IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.11.2022
COM(2022) 571 final
2022/0358(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-ġbir u l-kondiviżjoni ta' data b'rabta mas-servizzi ta' kiri ta' akkomodazzjoni fuq medda qasira ta' żmien u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
{SEC(2022) 393 final} - {SWD(2022) 348 final} - {SWD(2022) 349 final} - {SWD(2022) 350 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Dan il-memorandum ta’ spjegazzjoni jakkumpanja l-proposta għal regolament dwar il-ġbir u l-kondiviżjoni tad-data b’rabta mas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet fuq medda qasira ta' żmien (il-“Proposta”).
Il-kirjiet ta’ akkomodazzjonijiet fuq medda qasira ta' żmien (STRs) qegħdin isiru parti dejjem aktar importanti mis-settur tat-turiżmu. Jirrappreżentaw kważi kwart mill-provvista totali tal-UE ta’ akkomodazzjoni turistika, u ngħataw spinta mill-feġġa tal-pjattaformi online. L-STRs joħolqu benefiċċji u opportunitajiet għall-klijenti, għall-ospitanti, u għall-ekosistema kumplessiva tat-turiżmu, iżda huma wkoll sors ta’ tħassib (b’mod partikolari għall-komunitajiet lokali li jiffaċċjaw flussi eċċessivi ta’ turiżmu u nuqqas ta’ akkomodazzjoni affordabbli fit-tul). Għalhekk, l-STRs qegħdin isiru dejjem aktar regolati fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. L-awtoritajiet pubbliċi ħadu wkoll azzjoni sabiex itejbu t-trasparenza tal-STRs billi, pereżempju, introduċew rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni għall-ospitanti (u b’hekk jippermettu lill-awtoritajiet pubbliċi jkunu jafu liema ospitanti joffru liema kirjiet) u billi talbu lill-pjattaformi online sabiex jikkondividu d-data dwar l-ospitanti u l-attivitajiet tagħhom.
Diversi talbiet varji għal data mill-awtoritajiet pubbliċi jimponu piż kbir, b’mod partikolari fuq pjattaformi li joperaw bejn il-fruntieri. Dan ixekkel il-kapaċità tagħhom li joffru servizzi tal-STRs fis-suq uniku kollu. L-awtoritajiet pubbliċi qegħdin ibatu wkoll sabiex jiksbu data affidabbli b’mod effiċjenti – u dan min-naħa tiegħu jxekkel l-isforzi tagħhom sabiex jiżviluppaw risponsi ta’ politika xierqa u proporzjonati għaż-żieda fin-numru ta’ STRs. Id-diffikultajiet fil-kondiviżjoni tad-data huma xprunati minn:
–skemi ta’ reġistrazzjoni ineffiċjenti u diverġenti ġestiti mill-awtoritajiet pubbliċi (li għalhekk ma jistgħux jiksbu b’mod effiċjenti data ta’ identifikazzjoni għall-ospitanti u għall-elenkar);
–nuqqas ta’ oqfsa legali effettivi u infurzabbli, ta’ standards u ta’ għodod għall-kondiviżjoni tad-data fost il-pjattaformi u l-awtoritajiet pubbliċi;
–in-nuqqas ta’ qafas legali xieraq li jirregola t-trasparenza u l-kondiviżjoni tad-data.
Sabiex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, l-objettivi ewlenin tal-Proposta huma li jiġi armonizzat u li jittejjeb il-qafas għall-ġenerazzjoni tad-data u għall-kondiviżjoni tad-data dwar l-STRs madwar l-Unjoni Ewropea, u li tissaħħaħ it-trasparenza fis-settur tal-STRs. B’mod aktar speċifiku, il-Proposta toffri:
–approċċ armonizzat għall-iskemi ta’ reġistrazzjoni għall-ospitanti, b’obbligu għall-awtoritajiet pubbliċi li jżommu skemi ta’ reġistrazzjoni mfasslin kif xieraq jekk ikunu jridu jiksbu data għal finijiet ta’ tfassil tal-politika u ta’ infurzar;
–obbligi għall-pjattaformi online sabiex jippermettu lill-ospitanti juru numri tar-reġistrazzjoni (li se jiżguraw il-konformità tal-ospitanti mar-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni) u sabiex jikkondividu data speċifika dwar l-attivitajiet tal-ospitanti u dwar l-elenkar tagħhom mal-awtoritajiet pubbliċi;
–għodod u proċeduri speċifiċi sabiex jiġi żgurat li l-kondiviżjoni tad-data tkun sikura, konformi mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, u kosteffettiva għall-partijiet kollha involuti.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-Proposta tfittex li tarmonizza u tissimplifika l-qafas għall-ġenerazzjoni tad-data u għall-kondiviżjoni tad-data dwar l-STRs madwar l-UE. Tibni fuq u hija konsistenti ma’ diversi strumenti legali oħrajn li jeżistu fil-livell tal-UE:
–L-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) jimponi sett komuni ta’ responsabbiltajiet fuq in-negozji online li jipprovdu servizzi fl-UE, inkluż fuq pjattaformi online li jintermedjaw servizzi tal-STRs. Id-DSA jistabbilixxi obbligi ta’ “konformità mid-disinn” li jirrikjedu li l-pjattaformi jfasslu u jorganizzaw l-interfaċċi online tagħhom b’mod li jippermetti li tintwera ċerta informazzjoni (iżda biss fir-rigward ta’ fornituri ta’ servizzi li jikkwalifikaw bħala “kummerċjanti”) u li jitneħħa l-elenkar illegali. Ma jeħtieġx li s-settijiet tad-data jiġu rrapportati b’mod sistematiku.
–Id-Direttiva dwar is-Servizzi tistipula li l-fornituri ta’ servizzi jistgħu jkunu soġġetti biss għal rekwiżiti ta’ aċċess għas-suq jekk ma jkunux diskriminatorji, ikunu ġustifikati minn raġuni prevalenti relatata mal-interess pubbliku u proporzjonati. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea enfasizzat l-importanza tad-data u tal-analiżi disponibbli għat-tfassil tal-politika b’mod proporzjonat. Id-Direttiva dwar is-Servizzi tirrikjedi wkoll li l-Istati Membri jiżguraw li l-proċeduri u l-formalitajiet applikabbli għall-aċċess għal attività ta’ servizz (eż. skemi ta’ reġistrazzjoni) ikunu sempliċi u jkunu jistgħu jitwettqu faċilment mill-bogħod u b’mezzi elettroniċi permezz tal-punt ta’ kuntatt uniku rilevanti u mal-awtoritajiet rilevanti.
–Id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku fiha dispożizzjonijiet li jirregolaw il-forniment transfruntier ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Fil-parti rilevanti, tipprevedi li l-Istati Membri ma jistgħux jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni minn Stat Membru ieħor, sakemm dan ma jkunx neċessarju għall-objettivi tal-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika, għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika, jew għall-protezzjoni tal-konsumaturi, inklużi l-investituri, u dment li kwalunkwe restrizzjoni bħal din tkun proporzjonata għal dawk l-objettivi u li tinżamm il-konformità ma’ ċerti rekwiżiti proċedurali.
–Ir-Regolament dwar il-Pjattaformi għan-Negozju (P2B) tagħti lill-utenti kummerċjali tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online drittijiet ta’ trasparenza xierqa inklużi perjodi minimi ta’ avviż qabel ma jitneħħew l-offerti mis-servizzi tagħhom u l-mezzi sabiex jiġi solvut it-tilwim.
–Il-proposta dwar l-Att dwar id-Data tindirizza l-kondiviżjoni tad-data bejn negozju u ieħor u min-negozji għall-gvern iżda ma tinkludix obbligi ġodda ta’ rapportar għall-pjattaformi online.
–Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet pubbliċi u minn pjattaformi online (inkluż meta jkun neċessarju għall-forniment ta’ numri tar-reġistrazzjoni u għaż-żamma ta’ reġistru għalihom); u għall-iskambju ta’ data personali bejn il-pjattaformi online (li għandhom ammonti sinifikanti ta’ data dwar l-attività tal-STRs) u l-awtoritajiet pubbliċi. Il-GDPR jiddikjara li d-data personali tista’ tiġi pproċessata biss jekk tkun teżisti raġuni legali għat-tali pproċessar (eż. l-ipproċessar ikun neċessarju sabiex ikun hemm konformità ma’ obbligu legali jew sabiex jitwettaq kompitu mwettaq fl-interess pubbliku). Il-Proposta tistabbilixxi r-raġunijiet għall-ipproċessar legali ta’ data personali li jkun neċessarju sabiex tiżdied it-trasparenza tas-settur tal-STRs, u tipprevedi salvagwardji għall-protezzjoni tad-data sabiex tiġi żgurata konformità sħiħa mal-GDPR.
–Ir-Regolament dwar il-Gateway Diġitali Unika jiffaċilita l-aċċess online għall-proċeduri tal-informazzjoni u tal-gvern elettroniku. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv u sabiex jiġi żgurat li l-proċeduri amministrattivi rregolati bil-Proposta jikkonformaw mar-Regolament dwar il-Gateway Diġitali Unika, il-Proposta se żżid dawn il-proċeduri amministrattivi mal-Annessi I u II ta’ dak ir-Regolament.
–Ir-regoli l-ġodda skont id-Direttiva DAC7, li se jiġu applikati mill-1 ta’ Jannar 2023, se jirrikjedu li l-pjattaformi online jirrapportaw ċerta informazzjoni dwar l-introjtu miksub minn dawk li jbigħu permezz tagħhom. Din l-informazzjoni se tinqasam biss mal-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri rilevanti, sakemm ma jkunx meħtieġ mod ieħor minn leġiżlazzjoni oħra, u fuq bażi annwali.
•Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-UE
Din il-Proposta hija allinjata mal-prijoritajiet tal-Kummissjoni sabiex l-UE tkun lesta għall-era diġitali u sabiex tinbena ekonomija li tibqa’ valida fil-futur u għas-servizz tan-nies.Hija wkoll parti mill-istrateġija tal-UE għall-SMEs - minħabba l-ħtiġijiet tal-ħafna atturi SMEs fis-segment tal-STRs, inklużi l-pjattaformi. Il-Proposta se tindirizza wkoll is-sejħiet fil-Perkors ta’ Tranżizzjoni għat-Turiżmu u fl-Aġenda Urbana għall-adozzjoni ta’ qafas tal-UE li jġib aktar trasparenza fis-segment tal-STRs.
Kwalunkwe azzjoni skont il-Proposta se tfittex li tneħħi l-lakuni u tegħleb l-inċertezzi li jifdal b’mod immirat, sabiex tiffaċilita l-iżvilupp bilanċjat tal-STRs. Se tkun konsistenti mal-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (b’mod partikolari l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 11 - bliet u komunitajiet sostenibbli) u tikkontribwixxi għalihom billi tagħti lill-awtoritajiet pubbliċi l-għodod u d-data sabiex jirregolaw is-settur tal-STRs b’mod proporzjonat u sostenibbli. Se tappoġġa wkoll il-proposta tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa favur “investiment f’ekonomija bbażata fuq it-turiżmu u fuq il-kultura, inklużi l-ħafna destinazzjonijiet żgħar fl-Ewropa”. Se tikkomplementa u tibni fuq l-istrumenti legali eżistenti kollha u se tkun allinjata mad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE, mal-impenji kummerċjali internazzjonali u mad-Dikjarazzjoni Ewropea proposta dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika tal-Proposta hija l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jippermetti l-adozzjoni tal-miżuri neċessarji għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern.
Il-Proposta għandha l-għan li tistabbilixxi qafas armonizzat tal-UE għall-ġenerazzjoni tad-data u għall-kondiviżjoni tad-data dwar is-servizzi tal-STRs. L-approssimazzjoni tar-regoli applikabbli għas-servizzi intermedjarji hija neċessarja sabiex tiġi evitata l-proliferazzjoni ta’ rekwiżiti u ta’ talbiet diverġenti għad-data fis-suq uniku, li jkunu jfixklu l-forniment transfruntier ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u tal-STRs. Il-qafas tal-kondiviżjoni tad-data stabbilit skont il-Proposta huwa mistenni li jkollu effett pożittiv fuq l-aċċess għas-suq għall-ospitanti, minħabba li se jgħin sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi relatati mar-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni għall-ospitanti. Il-qafas dwar il-kondiviżjoni tad-data se jipprovdi lill-awtoritajiet id-data li jeħtieġu sabiex jiżviluppaw u jżommu r-regoli dwar l-STRs (eż. regoli sabiex jillimitaw l-offerti tal-STRs f’xi żoni ġeografiċi jew sabiex jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti dwar is-saħħa u s-sikurezza) li huma xierqa u ma humiex aktar restrittivi milli neċessarju sabiex jintlaħaq objettiv ta’ interess pubbliku. Għalhekk, l-Artikolu 114 tat-TFUE huwa l-bażi ġuridika xierqa għal intervent leġiżlattiv li jkopri l-pjattaformi online fis-suq intern u jindirizza d-diverġenzi bejn ir-regolamenti u r-rekwiżiti tal-Istati Membri, li jaffettwaw il-funzjonament tas-suq intern għall-pjattaformi online.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-UE għandha taġixxi biss meta l-objettivi ta’ azzjoni proposta ma jkunux jistgħu jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom u għalhekk, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni proposta, jistgħu jintlaħqu aħjar mill-UE.
