuna
Lista ta’ Appendiċi
ANNESS A: NOTI INTRODUTTORJI GĦAL-LISTA FL-ANNESS B
ANNESS B: LISTA TAX-XOGĦOL JEW TAL-IPPROĊESSAR MEĦTIEĠ FUQ MATERJALI MHUX ORIĠINARJI SABIEX IL-PRODOTT MANIFATTURAT IKUN JISTA’ JIKSEB L-ISTATUS TA’ ORIĠINI
ANNESS B (a): ADDENDUM GĦALL-ANNESS B
ANNESS C: MATERJALI ESKLUŻI MILL-KUMULAZZJONI SKONT IL-PARAGRAFU 2 TAL-ARTIKOLU 3
ANNESS D: IL-PRODOTTI MSEMMIJIN FIL-PARAGRAFU 9 TAL-ARTIKOLU 3 LI GĦALIHOM IL-MATERJALI LI JORIĠINAW F’PAJJIŻ ASEAN GĦANDHOM JITQIESU BĦALA MATERJALI LI JORIĠINAW F’PARTI
ANNESS E: TEST TAD-DIKJARAZZJONI DWAR L-ORIĠINI
Dikjarazzjonijiet Konġunti
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR IL-PRINCIPAT TA’ ANDORRA
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR IR-REPUBBLIKA TA’ SAN MARINO
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR IR-REVIŻJONI TAR-REGOLI TAL-ORIĠINI LI JINSABU FIL-PROTOKOLL 1”;
(2)L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“ARTIKOLU 1
Definizzjonijiet
1.Għall-finijiet ta’ dan il-Protokoll:
(a)“Pajjiż ASEAN” tfisser stat membru tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja li mhuwiex Parti għal dan il-Ftehim;
(b)“kapitoli” u “intestaturi” u “subintestaturi” jfissru l-kapitoli, l-intestaturi (kodiċi b’erba’ ċifri) u s-subintestaturi (kodiċi b’sitt ċifri) użati fin-nomenklatura li tifforma s-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u għall-Kodifikazzjoni tal-Merkanzija, msejħa f’dan il-Protokoll bħala “is-Sistema Armonizzata” jew “SA”;
(c)“ikklassifikat” tirreferi għall-klassifikazzjoni ta’ prodott jew materjal taħt xi kapitolu, intestatura, jew subintestatura tas-Sistema Armonizzata;
(d)“kunsinna” tfisser il-prodotti li jintbagħtu jew simultanjament minn speditur wieħed lejn kunsinnatarju wieħed jew inkella jkunu koperti b’dokument tat-trasport wieħed li jkopri l-ġarr tagħhom mingħand l-ispeditur lejn il-kunsinnatarju jew, fin-nuqqas ta’ dokument bħal dan, b’fattura waħda;
(e)“valur doganali” ifisser il-valur kif stabbilit f’konfomirtà mal-Ftehim dwar l-Evalwazzjoni Doganali;
(f)“il-prezz mill-fabbrika” huwa l-prezz imħallas għall-prodott ex-works lill-manifattur li fl-impriza tiegħu jkun twettaq l-aħħar xogħol jew ipproċċessar, kemm-il darba l-prezz jinkludi l-valur tal-materjali kollha li jkunu ntużaw u l-kosti l-oħra kollha relatati mal-produzzjoni tiegħu, u titnaqqas kull taxxa interna li jkunu tħallsu lura, jew jistgħu jitħallsu lura, meta l-prodott akkwistat ikun esportat.
Meta l-prezz proprju li jitħallas ma jkunx jirrifletti l-kosti kollha tal-manifattura ta’ prodott li jiġġarrbu realment fl-Unjoni jew f’Singapore, il-prezz mill-fabbrika jfisser is-somma ta’ dawk l-kosti kollha, mingħajr xi taxxi interni li jitħallsu lura jew li jistgħu jitħallsu lura meta l-prodott miksub jiġi esportat.