Oqfsa diverġenti u ta’ piż żejjed dwar il-ġenerazzjoni tad-data u l-kondiviżjoni tad-data stabbiliti mill-Istati Membri qegħdin ifixklu l-kapaċità tal-pjattaformi online li joperaw bejn il-fruntieri. Fl-istess ħin, l-interventi attwali fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali spiss ikunu eċċessivi u ineffettivi minħabba li l-awtoritajiet ġeneralment isibuha diffiċli li jiksbu data minn pjattaformi u minn ospitanti. Azzjoni fil-livell Ewropew tippermetti l-kondiviżjoni tad-data minn pjattaformi online li joperaw madwar l-UE u tiżgura li d-data skambjata tkun standardizzata u interoperabbli. L-istandards komuni tal-UE għall-iskemi ta’ reġistrazzjoni se jiżguraw li l-proċedura għar-reġistrazzjoni tkun sempliċi, u b’hekk jikkontribwixxu għal frammentazzjoni u għal piżijiet amministrattivi mnaqqsin għall-pjattaformi online u għall-ospitanti. Il-qafas komuni tal-UE se joffri lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali l-livell ta’ trasparenza li jeħtieġu sabiex jinfurzaw ir-regoli u jadottaw risponsi ta’ politika informati allinjati mad-dritt eżistenti tal-Unjoni.
In-natura transfruntiera tas-servizzi online tal-STRs offruti mill-pjattaformi u l-frammentazzjoni tar-rekwiżiti dwar il-kondiviżjoni tad-data jfissru li l-objettivi tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu b’mod effettiv mill-Istati Membri waħedhom. Għalhekk, azzjoni tal-UE hija l-uniku mod sabiex jiġi żgurat li jiġi stabbilit qafas armonizzat għall-ġenerazzjoni tad-data (permezz tar-reġistrazzjoni) u għall-kondiviżjoni tad-data. Din tippermetti wkoll lill-awtoritajiet pubbliċi jfasslu regoli xierqa u proporzjonati bbażati fuq data affidabbli dwar l-STRs, u tippermetti lill-pjattaformi online joperaw u jikbru fis-suq uniku mingħajr ma jkollhom jirrispondu għal bosta talbiet diverġenti ta’ kondiviżjoni tad-data.
•Proporzjonalità
Il-Proposta primarjament għandha l-għan li tissimplifika t-talbiet għad-data madwar l-UE sabiex tagħmilha aktar faċli għall-pjattaformi tal-kirjiet ta’ terminu qasir sabiex iwieġbu għalihom. Bażi ġuridika tal-UE u qafas għall-kondiviżjoni tad-data minn pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir mal-awtoritajiet pubbliċi jżidu ċ-ċertezza legali u jiżguraw li d-data skambjata tkun standardizzata u interoperabbli. L-Istati Membri mhux se jkunu meħtieġa jistabbilixxu proċeduri ta’ reġistrazzjoni għall-ospitanti, sakemm ma jkunux jixtiequ jiksbu data mill-pjattaformi. Meta tkun fis-seħħ sistema ta’ reġistrazzjoni, l-obbligi tal-UE għall-awtoritajiet sabiex joħorġu numri tar-reġistrazzjoni, u għall-pjattaformi online sabiex l-ospitanti kollha jkunu jistgħu juru elenkar b’dawn in-numri tar-reġistrazzjoni se jiżguraw li dan ir-rekwiżit għall-ospitanti jkun faċilment infurzabbli. Sistema ta’ reġistrazzjoni tiffaċilita wkoll l-iskambji tad-data bbażati fuq dawn in-numri tar-reġistrazzjoni. Għalhekk, il-qafas komuni tal-UE jipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali bl-informazzjoni li jeħtieġu sabiex jinfurzaw ir-regoli u jimplimentaw risponsi ta’ politika informati f’konformità mad-dritt tal-UE.
Il-Proposta hija wkoll proporzjonata minħabba li tippermetti lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet pubbliċi ċertu grad ta’ flessibbiltà mhux biss fir-rigward tal-iskemi ta’ reġistrazzjoni (jiġifieri jekk jintroduċuhomx jew le u f’liema livell), iżda anke fir-rigward tal-informazzjoni addizzjonali li kull Stat Membru u awtorità pubblika jistgħu jitolbu mill-ospitanti (soġġett għall-konformità mal-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u tal-proporzjonalità stabbiliti bit-TFUE u bid-Direttiva dwar is-Servizzi). Dan jiżgura li l-ħtiġijiet tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali jiġu rrispettati u kkunsidrati.
•Għażla tal-istrument
Huwa possibbli li l-azzjoni tal-UE tiġi limitata għall-promozzjoni ta’ azzjoni volontarja mill-industrija u għal ċerti miżuri ta’ akkumpanjament. Madankollu, x’aktarx li ma tkunx effettiva, minħabba li tkun tiddependi fuq ir-rieda tal-industrija nnifisha li tbiddel l-istatus quo. Approċċi mhux vinkolanti preċedenti bħall-Komunikazzjoni dwar l-ekonomija kollaborattiva tal-2016 u l-prinċipji ta’ politika tal-2018 ma wasslux għal titjib sinifikanti f’termini ta’ trasparenza fis-settur tal-STRs u tqiesu insuffiċjenti minn numru ta’ partijiet ikkonċernati. Dan intwera wkoll minn sejħiet mill-Kunsill u mill-Parlament għal aktar ċertezza u trasparenza legali; u mill-proċess ta’ konsultazzjoni u ta’ valutazzjoni tal-impatt, li żvela l-limiti u l-ineffettività tal-għodod mhux vinkolanti bħall-ftehimiet volontarji li ntużaw sal-lum fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. Barra minn hekk, ir-regoli tal-GDPR jeħtieġu bażi ġuridika u salvagwardji għall-għanijiet tal-Proposta li tippromwovi l-kondiviżjoni tad-data personali.
Dawn ir-raġunijiet ifissru li strument leġiżlattiv biss jista’ jindirizza b’mod effettiv il-problemi li ġew identifikati. Regolament huwa preferibbli wkoll, minħabba li japplika direttament fl-Istati Membri, jistabbilixxi l-istess livell ta’ obbligi għall-partijiet privati, u jippermetti l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli fis-settur transfruntier b’mod inerenti tal-STRs. Dan jindirizza u jipprevjeni wkoll il-frammentazzjoni tas-suq uniku.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Fit-tħejjija ta’ din il-proposta, il-Kummissjoni kkonsultat firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi (fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali), il-pjattaformi online (u l-organizzazzjonijiet tagħhom), l-ospitanti u fornituri oħrajn ta’ servizzi (bħall-kumpaniji maniġerjali u l-lukandi) u l-assoċjazzjonijiet lokali. L-attivitajiet ta’ konsultazzjoni kienu jinkludu valutazzjoni tal-impatt tal-bidu, konsultazzjoni pubblika dedikata ta’ 12-il ġimgħa li għaliha ġew sottomessi 5 692 tweġiba, workshops għall-partijiet ikkonċernati, żewġ stħarriġiet immirati mal-awtoritajiet pubbliċi u ma’ pjattaformi u konsultazzjonijiet immirati mal-partijiet ikkonċernati.
L-awtoritajiet pubbliċi kkonfermaw li jeħtieġu data personali u mhux personali għall-finijiet tat-tfassil tal-politika u tal-infurzar. Enfasizzaw li bħalissa qegħdin ibatu sabiex jiksbu din id-data mill-ospitanti u mill-pjattaformi online, għal diversi raġunijiet tekniċi u legali. L-ospitanti enfasizzaw il-ħtieġa li tiżdied ir-responsabbiltà tal-pjattaformi online sabiex jiġi żgurat li jintwera biss l-elenkar legali. Wissew kontra l-multiplikazzjoni ta’ regoli restrittivi għall-ospitanti fil-livell lokali. Il-maniġers tal-proprjetà (primarjament SMEs) issuġġerew li għandhom jiġu stabbiliti proċeduri sempliċi ta’ reġistrazzjoni għall-STRs u li għandha tkun disponibbli bażi tad-data nazzjonali għall-immappjar tal-operaturi tal-STRs. Il-pjattaformi online talbu li t-talbiet għall-kondiviżjoni tad-data jkunu proporzjonati u f’konformità mad-dritt tal-UE, b’mod partikolari l-GDPR. Pjattaformi iżgħar enfasizzaw il-ħtieġa li l-obbligu l-ġdid tal-kondiviżjoni tad-data jibni fuq l-obbligi eżistenti (eż. taħt id-DAC7 u d-DSA) u li jneħħu l-lakuni li fadal. Is-settur tal-ospitalità (prinċipalment il-lukandi) appoġġa skemi ta’ reġistrazzjoni għall-ospitanti u jżid il-kondiviżjoni tad-data minn pjattaformi online. Talab kundizzjonijiet ekwi bejn l-STRs u l-fornituri tradizzjonali ta’ akkomodazzjonijiet.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-Kummissjoni u l-kuntratturi esterni wettqu diversi stħarriġiet, konsultazzjoni pubblika u ħafna studji. Ir-riċerka ekonomika interna kif ukoll l-appoġġ għat-tfassil tal-politika u l-analiżi tas-suq miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka informaw aktar il-valutazzjoni tal-impatt għal din l-inizjattiva.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-Proposta hija appoġġata minn rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt SWD(2022) 350, li tħejja f’konformità mal-linji gwida tal-Kummissjoni dwar “
Regolamentazzjoni aħjar”
. Ir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt ġie rieżaminat mill-Bord ta’ Skrutinju Regolatorju u mbagħad ġie rivedut ulterjorment biex jitqiesu l-kummenti u s-suġġerimenti għal titjib li għamel il-Bord, b’mod partikolari billi spjega aħjar il-problema ta’ kif talbiet diverġenti għal data joħolqu ostakoli għal pjattaformi ta’ kiri ta’ terminu qasir online biex joperaw, jikbru u jespandu fis-suq uniku. Il-ħtieġa għal, u l-valur miżjud ta’, azzjoni tal-UE issa hija spjegata aħjar ukoll billi jintwera li r-regoli fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali jnaqqsu r-rieda tal-pjattaformi online sabiex jikkondividu d-data – u b’hekk jagħmluha diffiċli għall-awtoritajiet pubbliċi li jiksbu data affidabbli dwar l-STRs. Ir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt rieżaminat sussegwentement irċieva opinjoni pożittiva mill-Bord.
Minbarra x-xenarju bażi li jinvolvi approċċ ta’ “ebda bidla fil-politika”, ġew identifikati u vvalutati tliet opzjonijiet ta’ politika alternattivi. Dawn fihom miżuri komparabbli, iżda jvarjaw b’mod konsiderevoli f’termini tal-intensità tal-intervent.
–L-opzjoni 1 tieħu l-forma ta’ Rakkomandazzjoni. Il-proposta tħeġġeġ lill-awtoritajiet pubbliċi jistabbilixxu skemi ta’ reġistrazzjoni għall-ospitanti. Din tkun tinvolvi l-ġbir ta’ data sabiex jiġu identifikati l-ospitant u l-unità, u mbagħad l-għoti awtomatiku ta’ numru tar-reġistrazzjoni. L-awtoritajiet pubbliċi jkunu mħeġġin ukoll jitolbu lill-pjattaformi online juru n-numri tar-reġistrazzjoni għal kull unità, u jikkondividu d-data dwar l-attivitajiet miftiehma minn qabel mal-awtoritajiet pubbliċi. Din ir-Rakkomandazzjoni tkun ibbażata fuq eżempji ta’ prattika tajba, u tista’ tiġi kkomplementata minn kodiċi ta’ kondotta sabiex tiġi ffaċilitata l-kondiviżjoni tad-data bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-pjattaformi online billi jiġu speċifikati l-ambitu tal-kondiviżjoni tad-data kif ukoll il-mezzi tekniċi.
–L-opzjoni 2 tkun tirrikjedi li l-awtoritajiet pubbliċi li jkunu jixtiequ jiksbu data mingħand pjattaformi online għal finijiet ta’ tfassil tal-politika u ta’ infurzar iżommu, bħala l-ewwel pass, skema ta’ reġistrazzjoni għall-ospitanti u għall-unitajiet tagħhom, li jkollha tikkonforma ma’ ċerti rekwiżiti. Ladarba l-ospitanti jkunu ppreżentaw sett predefinit ta’ data u ta’ informazzjoni, l-awtoritajiet pubbliċi jkollhom jagħtuhom numru tar-reġistrazzjoni għal kull unità. Il-pjattaformi online jkunu obbligati jirrikjedu li l-ospitanti jipprovdu dan in-numru tar-reġistrazzjoni u li perjodikament jikkondividu sett ta’ data predefinit mal-awtoritajiet pubbliċi (eż. in-numru ta’ prenotazzjonijiet mistennijin u attwali, u n-numru ta’ klijenti li qagħdu f’unità għal kull prenotazzjoni). L-Istati Membri jkollhom jistabbilixxu Punt ta’ Dħul Uniku Diġitali sabiex jippermettu t-trasferiment tad-data, u jkollhom jiddikjaraw b’mod ċar liema obbligi japplikaw għall-ospitanti u għall-pjattaformi online fit-territorju tagħhom.