Jekk l-aħħar ħdim jew ipproċessar ikunu ġew subkuntrattati lil manifattur, it-terminu “manifattur” jista’ jirreferi għall-impriża li tkun impjegat lis-subkuntrattur.
(g)“esportatur” tfisser persuna, li tinsab f’Parti, li, f’konformità mar-rekwiżiti fil-liġijiet u fir-regolamenti tal-Parti, tesporta jew tipproduċi l-prodott oriġinarju u li tista’ tagħmel stqarrija dwar l-oriġini;
(h)“materjali funġibbli” tfisser materjali li huma tal-istess tip u kwalità kummerċjali, bl-istess karatteristiċi tekniċi u fiżiċi, u li ladarba jiġu inkorporati fil-prodott lest ma jistgħux jintgħarfu minn xulxin;
(i)“merkanzija” tfisser kemm materjali kif ukoll prodotti;
(j)“persuna ġuridika” tfisser kwalunkwe entità legali debitament kostitwita jew organizzata mod ieħor skont il-liġi applikabbli, sew jekk tkun għal skopijiet ta’ profitt kif ukoll jekk ma tkunx , u sew jekk tkun proprjetà privata jew governattiva, u tista’ tkun korporazzjoni, fond, sħubija, impriża konġunta, proprjetà ta’ persuna waħda jew assoċjazzjoni;
(k)“manifattura” tfisser kull tip ta’ ħdim jew ipproċessar, inkluż l-assemblaġġ;
(l)“materjal” tfisser kull ingredjent, materja prima, komponent jew parti, eċċ., li jintużaw fil-manifattura tal-prodott;
(m)“persuna” tfisser persuna fiżika jew ġuridika;
(n)“prodott” tfisser il-prodott li qed jiġi manifatturat, anki jekk ikun maħsub biex jintuża aktar tard f’operazzjoni oħra tal-manifattura;
(o)“valur tal-materjali” tfisser il-valur doganali fil-ħin tal-importazzjoni tal-materjali mhux oriġinarji li jintużaw jew, jekk dan ma jkunx magħruf u ma jistax jiġi aċċertat, l-ewwel prezz aċċertabbli li tħallas fuq il-materjali fl-Unjoni jew f’Singapore.”;
(3)Il-paragrafu 3 tal-Artikolu 13 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“3.Mingħajr preġudizzju għat-Taqsima 5, il-qsim tal-kunsinni jista’ jseħħ meta jitwettaq mill-ispeditur jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu dment li jibqgħu taħt superviżjoni doganali fil-pajjiż(i) ta’ tranżitu.”;
(4)Is-subparagrafi 1(a) u 1(b) tal-Artikolu 14 huma ssostitwiti b’dan li ġej:
“(a) speditur ikun ikkunsinna dawn il-prodotti minn Parti lejn il-pajjiż fejn issir il-wirja, u jkun eżibihom hemm;
(b) il-prodotti nbiegħu jew għaddew b’xi mod ieħor mingħand dak l-ispeditur għal għand persuna f’Parti;
(5)L-Artikolu 17 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“ARTIKOLU 17
Kundizzjonijiet biex issir Stqarrija dwar l-Oriġini
1.Stqarrija dwar l-oriġini kif imsemmija fl-Artikolu 16 (Rekwiżiti Ġenerali) tista’ ssir mill-esportatur.
2.Stqarrija dwar l-oriġini tista’ timtela jekk il-prodotti kkonċernati jkunu jistgħu jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw fl-Unjoni jew f'Singapore u jissodisfaw ir-rekwiżiti l-oħra ta’ dan il-Protokoll.
3.L-esportatur li jimla l-istqarrija dwar l-oriġini għandu jkun ippreparat li fi kwalunkwe ħin u fuq talba tal-awtoritajiet doganali tal-Parti esportatriċi, jissottometti d-dokumenti x-xierqa kollha msemmijin fl-Artikolu 23 (Dokumenti ta’ Sostenn) li juru l-istatus tal-oriġini tal-prodotti kkonċernati kif ukoll li huma ssodisfati r-rekwiżiti l-oħrajn ta’ dan il-Protokoll.
4.Stqarrija dwar l-oriġini għandha timtela mill-esportatur billi jittajpja, jittimbra jew jistampa fuq il-fattura, in-nota tal-kunsinna jew dokument kummerċjali ieħor, id-dikjarazzjoni, li t-test tagħha jidher fl-Anness E ta’ dan il-Protokoll, skont il-liġi domestika tal-Parti esportatriċi. Jekk l-istqarrija tinkiteb bl-idejn, din għandha tinkiteb bil-linka u b’ittri kapitali. Fil-każ ta’ esportazzjonijiet minn Singapore, l-istqarrija dwar l-oriġini għandha timtela billi tintuża l-verżjoni Ingliża, u fil-każ ta’ esportazzjonijiet mill-Unjoni, l-istqarrija dwar l-oriġini tista’ timtela b’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi elenkati fl-Anness E ta’ dan il-Protokoll.
5.Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, stqarrija dwar l-oriġini tista’ timtela wara l-esportazzjoni (“dikjarazzjoni retrospettiva”) bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata fil-Parti importatriċi xejn iktar minn sentejn wara, fil-każ tal-Unjoni, u sena, fil-każ ta’ Singapore, wara li l-merkanzija tidħol fit-territorju.”;
(6)Fil-Werrej, u fl-Artikolu 3(6), fl-Artikolu 3(13), fl-Artikolu 11(5), fl-Artikolu 14(2), fl-Artikolu 15(1), fl-Artikolu 15(3), fit-titolu tat-Taqsima 5, fl-Artikolu 16(1), fl-Artikolu 16(2), fit-titolu tal-Artikolu 19, fl-Artikolu 19(1), fl-Artikolu 19(2), fl-Artikolu 19(3), fit-titolu tal-Artikolu 20, fl-Artikolu 20, fl-Artikolu 21, fit-titolu tal-Artikolu 22, fl-Artikolu 22(1), fl-Artikolu 23, fit-titolu tal-Artikolu 24, fl-Artikolu 24(1), fl-Artikolu 24(2), fl-Artikolu 25(1), fl-Artikolu 25(2), fl-Artikolu 27(1), fl-Artikolu 27(2), fit-titolu tal-Artikolu 28, fl-Artikolu 28(1), fl-Artikolu 28(2), fl-Artikolu 30(1), fl-Artikolu 33(3), u fl-Artikolu 35, it-terminu “dikjarazzjoni tal-oriġini” huwa sostitwit bit-terminu “stqarrija dwar l-oriġini”;
(7)L-Artikolu 18 jitħassar;
(8)L-Artikolu 26 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“ARTIKOLU 26
Ammonti f’Euro
1. Għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 22 (Eżenzjonijiet mill-Istqarrija tal-Oriġini) f’każijiet fejn toħroġ fattura għall-prodotti f’xi munita li mhix Euro, l-ammonti fil-munita nazzjonali tal-Istati Membri tal-Unjoni li huma ekwivalenti għall-ammonti espressi bl-euro għandhom ikunu ffissati, darba fis-sena, minn kull wieħed mill-pajjiżi kkonċernati.
2. Kunsinna għandha tgawdi mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 22 (Eżenzjonijiet mill-Istqarrija dwar l-Oriġini) b’referenza għall-munita li fiha tkun inħarġet il-fattura, skont l-ammont iffissat mill-Parti kkonċernata.
3. L-ammonti li jridu jintużaw b’xi munita nazzjonali għandhom ikunu l-ekwivalenti f’dik il-munita għall-ammonti espressi bl-euro fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ Ottubru. L-ammonti għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni Ewropea sal-15 ta’ Ottubru u għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tinnotifika lill-pajjiżi kollha kkonċernati bl-ammonti rilevanti.