–L-opzjoni 3 tkun tinkludi l-miżuri previsti taħt l-opzjoni 2, iżda testendi l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-ospitanti u għall-unitajiet kollha fl-UE. L-Istati Membri kollha jkunu meħtieġa jistabbilixxu skema ta’ reġistrazzjoni fil-livell nazzjonali għall-ospitanti kollha u għall-unitajiet tagħhom.
Il-valutazzjoni tal-impatt identifikat l-opzjoni 2 bħala l-opzjoni ppreferuta, minħabba li:
–L-opzjoni 1 ma tiżgurax bis-sħiħ li l-piż fuq il-pjattaformi u l-aċċess għad-data jiġu indirizzati b’mod adegwat. In-natura volontarja tagħha tfisser li twassal biss għal titjib f’xi oqsma u biss bejn numru limitat ta’ pjattaformi online u ta’ awtoritajiet pubbliċi;
–L-opzjoni 2 tkun tissodisfa l-objettivi b’mod flessibbli u proporzjonat. Tkun iżżid it-trasparenza fis-segment tal-STRs, filwaqt li tnaqqas il-piż fuq il-pjattaformi online u tħalli flessibbiltà lill-awtoritajiet pubbliċi;
–L-opzjoni 3 tkun tissodisfa l-objettivi billi tipprovdi qafas effettiv għall-kondiviżjoni tad-data madwar l-UE; madankollu, tkun tinvolvi wkoll kostijiet amministrattivi għoljin għall-awtoritajiet pubbliċi u tillimita l-libertà ta’ azzjoni tagħhom.
F’termini ta’ impatt ekonomiku, l-opzjoni 2 tkun tipprovdi benefiċċji, iżda toħloq ukoll kostijiet ta’ konformità għall-pjattaformi online, għall-awtoritajiet pubbliċi u għall-ospitanti. Il-pjattaformi online jibbenefikaw mis-sostituzzjoni ta’ talbiet mhux koordinati ta’ data b’talbiet aktar simplifikati u proporzjonati - li jnaqqsu l-kostijiet fit-tul. F’termini ta’ kostijiet, il-pjattaformi online prinċipalment iġarrbu kostijiet amministrattivi “ta’ darba” marbutin mal-adattament tal-infrastruttura tal-IT tagħhom u mal-konnessjoni mal-Punt ta’ Dħul Uniku Diġitali. L-awtoritajiet pubbliċi jkunu jibbenefikaw minn ċertezza akbar dwar it-traċċabbiltà tad-data u mill-ottimizzazzjoni tal-proċessi ta’ kondiviżjoni tad-data, li min-naħa tagħhom għandhom inaqqsu l-kostijiet tal-infurzar tar-regoli dwar l-STRs. L-awtoritajiet pubbliċi li jistabbilixxu s-sistema jġarrbu l-kostijiet ta’ darba tal-adattament għas-sistema l-ġdida ta’ reġistrazzjoni u għall-Punt ta’ Dħul Uniku Diġitali, kif ukoll il-kostijiet tal-istabbiliment tal-infrastruttura tal-IT sabiex jirċievu d-data (prinċipalment il-kostijiet tal-hosting u tal-manutenzjoni). Bħala medja, l-ospitanti għandhom jibbenefikaw mill-iffrankar taż-żmien meta jtemmu l-proċeduri ta’ reġistrazzjoni u, fuq terminu twil, minn regoli dwar l-STRs aktar proporzjonati. Ir-reġistrazzjoni tinvolvi wkoll kostijiet amministrattivi.
L-impatti soċjali mistennijin tal-opzjoni 2 jinkludu żieda fil-fiduċja min-naħa tal-konsumaturi u tal-klijenti; tnaqqis fin-numru ta’ elenkar illegali f’postijiet fejn tiġi implimentata l-Proposta; ġestjoni aħjar tal-flussi tat-turiżmu; u l-kapaċità akbar tal-awtoritajiet pubbliċi li jivvalutaw u jimmitigaw l-esternalitajiet negattivi tal-STRs. Tkun tipprovdi wkoll lill-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika, lill-Eurostat u lir-riċerkaturi b’data aggregata dwar l-STRs. L-opzjoni 2 tista’ tkun mistennija wkoll li jkollha impatt fuq id-drittijiet fundamentali, kif spjegat hawn taħt.
F’termini ta’ impatti ambjentali, l-opzjoni 2 hija mistennija żżid il-kapaċità tal-awtoritajiet pubbliċi li jivvalutaw u jimmitigaw l-impronta ekoloġika tal-attività tal-STRs, u sabiex l-awtoritajiet pubbliċi jiġu megħjunin jattiraw l-STRs lejn żoni rurali fejn l-STRs jista’ jkollhom impatt pożittiv (eż. investiment fir-rinnovazzjoni u fl-ekoloġizzazzjoni tal-bini). L-impatti ambjentali ma jistgħux jiġu kkwantifikati, minħabba li jimmaterjalizzaw biss meta l-awtoritajiet pubbliċi jużaw id-data miġbura sabiex ifasslu politiki ekoloġiċi.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
REFIT (il-programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea) ma huwiex applikabbli għall-Proposta.
•Drittijiet fundamentali
Il-Proposta se tiżgura li d-dritt fundamentali tal-protezzjoni ta’ data personali, li huwa garantit skont l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jiġi ssalvagwardjat. L-ipproċessar ta’ data personali skont il-Proposta huwa neċessarju u proporzjonat sabiex jintlaħqu l-objettivi deskritti hawn fuq.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-Proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-UE.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Wara l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri jkollhom perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ sentejn sabiex jimmappjaw l-awtoritajiet lokali rilevanti, joħolqu jew jadattaw is-sistemi ta’ reġistrazzjoni lokali/nazzjonali eżistenti (li jgħaqqdu l-iskemi ta’ reġistrazzjoni lokali, jekk ikun hemm) u jistabbilixxu l-infrastruttura tal-IT fil-livell nazzjonali sabiex jissimplifikaw il-kondiviżjoni tad-data mal-pjattaformi online (permezz tal-Punt ta’ Dħul Uniku Diġitali). L-ewwel evalwazzjoni se ssir mhux aktar kmieni minn ħames snin wara d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (jiġifieri ħames snin wara l-perjodu ta’ tranżizzjoni inizjali ta’ sentejn).
Il-Kummissjoni se timmonitorja l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tas-sistema l-ġdida, u l-konformità magħha, sabiex tivvaluta l-effettività tagħha. L-effettività tar-regoli l-ġodda se tiġi vvalutata prinċipalment (iżda mhux esklużivament) fuq il-bażi ta’ sett ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Proposta
L-ewwel Kapitolu jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali. L-Artikolu 1 jistabbilixxi s-suġġett tar-Regolament propost (jiġifieri regoli armonizzati għall-ġbir tad-data u għall-kondiviżjoni tad-data mal-awtoritajiet kompetenti relatati mal-forniment ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir offruti mill-ospitanti permezz ta’ pjattaformi online). L-Artikolu 2 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament, l-entitajiet li għalihom japplika, u d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u tal-UE li ma jaffettwax. L-Artikolu 3 jiddefinixxi t-termini ewlenin użati fir-Regolament.
It-tieni Kapitolu jikkonċerna r-reġistrazzjoni tal-ospitanti u tal-proprjetajiet. L-Artikolu 4 jistabbilixxi r-rekwiżiti proċedurali li magħhom iridu jikkonformaw f’dan ir-rigward. Jipprevedi li huma biss l-awtoritajiet li għandhom sistemi ta’ reġistrazzjoni li jistgħu jirrikjedu li l-pjattaformi online jirrapportaw regolarment data dwar l-attivitajiet, u li s-sistemi ta’ reġistrazzjoni kollha jridu jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-Regolament. L-Artikolu 5 jelenka l-informazzjoni li l-ospitanti jeħtiġilhom jipprovdu sabiex jirċievu numru tar-reġistrazzjoni. L-Artikolu 6 jistabbilixxi l-obbligi għall-awtoritajiet kompetenti sabiex jivverifikaw l-informazzjoni sottomessa mill-ospitanti, jitolbu informazzjoni addizzjonali mill-ospitanti, u jissospendu l-validità tan-numru tar-reġistrazzjoni. L-Artikolu 7 jagħti dettalji dwar ir-rwol tal-pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir fl-organizzazzjoni tal-interfaċċa online tagħhom sabiex jiżguraw il-validità tan-numri tar-reġistrazzjoni.
It-tielet Kapitolu jikkonċerna r-rapportar tad-data. L-Artikolu 8 jistabbilixxi l-kundizzjoni li skontha, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirċievu minn pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir informazzjoni speċifika dwar l-attivitajiet tal-ospitanti relatati ma’ unità waħda jew aktar offruta għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir. L-Artikolu 9 jintroduċi obbligu għall-pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir sabiex jittrażmettu d-data dwar l-attivitajiet lill-awtoritajiet kompetenti permezz tal-Punt ta’ Dħul Uniku Diġitali. Obbligi ta’ rapportar aktar laxki huma stabbiliti għal pjattaformi żgħar u mikro online tal-kirjiet ta’ terminu qasir. L-Artikolu 10 jistabbilixxi l-ħolqien u l-funzjonalitajiet tal-Punt ta’ Dħul Uniku Diġitali. L-Artikolu 11 jistabbilixxi grupp ta’ koordinazzjoni sabiex jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Punti ta’ Dħul Uniċi Diġitali. L-Artikolu 12 jiċċara liema awtoritajiet jistgħu jaċċessaw id-data miġbura u kondiviża mill-pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir.
Ir-raba’ Kapitolu jistabbilixxi r-regoli dwar l-informazzjoni, il-monitoraġġ u l-infurzar. L-Artikolu 13 jinvolvi obbligi ta’ informazzjoni għall-Istati Membri. L-Artikolu 14 jirrikjedi li kull Stat Membru jaħtar awtorità li għandha timmonitorja l-implimentazzjoni korretta u konsistenti ta’ dan ir-Regolament. L-Artikolu 15 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw l-infurzar ta’ dan ir-Regolament u jistabbilixxu l-penali f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-Regolament.
Il-ħames u l-aħħar Kapitolu jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet finali. L-Artikolu 16 joħloq Kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. L-Artikolu 17 iżid il-proċeduri amministrattivi rregolati bir-Regolament tal-Annessi I u II tar-Regolament (UE) 2018/1724 permezz ta’ emenda ta’ dak ir-Regolament. L-Artikolu 18 jagħti d-dettalji dwar il-proċess ta’ evalwazzjoni u ta’ rieżami għar-Regolament. L-Artikolu 19 jistabbilixxi d-dati tad-dħul fis-seħħ u tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
2022/0358 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-ġbir u l-kondiviżjoni ta' data b'rabta mas-servizzi ta' kiri ta' akkomodazzjoni fuq medda qasira ta' żmien u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Is-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir offruti mill-ospitanti ilhom jeżistu għal ħafna snin bħala komplement għal servizzi oħrajn ta’ akkomodazzjoni bħal lukandi, hostels, jew bed and breakfasts. Il-volum ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir qed jiżdied b’mod sinifikanti madwar l-Unjoni bħala riżultat tat-tkabbir tal-ekonomija tal-pjattaformi. Filwaqt li s-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir joħolqu ħafna opportunitajiet għall-klijenti, għall-ospitanti u għall-ekosistema kollha tat-turiżmu, it-tkabbir rapidu tagħhom wassal ukoll għal tħassib u għal sfidi, b’mod partikolari għall-komunitajiet lokali u għall-awtoritajiet pubbliċi. Waħda mill-isfidi ewlenin hija n-nuqqas ta’ informazzjoni affidabbli dwar is-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir, bħall-identità tal-ospitant, il-post fejn jiġu offruti dawk is-servizzi, u d-durata tagħhom, li jagħmilha diffiċli għall-awtoritajiet sabiex jivvalutaw l-impatt tas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir u jiżviluppaw u jinfurzaw risponsi ta’ politika xierqa u proporzjonati.
(2)L-awtoritajiet pubbliċi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali qegħdin jieħdu dejjem aktar miżuri sabiex jiksbu informazzjoni mill-ospitanti u mill-pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir, billi jimponu skemi ta’ reġistrazzjoni u rekwiżiti oħrajn ta’ trasparenza, inkluż fuq pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir. Madankollu, l-obbligi legali rigward il-ġenerazzjoni tad-data u tal-kondiviżjoni tad-data jvarjaw b’mod konsiderevoli fi ħdan u bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-ambitu u tal-frekwenza tagħhom, kif ukoll f’termini tal-proċeduri relatati. Il-maġġoranza l-kbira tal-pjattaformi online li jintermedjaw il-forniment ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir jipprovdu s-servizzi tagħhom bejn il-fruntieri u, tabilħaqq, madwar is-suq intern kollu. Bħala riżultat ta’ rekwiżiti ta’ trasparenza diverġenti, l-ilħuq tal-potenzjal sħiħ tas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir huwa mxekkel, u l-funzjonament xieraq tas-suq intern huwa affettwat b’mod negattiv. Sabiex jinkisbu regoli u rekwiżiti aktar armonizzati, u jiġi żgurat forniment ġust, mhux ambigwu u trasparenti ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir bħala parti mill-isforzi għall-promozzjoni ta’ ekosistema tat-turiżmu bbilanċjata fis-suq intern, jenħtieġ li jiġi stabbilit sett ta’ regoli uniformi u mmirat fil-livell tal-Unjoni.
(3)Għal dak l-għan, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli armonizzati dwar il-ġenerazzjoni tad-data u l-kondiviżjoni tad-data għas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir, sabiex jiżdied l-aċċess għad-data u l-kwalità tad-data għall-awtoritajiet pubbliċi dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir, li min-naħa tagħhom jenħtieġ li jippermettulhom ifasslu u jimplimentaw politiki dwar servizzi bħal dawn b’mod effettiv u proporzjonat.
(4)Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli sabiex jiġu armonizzati r-rekwiżiti ta’ trasparenza għall-forniment ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir permezz ta’ pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir f’każijiet li fihom l-Istati Membri jiddeċiedu li jimponu rekwiżiti ta’ trasparenza bħal dawn. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġu pprovduti regoli armonizzati għall-iskemi ta’ reġistrazzjoni u għar-rekwiżiti dwar il-kondiviżjoni tad-data rigward il-pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir jekk l-Istati Membri jiddeċiedu li jistabbilixxu skemi jew rekwiżiti bħal dawn. Sabiex tinkiseb armonizzazzjoni effettiva, u sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tar-regoli, l-Istati Membri mhux se jkunu jistgħu jilleġiżlaw dwar l-aċċess għad-data minn pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir barra mir-reġim speċifiku stabbilit f’dan ir-Regolament. Dan sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri ma jirregolawx it-talbiet inkwistjoni mingħajr ma jdaħħlu fis-seħħ l-iskemi ta’ reġistrazzjoni, il-bażijiet tad-data u l-punt ta’ dħul uniku diġitali neċessarji u sabiex tiġi ffaċilitata l-kondiviżjoni tad-data proporzjonata, konformi mal-privatezza u sigura minn pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir fi ħdan is-suq intern. Ir-Regolament ma jaffettwax il-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jadottaw u jżommu rekwiżiti dwar l-aċċess għas-suq relatati mal-forniment ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir mill-ospitanti, inklużi rekwiżiti dwar is-saħħa u s-sikurezza, standards tal-kwalità minima jew restrizzjonijiet kwantitattivi, diment li t-tali rekwiżiti jkunu neċessarji u proporzjonati sabiex jiġu protetti l-objettivi ta’ interess pubbliku, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Jenħtieġ li d-disponibbiltà ta’ data affidabbli fuq bażi uniformi tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ politiki u ta’ regolamenti li jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, hekk kif iċċarat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri huma meħtieġa jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet possibbli għall-aċċess għas-suq għall-ospitanti fuq il-bażi tad-data u tal-evidenza.
(5)Dan ir-Regolament ma huwiex maħsub sabiex jiżgura l-konformità mar-regoli doganali jew dwar it-tassazzjoni u ma jaffettwax il-kompetenzi tal-Istati Membri fil-qasam tar-reati kriminali. Għaldaqstant, ma jaffettwax il-kompetenza tal-Istati Membri jew tal-Unjoni f’dawk l-oqsma jew fi kwalunkwe strument tad-dritt nazzjonali jew tal-Unjoni adottat skont tali kompetenza għall-aċċess, għall-kondiviżjoni u għall-użu tad-data f’dawk l-oqsma. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi eskluż l-użu futur possibbli ta’ data personali pproċessata skont ir-Regolament għall-infurzar tal-liġi jew għal finijiet ta’ tassazzjoni u doganali.
(6)Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għal servizzi li jikkonsistu fil-kiri ta’ terminu qasir ta’ akkomodazzjoni bl-għamara, b’remunerazzjoni, kemm jekk fuq bażi professjonali kif ukoll jekk mhux professjonali. Servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir jistgħu jikkonċernaw, pereżempju, kamra fir-residenza primarja ta’ ospitant bl-ospitant preżenti, ir-residenza primarja jew sekondarja ta’ ospitant mikrija għal numru limitat ta’ jiem fis-sena, jew proprjetà waħda jew aktar mixtrija mill-ospitant bħala investiment li tinkera fuq bażi ta’ terminu qasir, tipikament għal anqas minn sena matul is-sena. Jenħtieġ li l-provvista ta’ akkomodazzjoni bl-għamara għal użu aktar permanenti, tipikament għal sena jew aktar, ma titqiesx ipprovduta fuq bażi ta’ terminu qasir. Is-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir ma humiex limitati għal unitajiet maħsubin għal skopijiet turistiċi jew ta’ divertiment iżda jenħtieġ li jinkludu soġġorni ta’ terminu qasir għal skopijiet oħrajn, bħal negozju jew studju.
(7)Jenħtieġ li r-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament ma japplikawx għal-lukandi u għal akkomodazzjonijiet turistiċi simili oħrajn, li jinkludu lukandi resorts, lukandi suites jew tal-appartamenti, hostels jew motels, peress li s-servizzi tagħhom diġà huma koperti minn obbligi eżistenti ta’ trasparenza u ta’ rapportar, b’mod partikolari bir-Regolament (UE) Nru 692/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Jenħtieġ li lanqas l-akkomodazzjoni pprovduta għal raġunijiet ta’ kkampjar, jew f’parks ta’ vetturi għar-rikreazzjoni u f’parks tat-trejlers, bħal kampijiet, karavans jew vetturi għar-rikreazzjoni, ma tkun koperta minn dawk ir-regoli, minħabba li akkomodazzjonijiet bħal dawn normalment jinstabu f’żoni dedikati, bħal siti ta’ kkampjar jew parks tal-karavans, u ma għandhomx impatt fuq l-akkomodazzjoni residenzjali, komparabbli ma’ dak tas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir.
(8)Jenħtieġ li r-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament japplikaw għall-pjattaformi online skont it-tifsira tal-Artikolu 3, il-punt (i), tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jippermetti lill-klijenti jikkonkludu kuntratti mill-bogħod mal-ospitanti għall-forniment ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir. Għalhekk, jenħtieġ li l-paġni web li jqabbdu l-ospitanti mal-klijenti mingħajr xi rwol ieħor fil-konklużjoni ta’ tranżazzjonijiet diretti jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Pjattaformi online li jintermedjaw il-forniment ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir mingħajr ħlas (pereżempju, pjattaformi online li jintermedjaw l-iskambju ta’ abitazzjonijiet) ma humiex koperti minn dawn ir-regoli, minħabba li huma koperti biss is-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir ipprovduti b’remunerazzjoni.
(9)Il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jiġbru informazzjoni dwar l-ospitanti u l-unitajiet relatati mas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir. In-numru tar-reġistrazzjoni, li huwa identifikatur uniku ta’ unità mikrija, jenħtieġ li jiżgura li d-data miġbura u kondiviża mill-pjattaformi tkun tista’ tiġi attribwita kif xieraq lill-ospitanti u lill-unitajiet. Għalhekk, jenħtieġ li jkun f’idejn l-awtoritajiet kompetenti, meta jkunu jixtiequ jirċievu data mingħand fornituri ta’ pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir, jistabbilixxu jew iżommu proċeduri ta’ reġistrazzjoni għall-ospitanti u għall-unitajiet tagħhom, jew fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali.
(10)Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jiksbu l-informazzjoni u d-data li jeħtieġu, mingħajr ma jimponu piżijiet sproporzjonati fuq il-pjattaformi online u fuq l-ospitanti, huwa neċessarju li jiġi stabbilit approċċ komuni għall-proċeduri ta’ reġistrazzjoni fl-Istati Membri li jkun limitat għal informazzjoni bażika li tippermetti l-identifikazzjoni tal-unità u tal-ospitant. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li, mas-sottomissjoni tal-informazzjoni u tad-dokumenti rilevanti kollha, l-ospitanti u l-unitajiet jingħataw numru tar-reġistrazzjoni. Jenħtieġ li l-ospitanti jkunu jistgħu jidentifikaw u jawtentikaw lilhom infushom bl-użu ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettroniċi maħruġin skont skema ta’ identità elettronika notifikata skont ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex ilestu dawk il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni.
(11)Jenħtieġ li l-ospitanti jipprovdu informazzjoni dwarhom infushom, l-unitajiet li joffru għas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir u informazzjoni neċessarja oħra sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jafu l-identità tal-ospitant u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom, kif ukoll il-post, it-tip (eż. dar, appartament, kamra) u l-karatteristiċi tal-unità. Informazzjoni bħal din hija meħtieġa sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-ospitanti u tal-unitajiet offruti. Jenħtieġ li d-deskrizzjoni tal-karatteristiċi tal-unità tinkludi indikazzjoni ta’ jekk l-unità tkunx offruta kompletament jew parzjalment u jekk l-ospitant jużax l-unità għal skopijiet residenzjali bħala residenza primarja jew sekondarja jew għal skopijiet oħrajn. Jenħtieġ li l-ospitanti jipprovdu wkoll informazzjoni dwar in-numru massimu ta’ klijenti li l-unità hija kapaċi tilqa’.
(12)Jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri jirrikjedu lill-ospitanti jissottomettu informazzjoni u dokumentazzjoni addizzjonali li jiċċertifikaw il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti mil-liġi nazzjonali, bħar-rekwiżiti dwar is-saħħa u s-sikurezza u dwar il-protezzjoni tal-konsumatur. L-Istati Membri jistgħu, b’mod partikolari, sabiex jiżguraw aċċess u inklużjoni ugwali, jeħtieġu li l-ospitanti jipprovdu informazzjoni dwar l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità tal-unitajiet offruti għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni ta’ terminu qasir fir-rigward tar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà nazzjonali jew lokali. Madankollu, jenħtieġ li kwalunwke rekwiżit jikkonforma mal-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u tal-proporzjonalità, li jfisser li jrid ikun xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq objettiv regolatorju leġittimu, u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mad-Direttiva 2006/123/KE. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jimponu rekwiżiti ta’ informazzjoni fuq ospitanti li jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni dwar kwistjonijiet mhux koperti minn dan ir-Regolament, bħal soġġorni mhux remunerati inkluż fejn arranġamenti ta’ ospitar jikkonċernaw individwi vulnerabbli, bħal refuġjati jew benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja.
(13)Meta l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni pprovduti mill-ospitanti permezz tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni jkunu validi għal perjodu ta’ żmien limitat, pereżempju fil-każ ta’ dokument tal-identità jew ċertifikat dwar it-tifi tan-nar jew ċertifikat ieħor dwar is-sikurezza, jenħtieġ li l-ospitanti jkunu jistgħu jaġġornaw l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni. Meta ospitant jonqos milli jissottometti l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni aġġornati, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jissospendu l-validità tan-numru tar-reġistrazzjoni sakemm tiġi sottomessa l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni aġġornata. Jenħtieġ li l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni mressqin mill-ospitant jinżammu għall-perjodu kollu ta’ validità tan-numru tar-reġistrazzjoni u għal perjodu massimu ta’ sena wara t-talba tal-ospitant għat-tneħħija ta’ unità mir-reġistru, sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jwettqu kwalunkwe kontroll rilevanti anki wara t-tneħħija tal-unità mir-reġistru.
(14)Jenħtieġ li l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni pprovduti mill-ospitanti permezz tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni jiġu vverifikati mill-awtoritajiet kompetenti biss wara l-ħruġ tan-numru tar-reġistrazzjoni. Huwa xieraq li l-ospitanti jkunu jistgħu, fi ħdan perjodu ta’ żmien raġonevoli, jirrettifikaw l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni sottomessi li awtorità kompetenti tqis li ma jkunux kompluti jew akkurati. Meta l-ospitant jonqos milli jirrettifika l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni fi ħdan il-perjodu indikat, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti jkollha s-setgħa li tissospendi l-validità tan-numru tar-reġistrazzjoni. Jenħtieġ li l-awtorità kompetenti jkollha s-setgħa li tissospendi l-validità tan-numru tar-reġistrazzjoni anke f’każijiet li fihom issib li hemm dubji ċari u serji fir-rigward tal-awtentiċità u tal-validità tal-informazzjoni jew tad-dokumentazzjoni pprovduta mill-ospitant. F’dawk il-każijiet, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jinfurmaw lill-ospitanti dwar l-intenzjoni tagħhom li jissospendu l-validità tan-numru tar-reġistrazzjoni u r-raġunijiet għaliha. Jenħtieġ li l-ospitanti jkollhom il-possibbiltà li jinstemgħu u, fejn xieraq, li jirrettifikaw l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni pprovduti f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Meta l-validità tan-numru tar-reġistrazzjoni tkun ġiet sospiża, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li joħorġu ordni li titlob lill-pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir ineħħu jew jiddiżattivaw l-aċċess għall-elenkar relatat mal-unità inkwistjoni mingħajr dewmien żejjed. Dawk l-ordnijiet jenħtieġ li jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġi identifikat l-elenkar, inkluż l-Uniform Resource Locator (URL) individwali tal-elenkar.