4. Stat Membru tal-Unjoni jista’ jżid jew inaqqas l-ammont li jirriżulta mill-kambju għall-munita nazzjonali tiegħu ta’ ammont f’euro. L-ammont mogħti għad-dritt ma jistax ivarja b’aktar minn ħamsa fil-mija mill-ammont li jirriżulta mill-kambju. Stat Membru tal-Unjoni jista’ jżomm l-ekwivalenti ta’ ammont f’euro fil-munita nazzjonali tiegħu jekk, fiż-żmien tal-aġġustament annwali previst fil-paragrafu 3, il-konverżjoni ta’ dak l-ammont, qabel ma jinqata’ għad-dritt, tirriżulta f’żieda ta’ inqas minn ħmistax fil-mija fl-ekwivalenti tal-munita nazzjonali. L-ekwivalenti tal-munita nazzjonali jista’ jinżamm l-istess jekk il-konverżjoni tirriżulta fi tnaqqis f’dak il-valur ekwivalenti.
5. L-ammonti f'euro għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid mill-Partijiet fil-Kumitat Doganali stabbilit skont l-Artikolu 16.2 (Kumitati Speċjalizzati) fuq it-talba tal-Unjoni jew ta’ Singapore. Meta jwettaq dan l-eżami mill-ġdid, il-Partijiet għandhom jikkunsidraw ix-xewqa li jinżammu f'termini reali l-effetti tal-limiti kkonċernati. Għal dawn il-finijiet, il-Partijiet jistgħu, permezz ta’ deċiżjoni fil-Kumitati Doganali, jimmodifikaw l-ammonti espressi f’euro.”;
(9)L-Anness B huwa emendat kif stabbilit fl-Anness 1 ta’ din id-Deċiżjoni;
(10)L-Anness B(a) huwa emendat kif stabbilit fl-Anness 2 ta’ din id-Deċiżjoni;
(11)L-Anness D huwa emendat kif stabbilit fl-Anness 3 ta’ din id-Deċiżjoni; kif ukoll
(12)L-Anness E huwa emendat kif stabbilit fl-Anness 4 ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ [fl-1 ta’ Jannar 2023].
Magħmul fi …,
Għall-Kumitat Doganali UE-Singapore
F’isem l-Unjoni Ewropea
F’isem ir-Repubblika ta’ Singapore
-----------------------------------------
-----------------------------------------
ANNESS 1
L-Anness B tal-Protokol 1 huwa emendat kif ġej:
(1)Fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “0305”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Ħut, imnixxef, immellaħ jew fis-salmura; ħut affumikat, kemm jekk imsajjar qabel jew matul il-proċess tal-affumikar u kemm jekk le”;
(2)Fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “ex 0306”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Krustaċji, kemm fil-qoxra u kemm jekk le, imnixxfin, immellħin jew fis-salmura; krustaċji affumikati, kemm imsajrin qabel jew waqt il-proċess tal-affumikar u kemm jekk le; krustaċji, fil-qoxra, imsajrin bil-fwar jew bit-togħlija fl-ilma, kemm jekk imkessħin, iffriżati, imnixxfin, xotti, immellħin, jew fis-salmura”;
(3)Fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “ex 0307”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Molluski, kemm jekk fil-qoxra u kemm jekk le, imnixxfin, immellħin jew fis-salmura; molluski affumikati, kemm jekk fil-qoxra u kemm jekk le, kemm jekk imsajrin qabel jew matul il-proċess tal-affumikar u kemm jekk le”;
(4)Bejn ir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “ex 0307” u r-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “Il-Kapitolu 4”, jiddaħħlu żewġ ringieli ġodda kif ġej:
|
ex 0308
|
Invertebrati akkwatiċi għajr il-krustaċji u l-molluski, imnixfin, immellħin jew fis-salmura; invertebrati akkwatiċi affumikati, għajr il-krustaċji jew il-molluski, kemm jekk imsajrin qabel jew waqt il-proċess tal-affumikar u kemm jekk le