(15)Meta tapplika proċedura ta’ reġistrazzjoni, jenħtieġ li l-ospitanti jkunu meħtieġa jipprovdu pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir bin-numri tar-reġistrazzjoni tagħhom, juruhom f’kull elenkar tal-unitajiet rispettiv u jipprovdu lill-klijenti bin-numru tar-reġistrazzjoni tal-unità. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li, meta tkun tapplika proċedura ta’ reġistrazzjoni, il-liġi nazzjonali tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jordnaw lil pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir sabiex ineħħu l-elenkar relatat mal-unitajiet offruti mingħajr numru tar-reġistrazzjoni jew offruti b’numru tar-reġistrazzjoni invalidu.
(16)L-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2022/2065 jistabbilixxi ċerti rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta għall-fornituri ta’ pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod mal-kummerċjanti. Dawk ir-rekwiżiti japplikaw għall-pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir fir-rigward tas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir offruti mill-ospitanti li jikkwalifikaw bħala kummerċjanti. Madankollu, is-settur tal-kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir huwa kkaratterizzat mill-fatt li l-ospitanti spiss ikunu individwi privati li joffru servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir fuq bażi okkażjonali bejn il-pari, li mhux neċessarjament jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex għandhom jiġu kkategorizzati bħala “kummerċjanti” skont id-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, f’konformità mal-kunċett u mal-objettiv ta’ “konformità mid-disinn” skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2022/2065, u sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jivverifikaw jekk l-obbligi ta’ reġistrazzjoni applikabbli jkunux issodisfati, huwa xieraq li jiġu applikati kundizzjonijiet speċifiċi għall-konformità mid-disinn fil-kuntest tas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir, inklużi dawk offruti mill-ospitanti li ma jikkwalifikawx bħala negozjanti skont id-dritt tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir jiżguraw li s-servizzi ma jiġux offruti meta ma jkun ġie pprovdut l-ebda numru tar-reġistrazzjoni, f’każijiet li fihom ospitant jiddikjara li japplika tali numru tar-reġistrazzjoni. Jenħtieġ li dan ma jfissirx obbligu għall-pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir sabiex jimmonitorjaw b’mod ġenerali s-servizzi offruti mill-ospitanti permezz tal-pjattaforma tagħhom, u lanqas obbligu ġenerali ta’ ġbir ta’ informazzjoni mmirat lejn il-valutazzjoni tal-akkuratezza tan-numru tar-reġistrazzjoni qabel il-pubblikazzjoni tal-offerta tas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir.
(17)Meta l-awtoritajiet kompetenti jkunu jixtiequ jirċievu informazzjoni minn pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir dwar l-attivitajiet tal-ospitanti, jenħtieġ li dawn ikunu meħtieġa jistabbilixxu jew iżommu proċedura ta’ reġistrazzjoni.
(18)Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti li jixtiequ jirċievu informazzjoni minn pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir dwar l-attivitajiet tal-ospitanti u jkollhom fis-seħħ sistemi ta’ reġistrazzjoni jkunu jistgħu jiksbu data dwar l-attivitajiet mill-pjattaformi online fuq bażi regolari. It-tip ta’ data li tista’ tinkiseb jenħtieġ li tkun armonizzata għalkollox u għandha tinkludi informazzjoni dwar in-numru ta’ ljieli li għalihom tkun inkriet unità reġistrata, in-numru ta’ mistednin li qagħdu fl-unità għal kull lejl, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-URL tal-elenkar tal-unità, li hija meħtieġa sabiex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni tal-ospitant u l-unità offruta għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni ta’ terminu qasir f’każijiet fejn in-numru ta’ reġistrazzjoni jkun nieqes jew mhux korrett. Huma biss il-pjattaformi online li ffaċilitaw b’mod effettiv il-konklużjoni ta’ tranżazzjonijiet diretti bejn l-ospitanti u l-klijenti li huma koperti bl-obbligu li jipprovdu d-data tal-attività, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-URL tal-elenkar tal-unità, minħabba li dawk il-pjattaformi biss huma f’pożizzjoni li jiġbru d-data, bħal dwar in-numru ta’ ljieli li għalihom tinkera unità u n-numru ta’ klijenti li qagħdu fl-unità għal kull lejl. Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jżommux jew ma jintroduċux miżuri li jirrikjedu li l-pjattaformi jirrapportaw dwar il-fornituri ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir u l-attivitajiet tagħhom li jitbiegħdu minn dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mid-dritt tal-Unjoni.
(19)Sabiex jiġi żgurat li l-ipproċessar ta’ data personali jkun adegwat, rilevanti u limitat għal dak li jkun neċessarju fir-rigward tal-iskopijiet li għalih tiġi pproċessata, jenħtieġ li l-pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir ma jkunux meħtieġa jirrapportaw informazzjoni addizzjonali dwar l-identità tal-ospitanti u dwar l-unitajiet, minħabba li din l-informazzjoni diġà tinġabar mill-awtoritajiet kompetenti permezz tal-proċeduri ta’ reġistrazzjoni applikabbli għall-ospitanti.
(20)Jenħtieġ li l-pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir li jikkwalifikaw bħala intrapriżi żgħar jew mikro skont it-tifsira tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE ma jkunux mistennijin jużaw mezzi ta’ komunikazzjoni bejn magni u oħra ta’ kondiviżjoni tad-data, diment li, fit-trimestru ta’ qabel, ma jkunux laħqu medja ta’ 2 500 ospitant attiv minimu fix-xahar fl-Unjoni. Il-permess li tali pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir jużaw mezzi manwali sabiex jikkondividu d-data mal-Punt ta’ Dħul Uniku Diġitali jnaqqas il-piż tal-konformità tagħhom u jqis ir-riżorsi finanzjarji jew tekniċi tagħhom, filwaqt li xorta jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti jiksbu d-data rilevanti. Is-suppożizzjoni hija li l-pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir li huma intrapriżi żgħar jew mikro skont it-tifsira tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE u li jilħqu jew jaqbżu dan il-limitu diġà jenħtieġ li jkollhom fis-seħħ sistemi li jippermettu l-konformità mal-obbligi ta’ trażmissjoni bejn magna u oħra.
(21)Jenħtieġ li l-pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir ikunu meħtieġa jissodisfaw l-obbligi ta’ rapportar fir-rigward tas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir li huma jintermedjaw għal unitajiet li jinsabu f’żona fejn tkun ġiet stabbilita proċedura ta’ reġistrazzjoni, u diment li l-Punt ta’ Dħul Uniku Diġitali jkun ġie stabbilit mill-Istat Membru. Il-ġbir u l-kondiviżjoni ta’ din l-informazzjoni huma neċessarji sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jimmonitorjaw il-konformità mal-proċeduri ta’ reġistrazzjoni applikabbli għall-ospitanti, u sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiżviluppaw u jinfurzaw politiki xierqa u proporzjonati fil-qasam tas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir.
Sabiex jiġi evitat li l-pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir jiġu ffaċċjati b’rekwiżiti tekniċi diverġenti u b’varjetà ta’ punti ta’ aċċess għall-kondiviżjoni tad-data fi Stat Membru, jenħtieġ li jiġi stabbilit Punt ta’ Dħul Uniku Diġitali nazzjonali bħala gateway għat-trażmissjoni elettronika tad-data bejn il-pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir u l-awtoritajiet kompetenti, filwaqt li jiġu żgurati proċessi ta’ kondiviżjoni tad-data puntwali, affidabbli u effiċjenti.
(23)Jenħtieġ li l-Punti ta’ Dħul Uniċi Diġitali jiffaċilitaw il-kapaċità tal-pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir li jivverifikaw b’mod aleatorju l-validità ta’ numru tar-reġistrazzjoni jew l-akkuratezza tal-awtodikjarazzjonijiet, sabiex jitnaqqsu l-iżbalji u l-inkonsistenzi fir-rigward tat-trażmissjoni tad-data u jitħaffef il-piż regolatorju tagħhom. Filwaqt li ma jkunx jeħtieġ il-ħżin attwali tan-numru tar-reġistrazzjoni, jenħtieġ li l-Punt ta’ Dħul Uniku Diġitali jippermetti t-twettiq ta’ kontrolli aleatorji jew awtomatikament permezz ta’ Interfaċċi għall-Programmi tal-Applikazzjonijiet li jippermettu l-verifika ta’ numru tar-reġistrazzjoni kontra l-entrati partikolari fir-reġistru tal-proċeduri ta’ reġistrazzjoni individwali fi Stat Membru konness mal-Punt ta’ Dħul Uniku Diġitali jew manwalment, pereżempju, billi jiddaħħal numru tar-reġistrazzjoni f’interfaċċa online u tiġi riċevuta konferma dwar il-validità tiegħu. Jenħtieġ li l-pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir ikunu liberi li jwettqu b’mod volontarju kontrolli addizzjonali permezz tal-Punt ta’ Dħul Uniku Diġitali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jinfurzaw l-obbligi ta’ reġistrazzjoni billi jużaw l-għodod diġà disponibbli għalihom.
(24)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet tekniċi li jappoġġaw l-iskambju tad-data u sabiex tiġi promossa l-interoperabbiltà tal-Punti ta’ Dħul Uniċi Diġitali nazzjonali, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi, fejn neċessarju, l-istandards applikabbli u r-rekwiżiti tal-interoperabbiltà. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(25)Jenħtieġ li jiġu żgurati l-allinjament bejn id-diversi reġistri fi Stat Membru kif ukoll l-interoperabbiltà tagħhom mal-Punt ta’ Dħul Uniku Diġitali sabiex jitneħħew l-ostakli semantiċi u tekniċi għall-kondiviżjoni tad-data u sabiex jiġu żgurati proċeduri amministrattivi aktar effettivi u effiċjenti. Jenħtieġ li l-entitajiet responsabbli għall-ħolqien tal-Punti ta’ Dħul Uniċi Diġitali fil-livell nazzjonali u l-Kummissjoni jiffaċilitaw l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri.
(26)Qafas proporzjonat, limitat u prevedibbli fil-livell tal-Unjoni huwa neċessarju għall-kondiviżjoni trasparenti tad-data tal-attivitajiet u tan-numri tar-reġistrazzjoni, f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Sabiex jinkiseb dan, jenħtieġ li l-Istati Membri jelenkaw l-awtoritajiet kompetenti fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali li jkunu stabbilew jew iżommu proċedura ta’ reġistrazzjoni sabiex jitolbu data dwar l-attivitajiet għall-unitajiet li jinsabu fit-territorju tagħhom. Jenħtieġ li tali data tiġi pproċessata biss għall-finijiet ta’ monitoraġġ tal-konformità mal-proċeduri ta’ reġistrazzjoni jew mar-regoli ta’ implimentazzjoni dwar l-aċċess għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir u l-forniment tagħhom. F’dan l-aħħar każ, jenħtieġ li tali pproċessar ikun permess biss jekk ir-regoli inkwistjoni ma jkunux diskriminatorji, ikunu proporzjonati, u jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni, inklużi r-regoli dwar il-moviment liberu tas-servizzi, il-libertà tal-istabbiliment, u r-regoli fid-Direttiva 2006/123. Għall-finijiet ta’ konformità mad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, jenħtieġ li kwalunkwe regola li tikkonċerna l-aċċess għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir u l-forniment tagħhom tistabbilixxi l-għan tal-ipproċessar tad-data f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament 2016/679. Id-data dwar l-attivitajiet, li ma tinkludix data personali, hija essenzjali wkoll għall-awtoritajiet li qegħdin jiżviluppaw regoli bħal dawn bħala parti mill-isforzi sabiex jippromwovu ekosistema tat-turiżmu bbilanċjata, inklużi regoli effettivi u proporzjonati għall-aċċess għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir u għall-forniment tagħhom. Jenħtieġ li perjodu ta’ żamma massimu ta’ sena jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jiżguraw il-konformità mar-regoli u mar-regolamenti applikabbli għall-ospitanti jew li jikkonċernaw l-unitajiet mikrijin u għall-iżvilupp tal-politika.