|
Manifattura fejn il-materjali kollha tal-Kapitolu 3 użati jkunu nkisbu b’mod sħiħ
|
|
0309
|
Dqiq, frakass u pellets tal-ħut, tal-krustaċji, tal-molluski jew ta’ invertebrati akkwatiċi oħrajn, tajbin għall-konsum mill-bniedem
|
Manifattura fejn il-materjali kollha tal-Kapitolu 3 użati jkunu nkisbu b’mod sħiħ
|
(5)Fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “L-ex Kapitolu 15”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Xaħmijiet u żjut tal-annimali jew veġetali u prodotti mill-qsim tagħhom; xaħmijiet ippreparati tajbin għall-ikel; xemgħat tal-annimali jew veġetali; għajr għal:”;
(6)Fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “1509 u 1510”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Żejt taż-żebbuġa u l-frazzjonijiet tiegħu, żjut oħrajn u l-frazzjonijiet tagħhom miksuba biss miż-żebbuġ”;
(7)Fir-ringiela relatata mal-Intestatura “1516 u 1517”, it-test fil-kolonna “Deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Ix-xaħmijiet u ż-żjut tal-annimali, veġetali jew mikrobiċi u l-frazzjonijiet tagħhom, parzjalment jew kompletament idroġenati, esterifikati bejniethom, riesterifikati jew elajdinizzati, kemm jekk raffinati u kemm jekk le, iżda mhux ippreparati mod ieħor;
Marġerina; taħlitiet jew preparati tajbin għall-ikel tax-xaħmijiet jew taż-żjut tal-annimali, veġetali jew mikrobiċi jew tal-frazzjonijiet ta’ xaħmijiet u żjut differenti ta’ dan il-Kapitolu, għajr xaħmijiet jew-żjut tajbin għall-ikel jew il-frazzjonijiet tagħhom tal-intestatura 15.16.”;
(8)Fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “Il-Kapitolu 16”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Preparati ta’ laħam, ta’ ħut jew ta’ krustaċej, molluski jew invertebrati akkwatiċi oħrajn, jew ta’ insetti”;
(9)Fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “L-ex Kapitolu 24”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Tabakk u sostituti manifatturati tat-tabakk; prodotti, kemm jekk ikun fihom in-nikotina u kemm jekk le, maħsuba għall-inalazzjoni mingħajr kombustjoni; prodotti oħra li fihom in-nikotina maħsuba għall-konsum tan-nikotina fil-ġisem tal-bniedem; għajr għal;”;
(10)Bejn ir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “ex 2402” u r-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “ex Kapitolu 25”, l-erba’ ringieli ġodda li ġejjin jiddaħħlu kif ġej:
|
2404 12
|
Prodotti maħsuba għall-inalazzjoni mingħajr kombustjoni, li ma fihomx tabakk jew tabakk rikostitwit, u li fihom in-nikotina
|
Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura, għajr dik tal-prodott. Iżda jistgħu jintużaw il-materjali mill-istess intestatura tal-prodott, sakemm il-valur totali tagħhom ma jaqbiżx l-20 % tal-prezz tal-prodott mill-fabbrika
jew
Manifattura li fiha l-valur totali tal-materjali kollha li ntużaw ma jaqbiżx l-40 % tal-prezz tal-prodott mill-fabbrika
|
|
ex 2404 19
|
Cartridges u rikariki, mimlija għas-sigaretti elettroniċi
|
Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura, għajr dik tal-prodott. Iżda jistgħu jintużaw il-materjali mill-istess intestatura tal-prodott, sakemm il-valur totali tagħhom ma jaqbiżx l-20 % tal-prezz tal-prodott mill-fabbrika
jew
Manifattura li fiha l-valur totali tal-materjali kollha li ntużaw ma jaqbiżx l-40 % tal-prezz tal-prodott mill-fabbrika
|
|
2404 91
|
Prodotti oħra għajr prodotti maħsuba għall-inalazzjoni mingħajr kombustjoni, għall-applikazzjoni orali
|
Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura, għajr dik tal-prodott, fejn:
— il-piż individwali taz-zokkor u tal-materjali tal-Kapitolu 4 li ntużaw ma jaqbiżx l-20 % tal-piż tal-prodott finali, u
— il-piż totali kkombinat taz-zokkor u tal-materjali tal-Kapitolu 4 ma jaqbiżx l-40 % tal-piż tal-prodott finali
|
|
2404 92,
2404 99
|
Prodotti oħra għajr prodotti maħsuba għall-inalazzjoni mingħajr kombustjoni, għall-applikazzjoni transdermali u għal applikazzjoni oħra ħlief dik orali
|
Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura, għajr dik tal-prodott. Iżda jistgħu jintużaw il-materjali mill-istess intestatura tal-prodott, sakemm il-valur totali tagħhom ma jaqbiżx l-20 % tal-prezz tal-prodott mill-fabbrika
jew
Manifattura li fiha l-valur totali tal-materjali kollha użati ma jaqbiżx l-40 % tal-prezz tal-prodott mill-fabbrika
|
(11)Bejn ir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “ex Kapitolu 38” u r-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “3823”, iż-żewġ ringieli ġodda li ġejjin jiddaħħlu kif ġej:
|
ex 3816
|
Taħlita għat-tablit tad-dolomit
|
Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura, għajr dik tal-prodott
jew
Manifattura fejn il-valur tal-materjali kollha li ntużaw ma jaqbiżx l-40 % tal-prezz mill-fabbrika tal-prodott
|
|
ex 3822
|
Kits tat-testijiet dijanostiċi tal-malarja
Prodotti immunoloġiċi, mhux imħallta, mhux ippreżentati f’dożi mkejla jew f’forom jew f’pakki għall-bejgħ bl-imnut
Prodotti immunoloġiċi, imħallta, mhux ippreżentati f’dożi mkejla jew f’forom jew f’pakki għall-bejgħ bl-imnut
Prodotti immunoloġiċi, ippreżentati f’dożi mkejla jew f’forom jew f’pakki għall-bejgħ bl-imnut
Ir-reaġenti għad-determinazzjoni tal-grupp tad-demm;
|
Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura
|
(12)Fl-ewwel ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “6306”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Tarpolini, tined u lqugħ mix-xemx; tined (inklużi l-koperturi temporanji u oġġetti simili); qlugħ għad-dgħajjes, għas-sailboards jew għall-inġenji tal-art; oġġetti tal-ikkampjar”;
(13)Fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “8522, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott ” huwa sostitwit b’dan li ġej:
Bċejjeċ u aċċessorji tajbin għal użu biss jew prinċipalment mal-apparat tal-intestaturi 8519 jew 8521”;
(14)Fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “8529, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott ” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Partijiet tajbin biss jew prinċipalment għall-użu mal-apparat tal-intestaturi 8524 sa 8528”;
(15)Fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “8548”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Partijiet tal-elettriku ta’ magni jew apparat, mhux speċifikati jew inklużi banda oħra f’dan il-Kapitolu”;
(16)Bejn ir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “8548” u r-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “L-ex Kapitolu 86”, tiddaħħal ringiela ġdida kif ġej:
|
8549
|
Skart u skrapp elettriku u elettroniku.