(27)Settijiet ta’ data aggregati bbażati fuq id-data disponibbli dwar l-attivitajiet, ikunu importanti wkoll għall-kompilazzjoni tal-istatistika uffiċjali. Jenħtieġ li dik id-data, flimkien ma’ informazzjoni dwar in-numru totali ta’ unitajiet u dwar in-numru massimu ta’ klijenti li l-unità tista’ tilqa’ f’kull subdiviżjoni ġeografika, tiġi trażmessa lill-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika u lill-Eurostat kull xahar għall-finijiet tal-kompilazzjoni tal-istatistiki f’konformità mar-rekwiżiti applikabbli għal fornituri oħrajn ta’ servizzi fis-settur tal-akkomodazzjoni kif stabbilit fir-Regolament 692/2011 dwar l-istatistika Ewropea dwar it-turiżmu. Jenħtieġ li l-Istati Membri jaħtru l-entità nazzjonali responsabbli għall-aggregazzjoni tad-data u għat-trażmissjoni tagħha. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jikkondividu wkoll data dwar l-attività, mingħajr kwalunkwe data li tista’ tippermetti l-identifikazzjoni ta’ unitajiet jew ta’ ospitanti individwali, bħan-numri tar-reġistrazzjoni u l-URLs ma’ entitajiet u ma’ persuni meta dan ikun meħtieġ sabiex iwettqu attivitajiet ta’ riċerka xjentifika jew analitiċi kif ukoll sabiex jipproduċu mudelli ta’ negozju u servizzi ġodda. Taħt l-istess kundizzjonijiet, id-data dwar l-attivitajiet tista’ ssir disponibbli permezz ta’ spazji tad-data settorjali, meta jkunu stabbiliti.
(28)Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa sabiex l-awtoritajiet pubbliċi, il-pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir, l-ospitanti u ċ-ċittadini jkunu jistgħu jifhmu l-liġijiet, il-proċeduri u r-rekwiżiti relatati mal-forniment ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir fit-territorju tagħhom. Dawk jinkludu proċeduri ta’ reġistrazzjoni kif ukoll kwalunkwe rekwiżit li jikkonċerna l-aċċess għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir, u l-forniment tagħhom.
(29)Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li kull Stat Membru jaħtar awtorità li jenħtieġ li timmonitorja l-implimentazzjoni tiegħu u tirrapporta lill-Kummissjoni kull sentejn.
(30)Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw infurzar effettiv ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-awtoritajiet fdati bl-infurzar tar-Regolament (UE) 2022/2065 jiżguraw li l-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament għall-fornituri ta’ pjattaformi tal-kiri online ta’ terminu qasir dwar id-disinn tal-interfaċċja ta’ pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir fir-rigward tan-numru tar-reġistrazzjoni ta’ kwalunkwe ospitant, kif definit f’dan ir-Regolament, jiġu rrispettati f’konformità mas-setgħat u mal-proċeduri stabbiliti fil-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) 2022/2065. Għalhekk, f’konformità mar-Regolament (UE) 2022/2065, jenħtieġ li d-DSC kompetenti jew il-Kummissjoni jingħataw is-setgħa li jinfurzaw l-obbligu ta’ konformità mid-disinn stabbilit fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-Regolament f’konformità mal-allokazzjoni tal-kompetenzi stabbilita fil-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) 2022/2065. Konsegwentement, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta miżuri ta’ infurzar diretti biss fir-rigward ta’ pjattaformi online kbar ħafna maħturin skont ir-Regolament (UE) 2022/2065.
(31)Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw infurzar effettiv ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament rigward ir-riżultati tal-kontrolli aleatorji, l-obbligu li tiġi inkluża referenza għall-informazzjoni li għandha ssir disponibbli mill-Istati Membri dwar ir-regoli li jirregolaw il-forniment ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir u l-obbligi ta’ kondiviżjoni tad-data ta’ pjattaformi tal-kirjiet ta’ terminu qasir. Minħabba n-natura speċifika ta’ dawk l-obbligi, jenħtieġ li jkun f’idejn l-awtoritajiet maħturin mill-Istat Membru tal-Punt Uniku ta’ Dħul Diġitali, li fih tinsab l-unità rilevanti, li jinfurzahom. Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu wkoll regoli li jistabbilixxu penali għall-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li japplikaw għal pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir u jenħtieġ li jiżguraw li tali penali jiġu implimentati u nnotifikati f’konformità mad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Jenħtieġ li tali penali jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Jenħtieġ li dawn il-penali jiżguraw infurzar effettiv ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-obbligi tal-kondiviżjoni tad-data.
(32)Sabiex iċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jgawdu direttament mill-benefiċċji tas-suq intern mingħajr ma jġarrbu piż amministrattiv addizzjonali mingħajr bżonn, ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li stabbilixxa l-Gateway Diġitali Unika, jipprevedi regoli ġenerali għall-provvista online ta’ informazzjoni, ta’ proċeduri u ta’ servizzi ta’ assistenza rilevanti għall-funzjonament tas-suq intern. Jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ informazzjoni u l-proċeduri koperti minn dan ir-Regolament jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2018/1724. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-proċeduri li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni mill-ospitanti u l-ħruġ tan-numru tar-reġistrazzjoni msemmijin fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament jiġu inklużi fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1724 sabiex jiġi żgurat li kwalunkwe ospitant ikun jista’ jibbenefika minn proċeduri kompletament online. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2018/1724 jiġi emendat skont dan.
(33)Barra minn hekk, f’konformità mal-prinċipju ta’ darba biss, jenħtieġ li l-ospitanti b’unitajiet fi Stat Membru wieħed jew aktar jitħallew jużaw mill-ġdid id-data u l-evidenza li jkunu diġà ssottomettew għall-fini tal-ewwel reġistrazzjoni, u b’hekk jitnaqqas il-piż regolatorju għall-ospitanti. Dik il-funzjonalità tista’ tiġi pprovduta bl-użu tal-infrastruttura tas-Sistema Teknika ta’ Darba Biss kif stabbilita bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1463.
(34)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa perjodikament dan ir-Regolament u timmonitorja l-effetti tiegħu fuq il-forniment ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir offruti permezz ta’ pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir fl-Unjoni. Jenħtieġ li dik l-evalwazzjoni tinkludi kwalunkwe effett fuq il-fornituri ta’ pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir u kwalunkwe effett tad-disponibbiltà akbar tad-data dwar il-kontenut u l-proporzjonalità tar-regoli nazzjonali, reġjonali u lokali relatati mal-forniment ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir. Sabiex tinkiseb stampa wiesgħa tal-iżviluppi fis-settur, jenħtieġ li l-evalwazzjoni tqis l-esperjenzi tal-Istati Membri u tal-partijiet ikkonċernati rilevanti.
(35)Sabiex l-Istati Membri jingħataw biżżejjed żmien sabiex jistabbilixxu proċeduri ta’ reġistrazzjoni, jadattaw il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni eżistenti għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u jistabbilixxu Punti ta’ Dħul Uniċi Diġitali, u sabiex jippermettu lill-pjattaformi u lill-ospitanti jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda, jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tiġi differita.
(36)Peress li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-kontribut għall-funzjonament xieraq tas-suq intern fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi pprovduti minn pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u, għalhekk, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta dan ir-Regolament, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.
(37)Id-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali huwa ssalvagwardjat b’mod partikolari mir-Regolament (UE) 2016/679. Dak ir-Regolament jipprovdi l-bażi għar-regoli u għar-rekwiżiti tal-ipproċessar ta’ data personali, inkluż meta s-settijiet ta’ data jinkludu taħlita ta’ data personali u mhux personali u tali data tkun marbuta b’mod inseparabbli. Kwalunkwe proċessar ta’ data personali skont dan ir-Regolament irid jikkonforma mar-Regolament (UE) 2016/679. Għalhekk, l-awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-data huma responsabbli għas-superviżjoni tal-proċessar ta’ data personali mwettaq fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament.
(38)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u ta opinjoni fi [XX XX 2022.],
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-ġbir tad-data mill-awtoritajiet kompetenti u mill-fornituri ta’ pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir u għall-kondiviżjoni tad-data minn pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir lill-awtoritajiet kompetenti relatati mal-forniment ta’ servizzi tal-kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir offruti mill-ospitanti permezz ta’ pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir.
Artikolu 2
Kamp ta’ Applikazzjoni
1.Dan ir-Regolament japplika għall-fornituri ta’ pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir li joffru servizzi lill-ospitanti li jipprovdu servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir fl-Unjoni, irrispettivament mill-post tal-istabbiliment tagħhom.
2.Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal:
(a)regoli nazzjonali, reġjonali jew lokali li jirregolaw l-aċċess għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir, jew il-forniment tagħhom, mill-ospitanti, sakemm ma jkunx previst mod ieħor b’mod speċifiku skont dan ir-Regolament;
(b)regoli nazzjonali, reġjonali jew lokali li jirregolaw l-iżvilupp jew l-użu tal-art, l-ippjanar tal-ibliet u tal-pajjiż jew l-istandards tal-bini;
(c)id-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali li jirregola l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni, jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali;
(d)id-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali li jirregola l-amministrazzjoni, il-ġbir, l-infurzar u l-irkupru tat-taxxi, id-dwana u dmirijiet oħrajn.
3.Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli stabbiliti minn atti legali oħrajn tal-Unjoni li jirregolaw aspetti oħrajn tal-forniment ta’ servizzi minn pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir u l-forniment ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir, b’mod partikolari:
(a)Ir-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(b)Ir-Regolament (UE) 2022/2065;
(c)Ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(d)Id-Direttiva 2000/31/KE;
(e)Id-Direttiva 2006/123/KE;
(f)Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(g)Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2010/24/UE; u
(h)Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2011/16/UE.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)“unità” tfisser akkomodazzjoni bl-għamara li tinsab fl-Unjoni li hija s-suġġett tal-forniment ta’ servizz ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir. Ma tinkludix dawn li ġejjin:
(a)lukandi u akkomodazzjonijiet simili inklużi lukandi resort, lukandi suites jew tal-appartamenti, hostels u motels kif deskritti fl-NACE Rev. 2, grupp 55.1 (“lukandi u akkomodazzjoni simili”) tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(b)il-forniment ta’ akkomodazzjoni f’żoni tal-ikkampjar, f’parks tal-vetturi għar-rikreazzjoni u f’parks tat-trejlers, kif deskritti fl-NACE Rev. 2, grupp 55.3, tal-Anness I tar-Regolament 1893/2006.
(2)“ospitant” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi, jew li jkollha l-ħsieb li tipprovdi, fuq bażi professjonali jew mhux professjonali, servizz ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir bi ħlas permezz ta’ pjattaforma online tal-kirjiet ta’ terminu qasir;
(3)“ospitanti attivi” tfisser ospitanti li jkollhom tal-anqas unità waħda elenkata matul perjodu ta’ xahar fuq pjattaforma online tal-kirjiet ta’ terminu qasir;
(4)“klijent” tfisser persuna fiżika li tkun ospitata f’unità;
(5)“servizz ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir” tfisser il-kiri ta’ terminu qasir ta’ unità, bi ħlas, kemm jekk fuq bażi professjonali kif ukoll jekk mhux professjonali, kif definit ulterjorment mil-liġi nazzjonali;
(6)“pjattaforma online tal-kirjiet ta’ terminu qasir” tfisser pjattaforma online skont it-tifsira tal-Artikolu 3, il-punt (i), tar-Regolament (UE) 2022/2065, li tippermetti lill-klijenti jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ ospitanti għall-forniment ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir;
(7)“numru tar-reġistrazzjoni” tfisser identifikatur uniku maħruġ mill-Istat Membru kompetenti, li jidentifika unità f’dak l-Istat Membru;
(8)“proċedura ta’ reġistrazzjoni” tfisser kwalunkwe proċedura li biha l-ospitanti jeħtiġilhom jipprovdu informazzjoni u dokumentazzjoni speċifiċi lill-awtoritajiet kompetenti qabel ma jkunu jistgħu jibdew joffru servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir;
(9)“elenkar” tfisser ir-referenza għal unità offruta għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir u ppubblikata fuq sit web ta’ pjattaforma online tal-kirjiet ta’ terminu qasir;
(10)“awtorità kompetenti” tfisser awtorità nazzjonali, reġjonali jew lokali ta’ Stat Membru li tkun kompetenti sabiex timmaniġġja u tinforza l-proċeduri ta’ reġistrazzjoni, u/jew sabiex tiġbor data dwar is-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir;
(11)“data dwar l-attivitajiet” tfisser in-numru ta’ ljieli li għalihom tinkera unità u n-numru ta’ klijenti li qagħdu fl-unità għal kull lejl;
(12)“pjattaforma żgħira jew mikro online tal-kirjiet ta’ terminu qasir” tfisser pjattaforma online tal-kirjiet ta’ terminu qasir li tikkwalifika bħala intrapriża żgħira jew mikro skont it-tifsira tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE.
KAPITOLU II
Reġistrazzjoni
Artikolu 4
Proċeduri ta’ reġistrazzjoni
1.Kwalunkwe proċedura ta’ reġistrazzjoni stabbilita minn Stat Membru, fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, għal unitajiet li jinsabu fit-territorju tiegħu, għandha tikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
(a)il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni joperaw fuq il-bażi ta’ dikjarazzjonijiet magħmulin mill-ospitanti;
(b)il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni jippermettu l-ħruġ awtomatiku u immedjat ta’ numru tar-reġistrazzjoni għal unità speċifika mas-sottomissjoni mill-ospitant tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1) u, meta jkun xieraq, kwalunkwe dokumentazzjoni ta’ sostenn meħtieġa skont l-Artikolu 5(2);
(c)unità ma tkunx soġġetta għal aktar minn proċedura waħda ta’ reġistrazzjoni;
(d)ikun hemm mezzi tekniċi fis-seħħ li jippermettu li l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni jiġu aġġornati minn ospitant;
(e)ikun hemm mezzi tekniċi fis-seħħ sabiex tiġi vvalutata l-validità tan-numri tar-reġistrazzjoni;
(f)ikun hemm mezzi tekniċi fis-seħħ sabiex jippermettu lil ospitant ineħħi unità mir-reġistru msemmi fil-paragrafu 3;
(g)l-ospitanti huma meħtieġa, meta joffru s-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir permezz ta’ pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir, jiddikjaraw jekk l-unità offruta tkunx tinsab f’żona fejn ġiet stabbilita jew tapplika proċedura ta’ reġistrazzjoni u, jekk iva, jipprovdu n-numru tar-reġistrazzjoni.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ospitanti jkunu jistgħu jitolbu li l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 5(1) u (2) tkun tista’ tintuża mill-ġdid għall-finijiet ta’ reġistrazzjonijiet sussegwenti.
4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li n-numri tar-reġistrazzjoni jkunu inklużi f’reġistru. L-awtorità kompetenti li toħroġ in-numru tar-reġistrazzjoni għandha tkun responsabbli għall-istabbiliment u għaż-żamma tar-reġistru.
Artikolu 5
Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-ospitanti
1.Meta jirreġistra skont proċedura ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 4, ospitant għandu jissottometti l-informazzjoni li ġejja permezz ta’ dikjarazzjoni:
(a)għal kull unità:
(1)l-indirizz tal-unità;
(2)it-tip ta’ unità;
(3)jekk l-unità tkunx offruta bħala parti mir-residenza primarja jew sekondarja tal-ospitant jew kollha kemm hi, jew għal skopijiet oħrajn;
(4)in-numru massimu ta’ klijenti li l-unità tista’ tilqa’;
(b)meta l-ospitanti jkunu persuni fiżiċi:
(1)isimhom;
(2)numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali jew, jekk ma jkunx disponibbli, informazzjoni oħra li tippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna;
(3)l-indirizz tiegħu;
(4)in-numru tat-telefown ta’ kuntatt tiegħu;
(5)l-indirizz tal-posta elettronika li l-awtorità kompetenti tista’ tuża għal komunikazzjoni bil-miktub;
(c)meta l-ospitanti jkunu persuni ġuridiċi:
(1)ismu;
(2)in-numru nazzjonali tar-reġistrazzjoni tan-negozju;
(3)l-isem tar-rappreżentanti legali kollha tagħhom;
(4)l-indirizz reġistrat tiegħu;
(5)numru tat-telefown ta’ kuntatt, ta’ rappreżentant ta’ dik il-persuna ġuridika;
(6)indirizz tal-posta elettronika li l-awtorità kompetenti tista’ tuża għal komunikazzjoni bil-miktub.
2.L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-informazzjoni sottomessa skont il-paragrafu 1 tkun akkumpanjata minn dokumentazzjoni ta’ sostenn xierqa.
3.Meta Stat Membru jkun jirrikjedi li l-ospitanti jissottomettu aktar informazzjoni u dokumentazzjoni, is-sottomissjoni ta’ dik l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-ħruġ tan-numru tar-reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 4(2), il-punt (b).
4.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, meta jkun hemm bidla materjali fis-sitwazzjoni ssostanzjata mill-informazzjoni u mid-dokumentazzjoni pprovduti skont il-paragrafi 1 u 2, l-ospitanti għandhom jaġġornaw l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni permezz tal-funzjonalità msemmija fl-Artikolu 4(2), il-punt (d).
5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni ppreżentata skont proċedura ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 4 tinżamm b’mod sigur u kunfidenzjali u biss għal perjodu li jkun neċessarju għall-identifikazzjoni tal-unità u għal massimu ta’ sena wara li l-ospitant ikun indika, permezz tal-funzjonalità msemmija fl-Artikolu 4(2), il-punt (f), li jenħtieġ li l-unità titneħħa mir-reġistru. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni pprovduti mill-ospitant skont il-paragrafi 1 u 2 tiġi pproċessata biss għall-fini tal-ħruġ tan-numru tar-reġistrazzjoni u tal-iżgurar tal-konformità mar-regoli applikabbli tal-Istat Membru dwar l-aċċess għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir u l-forniment tagħhom.
6.L-ospitanti għandhom ikunu responsabbli għall-akkuratezza tal-informazzjoni li jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti skont dan l-Artikolu, u tal-informazzjoni li jipprovdu lill-pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 6
Verifika mill-awtoritajiet kompetenti
1.L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, fi kwalunkwe ħin wara l-ħruġ ta’ numru tar-reġistrazzjoni, jivverifikaw id-dikjarazzjoni u kwalunkwe dokumentazzjoni ta’ sostenn sottomessa minn ospitant skont l-Artikolu 5(1) u 5(2).
2.Meta awtorità kompetenti, wara verifika skont il-paragrafu 1, issib li l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni sottomessa skont l-Artikolu 5(1) u 5(2) ma tkunx kompluta jew tkun skorretta, dik l-awtorità kompetenti għandu jkollha s-setgħa li titlob lill-ospitant jirrettifika l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni pprovduti permezz tal-funzjonalità msemmija fl-Artikolu 4(2), il-punt (d), f’perjodu li għandu jiġi speċifikat mill-awtorità kompetenti.
3.Meta ospitant jonqos milli jirrettifika l-informazzjoni mitluba skont il-paragrafu 2, l-awtorità kompetenti għandu jkollha s-setgħa li tissospendi l-validità tan-numri tar-reġistrazzjoni affettwati u toħroġ ordni li titlob lill-pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir ineħħu jew jiddiżattivaw l-aċċess għal kwalunkwe elenkar relatat mal-unità jew mal-unitajiet inkwistjoni mingħajr dewmien żejjed.
4.Meta awtorità kompetenti, wara verifika skont il-paragrafu 1, issib li hemm dubji evidenti u serji fir-rigward tal-awtentiċità u tal-validità tal-informazzjoni jew tad-dokumentazzjoni skont l-Artikolu 5(1) u 5(2), hija għandu jkollha s-setgħa li tissospendi l-validità tan-numri tar-reġistrazzjoni affettwati u toħroġ ordni li titlob lill-pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir sabiex ineħħu jew jiddiżattivaw l-aċċess għal kwalunkwe elenkar relatat mal-unità jew mal-unitajiet inkwistjoni mingħajr dewmien żejjed.
5.Meta awtorità kompetenti jkollha l-ħsieb li tissospendi l-validità ta’ numru jew ta’ numri tar-reġistrazzjoni skont il-paragrafi 3 jew 4, hija għandha tinnotifika lill-ospitant bil-miktub filwaqt li tiddikjara r-raġunijiet għal dik l-intenzjoni. L-ospitant għandu jingħata l-opportunità li jinstema’ u, meta jkun xieraq, li jirrettifika l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni inkwistjoni f’perjodu raġonevoli li għandu jiġi speċifikat mill-awtorità kompetenti. Meta, wara li tkun semgħet lill-ospitant, l-awtorità kompetenti tikkonferma l-intenzjoni tagħha li tissospendi l-validità ta’ numru jew ta’ numri tar-reġistrazzjoni, hija għandha tinnotifika lill-ospitant bil-miktub dwar dik id-deċiżjoni, flimkien ma’ kopja tal-ordni msemmija fil-paragrafu 3 jew 4.
6.L-ordnijiet maħruġin skont il-paragrafi 3, 4 u 10 għandu jkun fihom tal-anqas l-informazzjoni li ġejja:
(a)dikjarazzjoni tar-raġunijiet;
(b)informazzjoni ċara li tippermetti lill-fornitur tal-pjattaforma online tal-kirjiet ta’ terminu qasir jidentifika u jillokalizza kwalunkwe elenkar ikkonċernat, bħal lokalizzatur uniformi tar-riżorsi (URL) preċiż wieħed jew aktar u l-identità tal-awtorità kompetenti;
(c)l-identità tal-ospitant u tal-unità offruta għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir.
7.Il-validità ta’ numru tar-reġistrazzjoni għandha tibqa’ sospiża, sakemm l-ospitant ikun irrettifika l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni rilevanti mal-awtoritajiet kompetenti. Wara li jirċievu, permezz tal-funzjonalità msemmija fl-Artikolu 4(2), il-punt (d), u jivverifikaw l-akkuratezza, il-kompletezza u l-korrettezza tal-informazzjoni u tad-dokumentazzjoni pprovduti mill-ospitant, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jerġgħu jattivaw in-numru tar-reġistrazzjoni.
8.L-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-ospitanti dwar il-mekkaniżmi ta’ rimedju disponibbli fir-rigward tal-passi meħudin skont il-paragrafi 2 sa 5 u 7.
9.Meta Stat Membru jirrikjedi li l-ospitanti jissottomettu aktar informazzjoni u dokumentazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 5(3), huwa jista’ japplika d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għal tali informazzjoni jew dokumentazzjoni, dment li r-rekwiżit inkwistjoni ma jkunx diskriminatorju, ikun proporzjonat u jikkonforma mad-dritt tal-Unjoni.
10.Meta tkun tapplika proċedura ta’ reġistrazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġi nazzjonali tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jordnaw lill-fornituri ta’ pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir sabiex ineħħu l-elenkar relatat mal-unitajiet offruti mingħajr numru tar-reġistrazzjoni jew offruti b’numru tar-reġistrazzjoni invalidu.
Artikolu 7
Konformità mid-disinn
1.Pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir għandhom:
(a)ifasslu u jorganizzaw l-interfaċċa online tagħhom b’mod li jkun meħtieġ li l-ospitanti jiddikjaraw lilhom infushom jekk l-unità offruta għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir tkunx tinsab f’żona fejn tkun ġiet stabbilita jew tapplika proċedura ta’ reġistrazzjoni;
(b)meta l-ospitant jiddikjara li l-unità offruta għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir tinsab f’żona fejn tkun ġiet stabbilita jew applikata proċedura ta’ reġistrazzjoni, ifasslu u jorganizzaw l-interfaċċa online tagħhom b’mod li jippermettu lill-ospitanti jidentifikaw l-unità permezz ta’ numru tar-reġistrazzjoni, u jiżguraw li l-ospitanti jkunu pprovdew numru tar-reġistrazzjoni qabel ma jippermettu l-offerta tas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir fir-rigward ta’ dik l-unità;
(c)jagħmlu sforzi raġonevoli sabiex jivverifikaw b’mod aleatorju d-dikjarazzjoni tal-ospitanti dwar l-eżistenza ta’ proċedura ta’ reġistrazzjoni jew le, filwaqt li jqisu l-lista magħmula disponibbi skont l-Artikolu 13(1), il-punt (a), u, meta tkun teżisti proċedura bħal din, il-validità tan-numru tar-reġistrazzjoni pprovdut mill-ospitant, inkluż permezz tal-użu tal-funzjonalitajiet offruti mill-Punti ta’ Dħul Uniċi Diġitali msemmijin fl-Artikolu 10(2), il-punt (b), wara li jkunu ppermettew l-offerta tas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir mill-ospitant.
2.Il-pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir għandhom jinformaw mingħajr dewmien lill-awtoritajiet kompetenti u lill-ospitanti bir-riżultati tal-kontrolli aleatorji msemmijin fil-paragrafu 1, il-punt (c), dwar dikjarazzjonijiet żbaljati tal-ospitanti jew numri tar-reġistrazzjoni invalidi.
3.Il-pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir għandhom jinkludu, f’taqsima speċifika tal-interfaċċa online li tkun direttament u faċilment aċċessibbli, referenza għall-informazzjoni li għandha ssir disponibbli mill-Istati Membri skont l-Artikolu 17(1).
KAPITOLU III
Rapportar tad-data
Artikolu 8
Proċeduri ta’ reġistrazzjoni għar-rapportar tad-data
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tiġi stabbilita jew li tinżamm proċedura ta’ reġistrazzjoni għall-unitajiet li jinsabu f’żona inkluża fil-lista msemmija fl-Artikolu 13(1), il-punt (b).
Artikolu 9
Obbligu fuq pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir sabiex jittrażmettu d-data dwar l-attivitajiet u n-numri tar-reġistrazzjoni
1.Meta elenkar ikun jikkonċerna unità li tinsab f’żona inkluża fil-lista msemmija fl-Artikolu 13(1), il-punt (b), il-fornituri ta’ pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir għandhom jiġbru u, fuq bażi ta’ kull xahar, jittrażmettu lill-Punt ta’ Dħul Uniku Diġitali tal-Istat Membru fejn tinsab l-unità, id-data dwar l-attivitajiet għal kull unità, flimkien man-numru tar-reġistrazzjoni korrispondenti kif ipprovdut mill-ospitant u l-URL tal-elenkar. Dik it-trażmissjoni għandha ssir b’mezzi ta’ komunikazzjoni bejn magna u oħra.