|
Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura, għajr dik tal-prodott
jew
Manifattura li fiha l-valur totali tal-materjali kollha użati ma jaqbiżx l-50 % tal-prezz tal-prodott mill-fabbrika
|
(17)Fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “ex Kapitolu 86”, it-test fil-kolonna “Intestatura tas-SA” u t-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huma sostitwiti rispettivament b’dan li ġej:
“Il-Kapitolu 86” u “Lokomottivi tal-linji ferrovjarji jew tat-tramm, rolling stock u parts tagħhom; fixtures u fittings għall-binarji jew għal-linji tat-tramm u parts tagħhom; tagħmir ta’ sinjalar mekkaniku tat-traffiku (inkluż elettro-mekkaniku) ta’ kull tip”;
(18)Bejn ir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “ex 8804” u r-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “Il-Kapitolu 89”, tiddaħħal ringiela ġdida kif ġej:
|
ex 8806
|
Inġenji tal-Ajru Mingħajr Bdot Abbord
Kameras tat-televiżjoni, kameras diġitali u video kameras li jirrekordjaw
|
Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura, għajr dik tal-prodott u tal-intestatura 8529
jew
Manifattura li fiha l-valur totali tal-materjali kollha użati ma jaqbiżx l-50 % tal-prezz tal-prodott mill-fabbrika
|
(19)Fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “9013”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Lasers, għajr id-dijodi tal-laser; apparat u strumenti ottiċi oħrajn, mhux speċifikati jew inklużi band’ oħra f’dan il-Kapitolu”;
(20)Bejn ir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “9016” u r-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “9025”, tiddaħħal ringiela ġdida kif ġej:
|
ex 9021
|
Materjali għall-apparat ortopediku jew għall-fratturiu għall-fittings dentali:
- Imsiemer, taċċi, drawing pins, imsiemer ikkorrugati, staples (għajr dawk tal-intestatura 8305) u oġġetti simili, tal-ħadid jew tal-azzar, bl-irjus ta’ materjal ieħor jew le, iżda esklużi tali oġġetti b’irjus tar-ram
- Oġġetti bil-kamin u oġġetti mhux bil-kamin tal-ħadid jew tal-azzar, esklużi (viti bir-ras skorfina) coach screws, viti għall-injam, ganċijiet bil-kamin u ħoloq bil-kamin, spring washers u wahers tas-serraturi oħrajn, rivets
|
Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura, għajr dik tal-prodott
jew
Manifattura li fiha l-valur totali tal-materjali kollha użati ma jaqbiżx l-50 % tal-prezz tal-prodott mill-fabbrika
|
|
|
- Titanju u oġġetti magħmulin minnu, inklużi skart u skrapp
|
Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura
|
; kif ukoll
(21)Fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “Il-Kapitolu 94”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Gћamara; friex, saqqijiet, irfid għas-saqqijiet, cushions u arredament simili mimli; fittings tat-tidwil mhux speċifikati jew inklużi banda oħra; sinjali mdawlin, pjanċi tal-ismijiet imdawlin u bħalhom; bini prefabbrikat”.
ANNESS 2
L-Anness B(a) tal-Protokol 1 huwa emendat kif ġej:
(1)Il-paragrafu 3 tad-dispożizzjonijiet komuni jitħassar;
(2)Il-paragrafu 4 tad-dispożizzjonijiet komuni huwa nnumerat mill-ġdid bħala Artikolu 3;
(3)Il-paragrafu 5 tad-dispożizzjonijiet komuni huwa nnumerat mill-ġdid bħala Artikolu 4;
(4)Fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA
“ex 1602 32
ex 1602 41
ex 1602 49
ex 1602 50”,
it-test “Luncheon meat tal-ħanżir, tat-tiġieġ u taċ-ċanga fil-landa (午餐肉)” fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Luncheon meat tal-landa jew pulpettun tal-majjal (li fih aktar minn 40 % skont il-piż ta’ laħam jew ġewwieni tal-majjal), luncheon meat tal-landa jew pulpettun tat-tiġieġ (li fih aktar minn 20 % skont il-piż ta’ laħam jew ġewwieni tat-tiġieġ), luncheon meat tal-landa jew pulpettun taċ-ċanga (li fih aktar minn 20 % skont il-piż ta’ laħam jew ġewwieni taċ-ċanga)”;
(5)Fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “ex 1604 20” it-test “Pulpetti tal-ħut bil-kàri magħmula minn laħam tal-ħut, kàri, lamtu tal-qamħ, melħ, zokkor u kondimenti komposti” fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“pulpetti tal-ħut u pulpetti tal-ħut magħmula minn laħam tal-ħut għajr tonn u kavalli, bil-lamtu, bil-melħ, biz-zokkor, u b’kondimenti komposti”; kif ukoll
(6)Ir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA
“ex 1605 10
ex 1605 90
ex 1605 20
ex 1605 20
ex 1605 20
ex 1605 30”
huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
ex 1605 10
ex 1605 54
ex 1605 21
ex 1605 29
ex 1902 20
ex 1605 54
|
Pulpetti tal-granċ magħmulin minn lamtu tal-qamħ, melħ, zokkor, kondimenti komposti, laħam u mili tal-granċ
Pulpetti tas-siċċa magħmulin minn laħam tal-ħut, mili tas-siċċa, lamtu, melħ, zokkor u kondimenti komposti
Hargow magħmul minn gambli, lamtu tal-qamħ, tapjoka, ilma, basla tal-għonq twil, ġinġer, zokkor, u melħ
Shaomai magħmul primarjament minn gambli, tiġieġ, lamtu tal-qamħirrum, żejt veġetali, bżar iswed, żejt tal-ġunġlien, u ilma
Wonton tal-gambli moqlijin magħmula minn gambli, melħ, żejt, zokkor, ġinġer, bżar, bajd, ħall u zalza tas-sojja.