2.B’deroga mill-paragrafu 1, pjattaformi tal-kiri fuq terminu qasir żgħar jew mikro online li, fit-trimestru preċedenti, ma laħqux medja ta’ kull xahar ta’ 2 500 ospitant attiv jew aktar għandhom jittrażmettu d-data dwar l-attivitajiet għal kull unità, flimkien man-numru tar-reġistrazzjoni korrispondenti u mal-URL tal-elenkar, fi tmiem it-trimestru, b’mezzi ta’ komunikazzjoni bejn magna u oħra jew manwalment, għall-Punt ta’ Dħul Uniku Diġitali tal-Istat Membru fejn tinsab l-unità.
Artikolu 10
L-istabbiliment u l-funzjonalitajiet tal-Punti ta’ Dħul Uniċi Diġitali
1.Meta Stat Membru jkun stabbilixxa proċedura ta’ reġistrazzjoni waħda jew aktar skont l-Artikolu 8, dak l-Istat Membru għandu jistabbilixxi Punt ta’ Dħul Uniku Diġitali għar-riċevuta u għat-trażmissjoni tad-data dwar l-attivitajiet, tan-numru tar-reġistrazzjoni rilevanti u tal-URL tal-elenkar ipprovduti minn pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir skont l-Artikolu 9. Dak l-Istat Membru għandu jaħtar l-awtorità li tkun responsabbli għall-operat tal-Punt ta’ Dħul Uniku Diġitali.
2.Il-Punt ta’ Dħul Uniku Diġitali msemmi fil-paragrafu 1 għandu:
(a)jipprovdi interfaċċa teknika għall-pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir li tippermetti t-trażmissjoni bejn magna u oħra u manwali tad-data dwar l-attivitajiet, tan-numru tar-reġistrazzjoni rilevanti u tal-URL tal-elenkar;
(b)jiffaċilita l-kontrolli aleatorji mill-pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir skont l-Artikolu 7(1), il-punt (c) tal-validità tan-numri tar-reġistrazzjoni pprovduti mill-ospitanti;
(c)jipprovdi interfaċċa teknika għall-awtoritajiet kompetenti msemmijin fl-Artikolu 12 sabiex jirċievu data dwar l-attivitajiet, in-numru tar-reġistrazzjoni rilevanti u l-URL tal-elenkar trażmessi minn pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir biss għall-finijiet identifikati fl-Artikolu 12(2) għall-unitajiet fit-territorju tagħhom.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Punt ta’ Dħul Uniku Diġitali msemmi fil-paragrafu 1 jipprovdi għal dawn:
(a)l-interoperabbiltà mar-reġistri msemmijin fl-Artikolu 4(3);
(b)il-possibbiltà li l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-ospitanti terġa’ tintuża skont l-Artikolu 5, jekk l-istess informazzjoni jew dokumentazzjoni tintalab minn diversi reġistri msemmijin fl-Artikolu 4(3) fl-istess Stat Membru;
(c)il-kunfidenzjalità, l-integrità u s-sigurtà tal-ipproċessar tad-data dwar l-attività u n-numri tar-reġistrazzjoni u l-URL tal-elenkar trażmessi minn pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir f’konformità mal-Artikolu 9.
4.Il-Punt ta’ Dħul Uniku Diġitali msemmi fil-paragrafu 1 ma għandux jaħżen informazzjoni li jkun fiha data personali. Għandu jiżgura l-ipproċessar awtomatiku, intermedju u temporanju ta’ data personali li jkun strettament neċessarju għall-fini li jingħata aċċess lill-awtoritajiet imsemmijin fl-Artikolu 12 għad-data dwar l-attivitajiet, għan-numri tar-reġistrazzjoni u għall-URL tal-elenkar ipprovduti minn pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir.
5.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet u proċeduri tekniċi komuni sabiex jiġu żgurati l-interoperabbiltà ta’ soluzzjonijiet għall-funzjonament tal-Punti ta’ Dħul Uniċi Diġitali u l-iskambju mingħajr xkiel tad-data dwar l-attivitajiet, inkluża l-istruttura tan-numri tar-reġistrazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 16(2).
Artikolu 11
Il-koordinazzjoni tal-Punti ta’ Dħul Uniċi Diġitali
1.Kull Stat Membru għandu jaħtar koordinatur nazzjonali. Dawk il-koordinaturi nazzjonali għandhom jaġixxu bħala punti ta’ kuntatt għall-amministrazzjonijiet rispettivi tagħhom għall-kwistjonijiet kollha relatati mal-Punt ta’ Dħul Uniku Diġitali.
Il-koordinatur nazzjonali għal kull Stat Membru għandu jkun responsabbli għall-kuntatti mal-Kummissjoni fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha relatati mal-Punt ta’ Dħul Uniku Diġitali. Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bl-isem u bid-dettalji ta’ kuntatt tal-koordinatur nazzjonali tiegħu. Il-Kummissjoni għandha żżomm u tmantni lista tal-koordinaturi nazzjonali u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom.
2.B’dan huwa stabbilit il-grupp ta’ koordinazzjoni tal-Punti ta’ Dħul Uniċi Diġitali (“il-grupp ta’ koordinazzjoni”). Il-grupp ta’ koordinazzjoni għandu jkun magħmul mill-koordinatur nazzjonali minn kull Stat Membru u għandu jkun presedut mill-Kummissjoni. Il-grupp ta’ koordinazzjoni għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tappoġġa l-funzjonament tal-grupp ta’ koordinazzjoni.
3.Il-grupp ta’ koordinazzjoni għandu jappoġġa l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament rigward il-Punti ta’ Dħul Uniċi Diġitali. B’mod partikolari, il-grupp ta’ koordinazzjoni għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:
(a)jiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar kwistjonijiet relatati mal-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10;
(b)jassisti lill-Kummissjoni fil-promozzjoni tal-użu ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għall-funzjonament tal-Punti ta’ Dħul Uniċi Diġitali u għall-iskambju tad-data;
(c)jassisti lill-Kummissjoni fl-iżvilupp ta’ approċċ komuni għall-format ta’ messaġġi għat-trażmissjoni tad-data dwar l-attivitajiet u tan-numri tar-reġistrazzjoni u struttura komuni tan-numri tar-reġistrazzjoni.
Artikolu 12
Aċċess għad-data
1.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu lista tal-awtoritajiet kompetenti responsabbli għaż-żoni fejn tapplika proċedura ta’ reġistrazzjoni skont l-Artikolu 8.
2.L-aċċess għall-informazzjoni trażmessa skont l-Artikolu 9 għandu jingħata lill-awtorità kompetenti biss meta l-iskop maħsub tal-ipproċessar ikun wieħed minn fost dawn li ġejjin:
(a)il-monitoraġġ tal-konformità mal-proċeduri ta’ reġistrazzjoni msemmijin fl-Artikolu 8;
(b)ir-regoli ta’ implimentazzjoni li jirregolaw l-aċċess għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir u l-forniment tagħhom, dment li dawk ir-regoli ma jkunux diskriminatorji, ikunu proporzjonati u jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni.
3.L-awtoritajiet kompetenti elenkati skont il-paragrafu 1 għandhom iżommu d-data dwar l-attivitajiet b’mod sigur u kunfidenzjali sakemm ikun neċessarju għall-finijiet imsemmijin fil-paragrafu 2 u mhux aktar minn sena wara li jirċivuha. F’konformità mal-liġijiet tal-Istat Membru, dawk l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jikkondividu d-data dwar l-attivitajiet mingħajr kwalunkwe data li tista’ tidentifika lil unitajiet jew lil ospitanti individwali, inklużi n-numri tar-reġistrazzjoni u l-URLs, b’mod partikolari ma’ dawn li ġejjin:
(a)l-awtoritajiet inkarigati mill-iżvilupp ta’ liġijiet, ta’ regolamenti jew ta’ dispożizzjonijiet amministrattivi dwar l-aċċess għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir u l-forniment tagħhom;
(b)entitajiet jew persuni li jwettqu riċerka xjentifika, attivitajiet analitiċi jew li jiżviluppaw mudelli ta’ negozju ġodda, meta dan ikun neċessarju għall-finijiet ta’ dawk l-attivitajiet.
4.L-Istati Membri għandhom jaggregaw id-data dwar l-attivitajiet miksuba skont l-Artikolu 9 u jibagħtuha kull xahar lill-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika u lill-Eurostat għall-finijiet tal-kompilazzjoni tal-istatistika f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Id-data dwar l-attivitajiet għandha tiġi aggregata fil-livell nazzjonali, reġjonali u muniċipali, u għandha tinkludi informazzjoni dwar in-numru totali ta’ unitajiet u dwar in-numru massimu ta’ klijenti li l-unità tista’ takkomoda f’kull subdiviżjoni ġeografika. Dik d-data għandha tiġi diżaggregata skont it-tip ta’ unità kif deskritt fl-Artikolu 5(1), il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jaħtru l-entità nazzjonali responsabbli għall-aggregazzjoni tad-data dwar l-attivitajiet u għat-trażmissjoni tagħha lill-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika u lill-Eurostat.
KAPITOLU IV
Informazzjoni, superviżjoni u infurzar
Artikolu 13
Obbligi ta’ informazzjoni
1.L-Istati Membri għandhom ifasslu u jagħmlu disponibbli, mingħajr ħlas, il-listi li ġejjin:
(a)lista taż-żoni fejn tapplika proċedura ta’ reġistrazzjoni fit-territorju tagħhom;
(b)lista taż-żoni li għalihom l-awtoritajiet kompetenti jkunu talbu data mingħand il-fornituri ta’ pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir.
2.L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippromwovu sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi skont dan ir-Regolament fit-territorji rispettivi tagħhom.
Artikolu 14
Monitoraġġ
Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità, li għandha timmonitorja l-implimentazzjoni tal-obbligi stabbiliti minn dan ir-Regolament fit-territorju tagħhom u tirrapporta dwar din l-implimentazzjoni kull sentejn lill-Kummissjoni.
Artikolu 15
Infurzar
1.Għall-finijiet tal-infurzar tal-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-Regolament, għandu jkun japplika l-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) 2022/2065, u kwalunkwe referenza fih għall-konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2022/2065 għandha titqies li tinkludi l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-Regolament. Sa fejn jingħataw setgħat lill-Kummissjoni skont il-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) 2022/2065, dawn għandhom ikopru wkoll l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-Regolament.
2.L-awtoritajiet maħturin mill-Istat Membru tal-Punt ta’ Dħul Uniku Diġitali rilevanti għandhom ikunu kompetenti sabiex jinfurzaw l-Artikoli 7(2), 7(3) u 9 ta’ dan ir-Regolament.
3.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur minn pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir tal-Artikoli 7(2), 7(3) u 9. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-penali jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
4.Sa [data tal-applikazzjoni tar-Regolament], l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw mal-paragrafu 2 u għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dan mingħajr dewmien.
KAPITOLU V
Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 16
Kumitat
1.Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2.Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 17
Emendi għar-Regolament (UE) 2018/1724
Ir-Regolament (UE) 2018/1724 huwa emendat kif ġej:
1.fl-Anness I, fit-tieni kolonna, fir-ringiela “N. Servizzi”, jiżdied il-punt 4 li ġej:
“4. informazzjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-forniment ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir, inklużi l-listi msemmijin fl-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill […/…] [dwar il-ġbir u l-kondiviżjoni tad-data b’rabta ma’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724]”.
2.l-Anness II huwa emendat kif ġej:
(a)fit-tieni kolonna, fir-ringiela “Il-bidu, it-tmexxija u l-għeluq ta’ negozju”, dan li ġej jiżdied bħala ringiela ġdida:
“Dikjarazzjonijiet mill-ospitanti għal proċeduri ta’ reġistrazzjoni fir-rigward ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir”;
(b)fit-tielet kolonna, fir-ringiela “Il-bidu, it-tmexxija u l-għeluq ta’ negozju”, jiżdied dan li ġej bħala ringiela ġdida:
“Il-ħruġ ta’ numru tar-reġistrazzjoni”.
Artikolu 18
Evalwazzjoni u rieżami
1.Mhux qabel 5 snin wara d-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tevalwa dan ir-Regolament u tissottometti rapport dwar is-sejbiet ewlenin lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Dan ir-rapport għandu jkun ibbażat fuq l-evalwazzjonijiet sottomessi mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali skont l-Artikolu 14.
2.L-evalwazzjoni magħmula skont il-paragrafu 1 għandha tivvaluta b’mod partikolari:
(a)l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq l-obbligi imposti fuq pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir;
(b)l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq id-disponibbiltà ta’ data relatata mal-forniment ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir offruti fl-Unjoni mill-ospitanti permezz ta’ pjattaformi online tal-kirjiet ta’ terminu qasir; u
(c)sa fejn ikun possibbli, l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq il-kontenut u fuq il-proporzjonalità tal-miżuri leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi nazzjonali relatati mal-aċċess għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet ta’ terminu qasir u mal-forniment tagħhom, inkluż meta t-tali servizzi jiġu pprovduti b’mod transfruntier.
Artikolu 19
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika minn [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President