Pulpetti b’togħma ta’ awwista: laħam tas-siċċa, laħam tal-ħut u laħam tal-granċ.
|
Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura, għajr dik tal-prodott
|
.
ANNESS 3
L-Anness D tal-Protokol 1 huwa emendat kif ġej:
(1)Fir-ringiela relatata mal-Kodiċi tas-SA “2909”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Eteri, eter-alkoħols, eter-fenoli, eter-alkoħol-fenoli, perossidi tal-alkoħol, perossidi tal-etere, perossidi aċetali u emiaċetali, perossidi tal-keton (kemm jekk definiti kimikament u kemm jekk le), u d-derivattivi aloġenati, sulfonati, nitrati jew nitrożati tagħhom”; kif ukoll
(2)Fir-ringiela relatata mal-Kodiċi tas-SA “9013”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Lasers, għajr id-dijodi tal-laser; apparati u strumenti ottiċi oħrajn, mhux speċifikati jew inklużi band’oħra f’dan il-Kapitolu”.
ANNESS 4
L-Anness E tal-Protokol 1 huwa emendat kif ġej:
(1)Fit-Titolu tal-Anness E, it-terminu “dikjarazzjoni tal-oriġini” huwa sostitwit bit-terminu “stqarrija dwar l-oriġini”;
(2)L-ewwel paragrafu tal-Anness E huwa sostitwit b’dan li ġej:
“L-istqarrija dwar l-oriġini, li t-test tagħha jinsab hawn taħt, trid issir f’konformità man-noti ta’ qiegħ il-paġna. Madankollu, in-noti ta’ qiegħ il-paġna ma għandhomx għalfejn jiġu riprodotti.”;
(3)In-nota ta’ qiegħ il-paġna (1) hija sostitwita b’dan li ġej:
“Indika n-numru ta’ referenza li bih l-esportatur huwa identifikat. Għall-esportatur tal-Unjoni, dan ikun in-numru assenjat f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tal-Unjoni. Għal Singapore, dan se jkun in-numru assenjat skont il-liġijiet u r-regolamenti ta’ Singapore. Meta l-esportatur ma jkunx ġie assenjat numru, din il-kaxxa tista’ titħalla vojta”;
(4)L-aħħar sentenza qabel in-noti ta’ qiegħ il-paġna hija sostitwita b’dan li ġej:
“(Isem l-esportatur)”; kif ukoll
(5)In-nota f'qiegħ il-paġna (4) titħassar.
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA
DWAR MIŻURI TRANŻIZZJONALI WARA D-DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ TAD-DEĊIŻJONI
B’deroga mill-Artikolu 17 (Kundizzjonijiet biex Issir Stqarrija dwar l-Oriġini) tal-Protokoll 1 tal-Ftehim, kif emendat b’din id-Deċiżjoni, Singapore għandu jkompli jagħti t-trattament tariffarju preferenzjali skont dan il-Ftehim lil oġġetti li joriġinaw mill-Unjoni u li jiġu esportati mill-Unjoni mal-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni tal-oriġini magħmula f’konformità mal-Artikolu 17 (Kundizzjonijiet biex Issir Dikjarazzjoni tal-Oriġini) u mal-Artikolu 18 (Esportatur Approvat) tal-Protokoll 1 tal-Ftehim fis-seħħ qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Din il-miżura tranżizzjonali għandha tapplika għal perjodu ta’ 3 xhur li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.